Language of document : ECLI:EU:C:2015:473

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

16 ta’ Lulju 2015 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 96/34/KE – Ftehim qafas dwar il-leave parentali – Punt 1 tal-klawżola 2 – Dritt individwali għal leave parentali minħabba t-twelid ta’ wild – Leġiżlazzjoni nazzjonali li ċċaħħad mid-dritt għal tali leave lill-uffiċjal pubbliku li l-mara tiegħu ma taħdimx – Direttiva 2006/54/KE – Ugwaljanza fit-trattament bejn l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjieg u ta’ xogħol – Artikoli 2(1)(a) u 14(1)(ċ) – Kundizzjonijiet tax-xogħol – Diskriminazzjoni diretta”

Fil-Kawża C‑222/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Symvoulio tis Epikrateias (il-Greċja), permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Marzu 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Mejju 2014, fil-proċedura

Konstantinos Maïstrellis

vs

Ypourgos Dikaiosynis, Diafaneias kai Anthropinon Dikaiomaton,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, K. Jürimäe, J. Malenovský, M. Safjan (Relatur) u A. Prechal, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal K. Maïstrellis, minnu nnifsu, assistit minn K. Daktylidi, dikigoros,

–        għall-Gvern Grieg, minn V. Karageorgos, I. Bakopoulos u S. Lekkou, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Patakia u D. Roussanov, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-16 ta’ April 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 96/34/KE, tat-3 ta’ Ġunju 1996, dwar il-ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri [leave parentali] konkluż mill-UNICE, CEEP u ta’ ETUC (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 5, Vol. 2, p. 285), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 97/75/KE, tal-15 ta’ Diċembru1997 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 263, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 96/34”), kif ukoll tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Lulju 2006, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (ĠU L 204, p. 23).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn K. Maïstrellis u l-Ypourgos Dikaiosynis, Diafaneias kai Anthropinon Dikaiomaton (Ministru tal-Ġustizzja, tat-Trasparenza u tad-Drittijiet tal-Bniedem) fir-rigward tar-rifjut ta’ dan tal-aħħar li jagħti lil K. Maïstrellis leave parentali għaliex il-mara tiegħu hija mingħajr impjieg.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 96/34

3        Id-Direttiva 96/34, li, skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE, tat-8 ta’ Marzu 2010, li timplimenta l-Ftehim Qafas rivedut dwar il-leave tal-ġenituri [leave parentali] konkluż minn BUSINESSEUROPE, UEAPME, CEEP u ETUC u li jħassar id-Direttiva 96/34/KE (ĠU L 68, p. 13), tħassret b’effett mit-8 ta’ Marzu 2012, kienet intiża, skont l-Artikolu 1 tagħha, li timplimenta l-Ftehim qafas dwar il-leave parentali, konkluż fl-14 ta’ Diċembru 1995 mill-organizzazzjonijiet tal-imsieħba soċjali transindustrijali Ewropej, jiġifieri l-Unjoni tal-Konfederazzjonijiet Industrijali u ta’ min iħaddem fl-Ewropa (UNICE), iċ-Ċentru Ewropew tal-Intrapriżi Pubbliċi (ĊEEP) u l-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions (CES), liema Ftehim qafas kien anness mal-imsemmija direttiva (iktar ’il quddiem il-“Ftehim qafas”).

4        Fl-ewwel paragrafu tiegħu, il-preambolu tal-Ftehim qafas kien jiddikjara:

“Il-ftehim qafas [...] jirrappreżenta l-impenn ta’ l-UKIIE, ĊEIP u ta’ KETU biex jistabbilixxu l-ħtiġiet minimi dwar il-leave tal-ġenituri [leave parentali] [...] bħala mezz importanti biex jistgħu jkunu rikonċiljati l-ħajja tax-xogħol u tal-familja u biex jippromwovu l-opportunitajiet u trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa.”

5        Il-punti 4, 7 u 8 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali tal-Ftehim qafas kienu jipprovdu:

“4.      Billi l-Karta Komunitarja dwar id-Drittijiet Soċjali Fundamentali [tal-Ħaddiema, adottata fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew li nżammet fi Strasburgu fid-9 ta’ Diċembru 1989] tipprovdi fil-punt 16 li jitkellem dwar it-trattament ugwali li għandhom ikunu żviluppati miżuri biex jippermettu lill-irġiel u n-nisa li jaqdu flimkien l-obbligi tagħhom tax-xogħol u tal-familji;

[...]

7.      Billi l-politika tal-familja għandha titqies fil-kuntest tat-tibdil demografiku, ta’ l-effetti ta’ popolazzjoni li tkun qed tikber fl-età, tat-tqarrib bejn il-ġenerazzjonijiet u tal-[inkoraġġiment tal-]parteċipazzjoni tan-nisa fil-ħajja tax-xogħol;

8.      Billi l-irġiel għandhom ikunu mħeġġa jassumu sehem ugwali tar-responsabbiltajiet familjari, per eżempju, għandhom ikunu mħeġġa jieħdu leave tal-ġenituri [leave parentali] permezz ta’ programmi ta’ sensibilizzazzjoni”.

6        Il-klawżola 1 tal-Ftehim qafas kienet tipprovdi:

“1.      Dan il-ftehim jistabilixxi ħtiġiet minimi intiżi biex jiffaċilitaw ir-rikonċiljazzjoni tar-responsabbilitajiet professjonali u tal-familja għall-ġenituri li jaħdmu.

2.      Dan il-ftehim japplika għall-ħaddiema kollha, rġiel u nisa, li għandhom kuntratt ta’ mpjieg jew relazzjoni ta’ xogħol kif definit mill-liġi, ftehim kollettiv jew prattika fis-seħħ f’kull Stat Membru.”

7        Il-klawżola 2 tal-Ftehim qafas kienet tipprovdi:

“1.      Dan il-ftehim jagħti, b’riżerva tal-klawsola 2.2, lill-ħaddiema rġiel u dawk nisa, id-dritt individwali għall-leave tal-ġenituri [leave partentali] għar-raġuni tat-twelid jew ta’ l-adozzjoni biex ikunu jistgħu jieħdu ħsieb il-wild, għall-anqas għal tliet xhur, sa’ l-età li tista’ tkun ta’ tmien snin li għandha tiġi definita mill-Istati Membri u/jew l-imsieħba soċjali.

2.      Biex jippromwovu opportunitajiet u trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa, il-partijiet għal dan il-ftehim jikkunsidraw li d-dritt għall-leave tal-ġenituri [leave parentali] previst taħt il-klawsola 2.1 għandu, in prinċipju, jingħata fuq bażi non-trasferibbli.

3.      Il-kondizzjonijiet ta’ l-aċċess u r-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-leave tal-ġenituri [leave parentali] għandhom ikunu definiti mill-liġi u /jew bi ftehim kollettiv fl-Istati Membri, sakemm il-ħtiġiet minimi ta’ dan il-ftehim ikunu mħarsa. L-Istati Membri u /jew l-imsieħba soċjali jistgħu, in partikulari:

a)      jiddeċiedu jekk il-leave tal-ġenituri [leave parentali] jingħatax fuq bażi ta’ full-time jew part-time, b’mod frammentat jew b’sistema ta’ kreditu ta’ ħin;

b)      jissoġġettaw il-kwalifikazzjoni għall-leave tal-ġenituri [leave parentali] għal perijodu ta’ xogħol u /jew ta’ anzjanità fix-xogħol li ma jistax ikun iktar minn sena;

ċ)      jaġġustaw l-kondizzjonijiet ta’ aċċess u r-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-leave tal-ġenituri [leave parentali] għaċ-ċirkostanzi speċjali ta’ l-adozzjoni;

d)      jiffissaw perjodi ta’ avviż li għandhom jingħataw mill-ħaddiem lil min ikun qed iħaddmu meta jeżerċita d-dritt tal-leave tal-ġenituri [leave parentali], fejn jispeċifika il-bidu u tmiem tal-perijodu tal-leave;

e)      jiddefinixxi iċ-ċirkostanzi li fihom min iħaddem, wara konsultazzjoni skond il-liġijiet, il-ftehim kollettiv u l-prattiċi nazzjonali, ikollu l-permess li jipposponi l-benefiċċju tal-leave tal-ġenituri [leave parentali] għall-raġunijiet ġustifikati li għandhom x’jaqsmu ma’ l-operazzjoni ta’ l-impriża (eż. meta xogħol huwa ta’ natura staġjonali, fejn ma jkunx jinstab sostitut fil-perijodu ta’ l-avviż, u meta proporzjon sinifikanti tal-forza tax-xogħol tapplika fl-istess ħin għal-leave tal-ġenituri [leave parentali], meta l-funzjoni speċifika hija ta’ importanza strateġika). Kull problema li tinqala’ mill-applikazzjoni ta’ din id-disposizzjoni għandha tkun trattata skond il-liġi, l-ftehim kollettiv u l-prattika nazzjonali;

f)      Minbarra (e), jawtorizzaa ftehim specjali biex jissodisfa l-ħtiġiet operattivi u tax-xogħol ta’ mpriżi żgħar.”

 Id-Direttiva 2006/54

8        Skont il-premessi 2, 11 u 22 tad-Direttiva 2006/54:

“(2) L-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa hija prinċipju fundamentali tal-liġi tal-Komunità skond l-Artikoli 2 u 3(2) [KE] u l-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja. Dawk id-dispożizzjonijiet tat-Trattat jistqarru bħala ‘kompitu’ u ‘mira’ tal-Komunità l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u jimponu obbligu pożittiv għall-promozzjoni ta’ dan fl-attivitajiet kollha tagħha.

[...]

(11)  L-Istati Membri, f’kollaborazzjoni ma’ l-imsieħba soċjali, għandhom ikomplu jindirizzaw il-problema tad-differenzi fil-pagi ibbażati fuq is-sess li għandhom jippersistu u s-segregazzjoni ċara bejn is-sessi fis-suq tax-xogħol b’mezzi bħal ma huma arranġamenti għal ħinijiet tax-xogħol flessibbli, li jippermettu sew lill-irġiel u sew lin-nisa li jikkombinaw ir-responsabiltajiet tal-familja u tax-xogħol b’aktar suċċess. Dan jista’ jinkludi arranġamenti xierqa għal leave tal-ġenituri [leave parentali] li jista’ jittieħed minn kwalunkwe ġenitur [...].

[...]

(22)  Skond l-Artikolu 141(4) [KE], bil-ħsieb li tiġi żgurata ugwaljanza sħiħa fil-prattika bejn l-irġiel u n-nisa fil-ħajja tax-xogħol, il-prinċipju ta’ trattament ugwali ma jżommx l-Istati Membri milli jżommu jew jadottaw miżuri li jipprovdu għal vantaġġi speċifiċi sabiex jagħmluha aktar faċli għas-sess sotto-rappreżentat milli jsegwi xi attività vokazzjonali jew sabiex timpedixxi jew tikkumpensa għal żvataġġi fil-karrieri professjonali. Magħrufa s-sitwazzjoni attwali u meħud kont tad-Dikjarazzjoni Nru 28 mat-Trattat ta’ Amserdam, l-Istati Membri għandhom, fl-ewwel post, jimmiraw sabiex itejbu s-sitwazzjoni tan-nisa fil-ħajja tax-xogħol.”

9        L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li jiġi żgurat li jkun implimentat il-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol.

Għal dan il-għan, hi fiha dispożizzjonijiet biex jiġi implimentat il-prinċipju ta’ trattament ugwali f’relazzjoni ma’:

[...]

(b) il-kondizzjonijiet tax-xogħol, inkluża l-paga;

[...]”

10      L-Artikolu 2(1)(a) tal-imsemmija direttiva jipprovdi d-definizzjoni segwenti:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)      ‘diskriminazzjoni diretta’: fejn persuna waħda tiġi trattata minħabba s-sess b’mod inqas favorevoli minn kif tiġi trattata, ġiet trattata jew kieku tiġi trattata persuna oħra f’sitwazzjoni komparabbli”.

11      L-Artikolu 3 tal-istess direttiva, intitolat “Azzjoni posittiva”, jipprovdi:

“L-Istati Membri jistgħu izommu jew jadottaw mizuri fis-sens ta’ l-Artikolu 141(4) [KE] bil-ħsieb li tiġi żgurata ugwaljanza sħiħa fil-prattika bejn l-irġiel u n-nisa fil-ħajja tax-xogħol.”

12      L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2006/54, intitolat “Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni” jipprovdi, fil-paragrafu 1(ċ) tiegħu:

“M’għandu jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni diretta jew indiretta minħabba s-sess fis-settur pubbliku jew f’dak privat, inklużi l-korpi pubbliċi, b’relazzjoni għal:

[...]

(ċ)      Impjieg u l-kondizzjonijiet tax-xogħol, inlużi sensji, kif ukoll paga kif previst fl-Artikolu 141 [KE]”.

13      L-Artikolu 28 ta’ din id-direttiva, intitolat “Relazzjoni mad-dsispożizzjonijiet Komunitarji u nazzjonali”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Din id-Direttiva għandha tkun bla preġudizzju għad-dispozizzjonijiet tad-Direttiva 96/34/KE u d-Direttiva [tal-Kunsill] 92/85/KEE[, tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-introduzzjoni ta’ mizuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (l-għaxar Direttiva partikolari fis-sens ta’ l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 110)]”.

 Id-dritt Grieg

14      L-Artikolu 44 tal-Kodiċi dwar l-organizzazzjoni tal-qrati u l-istatus tal-imħallfin, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi dwar l-istatus tal-imħallfin”) jiddisponi, fil-paragrafi 20 u 21 tiegħu:

“20. Imħallef mara tqila għandha dritt għal leave qabel u wara li twelled, inkonformità mad-dispożizzjonijiet applikabbli għall-uffiċjali fis-servizz pubbliku tal-Istat.

21.       Imħallef omm tista’ tingħata, fuq talba, wara deċiżjoni tal-Ypourgos Dikaiosynis, Diaganeias kai Anthropinon Dikaiomaton, leave mħallas ta’ disa’ (9) xhur sabiex tieħu ħsieb il-wild [...]”

15      It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(3) tal-Liġi dwar l-uffiċjali pubbliċi, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-uffiċjali pubbliċi”) jipprovdi:

“[...] [m]eta l-mara ta’ uffiċjal pubbliku ma taħdimx jew ma teżerċita ebda professjoni, żewġha ma huwiex intitolat għall-benefiċċji previsti fil-paragrafu 2 [fosthom l-għoti ta’ leave parentali mħallas sabiex jieħu ħsieb il-wild], sakemm il-mara [...] minħabba mard serju jew diżabbiltà ma tkunx tista’ taqdi l-bżonnijiet relatati mat-trobbija tal-wild, b’mod konformi maċ-ċertifikazzjoni tal-kumitat tas-saħħa tat-tieni grad li jaqa’ taħtu l-uffiċjal pubbliku”.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

16      Fis-7 ta’ Diċembru 2010, K. Maïstrellis, imħallef il-Greċja, ressaq talba quddiem il-Ypourgos Dikaiosynis, Diafaneias kai Anthropinon Dikaiomaton intiża sabiex jingħata leave parentali mħallas ta’ disa’ xhur sabiex jieħu ħsieb it-tifel tiegħu, imwieled fl-24 ta’ Ottubru 2010. Fil-kwalità tiegħu ta’ mħallef, huma applikabbli għal K. Maïstrellis id-dispożizzjonijiet speċifiċi għal din il-professjoni, jiġifieri l-Kodiċi dwar l-istatus tal-imħallfin.

17      Permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Jannar 2011, il-Ypourgos Dikaiosynis, Diafaneias kai Anthropinon Dikaiomaton ċaħad it-talba ta’ K. Maïstrellis għar-raġuni li, b’mod konformi mal-Artikolu 44(21) ta’ dan il-kodiċi, il-leave mitlub jingħata biss lill-imħallfin nisa.

18      K. Maïstrellis appella minn din id-deċiżjoni quddiem is-Symvoulio tis Epikrateias (Kunsill tal-Istat). Permezz ta’ sentenza tal-4 ta’ Lulju 2011, din il-qorti laqgħet dan l-appell billi nnotat li, b’mod konformi mal-ġurisprudenza tagħha, l-Artikolu 44(21) tal-Kodiċi dwar l-istatus tal-imħallfin, interpretat fid-dawl tad-Direttiva 96/34, għandu japplika mhux biss għal imħallef omm, iżda wkoll għal imħallef missier. Il-kawża ġiet irrinvijata lill-amministrazzjoni.

19      Permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Settembru 2011, il-Ypourgos Dikaiosynis, Diafaneias kai Anthropinon Dikaiomaton mill-ġdid ċaħad it-talba ta’ K. Maïstrellis għar-raġuni li, b’applikazzjoni tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(3) tal-Kodiċi tal-uffiċjali pubbliċi, dan ma kienx intitolat li jibbenefika mil-leave previst fl-Artikolu 44(21) tal-Kodiċi dwar l-istatus tal-imħallfin. Fil-fatt, anki jekk imħallef missier huwa intitolat, bħala prinċipju, għal leave parentali sabiex jieħu ħsieb il-wild tiegħu, huwa ma jistax jibbenefika minnu jekk il-mara tiegħu ma taħdimx jew ma teżerċita ebda professjoni. Issa, f’dan il-każ, il-mara ta’ K. Maïstrellis, bħalma ddikjara huwa stess, kienet mingħajr impjieg.

20      Fl-10 ta’ Ottubru 2011, K. Maïstrellis appella minn din id-deċiżjoni l-ġdida quddiem is-Symvoulio tis Epikrateias. Din tal-aħħar enfasizzat li, skont il-ġurisprudenza tagħha, fl-oqsma li ma humiex irregolati b’mod speċifiku għall-imħallfin, japplikaw għalihom b’mod supplimentari d-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-uffiċjali pubbliċi u, b’mod partikolari, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(3) ta’ dan il-kodiċi.

21      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar jekk din id-dispożizzjoni tal-Kodiċi tal-uffiċjali pubbliċi hijiex konformi mad-Direttivi 96/34 u 2006/54.

22      F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Symvoulio tis Epikrateias iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Id-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 96/34/CE u 2006/54/CE, sa fejn huma applikabbli fil-kawża prinċipali, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjonijiet nazzjonali, bħad-dispożizzjoni inkwistjoni tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(3) tal-[Kodiċi tal-uffiċjali pubbliċi], li jipprovdu li jekk il-mara ta’ uffiċjal pubbliku ma taħdimx jew ma teżerċita ebda professjoni, żewġha ma għandux dritt għal leave parentali, sakemm, minħabba mard serju jew diżabbiltà, hija titqies li ma hijiex kapaċi tissodisfa l-bżonnijiet relatati mat-trobbija ta’ wild?”

 Fuq id-domanda preliminari

23      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 96/34 u 2006/54 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li uffiċjal pubbliku ma għandux dritt għal leave parentali fis-sitwazzjoni meta l-mara tiegħu ma tkunx taħdem jew ma tkun teżerċita ebda professjoni, sakemm, minħabba mard serju jew diżabbiltà, hija ma tkunx tista’ taqdi l-bżonnijiet relatati mat-trobbija tal-wild.

 Osservazzjonijiet preliminari

24      F’dan il-każ, K. Maïstrellis, fil-kwalità tiegħu ta’ mħallef, huwa bħala prinċipju suġġett għall-Kodiċi dwar l-istatus tal-imħallfin. Il-qorti tar-rinviju tenfasizza madankollu li, skont il-ġurisprudenza tagħha, meta l-istatus tal-imħallfin ma jkunx suġġett għal dispożizzjonijiet speċifiċi, japplikaw għalihom, b’mod supplimentari, id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-uffiċjali pubbliċi u, b’mod partikolari, it-tielet subartikolu tal-Artikolu 53(3) ta’ dan il-kodiċi, li huwa msemmi espressament fil-formulazzjoni tad-domanda magħmula.

25      F’dan ir-rigward, K. Maïstrellis isostni li l-Ypourgos Dikaiosynis, Diafaneias kai Anthropinon Dikaiomaton ibbaża ruħu fuq it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(3) tal-Kodiċi tal-uffiċjali pubbliċi mingħajr ma kienu ssodisfatti l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għall-imħallfin.

26      Madankollu, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-qafas regolamentari u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza (sentenzi Melki u Abdeli, C‑188/10 u C‑189/10, EU:C:2010:363, punt 27, kif ukoll Stanley International Betting u Stanleybet Malta, C‑463/13, EU:C:2015:25, punt 26).

27      B’mod partikolari, għandu jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni fuq l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali, peress li tali interpretazzjoni taqa’ fil-fatt taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati nazzjonali. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, meta jkollha quddiemha talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali, tillimita ruħha għall-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali li tkun tressqet quddiemha mill-imsemmija qorti (sentenza ČEZ, C‑115/08, EU:C:2009:660, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandha tingħata risposta għad-domanda preliminari kif magħmula mis-Symvoulio tis Epikrateias.

 Fuq id-Direttiva 96/34

29      Għandu jiġi rrilevat l-ewwel nett li d-Direttiva 96/34 u l-Ftehim qafas huma applikabbli għal uffiċjal pubbliku (ara s-sentenza Chatzi, C‑149/10, EU:C:2010:534, punti 27 sa 30).

30      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fir-rigward tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, huwa importanti li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħhom, iżda wkoll l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li jagħmlu parti minnha u l-kuntest tagħhom (ara s-sentenzi Adidas, C‑223/98, EU:C:1999:500, punt 23; SGAE, C‑306/05, EU:C:2006:764, punt 34, kif ukoll Hoštická et, C‑561/13, EU:C:2014:2287, punt 29).

31      Fir-rigward tal-formulazzjoni tal-Ftehim qafas, skont il-punt 1 tal-klawżola 2 tiegħu, “dritt individwali” għal leave parentali jingħata lill-ħaddiema, irġiel u nisa, minħabba t-twelid jew l-adozzjoni ta’ wild, sabiex ikunu jistgħu jieħdu ħsieb dan il-wild għal mill-inqas tliet xhur.

32      Barra minn hekk, skont il-punt 2 tal-klawżola 2 tal-Ftehim qafas, sabiex jiġu promossi opportunitajiet indaqs u trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa, dan id-dritt għal-leave parentali “għandu, in prinċipju, jingħata fuq bażi non-trasferibbli”

33      Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li kull wieħed mill-ġenituri tal-wild għandu, individwalment, dritt għal leave parentali għal mill-inqas tliet xhur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, C‑519/03, EU:C:2005:234, punt 33).

34      Dan id-dritt għal leave parentali għal kull wieħed mill-ġenituri tal-wild jikkostitwixxi wieħed mir-rekwiżiti minimi stabbiliti mill-Ftehim qafas, fis-sens tal-punt 1 tal-klawżola 1 ta’ dan il-ftehim.

35      B’hekk, il-punt 3 tal-klawżola 2 tal-Ftehim qafas jistabbilixxi li l-kundizzjonijiet ta’ aċċess u r-regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tal-leave parentali għandhom ikunu ddefiniti mil-liġi u/jew bi ftehim kollettiv fl-Istati Membri, sakemm il-ħtiġiet minimi ta’ dan il-ftehim ikunu mħarsa. L-istess dispożizzjoni tindika l-kundizzjonijiet ta’ aċċess għal-leave parentali u r-regoli ddettaljati tagħhom li l-Istati Membri u/jew l-imsieħba soċjali jistgħu, b’mod partikolari, jadottaw.

36      Issa, bħalma rrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 42 tal-konklużjonijiet tagħha, dawn il-kundizzjonijiet u regoli ddettaljati mkien ma jipprevedu li wieħed mill-ġenituri jista’ jkun imċaħħad mid-dritt għal leave parentali, b’mod partikolari minħabba s-sitwazzjoni professjonali tal-konjuġi tiegħu.

37      Din l-interpretazzjoni litterali tal-klawżoli 1 u 2 tal-Ftehim qafas hija kkorroborata mill-għanijiet u mill-kuntest tal-imsemmi Ftehim qafas.

38      Fil-fatt, il-Ftehim qafas huwa intiż, skont il-punt 1 tal-klawżola 1 tiegħu, sabiex jiffaċilita r-rikonċiljazzjoni tar-responsabbiltajiet professjonali u tal-familja għall-ġenituri li jaħdmu, għan dan li huwa stabbilit, kif ifakkar il-punt 4 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali tal-imsemmi ftehim, fil-punt 16 tal-Karta Komunitarja tad-drittijiet soċjali fundamentali tal-ħaddiema (sentenza Chatzi, C‑149/10, EU:C:2010:534, punt 36).

39      Huwa għall-istess għan li d-dritt għal-leave parentali kien inkluż, fl-Artikolu 33(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, fost id-drittijiet soċjali fundamentali miġbura fi ħdan it-Titolu IV tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, taħt it-titolu “Solidarjetà” (sentenza Chatzi, C‑149/10, EU:C:2010:534, punt 37). Din id-dispożizzjoni tiddikjara li, sabiex ikunu jistgħu jiġu rrikonċiljati l-ħajja tal-familja u l-ħajja professjonali, kull persuna hija intitolata, b’mod partikolari, għal leave parentali wara t-twelid jew l-adozzjoni ta’ wild.

40      Fl-istess sens, il-punti 7 u 8 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali tal-Ftehim qafas jistabbilixxu li l-politika tal-familja għandha titqies fil-kuntest tal-“[inkoraġġiment tal-]parteċipazzjoni tan-nisa fil-ħajja tax-xogħol” u li l-irġiel għandhom ikunu mħeġġa jassumu “sehem ugwali tar-responsabbiltajiet familjari”, b’mod partikolari billi jieħdu leave parentali.

41      Konsegwentement, kemm mill-formulazzjoni tal-Ftehim qafas, kemm mill-għanijiet u kemm mill-kuntest tiegħu jirriżulta li kull wieħed mill-ġenituri huwa intitolat għal leave parentali, u dan jimplika li l-Istati Membri ma jistgħux jadottaw leġiżlazzjoni li tipprovdi li uffiċjal pubbliku missier huwa mċaħħad mid-dritt għal tali leave parentali fis-sitwazzjoni meta l-mara tiegħu ma tkunx taħdem jew ma tkun teżerċita ebda professjoni.

 Fuq id-Direttiva 2006/54

42      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, bħalma huwa mfakkar fil-premessa 2 tad-Direttiva 2006/54, li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn l-irġiel u n-nisa implementat minn din id-direttiva għandu applikazzjoni ġenerali. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija direttiva, bħalma jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 14(1) tagħha u mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tapplika għar-relazzjonijiet ta’ xogħol kemm fis-settur pubbliku kif ukoll fis-settur privat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Napoli, C‑595/12, EU:C:2014:128, punt 39).

43      Skont il-premessa 11 ta’ din id-direttiva, sabiex jippermettu sew lill-irġiel u sew lin-nisa li jikkombinaw ir-responsabbiltajiet tax-xogħol u tal-familja b’iktar suċċess, l-Istati Membri għandhom, b’mod partikolari, jadottaw “arranġamenti xierqa għal leave tal-ġenituri [leave parentali] li jista’ jittieħed minn kwalunkwe ġenitur”.

44      Skont l-Artikolu 2(1)(a) tal-imsemmija direttiva, tikkostitwixxi “diskriminazzjoni diretta” is-sitwazzjoni meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli, minħabba s-sess tagħha, minn kif tiġi ttrattata, ġiet ittrattata jew kieku tiġi ttrattata persuna oħra f’sitwazzjoni komparabbli.

45      L-għoti ta’ leave parentali, li jippermetti lill-ġenituri ġodda li jinterrompu l-attività professjonali tagħhom sabiex jikkonċentraw fuq ir-responsabbiltajiet tal-familja tagħhom, jaffettwa l-eżerċizzju tal-attività professjonali tal-uffiċjali pubbliċi kkonċernati. Għalhekk, il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ leave parentali jaqgħu taħt il-kundizzjonijiet ta’ impjieg u ta’ xogħol fis-sens tal-Artikolu 14(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/54.

46      F’dan il-każ, il-leave parentali kif previst fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(3) tal-Kodiċi tal-uffiċjali pubbliċi jirrigwarda l-uffiċjali pubbliċi fil-kwalità tagħhom ta’ ġenituri.

47      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li s-sitwazzjoni ta’ ħaddiem raġel li huwa ġenitur u dik ta’ ħaddiem mara li hija wkoll ġenitur huma komparabbli f’dak li jirrigwarda t-trobbija tal-ulied (ara s-sentenzi Il‑Kummissjoni vs Franza, 312/86, EU:C:1988:485, punt 14; Griesmar, C‑366/99, EU:C:2001:648, punt 56, u Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C‑559/07, EU:C:2009:198, punt 69).

48      Issa, filwaqt li t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(3) tal-Kodiċi tal-uffiċjali pubbliċi jipprovdi li uffiċjal pubbliku missier ma huwiex intitolat għal leave parentali għat-trobbija tal-wild tiegħu fis-sitwazzjoni meta l-mara tiegħu ma tkunx taħdem jew ma tkun teżerċita ebda professjoni, sakemm, minħabba mard serju jew diżabbiltà, hija ma tkunx tista’ taqdi l-bżonnijiet relatati mat-trobbija tal-wild, din id-dispożizzjoni, b’mod oppost, ma tipprevedix, għal uffiċjal pubbliku mara, tali ċaħda relatata mas-sitwazzjoni professjonali tar-raġel tagħha. Barra minn hekk, id-deċiżjoni tar-rinviju ma tirreferi għal ebda dispożizzjoni oħra tad-dritt nazzjonali li tistabbilixxi tali kundizzjoni għall-uffiċjali pubbliċi nisa.

49      Minn dan jirriżulta li, skont id-dritt nazzjonali, l-ommijiet li huma uffiċjali pubbliċi jistgħu dejjem jibbenefikaw minn leave parentali, filwaqt li l-missirijiet li għandhom l-istess status jistgħu jibbenefikaw minnu biss fil-każ meta l-omm tal-wild tagħhom tkun taħdem jew teżerċita professjoni. B’hekk, is-sempliċi fatt li jkunu ġenituri ma huwiex biżżejjed sabiex uffiċjali pubbliċi rġiel jibbenefikaw minn dan il-leave, minkejja li dan huwa biżżejjed għan-nisa li jkollhom status identiku (ara, b’analoġija, is-sentenza Roca Álvarez, C‑104/09, EU:C:2010:561, punt 23).

50      Barra minn hekk, fir-rigward tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2006/54, dispożizzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, minflok ma tassigura b’mod konkret ugwaljanza sħiħa bejn l-irġiel u n-nisa fil-ħajja tax-xogħol, pjuttost tipperpetwa distribuzzjoni tradizzjonali tar-rwoli bejn l-irġiel u n-nisa billi żżomm lill-irġiel fi rwol sussidjarju meta mqabbel ma’ dak tan-nisa f’dak li jirrigwarda l-eżerċizzju tad-doveri tagħhom bħala ġenituri (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Lommers, C‑476/99, EU:C:2002:183, punt 41, u Roca Álvarez, C‑104/09, EU:C:2010:561, punt 36).

51      Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 28(2) tad-Direttiva 2006/54, din hija bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 96/34 u 92/85. Madankollu, dispożizzjoni bħat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(3) tal-Kodiċi tal-uffiċjali pubbliċi ma tistax taqa’ taħt il-protezzjoni prevista mid-Direttiva 92/85. Fil-fatt, bħalma enfasizzat l-Avukat Ġenerali fil-punt 50 tal-konklużjonijiet tagħha, iċ-ċaħda, lill-missier tal-wild, mid-dritt għal leave parentali minħabba s-sitwazzjoni professjonali tal-mara tiegħu, ma tikkostitwixxi bl-ebda mod miżura intiża sabiex tippromwovi t-titjib fis-sigurtà u fis-saħħa tal-ħaddiema tqal, li welldu reċentement, jew li qegħdin ireddgħu fuq il-post tax-xogħol.

52      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li d-dispożizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistabbilixxi diskriminazzjoni diretta minħabba s-sess fis-sens tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2006/54, moqri flimkien mal-Artikolu 2(1)(a) ta’ din id-direttiva, kontra l-uffiċjali pubbliċi missirijiet, fir-rigward tal-għoti ta’ leave parentali.

53      Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li d-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 96/34 u 2006/54 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li uffiċjal pubbliku ma huwiex intitolat għal leave parentali fis-sitwazzjoni meta l-mara tiegħu ma tkunx taħdem jew ma tkun teżerċita ebda professjoni, sakemm, minħabba mard serju jew diżabbiltà, hija ma tkunx tista’ taqdi l-bżonnijiet relatati mat-trobbija tal-wild.

 Fuq l-ispejjeż

54      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 96/34/KE, tat-3 ta’ Ġunju 1996, dwar il-ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri [leave parentali] konkluż mill-UNICE, CEEP u ta’ ETUC, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 97/75/KE, tal-15 ta’ Diċembru 1997, kif ukoll tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Lulju 2006, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li uffiċjal pubbliku ma huwiex intitolat għal leave parentali fis-sitwazzjoni meta l-mara tiegħu ma tkunx taħdem jew ma tkun teżerċita ebda professjoni, sakemm, minħabba mard serju jew diżabbiltà, hija ma tkunx tista’ taqdi l-bżonnijiet relatati mat-trobbija tal-wild.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Grieg.