Language of document : ECLI:EU:C:2022:568

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

14 ta’ Lulju 2022 (*)

“Rikors għal annullament – Dritt istituzzjonali – Regolament (UE) 2018/1718 – Iffissar tas-sede tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) f’Amsterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi) – Artikolu 263 TFUE – Ammissibbiltà – Interess ġuridiku – Locus standi – Inċidenza diretta u individwali – Deċiżjoni adottata mir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri fil-marġni ta’ laqgħa tal-Kunsill bil-għan li jiġi stabbilit il-post fejn tinsab is-sede ta’ aġenzija tal-Unjoni Ewropea – Assenza ta’ effetti vinkolanti fl-ordinament ġuridiku tal‑Unjoni – Prerogattivi tal-Parlament Ewropew”

Fil-Kawżi magħquda C‑106/19 u C‑232/19,

li għandhom bħala suġġett żewġ rikorsi għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE, ippreżentati fil‑11 ta’ Frar 2019 u fl‑14 ta’ Marzu 2019,

IrRepubblika Taljana, irrappreżentata minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn C. Colelli, S. Fiorentino u G. Galluzzo, avvocati dello Stato (C‑106/19),


Comune di Milano, irrappreżentat minn J. Alberti, M. Condinanzi, A. Neri u F. Sciaudone, avvocati (C‑232/19),

rikorrenti,

vs

IlKunsill talUnjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Bauer, J. Bauerschmidt, F. Florindo Gijón u E. Rebasti, bħala aġenti,


IlParlament Ewropew, irrappreżentat minn I. Anagnostopoulou, A. Tamás u L. Visaggio, bħala aġenti,

konvenuti,

sostnuti minn:

IrRenju talPajjiżi lBaxxi, irrappreżentat minn M. K. Bultermann u J. Langer, bħala aġenti,

IlKummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn K. Herrmann, D. Nardi u P. J. O. Van Nuffel, bħala aġenti,

intervenjenti,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Arabadjiev, K. Jürimäe, C. Lycourgos, E. Regan, S. Rodin, I. Jarukaitis, N. Jääskinen u J. Passer, Presidenti ta’ Awla, J.‑C. Bonichot, M. Safjan, F. Biltgen, P. G. Xuereb, A. Kumin u N. Wahl (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: R. Șereș, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑8 ta’ Ġunju 2021,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑6 ta’ Ottubru 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikorsi tagħhom, ir-Repubblika Taljana (C‑106/19) u l-Comune di Milano (il-Komun ta’ Milano, l-Italja) (C‑232/19) jitolbu l-annullament tar-Regolament (UE) 2018/1718 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Novembru 2018 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 726/2004 dwar il-post tas-sede tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (ĠU 2018, L 291, p. 3, iktar ’il quddiem ir-“Regolament ikkontestat”).

 Ilkuntest ġuridiku

2        Fit‑12 ta’ Diċembru 1992, ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri adottaw bi ftehim komuni, fuq il-bażi tal-Artikolu 216 tat-Trattat KEE, tal-Artikolu 77 tat-Trattat KEFA u tal-Artikolu 189 tat-Trattat KEEA, id-deċiżjoni fuq il-post tas-sede tal-istituzzjonijiet u ta’ certi korpi u dipartimenti tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 223, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni ta’ Edinburgh”).

3        L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni ta’ Edinburgh jiffissa s-sedi rispettivi tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, tal-Kummissjoni Ewropea, tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri u tal-Bank Ewropew tal-Investiment.

4        Skont l-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni::

“Is-sede tal-kopri [korpi] u d-dipartimenti l-oħra mwaqqfa jew li se jitwaqqfu għandha tkun deċiża bi ftehim komuni bejn ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet ta’ l-Istati Membri fil-Kunsill Ewropew fil-ġejjieni, waqt li dawn iqisu l-vantaġġi tad-diżposizzjonijiet t’hawn fuq għall-Istati Membri kkonċernati, u waqt li jagħtu l-prijorità xierqa lill-Istati Membri li bħalissa ma jistgħux jipprovdu post għall-istituzzjonijiet tal-Komunità.”

5        L-Artikolu 341 TFUE jipprevedi li: “[i]s-sedi ta’ l-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni għandhom jiġu stabbiliti bi ftehim bejn il-Gvernijiet ta’ l-Istati Membri”.

6        Skont il-Protokoll Nru 6 dwar il-lokalità tas-sede ta’ l-istituzzjonijiet u ta’ ċerti organi, korpi u dipartimenti ta’ l-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Protokoll Nru 6”), anness mat-Trattati UE, FUE u KEEA:

“Ir-rappreżentanti tal-gvernijiet ta’ l-Istati Membri,

Wara li kkunsidraw l-Artikolu 341 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta’ l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 189 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea ta’ l-Enerġija Atomika,

Waqt li jfakkru u jikkonfermaw id-Deċiżjoni tat‑8 ta’ April 1965, u mingħajr preġudizzju għad-deċiżjonijiet li jikkonċernaw is-sede ta’ istituzzjonijiet, organi, korpi u dipartimenti futuri,

Qablu dwar id-dispożizzjonijet li ġejjin […]:

Artikolu Uniku

a)      Il-Parlament Ewropew għandu jkollu s-sede tiegħu fi Strasburgu […]

b)      Il-Kunsill għandu jkollu s-sede tiegħu fi Brussell. […]

c)      Il-Kummissjoni għandha jkollha s-sede tagħha fi Brussell. […]

d)      Il-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea għandha jkollha s-sede tagħha fil-Lussemburgu.

e)      Il-Qorti ta’ l-Awdituri għandha jkollha s-sede tagħha fil-Lussemburgu.

f)      Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali għandu jkollu s-sede tiegħu fi Brussell.

g)      l-Kumitat tar-Reġjuni għandu jkollu s-sede tiegħu fi Brussell.

h)      l-Bank Ewropew ta’ l-Investiment għandu jkollu s-sede tiegħu fil-Lussemburgu.

i)      l-Bank Ċentrali Ewropew għandu jkollu is-sede tiegħu fi Frankfurt.

j)      L-Uffiċju tal-Pulizija Ewropea (Europol) għandu jkollu s-sede tiegħu fl-Aja.”

 Ilfatti li wasslu għallkawża

7        L-Aġenzija Ewropea għall-Valutazzjoni ta’ Prodotti Mediċinali ġiet stabbilita bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2309/93 tat‑22 ta’ Lulju 1993 li jistipula proċeduri tal-Komunità għall-awtorizzazzjoni u s-sorveljanza ta’ prodotti mediċinali għall-użu tal-bniedem u veterinarju u li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għall-Valutazzjoni ta’ Prodotti Mediċinali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 12, p. 151). Dan ir-regolament ma kien jinkludi l-ebda dispożizzjoni dwar l-iffissar tas-sede ta’ din l-aġenzija.

8        Bis-saħħa tal-Artikolu 1(e) tad-Deċiżjoni 93/K 323/01 tad‑29 ta’ Ottubru 1993 meħuda bi ftehim komuni bejn ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet ta’ l-Istati Membri, li qed jiltaqgħu fuq livell ta’ kap ta’ stat u gvern, fuq il-post tas-sede ta’ ċerti korpi u dipartimenti tal-Komunitajiet Ewropej u l-Europol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 229), is-sede ta’ din l-aġenzija ġiet iffissata f’Londra (ir-Renju Unit).

9        Ir-Regolament Nru 2309/93 tħassar u ġie ssostitwit bir-Regolament (KE) Nru 726/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑31 ta’ Marzu 2004 li jistabbilixxi proċeduri Komunitarji għall-awtorizzazzjoni u s-sorveljanza ta’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem u veterinarju u li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 34, p. 229). Permezz ta’ dan ir-regolament, l-Aġenzija Ewropea għall-Valutazzjoni ta’ Prodotti Mediċinali bidlet l-isem għal “Aġenzija Ewropea għall-Mediċini”. L-imsemmi regolament ma kien jinkludi l-ebda dispożizzjoni dwar l-iffissar tas-sede ta’ din tal-aħħar.

10      Fid‑29 ta’ Marzu 2017, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, konformement mal-Artikolu 50(2) TUE, innotifika lill-Kunsill Ewropew l-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni.

11      Fit‑22 ta’ Ġunju 2017, fil-marġni ta’ laqgħa tal-Kunsill Ewropew dwar il-proċedura prevista fl-Artikolu 50 TUE, il-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern tas‑27 Stat Membru ieħor approvaw, fuq il-bażi ta’ proposta tal-President tal-Kunsill Ewropew u tal-President tal-Kummissjoni, proċedura għall-finijiet tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar it-trasferiment lejn siti oħra tas-sede tal-EMA u tal-Awtorità Bankarja Ewropea fil-kuntest tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni (iktar ’il quddiem ir-“regoli ta’ selezzjoni”).

12      Ir-regoli ta’ selezzjoni kienu jipprevedu b’mod partikolari li din id-deċiżjoni kellha tittieħed fuq il-bażi ta’ proċess deċiżjonali ġust u trasparenti, li jinkludi l-organizzazzjoni ta’ sejħa għal offerti bbażata fuq kriterji oġġettivi preċiżi.

13      F’dan il-kuntest, il-punt 3 tar-regoli ta’ selezzjoni stabbilixxa sitt kriterji, jiġifieri i) l-iżgurar li l-aġenzija tista’ tiġi kkostitwita fil-post u tibda twettaq il-funzjonijiet tagħha fid-data tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni; ii) l-aċċessibbiltà tas-sit tal-istabbiliment propost; iii) l-eżistenza ta’ infrastrutturi ta’ tagħlim adegwati għat-tfal tal-persunal tal-aġenzija; iv) aċċess xieraq għas-suq tax-xogħol, għas-sigurtà soċjali u għall-kura medika kemm għat-tfal kif ukoll għall-konjuġi; v) il-kontinwità tal-operat; u vi) il-bilanċ ġeografiku.

14      Skont ir-regoli ta’ selezzjoni, dawn il-kriterji ġew stabbiliti b’analoġija ma’ dawk stabbiliti fl-approċċ komuni li jinsab fl-anness tad-dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni tad‑19 ta’ Lulju 2012 dwar l-aġenziji deċentralizzati (iktar ’il quddiem id-“Dikjarazzjoni konġunta tal‑2012”), b’attenzjoni partikolari li kellha tingħata għall-fatt li l-EMA u l-Awtorità Bankarja Ewropea kienu diġà ġew stabbiliti u li l-kontinwità tal-attivitajiet tagħhom kienet primordjali.

15      Il-punt 2 tar-regoli ta’ selezzjoni kien jesponi, barra minn hekk, li d-deċiżjoni kellha tittieħed permezz ta’ proċedura ta’ votazzjoni li r-riżultat tiegħu l-Istati Membri ftehmu minn qabel li jaċċettaw. B’mod partikolari, ġie indikat li, fil-każ ta’ voti ndaqs bejn l-offerti li jifdal matul it-tielet votazzjoni, id-deċiżjoni kienet tittieħed permezz ta’ tlugħ bix-xorti bejn l-offerti li rċevew l-istess numru ta’ voti.

16      Fit‑30 ta’ Settembru 2017, il-Kummissjoni ppubblikat l-evalwazzjoni tagħha tas-27 offerta ssottomessa mill-Istati Membri.

17      Fil‑31 ta’ Ottubru 2017, il-Kunsill ippubblika nota li tissupplimenta r-regoli ta’ selezzjoni fir-rigward ta’ kwistjonijiet prattiċi li jikkonċernaw il-votazzjoni.

18      Fl‑20 ta’ Novembru 2017, l-offerta tar-Repubblika Taljana u dik tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi rċevew l-istess numru ta’ voti fil-kuntest tat-tielet votazzjoni. Wara t-tlugħ bix-xorti organizzat konformement mal-punt 2 tar-regoli ta’ selezzjoni, intgħażlet l-offerta tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi.

19      Konsegwentement, f’din l-istess data, ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri għażlu, fil-marġni ta’ laqgħa tal-Kunsill, il-Belt ta’ Amsterdam bħala s-sede l-ġdida tal-EMA (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni tal‑20 ta’ Novembru 2017”). Il-minuti u l-istqarrija għall-istampa ta’ din il-laqgħa jindikaw dan li ġej:

“Il-Kummissjoni issa ser tħejji proposti leġislattivi li jirriflettu l-votazzjoni tal-lum biex jiġu adottati permezz tal-proċedura leġislattiva ordinarja bl-involviment tal-Parlament Ewropew. Il-Kunsill u l-Kummissjoni huma impenjati li jiżguraw li dawn il-proposti leġislattivi jiġu pproċessati malajr kemm jista’ jkun minħabba l-urġenza tal-kwistjoni.”

20      Fid‑29 ta’ Novembru 2017, il-Kummissjoni adottat il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 726/2004 dwar il-post tas-sede tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (COM(2017) 735 final). Fil-motivi ta’ din il-proposta ġie ppreċiżat, li wara “n-notifika tar-Renju Unit fid‑29 ta’ Marzu 2017 bl-intenzjoni tiegħu li jitlaq mill-Unjoni, skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, is-27 Stati Membri l-oħra, imlaqqa’ fil-marġini tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali (iktar ’il quddiem l-‘Artikolu 50’), [kienu] għażlu lil Amsterdam, in-Netherlands [il-Pajjiżi l-Baxxi], bħala s-sede l-ġdida tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini.” L-Artikolu 1 tal-imsemmija proposta kien jipprevedi l-inklużjoni tal-Artikolu 71a fir-Regolament Nru 726/2004, ifformulat kif ġej: “L-[EMA] għandu jkollha s-sede tagħha f’Amsterdam, fin-Netherlands.”

21      Fl‑14 ta’ Novembru 2018, ir-Regolament ikkontestat ġie adottat fuq il-bażi tal-Artikolu 114 tal-Artikolu 168(4)(c) TFUE.

22      Skont il-premessi 1, 2 u 3 ta’ dan ir-regolament:

“(1)      Fil-kuntest n-notifika tar-Renju Unit fid‑29 ta’ Marzu 2017 tal-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (‘TUE’), is-27 Stati Membri l-oħra, imlaqqa’ fl‑20 ta’ Novembru 2017 fil-marġini tal-Kunsill, għażlu lil Amsterdam, in-Netherlands [il-Pajjiżi l-Baxxi], bħala s-sede l-ġdida tal-[EMA].

(2)      B’kont meħud tal-Artikolu 50(3) TUE, jenħtieġ li l-[EMA] tibda tokkupa s-sede il-ġdida tagħha mit‑30 ta’ Marzu 2019.

(3)      Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tal-[EMA] fil-post il-ġdid tagħha, jenħtieġ li jiġi konkluż ftehim dwar il-kwartieri ġenerali bejn l-[EMA] u n-Netherlands qabel ma l-[EMA] tibda tokkupa s-sede l-ġdida tagħha.”

23      L-Artikolu 1 tar-Regolament ikkontestat introduċa fir-Regolament Nru 726/2004 l-Artikolu 71a, li huwa fformulat kif ġej:

“L-[EMA] għandu jkollha s-sede tagħha f’Amsterdam, fin-Netherlands [il-Pajjiżi l-Baxxi].

L-awtoritajiet kompetenti tan-Netherlands għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li l-Aġenzija tkun tista’ tidħol fil-post temporanju tagħha mhux aktar tard mill‑1 ta’ Jannar 2019 u li tkun tista’ tidħol fil-post permanenti tagħha mhux aktar tard mis‑16 ta’ Novembru 2019.

L-awtoritajiet kompetenti tan-Netherlands għandhom jippreżentaw rapport bil-miktub lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-progress li jkun sar fir-rigward tal-adattamenti għall-uffiċċji temporanji u dwar il-kostruzzjoni tal-binja permanenti sas‑17 ta’ Frar 2019, u kull tliet xhur wara din id-data, sakemm l-Aġenzija tkun daħlet fil-post permanenti tagħha.”

24      Bis-saħħa tal-ewwel u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tiegħu, ir-Regolament ikkontestat daħal fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u sar applikabbli mit‑30 ta’ Marzu 2019.

 Ittalbiet talpartijiet

 Kawża C106/19

25      Ir-Repubblika Taljana titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla r-Regolament ikkontestat u

–        tikkundanna lill-Kunsill u lill-Parlament għall-ispejjeż.

26      Il-Kunsill jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat u

–        tikkundanna lir-Repubblika Taljana għall-ispejjeż.

27      Il-Parlament jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors u

–        tikkundanna lir-Repubblika Taljana għall-ispejjeż.

 Kawża C232/19

28      Il-Comune di Milano jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla r-Regolament ikkontestat;

–        tiddikjara mingħajr effett id-deċiżjoni tal‑20 ta’ Novembru 2017 u

–        tikkundanna lill-Kunsill u lill-Parlament għall-ispejjeż.

29      Il-Kunsill jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat u

–        tikkundanna lill-Comune di Milano għall-ispejjeż.

30      Il-Parlament jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli jew, fi kwalunkwe każ, bħala infondat u

–        tikkundanna lill-Comune di Milano għall-ispejjeż.

31      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fid‑29 ta’ April 2019, il-Parlament qajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà konformement mal-Artikolu 151(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

32      Fl-osservazzjonijiet tiegħu ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl‑1 ta’ Lulju 2019, il-Comune di Milano talab, prinċipalment, li din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tiġi miċħuda u, sussidjarjament, li l-imsemmija eċċezzjoni tiġi magħquda mal-mertu.

 Ilproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

33      Permezz ta’ deċiżjonijiet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑20 ta’ Mejju 2019 u tal‑14 ta’ Ġunju 2019 fil-Kawżi C‑106/19 u C‑232/19, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni, rispettivament, ġew ammessi sabiex jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kunsill u tal-Parlament.

34      Permezz ta’ deċiżjoni tas‑26 ta’ Novembru 2019, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Parlament fil-Kawża C‑232/19 ingħaqdet mal-mertu.

35      B’deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad‑19 ta’ Diċembru 2019, il-Kawżi C‑106/19 u C‑232/19 ġew magħquda għall-finijiet tat-tkomplija tal-proċedura u tas-sentenza.

36      Fid‑19 ta’ Novembru 2020, il-Parlament, bis-saħħa tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 16 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, talab li l-Qorti tal-Ġustizzja tiltaqa’ bħala Awla Manja f’din il-kawża.

 Fuq ittalba għal proċedura mħaffa

37      Permezz ta’ att separat tal‑11 ta’ Frar 2019, ir-Repubblika Taljana talbet li l-Kawża C-106/19 tiġi ttrattata skont il-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 133 tar-Regoli tal-Proċedura. Insostenn ta’ din it-talba, hija sostniet li t-trasferiment provviżorju tas-sede tal-EMA f’Amsterdam kien għadu għaddej fid-data tal-preżentata tar-rikors tagħha u li t-trasferiment definittiv ta’ dan l-uffiċċju kien previst għax-xahar ta’ Novembru 2019, li kien jagħti urġenza partikolari għat-trattament ta’ din il-kawża.

38      L-Artikolu 133(1) tar-Regoli tal-Proċedura jipprevedi li, fuq talba tar-rikorrent jew tal-konvenut, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja jista’, wara li jinstemgħu l-parti l-oħra, l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, jiddeċiedi li kawża tiġi suġġetta għal proċedura mħaffa meta n-natura tal-kawża teżiġi li tiġi ttrattata f’qasir żmien.

39      F’dan il-każ, fil‑15 ta’ Frar 2021, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda, wara li nstemgħu l-partijiet l-oħra, l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, li ma jilqax din it-talba.

40      Fil-fatt, li tintlaqa’ l-imsemmija talba ma kienx jippermetti lir-Repubblika Taljana tikseb is-sospensjoni tal-implimentazzjoni, pendenti, tar-Regolament ikkontestat u, b’mod partikolari, tal-proċess ta’ trasferiment tas-sede tal-EMA minn Londra għal Amsterdam. Barra minn hekk, in-natura sensittiva u kumplessa tal-problemi ġuridiċi mqajma mill-Kawża C‑106/19, kif ukoll mill-kawżi konnessi magħha u li rreferiet għalihom ir-Repubblika Taljana fit-talba tagħha, diffiċilment kienet twassal għall-applikazzjoni ta’ tali proċedura, peress li, b’mod partikolari, ma kienx jidher xieraq li titqassar il-fażi bil-miktub tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociația “Forumul Judecătorilor din România” et, C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393, punt 103 u l-ġurisprudenza ċċitata).

 Fuq irrikors

 Fuq lammissibbiltà tarrikors ippreżentat millComune di Milano filKawża C232/19

 Largumenti talpartijiet

41      Il-Kunsill isostni li r-rikors fil-Kawża C‑232/19 huwa manifestament inammissibbli, peress li l-Comune di Milano la għandu locus standi u lanqas interess ġuridiku kontra r-Regolament ikkontestat.

42      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-locus standi, il-Kunsill isostni li l-Comune di Milano ma huwiex direttament u individwalment ikkonċernat mir-Regolament ikkontestat, li jikkostitwixxi att leġiżlattiv, fis-sens tal-Artikolu 289(3) TFUE, adottat bis-saħħa tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja prevista fl-Artikolu 294 TFUE.

43      Fil-fatt, minn naħa, fir-rigward tal-kwistjoni jekk il-Comune di Milano huwiex direttament ikkonċernat mir-Regolament ikkontestat, il-Kunsill iqis li l-Comune di Milano ma jurix liema effetti dannużi ġarrab fuq livell sostantiv wara l-adozzjoni ta’ dan ir-regolament. Il-fatt li l-Comune di Milano ntgħażel mir-Repubblika Taljana fil-kuntest tal-kandidatura tiegħu sabiex jilqa’ s-sede tal-EMA ma jagħmlux suġġett direttament ikkonċernat mill-imsemmi regolament.

44      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-kwistjoni jekk il-Comune di Milano huwiex individwalment ikkonċernat mir-Regolament ikkontestat, il-Kunsill jallega li l-Comune di Milano baqa’ ma weriex kif l-adozzjoni ta’ dan ir-regolament ippreġudikat l-eżerċizzju konkret tal-kompetenzi tiegħu, kif inhuma ddefiniti fl-ordinament ġuridiku Taljan. Barra minn hekk, peress li l-Comune di Milano ma kienx involut fil-proċedura ta’ adozzjoni tal-imsemmi regolament, il-fatt li huwa pparteċipa fit-tħejjija tal-offerta Taljana u fil-proċedura ta’ selezzjoni ma jippermettix li jiġi stabbilit li huwa individwalment ikkonċernat mill-istess regolament.

45      F’dan ir-rigward, il-Kunsill jirrileva li d-dritt tal-Unjoni ma jagħti, la fir-regoli ta’ proċedura u lanqas fl-atti intiżi għas-selezzjoni tas-sede tal-EMA, ebda dritt speċifiku ta’ parteċipazzjoni f’suġġetti oħra minbarra l-Istati Membri. Hija irrilevanti l-ġurisprudenza ċċitata mill-Comune di Milano li tirrikonoxxi l-locus standi lill-individwi meta dawn jissemmew espressament fid-dokumenti preparatorji tal-atti kkontestati u meta dawn tal-aħħar jirriżultaw mit-teħid inkunsiderazzjoni konkret ta’ elementi li jikkonċernaw lil dawn l-individwi. Bl-istess mod, il-Comune di Milano ma weriex liema ċirkustanzi speċifiċi jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni legali tiegħu b’mod li jitqies li huwa destinatarju tar-Regolament ikkontestat. Barra minn hekk, il-Kunsill jenfasizza li r-riferiment għall-prinċipji stabbiliti fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi huwa irrilevanti. Fl-aħħar nett, l-allegati spejjeż sostnuti mill-Comune di Milano, li saru fuq inizjattiva tiegħu stess, ma jurux li huwa individwalment ikkonċernat minn dan ir-regolament.

46      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-interess ġuridiku, il-Kunsill huwa tal-fehma li l-Comune di Milano ma pprovax li huwa għandu interess personali, reali u attwali fir-rikors ippreżentat. L-ewwel nett, is-suċċess eventwali ta’ dan ir-rikors ikollu bħala uniku konsegwenza l-annullament tal-att li jinkorpora d-deċiżjoni meħuda mill-Istati Membri li jiffissaw is-sede tal-EMA f’Amsterdam, u mhux l-għażla bħala tali tal-Belt ta’ Milano bħala s-sede l-ġdida ta’ din l-aġenzija. Sussegwentement, dan is-suċċess eventwali ma huwiex biżżejjed sabiex jiggarantixxi li l-kundizzjonijiet dwar il-kisba ta’ kumpens ikunu ssodisfatti. Fl-aħħar nett, l-eventwali konsegwenzi ta’ natura ekonomika jew soċjali li jirriżultaw mill-adozzjoni ta’ att tal-Unjoni ma jippermettux, bħala tali, li jiġi stabbilit li kollettività territorjali hija individwalment ikkonċernata minn dan l-att. L-interess ġuridiku ta’ awtorità lokali jeżisti biss meta d-Deċiżjoni kkontestata tista’ tipproduċi effett benefiku fuq is-sitwazzjoni legali tagħha, jiġifieri meta din id-deċiżjoni jkollha konsegwenzi fuq l-eżerċizzju tal-kompetenzi mogħtija lilha skont id-dritt nazzjonali.

47      Il-Parlament isostni wkoll li l-Comune di Milano la għandu locus standi u lanqas interess ġuridiku kontra r-Regolament ikkontestat. Huwa jenfasizza b’mod partikolari li, meta dan ir-regolament ikun att leġiżlattiv tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 289(3) TFUE, huwa l-Comune di Milano li għandu juri li huwa direttament u individwalment ikkonċernat minnu. Issa, din il-prova hija kjarament nieqsa f’dan il-każ.

48      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-locus standi, il-Parlament isostni, minn naħa, li ċ-ċirkustanzi invokati mill-Comune di Milano ma jurux li r-Regolament ikkontestat, li jillimita ruħu li jiffissa s-sede l-ġdida tal-EMA f’Amsterdam, jikkonċernah direttament. Dan ir-regolament jillimita ruħu, essenzjalment, li jistabbilixxi s-sede l-ġdida tal-EMA wara l-proposta fformulata mill-Kummissjoni. Il-leġiżlatur tal-Unjoni fl-ebda mument ma rċieva proposta intiża li tiffissa l-imsemmija sede f’Milano. Fl-assenza ta’ kull rabta ġuridika bejn l-għażla magħmula fid-deċiżjoni tal‑20 ta’ Novembru 2017 u l-proposta tal-Kummissjoni li minnha joriġina l-imsemmi regolament, ma jkunx permess li jitqies li l-Comune di Milano huwa direttament ikkonċernat mid-dispożizzjonijiet tal-istess regolament.

49      Min-naħa l-oħra, il-Parlament isostni li l-Comune di Milano lanqas ma huwa individwalment ikkonċernat mir-Regolament ikkontestat, sa fejn iċ-ċirkustanzi li din l-entità territorjali tinvoka ma humiex suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li hija tinsab f’sitwazzjoni li tikkaratterizzaha meta mqabbla ma’ kull persuna oħra fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. B’mod partikolari, kull intervent eventwali tal-Comune di Milano skont il-kooperazzjoni mibdija mill-Istati Membri sabiex jiffissaw il-post tas-sede l-ġdida tal-EMA, b’mod partikolari bis-saħħa tar-regoli ta’ selezzjoni approvati fit‑22 ta’ Ġunju 2017, ma jistax ikollu l-effett li jikkaratterizza l-Belt ta’ Milano b’mod xieraq sabiex jissodisfa l-kundizzjoni tal-interess individwali msemmi fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Barra minn hekk, u indipendentement mill-valur li għandu jingħata lil dawn ir-regoli, dawn ma jagħtu ebda rwol partikolari lill-awtoritajiet lokali fis-selezzjoni tal-offerti proposti, peress li dan ir-rwol huwa rriżervat lill-gvernijiet tal-Istati Membri kkonċernati. Fuq dan il-punt, is-sitwazzjoni msemmija f’dan il-każ hija differenti minn dik inkwistjoni fl-oqsma tad-dazji antidumping jew tal-kuntratti pubbliċi, fejn il-parteċipazzjoni ta’ ċerti atturi hija espressament prevista mil-leġiżlazzjoni fis-seħħ.

50      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-interess ġuridiku tal-Comune di Milano, il-Parlament huwa tal-fehma li l-argumenti mressqa minn dan tal-aħħar ma jistgħux isostnu suffiċjentement skont il-liġi l-eżistenza ta’ tali interess personali u reali. L-ewwel nett, huwa diffiċli li wieħed jimmaġina li l-annullament eventwali tar-Regolament ikkontestat jista’ jagħtih benefiċċju, fis-sens tal-ġurisprudenza rilevanti, fl-assenza ta’ kull effett dirett ta’ dan ir-regolament fuq is-sitwazzjoni ġuridika tal-Comune di Milano. Sussegwentement, il-Parlament isostni li, fi kwalunkwe każ, l-interess invokat mill-Comune di Milano ma jistax jiġi assimilat ma’ interess “personali”. Fil-fatt, huwa manifest li l-imsemmi regolament bl-ebda mod ma jinterferixxi mal-awtonomija leġiżlattiva jew finanzjarja tal-Comune di Milano sa fejn jillimita ruħu li jiffissa s-sede l-ġdida tal-EMA f’Amsterdam. F’dan ir-rigward, il-Parlament isostni li huwa l-Gvern Taljan u mhux il-Comune di Milano li pparteċipa fil-proċedura ta’ selezzjoni. Barra minn hekk, anki jekk jiġi preżunt li r-Regolament ikkontestat kellu jiġi annullat, it-trasferiment tas-sede tal-EMA lejn Milano huwa purament ipotetiku u ma jistax, għaldaqstant, jiġi invokat bħala bażi għall-interess ġuridiku tal-Comune di Milano. Fl-aħħar nett, il-Parlament isostni li annullament eventwali ta’ dan ir-regolament ma jistax ikun tali li jistabbilixxi mill-ġdid sitwazzjoni li dan tal-aħħar ma biddilx.

51      Il-Comune di Milano jsostni, min-naħa tiegħu, li mhux biss għandu locus standi sabiex jitlob l-annullament tar-Regolament ikkontestat, iżda wkoll interess ġuridiku.

52      Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-locus standi tiegħu, il-Comune di Milano jenfasizza li r-Regolament ikkontestat, li jipproduċi effetti erga omnes u li huwa direttament applikabbli, jaffettwa mingħajr dubju s-sitwazzjoni legali tiegħu fil-kwalità tiegħu ta’ belt kandidata u ta’ parteċipant attiv fil-proċess ta’ għażla tas-sede l-ġdida tal-EMA. Huwa jsostni li, bħal dak li ġie deċiż fil-qasam tad-dazji antidumping jew fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, il-persuni li ġew identifikati jew li pparteċipaw fi proċedura li wasslet għall-adozzjoni ta’ att għandhom locus standi partikolari kontra dan tal-aħħar. Huwa jenfasizza li, matul il-proċedura ta’ selezzjoni inkwistjoni f’dan il-każ, li l-eżitu tagħha ddetermina l-kontenut tar-Regolament ikkontestat, il-Belt ta’ Milano kisbet l-ikbar numru ta’ voti u li, peress li l-kandidatura tagħha tissodisfa r-rekwiżiti kollha meħtieġa, l-unika raġuni għalfejn ma ġietx magħżula bħala s-sede l-ġdida tal-EMA tinsab fl-illegalità ta’ dan ir-regolament.

 Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

53      Qabelxejn, għandu jitfakkar li r-rikors ta’ entità reġjonali jew lokali ma jistax jiġi assimilat ma’ rikors ta’ Stat Membru, peress li l-kunċett ta’ “Stat Membru” fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE jkopri biss l-awtoritajiet governattivi tal-Istati Membri (sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2022, Il‑Ġermanja et vs Il‑Kummissjoni, C‑177/19 P sa C‑179/19 P, EU:C:2022:10, punt 69 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

54      Tali entitajiet huma, bħal kull persuna fiżika jew ġuridika msemmija fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, suġġetti għall-kundizzjonijiet speċifiċi li din id-dispożizzjoni tipprevedi. Huma għandhom għalhekk jiġġustifikaw b’mod distint u kumulattiv kemm interess ġuridiku kif ukoll il-locus standi tagħhom kontra l-att li tiegħu huma jitolbu l-annullament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs Il‑Kummissjoni, C‑33/14 P, EU:C:2015:609, punt 62 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

–       Fuq linteress ġuridiku talComune di Milano

55      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, rikors għal annullament ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika huwa ammissibbli biss sa fejn din tal-aħħar ikollha interess li tara li l-att ikkontestat jiġi annullat. Tali interess jeħtieġ li l-annullament ta’ dan l-att jista’, fih innifsu, ikollu konsegwenzi legali u li r-rikors b’hekk ikun jista’, bl-eżitu tiegħu, jagħti vantaġġ lill-parti li tkun ippreżentatu. Il-prova ta’ tali interess, li għandu jiġi evalwat fil-jum li fih jiġi ppreżentat ir-rikors u li jikkostitwixxi l-kundizzjoni essenzjali u primordjali għal kull rikors ġudizzjarju, għandha titressaq mir-rikorrent (sentenzi tat‑18 ta’ Ottubru 2018, Gul Ahmed Textile Mills vs Il‑Kunsill, C‑100/17 P, EU:C:2018:842, punt 37, kif ukoll tas‑27 ta’ Marzu 2019, Canadian Solar Emea et vs Il‑Kunsill, C‑236/17 P, EU:C:2019:258, punt 91).

56      F’dan il-każ, l-eventwali annullament tar-Regolament ikkontestat jista’ jagħti lok għall-adozzjoni ta’ regolament ġdid differenti, fir-rigward tal-mertu, tar-Regolament ikkontestat. Fil-fatt, kif isostni l-Comune di Milano, tali annullament iwassal għat-tkomplija tal-proċedura leġiżlattiva bil-għan li jiġi ffissat il-post tas-sede tal-EMA, bil-konsegwenza li l-Belt ta’ Milano tiġi proposta u aċċettata sabiex tilqa’ din is-sede, u li, fi tmiem il-proċedura ta’ selezzjoni l-ġdida, din il-belt tiġi magħżula bħala l-post tal-istabbiliment il-ġdid ta’ din l-aġenzija.

57      Minn dan isegwi li l-Comune di Milano għandu interess li jitlob l-annullament tar-Regolament ikkontestat.

–       Fuq illocus standi talComune di Milano

58      Konformement mar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika tista’, taħt il-kondizzjonijiet previsti fl-ewwel u t-tieni subparagrafu, tippreżenta rikors kontra att indirizzat lilha jew li jikkonċernaha direttament u individwalment, kif ukoll kontra att regolatorju li jikkonċernaha direttament u li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni

59      F’dan ir-rigward, entità reġjonali jew lokali tista’, sa fejn hija tgawdi, bħall-Comune di Milano, mill-personalità ġuridika skont id-dritt nazzjonali, tippreżenta rikors għal annullament bis-saħħa tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE (sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Il‑Venezwela vs Il‑Kunsill (Inċidenza għal Stat terz), C‑872/19 P, EU:C:2021:507, punt 45 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

60      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li r-Regolament ikkontestat għandu jiġi kklassifikat bħala att leġiżlattiv peress li ġie adottat fuq il-bażi tal-Artikolu 114 TFUE flimkien mal-Artikolu 168(4)(c) TFUE, u konformement mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa biss jekk il-Comune di Milano jkun jista’ jitqies li huwa direttament u individwalment ikkonċernat minn dan ir-regolament li r-rikors tiegħu jkun ammissibbli.

61      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-Comune di Milano huwiex direttament ikkonċernat mir-Regolament ikkontestat, għandu jitfakkar li r-rekwiżit, previst fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, li jgħid li persuna fiżika jew ġuridika għandha tkun direttament ikkonċernata mill-miżura li hija s-suġġett tar-rikors jeħtieġ li jiġu ssodisfatti b’mod kumulattiv żewġ kundizzjonijiet, jiġifieri, minn naħa, li din il-miżura tipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali ta’ din il-persuna u, min-naħa l-oħra, li hija ma tħalli ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji responsabbli għall-implimentazzjoni tagħha, fejn din l-implimentazzjoni tkun ta’ natura purament awtomatika u tirriżulta mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni stess, mingħajr l-applikazzjoni ta’ regoli intermedji oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni, Il‑Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il‑Kummissjoni vs Ferracci, C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punt 42, kif ukoll tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Il‑Venezwela vs Il‑Kunsill (Inċidenza għal Stat terz), C‑872/19 P, EU:C:2021:507, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62      Għandu jiġi eżaminat suċċessivament jekk il-Comune di Milano jissodisfax kull wieħed minn dawn iż-żewġ rekwiżiti.

63      L-ewwel, ir-Regolament ikkontestat jindika l-Belt ta’ Amsterdam bħala s-sede tal-EMA b’effett immedjat u vinkolanti. Peress li dan ir-regolament ma jħalli ebda marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-għażla tal-post tas-sede tal-EMA u li huwa juża, f’dan ir-rigward, l-effetti legali tiegħu mingħajr ma tkun meħtieġa ebda miżura komplementari, it-tieni rekwiżit, imsemmi fil-punt 61 ta’ din is-sentenza, huwa ssodisfatt.

64      Kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 97 tal-konklużjonijiet tiegħu, din il-konstatazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-fatt li, skont il-premessa 3 tar-Regolament ikkontestat, id-drittijiet u l-obbligi speċifiċi tal-Belt ta’ Amsterdam huma intiżi li jiġu speċifikati fi ftehim dwar is-sede li għandu jiġi konkluż bejn l-EMA u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi.

65      It-tieni, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk ir-Regolament ikkontestat jipproduċix direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tar-rikorrent, għandu jiġi enfasizzat li l-Belt ta’ Milano, irrappreżentata mill-Comune di Milano, bħala entità territorjali li għandha personalità ġuridika, kienet waħda mill-bliet kandidati għall-finijiet tal-iffissar tas-sede l-ġdida tal-EMA.

66      Barra minn hekk, huwa stabbilit li l-kandidatura tal-Belt ta’ Milano ġiet espressament eżaminata matul il-proċedura leġiżlattiva u li l-proposta tal-Kummissjoni msemmija fil-punt 20 ta’ din is-sentenza kienet is-suġġett ta’ diversi proposti ta’ emenda fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Parlament.

67      F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-sitwazzjoni legali tal-Comune di Milano ġiet direttament affettwata mill-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat sa fejn dan identifika, b’mod ġuridikament vinkolanti, il-Belt ta’ Amsterdam bħala l-post tas-sede l-ġdida tal-EMA, bl-effett awtomatiku tal-esklużjoni ta’ Milano, belt kandidata, bħala l-post ta’ din is-sede l-ġdida.

68      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-Comune di Milano huwiex individwalment ikkonċernat mir-Regolament ikkontestat, minn ġurisprudenza stabbilita sew jirriżulta li, sabiex tkun ikkonċernata individwalment minn att ta’ portata ġenerali, il-persuna li tippreżenta rikors għal annullament għandha turi li l-att ikkontestat jolqotha minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għaliha jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzaha meta mqabbla ma’ kull persuna oħra u, minħabba dan il-fatt, tindividwalizzaha b’mod analogu għal dak tad-destinatarju ta’ att (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il‑Kummissjoni, 25/62, EU:C:1963:17, p. 223, kif ukoll tal‑20 ta’ Jannar 2022, Deutsche Lufthansa vs Il‑Kummissjoni, C‑594/19 P, EU:C:2022:40, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

69      F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel, li, skont il-premessa 1 tar-Regolament ikkontestat, l-adozzjoni ta’ dan ir-regolament segwiet il-proċedura ta’ selezzjoni li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni tal‑20 ta’ Novembru 2017.

70      Issa, huwa stabbilit li, fil-kuntest tal-imsemmija proċedura ta’ selezzjoni, il-Belt ta’ Milano ġiet magħżula mir-Repubblika Taljana bħala belt kandidata sabiex tilqa’ s-sede l-ġdida tal-EMA u li, wara t-tielet votazzjoni, hija kisbet, flimkien mal-Belt ta’ Amsterdam, il-kompetitriċi diretta tagħha, l-ikbar numru ta’ voti. Għalhekk, il-Belt ta’ Milano kienet tagħmel parti mill-grupp magħluq ta’ bliet kandidati sabiex tilqa’ din is-sede u minħabba f’hekk, fil-mument tal-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat, kienet tinsab f’sitwazzjoni partikolari fir-rigward ta’ dan tal-aħħar ta’ natura li tagħtih id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

71      It-tieni, hekk kif il-Kunsill stess irrileva fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu, is-sitwazzjoni tal-Belt ta’ Milano ġiet espliċitament imsemmija, diversi drabi, bħala sede possibbli tal-EMA, matul il-proċedura leġiżlattiva li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat.

72      Għalhekk, il-Comune di Milano jinsab, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, f’sitwazzjoni fattwali li tindividwalizzah b’mod analogu għal dak tad-destinatarju ta’ att.

73      Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-fatt li l-proċedura ta’ selezzjoni mwettqa qabel l-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat kienet tagħti rwol biss lill-Istati Membri u mhux lill-awtoritajiet lokali. Fil-fatt, mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Comune di Milano kien strettament assoċjat mal-elaborazzjoni tal-offerta formalment ippreżentata mir-Repubblika Taljana u mal-passi amministrattivi intiżi li jippromwovu l-Belt ta’ Milano għall-finijiet tal-għażla tas-sede l-ġdida tal-EMA.

74      L-imsemmija konklużjoni lanqas ma hija affettwata mill-ġurisprudenza, riflessa, b’mod partikolari, fil-punt 73 tas-sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2022, Il‑Ġermanja et vs Il‑Kummissjoni (C‑177/19 P sa C‑179/19 P, EU:C:2022:10), dwar il-konfigurazzjoni partikolari, differenti minn dik inkwistjoni f’dan il-każ, li fiha entità infrastatali ssostni li l-att li tiegħu hija titlob l-annullament jipprekludiha milli teżerċita kif jidhrilha l-kompetenzi proprji mogħtija lilha mill-ordinament kostituzzjonali nazzjonali.

75      Ċertament, kif enfasizzaw il-Parlament u l-Kunsill, ma huwiex biżżejjed, sabiex tiġi rrikonoxxuta l-ammissibbiltà ta’ rikors ippreżentat minn kollettività territorjali ta’ Stat Membru, li hija tinvoka l-fatt li l-applikazzjoni jew l-implimentazzjoni ta’ att tal-Unjoni tista’ taffettwa, b’mod ġenerali, il-kundizzjonijiet soċjoekonomiċi fit-territorju tiegħu.

76      Madankollu, ir-rikors ippreżentat mill-Comune di Milano jirrigwarda sitwazzjoni distinta, jiġifieri dik li fiha belt intagħżlet bħala sede ta’ aġenzija tal-Unjoni, bil-konsegwenza taċ-ċaħda tal-kandidaturi kollha minn bliet oħra, inkluża dik ta’ Milano, peress li d-deċiżjoni ta’ għażla kellha l-effett li tiddetermina x-xorti, favorevoli jew sfavorevoli, tal-kandidaturi kollha.

77      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li, indipendentement mid-dritt għal azzjoni legali awtonomu li għandha r-Repubblika Taljana bis-saħħa tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, il-Comune di Milano huwa direttament u individwalment ikkonċernat mir-Regolament ikkontestat u, għaldaqstant, għandu locus standi sabiex jitlob l-annullament tiegħu.

78      Minn dan isegwi li r-rikors fil-Kawża C‑232/19 huwa ammissibbli.

 Fuq ilmertu

79      Insostenn tar-rikors tagħha fil-Kawża C‑106/19, ir-Repubblika Taljana tqajjem żewġ motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat, essenzjalment, fuq ksur tal-Artikoli 10, 13 u 14 TUE kif ukoll tal-Artikolu 114, tal-Artikolu 168(4)(c) u tal-Artikoli 289 u 294 TFUE, sa fejn il-Parlament ma eżerċitax b’mod sħiħ il-prerogattivi tiegħu fil-qasam leġiżlattiv. It-tieni motiv huwa bbażat fuq l-illegalità tad-deċiżjoni tal‑20 ta’ Novembru 2017 bħala bażi tar-Regolament ikkontestat.

80      Il-Comune di Milano, min-naħa tiegħu, iressaq erba’ motivi insostenn tar-rikors tiegħu fil-Kawża C‑232/19. L-ewwel motiv, dirett kontra r-Regolament ikkontestat, huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ demokrazija rappreżentattiva (Artikolu 10 TUE), tal-ekwilibriju istituzzjonali u tal-kooperazzjoni leali (Artikolu 13 TUE) kif ukoll tal-formalitajiet sostanzjali (Artikolu 14 TUE kif ukoll l-Artikoli 289 u 294 TFUE). It-tieni sar-raba’ motiv, li jikkontestaw permezz ta’ eċċezzjoni l-legalità tad-deċiżjoni tal‑20 ta’ Novembru 2017 li fuqha huwa bbażat dan ir-regolament, huma bbażati, rispettivament, fuq użu ħażin ta’ poter kif ukoll fuq ksur tal-prinċipji ta’ trasparenza, ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ ekwità (it-tieni motiv), fuq ksur tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba, ta’ trasparenza u ta’ kooperazzjoni (it-tielet motiv), kif ukoll fuq ksur tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/937/UE tal‑1 ta’ Diċembru 2009 li temenda r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu (ĠU 2009, L 325, p. 35, rettifiki fil-ĠU 2010, L 55, p. 83, fil-ĠU 2010, L 175, p. 38, u fil-ĠU 2017, L 44, p. 8) u tar-regoli fin-nota tal-Kunsill tal‑31 ta’ Ottubru 2017.

 Fuq lewwel motiv filKawża C106/19 u fuq lewwel motiv filKawża C232/19

–       Largumenti talpartijiet

81      Permezz tal-ewwel motiv tagħha fil-Kawża C‑106/19, ir-Repubblika Taljana ssostni li r-Regolament ikkontestat ġie adottat bi ksur tal-Artikoli 10 u 13 TUE, tal-Artikolu 14(1) TUE, tal-Artikolu 114 TFUE, tal-Artikolu 168(4)(c) TFUE kif ukoll tal-Artikoli 289 u 294 TFUE, sa fejn ir-rwol ta’ koleġiżlatur tal-Parlament ġie injorat.

82      Preliminarjament, ir-Repubblika Taljana tenfasizza li, fid-dawl tal-evoluzzjoni tad-dritt tal-Unjoni u tal-prassi istituzzjonali, l-għażla tas-sede tal-aġenziji tal-Unjoni ma taqax taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, bħalma huwa l-każ għall-iffissar tas-sede tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni bis-saħħa tal-Artikolu 341 TFUE, iżda taħt il-kompetenza tal-Unjoni.

83      Issa, skont ir-Repubblika Taljana, il-Parlament kellu biss rwol purament formali fil-proċess deċiżjonali li wassal għall-għażla tas-sede l-ġdida tal-EMA u għall-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat. Dan jixhdu ċ-ċirkustanzi madwar l-adozzjoni ta’ dan ir-regolament, b’mod partikolari d-dikjarazzjonijiet tal-Parlament annessi mal-pożizzjoni tiegħu deċiża fl-ewwel qari tal‑15 ta’ Marzu 2018 u mar-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tal‑25 ta’ Ottubru 2018, dikjarazzjonijiet li permezz tagħhom dan tal-aħħar b’mod ċar wera d-dispjaċir tiegħu li ġie eskluż minn dan il-proċess deċiżjonali. Il-Parlament la kien f’pożizzjoni li jesprimi ruħu dwar din l-għażla u lanqas, għaldaqstant, li jeżerċita l-prerogattivi tiegħu ta’ koleġiżlatur, kemm matul il-fażi li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni tal‑20 ta’ Novembru 2017 jew matul il-proċedura ta’ adozzjoni tar-Regolament ikkontestat, peress li l-proposta tal-Kummissjoni u l-pożizzjoni adottata mill-Kunsill matul din il-proċedura ma tawh l-ebda marġni ta’ intervent reali.

84      Permezz tal-ewwel motiv tiegħu fil-Kawża C‑232/19, il-Comune di Milano jsostni li r-Regolament ikkontestat ġie adottat bi ksur tal-prerogattivi tal-Parlament. Fil-fatt, ma hemm l-ebda dubju li s-sede tal-EMA ntgħażlet fi tmiem il-proċess li wassal għad-deċiżjoni tal‑20 ta’ Novembru 2017, li ddeterminat il-kontenut ta’ dan ir-regolament u għalhekk l-iffissar tas-sede tal-EMA f’Amsterdam, barra mill-proċedura leġiżlattiva ordinarja. Il-Parlament fl-ebda mument ma kien involut f’dan il-proċess, minkejja li, bis-saħħa tal-Artikolu 294 TFUE, il-proċedura leġiżlattiva ordinarja timplika l-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva tagħha. Il-Kunsill u l-Kummissjoni ddeċidew li jagħżlu l-Belt ta’ Amsterdam bħala s-sede l-ġdida tal-EMA u b’hekk qiegħdu lill-Parlament quddiem il-fatt imwettaq mingħajr ma ħallewlu ebda marġni ta’ intervent sabiex jikkontesta din id-deċiżjoni.

85      Minn dan jirriżulta ksur tal-bilanċ istituzzjonali tal-Unjoni u tal-prinċipji ta’ demokrazija rappreżentattiva u ta’ kooperazzjoni leali (sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑5/16, EU:C:2018:483, punt 90) kif ukoll ksur ta’ formalità essenzjali (sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Is‑Slovakkja u L‑Ungerija vs Il‑Kunsill, C‑643/15 u C‑647/15, EU:C:2017:631, punt 160).

86      Il-preġudizzju għall-prerogattivi tal-Parlament matul il-proċess leġiżlattiv li wassal għall-għażla tal-Belt ta’ Amsterdam bħala s-sede l-ġdida tal-EMA jirriżulta b’mod ċar mid-dikjarazzjonijiet ta’ din l-istituzzjoni kif ukoll mill-emendi proposti minnha fl-ewwel qari.

87      Il-Kunsill, sostnut mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, jitlob li l-ewwel motivi fil-Kawża C‑106/19 u l-ewwel motiv fil-Kawża C‑232/19 jiġu miċħuda.

88      Fl-ewwel lok, huwa jsostni li l-eżami tal-proċess leġiżlattiv segwit f’dan il-każ juri b’mod ċar, kif jixhed b’mod partikolari n-numru ta’ emendi proposti fuq l-abbozz ta’ riżoluzzjoni leġiżlattiva, li l-Parlament iddiskuta sew il-proposta ppreżentata mill-Kummissjoni u eżamina l-għażliet differenti possibbli, qabel ma aċċetta li s-sede tal-EMA tiġi ffissata f’Amsterdam. Il-Parlament kiseb ukoll li diversi emendi rilevanti jiġu integrati fit-test leġiżlattiv finali. Dawn iċ-ċirkustanzi juru li, fuq livell fattwali, u irrispettivament minn kull dikjarazzjoni politika, il-prerogattivi tal-Parlament ġew osservati.

89      Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq id-dikjarazzjonijiet magħmula mill-Parlament, il-Kunsill jippreċiża li r-rieda ta’ istituzzjoni hija riflessa mill-atti li huwa għandu jadotta b’osservanza tal-proċeduri formali applikabbli. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għalkemm id-dikjarazzjonijiet spjegattivi li xi kultant jakkumpanjaw dan il-proċess formali jistgħu jipprovdu elementi ta’ kuntest politiku jew isemmu l-motivi politiċi li fuqhom tkun ibbażata deċiżjoni partikolari, huma fihom infushom irrilevanti għall-evalwazzjoni tal-eżerċizzju effettiv ta’ kompetenza.

90      Fit-tieni lok, il-Kunsill iqis li l-kompetenza dwar l-iffissar tas-sede ta’ aġenzija tal-Unjoni taqa’ fuq ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri li jiddeċiedu bi ftehim komuni. Għalhekk, l-għażla tas-sede tal-EMA fir-Regolament ikkontestat għandha sempliċi valur dikjarattiv, u l-koleġiżlatur ma setax jitbiegħed minnha, filwaqt li jibqa’ ħieles li ma jilleġiżlax dwar dan il-punt.

91      F’dan ir-rigward, il-Kunsill iqis, l-ewwel, li l-kompetenza dwar l-iffissar tas-sede ta’ aġenzija tal-Unjoni ma taqax taħt il-kompetenza li għandha l-Unjoni sabiex tirregola qasam partikolari fuq il-mertu u, għaldaqstant, f’dan il-każ, taħt il-proċedura leġiżlattiva ordinarja. Skont din l-istituzzjoni, id-deċiżjoni dwar l-iffissar tas-sede ta’ aġenzija hija ta’ natura fundamentalment differenti minn dawk li jirregolaw id-definizzjoni tal-kompetenzi, tar-regoli ta’ funzjonament, jew tal-organizzazzjoni ta’ din l-aġenzija. Tali deċiżjoni hija kkaratterizzata minn dimensjoni politika u simbolika qawwija, li ma hijiex limitata għall-qasam sostantiv speċifiku tal-aġenzija inkwistjoni u li tmur lil hinn minn sempliċi kunsiderazzjonijiet ekonomiċi jew ta’ effikaċja. F’dan ir-rigward, il-Kunsill jirreferi għad-diversi dikjarazzjonijiet intergovernattivi f’dan il-qasam, b’mod partikolari għad-Deċiżjoni ta’ Edinburgh, iżda wkoll għall-kawżi li jirrigwardaw is-sede tal-Parlament.

92      It-tieni, il-Kunsill huwa tal-fehma li l-Artikolu 341 TFUE jibbaża l-kompetenza tal-Istati Membri sabiex jiffissaw is-sede ta’ aġenzija tal-Unjoni bi ftehim komuni. Fil-fatt, minn analiżi tal-evoluzzjoni storika ta’ din id-dispożizzjoni kif ukoll tal-kuntest tagħha jirriżulta li r-riferiment għall-“istituzzjonijiet” ma għandux jiġi interpretat b’mod restrittiv, bħala li jirreferi biss għall-istituzzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 13(1) TUE. Din l-interpretazzjoni tikkorrispondi, barra minn hekk, għall-prassi stabbilita f’dan il-qasam, prassi li, kif jixhdu l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni ta’ Edinburgh u d-Dikjarazzjoni konġunta tal‑2012, ibbenefikat minn rikonoxximent interistituzzjonali. Din il-prassi turi b’mod ċar, b’mod partikolari, li, mhux talli ma hijiex ta’ natura purament politika, iżda d-deċiżjoni meħuda bi ftehim komuni mir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri hija legalment vinkolanti sal-punt li ssir, f’ċerti każijiet, kundizzjoni għad-dħul fis-seħħ tal-att bażiku.

93      Skont il-Kunsill, in-natura tal-kompetenza tal-Unjoni f’qasam partikolari ma għandhiex tiġi konfuża mal-modalitajiet li permezz tagħhom din għandha tiġi eżerċitata konformement mat-Trattati. Għalhekk, kompetenza tista’ tkun esklużiva għaliex hija marbuta ma’ qasam li jeħtieġ neċessarjament azzjoni fil-livell tal-Unjoni, iżda jista’ jiġi previst fl-istess ħin li din tiġi eżerċitata permezz ta’ deċiżjoni tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri iktar milli tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Dan ikun il-każ, pereżempju, tal-ħatra tal-Imħallfin u tal-Avukati Ġenerali tal-Qorti tal-Ġustizzja bis-saħħa tal-Artikolu 253 TFUE u dik tal-membri tal-Qorti Ġenerali bis-saħħa tal-Artikolu 254 TFUE.

94      Fl-aħħar nett, il-Kunsill jippreċiża li l-fatt li l-koleġiżlaturi huma obbligati li jsegwu l-għażla magħmula mill-Istati Membri ma jfissirx madankollu li l-inklużjoni, fl-att leġiżlattiv bażiku, tal-indikazzjoni tal-post tas-sede tal-aġenzija tal-Unjoni kkonċernata hija nieqsa minn kull valur miżjud. Fil-fatt, minbarra l-fatt li din l-indikazzjoni hija fattur importanti ta’ ċertezza legali, it-test leġiżlattiv jista’, bħal f’dan il-każ bl-inklużjoni tal-Artikolu 71a fir-Regolament Nru 726/2004 bir-Regolament Nru 2018/1718, jassoċja mal-imsemmija indikazzjoni sensiela ta’ elementi leġiżlattivi oħra, kemm sostantivi kif ukoll proċedurali, sabiex jikkompleta l-iffissar purament ġeografiku tas-sede. Dan huwa l-każ f’din il-kawża, peress li dan l-Artikolu 71a mhux biss jindika li s-sede tal-EMA tinsab f’Amsterdam, iżda jimponi wkoll fuq l-awtoritajiet Olandiżi kompetenti, minn naħa, li jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jiggarantixxu li t-trasferiment tal-EMA lejn il-post ta’ stabbiliment temporanju tagħha u sussegwentement il-post ta’ stabbiliment definittiv tiegħu jseħħ qabel dati preċiżi u, min-naħa l-oħra, li jippreżentaw regolarment lill-Parlament u lill-Kunsill rapporti bil-miktub sal-installazzjoni tal-EMA fil-post ta’ stabbiliment definittiv tagħha. Tali effetti obbligatorji supplimentari jirriżultaw għalhekk direttament u esklużivament mir-Regolament ikkontestat, li għall-adozzjoni tiegħu l-Parlament eżerċita b’mod sħiħ il-prerogattivi tiegħu ta’ koleġiżlatur, u mhux mill-għażla tas-sede magħmula mir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri.

95      Il-Parlament jitlob ukoll li l-ewwel motiv fil-Kawża C‑106/19 u l-ewwel motiv fil-Kawża C‑232/19 jiġu miċħuda, iżda għal raġunijiet differenti minn dawk imressqa mill-Kunsill.

96      Preliminarjament, il-Parlament jindika li huwa jaqbel kompletament mal-konklużjoni tar-rikorrenti li att bħad-deċiżjoni tal‑20 ta’ Novembru 2017 bl-ebda mod ma jista’ jirrestrinġi b’mod leġittimu l-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija lil-leġiżlatur tal-Unjoni mit-Trattati. Madankollu, b’differenza minn dak li jsostnu dawn il-partijiet, il-Parlament iqis li d-difetti li jistgħu jaffettwaw din id-deċiżjoni ma jistgħux jivvizzjaw b’illegalità, direttament jew indirettament, ir-Regolament ikkontestat.

97      Il-Parlament isostni, essenzjalment, li, sa fejn ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri ma għandhom ebda kompetenza sabiex jiffissaw is-sede tal-korpi tal-Unjoni, id-deċiżjoni tal‑20 ta’ Novembru 2017 ma tista’ tingħata ebda effett vinkolanti, li jista’ jillimita l-kamp ta’ intervent tal-leġiżlatur tal-Unjoni. Fil-fatt, ammissjoni kuntrarja twassal sabiex tilleġittima l-eżistenza ta’ proċess deċiżjonali li ma jkunx relatat mal-istruttura istituzzjonali mfassla mit-Trattati, li ma jagħtix lill-Istati Membri l-kompetenza fil-qasam tal-iffissar tas-sede tal-korpi jew tal-organi tal-Unjoni, b’mod partikolari tal-aġenziji tagħha. Tali riżerva ta’ kompetenza lanqas ma tista’ tiġi dedotta mill-Artikolu 341 TFUE, li jsemmi esklużivament l-“istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni” previsti fl-Artikolu 13(1) TUE. Barra minn hekk, fid-dawl tal-fatt li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jistgħux volontarjament jirrinunzjaw milli jeżerċitaw is-setgħat mogħtija lilhom mit-Trattati, il-Kummissjoni ma setgħetx, min-naħa tagħha, tapprova bis-sħiħ, fil-proposta tagħha għal regolament, l-għażla magħmula mir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri fid-deċiżjoni tal‑20 ta’ Novembru 2017, mingħajr ma twettaq hija stess evalwazzjoni diskrezzjonali, kif ukoll il-koleġiżlaturi ma setgħux legalment jadottaw tali proposta. Minn dan isegwi li l-ftehimiet li saru suċċessivament bejn l-Istati Membri dwar, qabelxejn, ir-regoli ta’ selezzjoni adottati fit‑22 ta’ Ġunju 2017 u, sussegwentement, l-għażla tal-Belt ta’ Amsterdam bħala s-sede l-ġdida tal-EMA bis-saħħa tad-deċiżjoni tal‑20 ta’ Novembru 2017, għandhom valur ta’ atti ta’ kooperazzjoni purament politiċi, li ma jistgħux jillimitaw il-kompetenzi tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

98      Il-Parlament jippreċiża li huwa bl-ebda mod ma rrinunzja milli jeżerċita l-prerogattivi leġiżlattivi mogħtija lilu mit-Trattati. Huwa jfakkar li l-eventwali effett politiku tal-pożizzjoni tal-Istati Membri fuq proċedura deċiżjonali prevista mit-Trattati, u b’mod partikolari fuq is-setgħa ta’ inizjattiva leġiżlattiva tal-Kummissjoni u fuq is-setgħa leġiżlattiva tal-Parlament u tal-Kunsill, ma jistax jikkostitwixxi raġuni għall-annullament tal-att adottat taħt l-imsemmija proċedura.

99      F’dan il-każ, il-Parlament żgura li jippreżerva l-pożizzjoni istituzzjonali tiegħu bil-mezzi kollha li huwa għandu, peress li l-preokkupazzjoni prinċipali tiegħu matul il-proċedura leġiżlattiva kienet li tiġi żgurata l-kontinwità tal-attivitajiet tal-EMA, sabiex jiġi evitat li t-twettiq tajjeb tal-missjoni importanti ta’ din l-aġenzija tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika jiġi kompromess bit-trasferiment tas-sede tagħha. Huwa għal dan il-għan li, fuq inizjattiva tal-Parlament, ġiet prevista skeda għat-trasferiment u mekkaniżmu ta’ monitoraġġ rispettivament fit-tieni u fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 71a tar-Regolament Nru 726/2004, kif inkluż bir-Regolament ikkontestat. Dan l-istess tħassib huwa rifless ukoll fil-premessi 3 sa 5 ta’ dan ir-regolament, li ġew introdotti wkoll matul il-proċedura leġiżlattiva.

100    Fl-aħħar nett, il-Parlament jindika li, għalkemm huwa minnu li l-għażla tas-sede ta’ korp jew ta’ organu tal-Unjoni għandha valur politiku partikolari għall-Istati Membri, dan il-fatt ma jiġġustifikax li l-Istati Membri jingħataw kompetenza li ma tingħatalhomx mit-Trattati, bħal dik li ssir tali għażla (ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 2/00 (Protokoll ta’ Cartagena dwar il-Biosigurtà), tas‑6 ta’ Diċembru 2001, EU:C:2001:664, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

101    Għalhekk, l-inizjattiva mmexxija fil-kuntest tal-kooperazzjoni intergovernattiva sabiex tiġi ffissata s-sede l-ġdida tal-EMA għandha tingħata biss il-valur ta’ kooperazzjoni ta’ natura strettament politika, li wasslet għad-deċiżjoni tal‑20 ta’ Novembru 2017, hija wkoll ta’ natura politika u nieqsa minn kull natura legalment vinkolanti. Din id-deċiżjoni hija bla ħsara għall-kompetenzi mogħtija lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni fil-kuntest tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja, li hija l-unika waħda applikabbli f’dan il-każ. Barra minn hekk u fuq kollox, ir-rakkomandazzjoni tal-Istati Membri li tinsab fid-deċiżjoni tal‑20 ta’ Novembru 2017 u l-proċess ta’ selezzjoni li ppreċediha ma jistgħux jitqiesu li huma l-fażi preparatorja tal-proċedura leġiżlattiva li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat. B’mod iktar ġenerali, ma għandhiex issir distinzjoni bejn il-valur legali u l-effetti politiċi tad-deċiżjoni tal‑20 ta’ Novembru 2017.

102    Il-Parlament jippreċiża li għalkemm, f’dan il-każ, huwa finalment iddeċieda li japprova l-għażla tal-Belt ta’ Amsterdam bħala sede ġdida tal-EMA, huwa għamilha billi eżerċita s-setgħa diskrezzjonali mogħtija lilu fil-kuntest tar-rwol tiegħu ta’ koleġiżlatur, u mhux għaliex huwa kien kostrett mill-pożizzjoni tal-Istati Membri. Barra minn hekk, id-dikjarazzjoni tal-Parlament, annessa mar-riżoluzzjoni leġiżlattiva tal‑25 ta’ Ottubru 2018, fl-ebda mument ma tirrikonoxxi n-natura legalment vinkolanti tad-deċiżjoni tal‑20 ta’ Novembru 2017.

103    Il-Kummissjoni, intervenjenti insostenn tat-talbiet tal-Kunsill u tal-Parlament, titlob li l-ewwel motivi fil-Kawżi C‑106/19 u C‑232/19 jiġu miċħuda.

104    Bħall-Parlament, il-Kummissjoni tqis li l-għażla magħmula mir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri ma setgħet tostakola la s-setgħa ta’ inizjattiva tagħha u lanqas il-prerogattivi taż-żewġ istituzzjonijiet konvenuti fil-kwalità tagħhom ta’ koleġiżlaturi. Fil-fatt, hija tispjega li, għalkemm l-Artikolu 341 TFUE mingħajr dubju ispira l-prassi segwita sal-lum waqt il-ħolqien tal-korpi u tal-organi differenti tal-Unjoni, u għalkemm il-Kummissjoni użat b’mod ġenerali s-setgħa ta’ inizjattiva tagħha billi rrikonoxxiet ir-rilevanza tal-kunsiderazzjonijiet ta’ natura politika ġenerali marbuta prinċipalment man-neċessità li jiġi żgurat ekwilibriju ġeografiku fl-iffissar tad-diversi sedi u billi naqset milli tipprevedi l-iffissar tas-sede tal-aġenziji tal-Unjoni fil-proposti ta’ atti li jistabbilixxuhom, hija madankollu ħielsa li titbiegħed minn din il-prassi, hekk kif hija għamlet f’diversi ċirkustanzi, b’mod partikolari billi indikat fil-proposti leġiżlattivi tagħha, il-post tas-sede ta’ ċerti aġenziji tal-Unjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni ma hijiex legalment marbuta li tittrasponi l-għażla magħmula mir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri jew ta’ ċerti Stati Membri. Bl-istess mod, il-Parlament, fl-ebda każ, ma kien legalment marbut bid-deċiżjoni tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri adottata konformement ma’ din il-prassi.

105    Il-Kummissjoni tenfasizza li għandha ssir distinzjoni bejn l-effett politiku ta’ pożizzjoni meħuda mill-Istati Membri u l-valur legali vinkolanti tagħha, peress li din tal-aħħar hija nieqsa f’dan il-każ. Skont il-Kummissjoni, din id-distinzjoni hija kkonfermata mill-ġurisprudenza li tipprovdi li, minn naħa, huwa esklużivament il-Parlament u l-Kunsill li għandhom jiddeterminaw il-kontenut ta’ att leġiżlattiv u, min-naħa l-oħra, l-eżistenza ta’ effett ta’ natura politika ma tistax tikkostitwixxi raġuni għall-annullament ta’ att adottat fi tmiem il-proċedura leġiżlattiva (sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑5/16, EU:C:2018:483, punti 84 u 86 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

106    Il-Kummissjoni żżid li ma hemm l-ebda raġuni sabiex wieħed jaħseb li l-koleġiżlatur, li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet li kien f’pożizzjoni li jiddeċiedi dwar il-ħolqien ta’ korp bħal aġenzija tal-Unjoni (sentenza tat‑2 ta’ Mejju 2006, Ir‑Renju Unit vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑217/04, EU:C:2006:279, punti 44 u 45), ma jistax, kif kien il-każ f’dan il-każ, jiddeċiedi b’indipendenza sħiħa fuq l-iffissar tas-sede tal-imsemmija aġenzija. Il-Kummissjoni tirrileva li, waqt id-dibattitu fil-Parlament dwar il-proposta tagħha li wasslet għar-Regolament ikkontestat, l-għażla tal-Belt ta’ Milano bħala sede tal-EMA ġiet miċħuda wara li kienet is-suġġett ta’ diskussjoni speċifika. Dan il-fatt jipprova li l-possibbiltà li titbiegħed mid-deċiżjoni politika tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri ma hijiex purament teoretika u li, f’dan il-każ, il-Parlament ma tpoġġix quddiem il-“fatt imwettaq”.

–       Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

107    Permezz tal-ewwel motiv fil-Kawża C‑106/19 u l-ewwel motiv fil-Kawża C‑232/19, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, ir-Repubblika Taljana u l-Comune di Milano jsostnu, essenzjalment, li l-prerogattivi tal-Parlament ma ġewx osservati matul il-proċess li wassal għall-għażla tal-Belt ta’ Amsterdam bħala s-sede l-ġdida tal-EMA, u dan bi ksur tad-dispożizzjonijiet tat-Trattati, b’mod partikolari tal-Artikoli 10, 13 u 14 TUE, tal-Artikolu 114, tal-Artikolu 168(4)(c) u tal-Artikoli 289 u 294 TFUE.

108    L-eżami ta’ dawn il-motivi jeżiġi li tingħata deċiżjoni, preliminarjament, dwar il-kwistjoni ta’ min, bejn l-Istati Membri jew il-leġiżlatur tal-Unjoni, huwa kompetenti sabiex jiffissa s-sede ta’ korp jew ta’ organu tal-Unjoni, li jippreżupponi, b’mod partikolari, li jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 341 TFUE, li jipprovdi li s-sede “ta’ l-istituzzjonijiet” tal-Unjoni tiġi stabbilita “bi ftehim bejn il-Gvernijiet ta’ l-Istati Membri”, japplikax ukoll għall-korpi u għall-organi tal-Unjoni.

109    Fil-fatt, fil-każ fejn, kif isostni l-Kunsill, ikollu jiġi konkluż li din il-kompetenza hija rriżervata għall-Istati Membri fir-rigward ta’ ftehim komuni, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma jistax legalment jitbiegħed mid-deċiżjoni meħuda f’dan il-qasam mill-Istati Membri, anki jekk ikun baqa’ ħieles li ma jilleġiżlax fuq dan il-punt u jekk l-att li huwa kellu jadotta kellu biss valur dikjaratorju jew konfermattiv.

110    Għall-kuntrarju, fil-każ li jiġi konkluż li l-imsemmija kompetenza tappartjeni lil-leġiżlatur tal-Unjoni bis-saħħa tas-setgħat mogħtija lilu mit-Trattati, ikun hemm lok li jiġi evalwat jekk id-deċiżjoni tal‑20 ta’ Novembru 2017, kif isostnu r-Repubblika Taljana u l-Comune di Milano, illimitatx il-prerogattivi tal-leġiżlatur tal-Unjoni u, b’mod iktar wiesa’, ikkompromettietx l-ekwilibriju istituzzjonali fil-proċedura segwita għall-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat.

1)      Fuq ilkompetenza filqasam taliffissar talpost tassede talkorpi u talorgani talUnjoni

111    Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha u l-għanijiet tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha. L-oriġini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tista’ wkoll tipprovdi elementi rilevanti għall-interpretazzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2018, Wightman et, C‑621/18, EU:C:2018:999, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

112    Għalhekk, għandu jiġi eżaminat, fuq il-bażi ta’ dawn il-metodi ta’ interpretazzjoni, jekk l-Artikolu 341 TFUE japplikax għad-deċiżjonijiet dwar l-iffissar tas-sede tal-korpi u tal-organi tal-Unjoni.

113    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kliem tal-Artikolu 341 TFUE, dawn jirreferu biss għall-“istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni”. Issa, konformement mal-Artikolu 13(1) TUE, il-kunċett ta’ “istituzzjonijiet” jirreferi għal lista preċiża ta’ entitajiet li ma tinkludix il-korpi u l-organi tal-Unjoni, b’mod partikolari, l-aġenziji tagħha.

114    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kuntest li jagħmel parti minnu l-Artikolu 341 TFUE, għandu jiġi enfasizzat, qabelxejn, kif irrileva l-Avukat Ġenerali Bobek fil-punt 94 tal-konklużjonijiet tiegħu fil-kawżi L‑Italja vs Il‑Kunsill (Sede tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini) u Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (Sede tal-Awtorità Ewropea tax-Xogħol) (C‑59/18, C‑182/18 u C‑743/19, EU:C:2021:812), li ċertu numru ta’ dispożizzjonijiet tat-Trattati ġew emendati bit-Trattat ta’ Lisbona sabiex jinkludi riferiment espress għall-“korpi u [għall-]organi tal-Unjoni”, li kellu l-effett li jagħmel distinzjoni espliċita bejn, minn naħa, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni espressament imsemmija fl-Artikolu 13(1) TUE u, min-naħa l-oħra, il-korpi u l-organi tal-Unjoni. Għalhekk, filwaqt li ċerti dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE jirrigwardaw biss l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, oħrajn mid-dispożizzjonijiet tiegħu, bħall-Artikoli 15, 16, 123, 124, 127, 130, 228, 263, 265, 267, 282, 298 u 325, jirreferu, b’mod iktar wiesa’, għall-istituzzjonijiet, għall-korpi u għall-organi tal-Unjoni. Dan huwa b’mod partikolari l-każ, fir-rigward tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-Artikoli 263, 265 u 267 TFUE.

115    Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-kliem tal-Artikolu 341 TFUE, li jsemmi biss l-“istituzzjonijiet”, jikkorrispondi għal dak tad-dispożizzjonijiet li ppreċedew dan l-artikolu, jiġifieri l-Artikolu 216 tat-Trattat KEE (li sar l-Artikolu 216 tat-Trattat KE, li huwa stess sar l-Artikolu 289 KE).

116    Il-fatt, enfasizzat mill-Kunsill, li d-dispożizzjonijiet tas-seba’ parti tat-Trattat FUE, intitolata “Dispożizzjonijiet ġenerali u finali”, li fih jinsab l-Artikolu 341 TFUE, isemmu l-“istituzzjonijiet” ma jistax għalhekk jiġi interpretat, minkejja li, kif jirriżulta mill-punt 114 ta’ din is-sentenza, it-Trattat UE jwettaq distinzjoni netta bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, minn naħa, u l-korpi u l-organi tagħha, min-naħa l-oħra, bħala manifestazzjoni tal-intenzjoni tal-awturi tat-Trattati li jagħtu lill-kunċett ta’ “istituzzjonijiet” sinjifikat wiesa’, fis-sens li din tal-aħħar tinkludi mhux biss l-entitajiet elenkati fl-Artikolu 13(1) TUE, iżda wkoll il-korpi u l-organi tal-Unjoni stabbiliti mit-Trattati, jew bis-saħħa tagħhom, u intiżi li jikkontribwixxu għall-kisba tal-għanijiet tal-Unjoni. Dan għandu japplika iktar u iktar fid-dawl tal-fatt li t-Trattat UE u t-Trattat FUE jikkostitwixxu bażi kostituzzjonali unitarja għall-Unjoni bis-saħħa tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 1 TUE u tal-Artikolu 1(2) TFUE, minkejja li d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “istituzzjoni” li tinsab fl-Artikolu 13(1) TUE u d-distinzjoni bejn dawn l-istituzzjonijiet, minn naħa, u l-korpi u l-organi tal-Unjoni, min-naħa l-oħra, għandhom japplikaw b’mod trasversali u uniformi fiż-żewġ Trattati.

117    Lanqas ma tista’ tkun determinanti l-interpretazzjoni wiesgħa mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja lill-kunċett ta’ “istituzzjonijiet”, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, li jistabbilixxi li “[f]il-każ ta’ responsabbiltà mhux kontrattwali, l-Unjoni għandha, skond il-prinċipji ġenerali komuni għal sistemi legali ta’ l-Istati Membri, tagħmel tajjeb għal kull dannu kkaġunat mill-istituzzjonijiet tagħha jew mill-impjegati tagħha fit-twettiq ta’ dmirijiethom”.

118    Fil-fatt, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kunċett ta’ “istituzzjonijiet”, fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, jinkludi mhux biss l-istituzzjonijiet tal-Unjoni elenkati fl-Artikolu 13(1) TUE, iżda wkoll il-korpi u l-organi kollha tal-Unjoni stabbiliti mit-Trattati, jew bis-saħħa ta’ dawn tal-aħħar, u intiżi li jikkontribwixxu għat-twettiq tal-għanijiet tal-Unjoni (sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kunsill et vs K. Chrysostomides et, C‑597/18 P, C‑598/18 P, C‑603/18 P u C‑604/18 P, EU:C:2020:1028, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata) sabiex tistabbilixxi din il-ġurisprudenza, hija bbażat ruħha espliċitament fuq il-fatt, minn naħa, li l-korpi u l-organi tal-Unjoni stabbiliti mit-Trattati jew bis-saħħa tagħhom huma intiżi li jikkontribwixxu għall-kisba tal-għanijiet tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li jkun kuntrarju għall-intenzjoni tal-awturi tat-Trattati jekk, meta taġixxi permezz ta’ korp jew ta organu, l-Unjoni tkun tista’ tevita l-konsegwenzi tad-dispożizzjonijiet tat-Trattati li jirregolaw ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Diċembru 1992, SGEEM u Etroy vs BEI, C‑370/89, EU:C:1992:482, punti 13 sa 16).

119    Għalhekk, l-interpretazzjoni wiesgħa mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja lill-kunċett ta’ “istituzzjonijiet”, għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, tissodisfa l-ħtieġa, iġġustifikata mill-prinċipji ġenerali komuni għas-sistemi legali tal-Istati Membri msemmija espressament f’din id-dispożizzjoni, li jiġi evitat li l-Unjoni tkun tista’ tevita l-applikazzjoni tas-sistema ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali li taqa’ taħt l-Artikolu 268 TFUE, moqri flimkien mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, u għall-istħarriġ ġudizzjarju tal-Qorti tal-Ġustizzja li jirriżulta minn dan, meta hija taġixxi permezz ta’ korp jew ta’ organu tal-Unjoni distint mill-istituzzjonijiet elenkati fl-Artikolu 13(1) TUE (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑2 ta’ Diċembru 1992, SGEEM u Etroy vs BEI, C‑370/89, EU:C:1992:482, punti 14 u 16). Dan għandu japplika iktar u iktar peress li, kif indika l-Avukat Ġenerali fil-punt 100 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kunċett ta’ “aġenti” msemmi fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE jinkludi minn perspettiva funzjonali l-persunal kollu li jaħdem għall-Unjoni, kemm jekk ikun fl-istituzzjonijiet jew fil-korpi u fl-organi ta’ dan tal-aħħar.

120    Konsegwentement, l-interpretazzjoni mogħtija lill-kunċett ta’ “istituzzjoni” fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, li jirregola l-portata tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, ma tistax tiġi invokata b’mod utli sabiex jiġi ddefinit b’analoġija l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 341 TFUE, dwar il-portata tal-kompetenzi rriżervati għall-Istati Membri bis-saħħa tat-Trattati.

121    Il-Kunsill lanqas ma jista’ jinvoka b’mod utli l-kunċett ta’ “istituzzjoni” li jinsab fl-Artikolu 342 TFUE, li jgħid li “[i]n-normi li jirregolaw il-lingwi ta’ l-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni għandhom, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet previsti fl-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea, jiġu stabbiliti mill-Kunsill, b’mod unanimu permezz ta’ regolament”. Fil-fatt, kif indika l-Avukat Ġenerali fil-punt 98 tal-konklużjonijiet tiegħu, L‑Italja vs Il‑Kunsill (Sede tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini) u Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (Sede tal-Awtorità Ewropea tax-Xogħol) (C‑59/18, C‑182/18 u C‑743/19, EU:C:2021:812), il-kunċett ta’ “istituzzjonijiet”, fis-sens ta’ dan l-aħħar artikolu, ma għandux neċessarjament jiġi interpretat bħala li jinkludi l-korpi u l-organi tal-Unjoni, sa fejn is-sistema lingwistika ta’ korp jew ta’ organu tal-Unjoni tista’ tkun differenti minn dik fis-seħħ fl-istituzzjonijiet tagħha.

122    Fir-rigward tal-Protokoll Nru 6, għalkemm, kif isostni l-Kunsill, dan ma jiffissax biss is-sede tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, iżda wkoll dak ta’ ċerti korpi u organi tal-Unjoni, fosthom l-Europol, u jirreferi għall-Artikolu 341 TFUE, dan madankollu ma jipprevedix li s-sedi tal-korpi u tal-organi tal-Unjoni għandhom jiġu ddeterminati b’mod kollettiv mill-Istati Membri bis-saħħa tal-prinċipju stabbilit f’dan l-artikolu. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li dawn il-korpi u organi tal-Unjoni għandhom il-karatteristika komuni li nħolqu mill-Istati Membri, filwaqt li dan ma huwiex il-każ ta’ aġenzija tal-Unjoni bħall-EMA, li nħolqot, fuq il-bażi tat-Trattati fundaturi, mil-leġiżlatur tal-Unjoni. Għalhekk, minn dan il-protokoll ma tistax tiġi dedotta rieda tal-Istati Membri li japplikaw, direttament jew b’analoġija, il-prinċipju stabbilit f’dan l-artikolu għall-iffissar tas-sede tal-korpi u tal-organi kollha tal-Unjoni.

123    Kif osserva l-Avukat Ġenerali Bobek fil-punt 112 tal-konklużjonijiet tiegħu L‑Italja vs Il‑Kunsill (Sede tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini), Comune di Milano vs Il‑Kunsill (Sede tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini) u Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (Sede tal-Awtorità Ewropea tax-Xogħol) (C‑59/18, C‑182/18 u C‑743/19, EU:C:2021:812), l-adozzjoni ta’ protokoll speċifiku turi, għall-kuntrarju, il-fatt li l-Istati Membri qiesu li d-deċiżjoni kollettiva tagħhom dwar l-iffissar tas-sede ta’ ċerti korpi u organi tal-Unjoni elenkati b’mod eżawrjenti kellha tiġi inkluża speċifikament fid-dritt primarju sabiex tipproduċi effetti legali fid-dritt tal-Unjoni.

124    Għal dak li jirrigwarda r-riferiment espliċitu, fil-Protokoll Nru 6, għall-Artikolu 341 TFUE, dan huwa spjegat mill-fatt li dan il-protokoll huwa intiż, l-ewwel nett, għall-istituzzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 13(1) TUE.

125    Barra minn hekk, huwa minnu, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni ta’ Edinburgh, li r-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri esprimew ix-xewqa li jirriżervaw id-deċiżjonijiet dwar is-sedi tal-korpi u tal-organi tal-Unjoni bl-istess mod kif huma espressament u b’mod ċar awtorizzati mill-Artikolu 341 TFUE sabiex jistabbilixxu s-sedi tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Minbarra dan, fl-okkażjoni tal-Konferenza Intergovernattiva li wasslet għall-adozzjoni tat-Trattat ta’ Amsterdam, it-test tad-Deċiżjoni ta’ Edinburgh ġie inkluż bħala protokoll anness mat-Trattati UE, KE, KEFA u KEEA, illum il-ġurnata l-Protokoll Nru 6, anness mat-Trattati UE, FUE u KEEA.

126    Madankollu, minn naħa, l-uniku artikolu ta’ dan il-protokoll tal-aħħar jiffissa biss, f’termini komparabbli għal dawk tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni ta’ Edinburgh, is-sede ta’ istituzzjonijiet, ta’ korpi jew ta’ organi tal-Unjoni maħluqa mill-Istati Membri. Min-naħa l-oħra, minkejja li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet valur legali vinkolanti għal din id-deċiżjoni fis-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 1997, Franza vs Il‑Parlament (C‑345/95, EU:C:1997:450), li tirreferi għaliha f’sentenzi oħra sussegwenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Diċembru 2012, Franza vs Il‑Parlament, C‑237/11 u C‑238/11, EU:C:2012:796, punti 36 sa 42, u tat‑2 ta’ Ottubru 2018, Franza vs Il‑Parlament (Eżerċizzju tas-setgħa baġitarja), C‑73/17, EU:C:2018:787, punt 33), l-Artikolu 2 tal-imsemmija deċiżjoni ma jistax iwassal sabiex tiġi adottata interpretazzjoni tal-Artikolu 341 TFUE li tmur kontra l-kliem ċar tiegħu.

127    Il-Kunsill jinvoka wkoll, bħala element tal-kuntest, il-prassi istituzzjonali preċedenti dwar l-iffissar tas-sede tal-korpi u tal-organi tal-Unjoni u jsostni li din il-prassi tibbenefika minn “rikonoxximent istituzzjonali” permezz tad-Dikjarazzjoni konġunta tal‑2012 u l-approċċ komuni anness magħha.

128    Madankollu, mill-elementi ta’ informazzjoni li ġew mgħarrfa lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ dawn il-kawżi jirriżulta li l-prassi allegata ma hijiex iġġeneralizzata. Fil-fatt, il-proċeduri segwiti bil-għan li tintgħażel is-sede tal-korpi u tal-organi tal-Unjoni, jew tmexxew mill-Istati Membri biss, jew involvew, fi gradi differenti u fuq bażijiet differenti, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni fil-kwalità tagħhom jew le ta’ atturi fil-proċedura leġiżlattiva.

129    Anki jekk jitqies madankollu li huwa possibbli, kif isostni l-Kunsill, li tiġi identifikata prassi preċedenti stabbilita u koerenti, li fuq il-bażi tagħha s-sedi tal-korpi u tal-organi tal-Unjoni kienu ġew iffissati sistematikament fuq il-bażi ta’ għażla politika magħmula mir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri biss, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 341 TFUE li l-Kunsill jirrakkomanda fuq il-bażi ta’ din il-prassi ma tistax tibbenefika minn xi “rikonoxximent istituzzjonali” permezz tad-Dikjarazzjoni konġunta tal‑2012 u tal-approċċ komuni anness magħha. Fil-fatt, din id-dikjarazzjoni ma għandha, kif jenfasizza l-ħames paragrafu tagħha, ebda natura legalment vinkolanti u, barra minn hekk, ma tinkludi ebda rikonoxximent ta’ xi riżerva ta’ kompetenza tal-Istati Membri f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tas-sede tal-korpi u tal-organi tal-Unjoni.

130    Fi kwalunkwe każ, tali prassi, li tmur kontra r-regoli tat-Trattat FUE u, b’mod partikolari, l-Artikolu 341 TFUE, billi testendi, minkejja l-formulazzjoni ċara tagħha, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-artikolu għall-iffissar tas-sede tal-korpi u tal-organi tal-Unjoni, ma tistax toħloq preċedent li jorbot lill-istituzzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Mejju 2008, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑133/06, EU:C:2008:257, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

131    Fit-tielet u l-aħħar lok, fir-rigward tal-għan tal-Artikolu 341 TFUE, dan jikkonsisti fiż-żamma tas-setgħat deċiżjonali tal-Istati Membri fid-determinazzjoni tas-sede tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni biss. Kuntrarjament għall-pożizzjoni difiża mill-Kunsill waqt is-seduta, interpretazzjoni ta’ dan l-artikolu fis-sens li ma japplikax għall-korpi u għall-organi tal-Unjoni ma jistax ikollha l-effett li ċċaħħdu minn kull effett utli, kif irrileva l-Avukat Ġenerali Bobek fil-punt 138 tal-konklużjonijiet tiegħu L‑Italja vs Il‑Kunsill (Sede tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini), Comune di Milano vs Il‑Kunsill (Sede tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini) u Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (Sede tal-Awtorità Ewropea tax-Xogħol) (C‑59/18, C‑182/18 u C‑743/19, EU:C:2021:812). Għalkemm huwa minnu li s-sede tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni hija diġà ffissata mid-dritt primarju, f’dan il-każ mill-Protokoll Nru 6, l-Artikolu 341 TFUE jibqa’ rilevanti għal kull deċiżjoni futura eventwali li tbiddel is-sede ta’ istituzzjoni eżistenti jew li tiffissa s-sede ta’ istituzzjoni ġdida.

132    F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, b’differenza mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, li l-ħolqien u l-funzjonijiet tagħhom huma, minħabba l-importanza kostituzzjonali tagħhom, previsti mit-Trattati stess, il-korpi u l-organi tal-Unjoni, bħall-EMA, li l-għan tagħhom huwa ddedikat għat-twettiq tal-għanijiet ta’ politika partikolari tal-Unjoni, ma humiex, bħala regola ġenerali, maħluqa mit-Trattati. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-ħolqien tagħhom, fin-nuqqas li jirriżultaw mid-dritt primarju, għandu jirriżulta minn att ta’ dritt sekondarju adottat fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet sostantivi li jimplimentaw il-politika tal-Unjoni li fiha jintervjeni l-korp jew l-organu kkonċernat u konformement mal-proċeduri previsti minn dawn id-dispożizzjonijiet.

133    Fl-assenza ta’ preċiżazzjonijiet oħra f’dan ir-rigward fit-Trattati, huwa wkoll il-leġiżlatur tal-Unjoni, konformement mal-proċeduri previsti mid-dispożizzjonijiet tat-Trattati sostantivament rilevanti, li għandu jiffissa s-sede ta’ korp jew ta’ organu tal-Unjoni li huwa stess ikun stabbilixxa permezz ta’ att tad-dritt sekondarju adottat fuq il-bażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, bħall-kompetenza li huwa għandu, bis-saħħa tal-imsemmija dispożizzjonijiet, sabiex jiddefinixxi l-kompetenzi, l-organizzazzjoni u l-mod ta’ funzjonament ta’ dan il-korp jew ta’ dan l-organu.

134    Id-deċiżjoni dwar l-iffissar tas-sede ta’ korp jew ta’ organu tal-Unjoni, bħal aġenzija tal-Unjoni, hija għalhekk, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Kunsill, inerenti għad-deċiżjoni dwar il-ħolqien tagħha. Deċiżjoni dwar ir-rilokazzjoni tas-sede ta’ tali aġenzija għandha l-istess natura.

135    Ċertament, l-iffissar tal-post tas-sede ta’ korp jew ta’ organu tal-Unjoni jista’ jikkontempla kunsiderazzjonijiet ta’ natura politika, bħan-neċessità, fl-istabbiliment tal-korpi jew tal-organi tal-Unjoni, li jiġi ggarantit ċertu bilanċ ġeografiku jew li jiġu ffavoriti l-Istati Membri li jkunu għadhom ma għandhomx sede ta’ korp jew ta’ organu tal-Unjoni.

136    Madankollu, in-natura politika tad-deċiżjoni li tiffissa l-post tas-sede ta’ tali korp jew organu tal-Unjoni ma hijiex fiha nnifisha ta’ natura li tiġġustifika li din id-deċiżjoni ma taqax taħt il-kompetenza tal-leġiżlatur tal-Unjoni, li huwa, fil-fatt, regolarment jintalab jagħmel għażliet politiċi fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2016, Il‑Ġermanja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑113/14, EU:C:2016:635, punt 55).

137    Barra minn hekk, tali deċiżjoni għandha prinċipalment tippermetti li jiġi ggarantit it-twettiq tal-missjonijiet fdati lill-korp jew lill-organu tal-Unjoni kkonċernat sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ politika partikolari.

138    Lanqas ma jista’ jintlaqa’ l-argument li l-fatt li l-iffissar tas-sede ta’ korp jew ta’ organu tal-Unjoni jintrabat mal-bażi sostantiva li fuqha jkun ibbażat il-ħolqien tiegħu jista’ jwassal, skont il-bażi legali rilevanti, sabiex dan l-iffissar jiġi suġġett għal vot b’maġġoranza kkwalifikata fi ħdan il-Kunsill, u mhux għal deċiżjoni meħuda bi ftehim komuni tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, filwaqt li l-imsemmi ffissar jitqies li jkun element ta’ kompromess fil-kuntest tad-dibattitu leġiżlattiv.

139    Fil-fatt, kif tfakkar fil-punt 68 ta’ din is-sentenza, il-fatt li d-deċiżjoni li jiġi ffissat il-post tas-sede ta’ korp jew ta’ organu tal-Unjoni jista’ jkollu dimensjoni politika importanti, sa fejn dan ikollu jirrispondi b’mod partikolari għal kunsiderazzjonijiet dwar il-bilanċ ġeografiku, ma jipprekludix li din id-deċiżjoni tkun tista’ tittieħed mil-leġiżlatur tal-Unjoni konformement mal-proċeduri previsti mid-dispożizzjonijiet tat-Trattati sostantivament rilevanti, peress li din id-dimensjoni politika tista’ tikkostitwixxi, f’dan ir-rigward, element li l-leġiżlatur tal-Unjoni jista’ jieħu inkunsiderazzjoni fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu. Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li, peress li l-proċess leġiżlattiv tal-Unjoni huwa mmexxi, bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Artikolu 10(3) TUE, mill-prinċipju ta’ trasparenza fir-rigward taċ-ċittadini, l-użu ta’ dan il-proċess huwa ta’ natura li jsaħħaħ il-bażi demokratika ta’ deċiżjoni dwar l-għażla tal-post tas-sede ta’ korp jew ta’ organu tal-Unjoni, bħall-EMA.

140    Barra minn hekk, u b’mod iktar fundamentali, il-fatt li deċiżjoni, bħal dik li tirrigwarda l-iffissar tal-post tas-sede ta’ korp jew ta’ organu tal-Unjoni, ikollha sensittività politika ma jistax iwassal għall-bidla tal-kompetenzi mogħtija mit-Trattati lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u lanqas li l-eżerċizzju ta’ dawn il-kompetenzi jiġi eskluż mill-proċeduri leġiżlattivi previsti mit-Trattati. Id-determinazzjoni tal-portata ta’ dispożizzjoni tat-Trattati li tirregola kompetenza sostantiva tal-Unjoni ma tistax għalhekk tiddependi minn kunsiderazzjonijiet marbuta man-natura politikament sensittiva tal-qasam ikkonċernat jew mal-għan li tiġi żgurata l-effikaċja ta’ azzjoni.

141    Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, u b’mod partikolari mill-formulazzjoni tal-Artikolu 341 TFUE, jirriżulta li din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi interpretata bħala li tirregola l-għażla tal-post tas-sede ta’ korp jew ta’ organu tal-Unjoni bħall-EMA.

142    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kompetenza sabiex jiġi deċiż l-iffissar tal-post tas-sede ta’ din l-aġenzija ma hijiex tal-Istati Membri iżda tal-leġiżlatur tal-Unjoni, li għandu jaġixxi għal dan il-għan konformement mal-proċeduri previsti mid-dispożizzjonijiet tat-Trattati sostantivament rilevanti, f’dan il-każ l-Artikolu 114 u l-Artikolu 168(4) TFUE, li jipprevedu l-użu tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja.

143    Huwa fid-dawl ta’ din il-konklużjoni li għandha tiġi evalwata, sussegwentement, il-portata tad-deċiżjoni tal‑20 ta’ Novembru 2017 u li jiġi eżaminat jekk il-prerogattivi tal-Parlament ġewx osservati.

2)      Fuq ilportata taddeċiżjoni tal20 ta’ Novembru 2017 u losservanza talprerogattivi talParlament

144    Ir-Repubblika Taljana u l-Comune di Milano jsostnu, essenzjalment, li l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal‑20 ta’ Novembru 2017, bħala tali, ippreġudikat il-prerogattivi tal-Parlament. Minn tal-inqas, huma jsostnu li l-Parlament qies lilu nnifsu marbut b’din id-deċiżjoni.

145    Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-ilment li d-deċiżjoni tal‑20 ta’ Novembru 2017, bħala tali, ippreġudikat il-prerogattivi tal-Parlament, mill-motivi esposti fil-punti 111 sa 142 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-kompetenza fil-qasam tal-iffissar tas-sede tal-korpi u tal-organi tal-Unjoni tappartjeni lil-leġiżlatur tal-Unjoni u mhux lill-Istati Membri.

146    Is-setgħa leġiżlattiva rriżervata lill-Parlament u lill-Kunsill, fl-Artikolu 14(1) TUE u fl-Artikolu 16(1) TUE, li titniżżel fil-prinċipju ta’ għoti ta’ setgħat stabbilit fl-Artikolu 13(2) TUE u, b’mod iktar wiesa’, fil-prinċipju ta’ bilanċ istituzzjonali, karatteristika tal-istruttura istituzzjonali tal-Unjoni, timplika li huma esklużivament dawn l-istituzzjonijiet li għandhom jiddeterminaw il-kontenut ta’ att leġiżlattiv (sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑5/16, EU:C:2018:483, punt 84 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

147    Barra minn hekk, ħlief bi ksur tal-arkitettura istituzzjonali u t-tqassim tal-kompetenzi li jirriżultaw mit-Trattati, deċiżjoni bħal dik tal‑20 ta’ Novembru 2017, li ġiet adottata mill-Istati Membri fuq il-bażi ta’ regoli sostantivi u proċedurali speċifiċi miftiehma mill-Istati Membri barra minn qafas iddefinit skont id-dritt tal-Unjoni, ma tistax tingħata xi valur vinkolanti, li jista’ jillimita s-setgħa diskrezzjonali tal-leġiżlatur tal-Unjoni, anki jekk il-Kummissjoni kienet assoċjata mal-proċess ta’ selezzjoni li wassal għall-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni. Tali deċiżjoni għandha għalhekk il-valur ta’ att ta’ kooperazzjoni politika li fl-ebda każ ma jista’ jidħol fuq il-kompetenzi mogħtija lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni fil-kuntest tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja.

148    F’dan ir-rigward, is-sempliċi fatt li l-Parlament ma kienx involut fil-proċess li wassal għall-adozzjoni tad-deċiżjoni tal‑20 ta’ Novembru 2017 ma jistax jitqies bħala ksur jew evitar tal-prerogattivi tal-Parlament bħala koleġiżlatur. Fil-fatt, minbarra l-fatt li dan il-proċess seħħ barra mill-kuntest iddefinit mid-dritt tal-Unjoni u li din id-deċiżjoni ma għandha l-ebda valur vinkolanti f’dan id-dritt, il-proċedura leġiżlattiva dwar l-iffissar tas-sede l-ġdida tal-EMA kienet għadha ma nbdietx meta ġiet adottata.

149    Minn dan isegwi li l-ilment li l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal‑20 ta’ Novembru 2017, bħala tali, ippreġudikat il-prerogattivi tal-Parlament għandu jiġi miċħud.

150    F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, l-ilment li l-Parlament qies lilu nnifsu marbut bid-deċiżjoni tal‑20 ta’ Novembru 2017 u għalhekk irrinunzja milli jeżerċita effettivament il-kompetenzi tiegħu fil-qasam leġiżlattiv billi llimita r-rwol tiegħu għal aspetti purament formali, mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta, l-ewwel nett, li l-proposta li wasslet għar-Regolament ikkontestat, imsemmija fil-punt 20 ta’ din is-sentenza, li kienet tipprevedi li l-Belt ta’ Amsterdam tintgħażel bħala s-sede l-ġdida tal-EMA, ġiet analizzata minn diversi kumitati parlamentari. Uħud minnhom, bħall-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit kif ukoll il-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali, esprimew il-fehma tagħhom fuq din il-proposta fil‑11 ta’ Jannar 2018 u fis‑26 ta’ Frar 2018 rispettivament.

151    Sussegwentement, id-dibattiti fi ħdan il-Parlament taw lok għall-preżentazzjoni ta’ emendi, uħud jipproponu li tinżamm bħala sede tal-EMA belt li ma hijiex Amsterdam, b’mod partikolari Milano, l-oħrajn li jissuġġerixxu l-adozzjoni ta’ kriterji ġodda ta’ selezzjoni u ta’ modalitajiet proċedurali ġodda għall-għażla ta’ dan is-sede. Wara l-vot fil-kumitat parlamentari u mbagħad f’seduta plenarja, dawn l-emendi madankollu ġew miċħuda fl-intier tagħhom mill-Parlament, li għażel is-sede indikata fil-proposta tal-Kummissjoni. Għalhekk, l-iżvolġiment tal-proċess leġiżlattiv u r-riżultat li wasal għalih juru li l-għażla eventwali tal-Belt ta’ Milano bħala sede ġdida tal-EMA ġiet diskussa waqt ix-xogħlijiet parlamentari qabel ma ġiet finalment miċħuda.

152    Għall-kuntrarju, wara negozjati informali bejn il-Kunsill u l-Parlament, ġew adottati emendi oħra, dwar ir-riferiment għal data preċiża għat-trasferiment tas-sede tal-EMA u l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu ta’ monitoraġġ tal-progress imwettaq fl-operazzjoni ta’ trasferiment. Dawn iż-żidiet ġew, sussegwentement, imdaħħla fit-test tar-Regolament ikkontestat, kif jirriżulta mill-premessi 2 u 3 tal-imsemmi regolament.

153    Fl-aħħar nett, il-Parlament ivvota dwar l-abbozz ta’ att leġiżlattiv fil‑25 ta’ Ottubru 2018, billi ħa inkunsiderazzjoni ċertu numru ta’ skambji informali li kienu seħħew bejn il-Kunsill, il-Parlament u l-Kummissjoni bl-intenzjoni li jintlaħaq ftehim dwar il-kwistjoni tas-sede l-ġdida tal-EMA fl-ewwel qari u li tiġi evitata n-neċessità tat-tieni qari, jew ta’ proċedura ta’ konċiljazzjoni.

154    Għalhekk ma jistax jiġi sostnut b’mod validu li l-intervent tal-Parlament kien limitat għal rwol purament formali.

155    Ċertament, fid-dikjarazzjoni annessa mar-riżoluzzjoni leġiżlattiva tal‑25 ta’ Ottubru 2018, il-Parlament indika li kien jiddispjaċih li “r-rwol tiegħu ta’ koleġiżlatur ma ġiex ikkunsidrat peress li ma [kienx] involut fil-proċedura li twassal għall-għażla tas-sede l-ġdida tal-[EMA]” (l-ewwel paragrafu), xtaq “ifakkar il-prerogattivi tiegħu bħala koleġiżlatur”, insista fuq “ir-rispett sħiħ tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja f’dak li għandu x’jaqsam mal-għażla tas-sede tal-korpi u l-aġenziji” (it-tieni paragrafu) u kkundanna “l-proċedura segwita għall-għażla tal-post il-ġdid tas-sede, li de facto [ċaħħditu] mill-prerogattivi tiegħu peress li ma [kienx] involut effettivament fil-proċess, iżda issa [kien] mistenni sempliċement jikkonferma l-għażla magħmula għall-post il-ġdid tas-sede permezz tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja” (ir-raba’ paragrafu).

156    Madankollu, minn din id-dikjarazzjoni ma jistax jiġi dedott li l-Parlament qies li d-deċiżjoni tal‑20 ta’ Novembru 2017 kienet ta’ natura legalment vinkolanti. Ċertament, din id-deċiżjoni kif ukoll il-proċess ta’ selezzjoni li ppreċediha seta’ kellhom valur politiku importanti, fid-dawl b’mod partikolari tal-fatt, invokat mill-Parlament, li kien imperattiv li tiġi żgurata l-kontinwità tal-attività tal-EMA u, għaldaqstant, in-nomina ta’ sede ġdida għal din l-aġenzija fl-iqsar żmien possibbli. Madankollu, l-effett politiku tal-imsemmija deċiżjoni fuq is-setgħa leġiżlattiva tal-Parlament u tal-Kunsill ma jistax jikkostitwixxi motiv ta’ annullament, mill-Qorti tal-Ġustizzja, tar-Regolament ikkontestat (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas‑6 ta’ Settembru 2017, Is‑Slovakkja u L‑Ungerija vs Il‑Kunsill, C‑643/15 u C‑647/15, EU:C:2017:631, punti 145 sa 149, kif ukoll tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑5/16, EU:C:2018:483, punti 85 u 86).

157    Fl-aħħar nett, ir-riferiment, li jinsab fil-premessa 1 tar-Regolament ikkontestat, għad-deċiżjoni tal‑20 ta’ Novembru 2017 lanqas ma huwa ta’ natura, fih innifsu, li jistabbilixxi li l-Parlament ma evalwax korrettament il-portata tal-prerogattivi tiegħu jew li dawn ġew miksura.

158    Minn dan isegwi li l-ilment ibbażat fuq il-fatt li l-Parlament qies li kien marbut bid-deċiżjoni tal‑20 ta’ Novembru 2017 għandu wkoll jiġi miċħud.

159    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li l-ewwel motiv fil-Kawża C‑106/19 u l-ewwel motiv fil-Kawża C‑232/19 għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq it-tieni motiv fil-Kawża C106/19 kif ukoll fuq it-tieni sar-raba’ motiv fil‑Kawża C232/19

–       Largumenti talpartijiet

160    Permezz tat-tieni motiv tagħha fil-Kawża C‑106/19, ir-Repubblika Taljana ssostni li, anki fil-każ fejn ma kienx hemm ksur tal-prerogattivi tal-Parlament u fejn, b’mod partikolari, ir-Regolament ikkontestat sempliċement “jiżgura r-riċezzjoni” tad-deċiżjoni tal‑20 ta’ Novembru 2017, l-illegalitajiet li jaffettwaw din id-deċiżjoni, ikkontestati fil-Kawża C‑59/18, Ir‑Repubblika Taljana vs Il‑Kunsill, kienu vvizzjati b’illegalità, b’mod derivat, ta’ dan ir-regolament. Filwaqt li tirreferi għall-argumenti mressqa fil-kuntest ta’ din l-aħħar kawża, ir-Repubblika Taljana tenfasizza li l-imsemmija deċiżjoni hija vvizzjata minn użu ħażin ta’ poter.

161    Permezz tat-tieni sar-raba’ motiv tiegħu fil-Kawża C‑232/19, li jikkoinċidu mat-tieni motiv imqajjem mir-Repubblika Taljana fil-Kawża C‑106/19, il-Comune di Milano jsostni wkoll li, peress li r-Regolament ikkontestat huwa bbażat fuq id-deċiżjoni tal‑20 ta’ Novembru 2017, l-illegalitajiet li jivvizzjaw din id-deċiżjoni u l-proċess ta’ selezzjoni li ppreċediha jaffettwaw il-legalità ta’ dan ir-regolament.

162    Fil-kuntest tat-tieni motiv fil-Kawża C‑232/19, il-Comune di Milano jikkontesta, fl-ewwel lok, il-legalità tal-proċedura ta’ selezzjoni adottata fit‑22 ta’ Ġunju 2017, sa fejn din kienet tipprevedi l-użu ta’ tlugħ bix-xorti sabiex tittieħed deċiżjoni dwar l-għażla definittiva tal-post tas-sede tal-EMA. Skont il-Comune di Milano, li ntagħżel metodu ta’ għażla daqshekk fortuwitu tikkostitwixxi użu ħażin ta’ poter sa fejn dan imur lil hinn mill-għan imfittex mill-proċedura ta’ selezzjoni, jiġifieri li jiġi żgurat li tiġi aċċettata l-aħjar offerta ta’ akkoljenza tas-sede l-ġdida tal-EMA, fid-dawl tal-kriterji ddefiniti minn qabel.

163    Fit-tieni lok, il-Comune di Milano jsostni li l-proċedura ta’ selezzjoni hija illegali wkoll minħabba l-fatt li l-Kummissjoni ma ħaditx il-miżuri ta’ informazzjoni previsti għall-finijiet ta’ din il-proċedura, li wassal għal żnaturament sinjifikattiv tal-offerta tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi mill-Istati Membri li ħadu sehem fil-votazzjoni.

164    Permezz tat-tielet motiv tiegħu, il-Comune di Milano jsostni li l-proċedura ta’ selezzjoni adottata fit‑22 ta’ Ġunju 2017 kisret il-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ kooperazzjoni leali, sa fejn hija kienet tipprevedi tlugħ bix-xorti finali, li jikkostitwixxi metodu ta’ selezzjoni li jindika proċess deċiżjonali speċifiku għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Huwa jallega, barra minn hekk, li din il-proċedura kisret il-prinċipju ta’ trasparenza tal-attività amministrattiva, sa fejn ebda minuti tat-tranżazzjonijiet ta’ vot ma ġie stabbilit u sa fejn, b’mod iktar ġenerali, ma kien hemm ebda forma ta’ pubbliċità jew ta’ kontroll tal-proċedura.

165    Fl-aħħar nett, permezz tar-raba’ u l-aħħar motiv tiegħu, il-Comune di Milano jinvoka, essenzjalment, il-ksur ta’ serje ta’ dispożizzjonijiet tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill dwar it-tħejjija tal-minuti tal-laqgħa, it-teħid ta’ deċiżjonijiet, il-forma tal-atti u l-obbligu ta’ motivazzjoni. Barra minn hekk, il-Comune di Milano jsostni li l-proċedura ta’ selezzjoni, u b’mod partikolari l-fażi ta’ tlugħ bix-xorti, żvolġiet bi ksur tar-regoli ddefiniti fin-nota tal‑31 ta’ Ottubru 2017, imsemmija fil-punt 17 ta’ din is-sentenza, b’mod partikolari sa fejn din kienet tipprevedi pawża ta’ tletin minuta bejn kull votazzjoni.

166    Il-Kunsill jitlob li l-motivi mqajma jiġu miċħuda, billi jsostni, b’mod partikolari, li r-Repubblika Taljana u l-Comune di Milano ma jistgħux jikkontestaw il-legalità tad-deċiżjoni tal‑20 ta’ Novembru 2017.

167    Min-naħa tiegħu, il-Parlament josserva li, minn perspettiva formali, ir-rikors tar-Repubblika Taljana ma jissodisfax, fir-rigward tal-preżentazzjoni tal-argumenti, il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 120(c) tar-Regoli tal-Proċedura. Fuq il-mertu, huwa jqis li l-motivi mqajma huma ineffettivi, fl-assenza ta’ rabta ġuridika bejn id-deċiżjoni tal‑20 ta’ Novembru 2017 u r-Regolament ikkontestat.

168    Fir-rigward tal-Kummissjoni, hija titlob ukoll li l-motivi mqajma jiġu miċħuda, minħabba n-nuqqas ta’ kull effett legalment vinkolanti marbut mad-deċiżjoni tal‑20 ta’ Novembru 2017.

–       Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

169    It-tieni motiv fil-Kawża C‑106/19 kif ukoll it-tieni sar-raba’ motiv fil-Kawża C‑232/19, li permezz tagħhom ir-Repubblika Taljana u l-Comune di Milano jsostnu, essenzjalment, li l-illegalitajiet li jivvizzjaw id-deċiżjoni tal‑20 ta’ Novembru 2017 għandhom l-effett li jirrendu illegali r-Regolament ikkontestat, huma bbażati fuq il-premessa li teżisti rabta ġuridika bejn din id-deċiżjoni u dan ir-regolament.

170    Issa, kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 111 sa 142 ta’ din is-sentenza, il-kompetenza sabiex jiġi deċiż l-iffissar tas-sede tal-korpi u tal-organi tal-Unjoni ma hijiex tal-Istati Membri, iżda tal-leġiżlatur tal-Unjoni, li jeżerċitaha konformement mal-proċeduri previsti mid-dispożizzjonijiet tat-Trattati sostantivament rilevanti, f’dan il-każ l-Artikolu 114 u l-Artikolu 168(4) TFUE, li jipprevedu l-użu tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja. Barra minn hekk, kif ġie kkonstatat fil-punt 147 ta’ din is-sentenza, id-deċiżjoni tal‑20 ta’ Novembru 2017 ma għandhiex effetti legali vinkolanti fid-dritt tal-Unjoni, b’tali mod li ma tistax tikkostitwixxi l-bażi legali tar-Regolament ikkontestat u li, barra minn hekk, ma għandhiex rabta ġuridika miegħu.

171    B’hekk, anki jekk jitqies, kif jallegaw ir-rikorrenti, li d-deċiżjoni tal‑20 ta’ Novembru 2017 ittieħdet fi tmiem proċedura vvizzjata u skont modalitajiet irregolari, dan il-fatt, fih innifsu, ma jaffettwax il-legalità tar-Regolament ikkontestat.

172    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni motiv fil-Kawża C‑106/19 kif ukoll it-tieni sar-raba’ motiv fil-Kawża C‑232/19 għandhom jiġu miċħuda bħala ineffettivi.

173    Peress li l-ebda wieħed mill-motivi mressqa insostenn ta’ dawn ir-rikorsi ma ntlaqa’, l-imsemmija rikorsi għandhom jiġu miċħuda kollha kemm huma.

 Fuq lispejjeż

174    Bis-saħħa tal-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

175    Konformement mal-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. Madankollu, jekk fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża jkun jidher iġġustifikat, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li waħda mill-partijiet għandha, minbarra l-ispejjeż tagħha, tbati parti mill-ispejjeż tal-parti l-oħra.

176    F’dan il-każ, ikkaratterizzat mill-fatt li ċ-ċirkustanzi madwar l-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat huma distinti minn prassi u minn interpretazzjonijiet diverġenti fuq il-kwistjoni tal-kompetenza deċiżjonali fil-qasam tal-iffissar tas-sede tal-korpi u tal-organi tal-Unjoni, jidher iġġustifikat li jiġi deċiż li kull parti prinċipali, jiġifieri r-Repubblika Taljana, il-Comune di Milano, il-Kunsill u l-Parlament, għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

177    Konformement mal-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni, intervenjenti, għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikorsi huma miċħuda.

2)      Ir-Repubblika Taljana, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom fil-Kawża C106/19.

3)      Il-Comune di Milano, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom fil-Kawża C232/19.

4)      Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: it-Taljan.