Language of document :

Kawża T-790/21

PL

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

 Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) tal-15 ta’ Novembru 2023

“ Servizz pubbliku – Uffiċjali – Assenjazzjoni mill-ġdid fl-interess tas-servizz – Deċiżjoni b’effett retroattiv adottata sabiex tiġi eżegwita sentenza ta’ qorti tal-Unjoni – Artikolu 266 TFUE – Artikoli 22a u 22c tar-Regolamenti tal-Persunal – Irregolarità tal-proċedura prekontenzjuża – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Dritt għal smigħ – Prinċipju ta’ imparzjalità – Terminu raġonevoli – Dmir ta’ premura – Responsabbiltà – Dannu morali ”

1.      Uffiċjali – Organizzazzjoni tad-dipartimenti – Assenjazzjoni tal-persunal – Assenjazzjoni mill-ġdid – Setgħa ta’ evalwazzjoni tal-amministrazzjoni – Limiti – Interess tas-servizz – Assenjazzjoni mill-ġdid ta’ uffiċjal fl-interess tas-servizz minħabba diffikultajiet relazzjonali – Ammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 7(1))

(ara l-punti 51 sa 53)

2.      Uffiċjali – Drittijiet u obbligi – Denunzja ta’ fatti li jistgħu jwasslu għall-preżunzjoni tal-eżistenza ta’ attività illegali jew nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu gravi – Protezzjoni tal-uffiċjal li kkomunika tali fatti fil-kwalità tiegħu ta’ informatur – Obbligu għall-istituzzjonijiet li jistabbilixxu regoli interni dwar il-ġestjoni tal-ilmenti li joriġinaw minn uffiċjali informaturi – Portata

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 22a (3), 22b u 22c)

(ara l-punti 55, 56, 58, 164 sa 175)

3.      Uffiċjali – Drittijiet u obbligi – Denunzja ta’ fatti li jistgħu jwasslu għall-preżunzjoni tal-eżistenza ta’ attività illegali jew nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu gravi – Assenjazzjoni mill-ġdid tal-uffiċjal li kkomunika tali fatti – Ammissibbiltà – Kundizzjoni – Assenza ta’ rabta bejn l-assenjazzjoni mill-ġdid u d-denunzja magħmula mill-uffiċjal ikkonċernat – Oneru tal-prova

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 22a)

(ara l-punti 57, 182 sa 190)

4.      Rikorsi tal-uffiċjali – Sentenza ta’ annullament – Effetti – Obbligu li jiġu adottati miżuri ta’ eżekuzzjoni – Portata – Teħid inkunsiderazzjoni kemm tal-motivazzjoni kif ukoll tad-dispożittiv tas-sentenza – Annullament ta’ deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid – Adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida ta’ assenjazzjoni mill-ġdid b’effett retroattiv – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet

(Artikolu 266 TFUE)

(ara l-punti 80, 128 sa 131, 133 sa 139)

5.      Drittijiet fundamentali – Karta tad-Drittijiet Fundamentali – Dritt għal amministrazzjoni tajba – Rekwiżit ta’ imparzjalità – Kunċett

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41)

(ara l-punti 100, 145)

6.      Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Osservanza ta’ terminu raġonevoli – Ksur fi proċedura amministrattiva – Effetti

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(1))

(ara l-punti 104, 105, 114, 235)

Sunt

Ir-rikorrent, PL, ġie assenjat bħala kap tat-taqsima fi ħdan delegazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea f’pajjiż terz, b’effett mis-16 ta’ Frar 2012. Din it-taqsima kienet is-suġġett ta’ investigazzjonijiet mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) mibdija fl-2011 u fl-2013.

Fit-3 ta’ Ottubru 2012, ir-rikorrent informa lis-superjuri tiegħu bil-preokkupazzjonijiet tiegħu dwar l-allegati irregolaritajiet fil-ġestjoni u fl-implimentazzjoni ta’ ċerti proġetti.

Wara diversi lmenti li jallegaw aġir mhux xieraq tar-rikorrent u problemi ta’ komunikazzjoni kkawżati mis-sezzjoni tiegħu u minnu stess, dan tal-aħħar ġie assenjat mill-ġdid, permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Diċembru 2012, fis-sede tal-Kummissjoni fi Brussell mill-1 ta’ Jannar 2013 (iktar ’il quddiem l- “ewwel deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid”).

Permezz ta’ sentenza tal-15 ta’ April 2015, il-Qorti Ġenerali annulla l-ewwel deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid minħabba ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrent (1). It-tieni deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid, li għandha l-istess portata b’effett retroattiv ġiet annullata mill-Qorti Ġenerali minħabba n-nuqqas ta’ kompetenza tal-awtur tagħha, fid-dawl tal-protezzjoni mogħtija lir-rikorrent mill-Artikolu 22a tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”) fil-kwalità tiegħu ta’ informatur (2). It-tielet deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid retroattiva ġiet irtirata mill-Kummissjoni, filwaqt li kienet pendenti kawża ġdida, sabiex tiżgura l-eżekuzzjoni tajba tas-sentenza preċedenti tal-Qorti Ġenerali (3).

Permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Frar 2021 (iktar ’il quddiem id- “deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni reġgħet assenjat mill-ġdid lir-rikorrent b’effett retroattiv mill-1 ta’ Jannar 2013.

Fil-kwalità tiegħu ta’ informatur fis-sens tal-Artikolu 22a tar-Regolamenti tal-Persunal, ir-rikorrent ressaq ilment abbażi tal-Artikolu 22c tar-Regolamenti tal-Persunal, li jirregola t-trattament tal-ilmenti mressqa mill-informaturi fil-kuntest tal-proċedura prekontenzjuża. Peress li l-ilment tiegħu ġie parzjalment miċħud, ir-rikorrent ippreżenta rikors għal annullament u għad-danni quddiem il-Qorti Ġenerali.

Permezz taċ-ċaħda tat-talba għal annullament, il-Qorti Ġenerali qiegħda tinterpreta għall-ewwel darba l-Artikolu 22c tar-Regolamenti tal-Persunal u teżamina l-osservanza tar-regoli li jirregolaw l-oneru tal-prova fil-każ ta’ assenjazzjoni mill-ġdid ta’ informatur.

Billi laqgħet parzjalment it-talba għad-danni, il-Qorti Ġenerali tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas lir-rikorrent ammont ta’ EUR 3 000 għad-dannu morali subit minħabba l-ksur tat-terminu raġonevoli fi proċedura amministrattiva.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-Artikolu 22c tar-Regolamenti tal-Persunal, il-Qorti Ġenerali tirrileva li din id-dispożizzjoni ġiet introdotta bl-għan li timponi fuq kull istituzzjoni l-obbligu li tistabbilixxi regoli interni intiżi sabiex jagħtu garanziji lil informaturi, inkluża proċedura għat-trattament tal-ilmenti li jikkonċernaw il-mod kif ġew ittrattati wara jew minħabba li ssodisfaw l-obbligi tagħhom skont l-Artikoli 22a u 22b tar-Regolamenti tal-Persunal. Madankollu, l-imsemmi Artikolu 22c ma jeżiġix li r-regoli kollha applikabbli għall-informaturi, inkluż meta dawn tal-aħħar iressqu lmenti, ikunu previsti f’att wieħed.

F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li, kuntrarjament għal dak li jsostni r-rikorrent, il-Kummissjoni adottat regoli speċifiċi dwar it-trattament tal-ilmenti minn informaturi, skont l-Artikolu 22c tar-Regolamenti tal-Persunal.

Skont dawn ir-regoli, qabel kollox, il-Kummissjoni timpenja ruħha li tirrispetta l-kunfidenzjalità tal-identità tal-informatur u li ma tiżvelax isimu lill-persuni potenzjalment implikati fl-atti sanzjonabbli u lanqas lil kwalunkwe persuna li ma għandhiex bżonn strett li tkun taf, ħlief jekk l-informatur jawtorizza personalment l-iżvelar tal-identità tiegħu jew jekk dan huwa rekwiżit fil-kuntest tal-proċeduri kriminali li jistgħu jirriżultaw mill-imsemmija atti (4). Sussegwentement, dawn ir-regoli jindikaw, b’mod partikolari, l-awtorità kompetenti sabiex tadotta d-deċiżjonijiet ta’ assenjazzjoni mill-ġdid ta’ uffiċjal li ddenunzja funzjonament ħażin u dik kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar l-ilmenti mressqa kontrihom (5). F’dan ir-rigward, la l-Artikolu 22c tar-Regolamenti tal-Persunal u lanqas xi regola interna oħra tal-Kummissjoni ma jeżiġu li l-awtorità kompetenti taġixxi mingħajr l-għajnuna tas-servizzi fl-ipproċessar ta’ dawn l-ilmenti.

Barra minn hekk, skont dawn ir-regoli, l-ilmenti mressqa abbażi tal-Artikolu 22c tar-Regolamenti tal-Persunal għandhom jirċievu, jekk iċ-ċirkustanzi jiġġustifikawh, risposta motivata f’termini inferjuri għal dawk previsti fl-Artikolu 90 tar-Regolamenti tal-Persunal (6). Barra minn hekk, l-aċċess għad-data personali li tinsab fl-ilmenti jingħata biss lill-persunal awtorizzat li għandu bżonn strettament. Huwa previst ukoll li lmenti dwar suġġetti sensittivi ma jiġux diskussi matul il-konsultazzjonijiet bejn is-servizzi (7).

Fl-aħħar nett, dawn ir-regoli jipprevedu li l-ilmenti ta’ informatur jistgħu jiġu ppreżentati bl-għajnuna ta’ formola ta’ introduzzjoni li tirreferi għall-Artikolu 22c tar-Regolamenti tal-Persunal, li jippermetti lill-awtorità kompetenti tidentifika sa mill-preżentata tagħha n-natura sensittiva tagħha u tiggarantixxi l-osservanza tal-miżuri ta’ protezzjoni lill-informaturi. B’hekk, għalkemm il-persuni kkonċernati għandhom jippreżentaw ruħhom mal-istituzzjoni bħala informaturi, huma ma għandhomx l-obbligu li jiddeskrivu fid-dettall in-nuqqasijiet allegati fl-ilmenti tagħhom.

Fit-tieni lok, fir-rigward tar-regoli fil-qasam tal-oneru tal-prova fil-każ ta’ assenjazzjoni mill-ġdid ta’ informatur, il-Qorti Ġenerali tfakkar li, skont il-linji gwida tal-Kummissjoni dwar it-twissija professjonali, hija l-persuna li tieħu miżura sfavorevoli kontra l-informatur li għandha tistabbilixxi li din il-miżura kienet immotivata minn raġunijiet oħra minbarra l-komunikazzjoni ta’ funzjonament ħażin.

F’dan il-każ, il-Kummissjoni ssodisfat l-oneru tal-prova impost fuqha billi stabbilixxiet li l-assenjazzjoni mill-ġdid tar-rikorrent ma kinitx immotivata mid-denunzja ta’ funzjonament ħażin imwettaq minnu, iżda mill-eżistenza ta’ problemi interpersonali mal-kollegi tiegħu u mas-superjuri tiegħu li ppreċedew din id-denunzja.

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-ksur tat-terminu raġonevoli, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li t-tul partikolarment twil tal-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata huwa dovut għall-iżbalji suċċessivi tal-amministrazzjoni. Għalkemm il-ksur tat-terminu raġonevoli ma kellux effett fuq il-kontenut stess ta’ din id-deċiżjoni, dan seta’ joħloq stat ta’ inċertezza u ta’ ansjetà fir-rikorrent dwar is-sitwazzjoni tiegħu, iktar u iktar peress li huwa invoka l-kundizzjoni tiegħu ta’ informatur. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali tilqa’ parzjalment it-talba għad-danni tar-rikorrent.


1      Sentenza tal-15 ta’ April 2015, PL vs Il-Kummissjoni (F-96/13, EU:F:2015:29)


2      Sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2018, PL vs Il-Kummissjoni (T-689/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:925).


3      Permezz ta’ digriet tal-25 ta’ Novembru 2020, PL vs Il-Kummissjoni (IT-308/20, mhux ippubblikat, EU:T:2020:571), il-Qorti Ġenerali kkonstatat li r-rikors ippreżentat mir-rikorrent kontra t-tielet deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid kien sar mingħajr skop wara l-irtirar tiegħu.


4      Komunikazzjoni tal-Viċi-President Šefčovič lill-Kummissjoni tas-6 ta’ Diċembru 2012, SEC (12012) 679 finali, dwar il-linji gwida relatati mal-għoti ta’ informazzjoni fil-każ ta’ irregolaritajiet serji (whistleblowing), (iktar ’il quddiem il-“linji gwida tal-Kummissjoni dwar l-iżvelar ta’ informazzjoni protetta”).


5      Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-eżerċizzju tassetgħat mogħtija mir-Regolamenti tal-Persunal fuq l-awtorità talħatra (AIPN) u mill-Kundizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Impjegati l-Oħra fuq l-awtorità li għandha setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ impjieg (AHCC) kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2014) 9864 finali, tas-16 ta’ Diċembru 2014.


6      Skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, l-awtorità għandha tavża l-persuna kkonċernata bid-deċiżjoni rraġunata tagħha fi żmien erbgħa xhur mid-data ta' meta jsir l-ilment.


7      Informazzjoni amministrattiva Nru 79–2013, tad-19 ta’ Diċembru 2013, dwar it-tressiq ta’ talbiet skont l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, ilmenti skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal u talbiet għal assistenza abbażi tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal.