Language of document : ECLI:EU:T:2010:183

Kawża T-121/08

PC-Ware Information Technologies BV

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kuntratti pubbliċi għal provvisti — Proċedura ta’ sejħa għal offerti Komunitarja — Akkwist ta’ prodotti ta’ softwer u ta’ liċenzji — Ċaħda tal-offerta ta’ offerent — Offerta anormalment baxxa — Obbligu ta’ motivazzjoni”

Sommarju tas-sentenza

1.      Rikors għal annullament — Interess ġuridiku — Rikors ippreżentat kontra deċiżjoni implementata

(Artikolu 230 KE)

2.      Kuntratti pubbliċi tal-Komunitajiet Ewropej — Konklużjoni ta’ kuntratt wara sejħa għal offerti — Setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjonijiet — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti

3.      Kuntratti pubbliċi tal-Komunitajiet Ewropej — Konklużjoni ta’ kuntratt wara sejħa għal offerti — Offerta anormalment baxxa

(Regolament tal-Kummissjoni Nru 2342/2002, Artikolu 139(1))

4.      Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata

(Artikolu 253 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1605/2002, Artikolu 100(2); Regolament tal-Kummissjoni Nru 2342/2002, Artikolu 149(2))

5.      Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Kundizzjonijiet — Illegalità — Dannu — Rabta kawżali — Nuqqas ta’ waħda mill-kundizzjonijiet

(it-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE)

1.      Sabiex rikorrent iżomm waqt l-istanza interess ġuridiku fl-annullament tal-att ikkontestat, l-imsemmi annullament għandu jkun jista’, fih innifsu, jipproduċi effetti legali, li jistgħu, b’mod partikolari, jikkumpensaw l-eventwali konsegwenzi dannużi li jirriżultaw minn dan l-att jew jevitaw li l-illegalità allegata ma tipproduċix ruħha fil-futur.

Anki fil-każ fejn kuntratt pubbliku diġà ġie eżegwit, fir-rigward ta’ ftehim qafas, li jista’ jservi bħala mudell tal-għoti fil-futur ta’ kuntratti analogi, jeżisti interess li għandu jiġi evitat li l-illegalità allegata minn rikorrent tipproduċi ruħha fil-futur.

(ara l-punti 39, 40)

2.      Il-Qorti Komunitarja hija kompetenti, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, sabiex tiddeċiedi fuq ir-rikorsi dwar nuqqas ta’ kompetenza, dwar ksur tar-rekwiżiti proċedurali, dwar ksur tat-Trattati jew ta’ kull dispożizzjoni legali dwar l‑applikazzjoni tagħhom, jew dwar użu ħażin ta’ poter. Minn dan jirriżulta li l-Qorti Komunitarja ma tistax tittratta l-allegat ksur tal-liġi nażżjonali bħala kwistjoni ta’ liġi li timplika stħarriġ ġudizzjarju mingħajr limiti. Fil-fatt, stħarriġ ta’ dan it-tip jaqa’ biss taħt il-ġurisdizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali.

Madankollu, skont prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ kooperazzjoni leali bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-Istati Membri, l-istituzzjonijiet Komunitarji huma marbuta li jiżguraw li l-kundizzjonijiet stabbiliti f’din is-sejħa għal offerti ma jinkoraġġixxux lill-offerenti potenzjali sabiex jiksru l-liġi nazzjonali li tista’ tapplika għall-kuntratt inkwistjoni, peress li din il-kwistjoni taqa’ taħt l‑evalwazzjoni tal-fatti.

(ara l-punti 62, 63)

3.      Mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 139(1) tar-Regolament Nru 2342/2002, li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament Finanzjaru, jirriżulta li l-awtorità kontraenti għandha l-obbligu li tippermetti lill-offerent jagħti spjegazzjonijiet sabiex jiġġustifika l-karatteristiċi tal-offerta tiegħu, qabel ma din tiġi miċħuda, jekk hija tqis li offerta hija anormalment baxxa. Barra minn hekk, l‑obbligu li tiġi vverifikata s-serjetà ta’ offerta huwa wkoll suġġett għall-fatt li qabel kienu jeżistu dubji fir-rigward tal-affidabbiltà, filwaqt li jittieħed ukoll inkunsiderazzjoni li l-għan prinċipali ta’ dan l-artikolu huwa li jippermetti li offerent ma jiġix eliminat mill-proċedura mingħajr ma jkollu l-possibbiltà li jiġġustifika t-tenur tal-offerta tiegħu li tidher anormalment baxxa.

(ara l-punt 72)

4.      L-obbligu ta’ motivazzjoni jiddependi fuq in-natura tal-att inkwistjoni u tal-kuntest li fih huwa ġie adottat. Il-motivazzjoni għandha turi b’mod ċar u mhux ekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, b’mod, minn naħa, li tippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata sabiex ikunu jistgħu jiddefendu d-drittijiet tagħhom u sabiex jivverifikaw jekk id‑deċiżjoni hijiex fondata jew le u, min-naħa l-oħra, li tippermetti lill-qorti teżerċita l-istħarriġ tagħha tal-legalità tal-att inkwistjoni.

Fir-rigward tal-kuntratti pubbliċi, skont l-Artikolu 100(2) tar-Regolament Nru 1605/2002, fir-rigward tar-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej, u l-Artikolu 149(2) tar-Regolament Nru 2342/2002, li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament Finanzjaru, l-awtorità kontraenti għandha tikkomunika lir-rikorrent il-motivi għaċ-ċaħda tal-offerta tiegħu u, barra minn hekk, lil dawk li jkunu ppreżentaw offerta ammissibbli, il-karatteristiċi u l-vantaġġi tal-offerta magħżula kif ukoll l-isem tal-offerent magħżul f’terminu ta’ ħmistax-il jum skont il-kalendarju minn meta tasal it-talba bil-miktub. Dan il-metodu ta’ proċedura, kif deskritt fl‑Artikolu 100(2) tar-Regolament Finanzjarju, juri b’mod ċar u mhux ekwivoku r-raġunament ta’ min jagħmel l-att, u jikkonforma mal-għan tal-obbligu ta’ motivazzjoni taħt l-Artikolu 253 KE.

(ara l-punti 92-94)

5.      Sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE għal aġir illegali tal-korpi tagħha, diversi kundizzjonijiet għandhom ikunu ssodisfatti, jiġifieri, l-illegalità tal-allegat aġir tal-istituzzjonijiet, ir-realtà tad-dannu, u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-allegat aġir u d-dannu invokat. Fil-każ fejn it-tliet kundizzjonijiet ta’ impenn tar-responsabbiltà huma kumulattivi, in-nuqqas ta’ waħda fosthom huwa biżżejjed sabiex ir-rikors għad-danni jiġi miċħud, mingħajr ma jkun għaldaqstant neċessarju li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet l-oħra.

(ara l-punti 105, 106)