Language of document :

Rikors ippreżentat fit-22 ta’ Jannar 2024 – CC vs Il-Parlament

(Kawża T-36/24)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrent: CC (rappreżentanti: J. Martínez Gimeno, X. Codina García Andrade, F. Díaz Grande Rojo u S. Fernández Tourné, avukati)

Konvenut: Il-Parlament Ewropew

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla l-avviż ta’ ħlas li jikkonċerna lir-rikorrenti minħabba a) l-illegalità tal-Artikolu 76(1) jew 1a tal-Miżuri ta’ applikazzjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew, fil-formulazzjoni tagħhom li tirriżulta mid-Deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament Ewropew tat-12 ta’ Ġunju 2023 li temenda l-Miżuri ta’ Implimentazzjoni tal-Istatut għall-Membri tal-Parlament Ewropew 1 , u b) l-illegalità tal-Artikolu 76(2a) tal-imsemmija miżuri, fil-formulazzjoni tagħhom li tirriżulta mid-Deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Diċembru 2018 2 , u tannulla wkoll il-ħlas tal-intitolamenti taħt l-iskema ta’ pensjoni komplimentari volontarja tar-rikorrenti posterjuri għall-avviż ta’ ħlas inkwistjoni għall-istess raġuni;

tikkundanna lill-Parlament Ewropew joħroġ avviżi ta’ ħlas tal-intitolamenti taħt l-iskema ta’ pensjoni komplimentari volontarja ġodda għar-rikorrenti bl-ammont li kien ikun applikabbli b’konformità mal-formulazzjoni preċedenti għad-Deċiżjonijiet tal-2023 u tal-2018 u tal-Artikolu 76 tal-imsemmija miżuri ta’ applikazzjoni, għal dak li jikkonċerna kemm l-avviż ta’ ħlas inkwistjoni kif ukoll l-avviżi ta’ ħlas posterjuri kollha maħruġa sa minn din id-data;

tikkundanna lill-Parlament Ewropew, abbażi ta’ dawn l-avviżi ta’ ħlas ġodda, iżomm l-ammonti diġà mħallsa lir-rikorrenti abbażi tal-intitolamenti taħt l-iskema ta’ pensjoni komplimentari volontarja u jħallas id-differenza bejn l-ammont tal-avviż ta’ ħlas inkwistjoni (u tal-avviżi ta’ ħlas li ser joħorġu sakemm tingħata s-sentenza) u l-ammont li kien ikun applikabbli b’konformità mal-formulazzjoni preċedenti għad-Deċiżjonijiet tal-2023 u tal-2018 tal-Artikolu 76 tal-imsemmija miżuri ta’ applikazzjoni, flimkien mal-interessi legali u relatati mid-data meta din id-differenza kellha titħallas sal-ħlas sħiħ, u

tikkundanna lill-Parlament Ewropew għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka sitt motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 27(2) tad-Deċiżjoni Euratom tal-Parlament Ewropew tat-28 ta’ Settembru 2005 li tadotta l-istatut għall-membri tal-Parlament Ewropew 1 u tal-Artikolu 25(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Parlament Ewropew, li jipprevedu, rispettivament, li l-intitolamenti miksuba jew l-aspettattiva ta’ intitolamenti fl-iskema ta’ pensjoni komplementari volontarja huma kompletament miżmuma u li l-Bureau tal-Parlament Ewropew jista’ jimponi kundizzjonijiet speċjali biss li japplikaw għall-ksib ta’ intitolamenti ġodda u għall-aspettattiva ta’ intitolamenti.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u tal-protezzjoni tal-intitolamenti miksuba jew tal-aspettattivi ta’ intitolamenti mir-rikorrenti qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-2023, mingħajr ebda ġustifikazzjoni jew ibbilanċjar tal-interessi preżenti li jippermettu tali bdil.

It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-kontenut essenzjali tad-dritt fundamentali għall-proprjetà sanċit fl-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, tal-prinċipju ġenerali ta’ indipendenza parlamentari u tal-prinċipju ta’ ugwaljanza. Il-miżuri adottati mid-Deċiżjoni tal-2023 jiżvojtaw mill-essenza tagħhom id-dritt għall-pensjoni tar-rikorrenti, protett mill-Artikolu 17 tal-Karta, peress li ma josservawx il-minimu meħtieġ mill-ġurisprudenza rigward id-Direttiva 2008/94/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2008 dwar il-protezzjoni ta’ l-impjegati fil-każ ta’ l-insolvenza ta’ min iħaddimhom u li, barra minn hekk, dawn jiksru l-kontenut minimu essenzjali tad-dritt għall-pensjoni tar-rikorrenti li jirriżulta mill-iskema ta’ pensjoni komplimentari volontarja. Bl-istess mod, il-miżuri msemmija iktar ’il fuq jiksru l-prinċipju ġenerali ta’ indipendenza parlamentari, ikkonkretizzat bħala dritt għall-pensjoni tar-rikorrenti, u l-prinċipju ta’ ugwaljanza, billi ma jipprevedux miżuri simili fid-drittijiet għall-pensjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew attwali.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, sa fejn il-miżuri adottati mid-Deċiżjoni tal-2023 jommettu totalment l-ibbilanċjar tal-interessi preżenti; huma għandhom għan ta’ interess ġenerali astratt, li ma huwiex leġittimu fid-dawl taċ-ċirkostanzi konkreti f’dan il-każ marbuta mal-iskema ta’ pensjoni komplimentari volontarja maħluqa mill-Parlament Ewropew stess, u huma, fi kwalunkwe każ, miżuri ħafna iktar onerużi minn dawk li setgħu ġew adottati.

Il-ħames motiv ibbażat fuq il-ksur tal-aspettattivi leġittimi, sa fejn il-Parlament Ewropew kostantament ta lir-rikorrenti garanziji preċiżi, inkondizzjonali u konkordanti li d-drittijiet għall-pensjoni miksuba jew li qegħdin jinkisbu ser ikun osservati u li kien ser jassumi r-responsabbiltà legali tiegħu wara li jintemmu l-assi tal-fondi tal-pensjoni komplementari volontarja.

Is-sitt motiv ibbażat fuq li l-pensjoni tar-rikorrenti hija pensjoni li tirriżulta mill-pensjoni preċedenti ta’ ex-Membru tal-Parlament Ewropew, li kien jirċievi din il-pensjoni qabel id-Deċiżjoni tal-2018 u anki qabel id-dħul fis-seħħ tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew u li kien igawdi, għalhekk, minn intitolament miksub b’mod sħiħ ħafna qabel id-Deċiżjoni tal-2018. Bl-istess mod, ir-rikorrenti kellha, fis-sens tal-ġurisprudenza applikabbli, “aspettattiva ta’ intitolamenti” qabel id-Deċiżjoni tal-2018. Barra minn hekk, it-tassazzjoni ta’ 5 % previst mid-Deċiżjoni tal-2018 tikkostitwixxi ksur tad-drittijiet u tal-prinċipji esposti fit-tielet sal-ħames motiv (kontenut essenzjali tad-dritt għall-proprjetà, prinċipju ta’ proporzjonalità u prinċipju tal-aspettattivi leġittimi).

____________

1     Deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament Ewropew tat-12 ta’ Ġunju 2023 li temenda l-Miżuri ta’ Implimentazzjoni tal-Istatut għall-Membri tal-Parlament Ewropew (ĠU 2023, C 227, p. 5).

1     Deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Diċembru 2018 li temenda l-Miżuri ta’ Implimentazzjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew (ĠU 2018, C 466, p. 8).

1     ĠU 2005 L 262, p.1.