Language of document : ECLI:EU:C:2018:805

Kawża C-337/17

Feniks Sp. z o.o.

vs

Azteca Products & Services SL

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Sąd Okręgowy w Szczecinie)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali – Ġurisdizzjonijiet speċjali – Artikolu 7(1)(a) – Kunċett ta’ “kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratt” – Actio pauliana”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-4 ta’ Ottubru 2018

1.        Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Règlement no 1215/2012 – Kamp ta’ applikazzjoni – Materji esklużi – Fallimenti, proċedimenti li għandhom x’jaqsmu ma’ għeluq ta’ kumpanniji falluti, arranġamenti ġuridiċi, kompożizzjoni jew proċedimenti analogi – Kunċett – Azzjonijiet li joriġinaw direttament minn proċedura ta’ insolvenza et u li huma marbuta mill-qrib magħha – Applikabbiltà tar-Regolament Nru 1346/2000

[Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1215/2012, Artikolu 1(2)(b); Regolament tal-Kunsill Nru 1346/2000)

2.        Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament Nru 1215/2012 – Kompetenzi speċjali – Ġurisdizzjoni fil-qasam kuntrattwali – Kunċett – Actio pauliana ippreżentata mill-proprjetarju ta’ dritt ta’ kreditu naxxenti minn kuntratt – Inklużjoni

[Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1215/2012, Artikolu 7(1)]

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 30, 31)

2.      F’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, actio pauliana, li permezz tagħha l-proprjetarju ta’ dritt ta’ kreditu naxxenti minn kuntratt jitlob li jiġi ddikjarat ineffettiv fil-konfront tiegħu l-att legali, allegatament ta’ ħsara għad-drittijiet tiegħu, li permezz tiegħu d-debitur tiegħu ttrasferixxa beni lil terza persuna, taqa’ taħt ir-regola ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali prevista fl-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2012, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali.

Kif ġie deċiż diversi drabi mill-Qorti tal-Ġustizzja, l-applikazzjoni ta’ din ir-regola ta’ ġursidizzjoni speċjali tippreżumi l-eżistenza ta’ obbligu ġuridiku assunt liberament minn persuna fil-konfront ta’ persuna oħra u li fuqha hija bbażata l-azzjoni tal-applikant (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-20 ta’ Jannar 2005, Engler, C-27/02, EU:C:2005:33, punt 51; tat-18 ta’ Lulju 2013, ÖFAB, C-147/12, EU:C:2013:490, punt 33, kif ukoll tal-21 ta’ Jannar 2016, ERGO Insurance u Gjensidige Baltic, C-359/14 u C-475/14, EU:C:2016:40, punt 44).

L-actio pauliana hija msejsa fuq id-dritt tal-kreditu, dritt personali tal-kreditur fil-konfront tad-debitur tiegħu, u għandha l-għan li tipproteġi d-dritt ta’ garanzija li l-ewwel wieħed jista’ jkollu fuq il-partimonju tat-tieni wieħed (sentenzi tal-10 ta’ Jannar 1990, Reichert u Kockler, C-115/88, EU:C:1990:3, punt 12, kif ukoll tas-26 ta’ Marzu 1992, Reichert u Kockler, C-261/90, EU:C:1992:149, punt 17). Din tippreżerva wkoll l-interessi tal-kreditur, invista, b’mod partikolari, ta’ eżekuzzjoni forzata ulterjuri tal-obbligi tad-debitur (sentenza tas-26 ta’ Marzu 1992, Reichert u Kockler, C-261/90, EU:C:1992:149, punt 28).

Fil-fatt, b’din l-azzjoni, il-kreditur jintendi li jiġi kkonstatat li t-trasferiment, mid-debitur, ta’ attivi lil terz sar bi ħsara għad-drittijiet tal-kreditur naxxenti mill-forza obbligatorja tal-kuntratt u li jikkorrispondu għall-obbligi assunti liberament mid-debitur tiegħu. Għaldaqstant, il-kawża ta’ din l-azzjoni essenzjalment tinsab fil-ksur tal-obbligi li ġew assunti mid-debitur fir-rigward tal-kreditur.

Għaldaqstant, jeħtieġ li forum tad-domiċilju tal-konvenut jiġi kkompletat minn dak awtorizzat mill-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 1215/2012, peress li tali forum jissodisfa, fir-rigward tal-oriġini kuntrattwali tar-relazzjonijiet bejn il-kreditur u d-debitur, kemm ir-rekwiżit ta’ ċertezza legali u ta’ prevedibbiltà kif ukoll l-għan ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.

(ara l-punti 39-41, 43, 44, 49 u d-dispożittiv)