Language of document : ECLI:EU:C:2024:357

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

25 ta’ April 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport bl-ajru – Imposti tal-ajruporti – Direttiva 2009/12/KE – Artikolu 11(5) – Finanzjament tal-awtorità ta’ superviżjoni indipendenti – Kontribuzzjoni tal-utenti tal-ajruporti – Kriterji ta’ impożizzjoni”

Fil-Kawża C‑204/23,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑24 ta’ Marzu 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑28 ta’ Marzu 2023, fil-proċedura

Autorità di regolazione dei trasporti

vs

Lufthansa Linee Aeree Germaniche,

Austrian Airlines,

Brussels Airlines,

Swiss International Air Lines Ltd,

Lufthansa Cargo,

fil-preżenza ta’:

Presidenza del Consiglio die ministri,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn N. Piçarra (Relatur), President tal-Awla, N. Jääskinen u M. Gavalec, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Lufthansa Linee Aeree Germaniche, Austrian Airlines, Brussels Airlines, Swiss International Air Lines Ltd u Lufthansa Cargo, minn F. L. Arrigoni, avvocato,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn M. De Vergori u minn S. L. Vitale, avvocati dello Stato,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. A. Messina u B. Sasinowska, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 11(5) tad-Direttiva 2009/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Marzu 2009 dwar l-imposti tal-ajruporti (ĠU 2009, L 70, p. 11).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn l-Autorità di regolazione dei trasporti (Awtorità ta’ superviżjoni tat-trasporti, l-Italja) (iktar ’il quddiem l-“awtorità ta’ superviżjoni”) minn naħa, u Lufthansa Linee Aeree Germaniche, Austrian Airlines, Brussels Airlines, Swiss International Air Lines Ltd et Lufthansa Cargo (iktar ’il quddiem, l-“utenti tal-ajruporti kkonċernati”), min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-validità ta’ deċiżjoni tal-awtorità ta’ superviżjoni li tistabbilixxi l-ammont u l-modalitajiet ta’ ħlas tal-kontribuzzjoni intiża għall-finanzjament ta’ din l-awtorità għas-sena 2019.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessa 12 tad-Direttiva 2009/12 tiddikjara:

“Sabiex jiġu żgurati deċiżjonijiet imparzjali u l-applikazzjoni korretta u effikaċi ta’ din id-Direttiva għandha tiġi stabbilita awtorità ta’ superviżjoni indipendenti f’kull Stat Membru. L-awtorità għandha jkollha r-riżorsi kollha meħtieġa relattivament għall-persunal, kompetenza esperta, u mezzi finanzjarji għat-twettiq tal-kompiti tagħha.”

4        L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

[...]

(2)      ‘korp ta’ tmexxija tal-ajruport’ tfisser korp li, konġuntement ma’ attivitajiet oħrajn, jew mingħajr dawn l-attivitajiet, kif ikun jeħtieġ il-każ, ikollu bħala l-objettiv tiegħu, taħt il-liġijiet, ir-regolamenti jew il-kuntratti nazzjonali, l-amministrazzjoni u l-ġestjoni tal-infrastrutturi tal-ajruport jew tan-network ta’ ajruporti u l-koordinazzjoni u l-kontroll tal-attivitjiet tal-operaturi differenti preżenti fl-ajruporti jew fin-network ta’ ajruporti konċernati;

(3)      ‘utent tal-ajruport’ tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika responsabbli għall-ġarr ta’ passiġġieri, posta u/jew merkanzija bl-ajru lejn, jew minn, l-ajruport konċernat;

(4)      ‘imposta tal-ajruport’ tfisser levy miġbura għall-benefiċċju tal-korp ta’ tmexxija ta’ ajruport u mħallsa mill-utenti tal-ajruport għall-użu ta’ faċiltajiet u servizzi, li jiġu provduti esklussivament mill-korp ta’ tmexxija ta’ ajruport u li jkunu relatati mal-inżul, it-tlugħ, movimenti fl-art u pparkjar ta’ inġenji tal-ajru, u l-ipproċessar ta’ passiġġieri u merkanzija;

[...]”

5        Skont l-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Non-diskriminazzjoni”, “[l]-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-imposti tal-ajruport ma jiddiskriminawx bejn l-utenti tal-ajruport, konformement mal-liġi Komunitarja”.

6        L-Artikolu 11 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Awtorità ta’ superviżjoni indipendenti”, jipprovdi, fil-paragrafi 3 u 5 tiegħu:

“3.      L-Istati Membri għandhom jiggarantixxu l-indipendenza tal-awtorità ta’ superviżjoni indipendenti billi jiżguraw li din tkun ġuridikament distinta minn u funzjonalment indipendenti minn kwalunke korp ta’ tmexxija ta’ ajruport u trasportatur bl-ajru. L-Istati Membri li jkollhom proprjetà ta’ ajruporti, ta’ korpi ta’ tmexxija tal-ajruporti jew ta’ trasportaturi bl-ajru jew li jkollhom il-kontroll ta’ korpi ta’ tmexxija tal-ajruporti jew ta’ trasportaturi bl-ajru għandhom jiżguraw li l-funzjonijiet relatati ma’ tali dritt ta’ proprjetà jew kontroll ma jingħatawx lill-awtorità ta’ superviżjoni indipendenti. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità ta’ superviżjoni indipendenti teżerċita s-setgħat tagħha b’mod imparzjali u trasparenti.

[...]

5.      L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu mekkaniżmu ta’ finanzjament għall-awtorità ta’ superviżjoni indipendenti, li jista’ jinkludi l-ġbir ta’ imposta mingħand l-utenti tal-ajruporti u l-korpi ta’ tmexxija tal-ajruporti.”

 Id-dritt Taljan

7        L-Artikolu 37(6)(b) tad-decreto legge n. 201 – Disposizioni urgenti per la crescita, l’equità e il consolidamento dei conti pubblici (id-Digriet Liġi Nru 201 li Jipprovdi Dispożizzjonijiet Urġenti għat-Tkabbir, l-Ekwità u l-Konsolidament tal-Kontijiet Pubbliċi), tas‑6 ta’ Diċembru 2011 (GURI Nru 284, tas‑6 ta’ Diċembru 2011, supplement ordinarju Nru 251), ikkonvertit f’liġi, bl-emendi, permezz tal-legge n. 214 (il-Liġi Nru 214), tat‑22 ta’ Diċembru 2011 (GURI Nru 300, tas‑27 ta’ Diċembru 2011, suppliment ordinarju Nru 276), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 213/2011”), jipprovdi:

“Dispożizzjoni qed issir għall-eżerċizzju tal-poteri previsti fil-paragrafu 2 u tal-attivitajiet previsti fil-paragrafu 3, kif ukoll għall-eżerċizzju tal-poteri u l-attivitajiet l-oħra attribwiti bil-liġi, kif ġej:

[...]

b)      permezz ta’ kontribuzzjoni, imħallsa mill-operaturi ekonomiċi li joperaw fis-settur tat-trasport u li għalihom l-awtorità [ta’ superviżjoni] konkretament ħadet azzjoni, fis-suq fejn joperaw, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi jew fit-twettiq tal-attivitajiet previsti mil-liġi, li ma teċċedix il-wieħed fil-elf tad-dħul mill-bejgħ provenjenti mill-eżerċizzju tal-attivitajiet imwettqa, miġbura matul l-aħħar sena taxxabbli, u billi jiġu previsti limiti ta’ eżenzjoni li jieħdu inkunsiderazzjoni l-importanza tad-dħul mill-bejgħ. Id-dħul mill-bejgħ għandu jiġi kkalkolat b’mod li tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-kontribuzzjonijiet. L-ammont tal-kontribuzzjoni huwa ddeterminat kull sena permezz ta’ att tal-Awtorità [ta’ superviżjoni], sottomess għall-approvazzjoni tal-President tal-Kunsill tal-Ministri, bi ftehim mal-Ministru għall-Ekonomija u għall-Finanzi. Rimarki jistgħu jiġu indirizzati, f’terminu ta’ tletin jum, lill-Awtorità [ta’ superviżjoni], li timxi magħhom. Fl-assenza ta’ rimarki, l-att jitqies li ġie approvat.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

8        Fid‑19 ta’ Diċembru 2018, l-awtorità ta’ superviżjoni adottat, fuq il-bażi tal-Artikolu 37(6)(b) tal-Liġi Nru 214/2011, deċiżjoni li tiffissa l-ammont u l-modalitajiet ta’ ħlas tal-kontribuzzjoni dovuta lil din l-awtorità mill-utenti tal-ajruporti għas-sena 2019.

9        L-utenti tal-ajruporti adixxew lit-Tribunale amministrativo regionale per il Piemonte (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali għall-Piemonte, l-Italja) b’rikors kontra din id-deċiżjoni.

10      Ladarba din il-qorti laqgħet ir-rikorsi tagħhom, l-awtorità superviżorja ppreżentat appell quddiem il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), il-qorti tar-rinviju, billi sostniet, minn naħa, li l-operaturi ekonomiċi fis-settur tat-trasport jaqgħu taħt il-grupp tal-entitajiet li għandhom obbligu jħallsu l-kontribuzzjoni prevista fl-Artikolu 37(6)(b) tal-Liġi Nru 214/2011 u, min-naħa l-oħra, li, fis-settur tal-avjazzjoni, irregolat bid-Direttiva 2009/12, l-eżerċizzju tal-kompetenzi tal-awtorità ta’ superviżjoni huwa indirizzat kemm lill-korpi ta’ tmexxija tal-ajruporti kif ukoll lill-utenti tal-ajruporti.

11      Min-naħa tagħhom, l-utenti tal-ajruporti kkonċernati jsostnu li l-kontribuzzjoni, ibbażata fuq id-dħul mill-bejgħ, li għaliha huma suġġetti bis-saħħa tal-imsemmija deċiżjoni tal-awtorità ta’ superviżjoni, tikkostitwixxi taxxa ġenerali mhux suġġetta għall-provvista ta’ servizz speċifiku, kuntrarjament għall-imposta msemmija fl-Artikolu 11(5) tad-Direttiva 2009/12. Konsegwentement, il-leġiżlazzjoni Taljana hija kuntrarja għal dan l-Artikolu 11(5) sa fejn tipprevedi kontribuzzjoni intiża li tkopri l-ispejjeż kollha ta’ din l-awtorità, mingħajr ma torbotha mal-ispejjeż ta’ operat reali. Barra minn hekk, kieku l-utenti kollha tal-ajruporti, u mhux biss dawk li huma stabbiliti fl-Istat Membru li fih tinsab l-awtorità ta’ superviżjoni kkonċernata jew ikkostitwiti konformement mad-dritt ta’ dan l-Istat Membru, kellhom obbligu jikkontribwixxu għall-finanzjament tal-awtoritajiet ta’ superviżjoni f’numru ta’ Stati Membri, dan jagħti lok fil-konfront tagħhom għal multiplikazzjoni anormali tal-ispejjeż u jkun kuntrarju għall-ispirtu ta’ din id-direttiva.

12      Il-qorti tar-rinviju tqis li l-Artikolu 37(6)(b) tal-Liġi Nru 214/2011 ma huwiex, prima facie, kuntrarju għad-dritt tal-Unjoni, sa fejn, bis-saħħa tal-Artikolu 11(3) u (5) tad-Direttiva 2009/12, l-Istati Membri għandhom dritt jiżguraw il-finanzjament tal-awtoritajiet ta’ superviżjoni billi jimponu kontribuzzjoni għal dan il-finanzjament lill-utenti tal-ajruporti.

13      Filwaqt li taċċetta li imposta tal-ajruporti hija distinta minn kontribuzzjonijiet mhux marbuta ma’ servizz speċifiku, inkwantu din hija l-korrispettiv ta’ provvista ta’ servizz, din il-qorti tosserva li l-mekkaniżmu ta’ finanzjament “li jista’ jinkludi l-ġbir ta’ imposta”, previst f’dan l-Artikolu 11(5), ma jeskludix forma ta’ finanzjament indipendenti minn korrispettiv speċifiku. Fi kwalunkwe każ, skont l-imsemmija qorti, il-prassi nazzjonali tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-proċedura maqsuma f’numru ta’ fażijiet stabbilita fl-Artikolu 37(6)(b) tal-Liġi Nru 214/2011, il-korrelazzjoni bejn l-ammont tal-kontribuzzjoni inkwistjoni u l-ispejjeż ta’ funzjonament tal-awtorità ta’ superviżjoni.

14      Il-qorti tar-rinviju żżid li l-introduzzjoni ta’ qafas komuni għall-imposti tal-ajruporti, prevista mid-Direttiva 2009/12, hija intiża li tiżgura trattament uniformi mhux biss bejn il-korpi ta’ tmexxija tal-ajruporti tal-Unjoni Ewropea, iżda wkoll bejn l-utenti tal-ajruporti, bħat-trasportaturi tal-ajru. Minn dan hija tiddeduċi li limitazzjoni eventwali tal-kontribuzzjoni inkwistjoni għall-utenti tal-ajruporti li għandhom is-sede tagħhom fit-territorju nazzjonali tista’ toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni.

15      Huwa f’dan iċ-ċirkustanzi li l-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 11(5) tad-[Direttiva 2009/12] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-finanzjament tal-Awtorità [ta’ superviżjoni] għandu jsir biss permezz tal-impożizzjoni ta’ taxxi ajurportwali jew dan ma jistax isir lanqas permezz ta’ forom oħra ta’ finanzjament bħall-impożizzjoni ta’ kontribuzzjoni ([il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat)] iqis li l-ġbir tas-somom intiżi għall-finanzjament tal-Awtorità [ta’ superviżjoni] permezz ta’ dazji [imposti tal-ajruporti] huwa sempliċi għażla għall-Istati Membri)?

2)      Id-dazji [imposti] jew il-kontribuzzjoni li jistgħu jiġu imposti għall-finanzjament tal-awtorità superviżorja skont l-Artikolu 11(5) tad-Direttiva 2009/12 għandhom jirrigwardaw biss servizzi u spejjeż speċifiċi – fi kwalunkwe każ mhux indikati fid-Direttiva – jew il-korrelazzjoni tagħhom mal-ispejjeż ta’ operazzjoni tal-Awtorità [ta’ superviżjoni] hekk kif jirriżultaw mill-kontijiet mibgħuta u awditjati minn awtorità pubblika ma hijiex biżżejjed?

3)      L-Artikolu 11(5) tad-Direttiva 2009/12 għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dazji jistgħu jiġu imposti biss fuq persuni residenti jew ikkostitwiti skont id-dritt tal-Istat li stabbilixxa l-Awtorità [ta’ superviżjoni], u dan jista’ japplika wkoll fil-każ ta’ kontribuzzjonijiet imposti għall-operazzjoni [ta’ din l-]Awtorità?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel u t-tieni domanda

16      Permezz tal-ewwel u t-tieni domanda, li jeħtieġ li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 11(5) tad-Direttiva 2009/12 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha l-finanzjament tal-awtorità ta’ superviżjoni indipendenti jiġi żgurat permezz tal-ġbir, mingħand l-utenti tal-ajruporti, ta’ kontribuzzjoni li l-ammont tiegħu ma għandux korrelazzjoni mal-ispiża tas-servizzi pprovduti minn din l-awtorità.

17      Skont l-Artikolu 11(5) tad-Direttiva 2009/12, “[l]-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu mekkaniżmu ta’ finanzjament għall-awtorità ta’ superviżjoni indipendenti, li jista’ jinkludi l-ġbir ta’ imposta mingħand l-utenti tal-ajruporti u l-korpi ta’ tmexxija tal-ajruporti”.

18      Fl-ewwel lok, jeħtieġ li jiġi osservat li l-“imposta”, imsemmija f’din id-dispożizzjoni, ma hijiex l-“imposta tal-ajruporti”, fis-sens tal-punt 4 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, minn naħa, din l-imposta tal-ajruporti tinġabar “għall-benefiċċju tal-korp ta’ tmexxija ta’ ajruport”, liema korp huwa ddefinit fil-punt 2 ta’ dan l-Artikolu 2, filwaqt li “imposta” msemmija fl-Artikolu 11(5) tal-imsemmija direttiva tista’ tinġabar b’mod partikolari minn korpi ta’ tmexxija ta’ ajruport. Min-naħa l-oħra, il-korrispettiv tal-“imposta tal-ajruport”, fis-sens tal-imsemmi punt 4 tal-Artikolu 2 kien ikkostitwit mill-“użu ta’ faċiltajiet u servizzi, li jiġu provduti esklussivament mill-korp ta’ tmexxija ta’ ajruport u li jkunu relatati mal-inżul, it-tlugħ, movimenti fl-art u pparkjar ta’ inġenji tal-ajru, u l-ipproċessar ta’ passiġġieri u merkanzija”. Għaldaqstant il-provvista ta’ dawn is-servizzi ma taqax taħt il-kompetenza ta’ “Awtorità ta’ superviżjoni indipendenti”, imsemmija fl-Artikolu 11 tal-istess direttiva.

19      Fit-tieni lok, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 11(5) tad-Direttiva 2009/12 jirriżulta b’mod ċar li l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu ta’ finanzjament tal-awtoritajiet ta’ superviżjoni huwa fakultattiv u mhux obbligatorju għall-Istati Membri. L-istess jgħodd għall-ġbir, għall-finijiet ta’ dan il-finanzjament, ta’ imposta mingħand l-utenti tal-ajruporti, hekk kif iddefiniti fil-punt 3 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva.

20      Għaldaqstant meta l-Istati Membri jiddeċiedu, konformement mal-Artikolu 11(5) tad-Direttiva 2009/12, li jistabbilixxu mekkaniżmu ta’ finanzjament tal-awtoritajiet ta’ superviżjoni tagħhom, dawn ma humiex marbuta jistabbilixxu korrelazzjoni bejn, minn naħa, l-ammont tal-kontribuzzjoni li huma jimponu lill-utenti tal-ajruporti u lill-korpi ta’ tmexxija tal-ajruporti u, min-naħa l-oħra, l-ispiża tas-servizzi mogħtija minn tali awtorità.

21      Madankollu, meta jiġi stabbilit tali mekkaniżmu, l-Istati Membri għandhom josservaw il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, bħall-prinċipju ta’ proporzjonalità u l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑23 ta’ April 2009, Angelidaki et, C‑378/07 sa C‑380/07, EU:C:2009:250, punti 83 u 85, kif ukoll tal‑5 ta’ Mejju 2011, Ze Fu Fleischhandel u Vion Trading, C‑201/10 u C‑202/10, EU:C:2011:282, punt 37).

22      Konformement mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-leġiżlazzjoni nazzjonali li timplimenta mekkaniżmu ta’ finanzjament għall-awtorità ta’ finanzjament għall-awtorità ta’ superviżjoni, taħt l-Artikolu 11(5) tad-Direttiva 2009/12, ma għandhiex tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex jintlaħaq l-għan imsemmi f’din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Frar 2018, Lloyd’s of London, C‑144/17, EU:C:2018:78, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata), jiġifieri, kif jirriżulta mill-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu 11, moqri fid-dawl tal-premessa 12 ta’ din id-direttiva, li din l-awtorità tiġi mogħnija b’riżorsi f’persunal, kompetenzi tekniċi u mezzi finanzjarji tali li jippermettulha teżerċita l-funzjonijiet tagħha b’mod imparzjali, trasparenti u b’indipendenza sħiħa.

23      Fir-rigward tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bejn l-utenti tal-ajruporti, din hija ddikjarata fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/12 fir-rigward tal-imposti tal-ajruporti, fis-sens tal-punt 4 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, u tirriżulta direttament mill-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni fir-rigward tal-imposti jew tal-kontribuzzjonijiet imposti fuq dawn l-utenti taħt l-Artikolu 11(5) tal-imsemmija direttiva.

24      Fid-dawl tar-raġunijiet preċedenti, hemm lok li r-risposta għall-ewwel u t-tieni domanda tkun li l-Artikolu 11(5) tad-Direttiva 2009/12 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha l-finanzjament tal-awtorità ta’ superviżjoni indipendenti jiġi żgurat permezz tal-ġbir, mingħand l-utenti tal-ajruporti, ta’ kontribuzzjoni li l-ammont tiegħu ma għandux korrelazzjoni mal-ispiża tas-servizzi pprovduti minn din l-awtorità, sakemm tali leġiżlazzjoni tkun konformi mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ nondiskriminazzjoni.

 Fuq it-tielet domanda

25      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 11(5) tad-Direttiva 2009/12 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha l-finanzjament tal-awtorità ta’ superviżjoni indipendenti jiġi żgurat permezz tal-ġbir ta’ kontribuzzjoni mingħand l-utenti tal-ajruporti, anki jekk dawn ma jkunux stabbiliti fl-Istat Membru li fih tinsab din l-awtorità jew ma jkunux ikkostitwiti konformement mad-dritt ta’ dan l-Istat Membru.

26      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, fl-ewwel lok, li l-Artikolu 11(5) tad-Direttiva 2009/12 ma jillimitax l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ finanzjament tal-awtorità ta’ superviżjoni indipendenti għal ċerti kategoriji ta’ utenti tal-ajruporti, skont l-istabbiliment tagħhom fl-Istat Membru kkonċernat jew il-kostituzzjoni tagħhom konformement mad-dritt ta’ dan l-Istat Membru.

27      Fit-tieni lok, kif osservaw, essenzjalment, kemm il-qorti tar-rinviju kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, limitazzjoni tal-kontribuzzjonijiet imposti bħala finanzjament tal-awtorità ta’ superviżjoni indipendenti ta’ Stat Membru biss fuq l-utenti tal-ajruporti li għandhom is-sede tagħhom fit-territorju tiegħu, ġaladarba teżenta minn tali kontribuzzjonijiet lill-utenti tal-ajruporti li għandhom is-sede tagħhom fi Stat Membru ieħor, filwaqt li dawn l-utenti jużaw l-ajruporti tal-ewwel Stat Membru, jista’ joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn dawn iż-żewġ kategoriji ta’ utenti tal-ajruporti.

28      Fid-dawl tal-punti preċedenti, jeħtieġ li r-risposta għat-tielet domanda tkun li l-Artikolu 11(5) tad-Direttiva 2009/12 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha l-finanzjament tal-awtorità ta’ superviżjoni indipendenti jiġi żgurat permezz tal-ġbir ta’ kontribuzzjoni mingħand l-utenti tal-ajruporti, anki jekk dawn ma jkunux stabbiliti fl-Istat Membru li fih tinsab din l-awtorità jew ma jkunux ikkostitwiti konformement mad-dritt ta’ dan l-Istat Membru.

 Fuq l-ispejjeż

29      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 11(5) tad-Direttiva 2009/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal11 ta’ Marzu 2009 dwar l-imposti tal-ajruporti,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha l-finanzjament tal-awtorità ta’ superviżjoni indipendenti jiġi żgurat permezz tal-ġbir, mingħand l-utenti tal-ajruporti, ta’ kontribuzzjoni li l-ammont tiegħu ma għandux korrelazzjoni mal-ispiża tas-servizzi pprovduti minn din l-awtorità, sakemm tali leġiżlazzjoni tkun konformi mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ nondiskriminazzjoni.

2)      L-Artikolu 11(5) tad-Direttiva 2009/12

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha l-finanzjament tal-awtorità ta’ superviżjoni indipendenti jiġi żgurat permezz tal-ġbir ta’ kontribuzzjoni mingħand l-utenti tal-ajruporti, anki jekk dawn ma jkunux stabbiliti fl-Istat Membru li fih tinsab din l-awtorità jew ma jkunux ikkostitwiti konformement mad-dritt ta’ dan l-Istat Membru.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: it-Taljan.