Language of document : ECLI:EU:T:2020:430

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

23 ta’ Settembru 2020 (*)

“Servizz pubbliku – Membri tal-persunal temporanju – Problemi tas-saħħa allegatament marbuta mal-kundizzjonijiet tax-xogħol – Talba għal rikonoxximent tax-xogħol bħala l-kaġun ta’ marda – Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal – Dritt għal smigħ – Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Obbligu li tinstema’ l-persuna kkonċernata qabel id-deċiżjoni inizjali”

Fil-Kawża T‑338/19,

UE, irrappreżentata minn S. Rodrigues u A. Champetier, avukati,

rikorrenti,

vs

IlKummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn T. Bohr u L. Vernier, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 270 TFUE u intiża għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Uffiċċju “Amministrazzjoni u Ħlas tal-Intitolamenti Individwali” (PMO) tal-Kummissjoni tal‑1 ta’ Awwissu 2018 li permezz tagħha t-talba tar-rikorrenti intiża għar-rikonoxximent ta’ marda kkaġunata mix-xogħol, skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea ġiet miċħuda bħala inammissibbli,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn J. Svenningsen, President, R. Barents u T. Pynnä (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti ħadmet bħala membru tal-persunal temporanju fi ħdan l-Aġenzija Ewropea għar-Rikostruzzjoni (AER) għal tmien snin, mill‑1 ta’ Ottubru 2000 sal‑31 ta’ Diċembru 2008.

2        Skont l-informazzjoni li tinsab fir-rikors, ir-rikorrenti, minħabba ambjent ta’ xogħol estremament tossiku matul it-tmien snin ta’ servizz tagħha fi ħdan l-AER, bdiet tbati minn diversi patoloġiji u, b’mod partikolari, sintomi psikoloġiċi li hija tqis li jistgħu jiġu kkwalifikati, meħuda flimkien, bħala eżawriment professjonali (burnout). Id-dokumenti annessi mar-rikors juru li r-rikorrenti kkonsultat ma’ tobba, fl-Irlanda u fuq il-post tax-xogħol tagħha, mill-bidu tas-sena 2004. Sussegwentement hija kkonsultat psikjatra f’Ottubru 2007 u A, psikjatra ieħor, minn Marzu 2009.

3        Fl‑14 ta’ Ottubru 2013, ir-rikorrenti ressqet talba għal assistenza, skont l-Artikolu 24 u l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), applikabbli b’analoġija għall-membri tal-persunal bil-kuntratt konformement mal-Artikoli 81 u 117 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Kondizzjonijiet tal-impjieg”), li fiha hija invokat li kellha taffronta sitwazzjoni ta’ fastidju li tippreġudika l-istat ta’ saħħa tagħha (iktar ’il quddiem it-“talba għal assistenza”). Hija talbet ukoll kumpens għad-danni allegatament mġarrba minħabba dan l-allegat fastidju, li jinkludi b’mod partikolari r-rimbors tal-ispejjeż mediċi (iktar ’il quddiem it-“talba għad-danni”).

4        Permezz ta’ deċiżjoni tal‑4 ta’ Ottubru 2016, l-Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ ċaħdet dawn it-talbiet. Fir-rigward tal-ispejjeż mediċi, l-Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ ikkunsidrat li ċertifikati mediċi prodotti mill-applikant ma kinux jipprovaw li kien hemm mard li kien neċessarjament ikkawżat mill-fastidju psikoloġiku allegat. L-Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ indikat ukoll lir-rikorrenti li hija kellha tressaq talba għar-rikonoxximent tax-xogħol bħala l-kaġun tal-marda allegata fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal, applikabbli b’analoġija konformement mal-Artikoli 28 u 95 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, u mar-Regoli komuni dwar l-assigurazzjoni ta’ l-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej kontra r-riskju ta’ inċidenti u ta’ mard fuq il-post tax-xogħol, adottati fit‑13 ta’ Diċembru 2005 mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal (iktar ’il quddiem ir-“Regoli dwar l-assigurazzjoni”). Skont l-Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ, jekk ikun hemm bżonn, kien possibbli għar-rikorrenti li titlob sussegwentement il-kumpens għad-danni materjali u mhux materjali mhux koperti mir-Regolamenti tal-Persunal.

5        Fil‑5 ta’ Jannar 2017, ir-rikorrenti, skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, ressqet ilment kontra ċ-ċaħda mill-Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ tat-talba għal assistenza u tat-talba għad-danni, peress li rrilevat b’mod partikolari li d-danni li hija allegatament ġarrbet ma kinux marbuta biss mal-marda allegatament ikkaġunata mix-xogħol. Permezz ta’ deċiżjoni tas‑26 ta’ April 2017, l-Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ ċaħdet dan l-ilment, peress li rrilevat mill-ġdid li l-kumpens għal ċerti danni kellu l-ewwel jintalab skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal u tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni.

6        Fl-istess ittra tal‑5 ta’ Jannar 2017, ir-rikorrenti talbet ukoll lill-Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ, skont l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, il-kumpens għad-dannu li hija qieset li ġarrbet minħabba l-ksur mill-Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ tat-terminu raġonevoli fir-rigward tat-tul tal-investigazzjoni amministrattiva dwar il-fastidju allegat. Permezz ta’ deċiżjoni tas‑27 ta’ April 2017, l-Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ ċaħdet din it-talba u ġġustifikat it-terminu għat-tmexxija ta’ din l-investigazzjoni bil-fatt li t-talba għal assistenza kienet tressqet fl‑2013 u li kienet tikkonċerna avvenimenti li seħħew mill‑2003 sal‑2008 f’aġenzija li ma kinitx ilha teżisti mill‑2008. Għalhekk hija ċaħdet it-talba għad-danni marbuta mal-ksur allegat tat-terminu raġonevoli.

7        Fil‑25 ta’ Lulju 2017, ir-rikorrenti ressqet ilment ġdid, skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, kontra ċ-ċaħda tat-talba msemmija fil-punt 6 iktar ’il fuq minħabba l-ksur tat-terminu raġonevoli. L-Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ ċaħdet dan l-ilment b’deċiżjoni tal‑20 ta’ Novembru 2017.

8        Permezz ta’ rikors li wasal fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑3 ta’ Awwissu 2017, ir-rikorrenti, skont l-Artikolu 270 TFUE, ippreżentat rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal‑4 ta’ Ottubru 2016 li tiċħad it-talba għal assistenza u t-talba għad-danni u, jekk ikun il-każ, tad-deċiżjoni tas‑26 ta’ April 2017 li tiċħad l-ilmenti dwar it-talba għal assistenza u t-talba għad-danni (T‑487/17).

9        Permezz ta’ rikors li wasal fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑2 ta’ Marzu 2018, ir-rikorrenti ppreżentat rikors ieħor, din id-darba kontra d-deċiżjoni tal-Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ tal‑20 ta’ Novembru 2017 li tiċħad l-ilment li r-rikorrenti kienet ippreżentat kontra r-rifjut ta’ din l-awtorità li tilqa’ t-talba għal kumpens minħabba l-ksur allegat tat-terminu raġonevoli fit-tmexxija tal-investigazzjoni amministrattiva (T‑148/18).

10      Wara d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, skont l-Artikolu 125a tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, li teżamina l-possibbiltajiet ta’ ftehim bonarju ta’ dawn it-tilwimiet, il-partijiet instemgħu abbażi tat-termini tal-proposta magħmula mill-Imħallef Relatur, b’tali mod li, filwaqt li kkonstataw il-ftehim li ntlaħaq bejn il-partijiet, inkluż fuq l-ispejjeż, dawn il-kawżi tħassru mir-reġistru tal-Qorti Ġenerali (digrieti tad‑19 ta’ Ġunju 2018, UE vs Il‑Kummissjoni, T‑487/17, mhux ippubblikat, EU:T:2018:376, u tad‑19 ta’ Ġunju 2018, UE vs Il‑Kummissjoni, T‑148/18, mhux ippubblikat, EU:T:2018:377).

11      Fit‑3 ta’ Mejju 2017, il-konsulenti tar-rikorrenti bagħtu lid-dipartiment “Finanzi, inċidenti u mard ikkaġunat mix-xogħol” tal-Uffiċċju “Amministrazzjoni u Ħlas tal-Intitolamenti Individwali” (PMO) tal-Kummissjoni Ewropea ittra intiża sabiex jiġi rrikonoxxut, konformement mal-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal, li l-marda tar-rikorrenti hija kkaġunata mix-xogħol. Din l-ittra kienet tindika li, wara t-tmien snin ta’ servizz tagħha fi ħdan l-AER, ir-rikorrenti kienet bdiet tbati minn diversi patoloġiji u, b’mod partikolari, sintomi psikoloġiċi li setgħu jiġu kkwalifikati, meħuda flimkien, bħala eżawriment professjonali (burnout).

12      Fil‑15 ta’ Ġunju 2017, il-konsulenti tar-rikorrenti bagħtu talba addizzjonali, li magħha kienet mehmuża l-formola ta’ dikjarazzjoni ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol tal‑10 ta’ Ġunju 2017 u ffirmata mir-rikorrenti (iktar ’il quddiem, flimkien mat-talba tat‑3 ta’ Mejju 2017, it-“talba għal rikonoxximent tax-xogħol bħala l-kaġun ta’ marda”). F’din il-formola, ir-rikorrenti indikat li hija kienet tbati minn “[p]roblemi ta’ stress post-trawmatiku b’żieda fil-livell ta’ ansjetà[,] b’episodji ta’ bulimia”.

13      Permezz ta’ nota tal‑20 ta’ Ġunju 2017, il-PMO kkonferma li rċieva t-talba għal rikonoxximent tax-xogħol bħala l-kaġun tal-marda u informa lir-rikorrenti li din it-talba kienet ser tiġi ttrattata konformement mal-Artikolu 16 tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni, li jiddisponi:

“1.      Il-partijiet assigurati li jitolbu l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli għar-raġunijiet ta’ mard li għandu x’jaqsam mall-post tax-xogħol għandhom jibagħtu lill-amministrazzjoni ta’ l-istituzzjoni li tagħha huma membru dikjarazzjoni fi żmien raġonevoli wara li jkun beda l-mard jew d-data li fiha huma jirċievu dijanjosi għall-ewwel darba. Id-dikjarazzjoni tista’ tintbagħat mill-parti assigurata jew, fejn is-sintomi tal-marda allegament ikkawżata mix-xogħol jibdew jidhru wara t-tmiem tas-servizz, mill-parti li qabel kienet assigurata […]

2.      L-Amministrazzjoni għandha tagħmel inkjesta sabiex tikseb id-dettalji kollha neċessarji sabiex tiddetermina n-natura tal-marda, jekk din kenitx ir-riżultat tax-xogħol tal-parti assigurata kif ukoll iċ-ċirkustanzi li fih qamet il-marda. […]”

14      F’din in-nota tal‑20 ta’ Ġunju 2017, il-PMO indika li kienet ser issir investigazzjoni “bil-għan li jinġabru l-elementi kollha li jippermettu li tiġi stabbilita n-natura tal-patoloġija, li x-xogħol huwa l-kaġun tal-marda kif ukoll iċ-ċirkustanzi li fihom seħħet” u li din l-informazzjoni kienet ser tiġi sussegwentement trażmessa lit-tabib maħtur mill-Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ, li kien ser jeżamina ulterjorment lir-rikorrenti u jippreżenta l-konklużjonijiet tiegħu konformement mal-Artikolu 18 tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni.

15      L-Artikolu 18 ta’ dawn ir-Regoli dwar l-assigurazzjoni jiddeskrivi l-proċess ta’ adozzjoni tad-deċiżjonijiet kif ġej:

“Deċiżjonijiet li jagħrfu l-kawża aċċidentali ta’ avveniment […] u deċiżjonijiet konnessi ma’ dan, li jagħrfu n-natura ta’ marda bħala waħda li tiġi minn fuq il-post tax-xogħol […] jittieħdu mill-[Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ] skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 20:

–      fuq il-bażi tal-konklużjonijiet tat-tabib jew tobba maħtur(a) mill-istituzzjoni

u

–      fejn il-parti assigurata titlob dan, wara li tikkonsulta l-Kumitat Mediku msemmi fl-Artikolu 22.”

16      L-Artikolu 20(1) tar-Regolamenti dwar l-assigurazzjoni jipprevedi li, “[q]abel ma tittieħed deċiżjoni skond l-Artikolu 18, l-[Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ] għandha tavża l-parti assigurata jew lil dawk intitolati taħtha dwar l-abbozz tad-deċiżjoni u l-konklużjonijiet tat-tabib jew tobba maħtura mill-istituzzjoni […]”.

17      Fid‑29 ta’ Jannar 2018, ir-rikorrenti ġiet mistiedna, fuq talba tal-Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ, għal eżami mediku mwettaq minn B, l-uffiċjal mediku tal-istituzzjoni maħtur mill-Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ skont l-Artikolu 16 tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni, kif ukoll għal eżami mediku addizzjonali, fl-istess jum, imwettaq minn C, tabib speċjalizzat fil-psikjatrija, li l-opinjoni tiegħu kienet intalbet minn B.

18      Fit‑13 ta’ Frar 2018, it-tabib speċjalista ppreżenta rapport, li fih ikkonkluda, b’mod partikolari, li r-rikorrenti kienet żviluppat sintomi ta’ natura psikjatrika “wara sindromu ta’ burnout marbut mill-qrib ma’ esperjenza ta’ fastidju psikoloġiku fuq ix-xogħol”.

19      Wara li sar jaf bir-rapport tat-tabib speċjalista u filwaqt li semma data ta’ eżami tal‑24 ta’ Frar 2018, l-uffiċjal mediku tal-istituzzjoni, B, fis‑26 ta’ Frar 2018, laqa’ t-talba għar-rikonoxximent tax-xogħol bħala l-kaġun tal-marda, filwaqt li kkunsidra bħala dannu “kundizzjoni ħafifa ta’ adattament wara sindromu ta’ eżawriment professjonali”. F’dan ir-rigward, huwa ppreċiża li r-rikorrenti “[kienet] ġiet iddijanjostikata bħala li għandha kundizzjoni ħafifa ta’ adattament li jinvolvi l-ansjetà, assoċjata ma’ ċertu livell ta’ disfora, li tindika kundizzjoni narċisistika” u li “din setgħet tkun marbuta mal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha fl-istituzzjonijiet tal-UE”.

20      Wara dan ir-rapport, l-Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ, fit‑12 ta’ Lulju 2018, bagħtet messaġġ elettroniku lill-uffiċjal mediku, sabiex issir taf jekk, abbażi tal-informazzjoni disponibbli fil-fajl mediku tar-rikorrenti, setax ikun hemm raġunijiet mediċi li jiġġustifikaw it-tressiq tardiv tat-talba tar-rikorrenti.

21      Fil‑15 ta’ Lulju 2018, B irrisponda għal din it-talba billi indika li, matul l-eżami mediku tagħha, ir-rikorrenti kienet iddikjarat li l-problemi tagħha kienu bdew meta hija kienet fis-servizz mal-AER, fl‑2004. Huwa semma diversi indikazzjonijiet dwar xogħol eċċessiv u dijanjosi ta’ eżawriment professjonali li jidhru f’dokumenti li ġejjin mit-tobba kkonsultati fl‑2004, l‑2006 u l‑2017 mir-rikorrenti. Huwa spiċċa n-nota tiegħu bis-sentenza li ġejja: “ma kienx hemm raġuni medika sabiex tiġi spjegata d-dikjarazzjoni tardiva”.

22      Permezz ta’ ittra rreġistrata tal‑1 ta’ Awwissu 2018 indirizzata lill-konsulenti tar-rikorrenti (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), l-Uffiċċju “Amministrazzjoni u Ħlas tal-Intitolamenti Individwali” (PMO) tal-Kummissjoni, bħala Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ, ċaħad it-talba għar-rikonoxximent tax-xogħol bħala l-kaġun tal-marda peress li tardiva u, għaldaqstant, inammissibbli. Fil-fatt, l-Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ ikkunsidrat li, kważi għaxar snin wara l-bidu tal-problemi ta’ saħħa invokati, din it-talba ma kinitx tressqet fit-“terminu raġonevoli” rikjest mill-Artikolu 16(1) tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni. Barra minn hekk, il-PMO rrileva li, filwaqt li r-rikorrenti kienet ressqet talba għal assistenza fl‑2013, hija setgħet ukoll titlob f’dak il-mument ir-rikonoxximent ta’ marda kkaġunata mix-xogħol, li kien jippermetti lill-istituzzjoni żżomm id-data neċessarja għall-ipproċessar tal-fajl, fid-dawl, b’mod partikolari, tat-tmiem tal-AER f’Diċembru 2008. L-Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ spjegat li, minkejja dawn il-motivi, hija xorta waħda ddeċidiet li tistieden lir-rikorrenti għall-eżami mediku mill-uffiċjal mediku tagħha, peress li ma setgħetx tiġi eskluża l-possibbiltà li d-dewmien fit-tressiq tat-talba għar-rikonoxximent tax-xogħol bħala l-kaġun tal-marda seta’ jiġi ġġustifikat minn raġuni medika. Skont l-Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ, it-tabib innominat mill-istituzzjoni kien ikkonkluda, fil‑15 ta’ Lulju 2018, li “ebda raġuni medika ma kienet iġġustifikat il-perijodu ta’ żmien meħud għat-tressiq tal-imsemmija talba”.

23      Sussegwentement, fuq talba tar-rikorrenti, diversi dokumenti mediċi ntbagħtu lil A, il-psikjatra tagħha, fl-aħħar tax-xahar ta’ Ottubru 2018.

24      Fit‑2 ta’ Novembru 2018, ir-rikorrenti, skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, ippreżentat ilment kontra d-deċiżjoni kkontestata, li fih hija sostniet, fl-ewwel lok, li l-Kummissjoni kienet wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni tan-natura raġonevoli tat-terminu meħud minnha fit-tressiq tat-talba għar-rikonoxximent tax-xogħol bħala l-kaġun tal-marda, fid-dawl tal-fatt li hija kienet dgħajfa ħafna fl‑2013 u fl‑2014, b’mod partikolari minħabba l-mewt tal-ġenituri tagħha, li kien “sens komun” li hija qabel kollox tressaq talba għal assistenza sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-mod kif il-marda tagħha ser tiġi ttrattata, u li hija kienet ġiet mistiedna għal eżamijiet mediċi, li juri li l-istadju ta’ ammissibbiltà kien għadda u li t-talba tagħha għalhekk kellha konsegwentement tiġi pproċessata. Fit-tieni lok, hija kkritikat lill-Kummissjoni b’użu ħażin ta’ poter, sa fejn hija rreferiet għal eżamijiet allegatament imwettqa fl‑24 ta’ Frar 2018 u fil‑15 ta’ Lulju 2018 bil-għan li tistabbilixxi l-inammissibbiltà tat-talba għar-rikonoxximent tax-xogħol bħala l-kaġun tal-marda, filwaqt li r-rikorrenti kkontestat li ġiet eżaminata f’dawn id-dati. Fit-tielet lok, hija sostniet li d-drittijiet tad-difiża tagħha kienu ġew miksura peress li, qabel ma B adotta r-rapport tiegħu tal‑15 ta’ Lulju 2018, hija kellha tinstema’. Issa, billi ċċaħħadha mid-dritt għal smigħ tagħha mill-uffiċjal mediku, hija ma kellhiex il-possibbiltà li tesponilu, kif ukoll, fl-aħħar mill-aħħar, lill-Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ, ir-raġunijiet li għalihom hija ma kinitx f’pożizzjoni li tressaq iktar kmieni t-talba tagħha għar-rikonoxximent tax-xogħol bħala l-kaġun tal-marda. Skont ir-rikorrenti, id-dokumenti mediċi mibgħuta lil A juru li ma saret ebda mistoqsija dwar dan is-suġġett. Barra minn hekk, hija sostniet li r-rapport mediku ta’ B kien nieqes minn motivazzjoni.

25      Permezz ta’ deċiżjoni tal‑5 ta’ Marzu 2019 tal-Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ, l-ilment tat‑2 ta’ Novembru 2018 ġie miċħud (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment”). Fir-rigward tal-iżball manifest ta’ evalwazzjoni, l-Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ eżaminat it-tliet oġġezzjonijiet tar-rikorrenti. Hija kkunsidrat li l-problemi tas-saħħa tar-rikorrenti, fosthom dawk allegati insostenn tat-talba għar-rikonoxximent tax-xogħol bħala l-kaġun tal-marda, kienu bdew fl‑2004; li r-rikorrenti kienet bdiet diversi proċeduri amministrattivi marbuta mal-marda li hija s-suġġett ta’ din it-talba; li talba għar-rikonoxximent tax-xogħol bħala l-kaġun ta’ marda ssir permezz ta’ formola ta’ żewġ paġni li kienet tirrikjedi ftit sforzi mill-applikant u li B kien ikkonkluda li, fil-każ tar-rikorrenti, ma kienx hemm raġuni medika li tiġġustifika t-tressiq tardiv ta’ din it-talba. Għalhekk, l-Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ ikkonfermat li hija kienet tikkunsidra bħala tardiva t-talba għar-rikonoxximent tax-xogħol bħala l-kaġun tal-marda, li kienet tressqet iktar minn tnax‑il sena wara li seħħew l-ewwel sintomi u iktar minn tmien snin wara t-tmiem tas-servizz tar-rikorrenti mal-AER.

26      Sussegwentement, l-Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ qieset li talba għar-rikonoxximent tax-xogħol bħala l-kaġun ta’ marda skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal ma kellha ebda rabta ma’ talba eventwali għal assistenza mressqa skont l-Artikolu 24 tal-imsemmija Regolamenti tal-Persunal u li t-trattament ta’ dawn iż-żewġ tipi distinti ta’ talbiet kien jaqa’ taħt awtoritajiet differenti. Għalhekk, skont l-Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ, ir-rikorrenti kellha tressaq iktar kmieni t-talba għar-rikonoxximent tax-xogħol bħala l-kaġun tal-marda u, tal-inqas, fl-istess ħin mat-talba għal assistenza. Fl-aħħar, l-Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ enfasizzat li l-fatt li hija kienet stiednet lir-rikorrenti tissottometti ruħha għal eżamijiet mediċi mill-uffiċjal mediku tagħha ma kienx ippreġudika s-sens tad-deċiżjoni finali li hija kellha tadotta fi tmiem il-proċedura amministrattiva.

27      Fir-rigward tal-użu ħażin ta’ poter, l-Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ, dejjem fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment, irrilevat li r-rikorrenti kienet ġiet eżaminata personalment biss fid‑29 ta’ Jannar 2018. L-“eżamijiet” tal‑24 ta’ Frar 2018 u tal‑15 ta’ Lulju 2018, li għalihom tirreferi l-persuna kkonċernata, kienu biss analiżi tal-fajl tar-rikorrenti, li ma kinux jippreġudikaw is-sens tad-deċiżjoni finali li kienet ser tieħu l-Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ.

28      B’risposta għat-tielet oġġezzjoni, l-Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ qieset, b’riferiment għas-sentenzi tad‑29 ta’ April 2004, Il‑Parlament vs Reynolds (C‑111/02 P, EU:C:2004:265, punt 57), u tat‑12 ta’ Mejju 2010, Bui Van vs Il‑Kummissjoni (T‑491/08 P, EU:T:2010:191, punt 75), li l-fatt li deċiżjoni taffettwa b’mod sfavorevoli uffiċjal jew membru tal-persunal ma kienx jippermetti li jiġi konkluż li l-awtorità li kienet l-awtriċi tagħha kienet obbligata tisma’ minn qabel lill-persuna kkonċernata qabel ma din id-deċiżjoni tiġi adottata. Għalhekk, fil-ġurisprudenza, id-dritt għal smigħ ġie rrikonoxxut fi proċeduri amministrattivi speċifiċi, jiġifieri esklużivament dawk miftuħa kontra l-persuna kkonċernata. Issa, f’dan il-każ, l-Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ ma kinitx obbligata tisma’ lir-rikorrenti qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, peress li din kienet deċiżjoni adottata b’risposta għal talba mressqa mir-rikorrenti fuq inizjattiva tagħha stess u li, fir-realtà, f’din it-tip ta’ proċedura “fuq talba” tal-persuna kkonċernata, kienet ir-rikorrenti li kellha tipprovdi lill-amministrazzjoni l-informazzjoni rilevanti sabiex tevalwa l-imsemmija talba. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ ikkunsidrat li r-rikorrenti ma setgħetx tinvoka dritt għal smigħ qabel ma tiġi adottata d-deċiżjoni kkontestata. Fi kwalunkwe każ, permezz tal-preżentata ta’ lment skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, ir-rikorrenti eżerċitat id-dritt għal smigħ tagħha mill-Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ. Fl-aħħar, hija qieset li r-rikorrenti ma kinitx weriet li, kieku hija nstemgħet qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, is-smigħ tagħha kien ibiddel ir-riżultat tal-proċedura.

29      Fir-rigward tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, l-Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ irrilevat li, fir-rapport tiegħu lill-Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ, B kien irrefera għar-rapporti tat-tobba differenti tar-rikorrenti u kien eżamina l-evoluzzjoni tal-istat ta’ saħħa tagħha mill‑2004, sabiex jivverifika jekk kinitx teżisti raġuni medika li setgħet tiġġustifika t-tressiq tardiv, f’Ġunju 2017, tat-talba għar-rikonoxximent tax-xogħol bħala l-kaġun tal-marda. Għalhekk kien hemm rabta bejn ir-rapporti mediċi ta’ diversi tobba u l-konklużjoni ta’ B. L-Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ finalment fakkret li l-motivazzjoni ta’ deċiżjoni kkontestata skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal tista’ tiġi kkompletata, jew saħansitra pprovduta, fi kwalunkwe każ, mhux iktar tard miċ-ċaħda tal-ilment.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

30      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑6 ta’ Ġunju 2019, ir-rikorrenti ippreżentat dan ir-rikors.

31      Sabiex tipproteġi d-data personali tar-rikorrenti u tal-persuni l-oħra msemmija fil-kuntest tal-proċedura, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, skont l-Artikolu 66 tar-Regoli tal-Proċedura, li tħalli barra ex officio l-ismijiet tagħhom.

32      Wara skambju doppju ta’ noti, il-fażi bil-miktub tal-proċedura ngħalqet fil‑5 ta’ Diċembru 2019, u r-rikorrenti ġiet mistiedna tipproduċi wara din id-data verżjoni rregolarizzata tar-rikors, li ġiet ikkomunikata lill-Kummissjoni. Fl-assenza ta’ talba minn waħda mill-partijiet, fit-termini stabbiliti, skont l-Artikolu 106(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali, li qieset li kellha informazzjoni biżżejjed mid-dokumenti fil-proċess, iddeċidiet, skont l-Artikolu 106(3) tal-imsemmija regoli, li taqta’ l-kawża mingħajr il-fażi orali tal-proċedura.

33      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–      tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–      jekk ikun il-każ, tannulla d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment;

–      tordna r-rimbors tal-ispejjeż imġarrba minnha.

34      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–      tiċħad ir-rikors;

–      tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż tal-istanza.

 Fid-dritt

 1.      Fuq is-suġġett tar-rikors

35      Minkejja li r-rikorrenti tressaq talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u, jekk ikun il-każ, għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment, għandu jiġi kkonstatat li, permezz tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment, l-Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ kellha tikkompleta l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari billi tirrispondi għall-oġġezzjonijiet li r-rikorrenti kienet ressqet fl-ilment tagħha. Għalhekk, fid-dawl tan-natura evoluttiva tal-proċedura prekontenzjuża, il-motivazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment għandha wkoll tittieħed inkunsiderazzjoni għall-eżami tal-legalità tal-att inizjali li jikkawża preġudizzju, jiġifieri d-deċiżjoni kkontestata, peress li din il-motivazzjoni hija meqjusa li tikkoinċidi ma’ dik tad-deċiżjoni kkontestata (ara s-sentenzi tal‑21 ta’ Mejju 2014, Mocová vs Il‑Kummissjoni, T‑347/12 P, EU:T:2014:268, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑10 ta’ Ġunju 2016, HI vs Il‑Kummissjoni, F‑133/15, EU:F:2016:127, punt 87 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      F’dan il-każ, id-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment tikkonferma d-deċiżjoni kkontestata. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-uniku att li jikkawża preġudizzju lir-rikorrenti huwa d-deċiżjoni kkontestata, li l-legalità tagħha ser tiġi eżaminata billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-motivazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni li tiċħad l-ilment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2019, WI vs Il‑Kummissjoni, T‑379/18, mhux ippubblikata, EU:T:2019:617, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

 2.      Fuq it-talbiet għal annullament

37      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi, ibbażati rispettivament fuq:

–        l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni tan-natura raġonevoli tat-terminu li fih ġiet ippreżentata t-talba għar-rikonoxximent tax-xogħol bħala l-kaġun tal-marda;

–        użu ħażin ta’ poter;

–        il-ksur tad-drittijiet tad-difiża u tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

38      Il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li huwa xieraq li tipproċedi għall-eżami tat-tielet motiv, peress li dan huwa relatat mal-iżvolġiment tal-proċedura amministrattiva u mal-komprensjoni tad-deċiżjoni.

 Fuq it-tielet motiv ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tal-obbligu ta’ motivazzjoni

39      Fl-ewwel parti tat-tielet motiv tagħha, ir-rikorrenti tinvoka n-natura fundamentali tad-dritt għal smigħ, kif stabbilit fl-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

40      Skont ir-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata hija bbażata biss fuq rapport mediku stabbilit mingħajr eżami adegwat. F’dan ir-rigward, hija tikkonstata li hija ma ngħatatx il-possibbiltà li tesponi r-raġunijiet għalfejn hija ma ppreżentatx it-talba tagħha qabel. Din il-kwistjoni ma tqajmitx lilha matul l-eżami mediku tad‑29 ta’ Jannar 2018 u lanqas qabel l-adozzjoni tar-rapport mediku tal‑15 ta’ Lulju 2018 minn B. Fil-fehma tagħha, id-deċiżjoni kienet tkun differenti li kieku nstemgħet, matul l-eżami tad‑29 ta’ Jannar 2018 u qabel ir-rapport ta’ Lulju 2018. Ir-rikorrenti tikkonkludi li, billi ċċaħħadha minn din il-possibbiltà, id-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju tad-dritt għal smigħ.

41      Fit-tieni parti tat-tielet motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-obbligu ta’ motivazzjoni ma ġiex osservat sa fejn il-konklużjoni tar-rapport mediku tal‑15 ta’ Lulju 2018, li jgħid li “ma teżisti ebda raġuni medika li tispjega d-dikjarazzjoni tardiva”, ma hija sostnuta minn ebda spjegazzjoni medika, filwaqt li d-deċiżjoni kkontestata tafferma li l-konklużjoni tar-rapport mediku inkwistjoni kkunsidra r-rapporti ta’ D, E u F, tobba, u, konsegwentement, ikkunsidra l-evoluzzjoni tal-istat ta’ saħħa tar-rikorrenti sa mill‑2004.

42      Il-Kummissjoni titlob li l-motiv jiġi miċħud bħala infondat, billi tenniet, essenzjalment, l-argument sostnut mill-Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment.

43      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta, li, mill‑1 ta’ Diċembru 2009, għandu l-istess valur legali bħat-Trattati, jirrikonoxxi “[d]-dritt ta’ kull persuna li tinstema’, qabel ma tittieħed kwalunkwe miżura individwali li tolqotha negattivament”.

44      Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, id-dritt għal smigħ huwa ta’ applikazzjoni ġenerali (ara s-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2013, L vs Il‑Parlament, T‑317/10 P, EU:T:2013:413, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45      Għalhekk, ir-rispett ta’ dan id-dritt huwa meħtieġ, indipendentement min-natura tal-proċedura amministrattiva li twassal għall-adozzjoni ta’ miżura individwali, meta l-amministrazzjoni tipproponi, skont il-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni, li tittieħed kontra persuna tali “miżura individwali li tolqotha negattivament”. Id-dritt għal smigħ, li għandu jiġi żgurat anki fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni applikabbli, jeżiġi li l-persuna kkonċernata titqiegħed f’pożizzjoni li tesprimi b’mod utli minn qabel l-opinjoni tagħha dwar il-provi li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-konfront tagħha fl-att li għandu jiġi adottat (sentenza tal‑24 ta’ April 2017, HF vs Il‑Parlament, T‑584/16, EU:T:2017:282, punt 150).

46      B’mod iktar partikolari, ir-rispett tad-dritt għal smigħ jimplika li l-persuna kkonċernata tkun f’pożizzjoni, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni li taffettwaha b’mod negattiv, li tesprimi b’mod utli l-opinjoni tagħha dwar ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi li abbażi tagħhom din id-deċiżjoni ser tiġi adottata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2013, L vs Il‑Parlament, T‑317/10 P, EU:T:2013:413, punti 80 u 81, u d-digriet tas‑17 ta’ Ġunju 2019, BS vs Il‑Parlament, T‑593/18, mhux ippubblikat, EU:T:2019:425, punti 76 u 77).

47      Fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni, ibbażat fuq is-sentenzi tad‑29 ta’ April 2004, Il‑Parlament vs Reynolds (C‑111/02 P, EU:C:2004:265, punt 57), u tat‑12 ta’ Mejju 2010, Bui Van vs Il‑Kummissjoni (T‑491/08 P, EU:T:2010:191, punt 75), minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li l-fatt li deċiżjoni tikkostitwixxi att li jikkawża preġudizzju ma jippermettix li minn dan jiġi dedott awtomatikament, mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura tal-proċedura miftuħa kontra l-persuna kkonċernata, li, skont il-każ, l-Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ jew l-Awtorità tal-Ħatra għandha l-obbligu li tisma’ b’mod utli qabel l-adozzjoni tagħha.

48      Madankollu, il-fatti ttrattati b’din il-ġurisprudenza kienu preċedenti għad-dħul fis-seħħ tal-Karta u tal-Artikolu 41(2)(a) tagħha, li kienet timponi r-rispett tad-dritt ta’ kull persuna li tinstema’ qabel ma tittieħed miżura individwali li taffettwaha b’mod sfavorevoli. Hekk kif diġà ġie enfasizzat fil-punt 44 iktar ’il fuq, ir-rispett ta’ dan id-dritt huwa neċessarju, indipendentement min-natura tal-proċedura amministrattiva li twassal għall-adozzjoni ta’ miżura individwali, minkejja li l-leġiżlazzjoni applikabbli ma tipprevedix dan id-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2019, PT vs BEI, T‑573/16, EU:T:2019:481, punt 265 (mhux ippubblikata)).

49      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li, sa fejn l-Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ kellha tadotta deċiżjoni b’risposta għal talba tal-persuna kkonċernata, f’dan il-każ bi tweġiba għat-talba għar-rikonoxximent tax-xogħol bħala l-kaġun tal-marda, kienet ir-rikorrenti li kellha tipprovdi lill-Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ l-informazzjoni rilevanti kollha sabiex turi li l-kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni applikabbli kienu ssodisfatti, b’mod partikolari, kif jipprevedi l-Artikolu 16(1) tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni, l-elementi li jippermettu li jiġi kkunsidrat li din it-talba kienet ġiet ippreżentata f’terminu raġonevoli wara l-bidu tal-marda jew id-data tal-ewwel konstatazzjoni medika relatata mal-marda.

50      Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li tali eċċezzjoni bl-ebda mod ma tinsab fil-formulazzjoni tal-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta u għandha tiġi miċħuda bħala manifestament infondata. Kif għadu kif ġie enfasizzat fil-punti 44 u 48 iktar ’il fuq, id-dritt għal smigħ huwa ta’ applikazzjoni ġenerali. Dan huwa b’mod partikolari l-każ meta l-amministrazzjoni tipproponi li tieħu deċiżjoni b’risposta għal talba mressqa minn persuna fuq inizjattiva tagħha stess.

51      Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li l-Artikolu 16 tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni jiddisponi li hija l-amministrazzjoni li għandha twettaq investigazzjoni sabiex tiġbor l-elementi kollha li jippermettu li tiġi stabbilita n-natura tal-marda, li l-marda hija kkaġunata mix-xogħol kif ukoll iċ-ċirkustanzi li fihom din tkun seħħet. Hekk kif jirriżulta minn din id-dispożizzjoni, ma huwiex biss abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-applikant li l-Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ tieħu d-deċiżjoni. Barra minn hekk, l-Artikolu 20(1) ta’ dawn ir-regoli jipprevedu li, qabel ma tieħu deċiżjoni skont l-Artikolu 18 tal-istess regoli, l-Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ għandha tinnotifika lill-assigurat jew lill-aventi kawża tiegħu l-abbozz ta’ deċiżjoni, flimkien mal-konklużjonijiet tat-tabib jew tobba maħtura mill-istituzzjoni.

52      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn tiċħad minħabba tardività talba intiża għar-rikonoxximent tax-xogħol bħala l-kaġun ta’ marda, affettwat lir-rikorrenti b’mod sfavorevoli daqs deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ tali talba minħabba li ma hijiex fondata. Għalhekk, kuntrarjament għal dak li sostniet l-Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment u l-Kummissjoni fir-risposta tagħha, tali deċiżjoni ta’ inammissibbiltà ma setgħetx tiġi adottata mingħajr ma jkun ġie osservat minn qabel id-dritt għal smigħ tar-rikorrenti, iggarantit mill-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta.

53      Il-Kummissjoni ssostni wkoll li r-rikorrenti kellha l-possibbiltà li tippreżenta lment kontra d-deċiżjoni adottata mill-Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ, b’tali mod li hija kellha, fil-fatt u fid-dritt, il-possibbiltà li tinvoka d-drittijiet tagħha billi tippreżenta lill-Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ argumenti li jiġġustifikaw l-osservanza tan-natura raġonevoli tat-terminu li fih tressqet it-talba għar-rikonoxximent tax-xogħol bħala l-kaġun ta’ marda.

54      Madankollu, għandu jitfakkar f’dan ir-rigward li, kif diġà ddeċieda t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, il-fatt li jiġi aċċettat tali argument ikun ifisser biss li d-dritt fundamentali għal smigħ stabbilit fl-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta jiġi mċaħħad mis-sustanza tiegħu, peress li l-kontenut stess ta’ dan id-dritt jimplika li l-persuna kkonċernata kellha l-possibbiltà li tinfluwenza l-proċess deċiżjonali inkwistjoni, f’dan il-każ diġà fl-istadju tal-adozzjoni tad-deċiżjoni inizjali, jiġifieri d-deċiżjoni kkontestata, u mhux biss matul l-ilment skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal (ara s-sentenza tal‑5 ta’ Frar 2016, GV vs SEAE, F‑137/14, EU:F:2016:14, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55      Hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, l-eżistenza ta’ ksur tad-dritt għal smigħ għandu jiġi evalwat skont, b’mod partikolari, ir-regoli ġuridiċi li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (sentenza tad‑9 ta’ Frar 2017, M, C‑560/14, EU:C:2017:101, punt 33).

56      Fir-rigward tad-deċiżjonijiet dwar ir-rikonoxximent tax-xogħol bħala l-kaġun ta’ marda, l-Artikolu 18 tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni jeżiġi li dawn jittieħdu mill-Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 20 tal-istess regoli, b’mod partikolari abbażi tal-konklużjonijiet maħruġa mit-tabib jew tobba maħtura mill-istituzzjonijiet. Issa, skont dan l-Artikolu 20(1) tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni, qabel ma tieħu deċiżjoni skont l-Artikolu 18, l-Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ għandha tinnotifika lill-assigurat jew lill-aventi kawża tiegħu l-abbozz ta’ deċiżjoni, flimkien mal-konklużjonijiet tat-tabib jew tobba maħtura mill-istituzzjoni.

57      Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li dawn għandhom l-għan li jafdaw lil esperti mediċi l-evalwazzjoni definittiva tal-kwistjonijiet kollha ta’ natura medika. F’dan il-każ, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ inammissibbiltà, l-Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ ikkunsidrat li kien neċessarju li tintalab l-opinjoni ta’ B sabiex tkun tista’ tevalwa jekk kinitx teżisti raġuni medika li tiġġustifika t-tardività tat-talba għar-rikonoxximent tax-xogħol bħala l-kaġun tal-marda. Barra minn hekk, l-Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ semmiet il-konklużjoni ta’ B bħala li jikkostitwixxi motiv tal-inammissibbiltà tat-talba. Qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, l-Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ la nnotifikat lir-rikorrenti l-abbozz ta’ deċiżjoni u lanqas il-konklużjonijiet tat-tobba maħtura mill-Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ u, b’mod partikolari, il-konklużjoni ta’ B dwar it-tardività tat-talba għar-rikonoxximent tax-xogħol bħala l-kaġun tal-marda. Fil-fatt, kien biss fuq talba tar-rikorrenti li diversi dokumenti mediċi ntbagħtu lil A, il-psikjatra tagħha, fl-aħħar tax-xahar ta’ Ottubru 2018, jiġifieri wara d-deċiżjoni kkontestata tal‑1 ta’ Awwissu 2018.

58      Fl-aħħar, il-Kummissjoni sostniet li, skont id-dritt tal-Unjoni, ksur tad-drittijiet tad-difiża, b’mod partikolari tad-dritt għal smigħ, iwassal għall-annullament tad-deċiżjoni meħuda fi tmiem il-proċedura amministrattiva inkwistjoni biss jekk, fl-assenza ta’ din l-irregolarità, din il-proċedura setgħet twassal għal riżultat differenti. Il-Kummissjoni tenfasizza li, f’dan il-każ, l-argumenti ppreżentati mir-rikorrenti kienu diġà jinsabu fil-fajl mediku tagħha u kienu magħrufa mill-amministrazzjoni fil-kuntest tal-proċeduri amministrattivi l-oħra introdotti mir-rikorrenti u mfakkra fil-punti 3 sa 7 iktar ’il fuq.

59      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, skont ġurisprudenza stabbilita, ksur tad-dritt għal smigħ iwassal għall-annullament tad-deċiżjoni meħuda fi tmiem il-proċedura amministrattiva inkwistjoni biss jekk, fl-assenza ta’ din l-irregolarità, din il-proċedura setgħet twassal għal riżultat differenti (sentenza tal‑10 ta’ Jannar 2019, RY vs Il‑Kummissjoni, T‑160/17, EU:T:2019:1, punt 51).

60      Madankollu, fiċ-ċirkustanzi tal-każ fejn ir-rikorrenti lanqas ma kienet taf li parir mediku kien intalab lill-uffiċjal mediku u li dan kien ġie stabbilit, li jitqies li l-Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ kienet neċessarjament tadotta deċiżjoni identika li kieku r-rikorrenti kienet f’pożizzjoni li ssostni b’mod utli l-perspettiva tagħha matul il-proċedura amministrattiva jkun ifisser ukoll li d-dritt fundamentali għal smigħ, stabbilit fl-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta, jiġi mċaħħad mis-sustanza tiegħu, peress li l-kontenut stess ta’ dan id-dritt jimplika li l-persuna kkonċernata għandha l-possibbiltà li tinfluwenza l-proċess deċiżjonali inkwistjoni (ara s-sentenza tal‑10 ta’ Jannar 2019, RY vs Il‑Kummissjoni, T‑160/17, EU:T:2019:1, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61      Fil-fatt, skont ir-rikorrenti, ir-rispett tad-dritt għal smigħ tagħha kien taha l-possibbiltà li tispjega b’mod iktar konkret il-konsegwenzi tal-marda tagħha u ċ-ċirkustanzi l-oħra li setgħu pprekludewha milli tressaq talba iktar kmieni billi ħallietha kompletament eżawrita fiżikament u mentali, kif hija ssostni fir-rikors. Hija tenfasizza li hija setgħet tesprimi ruħha hija stess fuq ir-raġunijiet li għalihom it-talba għar-rikonoxximent tax-xogħol bħala l-kaġun tal-marda ma kinitx tressqet fi stadju preċedenti.

62      Minn dawn l-elementi jirriżulta li r-rikorrenti ma ġietx informata bid-deċiżjoni prevista mill-amministrazzjoni u ma nstemgħetx sabiex tkun tista’ tippreżenta argumenti li għandhom l-għan li jiddefendu s-sitwazzjoni tagħha, f’dan il-każ sa mill-istadju tal-adozzjoni tad-deċiżjoni inizjali, jiġifieri d-deċiżjoni kkontestata, u mhux biss mal-preżentata ta’ lment skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal.

63      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ewwel parti tat-tielet motiv ibbażat fuq ksur tad-dritt għal smigħ, iggarantit mill-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta, għandu jiġi milqugħ. Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata, mingħajr il-bżonn li jiġi eżaminat it-tieni parti tat-tielet motiv invokat mir-rikorrenti, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, kif ukoll tal-ewwel żewġ motivi.

 Fuq l-ispejjeż

64      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

65      Peress li l-Kummissjoni tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mir-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tal-Uffiċċju “Amministrazzjoni u Ħlas tal-Intitolamenti Individwali” (PMO) tal-Kummissjoni tal1 ta’ Awwissu 2018 li permezz tagħha t-talba ta’ UE intiża għar-rikonoxximent ta’ marda kkaġunata mix-xogħol, skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea ġiet miċħuda bħala inammissibbli hija annullata.

2)      Il-Kummissjoni hija kkundannata għall-ispejjeż.

Svenningsen

Barents

Pynnä

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑23 ta’ Settembru 2020.

 

Firem      

 

*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.