Language of document :

Rikors ippreżentat fit-6 ta' Marzu 2008 - Arch Chemicals Inc. et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-120/08)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Arch Chemicals, Inc. (Norwalk, l-Istati Uniti), Arch Timber Protection Ltd (Castleford, ir-Renju Unit), Bactria Industriehygiene-Service Verwaltungs GmbH (Kirchheimbolanden, il-Ġermanja), Rhodia UK Ltd (Watford, ir-Renju Unit), Sumitomo Chemical (UK) plc (Londra, ir-Renju Unit) u Troy Chemical Company BV (Maassluis, l-Olanda) (rappreżentanti: C. Mereu u K. Van Maldegem, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tiddikjara r-rikors preżenti bħala ammissibbli u fondat, jew, sussidjarjament, tgħaqqad l-argumenti dwar l-ammissibbiltà ma' l-eżami tal-mertu, jew, sussidjarjamnet, tirriżerva d-deċiżjoni tagħha dwar locus standi sakemm tingħata d-deċiżjoni fil-proċeduri prinċipali;

tordna l-annullament ta' l-Artikolu 3(2) (u ta' l-Anness II), ta' l-Artikolu 4, ta' l-Artikolu 7(3), tat-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 14(2), ta' l-Artikolu 15(3) u ta' l-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1451/2007, ta' l- 4 ta' Diċembru 2007, dwar it-tieni fażi tal-programm ta' ħidma ta' 10 snin imsemmi fl-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward it-tqegħid fis-suq ta' prodotti bijoċidali;

tiddikjara l-illegalità u l-inapplikabbiltà fil-konfront tar-rikorrenti ta' l-Artikoli 9(a), 10(3), 11 u 16(1) tad-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta' Frar 1998, dwar it-tqegħid fis-suq tal-prodotti bijoċidali;

tiddikjara l-illegalità u l-inapplikabbiltà fil-konfront tar-rikorrenti ta' l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1896/2000, tas-7 ta' Settembru 2000, fuq l-ewwel fażi tal-programm rigward prodotti bijoċidali msemmi fl-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;

tikkundanna lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għall-ispejjeż ta' dawn il-proċeduri.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti jitolbu l-annullament parzjali tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1451/2007, ta' l-4 ta' Diċembru 2007, dwar it-tieni fażi tal-programm ta' ħidma ta' 10 snin imsemmi fl-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward it-tqegħid fis-suq ta' prodotti bijoċidali1 u t-tħassir tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2032/20032, fuq il-bażi li d-dispożizzjonijiet ikkontestati:

iżommu l-formulazzjoni u/jew il-kontenut ta' dispożizzjonijiet oriġinarjament introdotti mir-Regolament (KE) Nru 2032/2003 u diġà kkontestati mir-rikorrenti (Kawżi T-75/04 sa T-79/04) fir-reviżjoni ta' sustanzi li qiegħda ssir b'mod li jippreġudika d-drittijiet u l-aspettattivi leġittimi tagħhom taħt id-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta' Frar 1998, dwar it-tqegħid fis-suq tal-prodotti bijoċidali3;

huma kuntradittorji fihom infushom u kuntrarji għad-Direttiva 98/8/KE, u

jiksru dispożizzjonijiet tat-Trattat KE u numru ta' prinċipji sovreni tal-liġi Komunitarja, bħalma huma l-prinċipju ta' kompetizzjoni mingħajr distorsjoni, ta' ċertezza legali u ta' aspettattivi leġittimi, ta' proporzjonalità, ta' trattament ugwali u ta' non-diskriminazzjoni, kif ukoll id-dritt għall-proprjetà u għall-eżerċizzju ħieles ta' attività professjonali.

Barra min hekk, ir-rikorrenti jsostnu li bħala parteċipanti fir-Regolament Nru 1451/2007, huma intitolati jibbenifikaw minn garanziji proċedurali u minn drittijiet għall-protezzjoni tad-data (jiġifieri, dritt esklużiv) fir-rigward ta' l-informazzjoni fin-notifiki tagħhom u fl-inkartamenti kompleti f'kull Stat Membru skond l-Artikolu 12 tad-Direttiva 98/8/KE. Madankollu, skond ir-rikorrenti, l-Artikolu 4 tar-Regolament 1451/2007, billi ma jobbligax lill-Istati Membri jħassru r-reġistrazzjonijiet ta' prodotti bijoċidali li jikkorrispondu għall-kombinazzjonijiet tat-tip sustanzi attivi/prodotti nnotifikati tar-rikorrenti, miżmuma minn kumpanniji kompetituri li ma jipparteċipawx fir-reviżjoni u m'għandhomx aċċess għall-informazzjoni ppreżentata mir-rikorrenti għall-għanijiet ta' din ir-reviżjoni, de jure u de facto jikser id-dritt ta' użu esklużiv iggarantit lir-rikorrenti mill-Artikolu 12 tad-Direttiva 98/8/KE. Barra min hekk, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni abbużat mill-poteri mogħtija lilha mid-Direttiva 98/8/KE bażika, billi deliberatament implimentat din id-direttiva b'mod li jmur lil'hinn mit-test tagħha u li jippreġudika d-drittijiet u l-aspettattivi tar-rikorrenti. Barra minn hekk, huwa sostnut li l-miżura kkontestata tikser id-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE dwar il-kompetizzjoni ġusta billi tippermetti lil kumpanniji li ma jipparteċipawx fir-reviżjoni u li mhumiex suġġetti għal spejjeż ta' investiment sabiex jibqgħu fis-suq u jiksbu mill-ġdid vantaġġ kompetittiv fuq ir-rikorrenti.

Fl-aħħar, ir-rikorrenti jressqu eċċezzjoni ta' illegalità kontra l-Artikolu 6(2) tar-Regolament 1896/2000 u l-Artikoli 9(a), 10(3), 11 u 16(1) tad-Direttiva 98/8/KE.

____________

1 - ĠU 2007 L 325, p. 3

2 - Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2032/2003, ta' l-4 ta' Novembru 2003, dwar it-tieni fażi tal-programm ta' ħidma ta' għaxar snin imsemmi fl-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward it-tqegħid ta' prodotti bijoċidiċi fis-suq, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1896/2000 (ĠU 2003 L 307, p.1)

3 - ĠU 1998 L 123, p. 1