Language of document : ECLI:EU:T:2010:183

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

11 ta’ Mejju 2010(*)

“Kuntratti pubbliċi għal provvisti – Proċedura ta’ sejħa għal offerti Komunitarja – Akkwist ta’ prodotti ta’ softwer u ta’ liċenzji – Ċaħda tal-offerta ta’ offerent – Offerta anormalment baxxa – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawża T‑121/08,

PC‑Ware Information Technologies BV, stabbilita f’Amsterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi), irrappreżentata minn L. Devillé u B. Maerevoet, avukati,

rikorrenti

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn E. Manhaeve, bħala aġent, assistit minn P. Wytinck, avukat,

konvenuta

li għandha bħala suġġett, prinċipalment, talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Jannar 2008, li tiċħad l-offerta ppreżentata mir-rikorrenti fil-kuntest tas-sejħa għal offerti DIGIT/R2/PO/2007/022 u, sussidjarjament, talba għal kumpens għad-danni allegatament subiti mir-rikorrenti minħabba l-aġir tal-Kummissjoni,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn I. Pelikánová, President, K. Jürimäe (Relatur) u S. Soldevila Fragoso, Imħallfin,

Reġistratur: J. Plingers, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Lulju 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

A –  Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

1        L-għoti ta’ kuntratti għal provvisti tal-Kummissjoni Ewropea huwa suġġett għad-dispożizzjonijiet tat-Titolu V tal-ewwel parti tar-Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 1605/25 tal-25 ta’ Ġunju 2002, fir-rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 74, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Finanzjarju”), kif ukoll għad-dispożizzjonijiet tat-Titolu V tal-ewwel parti tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, EURATOM) Nru 2342/2002 tat-23 ta’ Diċembru 2002 li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament Finanzjaru (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 145, iktar ’il quddiem ir-“Regoli ddettaljati għall-implementazzjoni”, fil-verżjoni tagħhom applikabbli fil-kawża preżenti.

2        Skont l-Artikolu 100 tar-Regolament Finanzjarju:

“1. L-uffiċjal awto[r]izzanti għandu jiddeċiedi lil min il-kuntratt għandu jkun mogħti, b’konformità mal-kriterja tas-selezzjoni u l-għoti stabbilita minn qabel fid-dokumenti li jirrelataw mas-sejħa għal-offerti u r-regoli tal-forniment [għoti ta’ kuntratti].

2. L-awtorità tal-kuntratti [kontraenti] għandha tinnotifika lill-kandidati jew lill-appaltaturi [offerenti] kollha li l-applikazzjonijiet jew l-offerti tagħhom huma miċħuda bil-bażi li fuqhom tkun ittieħdet id-deċiżjonim u lill-appaltaturi kollha li l-offerti tagħhom huma ammissibbli u li jagħmlu talba bil-miktub, bill-karatteristiċi u l-vantaġġi relattivi ta’ l-appaltatur b’suċċess u l-isem ta’ l-appaltatur li lilu jingħata il-kuntratt.

B’dana kollu, ċerti dettalji ma jkunx hemm ħtieġa li jkunu żvelati meta l-iżvelar tagħhom ikun ifixkel l-applikazzjoni tal-liġi, ikun kuntrarju ta’ l-interess pubbliku jew ikunu ta’ ħsara għall-interessi leġittimi tan-negozju ta’ l-impriżi pubbliċi jew privati jew jista’ jgħawweġ il-kompetizzjoni ġusta bejn dawk l-impriżi.”

3        L-Artikolu 130(1) u (3) tar-Regoli ddettaljati għall-implementazzjoni jipprovdi li:

“1. Id-dokumenti li għandhom [jiġu annessi] mas-sejħa biex isiru l-offerti, [tal-] mill-inqas [għandhom jinkludu]:

[…]

b) l-ispeċifikazzjonijiet mehmużin [...];

[…]

3. L-ispeċifikazzjonijiet mill-inqas iridu:

[…]

ċ) [j]istabbilixx[u] l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi msemmij[a] fl-Artikolu 131; […];

[…]”

4        L-Artikolu 139(1) tar-Regoli ddettaljati għall-implementazzjoni jipprovdi:

“1. Jekk, għal xi appalt, l-offerti jidhru abnormalment baxxi, l-awtorità tal-kuntratti [kontraent], qabel ma tirrifjuta dawn l-offerti fuq dan l-argument biss, titlob bil-miktub dettalji ta’ l-elementi li minnhom magħmula l-offerta, li hi tqis li għandhom x’jaqsmu u tivverifika dawk l-elementi kostitwenti, wara li tkun semgħet sew il-partijiet, u tqis l-ispjegazzjonijiet li tkun irċeviet.

L-awtorità ta’ l-appalti tista’, b’mod partikolari, tqis l-ispjegazzjonijiet dwar:

a) l-ekonomika tal-proċess ta’ manifattura, tal-fornitura [provvista] tas-servizz jew tal-metodu ta’ kostruzzjoni;

b) is-soluzzjonijiet tekniċi magħżula jew il-kondizzjonijiet eċċezzjonalment favorevoli għal min qed jitfa’ l-offerta [offerenti];

ċ) l-oriġinalita ta’ l-offerta.”

5        L-Artikolu 146(4) tar-Regoli ddettaljati għall-implementazzjoni jipprovdi:

“F’każ ta’ offerti abnormalment baxxi kif imsemmijin fl-Artikolu 139 ta’ dan ir-Regolament, il-kumitat ta’ evalwazzjoni titlob kull tagħrif li għandu x’jaqsam ma’ kif inhi magħmula l-offerta.”

6        L-Artikolu  149 tar-Regoli ddettaljati għall-implementazzjoni jipprovdi:

“1. Kemm jista’ jkun malajr, l-awtoritajiet ta’ l-appalti [kontraenti] jgħarrfu lill-kandidati u lil dawk li jitfgħu l-offerti [offerenti] dwar kull deċiżjoni li tkun saret dwar l-għoti ta’ l-appalt [kuntratt], inkluż għalfejn tkun saret deċiżjoni biex ma jingħatax appalt [jew kuntratt qafas] li għalih kienu saru offerti f’kompetizzjoni ma’ xulxin jew biex terġa tinbeda l-proċedura..

2. Fi żmien ħmistax-il ġurnata kalendarja mid-data li tintlaqa’ talba bil-miktub, tikkomunika t-tagħrif previt fl-Artikolu 100(2) tar-Regolament Finanzjarju.

3. Fil-każ ta’ kuntratti mogħtija mill-Istituzzjonijiet tal-Komunità f’isimhom stess, b’valur daqs il-limiti msemmija fl-Artikolu 158 jew aktar minnhom, u li ma jkunux esklużi mill-firxa ta’ l-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/18/KE, l-awtorità li tagħti l-kuntratti [kontraenti] għandha tinforma lil dawk kollha li jitfgħu offerti [offerenti] jew kandidati li ma jkunux irnexxew, bil-posta u bil-feks jew il-posta elettronika, li l-applikazzjoni jew l-offerta tagħhom ma jkunux intlaqgħu permezz ta’ waħda mill-fażijiet li ġejjin:

a)       ftit wara li jkunu ttieħdu d-deċiżjonijiet dwar il-kriterji ta’ esklużjoni u ta’ għażla u qabel id-deċiżjoni ta’ l-aġġudikazzjoni [għoti], meta l-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratt huma organizzati f’żewġ fażijiet distinti;

b)      fir-rigward ta’ deċiżjonijiet ta’ aġġudikazzjoni u deċiżjonijiet ta’ rifjut ta’ offerti, kemm jista’ jkun malajr wara d-deċiżjoni ta’ l-aġġudikazzjoni u sa mhux aktar tard mill-ġimgħa ta’ wara.

F’kull każ, l-awtorità li tagħti l-kuntratti għandha tindika r-raġunijiet għaliex l-offerta jew applikazzjoni ma jkunux ġew aċċettati u r-rimedji legali disponibbli.

L-awtoritajiet kontraenti fl-istess ħin għandhom jinnotifikaw in-notifiki ta’ l-eliminazzjoni indirizzati lill-kandidati jew lil dawk li tefgħu l-offerti eliminati, id-deċiżjoni dwar l-għotja lil dak li ntgħażel billi jiġi speċifikat li d-deċiżjoni nnotifikata ma tikkostitwixxix impenn min-naħa ta’ l-awtorità kontraenti kkonċernata.

Dawk li tefgħu l-offerti jew il-kandidati eliminati jistgħu jakkwistaw informazzjoni kumplimentari dwar ir-ragunijiet għall-eliminazzjoni tagħhom, permezz ta’ talba bil-miktub, permezz ta’ ittra, fax jew posta elettronika u għal dawk kollha li tefgħu offerta aċċettabbli [ammissibbli], fuq il-karatteristiċi u l-vantaġġi ta’ l-offerta li ntgħażlet kif ukoll l-isem ta’ min ta din l-offerta, bla preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 100(2), it-tieni inċiż, tar-Regolament Finanzjarju. L-awtoritajiet kontraenti għandhom jirrispondu f’tul ta’ żmien ta’ ħmistax-il ġurnata li għandhom jibdew jgħoddu mid-data ta’ l-ilqugħ tat-talba”.

7        Il-punt 3.3 tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi dwar is-sejħa għal offerti DIGIT/R2/PO/2007/022, intitolati “Negozjant [Bejjiegħ mill-ġdid] awtorizzat biex ibigħ prodotti tal-Microsoft (LAR 2007)” u ppubblikati mill-Kummissjoni fis-Suppliment għall-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2007, S 183, iktar ’il quddiem is-“sejħa għal offerti”), jispeċifika li:

“Permezz ta’ deroga mill-abbozz tal-gwida għall-offerenti li jippreżentaw offerta b’risposta għal sejħa għal offerti mid-Direttorat Ġenerali tal-informatika, il-kuntratt li jirriżulta mis-sejħa għal offerti preżenti jkun irregolat mil-liġi tal-Komunità Ewropea, u kkompletat mid-dritt Belġjan fuq il-punti li dwarhom il-liġi Komunitarja ma tirregolax il-kwistjoni ta’ liġi inkwistjoni.”

8        Il-punt 1.1.1 tal-gwida għall-offerenti li jippreżentaw offerta b’risposta għal sejħa għal offerti mid-Direttorat Ġenerali tal-informatika jipprovdi:

“Il-proċedura għal sejħa għal offerti tal-istituzzjonijiet tal-UE, aġenziji u korpi oħrajn, hija rregolata mid-dispożizzjonijiet li ġejjin, iktar partikolarment:

(1)       Titolu V tal-ewwel parti tar-Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 1605/02 tal-25 ta’ Ġunju 2002, fir-rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej, kif emendat l-aħħar

(2)       Titolu V tal-ewwel parti tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, EURATOM) Nru 2342/2002 tat-23 ta’ Diċembru 2002 li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 fuq ir-Regolamenti Finanzjaru li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet, kif emendat l-aħħar

(3)       Il-Ftehim tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ dwar is-sejħa għal offerti pubbliċi, li l-Komunità Ewropea ssieħbet fih wara d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ November 1987 dwar il-konklużjoni tal-Protokoll li jemenda l-ftehim GATT dwar is-sejħa għal offerti pubbliċi.”

B –  Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

9        L-Artikolu 40 tal-Liġi, tal-14 ta’ Lulju 1991, fuq il-prattiki tal-kummerċ u fuq l-informazzjoni u l-protezzjoni tal-konsumatur, (Moniteur belge tad-29 ta’ Awwissu 1991, iktar ’il quddiem il-“Liġi Belġjana fuq il-prattiki tal-kummerċ”) jipprovdi dan li ġej:

“Huwa pprojbit għal kull kummerċjant li joffri għal bejgħ prodott jew li jbigħ prodott b’telf.

Huwa kkunsidrat bħala bejgħ b’telf, kull bejgħ bi prezz li mhux tal-inqas ugwali għall-prezz li bih il-prodott ġie ffatturat waqt il-provvista, jew il-prezz li bih se jiġi ffatturat fil-każ ta’ provvista mill-ġdid.

[…]”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

10      Fit-30 ta’ Marzu 2007, il-Kummissjoni ppubblikat avviż ta’ tagħrif minn qabel, dwar l-għoti ta’ kuntratt intitolat “Negozjant [Bejjiegħ mill-ġdid] awtorizzat biex ibigħ prodotti tal-Microsoft (LAR 2007)” sabiex jiġi konkluż il-ftehim qafas li jistabilixxi punt ta’ bejgħ uniku għall-akkwist ta’ prodotti u liċenzji ta’ softwer tal-Microsoft mingħand il-fornitur Microsoft (iktar ’il quddiem il-“fornitur”), mill-Kummissjoni u mill-Istituzzjonijiet Ewropej l-oħra, bir-riferenza DIGIT/R2/PO/2007/022, fis-Suppliment għall-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU S 63).

11      B’ittra tal-21 ta’ Settembru 2007, ir-rikorrenti, PC‑Ware Information Technologies BV, irċiviet kopja tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li jirrigwardaw l-imsemmi kuntratt.

12      Fit-22 ta’ Settembru 2007, il-Kummissjoni ppubblikat avviż ta’ kuntratt li jirrigwarda s-sejħa għal offerti.

13      Fit-2 ta’ Novembru 2007, ir-rikorrenti indirizzat l-offerta tagħha lill-Kummissjoni. Hija indikat f’din l-offerta li, skont, b’mod partikolari, l-Artikolu 40 tal-Liġi Belġjana fuq il-prattiki tal-kummerċ, li jipprojbixxi l-bejgħ b’telf, it-tnaqqis mogħti mir-rikorrenti fuq il-prezz tal-prodotti u tal-liċenzji ta’ fornitur fil-kuntest tal-offerta inkwistjoni huwa ta’ 17.70 %.

14      B’ittra tat-3 ta’ Diċembru 2007, il-Kummissjoni talbet lill-offerent magħżul sabiex jikkonferma li l-offerta tiegħu tirrispetta l-leġiżlazzjoni applikabbli u, b’mod partikolari, li huwa ma kienx qed ibigħ b’telf. B’ittra tal-4 ta’ Diċembru 2007, l-offerent magħżul kkonferma dan ir-rekwiżit.

15      Fl-10 ta’ Jannar 2008, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni li tagħti l-kuntratt inkwistjoni lill-offerent magħżul.

16      B’ittra tal-11 ta’ Jannar 2008, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti bid-deċiżjoni tagħha ta’ ċaħda tal-offerta tagħha, minnħabba l-fatt li, fuq il-bażi tal-applikazzjoni tal-formula tal-għoti tal-kuntratt, hija ma ppreżentatx l-aħjar relazzjoni bejn il-kwalità u l-prezz. Din l-ittra indikat ukoll li r-rikorrenti kellha wkoll il-possibbiltà titlob xi informazzjoni addizzjonali.

17      B’posta elettronika tas-16 ta’ Jannar 2008, li kienet is-suġġett ta’ fakkâr tat-18 ta’ Jannar 2008, ir-rikorrenti talbet lill-Kummissjoni sabiex torganizza laqgħa dwar l-istat tal-affarijiet billi speċifikat b’mod speċifiku li l-għan tal-imsemmija laqgħa kien li tingħata deskrizzjoni tal-punti b’saħħithom u tal-punti dgħajfa tal-offerta tagħha fil-konfront ta’ dik li hija għażlet sabiex jinftiehem aħjar ir-riżultat tal-evalwazzjoni.

18      Wara din it-talba, il-Kummissjoni organizzat laqgħa ta’ debriefing mar-rappreżentanti tar-rikorrenti, li nżammet fit-28 ta’ Jannar 2008.

19      B’ittra tad-29 ta’ Jannar 2008, il-Kummissjoni kkomunikat lir-rikorrenti l-isem tal-offerent magħżul tal-kuntratt inkwistjoni u rendikont tal-laqgħa dwar l-istat tal-affarijiet li fih hija indikat li l-offerta ta’ prezz tal-offerent magħżul ikkorrispondiet għal 81.75 % tal-prezz tal-prodotti kkonċernati fis-suq inkwistjoni, jiġifieri tnaqqis ta’ 18.25 %. Ġie indikat ukoll fl-imsemmija ittra li l-kuntratt ingħata lill-offerent magħżul minħabba l-fatt li l-offerta tiegħu rrapreżentat l-aħjar relazzjoni bejn il-kwalità u l-prezz.

20      Fil-21 ta’ Frar 2008, il-Kummissjoni kkonkludiet mal-offerent magħżul kuntratt bir-riferenza DI 06270 00.

21      Fil-15 ta’ Marzu 2008, il-Kummissjoni ppubblikat avviż tal-għoti ta’ dan il-kuntratt fis-Suppliment għall-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU S 53).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

22      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza (li issa saret il-“Qorti Ġenerali”, fl-10 ta’ Marzu 2008, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

23      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali, instemgħu fis-seduta tas-7 ta’ Lulju 2009.

24      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors ammissibbli;

–        tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, innotifikata b’ittra tal-11 ta’ Jannar 2008, li tiċħad l-offerta ppreżentata mir-rikorrenti b’risposta għas-sejħa għal offerti DIGIT/R2/PO/2007/022‑LAR 2007 u li tagħti l-kuntratt lill-offerent magħżul;

–        tiddikjara li l-aġir illegali tal-Kummissjoni jikkostitwixxi att illegali li kapaċi jagħti lok għar-responsabbiltà tal-Kummissjoni;

–        sussidjarjament, jekk il-kuntratt ikun diġà tlesta meta l-Qorti Ġenerali tagħti s-sentenza tagħha jew jekk id-deċiżjoni ta’ ċaħda ma tistax tiġi annullata, tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ħlas ta’ danni ekwivalenti għal EUR 654 962.38 għad-dannu subit mir-rikorrenti fir-rigward ta’ din il-proċedura;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

25      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara t-talba għall-annullament inammissibbli fit-totalità tagħha, jew tal-inqas, infondata;

–        tiddikjara t-talba għad-danni inammissibbli fit-totalità tagħha, jew tal-inqas, infondata;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

A –  Fuq it-talba għal anullament

26      Għandu jiġi osservat li, permezz tat-tieni parti tat-talbiet esposta fil-punt 24 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, innotifikata b’ittra tal-11 ta’ Jannar 2008, li tiċħad l-offerta tagħha u li tagħti l-kuntratt lill-offerent magħżul.

27      Issa, hekk kif jirriżulta mill-punt 16 iktar ’il fuq, bl-ittra tal-11 ta’ Jannar 2008, il-Kummissjoni sempliċement informat lir-rikorrenti bid-deċiżjoni tagħha li tiċħad l-offerta minħabba l-fatt li fuq il-bażi tal-applikazzjoni tal-formola ta’ għoti tal-kuntratt, hija ma ppreżentatx l-aħjar relazzjoni bejn il-kwalità u l-prezz. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li l-imsemmija ittra ma tistax tiġi interpretata li fiha, bħala tali, deċiżjoni ta’ għoti tal-kuntratt lill-offerent magħżul. F’din il-kawża, hekk kif huwa indikat ukoll fil-punt 15 iktar ’il fuq, id-deċiżjoni ta’ għoti tal-kuntratt ġiet adottata fl-10 ta’ Jannar 2008.

28      Madankollu, mill-ġurisprudenza jirriżulta li talba għal annullament ta’ deċiżjoni ta’ għoti ta’ kuntratt lil offerent u dik ta’ ċaħda tal-offerta ta’ offerent ieħor fir-rigward tal-istess kuntratt huma marbuta b’mod strett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ April 2007, Deloitte Business Advisory vs Il-Kummissjoni, T‑195/05, Ġabra p. II‑871, punt 113).

29      Għaldaqstant, hemm lok li jitqies li d-deċiżjoni kkontestata fil-kuntest tar-rikors preżenti tapplika kemm għad-deċiżjoni ta’ ċaħda u kemm għad-deċiżjoni tal-għoti tal-kuntratt.

1.     Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal annullament

30      Mingħajr ma tqajjem b’mod formali eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, il-Kummissjoni ssostni li t-talba għal annullament hija inammissibbli minn naħa minħabba nuqqas ta’ interess ġuridiku u, min-naħa l-oħra, minħabba nuqqas ta’ suġġett.

a)     Fuq in-nuqqas ta’ interess ġuridiku tar-rikorrenti

 L-argumenti tal-partijiet

31      Il-Kummissjoni tqis li t-talba għal annullament għandha tinċaħad minħabba nuqqas ta’ interess ġuridiku. Jekk l-argument imressaq mir-rikorrenti insostenn tar-rikors tagħħa, li jipprovdi li l-offerta tal-offerent magħżul tas-suq inkwistjoni hija kuntrarja għall-Artikolu 40 tal-Liġi Belġjana fuq il-prattiki tal-kummerċ li tipprojbixxi l-bejgħ b’telf, jintlaqa’, minn dan jirriżulta li l-offerta ppreżentata mir-rikorrenti wkoll tikser l-Artikolu 40 tal-Liġi Belġjana fuq il-prattiki tal-kummerċ. Fil-fatt, ir-rikorrenti tammetti hija stess li hija biegħet prodotti mingħajr qligħ, li skont l-Artikolu 40 tal-Liġi Belġjana fuq il-prattiki tal-kummerċ għandu wkoll jitqies bħala bejgħ b’telf. Minn dan isegwi li mhux biss l-offerta tagħha ma kellha l-ebda ċans li tintgħażel, iżda, barra minn hekk, ir-rikorrenti lanqas ma tista’ tippretendi kumpens għad-danni, peress li l-att allegatament illegali tal-Kummissjoni, ma kien jikkawżalha l-ebda dannu.

32      Ir-rikorrenti ssostni li l-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-inammissibbiltà minħabba nuqqas ta’ interess ġuridiku jirrigwardaw il-mertu tal-kawża, fis-sens li ma humiex relatati mal-kwistjoni tal-ammissibbilta tar-rikors.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

33      Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, rikors għal annullament imressaq minn persuna fiżika jew ġuridika huwa ammissibbli biss sa fejn din il-persuna għandha interess li l-att ikkontestat jiġi annullat. Tali interess jippresupponi li l-annullament tal-att ikkontestat jista’ jkollu, minnu nnifsu, konsegwenzi legali u li r-rikors b’hekk jista’, bl-eżitu tiegħu, jipprovdi benefiċċju lill-parti li ressqitu (ara d-digriet tal-Qorti Ġenerali, tat-30 ta’ April 2007, EnBW Energie Baden-Württemberg vs Il-Kummissjoni, T‑387/04, Ġabra 2007 p. II‑1195, punt 96, u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Hemm lok li jiġi kkonstatat li l-argument tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ interess ġuridiku tar-rikorrenti huwa bbażat fuq il-premessa li tipprovdi li l-Artikolu 40 tal-Liġi Belġjana fuq il-prattiki tal-kummerċ huwa applikabbli f’din il-kawża. Fil-fatt, min-noti tal-Kummissjoni jirriżulta b’mod espress li, huwa biss sa fejn il-Qorti Ġenerali għandha tikkunsidra li l-offerta tal-offerent magħżul hija kuntrarja għall-Artikolu 40 tal-Liġi Belġjana fuq il-prattiki tal-kummerċ li l-interess ġuridiku tar-rikorrenti huwa nieqes.

35      Issa, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li min-noti tal-Kummissjoni dwar it-tieni motiv jirriżulta li hija tikkontesta l-applikazzjoni, fil-kawża preżenti, ta’ din id-dispożizzjoni. Għaldaqstant, hekk kif issostni r-rikorrenti, għandu jitqies li din il-kwistjoni ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 40 tal-Liġi Belġjana fuq il-prattiki tal-kummerċ taqa’ taħt l-eżami tal-mertu tat-talba għal annullament.

36      Għaldaqstant, fin-nuqqas ta’ argumenti rilevanti invokati mill-Kummissjoni insostenn tal-allegazzjonijiet tagħha ta’ nuqqas ta’ interess ġuridiku, hemm lok li din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tiġi miċħuda.

b)     Fuq in-nuqqas ta’ suġġett tat-talba għal annullament

 L-argumenti tal-partijiet

37      Il-Kummissjoni tikkunsidra li r-rikorrenti titlob danni biss u li t-talba prinċipali għal annullament tagħha saret mingħajr suġġett. Fil-fatt, il-kuntratt diġà ġie eżegwit parzjalment, li, fid-dawl tat-talbiet tar-rikorrenti, jimplika li, skont dan ir-rikors, hija tirrinunzja għat-talba għal annullament tagħha sabiex tissostitwiha b’talba għad-danni.

38      Ir-rikorrenti tikkontesta l-argumenti invokati mill-Kummissjoni u tikkonkludi li hija għandha interess fl-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

39      Skont il-ġurisprudenża, sabiex rikorrent iżomm waqt l-istanza, interess ġuridiku fl-annullament tal-att ikkontestat, l-imsemmi annullament għandu jkun jista’, fih innifsu, jipproduċi effetti legali, li jistgħu, b’mod partikolari, jikkumpensaw l-eventwali konsegwenzi dannużi li jirriżultaw minn dan l-att jew jevitaw li l-illegalità allegata ma tipproduċix ruħha fil-futur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ April 1988, Apesco vs Il-Kummissjoni, 207/86, Ġabra p. 2151, punt 16; is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Marzu 1999, Gencor vs Il-Kummissjoni, T‑102/96, Ġabra p. II‑753, punt 41, u d-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ Diċembru 2007, Schering-Plough vs Il-Kummissjoni u EMEA, T‑133/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 31).

40      F’din il-kawża, fir-rigward tal-ftehim qafas, bħal dak inkwistjoni, li jista’ iservi bħala mudell tal-għoti fil-futur ta’ kuntratti analogi, jeżisti interess li għandu jiġi evitat li l-illegalità allegata minn rikorrent tipproduċi ruħha fil-futur. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tiżbalja meta ssostni li t-talba għal annullament hija nieqsa minn suġġett.

41      Fid-dawl tal-konklużjonijiet li nsiltu fil-punti 36 u 40 iktar ’il fuq, hemm lok li din t-talba għal annullament tiġi ddikjarata ammissibbli.

2.     Fuq il-mertu

42      Insostenn tat-talba tagħha għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti tressaq żewġ motivi, ibbażati, l-ewwel nett, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u, it-tieni nett, fuq ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 55 tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 6, Vol. 7. p. 132), kif ukoll tal-Artikolu 139(1) u tal-Artikolu 146(4) tar-Regoli ddettaljati għall-implementazzjoni, moqrija flimkien mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 40 tal-Liġi Belġjana fuq il-prattiki tal-kummerċ li jipprojbixxu bejgħ b’telf.

43      L-ewwel nett, sabiex jiġi ddefinit is-suġġett ta’ dan ir-rikors, għandha tiġi eżaminata l-fondatezza tat-tieni motiv.

a)     Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 55 tad-Direttiva 2004/18 kif ukoll tal-Artikolu 139(1) u tal-Artikolu 146(4) tar-Regoli ddettaljati għall-implementazzjoni, moqrija flimkien mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 40 tal-Liġi Belġjana fuq il-prattiki tal-kummerċ.

 L-argumenti tal-partijiet

44      L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li hija ġibdet l-attenzjoni tal-Kummissjoni b’mod espress, waqt il-preżentazzjoni tal-offerta tagħha, fuq il-fatt li hija kienet qed tipproponi, fil-kuntest tal-proċedura tal-kuntratt inkwistjoni, l-ogħla perċentwali ta’ tnaqqis possibbli, jiġifieri 17.70 %. Il-perċentwali massima ta’ dan it-tnaqqis kienet valida għall-offerti kollha li jirrigwardaw l-għoti tal-kuntratt inkwistjoni, inkluż dik tal-offerent magħżul. Insostenn ta’ din l-affermazzjoni, ir-rikorrenti tibbaża ruħha fuq ittra tad-29 ta’ Ottubru 2007 li hija indirizzat lill-fornitur, mehmuża mal-offerta tagħha tat-2 ta’ Novembru 2007 (iktar ’il quddiem, l-“ittra tal-fornitur”). Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li din l-affermazzjoni hija sostnuta mill-fatt li tliet offerenti oħra kienu ppreżentaw offerta li tinkludi tnaqqis ta’ 17.70 %, fatt li l-Kummissjoni kienet taf bih.

45      Madankollu, hija tirrileva li mid-dokumenti tal-proċess jirriżulta li l-offerta tal-offerent magħżul kien fiha proposta ta’ tnaqqis ta’ 18.25 %, li huwa ogħla mit-tnaqqis mogħti mill-fornitur lill-bejjiegħa mill-ġdid kollha. Skont ir-rikorrenti, tali tnaqqis huwa għaldaqstant kuntrarju għall-Artikolu 40 tal-Liġi Belġjana fuq il-prattiki tal-kummerċ, li jipprojbixxi l-bejgħ b’telf u li, skont il-punt 3.3 tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, japplika f’din il-kawża. Għaldaqstant, minħabba l-livell ta’ tnaqqis propost mill-offerent magħżul, l-offerta ta’ dan tal-aħħar tikkostitwixxi offerta anormalment baxxa fis-sens tal-Artikolu 139(1) u tal-Artikolu 146(4) tar-Regoli ddettaljati għall-implementazzjoni.

46      L-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li, billi għażlet l-offerta tal-offerent magħżul, filwaqt li kienet tikkostitwixxi offerta anormalment baxxa, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 55 tad-Direttiva 2004/18, kif ukoll l-Artikolu 139(1) u l‑Artikolu 146(3) tar-Regoli ddettaljati għall-implementazzjoni. Hija tqis li tali offerta kellha tiġi miċħuda immedjatament mill-Kummissjoni.

47      It-tieni nett, peress li l-Kummissjoni ma stħarrġitx, minkejja l-informazzjoni kkomunikata mir-rikorrenti, jekk l-offerta tal-offerent magħżul tiksirx il-projbizzjoni ta’ bejgħ b’telf, hija kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, minħabba l-fatt li hija ma eżaminatx l-elementi rilevanti kollha b’attenzjoni u imparzjalità.

48      It-tielet nett, ir-rikorrenti tosserva li l-legalità tal-kuntratt konkluż mill-Kummissjoni mal-offerent magħżul tista’ tiġi kkontestata quddiem il-qrati Belġjani, mill-partijiet ikkonċernati kollha, skont l-Artikoli 95 u 98 tal-Liġi Belġjana fuq il-prattiki tal-kummerċ jew tal-Artikoli 6 u 1133 tal-Kodiċi Ċivili Belġjan.

49      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti u titlob iċ-ċaħda tat-tieni motiv bħala infondat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

–       Fuq il-partijiet tat-tieni motiv, ibbażati fuq il-ksur ta’ direttiva u tal-Liġi Belġjana

50      L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat qabel kollox li t-tieni motiv huwa, b’mod partikolari, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 55 tad-Direttiva 2004/18. Issa, id-Direttiva 2004/18 għandha bħala destinatarji l-Istati Membri kollha li hija tindika u, għaldaqstant, ma tapplikax għall-kuntratti pubbliċi mogħtija, bħalma huwa l-każ f’din il-kawża, minn istituzzjoni Komunitarja. Għaldaqstant, din il-parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda bħala inoperanti.

51      It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li min-noti tar-rikorrenti jirriżulta li t‑tieni motiv, huwa bbażat minn naħa, essenzjalment, fuq ksur tad‑dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju applikabbli għall-offerti anormalment baxxi, jiġifieri l-Artikolu 139(1) u l-Artikolu 146(4) tar-Regoli ddettaljati għall-implementazzjoni, u, min-naħa l-oħra, li huwa b’rabta mad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju li r-rikorrenti tirreferi għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 40 tal-Liġi Belġjana fuq il-prattiki tal-kummerċ.

52      Fil-fatt, minn naħa, ir-rikorrenti tikkritika espressament lill-Kummissjoni li kisret l-imsemmija artikoli tar-Regoli ddettaljati għall-implementazzjoni.

53      Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li r-rikorrenti xxebbah il-bejgħ b’telf, fis-sens tal-Artikolu 40 tal-Liġi Belġjana fuq il-prattiki tal-kummerċ, mal-offerti anormalment baxxi, u dan minn żewġ aspetti. L-ewwel nett, hija ssostni li l-offerta tal-offerent magħżul tikkostitwixxi kemm bejgħ b’telf u kemm offerta anormalment baxxa, peress li hija pproponiet tnaqqis ta’ ammont ogħla minn dak tat-tnaqqis mogħti mill-fornitur. It-tieni nett, hija tikkunsidra li l-offerta tal-offerent magħżul, peress li tikkostitwixxi kemm offerta anormalment baxxa u kemm bejgħ b’telf, kellha tiġi miċħuda immedjatament mill-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt inkwistjoni, u dan skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 139(1) tar-Regoli ddettaljati għall-implementazzjoni.

54      It-tielet nett, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta wkoll mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 100(1) tar-Regolament Finanzjarju, l-għażla tal-offerent magħżul tas-suq għandha titwettaq b’osservanza minn naħa, għall-kriterji ta’ għażla u ta’ għoti, u min-naħa l-oħra, għar-regoli tal-għoti tal-kuntratti. Mid-dispożizzjonijiet ta’ dan l-istess artikolu jirriżulta wkoll li l-kriterji ta’ għażla u ta’ għoti huma ddefiniti minn qabel fid-dokumenti tas-sejħa għal offerti.

55      Issa, hekk kif ġie mfakkar fil-punt 1 iktar ’il fuq, l-għoti ta’ kuntratti ta’ provvisti tal-Kummissjoni huwa suġġett biss għad-dispożizzjonijiet tat-Titolu V tal-ewwel parti tar-Regolament Finanzjarju u għat-Titolu V tal-ewwel parti tar-Regoli ddettaljati għall-implementazzjoni.

56      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 139(1) u l-Artikolu 146(4) tar-Regoli ddettaljati għall-implementazzjoni, li r-rikorrenti tallega l-ksur tagħhom abbażi tat-tieni motiv, huma parti mit-Taqsima 3, intitolata “Proċeduri ta’ ksib [għall-għoti ta’ kuntratti]” tal-Kapitolu 1 tat-Titolu V tal-ewwel parti tar-Regoli ddettaljati għall-implementazzjoni.

57      L-ewwel nett, konsegwentement, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 139(1) tal-Artikolu 146(4) tar-Regoli ddettaljati għall-implementazzjoni jikkostitwixxu r-regoli ta’ għoti ta’ kuntratt fis-sens tal-Artikolu 100(1) tar-Regolament Finanzjarju. Għaldaqstant, hemm lok li jitqies li, essenzjalment, it-tieni motiv jirrigwarda l-ksur tar-regoli ta’ għoti ta’ kuntratti.

58      It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li, hekk kif jirriżulta mill-punt 45 iktar ’il fuq, sabiex issostni l-affermazzjoni tagħha li tipprovdi li l-Artikolu 40 tal-Liġi Belġjana fuq il-prattiki tal-kummerċ japplika f’din il-kawża, ir-rikorrenti tibbaża ruħha fuq id-dispożizzjonijiet tal-punt 3.3 tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi.

59      Issa, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 130(1)(b) u 3(ċ) tar-Regoli ddettaljati għall-implementazzjoni, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jikkostitwixxu wieħed mill-elementi tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, li huwa, minn naħa tiegħu, dokument ta’ sejħa għal offerti.

60      Għaldaqstant, fid-dawl tal-konklużjoni li saret fil-punt 57 iktar ’il fuq, li tipprovdi li t-tieni motiv imqajjem insostenn tat-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata huwa bbażat, essenzjalment, fuq ksur ta’ regola ta’ għoti ta’ kuntratti fis-sens tal-Artikolu 100(1) tar-Regolament Finanzjarju, ir-rikorrenti tiżbalja meta tinvoka dispożizzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tas-sejħa għal offerti inkwistjoni, li ma tikkostitwixxix regola ta’ għoti ta’ kuntratti, sabiex tiddikjara li l-Artikolu 40 tal-Liġi Belġjana fuq il-prattiki tal-kummerċ japplika f’din il-kawża.

61      Għall-finijiet ta’ kompletezza, għandu jiġi speċifikat li, anki jekk jitqies li r-rikorrenti allegat, b’mod awtonomu, ksur tal-Artikolu 40 tal-Liġi Belġjana fuq il-prattiki tal-kummerċ, tali lment ma jistax jintlaqa’.

62      Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali hija kompetenti, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, sabiex tiddeċiedi fuq ir-rikorsi dwar nuqqas ta’ kompetenza, dwar ksur tar-rekwiżiti proċedurali, dwar ksur tat-Trattat jew ta’ kull dispożizzjoni legali dwar l-applikazzjoni tagħhom, jew dwar użu ħażin ta’ poter. Minn dan jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma tistax tittratta l-allegat ksur tal-Liġi Belġjana bħala kwistjoni ta’ liġi li timplika stħarriġ ġudizzjarju mingħajr limiti. Fil-fatt, stħarriġ ta’ dan it-tip jaqa’ biss taħt il-ġurisdizzjoni tal-awtoritajiet Belġjani (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Lulju 2000, AICS vs Il-Parlament, T‑139/99, Ġabra p. II‑2849, punt 40).

63      Madankollu, skont prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ kooperazzjoni leali bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-Istati Membri, il-Kummissjoni hija marbuta tiżgura li l-kundizzjonijiet stabbiliti f’din is-sejħa għal offerti ma jinkoraġġixxux lill-offerenti potenzjali sabiex jiksru l-liġi nazzjonali Belġjani li tista’ tapplika għall-kuntratt inkwistjoni (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali, AICS vs Il-Parlament, T‑365/00, Ġabra p. II‑2719, punt 63), peress li din il-kwistjoni taqa’ taħt l-evalwazzjoni tal-fatti (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Ġunju 2002, AICS vs Il-Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, punt 63).

64      F’din il-kawża, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li, wara li rċeviet l-ittra tar-rikorrenti tat-2 ta’ Novembru 2007, li fiha din ġibdet l-attenzjoni tal‑Kummissjoni fuq il-fatt li l-offerta tagħha kienet tikkonforma mad‑dispożizzjonijiet tal-Artikolu 40 tal-Liġi Belġjana fuq il-prattiki tal‑kummerċ, il-Kummissjoni talbet lill-offerent magħżul, b’ittra tat-3 ta’ Diċembru, sabiex jikkonfermalha li l-offerta tiegħu tirrispetta l-liġi applikabbli u, b’mod partikolari, li ma kienx qiegħed ibigħ b’telf, fatt li l-offerent magħżul ikkonferma b’ittra tal-4 ta’ Diċembru 2007. Billi għamlet dan, hemm lok li jitqies li hija ma inkoraġġixxitx il-ksur tal-liġi nazzjonali Belġjana li tista’ tiġi applikata fuq il-kuntratt inkwistjoni f’din il-kawża.

65      Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li r-rikorrenti ma wrietx li l-offerta tal-offerent magħżul timplika manifestament jew neċessarjament ksur tal-Artikolu 40 tal-Liġi Belġjana fuq il-prattiki tal-kummerċ. Fil-fatt, ir-rikorrenti tillimita ruħha li tissopponi li l-offerent magħżul kien ibbenifika minn tnaqqis identiku għal tagħha u tibbaża ruħha biss, sabiex tiddikjara li l-offerta tal-offerent magħżul tikkostitwixxi bejgħ b’telf, fis-sens tal-Artikolu 40 tal-Liġi Belġjana fuq il-prattiki tal-kummerċ, fuq ittra tal-fornitur. Skont ir-rikorrenti, mill-imsemmija ittra jirriżulta li l-perċentwali tat-tnaqqis massimu mogħti mill-fornitur lill-bejjiegħa mill-ġdid kollha, inkluż l-offerent magħżul, fil-kuntest tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti inkwistjoni, kienet ta’ 17.70 %.

66      Madankollu, ma jistax jiġi dedott mill-ittra tal-fornitur li l-imsemmi tnaqqis propost mir-rikorrenti fl-offerta tagħha kien validu għall-bejjiegħa mill-ġdid kollha tal-fornitur.

67      Fil-fatt, skont l-uniċi żewġ paragrafi tal-imsemmija ittra, huwa indikat:

“Hawnhekk nikkonfermaw li, fir-rigward tas-sejħa għal offerti ċċitata fis-suġġett, l-iskont għall-Custom Enterprise Agreement Subscription huwa ta’ 17.700 %.

L-iskont LAR li inti tirċievi għall-Ftehim Select huwa msemmi fil-lista tal-prezzijiet ta’ Microsoft Select.”

68      Mill-kliem tal-ittra tal-fornitur, li r-rikorrenti kienet l-unika destinatarja tagħha, jirriżulta li l-awtur tagħha jindika b’mod ċar l-ammont tat-tnaqqis li setgħet tibbenefika minnu r-rikorrenti biss. Għaldaqstant, din il-preżentazzjoni ma tippermettix, fin-nuqqas ta’ elementi ta’ informazzjoni oħra, li jitqies li t-tnaqqis indikat huwa dak applikat għall-bejjiegħa mill-ġdid kollha, bħalma ssostni r-rikorrenti.

69      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-affermazzjoni tar-rikorrenti li tipprovdi li bejjiegħa mill-ġdid oħra kienu ppreżentaw offerta lill-Kummissjoni li kien fiha ammont ta’ tnaqqis ta’ 17.70 % tikkostitwixxi sempliċi allegazzjoni li ma hija ssostanzjata minn ebda prova.

70      F’dawn iċ-ċirkustanzi, jekk jitqies li l-Artikolu 40 tal-Liġi Belġjana fuq il-prattiki tal-kummerċ huwa applikabbli f’dan il-każ, ir-rikorrenti ma wrietx li l-Kummissjoni wettqet żball manifest fl-evalwazzjoni tagħha tal-legalità tal-offerta tal-offerent magħżul fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi artikolu.

–       Fuq il-parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq il-ksur tar-Regoli ddettaljati għall-implementazzjoni

71      Hemm lok li jiġi eżaminat, jekk, hekk kif issostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni żbaljatx li, fid-dawl tal-informazzjoni li hija kienet tiddisponi minnha rigward in-natura anormalment baxxa tal-offerta tal-offerent magħżul, ma eliminatx immedjatament din tal-aħħar, fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 139(1) u tal-Artikolu 146(4) tar-Regoli ddettaljati għall-implementazzjoni.

72      F’dan ir-rigward, mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 139(1) tar-Regoli dettaljati għall-implementazzjoni jirriżulta li l-awtorità kontraenti għandha l-obbligu li tippermetti lill-offerent jagħti spjegazzjonijiet sabiex jiġġustifika l-karatteristiċi ta’ l-offerta tiegħu, qabel ma din tiġi miċħuda, jekk hija tqis li offerta hija anormalment baxxa. Barra minn hekk, l-obbligu li tiġi vverifikata s-serjetà ta’ offerta huwa wkoll suġġett għall-fatt li qabel kienu jeżistu dubji fir-rigward tal-affidabbiltà, filwaqt li jittieħed ukoll inkunsiderazzjoni li l-għan prinċipali ta’ dan l-artikolu huwa li jippermetti li offerent ma jiġix eliminat mill-proċedura mingħajr ma jkollu l-possibbiltà li jiġġustifika t-tenur tal-offerta tiegħu li tidher anormalment baxxa (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Lulju 2005, TQ3 Travel Solutions Belgium vs Il-Kummissjoni, T‑148/04, Ġabra p. II‑2627, punt 49).

73      Għandu jitfakkar ukoll li l-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa għal dak li jirrigwarda l-elementi li jridu jiġu kkunsidrati sabiex tittieħed deċiżjoni li jingħata kuntratt f’sejħa għal offerti u li l-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali għandu jkun limitat għall-verifika li r-regoli tal-proċedura u tal-motivazzjoni huma osservati, kif ukoll tal-preċiżjoni materjali tal-fatti, tan-nuqqas ta’ żball ċar ta’ evalwazzjoni u ta’ użu ħażin ta’ poter (ara s-sentenza TQ3 Travel Solutions Belgium vs Il-Kummissjoni, punt 72 iktar ’il fuq, punt 47, u l-ġurisprudenza ċċitata).

74      F’din il-kawża, l-unika informazzjoni li fuqha tibbaża ruħha r-rikorrenti sabiex tiddikjara li l-offerta tal-offerent magħżul kienet anormalemnt baxxa kienet l-ittra tal-fornitur. F’dan is-sens, hija ssostni li l-perċentwali massima ta’ dan it-tnaqqis kienet valida għall-offerti kollha li jirrigwarda l-għoti tal-kuntratt inkwistjoni, inkluż dik tal-offerent magħżul.

75      Issa, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali esposti fil-punti 65 sa 68 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li tali affermazzjoni ma hijiex sostnuta mill-kliem tal-ittra tal-fornitur.

76      Għaldaqstant, fir-rigward tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li tiddisponi minnha l-Kummissjoni fir-rigward tal-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt wara sejħa għal offerti, ir-rikorrenti tiżbalja meta tikkritikaha li ma kkunsidratx li l-offerta tal-offerent magħżul kienet anormalment baxxa u, għaldaqstant, li ma eliminatix bħala tali, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 139(1) tar-Regoli ddettaljati għall-implementazzjoni.

77      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi emendata fid-dawl taż-żewġ argumenti li ġejjin imressqa mir-rikorrenti insostenn tat-tieni motiv.

78      L-ewwel nett, fir-rigward tal-argument imressaq mir-rikorrenti rigward il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, li jirriżulta mill-ksur tal-Kummissjoni tal-obbligu tagħha li teżamina b’attenzjoni u b’imparzjalità l-elementi rilevanti kollha tal-każ, u b’mod iktar speċifiku, fin-nuqqas taċ-ċaħda tal-offerta tal-offerent magħżul bħala offerta anormalment baxxa, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, minkejja n-nuqqas ta’ klassifikazzjoni tal-imsemmija offerta bħala offerta anormalment baxxa mill-Kummissjoni, din uriet diliġenza fl-eżami tal-offerta tal-offerent magħżul. Fil-fatt, hekk kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 64 iktar ’il fuq, fl-ittra tagħha tat-3 ta’ Diċembru 2007, il-Kummissjoni talbet lill-offerent magħżul sabiex jikkonfermalha li l-offerta tiegħu rrispettat il-liġi applikabbli u, b’mod partikolari, li ma kienx qiegħed ibigħ b’telf. Għaldaqstant, fin-nuqqas ta’ elementi oħra mressqa mir-rikorrenti insostenn tal-argument ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba fir-rigward tal-eżami tal-offerta tal-offerent magħżul, hemm lok li dan tal-aħħar jiġi miċħud bħala infondat.

79      It-tieni nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti dwar il-possibbiltà ta’ kontestazzjoni eventwali tal-validità tal-kuntratt konkluż bejn il-Kummissjoni u l-offerent magħżul quddiem il-qrati Belġjani, għandu jiġi kkonstatat li dan ma rrigwardax il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, deċiża fil-kuntest tal-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt inkwistjoni, iżda jirrigwarda l-legalità tal-kuntratt li rriżulta minnha. Minn dan isegwi li dan l-argument għandu jiġi miċħud.

80      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li hemm lok li jiġi miċħud it-tieni motiv.

b)     Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

81      Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex immotivata b’mod korrett, kemm fir-rigward tal-forma u kemm fir-rigward tal-mertu.

82      L-ewwel nett, ir-rikorrenti tosserva li hija kienet ġibdet espressament l-attenzjoni tal-Kummissjoni minn naħa, fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 40 tal-Liġi Belġjana fuq il-prattiki tal-kummerċ fil-proċedura ta’ sejħa għal offerti inkwistjoni, u, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-fatt li, fl-offerta tagħha, hija pproponiet l-ogħla ammont ta’ tnaqqis possibbli fid-dawl tal-projbizzjoni ta’ bejgħ b’telf stabbilita minn dan l-artikolu. Issa, minkejja l-obbligu li jorbot lill-Kummissjoni teżamina b’attenzjoni u imparzjalità l-elementi rilevanti kollha ta’ dan il-każ, la d-deċiżjoni kkontestata u lanqas ir-rendikont tal-laqgħa ta’ debriefing ma fihom motivazzjoni li tirrigwarda dan il-fatt rilevanti u, barra minn hekk, lanqas ma jirriżulta li l-Kummissjoni ħadet dan inkunsiderazzjoni. Għaldaqstant, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni hija mmotivata b’mod strett wisq, jew b’mod ġenerali wisq jew mhux ċara biżżejjed. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kisret l-obbligu ġenerali ta’ motivazzjoni u l-Artikolu 18 tal-Kodiċi Ewropew ta’ Prattika Amministtrativa Tajba, approvat b’riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta’ Settembru 2001 (ĠU 2002, C 72 E, p. 331, iktar ’il quddiem, il-“Kodiċi ta’ prattika amministrattiva tajba”.)

83      It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-Kummissjoni naqset milli twettaq l-obbligu tagħha, previst fl-Artikolu 18(2) tal-Kodiċi ta’ prattika amministrattiva tajba, li timmotiva individwalment id-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 40 tal-Liġi Belġjana fuq il-prattiki tal-kummerċ.

84      It-tielet nett, mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma jirriżultax li l-prinċipju ta’ trattament ugwali, kif previst fl-Artikolu 5 tal-kodiċi ta’ prattika amministrattiva tajba, ġie effettivament irrispettat mill‑Kummissjoni fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 40 tal-Liġi Belġjana fuq il-prattiki tal-kummerċ. Għaldaqstant, l-imsemmija motivazzjoni hija fundamentalment insuffiċjenti.

85      Ir-raba’ nett, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma tippermettix li jiġi vverifikat u mistħarreġ, skont l-Artikolu 4 tal-Kodiċi ta’ prattika amministrattiva tajba, jekk il-leġiżlazzjoni applikabbli f’dan il-każ, jiġifieri d-dritt Komunitarju, ikkompletat bl-Artikolu 40 tal-Liġi Belġjana fuq il-prattiki tal-kummerċ, ġie effettivament applikat u rrispettat.

86      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti u titlob iċ-ċaħda ta’ dan il-motiv bħala infondat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

87      L-ewwel nett, insostenn tal-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, ir-rikorrenti tressaq, essenzjalment, erba’ argumenti bbażati fuq il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata ma fihiex, l-ewwel nett, motivazzjoni dwar il-projbizzjoni ta’ bejgħ b’telf li tirriżulta mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 40 tal-Liġi Belġjana fuq il-prattiki tal-kummerċ, it-tieni nett, motivazzjoni individwali fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi Artikolu 40, it-tielet nett, elementi li jippermettu li jiġi kkonstatat li l-prinċipju ta’ trattament ugwali ġie effettivament osservat fir-rigward tal-applikazzjoni tal-istess Artikolu 40 u r-raba’ nett, elementi li jippermettu li jiġi vverifikat u mistħarreġ jekk il-liġi Komunitarja, ikkompletata mill-imsemmi Artikolu 40, ġietx effetivament applikata u rrispettata.

88      Fid-dawl tal-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali fil-punt 60 iktar ’il fuq, li tipprovdi li l-Artikolu 40 tal-Liġi Belġjana fuq il-prattiki tal-kummerċ ma japplikax għall-proċedura ta’ sejħa għal offerti, hemm lok li jiġu miċħuda l-erba’ argumenti mressqa mir-rikorrenti sa fejn huma intiżi sabiex jintwera li d-deċiżjoni kkontestata kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni fid-dawl ta’ dan l-Artikolu 40.

89      It-tieni nett, għandu jiġi nnotat li r-rikorrenti tallega, minn naħa, ksur tal-Artikolu 18 tal-Kodiċi ta’ prattika amministrattiva tajba u, min-naħa l-oħra, ksur tal-obbligu ġenerali ta’ motivazzjoni.

90      Għandu jitfakkar li mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Kodiċi ta’ prattika amministrattiva tajba ma huwiex test leġiżlattiv iżda riżoluzzjoni tal-Parlament li introduċiet emendi għal proġett li kien ġie ppreżentat lilu mill-Medjatur Ewropew u li talab lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta proposta leġiżlattiva f’dan ir-rigward (digriet tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ April 2007, Gorostiaga Atxalandabaso vs Il-Parlament, T‑132/06, Ġabra p. II‑35, punt 73). Għaldaqstant, l-imsemmi kodiċi ma huwiex test li jorbot lill-Kummissjoni u r-rikorrenti ma tista’ ssostni l-ebda dritt fuq il-bażi ta’ dan tal-aħħar.

91      Madankollu, minkejja li r-rikorrenti ma invokatx espressament l-Artikolu 253 KE, hemm lok li jitqies li mir-rikors jirriżulta li hija kellha l-intenzjoni tinvoka, essenzjalment, l-obbligi ġenerali ta’ motivazzjoni kif previst f’dan l-artikolu.

92      L-ewwel nett, fir-rigward tal-kwistjoni sabiex isir magħruf jekk id-deċiżjoni kkontestata tikkonformax mal-obbligu ġenerali ta’ motivazzjoni, kif jirriżulta mill-Artikolu 253 KE, għandu qabel kollox, jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu ta’ motivazzjoni jiddependi fuq in-natura tal-att inkwistjoni u tal-kuntest li fih huwa ġie adottat. Il-motivazzjoni għandha turi b’mod ċar u mhux ekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, b’mod, minn naħa, li tippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata sabiex ikunu jistgħu jiddefendu d-drittijiet tagħhom u sabiex jivverifikaw jekk id-deċiżjoni hijiex fondata jew le u, min-naħa l-oħra, li tippermetti lill-qorti Komunitarja teżerċità l-istħarriġ tagħha tal-legalità tal-att inkwistjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Frar 1990, Delacre et vs Il-Kummissjoni, C‑350/88, Ġabra p. I‑395, punti 15 u 16 ; sentenzi tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ April 2003, Forum des migrants vs Il-Kummissjoni, T‑217/01, Ġabra p. II-1563, punt 68, u Deloitte Business Advisory vs Il-Kummissjoni, punt 28 iktar ’il fuq, punt 45).

93      Konsegwentement, skont l-Artikolu 100(2) tar-Regolament Finanzjarju u l-Artikolu 149(2) tar-Regoli ddettaljati għall-implementazzjoni, f’dan il-każ, il-Kummissjoni għandha tikkomunika lir-rikorrenti l-motivi għaċ-ċaħda tal-offerta tagħha u, barra minn hekk, lil dawk li jkunu ppreżentaw offerta ammissibbli, il-karatteristiċi u l-vantaġġi tal-offerta magħżula kif ukoll l-isem tal-offerent magħżul f’terminu ta’ ħmistax-il jum skont il-kalendarju minn meta tasal it-talba bil-miktub.

94      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li dan il-metodu ta’ proċedura, kif deskritt fl-Artikolu 100(2) tar-Regolament Finanzjarju, li juri b’mod ċar u mhux ekwivoku r-raġunament ta’ min jagħmel l-att, huwa inkonformità mal-għan tal-obbligu ta’ motivazzjoni taħt l-Artikolu 253 KE, kif imfakkar fil-punt 92 iktar ’il fuq (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Lulju 2007, Evropaïki Dynamiki vs Il‑Kummissjoni, T‑250/05, Ġabra p. II‑85, punt 69; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-1 ta’ Lulju  2008, AWWW vs FEACVT, T‑211/07, Ġabra p. II‑106, punt 34, u l-ġurisprudenza ċċitata).

95      F’din il-kawża, għandu jiġi kkonstatat li, fl-ittra tagħha tal-11 ta’ Jannar 2008, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti li l-offerta tagħha ma ġietx milqugħa, peress li ma ppreżentatx l-aħjar relazzjoni bejn il-kwalità u l-prezz skont il-formola ta’ għoti li tidher fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt. Għaldaqstant, hemm lok li jitqies li r-rikorrenti ġiet informata, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 100 tar-Regolament Finanzjarju u tal-Artikolu 149 tar-Regoli ddettaljati għall-implementazzjoni, bil-motivi eżatti għaċ-ċaħda tal-offerta tagħha

96      Fir-rigward tal-obbligu tal-Kummissjoni li tikkomunika lir-rikorrenti l-karatteristiċi u l-vantaġġi tal-offerta magħżula kif ukoll l-isem tal-offerent magħżul, għandu jiġi kkonstatat li, wara talba tar-rikorrenti, ifformulata skont id-dispożizzjonijiet tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 149(3) tar-Regoli ddettaljati għall-implementazzjoni, fil-posta elettronika tagħha tas-16 ta’ Jannar 2008, il-Kummissjoni organizzat laqgħa ta’ debriefing, sabiex tagħti deskrizzjoni lir-rikorrenti tal-punti b’saħħithom u tal-punti dgħajfa tal-offerta tagħha fil-konfront ta’ dik tal-offerent magħżul.

97      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, b’ittra tad-29 ta’ Jannar 2008, il-Kummissjoni, minn naħa, indikat lir-rikorrenti l-isem tal-offerent magħżul u, min-naħa l-oħra, ikkomunikat, anness ma’ din l-ittra, rendikont tal-laqgħa ta’ debriefing. Dan ir-rendikont tal-aħħar ingħata taħt il-forma ta’ noti telegrafiċi li jispeċifikaw il-kriterji użati għall-evalwazzjoni teknika tal-offerta kif ukoll il-marki miksuba mill-offerta tar-rikorrenti għal kull wieħed minn dawn il-kriterji u l-marka ġenerali riżultanti. Minn dan jirriżulta li l-offerta tar-rikorrenti kienet ġiet ikklassifikata l-ewwel fit-tmiem tal-evalwazzjoni teknika. Fir-rigward tal-evalwazzjoni finanzjarja, huwa speċifikat fl-imsemmi rendikont li din tal-aħħar kienet ibbażata fuq it-tnaqqis mogħti mill-offerenti fuq il-prezz tal-prodotti tal-fornitur. Abbażi ta’ dan, huwa indikat li l-offerta tar-rikorrenti tqiegħdet fit-tieni post b’differenza ta’ 0.55 % fil-konfront tal-prezz propost fl-offerta tal-offerent magħżul. Mir-rendikont tal-laqgħa ta’ debriefing jirriżulta li, wara l-applikazzjoni tal-formula magħżula f’dan ir-rigward, l-offerta tal-offerent magħżul ippreżentat l-aħjar relazzjoni bejn il-kwalità u l-prezz fil-konfront tal-offerta tar-rikorrenti, li jiġġustifika l-fatt li ntgħażlet l-offerta tal-offerent magħżul.

98      Sa fejn l-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ att jiddependi, kif diġà ġie enfasizzat fil-punt 92 iktar ’il fuq, fuq il-kuntest li fih ġie adottat, għandu jitqies li, f’dan il-każ, l-informazzjoni kkomunikata mill-Kummissjoni lir-rikorrenti, wara l-posta elettronika ta’ din tal-aħħar tas-16 ta’ Jannar 2008, turi n-natura suffiċjentement ċara u mhux ekwivoka tar-raġunament tagħha. Għaldaqstant, l-imsemmija informazzjoni ppremettiet, minn naħa, lir-rikorrenti li tkun taf il-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata sabiex tkun tista’ tiddefendi d-drittijiet tagħha u li tivverifika jekk id-deċiżjoni kkontestata kinitx fondata u, min-naħa l-oħra, lill-qorti Komunitarja tistħarreġ rigward il-legalità tal-imsemmija deċiżjoni.

99      Għaldaqstant, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ssodisfat l-obbligu ġenerali ta’ motivazzjoni li jirriżulta mill-Artikolu 253 KE.

100    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li hemm lok li jiġi miċħud l-ewwel motiv.

101    Fid-dawl tal-konklużjonijiet fil-punti 80 u 100 iktar ’il fuq, hemm lok li tiġi miċħuda, fit-totalità tagħha, it-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

B –  Fuq it-talba għad-danni

1.     L-argumenti tal-partijiet

102    Ir-rikorrenti titlob, sussidjarjament, fil-każ fejn l-għan tal-kuntratt diġà ġie eżegwit, jew fil-każ fejn id-domanda ma tkunx għada tista’ tiġi annullata, li tingħata danni, skont l-Artikoli 235 KE u 288 KE. Fil-fatt, il-Kummissjoni kienet, permezz tal-aġir illegali tagħha, wettqet żball li kapaċi jagħti lok għar-responsabbiltà tagħha. Ir-rikorrenti tevalwa li l-ammont ta’ danni ex aequo et bono huwa ta’ EUR 654 962.38, li jikkorrispondi għall-qligħ gross li kienet taqla’ kieku l-kuntratt ingħata lilha. L-argumenti kollha, ilmenti u motivi esposti insostenn tat-tieni motiv għall-annullament isostnu t-talba għad-danni, li għaldaqstant hija sostnuta suffiċjentement.

103    Il-Kummissjoni ssostni li t-talba għad-danni għandha, tal-inqas, tiġi ddikjarata bħala infondata.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

104    Qabel kollox, għandu jitqies li t-tielet parti tal-konklużjonijiet li jidhru fir-rikors, intiżi sabiex il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li l-aġir illegali tal-Kummissjoni jikkostitwixxi żball li kapaċi jagħti lok għar-responsabbiltà tal-Kummissjoni, għandha tiġi interpretata flimkien mar-raba’ parti tat-talbiet, intiżi sabiex il-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ħlas ta’ danni. Fil-fatt, hekk kif mill-motivi esposti b’mod sussidjarju mir-rikorrenti fir-rikors tagħha jirriżulta, it-talba għad-danni tagħha, fuq il-bażi tal-Artikoli 235 KE u 288 KE, hija ġġustifikata fid-dawl tal-fatt li l-Kummissjoni, permezz tal-aġir illegali tagħha, wettqet żball li kapaċi jagħti lok għar-responsabbiltà tagħha.

105    Qabel kollox, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE għal aġir illegali tal-korpi tagħha, diversi kundizzjonijiet għandhom ikunu ssodisfatti, jiġifieri, l-illegalità tal-allegat aġir tal-istituzzjonijiet, ir-realità tad-dannu, u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-allegat aġir u d-dannu invokat (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Diċembru 2005, FIAMM u FIAMM Technologies vs Il-Kunsill u L-Kummissjoni, T‑69/00, Ġabra p. II-5393, punt 85, u l-ġurisprudenza ċċitata).

106    Fil-każ fejn it-tliet kundizzjonijiet ta’ impenn tar-responsabbiltà huma kumulattivi, in-nuqqas ta’ wieħed fosthom huwa biżżejjed sabiex ir-rikors għad-danni jiġi miċħud, mingħajr ma jkun għaldaqstant neċessarju li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet l-oħra (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Settembru 2006, CAS Succhi di Frutta vs Il-Kummissjoni, T‑226/01, Ġabra p. II-2763, punt 27, u l-ġurisprudenza ċċitata).

107    F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, hekk kif jirriżulta mill-motivi esposti fil-punti 71 sa 80 iktar ’il fuq, l-argumenti, ilmenti u motivi kollha invokati mir-rikorrenti insostenn tat-tieni motiv għall-annullament li fuqhom ibbażat ruħha sabiex issostni t-talba għad-danni tagħha ġew eżaminati u miċħuda. L-istess, hekk kif jirriżulta wkoll mill-motivi esposti fil-punti 87 sa 100 iktar ’il fuq, l-argumenti kollha esposti mir-rikorrenti insostenn tal-ewwel motiv għall-annullament ġew eżaminati u miċħuda. Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrent ma tallega ebda forma ta’ illegalità li tkun tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-eżami tat-talba għad-danni tagħha. Għaldaqstant, f’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-responsabbiltà tal-Komunità ma tistax tiġi stabbilita fuq il-bażi tal-allegata illegalità tad-deċiżjoni kkontestata.

108    Għaldaqstant, peress li l-ewwel mit-tliet kundizzjonijiet meħtieġa sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-Komunità ma ġietx sodisfatta, hemm lok li tiġi miċħuda t-talba għad-danni bħala infondata.

109    Mill-konklużjonijiet fil-punt 101 u 108 iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikors għandu jiġi miċħud fit-totalità tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

110    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.

111    Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      PC‑Ware Information Technologies BV hija kkundannata għall-ispejjeż.

Pelikánová

Jürimäe

Soldevila Fragoso

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fl-11 ta’ Mejju 2010.

Firem

Werrej


Il-kuntest ġuridiku

A –  Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

B –  Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

A –  Fuq it-talba għal anullament

1.  Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal annullament

a)  Fuq in-nuqqas ta’ interess ġuridiku tar-rikorrenti

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

b)  Fuq in-nuqqas ta’ suġġett tat-talba għal annullament

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

2.  Fuq il-mertu

a)  Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 55 tad-Direttiva 2004/18 kif ukoll tal-Artikolu 139(1) u tal-Artikolu 146(4) tar-Regoli ddettaljati għall-implementazzjoni, moqrija flimkien mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 40 tal-Liġi Belġjana fuq il-prattiki tal-kummerċ.

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

–  Fuq il-partijiet tat-tieni motiv, ibbażati fuq il-ksur ta’ direttiva u tal-Liġi Belġjana

–  Fuq il-parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq il-ksur tar-Regoli ddettaljati għall-implementazzjoni

b)  Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

B –  Fuq it-talba għad-danni

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.