Language of document :

Appell ippreżentat fis-6 ta’ Lulju 2021 mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Il-Hames Awla) fil-21 ta’ April 2021 fil-Kawża T-322/19, El-Qaddafi vs Il-Kunsill

(Kawża C-413/21 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellant: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (rappreżentanti: V. Piessevaux, M. Bishop, aġenti)

Parti oħra fil-proċedura: Aisha Muammer Mohamed El-Qaddafi

Talbiet

L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata tal-Qorti Ġenerali;

tiddeċiedi b’mod finali dwar il-kwistjonijiet li huma s-suġġett ta’ dan l-appell u tiċħad ir-rikors tar-rikorrent;

u

tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż ta’ dan l-appell u għal dawk tal-Kawża T-322/19.

Aggravji u argumenti prinċipali

Il-Kunsill isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji fis-sentenza appellata fil-Kawża T-322/19 fir-rigward tal-punti li ġejjin:

l-ewwel aggravju: ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikolu 36, moqri flimkien mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u interpretazzjoni żbaljata tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/1333 1 ;

it-tieni aggravju: interpretazzjoni żbaljata tal-Artikoli 8(1) u 9(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2015/1333 u tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament tal-Kunsill 2016/44 2 ;

it-tielet aggravju: il-Qorti Ġenerali żnaturat l-argumenti tal-Kunsill, kisret il-prinċipju li n-noti għandhom jiġu interpretati skont il-kliem stess tagħhom, interpretat b’mod ħażin id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2015/1333 u r-Regolament tal-Kunsill 2016/44 u kisret l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali;

ir-raba’ aggravju: il-Qorti Ġenerali żnaturat il-provi, kisret il-prinċipju li d-dokumenti u n-noti għandhom jiġu interpretati skont il-kliem stess tagħhom, kisret l-Artikolu 36, moqri flimkien mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, u kisret l-Artikolu 263 TFUE u l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

____________

1 Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/1333 tal-31 ta’ Lulju 2015 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja, u li tħassar id-Deċiżjoni 2011/137/PESK (ĠU 2015, L 206, p. 34).

2 Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/44 tat-18 ta’ Jannar 2016 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 204/2011 (ĠU 2016, L 12, p. 1, rettifika fil-ĠU 2019, L 6, p. 10).