Language of document :

Appell ippreżentat fit30 ta’ Novembru 2023 minn Soudal NV mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla Estiża) tal20 ta’ Settembru 2023 fil-Kawżi T201/16, T335/16, T357/16 u T369/16, Soudal et vs IlKummissjoni

(Kawża C734/23 P)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Partijiet

Appellant: Soudal NV (rappreżentant: H. Viaene, advocaat)

Parti oħra fil-proċedura: IlKummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża  u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u, sussidjarjament, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ biss it-tielet aggravju, tannulla l-ordni ta’ rkupru stabbilita fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kontenzjuża u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja;1

sussidjarjament, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ l-aggravji tal-appellanti iżda tqis li l-kawża għadha ma hijiex fi stat li tiġi deċiża peress li l-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx dwar ir-raġunament sussidjarju relatat mal-prinċipju ta’ distakkament, tibgħat lura l-kawża lill-Qorti Ġenerali biss fir-rigward tar-raġunament sussidjarju dwar is-selettività u tirriżerva l-ispejjeż tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u, addizzjonalment, tilqa’ t-tielet aggravju f’din il-kawża u tannulla tal-inqas diġà l-ordni ta’ rkupru stabbilita fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kontenzjuża.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq diversi żbalji ta’ liġi u ta’ żnaturament tal-fatti sa fejn is-sentenza appellata tiddeċiedi li l-Kummissjoni ddefinixxiet korrettament is-sistema ta’ referenza u kkonstatat ġustament l-eżistenza ta’ derogi mis-sistema ta’ referenza. Dan l-aggravju huwa maqsum fi tliet partijiet. Kull waħda minn dawn il-partijiet, jekk tiġi milqugħa mill-Qorti tal-Ġustizzja, hija biżżejjed sabiex tiġi annullata s-sentenza appellata u, konsegwentement, id-deċiżjoni kontenzjuża.

L‑ewwel parti: fl-ewwel parti, l-appellanti ser turi li s-sentenza appellata għandha tiġi annullata peress li l-Qorti Ġenerali fittxet li tiddetermina s-sistema ta’ referenza billi tibbaża ruħha fuq żbalji ta’ liġi u żnaturament tal-fatti.

It‑tieni parti: fit-tieni parti, l-appellanti ser turi li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u żnaturat id-dritt Belġjan meta qieset li l-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92  jippermetti aġġustament negattiv fil-Belġju biss meta jsir aġġustament pożittiv korrispondenti jew korrelattiv minn awtorità fiskali ta’ pajjiż ieħor.1

It‑tielet parti: fit-tielet parti, l-appellanti ser turi li l-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali huma vvizzjati bi żbalji ta’ liġi u bi żnaturament tal-fatti sa fejn hija ssostni li l-Artikolu 185(2)(b) taċ-CIR 92 ma jippermettix li jsiru aġġustamenti b’riferiment għal “benefiċċju ipotetiku”.

It-tieni aggravju huwa bbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 61 tal-Istatut [tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea], wettqet diversi żbalji ta’ liġi u żnaturat il-fatti meta ddeċidiet li l-Kummissjoni ġustament ikklassifikat is-sistema bħala selettiva. F’dan ir-rigward, l-appellanti ser turi li t-tliet xenarji li juru l-allegata selettività ma humiex ibbażati fuq ir-realtà. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ l-konfutazzjoni tat-tliet xenarji, ma jkunx hemm selettività u s-sentenza u d-deċiżjoni appellati għandhom jiġu annullati.

It-tielet aggravju huwa bbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonstatat li l-ordni ta’ rkupru tal-għajnuna ma tmurx kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

____________

1Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1699 tal11 ta’ Jannar 2016 dwar l-iskema ta’ għajnuna li tirrigwarda l-eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv SA.37667 (2015/C) (ex 2015/NN) implimentata mill-Belġju (ĠU 2016, L 260, p. 61)

1 Wetboek van de inkomstenbelastingen (il-Kodiċi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul) 1992.