Language of document :

Rikors ippreżentat fl-14 taʼ Frar 2013 - Heli-Flight vs EASA

(Kawża T-102/13)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Heli-Flight GmbH & Co. KG (Reichelsheim, il-Ġermanja) (rappreżentant: T. Kittner, avukat)

Konvenuta: Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà fl-Avjazzjoni (EASA)

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni tal-konvenuta tat-13 ta' Jannar 2012 li tiċħad it-talba tar-rikorrenti għall-approvazzjoni tal-kundizzjonijiet ta' titjir għall-ħelikopter Robinson R66 (Nru tas-Serje 0034);

tiddikjara li, fir-rigward tat-talbiet tar-rikorrenti għall-approvazzjoni tal-kundizzjonijiet ta' titjir għall-ħelikopter Robinson R66 (Nru tas-Serje 0034) tal-11 ta' Lulju 2011 u tal-10 ta' Jannar 2012, il-konvenuta naqset b'mod mhux ġustifikat milli tieħu azzjoni;

tiddikjara li l-konvenuta hija responsabbli għal kumpens ta' kwalunkwe dannu subit mir-rikorrenti minħabba li l-konvenuta ċaħdet it-talbiet għall-approvazzjoni tal-kundizzjonijiet ta' titjir għall-ħelikopter Robinson R66 (Nru tas-Serje 0034) tal-11 ta' Lulju 2011 u tal-10 ta' Jannar 2012 u/jew naqset b'mod mhux ġustifikat milli tieħu azzjoni fir-rigward tad-deċiżjonijiet għall-approvazzjoni tal-kundizzjonijiet ta' titjir għal dan il-ħelikopter;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ħlas tal-ispejjeż tal-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tal-ewwel talba tagħha, ir-rikorrenti essenzjalment tinvoka s-segwenti:

Fil-fehma tar-rikorrenti, id-deċiżjoni dwar l-approvazzjoni tal-kundizzjonijiet ta' titjir ma hijiex deċiżjoni diskrezzjonali. F'dan il-kuntest, hija ssostni inter alia li hija l-konvenuta u mhux ir-rikorrenti li għandha l-oneru li tipprova li f'kundizzjonijiet speċifiċi l-inġenju tal-ajru inkwistjoni jista' jtir mingħajr periklu.

Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li fil-każ li d-deċiżjoni tal-konvenuta dwar l-approvazzjoni tal-kundizzjonijiet ta' titjir hija ta' natura diskrezzjonali, il-konvenuta naqset milli teżerċita din id-diskrezzjoni, jew, fi kwalunkwe każ, eżerċitatha b'mod żbaljat. Skont ir-rikorrenti, il-konvenuta eżerċitat id-diskrezzjoni tagħha b'mod żbaljat meta bbażat ruħha fuq informazzjoni dwar is-sigurtà miksuba mill-proċedura għall-ħruġ ta' ċertifikati tat-tip, li fiha r-rikorrenti ma kinitx parti. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tilmenta li l-konvenuta naqset milli tissostanzja b'mod suffiċjenti t-tħassib ta' sigurtà allegat f'din il-kawża. F'dan il-kuntest, ir-rikorrenti ssostni li hija ma ngħatat ebda opportunità sabiex tagħmel il-kummenti tagħha fir-rigward tal-allegati sorsi ta' riskju konkreti. Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-argumentazzjoni tal-konvenuta hija manifestament kontradittorja.

Sussidjarjament, ir-rikorrenti ssostni li hija ġabet il-prova tan-nuqqas ta' periklu tat-titjir tal-inġenju tal-ajru inkwistjoni taħt kundizzjonijiet speċifiċi.

Fl-aħħar nett, fir-rigward tat-talba tagħha għal annullament, ir-rikorrenti ssostni ksur tal-obbligu ta' amministrazzjoni tajba min-naħa tal-konvenuta. Skont ir-rikorrenti, il-konvenuta naqset milli twettaq l-obbligu tagħha ta' investigazzjoni, ibbażat ruħha b'mod żbaljat fuq il-kunfidenzjalità fil-kuntest tal-proċedura għall-ħruġ ta' ċertifikati tat-tip, kisret id-dritt għal smigħ tar-rikorrenti u kisret l-obbligu ta' motivazzjoni.

____________