Language of document : ECLI:EU:C:2024:149

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

22 ta’ Frar 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 1999/70/KE – Ftehim qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat – Kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat fis-settur pubbliku – Membri tal-persunal bil-kuntratt għal żmien indeterminat mhux permanenti – Klawżoli 2 u 3 – Kamp ta’ applikazzjoni – Kunċett ta’ ‘ħaddiem għal żmien determinat’ – Klawżola 5 – Miżuri intiżi li jipprevjenu l-użu abbużiv tal-kuntratti ta’ xogħol jew tar-relazzjonijiet ta’ impjieg għal żmien determinat suċċessivi – Miżuri legali ekwivalenti”

Fil-Kawżi magħquda C‑59/22, C‑110/22 u C‑159/22,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de Madrid (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Madrid, Spanja), permezz ta’ deċiżjonijiet tat‑22 ta’ Diċembru 2021, tal‑21 ta’ Diċembru 2021 u tat‑3 ta’ Frar 2022, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja, rispettivament, fis‑27 ta’ Jannar, fis‑17 ta’ Frar u fit‑3 ta’ Marzu 2022, fil-proċeduri

MP

vs

Consejería de Presidencia, Justicia e Interior de la Comunidad de Madrid (C‑59/22),

u

IP

vs

Universidad Nacional de Educación a Distancia (UNED) (C‑110/22),

u

IK

vs

Agencia Madrileña de Atención Social de la Comunidad de Madrid (C‑159/22),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn P. G. Xuereb, li qiegħed jaġixxi bħala President ta’ Awla, A. Kumin (Relatur) u I. Ziemele, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Consejería de Presidencia, Justicia e Interior de la Comunidad de Madrid u l’Agencia Madrileña de Atención Social de la Comunidad de Madrid, minn A. Caro Sánchez, bħala aġent,

–        għall-Gvern Spanjol, minn M. J. Ruiz Sánchez, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn I. Galindo Martín, D. Recchia u N. Ruiz García, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-klawżoli 2, 3 u 5 tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss [żmien determinat], konkluż fit‑18 ta’ Marzu 1999 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim qafas”), li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat‑28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss (żmien determinat] konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368).

2        Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ tilwimiet bejn, fil-Kawża C‑59/22, MP u l-Consejería de Presidencia, Justicia e Interior de la Comunidad de Madrid (il-Ministeru għall-Presidenza, il-Ġustizzja u l-Intern tal-Komunità ta’ Madrid, Spanja), fil-Kawża C‑110/22, IP u l-Universidad Nacional de Educación a Distancia (UNED) (l-università nazzjonali tat-tagħlim mill-bogħod, Spanja) u, fil-Kawża C‑159/22, IK u l-Agencia Madrileña de Atención Social de la Comunidad de Madrid (aġenzija Madrilena ta’ għajnuna soċjali tal-Komunità ta’ Madrid, Spanja), dwar il-klassifikazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol li torbot lill-persuni kkonċernati mal-amministrazzjoni pubblika kkonċernata.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 1999/70

3        Il-premessa 17 tad-Direttiva 1999/70 tiddikjara:

“Fejn għandhom x’jaqsmu t-termini użati fil-ftehim qafas imma mhux speċifikament definiti hemmhekk, din id-Direttiva tippermetti lill-Istati Membri biex jiddefinixxu dawn it-termini f’konformità mal-liġi jew il-prattika nazzjonali kif inhu l-każ għal Direttivi oħrajn dwar kwistjonijiet soċjali li jużaw termini simili, sakemm id-definizzjonijiet inkwistjoni jirrispettaw il-kontenut tal-ftehim qafas”.

4        L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattvi neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva [u għandhom] jieħdu xi miżuri neċessarji sabiex ikunu jistgħu f’kull ħin ikunu f’posizzjoni li jiggarantixxu r-riżultati imposti b’din id-Direttiva. [...] ”

 Il-Ftehim qafas

5        Il-klawżola 2 tal-ftehim qafas, intitolata “L-iskop [Il-kamp ta’ applikazzjoni]”, tipprevedi:

“1.      Dan il-ftehim japplika għal ħaddiema għal terminu fiss li għandhom kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg kif definit fil-liġi, fil-ftehim kollettiv jew fil-prattika f’ kull Stat Membru.

2.      L-Istati Membri wara konsultazzjoni ma’ l-imsieħba soċjali u/jew l-imsieħba soċjali jistgħu jipprovdu li dan il-ftehim ma japplikax għal:

a)      relazzjonijiet ta’ taħriġ professjonali u skemi ta’ apprentistat tal-bidu;

b)      kuntratti u relazzjonijiet ta’ impjieg li kienu konklużi fil-qafas ta’ programm speċifiku pubbliku jew bl-appoġġ tal-pubbliku ta’ taħriġ, integrazzjoni u taħriġ professjonali mill-ġdid.”

6        Il-klawżola 3 tal-Ftehim Qafas, intitolata “Definizzjonijiet”, tipprovdi:

“Għall-iskop ta’ dan il-ftehim il-kliem

1.      ‘ħaddiem għal terminu fiss’ ifisru persuna li jkollha kuntratt jew relazzjoni ta’ l-impjieg dirett bejn min jimpjiega u ħaddiem meta l-aħħar tal-kuntratt jew tar-relazzjoni ta’ l-impjieg hu ddeterminat b’kondizzjonijiet oġġettivi bħal li jilħaq data speċifika, ilesti xogħol speċifiku, jew it-twettiq ta’ każ speċifiku.

[...]”

7        Il-klawżola 5 tal-Ftehim qafas, intitolata “Miżuri għal prevenzjoni ta’ l-abbuż”, tistabbilixxi:

“1.      Sabiex jiġi ipprevenut l-abbuż ikkawżat mill-użu ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ impjieg għal terminu fiss, wara konsultazzjoni ma’ l-imsieħba soċjali skond il-liġi nazzjonali, il-ftehim kollettiv jew il-prattika, u/jew l-imsieħba soċjali, għandhom, meta ma hemm ebda miżuri ekwivalenti legali biex jipprevjenu l-abbuż, jintroduċu b’mod li jieħu kont tal-ħtiġiet tas-setturi u/jew kategoriji speċifiċi ta’ ħaddiema, waħda jew iktar mill-miżuri li ġejjin:

a)      raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw it-tiġdid ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet;

b)      iż-żmien massimu totali ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ impjieg għal terminu fiss;

ċ)      in-numru ta’ tiġdid ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet.

2.      L-Istati Membri wara konsultazzjoni ma’ l-imsieħba soċjali u/jew l-imsieħba soċjali għandhom, meta approprjat, jiddeterminaw taħt liema kondizzjonijiet il-kuntratti jew ir-relazzjonijiet ta’ impjieg għal terminu fiss:

a)      għandhom jitqiesu bħala ‘suċċessivi’;

b)      għandhom jitqiesu bħala kuntratti jew relazzjonijiet għal żmien indefinit.”

 Id-dritt Spanjol

 Il-Kostituzzjoni

8        L-Artikolu 23(2) tal-Constitución española (il-Kostituzzjoni Spanjola), (iktar ’il quddiem il-“Kostituzzjoni”), jipprovdi li ċ-ċittadini “għandhom id-dritt li jaċċedu, f’kundizzjonijiet ta’ ugwaljanza, għall-funzjonijiet u għall-pożizzjonijiet pubbliċi, bla ħsara għar-rekwiżiti stabbiliti mil-liġi”.

9        L-Artikolu 103(3) tal-Kostituzzjoni jipprevedi, b’mod partikolari, li l-liġi tiddefinixxi r-Regolamenti tal-Persunal u tirregola l-aċċess għas-servizz pubbliku skont il-prinċipji ta’ mertu u ta’ kapaċità.

 Il-leġiżlazzjoni dwar il-kuntratti għal żmien determinat

–       L-Istatut tal-Ħaddiema

10      L-Artikolu 15(3) tar-Real Decreto Legislativo 2/2015, por el que se aprueba el texto refundido de la Ley del Estatuto de los Trabajadores (id-Digriet Irjali Leġiżlattiv 2/2015, li japprova t-test rivedut tal-liġi li tistabbilixxi l-Istatut tal-Ħaddiema), tat‑23 ta’ Ottubru 2015 (BOE Nru 255, tal‑24 ta’ Ottubru 2015, p. 100224), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti tal-kawżi prinċipali (iktar ’il quddiem l-“Istatut tal-Ħaddiema”), jipprovdi li “[i]l-kuntratti għal żmien determinat konklużi bi ksur tal-liġi għandhom jitqiesu li ġew konklużi għal żmien indeterminat”.

11      L-Artikolu 15(5) tal-Istatut tal-Ħaddiema jipprovdi:

“Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1(a), 2 u 3 ta’ dan l-artikolu, il-ħaddiema li ġew irreklutati, bi jew mingħajr interruzzjoni, għal terminu ta’ iktar minn 24 xahar fuq perijodu ta’ 30 xahar sabiex jokkupaw pożizzjoni ta’ xogħol identika jew differenti fi ħdan l-istess impriża jew l-istess grupp ta’ impriżi fil-kuntest ta’ mill-inqas żewġ kuntratti temporanji, kemm jekk direttament kif ukoll permezz tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tagħhom minn impriżi ta’ xogħol temporanju u skont modalitajiet kuntrattwali għal żmien determinat identiċi jew differenti, jakkwistaw il-kwalità ta’ ħaddiema permanenti. [...]”

12      Il-ħmistax-il dispożizzjoni addizzjonali tar-Regolamenti tal-Ħaddiema, li tirrigwarda l-“applikazzjoni tal-limiti ta’ żmien tal-kuntratt għal kompitu jew servizz partikolari u għall-kuntratti suċċessivi fl-amministrazzjonijiet pubbliċi”, tippreċiża li l-ksur ta’ dawn il-limiti fl-“amministrazzjonijiet pubbliċi u [...] korpi pubbliċi li għandhom rabtiet magħhom jew li huma dipendenti fuqhom” ma tistax tipprekludi “l-applikazzjoni tal-prinċipji kostituzzjonali ta’ ugwaljanza, ta’ mertu u ta’ kapaċità fl-aċċess għall-impjieg pubbliku u ma tipprekludix l-obbligu li jimtlew il-pożizzjonijiet inkwistjoni permezz tal-proċeduri ordinarji, konformement mad-dispożizzjonijiet previsti fil-leġiżlazzjoni applikabbli”, b’tali mod li “l-ħaddiem iżomm il-pożizzjoni li huwa kien jokkupa sakemm din tkun intemmet b’applikazzjoni tal-proċeduri pubbliċi li għandhom rabtiet magħhom jew li huma dipendenti fuqhom” ma jistax jipprekludi “l-applikazzjoni tal-prinċipji kostituzzjonali ta’ ugwaljanza, ta’ mertu u ta’ kapaċità fl-aċċess għall-impjieg pubbliku u ma tostakolax l-obbligu li jimtlew il-pożizzjonijiet inkwistjoni permezz tal-proċeduri ordinarji, konformement mad-dispożizzjonijiet previsti fil-leġiżlazzjoni applikabbli”, b’tali mod li “l-ħaddiem iżomm il-pożizzjoni li huwa kien jokkupa sakemm dan ikun ipprovdut b’applikazzjoni tal-proċeduri msemmija iktar ’il fuq, u dan jimmarka t-tmiem tar-relazzjoni tal-impjieg, sakemm dan il-ħaddiem ma jaċċedix għal impjieg pubbliku billi jkun għadda b’suċċess il-proċedura ta’ selezzjoni korrispondenti”.

–       L-EBEP

13      Il-Ley del Estatuto Básico del Empleado Público (test ikkonsolidat tal-liġi dwar l-istatus bażiku tal-membri tal-persunal fis-servizz pubbliku), approvata permezz tar-Real Decreto Legislativo 5/2015 (Digriet Irjali Leġiżlattiv 5/2015), tat‑30 ta’ Ottubru 2015 (BOE Nru 261, tal‑31 ta’ Ottubru 2015, p. 103105), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti tat-tilwim fil-kawżi prinċipali (iktar ’il quddiem l-“EBEP”), ġiet emendata, b’mod partikolari, bir-Real Decreto-ley 14/2021, de medidas urgentes para la reducción de la temporalidad en el empleo público (Digriet Leġiżlattiv Irjali 14/2021 dwar il-miżuri urġenti intiżi sabiex inaqqsu n-natura temporanja tal-impjieg pubbliku), tas‑6 ta’ Lulju 2021 (BOE Nru 161, tas‑7 ta’ Lulju 2021, p. 80375), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti tat-tiwlim fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Irjali 14/2021”).

14      L-Artikolu 8 tal-EBEP jipprevedi:

“1.      Huma membri tal-persunal fis-servizz pubbliku l-persuni li jeżerċitaw funzjonijiet remunerati fl-amministrazzjoni pubblika fis-servizz tal-interess ġenerali.

2.      Il-membri tal-persunal fis-servizz pubbliku huma kklassifikati bħala:

a)      uffiċjali;

b)      membri tal-persunal mhux permanenti;

c)      aġenti kuntrattwali, sew jekk permanenti, għal żmien indeterminat jew għal żmien determinat;

d)      persunal awżiljarju.”

15      Skont l-Artikolu 11(1) u (3) tal-EBEP:

“1.      Aġent kuntrattwali tfisser kull persuna li, skont kuntratt ta’ xogħol konkluż bil-miktub, irrispettivament mill-modalitajiet ta’ reklutaġġ previsti mil-liġi tax-xogħol, twettaq servizzi mħallsa mill-amministrazzjonijiet pubbliċi. Skont it-tul tiegħu, il-kuntratt jista’ jkun permanenti, għal żmien indeterminat jew għal żmien determinat.

[...]

3.      Il-proċeduri tas-selezzjoni tal-persunal ta’ impjegat huma pubbliċi, irregolati fi kwalunkwe każ mill-prinċipji ta’ ugwaljanza, mertu u kapaċità. Fil-każ ta’ membri tal-persunal temporanju, dawn huma rregolati wkoll mill-prinċipju ta’ rapidità, bl-għan li jirrispondu għal raġunijiet ta’ neċessità u ta’ urġenza espressament iġġustifikati.”

16      L-Artikolu 55(1) tal-EBEP jistabbilixxi li:

“Iċ-ċittadini kollha għandhom dritt għal impjieg fis-servizz pubbliku, skont il-prinċipji kostituzzjonali ta’ ugwaljanza, ta’ mertu u ta’ kapaċità, skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-istatut, u skont ir-regoli l-oħra fis-seħħ fl-ordinament ġuridiku”.

17      L-Artikolu 70 tal-EBEP, intitolat “Avviż ta’ impjieg pubbliku”, jipprevedi:

“1.      Il-ħtiġijiet ta’ riżorsi umani li jibbenefikaw minn allokazzjoni baġitarja li għandhom ikunu koperti mir-reklutaġġ ta’ persunal ġdid huma suġġetti għal avviż ta’ impjieg pubbliku jew huma mimlijin permezz ta’ strument simili ieħor ta’ ġestjoni tal-kopertura tal-bżonnijiet tal-persunal, li jimplika l-organizzazzjoni tal-proċeduri ta’ reklutaġġ korrispondenti għall-pożizzjonijiet previsti, sal-limitu ta’ għaxra fil-mija addizzjonali, u li jiġi ffissat it-terminu massimu għall-pubblikazzjoni tal-avviżi. Fi kwalunkwe każ, l-implimentazzjoni tal-avviż ta’ impjieg pubbliku jew tal-istrument simili għandha ssir f’terminu ta’ tliet snin li ma jistax jiġi estiż.

2.      L-avviż ta’ impjieg pubbliku jew l-istrument simili, approvat kull sena mill-korpi governattivi tal-amministrazzjoni pubblika, għandu jiġi ppubblikat fil-ġurnal uffiċjali korrispondenti.

[...]”

18      L-Artikolu 1(3) tad-Digriet Leġiżlattiv Irjali 14/2021 introduċa s-sbatax-il dispożizzjoni addizzjonali għall-EBEP. Din is-sbatax-il dispożizzjoni addizzjonali, qabelxejn, tipprevedi, b’mod partikolari, l-obbligu tal-amministrazzjonijiet pubbliċi li jiżguraw li jevitaw kull tip ta’ irregolarità fil-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat u fil-ħatriet ta’ membri tal-persunal mhux permanenti. Sussegwentement, l-imsemmija sbatax-il dispożizzjoni addizzjonali tindika, b’mod partikolari, li l-“atti irregolari” f’dan il-qasam “jassumu r-responsabbiltajiet adegwati skont il-leġiżlazzjoni fis-seħħ f’kull waħda mill-amministrazzjonijiet pubbliċi”. Fl-aħħar nett, l-istess sbatax-il dispożizzjoni addizzjonali tistabbilixxi wkoll id-dritt tal-ħaddiema li jirċievu, bla ħsara għal eventwali kumpens previst mil-leġiżlazzjoni fil-qasam tad-dritt industrijali, kumpens għar-reklutaġġ temporanju irregolari li jikkonsisti fil-ħlas tad-differenza bejn l-ammont massimu li jirriżulta mill-applikazzjoni tar-regola ta’ 20 jum ta’ salarju għal kull sena ta’ anzjanità, b’limitu massimu ta’ sena salarju, u l-kumpens li għandu jitħallas għax-xoljiment tal-kuntratt. Dan il-kumpens isir dovut fil-mument tax-xoljiment tal-kuntratt u huwa limitat għall-kuntratt li fir-rigward tiegħu nkisret il-leġiżlazzjoni.

–       Liġijiet dwar il-baġit tal-Istat għas-snin 2017 u 2018

19      It-tlieta u erbgħin dispożizzjoni addizzjonali tal-Ley 6/2018 de Presupuestos Generales del Estado para el año 2018 (il-Liġi 6/2018 dwar il-Baġit Ġenerali tal-Istat għas-sena 2018), tat‑3 ta’ Lulju 2018 (BOE Nru 161, tal‑4 ta’ Lulju 2018, p. 66621), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti ta-tilwim fil-kawżi prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Baġit tal-Istat għas-sena 2018”), li ssostitwixxiet ir-raba’ u tletin dispożizzjoni addizzjonali tal-Ley 3/2017 de Presupuestos Generales del Estado para el año 2017 (il-Liġi 3/2017 dwar il-Baġit Ġenerali tal-Istat għas-sena 2017), tas‑27 ta’ Ġunju 2017 (BOE Nru 153, tat-28 ta’ Ġunju 2017, p. 53787) (iktar ’il quddiem il-“liġi dwar il-baġit tal-Istat għas-sena 2017”), tipprevedi, b’mod partikolari, li l-għoti tal-istatus ta’ ħaddiem għal żmien indeterminat mhux permanenti jista’ jingħata biss permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja. Din it-tlieta u erbgħin dispożizzjoni addizzjonali tipprovdi li l-“atti irregolari” mwettqa fil-qasam tar-reklutaġġ temporanju mill- “korpi kompetenti fil-qasam tal-persunal” “f’kull amministrazzjoni pubblika u fl-entitajiet li jifformaw is-servizz pubbliku strumentali tagħhom” jagħtu lok għar-responsabbiltà tal-“korpi kompetenti fil-qasam tal-persunal, skont il-leġiżlazzjoni fis-seħħ f’kull waħda mill-amministrazzjonijiet pubbliċi”.

 Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

 (Kawża C-59/22)

20      MP ilu jaħdem kull sajf, mit‑22 ta’ Ottubru 1994, fi ħdan id-dipartiment tal-prevenzjoni tan-nirien fil-Comunidad de Madrid (il-Komunità ta’ Madrid, Spanja). Permezz ta’ sentenza tas‑27 ta’ Diċembru 2007, it-Tribunal Superior de Justicia de Madrid (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Madrid, Spanja), li hija l-qorti tar-rinviju, kienet qieset li MP kien irreklutat, sa mill-bidu tar-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu, fil-kuntest ta’ “relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat part-time tat-tip vertikali li jalterna”.

21      Fit‑13 ta’ Novembru 2020, MP ressaq talba quddiem il-Ministeru tal-Presidenza, tal-Ġustizzja u tal-Intern tal-Komunità ta’ Madrid intiża, minn naħa, għall-klassifikazzjoni mill-ġdid tal-kuntratt ta’ xogħol tiegħu f’kuntratt ta’ xogħol permanenti u, min-naħa l-oħra, għall-kisba ta’ kumpens ekwivalenti għal dak previst fid-dritt Spanjol minħabba tkeċċija abbużiva. L-amministrazzjoni kkonċernata ma laqgħetx din it-talba.

22      MP għalhekk ippreżenta rikors quddiem il-Juzgado de lo Social Nru 18 de Madrid (il-Qorti Industrijali Nru 18 ta’ Madrid, Spanja). Insostenn ta’ dan ir-rikors, hija fformulat l-istess talbiet bħal dawk ippreżentati insostenn tat-talba msemmija fil-punt preċedenti. Permezz ta’ sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, din il-qorti ċaħdet dan ir-rikors. MP appella minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju. Insostenn tal-appell tiegħu, huwa jsostni li ċ-ċaħda tal-imsemmi rikors irriżultat minn ksur, minn naħa, tad-dritt Spanjol u, min-naħa l-oħra, tal-Ftehim qafas, kif interpretat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Skont MP, is-sanzjoni adegwata ta’ użu abbużiv mill-amministrazzjoni ta’ kuntratti li jmorru kontra kull regola hija r-rikonoxximent tan-natura permanenti tar-relazzjoni ta’ xogħol tagħha u l-ħlas ta’ kumpens.

23      Peress li kellu dubji, l-ewwel nett, dwar l-applikabbiltà tal-Ftehim qafas, u, b’mod partikolari, tal-klawżola 5 tiegħu, għal ħaddiem, bħal MP, li, sa mill-bidu tar-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu, huwa marbut mal-amministrazzjoni pubblika b’kuntratt għal żmien indeterminat mhux permanenti, it-tieni nett, dwar il-konformità tad-dritt Spanjol relatat ma’ dan it-tip ta’ kuntratt ma’ din il-klawżola u, it-tielet nett, dwar il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu minn eventwali nuqqas ta’ konformità ta’ dan id-dritt mal-imsemmija klawżola, it-Tribunal Superior de Justicia de Madrid (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Madrid) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.      Għall-finijiet tal-Klawżola 2 tal-Ftehim Qafas anness mad-Direttiva [1999/70], ħaddiem għal żmien indeterminat mhux permanenti (imsejjaħ ‘indefinido no fijo’), fis-sens deskritt f’din ir-riżoluzzjoni, għandu jitqies bħala ‘ħaddiem għal terminu fiss’ u jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim Qafas u, b’mod partikolari, tal-Klawżola 5 tiegħu?

2.      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Klawżola 5 tal-[Ftehim Qafas], għandu jitqies li kien hemm ‘użu […] [suċċessiv]’ ta’ kuntratti temporanji jew relazzjonijiet suċċessivi fil-każ li ħaddiem marbut ma’ amministrazzjoni permezz ta’ kuntratt għal żmien indeterminat mhux permanenti (imsejjaħ ‘indefinido no fijo’) meta l-imsemmi kuntratt ma jistabbilixxix terminu ta’ żmien, filwaqt li huwa suġġett fil-validità tiegħu għal sejħa għal kandidaturi u li l-pożizzjoni timtela, li jagħti lok għax-xoljiment tiegħu, meta ma saret ebda sejħa għal kandidaturi bejn id-data tal-bidu tar-relazzjoni tax-xogħol u l-ewwel semestru tas-sena 2021?

3.      Il-Klawżola 5 tal-[Ftehim Qafas] għandha tiġi interpretata fis-sens li din tipprekludi interpretazzjoni tal-Artikol 15(5) tal-Estatuto de los Trabajadores (l-Istatut tal-Ħaddiema) (li għandu l-għan li jimplimenta d-Direttiva 1999/70 u għal dan jistabbilixxi tul massimu ta’ 24 xahar akkumulat tal-kuntratti temporanji suċċessivi tal-ħaddiema fuq perijodu ta’ riferiment ta’ 30 xahar), skont liema huma esklużi mill-kalkolu l-perijodi ta’ xogħol għal żmien indeterminat mhux permanenti (imsejjaħ ‘indefinido no fijo’), għar-raġuni li, f’dan il-każ, għal dawn il-kuntratti ma jkun hemm ebda limitazzjoni applikabbli, la għat-tul, għan-numru jew għar-raġuni għat-tiġdid tagħhom u lanqas għall-inkatenament tagħhom ma’ kuntratti oħrajn?

4.      Il-Klawżola 5 tal-[Ftehim Qafas] tipprekludi leġiżlazzjoni tal-Istat li ma tiffissa ebda limitu (kemm jekk bħala numru, kif ukoll jekk bħala tul jew raġunijiet) għat-tiġdid espress jew taċitu ta’ tip partikolari ta’ kuntratt għal żmien determinat, bħal dak għal żmien indeterminat mhux permanenti (imsejjaħ ‘indefinido no fijo’) tas-settur pubbliku, iżda sempliċement tiffissa limitu għaż-żmien tal-inkatenament ta’ tali kuntratt ma’ kuntratti temporanji oħrajn?

5.      Peress li l-leġiżlatur Spanjol ma adotta ebda regola li tillimita t-tiġdid espress jew taċitu tal-kuntratti tal-ħaddiema għal żmien indeterminat mhux permanenti (imsejħa ‘trabajadores infindos no fijos’), għandu jitqies li sitwazzjoni bħal dik f’din il-kawża, li fiha ħaddiem tas-settur pubbliku li għandu kuntratt għal żmien indeterminat mhux permanenti li t-tul previst tiegħu qatt ma ġie espress u lanqas ippreċiżat u li huwa estiż sal 2021 mingħajr ma ġiet organizzata ebda proċedura ta’ għażla sabiex timtela l-pożizzjoni tiegħu u tintemm is-sitwazzjoni ta’ temporanjetà, tikser il-Klawżola 5 tal-[Ftehim Qafas]?

6.      Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi biss kumpens b’rata fissa u oġġettiv (ta’ 20 jum ta’ salarju għal kull sena xogħol, bil-limitu ta’ sena salarju), iżda ma tipprevedi ebda kumpens addizzjonali li jippermetti l-kumpens sħiħ għad-dannu mġarrab fil-każ li dan l-ammont jinqabeż, tista’ titqies bħala li tinkludi miżuri dissważivi biżżejjed għall-użu ta’ kuntratti jew tat-tiġdid ta’ kuntratti temporanji suċċessivi bi ksur tal-Klawżola 5 tal-Ftehim Qafas, konformi mar-rekwiżiti dwar il-kumpens għad-dannu mġarrab mill-ħaddiem permezz tar-restitutio in integrum, stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tas‑7 ta’ Marzu 2018, Santoro (C‑494/16, EU:C:2018;166), u tat‑8 ta’ Mejju 2019, Rossato u Conservatorio di Musica F.A. Bonporti (C‑494/17, EU:C:2019:387)?

7.      Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi biss kumpens dovut max-xoljiment tal-kuntratt minħabba li timtela l-pożizzjoni, iżda ma tipprevedi ebda kumpens meta l-kuntratt huwa fis-seħħ, bħala alternattiva għal li jiġi ddikjarat bħala għal żmien indeterminat, tista’ titqies bħala li tinkludi miżuri dissważivi biżżejjed għall-użu ta’ kuntratti jew tat-tiġdid ta’ kuntratti temporanji suċċessivi bi ksur tal-Klawżola 5 tal-[Ftehim Qafas], konformi mar-rekwiżiti dwar il-kumpens għad-dannu mġarrab mill-ħaddiem stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tagħha tas‑7 ta’ Marzu 2018, Santoro (C‑494/16, EU:C:2018:166), u tat‑8 ta’ Mejju 2019, Rossato u Conservatorio di Musica F.A. Bonporti (C‑494/17, EU:C:2019:387)? Meta tilwima tirrigwarda biss il-permanenza tal-ħaddiem iżda l-kuntratt ma jkunx ġie xolt, hemm lok li jingħata kumpens għad-dannu kkawżat mit-temporanjetà, bħala alternattiva għad-dikjarazzjoni ta’ permanenza?

8.      Leġiżlazzjoni nazzjonali tista’ titqies bħala li tinkludi miżuri dissważivi biżżejjed, fil-konfront tal-amministrazzjoni pubbliċi u entitajiet tas-settur pubbliku, għall-użu ta’ kuntratti jew ta’ tiġdid ta’ kuntratti temporanji suċċessivi bi ksur tal-Klawżola 5 tal-[Ftehim Qafas], intiżi sabiex jiġi evitat u ssanzjonat l-użu abbużiv ta’ kuntratti għal żmien determinat min-naħa tal-entità li timpjega fil-konfront ta’ ħaddiema oħra u fil-futur, konformi mar-rekwiżiti stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tagħha tas‑7 ta’ Marzu 2018, Santoro (C‑494/16, EU:C:2018:166), u tat‑8 ta’ Mejju 2019, Rossato u Conservatorio di Musica F.A. Bonporti (C‑494/17, EU:C:2019:387), meta dawn il-miżuri huma dispożizzjonijiet legali introdotti mill‑2017 (disposición adicional 34.ª de la Ley 3/2017, de 27 de junio, de Presupuestos Generales del Estado para el año 2017 (id-dispożizzjoni addizzjonali Nru 34 tal-Liġi 3/2017 tas‑27 ta’ Ġunju 2017 dwar il-baġit ġenerali tal-Istat għall‑2017), id-disposición adicional 43.ª de la Ley 6/2018, de 3 de julio, de Presupuestos Generales del Estado para el año 2018 (id-dispożizzjoni addizzjonali 43 tal-Liġi 6/2018 tat‑3 ta’ Lulju 2018 dwar il-baġit ġenerali tal-Istat għall‑2018)) u digriet-liġi Irjali 14/2021 li jipprevedu li l-‘atti irregolari’ jagħtu lok għal responsabbiltà, iżda jidentifikaw din ir-responsabbiltà biss permezz ta’ riferiment ġeneriku għal leġiżlazzjoni li ma tispeċifikahomx, u mingħajr l-eżistenza ta’ xi każ speċifiku ta’ rekwiżit ta’ responsabbiltà, fil-kuntest ta’ eluf ta’ deċiżjonijiet li jiddikjaraw li ħaddiema għandhom kuntratti mhux permanenti għal żmien indeterminat (imsejħa ‘trabajadores indefinidos no fijos’)minħabba ksur tad-dispożizzjonijiet dwar kuntratti temporanji?

9.      Fil-każ li dawn ir-regoli kellhom jitqiesu bħala dissważivi biżżejjed, u peress li ġew introdotti għall-ewwel darba fl‑2017, dawn jistgħu jiġu applikati sabiex tiġi evitata t-trasformazzjoni ta’ kuntratti f’kuntratti għal żmien indeterminat meta r-rekwiżiti għall-imsemmija trasformazzjoni, li tirriżulta minn ksur tal-Klawżola 5 tal-[Ftehim Qafas], kienu preċedenti għad-dħul fis-seħħ tagħhom, jew, għall-kuntrarju, dan jissupponi applikazzjoni retroattiva u ta’ esproprjazzjoni tal-imsemmija regoli?

10.      Fil-każ li jitqies li ma jeżistux mezzi dissważivi biżżejjed fil-leġiżlazzjoni Spanjola, il-konsegwenza tal-ksur tal-Klawżola 5 tal-[Ftehim Qafas] minn persuna pubblika li timpjega għandha tkun li l-kuntratt jitqies bħala kuntratt għal żmien indeterminat mhux permanenti (imsejjaħ ‘indefinido no fijo’) jew għandu l-ħaddiem jiġi rrikonoxxut bħala permanenti totalment?

11.      Il-konverżjoni tal-kuntratt f’kuntratt permanenti, skont il-[Ftehim Qafas] u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tinterpretaha, għandha ssir anki jekk din titqies kuntrarja għall-Artikoli 23(2) u 103(3) tal-[Kostituzzjoni], jekk dawn ir-regoli kostituzzjonali jiġu interpretati fis-sens li jimponu li kandidat jista’ jaċċedi għal kwalunkwe impjieg fis-servizz pubbliku, inkluż fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ xogħol, biss wara li jkun ipparteċipa b’suċċess fi proċedura kompetittiva ta’ selezzjoni li fiha japplikaw il-prinċipji ta’ ugwaljanza, ta’ mertu, ta’ kompetenza u ta’ pubbliċità?

12.      Il-fatt li l-liġi tipprevedi t-tnedija ta’ proċedura sabiex impjieg temporanju jsir permanenti, permezz ta’ sejħa pubblika sabiex il-pożizzjoni okkupata mill-ħaddiem timtela, jimponi li ma tibqax tiġi applikata l-konverżjoni tal-kuntratt tal-imsemmi ħaddiem f’kuntratt permanenti, fid-dawl tal-fatt li din il-proċedura għandha tiżgura ‘l-osservanza tal-prinċipji ta’ kompetizzjoni ħielsa, ta’ ugwaljanza, ta’ mertu, ta’ kompetenza u ta’ pubbliċità’ u tal-fatt li l-ħaddiem li kien is-suġġett tal-użu suċċessiv ta’ kuntratti jew ta’ tiġdid ta’ kuntratti temporanji jista’ għalhekk ma jagħmilx il-pożizzjoni tiegħu permanenti jekk din tingħata lil persuna oħra, f’liema każ il-kuntratt tiegħu jiġi xolt flimkien ma’ kumpens li jikkorrispondi għal 20 jum salarju għal kull sena ta’ xogħol sal-limitu ta’ sena salarju?

13.      Il-ħaddiem, anki jekk ma jitkeċċiex, għandu dritt għal kumpens daqs din is-somma, jew ogħla minnha, li jiġi ddeterminat mill-qrati fil-każ li dan ma jkunx ikkwantifikat legalment, minħabba l-użu suċċessiv ta’ kuntratti jew ta’ tiġdid tal-kuntratt tiegħu bi ksur tal-Klawżola 5?

14.      Il-fatt li inkwistjoni hemm relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat mhux kontinwa (imsejjaħ ‘laboral indefinida discontinua’) jista’ ikollu xi effett fuq dan kollu preċedenti, u f’dan il-każ, ta’ liema natura, meta dan irriżulta f’serje ta’ kuntratti temporanji, staġun wara staġun, bħalma tindika r-rikorrenti fir-rikors tagħha?”

 (Kawża C110/22)

24      IP ilu jaħdem għall-UNED bħala “direttur ta’ produzzjoni vidjo” mill‑11 ta’ Frar 1994, abbażi ta’ kuntratti suċċessivi għal żmien determinat.

25      Permezz ta’ sentenza tad‑29 ta’ Settembru 2001, il-Juzgado de lo Social Nru 15 de Madrid (il-Qorti Industrijali Nru 15 ta’ Madrid, Spanja) irrikonoxxietlu l-kwalità ta’ ħaddiem għal żmien indeterminat mhux permanenti. Il-pożizzjoni ta’ xogħol okkupata mir-rikorrent fil-kawża prinċipali taħt din il-kwalità, minkejja li titqies, mill-UNED, bħala pożizzjoni vakanti, kienet għadha ma kinitx is-suġġett ta’ sejħa għal kandidaturi fid-data tat-tressiq, minn dan ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, tal-Juzgado de lo Social Nru 42 de Madrid (il-Qorti Industrijali Nru 42 ta’ Madrid, Spanja). Quddiem din l-aħħar qorti, l-imsemmi rikorrent fil-kawża prinċipali talab ir-rikonoxximent ġudizzjarju tad-dritt tiegħu li jokkupa l-pożizzjoni tax-xogħol tiegħu bħala ħaddiem għal żmien indeterminat u, sussidjarjament, li din il-pożizzjoni tingħatalu permezz ta’ kompetizzjoni abbażi ta’ titolu. Wara ċ-ċaħda ta’ dawn it-talbiet permezz ta’ sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2021, l-istess rikorrent fil-kawża prinċipali appella minn din is-sentenza quddiem it-Tribunal Superior de Justicia de Madrid (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Madrid), li hija l-qorti tar-rinviju.

26      Insostenn tal-appell tiegħu, IP jinvoka ksur tad-dispożizzjonijiet, minn naħa, tad-dritt Spanjol u, min-naħa l-oħra, tal-Ftehim qafas kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fehma tiegħu, l-unika konsegwenza possibbli li għandha tiġi dedotta minn tali ksur hija r-rikonoxximent tal-kwalità ta’ ħaddiem għal żmien indeterminat, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

27      Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, sa fejn id-Direttiva 1999/70 ma kinitx għadha applikabbli ratione temporis għall-kuntratti għal żmien determinat konklużi qabel is-sena 2001, is-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali jirrigwarda biss iċ-ċirkustanzi sussegwenti għas-sentenza tad‑29 ta’ Settembru 2001.

28      Barra minn hekk, skont din il-qorti, b’differenza minn dak li ssostni l-UNED fil-kuntest tal-kawża prinċipali, ma tistax tiġi applikata t-“teorija tal-att ċar”. Għalhekk, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ma rċevietx spjegazzjonijiet suffiċjenti dwar il-kunċett ta’ “ħaddiem għal żmien indeterminat mhux permanenti”, ma huwiex possibbli li jitqies li, fis-sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Instituto Madrileño de Investigación y Desarrollo Rural, Agrario y Alimentario (C‑726/19, EU:C:2021:439), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-rikonoxximent tal-kwalità ta’ ħaddiem għal żmien indeterminat mhux permanenti kien biżżejjed sabiex jikkumpensa d-dannu mġarrab mill-ħaddiem ikkonċernat.

29      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Superior de Justicia de Madrid (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Madrid) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.      Għall-finijiet tal-Klawżola 2 tal-[Ftehim Qafas], ħaddiem għal żmien indeterminat mhux permanenti (imsejjaħ ‘indefinido no fijo’), fis-sens deskritt f’din ir-riżoluzzjoni, għandu jitqies bħala ‘ħaddiem għal terminu fiss’ u jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-[Ftehim Qafas] u, b’mod partikolari, tal-Klawżola 5 tiegħu?

2.      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Klawżola 5 tal-[Ftehim Qafas, għandu jitqies li kien hemm ‘użu […] [suċċessiv]’ ta’ kuntratti temporanji jew relazzjonijiet suċċessivi fil-każ li ħaddiem marbut ma’ amministrazzjoni permezz ta’ kuntratt għal żmien indeterminat mhux permanenti meta l-imsemmi kuntratt ma jistabbilixxix terminu ta’ żmien (imsejjaħ ‘indefinido no fijo’), filwaqt li huwa suġġett fil-validità tiegħu għall-fatt li fil-futur ikun hemm sejħa għal kandidaturi u li l-pożizzjoni timtela, meta ma saret ebda sejħa għal kandidaturi bejn l‑2002 u l-ewwel semestru tas-sena 2021?

3.      Il-Klawżola 5 [tal-Ftehim Qafas] għandha tiġi interpretata fis-sens li din tipprekludi interpretazzjoni tal-Artikolu 15(5) tal-Estatuto de los Trabajadores (l-Istatut tal-Ħaddiema) (li għandu l-għan li jimplimenta d-Direttiva 1999/70) u għal dan jistabbilixxi tul massimu ta’ 24 xahar akkumulat tal-kuntratti temporanji suċċessivi tal-ħaddiema fuq perijodu ta’ riferiment ta’ 30 xahar), skont liema huma esklużi mill-kalkolu l-perijodi ta’ xogħol għal żmien indeterminat mhux permanenti (imsejjaħ ‘indefinido no fijo’), għar-raġuni li, f’dan il-każ, għal dawn il-kuntratti ma jkun hemm ebda limitazzjoni applikabbli, la għat-tul, la għan-numru jew għar-raġuni għat-tiġdid tagħhom u lanqas għall-inkatenament tagħhom ma’ kuntratti oħrajn?

4.      Il-Klawżola 5 tal-[Ftehim Qafas] tipprekludi leġiżlazzjoni tal-Istat li ma tiffissa ebda limitu (kemm jekk bħala numru, kif ukoll jekk bħala tul jew raġunijiet) għat-tiġdid espress jew taċitu ta’ tip partikolari ta’ kuntratt temporanju, bħal dak għal żmien indeterminat mhux permanenti (imsejjaħ ‘indefinido no fijo’) tas-settur pubbliku, iżda sempliċement tiffissa limitu għaż-żmien tal-inkatenament ta’ tali kuntratt ma’ kuntratti temporanji oħrajn?

5.      Peress li l-leġiżlatur Spanjol ma adotta ebda regola li tillimita t-tiġdid espress jew taċitu tal-kuntratti tal-ħaddiema għal żmien indeterminat mhux permanenti (imsejħa ‘trabajadores infindos no fijos’), għandu jitqies li sitwazzjoni bħal dik f’din il-kawża, li fiha ħaddiem tas-settur pubbliku li għandu kuntratt għal żmien indeterminat mhux permanenti li t-tul previst tiegħu qatt ma ġie espress u lanqas ippreċiżat u li kien estiż minn tal-inqas mill‑2002 (dħul mill-ġdid wara tkeċċija) sal‑2021 mingħajr ma ġiet organizzata ebda proċedura ta’ selezzjoni sabiex timtela l-pożizzjoni tiegħu u tintemm is-sitwazzjoni ta’ temporanjetà, tikser il-Klawżola 5 tal-[Ftehim Qafas]?

6.      Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi biss kumpens b’rata fissa u oġġettiv (ta’ 20 jum ta’ salarju għal kull sena xogħol, bil-limitu ta’ sena salarju), iżda ma tipprevedi ebda kumpens addizzjonali li jippermetti l-kumpens sħiħ għad-dannu mġarrab fil-każ li dan l-ammont jinqabeż, tista’ titqies bħala li tinkludi miżuri dissważivi biżżejjed għall-użu ta’ kuntratti jew tat-tiġdid ta’ kuntratti temporanji suċċessivi bi ksur tal-Klawżola 5 tal-[Ftehim Qafas], konformi mar-rekwiżiti dwar il-kumpens għad-dannu mġarrab mill-ħaddiem permezz tar-restitutio in integrum, stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tas‑7 ta’ Marzu 2018, Santoro (C‑494/16, EU:C:2018;166), u tat‑8 ta’ Mejju 2019, Rossato u Conservatorio di Musica F.A. Bonporti (C‑494/17, EU:C:2019:387)?

7.      Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi biss kumpens dovut max-xoljiment tal-kuntratt minħabba li timtela l-pożizzjoni, iżda ma tipprevedi ebda kumpens meta l-kuntratt huwa fis-seħħ, bħala alternattiva għal li jiġi ddikjarat bħala għal żmien indeterminat, tista’ titqies bħala li tinkludi miżuri dissważivi biżżejjed għall-użu ta’ kuntratti jew tat-tiġdid ta’ kuntratti temporanji suċċessivi bi ksur tal-Klawżola 5 tal-[Ftehim Qafas], konformi mar-rekwiżiti dwar il-kumpens għad-dannu mġarrab mill-ħaddiem stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tagħha tas‑7 ta’ Marzu 2018, Santoro (C‑494/16, EU:C:2018:166) u tat‑8 ta’ Mejju 2019, Rossato u Conservatorio di Musica F.A. Bonporti (C‑494/17, EU:C:2019:387)? Meta tilwima tirrigwarda biss il-permanenza tal-ħaddiem iżda l-kuntratt ma jkunx ġie xolt, hemm lok li jingħata kumpens għad-dannu kkawżat mit-temporanjetà, bħala alternattiva għad-dikjarazzjoni ta’ permanenza?

8.      Leġiżlazzjoni nazzjonali tista’ titqies bħala li tinkludi miżuri dissważivi biżżejjed, fil-konfront tal-amministrazzjoni pubbliċi u entitajiet tas-settur pubbliku, għall-użu ta’ kuntratti jew ta’ tiġdid ta’ kuntratti temporanji suċċessivi bi ksur tal-Klawżola 5 tal-[Ftehim Qafas], intiżi sabiex jiġi evitat u ssanzjonat l-użu abbużiv ta’ kuntratti għal żmien determinat min-naħa tal-entità li timpjega fil-konfront ta’ ħaddiema oħra u fil-futur, konformi mar-rekwiżiti stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tagħha tas‑7 ta’ Marzu 2018, Santoro (C‑494/16) u tat‑8 ta’ Mejju 2019, Rossato u Conservatorio di Musica F.A. Bonporti (C‑494/17, EU:C:2019:387), meta dawn il-miżuri huma dispożizzjonijiet legali introdotti mill‑2017 (disposición adicional 34.ª de la Ley 3/2017, de 27 de junio, de Presupuestos Generales del Estado para el año 2017 (id-dispożizzjoni addizzjonali Nru 34 tal-Liġi 3/2017 tas‑27 ta’ Ġunju 2017 dwar il-baġit ġenerali tal-Istat għall 2017), disposición adicional 43.ª de la Ley 6/2018, de 3 de julio, de Presupuestos Generales del Estado para el año 2018 (id-dispożizzjoni addizzjonali tal-Liġi 6/2018 tat 3 ta’ Lulju 2018 dwar il-baġit ġenerali tal-Istat għall‑2018) u r-Real Decreto-ley 14/2021, de 6 de Julio (id-Digriet-Liġi Rjali 14/2021 tas‑6 ta’ Lulju)) li jipprevedu li l-‘atti irregolari’ jagħtu lok għal responsabbiltà, iżda jidentifikaw din ir-responsabbiltà biss permezz ta’ riferiment ġeneriku għal leġiżlazzjoni li ma tispeċifikahomx, u mingħajr l-eżistenza ta’ xi każ speċifiku ta’ rekwiżit ta’ responsabbiltà, fil-kuntest ta’ eluf ta’ deċiżjonijiet li jiddikjaraw li ħaddiema għandhom kuntratti għal żmien indeterminat mhux permanenti (imsejħa ‘trabajadores indefinidos no fijos’) minħabba ksur tad-dispożizzjonijiet dwar kuntratti temporanji?

9.      Fil-każ li dawn ir-regoli kellhom jitqiesu bħala dissważivi biżżejjed, u peress li ġew introdotti għall-ewwel darba fl‑2017, dawn jistgħu jiġu applikati sabiex tiġi evitata t-trasformazzjoni ta’ kuntratti f’kuntratti għal żmien indeterminat meta r-rekwiżiti għall-imsemmija trasformazzjoni, li tirriżulta minn ksur tal-Klawżola 5 tal-[Ftehim Qafas], kienu preċedenti għad-dħul fis-seħħ tagħhom, jew, għall-kuntrarju, dan jissupponi applikazzjoni retroattiva u ta’ esproprjazzjoni tal-imsemmija regoli?

10.      Fil-każ li jitqies li ma jeżistux mezzi dissważivi biżżejjed fil-leġiżlazzjoni Spanjola, il-konsegwenza tal-ksur tal-Klawżola 5 tal-[Ftehim Qafas] minn persuna pubblika li timpjega għandha tkun li l-kuntratt jitqies bħala kuntratt għal żmien indeterminat mhux permanenti (imsejjaħ ‘indefinido no fijo’) jew għandu l-ħaddiem jiġi rrikonoxxut bħala permanenti totalment, mingħajr kwalifiki?

11.      Il-konverżjoni tal-kuntratt f’kuntratt permanenti, skont il-[Ftehim Qafas] u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tinterpretaha, għandha ssir, skont il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, anki jekk din titqies kuntrarja għall-Artikoli 23(2) u 103(3) tal-[Kostituzzjoni], jekk dawn ir-regoli kostituzzjonali jiġu interpretati fis-sens li jimponu li kandidat jista’ jaċċedi għal kwalunkwe impjieg fis-servizz pubbliku, inkluż fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ xogħol, biss wara li jkun ipparteċipa b’suċċess fi proċedura kompetittiva ta’ selezzjoni li fiha japplikaw il-prinċipji ta’ ugwaljanza, ta’ mertu, ta’ kompetenza u ta’ pubbliċità? Peress li interpretazzjoni oħra hija possibbli, li hija dik segwita mit-Tribunal Constitucional (il-Qorti Kostituzzjonali, Spanja), il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi għandu jiġi applikat għar-regoli kostituzzjonali tal-Istat, b’mod li jkun obbligatorju li tintagħżel l-interpretazzjoni li tagħmilhom kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, f’dan il-każ filwaqt li huwa mifhum li l-Artikoli 23(2) u 103(3) tal-Kostituzzjoni ma jeħtiġux l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ ugwaljanza, ta’ mertu u ta’ kompetenza għall-proċeduri ta’ għażla tal-membri tal-persunal?

12.      Il-konverżjoni tal-kuntratt f’kuntratt permanenti skont il-[Ftehim Qafas] u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tinterpretaha, tista’ ma tiġix applikata jekk, qabel din il-konverżjoni tiġi ddekretata ġudizzjarjament, jiġi stabbilit proċess ta’ konsolidazzjoni jew ta’ stabilizzazzjoni tal-impjieg temporanju permezz ta’ liġi, li għandu jiġi żviluppat fis-snin li ġejjin, u li jinvolvi t-tnedija ta’ sejħiet pubbliċi sabiex il-pożizzjoni okkupata mill-ħaddiem timtela, fid-dawl tal-fatt li f’din il-proċedura għandha tiġi żgurata “l-osservanza tal-prinċipji ta’ kompetizzjoni ħielsa, ta’ ugwaljanza, ta’ mertu, ta’ kompetenza u ta’ pubbliċità” u għalhekk il-ħaddiem li kien is-suġġett tal-użu suċċessiv ta’ kuntratti jew ta’ tiġdid ta’ kuntratti temporanji jista’ għalhekk jagħmel il-pożizzjoni tiegħu permanenti, imma wkoll ma jagħmilx dan jekk din tingħata lil persuna oħra, f’liema każ il-kuntratt tiegħu jiġi xolt flimkien ma’ kumpens li jikkorrispondi għal 20 jum salarju għal kull sena xogħol sal-limitu ta’ sena salarju?”

 (Kawża C159/22)

30      IK ilu jaħdem, mill‑21 ta’ Diċembru 1998, għall-aġenzija Madrilena ta’ għajnuna soċjali tal-Komunità ta’ Madrid, u dan abbażi ta’ kuntratti għal żmien determinat suċċessivi, b’interruzzjoni ta’ kuntratti bejn is-snin 1999 u 2010.

31      Fl‑14 ta’ Ottubru 2020, IK ippreżenta rikors quddiem il-Juzgado de lo Social Nru 21 de Madrid (il-Qorti Industrijali Nru 21 ta’ Madrid, Spanja) intiż sabiex jiġi rrikonoxxut li l-kuntratt ta’ xogħol konkluż mal-persuna li timpjegah kien għal żmien indeterminat u, sussidjarjament, li dan il-kuntratt kien għal żmien indeterminat mhux permanenti. Permezz ta’ sentenza tad‑19 ta’ April 2021, din il-qorti ċaħdet dan ir-rikors.

32      IK appella minn din is-sentenza quddiem it-Tribunal Superior de Justicia de Madrid (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Madrid), li hija l-qorti tar-rinviju. Insostenn tal-appell tiegħu, huwa invoka ksur kemm tad-dritt Spanjol kif ukoll tal-Klawżola 5 tal-Ftehim qafas kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, IK isostni li l-unika soluzzjoni konformi mar-rekwiżiti stabbiliti mill-qorti tal-Unjoni Ewropea tikkonsisti f’li jiġi ddikjarat li r-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu hija għal żmien indeterminat u, sussidjarjament, li din ir-relazzjoni ta’ xogħol hija għal żmien indeterminat mhux permanenti.

33      Il-Qorti tar-rinviju tippreċiża li s-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali jirrigwarda esklużivament il-kuntratt ta’ xogħol l-iktar reċenti, jiġifieri l-kuntratt ta’ membru tal-persunal mhux permanenti li jkopri pożizzjoni vakanti, konkluż fl‑1 ta’ Awwissu 2016 mill-partijiet fil-kawża prinċipali u li ġie estiż tal-inqas sad-data tas-sentenza appellata, jiġifieri d‑19 ta’ April 2021. Din il-qorti tindika li, konformement mad-dritt Spanjol, b’mod partikolari s-sentenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja) tat‑28 ta’ Ġunju 2021, mogħtija sabiex tiġi implimentata l-klawżola 5 tal-Ftehim qafas, kif interpretata fis-sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Instituto Madrileño de Investigación y Desarrollo Rural, Agrario y Alimentario (C‑726/19, EU:C:2021:439), għandu jiġi konkluż, f’dan il-każ, li l-amministrazzjoni kkonċernata użat b’mod abbużiv kuntratti suċċessivi għal żmien determinat, li jmur kontra din il-klawżola 5. Fil-fatt, din l-amministrazzjoni naqset milli tippubblika sejħa għal kandidatura għall-pożizzjoni vakanti u għalhekk ġeddet b’mod taċitu, sena wara sena, il-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Madankollu, skont l-imsemmija qorti, għad irid jiġi ddeterminat jekk tali ksur għandux ikollu l-konsegwenza li jagħti lill-ħaddiema fil-kawża prinċipali l-istatus ta’ ħaddiema impjegata għal żmien indeterminat.

34      Barra minn hekk, skont il-qorti tar-rinviju, għall-istess raġuni msemmija fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, l-applikazzjoni tat-“teorija tal-att ċar” ma hijiex meħtieġa f’dan il-każ.

35      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Superior de Justicia de Madrid (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Madrid) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.      Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi biss kumpens b’rata fissa u oġġettiv (ta’ 20 jum ta’ salarju għal kull sena xogħol, bil-limitu ta’ sena salarju), iżda ma tipprevedi ebda kumpens addizzjonali li jippermetti l-kumpens sħiħ għad-dannu mġarrab fil-każ li dan l-ammont jinqabeż, tista’ titqies bħala li tinkludi miżuri dissważivi biżżejjed għall-użu ta’ kuntratti jew tat-tiġdid ta’ kuntratti temporanji suċċessivi bi ksur tal-Klawżola 5 tal-[Ftehim Qafas], konformi mar-rekwiżiti dwar il-kumpens għad-dannu mġarrab mill-ħaddiem permezz tar-restitutio in integrum, stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tas‑7 ta’ Marzu 2018, Santoro (C‑494/16, EU:C:2018;166), u tat‑8 ta’ Mejju 2019, Rossato u Conservatorio di Musica F.A. Bonporti (C‑494/17, EU:C:2019:387)?

2.      Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi biss kumpens dovut max-xoljiment tal-kuntratt minħabba li timtela l-pożizzjoni, iżda ma tipprevedi ebda kumpens meta l-kuntratt huwa fis-seħħ, bħala alternattiva għal li jiġi ddikjarat bħala għal żmien indeterminat, tista’ titqies bħala li tinkludi miżuri dissważivi biżżejjed għall-użu ta’ kuntratti jew tat-tiġdid ta’ kuntratti temporanji suċċessivi bi ksur tal-Klawżola 5 tal-Ftehim Qafas, konformi mar-rekwiżiti dwar il-kumpens għad-dannu mġarrab mill-ħaddiem stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tagħha tas‑7 ta’ Marzu 2018, Santoro (C‑494/16, EU:C:2018:166) u tat‑8 ta’ Mejju 2019, Rossato u Conservatorio di Musica F.A. Bonporti (C‑494/17, EU:C:2019:387)? Meta tilwima tirrigwarda biss il-permanenza tal-ħaddiem iżda l-kuntratt ma jkunx ġie xolt, hemm lok li jingħata kumpens għad-dannu kkawżat mit-temporanjetà, bħala alternattiva għad-dikjarazzjoni ta’ permanenza?

3.      Leġiżlazzjoni nazzjonali tista’ titqies bħala li tinkludi miżuri dissważivi biżżejjed, fil-konfront tal-amministrazzjoni pubbliċi u entitajiet tas-settur pubbliku, għall-użu ta’ kuntratti jew ta’ tiġdid ta’ kuntratti temporanji suċċessivi bi ksur tal-Klawżola 5 tal-[Ftehim Qafas], intiżi sabiex jiġi evitat u ssanzjonat l-użu abbużiv ta’ kuntratti għal żmien determinat min-naħa tal-entità li timpjega fil-konfront ta’ ħaddiema oħra u fil-futur, konformi mar-rekwiżiti stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tagħha tas‑7 ta’ Marzu 2018, Santoro (C‑494/16, EU:C:2018:166), u tat‑8 ta’ Mejju 2019, Rossato u Conservatorio di Musica F.A. Bonporti (C‑494/17, EUP:C:2019:387), meta dawn il-miżuri huma dispożizzjonijiet legali introdotti mill‑2017 (disposición adicional 34.ª de la Ley 3/2017, de 27 de junio, de Presupuestos Generales del Estado para el año 2017 (id-dispożizzjoni addizzjonali Nru 34 tal-Liġi 3/2017 tas‑27 ta’ Ġunju 2017 dwar il-baġit ġenerali tal-Istat għall‑2017), id-disposición adicional 43.ª de la Ley 6/2018, de 3 de julio, de Presupuestos Generales del Estado para el año 2018 (il-Liġi 6/2018 tat‑3 ta’ Lulju 2018 dwar il-baġit ġenerali tal-Istat għall‑2018)) u d-digriet-liġi Irjali 14/2021 li jipprevedu li l-‘atti irregolari’ jagħtu lok għal responsabbiltà, iżda jidentifikaw din ir-responsabbiltà biss permezz ta’ riferiment ġeneriku għal leġiżlazzjoni li ma tispeċifikahomx, u mingħajr l-eżistenza ta’ xi każ speċifiku ta’ rekwiżit ta’ responsabbiltà, fil-kuntest ta’ eluf ta’ deċiżjonijiet li jiddikjaraw li ħaddiema għandhom kuntratti għal żmien indeterminat mhux permanenti (imsejħa ‘trabajadores indefinidos no fijos’) minħabba ksur tad-dispożizzjonijiet dwar kuntratti temporanji?

4.      Fil-każ li jitqies li ma jeżistux mezzi dissważivi biżżejjed fil-leġiżlazzjoni Spanjola, il-konsegwenza tal-ksur tal-Klawżola 5 tal-[Ftehim Qafas] minn persuna pubblika li timpjega għandha tkun li l-kuntratt jitqies bħala kuntratt mhux permanenti għal żmien indeterminat (imsejjaħ ‘indefinido no fijo’) jew il-ħaddiem għandu jiġi rrikonoxxut bħala permanenti totalment, mingħajr kwalifiki?

5.      Il-konverżjoni tal-kuntratt f’kuntratt permanenti, skont il-[Ftehim Qafas] u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tinterpretaha, għandha ssir, skont il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjon, anki jekk din titqies kuntrarja għall-Artikoli 23(2) u 103(3) tal-[Kostituzzjoni Spanjola], jekk dawn ir-regoli kostituzzjonali jiġu interpretati fis-sens li jimponu li kandidat jista’ jaċċedi għal kwalunkwe impjieg fis-servizz pubbliku, inkluż fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ xogħol, biss wara li jkun ipparteċipa b’suċċess fi proċedura kompetittiva ta’ selezzjoni li fiha japplikaw il-prinċipji ta’ ugwaljanza, ta’ mertu, ta’ kompetenza u ta’ pubbliċità? Peress li interpretazzjoni oħra hija possibbli, li hija dik segwita mit-Tribunal Constitucional (il-Qorti Kostituzzjonali), il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi għandu jiġi applikat għar-regoli kostituzzjonali tal-Istat, b’mod li jkun obbligatorju li tintgħażel l-interpretazzjoni li tagħmilhom kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, f’dan il-każ filwaqt li huwa mifhum li l-Artikoli 23(2) u 103(3) tal-[Kostituzzjoni] ma jeħtiġux l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ ugwaljanza, ta’ mertu u ta’ kompetenza għall-proċeduri ta’ għażla tal-membri tal-persunal?

6.      Il-konverżjoni tal-kuntratt f’kuntratt permanenti skont il-[Ftehim Qafas] u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tinterpretaha, tista’ ma tiġix applikata jekk, qabel din il-konverżjoni tiġi ddekretata ġudizzjarjament, jiġi stabbilit proċess ta’ konsolidazzjoni jew ta’ stabilizzazzjoni tal-impjieg temporanju permezz ta’ liġi, li għandu jiġi żviluppat fis-snin li ġejjin, u li jinvolvi t-tnedija ta’ sejħiet pubbliċi sabiex il-pożizzjoni okkupata mill-ħaddiem timtela, fid-dawl tal-fatt li f’din il-proċedura għandha tiġi żgurata ‘l-osservanza tal-prinċipji ta’ kompetizzjoni ħielsa, ta’ ugwaljanza, ta’ mertu, ta’ kompetenza u ta’ pubbliċità’ u għalhekk il-ħaddiem li kien is-suġġett tal-użu suċċessiv ta’ kuntratti jew ta’ tiġdid ta’ kuntratti temporanji jista’ għalhekk jagħmel il-pożizzjoni tiegħu permanenti, imma wkoll ma jagħmilx dan jekk din tingħata lil persuna oħra, f’liema każ il-kuntratt tiegħu jiġi xolt flimkien ma’ kumpens li jikkorrispondi għal 20 jum salarju għal kull sena xogħol sal-limitu ta’ sena salarju?”

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

36      Permezz ta’ deċiżjoni tas‑27 ta’ April 2022, il-Kawżi C‑59/22, C‑110/22 u C‑159/22 ġew magħquda għall-finijiet tal-fażijiet bil-miktub u orali tal-proċedura kif ukoll tas-sentenza.

 Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-ammissibbiltà tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari

37      Il-konvenuti fil-kawżi prinċipali C‑59/22 u C‑159/22 kif ukoll il-Gvern Spanjol iqisu li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għat-talbiet għal deċiżjoni preliminari u li, fi kwalunkwe każ, dawn tal-aħħar għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli.

38      Fl-ewwel lok, skont dawn il-konvenuti kif ukoll dan il-gvern, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar it-talbiet għal deċiżjoni preliminari sa fejn dawn jidhru li jimplikaw interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali.

39      Barra minn hekk, skont l-imsemmija konvenuti u l-imsemmi gvern, dawn it-talbiet jeżiġu li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti opinjoni konsultattiva ta’ portata ġenerali fuq il-kunċett, speċifiku għad-dritt Spanjol, ta’ “ħaddiem għal żmien indeterminat mhux permanenti”, u dan billi tibbaża ruħha fuq aspetti li fuqhom hija diġà ddeċidiet diversi drabi.

40      B’mod iktar preċiż, l-imsemmija talbiet huma intiżi li jikkontestaw żewġ ġurisprudenzi stabbiliti sew tal-Qorti tal-Ġustizzja, jiġifieri, l-ewwel nett, dik li t-trasformazzjoni ta’ kuntratt ta’ xogħol f’“kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat mhux permanenti” tikkostitwixxi sanzjoni xierqa tal-użu abbużiv tal-kuntratti suċċessivi għal żmien determinat u, it-tieni nett, dik li l-Istati Membri ma għandhomx l-obbligu, skont il-Ftehim qafas, li jittrasformaw relazzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat f’relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat meta jeżistu regoli interni li jippermettu li jiġi ssanzjonat u skoraġġut l-użu abbużiv ta’ kuntratti għal żmien determinat suċċessivi.

41      Fit-tieni lok, il-konvenuti fil-Kawżi C‑59/22 u C‑159/22 isostnu li, billi inkludiet fil-kuntest tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari domandi dwar l-għoti ta’ kumpens għall-benefiċċju tal-ħaddiem ikkonċernat, il-qorti tar-rinviju twessa’ s-suġġett tal-kawżi prinċipali. Issa, fil-kuntest ta’ dawn il-kawżi, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali talbu biss ir-rikonoxximent taż-żmien indeterminat tar-relazzjoni ta’ xogħol tagħhom. Għaldaqstant, dawn it-talbiet għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli sa fejn jirrigwardaw id-domandi dwar l-għoti ta’ tali kumpens, peress li dawn id-domandi jqajmu problema ta’ natura ipotetika.

42      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li s-sistema ta’ kooperazzjoni stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE hija bbażata fuq separazzjoni netta tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-kuntest ta’ kawża ppreżentata skont dan l-artikolu, l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali għandha ssir mill-qrati tal-Istati Membri u mhux mill-Qorti tal-Ġustizzja, u ma huwiex kompitu ta’ din tal-aħħar li tagħti deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà ta’ regoli tad-dritt intern mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni biex tipprovdi lill-qorti nazzjonali bl-elementi interpretattivi kollha li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni li jippermettulha tevalwa l-kompatibbiltà ta’ regoli ta’ dritt intern mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni (sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2018, Sciotto, C‑331/17, EU:C:2018:859, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      Għandu jitfakkar ukoll li, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija l-qorti nazzjonali biss, li tkun tressqet il-kawża quddiemha u li għandha tkun responsabbli mid-deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti, li għandha tiddetermina, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun tista’ tagħti s-sentenza kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, peress li d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Ministero dell’ Istruzione, dell’ Università e della Ricerca-MIUR et (Riċerkaturi universitarji), C‑326/19, EU:C:2021:438, punt 35 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

44      Għaldaqstant id-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali biss meta jkun evidenti li l-interpretazzjoni ta’ regola tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda konnessjoni mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli d-domandi li sarulha (ara s-sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Ministero dell’ Istruzione, dell’ Università e della Ricerca-MIUR et (Riċerkaturi universitarji), C‑326/19, EU:C:2021:438, punt 36 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

45      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li mill-elementi pprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta b’mod ċar li, fil-Kawżi magħquda C‑59/22, C‑110/22 u C‑159/22, ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali kkonkludew diversi kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat u li, fil-kuntest tal-Kawżi C‑59/22 u C‑110/22, ir-relazzjoni ta’ xogħol diġà ġiet ikklassifikata mill-ġdid, rispettivament permezz ta’ sentenza tas‑27 ta’ Diċembru 2007 u permezz ta’ sentenza tad‑29 ta’ Settembru 2001, f’“relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat mhux permanenti”. Madankollu, skont din il-qorti, id-dubju jibqa’, b’mod partikolari, dwar jekk, konformement mal-klawżoli 2 u 3 tal-Ftehim qafas, tali relazzjoni taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-ftehim qafas.

46      Barra minn hekk, mit-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirriżulta mingħajr ekwivoku li l-qorti tar-rinviju tqis li l-klassifikazzjoni mill-ġdid ta’ relazzjoni ta’ xogħol abbużiva f’“relazzjoni tax-xogħol għal żmien indeterminat mhux permanenti” ma tikkostitwixxix miżura li tissanzjona debitament din ir-relazzjoni ta’ xogħol abbużiva, b’tali mod li, fil-kuntest tal-kawżi prinċipali, hija jkollha tiddetermina l-miżuri nazzjonali li jippermettu, konformement mar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-Direttiva 1999/70, li jiġi ssanzjonat l-użu abbużiv ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi.

47      Issa, f’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jidhirx b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba mill-qorti tar-rinviju, jiġifieri dik tal-klawżoli 2, 3 u 5 tal-Ftehim qafas, ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawżi prinċipali jew li d-domandi dwar l-għoti ta’ kumpens, previst fid-dritt Spanjol, bħala miżura li tissanzjona, konformement mar-rekwiżiti tad-Direttiva 1999/70, l-użu abbużiv ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol temporanji kkonċernati jqajmu problema ta’ natura ipotetika.

48      Barra minn hekk, l-allegata kontestazzjoni, permezz tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari, taż-żewġ ġurisprudenzi stabbiliti sew tal-Qorti tal-Ġustizzja taqa’ taħt l-analiżi tal-mertu ta’ dawn it-talbiet u, għaldaqstant, ma għandhiex effett fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għall-imsemmija talbiet jew fuq l-ammissibbiltà tagħhom.

49      Madankollu, permezz tat-tlettax-il domanda magħmula fil-Kawża C‑59/22, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-għoti ta’ kumpens addizzjonali meta mqabbel ma’ dak imsemmi fil-kuntest tas-sitt u tas-seba’ domandi magħmula fil-Kawżi C‑59/22 u C‑110/22 kif ukoll fil-kuntest tal-ewwel u tat-tieni domanda magħmula fil-Kawża C‑159/22, li huwa stabbilit mill-qrati nazzjonali, jistax jikkostitwixxi miżura xierqa, fis-sens tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas, sabiex jiġu ssanzjonati l-abbużi li jirriżultaw mill-użu ta’ kuntratti għal żmien indeterminat mhux permanenti pprorogati b’mod suċċessiv.

50      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, peress li, fil-kuntest tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, it-talba għal deċiżjoni preliminari tikkostitwixxi l-bażi ta’ din il-proċedura segwita quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, huwa indispensabbli li l-qorti nazzjonali tispjega, f’din it-talba, il-kuntest fattwali u leġiżlattiv tat-tilwima fil-kawża prinċipali u tagħti minimu ta’ spjegazzjonijiet fuq ir-raġunijiet tal-għażla tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li tagħhom hija titlob l-interpretazzjoni kif ukoll ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għat-tilwima mressqa quddiemha (sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2022, Universiteit Antwerpen et, C‑265/20, EU:C:2022:361, punt 24 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

51      Dawn ir-rekwiżiti kumulattivi li jikkonċernaw il-kontenut ta’ talba għal deċiżjoni preliminari jissemmew b’mod espliċitu fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-qorti tar-rinviju hija meqjusa, fil-kuntest tal-kooperazzjoni stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, li għandha konjizzjoni tiegħu u li hija obbligata tosserva bir-reqqa, u li huma mfakkra, b’mod partikolari, fir-Rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea lill-qrati nazzjonali, dwar l-introduzzjoni ta’ talbiet għal deċiżjoni preliminari (ĠU 2019, C 380, p. 1), (sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2022, Universiteit Antwerpen et, C‑265/20, EU:C:2022:361, punt 25 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

52      Għandu jitfakkar ukoll li l-informazzjoni pprovduta fit-talbiet għal deċiżjonijiet preliminari sservi mhux biss sabiex tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposti utli, iżda wkoll sabiex tippermetti lill-gvernijiet tal-Istati Membri kif ukoll lill-partijiet ikkonċernati l-oħra jippreżentaw osservazzjonijiet skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tħares li tiġi ssalvagwardjata din il-possibbiltà, b’kunsiderazzjoni tal-fatt li, skont dan l-Artikolu, huma biss id-deċiżjonijiet tar-rinviju li jiġu nnotifikati lill-partijiet ikkonċernati, flimkien mat-traduzzjoni bil-lingwa uffiċjali ta’ kull Stat Membru, bl-esklużjoni tal-fajl nazzjonali li eventwalment jista’ jiġi trażmess lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti tar-rinviju (sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2022, Universiteit Antwerpen et, C‑265/20, EU:C:2022:361, punt 26 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

53      Issa, għandu jiġi kkonstatat li t-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa fil-Kawża C‑59/22 ma tinkludi ebda spjegazzjoni fir-rigward tal-kumpens imsemmi fil-kuntest tat-tlettax-il domanda magħmula u ma tindikax, b’mod partikolari, il-kontenut tad-dispożizzjonijiet jew tal-ġurisprudenza rilevanti dwar dan il-kumpens fid-dritt Spanjol.

54      Għaldaqstant, it-tlettax-il domanda magħmula fil-Kawża C‑59/22 għandha tiġi ddikjarata inammissibbli.

55      F’dak li jirrigwarda l-erbatax-il domanda magħmula fil-Kawża C‑59/22, li permezz tagħha l-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-fatt li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali f’din il-kawża ġiet irreklutata bħala ħaddiema għal żmien indeterminat part-time “tat-tip vertikali li jalterna” għandux effett fuq ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi preliminari, minkejja li mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fid-dritt Spanjol, il-kuntratti relatati mal-istatus ta’ “persunal b’kuntratt għal żmien indeterminat fuq bażi part-time tat-tip li jalterna” jifformawx parti mill-kategorija ta’ kuntratti għal żmien indeterminat mhux permanenti, il-qorti tar-rinviju ma tindikax il-kontenut tad-dispożizzjonijiet jew tal-ġurisprudenza rilevanti dwar dan l-istatus fid-dritt Spanjol. Barra minn hekk, din il-qorti ma tispjegax ir-raġunijiet li għalihom hija tqis li l-imsemmi status jista’ jkollu effett fuq l-interpretazzjoni tal-klawżoli 2, 3 u 5 tal-Ftehim qafas.

56      Għaldaqstant, fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija fil-punti 50 sa 52 ta’ din is-sentenza, l-erbatax-il domanda magħmula fil-Kawża C‑59/22 għandha tiġi ddikjarata inammissibbli.

57      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar it-talbiet għal deċiżjoni preliminari u, min-naħa l-oħra, it-talbiet għal deċiżjoni preliminari huma ammissibbli, bl-eċċezzjoni tat-tlettax u l-erbatax-il domanda magħmula fil-Kawża C‑59/22.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domandi magħmula fil-Kawżi C59/22 u C110/22

58      Permezz tal-ewwel domandi magħmula fil-Kawżi C‑59/22 u C‑110/22, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-klawżoli 2 u 3 tal-Ftehim qafas għandhomx jiġu interpretati fis-sens li ħaddiem għal żmien indeterminat mhux permanenti għandu jitqies li huwa ħaddiem għal żmien determinat, fis-sens ta’ dan il-ftehim qafas, u, għaldaqstant, bħala li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu.

59      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, skont ġurisprudenza stabbilita sewwa, li mill-formulazzjoni tal-punt 1 tal-klawżola 2 tal-Ftehim qafas jirriżulta li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar huwa fformulat b’mod wiesa’ peress li jkopri b’mod ġenerali l-“ħaddiema għal terminu fiss [żmien determinat] li għandhom kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg kif definit fil-liġi, fil-ftehim kollettiv jew fil-prattika f’kull Stat Membru”. Barra minn hekk, id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “ħaddiem għal żmien determinat”, fis-sens tal-punt 1 tal-klawżola 3 tal-Ftehim qafas, tinkludi l-ħaddiema kollha, mingħajr ma tagħmel distinzjoni skont il-kwalità pubblika jew privata tal-persuna li timpjega li magħha huma marbuta u tkun liema tkun il-klassifikazzjoni tal-kuntratt tagħhom fid-dritt intern (sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Servicio Aragonés de Salud, C‑942/19, EU:C:2021:440, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60      Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta b’mod ċar mit-titolu u mill-formulazzjoni tal-punt 1 tal-klawżola 3 tal-Ftehim qafas, din id-dispożizzjoni sempliċement tiddefinixxi l-kunċett ta’ “ħaddiem għal terminu fiss [żmien determinat]” u tindika, f’dan il-kuntest, l-element karatteristiku ta’ kuntratt għal żmien determinat, jiġifieri ċ-ċirkustanza li t-terminu ta’ tali kuntratt huwa ddeterminat minn “kondizzjonijiet oġġettivi bħal li jilħaq data speċifika, ilesti xogħol speċifiku, jew it-twettiq ta’ każ speċifiku” (ara, f’dan is-sens, s-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2014, Fiamingo et, C‑362/13, C‑363/13 u C‑407/13, EU:C:2014:2044, punt 46).

61      Il-Ftehim Qafas japplika, għaldaqstant, għall-ħaddiema kollha li jipprovdu servizzi rremunerati fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ impjieg għal żmien determinat li torbothom mal-persuna li timpjegahom, sakemm dawn ikunu marbuta b’kuntratt jew b’relazzjoni ta’ xogħol, fis-sens tad-dritt nazzjonali, u bl-unika kundizzjoni tal-marġni ta’ diskrezzjoni mogħtija lill-Istati Membri permezz tal-punt 2 tal-Klawżola 2 tal-Ftehim Qafas fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar għal ċerti kategoriji ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol kif ukoll bl-esklużjoni, konformement mar-raba’ paragrafu tal-preambolu tal-Ftehim Qafas, tal-ħaddiema provviżorji (sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Servicio Aragonés de Salud, C‑942/19, EU:C:2021:440, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62      F’dan il-każ, mit-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, fil-kuntest tas-settur pubbliku, il-kunċett ta’ “ħaddiem għal żmien indeterminat mhux permanenti” (imsejjaħ “trabajador indefinido no fijo”) jikkostitwixxi ħolqien ġurisprudenzjali u għandu jiġi distint mill-kunċett ta’ “ħaddiem permanenti” (imsejjaħ “trabajador fijo”).

63      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, filwaqt li t-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ ħaddiem permanenti hija suġġetta għar-raġunijiet ta’ terminazzjoni u għall-kundizzjonijiet ġenerali stabbiliti mill-Istatut tal-Ħaddiema, dik tal-kuntratt ta’ ħaddiem għal żmien indeterminat mhux permanenti hija suġġetta, konformement mal-ġurisprudenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema), għal raġuni ta’ terminazzjoni speċifika. Għalhekk, fil-każ ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid tar-relazzjoni ta’ xogħol ikkonċernata f’kuntratt għal żmien indeterminat mhux permanenti, l-amministrazzjoni kkonċernata tkun obbligata tosserva l-proċedura intiża sabiex timtela l-pożizzjoni okkupata mill-ħaddiem għal żmien indeterminat mhux permanenti, billi tapplika l-prinċipji kostituzzjonali ta’ reklamar, ta’ ugwaljanza, ta’ mertu u ta’ kapaċità. Ladarba din il-pożizzjoni timtela, il-kuntratt tal-ħaddiem għal żmien indeterminat mhux permanenti jiġi xolt, ħlief jekk dan il-ħaddiem kien huwa stess ipparteċipa f’din il-proċedura u ngħata l-imsemmija pożizzjoni.

64      Din il-qorti tippreċiża li, skont it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema), kuntratt għal żmien indeterminat mhux permanenti, li t-tul tiegħu huwa limitat mit-twettiq ta’ avveniment speċifiku, jiġifieri l-għoti definittiv tal-pożizzjoni okkupata mill-ħaddiem ikkonċernat lill-persuna li rebħet il-kompetizzjoni li għandha tiġi organizzata mill-amministrazzjoni sabiex timtela din il-pożizzjoni, għandu jitqies bħala kuntratt għal żmien determinat għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-Direttiva 1999/70.

65      Għaldaqstant, fid-dawl tan-natura tal-kuntratt għal żmien indeterminat mhux permanenti, kif iddefinit, skont il-qorti tar-rinviju, fid-dritt Spanjol, ħaddiema, bħar-rikorrenti fil-kawżi prinċipali fil-Kawżi C‑59/22 u C‑110/22, għandhom jitqiesu li għandhom il-kwalità ta’ “ħaddiem għal żmien determinat”, fis-sens tal-punt 1 tal-klawżola 3 tal-Ftehim qafas, u, għaldaqstant, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar.

66      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domandi magħmula fil-Kawżi C‑59/22 u C‑110/22 għandha tkun li l-klawżoli 2 u 3 tal-Ftehim qafas għandhom jiġu interpretati fis-sens li ħaddiem għal żmien indeterminat mhux permanenti għandu jitqies li huwa ħaddiem għal żmien determinat, fis-sens ta’ dan il-ftehim qafas, u, għaldaqstant, bħala li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar.

 Fuq it-tieni domandi magħmula fil-Kawżi C59/22 u C110/22

67      Permezz tat-tieni domandi magħmula fil-Kawżi C‑59/22 u C‑110/22, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-espressjoni “użu ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ impjieg għal terminu fiss [żmien determinat]”, li tinsab fil-klawżola 5 tal-Ftehim qafas, għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tkopri sitwazzjoni li fiha ħaddiem ikun marbut mal-amministrazzjoni kkonċernata minn kuntratt wieħed għal żmien indeterminat mhux permanenti, meta dan il-kuntratt ma jistabbilixxix skadenza, iżda jiġi xolt fil-każ ta’ għoti tal-pożizzjoni kkonċernata wara sejħa għal kandidaturi u meta din is-sejħa għal kandidaturi ma tkunx ġiet organizzata fit-terminu stabbilit minn din l-amministrazzjoni.

68      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Klawżola 5 tal-Ftehim Qafas għandha l-għan li timplimenta wieħed mill-għanijiet imfittxija minn dan tal-aħħar, jiġifieri li jiġi rregolat l-użu suċċessiv ta’ kuntratti jew relazzjonijiet ta’ impjieg għal żmien determinat, meqjusa bħala sors potenzjali ta’ abbuż għad-detriment tal-ħaddiema, billi tipprovdi numru ta’ dispożizzjonijiet minimi ta’ protezzjoni intiżi sabiex jiġi evitat li s-sitwazzjoni tal-impjegati ssir iktar prekarja (sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Instituto Madrileño de Investigación y Desarrollo Rural, Agrario y Alimentario, C‑726/19, EU:C:2021:439, punt 26 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

69      Għalhekk, il-punt 1 tal-klawżola 5 tal-Ftehim Qafas timponi fuq l-Istati Membri, bil-għan ta’ prevenzjoni tal-użu abbużiv ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat, l-adozzjoni effettiva u vinkolanti ta’ mill-inqas waħda mill-miżuri li hija telenka, meta d-dritt intern tagħhom ma jkunx jinkludi miżuri legali ekwivalenti (sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Instituto Madrileño de Investigación y Desarrollo Rural, Agrario y Alimentario, C‑726/19, EU:C:2021:439, punt 27 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

70      Għaldaqstant, mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni kif ukoll minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-imsemmija dispożizzjoni tapplika biss fil-preżenza ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi, b’tali mod li kuntratt li huwa l-ewwel u l-uniku kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha (sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Instituto Madrileño de Investigación y Desarrollo Rural, Agrario y Alimentario, C‑726/19, EU:C:2021:439, punt 28 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

71      Barra minn hekk, għandu jiġi ppreċiżat li, skont ġurisprudenza stabbilita sew, il-punt 2a tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas iħalli, bħala prinċipju, lill-Istati Membri u/jew lill-imsieħba soċjali l-kompitu li jiddeterminaw taħt liema kundizzjonijiet il-kuntratti jew ir-relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat jitqiesu bħala “suċċessivi”, fis-sens tal-Ftehim qafas (sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Instituto Madrileño de Investigación y Desarrollo Rural, Agrario y Alimentario, C‑726/19, EU:C:2021:439, punt 29 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

72      Filwaqt li tali referenza lill-Istati Membri u/jew lill-imsieħba soċjali għall-bżonnijiet tad-definizzjoni tal-arranġamenti konkreti tal-applikazzjoni tat-terminu “suċċessivi” skont il-Ftehim qafas tispjega ruħha mix-xewqa li tiġi ppreżervata d-diversità tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali fil-qasam, għandu madankollu jitfakkar li l-marġni diskrezzjonali kif mogħti lill-awtoritajiet nazzjonali ma huwiex illimitat, peress li f’ebda każ ma jista’ jintuża sabiex jiġu kkontestati l-għan jew l-effett utli tal-Ftehim qafas. B’mod partikolari, din is-setgħa diskrezzjonali ma għandhiex tiġi eżerċitata minn dawn l-awtoritajiet b’mod li twassal għal sitwazzjoni li tista’ tagħti lok għal abbużi u, għalhekk, li tmur kontra dan l-għan (sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Instituto Madrileño de Investigación y Desarrollo Rural, Agrario y Alimentario, C‑726/19, EU:C:2021:439, punt 30 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

73      Fil-fatt, l-Istati Membri huma obbligati jiggarantixxu r-riżultat impost mid-dritt tal-Unjoni, kif jirriżulta mhux biss mit-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, iżda wkoll mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 1999/70, moqri fid-dawl tal-premessa 17 tagħha (sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Instituto Madrileño de Investigación y Desarrollo Rural, Agrario y Alimentario, C‑726/19, EU:C:2021:439, punt 31 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

74      Il-limiti għas-setgħa diskrezzjonali mogħtija lill-Istati Membri, imsemmija fil-punt 72 ta’ din is-sentenza, huma imposti b’mod partikolari fir-rigward ta’ kunċett prinċipali, bħal dak tan-natura suċċessiva tar-relazzjonijiet ta’ xogħol, li huwa determinanti għad-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni stess tad-dispożizzjonijiet nazzjonali intiżi għall-implimentazzjoni tal-Ftehim qafas (sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Instituto Madrileño de Investigación y Desarrollo Rural, Agrario y Alimentario, C‑726/19, EU:C:2021:439, punt 32 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

75      F’dan il-każ, mit-talbiet għal deċiżjoni preliminari fil-Kawżi C‑59/22 u C‑110/22 jirriżulta li, l-ewwel nett, meta ħaddiem jiġi ddikjarat bħala “ħaddiem għal żmien indeterminat mhux permanenti”, din id-dikjarazzjoni, minkejja li tista’ titqies li tikkostitwixxi sanzjoni kontra l-persuna li timpjega kkonċernata għal użu abbużiv ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi, għandha l-effett li tissostitwixxi tali kwalità bil-kuntratti għal żmien determinat li dan il-ħaddiem seta’ jikkonkludi qabel, b’tali mod li, mal-imsemmija dikjarazzjoni, ir-relazzjoni ta’ xogħol ikkonċernata ssir, sa mill-bidu, relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat mhux permanenti. Għalhekk, il-kuntratti għal żmien determinat konklużi preċedentement jidher li ma jibqgħux fis-seħħ u l-imsemmi ħaddiem ikun immedjatament marbut b’kuntratt wieħed għal żmien indeterminat mhux permanenti.

76      It-tieni nett, fil-kuntest ta’ dawn il-kawżi, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li l-kuntratt għal żmien indeterminat mhux permanenti ma jinkludix skadenza fissa, iżda li t-tmiem tagħha huwa suġġett għall-kopertura tal-pożizzjoni inkwistjoni, u li, l-amministrazzjoni kkonċernata għandha l-obbligu li tiftaħ il-proċedura pubblika sabiex tkopri din il-pożizzjoni.

77      It-tielet nett, din il-qorti tar-rinviju tirrileva, fil-kuntest tal-Kawża C‑59/22, li ebda eżami ta’ selezzjoni ma ġie organizzat sa mill-bidu tar-relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat mhux permanenti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri għal 27 sena. Bl-istess mod, mit-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa fil-Kawża C‑110/22 jirriżulta li s-sejħa għal kandidaturi ġiet posposta u kienet għadha ma seħħitx fid-data tal-preżentata tar-rikors fil-kawża prinċipali f’din il-kawża, b’tali mod li r-rikorrent fil-kawża prinċipali huwa marbut mal-amministrazzjoni kkonċernata abbażi ta’ kuntratt għal żmien indeterminat mhux permanenti għal 20 sena.

78      Issa, il-fatt li jiġi konkluż li ma hemmx relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi, fis-sens tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas, għas-sempliċi raġuni li ħaddiem huwa marbut mal-amministrazzjoni kkonċernata minn kuntratt wieħed għal żmien indeterminat mhux permanenti, filwaqt li, kif jirriżulta mit-talbiet għal deċiżjoni preliminari, minn naħa, dan l-aħħar kuntratt, ukoll ta’ natura temporanja, jissostitwixxi, bħala sanzjoni, kuntratti suċċessivi għal żmien determinat u li, min-naħa l-oħra, iż-żamma perenni ta’ dan il-ħaddiem għal żmien indeterminat mhux permanenti fil-pożizzjoni kkonċernata hija l-konsegwenza tan-nuqqas ta’ osservanza mill-persuna li timpjega kkonċernata tal-obbligu legali tagħha li torganizza, fit-terminu stabbilit, proċedura ta’ selezzjoni intiża sabiex timtela din il-pożizzjoni b’mod definittiv, b’tali mod li r-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu, konsegwentement, ġiet impliċitament estiża għal diversi snin, tirriskja li tikkomprometti l-għan, l-iskop kif ukoll l-effett utli ta’ dan il-ftehim qafas (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Instituto Madrileño de Investigación y Desarrollo Rural, Agrario y Alimentario, C‑726/19, EU:C:2021:439, punt 35 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

79      Fil-fatt, tali interpretazzjoni restrittiva tal-kunċett ta’ “relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi” tippermetti li jiġu impjegati ħaddiema b’mod prekarju matul is-snin (sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Instituto Madrileño de Investigación y Desarrollo Rural, Agrario y Alimentario, C‑726/19, EU:C:2021:439, punt 36 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

80      Minbarra dan, din l-istess interpretazzjoni restrittiva tirriskja li jkollha bħala effett mhux biss li teskludi fil-fatt numru kbir ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat mill-benefiċċju tal-protezzjoni tal-ħaddiema koperti mid-Direttiva 1999/70 u l-Ftehim qafas, billi lill-għan imfittex minn dawn tal-aħħar tneħħilu parti kbira tas-sustanza tiegħu, imma wkoll li tippermetti l-użu abbużiv ta’ tali relazzjonijiet mill-persuni li jimpjegaw sabiex jissodisfaw il-ħtiġijiet permanenti u fit-tul fil-qasam tal-persunal (sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Instituto Madrileño de Investigación y Desarrollo Rural, Agrario y Alimentario, C‑726/19, EU:C:2021:439, punt 37 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

81      F’dan il-każ, peress li, fin-nuqqas tal-amministrazzjoni kkonċernata li organizzat fit-terminu stabbilit proċedura ta’ selezzjoni intiża sabiex timtela, b’mod definittiv, il-pożizzjoni okkupata minn ħaddiem għal żmien indeterminat mhux permanenti, il-prorogi awtomatiċi ta’ dan il-kuntratt għal żmien determinat jistgħu jiġu assimilati ma’ tiġdid u, konsegwentement, mal-konklużjoni ta’ kuntratti għal żmien determinat distinti. Minn dan isegwi li s-sitwazzjonijiet inkwistjoni fil-kawżi prinċipali fil-Kawżi C‑59/22 u C‑110/22 ma humiex ikkaratterizzati mill-konklużjoni ta’ kuntratt wieħed u uniku, iżda mill-konklużjoni ta’ kuntratti li jistgħu effettivament jiġu kklassifikati bħala “suċċessivi”, fis-sens tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

82      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domandi magħmula fil-Kawżi C‑59/22 u C‑110/22 għandha tkun li l-klawżola 5 tal-Ftehim qafas għandha tiġi interpretata fis-sens li l-espressjoni “użu ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ impjieg għal terminu fiss [żmien determinat]”, li tinsab f’din id-dispożizzjoni, tkopri sitwazzjoni li fiha, fin-nuqqas tal-amministrazzjoni kkonċernata li tkun organizzat, fit-terminu stabbilit, proċedura ta’ selezzjoni intiża sabiex timtela, b’mod definittiv, il-pożizzjoni okkupata minn ħaddiem għal żmien indeterminat mhux permanenti, il-kuntratt għal żmien determinat li jorbot lil dan il-ħaddiem ma’ din l-amministrazzjoni ġie estiż ipso jure.

 Fuq it-tielet sal-ħames domandi magħmula fil-Kawżi C59/22 u C110/22

83      Fir-rigward ta’ dawn it-tielet sal-ħames domandi magħmula fil-Kawżi C‑59/22 u C‑110/22, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, sa fejn il-kunċett ta’ “kuntratt għal żmien indeterminat mhux permanenti” huwa ħolqien ġurisprudenzjali, ma teżistix leġiżlazzjoni Spanjola għal dan it-tip ta’ kuntratt. Għaldaqstant, ebda waħda mill-miżuri previsti fil-punt 1(a) sa (ċ) tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas jidher li ma ġiet adottata mil-leġiżlatur Spanjol sabiex jipprevjeni l-abbużi li jistgħu jirriżultaw minn użu ta’ kuntratti għal żmien indeterminat mhux permanenti estiżi b’mod suċċessiv.

84      Madankollu, il-qorti tar-rinviju tqis li ma huwiex eskluż li, b’applikazzjoni tal-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi, l-Artikolu 15(5) tal-Istatut tal-Ħaddiema, li jistabbilixxi limitu għas-sekwenza ta’ kuntratti għal żmien determinat, japplika wkoll għall-kuntratti għal żmien indeterminat mhux permanenti.

85      Madankollu, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, anki f’dan il-każ, jibqa’ dubju dwar il-konformità tal-leġiżlazzjoni Spanjola mal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas, peress li dan l-Artikolu 15(5) ma jistabbilixxix limitazzjoni għat-tul jew għat-tiġdid, espress jew taċitu, ta’ kuntratti għal żmien indeterminat mhux permanenti, iżda sempliċement jistabbilixxi limitu ratione temporis għal kuntratt wieħed u uniku għal żmien indeterminat mhux permanenti ma’ kuntratti oħra għal żmien determinat.

86      Huwa f’dan il-kuntest li, permezz tat-tielet sal-ħames domandi magħmula fil-Kawżi C‑59/22 u C‑110/22, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-klawżola 5 tal-Ftehim qafas għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprevedi ebda waħda mill-miżuri msemmija fil-punt 1(a) sa (ċ) ta’ din il-klawżola, u lanqas “miżuri legali ekwivalenti”, fis-sens tagħha, sabiex tipprevjeni l-użu abbużiv tal-kuntratti għal żmien indeterminat mhux permanenti.

87      Għandu jitfakkar, kif ġie rrilevat fil-punti 26 u 69 ta’ din is-sentenza, li l-Klawżola 5 tal-Ftehim qafas, li għandha l-għan li timplimenta wieħed mill-għanijiet segwiti minnu, jiġifieri li jiġi limitat l-użu suċċessiv tal-kuntratti jew tar-relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat, timponi, fil-punt 1 tagħha, fuq l-Istati Membri l-adozzjoni effettiva u vinkolanti ta’ mill-inqas waħda mill-miżuri li hija telenka, meta d-dritt intern tagħhom ma jinkludix miżuri legali ekwivalenti. Il-miżuri hekk elenkati fil-punt 1(a) sa (ċ) ta’ din il-klawżola, li huma tlieta, jirrigwardaw, rispettivament, raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw it-tiġdid ta’ tali kuntratti jew ta’ tali relazzjonijiet ta’ impjieg, għat-tul massimu totali ta’ dawn il-kuntratti jew ta’ dawn ir-relazzjonijiet ta’ impjieg suċċessivi u n-numru ta’ tiġdid tagħhom (sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Instituto Madrileño de Investigación y Desarrollo Rural, Agrario y Alimentario, C‑726/19, EU:C:2021:439, punt 43 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

88      L-Istati Membri għandhom, f’dan ir-rigward, marġni ta’ diskrezzjoni, peress li għandhom l-għażla li jużaw waħda jew iktar mill-miżuri stabbiliti fil-punt 1(a) sa (ċ) tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas jew miżuri legali eżistenti ekwivalenti, u dan filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-bżonnijiet ta’ setturi speċifiċi u/jew ta’ kategoriji ta’ ħaddiema (sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Instituto Madrileño de Investigación y Desarrollo Rural, Agrario y Alimentario, C‑726/19, EU:C:2021:439, punt 44 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

89      B’dan il-mod, il-punt 1 tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas jassenja lill-Istati Membri għan ġenerali, li jikkonsisti fil-prevenzjoni ta’ tali abbuż, filwaqt li jħallilhom l-għażla tal-mezzi sabiex jilħqu dan l-għan, sa fejn ma jikkompromettux l-għan jew l-effett utli ta’ dan il-ftehim qafas (sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Instituto Madrileño de Investigación y Desarrollo Rural, Agrario y Alimentario, C‑726/19, EU:C:2021:439, punt 45 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata)..

90      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt intern, peress li dan il-kompitu jaqa’ fuq il-qrati nazzjonali kompetenti, li għandhom jiddeterminaw jekk ir-rekwiżiti stabbiliti fil-Klawżola 5 tal-Ftehim qafas humiex issodisfatti mid-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli (ara s-sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Instituto Madrileño de Investigación y Desarrollo Rural, Agrario y Alimentario, C‑726/19, EU:C:2021:439, punt 50 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

91      Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina sa fejn il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni kif ukoll għall-implimentazzjoni effettiva tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt intern jikkostitwixxu miżura adegwata għall-prevenzjoni tal-użu abbużiv ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat (sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Instituto Madrileño de Investigación y Desarrollo Rural, Agrario y Alimentario, C‑726/19, EU:C:2021:439, punt 51 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

92      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja, meta tkun qiegħda tiddeċiedi dwar rinviju għal deċiżjoni preliminari, tista’, jekk ikun il-każ, tagħmel preċiżazzjonijiet intiżi sabiex jiggwidaw lill-qrati nazzjonali fl-evalwazzjoni tagħhom (sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Instituto Madrileño de Investigación y Desarrollo Rural, Agrario y Alimentario, C‑726/19, EU:C:2021:439, punt 52 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

93      Mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li kemm il-konvenuta fil-Kawża C‑59/22 kif ukoll il-Gvern Spanjol isostnu li, kif ikkunsidrat it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema), il-kunċett ta’ “ħaddiem għal żmien indeterminat mhux permanenti” jissodisfa l-karatteristiċi tat-tliet miżuri msemmija fil-klawżola 5 tal-Ftehim qafas. B’hekk, l-ewwel nett, l-applikazzjoni tat-tip ta’ kuntratt korrispondenti tissodisfa raġuni oġġettiva, jiġifieri li jiġi ggarantit l-aċċess għall-impjieg fis-settur pubbliku f’kundizzjonijiet ugwali, ta’ mertu, ta’ kapaċità u ta’ pubbliċità, filwaqt li jiġi rrimedjat l-użu ta’ kuntratti irregolari f’dan is-settur sakemm il-pożizzjoni li għandha timtela tkun koperta, it-tieni nett, dan it-tip ta’ kuntratt jidher li jkollu tul massimu li jiddependi mill-pubblikazzjoni tas-sejħa għal kandidaturi intiża sabiex tkopri l-pożizzjoni, peress li din is-sejħa għal kandidaturi tista’ tiskatta mill-ħaddiem innifsu u li għandha sseħħ f’terminu massimu konformement mad-dritt Spanjol, u, it-tielet nett, kull natura suċċessiva hija eskluża sa fejn ma jkunx hemm tiġdid tal-imsemmi tip ta’ kuntratt.

94      F’dan il-kuntest, peress li, skont il-qorti tar-rinviju, kif indikat fil-punti 83 sa 85 ta’ din is-sentenza, id-dritt Spanjol ma jipprevedi, għall-kategorija tal-kuntratti għal żmien indeterminat mhux permanenti, ebda miżura intiża sabiex tipprevjeni l-użu abbużiv ta’ dawn il-kuntratti, fis-sens tal-punt 1(a) sa (ċ) tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas, u peress li l-Artikolu 15(5) tal-Istatut tal-Ħaddiema, minkejja li ġie interpretat konformement mar-rekwiżiti ta’ din il-klawżola, lanqas ma tippermetti li tiġi kkostitwita tali miżura, sabiex tingħata risposta utli lil din il-qorti, għandhom jiġu pprovduti preċiżazzjonijiet fir-rigward tal-argument invokat mill-konvenuta fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑59/22 kif ukoll mill-Gvern Spanjol, kif imsemmi fil-punt 93 ta’ din is-sentenza.

95      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tar-raġunijiet oġġettivi msemmija minn dawn il-konvenuti fil-kawża prinċipali u mill-Gvern Spanjol, jiġifieri li jiġi ggarantit l-aċċess għall-impjieg fis-settur pubbliku f’kundizzjonijiet ugwali, ta’ mertu, ta’ kapaċità u ta’ reklamar, filwaqt li jiġi rrimedjat l-użu ta’ kuntratti irregolari f’dan is-settur sakemm il-pożizzjoni li għandha timtela tkun koperta, għandu jiġi rrilevat, kif jirriżulta mill-kliem stess tal-punt 1(a) tal-klawżola 5 tal-ftehim qafas, li din l-aħħar dispożizzjoni tikkonċerna r-raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw it- “tiġdid” tal-kuntratti għal żmien determinat u mhux ir-raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw l-applikazzjoni, bħala tali, ta’ tip ta’ kuntratt, bħall-kuntratt għal żmien indeterminat mhux permanenti.

96      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-organizzazzjoni, fit-termini meħtieġa, ta’ proċeduri ta’ selezzjoni intiżi sabiex jimtlew b’mod definittiv il-pożizzjonijiet okkupati provviżorjament minn ħaddiema għal żmien determinat, għandu jiġi osservat li tali miżura hija ta’ natura li tevita li l-istatus prekarju ta’ dawn il-ħaddiema jippersisti, billi jiġi żgurat li l-pożizzjonijiet li huma jokkupaw jimtlew malajr b’mod definittiv (sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2020, Sánchez Ruiz et, C‑103/18 u C‑429/18, EU:C:2020:219, punt 94).

97      Għaldaqstant, l-organizzazzjoni fit-termini meħtieġa ta’ tali proċeduri tista’, bħala prinċipju, f’sitwazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tipprevjeni l-abbużi li jirriżultaw mill-użu ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi sakemm dawn il-pożizzjonijiet jimtlew b’mod definittiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2020, Sánchez Ruiz et, C‑103/18 u C‑429/18, EU:C:2020:219, punt 95).

98      Dan premess, mit-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, f’dan il-każ, minkejja l-fatt li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tipprevedi termini preċiżi għall-organizzazzjoni mill-amministrazzjoni kkonċernata ta’ tali proċeduri, fir-realtà, dawn it-termini ma humiex osservati u dawn il-proċeduri ma humiex frekwenti.

99      F’dawn il-kundizzjonijiet, leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-organizzazzjoni ta’ proċeduri ta’ selezzjoni intiżi sabiex jimtlew b’mod definittiv il-pożizzjonijiet okkupati provviżorjament minn ħaddiema għal żmien determinat kif ukoll termini preċiżi għal dan il-għan, iżda li ma tippermettix li jiġi żgurat li tali proċeduri jiġu effettivament organizzati, ma tidhirx li hija ta’ natura li tipprevjeni l-użu abbużiv, mill-persuna li timpjega kkonċernata, ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol suċċessivi għal żmien determinat (sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2020, Sánchez Ruiz  et, C‑103/18 u C‑429/18, EU:C:2020:219, punt 97).

100    Konsegwentement, bla ħsara għall-verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, tali leġiżlazzjoni ma tidhirx li tikkostitwixxi miżura suffiċjentement effettiva u dissważiva sabiex tiggarantixxi l-effettività sħiħa tar-regoli adottati skont il-Ftehim qafas u, għaldaqstant, ma tistax tiġi kklassifikata bħala “miżuri legali ekwivalenti”, fis-sens tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas.

101    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tielet sal-ħames domandi magħmula fil-kawżi C‑59/22 u C‑110/22 għandha tkun li l-punt 1(a) u (ċ) tal-klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprevedi ebda waħda mill-miżuri msemmija f’din id-dispożizzjoni u lanqas “miżuri legali ekwivalenti”, fis-sens tagħha, sabiex tipprevjeni l-użu abbużiv tal-kuntratti għal żmien indeterminat mhux permanenti.

 Fuq is-sitt u s-seba’ domanda magħmula fil-Kawżi C59/22 u C110/22 kif ukoll fuq l-ewwel u t-tieni domanda magħmula fil-Kawża C159/22

102    Permezz tas-sitt u tas-seba’ domanda magħmula fil-Kawżi C‑59/22 u C‑110/22 kif ukoll permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda magħmula fil-Kawża C‑159/22, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-klawżola 5 tal-Ftehim qafas għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-ħlas ta’ kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa, ugwali għal 20 jum ta’ salarju għal kull sena ta’ xogħol, b’limitu massimu ta’ salarju ta’ sena, lil kull ħaddiem li l-persuna li timpjegah irrikorriet għal użu abbużiv ta’ kuntratti għal żmien indeterminat mhux permanenti estiżi b’mod suċċessiv.

103    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-klawżola 5 tal-Ftehim qafas ma tipprevedix sanzjonijiet speċifiċi fil-każ li jidhru li jiġu kkonstatati abbużi. F’tali każ, huma l-awtoritajiet nazzjonali li għandhom jadottaw miżuri li jridu jkunu ta’ natura mhux biss proporzjonali, iżda wkoll biżżejjed effettivi u dissważivi sabiex jiggarantixxu l-effettività sħiħa tar-regoli adottati skont il-Ftehim qafas (sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2022, MIUR u Ufficio Scolastico Regionale per la Campania, C‑282/19, EU:C:2022:3, punt 81 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata)

104    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, meta jkun seħħ użu abbużiv ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat, għandha tkun tista’ tiġi applikata miżura li tippreżenta garanziji effettivi u ekwivalenti ta’ protezzjoni tal-ħaddiema sabiex dan l-abbuż jiġi debitament issanzjonat u jitħassru l-konsegwenzi tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, skont l-istess termini tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 1999/70, l-Istati Membri għandhom “jieħdu xi miżuri neċessarji sabiex ikunu jistgħu f’kull ħin ikunu f’posizzjoni li jiggarantixxu r-riżultati imposti b’din id-Direttiva” (sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2022, MIUR u Ufficio Scolastico Regionale per la Campania, C‑282/19, EU:C:2022:3, punt 84 u l-ġurisprudenza ċċitata).

105    F’dan il-każ, mit-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, konformement mad-dritt Spanjol, il-kumpens b’rata fissa huwa dovut lill-ħaddiema għal żmien indeterminat mhux permanenti matul ix-xoljiment tal-kuntratti tagħhom minħabba l-kopertura tal-pożizzjoni tagħhom, li jippreżupponi jew li pparteċipaw fil-proċedura ta’ selezzjoni u fallew, jew li huma ma pparteċipawx f’din il-proċedura.

106    Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-ħlas ta’ kumpens ta’ tmiem il-kuntratt ma kienx jippermetti li jintlaħaq l-għan imfittex mill-klawżola 5 tal-Ftehim qafas, li jikkonsisti fil-prevenzjoni tal-abbużi li jirriżultaw mill-użu ta’ kuntratti għal żmien determinat suċċessivi. Fil-fatt, tali ħlas jidher li huwa indipendenti minn kull kunsiderazzjoni dwar in-natura leġittima jew abbużiva tal-użu ta’ kuntratti għal żmien determinat (sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Instituto Madrileño de Investigación y Desarrollo Rural, Agrario y Alimentario, C‑726/19, EU:C:2021:439, punt 74 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

107    Tali miżura ma tidhirx għalhekk li hija ta’ natura sabiex tissanzjona b’mod xieraq użu abbużiv ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi u tħassar il-konsegwenzi tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni u, konsegwentement, ma tidhirx li tikkostitwixxi, waħedha, miżura suffiċjentement effettiva u dissważiva sabiex tiggarantixxi l-effettività sħiħa tar-regoli meħuda b’applikazzjoni tal-Ftehim qafas, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 103 ta’ din is-sentenza (ara s-sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Instituto Madrileño de Investigación y Desarrollo Rural, Agrario y Alimentario, C‑726/19, EU:C:2021:439, punt 75 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

108    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għas-sitt u għas-seba’ domandi magħmula fil-Kawżi C‑59/22 u C‑110/22 kif ukoll għall-ewwel u għat-tieni domanda magħmula fil-Kawża C‑159/22 għandha tkun li l-klawżola 5 tal-Ftehim qafas għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-ħlas ta’ kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa, ugwali għal 20 jum ta’ salarju għal kull sena ta’ xogħol, limitat għal sena salarju, lil kull ħaddiem li l-persuna li timpjegah irrikorriet għal użu abbużiv ta’ kuntratti għal żmien indeterminat mhux permanenti estiżi b’mod suċċessiv, meta l-ħlas ta’ dan il-kumpens ta’ tmiem il-kuntratt ikun indipendenti minn kull kunsiderazzjoni relatata man-natura leġittima jew abbużiva tal-użu ta’ dawn il-kuntratti.

 Fuq it-tmien u d-disa’ domanda magħmula fil-Kawżi C59/22 u C110/22 kif ukoll fuq it-tielet domanda magħmula fil-Kawża C159/22

109    Permezz tat-tmien domanda magħmula fil-Kawżi C‑59/22 u C‑110/22 kif ukoll permezz tat-tielet domanda magħmula fil-Kawża C‑159/22, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-klawżola 5 tal-Ftehim qafas għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprovdu li l-“atti irregolari” jagħtu lok għal responsabbiltà tal-amministrazzjonijiet pubbliċi, “iżda jidentifikaw din ir-responsabbiltà biss permezz ta’ riferiment ġeneriku għal leġiżlazzjoni”.

110    Fil-każ ta’ risposta negattiva għal dawn id-domandi, il-qorti tar-rinviju, permezz tad-disa’ domanda magħmula fil-Kawżi C‑59/22 u C‑110/22, tistaqsi, essenzjalment, jekk dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali, adottati mis-sena 2017, għandhomx japplikaw fir-rigward tal-abbużi mwettqa qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom rispettivi.

111    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, konformement mar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 103 ta’ din is-sentenza, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk l-imsemmija dispożizzjonijiet nazzjonali humiex ta’ natura effettiva u dissważiva sabiex jiggarantixxu l-effettività sħiħa tar-regoli adottati skont il-Ftehim qafas. B’mod partikolari, hija din il-qorti li għandha tivverifika jekk l-istess dispożizzjonijiet nazzjonali jikkostitwixxux miżuri effettivi mhux biss sabiex jiġi evitat l-użu abbużiv ta’ kuntratti għal żmien determinat suċċessivi, iżda wkoll sabiex dan l-abbuż jiġi debitament issanzjonat u jitħassru l-konsegwenzi tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni.

112    Mit-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tidher li għandha, hija stess, dubji dwar il-konformità tad-dispożizzjonijiet nazzjonali kkonċernati, jiġifieri t-tlieta u erbgħin dispożizzjoni addizzjonali tal-liġi dwar il-baġit tal-Istat għas-sena 2018 u s-sbatax-il dispożizzjoni addizzjonali għall-EBEP introdotta mid-digriet-liġi Irjali 14/2021, mal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas. B’hekk, l-ewwel nett, l-espressjoni “atti irregolari” ma hijiex iddefinita u, għaldaqstant, tibqa’ vaga wisq sabiex tippermetti l-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet jew l-imputazzjoni ta’ responsabbiltajiet konformi mal-prinċipji ta’ legalità u ta’ ċertezza. It-tieni nett, dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali jidhru li ma jippreċiżawx ir-responsabbiltajiet li jistgħu jiġu sostnuti u jidher li sempliċement jirreferu għall-“leġiżlazzjoni fis-seħħ f’kull waħda mill-amministrazzjonijiet pubbliċi”, peress li din ma tistax tiġi identifikata. It-tielet nett, il-qorti tar-rinviju ma taf bl-ebda amministrazzjoni pubblika li r-responsabbiltà tagħha ġiet stabbilita talli jew inkoraġġiet, jew ikkonkludiet kuntratti għal żmien determinat suċċessivi.

113    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tal-kuntest ġuridiku nazzjonali msemmi fit-talbiet għal deċiżjoni preliminari, il-formulazzjoni tat-tlieta u erbgħin dispożizzjoni addizzjonali tal-Liġi dwar il-Baġit tal-Istat għas-sena 2018 kif uoll dik tas-sbagħtax-il dispożizzjoni addizzjonali għall-EBEP jidhru li huma ta’ livell ta’ ambigwità u ta’ astrazzjoni tali li ma jirrendux paragunabbli mal-mekkaniżmu Taljan ta’ responsabbiltà tal-amministrazzjonijiet, li għalih tirreferi l-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2018, Santoro (C‑494/16, EU:C:2018:166), li, flimkien ma’ miżuri oħra effettivi u dissważivi, kienet ġiet deċiża, bla ħsara għall-verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, ta’ natura li tiġġustifika l-konformità tal-leġiżlazzjoni Taljana mal-Klawżola 5 tal-Ftehim Qafas.

114    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tmien domandi magħmula fil-Kawżi C‑59/22 u C‑110/22 kif ukoll għat-tielet domanda magħmula fil-Kawża C‑159/22 għandha tkun li l-klawżola 5 tal-Ftehim qafas għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprovdu li l-“atti irregolari” jagħtu lok għar-responsabbiltà tal-amministrazzjonijiet pubbliċi “skont ir-regoli fis-seħħ f’kull waħda minn dawn l-amministrazzjonijiet pubbliċi”, meta dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali ma jkunux ta’ natura effettiva u dissważiva sabiex jiggarantixxu l-effettività sħiħa tar-regoli adottati skont din il-klawżola.

115    Fid-dawl tar-risposta mogħtija lit-tmien domanda magħmula fil-Kawżi C‑59/22 u C‑110/22, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar id-disa’ domanda magħmula fil-Kawżi 59/22 u C‑110/22.

 Fuq it-tnax-il domanda magħmula fil-Kawżi C59/22 u C110/22 kif ukoll fuq is-sitt domanda magħmula fil-Kawża C159/22

116    Permezz tat-tnax-il domanda magħmula fil-Kawżi C‑59/22 u C‑110/22 kif ukoll permezz tas-sitt domanda magħmula fil-Kawża C‑159/22, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-klawżola 5 tal-Ftehim qafas għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi organizzazzjoni ta’ proċeduri għas-sostenibbiltà ta’ impjiegi temporanji permezz ta’ sejħiet għal kandidaturi sabiex jimtlew il-pożizzjonijiet okkupati mill-ħaddiema temporanji, fosthom il-ħaddiema għal żmien indeterminat mhux permanenti.

117    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li għalkemm l-organizzazzjoni ta’ proċeduri ta’ selezzjoni tipprovdi lill-ħaddiema li jkunu ġew impjegati b’mod abbużiv fil-kuntest ta’ relazzjonijiet suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat l-okkażjoni li jippruvaw jaċċedu għall-istabbiltà tal-impjieg, peress li dawn jistgħu, bħala prinċipju, jipparteċipaw f’dawn il-proċeduri, tali fatt ma jistax jeżenta lill-Istati Membri mill-osservanza tal-obbligu li jipprevedu miżura adegwata sabiex jiġi debitament issanzjonat l-użu abbużiv ta’ kuntratti u relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi. Fil-fatt, tali proċeduri, li l-eżitu tagħhom huwa barra minn hekk inċert, huma, b’mod ġenerali, miftuħa wkoll għall-kandidati li ma kinux vittmi ta’ tali abbuż (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2020, Sánchez Ruiz et, C‑103/18 u C‑429/18, EU:C:2020:219, punt 100).

118    Għaldaqstant, peress li l-organizzazzjoni ta’ tali proċeduri hija indipendenti minn kull kunsiderazzjoni dwar in-natura abbużiva tal-użu ta’ kuntratti għal żmien determinat, hija ma tidhirx ta’ natura li tissanzjona debitament l-użu abbużiv ta’ tali relazzjonijiet ta’ xogħol u tħassar il-konsegwenzi tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, din ma tidhirx li tippermetti li jintlaħaq l-għan imfittex mill-klawżola 5 tal-Ftehim qafas (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2020, Sánchez Ruiz et, C‑103/18 u C‑429/18, EU:C:2020:219, punt 101).

119    F’dan il-każ, mit-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, l-ewwel nett, permezz tal-proċeduri ta’ sostenibbiltà, il-leġiżlatur Spanjol jipprova jnaqqas l-użu tal-kuntratti suċċessivi għal żmien determinat fl-amministrazzjonijiet pubbliċi nazzjonali mingħajr, madankollu, ma jirrinunzja, fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri, għall-osservanza tal-prinċipji ta’ ugwaljanza, ta’ kompetizzjoni libera, ta’ pubbliċità, ta’ mertu u ta’ kapaċità. It-tieni nett, il-ħaddiema għal żmien indeterminat mhux permanenti jistgħu jitilfu l-impjieg tagħhom jekk ma jirnexxux fl-eżamijiet ikkonċernati. It-tielet nett, fil-każ ta’ xoljiment tal-kuntratt għal żmien indeterminat mhux permanenti, dawn il-ħaddiema jidher li jkollhom dritt għal kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa li jikkorrispondi għal 20 jum ta’ salarju għal kull sena ta’ xogħol, b’limitu massimu ta’ salarju ta’ sena.

120    Issa, konformement mal-kunsiderazzjonijiet li jirriżultaw mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 117 u 118 ta’ din is-sentenza, li, fid-dawl tal-elementi tal-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, huma applikabbli f’dan il-każ, l-organizzazzjoni tal-proċeduri ta’ sostenibbiltà prevista fid-dritt Spanjol, bla ħsara għall-verifika li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, ma tidhirx li hija ta’ natura li tissanzjona debitament l-użu abbużiv tar-relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien indeterminat mhux permanenti suċċessivi u, għaldaqstant, li tħassar il-konsegwenzi tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni.

121    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tnax-il domanda magħmula fil-Kawżi C‑59/22 u C‑110/22 kif ukoll għas-sitt domanda magħmula fil-Kawża C‑159/22 għandha tkun li l-klawżola 5 tal-Ftehim qafas għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-organizzazzjoni ta’ proċeduri għas-sostenibbiltà ta’ impjiegi temporanji permezz ta’ sejħiet għal kandidaturi sabiex jimtlew il-pożizzjonijiet okkupati mill-ħaddiema temporanji, fosthom il-ħaddiema għal żmien indeterminat mhux permanenti, meta din l-organizzazzjoni tkun indipendenti minn kull kunsiderazzjoni dwar in-natura abbużiva tal-użu ta’ dawn il-kuntratti għal żmien determinat.

 Fuq l-għaxar u l-ħdax-il domanda magħmula fil-Kawżi C59/22 u C110/22 kif ukoll fuq ir-raba’ u l-ħames domanda magħmula fil-Kawża C159/22

122    Mit-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, filwaqt li t-Tribunal Constitucional (il-Qorti Kostituzzjonali) tqis li l-prinċipji kostituzzjonali msemmija fl-Artikolu 23(2) u fl-Artikolu 103(3) tal-Kostituzzjoni, li jipprovdu li l-aċċess għall-impjieg fis-servizz pubbliku josserva l-prinċipji ta’ ugwaljanza, ta’ mertu u ta’ kapaċità, ma japplikawx għar-relazzjonijiet ta’ xogħol kuntrattwali, l-Awla tal-Affarijiet Soċjali tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) tapplika, min-naħa tagħha, dawn il-prinċipji għal tali relazzjonijiet, dan jirrendi impossibbli, skont din l-aħħar qorti, il-klassifikazzjoni ta’ ħaddiema li ma ġewx irreklutati abbażi ta’ proċedura ta’ selezzjoni li tosserva l-imsemmija prinċipji, bħala “ħaddiema għal żmien indeterminat” u, għaldaqstant, irrendiet neċessarja l-introduzzjoni tal-kunċett ta’ “ħaddiem għal żmien indeterminat mhux permanenti”. Skont il-qorti tar-rinviju, minn dan jirriżulta li t-trasformazzjoni ta’ kuntratti għal żmien determinat suċċessivi, u, b’mod partikolari, ta’ kuntratti għal żmien indeterminat mhux permanenti estiżi b’mod suċċessiv, f’kuntratti għal żmien indeterminat tista’ titqies li tmur kontra d-dispożizzjonijiet tal-Kostituzzjoni msemmija iktar ’il fuq, kif interpretati mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema).

123    Huwa f’dan il-kuntest li, permezz tal-għaxar domanda u l-ħdax-il domanda magħmula fil-Kawżi C‑59/22 u C‑110/22 kif ukoll permezz tar-raba’ u tal-ħames domanda magħmula fil-Kawża C‑159/22, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-klawżola 5 tal-Ftehim qafas għandhiex tiġi interpretata fis-sens li, fin-nuqqas ta’ eżistenza ta’ miżuri adegwati fid-dritt nazzjonali sabiex tipprevjeni u, jekk ikun il-każ, tissanzjona, skont din il-klawżola 5, l-abbużi li jirriżultaw mill-użu ta’ kuntratti għal żmien determinat suċċessivi, inklużi kuntratti għal żmien indeterminat mhux permanenti estiżi b’mod suċċessiv, dawn il-kuntratti għal żmien determinat jidher li għandhom jiġu ttrasformati f’kuntratti għal żmien indeterminat, u dan anki jekk tali trasformazzjoni tmur kontra l-Artikolu 23(2) u l-Artikolu 103(3) tal-Kostituzzjoni, kif interpretati mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema).

124    F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-klawżola 5 tal-Ftehim qafas ma tistabbilixxix obbligu għall-Istati Membri li jipprevedu t-trasformazzjoni f’kuntratt għal żmien indeterminat ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat, iktar, kif imsemmi fil-punt 103 ta’ din is-sentenza, li din tistabbilixxi sanzjonijiet speċifiċi fil-każ li jidher li jiġu kkonstatati abbużi (sentenza tas‑7 ta’ April 2022, Ministero della Giustizia et (Status tal-giudici di pace Taljani), C‑236/20, EU:C:2022:263, punt 60 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

125    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li mill-punt 2 tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas jirriżulta li l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà, fil-kuntest tal-miżuri intiżi sabiex jipprevjenu l-użu abbużiv ta’ kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat, jittrasformaw ir-relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat f’relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien indeterminat, peress li l-istabbiltà tal-impjieg li dawn tal-aħħar joffru tikkostitwixxi l-element prinċipali tal-protezzjoni tal-ħaddiema l-okkażjoni (sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Rossato u Conservatorio di Musica F.‑A. Bonporti, C‑494/17, EU:C:2019:387, punt 39).

126    Għaldaqstant, huma l-awtoritajiet nazzjonali li għandhom jadottaw miżuri proporzjonati, effettivi u dissważivi sabiex jiggarantixxu l-effettività sħiħa tar-regoli adottati skont il-Ftehim qafas fuq ix-xogħol għal żmien determinat, li jistgħu jipprevedu, għal dan il-għan, it-trasformazzjoni ta’ kuntratti għal żmien determinat f’kuntratti għal żmien indeterminat. Madankollu, meta jkun seħħ użu abbużiv ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi, għandha tkun tista’ tiġi applikata miżura sabiex dan l-abbuż jiġi debitament issanzjonat u jitneħħew il-konsegwenzi tal-ksur (sentenza tas‑7 ta’ April 2022, Ministero della Giustizia et (Status tal-giudici di pace Taljani), C‑236/20, EU:C:2022:263, punt 61 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

127    Sabiex leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal-leġiżlazzjoni Spanjola inkwistjoni fil-kawża prinċipali, interpretata mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema), li tipprojbixxi, fis-settur pubbliku, it-trasformazzjoni ta’ kuntratti suċċessivi għal żmien determinat f’kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat, bħall-kuntratti għal żmien indeterminat mhux permanenti inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, tkun tista’ titqies li hija konformi mal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat, l-ordinament ġuridiku intern tal-Istat Membru kkonċernat għandu jinkludi, fl-imsemmi settur, miżura effettiva oħra sabiex jiġi evitat u, jekk ikun il-każ, issanzjonat l-użu abbużiv ta’ kuntratti għal żmien determinat suċċessivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ April 2022, Ministero della Giustizia et (Status tal-giudici di pace Taljani), C‑236/20, EU:C:2022:263, punt 62 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

128    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li leġiżlazzjoni li tipprevedi regola imperattiva li tgħid li, fil-każ ta’ użu abbużiv ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat, bħall-kuntratti għal żmien indeterminat mhux permanenti inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, dawn il-kuntratti jinbidlu f’relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat, tista’ tinkludi miżura li tissanzjona effettivament tali użu abbużiv u, għaldaqstant, għandha titqies li hija konformi mal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas (sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Rossato u Conservatorio di Musica F.‑A. Bonporti, C‑494/17, EU:C:2019:387, punt 40 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

129    Madankollu, fir-rigward tan-nuqqas ta’ konformità ta’ tali trasformazzjoni mal-prinċipji kostituzzjonali ta’ ugwaljanza, ta’ mertu u ta’ kapaċità, kif interpretati mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema), imsemmija mill-qorti tar-rinviju, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-punt 1 tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas ma jidhirx, mill-perspettiva tal-kontenut tiegħu, inkundizzjonat u suffiċjentement preċiż sabiex ikun jista’ jiġi invokat minn individwu quddiem qorti nazzjonali. Fil-fatt, skont din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri għandhom is-setgħa diskrezzjonali li jagħmlu użu, sabiex jipprevjenu l-użu abbużiv ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat, minn waħda jew iktar mill-miżuri msemmija f’din il-klawżola, jew inkella minn miżuri legali ekwivalenti eżistenti, u dan kollu filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-bżonnijiet ta’ setturi speċifiċi u/jew ta’ kategoriji ta’ ħaddiema. Barra minn hekk, ma huwiex possibbli li tiġi ddeterminata b’mod suffiċjenti l-protezzjoni minima li jidher li għandha, fi kwalunkwe każ, tiġi implimentata skont il-punt (1) tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas (sentenza tal‑11 ta’ Frar 2021, M.V. et (Kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi fis-settur pubbliku), C‑760/18, EU:C:2021:113, punt 64 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

130    Madankollu, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, meta japplikaw il-liġi nazzjonali, il-qrati nazzjonali huma marbuta li jinterpretawha, sa fejn huwa possibbli, fid-dawl tat-test u tal-għan tad-direttiva kkonċernata sabiex jintlaħaq ir-riżultat previst minnha u, għaldaqstant, sabiex jikkonformaw ruħhom mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE. Dan l-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi jirrigwarda d-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt nazzjonali, kemm preċedenti kif ukoll sussegwenti għal din id-direttiva (sentenza tal‑11 ta’ Frar 2021, M.‑V. et (Kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi fis-settur pubbliku), C‑760/18, EU:C:2021:113, punt 65 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

131    Ir-rekwiżit ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali huwa fil-fatt inerenti għas-sistema tat-Trattat FUE minħabba li dan jippermetti lill-qrati nazzjonali li jiggarantixxu, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom, l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni meta huma jiddeċiedu t-tilwim li jitressaq quddiemhom (sentenza tal‑11 ta’ Frar 2021, M.‑V. et (Kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi fis-settur pubbliku), C‑760/18, EU:C:2021:113, punt 66 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

132    Ċertament, l-obbligu tal-qorti nazzjonali li tirreferi għall-kontenut ta’ direttiva meta tinterpreta u tapplika r-regoli rilevanti tad-dritt nazzjonali huwa limitat mill-prinċipji ġenerali tad-dritt, b’mod partikolari dawk taċ-ċertezza legali kif ukoll bażi għal interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali (sentenza tal‑11 ta’ Frar 2021, M.‑V. et (Kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi fis-settur pubbliku), C‑760/18, EU:C:2021:113, punt 67 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

133    Il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi jeżiġi madankollu li l-qrati nazzjonali jagħmlu dak kollu li jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom, billi jieħdu inkunsiderazzjoni d-dritt intern kollu u billi japplikaw metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minn dan id-dritt, sabiex tiġi ggarantita l-effettività sħiħa tad-direttiva inkwistjoni u sabiex tinstab soluzzjoni konformi mal-għan imfittex minnha (sentenza tal‑11 ta’ Frar 2021, M.‑V. et (Kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi fis-settur pubbliku), C‑760/18, EU:C:2021:113, punt 68 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

134    F’dan il-każ, se tkun il-qorti tar-rinviju li għandha tagħti lid-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt intern, sa fejn huwa possibbli u meta jkun seħħ użu abbużiv minn kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat, interpretazzjoni u applikazzjoni sabiex dan l-abbuż jiġi ppenalizzat b’mod xieraq u sabiex jitneħħew il-konsegwenzi tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni. F’dan il-kuntest, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Kostituzzjoni jistgħux, jekk ikun il-każ, jiġu interpretati b’mod konformi mal-Klawżola 5 tal-Ftehim qafas sabiex tiġi ggarantita l-effettività sħiħa tad-Direttiva 1999/70 u sabiex tinstab soluzzjoni konformi mal-għan imfittex minnha (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Frar 2021.‑V. et (Kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi fis-settur pubbliku), C‑760/18, EU:C:2021:113, punt 69 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

135    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi jimponi fuq il-qrati nazzjonali li jemendaw, jekk ikun il-każ, ġurisprudenza stabbilita jekk din tkun ibbażata fuq interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali inkompatibbli mal-għanijiet ta’ direttiva. Għaldaqstant, qorti nazzjonali ma tistax, b’mod partikolari, validament tikkunsidra li hija tinsab fl-impossibbiltà li tinterpreta dispożizzjoni nazzjonali b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni sempliċement minħabba l-fatt li din id-dispożizzjoni, b’mod kostanti, ġiet interpretata f’sens li ma huwiex kompatibbli ma’ dan id-dritt (sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Instituto Madrileño de Investigación y Desarrollo Rural, Agrario y Alimentario, C‑726/19, EU:C:2021:439, punt 86 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

136    Mill-elementi kollha preċedenti jirriżulta, minn naħa, li, fl-ipoteżi li fiha l-qorti tar-rinviju tidher li kellha tqis li l-ordinament ġuridiku intern ikkonċernat ma jinkludix, fis-settur pubbliku, miżura effettiva sabiex jiġi evitat u, jekk ikun il-każ, issanzjonat l-użu abbużiv ta’ kuntratti għal żmien determinat suċċessivi, inklużi kuntratti għal żmien indeterminat mhux permanenti pprorogati suċċessivament, it-trasformazzjoni ta’ dawn il-kuntratti f’relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat tista’ tikkostitwixxi tali miżura.

137    Min-naħa l-oħra, jekk, f’tali ipoteżi, il-qorti tar-rinviju kellha, barra minn hekk, tqis li l-ġurisprudenza stabbilita tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema), b’differenza għal dik tat-Tribunal Constitucional (il-Qorti Kostituzzjonali), tipprekludi tali trasformazzjoni, din il-qorti jkollha għalhekk tbiddel din il-ġurisprudenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) jekk din tkun ibbażata fuq interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Kostituzzjoni inkompatibbli mal-għanijiet tad-Direttiva 1999/70, u, b’mod partikolari, il-klawżola 5 tal-Ftehim qafas.

138    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-għaxar u l-ħdax-il domanda magħmula fil-Kawżi C‑59/22 u C‑110/22 kif ukoll għar-raba’ u għall-ħames domanda magħmula fil-Kawża C‑159/22 għandha tkun li l-klawżola 5 tal-Ftehim qafas għandha tiġi interpretata fis-sens li, fin-nuqqas ta’ eżistenza ta’ miżuri adegwati fid-dritt nazzjonali għall-prevenzjoni u, jekk ikun il-każ, għas-sanzjoni, skont din il-klawżola 5, tal-abbużi li jirriżultaw mill-użu ta’ kuntratti għal żmien determinat suċċessivi, inklużi kuntratti għal żmien indeterminat mhux permanenti estiżi b’mod suċċessiv, it-trasformazzjoni ta’ dawn il-kuntratti għal żmien determinat f’kuntratti għal żmien indeterminat tista’ tikkostitwixxi tali miżura. Jekk ikun il-każ, hija l-qorti nazzjonali li għandha temenda l-ġurisprudenza nazzjonali stabbilita jekk din tkun ibbażata fuq interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali, inkluża dik kostituzzjonali, inkompatibbli mal-għanijiet tad-Direttiva 1999/70, u, b’mod partikolari, tal-imsemmija klawżola 5.

 Fuq l-ispejjeż

139    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-klawżoli 2 u 3 tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss [żmien determinat], konkluż fit18 ta’ Marzu 1999 li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70, tat28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss (żmien determinat] konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

ħaddiem għal żmien indeterminat mhux permanenti għandu jitqies li huwa ħaddiem għal żmien determinat, fis-sens ta’ dan il-ftehim qafas, u, għaldaqstant, bħala li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar.

2)      Il-klawżola 5 tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss [żmien determinat], konkluż fit18 ta’ Marzu 1999 li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70,

għandu jiġu interpretati fis-sens li:

l-espressjoni “użu ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ impjieg għal terminu fiss [żmien determinat]”, li tinsab f’din id-dispożizzjoni, tkopri sitwazzjoni li fiha, fin-nuqqas tal-amministrazzjoni kkonċernata li tkun organizzat, fit-terminu stabbilit, proċedura ta’ selezzjoni intiża sabiex timtela, b’mod definittiv, il-pożizzjoni okkupata minn ħaddiem għal żmien indeterminat mhux permanenti, il-kuntratt għal żmien determinat li jorbot lil dan il-ħaddiem ma’ din l-amministrazzjoni ġie estiż ipso jure.

3)      Il-punt 1(a) u (ċ) tal-klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss [żmien determinat], konkluż fit18 ta’ Marzu 1999 li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70,

għandu jiġu interpretati fis-sens li:

jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprevedi ebda waħda mill-miżuri msemmija f’din id-dispożizzjoni u lanqas “miżuri legali ekwivalenti”, fis-sens tagħha, sabiex tipprevjeni l-użu abbużiv tal-kuntratti għal żmien indeterminat mhux permanenti.

4)      Il-klawżola 5 tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss [żmien determinat], konkluż fit18 ta’ Marzu 1999 li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70,

għandha tiġi interpretata fis-sens li:

tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-ħlas ta’ kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa, ugwali għal 20 jum ta’ salarju għal kull sena ta’ xogħol, limitat għal sena salarju, lil kull ħaddiem li l-persuna li timpjegah irrikorriet għal użu abbużiv ta’ kuntratti għal żmien indeterminat mhux permanenti estiżi b’mod suċċessiv, meta l-ħlas ta’ dan il-kumpens ta’ tmiem il-kuntratt ikun indipendenti minn kull kunsiderazzjoni relatata man-natura leġittima jew abbużiva tal-użu ta’ dawn il-kuntratti.

5)      Il-klawżola 5 tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss [żmien determinat], konkluż fit18 ta’ Marzu 1999 li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70,

għandha tiġi interpretata fis-sens li:

tipprekludi dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprovdu li l-“atti irregolari” jagħtu lok għar-responsabbiltà tal-amministrazzjonijiet pubbliċi “skont ir-regoli fis-seħħ f’kull waħda minn dawn l-amministrazzjonijiet pubbliċi”, meta dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali ma jkunux ta’ natura effettiva u dissważiva sabiex jiggarantixxu l-effettività sħiħa tar-regoli adottati skont din il-klawżola.

6)      Il-klawżola 5 tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss [żmien determinat], konkluż fit18 ta’ Marzu 1999 li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70,

għandha tiġi interpretata fis-sens li:

tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-organizzazzjoni ta’ proċeduri għas-sostenibbiltà ta’ impjiegi temporanji permezz ta’ sejħiet għal kandidaturi sabiex jimtlew il-pożizzjonijiet okkupati mill-ħaddiema temporanji, fosthom il-ħaddiema għal żmien indeterminat mhux permanenti, meta din l-organizzazzjoni tkun indipendenti minn kull kunsiderazzjoni dwar in-natura abbużiva tal-użu ta’ dawn il-kuntratti għal żmien determinat.

7)      Il-klawżola 5 tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss [żmien determinat], konkluż fit18 ta’ Marzu 1999 li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70,

għandha tiġi interpretata fis-sens li:

fin-nuqqas ta’ eżistenza ta’ miżuri adegwati fid-dritt nazzjonali għall-prevenzjoni u, jekk ikun il-każ, għas-sanzjoni, skont din il-klawżola 5, tal-abbużi li jirriżultaw mill-użu ta’ kuntratti għal żmien determinat suċċessivi, inklużi kuntratti għal żmien indeterminat mhux permanenti estiżi b’mod suċċessiv, it-trasformazzjoni ta’ dawn il-kuntratti għal żmien determinat f’kuntratti għal żmien indeterminat tista’ tikkostitwixxi tali miżura.
Jekk ikun il-każ, hija l-qorti nazzjonali li għandha temenda l-ġurisprudenza nazzjonali stabbilita jekk din tkun ibbażata fuq interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali, inkluża dik kostituzzjonali, inkompatibbli mal-għanijiet tad-Direttiva 1999/70, u, b’mod partikolari, tal-imsemmija klawżola 5.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.