Language of document : ECLI:EU:T:2008:315

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tielet Awla Estiża)

9 ta’ Settembru 2008 (*)

“Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità – Kompetizzjoni – Deċiżjoni li tiddikjara konċentrazzjoni inkompatibbli mas-suq komuni – Annullament ta’ deċiżjoni permezz ta’ sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza – Ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li hija intiża li tagħti drittijiet lill-individwi”

Fil-kawża T-212/03,

MyTravel Group plc, stabbilita f’Rochdale, Lancashire (Ir-Renju Unit), irrappreżentata minn D. Pannick, QC, M. Nicholson u S. Cardell, solicitors, A. Lewis, barrister, u R. Gillis, QC,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, inizjalment irrappreżentata minn R. Lyal, A. Whelan u P. Hellström, wara minn R. Lyal u F. Arbault, bħala aġenti

konvenuta,

sostnuta minn

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, rappreżentata minn W.-D. Plessing u M. Lumma, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett rikors għad-danni allegatament subiti mir-rikorrenti minħabba illegalitajiet fil-proċedura ta’ kontroll tal-kompatibbiltà mas-suq komuni tal-konċentrazzjoni bejnha u First Choice plc,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tielet Awla Estiża),

komposta minn J. Azizi, President, J. D. Cooke, E. Cremona, I. Labucka u S. Frimodt Nielsen (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: C. Kantza, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-29 ta’ April u tal-20 ta’ Mejju 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fid-29 ta’ April 1999, ir-rikorrenti, kumpannija tal-ivvjaġġar Britannika Airtours plc, li mbagħad saret MyTravel Group plc, ħabbret l-intenzjoni tagħha li takkwista l-kapital kollu ta’ First Choice plc, waħda mill-kompetituri tagħha fir-Renju Unit, fis-suq tal-ishma. Fl-istess jum, ir-rikorrenti nnotifikat lill-Kummissjoni bil-konċentrazzjoni proposta sabiex tinkiseb deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni fuq il-bażi tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89 tal-21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (verżjoni rettifikata ĠU 1990 L 257, p. 13), emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1310/97 tat-30 ta’ Ġunju 1997 (ĠU L 180, p. 1).

2        B’deċiżjoni tat-3 ta’ Ġunju 1999, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li l-konċentrazzjoni tqajjem dubji serji fir-rigward tal-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni u ddeċidiet li tibda proċeduri ta’ eżami approfondit, skont l-Artikolu 6(1)(c), tar-Regolament Nru 4064/89.

3        Fid-9 ta’ Lulju 1999, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 4064/89, li fiha hija spjegat ir-raġunijiet għalfejn tikkunsidra, prima facie, li l-konċentrazzjoni prevista toħloq pożizzjoni dominanti kollettiva fis-suq Britanniku tal-vaganzi kollox inkluż (package travel) f’destinazzjonijiet barranin fil-qrib. Ir-rikorrenti rrispondiet għal dik id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet fil-25 ta’ Lulju 1999.

4        Fis-6 ta’ Settembru 1999, il-Kummissjoni talbet l-opinjoni ta’ terzi interessati fir-rigward ta’ sensiela ta’ proposti ta’ impenji ppreżentati mir-rikorrenti, li ġew ifformalizzati minn din fis-7 ta’ Settembru 1999. Dawn it-terzi kellhom sat-8 ta’ Settembru 1999 sabiex iwieġbu u r-risposti tagħhom ma ppermettewx lill-Kummissjoni telimina l-preokkupazzjonijiet tagħha.

5        Fid-9 ta’ Settembru 1999, il-maġġoranza tal-membri tal-kumitat konsultattiv dwar il-konċentrazzjonijiet ikkunsidrat li l-impenji ppreżentati mir-rikorrenti ma kinux tali li jeliminaw il-preokkupazzjonijiet fir-rigward tal-kompetizzjoni identifikati f’dan l-istadju mill-Kummissjoni.

6        L-impenji msemmija iktar ’il fuq ġew ippreżentati fit-terminu ta’ tliet xhur, mill-ftuħ tal-proċedura ta’ eżami approfondit, previst fl-Artikolu 18(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 447/98, tal-1 Marzu 1998, dwar n-notifiki, perijodi ta’ żmien u smiegħ tal-partijiet li hemm provduti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89 (ĠU L 61, p. 1), sabiex jippermetti lill-impriżi kkonċernati jippreżentaw lill-Kummissjoni l-impenji li huma jkunu jridu li jiġu kkunsidrati f’deċiżjoni bbażata fuq l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 4064/89. Dan it-terminu ta’ tliet xhur skada fis-7 ta’ Settembru 1999.

7        Fl-14 ta’ Settembru 1999, ir-rikorrenti kkomunikat lill-Kummissjoni sensiela ġdida ta’ proposti ta’ impenji bbażati fuq il-verżjoni preċedenti. Saret laqgħa fil-Kummissjoni fil-15 ta’ Settembru 1999 sabiex jiġu diskussi dawn il-proposti, u wara din il-laqgħa, ir-rikorrenti ppreżentat lill-Kummissjoni ġabra sħiħa ta’ proposti ta’ impenji riveduti.

8        Fis-16 ta’ Settembru 1999, ir-rikorrenti talbet proroga tat-terminu ta’ tliet xhur previst fl-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 447/98, li, f’ċerti każijiet eċċezzjonali, tista’ tingħata mill-Kummissjoni. F’dan il-każ, ir-rikorrenti qajjmet tliet każijiet eċċezzjonali skont dik id-dispożizzjoni: id-diffikultajiet marbuta mat-tfittxija ta’ soluzzjoni adegwata; il-fatt li hija kienet ipparteċipat fi djalogu kostruttiv fil-proċedura amministrattiva; il-bidliet fi ħdan il-Kummissjoni f’dak iż-żmien.

9        Fit-22 ta’ Settembru 1999, jiġifieri ħmistax-il ġurnata qabel it-tmiem tat-terminu ta’ erba’ xhur mill-ftuħ tal-proċedura ta’ eżami approfondit previst fl-Artikolu 10(3) tar-Regolament Nru 4064/89 bħala t-terminu massimu sabiex tiġi adottata deċiżjoni skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 4064/89 – li kellu jiskadi fil-5 ta’ Ottubru 1999 – il-Kummissjoni ddikjarat din il-konċentrazzjoni bħala inkompatibbli mas-suq komuni u mal-Ftehim ŻEE permezz tad-Deċiżjoni 2000/276/KE (Każ IV/M.1524 – Airtours/First Choice) (ĠU 2000 L 93, p. 1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni Airtours”).

10      Il-Kummissjoni ssostni fil-premessa 193 tad-deċiżjoni Airtours li din l-impriża ppreżentat xi impenji fi stadju tard ħafna tal-proċedura (fil-15 ta’ Settembru 1999). Hija sostniet ukoll hemmhekk li dawk l-impenji ma kien fihom ebda element li r-rikorrenti ma setgħetx tinkludi f’impenji ppreżentati fit-terminu ta’ tliet xhur previst fl-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 447/98, li r-rikorrenti ma ressqet ebda raġuni li setgħet tkun ikkunsidrata bħala “każ eċċezzjonali” li minħabba fih jista’ jerġa’ jibda jiddekorri t-terminu ta’ tliet xhur skont id-dispożizzjoni ċċitata u li hija stess m’għadx kellha żmien biżżejjed sabiex teżamina dawk l-impenji b’mod sodisfaċjenti.

11      Ir-rikorrenti ressqet rikors għall-annullament tad-deċiżjoni Airtours. B’sentenza tas-6 ta’ Ġunju 2002, Airtours vs Il-Kummissjoni (T‑342/99, Ġabra p. II–2585, iktar ’il quddiem is-“sentenza Airtours”), il-Qorti tal-Prim’Istanza annullat din id-deċiżjoni, billi ddikjarat fondat it-tielet motiv, li jittratta l-legalità tal-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tal-effetti tal-konċentrazzjoni Airtours/First Choice fuq il-kompetizzjoni fis-suq komuni, mingħajr ma kkunsidrat neċessarju li jiġi eżaminat ir-raba’ motiv, li jirrigwarda l-legalità tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tal-impenji ppreżentati fil-proċedura amministrattiva.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

12      B’att imressaq fit-18 ta’ Ġunju 2003, ir-rikorrenti ppreżentat ir-rikors preżenti.

13      B’deċiżjoni tat-22 ta’ Lulju 2003, il-kawża ġiet assenjata lil kulleġġ ġudikanti estiż.

14      B’digriet tat-13 ta’ Novembru 2003, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tħalliet tintervjeni fil-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

15      B’ittra tat-22 ta’ Marzu 2004, il-Kummissjoni talbet lill-Qorti tal-Prim’Istanza teżiġi mir-rikorrenti li tiggarantixxi l-ħlas eventuali tal-ispejjeż tal-Kummissjoni għal ammont ta’ EUR 1,5 miljun. Il-Qorti tal-Prim’Istanza infurmat lill-Kummissjoni li ma kien hemm ebda bażi legali għal garanzija bħal din.

16      B’ittra tal-14 ta’ Lulju 2004, ir-rikorrenti talbet lill-Qorti tal-Prim’Istanza tadotta miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura sabiex jintbagħtilha r-rapport tal-grupp ta’ ħidma mwaqqaf mill-Kummissjoni sabiex jiġu evalwati r-riperkussjonijiet tas-sentenza Airtours, iċċitata iktar ’il fuq fil-punt 11, kif ukoll id-dokumenti li huma ċċitati fih. B’ittra tad-9 ta’ Diċembru 2004, il-Kummissjoni ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq din it-talba fejn indikat li dawn id-dokumenti jistgħu jkunu l-oġġett ta’ talba ppreżentata fuq il-bażi tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, p. 43).

17      Wara din it-talba għal aċċess għad-dokumenti, ir-rikorrenti talbet mill-ġdid lill-Qorti tal-Prim’Istanza, b’ittra tad-9 ta’ Jannar 2006, sabiex tadotta miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura fil-kuntest tar-rikors preżenti sabiex b’mod partikolari tordna li jingħata mill-Kummissjoni r-rapport tal-grupp ta’ ħidma u xi dokumenti relatati. F’din l-ittra, ir-rikorrenti pproponiet ukoll li l-kwistjoni tal-evalwazzjoni tad-danni li tagħhom kien qed jintalab kumpens tiġi limitata għall-perijodu ta’ tliet snin li jissepara d-deċiżjoni Airtours mis-sentenza Airtours, iċċitata iktar ’il fuq fil-punt 11. B’ittra tas-17 ta’ Frar 2006, il-Kummissjoni ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq din it-tieni talba.

18      Fl-istess waqt, permezz ta’ deċiżjonijiet tal-5 ta’ Settembru u tat-12 ta’ Ottubru 2005, il-Kummissjoni rrifjutat li tagħti lir-rikorrenti l-aċċess, skont ir-Regolament Nru 1049/2001, għal ċerti dokumenti preparatorji għad-deċiżjoni Airtours kif ukoll għal dokumenti redatti mid-dipartimenti tagħha wara l-annullament ta’ din id-deċiżjoni permezz tas-sentenza Airtours, iċċitata iktar ’il fuq fil-punt 11. Ir-rikorrenti ppreżentat rikors għall-annullament ta’ dawk id-deċiżjonijiet (Kawża T-403/05, MyTravel Group vs Il-Kummissjoni).

19      Fuq rapport tal-Imħallef relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tielet Awla estiża) ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-partijiet intalbu jirrispondu sensiela ta’ domandi.

20      B’ittra tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja tal-25 ta’ Frar 2008 u b’ittri tar-rikorrenti u tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Marzu 2008, il-partijiet ippreżentaw ir-risposti tagħhom għad-domandi tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

21      Instemgħu t-trattazzjoni u r-risposti tal-partijiet għad-domandi magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza fis-seduti tad-29 ta’ April u tal-20 ta’ Mejju 2008.

22      Fis-seduta tad-29 ta’ April 2008, il-Qorti tal-Prim’Istanza ordnat lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 65(b), u t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 67(3) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, tipproduċi d-dokumenti kollha fil-pussess tagħha, relattivi għall-evalwazzjoni tal-impenji ppreżentati fil-15 ta’ Settembru 1999, li ġew redatti bejn din id-data u d-data li fiha d-deċiżjoni Airtours ġiet adottata, jiġifieri t-22 ta’ Settembru 1999.

23      Il-Kummissjoni ssodisfat din it-talba billi forniet żewġ dokumenti fis-seduta tad-29 ta’ April 2008 u bosta dokumenti oħra wara din is-seduta.

24      Fit-terminu previst għal dan il-għan mill-Qorti tal-Prim’Istanza, ir-rikorrenti ppreżentat il-kummenti tagħha fuq id-dokumenti differenti fornuti mill-Kummissjoni fuq talba tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

25      Ir-rikorrenti inizjalment talbet lill-Qorti tal-Prim’Istanza, b’mod partikolari, tikkundanna lill-Komunità tħallasha s-somma ta’ GBP 517 900 000 bħala kumpens għad-danni segwenti: it-telf tal-qligħ ta’ First Choice, it-telf ta’ dak li kien jiġi ffrankat minħabba s-sinerġiji u l-ispejjeż relatati mal-fatt li l-attentat ta’ akkwiżizzjoni falla, li minnhom jitnaqqsu l-ispejjeż relatati mas-suċċess tal-attentat ta’ akkwiżizzjoni.

26      Dan il-kap tat-talbiet ġie emendat matul il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, b’mod partikolari abbażi elementi ta’ informazzjoni fornuti fir-risposta, fl-ittra lill-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Jannar 2006 (ara l-punt 17 iktar ’il fuq) u fis-seduta tal-20 ta’ Mejju 2008 fil-preżenza ta’ esperti maħtura mir-rikorrenti u mill-Kummissjoni.

27      Ir-rikorrenti titlob, fl-aħħar nett, li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tikkudanna lill-Komunità tħallas is-somma stabbilita mill-Qorti tal-Prim’Istanza filwaqt li teżerċita s-setgħa tagħha li tevalwa l-provi ppreżentati mill-partijiet, bħala kumpens għad-danni subiti matul il-perijodu bejn l-adozzjoni tad-deċiżjoni Airtours (22 ta’ Settembru 1999) u d-data li fiha hija setgħet, bħala prinċipju, takkwista l-kumpannija First Choice wara s-sentenza Airtours (liema data hi kkunsidrata li hija l-31 ta’ Ottubru 2002);

–        tordna l-ħlas ta’ li l-interessi fuq l-imsemmi kumpens mid-data tas-sentenza li tistabbilixxi l-obbligu li jiġi kkumpensat id-dannu f’din il-kawża, bir-rata ta’ 8 % fis-sena jew kwalunkwe rata oħra li l-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ tistabbilixxi fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

28      Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkudanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

A –  Kunsiderazzjonijiet preliminari fuq il-kundizzjonijiet biex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità

29      Preliminarjament, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra xieraq li jiġu eżaminati l-argumenti tal-partijiet dwar il-kundizzjonijiet biex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità, u b’mod iktar partikolari dwar il-kundizzjoni tal-aġir illegali tal-istituzzjonijiet Komunitarji li teħtieġ li jkun seħħ ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tkun intiża li tagħti drittijiet lill-individwi, kif ukoll dwar l-eżistenza ta’ allegata similarità bejn ir-rikors għal annullament u r-rikors għal dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali.

1.     L-argumenti ġenerali tal-partijiet

30      Il-partijiet jaqblu fuq id-definizzjoni tal-kundizzjoniijiet biex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità billi jirreferu għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Lulju 2000, Bergarderm u Goupil vs Il-Kummissjoni (C‑352/98 P, Ġabra p. I‑5291, iktar ’il quddiem is-“sentenza Bergaderm”), iżda ma jaqblux dwar l-importanza li għandha tingħata lill-kundizzjoni dwar l-identifikazzjoni ta’ “aġir illegali” meta tkun ingħatat sentenza ta’ annullament kif ukoll fuq l-importanza li għandha tingħata lil nuqqasijiet identifikati mill-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza Airtours, iċċitata iktar ’il fuq fil-punt 11, fil-kuntest tal-kawża preżenti.

a)     Fuq il-kunċett tal-ksur suffiċjentement serju

31      Ir-rikorrenti ssostni, prinċipalment, li l-ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tkun intiża li tagħti drittijiet għall-vantaġġ tal-individwi meħtieġ fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali huwa simili għal żball manifest ta’ evalwazzjoni stabbilit f’sentenza ta’ annullament. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Prim’Istanza ħadet debitament inkunsiderazzjoni s-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni meta ddeċidiet li tannulla d-deċiżjoni Airtours minħabba żbalji mwettqa minn din l-istituzzjoni, u din l-analiżi hija fiha nfisha suffiċjenti sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ aġir illegali skont l-Artikolu 288 KE.

32      Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, tiċħad dan l-argument ibbażat fuq similarità bejn ir-rikors għal annullament u r-rikors għal dikjarazzjoni tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali għar-raġuni li sentenza ta’ annullament mhijiex suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit ksur suffiċjentement serju fis-sens tas-sentenza Bergaderm, iċċitata iktar ’il fuq fil-punt 30.

b)     Fuq il-kunċett tar-regola intiża li tagħti drittijiet lill-individwi

33      Sabiex tallega l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li hija intiża li tagħti drittijiet għall-benefiċċju ta’ individwi skont is-sentenza Bergaderm, iċċitata iktar ’il fuq fil-punt 30, ir-rikorrenti tinvoka essenzjalment l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 4064/89, li jiddefinixxi l-kriterji li bihom il-Kummissjoni għandha tiddikjara konċentrazzjonijiet kompatibbli jew inkompatibbli mas-suq komuni. Din id-dispożizzjoni tagħti drittijiet lill-individwi skont is-sentenza Bergaderm, iċċitata iktar ’il fuq fil-punt 30, inkwantu d-deċiżjonijiet adottati fuq din il-bażi skont l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 4064/89 jikkonċernaw il-konċentrazzjoni notifikata. Fin-nuqqas ta’ deċiżjoni ta’ kompatibbiltà min-naħa tal-Kummissjoni, l-impriża li nnotifikat il-konċentrazzjoni inkwistjoni ma tistax twettaqha u dan jippreġudika l-libertà kummerċjali tagħha. Ir-Regolament Nru 4064/89 għandu jiġi kkunsidrat fil-kuntest tat-Trattat KE, li huwa bbażat fuq il-liberaliżmu ekonomiku u huwa intiż li jiffavorixxi l-integrazzjoni tas-suq komuni. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni għandha taġixxi skont il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u l-obbligu ta’ diliġenza, li jagħtu drittijiet lil individwi.

34      Il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 4064/89 fih innifsu mhuwiex dispożizzjoni legali intiża li tipproteġi lill-individwi, iżda dispożizzjoni legali li tistabbilixxi l-kriterji li fuq il-bażi tagħhom konċentrazzjoni għandha tiġi ddikjarata kompatibbli jew inkompatibbli mas-suq komuni fl-interess tal-konsumaturi. Ir-regoli intiżi li jiżguraw il-protezzjoni tal-individwi huma dawk li, bħall-obbligu ta’ diliġenza, jirregolaw l-aġir tal-Kummissjoni meta hija tapplika xi regoli simili għal dik tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 4064/89.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

35      Hekk kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, l-eżistenza tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 288 KE, għal aġir illegali tal-istituzzjonijiet tagħha hija suġġetta għall-fatt li jkunu sodisfatti numru ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri l-illegalità tal-aġir imputat kontra l-istituzzjoni, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ ness ta’ kawżalità bejn l-aġir allegat u d-dannu invokat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Settembru 1982, Oleifici Mediterranei vs KEE, 26/81, Ġabra p. 3057, punt 16, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-14 ta’ Diċembru 2005, Beamglow vs Il-Parlament et, T‑383/00, Ġabra p. II‑5459, punt 95).

36      Jekk waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma tkunx sodisfatta, it-talbiet għal kumpens tad-danni għandhom jiġu miċħuda, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu eżaminati ż-żewġ kundizzjonijiet l-oħra (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Settembru 1994, KYDEP vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑146/91, Ġabra p. I‑4199, punt 81, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-20 ta’ Frar 2002, Förde-Reederei vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T‑170/00, Ġabra p. II‑515, punt 37).

a)     Fuq il-kunċett ta’ ksur suffiċjentement serju

37      Fejn, bħal fil-każ preżenti, l-illegalità ta’ att ġuridiku tiġi invokata bħala l-bażi tal-azzjoni għall-kumpens tad-danni, din, sabiex tkun tali li tagħti lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità, għandha tikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tkun intiża li tagħti drittijiet lill-individwi. Il-kriterju deċiżiv f’dan ir-rigward huwa dak tal-injorar manifest u serju, minn istituzzjoni Komunitarja, tal-limiti li huma imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tagħha [sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Bergaderm, iċċitata iktar ’il fuq fil-punt 30, punti 42 u 43, u tad-19 ta’ April 2007, Holcim (Deutschland) vs Il-Kummissjoni, C‑282/05 P, Ġabra p. I‑2941, punt 47].

38      Is-sistema użata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità tikkunsidra b’mod partikolari l-kumplessità tas-sitwazzjonijiet li għandhom jiġu rregolati, id-diffikultajiet ta’ applikazzjoni jew ta’ interpretazzjoni tat-testi u, b’mod iktar partikolari, il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandu l-awtur tal-att inkwistjoni [sentenzi Bergaderm, iċċitata iktar ’il fuq fil-punt 30, punt 40, u Holcim (Deutschland) vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq fil-punt 37, punt 50].

39      Meta l-istituzzjoni inkwistjoni jkollha biss marġni ta’ diskrezzjoni kunsiderevolment imnaqqsa, jekk mhux ineżistenti, is-sempliċi ksur tad-dritt Komunitarju jista’ jkun suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju tad-dritt Komunitarju [sentenzi Bergaderm, iċċitata iktar ’il fuq fil-punt 30, punt 44, u Holcim (Deutschland) vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq fil-punt 37, punt 47]. L-istess japplika fejn l-istituzzjoni konvenuta tapplika ħażin ir-regoli sostantivi jew proċedurali rilevanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 Lulju 1967, Kampffmeyer et vs Il-Kummissjoni, 5/66, 7/66 u 13/66 sa 24/66, Ġabra p. 317, 339 u 340).

40      Wara miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura deċiża mill-Qorti tal-Prim’Istanza, li talbet lill-partijiet jikkunsidraw l-effett tas-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2007, Schneider Electric vs Il-Kummissjoni (T‑351/03, Ġabra p. II-2237, bħalissa taħt appell, Kawża C‑440/07 P, Il-Kummissjoni vs Schneider Electric), fuq il-kawża preżenti fir-rigward b’mod partikolari tal-prinċipji stabbiliti fis-sentenza Bergaderm, iċċitata iktar ’il fuq fil-punt 30, il-partijiet irrikonoxxew li jirriżulta mill-ġurisprudenza li l-kunċett ta’ ksur suffiċjentement serju ma jinkludix in-nuqqasijiet jew żbalji li, anki jekk ikunu pjuttost serji, mhumiex inkompatibbli mal-aġir normali ta’ istituzzjoni responsabbli mis-superviżjoni tal-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni, li huma kumplessi, delikati u suġġetti għal marġni ta’ diskrezzjoni kunsiderevoli.

41      Meta ġiet mistoqsija fuq dan il-punt fis-seduta tad-29 ta’ April 2008, ir-rikorrenti indikat ukoll li l-fatt li l-Qorti tal-Prim’Istanza kienet annullat id-deċiżjoni Airtours – peress li kkunsidrat li l-analiżi prospettiva tas-sitwazzjoni tal-kompetizzjoni li ġiet deskritta fiha, mhux talli ma kinitx ibbażata fuq provi solidi, iżda kienet ivvizzjata minn numru ta’ żbalji ta’ evalwazzjoni dwar ċerti elementi importanti għall-evalwazzjoni tal-ħolqien eventwali ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva – ma kienx suffiċjenti, fih innifsu, sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità, inkwantu l-ġurisprudenza titlob kriterji oħra relattivi għar-rikorsi għad-danni.

42      Jekk jiġi aċċettat mod ieħor, billi l-annullament ikkonstatat fis-sentenza Airtours, iċċitata iktar ’il fuq fil-punt 11, jiġi ekwiparat, mingħajr ebda analiżi ulterjuri, ma’ ksur suffiċjentement serju fis-sens tas-sentenza Bergaderm, iċċitata iktar ’il fuq fil-punt 30, ikun hemm il-periklu li tiġi kompromessa l-kapaċità tal-Kummissjoni li teżerċita b’mod sħiħ il-funzjoni ta’ regolatur tal-kompetizzjoni mogħtija lilha mit-Trattat KE minħabba l-effett dissważiv fuq il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet li jista’ joħloq ir-riskju li l-Kummissjoni jkollha tbati d-danni allegati mill-impriżi kkonċernati.

43      Sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni tali effett, li jmur kontra l-interess ġenerali Komunitarju, nuqqas milli jiġi sodisfatt obbligu legali, li, għalkemm mhux mixtieq, jista’ jiġi spjegat permezz tal-obbligi oġġettivi li huma suġġetti għalihom l-istituzzjoni u l-aġenti tagħha fil-qasam tal-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet ma jistax jiġi kkunsidrat li jikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju tad-dritt Komunitarju sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità. Min-naħa l-oħra, id-dritt għal kumpens tad-danni li jirriżultaw mill-aġir tal-istituzzjoni jeżisti meta l-aġir jieħu l-forma ta’ att manifestament kuntrarju għad-dispożizzjoni legali u jkun ta’ dannu serju għall-interessi ta’ terzi li ma jsibu la ġustifikazzjoni u lanqas spjegazzjoni fl-obbligi partikolari li huma imposti oġġettivament fuq il-persunal tal-istituzzjoni, fil-kuntest ta’ tħaddim normali.

b)     Fuq il-kunċett tar-regoli intiżi li jagħtu drittijiet lill-individwi

44      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tibbaża ruħha fuq il-ksur tar-regoli sostantivi applikati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni Airtours sabiex tistabbilixxi d-dritt tagħha għal kumpens.

45      Minn naħa, skont l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 4064/89, “konċentrazzjoni li toħloq jew issaħħaħ posizzjoni dominanti li b’riżultat tagħha l-kompetizzjoni effettiva tiġi mfixkla sew fis-suq komuni jew f’xi parti kbira minnu għandha tiġi dikjarata mhix kompatibbli mas-suq komuni”. Jekk dan il-kriterju jkun sodisfatt, il-Kummissjoni jkollha tadotta deċiżjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 4064/89 sabiex tiddikjara konċentrazzjoni bħal din inkompatibbli mas-suq komuni.

46      Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 4064/89, il-“[k]onċentrazzjoni li ma toħloqx jew li ma ssaħħaħx pożizzjoni dominanti li b’riżultat ta’ dan tiġi mfixkla sew il-kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni jew f’xi parti sostanzjali tiegħu tiġi dikjarata kompatibbli mas-suq komuni”. Jekk dan il-kriterju jkun sodisfatt, il-Kummissjoni jkollha tadotta deċiżjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 8(2), tar-Regolament Nru 4064/89 sabiex tiddikjara konċentrazzjoni bħal din kompatibbli mas-suq komuni. Din id-deċiżjoni tista’ eventwalment tinkludi kundizzjonijiet u obbligi intiżi li jiggarantixxu li l-impriżi kkonċernati jirrispettaw l-impenji li jkunu daħlu għalihom fir-rigward tal-Kummissjoni sabiex il-konċentrazzjoni ssir kompatibbli mas-suq komuni.

47      Bħal fil-każ tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 4064/89, li jipprovdi għas-sitwazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni, l-Artikolu 2(3) ta’ dan ir-regolament, li jipprovdi għal sitwazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ projbizzjoni, għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament, li jsemmi l-elementi speċifiċi li għandhom jiġu kkunsidrati mill-Kummissjoni sabiex tiġi evalwata l-kompatibbiltà jew l-inkompatibbiltà ta’ konċentrazzjoni ta’ dimensjoni Komunitarja mas-suq komuni.

48      Meħuda flimkien, dawn id-dispożizzjonijiet huma intiżi li jagħtu drittijiet lill-individwi fis-sens li l-Kummissjoni, meta jkollha tevalwa konċentrazzjoni skont ir-Regolament Nru 4064/89, hija, bħala regola, marbuta tieħu pożizzjoni jew billi tawtorizza din il-konċentrazzjoni, jew tipprojbixxiha, skont l-evalwazzjoni tagħha tal-iżvilupp ekonomiku li jista’ jiġi attribwit lill-konċentrazzjoni inkwistjoni li hu l-iktar probabbli li jseħħ. B’hekk, jekk il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 4064/89 ikunu sodisfatti, impriża li tkun innotifikat konċentrazzjoni ta’ dimensjoni Komunitarja għandha d-dritt li din il-konċentrazzjoni tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq komuni. Din l-impriża madankollu ma tistax timplementa din il-konċentrazzjoni fin-nuqqas ta’ awtorizzazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni (ara l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 4064/89) u deċiżjoni ta’ projbizzjoni adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 4064/89 jkollha konsegwenzi serji. Intervent bħal dan tal-Komunità fid-dinja tal-kummerċ, li jeżiġi minn impriża li hija tikseb awtorizzazzjoni qabel ma twettaq il-konċentrazzjoni prevista u li jobbliga lill-Kummissjoni tipprojbixxi t-twettiq ta’ din il-konċentrazzjoni jekk din tirriżulta inkompatibbli mas-suq komuni, jimplika neċessarjament li l-impriżi li lilhom tiġi rrifjutata awtorizzazzjoni jistgħu jitolbu li jiġu kkumpensati għall-konsegwenzi ta’ ħsara kkawżati minn deċiżjoni bħal din jekk jirriżulta li hija tkun ibbażata fuq ksur suffiċjentement serju tar-regoli sostantivi applikati mill-Kummissjoni sabiex tiġi evalwata l-kompatibbiltà tal-konċentrazzjoni inkwistjoni mas-suq komuni.

49      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tinvoka l-obbligu ta’ diliġenza sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ aġir illegali min-naħa tal-Kummissjoni. Fuq dan il-punt, biżżejjed jingħad li l-konstatazzjoni ta’ irregolarità li ma kinitx twettaq, f’ċirkustanzi simili, amministrazzjoni normalment prudenti u diliġenti tippermetti li jiġi konkluż li l-aġir tal-istituzzjoni kkostitwixxa illegalità ta’ tali natura li tagħti lok għar-responsabbiltà tal-Komunità skont l-Artikolu 288 KE (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Lulju 2001, Comafrica u Dole Fresh Fruit Europe vs Il‑Kummissjoni, T‑198/95, T‑171/96, T‑230/97, T‑174/98 u T‑225/99, Ġabra p. II‑1975, punt 134, u tas-17 ta’ Marzu 2005, Agraz et vs Il-Kummissjoni, T‑285/03, Ġabra p. II‑1063, punt 40, li mhijiex affettwata mis-sentenza tal-appell tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Novembru 2006, Agraz et vs Il-Kummissjoni, C‑243/05 P, Ġabra p. I‑10833). Din in-natura protettiva tal-obbligu ta’ diliġenza fir-rigward tal-individwi, li jimponi fuq l-istituzzjoni kompetenti, meta din ikollha setgħa diskrezzjonali, li teżamina b’reqqa u imparzjalità l-elementi kollha rilevanti tal-każ partikolari, ġie rrikonoxxut mill-ġurisprudenza, anki fil-kuntest ta’ rikors għad-danni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C‑269/90, Ġabra p. I‑5469, punt 14; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-18 ta’ Settembru 1995, Nölle vs Il-Kunsill u Il‑Kummissjoni, T‑167/94, Ġabra p. II‑2589, punti 73 sa 76, digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-14 ta’ Diċembru 2005, Arizona Chemical et vs Il-Kummissjoni, T‑369/03, Ġabra p. II‑5839, punt 88, u s-sentenza Agraz et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 49; ara wkoll is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Lulju 1999, New Europe Consulting u Brown vs Il-Kummissjoni, T‑231/97, Ġabra p. II‑2403, punti 37 sa 45, li tirreferi għall-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba).

50      Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 4064/89, moqri flimkien mal-paragrafi 1 u 2 ta’ din id-dispożizzjoni u mal-Artikolu 8(2) u (3), tal-imsemmi regolament, kif ukoll l-obbligu ta’ diliġenza jistabbilixxu regoli li huma intiżi li jagħtu xi drittijiet lill-impriżi kkonċernati minn deċiżjoni li tipprojbixxi t-twettiq ta’ konċentrazzjoni.

51      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandu jiġi vverifikat jekk l-illegalità li tivvizzja d-deċiżjoni Airtours annullata mis-sentenza Airtours, iċċitata iktar ’il fuq fil-punt 11, hijiex tali li tagħti lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità minħabba ksur suffiċjentement serju tar-regoli sostantivi u proċedurali li jistgħu jiġu invokati minn impriża li titlob l-awtorizzazzjoni tal-konċentrazzjoni tagħha. F’dan ir-rigward, għandha ssir distinzjoni bejn l-allegazzjonijiet relattivi għall-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju fl-istadju tal-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tal-effetti tal-konċentrazzjoni fuq il-kompetizzjoni u l-allegazzjonijiet dwar l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju fl-istadju tal-analiżi tal-impenji proposti fil-proċedura amministrattiva.

B –  Fuq l-eżistenza ta’ “ksur suffiċjentement serju” fl-istadju tal-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tal-effetti tal-konċentrazzjoni Airtours/First Choice fuq il-kompetizzjoni fis-suq komuni

1.     L-argumenti tal-partijiet

52      Ir-rikorrenti ssostni li l-aġir illegali meħtieġ mill-ġurisprudenza stipulata fis-sentenza Bergaderm jirriżulta mis-sentenza Airtours, iċċitata iktar ’il fuq fil-punt 11, li turi sa fejn l-aġir tal-Kummissjoni jikkorrispondi għal ksur suffiċjentement serju. Meta adottat id-deċiżjoni Airtours, il-Kummissjoni wettqet ksur suffiċjentement serju sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-Komunità skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 288 KE minħabba l-injorar manifest u serju tal-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha skont l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 4064/89 kif ukoll tal-obbligu ġenerali ta’ diliġenza. Dawn iż-żewġ bażijiet distinti huma marbuta b’mod inseparabbli u jiġu mifhuma biss meta tiġi solvuta l-kwistjoni jekk, meta evalwat il-kompatibbiltà tal-konċentrazzjoni Airtours/First Choice mas-suq komuni, il-Kummissjoni wettqitx b’mod suffiċjenti l-missjoni u l-obbligi tagħha bħala awtorità tal-kompetizzjoni.

53      Sabiex issostni l-argument tagħha, ir-rikorrenti tiddistingwi bejn żewġ tipi ta’ żbalji fir-raġunament użat sabiex jiġu evalwati l-effetti tal-konċentrazzjoni. Minn naħa, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma ssodisfatx il-livell ta’ kompetenza meħtieġ fil-qasam tal-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet, li jeżiġi għall-inqas l-għarfien tad-dritt applikabbli u l-identifikazzjoni ta’ elementi suffiċjenti sabiex tiġi mifhuma s-sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni u jingħata lok għal pożizzjoni dominanti kollettiva. Ir-rikorrenti tikklassifika n-nuqqasijiet imwettqa mill-Kummissjoni f’dan l-istadju bħala żbalji tal-ewwel grad (ara l-punti 54 sa 71 iktar ’il quddiem). Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ssostni li dawn l-iżbalji ġew aggravati u kkonfermati minn numru kbir ta’ żbalji tat-tieni grad, marbuta mal-fatt li l-Kummissjoni ma kkunsidratx il-provi fornuti u ma mmotivatx kif suppost id-deċiżjoni Airtours. Dawn l-iżbalji tat-tieni grad, waħedhom jew flimkien mal-iżbalji tal-ewwel grad, juru li l-Kummissjoni kienet manifestament inkompetenti meta eżaminat il-provi rilevanti u li hija injorat dawn il-provi għaliex huma jmorru kontra t-teorija li hija kienet żviluppat (ara l-punti 72 u 73 iktar ’il quddiem).

a)     Fuq l-obbligu li jiġi rrikonoxxut il-kamp ta’ applikazzjoni limitat tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 4064/89

54      Għal dak li jirrigwarda d-dritt applikabbli, ir-rikorrenti ssostni li, fir-rikors tagħha għal annullament, hija sostniet li d-deċiżjoni Airtours kienet ibbażata għall-inqas parzjalment fuq effetti unilaterali, li fil-fehma tagħha kienu jammontaw għal interpretazzjoni mhux eżatta tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 4064/89 u l-injorar manifest tal-marġni ta’ diskrezzjoni li tiddisponi minnu l-Kummissjoni sabiex tapplika din id-dispożizzjoni.

55      Il-Kummissjoni tfakkar li d-deċiżjoni Airtours kienet ibbażata fuq l-evalwazzjoni ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva u mhux fuq it-teorija tal-effetti unilaterali. Fil-kuntest tar-rikors preżenti għad-danni, huwa irrilevanti jekk it-teorija tal-effetti unilaterali setgħetx tiġi applikata fil-kuntest tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 4064/89.

b)     Fuq l-obbligu li tiġi definita s-sitwazzjoni tas-suq fin-nuqqas ta’ konċentrazzjoni

56      Għal dak li jirrigwarda l-analiżi fattwali tal-effetti tal-konċentrazzjoni fuq il-kompetizzjoni, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni injorat b’mod serju s-setgħa diskrezzjonali tagħha billi ma speċifikatx x’kienet is-sitwazzjoni tal-kompetizzjoni qabel it-twettiq tal-konċentrazzjoni prevista, liema sitwazzjoni, madankollu, tammonta għall-punt tat-tluq tal-analiżi tal-effetti tal-konċentrazzjoni fuq il-kompetizzjoni (sentenza Airtours, iċċitata iktar ’il fuq fil-punt 11, punt 84). In-nuqqas tal-Kummissjoni milli twettaq l-obbligu tagħha li tieħu pożizzjoni fuq dan il-punt ivvizzja d-deċiżjoni Airtours kollha (sentenza Airtours, iċċitata iktar ’il fuq fil-punt 11, punt 75). Il-Kummissjoni b’hekk ippruvat issostni li l-iżviluppi fis-suq fit-18-il xahar ta’ wara l-pubblikazzjoni tal-konklużjonijiet tar-rapport tal-Monopolies and Mergers Commission, waħda mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni fir-Renju Unit, kienu tali li jinvalidaw għal kollox il-konklużjonijiet ta’ dan ir-rapport li stipulaw li s-suq kien kompetittiv ħafna fi tmiem is-sena 1997 (sentenza Airtours, iċċitata iktar ’il fuq fil-punt 11, punti 96 sa 108).

57      Il-Kummissjoni ssostni li hija eżaminat it-tibdiliet li seħħew fis-suq tal-operaturi tat-tours fir-Renju Unit bejn l-1997, meta r-rapport tal-Monopolies and Mergers Commission ġie ppublikat, u l-1999, meta l-konċentrazzjoni ġiet innotifikata. Hija ssostni li hija kkonkludiet li l-livell ta’ konċentrazzjoni kien żied b’mod sinjifikanti billi bbażat din il-konklużjoni fuq il-provi prodotti minn terzi persuni interessati, ħaġa li influwenzat l-evalwazzjoni tal-effetti tal-konċentrazzjoni. Madankollu, il-Kummissjoni ssostni li hija kkunsidrat fid-deċiżjoni Airtours li ma kinitx teżisti pożizzjoni dominanti qabel il-konċentrazzjoni, hekk kif ikkonstatat il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 88 tas-sentenza Airtours, iċċitata iktar ’il fuq fil-punt 11, għalkemm ikkritikat fil-punt 75 tagħha l-karattru “ellittiku” tad-deskrizzjoni tagħha). Skont il-Kummissjoni, kien għalhekk neċessarju li tintwera l-ħolqien ta’ pożizzjoni bħal din u mhux li kienet issaħħet. Ħadd b’hekk ma kien semma’ l-ħtieġa li tiġi identifikata s-sitwazzjoni tas-suq fin-nuqqas ta’ konċentrazzjoni. Il-kwistjoni li tqajjmet kienet biss dwar jekk kinitx teżisti diġà tendenza għad-dominazzjoni kollettiva, f’liema każ il-konċentrazzjoni kienet thedded li tikser l-ekwilibriju fraġli u, b’hekk, li tillimita b’mod konsidervoli l-portata tal-kompetizzjoni effettiva. B’hekk il-Kummissjoni ma wettqitx żball għaliex ma fehmitx x’kienet is-sitwazzjoni tas-suq, iżda biss għaliex ikkunsidrat li xi aspetti tas-sitwazzjoni eżistenti tas-suq ikkunsidrati b’mod ġenerali, jiġifieri l-karatteristiċi tas-suq deskritti fil-premessi 87 sa 126 tad-deċiżjoni Airtours, setgħu jiffavorixxu l-ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva b’riżultat tal-konċentrazzjoni.

c)     Fuq l-obbligu li jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet ta’ kollużjoni taċita

58      Ir-rikorrenti tfakkar li, sabiex tiġi stabbilita l-ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva, il-Kummissjoni għandha tivverifika li t-tliet kundizzjonijiet definiti fil-punt 62 tas-sentenza Airtours, iċċitata iktar ’il fuq fil-punt 11, ikunu sodisfatti, jiġifieri: l-ewwel nett, il-kapaċità ta’ kull membru tal-oligopolija dominanti li jivverifika jekk il-membri l-oħra jkunux qed jikkonformaw mal-politika komuni, li jfisser li jrid ikun hemm trasparenza suffiċjenti fis-suq; it-tieni nett, is-sostennibbiltà fiż-żmien ta’ koordinazzjoni taċita bħal din, li timplika l-eżistenza ta’ inċentiv li wieħed ma jmurx kontra l-politika komuni; it-tielet nett, ir-reazzjoni prevedibbli tal-kompetituri u tal-konsumaturi attwali u futuri ma tippreġudikax din il-politika komuni. Issa, bosta elementi mqajma mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni Airtours sabiex turi l-eżistenza ta’ kundizzjonijiet bħal dawn huma bbażati fuq evalwazzjoni żbaljata tal-fatti.

59      Il-Kummissjoni tippreċiża li hija kkunsidrat il-kundizzjonijiet varji mqajma mir-rikorrenti, hekk kif jirriżulta mill-premessa 87 tad-deċiżjoni Airtours, li telenka l-elementi inkwistjoni. Il-konoxxenza tagħha tal-kundizzjonijiet neċessarji għall-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva għalhekk mhijiex inkwistjoni hawnhekk.

 Fuq l-instabbiltà tal-ishma mis-suq

60      Ir-rikorrenti ssostni li l-oxxillazzjonijiet fl-ishma mis-suq huma element rilevanti għall-evalwazzjoni tal-Kummissjoni (sentenza Airtours, iċċitata iktar ’il fuq fil-punt 11, punt 111). F’dan il-każ, ir-rikorrenti ssostni li d-diffikultà tinsab fil-fatt li l-ishma mis-suq ta’ operaturi differenti preżenti fis-suq inkwistjoni kienu fil-passat instabbli ħafna, ħaġa li setgħet tagħti l-impressjoni li dan is-suq ma kienx is-suġġett ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva. Issa, dan il-fatt ma kienx ġie kkunsidrat fid-deċiżjoni Airtours, għax presumibbilment, il-Kummissjoni kkunsidrat li ma kienx jaqbel mal-argument tagħha.

61      Il-Kummissjoni ssostni li l-instabbiltà kunsiderevoli tal-ishma mis-suq hija dovuta għat-teħid inkunsiderazzjoni tal-akkwisti mwettqa minn ċerti operaturi. Għall-kuntrarju, l-ishma mis-suq ikunu stabbli ħafna jekk dawn l-akkwisti jkunu esklużi. Il-Kummissjoni tenfasizza li, fid-deċiżjoni Airtours, hija kkunsidrat li l-importanza tat-tkabbir intern kien il-kriterju l-iktar rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-inċentivi sabiex jiġi addotat aġir oligopolistiku parallel, inkwantu, meta jkun hemm ftit prospetti għaż-żieda tas-sehem ta’ kumpannija mis-suq billi żżid il-kapaċità tagħha, l-adozzjoni ta’ aġir parallel hija iktar probabbli. Din l-analiżi ma ġietx aċċettata mill-Qorti tal-Prim’Istanza, li kkunsidrat li l-Kummissjoni ma kinitx uriet kif il-possibbiltà ta’ kompetizzjoni fuq il-bażi ta’ akkwisti kienet irrilevanti. Dan madankollu ma jfissirx li l-imsemmija analiżi hija bbażata fuq injorar flagranti tal-provi miksuba fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, peress li uħud minn dawn il-provi juru li l-prospettiva ta’ akkwisti ulterjuri kienet limitata wara l-1998.

 Fuq l-instabbiltà tad-domanda

62      Ir-rikorrenti ssostni li l-istabbiltà tad-domanda hija fattur li jiffavorixxi l-formazzjoni ta’ pożizzjoni dominanta (sentenza Airtours, iċċitata iktar ’il fuq fil-punt 11, punt 139). Issa, dan il-punt ġie injorat fil-premessa 97 tad-deċiżjoni Airtours, li fiha l-Kummissjoni tindika li l-volatilità tad-domanda kienet tagħmel is-suq iktar favorevoli għall-ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva. Kien biss matul xi seduti tal-kawża għall-annullament li l-Kummissjoni ammettiet li t-teorija ekonomika kellha l-importanza li ġiet rrikonoxxuta lilha fis-sentenza Airtours, iċċitata iktar ’il fuq fil-punt 11, u li hija ppruvat mingħajr suċċess tiddefendi l-argument tagħha abbażi tal-fatti partikoalri tal-każ. Din ma kinitx pożizzjoni korretta li ttieħdet hemmhekk. Jekk l-importanza tat-teorija ekonomika kienet inkompatibbli mal-approċċ tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni Airtours, din kellha l-obbligu li tressaq argument koerenti, sostnut minn teorija ekonomika b’saħħitha, insostenn tal-pożizzjoni tagħha.

63      Il-Kummissjoni tindika li, matul il-proċedura amministrattiva, hija eżaminat ir-rapport Binmore, ikkomunikat mir-rikorrenti, rigward l-importanza li għandha tingħata lill-instabbiltà tad-domanda. Hija talbitha saħansitra tippreżenta osservazzjonijiet addizzjonali fuq dan ir-rapport. Dan ir-rapport b’hekk ma ġiex injorat mill-Kummissjoni, li madankollu tirrileva li ma jsemmix l-informazzjoni relattiva għas-suq inkwistjoni u essenzjalment ikkonċentra fuq il-possibbiltà tal-koordinazzjoni tal-prezzijiet iktar milli tal-kapaċitajiet. Il-Kummissjoni enfasizzat ukoll li dan ir-rapport kien jirrikonoxxi wkoll li l-koordinazzjoni tal-kapaċitajiet kienet possibbli, għalkemm iddubitat li kien hemm deterrenti reali li jiskoraġixxu lill-operaturi tat-tours milli jqarrqu.

 Fuq iż-żieda baxxa fid-domanda

64      Ir-rikorrenti tenfasizza li ż-żieda baxxa fid-domanda hija element li jwassal għal kollużjoni taċita. Issa, hija tindika li, matul il-proċedura amministrattiva, hija kienet indikat li d-domanda kienet kibret fil-passat b’rata iktar mgħaġġla minn dik tal-prodott gross domestiku fir-Renju Unit; li, minkejja li naqset ftit fl-1995 u fl-1996, it-talba kienet reġgħet żdidet, skont ir-rapport industrijali ewlieni, u li kienet mistennija żieda fis-sentejn segwenti. Madankollu, il-Kummissjoni ma kinitx ikkunsidrat dawn l-elementi. Skont ir-rikorrenti, kif jirriżulta mis-seduti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, il-Kummissjoni ppreferiet tibbaża ruħha fuq silta iżolata, mhux datata, minn paġna ta’ rapport imfassal minn Ogilvy & Mather u li qatt ma rat jew eżaminat il-kontenut kollu tiegħu. Dan id-dokument ġie kkomunikat lilha mill-kumpannija inkwistjoni, First Choice, li kienet topponi l-konċentrazzjoni. Dan id-dokument, iċċitat selettivament u b’mod ineżatt mill-Kummissjoni, qatt ma ġie ppreżentat lir-rikorrenti sabiex tagħmel l-osservazzjonijiet tagħha fuqu fil-proċedura amministrattiva u kien kontradett minn elementi oħra kkomunikati lill-Kummissjoni. Dak kien eżempju ċar ta’ injorar manifest tal-obbligu ġenerali ta’ diliġenza.

65      Il-Kummissjoni tfakkar li d-domanda li tqum hija dwar jekk iż-żieda fid-domanda kinitx għolja biżżejjed sabiex jiġi eskluż kull aġir parallel wara l-konċentrazzjoni. Hija tenfasizza li, fl-evalwazzjoni ta’ dan l-aspett fil-każ Airtours, hija talbet lill-operaturi ewlenin l-istima tagħhom taż-żieda fid-domanda fil-passat u fil-futur u huwa f’dan il-kuntest li hija ġiet ikkritikata li ma ċċitatx korrettament ir-rapport Ogilvy & Mather. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li r-rata ta’ żieda tas-suq iċċitata f’dan ir-rapport kienet ta’ 3,7 % filwaqt li r-rata ta’ żieda kkwotata mir-rikorrenti fuq il-bażi tal-istatistika tal-British National Travel Survey (BNTS) kienet ekwivalenti għal 3,4 %. Dan id-dibattitu huwa inkomprensibbli speċjalment meta jitqies il-fatt li jingħad li ċ-ċifri ta’ Ogilvy & Mather huma bbażati fuq l-istatistika tal-BNTS. Għalhekk, mhemmx kunflitt reali fil-provi. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti ma tindirizzax il-kwistjoni tal-previżjonijiet ta’ żieda fid-domanda. Fuq dan il-punt, il-Kummissjoni tindika li hija setgħet tibbaża ruħha fuq l-osservazzjonijiet li r-rikorrenti kienet ippreżentat fil-proċedura amministrattiva, li kienu jistipulaaw li r-rata ta’ żieda annwali fid-domanda fl-2000/2002 kienet stmata għal madwar 3,3 %.

 Fuq it-trasparenza tas-suq

66      Ir-rikorrenti tenfasizza li t-trasparenza tas-suq hija element essenzjali fl-evalwazzjoni ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva, inkwantu, fin-nuqqas ta’ trasparenza, l-operaturi ekonomiċi jkollhom iktar diffikultà biex jikkonkludu ftehim taċiti, biex jidentifikaw u biex jippenaliżżaw lil dawk li ma jirrispettawx ftehim bħal dawn (sentenza Airtours, iċċitata iktar ’il fuq fil-punt 11, punti 156 u 159). Skont ir-rikorrenti, f’dan il-każ, id-diffikultà għall-Kummissjoni kienet marbuta mal-varjetà kważi infinita ta’ vaganzi offerti. Eteroġeneità bħal din tal-prodott kienet tirrendi l-kollużjoni taċita ħafna iktar diffiċli. Meta ġiet ikkonfrontata b’din id-diffikultà li ssostni l-argument tagħha fuq il-koordinazzjoni taċita, il-Kummissjoni kienet sempliċement iddeċidiet li ma teħodhiex inkunsiderazzjoni. Hija sempliċement ippreferiet issostni li l-membri tal-oligopolija jikoordinaw il-kapaċità u mhux il-prezz u li “kien hemm biss ħtieġa li tkun magħrufa l-kapaċità ġenerali (numru ta’ vaganzi) offerti minn kull operatur tat-tours individwali” (premessa 91 tad-deċiżjoni Airtours). Hija sostniet ukoll li, peress li l-ippjanar ta’ staġun suċċessiv kien ibbażat fuq il-fatturat għall-istaġun preċedenti, is-suq kien trasparenti. B’dan il-mod, il-Kummissjoni injorat il-provi prodotti matul il-proċedura amministrattiva. Barra minn hekk, il-Kummissjoni żnaturat l-analiżi tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza Airtours, iċċitata iktar ’il fuq fil-punt 11, billi sostniet li hija kellha tanalizza ħafna informazzjoni sabiex tasal għal opinjoni fuq il-kwistjoni. Madankollu, skont ir-rikorrenti, din ma kinitx id-diffikultà proprja: il-Kummissjoni sempliċement irrifjutat li tittratta l-punt preċiż tal-eteroġeneità tal-prodott u tan-natura kumplessa tal-proċess tal-organizzazzjoni tal-kapaċità, jew li twettaq hija stess ix-xogħol li l-Qorti tal-Prim’Istanza kienet għamlet, minkejja l-importanza ċentrali tiegħu fil-kuntest ta’ kwalunkwe każ dwar pożizzjoni dominanti kollettiva.

67      Il-Kummissjoni ssostni li l-fatt li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li konklużjoni ma kinitx ġiet stabbilita kif trid il-liġi ma jammontax għal prova ta’ injorar manifest u serju tad-dmir tagħha li teżamina bir-reqqa l-provi. F’dan il-każ, il-Kummissjoni ssostni li, meta operaturi tat-tours jadottaw aġir parallel fis-suq kollu inkwistjoni, huma għandhom ikunu f’pożizzjoni li jiskopru kmieni biżżejjed kull devjazzjoni minn dan l-aġir fis-suq sabiex jippenalizzaw l-aġir devjanti. It-trasparenza inkwistjoni għandha għalhekk tirrigwarda l-parametru li lilu tista’ tirrigwarda l-kollużjoni, jiġifieri l-kapaċità totali tas-suq u mhux l-allokazzjoni ta’ dik il-kapaċità bejn id-destinazzjonijiet differenti li jinteressaw lill-konsumaturi. Il-kwistjoni ċentrali għalhekk hija jekk kinitx teżisti trasparenza suffiċjenti sabiex iż-żidiet mhux normali tal-kapaċità setgħu jiġu identifikati kmieni biżżejjed u sabiex l-operaturi l-oħra tat-tours setgħu jirritaljaw. Fuq dan il-punt, il-Kummissjoni tindika li hija kkonkludiet li teżisti kontinwità pjuttost kbira minn staġun għall-ieħor. Hija żżid li, filwaqt li huwa minnu li l-kapaċità totali tkopri numru ta’ deċiżjonijiet, dawn id-deċiżjonijiet jittieħdu fil-limiti ta’ baġit stabbilit mid-domanda prevista. Skont il-Kummissjoni, l-għarfien tal-offerti preċedenti tal-oħrajn kien jippermetti lill-operaturi tat-tours jikkonstataw malajr tibdiliet fl-offerti attwali. Minħabba l-fatt li l-pubblikazzjoni tal-fuljetti sseħħ tnax sa ħmistax-il xahar qabel il-vaganzi stess, id-deċiżjonijiet relatati mat-trasport bl-ajru u, f’ċertu sens, mal-qasam tal-kapaċità tal-lukandi kienu identifikabbli kulħadd.

 Fuq l-obbligu li jiġi eżaminat jekk kienx jeżisti mekkaniżmu ta’ deterrent

68      Ir-rikorrenti ssostni li, għalkemm in-neċessità li jiġi introdott mekkaniżmu ta’ deterrent hija rrikonoxxuta sabiex tiġi identifikata sitwazzjoni ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva (sentenza Airtours, iċċitata iktar ’il fuq fil-punt 11, punti 192 u 193), il-pożizzjoni tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni Airtours hija ambigwa għal dak li jirrigwarda n-neċessità ta’ mekkaniżmu bħal dan (sentenza Airtours, iċċitata iktar ’il fuq fil-punt 11, punt 191). Il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet ukoll l-argumenti mressqa mill-Kummissjoni sabiex issostni l-eżistenza ta’ mekkaniżmu bħal dan u l-Kummissjoni mbagħad tipprova tispjega dawn l-iżbalji billi tallega li huma spjegabbli mill-fatt li l-evalwazzjoni tat-trasparenza u tal-instabbiltà tad-domanda magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza mhix dik li hija kienet għamlet fid-deċiżjoni Airtours. Spjegazzjoni bħal din mhijiex sodisfaċenti, inkwantu mhuwiex possibbli li jiġu invokat żball preċedenti sabiex jiġi skużat żball sussegwenti.

69      Il-Kummissjoni tfakkar li l-osservazzjonijiet tagħha fil-premessi 55 u 150 tad-deċiżjoni Airtours fir-rigward tal-ħtieġa ta’ “mekkaniżmu sever ta’ ritaljazzjoni” kienu jirrigwardaw it-tip ta’ mekkaniżmu li r-rikorrenti kienet argumentat li kien neċessarju, essenzjalment, mekkaniżmu bħal dawk li wieħed ġeneralment isib f’akkordju, iktar milli f’sitwazzjoni ta’ oligopolija. Il-fatt li l-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni fuq il-mezzi differenti kif jiġu eżerċitati r-ritaljazzjonijiet (sentenza Airtours, iċċitata iktar ’il fuq fil-punt 11, punti 200 sa 207) ma jfissirx li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-provi rilevanti. Fil-fatt, jirriżulta mill-premessi 148 et seq tad-deċiżjoni Airtours li huma preċiżament il-punti mqajma mir-rikorrenti li ġew eżaminati mill-Kummissjoni.

 Fuq l-obbligu li tingħata l-importanza dovuta għar-reazzjoni tal-kompetituri u tal-konsumaturi attwali u eventwali

70      Ir-rikorrenti ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkritikat lill-Kummissjoni talli ma eżaminatx kif trid il-liġi r-reazzjoni eventwali tal-operaturi ż-żgħar tat-tours u ta’ kompetituri oħra kif ukoll tal-konsumaturi potenzjali għat-twettiq tal-konċentrazzjoni (sentenza Airtours, iċċitata iktar ’il fuq fil-punt 11, punti 213, 266, 273 u 274). Il-Kummissjoni injorat, fir-rigward ta’ dawn il-punti, il-provi mressqa mir-rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva.

71      Il-Kummissjoni ssostni li, skont id-deċiżjoni Airtours, ix-xkiel prinċipali għall-kapaċità tal-operaturi ż-żgħar tat-tours li jirreaġixxu għal-limitazzjoni tal-kapaċitajiet imposti mill-operaturi l-kbar tat-tours jinsab fl-aċċess għall-postijiet fit-titjiriet. Il-Qorti tal-Prim’Istanza madankollu kkonkludiet li jeżistu numru ta’ sorsi li jistgħu joffru postijiet fit-titjiriet lill-operaturi ż-żgħar tat-tours b’kundizzjonijiet sodisfaċenti. Dan jammonta għal evalwazzjoni differenti tal-provi u mhux għal injorar tagħhom mill-Kummissjoni. L-istess japplika għall-aċċess għall-mezzi ta’ distribuzzjoni. Il-fatt li l-analiżi tal-Kummissjoni ma ġietx aċċettata mill-Qorti tal-Prim’Istanza mhuwiex suffiċjenti sabiex jintwera li hija wettqet żball jew injorat il-provi. Fir-rigward tal-kompetituri potenzjali, il-Kummissjoni ssostni li l-konklużjonijiet tagħha kienu bbażati fuq il-kunsiderazzjonijiet relattivi għall-aċċess għall-postijiet fit-titjiriet u għall-mezzi ta’ distribuzzjoni msemmija għal dak li jirrigwarda l-operaturi ż-żgħar tat-tours. L-istess japplika għall-argument ibbażat fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tar-reazzjoni possibbli tal-konsumaturi, inkwantu l-kapaċità tal-konsumaturi li jixtru l-vaganzi mingħand operaturi żgħar tat-tours tiddependi mill-kapaċità ta’ dawn tal-aħħar li joffruhom. Il-Kummissjoni tikkunsidra li, għalkemm dawn l-evalwazzjonijiet kienu kkunsidrati żbaljati, huma madankollu ma kinux irraġonevoli.

d)     Fuq l-effett kumulattiv tal-każijiet ta’ injorar tal-provi u fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni

72      Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni Airtours tiżvela sensiela ta’ nuqqasijiet tat-tieni grad, li jaggravaw u jikkonfermaw in-nuqqasijiet imsemmija. Sensiela ta’ żbalji, ikkunsidrati flimkien, jistgħu jagħtu lok għar-responsabbiltà tal-Komunità skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 288 KE (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-28 ta’ Novembru 2002, Scan Office Design vs Il-Kummissjoni, T‑40/01, Ġabra p. II‑5043, punt 107). B’hekk, għal dak li jirrigwarda kull aspett tal-argument relattiv għall-pożizzjoni dominanti kollettiva, ir-rikorrenti kienet ressqet elementi ta’ prova li kienu ġew injorati mill-Kummissjoni. Fuq dan il-punt hemm xi erbgħin każ ta’ injorar mill-Kummissjoni ta’ elementi bħal dawn. Ma jistax jiġi allegat mill-Kummissjoni li l-pożizzjoni tagħha fuq dawn il-punti ma kinitx irraġonevoli. Minbarra dan, il-Kummissjoni ssostni li d-deċiżjoni Airtours hija motivata biżżejjed, ħaġa li hi żbaljata, peress li t-tielet motiv tar-rikors għal annullament kien jitratta mhux biss ksur tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 4064/89, iżda wkoll ksur tal-Artikolu 253 KE. Bl-istess mod, l-Artikolu 41 tal- Karta tad-Drittijiet Fondamentali tal-Unjoni Ewropea, ipproklamata fis-7 ta’ Diċembru 2000 f’Nizza (ĠU 2000, C 364, p. 1), jipprovdi li d-dritt għal amministrazzjoni tajba jimplika l-obbligu tal-amministrazzjoni li tispjega d-deċiżjonijiet tagħha. F’dan il-każ, il-Kummissjoni naqset mill-obbligu tagħha li tressaq provi konkreti sabiex id-deċiżjoni Airtours tkun tista’ tiġi kklassifikata fit-tip ta’ deċiżjonijiet li hija tista’ tadotta fid-dawl tal-libertà mogħtija lilha. Jeżistu 22 eżempju ta’ tali motivazzjoni insuffiċjenti.

73      Il-Kummissjoni ssostni li l-fatt li jiġu ppreferuti ċerti elementi ta’ prova minflok elementi oħra ta’ prova ma jammontax għal injorar manifest tal-provi kollha kemm huma u lanqas għal injorar manifest ta’ kull wieħed minn dawn l-elementi. Konklużjoni bħal din tkun aċċettabli biss jekk ir-riżultat miksub fuq il-bażi tal-provi huwa b’mod ċar u manifest f’kontradizzjoni ma’ dawn l-elementi. Il-Kummissjoni turi f’wieħed mill-annessi tal-kontroreplika tagħha l-elementi kollha ta’ prova li kienu fil-pussess tagħha u li ġew eżaminati b’attenzjoni u reqqa matul il-proċedura amministrattiva. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li ksur tal-Artikolu 253 KE ma jagħtix lok għar-responsabbiltà tal-istituzzjoni għaliex l-obbligu ta’ motivazzjoni ma jikkostitwixxix dispożizzjoni legali li tipproteġi lill-individwi. Barra minn hekk, is-sentenza Airtours, iċċitata iktar ’il fuq fil-punt 11, ma tinkludi ebda konstatazzjoni li tidentifika l-eżistenza ta’ ksur tal-obbligu tal-motivazzjoni. Minbarra dan, ir-referenza għall-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fondamentali tal-Unjoni Ewropea mhijiex rilevanti, inkwantu din id-dispożizzjoni ma tindikax li nuqqas ta’ motivazzjoni jiġġustifika rikors għad-danni.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

a)     Fuq l-argument dwar l-obbligu li jiġi rrikonoxxut il-kamp ta’ applikazzjoni limitat tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 4064/89

74      Preliminarjament, bħala risposta għall-allegazzjoni tar-rikorrenti li l-Kummissjoni injorat b’mod manifest u serju l-limiti imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tagħha billi rreferiet għall-inqas parzjalment għat-teorija ekonomika magħrufa bħala tal-effetti unilaterali sabiex tiddikjara l-konċentrazzjoni Airtours/First Choice inkompatibbli mas-suq komuni skont l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 4064/89, għandu jingħad, hekk kif għamlet il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punti 49 sa 54 tas-sentenza Airtours, iċċitata iktar ’il fuq fil-punt 11, li l-Kummissjoni tinnega li adottat approċċ ġdid għal din id-dispożizzjoni u ssostni li applikat l-approċċ użat qabel u approvat mill-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza tagħha tal-25 ta’ Marzu 1999, Gencor vs Il-Kummissjoni (T‑102/96, Ġabra p. II‑753).

75      Fid-dawl ta’ din il-kontestazzjoni mill-Kummissjoni u fin-nuqqas ta’ indikazzjonijiet dettaljati biżżejjed min-naħa tar-rikorrenti li jippermettu li jiġi indikat jekk u b’liema mod dan l-allegat approċċ ġdid seta’ jkollu xi effett fuq l-evalwazzjoni magħmula mill-Kummissjoni tal-effetti tal-konċentrazzjoni Airtours/First Choice fuq il-kompetizzjoni, mhux neċessarju li tittieħed deċiżjoni fuq l-allegat nuqqas milli jiġi osservat l-obbligu li jiġi rrikonoxxut il-kamp ta’ applikazzjoni limitat tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 4064/89.

b)     Fuq l-argumenti dwar l-obbligu li tiġi ddefinita s-sitwazzjoni tas-suq fin-nuqqas ta’ konċentrazzjoni u l-obbligu li jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet ta’ kollużjoni taċita

76      Fir-rigward tal-allegazzjonijiet tar-rikorrenti dwar l-injorar manifest u serju tal-limiti li huma imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-analiżi tagħha tal-konċentrazzjoni Airtours/First Choice fir-rigward tal-kriterji dwar il-ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva, għandu jiġi mfakkar f’xiex tikkonsisti analiżi bħal din.

77      Sitwazzjoni ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva li xxekkel b’mod sinjifikanti l-kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni jew parti sostanzjali minnu tista’ sseħħ bħala riżultat ta’ konċentrazzjoni fejn, fid-dawl tal-karatteristiċi stess tas-suq inkwistjoni u t-tibdil li jseħħ fl-istruttura tiegħu minħabba l-konċentrazzjoni, din ikollha bħala riżutat li, kull membru tal-oligopolija dominanti, meta jindua bl-interessi komuni, jikkunsidra possibbli, ekonomikament razzjonali u b’hekk preferibbli li jadotta fit-tul politika komuni fis-suq bil-għan li l-bejgħ isir bi prezzijiet ogħla minn dawk kompetittivi, mingħajr ma jkollu jsir ftehim jew isir użu minn prattika miftiehma skont l-Artikolu 81 KE, u dan mingħajr ma l-kompetituri attwali jew potenzjali, jew inkella l-klijenti u l-konsumaturi, jistgħu jirreaġixxu b’mod effettiv (sentenza Airtours, iċċitata iktar ’il fuq fil-punt 11, punt 61).

78      Il-ħolqien ta’ sitwazzjoni ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva definita b’dan il-mod teħtieġ tliet kundizzjonijiet. Fl-ewwel lok, kull membru tal-oligopolija dominanti għandu jkun jista’ jaf kif ikunu qed jaġixxu l-membri l-oħra, sabiex jiġi vverifikat jekk humiex jadottaw l-istess politika jew le. Fit-tieni lok, huwa neċessarju li s-sitwazzjoni ta’ koordinazzjoni taċita tista’ żżomm fit-tul, jiġifieri għandu jeżisti inċentiv li wieħed ma jaġixxix b’mod kuntrarju għall-politika komuni fis-suq. Fit-tielet lok, sabiex tintwera kif trid il-liġi l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi wkoll li r-reazzjoni prevedibbli tal-kompetituri attwali u potenzjali kif ukoll tal-konsumaturi ma tippreġudikax ir-riżultati mistennija tal-politika komuni (sentenza Airtours, iċċitata iktar ’il fuq fil-punt 11, punt 62).

79      Fil-kuntest tar-rikors għal annullament, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet li, fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, kellu jiġi konkluż li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni Airtours, mhux talli ma bbażatx l-analiżi prospettiva tagħha fuq provi sodi, iżda kienet wettqet sensiela ta’ żbalji ta’ evalwazzjoni dwar elementi importanti għall-evalwazzjoni tal-ħolqien eventwali ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva. Il-Kummissjoni b’hekk kienet ipprojbixxiet il-konċentrazzjoni mingħajr ma kienet stabbiliet kif trid il-liġi li l-konċentrazzjoni kienet twassal għal pożizzjoni dominanti kollettiva tat-tliet operaturi kbar tat-tours li tammonta għal xkiel kunsiderevoli għall-kompetizzjoni effettiva fis-suq inkwistjoni (sentenza Airtours, iċċitata iktar ’il fuq fil-punt 11, punt 294).

80      Fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali, bħala regola ma jistax jiġi eskluż li difetti manifesti u serji li jaffettwaw l-analiżi ekonomika li tkun il-bażi għal deċiżjoni adottata abbażi tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 4064/89 li tiddikjara konċentrazzjoni inkompatibbli mas-suq komuni skont l-Artikolu 2(1) u (3) tal-imsemmi regolament jistgħu jikkostitwixxu ksur suffiċjentement serju sabiex jagħti lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità skont il-ġurisprudenza (ara l-punti 37 sa 43 iktar ’il fuq).

81      Madankollu, sabiex issir konstatazzjoni bħal din, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni li l-analiżijiet ekonomiċi neċessarji għall-klassifikazzjoni ta’ sitwazzjoni jew ta’ konċentrazzjoni skont id-dritt tal-kompetizzjoni huma ġeneralment, kemm fuq il-livell tal-fatti kif ukoll fuq dak tar-raġunament ibbażat fuq id-deskrizzjoni tagħhom, formulazzjonijiet intellettwali kumplessi u diffiċli, li fihom jista’ jkun hemm ċerti nuqqasijiet, bħal approssimazzjonijiet, inkoerenzi, jew saħansitra anki ommissjonijiet. Dan japplika a fortiori fil-kuntest tal-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet minħabba, b’mod partikolari, ċerti limiti ta’ żmien imposti fuq l-istituzzjoni. Għandu fil-fatt jingħad li għal raġunijiet ta’ ċertezza legali marbuta mal-ħtieġa li l-operaturi ekonomiċi jkunu jistgħu jiksbu deċiżjoni tal-Kummissjoni malajr kemm jista’ jkun sabiex tkun tista’ sseħħ il-konċentrazzjoni tagħhom, din tintervjeni fl-iqsar żmien possibbli. Fil-każ ta’ dubji serji fuq l-effetti tal-konċentrazzjoni notifikata fuq il-kompetizzjoni, il-Kummissjoni għandha biss erba’ xhur sabiex tinvestiga din il-konċentrazzjoni u tikseb l-opinjoni tal-partijiet kollha kkonċernati jew interessati.

82      Huwa iktar probabbli li nuqqasijiet bħal dawn fl-analiżi ekonomika jseħħu meta, bħal fil-każ tal-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet, l-analiżi tinkludi aspett prospettiv. Il-gravità ta’ insuffiċjenza ta’ dokumenti jew loġika tista’, f’dawn iċ-ċirkustanzi, mhux dejjem tikkostitwixxi ċirkustanza suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà Komunitarja. F’dan il-każ, għandu jingħad li d-diffikultà fundamentali fl-aspett prospettiv tal-analiżi tal-effetti tal-konċentrazzjoni fuq is-sitwazzjoni tal-kompetizzjoni, wara t-twettiq tagħha, hija msaħħa iktar mill-fatt li s-sitwazzjoni ekonomika inkwistjoni kienet partikolarment kumplessa, inkwantu l-Kummissjoni kellha tevalwa l-ħolqien eventwali ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva, ta’ natura oligopolistika u mhux sempliċement duopolistika, f’suq li jikkonċerna prodott li jiġbor flimkien bejgħ f’aġenzija tal-vjaġġi, trasport bl-ajru u akkomodazzjoni f’lukanda u fejn il-kompetizzjoni hija eżerċitata iktar fuq il-kapaċità milli fuq il-prezzijiet.

83      Għandu jiġi mfakkar ukoll li l-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni sabiex iżżomm kontroll fuq il-politika Komunitarja tal-kompetizzjoni, li jimplika li prattika rigorożament kostanti u invarjabbli fl-implementazzjoni tar-regoli rilevanti ma tistax tiġi mistennija minnha u, minn dan, jiġi dedott li hija għandha ċerta libertà fl-għażla ta’ strumenti ekonometriċi għad-dispożizzjoni tagħha, kif ukoll f’dik tal-approċċi xierqa għall-istudju ta’ fenomenu (ara, f’dan is-sens, fir-rigward tad-definizzjoni tas-suq rilevanti, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Diċembru 2003, British Airways vs Il-Kummissjoni T‑219/99, Ġabra p. II‑5917, punti 89 et seq, u tas-17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il‑Kummissjoni, T‑201/04, Ġabra p. II-2977, punt 482), sakemm dawk l-għażliet ma jkunux manifestament kuntrarji għar-regoli aċċettati tad-dixxiplina ekonomika u jkunu implementati b’mod konsistenti.

84      Il-kumplessità tas-sitwazzjonijiet li għandhom jiġu rregolati fil-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet, id-diffikultajiet fl-applikazzjoni marbuta mal-limiti ta’ żmien li huma imposti fuq l-amministrazzjoni f’dan il-kuntest, kif ukoll il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha l-Kummissjoni għandhom jiġu kkunsidrati sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju eventwali mwettaq mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-analiżi tagħha tal-effetti tal-konċentrazzjoni Airtours/First Choice fuq il-kompetizzjoni.

85      Konsegwentement, l-analiżi tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-kuntest tar-rikors għad-danni għandha neċessarjament tikkunsidra l-kontinġenzi u d-diffikultajiet inerenti fil-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet b’mod ġenerali u b’mod partikolari l-istrutturi ta’ oligopoliji kumplessi. Huwa f’dan is-sens li għandha tiġi interpretata s-setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni skont il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Bergaderm, iċċitata iktar ’il fuq fil-punt 30. Dan l-eżerċizzju huwa fih innifsu iktar eżiġenti minn dak li huwa impost fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, fejn kulma għandha tagħmel il-Qorti tal-Prim’Istanza huwa li, fil-limiti tal-argumenti ppreżentati mir-rikorrenti, teżamina l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata sabiex tiżgura ruħha li l-Kummissjoni evalwat korrettament l-elementi differenti li jippermettulha tiddikjara l-konċentrazzjoni notifikata inkompatibbli mas-suq komuni skont l-Artikolu 2(1) u (3) tar-Regolament Nru 4064/89. Konsegwentement, kuntrarjament għal dak li tafferma r-rikorrenti, sempliċi żbalji ta’ evalwazzjoni u n-nuqqas ta’ produzzjoni tal-provi rilevanti fil-kuntest tas-sentenza Airtours, iċċitata iktar ’il fuq fil-punt 11, ma jistgħux ikunu suffiċjenti fihom infushom sabiex jagħtu lok għal ksur manifest u serju tal-limiti li huma imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni fil-qasam tal-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet u fil-preżenza ta’ sitwazzjoni ta’ oligopolija kumplessa.

86      F’dan il-kuntest, l-argumenti dwar iż-żieda baxxa fid-domanda jeħtieġu eżami partikolari, inkwantu l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni huma bbażati fuq dan il-punt fuq evalwazzjoni mhux kompluta u żbaljata tal-informazzjoni li ġiet ikkomunikata lilha fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva u li saret referenza għaliha fid-deċiżjoni Airtours (ara l-punt 64 iktar ’il fuq, sentenza Airtours, iċċitata iktar ’il fuq fil-punt 11, punt 127). Madankollu, il-limiti proprji għall-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet huma tali li l-fatt waħdu li l-Kummissjoni interpretat dokument mingħajr ma tat każ il-kliem u l-għan ġenerali tiegħu, għalkemm hija ddeċidiet li tinkludih bħala dokument essenzjali fil-konstatazzjoni tagħha li r-rata ta’ żieda fis-suq kienet moderata fis-snin 90 u kienet se tibqa’ hekk (sentenza Airtours, iċċitata iktar ’il fuq fil-punt 11, punt 130) ma jikkostitwixxix ċirkustanza suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità (ara l-punt 82 iktar ’il fuq). L-istess japplika għall-fatt li l-Kummissjoni injorat ċerta informazzjoni ppreżentata fil-fajl li għaliha kien jirreferi d-dokument inkwistjoni hawnhekk (sentenza Airtours, iċċitata iktar ’il fuq fil-punt 11, punt 132).

87      F’dan il-każ, il-Kummissjoni fil-fatt kienet tiddisponi minn provi fil-fajl amministrattiv li setgħu raġonevolment jagħtuha x’taħseb li ż-żieda ftit kienet ser tkompli tikber fis-snin segwenti. Il-fatt li l-evalwazzjoni li saret fid-deċiżjoni Airtours ġiet iddubitata mill-Qorti tal-Prim’Istanza jaqa’ fil-kuntest ta’ proċeduri dwar il-legalità tal-miżura, li fihom il-Qorti tal-Prim’Istanza teżamina l-konklużjonijiet fid-dritt u fil-fatt magħmula mill-Kummissjoni fid-dawl tal-argumenti ppreżentati mir-rikorrenti fir-rikors tagħha u tal-elementi inklużi fl-imsemmija deċiżjoni. Dan il-fatt madankollu ma jfissirx li l-Kummissjoni wettqet ksur manifest u serju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha fil-qasam tal-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet, billi, bħal f’dan il-każ, hija kapaċi tispjega r-raġunijiet għalfejn setgħet raġonevolment taħseb li l-evalwazzjoni tagħha kienet fondata. F’dan ir-rigward, jirriżulta wkoll mill-fajl amministrattiv, li r-rikorrenti stess kienet forniet lill-Kummissjoni informazzjoni li kienet tipprevedi rata żgħira ta’ żieda annwali fid-domanda għas-snin 2000 sa 2002.

88      Għal dak li jirrigwarda l-argument dwar it-trasparenza tas-suq, ma jistax jiġi kkontestat li l-Kummissjoni ma kkunsidratx fuq dan il-punt element ċentrali sabiex jiġi ddeterminat jekk teżistix pożizzjoni dominanti kollettiva li tirrestrinġi l-kompetizzjoni (ara l-punt 66 iktar ’il fuq u s-sentenza Airtours, iċċitata iktar ’il fuq fil-punt 11, punti 156 sa 180). Madankollu, bħal fil-każ taż-żieda fid-domanda, ir-raġunament espost fuq dan il-punt fid-deċiżjoni Airtours juri li għalkemm il-konklużjonijiet li għaliha waslet il-Kummissjoni ma kkonvinċewx lill-Qorti tal-Prim’Istanza, billi dan ir-raġunament ma kienx suffiċjentement sostnut minn provi jew ġie spjegat ħażin, jibqa’ l-fatt li din tat id-deċiżjoni tagħha wara eżami bir-reqqa tal-informazzjoni fornuta fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva. Anki jekk ġiet stabbilita illegalità fil-kuntest tar-rikors għal annullament, dan l-iżball ta’ evalwazzjoni jista’ jiġi spjegat mil-limiti oġġettivi imposti fuq l-instituzzjoni u l-membri tal-persunal tagħha mid-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet (ara l-punt 43 iktar ’il fuq).

89      Fil-fatt, anki jekk l-approċċ tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni Airtours, li kien limitat għat-teħid inkunsiderazzjoni b’mod ġenerali tan-numru totali ta’ vaganzi kollox inkluż (package holidays) proposti minn kull operatur, ma ġiex ikkunsidrat mill-Qorti tal-Prim’Istanza, li ppreferiet l-approċċ tar-rikorrenti, li sostniet li dan il-proċess kumpless ma kienx jikkonsisti sempliċement fit-tbassir ta’ tiġdid tal-kapaċità stmata jew mibjugħa fil-passat, iżda fl-adozzjoni ta’ numru ta’ deċiżjonijiet individwali fuq il-livell mikroekonomiku fid-dawl ta’ stimi dwar il-volatilità tas-suq u ż-żieda fid-domanda, jibqa’ l-fatt li, fid-dawl tal-elementi preżenti fil-fajl amministrattiv, l-argument żviluppat mill-Kummissjoni, għalkemm żbaljat fid-dawl tal-istħarriġ tal-legalità, ma jikkostitwixxix żball suffiċjentement serju sabiex jiġi kkunsidrat bħala inkompatibbli mal-aġir normali ta’ istituzzjoni responsabbli mis-sorveljar tal-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni.

90      Barra minn hekk, għandu jingħad li l-iżbalji l-oħra kkonstatati fil-kuntest tas-sentenza Airtours, iċċitata iktar ’il fuq fil-punt 11, mhumiex suffiċjentement serji sabiex jistabbilixxu r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità.

91      L-istess japplika għall-allegat nuqqas milli jitwettaq l-obbligu li tiġi definita s-sitwazzjoni tas-suq fin-nuqqas tal-konċentrazzjoni (ara l-punt 56 iktar ’il fuq), peress li jirriżulta b’mod suffiċjenti kif trid il-liġi mill-argumenti ppreżentati mill-Kummissjoni li l-imsemmija sitwazzjoni ġiet eżaminata mid-dipartimenti tagħha fuq il-bażi tal-provi disponibbli sabiex jiġi identifikat x’kienu se jkunu t-tibdiliet fl-istruttura tal-kompetizzjoni wara t-twettiq tal-konċentrazzjoni.

92      L-istess japplika wkoll għall-argumenti bbażati fuq l-instabbiltà tal-ishma mis-suq (ara l-punt 60 iktar ’il fuq), fuq l-allegat nuqqas milli jitwettaq l-obbligu li tiġi eżaminata l-eżistenza ta’ mekkaniżmu ta’ deterrent (ara l-punt 68 iktar ’il fuq) u fuq l-allegat nuqqas milli jitwettaq l-obbligu li tingħata importanza lir-reazzjoni tal-kompetituri u tal-konsumaturi attwali u eventwali (ara l-punt 70 iktar ’il fuq), inkwantu l-argument difiż fuq dawn il-punti mill-Kummissjoni, li ma kkonvinċiex lill-Qorti tal-Prim’Istanza, ma jikkorrispondix mal-injorar manifest u serju tal-elementi preżenti fil-fajl amministrattiv.

93      L-istess raġunament japplika għal dak li jirrigwarda l-argument ibbażat fuq l-instabbiltà tad-domanda (ara l-punt 62 iktar ’il fuq), peress li n-nuqqas invokat mir-rikorrenti ma kellux importanza tali li jista’ jiġi kkunsidrat bħala suffiċjentement serju sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-Komunità. Il-Kummissjoni barra minn hekk issostni, f’dan ir-rigward, li l-provi mressqa fuq dan il-punt mir-rikorrenti fihom infushom ma kinux biżżejjed sabiex juru l-instabbiltà tad-domanda.

c)     Fuq l-argumenti dwar l-effett kumulattiv tal-każijiet ta’ injorar tal-provi u tan-nuqqas ta’ motivazzjoni

94      Ikkunsidrati individwalment, l-iżbalji ta’ evalwazzjoni indikati mill-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza Airtours, iċċitata iktar ’il fuq fil-punt 11, jistgħu jiġu spjegati mil-limiti oġġettivi marbutin mal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet u mill-kumplessità partikolari tas-sitwazzjoni tal-kompetizzjoni eżaminata f’dan il-każ. M’għandhomx jitqajmu dubji dwar din l-analiżi minħabba l-effett kumulattiv invokat mir-rikorrenti, li ssostni li sensiela ta’ żbalji, ikkunsidrati flimkien, tista’ tkun suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità.

95      F’dan ir-rigward, għandu jingħad li l-punt 107 tas-sentenza Scan Office Design vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq fil-punt 72, ma jistax jiġi invokat sabiex isaħħaħ argumenti bħal dawn, billi l-Qorti tal-Prim’Istanza rrilevat hemmhekk li l-Kummissjoni wettqet f’dak il-każ “sensiela ta’ żbalji serji, li, individwalment jew għall-inqas ikkunsidrati flimkien, għandhom jiġu kkunsidrati li jissodisfaw l-ewwel waħda minn tliet kundizzjonijiet neċessarji sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Dawn l-iżbalji huma ta’ natura differenti ħafna minn dik tal-iżbalji ta’ evalwazzjoni msemmija mill-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza Airtours, iċċitata iktar ’il fuq fil-punt 11. Il-kawża li tat lok għas-sentenza Scan Office Design vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq fil-punt 72, kienet tirrigwarda żbalji serji mwettqa fil-kuntest tal-evalwazzjoni ta’ sejħa għal offerti, jiġifieri r-rifjut mill-Kummissjoni li tipprovdi xi dokumenti għar-raġuni żbaljata li l-aċċetazzjoni ta’ offerta relattiva għal kuntratt pubbliku ppreżentata wara l-iskadenza tat-terminu, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ evalwazzjoni mhux iffirmata u mhux ikkummentata jew ta’ evalwazzjonijiet irregolari u l-għażla ta’ offerta mhux konformi mad-dettalji tas-sejħa għal offerti ma kinux jeżistu. F’din il-kawża, l-iżbalji ta’ evalwazzjoni saru mid-dipartimenti tal-Kummissjoni meta huma ntalbu jeżaminaw bosta provi sabiex janalizzaw sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni partikolarment diffiċli biex tiġi kklassifikata. Il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha tiġi rrikonoxxuta favur il-Kummissjoni fil-kuntest tal-kwistjonijiet ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali fir-rigward tal-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet tapplika kemm fil-livell tal-eżami individwali tal-iżbalji li jistgħu jitwettqu fl-istadju tal-analiżi tal-effetti tal-konċentrazzjoni fuq il-kompetizzjoni kif ukoll fl-istadju tal-eżami globali ta’ żbalji bħal dawn. Konsegwentement, f’dan il-każ mhemmx lok li jiġi kkunsidrat li s-sempliċi fatt li bosta żbalji ta’ evalwazzjoni ġew identifikati fis-sentenza Airtours, iċċitata iktar ’il fuq fil-punt 11, jagħti lok neċessarjament għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità.

96      Fl-aħħar nett, għal dak li jirrigwarda l-argument ibbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni fid-deċiżjoni Airtours, għandu jingħad li f’dan il-każ, dan ma jistax jagħti lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità. Fil-fatt jirriżulta mis-sentenza Airtours, iċċitata iktar ’il fuq fil-punt 11, li l-analiżi mill-Qorti tal-Prim’Istanza tat-tielet motiv, ibbażat kemm fuq ksur tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 4064/89 kif ukoll fuq ksur tal-Artikolu 253 KE, hija bbażata biss fuq l-argumenti relattivi għall-ksur tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 4064/89. L-annullament tad-deċiżjoni Airtours huwa b’hekk ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx kif trid il-liġi, fid-dawl tal-provi li saret refernza għalihom fl-imsemmija deċiżjoni, li l-konċentrazzjoni kienet twassal għal pożizzjoni dominanti kollettiva li tista’ tammonta għal xkiel sinjifikanti għall-kompetizzjoni effettiva fis-suq inkwistjoni (sentenza Airtours, iċċitata iktar ’il fuq fil-punt 11, punt 294). Id-deċiżjoni Airtours b’hekk kienet tinkludi motivazzjoni suffiċjenti li ppermettiet lill-Qorti tal-Prim’Istanza tistħarreġ il-legalità tagħha, anki jekk, fil-mertu, din il-motivazzjoni rriżultat żbaljata wara li sar l-istħarriġ.

97      Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni ma wettqitx ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li hija intiża li tagħti drittijiet lill-individwi skont il-ġurisprudenza fil-kuntest tal-analiżi tagħha tal-konċentrazzjoni Airtours/First Choice fir-rigward tal-kriterji dwar il-ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva.

C –  Fuq l-illegalità eventwali mwettqa fl-istadju tal-analiżi tal-impenji

1.     Fuq l-ammissibbiltà tal-argumenti dwar l-illegalità eventwali mwettqa fl-istadju tal-analiżi tal-impenji

a)     L-argumenti tal-partijiet

98      Il-Kummissjoni ssostni li l-argumenti dwar illegalità eventwali mwettqa fl-istadju tal-analiżi ta’ impenji huma inammissibbli, għaliex ir-rikors ma jiżviluppax, lanqas b’mod sommarju, dan l-argument u r-rikorrenti ma tistax tikkuntenta ruħha li tirreferi, fuq dan il-punt, għall-annessi li jirriproduċu l-argumenti spjegati fil-kuntest tar-rikors għal annullament.

99      Ir-rikorrenti ssostni li f’dan il-każ l-unika kwistjoni li għandha tiġi solvuta hija jekk il-Kummissjoni tistax tieħu pożizzjoni fuq il-motiv imqajjem u jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza hijiex f’pożizzjoni li teżerċita s-setgħa ta’ stħarriġ tagħha. L-elementi ppreżentati fuq dan il-punt fir-rikors jissodisfaw dak il-kriterju u huma żviluppati fl-annessi 15 u 16 ta’ din in-nota, li jinkludu l-provi neċessarji.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

100    Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 53, ta’ dan l-Istatut, u l-Artikolu 44(1)(c), tar-Regoli tal-Proċedura, kull rikors għandu jindika l-oġġett tal-kwistjoni u għandu jinkludi espożizzjoni fil-qosor tal-motivi tat-talba. Din l-indikazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti tal-Prim’Istanza teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha. Sabiex tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali u l-aministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa neċessarju li l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom ikun ibbażat ir-rikors jiġu indikati, għall-inqas b’mod sommarju, iżda b’mod ċar u li jinftiehem, fit-test tar-rikors stess (digrieti tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-28 ta’ April 1993, De Hoe vs Il-Kummissjoni, T-85/92, Ġabra p. II‑523, punt 20, u tal-11 ta’ Lulju 2005, Internationaler Hilfsfonds vs Il-Kummissjoni, T‑294/04, Ġabra p. II‑2719, punt 23).

101    Sabiex jissodisfa dawn l-eżiġenzi, rikors għall-kumpens tad-danni kkawżati minn istituzzjoni għandu jinkludi l-provi li jippermettu li jiġi identifikat l-aġir li r-rikorrenti tallega kontriha (digriet Internationaler Hilfsfonds vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq fil-punt 100, punt 24).

102    F’dan il-każ, ir-rikorrenti tindika, fir-rikors tagħha, li r-rifjut min-naħa tal-Kummissjoni milli taċċetta u anki li teżamina l-impenji ppreżentati fil-proċedura amministrattiva jikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju ta’ bosta regoli tad-dritt li huma intiżi li jagħtu drittijiet lill-individwi. F’dan ir-rigward, ir-referenzi li saru fir-rikors għall-argumenti mressqa insostenn tar-raba’ motiv fil-kuntest tar-rikors għal annullament fil-kawża T-342/99, fuq il-legalità tad-deċiżjoni Airtours fid-dawl tar-regoli relattivi għall-impenji, ippreżentati fid-detall fl-annessi 15 u 16 ta’ din in-nota, għandhom jiġu kkunsidrati bħala sempliċi amplifikazzjoni tal-ispjegazzjoni li tinsab fir-rikors, tal-aġir allegatament illegali tal-Kummissjoni għal dak li jirrigwarda l-analiżi ta’ impenji proposti.

103    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, il-Kummissjoni kienet f’pożizzjoni li tipprepara d-difiża tagħha abbażi ta’ dan il-motiv.

104    Għalhekk għandhom jiġu miċħudin l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni fuq l-ammissibbiltà tal-motiv relattiv għall-eżistenza ta’ illegalità eventwali mwettqa fl-istadju tal-analiżi ta’ impenji.

2.     Fuq il-mertu

a)     L-argumenti tal-partijiet

 Fuq l-argumenti ppreżentati fin-noti tal-partijiet

105    Fin-noti tagħha, ir-rikorrenti ssostni li, billi rrifjutat li taċċetta u anki li tikkunsidra l-impenji li hija kienet ipproponiet matul il-proċedura amministrattiva, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 2 u l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 4064/89, il-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, l-obbligu ta’ diliġenza kif ukoll l-obbligu li jiġu applikati korrettament il-proċeduri tagħha stess relattivi għall-eżami tal-impenji. Dan il-ksur jikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju skont il-ġurisprudenza. B’mod partikolari, ir-rikorrenti ssostni li, li kieku l-Kummissjoni kienet aċċettat u mhux ċaħdet b’mod żbaljat l-impenji li hija kienet ipproponiet, il-konċentrazzjoni kienet tiġi awtorizzata b’mod konformi mal-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 4064/89 u li dak kien ikun il-każ anki jekk dawn l-impenji ma kinux neċessarji, billi l-konċentrazzjoni ma kinitx tinvolvi problemi ta’ kompetizzjoni. Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-Kummissjoni kien imissha kkunsidrat it-tieni sensiela ta’ impenji minkejja l-fatt li kienu ġew proposti wara li skada t-terminu previst mir-Regolament Nru 4064/89.

106    Il-Kummissjoni ssostni li jirriżulta mid-deċiżjoni Airtours li l-ewwel sensiela ta’ impenji ma kinitx suffiċjenti sabiex tirrendi l-konċentrazzjoni notifikata kompatibbli mas-suq komuni, inkwantu l-ħolqien ta’ operatur wieħed tat-tours ta’ daqs medju dipendenti mill-aġenziji tal-ivjaġġar ikontrollati mill-operaturi l-kbar tat-tours ma kinitx tiggarantixxi kompetizzjoni suffiċjenti fis-suq inkwistjoni (premessi 186 sa 192 tad-deċiżjoni Airtours). Fir-rigward tat-tieni sensiela ta’ impenji, ippreżentata wara l-iskadenza tat-terminu previst fl-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 447/98, il-Kummissjoni tippreċiża li, anki jekk dan it-terminu jista’ jiġi estiż f’każijiet eċċezzjonali, ir-rikorrenti la talbet proroga, u lanqas tagħmel referenza għal ċirkustanzi li jistgħu jiġġustifikaw miżura bħal din qabel l-iskadenza tal-imsemmi terminu. Barra minn hekk, it-tieni sensiela ta’ impenji ma kienet tinkludi ebda element li ma setax jiġi inkluż fl-ewwel sensiela ta’ impenji. Minbarra dan, ma kienx hemm żmien sabiex jiġu eżaminati sew l-impenji l-ġodda (premessa 193 tad-deċiżjoni Airtours). Iċ-ċaħda ta’ impenji proposti għalhekk hi ġġustifikata u ma tikkostitwixxix ksur suffiċjentement serju sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-Komunità.

 Fuq il-possibbiltà li jiġu eżaminati l-impenji tal-15 ta’ Settembru 1999 fiż-żmien li kien għad baqa’

107    Bħala risposta għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura deċiżi mill-Qorti tal-Prim’Istanza, li kellhom l-għan li jistabbilixxu r-raġunijiet għaliex il-Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni li tevalwa b’mod effettiv l-impenji ppreżentati fil-15 ta’ Settembru 1999 fiż-“żmien qasir li kien għad baqa” u x’kienu l-investigazzjonijiet supplimentari li kienu meħtieġa sabiex jiġu evalwati dawk l-impenji, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kienet f’pożizzjoni teżamina dawk l-impenji u li r-rifjut tagħha li tagħmel dan ma kien la ġġustifikat u lanqas spjegabbli mil-limiti partikolari li kienu impostu oġġettivament fuq id-dipartiment fil-ħidma normali tiegħu.

108    Il-Kummissjoni tispjega r-raġunijiet għalfejn, anki jekk it-terminu sabiex tiddeċiedi fuq il-konċentrazzjoni Airtours kien jiskadi fil-5 ta’ Ottubru 1999, l-abbozz tad-deċiżjoni kellu jkun lest nhar it-Tlieta 21 ta’ Settembru 1999 qabel nofsinhar. Fil-fatt, il-prattika tal-Kummissjoni hija li tipprepara l-abbozz tad-deċiżjoni għal-laqgħa tal-Kulleġġ tal-membri tagħha li tiġi organizzata l-ġimgħa ta’ qabel il-ġimgħa li fiha t-terminu jiskadi sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-possibbiltà li maġġoranza fosthom titlob li jsiru emendi. F’dan il-każ, id-dipartimenti tal-Kummissjoni kellhom biss għad-dispożizzjoni tagħhom tlett ijiem u nofs ta’ xogħol sabiex jeżaminaw l-impenji ppreżentati nhar l-Erbgħa 15 ta’ Settembru 1999, jiġifieri l-Ħamis 16, il-Ġimgħa 17, it-Tnejn 20 u n-nofstanhar ta’ filgħodu tat-Tlieta 21 ta’ Settembru 1999. Fid-dawl tal-fatt li kien għad hemm inċertezzi kunsiderevoli, li fi tlett ijiem u nofs kien ikollhom isiru eżami ġdid tas-suq u konsultazzjoni ġdida mal-kumitat konsultattiv, li l-kummenti riċevuti għal dak li jirrigwarda l-ewwel eżami tas-suq kienu negattivi ħafna, li kulma kien inkluż fit-tieni sensiela ta’ impenji seta’ ġie ppreżentat inizjalment u li r-rikorrenti ma kinux talbu deroga u lanqas ma kienu ppreżentaw ċirkustanzi eċċezzjonali konvinċenti sabiex jibbenefikaw minnha, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-impenji ppreżentati fil-15 ta’ Settembru 1999 ma kellhomx bżonn jiġu eżaminati.

 Fuq in-natura suffiċjenti jew le ta’ impenji ppreżentati fil-15 ta’ Settembru 1999 u r-reazzjoni għat-talba tal-Qorti tal-Prim’Istanza għall-produzzjoni ta’ dokumenti relattivi għal din l-evalwazzjoni

109    Bħala risposta għall-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura deċiża mill-Qorti tal-Prim’Istanza, li kellha l-għan li tistabbilixxi sa fejn l-impenji ppreżentati fil-15 ta’ Settembru 1999 kienu jippermettu jew le li tinsab soluzzjoni għall-problemi identifikati mill-Kummissjoni f’dan l-istadju tal-proċedura, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kienet irreferiet għal żewġ preokkupazzjonijiet, jiġifieri l-ħtieġa li tiġi kkostitwita raba’ forza b’għall-inqas 10 % tas-suq rilevanti u l-aċċess ta’ din l-entità għal netwerk ta’ distribuzzjoni. Dawn iż-żewġ punti huma sodisfatti mill-impenji proposti: ir-raba’ forza, Cosmos, b’0,8 miljun vaganzi kollox inkluż mibjugħa fl-1998, tirċievi attività li tirrapreżenta 0,7 miljun vaganzi kollox inkluż mibjugħa, li jippermettilha, b’1,5 miljun, tirrapreżenta iktar minn 10 % tas-suq rilevanti evalwat fl-1998 għal 13,9 miljun passiġġier – u n-netwerk ta’ distribuzzjoni ta’ First Choice jiġi ttrasferit lilha, flimkien ma’ aċċess għal parti min-netwerk tar-rikorrenti għal perijodu ta’ ħames snin.

110    Il-Kummissjoni ssostni li l-preokkupazzjonijiet tagħha kienu, minn naħa waħda, li tkun tista’ tiġi rrikostitwita raba’ forza b’aċċess għal netwerk ta’ distribuzzjoni u, min-naħa l-oħra, li jiġi ggarantit il-manteniment tal-kompetizzjoni eżerċitata mill-operaturi ż-żgħar tat-tours. Hija tindika li dawn il-preokkupazzjonijiet jirriżultaw prinċipalment mill-osservazzjonijiet magħmula mill-impriżi u mill-assoċjazzjonijiet li kienu rrispodew għall-eżami tas-suq imwettaq għal dak li jikkonċerna l-ewwel sensiela ta’ impenji.

111    F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni ssostni li l-impenji ppreżentati fil-15 ta’ Settembru 1999, wara laqgħa mal-Kummissjoni fl-istess jum, kienu ġodda u sostanzjalment emendati meta mqabbla mal-verżjoni preċedenti u li ma kinux jippermettu li tingħata risposta ċara u b’mod definittiv għall-problemi identifikati f’dan l-istadju. B’hekk, anki jekk hija ċaħdet formalment l-imsemmija impenji għal raġunijiet proċedurali, il-Kummissjoni tindika li hija madankollu għamlet evalwazzjoni preliminari ta’ dawk l-impenji sabiex tistabbilixxi jekk il-possibbiltà li tagħmel domandi lill-partijiet interessati u lill-kumitat konsultattiv setgħetx twassal għal risposta pożittiva. Issa, skont il-Kummissjoni, bosta inċertezzi baqgħu u hija ma setgħetx tikkonkludi b’ċertezza li kienu ser jisparixxu l-preokkupazzjonijiet tagħha għal dak li jirrigwarda l-ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva.

112    Fis-seduta tad-29 ta’ April 2008, il-Qorti tal-Prim’Istanza ordnat lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 65(b), u t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 67(3), tar-Regoli tal-Proċedura, sabiex tipproduċi d-dokumenti kollha fil-pussess tagħha relattivi għall-evalwazzjoni tal-impenji ppreżentati fil-15 ta’ Settembru 1999, li ġew redatti bejn din id-data u d-data li fiha d-deċiżjoni Airtours ġiet adottata, jiġifieri t-22 ta’ Settembru 1999.

113    Bħala risposta għal dik id-domanda, il-Kummissjoni pproduċiet żewġ dokumenti fis-seduta tad-29 ta’ April 2008. L-ewwel dokument huwa nota fil-fajl, mhux datata, li tagħmel sunt tal-kontenut tad-diskussjonijiet li seħħew qabel u matul il-laqgħa organizzata fl-uffiċċji tal-Kummissjoni fil-15 ta’ Settembru 1999 għal dak li jirrigwarda l-impenji, u b’mod partikolari, il-proposta ta’ impenji ppreżentata b’mod informali fl-14 ta’ Settembru 1999. It-tieni dokument huwa nota datata 16 ta’ Settembru 1999, imħejjija mid-direttur tal-Merger Task Force (iktar ’il quddiem l-“MTF”) indirizzata lill-membru tal-Kummissjoni responsabbli mill-kwistjonijiet ta’ kompetizzjoni, li tikkummenta fuq l-impenji ppreżentati fil-15 ta’ Settembru 1999 minn perspettiva proċedurali u mill-perspettiva sostantiva. Dan it-tieni dokument essenzjalment jiddeskrivi, fil-punti 11 sa 13, il-kontenut tal-osservazzjonijiet ippreżentati mill-Kummissjoni bħala risposta għad-domanda tal-Qorti tal-Prim’Istanza fuq l-evalwazzjoni tal-impenji.

114    Fit-terminu previst għal dan il-għan mill-Qorti tal-Prim’Istanza, il-Kummissjoni ppreżentat ukoll dokumenti oħra:

–        nota fil-fajl, iddatata 16 ta’ Settembru 1999, imħejjija minn kap tat-taqsima tal-MTF u relattiva għall-prinċipji applikabbli għall-preżentazzjoni tard tal-impenji;

–        nota ddatata 17 ta’ Settembru 1999, imħejjija mill-istess kap tat-taqsima indirizzata lil uffiċjal tas-segretarjat ġenerali, kif ukoll verżjoni riveduta ta’ din in-nota, li fihom it-test tal-komunikazzjoni li kellha tinħareġ mill-membru tal-Kummissjoni responsabbli mill-kwistjonijiet tal-kompetizzjoni u li jirreferu għal dubji u inċertezzi għal dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni tas-sustanza tal-impenji proposti fil-15 ta’ Settembru 1999;

–        noti ta’ diskors tal-membru tal-Kummissjoni responsabbli mill-kwistjonijiet tal-kompetizzjoni li kellhom jintużaw fil-laqgħa tal-Kummissjoni fuq l-abbozz tad-deċiżjoni Airtours, li jirreferu għal dubji u inċertezzi għal dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tas-sustanza tal-impenji proposti fil-15 ta’ Settembru 1999;

–        abbozz tad-deċiżjoni Airtours, li ma jsemmix l-evalwazzjoni tas-sustanza ta’ impenji proposti fil-15 ta’ Settembru 1999, iżda li jgħid biss li dawk l-impenji ġew ippreżentati tard wisq;

–        nota li tinkludi passi li għandhom jittieħdu, intitolata “Punti ta’ difiża – Offerta ta’ impenji” imħejjija mill-MTF indirizzata lill-membru tal-Kummissjoni responsabbli mill-kompetizzjoni sabiex jiġu ppreżentati argumenti dwar b’mod partikolari l-evalwazzjonijiet tas-sustanza tal-impenji proposti fil-15 ta’ Settembru 1999.

115    Fit-terminu previst għal dan il-għan mill-Qorti tal-Prim’Istanza, ir-rikorrenti ppreżentat il-kummenti tagħha fuq id-dokumenti differenti fornuti mill-Kummissjoni bħala risposta għat-talba tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

116    Il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet għandu bħala għan li jipprovdi lill-impriżi kkonċernati l-awtorizzazzjoni neċessarja u minn qabel għat-twettiq ta’ kull konċentrazzjoni ta’ dimensjoni Komunitarja. Fil-kuntest ta’ dan il-kontroll, dawn l-impriżi jistgħu jipproponu xi impenji lill-Kummissjoni sabiex tinkiseb deċiżjoni li tikkonstata l-kompatibbiltà tal-konċentrazzjoni tagħhom mas-suq komuni.

117    Skont l-istat li fih waslet il-proċedura amministrattiva, l-impenji proposti għandhom jippermettu lill-Kummissjoni jew li tikkunsidra li l-konċentrazzjoni notifikata ma tqajjimx iktar dubji serji fir-rigward tal-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni fl-istadju tal-investigazzjoni preliminari (Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 4064/89) jew li tirrispondi għall-oġġezzjonijiet li saru fil-kuntest tal-eżami approfondit (Artikolu 18(3) moqri flimkien mal-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 4064/89). Dawn l-impenji b’hekk jippermettu, l-ewwel nett, li jiġi evitat il-ftuħ tal-fażi ta’ eżami approfondit jew, imbagħad, li tiġi evitata l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tiddikjara l-inkompatibbiltà tal-konċentrazzjoni mas-suq komuni.

118    L-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 4064/89 fil-fatt jippermetti lill-Kummissjoni li fid-deċiżjoni li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni skont il-kriterju ddefinit fl-Artikolu 2(2) tal-imsemmi regolament, tinkludi kundizzjonijiet u impenji intiżi li jiggarantixxu li l-impriżi kkonċernati jirrispettaw l-impenji li jkunu ħadu fir-rigward tagħha sabiex il-konċentrazzjoni tkun kompatibbli mas-suq komuni.

119    Fid-dawl kemm tal-importanza tal-interessi finanzjarji u tal-interessi industrijali jew kummerċjali inerenti għal dan it-tip ta’ konċentrazzjonijiet kif ukoll tal-poteri li għandha l-Kummissjoni f’dan il-qasam, huwa possibbli li jiġi mistenni li l-impriżi kkonċernati jagħmlu minn kollox sabiex jiġi ffaċilitat ix-xogħol tal-amministrazzjoni. Dawn l-istess raġunijiet jobbligaw ukoll lill-Kummissjoni tuża l-akbar diliġenza fl-eżerċizzju tal-missjoni tagħha ta’ kontroll ta’ konċentrazzjonijiet.

120    F’dan il-każ, jirriżulta mid-deċiżjoni Airtours u mir-risposti tal-partijiet għad-domandi tal-Qorti tal-Prim’Istanza li l-Kummissjoni ddeċidiet tiftaħ il-proċedura ta’ eżami approfondit fit-3 ta’ Ġunju 1999. Hija tat ukoll lir-rikorrenti l-possibbiltà li tgħarraf l-osservazzjonijiet tagħha fuq l-oġġezzjonijiet imqajma mid-dipartimenti tagħha billi bagħtitilha dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet fid-9 ta’ Lulju 1999 u dawn il-kwistjonijiet ġew trattati fis-seduta li nżammet fit-28 u d-29 ta’ Lulju 1999. Sabiex twieġeb għal dawn l-oġġezzjonijiet, ir-rikorrenti pproponiet bosta impenji lill-Kummissjoni fid-19 ta’ Awwissu 1999. Inizjalment, l-impenji previsti kellhom l-għan biss li jiggarantixxu ż-żamma tal-kompetizzjoni mill-operaturi ż-żgħar tat-tours. Il-Kummissjoni madankollu indikat lir-rikorrenti li r-rikostituzzjoni ta’ raba’ forza kienet tkun miżura korrettiva effettiva sabiex twieġeb għall-problemi ta’ kompetizzjoni identifikati f’dan l-istadju. Dan il-punt ġie indirizzat mir-rikorrenti f’laqgħa li saret mal-Kummissjoni fl-24 ta’ Awwissu 1999 fir-rigward ta’ xi impenji proposti fid-19 ta’ Awwissu 1999. Sussegwentement, kienet is-suġġett tal-ewwel sensiela ta’ impenji, ippreżentati formalment fis-7 ta’ Settembru 1999 wara diskussjoni mad-dipartimenti tal-Kummissjoni, u tat-tieni sensiela ta’ impenji, li kienu jemendaw dawk preċedenti, ippreżentati formalment fil-15 ta’ Settembru 1999 wara laqgħa li seħħet fl-istess jum mal-Kummissjoni.

121    Barra minn hekk, għandu jingħad li fil-premessa 193 tad-deċiżjoni Airtours, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-impenji ppreżentati fil-15 ta’ Settembru 1999 ma kellhomx jiġu kkunsidrati mid-dipartimenti tagħha, għaliex kienu ġew ippreżentati wara t-terminu ta’ tliet xhur previst fl-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 447/98, li ġie fi tmiem fis-7 ta’ Settembru 1999, fin-nuqqas ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali rilevanti u ma kienx possibbli li jiġu “evalwati b’mod effettiv fit-terminu qasir li kien għad baqa’ qabel l-iskadenza tat-terminu stabbilit mill-Artikolu 10(3) tar-Regolament [Nru 4064/89]”, jiġifieri l-5 ta’ Ottubru 1999. Dan il-punt mhuwiex ikkontestat mill-partijiet.

122    Lanqas ma huwa kkontestat mill-partijiet li, fuq inizjattiva tagħha stess, ir-rikorrenti ppreżentat impenji ġodda fil-15 ta’ Settembru 1999 sabiex jiġu sostitwiti dawk li kienu ġew ippreżentati fis-7 ta’ Settembru 1999. Din il-proposta għal impenji riveduti saret, fuq il-bażi tal-oġġezzjonijiet identifikati fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u tar-riżultat tal-ewwel eżami tas-suq imwettaq fir-rigward tal-impenji inizjali, sabiex tinstab soluzzjoni għall-problemi ta’ kompetizzjoni identifikati f’dan l-istadju mill-Kummissjoni. Hija din l-aħħar proposta ta’ impenji li għandha tiġi kkunsidrata f’dan il-każ.

123    Fil-fatt, il-fatt li l-Qorti tal-Prim’Istanza ddikjarat illegali l-evalwazzjoni tal-effetti tal-konċentrazzjoni fuq il-kompetizzjoni li għamlet il-Kummissjoni fid-deċiżjoni Airtours ma jfissirx li r-rifjut li taċċetta l-impenji proposti fil-15 ta’ Settembru 1999 huwa illegali minħabba dan il-fatt biss. Fl-istadju li tirreferi għalih l-analiżi tal-Qorti tal-Prim’Istanza, id-deċiżjoni Airtours ma kinitx għadha ġiet adottata u għalhekk kien liberament u b’konoxxenza sħiħa tal-fatti li r-rikorrenti ddeċidiet tipproponi lill-Kummissjoni xi soluzzjonijiet li jippruvaw jirrispondu għall-oġġezzjonijiet identifikati sabiex b’hekk tinkiseb deċiżjoni ta’ kompatibbiltà. Huwa f’dan il-kuntest li għandha tiġi evalwata l-eżistenza ta’ ksur eventwali suffiċjentement serju fl-istadju tal-analiżi ta’ impenji proposti u mhux fid-dawl ta’ elementi li kien għadhom mhux magħrufa mill-partijiet fil-kuntest tad-diskussjoni fuq l-impenji.

124    Fis-seduta tad-29 ta’ April 2008, il-Kummissjoni speċifikat li, fiż-żmien meta seħħew il-fatti, f’Settembru tal-1999, il-prattika tagħha dwar l-eżami ta’ impenji ppreżentati tard kienet li taċċeta impenji bħal dawn biss jekk kienu tali li jirrispondu b’mod ċar għall-oġġezzjonijiet imqajma f’dan l-istadju għal dak li jikkonċerna l-kompatibbiltà tal-konċentrazzjoni mal-kompetizzjoni fis-suq komuni. Dan it-tip ta’ aġir huwa konformi mal-obbligu ta’ diliġenza li taqa’ fuq l-amministrazzjoni fil-kuntest tal-implementazzjoni tas-setgħat tagħha li tieħu deċiżjonijiet mogħtija lilha mill-Artikolu 8(2) u (3) tar-Regolament Nru 4064/89 (ara l-punt 49 iktar ’il fuq).

125    Skont l-indikazzjonijiet fornuti bħala risposta għal domanda tal-Qorti tal-Prim’Istanza fuq dan il-punt, il-Kummissjoni ssostni li l-attitudni inizjali tagħha, li kienet relattivament indulġenti u konċiljatorju, malajr kienet uriet il-limiti tagħha. L-impriżi kkonċernati kellhom it-tendenza jistennew l-aħħar mument sabiex jippreżentaw l-impenji tagħhom u din kienet thedded l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura deċiżjonali fil-qasam tal-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet billi ttellef lill-Kummissjoni milli teżamina dawk l-impenji u tikkonsulta lil terzi u r-rappreżentanti tal-Istati Membri kif suppost. Mis-27 ta’ Mejju 1998, il-Kummissjoni ddeċidiet tapplika b’mod iktar rigoruż it-terminu ta’ tliet xhur previst fl-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 447/98 sabiex tillimita l-possibbiltà li jiġu eżaminati l-impenji ppreżentati tard biss għall-każijiet meta hija tkun għadha f’pożizzjoni li tagħmel evalwazzjoni valida.

126    Din il-prattika, barra minn hekk, ġiet iddikjarata fl-avviż tagħha dwar ir-rimedji aċċettabbli taħt ir-Regolament Nru 4064/89 u r-Regolament Nru 447/98 (ĠU 2001, C 68, p. 3) sabiex jiġu esposti l-lezzjonijiet li rriżultaw mill-esperjenza akkwistata fil-qasam tal-impenji wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 4064/89. Din il-komunikazzjoni tindika fil-punt 43 li l-Kummissjoni taċċetta li teżamina impenji emendati, meta jiġu ppreżentati lilha wara l-limitu previst mir-Regolament Nru 447/98, “fejn hija tista’ tistabbilixxi biċ-ċar - fuq il-bażi tal-istima tagħha ta’ informazzjoni diġà rċevuta matul il-kors tal-investigazzjoni, inklużi r-riżultati ta’ qabel l-ittestjar tas-suq, u mingħajr il-ħtieġa għal kwalunkwe test tas-suq ieħor - li impenni bħal dawn, ladarba implementati, jsolvu l-problemi ta’ kompetizzjoni identifikati u jippermettu ħin biżżejjed għal konsultazzjoni xierqa ta’ Stati Membri”.

127    F’kawża dwar konċentrazzjoni notifikata fl-2004, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li kien jirriżulta minn dan l-avviż, li kien jorbot, b’mod volontarju, lill-Kummissjoni, li l-impenji tal-partijiet f’konċentrazzjoni nnotifikata ippreżentati tard jistgħu jiġu kkunsidrati jekk ikunu sodisfatti żewġ kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri, minn naħa, li dawk l-impenji jsolvu b’mod ċar u mingħajr ħtieġa ta’ eżami addizzjonali l-problemi ta’ kompetizzjoni identifikati minn qabel u, minn naħa l-oħra, li jeżisti biżżejjed żmien sabiex jiġu kkonsultati l-Istati Membri fuq dawk l-impenji (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-21 ta’ Settembru 2005, EDP vs Il-Kummissjoni, T‑87/05, Ġabra p. II‑3745, punti 162 u 163).

128    Għandu jingħad li, ċertament kuntrarjament għal dak li ġie indikat fid-deċiżjoni Airtours, il-Kummissjoni ma ċaħditx l-impenji tal-15 ta’ Settembru 1999 mingħajr ma’ staqsiet lilha nfisha jekk kinux kapaċi jirrispondu b’mod ċar għall-oġġezzjonijiet imqajma f’dan l-isstadju tal-proċedura.

129    F’dan ir-rigward, id-dokumenti ppreżentati bħala risposta għad-domanda tal-Qorti tal-Prim’Istanza jispjegaw ir-raġunijiet għalfejn il-Kummissjoni setgħet tikkunsidra li dawk l-impenji ma kinux sodisfaċenti sabiex jirrispondu għal dawn l-oġġezzjonijiet. In-nota tad-direttur tal-MTF tas-16 ta’ Settembru 1999 u n-nota fuq il-punti ta’ difiża ppreparati mill-MTF indirizzati lil membru tal-Kummissjoni responsabbli mill-kompetizzjoni b’hekk jirreferu għad-dubji tal-Kummissjoni għal dak li jikkonċerna l-allegazzjoni li s-sehem mis-suq tal-grupp il-ġdid propost mir-rikorrenti, ir-raba’ forza, kien ta’ 10 %. Fil-fatt, mhux biss is-sehem mis-suq ta’ First Choice kien akbar minn dak tar-raba’ forza li kienet proposta mir-rikorrenti bħal sostituzzjoni, 11 % skont l-informazzjoni l-iktar baxxa, iżda wkoll, u fuq kollox, din iċ-ċifra ta’ 10 % kienet intlaħqet fuq il-preżunzjoni li Cosmos, li kienet waħda mill-membri ta’ din ir-raba’ forza, kien ikollha żieda interna kunsiderevoli minn sena għall-oħra (ta’ 0,55 miljun vaganzi kollox inkluż mibjugħa fl-1998/99 għal 0,8 miljun vaganzi kollox inkluż mibjugħa fl-1999/2000 jiġifieri 45 % f’sena waħda). Issa, kien diffiċli li tiġi prevista żieda interna bħal dan fid-dawl tal-karatteristiċi tas-suq. Dawk id-dokumenti jirreferu għal dubji u inċertezzi għal dak li jirrigwarda bosta punti, bħall-kompożizzjoni eżatta tal-vaganzi kollox inkluż li kellhom jiġu ttrasferiti għall-attività l-ġdida, l-interess li seta’ jkollha Cosmos, li ma tatx importanza kbira lill-użu ta’ netwerk ta’ aġenziji, sabiex tikseb in-netwerk ta’ aġenziji ta’ First Choice, u l-indipendenza ta’ Cosmos fir-rigward tat-tliet operaturi prinċipali li kienu jibqgħu attivi fis-suq wara l-konċentrazzjoni u li jixtru l-maġġoranza tal-postijiet fit-titjiriet mibjugħa minn Cosmos. L-impenji ppreżentati fil-15 ta’ Settembru 1999 b’hekk ġew effettivament eżaminati mid-dipartimenti tal-Kummissjoni, li rrilevaw bosta elementi li jpoġġu fid-dubju l-fatt li huma jippermettu li tingħata risposta ċara għall-oġġezzjonijiet identifikati f’dan l-istadju tal-proċedura.

130    Il-fatt li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni Airtours, ma rreferietx għall-analiżi ta’ impenji ppreżentati fil-15 ta’ Settembru 1999 li għalihom irreferew id-dipartimenti tagħha ma jistax iwaqqaf lill-Qorti tal-Prim’Istanza milli tikkunsidra dokumenti rilevanti u suffiċjentement probatorji ppreżentati f’dan is-sens fil-kuntest tar-rikors preżenti, li juru r-realtà ta’ din l-analiżi b’mod suffiċjenti kif trid il-liġi.

131    Mingħajr ma jkun neċessarju li tittieħed pożizzjoni fuq il-possibbiltà li l-Kummissjoni teżamina fil-perijodu taż-żmien disponibbli l-impenji riveduti ppreżentati fil-15 ta’ Settembru 1999, jirriżulta minn dak li ntqal iktar ’il fuq li jidher li dawk l-impenji ma kinux tali li jirrispondu b’mod ċar għall-oġġezzjonijiet imqajma f’dan l-istadju għal dak li jikkonċerna l-kompatibbiltà tal-konċentrazzjoni mal-kompetizzjoni fis-suq komuni. L-aġir tal-Kummissjoni b’hekk ma kellux bħala konsegwenza li r-rikorrenti ġiet imċaħħda minn kull possibbiltà li l-konċentrazzjoni tkun iddikjarata kompatibbli mas-suq komuni. Il-Kummissjoni b’hekk ma kisritx l-obbligu tagħha ta’ diliġenza fuq dan il-punt.

132    Konsegwentement, il-Kummissjoni ma wettqitx ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li hija intiża li tagħti drittijiet lill-individwi li jagħti lok għar-responsabbiltà tal-Komunità fil-kuntest tal-analiżi ta’ impenji ppreżentati mir-rikorrenti wara l-proċedura amministrattiva.

133    Għalhekk, ir-rikors għandu jiġi miċħud.

134    Huwa wkoll neċessarju li jiġu miċħuda d-diversi talbiet ippreżentati mir-rikorrenti għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura sabiex jinkisbu ċerti dokumenti jew sabiex isiru ċerti kjarifiki ta’ punti fattwali jew proċedurali. Fil-fatt, fid-dawl tar-risposti għad-domandi magħmula lill-partijiet u wara eżami tad-dokumenti kkomunikati mill-Kummissjoni dwar l-analiżi tal-impenji tal-15 ta’ Settembru 1999 (ara l-punti 113 u 114 iktar ’il fuq), għandu jiġi kkunsidrat li l-miżuri mitluba mhumiex neċessarjament sabiex tittieħed deċiżjoni fuq il-kawża preżenti u, b’hekk, mhemmx lok li jintlaqgħu dawn it-talbiet.

 Fuq l-ispejjeż

135    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Madankollu, skont l-Artikolu 87(3) tal-istess regoli, jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom jew għal raġunijiet eċċezzjonali, il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.

136    F’dan il-każ, il-Qorti tal-Prim’Istanza tirrileva li l-Kummissjoni ssostni fid-deċiżjoni Airtours li, minħabba l-preżentazzjoni tard tal-impenji u n-nuqqas ta’ żmien disponibbli, hija ma eżaminatx l-impenji ppreżentati mir-rikorrenti fil-15 ta’ Settembru 1999. Billi għamlet dan, ir-rikorrenti, bħall-Qorti tal-Prim’Istanza, setgħet taħseb li dawk l-impenji rriveduti, ippreżentati wara laqgħa mad-dipartimenti tal-Kummissjoni sabiex tiġi emendata l-proposta ta’ impenji inizjali biex ir-rikorrenti twieġeb aħjar għall-preokkupazzjonijiet identifikati f’dan l-istadju tal-proċedura, ma kinux ġew eżaminati minn din l-istituzzjoni għal raġunijiet purament proċedurali. Issa, jirriżulta mill-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u l-miżuri istruttorji deċiżi mill-Qorti tal-Prim’Istanza, minn naħa, sabiex tipprepara għas-seduta tad-29 ta’ April 2008 u, min-naħa l-oħra, f’din is-seduta, li d-dipartimenti tal-Kummissjoni mhux sempliċiment skartaw bħala ppreżentati tard, l-impenji proposti fil-15 ta’ Settembru 1999, iżda li kienu wettqu wkoll eżami preliminari ta’ dawk l-impenji sabiex jikkonstataw li ma kinux suffiċjenti f’dan l-istadju.

137    Il-fatt li l-Kummissjoni kienet verament wettqet eżami xieraq tal-impenji ppreżentati fil-15 ta’ Settembru 1999 permezz tad-dipartimenti tagħha skont il-prattika tagħha ta’ dak iż-żmien, li huwa punt deċiżiv għas-soluzzjoni tal-kawża, b’hekk sar magħruf mir-rikorrenti u mill-Qorti tal-Prim’Istanza biss fi stadju avvanzat ħafna tal-proċedura kontenzjuża.

138    Il-fatt li din l-informazzjoni ngħatat tard hija iktar deplorevoli meta jitqies il-fatt li f’bosta okkażjonijiet fil-kawża preżenti u fil-kawża T-403/05 (ara l-punt 18 iktar ’il fuq), ir-rikorrenti talbet lill-Kummissjoni tagħtiha d-dokumenti kollha, essenzjalment, sabiex tkun tista’ tressaq l-argumenti tagħha quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. Għalkemm jista’ jiġi kkunsidrat a priori li d-dokumenti inkwistjoni mhumiex ta’ tip li tista’ taċċedi għalihom parti f’konċentrazzjoni fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva skont ir-Regolament Nru 4064/89 jew li jista’ jaċċedi għalihom membru tal-pubbliku wara talba skont ir-Regolament Nru 1049/2001, jibqa’ l-fatt li dawn id-dokumenti kienu importanti sabiex ir-rikorrenti tressaq l-argumenti tagħha fil-kuntest tal-proċedura preżenti u għall-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tevalwa r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità.

139    B’hekk, u għalkemm dan ma kellux effett fuq il-kawża preżenti inkwantu l-imsemmija dokumenti ġew ippreżentati matul dawn il-proċeduri, id-dokumenti ppreżentati fis-seduta tad-29 ta’ April 2008 u wara kien imisshom ġew ikkomunikati malli l-Kummissjoni ppreżentat ir-risposta tagħha, li fiha din ikkontestat kemm l-ammissibbiltà kif ukoll il-mertu tal-motiv ibbażat fuq l-eżistenza ta’ illegalità eventwali mwettqa fl-istadju tal-analiżi ta’ impenji. Konsegwentement, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li tkun saret evalwazzjoni tajba taċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ meta tiddeċiedi li l-Kummissjoni tbati l-ispejjeż tagħha.

140    Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(4), l-Istati Membri intervenjenti fil-kawża, għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Għaldaqstant, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tielet Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      MyTravel Group plc għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

3)      Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

4)      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Azizi

Cooke

Cremona

Labucka

 

      Frimodt Nielsen

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-9 ta’ Settembru 2008.

E. Coulon

 

      J. Azizi

Reġistratur

 

      President

Werrej

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

A –  Kunsiderazzjonijiet preliminari fuq il-kundizzjonijiet biex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità

1.  L-argumenti ġenerali tal-partijiet

a)  Fuq il-kunċett tal-ksur suffiċjentement serju

b)  Fuq il-kunċett tar-regola intiża li tagħti drittijiet lill-individwi

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

a)  Fuq il-kunċett ta’ ksur suffiċjentement serju

b)  Fuq il-kunċett tar-regoli intiżi li jagħtu drittijiet lill-individwi

B –  Fuq l-eżistenza ta’ “ksur suffiċjentement serju” fl-istadju tal-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tal-effetti tal-konċentrazzjoni Airtours/First Choice fuq il-kompetizzjoni fis-suq komuni

1.  L-argumenti tal-partijiet

a)  Fuq l-obbligu li jiġi rrikonoxxut il-kamp ta’ applikazzjoni limitat tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 4064/89

b)  Fuq l-obbligu li tiġi definita s-sitwazzjoni tas-suq fin-nuqqas ta’ konċentrazzjoni

c)  Fuq l-obbligu li jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet ta’ kollużjoni taċita

Fuq l-instabbiltà tal-ishma mis-suq

Fuq l-instabbiltà tad-domanda

Fuq iż-żieda baxxa fid-domanda

Fuq it-trasparenza tas-suq

Fuq l-obbligu li jiġi eżaminat jekk kienx jeżisti mekkaniżmu ta’ deterrent

Fuq l-obbligu li tingħata l-importanza dovuta għar-reazzjoni tal-kompetituri u tal-konsumaturi attwali u eventwali

d)  Fuq l-effett kumulattiv tal-każijiet ta’ injorar tal-provi u fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

a)  Fuq l-argument dwar l-obbligu li jiġi rrikonoxxut il-kamp ta’ applikazzjoni limitat tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 4064/89

b)  Fuq l-argumenti dwar l-obbligu li tiġi ddefinita s-sitwazzjoni tas-suq fin-nuqqas ta’ konċentrazzjoni u l-obbligu li jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet ta’ kollużjoni taċita

c)  Fuq l-argumenti dwar l-effett kumulattiv tal-każijiet ta’ injorar tal-provi u tan-nuqqas ta’ motivazzjoni

C –  Fuq l-illegalità eventwali mwettqa fl-istadju tal-analiżi tal-impenji

1.  Fuq l-ammissibbiltà tal-argumenti dwar l-illegalità eventwali mwettqa fl-istadju tal-analiżi tal-impenji

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

2.  Fuq il-mertu

a)  L-argumenti tal-partijiet

Fuq l-argumenti ppreżentati fin-noti tal-partijiet

Fuq il-possibbiltà li jiġu eżaminati l-impenji tal-15 ta’ Settembru 1999 fiż-żmien li kien għad baqa’

Fuq in-natura suffiċjenti jew le ta’ impenji ppreżentati fil-15 ta’ Settembru 1999 u r-reazzjoni għat-talba tal-Qorti tal-Prim’Istanza għall-produzzjoni ta’ dokumenti relattivi għal din l-evalwazzjoni

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq l-ispejjeż



* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.