Language of document : ECLI:EU:T:2016:389

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

5 ta’ Lulju 2016 (*)

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Trade mark verbali tal-Unjoni Ewropea MACCOFFEE – Trade mark verbali preċedenti tal-Unjoni Ewropea McDONALD’S – Artikolu 53(1)(a) u Artikolu 8(5) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 – Familja ta’ trade marks – Vantaġġ indebitu miksub mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti – Dikjarazzjoni ta’ invalidità”

Fil-Kawża T‑518/13,

Future Enterprises Pte Ltd, stabbilita f’Singapore (ir-Repubblika ta’ Singapore), inizjalment irrappreżentata minn B. Hitchens, J. Olsen, R. Sharma, M. Henshall, solicitors, u R. Tritton, barrister, sussegwentement minn Hitchens, Olsen, Tritton u E. Hughes-Jones, solicitor,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn L. Rampini, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

McDonald’s International Property Co. Ltd, stabbilita f’Wilmington, Delaware (l-Istati Uniti), irrappreżentata minn C. Eckhartt, avukat,

li għandha bħala suġġett rikors kontra d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-EUIPO, tat-13 ta’ Ġunju 2013 (Każ R 1178/2012‑1), dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn McDonald’s International Property Co. u Future Enterprises,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn H. Kanninen, President, I. Pelikánová (Relatur) u E. Buttigieg, Imħallfin,

Reġistratur: A. Lamote, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-23 ta’ Settembru 2013,

wara li rat ir-risposti tal-EUIPO u tal-intervenjenti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-22 ta’ Jannar 2014,

wara li rat ir-replika ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-1 ta’ Lulju 2014,

wara li rat il-kontroreplika tal-intervenjenti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Novembru 2014,

wara s-seduta tat-2 ta’ Frar 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fit-13 ta’ Ottubru 2008, ir-rikorrenti, Future Enterprises Pte Ltd, ippreżentat applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea lill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), abbażi tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), kif emendat [issostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1)].

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal verbali MACCOFFEE.

3        Il-prodotti li għalihom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassijiet 29, 30 u 32 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, mad-deskrizzjoni segwenti:

–        Klassi 29: “Laħam, ħut, tjur u laħam; estratt tal-laħam; frott u ħxejjex ippreservati, iffriżati, imqadda u msajra; ġèli, ġamm, zlazi tal-frott; bajd, ħalib u prodotti tal-ħalib; xaħam u żjut li jittieklu; prodotti tal-ħalib; kremi [prodotti tal-ħalib]; panna mħabbta; preparazzjonijiet għall-użu fit-tgħaffiġ ta’ xarbiet (ibbażati fuq prodotti tal-ħalib); pudini magħmula mill-ħalib; jogurt; oġġetti tal-ikel fil-forma ta’ ikel ħafif; ikel ħafif ibbażat fuq il-frott; ikel ħafif ibbażat fuq il-patata; krisps tal-patata forma ta’ snekks; xorb magħmul minn jew li fih il-ħalib; milkxejk”;

–        Klassi 30: “Kafè, tè, kawkaw, zokkor, ross, tapjoka, sagu, kafè artifiċjali; dqiq u preparazzjonijiet magħmula miċ-ċereali, ħobż, għaġina u ħelu, ġelati; għasel, għasel iswed; ħmira, trab tal-ħmira; melħ, mustarda; ħall, zlazi (kondiment); ħwawar; ġelat; biskuttini; ċereali għall-kolazzjon; ħlewwiet tal-friża; kràker; jogurt tal-friża; ġelati; biskuttel bit-togħma tal-melħa jqarmeċ; ħelu; ħelu taz-zokkor; ħelu; biċċiet tal-karamelli; ħelu tal-menta; ċikkulata; ħlewwiet taċ-ċikkulata; torti; muffin; popcorn; ikliet f’porzjonijiet żgħar ibbażat fuq iċ-ċereali; oġġetti ta’ ikel bit-togħma tajba ippreparati fil-forma ta’ ikel ħafif; strixxi tal-qamħ; tortillas; ikel ta l-għaġina; ħobż; sandwiċċ; Sandwiċis mimlija; wraps (sandwiċis); sandwiċis mixwijin; deżerti, pudini; kafè tat-trab li jinħall fil-misħun; taħlita tal-kafè ta’ malajr; kafeni; kafè mitħun; kafè mkessaħ; xorb tal-kafè bil-ħalib; xorb tal-kakaw bil-ħalib, xorb ibbażat fuq iċ-ċikkulata, kafè u xorb ibbażat fuq il-kafè, kawkaw u xorb ibbażat fuq il-kawkaw; xorb ibbażat fuq it-te; tè, jiġifieri, tè tal-ġinseng, tè iswed, tè Ċiniż kark, tè tal-barli u tal-weraq tal-barli; tejiet tal-frott; tejiet tal-ħxejjex aromatiċi (mhux għal skopijiet mediċinali); tè kiesaħ”;

–        Klassi 32: “Birer; ilma minerali u bil-gass u xorb ieħor mhux alkoħoliku; xorb tal-frott u xorb tal-meraq tal-frott; ġulepp u preparazzjonijiet oħra għat-tħejjija tax-xorb; xarbiet mhux alkoħoliċi bbażati fuq il-frott bl-essenza tat-tè jew tal-kafè (mhux inklużi fi klassijiet oħra); xarbiet mhux alkoħoliċi bl-essenza tat-tè jew tal-kafè (mhux inklużi fi klassijiet oħra).”

4        L-applikazzjoni għal trade mark tal-Unjoni Ewropea ġiet ippubblikata fil-Bulletin tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea Nru 1/2009, tat-12 ta’ Jannar 2009, u s-sinjal verbali MACCOFFEE ġie rreġistrat bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea fid-29 ta’ Jannar 2010, bin-numru 7307382, għall-prodotti kollha msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq.

5        Fit-13 ta’ Awwissu 2010, l-intervenjenti, McDonald’s International Property Co. Ltd, ressqet talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark ikkontestata, għall-prodotti kollha li kienet irreġistrata għalihom din it-trade mark.

6        It-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kienet bbażata fuq it-trade marks segwenti:

–        it-trade mark verbali tal-Unjoni Ewropea McDONALD’S, ippreżentata fl-1 ta’ April 1996 u rreġistrata fis-16 ta’ Lulju 1999 taħt in-numru 62497, għall-prodotti u għas-servizzi fil-klassijiet 29, 30, 32 u 42;

–        it-trade mark verbali tal-Unjoni Ewropea McFISH, ippreżentata fit-18 ta’ April 2006 u rreġistrata fl-20 ta’ Lulju 2007 taħt in-numru 5056429, għall-prodotti inklużi fil-klassijiet 29 u 30;

–        it-trade mark verbali tal-Unjoni Ewropea McTOAST, ippreżentata fl-24 ta’ Ottubru 2005 u rreġistrata fl-20 ta’ April 2007 taħt in-numru 4699054, għall-prodotti u għas-servizzi fil-klassijiet 29, 30 u 43;

–        it-trade mark verbali tal-Unjoni Ewropea McMUFFIN, ippreżentata fis-27 ta’ Lulju 2005 u rreġistrata fis-7 ta’ Awwissu 2006 taħt in-numru 4562419, għall-prodotti u għas-servizzi fil-klassijiet 29, 30 u 43;

–        it-trade mark verbali tal-Unjoni Ewropea McRIB, ippreżentata fid-19 ta’ Novembru 1999 u rreġistrata fil-11 ta’ Ġunju 2001 taħt in-numru 1391663, għall-prodotti inklużi fil-klassijiet 29 u 30;

–        it-trade mark verbali tal-Unjoni Ewropea McFLURRY, ippreżentata fit-30 ta’ Ġunju 1998 u rreġistrata fit-8 ta’ Settembru 1999 taħt in-numru 864694, għall-prodotti inklużi fil-klassi 29;

–        it-trade mark verbali tal-Unjoni Ewropea CHICKEN McNUGGETS, ippreżentata fl-1 ta’ April 1996 u rreġistrata fl-4 ta’ Awwissu 1998 taħt in-numru 16196, għall-prodotti inklużi fil-klassi 29;

–        it-trade mark verbali tal-Unjoni Ewropea McCHICKEN, ippreżentata fl-1 ta’ April 1996 u rreġistrata fit-2 ta’ Frar 1998 taħt in-numru 16188, għall-prodotti inklużi fil-klassi 30;

–        it-trade mark verbali tal-Unjoni Ewropea EGG McMUFFIN, ippreżentata fl-1 ta’ April 1996 u rreġistrata fid-19 ta’ Diċembru 1997 taħt in-numru 15966, għall-prodotti inklużi fil-klassi 30;

–        it-trade mark verbali tal-Unjoni Ewropea McFEAST, ippreżentata fl-1 ta’ April 1996 u rreġistrata fis-27 ta’ Ottubru 1999 taħt in-numru 15941, għall-prodotti inklużi fil-klassi 30;

–        it-trade mark verbali tal-Unjoni Ewropea BIG MAC, ippreżentata fl-1 ta’ April 1996 u rreġistrata fit-22 ta’ Diċembru 1998 taħt in-numru 62638, għall-prodotti u għas-servizzi inklużi fil-klassijiet 29, 30 u 42;

–        it-trade mark verbali tal-Unjoni Ewropea PITAMAC, ippreżentata fl-1 ta’ Frar 2005 u rreġistrata fil-11 ta’ April 2006 taħt in-numru 4264818, għall-prodotti u għas-servizzi inklużi fil-klassijiet 29, 30 u 42;

–        u t-trade mark Ġermaniża McDonald’s, magħrufa, għall-prodotti u għas-servizzi inklużi fil-klassijiet 29, 30, 32 u 43.

7        Ir-raġunijiet invokati mill-intervenjenti kienu dawk imsemmija fl-Artikolu 53(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 8(1)(a) u (b), mal-Artikolu 8(2)(c) u mal-Artikolu 8(5) tal-istess regolament.

8        Fuq talba tar-rikorrenti, proprjetarja tat-trade mark ikkontestata, l-intervenjenti ġiet mistiedna tipprovdi l-prova ta’ użu ġenwin tat-trade marks preċedenti li fuqhom kienet ibbażata t-talba tagħha, konformement mal-Artikolu 57(2) u (3) tar-Regolament Nru° 207/2009.

9        Permezz tad-deċiżjoni tas-27 ta’ April 2012, id-Diviżjoni ta’ Kanċellament iddikjarat li t-trade mark ikkontestata kienet invalida kompletament, skont l-Artikolu 53(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 8(5) ta’ dan l-istess regolament, u dan fuq l-uniku bażi tat-trade mark verbali preċedenti tal-Unjoni Ewropea McDONALD’S, irreġistrata taħt in-numru 62497, minħabba li, fid-dawl tar-reputazzjoni li ilha żmien twil miksuba mit-trade mark McDONALD’S u tal-istabbiliment, fl-ispirtu tal-pubbliku rilevanti, ta’ rabta bejnha u t-trade mark ikkontestata, kien hemm probabbiltà serja li l-użu, mingħajr raġuni valida, tat-trade mark ikkontestata jieħu vantaġġ indebitu miksub mir-reputazzjoni tat-trade mark McDONALD’S.

10      Fis-26 ta’ Ġunju 2012, ir-rikorrenti ppreżentat appell quddiem l-EUIPO, skont l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009, kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.

11      Permezz tad-deċiżjoni tat-13 ta’ Ġunju 2013 (iktar 'il quddiem id-“deċiżjoni appellata”), l-ewwel Bord tal-Appell tal-EUIPO ċaħad kompletament l-appell tar-rikorrenti billi ngħaqad, essenzjalment, mal-argument tad-Diviżjoni ta’ Kanċellament skont liema l-kundizzjonijiet kollha għall-applikazzjoni tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 kienu, f’dan il-każ, issodisfatti. F’dan ir-rigward, huwa osserva li t-trade mark McDONALD’S kellha reputazzjoni kunsiderevoli għas-servizzi ta’ ikel ta’ malajr. Skont il-fatturi rilevanti li jippermettu li jiġi evalwat jekk il-pubbliku rilevanti, jiġifieri l-pubbliku inġenerali fi ħdan l-Unjoni Ewropea, li juża wkoll s-servizzi ta’ ikel ta’ malajr forniti mill-intervenjenti, setax jistabbilixxi rabta bejn it-trade marks kunfliġġenti, huwa indika, l-ewwel nett, li t-trade marks kunfliġġenti kienu simili, it-tieni nett, li r-reputazzjoni kunsiderevoli miksuba mit-trade mark McDONALD’S kienet tkopri wkoll l-għaqda tal-prefiss “mc” mal-isem ta’ element tal-menù jew ta’ prodott tal-ikel, it-tielet nett, li l-intervenjenti kienet proprjetarja ta’ familja ta’ trade marks, li kienu jgħaqqdu l-prefiss “mc” , mal-isem ta’ element tal-menù jew ta’ prodott tal-ikel (iktar 'il quddiem il-“familja tat-trade marks “Mc”), ir-raba’ nett, li t-trade mark ikkontestata kienet tirripproduċi l-istruttura komuni għall-familja tat-trade marks “Mc” u, il-ħames nett, li s-servizzi u l-prodotti msemmija mit-trade marks kunfliġġenti kienu jippreżentaw ċertu grad ta’ xebh, minħabba fir-rabtiet stretti eżistenti bejniethom. Skont l-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatturi kollha, huwa wasal għall-konklużjoni li l-pubbliku rilevanti seta’ jistabbilixxi mentalment rabta bejn it-trade marks kunfliġġenti u anki, għal parti kbira, jassoċja t-trade mark ikkontestata mal-familja tat-trade marks “Mc”. Issa, skontu, l-istabbiliment ta’ tali rabta, fl-ispirtu tal-pubbliku rilevanti, seta’ jimplika trasferiment tal-immaġni tat-trade mark McDONALD’S jew tal-karatteristiċi assoċjati magħha għall-prodotti msemmija mit-trade mark ikkontestata, hekk li kien probabbli ħafna li r-rikorrenti kienet tieħu vantaġġ indebitu miksub mir-reputazzjoni tat-trade mark McDONALD’S. Fl-aħħar nett, huwa jikkonstata li l-użu tat-trade mark ikkontestata kien mingħajr raġuni valida.

 It-talbiet tal-partijiet

12      Ir-rikorrenti titlob, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni appellata;

–        tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż.

13      L-EUIPO u l-intervenjenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Rimarki preliminari fuq il-kuntest legali u l-għan tal-kawża

14      Skont l-Artikolu 53(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, trade mark tal-Unjoni Ewropea hija ddikjarata invalida, fuq talba ppreżentata quddiem l-EUIPO, b’mod partikolari meta teżisti trade mark preċedenti, fis-sens tal-Artikolu 8(2) tal-imsemmi regolament, jiġifieri trade mark fejn id-data ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija preċedenti għal dik tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea li fil-konfronti tagħha kien intalab l-annullament, u li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 8(5) ta’ dan l-istess regolament huma ssodisfatti. Minn din l-aħħar dispożizzjoni jirriżulta li l-annullament tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea jista’ jintalab anki meta din it-trade mark tkun ġiet irreġistrata għall-prodotti jew għas-servizzi li ma jixbhux dawk li għalihom ġiet irreġistrata t-trade mark preċedenti.

15      Il-protezzjoni estiża mogħtija lit-trade mark preċedenti mill-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 tippreżumi l-għaqda ta’ numru ta’ kundizzjonijiet. L-ewwel nett, trid tkun saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark preċedenti tal-Unjoni Ewropea qabel dik li fir-rigward tagħha saret talba għall-annullament tagħha u trid tkun ġiet irreġistrata. It-tieni nett, it-trade mark preċedenti tal-Unjoni Ewropea u dik li ntalbet l-annullament tagħha għandhom ikunu identiċi jew jixxiebhu. It-tielet nett, it-trade mark preċedenti tal-Unjoni Ewropea trid tgawdi minn reputazzjoni fl-Unjoni. Ir-raba’ nett, l-użu mingħajr raġuni valida tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea li ntalbet l-annullament tagħha jrid iwassal għal probabbiltà ta’ vantaġġ indebitu miksub mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti tal-Unjoni Ewropea jew li jista’ jsir ħsara lill-karattru distintiv jew lir-reputazzjoni ta’ din l-aħħar trade mark. Peress li dawn il-kundizzjonijiet huma kumulattivi, l-assenza ta’ waħda minnhom hija biżżejjed sabiex l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 ma jkunx japplika [ara s-sentenza tas-6 ta’ Lulju 2012, Jackson International vs EUIPO – Royal Shakespeare (ROYAL SHAKESPEARE), T‑60/10, mhux ippubblikata, EU:T:2012:348, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata].

16      F’dan il-każ, ir-rikorrenti la tikkontesta l-fatt li t-trade mark McDONALD’S kienet saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tagħha qabel it-trade mark ikkontestata, fl-1 ta’ April 1996, u rreġistrata fis-16 ta’ Lulju 1999 (ara l-punt 6 iktar 'il fuq), u lanqas ma tikkontesta li t-trade mark McDONALD’S tgawdi, fl-Unjoni, minn reputazzjoni kunsiderevoli għas-servizzi ta’ ikel ta’ malajr, hekk li l-osservanza tal-ewwel u tat-tielet kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, imfakkra fil-punt 15 iktar 'il fuq, ma hijiex ikkontestata.

17      Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti tikkontesta ċerti evalwazzjonijiet li wasslu lill-Bord tal-Appell, fid-deċiżjoni appellata, sabiex jikkonstata li kien jeżisti ċertu livell ta’ xebh bejn it-trade marks kunfliġġenti. Skont il-Bord tal-Appell, minħabba f’dan l-aħħar xebh, fl-eżistenza tal-familja tat-trade marks “Mc”, fil-karattru distintiv proprju miksub permezz tal-prefiss “mc”, fir-reputazzjoni kunsiderevoli li tgawdi minnha t-trade mark McDONALD’S, li testendi għall-prefiss “mc”, użat flimkien mal-isem ta’ element mill-menù jew ta’ prodott tal-ikel, u f’ċertu livell ta’ xebh bejn il-prodotti u s-servizzi koperti mit-trade marks kunfliġġenti, fil-fatt tar-rabtiet stretti eżistenti bejniethom, tista’ tiġi stabbilita rabta, fl-ispirtu tal-pubbliku rilevanti, bejn it-trade marks kunfliġġenti. Konsegwentement, huwa probabbli ħafna li l-użu mingħajr raġuni valida tat-trade mark ikkontestata jislet vantaġġ indebitu miksub mir-reputazzjoni tat-trade mark McDONALD’S. L-għan tal-kawża huwa limitat għalhekk għall-kwistjoni li jsir magħruf jekk il-Bord tal-Appell approvax ġustament, fid-deċiżjoni appellata, l-evalwazzjonijiet tad-Diviżjoni ta’ Kanċellament skont liema t-tieni u r-raba’ kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, imfakkra fil-punt 15 iktar 'il fuq, kienu f’dan il-każ issodisfatti.

 Fuq l-eżistenza ta’ ċertu grad ta’ xebh bejn it-trade marks kunfliġġenti

18      Ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell wettaq żball ta’ evalwazzjoni, fid-deċiżjoni appellata, meta ddeċieda li t-trade marks kunfliġġenti kienu globalment jixxiebhu, sa ċertu livell. Hija ssostni li, konformement mal-ġurisprudenza, ix-xebh viżiv f’dan il-każ għandu jipprevali, sa fejn il-prodotti tal-ikel jew ix-xorb huma magħżula, qabel kollox, b’mod viżiv. Issa, skontha, it-trade marks kunfliġġenti huma differenti ħafna fuq il-pjan viżiv u l-Bord tal-Appell qies, bi żball, li l-elementi “mac” u “mc” kienu viżivament jixxiebhu. Hija ssostni wkoll li, fuq il-pjan fonetiku, it-trade mark kunfliġġenti huma differenti ħafna. Il-prefissi “mac” u “mc” ma humiex ippronunzjati bl-istess mod. Bl-Ingliż, minħabba fl-użu doppju tal-ittra “c”, it-trade mark ikkontestata hija ppronunzjata “mac coffi”, fil-waqt li t-trade mark McDONALD’S hija ppronunzjata “me don alds” u li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza Ingliża msemmija fil-proċedura preżenti, l-aċċent isir fuq it-tieni sillaba “don”, fatt li jimplika li l-element “mc” huwa element sekondarju tal-imsemmija trade mark fuq il-pjan fonetiku. Fuq il-pjan kunċettwali, ir-rikorrenti ssostni li t-trade mark McDONALD’S tinftiehem bħala isem tal-familja, fil-waqt li t-trade mark ikkontestata, minkejja l-fatt li tinkludi l-element “mac”, li hija wkoll prefiss attwali tal-ismijiet patronimiċi ta’ oriġini gaeliku (Skoċċiż u Irlandiż), ma tinftiehemx globalment bħala tali isem, sa fejn dan l-element huwa assoċjat mat-terminu “coffee”, li jinftiehem bħala li jkopri l-kafè, jiġifieri xarba sħuna aromattizzata. F’dan il-kuntest, l-element “mac” tat-trade mark ikkontestata huwa probabbilment miftiehem bħala li jirreferi għal terminu argotiku Amerikan sabiex jindirizza b’mod amikevoli lil xi ħadd barrani, bħal fl-espressjoni “Hey Mac, you want a coffee ?” (“Ħej Mac, tixtieq kafè?”). Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe xebh bejn it-trade marks kunfliġġenti, ir-rikorrenti tqis li l-Bord tal-Appell kellha tiċħad it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità u tosserva li, anki jekk jitqies li dawn it-trade marks jixxiebhu xi ftit, dan il-fatt ma jippermettix, fid-dawl tal-prassi tal-EUIPO, li jiġi konkluż li kienet stabbilita, fl-ispirtu tal-pubbliku rilevanti, rabta bejniethom.

19      L-EUIPO u l-intervenjenti rrifjutaw l-argumenti tar-rikorrenti u kkonkludew għaċ-ċaħda tal-ilmenti mqajma minnha, minħabba li l-Bord tal-Appell ma wettaq ebda żball ta’ evalwazzjoni, fid-deċiżjoni appellata, meta ddeċieda li kien jeżisti ċertu livell ta’ xebh globali bejn it-trade marks kunfliġġenti.

20      F’dan ir-rigward, hemm lok jitfakkar li l-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 ma hijiex suġġetta għall-kostatazzjoni, bejn it-trade marks inkwistjoni, ta’ livell ta’ xebh li jwassal, fil-moħħ tal-pubbliku kkonċernat, għal probabbiltà ta’ konfużjoni bejn dawn it-trade marks. Huwa biżżejjed li l-livell ta’ xebh bejn l-imsemmija trade marks ikollu bħala effett li l-pubbliku rilevanti jistabbilixxi rabta bejniethom [ara b’analoġija, is-sentenzi tas-16 ta’ Mejju 2007, La Perla vs EUIPO – Worldgem Brands (NIMEI LA PERLA MODERN CLASSIC), T‑137/05, mhux ippubblikata, EU:T:2007:142, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas-16 ta’ Diċembru 2010, Rubinstein vs EUIPO – Allergan (BOTOLIST), T‑345/08 u T‑357/08, mhux ippubblikata, EU:T:2010:529, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata].

21      L-eżistenza ta’ tali livell ta’ xebh għandha, l-istess bħall-eżistenza ta’ livell ta’ xebh fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, tiġi evalwata globalment, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni. Għalhekk, din l-evalwazzjoni globali għandha, għal dak li jirrigwarda x-xebh viżiv, fonetiku jew kunċettwali tas-sinjali preżenti, tkun ibbażata fuq l-impressjoni sħiħa li dawn jipproduċu, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-elementi distintivi u dominanti tagħhom (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-16 ta’ Mejju 2007, NIMEI LA PERLA MODERN CLASSIC, T‑137/05, mhux ippubblikata, EU:T:2007:142, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22      F’dan il-każ, l-assenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti ma hijiex ikkontestata. Id-dibattitu huwa limitat għalhekk għall-kwistjoni li jsir magħruf jekk l-evalwazzjonijiet tal-Bord tal-Appell, fid-deċiżjoni appellata, jippermettux li jiġi kkonstatat li l-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ livell minimu ta’ xebh bejn it-trade marks inkwistjoni, imsemmija fl-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, hijiex issodisfatta.

23      Għal dak li jirrigwarda, qabel kollox, ix-xebh viżiv tat-trade marks kunfliġġenti, hemm lok jitfakkar li l-imsemmija trade marks huma trade marks verbali.

24      Kif ġustament tosserva r-rikorrenti, it-trade marks kunfliġġenti għandhom differenzi kbar fuq il-pjan viżiv, sa fejn, fil-waqt li t-trade mark McDONALD’S hija komposta minn disa’ ittri u minn sinjal tipografiku u t-trade mark ikkontestata minn disa’ ittri, dawn għandhom biss inkomuni erba’ ittri, jiġifieri l-ittri “m”, “c”, “o” u “a”, fejn tlieta minnhom ma jokkupawx l-istess pożizzjoni fit-trade marks kunfliġġenti. Ċertament, dawn it-trade marks it-tnejn jibdew bl-ittra “m” u l-ittri tagħhom “c” u “o” jinsabu rispettivament fit-tieni u fir-raba’ pożizzjonijiet fit-trade mark McDONALD’S u fit-tielet u fil-ħames pożizzjonijiet fit-trade mark kunfliġġenti. Barra minn hekk, l-ittri “m” u “c” jidhru fil-parti inizjali tat-trade marks kunfliġġenti, jiġifieri l-elementi “mac” u “mc”. Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ xebh bejn it-trade mark kunfliġġenti ma jistax jiġi dedott mill-użu tal-ittri żgħar jew kbar, minħabba li tali ċirkustanza hija irrilevanti, peress li l-protezzjoni miksuba mir-reġistrazzjoni ta’ trade mark verbali tirrigwarda l-kelma indikata fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni u mhux l-aspetti grafiċi jew stilistiċi partikolari li din it-trade mark jista’ eventwalment ikollha [ara s-sentenza tad-29 ta’ April 2015, Chair Entertainment Group vs EUIPO – Libelle (SHADOW COMPLEX), T‑717/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:242, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata]. Madankollu, dawn il-konstatazzjonijiet ma humiex suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li kien hemm xebh viżiv, anki fuq livell baxx, tat-trade marks kunfliġġenti.

25      Ir-rikorrenti għalhekk ġustament ssostni li l-konklużjoni skont liema t-trade marks kunfliġġenti kienu viżivament simili, fuq livell baxx, li wasal għaliha l-Bord tal-Appell fil-punt 38 tad-deċiżjoni appellata, hija żbaljata.

26      Għal dak li jirrigwarda, sussegwentement, ix-xebh fonetiku tat-trade marks kunfliġġenti, hemm lok li tiġi kkonfermata l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell, fil-punt 39 tad-deċiżjoni appellata, skont liema l-partijiet inizjali tal-imsemmija trade marks, jiġifieri l-elementi “mac” u “mc”, huma ppronunzjati t-tnejn li huma “mak” jew “mac”, peress li l-ittra “a” hija “schwa” jew vokali mlissna ppronunzjata bħal fil-kelma Ingliża “ago”, minn tal-inqas minn parti mill-pubbliku rilevanti. Ċertament, ċerti provi msemmija fil-fajl ta’ din il-proċedura jistgħu joħolqu dubju fuq il-fondatezza tal-evalwazzjoni hekk mogħtija mill-Bord tal-Appell billi jsir riferiment manifest għall-parti anglofona tal-imsemmi pubbliku. Fil-fatt, jirriżulta mit-tieni frażi tal-punt 44 tas-sentenza tal-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division [Qorti Superjuri tal-Ġustizzja (L-Ingilterra u Wales), Chancery Division, ir-Renju Unit], tas-27 ta’ Novembru 2001, fil-kawża Frank Yu Kwan Yuen vs McDonald’s, prodott mir-rikorrenti, li “l-ewwel sillaba ta’ McCHINA […] hija ppronunzjata ħarira differenti minn MAC”. Għalhekk, jidher li l-pubbliku anglofonu rilevanti kollu jew parti minnu jista’ jippronunzja b’mod ħarira differenti l-parti inizjali tat-trade marks kunfliġġenti. Madankollu, tali żball, jekk dan jeżisti, ma jista’ jkollu l-ebda impatt fuq il-legalità tad-deċiżjoni appellata, sa fejn, kif ġustament josserva l-EUIPO, il-parti minn dan il-pubbliku li jipperċepixxi l-prefissi “mc” u “mac” bħala l-prefissi tal-ismijiet patronimiċi ta’ oriġini gaeliku jippronunzjahom b’mod identiku. L-imsemmija prefissi huma tradizzjonalment ippronunzjati bl-istess mod, jiġifieri “mac” [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Lulju 2012, Comercial Losan vs EUIPO – McDonald’s International Property (Mc. Baby), T‑466/09, mhux ippubblikata, EU:T:2012:346, punti 37 u 41, u tas-26 ta’ Marzu 2015, Emsibeth vs EUIPO – Peek & Cloppenburg (Nael), T‑596/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:193, punti 48 u 50].

27      Barra minn hekk, anki jekk jiġi ammess, kif issostni r-rikorrenti, li l-pubbliku rilevanti kollu jew parti minnu jippronunzja b’mod sħiħ il-vokali “a”, li tidher fil-parti inizjali tat-trade mark ikkontestata, fil-waqt li jlissen dik li tidher fil-parti inizjali tat-trade mark McDONALD’S, xorta jibqa’ l-fatt li l-pronunzjazzjonijiet tal-partijiet inizjali tat-trade marks kunfliġġenti jibqgħu jixxiebhu ħafna. Ċertament, il-partijiet finali tal-imsemmija trade marks, jiġifieri l-elementi “donald’s” u “coffee”, huma differenti fuq il-pjan fonetiku, peress li l-fatt waħdu li ittra waħda f’dawn l-elementi, jiġifieri l-ittra “o”, hija ppronunzjata bl-istess mod, f’dan ir-rigward, ma huwiex importanti. Madankollu, dawn id-differenzi ma jippermettux l-eliminazzjoni tal-eżistenza ta’ ċertu xebh fonetiku globali bejn dawn it-trade marks, li jirriżulta mill-pronunzjazzjoni identika jew, minn tal-inqas, li tixxiebah ħafna, mill-pubbliku rilevanti, tal-parti inizjali tagħhom, jiġifieri l-elementi “mac” u “mc”.

28      Huwa għalhekk ġustament li l-Bord tal-Appell iddeċieda, fil-punt 41 tad-deċiżjoni appellata, li t-trade marks kunfliġġenti kienu fonetikament simili, sa ċertu livell.

29      Għal dak li jirrigwarda x-xebh kunċettwali tat-trade marks kunfliġġenti, hemm lok jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, it-trade marks huma viċin ħafna ta’ xulxin meta huma jinvokaw l-istess idea [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Mejju 2007, Merant vs EUIPO – Focus Magazin verlag (FOCUS), T‑491/04, mhux ippubblikata, EU:T:2007:141, punt 57, u tal-11 ta’ Diċembru 2008, Tomorrow Focus vs EUIPO – Information Builders (Tomorrow Focus), T‑90/06, mhux ippubblikata, EU:T:2008:567, punt 35].

30      Fil-każ ineżami, qabel kollox, huwa importanti jiġi osservat, l-istess bħalma josserva l-Bord tal-Appell fil-punti 42 u 66 tad-deċiżjoni appellata, li l-elementi “mc” u “mac” li jidhru fit-trade marks kunfliġġenti huma assoċjati, fl-ispirtu ta’ parti mill-pubbliku rilevanti, mal-istess idea, jiġifieri prefiss ta’ isem patrimoniku gaeliku, li l-parti anglofona tal-pubbliku rilevanti tidentifika anki li jfisser “tifel ta’”, u li ma għandu l-ebda tifsira partikolari għall-bqija tal-pubbliku rilevanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Lulju 2012, Mc. Baby, T‑466/09, mhux ippubblikata, EU:T:2012:346, punt 41, u tas-26 ta’ Marzu 2015, Nael, T‑596/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:193, punt 41). Kif ġustament josserva l-EUIPO, huwa magħruf, għall-parti mill-pubbliku rilevanti li jaf bil-prefissi tal-ismijiet patronimiċi ta’ oriġini gaeliku, li dawn tal-aħħar jinkitbu kemm “mc” kif ukoll “mac”. Barra minn hekk, ġustament, minn tal-inqas għall-parti anglofona tal-pubbliku rilevanti, il-Bord tal-Appell qies li l-parti finali tat-trade mark ikkontestata, jiġifieri l-element “coffee”, kien jinftiehem li jirreferi għal xarba aromatika, tradizzjonalment servuta sħuna, li ġejja minn żrieragħ tal-kafè. Il-parti tal-pubbliku rilevanti li kienet taf bil-prefissi tal-ismijiet patronimiċi ta’ oriġini gaeliku u li kienet tifhem is-sens tal-kelma Ingliża “coffee” hija kapaċi tidentifika, fit-trade mark ikkontestata, l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ elementi, u dan iktar u iktar peress li, kif josserva ġustament l-EUIPO, tali assoċjazzjoni tal-prefiss “mac” jew “mc” ma’ kelma użata fil-lingwa attwali ma għandha xejn li ma huwiex tas-soltu (sentenza tal-5 ta’ Lulju 2012, Mc. Baby, T‑466/09, mhux ippubblikata, EU:T:2012:346). L-assoċjazzjoni, fit-trade mark ikkontestata, ta’ terminu li jirreferi għal isem patronimiku ta’ oriġini gaeliku u ta’ terminu ieħor li jirreferi għal isem ta’ xarba hija iktar probabbilment miftiehma, mill-pubbliku rilevanti, bħala riferiment għal xarba prodotta minn persuna ta’ oriġini Skoċċiża jew Irlandiża li, kif issostni r-rikorrenti, bħal tirreferi għal espressjoni familjari fejn it-terminu “mac” huwa użat sabiex jindirizza b’mod amikevoli lil xi ħadd barrani.

31      Minn dak li ntqal preċedentement jirriżulta li t-trade marks kunfliġġenti jippreżentaw ċertu xebh kunċettwali, sa fejn huma t-tnejn huma pperċepiti, minn tal-inqas minn parti mill-pubbliku rilevanti, bħala li jirreferu għal isem patronimiku ta’ oriġini gaeliku. Konsegwentement, il-Bord tal-Appell qies ġustament, fil-punt 42 tad-deċiżjoni appellata, li t-trade marks kunfliġġenti kienu kunċettwalment jixxiebhu, sa ċertu livell.

32      Għal dak li jirrigwarda, fl-aħħar nett, ix-xebh globali eżistenti bejn it-trade marks kunfliġġenti, suffiċjenti sabiex il-pubbliku rilevanti jistabbilixxi rabta bejniethom, anki jekk ma jħawduhomx, hemm lok jitfakkar li dan ix-xebh għandu jiġi stabbilit billi jittieħdu inkunsiderazzjoni x-xebh viżiv, fonetiku u kunċettwali tal-imsemmija trade marks kif ukoll, skont il-każ, għandha tiġi evalwata l-importanza li għandha tingħata lil dawn l-elementi differenti, filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni l-kategorija ta’ prodotti jew ta’ servizzi inkwistjoni u tal-kundizzjonijiet li fihom jiġu kkummerċjalizzati (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni, is-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 1999, Lloyd Schuhfabrik Meyer, C‑342/97, EU:C:1999:323, punt 27).

33      F’dan il-każ, it-trade marks kunfliġġenti differenti fuq il-pjan viżiv, iżda li għandhom ċertu livell ta’ xebh fuq il-pjan fonetiku u kunċettwali, jibdew bil-parti inizjali rispettiva tagħhom, jiġifieri l-elementi “mac” u “mc”. Dan ix-xebh fonetiku u kunċettwali bejn it-trade marks kunfliġġenti ma jistax jiġi totalment injorat, minħabba li, kif allegat mir-rikorrenti, il-metodu ta’ kummerċ tal-prodotti koperti mit-trade mark ikkonċernata kien jistrieħ fuq selezzjoni qabel kollox viżiva. Ċertament, jirriżulta mill-ġurisprudenza li, meta l-prodotti koperti minn trade mark huma prodotti ta’ konsum attwali, normalment mibjugħa fi ħwienet self-service, il-pubbliku rilevanti, fil-waqt tax-xiri, jipperċepixxi abitwalment it-trade mark ikkonċernata b’mod viżiv, hekk li l-aspett viżiv għandu iktar importanza fl-evalwazzjoni globali tax-xebh bejn din it-trade mark u trade mark oħra, li magħha hija għandha kunflitt [ara, f’dan is-sens u b’analoġija, fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni, sentenzi tat-23 ta’ Mejju 2007, Henkel vs EUIPO – SERCA (COR), T‑342/05, mhux ippubblikata, EU:T:2007:152, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-13 ta’ Diċembru 2007, Cabrera Sánchez vs EUIPO – Industrias Cárnicas Valle (el charcutero artesano), T‑242/06, mhux ippubblikata, EU:T:2007:391, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata]. Madankollu, anki jekk, f’każ bħal dan, ix-xebh fonetiku huwa ta’ ftit importanza (sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2007, el charcutero artesano, T‑242/06, mhux ippubblikata, EU:T:2007:391, punt 81), sa fejn it-trade mark normalment ma tkunx ippronunzjata mill-konsumatur tal-prodotti kkonċernati, hija xorta ma ssirx negliġibbli, anki żżomm l-importanza kollha tagħha, peress li ma huwiex eskluż li, f’ċertu każijiet, komunikazzjoni orali dwar il-prodotti u t-trade mark ikkonċernati sseħħ qabel l-att ta’ xiri [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-23 ta’ Mejju 2007, COR, T‑342/05, mhux ippubblikata, EU:T:2007:152, punt 53, u tat-23 ta’ Settembru 2011, NEC Display Solutions Europe vs EUIPO – C More Entertainment (see more), T‑501/08, mhux ippubblikata, EU:T:2011:527, punt 53] jew li l-imsemmija prodotti huma s-suġġett ta’ reklamar orali, fuq ir-radju jew minn konsumaturi oħra (sentenza tat-23 ta’ Settembru 2011, see more, T‑501/08, mhux ippubblikata, EU:T:2011:527, punt 53). Bl-istess mod, għalkemm f’tali każ, l-importanza tax-xebh kunċettwali tonqos minħabba li, fil-ħwienet self-service, il-konsumatur jitlef ftit ħin bejn ix-xiri suċċessiv tiegħu u, spiss, ma joqgħodx jaqra l-indikazzjonijiet kollha miġjuba fuq il-prodotti differenti, iżda jħalli li jiġi ggwidat mill-impatt viżiv ġenerali prodott mit-tikketti jew ippakkjar tagħhom [sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2008, Ebro Puleva vs EUIPO – Berenguel (BRILLO’S), T‑275/07, mhux ippubblikata, EU:T:2008:545, punt 24], xorta ma ssirx negliġibbli, b’mod partikolari fil-każ fejn it-trade marks kunfliġġenti huma trade marks verbali.

34      Issa, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-aspetti fonetiċi u kunċettwali jippermetti li jiġi konkluż li, anki jekk it-trade marks kunfliġġenti huma differenti fuq il-pjan viżiv u huma wkoll xi ftit differenti fuq il-pjanijiet kunċettwali u fonetiċi, minħabba fil-parti finali differenti tagħhom, xorta għandhom ċertu livell ta’ xebh ġenerali, minħabba fix-xebh kunċettwali u fonetiku tal-parti inizjali rispettiva tagħhom, jiġifieri l-elementi “mc” u “mac”.

35      Konsegwentement, anki jekk il-Bord tal-Appell iddeċieda bi żball li t-trade marks kunfliġġenti kellhom livell ta’ xebh dgħajjef fuq il-pjan viżiv (ara l-punt 25 iktar 'il fuq), huwa ġustament ikkonkluda, fil-punt 48 tad-deċiżjoni appellata, li t-trade marks kunfliġġenti kienu globalment jixxiebhu, sa ċertu livell. Għalhekk, l-iżball osservat fil-kuntest tal-evalwazzjoni tax-xebh bejn it-trade mark kunfliġġenti ma għandux iwassal għall-annullament tad-deċiżjoni appellata.

36      Hemm għalhekk lok li jiġi kkonstatat li l-evalwazzjonijiet tal-Bord tal-Appell, fid-deċiżjoni appellata, skont liema t-tieni kundizzjoni għall-applikazzjoni tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, imfakkra fil-punt 15 iktar 'il fuq, kienet f’dan il-każ issodisfatta huma fondati, u għaldaqstant, hemm lok li l-ilmenti kollha kontra l-imsemmija evalwazzjonijiet jiġu miċħuda.

 Fuq l-istabbiliment, fl-ispirtu tal-pubbliku rilevanti, ta’ rabta bejn it-trade marks kunfliġġenti

37      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-ħsara msemmija fl-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, meta din isseħħ, hija l-konsegwenza ta’ assoċjazzjoni li l-pubbliku kkonċernat jagħmel bejn it-trade marks f’dan il-każ, jiġifieri, rabta li dan tal-aħħar jistabbilixxi bejn l-imsemmija trade marks, filwaqt li madankollu ma jħawwadhomx (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Lulju 2012, ROYAL SHAKESPEARE, T‑60/10, mhux ippubblikata, EU:T:2012:348, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-istabbiliment ta’ tali rabta għandu jiġi evalwat globalment, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi kollha rilevanti f’dan il-każ (ara s-sentenza tas-6 ta’ Lulju 2012, ROYAL SHAKESPEARE, T‑60/10, mhux ippubblikata, EU:T:2012:348, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fost l-imsemmija fatturi jinsabu l-livell ta’ xebh bejn it-trade marks f’dan il-każ, in-natura tal-prodotti jew tas-servizzi koperti minn dawn it-trade marks, inkluż il-livell ta’ xebh jew in-nuqqas ta’ xebh bejn dawn il-prodotti jew servizzi u l-pubbliku rilevanti, l-intensità tar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti, il-livell ta’ karattru distintiv, intrinsiku jew miksub permezz tal-użu, tat-trade mark preċedenti u l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni (ara, f’dan is-sentenza tas-6 ta’ Lulju 2012, ROYAL SHAKESPEARE, T‑60/10, mhux ippubblikata, EU:T:2012:348, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      Fil-każ ineżami, ir-rikorrenti tikkontesta b’mod partikolari l-evalwazzjonijiet tal-Bord tal-Appell, fid-deċiżjoni appellata, skont liema, minn naħa, l-eżistenza tal-familja tat-trade marks “Mc” hija fattur rilevanti għall-evalwazzjoni tal-istabbiliment, fl-ispirtu tal-pubbliku rilevanti, ta’ rabta bejn it-trade marks kunfliġġenti u, min-naħa l-oħra, jeżisti ċertu livell ta’ xebh bejn is-servizzi u l-prodotti inkwistjoni, minħabba fir-rabtiet stretti li jeżistu bejniethom.

 Fuq l-eżistenza tal-familja tat-trade marks “Mc” bħala fattur rilevanti għall-evalwazzjoni tal-istabbiliment, fl-ispirtu tal-pubbliku rilevanti, ta’ rabta bejn it-trade marks kunfliġġenti

39      Ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell wettaq żball ta’ evalwazzjoni, fid-deċiżjoni appellata, meta ddeċieda li, minħabba fl-element “mac” imsemmi fit-trade mark ikkontestata, il-pubbliku rilevanti seta’ jassoċja din mal-familja tat-trade marks “Mc”, li ġejja mit-trade mark McDONALD’S. Hija tqis, f’dan ir-rigward, li l-ġurisprudenza dwar il-familja tat-trade marks għandha tiġi interpretata strettament, peress li hija tidderoga mill-prinċipju ġenerali skont liema kull trade mark għandha tiġi evalwata globalment. Skontha, l-provi mogħtija mill-intervenjenti fil-fajl tal-proċedura quddiem l-EUIPO, jiġifieri l-menùs tal-istabbilimenti ta’ ikel ta’ malajr tal-intervenjenti, investigazzjoni indipendenti mwettqa fl-1991 u fl-1992 u s-sentenzi tal-qrati tal-Istati Membri, kienu insuffiċjenti sabiex jiġi deċiż li l-prefiss “mc” kien assoċjat, fl-ispirtu tal-pubbliku rilevanti, mal-prodotti tal-ikel u max-xorb. Ħlief għal dokument li jsemmi t-trade mark McDONALD’S, dawn il-provi kienu kollha datati 2010 u għalhekk huma jiġu wara d-data tat-13 ta’ Ottubru 2008, data li fiha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata. Barra minn hekk, il-parti tal-investigazzjoni indipendenti mwettqa fl-1991 kienet tiżvela biss li l-persuni li wieġbu kienu jassoċjaw il-prefiss “mc” mat-trade mark McDONALD’S, filwaqt li l-parti ta’ din l-istess investigazzjoni mwettqa fl-1992, fejn ir-riżultati setgħu kienu distorti minn formulazzjoni qarrieqa tal-mistoqsija magħmula, kienet tippermetti biss li jiġi konkluż li l-parti l-kbira tal-persuni li wieġbu kienu jafu li l-prefiss “mc”, flimkien ma’ kliem ieħor, kien użat għas-servizzi ta’ ikel ta’ malajr jew ta’ self-service. Skont ir-rikorrenti, il-Bord tal-Appell ma kellux dritt jippreżumi li l-konklużjonijiet tal-investigazzjoni indipendenti jibqgħu rilevanti iktar minn sittax-il sena iktar tard u li r-rilevanza tagħhom ġiet ukoll imsaħħa. Fl-aħħar nett, is-sentenzi tal-qrati tal-Istati Membri eżaminati mill-Bord tal-Appell ma għandhomx valur probatorju peress li ma jorbtux lill-EUIPO u ma jirriflettux sitwazzjonijiet speċifiċi. Ir-rikorrenti tosserva li jirriżulta impliċitament mill-ġurisprudenza u mill-parti C, taqsima 2, kapitolu 7, punt 2, paġna 4, tad-direttivi dwar il-proċeduri quddiem l-EUIPO (iktar 'il quddiem id-“Direttivi tal-EUIPO”) li l-kunċett tal-familja ta’ trade marks ma huwiex applikabbli fil-każ ineżami, sa fejn l-element “mac”, li jissemma’ fit-trade mark ikkontestata, ma huwiex identiku għall-element “mc”, komuni għall-familja tat-trade marks “Mc”. L-element “coffee”, li jissemma’ fit-trade mark ikkontestata u li jirreferi għall-isem tax-xarba, jiddifferenzja l-imsemmija trade mark mit-trade marks preċedenti tal-intervenjenti li jgħaqqdu l-prefiss “mc” mal-isem ta’ element fil-menù jew ta’ prodott tal-ikel, miktub prinċipalment b’ittri żgħar. Ir-rikorrenti ssostni li, fi ħdan l-Unjoni, l-intervenjenti ma tbigħx xarbiet taħt it-trade mark li tinkludi l-prefiss “mc”. Skont ir-rikorrenti, id-differenzi li jeżistu bejn it-trade mark ikkontestata u t-trade marks preċedenti tal-intervenjenti huma importanti biżżejjed sabiex jiġu pperċepiti mill-pubbliku rilevanti.

40      Sussidjarjament, ir-rikorrenti ssostni li t-trade mark McDONALD’S ma għandhiex l-istess struttura bħat-trade marks preċedenti tal-intervenjenti, li jgħaqqdu l-prefiss “mc” mal-isem ta’ element fil-menù jew ta’ prodott tal-ikel, hekk li hija ma hijiex inkluża fil-familja tat-trade marks “Mc”. L-użu tal-element “mc” u, a fortiori, tal-element “mac” ma huwiex kritikabbli peress li jirrigwarda prefiss attwali fl-ismijiet patronimiċi ta’ oriġini gaeliku, li huwa użat b’modi diversi mingħajr ma jkun hemm oġġezzjonijiet.

41      L-EUIPO u l-intervenjenti jiċħdu l-argumenti tar-rikorrenti u jsostnu li l-Bord tal-Appell ġustament ikkonstata, fid-deċiżjoni appellata, li l-eżistenza tal-familja tat-trade marks “Mc” kienet fattur li trid tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat l-istabbiliment, fl-ispirtu tal-pubbliku rilevanti, ta’ rabta bejn it-trade marks kunfliġġenti.

42      Kif ġie osservat fil-punt 37 iktar 'il fuq, l-istabbiliment, fl-ispirtu tal-pubbliku rilevanti, ta’ rabta bejn it-trade marks f’dan il-każ għandu jiġi evalwat globalment, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha fil-każ ineżami (ara s-sentenza tas-6 ta’ Lulju 2012, ROYAL SHAKESPEARE, T‑60/10, mhux ippubblikata, EU:T:2012:348, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fost il-fatturi rilevanti f’dan ir-rigward jidhru l-eżistenza ta’ familja tat-trade marks preċedenti [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Settembru 2012, IG Communications vs EUIPO – Citigroup et Citibank (CITIGATE), T‑301/09, mhux ippubblikata, EU:T:2012:473, punt 106]. Fil-fatt, fil-każ fejn it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ trade mark hija bbażata fuq l-eżistenza ta’ bosta trade marks preċedenti li jippreżentaw karatteristiċi komuni li jippermettu li jitqiesu bħala li jagħmlu parti mill-istess familja, l-istabbiliment, fl-ispirtu tal-pubbliku rilevanti, ta’ rabta bejn it-trade mark li għaliha saret talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità u t-trade marks preċedenti jista’ jirriżulta mill-fatt li l-ewwel waħda għandha karatteristiċi li jistgħu jorbtuha mal-familja magħmula mit-tieni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2007, Il Ponte Finanziaria vs EUIPO, C‑234/06 P, EU:C:2007:514, punti 62 u 63).

43      Bosta trade marks għandhom karatteristiċi li jippermettulhom li jitqiesu bħala li jagħmlu parti mill-istess “familja” meta, b’mod partikolari, jirripproduċu kompletament l-istess element distintiv biż-żieda ta’ element, grafiku jew verbali, li jiddistingwihom minn xulxin, jew meta jkunu kkaratterizzati mir-repetizzjoni tal-istess prefiss jew suffiss estratt minn trade mark li tkun is-sors [sentenza tat-23 ta’ Frar 2006, Il Ponte Finanziaria vs EUIPO – Marine Enterprise Projects (BAINBRIDGE), T‑194/03, EU:T:2006:65, punt 123]. Il-proprjetarju tat-trade marks preċedenti ma pprovdiex il-prova tal-fatt li dawn it-trade marks huma pperċepiti mill-pubbliku rilevanti bħala li jikkostitwixxu familja (sentenza tal-25 ta’ Novembru 2014, UniCredit vs EUIPO, T‑303/06 RENV u T‑337/06 RENV, EU:T:2014:988, punti 65 sa 67).

44      Madankollu, il-pubbliku rilevanti ma jistax ikun mistenni, fl-assenza ta’ użu ta’ numru ta’ trade marks suffiċjenti sabiex ikunu jistgħu jikkostitwixxu familja, li jagħraf il-karatteristiċi komuni fl-imsemmija familja u li jistabbilixxi rabta bejn din il-familja u trade mark oħra li tinkludi l-elementi li joqorbu lejn l-imsemmija karatteristiċi. Għalhekk, sabiex il-pubbliku rilevanti jkun jista’ jistabbilixxi rabta bejn trade mark li għaliha saret talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità u “familja” ta’ trade marks preċedenti, it-trade marks li huma inklużi f’din tal-aħħar għandhom ikunu preżenti fuq is-suq (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tat-13 ta’ Settembru 2007, Il Ponte Finanziaria vs EUIPO, C‑234/06 P, EU:C:2007:514, punt 64, u tat-23 ta’ Frar 2006, BAINBRIDGE, T‑194/03, EU:T:2006:65, punt 126).

45      Għalhekk hija r-responsabbiltà tal-proprjetarju tat-trade marks preċedenti, li jitlob għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea sussegwenti, li għandu jipprovdi l-prova ta’ użu effettiv ta’ numru ta’ trade marks suffiċjenti sabiex jikkostitwixxu “familja” ta’ trade marks u, għalhekk, li juri l-eżistenza ta’ din tal-aħħar sabiex ikun jista’ jiġi evalwat jekk il-pubbliku rilevanti jistabbilixxix rabta bejn it-trade mark li għaliha ntalbet dikjarazzjoni ta’ invalidità u t-trade marks preċedenti li jagħmlu parti mill-imsemmija “familja” (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tat-13 ta’ Settembru 2007, Il Ponte Finanziaria vs EUIPO, C‑234/06 P, EU:C:2007:514, punti 65 u 66, u tat-23 ta’ Frar 2006, BAINBRIDGE, T‑194/03, EU:T:2006:65, punt 126) jew anki biss bejn it-trade mark li għaliha ntalbet dikjarazzjoni ta’ invalidità u t-trade mark preċedenti li toriġina minn din l-istess “familja”.

46      Fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 42 sa 45 iktar 'il fuq, għandu jiġi vverifikat, minn naħa, jekk l-intervenjenti pprovdietx il-prova tal-użu effettiv ta’ numru suffiċjenti tat-trade marks preċedenti tagħha sabiex tista’ tiġi kkostitwita, fir-rigward tal-karatteristiċi komuni tagħhom, “familja” ta’ trade marks u, min-naħa l-oħra, jekk it-trade mark ikkontestata tinkludix elementi li jorbtuha mal-karatteristiċi komuni ta’ din il-“familja”.

–       Fuq l-użu effettiv ta’ numru suffiċjenti ta’ trade marks preċedenti sabiex tiġi kkostitwita “familja” ta’ trade marks

47      Fil-punti 57 u 86 tad-deċiżjoni appellata, il-Bord tal-Appell approva l-konklużjonijiet tad-Diviżjoni ta’ Kanċellament skont liema l-provi pprovduti mill-intervenjenti kienu suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit l-użu ġenwin tat-trade mark McDONALD’S għas-servizzi ta’ ikel ta’ malajr. F’dan ir-rigward, huwa b’mod partikolari rrefera għall-provi prodotti mill-intervenjenti li kienu juru li l-imsemmija trade mark kienet tokkupa s-sitt pożizzjoni dinjija fl-analiżi globali tat-trade marks imwettqa mill-kumpannija li tagħti l-pariri u li s-servizzi mogħtija taħt din it-trade mark kienu jipproduċu dħul ta’ bejn wieħed u ieħor EUR 32 000 miljun, liema provi kienu, barra minn hekk, ikkorraborati minn dikjarazzjonijiet, li magħhom żdiedu tikketti ta’ prodotti, karti tal-menùs u materjal ta’ promozzjoni.

48      Barra minn hekk, fil-punti 58 sa 60 tad-deċiżjoni appellata, il-Bord tal-Appell indika li l-provi pprovduti mill-intervenjenti kienu suffiċjenti sabiex jiġi kkonstatat l-użu effettiv fis-suq tat-trade marks li jgħaqqdu l-prefiss “mc” ma’ kelma oħra, bħat-trade marks McFISH, McTOAST, McMUFFIN, McRIB, McFLURRY, CHICKEN McNUGGETS, McCHICKEN, EGG McMUFFIN u McFEAST, għas-servizzi ta’ ikel ta’ malajr u prodotti li jidhru fil-menù tal-istabbilimenti ta’ ikel ta’ malajr, fuq parti mit-territorju tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, huwa b’mod partikolari jirreferi għall-investigazzjoni indipendenti mwettqa fl-1991 u fl-1992 u għas-sentenzi tal-qrati nazzjonali prodotti mill-intervenjenti.

49      Fil-każ ineżami, ir-rikorrenti tillimita lilha nnifisha ssostni li l-provi prodotti mill-intervenjenti ma jurux li l-użu effettiv tal-prefiss “mc”, flimkien ma’ kelma oħra, kien suffiċjenti fit-territorju tal-Unjoni sabiex, fil-perijodi rilevanti, dan il-prefiss jiġi assoċjat, fl-ispirtu tal-pubbliku rilevanti, mal-prodotti tal-ikel u max-xorb. Għalhekk, ir-rikorrenti ma tikkontestax l-użu effettiv tat-trade marks preċedenti, iżda l-fatt li dan l-użu kien suffiċjenti sabiex il-prefiss “mc” flimkien ma’ kelma oħra, jikseb karattru distintiv proprju għall-prodotti tal-ikel u għax-xorb.

50      Preliminarjament, hemm lok jiġi osservat li, fil-punt 59 tad-deċiżjoni appellata, il-Bord tal-Appell ikkonstata biss li l-użu effettiv tal-prefiss “mc”, flimkien ma’ kelma oħra, kien, minn tal-inqas f’parti mit-territorju tal-Unjoni, suffiċjenti sabiex, fil-perijodi rilevanti, dan il-prefiss jiġi assoċjat, fl-ispirtu tal-pubbliku rilevanti, mas-servizzi ta’ ikel ta’ malajr u mal-prodotti li jidhru fil-menù tal-istabbilimenti ta’ ikel ta’ malajr.

51      Fil-każ ineżami, għandu għalhekk jiġi vverifikat jekk l-intervenjenti ġabitx il-prova ta’ użu effettiv tat-trade marks iċċitati fil-punti 47 u 48 iktar 'il fuq, li tagħti lill-prefiss “mc”, flimkien ma’ kelma oħra, karattru distintiv proprju fir-rigward tas-servizzi ta’ ikel ta’ malajr u ta’ prodotti li jissemmew fil-menù tal-istabbilimenti ta’ ikel ta’ malajr, minn tal-inqas f’parti mit-territorju tal-Unjoni.

52      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, sabiex tiġi eżaminata, f’każ partikolari, in-natura effettiva tal-użu ta’ trade mark, għandha titwettaq evalwazzjoni globali tal-provi ppreżentati, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha tal-kawża ineżami. Tali evalwazzjoni għandha tkun ibbażata fuq il-fatti u fuq iċ-ċirkustanzi kollha li jistgħu jistabbilixxu r-realtà tal-użu kummerċjali tat-trade mark, b’mod partikolari l-użi tagħha kkunsidrati bħala ġġustifikati fil-qasam ekonomiku kkonċernat sabiex jinżammu jew jinħolqu partijiet tas-suq favur prodotti jew servizzi protetti minn din it-trade mark, in-natura ta’ dawn il-prodotti jew ta’ dawn is-servizzi, il-karatteristiċi tas-suq, il-firxa u l-frekwenza tal-użu mit-trade mark [ara, b’analoġija, is-sentenza tad-29 ta’ Frar 2012, Certmedica International u Lehning entreprise vs EUIPO – Lehning entreprise u Certmedica International (L112), T‑77/10 u T‑78/10, mhux ippubblikata, EU:T:2012:95, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata].

53      L-użu effettiv ta’ trade mark ma jistax jintwera permezz ta’ probabbiltajiet jew ta’ preżunzjonijiet, iżda għandu jkun ibbażat fuq provi konkreti u oġġettivi [ara, b’analoġija, is-sentenza tat-23 ta’ Settembru 2009, Cohausz vs EUIPO – Izquierdo Faces (acopat), T‑409/07, mhux ippubblikata, EU:T:2009:354, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata].

54      Madankollu, jirriżulta mir-regola 22(4) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta’ Diċembru 1995, li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189), applikabbli mutatis mutandis fil-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità konformement mar-regola 40(6) tal-imsemmi regolament, li l-provi dwar l-użu huma limitati, bħala prinċipju, għall-produzzjoni tad-dokumenti ta’ sostenn bħall-imballaġġ, l-ittikkettjar, il-listi ta’ prezzijiet, il-katalgi, il-fatturi, ir-ritratti, ir-riklamar fuq il-gazzetti kif ukoll id-dikjarazzjonijiet bil-miktub magħmula taħt ġurament jew affermati, imsemmija fl-Artikolu 78(1)(f) tar-Regolament Nru 207/2009.

55      Barra minn hekk, jirriżulta mill-Artikolu 57(2) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 42(2) ta’ dan l-istess regolament, li l-perijodi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ użu ġenwin tat-trade mark McDONALD’S u, a fortiori, ta’ użu effettiv tat-trade marks l-oħra preċedenti, li ġejjin minn din l-aħħar trade mark u li jistgħu jikkostitwixxu, skont l-intervenjenti, “familja” ta’ trade marks huma, minn naħa, il-perijodu mit-12 ta’ Jannar 2004 sal-11 ta’ Jannar 2009 u min-naħa l-oħra, il-perijodu mit-13 ta’ Awwissu 2005 sat-12 ta’ Awwissu 2010 (iktar 'il quddiem il-“perijodi rilevanti”). Ċertament, it-teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi sussegwenti jew anki preċedenti għall-perijodi hekk definiti mil-leġiżlazzjoni applikabbli huwa possibbli, iżda huwa neċessarjament suġġett għall-preżentazzjoni tad-dokumenti li juru l-użu tat-trade marks ikkonċernati matul l-imsemmija perijodi [ara, b’analoġija, is-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, El Corte Inglés vs EUIPO – Pucci International (PUCCI), T‑39/10, mhux ippubblikata, EU:T:2012:502, punt 26]. Huwa għalhekk ġustament li, fil-punt 86 tad-deċiżjoni appellata, il-Bord tal-Appell jaqbel mal-konstatazzjonijiet, li jissemmew fil-punt 24 tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta’ Kanċellament, li jiddefinixxu l-mod imsemmi iktar 'il fuq tal-perijodi rilevanti.

56      Il-provi ta’ użu prodotti f’dan il-każ mill-intervenjenti huma elenkati fil-punti 29 u 30 tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta’ Kanċellament.

57      Kif jafferma ġustament il-Bord tal-Appell fil-punti 57 u 86 tad-deċiżjoni appellata, il-provi prodotti jirrigwardaw il-perijodi rilevanti li jistabbilixxu suffiċjentement skont il-liġi l-użu ġenwin, minn tal-inqas f’parti mit-territorju tal-Unjoni, tat-trade mark McDONALD’S għas-servizzi tal-ikel ta’ malajr. Fil-fatt, dawn il-provi juru li, matul il-perijodi rilevanti, it-trade mark McDONALD’S baqgħet waħda mill-għaxar trade marks l-iktar importanti fuq skala dinjija u li hija użata intensivament, fuq parti sostanzjali mit-territorju tal-Unjoni, sabiex tkopri servizzi ta’ ikel ta’ malajr u prodotti li jissemmew fil-menù tal-istabbiliment ta’ ikel ta’ malajr.

58      Barra minn hekk, kif dan ġie ġustament ikkonstatat mill-Bord tal-Appell fil-punt 58 tad-deċiżjoni appellata u kif jirriżulta, barra minn hekk, mill-provi prodotti mill-intervenjenti, din kienet diġà kisbet ir-reġistrazzjoni jew applikat sabiex tirreġistra, matul il-perijodi relevanti, numru kbir ta’ trade marks li jgħaqdu l-prefiss “mc” ma’ kelma oħra, bħat-trade marks McFISH, McTOAST, McMUFFIN, McRIB, McFLURRY, CHICKEN McNUGGETS, McCHICKEN, EGG McMUFFIN u McFEAST, għas-servizzi ta’ ikel ta’ malajr u għall-prodotti li jissemmew fil-menù tal-istabbilimenti ta’ ikel ta’ malajr. Barra minn hekk, hija użat it-trade marks McMUFFIN, McRIB, McFLURRY, CHICKEN McNUGGETS, McCHICKEN u EGG McMUFFIN fil-Ġermanja u t-trade marks McFLURRY, CHICKEN McNUGGETS, McCHICKEN u EGG McMUFFIN fir-Renju Unit, sabiex tkopri prodotti li jissemmew fil-menù tal-istabbilimenti ta’ ikel ta’ malajr u f’materjali ta’ promozzjoni. Anki jekk, kif tosserva r-rikorrenti, l-intervenjenti ma pprovdietx informazzjoni dwar il-fatturat miksub għal kull prodott inkwistjoni, hija inkludiet fil-fajl tal-proċedura quddiem l-EUIPO dokumenti li jistabbilixxu li, fl-2004 u fl-2009, jiġifieri matul il-perijodi rilevanti, hija kellha, rispettivament, 1 262, imbagħad 1 361 stabbiliment fil-Ġermanja u 1 250, imbagħad 1 193 stabbiliment fir-Renju Unit. Barra minn hekk, jirriżulta mir-rapport annwali tal-2009 stabbilit mill-intervenjenti għall-Ġermanja, prodott waqt il-proċedimenti quddiem l-EUIPO u li jissemma’ fil-fajl ta’ dan il-proċediment, li l-istabbilimenti Ġermaniżi tagħha kisbu fatturat importanti fl-2008 u fl-2009. Evalwati globalment, konformement mas-soluzzjoni msemmija fis-sentenza tas-17 ta’ Frar 2011, J & F Participações vs EUIPO – Plusfood Wrexham (Friboi) (T‑324/09, mhux ippubblikata, EU:T:2011:47, punti 27 u 31), dawn l-elementi jippermettu li jiġi kkonstatat, fil-każ ineżami, l-użu effettiv mill-intervenjenti tat-trade marks McMUFFIN, McRIB, McFLURRY, CHICKEN McNUGGETS, McCHICKEN u EGG McMUFFIN fil-Ġermanja u fir-Renju Unit, jiġifieri parti sostanzjali mit-territorju tal-Unjoni, matul il-perijodi rilevanti.

59      Barra minn hekk, kif ġustament josserva l-Bord tal-Appell fil-punt 59 tad-deċiżjoni appellata, il-qrati fil-Ġermanja, fi Spanja, fl-Iżvezja u fir-Renju Unit ikkonstataw, matul il-perijodi rilevanti, li l-prefiss “mc”, flimkien ma’ kelma oħra, kien kiseb karattru distintiv proprju għas-servizzi ta’ ikel ta’ malajr u għall-prodotti li jissemmew fil-menù tal-istabbilimenti ta’ ikel ta’ malajr. Għalkemm l-EUIPO ma hijiex marbuta mad-deċiżjonijiet mogħtija mill-awtoritajiet nazzjonali u għalkemm, sa fejn l-applikazzjoni tad-dritt tat-trade marks tal-Unjoni hija indipendenti minn kull sistema nazzjonali, il-legalità tad-deċiżjonijiet tal-EUIPO ma tistax tiġi kkontestata abbażi tal-evalwazzjonijiet weħidhom li jissemmew fis-sentenzi nazzjonali preċedenti, dawn l-aħħar sentenzi jistgħu madankollu jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-EUIPO, bħala indizji, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-fatti inkwistjoni [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ April 2004, Concept vs EUIPO (ECA), T‑127/02, EU:T:2004:110, punti 70 u 71; tad-9 ta’ Lulju 2008, Reber vs EUIPO – Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli (Mozart), T‑304/06, EU:T:2008:268, punt 45, u tal-25 ta’ Ottubru 2012, riha vs EUIPO – Lidl Stiftung (VITAL&FIT), T‑552/10, mhux ippubblikata, EU:T:2012:576, punt 66]. Għalhekk, għal kuntrarju ta’ dak li tallega r-rikorrenti, il-Bord tal-Appell seta’, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tiegħu stess tal-kawża, jieħu inkunsiderazzjoni fid-deċiżjoni appellata, bħala indizji, il-konstatazzjonijiet magħmula mill-qrati nazzjonali matul il-perijodi rilevanti, fejn kien jirriżulta li, fit-territorju kopert mill-kompetenza tagħhom, l-użu tal-prefiss “mc”, flimkien ma’ kelma oħra, kien tali li jippermettilu jikseb karattru distintiv proprju għas-servizzi ta’ ikel ta’ malajr u għall-prodotti li jissemmew fil-menù tal-istabbilimenti ta’ ikel ta’ malajr.

60      Kif huwa ġustament indikat mill-Bord tal-Appell fil-punt 59 tad-deċiżjoni appellata, il-konstatazzjonijiet magħmula mill-qrati nazzjonali b’dan il-mod kienu, barra minn hekk, ikkorraborati mill-investigazzjoni indipendenti mwettqa fl-1991 u fl-1992, li minnha kien jirriżulta li, fl-ispirtu ta’ parti mill-pubbliku rilevanti, il-prefiss “mc” kien essenzjalment assoċjat mas-sinjal McDONALD’S u li dan l-istess prefiss, flimkien ma’ kelma oħra, kien essenzjalment assoċjat ma’ stabbilimenti ta’ ikel ta’ malajr li huma inklużi fl-istess grupp. Dawn il-provi, preċedenti għall-perijodi rilevanti, setgħu, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata mal-punt 55 iktar 'il fuq, jiġu użati mill-Bord tal-Appell. Fir-rigward tad-domandi magħmula fil-kuntest tal-investigazzjoni indipendenti, hemm lok li jiġi osservat, għal kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, li l-formulazzjoni tagħhom tippermetti li jiġi vverifikat, b’mod oġġettiv, sa fejn, fl-ispirtu ta’ parti mill-pubbliku rilevanti, jiġifieri tal-konsumatur Ġermaniż tas-servizzi ta’ ikel ta’ malajr, il-prefiss “mc” kien assoċjat, minn naħa, mas-sinjal McDONALD’S u, min-naħa l-oħra, mas-servizzi ta’ ikel ta’ malajr li huma inklużi fl-istess grupp. Fir-rigward tal-fatt partikolari li dawn ir-riżultati huma antiki, ċertament hemm lok li jiġi kkonstatat li dawn ma jippermettux li jinħolqu rabtiet bejn l-użu tat-trade mark McDONALD’S u t-trade marks preċedenti McMUFFIN, McRIB, McFLURRY, CHICKEN McNUGGETS, McCHICKEN u EGG McMUFFIN, fejn l-użu effettiv ġie kkonstatat fil-punt 58 iktar 'il fuq. Dawn tal-aħħar, barra minn hekk, kienu kollha ġew irreġistrati wara l-perijodu kopert mill-investigazzjoni indipendenti. Madankollu, l-imsemmija riżultati jikkorraboraw il-fatt li, fil-mument meta dawn it-trade marks kienu ġew użati, il-prefiss “mc”, flimkien ma’ kelma oħra, kien diġà kiseb karattru distintiv proprju fir-rigward tas-servizzi ta’ ikel ta’ malajr. Fil-fatt, kif ġie ġustament osservat mill-EUIPO, ma hemm xejn li jippermetti li jiġi konkluż, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, li l-konstatazzjonijiet magħmula fil-kuntest tal-investigazzjoni indipendenti kienu ġew invalidati sussegwentement, sa fejn, kif osserva l-Bord tal-Appell fil-punt 86 tad-deċiżjoni appellata, il-provi prodotti mill-intervenjenti jikkonfermaw li, matul il-perijodi rilevanti, din baqgħet tirreġistra trade marks li jgħaqqdu kelma oħra mal-prefiss “mc” u li t-trade mark McDONALD’S baqgħet waħda mill-iktar importanti fuq skala dinjija. Dan il-fatt jipproduċi l-prova li l-intervenjenti baqgħet tinvesti sabiex iżżomm ir-reputazzjoni ta’ din it-trade mark għas-servizzi ta’ ikel ta’ malajr.

61      Il-provi prodotti mill-intervenjenti juru għalhekk li l-użu, mill-intervenjenti, tat-trade marks McDONALD’S, McMUFFIN, McRIB, McFLURRY, CHICKEN McNUGGETS, McCHICKEN u EGG McMUFFIN kien biżżejjed sabiex, fil-perijodi rilevanti, il-prefiss “mc”, flimkien mal-isem ta’ element mill-menù jew ta’ prodott tal-ikel, iżomm il-karattru distintiv proprju li kien kiseb preċedentement fir-rigward tas-servizzi ta’ ikel ta’ malajr u tal-prodotti li jissemmew fil-menù tal-istabbilimenti ta’ ikel ta’ malajr, minn tal-inqas f’parti mit-territorju tal-Unjoni.

62      Konsegwentement, il-Bord tal-Appell ġustament qies, fil-punt 60 tad-deċiżjoni appellata, li l-intervenjenti kienet ipprovdiet indikazzjonijiet biżżejjed dwar il-fatt li t-trade marks preċedenti msemmija fil-punt 58 iktar 'il fuq kienu s-suġġett ta’ użu effettiv matul il-perijodi rilevanti.

63      Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell ġustament u essenzjalment qies, fil-punti 67 sa 69, 73 u 74 tad-deċiżjoni appellata, li l-provi prodotti mill-intervenjenti juru, ġustament, li, fil-perijodi rilevanti, il-prefiss “mc”, flimkien mal-isem ta’ element mill-menù jew ta’ prodott tal-ikel, kien kiseb karattru distintiv proprju meta pparagunat mas-servizzi ta’ ikel ta’ malajr u mal-prodotti li jissemmew fil-menù tal-istabbilimenti ta’ ikel ta’ malajr, minn tal-inqas f’parti mit-territorju tal-Unjoni, hekk li, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 43 iktar 'il fuq, dan il-prefiss kien adattat sabiex jikkaratterizza l-eżistenza ta’ familja ta’ trade marks.

64      Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li t-trade marks McMUFFIN, McRIB, McFLURRY, CHICKEN McNUGGETS, McCHICKEN u EGG McMUFFIN, li ġejjin mit-trade mark McDONALD’S, jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha sabiex jifformaw “familja” ta’ trade marks, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 43 iktar 'il fuq, sa fejn huma numru suffiċjenti u jirripproduċu b’mod sħiħ l-istess element distintiv, jiġifieri l-element “mc”, flimkien mal-element verbali li jiddifferenzjahom minn xulxin u huma kkaratterizzati mir-repetizzjoni tal-istess prefiss “mc”, li ġej mit-trade mark McDONALD’S. Il-fatt li, f’din l-aħħar trade mark, it-tieni element jirreferi għal isem patronomiku filwaqt li, fit-trade marks li jifformaw il-familja, huwa jirreferi għall-isem ta’ prodott li jissemma’ fil-menù tal-istabbilimenti ta’ ikel ta’ malajr huwa mingħajr rilevanza, għal kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti. Fil-fatt, kif huwa ġustament osservat mill-Bord tal-Appell fil-punt 81 tad-deċiżjoni appellata, it-trade mark McDONALD’S, magħrufa għas-servizzi ta’ ikel ta’ malajr, hija t-trade mark oriġinali tal-familja, li magħha huma marbuta t-trade marks li joriġinaw minnha permezz ta’ karatteristika komuni, jiġifieri l-prefiss “mc”, u li minnha huma jiddisasoċjaw kollha permezz tal-istess tip ta’ element finali, li jirreferi għal wieħed mill-prodotti tal-ikel li jissemmew fil-menù tal-istabbilimenti ta’ ikel ta’ malajr tal-intervenjenti, kif huwa osservat fil-punt 61 tad-deċiżjoni appellata.

65      Huwa għalhekk ukoll ġustament li, fil-punti 58 u 60 tad-deċiżjoni appellata, il-Bord tal-Appell iddeċieda li t-trade marks preċedenti kienu “familja ta’ trade marks” u kienu ġew użati “bħala familja ta’ trade marks”.

–       Fuq il-preżenza, fit-trade mark ikkontestata, tal-elementi li jistgħu jorbtuha mal-familja tat-trade marks “Mc”

66      Fil-punti 63 u 64 tad-deċiżjoni appellata, il-Bord tal-Appell iqis li t-trade mark ikkontestata għandha karatteristiċi li jistgħu jorbtuha mal-familja tat-trade marks “Mc”, sa fejn, l-ewwel nett, din it-trade mark tibda bil-prefiss “mac”, li huwa x’aktarx ippreċepit bħala li huwa kważi identiku għall-prefiss komuni għall-familja tat-trade marks “Mc”, it-tieni nett, l-istruttura tat-trade mark inkwistjoni kienet tixbah ħafna għal dak li kien komuni għall-familja tat-trade marks “Mc” u t-tielet nett, il-prefissi “mc” u “mac” jokkupaw, fit-trade mark ikkontestata u fil-familja tat-trade marks “Mc”, l-istess pożizzjoni u kellhom l-istess kontenut semantiku.

67      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat li ġustament, fiċ-ċirkustanzi fil-kawża ineżami, il-Bord tal-Appell ikkonstata li t-trade mark ikkontestata kellha karatteristiċi li jistgħu jorbtuha mal-familja tat-trade marks “Mc”, għar-raġunijiet indikati fil-punti 30 u 64 iktar 'il fuq.

68      L-argumenti tar-rikorrenti sabiex tikkontesta l-eżistenza tal-karatteristiċi li jistgħu jorbtu lit-trade mark ikkontestata mal-familja tat-trade marks “Mc” ma kinux konvinċenti.

69      Fir-rigward tal-argument skont liema l-element inizjali tat-trade mark ikkontestata, jiġifieri l-element “mac”, sempliċiment jixbah lill-prefiss komuni tal-familja tat-trade marks “Mc”, jiġifieri l-prefiss “mc”, filwaqt li l-punt 2, paġna 4, tal-Kapitolu 7 tat-taqsima 2 tal-parti C, “Oppożizzjoni” tad-direttivi tal-EUIPO jipprovdi li l-element komuni għat-trade mark ikkontestata u għall-familja tat-trade marks għandu jkun “identiku jew jixxiebah ħafna”, huwa biżżjjed li jiġi osservat li, minn tal-inqas għal parti mill-pubbliku rilevanti li jafu bil-prefissi tal-ismijiet patronimiċi ta’ oriġini gaeliku, l-element inizjali ta’ din it-trade mark, jiġifieri l-element “mac”, huwa pperċepit bħala identiku jew ekwivalenti għall-element inizjali komuni għall-familja tat-trade marks “Mc”, jiġifieri l-element “mc”.

70      Fir-rigward, barra minn hekk, tal-argumenti bbażati fuq il-paragun viżiv tat-trade marks kunfliġġenti, dawn huma irrilevanti sa fejn hija l-identità kunċettwali u, fuq skala iżgħar, l-identità fonetika eżistenti bejn l-elementi inizjali tat-trade mark ikkontestata u tal-familja tat-trade marks “Mc” kif ukoll l-istrutturi identiċi tal-ewwel u tat-tieni li jippermettu li tinħoloq rabta tat-trade mark ikkontestata mal-imsemmija familja tat-trade marks (ara punt 69 iktar 'il fuq). Fi kwalunkwe każ, iċ-ċirkustanza li, fl-użu reali tagħhom, it-trade mark ikkontestata u t-trade marks preċedenti ta’ din il-familja tat-trade marks setgħu jiġu distinti permezz tal-użu ta’ karattri żgħar jew kbar ma għandhiex rilevanza, konformement mal-ġurisprudenza diġà ċċitata fil-punt 24 iktar 'il fuq.

71      Barra minn hekk, l-argument ibbażat fuq l-istruttura differenti tat-trade mark ikkontestata u tat-trade marks preċedenti tal-familja tat-trade marks “Mc”, għalkemm għandhom ċertu rilevanza, ma huwiex ta’ natura li jikkontesta l-fondatezza tal-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell. Fil-fatt, huwa ġustament li, fil-punt 92 tad-deċiżjoni appellata, il-Bord tal-Appell ikkonkluda li l-prodotti li minħabba fihom ġiet irreġistrata t-trade mark ikkontestata, u li kienu jkopru kemm prodotti tal-ikel (inkluż ġelati, muffins, sandwiċis mimlija u sandwiċis iggriljati) kif ukoll xorb, kienu marbuta strettament mas-servizzi li għalihom kienet magħrufa t-trade mark McDONALD’S, jiġifieri s-servizzi ta’ ikel ta’ malajr, f’liema kuntest il-prodotti tal-ikel u x-xorb kienu pprovduti lill-klijenti (ara l-punti 76 u segwenti iktar 'il quddiem). Barra minn hekk, sakemm ir-rikorrenti tindika li hija tuża t-trade mark ikkontestata biss sabiex tbigħ ix-xorb, għandu jiġi osservat li, konformement mal-ġurisprudenza, ma humiex il-prodotti li minħabba fihom hija użata effettivament it-trade mark inkwistjoni fis-suq li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, iżda dawk li minħabba fihom hija ġiet irreġistrata [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ April 2005, Gillette vs EUIPO – Wilkinson Sword (RIGHT GUARD XTREME sport), T‑286/03, mhux ippubblikata, EU:T:2005:126, punt 33].

72      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument skont liema t-trade mark ikkontestata ma għandhiex l-istess struttura bħat-trade mark McDONALD’S, dan huwa ineffettiv. Fil-fatt, dak li huwa imporanti, huwa li t-trade mark ikkontestata tirriproduċi l-karatteristiċi komuni li joħolqu rabta mat-trade marks preċedenti tal-familja “Mc” u li permezz tagħhom huma jiddistingwu ruħhom mit-trade mark McDONALD’S, li hija t-trade mark oriġinali ta’ din il-familja ta’ trade marks.

73      Definittivament, hemm lok jiġi kkonstatat li l-Bord tal-Appell kien fondat, fir-rigward tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 42 iktar 'il fuq, li jqis, fil-punti 99 u 100 tad-deċiżjoni appellata, li l-eżistenza tal-familja tat-trade marks “Mc” kienet f’dan il-każ fattur li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat l-istabbiliment, fl-ispirtu tal-pubbliku rilevanti, ta’ rabta bejn it-trade marks kunfliġġenti.

 Fuq l-eżistenza ta’ ċertu livell ta’ xebh bejn is-servizzi u l-prodotti inkwistjoni

74      Ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell wettaq żball ta’ evalwazzjoni, fid-deċiżjoni appellata, meta kkonstata l-eżistenza ta’ ċertu livell ta’ xebh bejn is-servizzi u l-prodotti inkwistjoni, minħabba fir-rabtiet stretti eżistenti bejniethom. Skontha, is-servizzi u l-prodotti inkwistjoni huma, għat-trade mark McDONALD’S, is-servizzi ta’ ikel ta’ malajr li minħabba fihom it-trade mark imsemmija tgawdi minn reputazzjoni u, għat-trade mark ikkontestata, il-prodotti li minħabba fihom hija ġiet irreġistrata, jiġifieri ċerti prodotti tal-ikel u ċertu xorb u, b’mod partikolari, il-kafè, is-sostituti tal-kafè, il-kafè istantanju, it-taħlitiet istantanji għall-kafè, iż-żrieragħ tal-kafè u l-kafè mitħun, li jaqgħu fil-klassi 30 (iktar 'il quddiem il-“prodotti abbażi tal-kafè”), li huma mibjugħa taħt it-trade mark ikkonċernata. Hija ssostni li jirriżulta mill-prattika deċiżjonali tal-EUIPO li s-servizzi ta’ ikel ta’ malajr, minn naħa, u l-prodotti tal-ikel u x-xorb, min-naħa l-oħra, ma jixxiebhux. Il-fatt li l-konsumaturi tas-servizzi u tal-prodotti inkwistjoni huma l-istess huwa mingħajr rilevanza sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ xebh bejn dawn is-servizzi u dawn il-prodotti, peress li l-pubbliku ġenerali fi ħdan l-Unjoni jixtri kull tip ta’ servizzi u ta’ prodotti, li jistgħu jkunu jixxiebhu ħafna kif ukoll differenti ħafna. Il-prodotti abbażi tal-kafè ma huma ser ikunu jixbhu xejn lis-servizzi ta’ ikel ta’ malajr, peress li huma se jinbiegħu fis-supermarkets u fil-ħwienet tal-merċa u mhux fi stabbilimenti ta’ ikel ta’ malajr u, jekk huma jkunu hekk mibjugħa, il-konsumaturi ma jemmnux li dawn l-istabbilimenti huma responsabbli għall-produzzjoni tagħhom. Il-fatt li l-istabbilimenti ta’ ikel ta’ malajr jużaw prodotti tal-ikel mhux maħduma u jservu prodotti tal-ikel ma jfissirx li s-servizzi ta’ ikel ta’ malajr ikunu jixbhu l-prodotti tal-ikel, kif jirriżulta kemm mill-ġurisprudenza kif ukoll mill-parti C.2, kapitolu 2.B, taqsima 5.3.3, tad-direttivi tal-EUIPO, kif kienu fis-seħħ meta seħħew il-fatti. Skont ir-rikorrenti, il-ġurisprudenza ċċitata mill-EUIPO hija irrilevanti, peress li hija tirrigwarda l-ikel maħdum. Ir-rikorrenti tqis li l-provi tal-intervenjenti fil-fajl tal-proċedura quddiem l-EUIPO ma jippermettux lill-Bord tal-Appell jiddikjara, fil-punt 101 tad-deċiżjoni appellata, li l-prodotti tal-ikel, bħall-ketchup, kienu nbiegħu taħt it-trade mark McDONALD’S fis-supermarkets Ġermaniżi u Taljani.

75      L-EUIPO u l-intervenjenti jirrifjutaw l-argumenti tar-rikorrenti u jsostnu li l-Bord tal-Appell ma wettaqx żball ta’ evalwazzjoni, fid-deċiżjoni appellata, meta kkonstata l-eżistenza ta’ ċertu livell ta’ xebh bejn is-servizzi u l-prodotti inkwistjoni.

76      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li jista’ jiġi invokat insostenn tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, mhux biss meta l-prodotti u s-servizzi koperti mit-trade mark preċedenti tal-Unjoni Ewropea u l-prodotti u s-servizzi li minħabba fihom trade mark tal-Unjoni Ewropea ġiet irreġistrata huma identiċi jew jixxiebhu iżda wkoll meta dawn la huma identiċi u lanqas ma jixxiebhu [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Marzu 2007, Sigla vs EUIPO – Elleni Holding (VIPS), T‑215/03, EU:T:2007:93, punt 33].

77      Konformement mal-ġurisprudenza, il-livell ta’ xebh jew in-nuqqas ta’ xebh tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati huwa biss, f’dan il-kuntest, fattur rilevanti sabiex jiġi evalwat l-istabbiliment, fl-ispirtu tal-pubbliku rilevanti, ta’ rabta bejn it-trade marks inkwistjoni (ara s-sentenza tas-6 ta’ Lulju 2012, ROYAL SHAKESPEARE, T‑60/10, mhux ippubblikata, EU:T:2012:348, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

78      Sabiex jiġi evalwat ix-xebh bejn il-prodotti u s-servizzi kkonċernati, hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi kollha li jikkaratterizzaw ir-relazzjoni bejn dawn il-prodotti u dawn is-servizzi, li jinkludu, b’mod partikolari, in-natura tagħhom, id-destinazzjoni tagħhom, l-użu tagħhom kif ukoll il-karattru ta’ prodotti jew servizzi li jikkompetu jew li jikkomplementaw lil xulxin (sentenza tad-29 ta’ Settembru 1998, Canon, C‑39/97, EU:C:1998:442, punt 23).

79      Kif ġie osservat fil-punt 71 iktar 'il fuq, is-servizzi u l-prodotti li għandhom jiġu pparagunati f’dan il-każ huma, minn naħa, is-servizzi li minħabba fihom it-trade mark McDONALD’S għandha reputazzjoni, jiġifieri s-servizzi ta’ ikel ta’ malajr, fil-kuntest ta’ liema l-prodotti tal-ikel u tax-xorb huma pprovduti lill-klijenti u, min-naħa l-oħra, il-prodotti li minħabba fihom it-trade mark ikkontestata hija rreġistrata, li jkopru ċerti prodotti tal-ikel u ċertu xorb. Għar-raġunijiet esposti fil-punt 71 iktar 'il fuq, ir-rikorrenti ma tistax tallega li l-imsemmi paragun għandu prinċipalment jirrigwarda, fir-rigward tat-trade mark ikkontestata, ix-xorb, sa fejn, fil-prattika, hija tuża l-imsemmija trade mark l-iktar sabiex tbigħ ix-xorb.

80      Ċertament, ma huwiex ikkontestat il-fatt li l-prodotti tal-ikel u tax-xorb, minn naħa, u tas-servizzi tal-ikel ta’ malajr, min-naħa l-oħra, ma għandhomx l-istess natura, l-istess destinazzjoni jew l-istess użu [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2014, Comptoir d’Épicure vs EUIPO – A-Rosa Akademie (da rosa), T‑405/13, mhux ippubblikata, EU:T:2014:1072, punt 96]. Madankollu, jirriżulta mill-ġurisprudenza li l-prodotti fis-sens wiesa’, li jinkludu x-xorb, minn naħa, u s-servizz ta’ ikel ta’ malajr, min-naħa l-oħra, jippreżentaw, minkejja d-differenzi tagħhom, ċertu livell ta’ xebh, hekk li, l-ewwel nett, il-prodotti tal-ikel ikkonċernati huma użati u proposti fil-kuntest tas-servizzi ta’ ikel ta’ malajr, hekk li teżisti komplementarità bejn dawn il-prodotti u dawn is-servizzi, it-tieni nett, is-servizzi ta’ ikel ta’ malajr jistgħu jiġu proposti fl-istess postijiet bħal dawk fejn huma mibjugħa l-prodotti tal-ikel u, it-tielet nett, il-prodotti tal-ikel ikkonċernati jistgħu jkunu ġejjin mill-istess impriża jew minn impriżi marbuta ekonomikament, li jbigħu prodotti tal-ikel ippakkjat, jew restoranti li jbigħu ikel take-away [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2014, da rosa, T‑405/13, mhux ippubblikat, EU:T:2014:1072, punti 97 u 98 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-4 ta’ Ġunju 2015, Yoo Holdings vs EUIPO – Eckes-Granini Group (YOO), T‑562/14, mhux ippubblikat, EU:T:2015:363, punti 25 sa 28].

81      Il-fatt li d-direttivi tal-EUIPO, iċċitati mir-rikorrenti, ma jirriflettux eżattament, f’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 80 iktar 'il fuq huwa mingħajr rilevanza, peress li dawn id-direttivi ma jikkostitwixxux atti legalment vinkolanti għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2012, Leno Merken, C‑149/11, EU:C:2012:816, punt 48).

82      Fil-każ ineżami, qabel kollox, hemm lok jiġi osservat li l-prodotti tal-ikel fis-sens wiesa’, koperti mit-trade mark ikkontestata, jistgħu jiġu użati u proposti fil-kuntest ta’ servizzi ta’ ikel ta’ malajr ipprovduti mill-intervenjenti. Ċerti prodotti tal-ikel koperti mit-trade mark ikkontestata, bħall-ġelati, il-muffins, is-sandwiċis mimlija u s-sandwiċis iggriljati, barra minn hekk ma humiex sempliċi ingredjenti li jservu bħala bażi għal pjatti servuti fi stabbilimenti ta’ ikel ta’ malajr, iżda jikkorrispondu għall-prodotti proposti, bħala tali, għal menù ta’ dawn l-istabbilimenti. Għalhekk, kif dan huwa osservat ġustament mill-Bord tal-Appell fil-punt 95 tad-deċiżjoni appellata, il-prodotti tal-ikel u s-servizzi ta’ ikel ta’ malajr inkwistjoni jkopru l-istess konsumaturi. Għalhekk teżisti komplementarità bejn dawn il-prodotti u dawn is-servizzi.

83      Sussegwentement, fir-rigward tal-prodotti tal-ikel koperti mit-trade mark ikkontestata u li jikkorrispondu għall-prodotti użati jew proposti, bħala tali, fil-menù tal-istabbilimenti ta’ ikel ta’ malajr, għandu jiġi enfasizzat li dawn jistgħu jiġu kkonsmati fuq il-post, fl-istabbilimenti stess fejn is-servizzi ta’ ikel ta’ malajr tal-intervenjenti qed jiġu proposti.

84      Fl-aħħar nett, kif tosserva l-intervenjenti, is-servizzi ta’ ikel ta’ malajr, bħal dawk li hija tipprovdi, huma wkoll taħt forma ta’ bejgħ take-away. Issa, f’każ bħal dan, il-konsumatur normalment jistabbilixxi rabta bejn it-trade mark fuq il-pakketti tal-prodotti take-away u l-oriġini kummerċjali ta’ dawn il-prodotti.

85      Fid-dawl tal-osservazzjonijiet li jissemmew fil-punti 82 sa 84 iktar 'il fuq, hemm lok jiġi kkonstatat li l-evalwazzjonijiet tal-Bord tal-Appell li jissemmew fil-punti 92, 95, 96 u 101 tad-deċiżjoni appellata, skont liema jeżisti ċertu livell ta’ xebh bejn is-servizzi u l-prodotti inkwistjoni, minħabba fir-rabtiet stretti eżistenti bejniethom, huma fondati.

86      Peress li dawn il-motivi huma biżżejjed sabiex jiġġustifikaw id-deċiżjoni appellata, ma hemmx lok li jiġu eżaminati l-ilmenti tar-rikorrenti diretti kontra l-motiv sussidjarju, li jissemma fit-tieni sentenza tal-punt 102 tad-deċiżjoni appellata, ibbażat fuq il-fatt li ċerti prodotti tal-intervenjenti (ketchup) huma mibjugħa fis-supermarkets fil-Ġermanja u fl-Italja. Il-Bord tal-Appell għalhekk ġustament ikkonkluda, b’mod partikolari fil-punt 102 tad-deċiżjoni appellata, li l-pubbliku rilevanti seta’ jistabbilixxi mentalment rabta bejn it-trade marks kunfliġġenti.

 Fuq il-probabbiltà li jittieħed vantaġġ indebitu miksub mir-reputazzjoni tat-trade mark McDONALD’S permezz tal-użu mingħajr raġuni valida tat-trade mark ikkontestata

87      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-istabbiliment, fl-ispirtu tal-pubbliku rilevanti, ta’ rabta bejn it-trade marks inkwistjoni jikkostitwixxi kundizzjoni neċessarja, iżda, fiha nfisha, mhux suffiċjenti, sabiex jiġi konkluż li teżisti xi ħsara li kontra tagħha l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 jiżgura protezzjoni favur trade marks ta’ reputazzjoni [ara s-sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2010, Nute Partecipazioni u La Perla vs EUIPO – Worldgem Brands (NIMEI LA PERLA MODERN CLASSIC), T‑59/08, EU:T:2010:500, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata].

88      Fil-fatt, sabiex jibbenefika mill-protezzjoni stabbilita mill-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, il-proprjetarju tat-trade mark preċedenti tal-Unjoni Ewropea jrid iġib il-prova li l-użu mingħajr raġuni valida tat-trade mark, li hija s-suġġett ta’ talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, jieħu vantaġġ indebitu miksub mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti tal-Unjoni Ewropea jew li jagħmlilha ħsara (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2010, NIMEI LA PERLA MODERN CLASSIC, T‑59/08, EU:T:2010:500, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

89      Wieħed minn dawn it-tliet tipi ta’ ħsara huwa suffiċjenti sabiex ikun applikabbli l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2010, NIMEI LA PERLA MODERN CLASSIC, T‑59/08, EU:T:2010:500, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata), peress li ġie osservat li kemm id-Diviżjoni ta’ Kanċellament kif ukoll il-Bord tal-Appell, fid-deċiżjoni appellata, illimitaw lilhom infushom sabiex ikkonstataw l-eżistenza ta’ ħsara kkostitwita minn vantaġġ indebitu miksub mir-reputazzjoni tat-trade mark McDONALD’S.

90      Ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell wettaq żball ta’ evalwazzjoni, fid-deċiżjoni appellata, meta kkonstata li r-rikorrenti setgħet tieħu vantaġġ indebitu mir-reputazzjoni tat-trade mark McDONALD’S permezz ta’ użu mingħajr raġuni valida tat-trade mark ikkontesta. Hija tosserva li d-deċiżjoni appellata hija bbażata fuq il-kostatazzjoni żbaljata tar-reputazzjoni miksuba mill-prefiss “mc” tat-trade mark McDONALD’S, flimkien mal-isem ta’ element mill-menù jew ta’ prodott tal-ikel. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ikun żbaljat li jiġi allegat li t-trade mark ikkontestata, flimkien mal-prefiss “mac” mat-terminu “coffee”, tkun ipperċepita mill-pubbliku rilevanti bħala li tirripproduċi l-istruttura tat-trade mark McDONALD’S. Skont ir-rikorrenti, il-Bord tal-Appell wettaq żball, fil-punt 99 tad-deċiżjoni appellata, meta kkonstata li, sa fejn hija kienet waħħlet it-trade mark ikkontestata biss fuq il-kafè u fuq il-pakketti tal-kafè, ma kienx dubjuż li hija kienet qed tipprova tirriproduċi, identikament, l-istruttura komuni tal-familja tat-trade marks “Mc”. F’dan ir-rigward, hija tosserva li, f’din il-proċedura, l-EUIPO u l-intervenjenti barra minn hekk ma jallegawx li hija għażlet it-trade mark ikkontestata in mala fide. Barra minn hekk, l-intervenjenti ma bdiet l-ebda azzjoni għal falsifikazzjoni fir-rigward tagħha. Ir-rikorrenti ssostni li prova li hija inserit fil-fajl tal-proċedura quddiem l-EUIPO turi li t-trade mark ikkontestata ġiet magħżula in bona fide u li l-użu tagħha sabiex jinbiegħ il-kafè huwa spjegat mill-fatt li l-element “coffee” jirreferi għal dan il-prodott.

91      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tikkritika lill-Bord tal-Appell li ma ħax inkunsiderazzjoni r-realtà tas-suq filwaqt li, meta t-trade marks ikkonċernati huma effettivament użati f’dan tal-aħħar, il-proprjetarju tat-trade mark preċedenti tal-Unjoni għandu jipprovdi l-prova li l-proprjetarju tat-trade mark li għaliha saret talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità jikseb effettivament vantaġġ indebitu mir-reputazzjoni tat-trade mark tiegħu. Il-Bord tal-Appell allegatament ma tax każ tal-fatt li, fil-Bulgarija, fl-Estonja, f’Ċipru, fil-Latvja, fl-Ungerija u fil-Polonja, minn tal-inqas mill-1994, it-trade marks kunfliġġenti kienu kkoeżistew b’mod paċifiku, u dan anki meta, bħal fil-Polonja, l-użu tat-trade mark ikkontestata kien intensiv. Skont ir-rikorrenti, hemm lok li jiġi preżunt li r-realtà tas-suq hija l-istess fl-Unjoni kollha. Min-naħa l-oħra, il-fatt li l-proprjetarju tat-trade marks preċedenti kien beda jieħu azzjonijiet kontra l-proprjetarju li għaliha saret talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ma huwiex element li jippermetti li tiġi kkonstatata, fl-ispirtu tal-pubbliku rilevanti, l-eżistenza ta’ konfużjoni, l-istabbiliment ta’ rabta jew it-trasferiment ta’ immaġni bejn l-imsemmija trade marks. Ir-rikorrenti ssostni li l-użu intensiv, għal tul ta’ żmien, in bona fide u paċifiku, f’rabta mat-trade mark McDONALD’S, magħrufa għas-servizzi ta’ ikel ta’ malajr, tat-trade mark ikkontestata li tkopri prodotti abbażi tal-kafè jikkostitwixxi raġuni valida għall-użu ta’ din l-aħħar trade mark, fis-sens tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009.

92      L-EUIPO u l-intervenjenti jirrifjutaw l-argumenti tar-rikorrenti u jsostnu li l-Bord tal-Appell ma wettaqx żball ta’ evalwazzjoni, fid-deċiżjoni appellata, meta kkonkluda li l-użu mingħajr raġuni valida tat-trade mark ikkontestata mir-rikorrenti kien jikseb vantaġġ indebitu mir-reputazzjoni tat-trade mark McDONALD’S.

93      F’dan ir-rigward, huwa importanti jitfakkar li l-eżistenza tal-ħsara kkostitwita mill-vantaġġ indebitu miksub mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti, fejn dak li huwa pprojbit huwa l-vantaġġ miksub minn din it-trade mark mill-proprjetarju tat-trade mark sussegwenti, għandha tiġi evalwata billi ssir riferenza għall-konsumatur medju tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom it-trade mark sussegwenti hija rreġistrata, li jkun normalment infurmat u raġonevolment attent u prudenti (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-27 ta’ Novembru 2008, Intel Corporation, C‑252/07, EU:C:2008:655, punti 35 u 36).

94      L-eżistenza ta’ “vantaġġ miksub indebitament […] mir-reputazzjoni [ta’] trade mark preċedenti [tal-Unjoni Ewropea]”, fis-sens tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, ma tippreżumi la l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni u lanqas ta’ probabbiltà ta’ ħsara lir-reputazzjoni ta’ din it-trade mark jew, iktar ġenerali, lill-proprjetarju tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2009, L’Oréal et, C‑487/07, EU:C:2009:378, punt 50). Hija tirriżulta mill-użu minn terzi ta’ trade mark li tixbah lit-trade mark preċedenti tal-Unjoni Ewropea meta, permezz ta’ dan l-użu, huma jippruvaw japprofittaw minn fuq dahar tali trade mark sabiex jibbenefikaw mis-setgħa ta’ attrazzjoni tagħha, mir-reputazzjoni tagħha u mill-prestiġju tagħha u biex jużaw, mingħajr ebda kumpens finanzjarju, l-isforz kummerċjali li wettaq il-proprjetarju tat-trade mark preċedenti tal-Unjoni Ewropea sabiex joħloq u jżomm l-immaġni ta’ din it-trade mark (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Ġunju 2009, L’Oréal et, C‑487/07, EU:C:2009:378, punt 50, u tas-7 ta’ Diċembru 2010, NIMEI LA PERLA MODERN CLASSIC, T‑59/08, EU:T:2010:500, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

95      Sabiex jiġi ddeterminat jekk l-użu ta’ trade mark li għaliha saret talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità jiksibx vantaġġ indebitu mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti tal-Unjoni Ewropea, għandha ssir evalwazzjoni globali li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni, li fosthom hemm, b’mod partikolari, l-intensità tar-reputazzjoni u l-livell tal-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti tal-Unjoni Ewropea, il-livell ta’ xebh bejn it-trade marks kunfliġġenti kif ukoll in-natura u l-livell ta’ rabta tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati. Fir-rigward tal-intensità tar-reputazzjoni u tal-livell ta’ karattru distintiv tat-trade mark preċedenti tal-Unjoni Ewropea, iktar ma jkunu kunsiderevoli l-karattru distintiv u r-reputazzjoni ta’ din it-trade mark, iktar ikun faċli li tiġi ammessa l-eżistenza ta’ ħsara. Barra minn hekk, iktar ma l-evokazzjoni tat-trade mark preċedenti tal-Unjoni Ewropea mit-trade mark li għaliha saret talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità hija immedjata u qawwija, iktar ikun kunsiderevoli r-riskju li l-użu attwali jew futur ta’ sinjal jikseb vantaġġ indebitu mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti tal-Unjoni Ewropea (ara s-sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2010, NIMEI LA PERLA MODERN CLASSIC, T‑59/08, EU:T:2010:500, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

96      Il-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti tal-Unjoni Ewropea ma huwiex obbligat juri l-eżistenza ta’ ħsara effettiva u attwali fil-konfront tat-trade mark tiegħu fis-sens tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009. Fil-fatt, meta jista’ jiġi dedott li tali preġudizzju ser jirriżulta mill-użu li l-proprjetarju tat-trade mark li għaliha saret talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità jista’ jagħmel mit-trade mark tiegħu, il-proprjetarju tat-trade mark preċedenti tal-Unjoni Ewropea ma huwiex obbligat jistenna li effettivament iseħħ sabiex ikun jista’ jipprojbixxi l-imsemmi użu. Il-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti tal-Unjoni Ewropea għandu madankollu jistabbilixxi l-eżistenza ta’ elementi li jippermettu li jiġi deċiż li hemm probabbiltà serja li tali preġudizzju jista’ jseħħ fil-futur (ara s-sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2010, NIMEI LA PERLA MODERN CLASSIC, T‑59/08, EU:T:2010:500, punti 33 u 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

97      Meta l-proprjetarju tat-trade mark preċedenti tal-Unjoni Ewropea jasal li jipproduċi prova dwar l-eżistenza jew ta’ preġudizzju effettiv u attwali lit-trade mark tiegħu jew, fin-nuqqas ta’ dan, ta’ probabbiltà serja li tali preġudizzju jista’ jseħħ fil-futur, huwa l-proprjetarju tat-trade mark li għaliha saret talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità li għandu jistabbilixxi li l-użu ta’ din it-trade mark għandu raġuni valida (ara s-sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2010, NIMEI LA PERLA MODERN CLASSIC, T‑59/08, EU:T:2010:500, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

98      Huwa fid-dawl tar-regoli esposti fil-punti 93 sa 97 iktar 'il fuq li għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tal-partijiet diretti kontra r-raġunijiet li ppermettew lill-Bord tal-Appell, fid-deċiżjoni appellata, tapprova l-evalwazzjonijiet tad-Diviżjoni ta’ Kanċellazzjoni skont liema l-użu mingħajr raġuni valida tat-trade mark ikkontestata jikseb vantaġġ indebitu mir-reputazzjoni tat-trade mark McDONALD’S.

99      F’dan il-każ, il-Bord tal-Appell iddeċieda li, fil-punt 90 tad-deċiżjoni appellata, il-pubbliku rilevanti kien dak rilevanti għall-prodotti koperti mit-trade mark ikkontestata, jiġifieri l-pubbliku inġenerali fi ħdan l-Unjoni, li juri livell ta’ attenzjoni medju. Barra minn hekk, huwa ddeċieda li, fil-punt 108 tad-deċiżjoni appellata, kien ġie stabbilit suffiċjentement li l-użu mingħajr raġuni valida tat-trade mark ikkontestata kien jikseb vantaġġ indebitu mir-reputazzjoni tat-trade mark McDONALD’S. Kif jirriżulta mill-punti 102 sa 108 ta’ din l-istess deċiżjoni, huwa, fil-fatt, qies li kien probabbli ħafna li t-trade mark ikkontestata kienet tapprofitta minn fuq dahar it-trade mark McDONALD’s, sabiex tibbenefika mis-setgħa ta’ attrazzjoni tagħha, mir-reputazzjoni tagħha u mill-prestiġju tagħha u biex tuża, mingħajr ebda kumpens finanzjarju, l-isforz kummerċjali li wettqet l-intervenjenti sabiex toħloq u żżomm l-immaġni tat-trade mark McDONALD’S. Skont il-Bord tal-Appell, il-fatturi kollha ta’ dan il-każ kienu jippermettu, fil-fatt, li jiġi konkluż li l-pubbliku rilevanti, jew parti sostanzjali minnu, seta’ jistabbilixxi mentalment rabta bejn it-trade marks kunfliġġenti, sa fejn, meta jara t-trade mark ikkontestata mwaħħla fuq prodotti strettament marbuta ma’ dawk tal-intervenjenti, huwa seta’ jiġi attirat mill-fatt li din it-trade mark kellha prattikament l-istess prefiss u kienet tirripproduċi l-istess struttura bħat-trade mark McDONALD’S u jassoċja l-imsemmija trade mark mal-familja tat-trade marks “Mc”, fejn it-trade mark McDONALD’S kienet it-trade mark oriġinali.

100    Għalhekk, il-Bord tal-Appell iddeċieda li l-użu tat-trade mark ikkontestata seta’ jimplika trasferiment tal-immaġni tat-trade mark McDONALD’S, jew tal-karatteristiċi li din tal-aħħar tirrifletti, fuq il-prodotti koperti mit-trade mark ikkontestata. Il-fatturi rilevanti għall-evalwazzjoni tagħha kienu, kif indikat fil-punti 99 sa 101 tad-deċiżjoni appellata, l-ewwel nett, ir-reputazzjoni kunsiderevoli tat-trade mark McDONALD’S, it-tieni nett, il-karattru distintiv proprju miksub mill-prefiss “mc”, flimkien mal-isem ta’ element mill-menù jew ta’ prodott tal-ikel, għas-servizzi ta’ ikel ta’ malajr u għall-prodotti li jidhru fil-menù tal-istabbilimenti ta’ ikel ta’ malajr, it-tielet nett, il-fatt li t-trade mark ikkontestata kienet tirriproduċi l-istess struttura bħall-familja tat-trade marks “Mc” u r-raba’ nett, il-fatt li s-servizzi u l-prodotti inkwistjoni kienu jippreżentaw ċertu livell ta’ xebh, minħabba fir-rabtiet stretti li jeżistu bejniethom.

101    Kif josserva ġustament l-EUIPO, ir-rikorrenti ma tikkontestax l-evalwazzjoni tal-pubbliku rilevanti magħmula mill-Bord tal-Appell. Barra minn hekk, tali definizzjoni ma kinitx ivvizzjata bi żball u għandha tiġi approvata. Fil-fatt, il-prodotti msemmija mit-trade mark ikkontestata huma intiżi għall-pubbliku inġenerali fi ħdan l-Unjoni, li juri livell ta’ attenzjoni medju. Barra minn hekk, it-trade mark McDONALD’S ġiet irreġistrata fis-16 ta’ Lulju 1999, bi dritt ta’ preċedenza fl-1 ta’ April 1996, u kellha, fl-Unjoni, reputazzjoni kunsiderevoli għas-servizzi ta’ ikel ta’ malajr, fatt li barra minn hekk ma huwiex ikkontestat mir-rikorrenti (ara punt 16 iktar 'il fuq).

102    Fir-rigward tal-ilment tar-rikorrenti skont liema l-Bord tal-Appell ma setax, fid-deċiżjoni appellata, jikkonstata r-reputazzjoni miksuba mill-prefiss “mc”, flimkien mal-isem ta’ element mill-menù jew ta’ prodott tal-ikel, għas-servizzi ta’ ikel ta’ malajr u għall-prodotti li jidhru fil-menù tal-istabbilimenti ta’ ikel ta’ malajr, hemm lok jiġi osservat li dan l-ilment ġie miċħud fil-punt 63 iktar 'il fuq. Il-Bord tal-Appell kellu raġun li jikkonkludi li r-reputazzjoni kunsiderevoli li kienet tgawdi minnha t-trade mark McDONALD’S kienet tkopri l-elementi karatteristiċi tal-familja tat-trade marks “Mc”, mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġi vverifikat, kif issostni r-rikorrenti, jekk kull waħda mit-trade marks li tagħmel parti mill-imsemmija familja kinitx trade mark b’reputazzjoni.

103    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti skont liema hija ma kellhiex l-intenzjoni li tirripproduċi l-istruttura komuni għall-familja tat-trade marks “Mc” fid-deċiżjoni kkontestata, ġie osservat, fil-punt 67 iktar 'il fuq, li l-Bord tal-Appell kien qies ġustament, fil-punti 61 u 99 tad-deċiżjoni appellata, li t-trade mark ikkontestata kienet tirripproduċi l-istruttura tal-familja tat-trade marks “Mc”. Għalkemm, ċertament, għar-raġunijiet esposti fil-punt 79 iktar 'il fuq, il-Bord tal-Appell ma kellux raġuni, fil-punt 99 tad-deċiżjoni appellata, li jislet l-argument li r-rikorrenti ma kinitx tbigħ, fil-prattika, biss kafè taħt it-trade mark ikkontestata, u lanqas li minn dan jiddeduċi li t-trade mark ikkontestata kienet intiża li tirripproduċi l-istruttura tal-familja tat-trade marks “Mc”, xorta jibqa’ l-fatt li tali żball ma għandux konsegwenzi fuq il-legalità tad-deċiżjoni appellata. Fil-fatt, ir-raġunijiet inkwistjoni huma superfluwi fl-imsemmija deċiżjoni u ma jbiddlux l-konklużjoni, bbażata fuq l-punt 61 ta’ din id-deċiżjoni, skont liema t-trade mark ikkontestata tirripproduċi l-istruttura komuni għall-familja tat-trade marks “Mc”. Għalhekk ġustament, fil-punt 99 tad-deċiżjoni appellata, il-Bord tal-Appell qies li l-eżistenza ta’ familja ta’ trade marks “Mc” kienet fattur deċiżiv li ried jittieħed inkunsiderazzjoni għall-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ vantaġġ indebitu.

104    Fir-rigward tal-ilment tar-rikorrenti bbażat fuq l-assenza ta’ rabta stretta bejn is-servizzi u l-prodotti inkwistjoni, hemm lok jitfakkar, kif diġà ġie osservat fil-punt 83 iktar 'il fuq, li, fil-punti 92, 95, 96 u 101 tad-deċiżjoni appellata, il-Bord tal-Appell ġustament iddeċieda li kien jeżisti ċertu livell ta’ xebh bejn is-servizzi u l-prodotti inkwistjoni, minħabba fir-rabtiet stretti li kienu jeżistu bejniethom.

105    Konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 95 iktar 'il fuq u fid-dawl tal-konklużjonijiet misluta, fil-punt 73 iktar 'il fuq, fir-rigward tar-rilevanza tal-fattur ibbażat fuq l-eżistenza ta’ familja ta’ trade marks “Mc”, il-fatturi kollha msemmija mill-Bord tal-Appell kienu rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni globali tal-eżistenza ta’ vantaġġ indebitu miksub mir-reputazzjoni tat-trade mark McDONALD’S permezz tal-użu tat-trade mark ikkontestata.

106    Fil-kuntest ta’ evalwazzjoni globali ta’ dawn il-fatturi, il-Bord tal-Appell, kif diġà ġie osservat fil-punt 99 iktar 'il fuq, ikkonstata li kien probabbli ħafna li t-trade mark ikkontestata kienet użata biex tapprofitta minn fuq dahar it-trade mark McDONALD’S, minħabba fit-trasferiment tal-immaġni tat-tieni trade mark jew tal-karatteristiċi pprojettati minnha fuq il-prodotti koperti mill-ewwel waħda, li l-pubbliku rilevanti seta’ jagħmel użu minnha.

107    Fir-rigward tal-ilment tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li l-Bord tal-Appell ma kienx allegatament ħa inkunsiderazzjoni r-realtà tas-suq meta fformula l-imsemmija evalwazzjoni, hemm lok jiġi osservat li l-Bord tal-Appell kellu biss jivverifika, konformement mal-ġurisprudenza diġà ċċitata fil-punt 96 iktar 'il fuq, jekk il-proprjetarju tat-trade mark preċedenti tal-Unjoni Ewropea kienx ġab provi li jippermettulu li tiġi konkluża prima facie probabbiltà futura mhux ipotetika ta’ vantaġġ indebitu. Tali konklużjoni setgħet tiġi stabbilita abbażi ta’ deduzzjonijiet loġiċi li jirriżultaw minn analiżi tal-probabbiltajiet u billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-prattiki abitwali fis-settur kummerċjali rilevanti kif ukoll iċ-ċirkustanzi l-oħra tal-każ inkwistjoni (is-sentenza tal-10 ta’ Mejju 2012, Rubinstein u L’Oréal vs EUIPO, C‑100/11 P, EU:C:2012:285, punt 95).

108    Issa, kif jirriżulta mill-punt 99 iktar 'il fuq, huwa fi tmiem ta’ analiżi globali tal-fatturi rilevanti fil-każ ineżami li l-Bord tal-Appell iddeċieda dwar l-eżistenza ta’ probabbiltà serja li l-pubbliku rilevanti seta’ jassoċja t-trade mark ikkontestata mal-familja tat-trade marks “Mc” u jistabbilixxi mentalment rabta bejn it-trade marks kunfliġġenti, hekk li kien hemm probabbiltà serja li l-użu tat-trade mark ikkontestata jikseb vantaġġ indebitu mit-trade mark McDONALD’S.

109    Sa fejn ir-rikorrenti tikkritika, b’mod partikolari, lill-Bord tal-Appell li ma ħax inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanza li t-trade marks kunfliġġenti kienu kkoeżistew paċifikament fil-Bulgarija, fl-Estonja, f’Ċipru, fil-Latvja, fl-Ungerija u fil-Polonja, minn tal-inqas mill-1994, l-argumenti tagħha għandhom jiġu miċħuda. Fil-fatt, it-trade marks kunfliġġenti ma jistgħux jitqiesu bħala li huma jew kienu s-suġġett ta’ koeżistenza paċifika, peress li, preċiżament, l-intervenjenti ressqet talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark ikkontestata, billi invokat it-trade mark McDONALD’S. Barra minn hekk, peress li din it-talba tressqet inqas minn seba’ xhur wara r-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata, l-ebda limitazzjoni bħala konsegwenza ta’ kunsens, fis-sens tal-Artikolu 54(1) tar-Regolament Nru 207/2009, ma setgħet tapplika f’dan il-każ. Sakemm, fil-kuntest ta’ dan l-ilment, ir-rikorrenti tistrieħ, fil-prattika, fuq il-koeżistenza paċifika tat-trade mark McDONALD’S, mhux tat-trade mark ikkontestata, iżda ma’ ċerti trade marks nazzjonali tagħha, identiċi għat-trade mark ikkontestata, irreġistrati fil-Bulgarija, fl-Estonja, f’Ċipru, fil-Latvja, fl-Ungerija u fil-Polonja, minn tal-inqas mill-1994, għandu jiġi osservat li, kif tosserva ġustament l-intervenjenti, li, anki jekk jiġi preżunt li l-imsemmija trade marks kienu kkoeżistew paċifikament mid-dħul rispettiv tal-Istati Membri kkonċernati fl-Unjoni, dan ma jfissirx li l-imsemmija koeżistenza kienet ġenerali u li kienet tirrigwarda t-trade marks nazzjonali kollha, identiċi għat-trade mark ikkontestata, irreġistrati mir-rikorrenti fi ħdan l-Unjoni. F’dan il-każ, is-sentenzi nazzjonali msemmija mill-intervenjenti fil-fajl tal-proċedura quddiem l-EUIPO juru, għal kuntrarju, li l-koeżistenza tat-trade mark McDONALD’S u tat-trade mark nazzjonali tar-rikorrenti, identiċi għat-trade mark ikkontestata, ma kinitx “paċifika” fil-Ġermanja, fi Spanja, fl-Iżvezja u fir-Renju Unit, peress li t-trade marks nazzjonali tar-rikorrenti kienu s-suġġett ta’ bosta kunflitti quddiem il-qrati ta’ dawn l-Istati Membri [ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tat-3 ta’ Settembru 2009, Aceites del Sur-Coosur vs Koipe, C‑498/07 P, EU:C:2009:503, punt 83, u tat-8 ta’ Diċembru 2005, Castellblanch vs EUIPO – Champagne Roederer (CRISTAL CASTELLBLANCH), T‑29/04, EU:T:2005:438, punt 74].

110    Fi kwalunkwe każ, kif tosserva ġustament l-intervenjenti, l-assenza ta’ probabbiltà serja li l-pubbliku rilevanti fl-Istati Membri inkwistjoni jista’ jassoċja ċerti trade marks nazzjonali oħra tar-rikorrenti, identiċi għat-trade mark ikkontestata, mal-familja tat-trade marks “Mc” u jistabbilixxi mentalment rabta bejn l-imsemmija trade marks nazzjonali u t-trade mark McDONALD’S ma tistax tiġi dedotta biss mill-unika ċirkustanza li l-intervenjenti ma opponietx r-reġistrazzjoni jew ma talbitx għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tal-imsemmija trade marks nazzjonali [ara, f’dan is-sens u b’analoġija, fir-rigward tal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni, is-sentenza tal-11 ta’ Mejju 2005, Grupo Sada vs EUIPO – Sadia (GRUPO SADA), T‑31/03, EU:T:2005:169, punti 85 u 86], u dan anki fl-ipoteżi fejn l-użu ta’ dawn it-trade marks kien ikun kunsiderevoli, kif kien ikun il-każ, skont ir-rikorrenti, fil-Polonja.

111    Fil-fatt, din l-assenza ta’ kontestazzjoni jista’ jkollha diversi raġunijiet, li ma humiex neċessarjament marbuta mal-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti, fl-Istati Membri inkwistjoni, ikollu oġġettivament tat-trade marks ikkonċernati. Issa, f’dan il-każ, ir-rikorrenti ma pprovdiet l-ebda prova li tippermetti li jiġi eskluż, fi kwalunkwe każ, li l-pubbliku inġenerali Bulgaru, Estonjan, Ċiprijott, Latvjan, Ungeriż jew Pollakk jista’ jassoċja t-trade marks nazzjonali tar-rikorrenti, identiċi għat-trade mark ikkontestata, mal-familja tat-trade marks “Mc” u jistabbilixxi mentalment rabta bejn l-imsemmija trade marks nazzjonali u t-trade mark McDONALD’S (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas-26 ta’ Settembru 2012, CITIGATE, T‑301/09, mhux ippubblikata, EU:T:2012:473, punt 128 u l-ġurisprudenza ċċitata).

112    Fadal jiġi eżaminat l-ilment li r-rikorrenti indirizzat, essenzjalment, lill-Bord tal-Appell talli ma kkonstatax, fil-punti 114 sa 116 tad-deċiżjoni appellata, li hija kellha raġuni valida għall-użu tat-trade mark ikkontestata.

113    Mill-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 jirriżulta li l-proprjetarju tat-trade mark li għandha reputazzjoni jista’ jkollu, minħabba “raġuni valida” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jittollera l-użu minn terz ta’ sinjal simili għal din it-trade mark għal prodott identiku għal dak li għalih din it-trade mark ġiet irreġistrata, meta jirriżulta li dan is-sinjal intuża qabel il-preżentazzjoni tat-trade mark li għandha reputazzjoni u li l-użu li sar għall-prodott identiku sar in bona fide (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas-6 ta’ Frar 2014, Leidseplein Beheer u de Vries, C‑65/12, EU:C:2014:49, punt 60).

114    Fil-każ ineżami, sakemm is-sinjal li fuqu tibbaża r-rikorrenti fil-kuntest ta’ dan l-ilment jikkorrispondi għat-trade mark ikkontestata, hemm lok jiġi osservat li l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 113 iktar 'il fuq ma tapplikax, u dan għal raġuni doppja. Minn naħa, kif ġustament tosserva l-intervenjenti, it-trade mark ikkontestata ma ġietx użata qabel it-trade mark McDONALD’S, peress li din tal-aħħar ġiet irreġistrata qabel it-trade mark ikkontestata. Min-naħa l-oħra, kif diġà ġie osservat fil-punt 109 iktar 'il fuq, ma jistax jiġi kkonstatat li t-trade marks kunfliġġenti kienu jikkoeżistu paċifikament, peress li, preċiżament, l-intervenjenti ddefendiet id-drittijiet tagħha fuq it-trade mark McDONALD’S billi ressqet talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark ikkontestata, u dan fit-terminu meħtieġ.

115    Sakemm is-sinjali li fuqhom tibbaża lilha nnifisha r-rikorrenti fil-kuntest ta’ dan l-ilment jikkorrispondu għat-trade marks nazzjonali, identiċi għat-trade mark ikkontestata, li hija rreġistrat fil-Bulgarija, fl-Estonja, f’Ċipru, fil-Latvja, fl-Ungerija u fil-Polonja, minn tal-inqas mill-1994, għandu jiġi speċifikat li, anki jekk jitqies li l-imsemmija trade marks kienu kkoeżistew paċifikament mat-trade mark McDONALD’S fis-swieq nazzjonali kkonċernati, dan ma jfissirx, kif ġie osservat fil-punt 109 iktar 'il fuq, li l-intervenjenti tittollera jew għandha tittollera l-użu tat-trade mark ikkontestata fuq it-territorju kollu tal-Unjoni.

116    Il-Bord tal-Appell għalhekk ikkonstata ġustament, fil-punti 114 sa 116 tad-deċiżjoni appellata, li r-rikorrenti ma kellhiex raġuni valida għall-użu tat-trade mark ikkontestata.

117    Peress li l-ebda waħda mill-ilmenti mqajma mir-rikorrenti ma ntlaqet, hemm lok li dan ir-rikors jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

118    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

119    Peress li r-rikorrenti tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-EUIPO u mill-intervjenjenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Future Enterprises Pte Ltd hija kkundannata għall-ispejjeż.

Kanninen

Pelikánová

Buttigieg

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-5 ta’ Lulju 2016.

Firem

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

It-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Rimarki preliminari fuq il-kuntest legali u l-għan tal-kawża

Fuq l-eżistenza ta’ ċertu grad ta’ xebh bejn it-trade marks kunfliġġenti

Fuq l-istabbiliment, fl-ispirtu tal-pubbliku rilevanti, ta’ rabta bejn it-trade marks kunfliġġenti

Fuq l-eżistenza tal-familja tat-trade marks “Mc” bħala fattur rilevanti għall-evalwazzjoni tal-istabbiliment, fl-ispirtu tal-pubbliku rilevanti, ta’ rabta bejn it-trade marks kunfliġġenti

– Fuq l-użu effettiv ta’ numru suffiċjenti ta’ trade marks preċedenti sabiex tiġi kkostitwita “familja” ta’ trade marks

– Fuq il-preżenza, fit-trade mark ikkontestata, tal-elementi li jistgħu jorbtuha mal-familja tat-trade marks “Mc”

Fuq l-eżistenza ta’ ċertu livell ta’ xebh bejn is-servizzi u l-prodotti inkwistjoni

Fuq il-probabbiltà li jittieħed vantaġġ indebitu miksub mir-reputazzjoni tat-trade mark McDONALD’S permezz tal-użu mingħajr raġuni valida tat-trade mark ikkontestata

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.