Language of document : ECLI:EU:T:2020:545

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża)

18 ta’ Novembru 2020 (*)

“Kompetizzjoni – Abbuż minn pożizzjoni dominanti – Suq tat-trasport ferrovjarju ta’ merkanzija – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 102 TFUE – Aċċess minn impriżi terzi għall-infrastrutturi amministrati mill-kumpannija nazzjonali ferrovjarja tal-Litwanja – Żmantellament ta’ kollegament ferrovjarju – Kunċett ta’ abbuż – Esklużjoni effettiva jew probabbli ta’ kompetitur – Kalkolu tal-ammont tal-multa – Linji gwida għall-kalkolu tal-ammont tal-multi tal-2006 – Miżuri korrettivi – Proporzjonalità – Ġurisdizzjoni sħiħa”

Fil-Kawża T‑814/17,

Lietuvos geležinkeliai AB, stabbilita f’Vilnius (il-Litwanja), irrappreżentata minn W. Deselaers, K. Apel u P. Kirst, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Cleenewerck de Crayencour, A. Dawes, H. Leupold u G. Meessen, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Orlen Lietuva AB, stabbilita f’Mažeikiai (il-Litwanja), irrappreżentata minn C. Thomas u C. Conte, avukati,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża, prinċipalment, għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2017) 6544 final, tat‑2 ta’ Ottubru 2017, dwar proċedura skont l-Artikolu 102 TFUE (Każ AT.39813 – Baltic Rail), u, sussidjarjament, għal tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża),

komposta minn S. Papasavvas, President, H. Kanninen, N. Półtorak (Relatur), O. Porchia u M. Stancu, Imħallfin,

Reġistratur: E. Artemiou, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal‑5 ta’ Frar 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

I.      Il-fatti li wasslu għall-kawża

A.      Il-kuntest fattwali

1        Lietuvos geležinkeliai AB (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti” jew “LG”) hija l-kumpannija nazzjonali ferrovjarja tal-Litwanja, li s-sede tagħha tinsab f’Vilnius (il-Litwanja). LG hija impriża pubblika, li l-azzjonist uniku tagħha huwa l-Istat Litwan. Bħala impriża integrata vertikalment, LG hija kemm amministratur tal-infrastrutturi ferrovjarji, li madankollu jibqgħu proprjetà tal-Istat Litwan, kif ukoll fornitur ta’ provvisti ta’ servizzi ta’ trasport ferrovjarju, ta’ merkanzija u ta’ passiġġieri, fil-Litwanja.

2        Orlen Lietuva AB (iktar ’il quddiem l-“intervenjenti” jew “Orlen”) hija impriża stabbilita f’Juodeikiai, fid-distrett ta’ Mažeikiai (il-Litwanja), speċjalizzata fir-raffinament taż-żejt mhux maħdum u fid-distribuzzjoni ta’ prodotti petroliferi raffinati. Orlen hija sussidjarja 100 % tal-impriża Pollakka PKN Orlen SA.

3        Fil-kuntest tal-attivitajiet tagħha, Orlen topera diversi installazzjonijiet fil-Litwanja, fosthom raffinerija importanti (iktar ’il quddiem ir-“raffinerija”), li tinsab f’Bugeniai, fid-distrett ta’ Mažeikiai, fil-Majjistral tal-Litwanja, qrib il-fruntiera mal-Latvja. Din ir-raffinerija hija l-unika installazzjoni ta’ dan it-tip mit-tliet Stati Baltiċi. Fl-aħħar tas-snin 2000, 90 % tal-produzzjoni tal-prodotti petroliferi raffinati minn dan ir-raffinerija kienet ittrasportata bil-ferrovija, u b’hekk kienet tagħmel lil Orlen waħda mill-ikbar klijenti tar-rikorrenti.

4        F’dak iż-żmien, Orlen kienet tipproduċi, fi ħdan ir-raffinerija, madwar 8 miljun tunnellata ta’ prodotti petroliferi raffinati fis-sena. Tliet kwarti minn din il-produzzjoni kienet intiża għall-esportazzjoni, prinċipalment bil-baħar lejn pajjiżi tal-Ewropa tal-Punent. B’hekk, 4.5 sa 5.5 miljun tunnellata ta’ prodotti petroliferi raffinati kienu ttrasportati mil-Litwanja, bil-ferrovija, lejn it-terminal marittimu ta’ Klaipėda (il-Litwanja).

5        Il-kumplament tal-produzzjoni esportata, jiġifieri madwar 1 sa 1.5 miljun tunnellata, kien ittrasportat, ukoll permezz tal-ferrovija, lejn jew permezz tal-Latvja u kien prinċipalment intiż għall-konsum fis-swieq interni Latvjani u Estonjani. Madwar 60 % ta’ din il-produzzjoni mibgħuta bil-ferrovija lejn jew permezz tal-Latvja kienet tuża l-linja ferrovjarja “Bugeniai-Mažeikiai-Rengė”, itinerarju li jieħu mir-raffinerija, li tinsab qrib il-konnessjoni ferrovjarja ta’ Mažeikiai, il-belt ta’ Rengė, fil-Latvja, li 34 km minnu kienu jinsabu fit-territorju Litwan (iktar ’il quddiem l-“itinerarju qasir lejn il-Latvja”). Il-kumplament ta’ din il-produzzjoni ttrasportata permezz tal-ferrovija lejn jew permezz tal-Latvja kienet tuża l-linja ferrovjarja “Bugeniai-Kužiai-Joniškis-Meitene”, itinerarju itwal, li 152 km minnu kienu jinsabu fit-territorju Litwan (iktar ’il quddiem l-“itinerarju twil lejn il-Latvja”).

6        Sabiex tittrasporta l-prodotti tagħha fuq l-itinerarju qasir lejn il-Latvja, Orlen kienet tuża s-servizzi tar-rikorrenti għall-parti Litwana tal-itinerarju, jiġifieri mir-raffinerija sal-fruntiera Latvjana. LG kienet għalhekk ikkonkludiet kuntratt ta’ subappalt ma’ Latvijas dzelzceļš, il-kumpannija nazzjonali tal-linji ferrovjarji tal-Latvja (iktar ’il quddiem “LDZ”), għall-parti Litwana tal-itinerarju. Peress li ma kellhiex l-awtorizzazzjonijiet leġiżlattivi neċessarji sabiex teżerċita l-attivitajiet tagħha b’mod indipendenti fit-territorju Litwan, LDZ kienet topera bħala subappaltatur tar-rikorrenti. Ladarba tinqabeż il-fruntiera, LDZ kienet tkompli t-trasport tal-prodotti ta’ Orlen fit-territorju Latvjan bis-saħħa ta’ diversi kuntratti.

7        Ir-relazzjonijiet kummerċjali bejn Orlen u r-rikorrenti dwar is-servizzi ta’ trasport tagħha fuq in-netwerk ferrovjarju Litwan, inklużi s-servizzi ta’ trasport fuq l-itinerarju qasir lejn il-Latvja, kienu rregolati, sa Settembru 2008, minn ftehim iffirmat fl‑1999 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim tal‑1999”).

8        Minbarra li jirregola t-tariffi applikati mir-rikorrenti għas-servizzi ta’ trasport, il-Ftehim tal‑1999 kien jinkludi b’mod partikolari impenn speċifiku min-naħa tar-rikorrenti li tittrasporta l-merkanzija ta’ Orlen fuq l-itinerarju qasir lejn il-Latvja. Fil-fatt, l-Artikolu 6.1 ta’ dan il-ftehim kien jawtorizza lil Orlen “tuża l-itinerarju Bugeniai-Rengė (madwar 34 km) sabiex tittrasporta l-merkanzija lejn il-Latvja, l-Estonja jew fil-Komunità ta’ Stati indipendenti”, għat-tul kollu tal-Ftehim, jiġifieri sal-2024.

9        Fil-bidu tal-2008, qamet tilwima kummerċjali bejn ir-rikorrenti u Orlen fir-rigward tat-tariffi mħallsa minn din tal-aħħar għat-trasport tal-prodotti petroliferi tagħha.

10      Minħabba t-tilwima kummerċjali mar-rikorrenti dwar it-tariffi, Orlen ipprevediet il-possibbiltà li tikkuntratta direttament ma’ LDZ għas-servizzi ta’ trasport ferrovjarju tal-merkanzija tagħha fuq l-itinerarju qasir lejn il-Latvja kif ukoll li terġa’ teżerċita l-attivitajiet tagħha ta’ esportazzjoni marittimi minn Klaipėda, fil-Litwanja, lejn it-terminals marittimi ta’ Riga u ta’ Ventspils, fil-Latvja.

11      Għal dan il-għan, fl‑4 ta’ April 2008, Orlen kitbet lill-Ministeru Latvjan tat-Trasport u tal-Komunikazzjonijiet sabiex tinformah bil-proġett tagħha li tittrasferixxi l-attivitajiet ta’ esportazzjoni tagħha bil-baħar lejn it-terminal marittimu Latvjan ta’ Ventspils, permezz tas-servizzi ta’ trasport ferrovjarju ta’ LDZ, u ssuġġeriet li tiġi organizzata laqgħa sabiex dan il-proġett jiġi evokat mal-Ministeru. Orlen talbet ukoll informazzjoni dwar it-tariffi li hija setgħet tistenna għas-servizzi ta’ trasport ferrovjarju ta’ LDZ. Fir-risposta tiegħu tas‑7 ta’ Mejju 2008, il-Ministeru indika lil Orlen li huwa ma kienx ser jinterferixxi mad-deċiżjonijiet kummerċjali ta’ LDZ, iżda li madankollu kellu interess kbir fl-iżvilupp tat-trasport tal-merkanzija fil-Latvja.

12      Fit-12 ta’ Ġunju 2008, saret laqgħa bejn ir-rikorrenti u Orlen, li matulha ssemma dan il-proġett ta’ riallokazzjoni tal-attivitajiet ta’ esportazzjoni ta’ Orlen. Barra minn hekk, peress li Orlen iddeċidiet unilateralment, mir-Rebbiegħa tal-2008, li tapplika rata inferjuri għal dik mitluba mir-rikorrenti u li żżomm il-ħlas tad-differenza, ir-rikorrenti, fis‑17 ta’ Lulju 2008, bdiet proċedura ta’ arbitraġġ kontra Orlen.

13      Fit-28 ta’ Lulju 2008, LG informat lil Orlen bix-xoljiment tal-ftehim tal‑1999 mill-1 ta’ Settembru 2008. Orlen ippreċiżat, matul il-proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, li x-xoljiment tal-Ftehim tal-1999 mill-1 ta’ Settembru 2008 kien tħabbar minn LG tlett ijiem wara li hija kienet talbet formalment lil LDZ kwotazzjoni sabiex tissostitwixxi s-servizzi tar-rikorrenti għat-trasport, mir-raffinerija u bl-użu tal-itinerarju qasir lejn il-Latvja, ta’ madwar 4.5 sa 5 miljun tunnellata ta’ prodotti petroliferi raffinati lejn it-terminals marittimi li jinsabu fit-territorju Latvjan. Orlen issuġġeriet ukoll li r-rikorrenti setgħet ġiet informata bit-talba għal kwotazzjonijiet direttament minn LDZ.

14      Fit-2 ta’ Settembru 2008, wara l-iskoperta ta’ deformazzjoni tal-linja ferrovjarja b’xi għexieren ta’ metri (iktar ’il quddiem id-“deformazzjoni”), LG, billi invokat prinċipalment raġunijiet ta’ sigurtà, issospendiet it-traffiku fuq parti tal-itinerarju qasir lejn il-Latvja, twila 19-il km, li tinsab bejn Mažeikiai u l-fruntiera mal-Latvja (iktar ’il quddiem il-“linja ferrovjarja”).

15      Fit-3 ta’ Settembru 2008, ir-rikorrenti ħatret kumitat ta’ spezzjoni kompost minn diriġenti tas-sussidjarja lokali tagħha sabiex jinvestiga r-raġunijiet għad-deformazzjoni. Il-kumitat ta’ spezzjoni ppreżenta żewġ rapporti, jiġifieri r-rapport ta’ investigazzjoni tal‑5 ta’ Settembru 2008 u r-rapport tekniku tal‑5 ta’ Settembru 2008 (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien, ir-“rapporti tal‑5 ta’ Settembru 2008”).

16      Skont ir-rapport ta’ investigazzjoni tal‑5 ta’ Settembru 2008, id-deformazzjoni kienet ġiet ipprovokata mid-deterjorament fiżiku ta’ diversi elementi li jikkomponu l-istruttura tal-linja ferrovjarja. Ir-rapport ta’ inkjesta tal‑5 ta’ Settembru 2008 ikkonferma wkoll li t-traffiku kellu jibqa’ sospiż “sakemm jintemmu x-xogħlijiet kollha ta’ ristorazzjoni u ta’ tiswija”.

17      L-osservazzjonijiet li jinsabu fir-rapport tal-investigazzjoni tal‑5 ta’ Settembru 2008 ġew ikkonfermati mir-rapport tekniku tal‑5 ta’ Settembru 2008 li, bħall-ewwel rapport, kien jirreferi biss għas-sit tad-deformazzjoni u jidentifika l-kawża tiegħu f’diversi problemi relatati mal-istruttura tal-linja ferrovjarja. Ir-rapport tekniku tal-5 ta’ Settembru 2008 ikkonkluda li l-inċident tat-traffiku li seħħ fil-forma ta’ deformazzjoni fuq il-linja ferrovjarja kellu jiġi kklassifikat bħala inċident u li kien dovut għall-użu fiżiku tal-elementi superjuri tal-istruttura tal-linja ferrovjarja.

18      LDZ ippreżentat lil Orlen offerta għat-trasport tal-prodotti petroliferi tagħha fid‑29 ta’ Settembru 2008, wara laqgħa li saret fit‑22 ta’ Settembru 2008. Skont Orlen, din l-offerta kienet “konkreta u attraenti”.

19      Mit-3 ta’ Ottubru 2008, LG bdiet l-iżmantellament sħiħ tal-linja tal-ferrovjarja. Fl-aħħar tax-xahar ta’ Ottubru 2008, il-linja ferrovjarja kienet żmantellata totalment.

20      Fis‑17 ta’ Ottubru 2008, Orlen bagħtet ittra lil LDZ sabiex tikkonfermalha l-intenzjoni tagħha li tittrasporta madwar 4.5 miljun tunnellata ta’ prodotti petroliferi mir-raffinerija lejn it-terminals marittimi Latvjani, u wara saret laqgħa fl-20 ta’ Frar 2009 u seħħew diskussjonijiet iktar avvanzati fir-rebbiegħa tas-sena 2009.

21      F’Jannar 2009, ġie konkluż ftehim ġenerali ġdid ta’ trasport bejn ir-rikorrenti u Orlen għal perijodu ta’ ħmistax‑il sena, sal-1 ta’ Jannar 2024 (iktar ’il quddiem il-“ftehim tal-2009”). Dan il-ftehim issostitwixxa ftehim temporanju li kien ġie ffirmat fl-1 ta’ Ottubru 2008.

22      Il-ftehim tal-2009 kien ibbażat fuq il-politika ta’ prezzijiet standard tar-rikorrenti fil-qasam tat-tariffi, li kienet tattribwixxi tariffa bażika għal kull rotta ferrovjarja fil-Litwanja. Barra minn hekk, il-ftehim tal‑2009 kien japplika sistema ta’ tnaqqis fuq dawn it-tariffi [kunfidenzjali].

23      [kunfidenzjali]

24      In-negozjati bejn Orlen u LDZ komplew sal-aħħar tax-xahar ta’ Ġunju 2009, meta LDZ ippreżentat applikazzjoni sabiex tikseb liċenzja sabiex topera fuq il-parti Litwana l-itinerarju qasir lejn il-Latvja.

25      Fl-10 ta’ Novembru 2009, it-tribunal tal-arbitraġġ iddikjara li x-xoljiment unilaterali tal-ftehim tal-1999 mir-rikorrenti kienet illegali u li dan il-ftehim kellu jitqies bħala li kien fis-seħħ sal-1 ta’ Ottubru 2008, data li fiha Orlen u r-rikorrenti kienu kkonkludew ftehim ta’ trasport provviżorju.

26      Skont Orlen, id-diskussjonijiet ma’ LDZ ġew interrotti f’nofs is-sena 2010, meta hija finalment qieset li r-rikorrenti ma kellhiex l-intenzjoni li tirrimedja l-linja ferrovjarja fi żmien qasir. F’dan il-mument, LDZ irtirat l-applikazzjoni tagħha għal liċenzja sabiex topera fuq il-parti Litwana l-itinerarju qasir lejn il-Latvja.

B.      Il-proċedura amministrattiva

27      Fl‑14 ta’ Lulju 2010, Orlen ressqet ilment formali quddiem il-Kummissjoni, skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas‑16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101] u [102 TFUE] (ĠU 2003, L 1, p. 1).

28      Fl-ilment tagħha, Orlen essenzjalment esponiet li, wara nuqqas ta’ qbil kummerċjali bejnha u LG, din tal-aħħar kienet neħħiet il-linja ferrovjarja, fatt li kellu bħala konsegwenza li jirrendi mhux disponibbli l-itinerarju qasir lejn il-Latvja u ġegħelha tuża l-uniku itinerarju disponibbli, jiġifieri l-itinerarju twil lejn il-Latvja, sabiex tittrasporta, bil-ferrovija, il-parti tal-produzzjoni tagħha intiża li tiġi ttrasportata lejn jew permezz tal-Latvja.

29      B’mod iktar speċifiku, Orlen spjegat li n-nuqqas ta’ qbil kummerċjali inkwistjoni kien jirrigwarda t-tariffi applikati minn LG għat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija u li, minħabba dan in-nuqqas ta’ qbil, hija kienet bdiet teżamina l-possibbiltà li tirrikorri esklużivament għas-servizzi ta’ LDZ sabiex tittrasporta l-prodotti petroliferi raffinati tagħha fuq l-itinerarju qasir lejn il-Latvja kif ukoll sabiex talloka mill-ġdid, permezz ta’ dan ir-rotta, l-attivitajiet ta’ esportazzjoni tagħha bil-baħar mit-terminal marittimu ta’ Klaipėda lejn it-terminals marittimi ta’ Riga u ta’ Ventspils, fatt li LG kienet konxja minnu. Orlen b’hekk sostniet li l-miżuri meħuda mir-rikorrenti, jiġifieri s-sospensjoni tat-traffiku, u sussegwentement it-tneħħija tal-linja ferrovjarja, ma kinux oġġettivament iġġustifikati u kienu intiżi biss sabiex jipprekludu li jissoktaw l-esportazzjonijiet tagħha bil-baħar lejn it-terminals marittimi Latvjani bl-użu tas-servizzi ta’ trasport ferrovjarju ta’ LDZ.

30      Mit‑8 sal‑10 ta’ Marzu 2011, il-Kummissjoni, assistita mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni tar-Repubblika tal-Latvja u tar-Repubblika tal-Litwanja, wettqet spezzjonijiet, skont l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1/2003, fil-bini tar-rikorrenti f’Vilnius u f’dawk ta’ LDZ f’Riga. Matul dawn l-ispezzjonijiet, il-Kummissjoni b’mod partikolari ssekwestrat dokumenti intiżi, fil-fehma tagħha, li juru li r-rikorrenti kienet konxja mill-kompetizzjoni potenzjali li setgħet tiġi eżerċitata minn LDZ kif ukoll mir-riskju li Orlen setgħet tissokta l-esportazzjonijiet tagħha bil-baħar lejn it-terminals marittimi Latvjani.

31      Fis-6 ta’ Marzu 2013, il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ proċedura kontra LG fis-sens tal-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004 tas‑7 ta’ April 2004 dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skont l-Artikoli [101 u 102 TFUE] (ĠU 2004, L 123, p. 18).

32      Fil‑5 ta’ Jannar 2015, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. F’din id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni kkonkludiet, preliminarjament, li r-rikorrenti kienet potenzjalment ħatja ta’ ksur tal-Artikolu 102 TFUE.

33      Fil-25 ta’ Marzu 2015, Orlen ippreżentat osservazzjonijiet fuq verżjoni mhux kunfidenzjali tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

34      Fit-8 ta’ April 2015, ir-rikorrenti wieġbet għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u fformulat osservazzjonijiet fir-rigward tal-osservazzjonijiet ta’ Orlen. Sussegwentement, ġiet organizzata seduta fis‑27 ta’ Mejju 2015.

35      Fit-23 ta’ Ottubru 2015, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ espożizzjoni tal-fatti lir-rikorrenti, li għaliha din tal-aħħar wieġbet fit‑2 ta’ Diċembru 2015. Fid‑29 ta’ Frar 2016, ir-rikorrenti reġgħet ippreżentat osservazzjonijiet quddiem il-Kummissjoni.

36      Fit‑2 ta’ Ottubru 2017, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2017) 6544 final, dwar proċedura skont l-Artikolu 102 TFUE (Każ AT.39813 – Baltic Rail) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) li sunt tagħha huwa ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, C 383, p. 7).

C.      Id-deċiżjoni kkontestata

37      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni essenzjalment ikkonkludiet li r-rikorrenti kienet abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha, bħala amministratur tal-infrastrutturi ferrovjarji fil-Litwanja, billi neħħiet il-linja ferrovjarja, u b’hekk ostakolat lil LDZ milli tidħol fis-suq Litwan. Il-Kummissjoni imponiet multa fuq ir-rikorrenti u ordnatilha ttemm il-ksur.

1.      Definizzjoni tas-swieq rilevanti u pożizzjoni dominanti tar-rikorrenti f’dawn is-swieq

38      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni identifikat żewġ swieq ikkonċernati, jiġifieri:

–        is-suq, upstream, tal-amministrazzjoni tal-infrastrutturi ferrovjarji;

–        is-suq, downstream, tal-provvista ta’ servizzi ta’ trasport ferrovjarju ta’ prodotti petroliferi.

39      Is-suq ġeografiku inkwistjoni għall-amministrazzjoni tal-infrastrutturi ferrovjarji huwa kkunsidrat bħala s-suq nazzjonali Litwan. Fir-rigward tas-suq ġeografiku inkwistjoni għat-trasport ferrovjarju ta’ prodotti petroliferi, il-Kummissjoni qieset, abbażi tal-approċċ “punt ta’ oriġini – punt ta’ destinazzjoni”, imsejjaħ “approċċ O&D”, li dan kien is-suq tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija mir-raffinerija u lejn it-tliet terminals marittimi ta’ Klaipėda, ta’ Riga u ta’ Ventspils.

40      Il-Kummissjoni kkonstatat li, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, ir-rikorrenti kellha monopolju legali fis-suq, upstream, tal-amministrazzjoni tal-infrastrutturi ferrovjarji fil-Litwanja. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 5(1) tal-Lietuvos Respublikos geležinkelių transporto kodekso patvirtinimo, įsigaliojimo ir taikymo įstatymas (il-Kodiċi tat-Trasport Ferrovjarju tar-Repubblika tal-Litwanja), tat‑22 ta’ April 2004 (Žin., 2004, no IX‑2152, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tat-Trasport Ferrovjarju”), kien jipprevedi li l-infrastrutturi ferrovjarji pubbliċi kienu jappartjenu lill-Istat Litwan u kienu fdati lir-rikorrenti għall-amministrazzjoni tagħhom.

41      Il-Kummissjoni kkonstatat ukoll li LG kienet, bl-eċċezzjoni ta’ kwantitajiet żgħar ittrasportati minn LDZ, l-unika impriża attiva fis-suq, downstream, tal-provvista ta’ servizzi ta’ trasport ferrovjarju ta’ prodotti petroliferi, li, għaldaqstant, kien jagħtiha pożizzjoni dominanti f’dan is-suq.

2.      Aġir abbużiv

42      Il-Kummissjoni qieset, fid-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti kienet abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha, bħala amministratur tal-infrastrutturi ferrovjarji fil-Litwanja, billi neħħiet il-linja ferrovjarja, ħaġa li setgħet tipproduċi effetti antikompetittivi ta’ esklużjoni tal-kompetizzjoni fis-suq tal-provvista ta’ servizzi ta’ trasport ferrovjarju ta’ prodotti petroliferi bejn ir-raffinerija u t-terminals marittimi ġirien, billi ħolqot ostakoli għad-dħul fis-suq mingħajr ma teżisti ġustifikazzjoni oġġettiva. B’mod partikolari, il-Kummissjoni qieset, fil-premessi 182 sa 201 tad-deċiżjoni kkontestata, li, billi ħassret il-linja ferrovjarja fl-intier tagħha, LG kienet użat metodi differenti minn dawk li kienu jirregolaw kompetizzjoni normali. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni rrilevat, l-ewwel nett, li LG kienet taf bil-proġett ta’ Orlen sabiex iddur fuq it-terminals marittimi tal-Latvja billi tirrikorri għas-servizzi ta’ LDZ, it-tieni nett, li LG kienet neħħiet il-linja bl-għaġla kollha, mingħajr ma żgurat il-finanzjament neċessarju u mingħajr ma ħadet ebda waħda mill-miżuri preparatorji normali għar-rikostruzzjoni tagħha, it-tielet nett, li t-tneħħija tal-linja kienet tmur kontra l-prattiki kurrenti tas-settur, ir-raba’ nett, li LG kienet taf bir-riskju ta’ telf ta’ kull attività ta’ trasport tal-prodotti ta’ Orlen f’każ ta’ rikostruzzjoni tal-linja ferrovjarja u, il-ħames nett, li LG ħadmet sabiex tikkonvinċi lill-Gvern Litwan sabiex ma jibnix mill-ġdid il-linja ferrovjarja.

43      Il-Kummissjoni osservat li l-linja ferrovjarja kienet tippermetti l-użu tal-itinerarju l-iktar qasir u l-inqas oneruż sabiex ir-raffinerija tintrabat ma’ terminal marittimu Latvjan. Skont il-Kummissjoni, minħabba l-prossimità tagħha mal-Latvja u bil-bażi loġistika ta’ LDZ, dan l-itinerarju kien joffri wkoll lil LDZ il-possibbiltà, favorevoli ħafna, li tidħol fis-suq Litwan.

44      Fir-rigward tal-effetti antikompetittivi li jirriżultaw mill-aġir tar-rikorrenti, il-Kummissjoni qieset, wara analiżi mwettqa fil-premessi 202 sa 324 tad-deċiżjoni kkontestata, li t-tneħħija tal-linja ferrovjarja setgħet tipprekludi lil LDZ milli tidħol fis-suq jew, minn tal-inqas, kienet għamlet ħafna iktar diffiċli d-dħul tagħha fis-suq, u dan minkejja li, fl-opinjoni tal-Kummissjoni, qabel it-tneħħija tal-linja ferrovjarja, LDZ kellha opportunità kredibbli li tittrasporta l-prodotti petroliferi ta’ Orlen maħsuba għall-esportazzjoni marittima, mir-raffinerija lejn it-terminals marittimi Latvjani permezz tal-itinerarju qasir lejn il-Latvja. Bit-tneħħija tal-linja ferrovjarja, kull trasport ferrovjarju mir-raffinerija lejn terminal marittimu Latvjan kellu jissellef itinerarju ħafna itwal fit-territorju tal-Litwanja. B’mod partikolari, il-Kummissjoni qieset li, wara t-tneħħija tal-linja ferrovjarja, l-unika għażla għal LDZ sabiex tikkompeti mar-rikorrenti kienet li tipprova topera fuq l-itinerarju lejn Klaipėda jew fuq l-itinerarju twil lejn il-Latvja. Minħabba dan, LDZ kienet kostretta li twettaq l-attivitajiet tagħha l’bogħod mill-bażi loġistika tagħha fil-Latvja u kienet dipendenti fuq is-servizzi ta’ amministrazzjoni tal-infrastrutturi tal-kompetitur tagħha, LG. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni qieset li, minn perspettiva ex ante, LDZ kienet esposta għal riskji kummerċjali kbar, li kienet inqas suxxettibbli li tassumi.

45      Il-Kummissjoni qieset ukoll, fil-premessi 325 sa 357 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti ma kienet ipprovdiet ebda ġustifikazzjoni oġġettiva dwar it-tneħħija tal-linja ferrovjarja, peress li l-ispjegazzjonijiet mogħtija ma kinux jaqblu bejniethom, xi drabi kienu jikkontradixxu lil xulxin u ftit kienu konvinċenti.

3.      Multa u ordni

46      Filwaqt li applikat il-linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2, iktar ’il quddiem il-“linji gwida tal-2006”), il-Kummissjoni, fid-dawl tal-gravità u tat-tul tal-ksur, imponiet fuq ir-rikorrenti multa ta’ EUR 27 873 000.

47      Il-Kummissjoni qieset ukoll li diversi miżuri korrettivi ta’ natura komportamentali jew strutturali setgħu jew jistabbilixxu mill-ġdid is-sitwazzjoni kompetittiva li kienet teżisti qabel it-tneħħija tal-linja ferrovjarja, jew jirrimedjaw l-iżvantaġġi li kellhom il-kompetituri potenzjali fuq l-itinerarji l-oħra li jwasslu għat-terminals marittimi. Għal dan il-għan, hija ordnat lil LG sabiex ittemm il-ksur u tikkomunikalha, f’terminu ta’ tliet xhur min-notifika tad-deċiżjoni kkontestata, proposta ta’ miżuri f’dan is-sens.

4.      Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata

48      Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdi:

“Artikolu 1

[LG] kisret l-Artikolu 102 TFUE billi neħħiet il-linja ferrovjarja bejn Mažeikiai fil-Litwanja u l-fruntiera Latvjana. Il-ksur beda fit-3 ta’ Ottubru 2008 u jkompli fid-data tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni.

Artikolu 2

Għall-ksur imsemmi fl-Artikolu [1] hija imposta multa ta’ EUR 27 873 000.

[…]

L-Artikolu 3

[LG] għandha ttemm il-ksur imsemmi fl-Artikolu 1 u tippreżenta lill-Kummissjoni, fi żmien 3-il xahar, proposta ta’ miżuri għal dan il-għan. Din il-proposta għandha tkun iddettaljata biżżejjed sabiex tippermetti lill-Kummissjoni twettaq evalwazzjoni preliminari sabiex tiddetermina jekk il-miżuri proposti jiggarantixxux l-osservanza effettiva tad-deċiżjoni.

[LG] għandha tastjeni milli tirriproduċi kwalunkwe aġir li jkollu għan jew effett simili għall-aġir imsemmi fl-Artikolu 1 […]”

II.    Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

49      Permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-14 ta’ Diċembru 2017, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

50      Permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑5 ta’ April 2018, Orlen talbet li tintervjeni f’din il-proċedura insostenn tal-konklużjonijiet tal-Kummissjoni.

51      Fuq talba tal-Kummissjoni, it-terminu għall-preżentata ta’ talba għal trattament kunfidenzjali ġie estiż u stabbilit għall-4 ta’ Ġunju 2018.

52      Permezz ta’ ittri ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, rispettivament, fl-1 u fl-4 ta’ Ġunju 2018, il-Kummissjoni u r-rikorrenti talbu t-trattament kunfidenzjali, fir-rigward tal-intervenjenti, ta’ ċerti elementi li jinsabu fir-rikors u fir-risposta kif ukoll fi wħud mill-annessi tagħhom. Ġew ippreżentati xi verżjonijiet komuni mhux kunfidenzjali tar-rikors u tar-risposta mir-rikorrenti u mill-Kummissjoni.

53      B’ittra tal-15 ta’ Ġunju 2018, ir-rikorrenti talbet it-trattament kunfidenzjali fir-rigward tal-intervenjenti, ta’ ċerti provi li jinsabu fir-rikors u l-annessi tiegħu.

54      B’digriet tal-President tat-Tielet Awla tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Lulju 2018, Orlen ġiet ammessa tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Id-deċiżjoni dwar il-fondatezza tat-talbiet għal trattament kunfidenzjali ġiet irriżervata u ġew ikkomunikati lil Orlen verżjonijiet mhux kunfidenzjali tad-diversi atti proċedurali, ippreparati mill-partijiet prinċipali.

55      Permezz ta’ ittra tal-31 ta’ Lulju 2018, ir-rikorrenti talbet it-trattament kunfidenzjali fir-rigward tal-intervenjenti, ta’ ċerti provi li jinsabu fir-replika. Fl-istess jum, ġiet ippreżentata verżjoni komuni mhux kunfidenzjali tar-replika mir-rikorrenti u mill-Kummissjoni.

56      B’ittra tal‑5 ta’ Awwissu 2018, l-intervenjenti kkontestat il-kunfidenzjalità ta’ diversi partijiet li nżammu moħbija fil-verżjonijiet mhux kunfidenzjali tal-atti tal-proċedura, jiġifieri l-Annessi A 14 u A 26.

57      Permezz ta’ ittra tat‑30 ta’ Awwissu 2018, ir-rikorrenti talbet it-trattament kunfidenzjali fir-rigward tal-intervenjenti, ta’ ċerti provi li jinsabu fil-kontroreplika. Verżjoni komuni mhux kunfidenzjali tal-kontroreplika ġiet ippreżentata fir-Reġistru mill-partijiet prinċipali.

58      Fil‑15 ta’ Settembru 2018, l-intervenjenti ppreżentat l-att ta’ intervent tagħha.

59      Permezz ta’ ittra tat‑22 ta’ Settembru 2018, l-intervenjenti sostniet li hija ma kellhiex oġġezzjoni kontra t-talbiet għal trattament kunfidenzjali ppreżentati mill-partijiet prinċipali fir-rigward ta’ ċerti elementi li jinsabu fir-replika u fil-kontroreplika.

60      Fl‑24 ta’ Settembru 2018, il-Qorti Ġenerali (it-Tielet Awla), fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89(3) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, għamlet mistoqsijiet bil-miktub lir-rikorrenti u lill-intervenjenti. Dawn tal-aħħar wieġbu għal dawn il-mistoqsijiet fit-termini mogħtija.

61      Fit‑13 ta’ Diċembru 2018, il-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla), fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89(3) tar-Regoli tal-Proċedura, għamlet mistoqsijiet bil-miktub lir-rikorrenti u lill-intervenjenti.

62      Fil‑21 ta’ Diċembru 2018, l-intervenjenti segwiet id-domandi tal-Qorti Ġenerali billi rtirat l-oġġezzjonijiet tagħha dwar l-Anness A.26, filwaqt li, fis‑7 ta’ Jannar 2019, ir-rikorrenti rtirat it-talba tagħha għal trattament kunfidenzjali tal-Anness A.14. Għaldaqstant, ma tissussisti l-ebda oġġezzjoni fir-rigward tat-talbiet għal trattament kunfidenzjali mressqa mir-rikorrenti.

63      Peress li l-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali nbidlet, b’applikazzjoni tal-Artikolu 27(5) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Imħallef Relatur ġie assenjat għall-Ewwel Awla, u din il-kawża, konsegwentement, ġiet assenjata lilha.

64      Fuq proposta tal-Ewwel Awla, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, skont l-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura, li tibgħat il-kawża lura quddiem kulleġġ ġudikanti estiż.

65      Fit‑28 ta’ Novembru 2019, fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla Estiża) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, għamlet lill-partijiet mistoqsijiet bil-miktub u talbet il-produzzjoni ta’ dokument. Il-partijiet ikkonformaw ma’ dawn it-talbiet fit-terminu stabbilit.

66      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal‑5 ta’ Frar 2020.

67      Ir‑rikorrenti titlob li l‑Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        sussidjarjament, tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti skont l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

68      Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors fl-intier tiegħu;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

III. Id-dritt

A.      Fuq it-talbiet, imqajma prinċipalment, intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata

69      Ir-rikorrenti jinvokaw ħames motivi insostenn tal-konklużjonijiet prinċipali tagħhom intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Essenzjalment, l-ewwel motiv huwa bbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE f’dak li jirrigwarda n-natura abbużiva tal-aġir tar-rikorrenti, it-tieni wieħed, fuq żbalji ta’ evalwazzjoni u ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-prattika inkwistjoni, it-tielet, fuq il-ksur tal-Artikolu 296 TFUE u tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/2003 minħabba insuffiċjenza ta’ prova u nuqqas ta’ motivazzjoni, ir-raba’, fl-ewwel parti tagħha biss, fuq żbalji fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multa u l-ħames fuq żbalji marbuta mal-impożizzjoni ta’ miżura korrettiva.

1.      Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ evalwazzjoni u ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE f’dak li jirrigwarda n-natura illegali tal-aġir tar-rikorrenti

70      Insostenn tal-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti tikkontesta, essenzjalment, il-kriterju ġuridiku applikat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata sabiex tikklassifika l-aġir tagħha bħala abbuż minn pożizzjoni dominanti, fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni kellha tevalwa din il-kawża fid-dawl tal-ġurisprudenza stabbilita fil-qasam tar-rifjut ta’ aċċess għal infrastrutturi essenzjali, li tiffissa livell ħafna ogħla sabiex tikkonkludi li prattika hija ta’ natura abbużiva minn dik applikata fid-deċiżjoni kkontestata.

71      L-ewwel nett, skont ir-rikorrenti, ma hijiex it-tneħħija tal-linja ferrovjarja li tippreżenta effetti antikompetittivi. Fir-realtà, kienet is-sospensjoni tat-traffiku, li seħħet xahar qabel, li kellha dawn l-effetti. Fil-fehma tar-rikorrenti, anki jekk il-linja ferrovjarja ma kinitx tneħħiet fit‑3 ta’ Ottubru 2008 u indipendentement mill-fatt li hija ma ġietx ikkumpensata wara s-sospensjoni tat-traffiku fit-2 ta’ Settembru 2008, LDZ ma setgħetx, fi kwalunkwe każ, tużaha. Konsegwentement, skont ir-rikorrenti, il-kwistjoni legali hija relatata mal-kwistjoni dwar jekk, fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, l-Artikolu 102 TFUE jimponix fuqha l-obbligu li tikkumpensa l-linja ferrovjarja. Fin-nuqqas ta’ tali obbligu, il-kwistjoni tal-eżistenza jew le ta’ ġustifikazzjonijiet oġġettivi għat-tneħħija tal-linja ferrovjarja ma tqumx.

72      Sussegwentement, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-obbligu ta’ tiswija jew ta’ investiment f’infrastruttura li għaliha kompetitur jista’ jitlob aċċess jista’ jiġi impost fuqha, skont l-Artikolu 102 TFUE, biss fil-każ fejn il-linja ferrovjarja tkun infrastruttura essenzjali, jiġifieri fl-ipoteżi fejn din tkun indispensabbli sabiex LDZ tkun tista’ teżerċita l-attivitajiet tagħha fis-suq downstream rilevanti, u fejn l-assenza ta’ tiswija mir-rikorrenti telimina kull kompetizzjoni fis-suq downstream. Madankollu, skont ir-rikorrenti, iż-żewġ kundizzjonijiet ma humiex issodisfatti f’dan il-każ. B’mod partikolari, l-aċċess għal-linja ferrovjarja ma huwiex indispensabbli sabiex LDZ tkun tista’ teżerċita kompetizzjoni fis-suq downstream rilevanti.

73      B’mod iktar ġenerali, ir-rikorrenti ssostni li l-fatt li soluzzjoni alternattiva tista’ tkun inqas vantaġġuża mill-perspettiva ta’ kompetitur ma jirrendix infrastruttura “essenzjali” jew “indispensabbli”. Għalhekk, ir-rikorrenti ssofri restrizzjoni inġustifikata tal-libertà ta’ intrapriża tagħha u tad-drittijiet tagħha għall-proprjetà li kieku kellha, skont l-Artikolu 102 TFUE, tinvesti ammonti sostanzjali f’infrastruttura mhux essenzjali, kompletament imnaqqsa u mhux operattiva, unikament sabiex tippermetti d-dħul fis-suq ta’ kompetitur wieħed, billi tqiegħed għad-dispożizzjoni tagħha itinerarju iktar interessanti sabiex isservi klijent wieħed u għal parti żgħira mill-produzzjoni tiegħu.

74      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tosserva li l-kriterju ġuridiku bbażat fuq il-ġurisprudenza mogħtija fil-qasam ta’ infrastrutturi essenzjali kien dak li l-Kummissjoni stess kellha l-intenzjoni li tapplika qabel id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Waqt laqgħa mar-rikorrenti, fil‑25 ta’ Marzu 2013, id-dipartimenti tal-Kummissjoni fil-fatt spjegaw li t-teorija tad-dannu kienet ibbażata fuq il-premessa li t-tneħħija tal-linja ferrovjarja kienet tikkostitwixxi rifjut li jiġu pprovduti servizzi tal-infrastruttura essenzjali lil LDZ.

75      Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jikkontestaw dawn l-argumenti.

76      F’dan ir-rigward, hemm lok jitfakkar li l-Artikolu 102 TFUE jipprojbixxi, b’mod partikolari, lil impriża f’pożizzjoni dominanti milli timplimenta prattiki li jipproduċu effetti ta’ esklużjoni għall-kompetituri tagħha meqjusa li huma daqstant effikaċi bħalha, sabiex b’hekk issaħħaħ il-pożizzjoni dominanti tagħha billi tapplika miżuri li ma jaqgħux taħt il-kompetizzjoni fuq il-mertu (ara s-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il-Kummissjoni, C‑413/14 P, EU:C:2017:632, punt 136 u l-ġurisprudenza ċċitata).

77      Skont ġurisprudenza wkoll stabbilita, hija l-impriża li għandha tali pożizzjoni dominanti li għandha responsabbiltà partikolari li ma tippreġudikax bl-aġir tagħha l-kompetizzjoni effettiva u mhux distorta fis-suq intern (ara s-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il‑Kummissjoni, C‑413/14 P, EU:C:2017:632, punt 135 u l-ġurisprudenza ċċitata).

78      F’dan ir-rigward, ġie deċiż, li l-abbuż minn pożizzjoni dominanti pprojbit mill-Artikolu 102 TFUE huwa kunċett oġġettiv li jkopri l-aġir ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti li, f’suq fejn, preċiżament wara l-preżenza tal-impriża inkwistjoni, il-livell ta’ kompetizzjoni huwa diġà dgħajjef, għandu bħala effett li jostakola, bl-użu ta’ mezzi differenti minn dawk li jirregolaw kompetizzjoni normali ta’ prodotti jew ta’ servizzi fuq il-bażi ta’ servizzi tal-operaturi ekonomiċi, iż-żamma ta’ livell ta’ kompetizzjoni li għadu jeżisti fis-suq jew l-iżvilupp ta’ din il-kompetizzjoni (ara s-sentenzi tad-19 ta’ April 2012, Tomra Systems et vs Il-Kummissjoni, C‑549/10 P, EU:C:2012:221, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tad‑9 ta’ Settembru 2009, Clearstream vs Il-Kummissjoni, T‑301/04, EU:T:2009:317, punt 140 u l-ġurisprudenza ċċitata).

79      L-Artikolu 102 TFUE ma jkoprix biss il-prattiki li jikkawżaw dannu immedjat lill-konsumaturi, iżda wkoll dawk li jikkawżawlhom dannu billi jippreġudikaw il-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ Marzu 2012, Post Danmark, C‑209/10, EU:C:2012:172, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tad‑29 ta’ Marzu 2012, Telefónica u Telefónica de España vs Il-Kummissjoni, T‑336/07, EU:T:2012:172, punt 171).

80      Dan ma huwiex neċessarjament l-effett konkret tal-aġir abbużiv irrapportat. Għall-finijiet tal-istabbiliment tal-ksur tal-Artikolu 102 TFUE, hemm lok li jintwera li l-aġir illegali tal-impriża f’pożizzjoni dominanti għandu tendenza li jirrestrinġi l-kompetizzjoni jew, fi kliem ieħor, li l-aġir għandu jew kapaċi jkollu tali effett (sentenza tad‑19 ta’ April 2012, Tomra Systems et vs Il-Kummissjoni, C‑549/10 P, EU:C:2012:221, punt 68; ara wkoll, is-sentenzi tad‑9 ta’ Settembru 2009, Clearstream vs Il-Kummissjoni, T‑301/04, EU:T:2009:317, punt 144 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tad-29 ta’ Marzu 2012, Telefónica u Telefónica de España vs Il-Kummissjoni, T‑336/07, EU:T:2012:172, punt 268 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, il-fatt li l-aġir abbużiv ta’ impriża li għandha pożizzjoni dominanti jkollu effetti sfavorevoli fuq swieq differenti mis-swieq iddominati ma jipprekludix l-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 1996, Tetra Pak vs Il-Kummissjoni, C‑333/94 P, EU:C:1996:436, punt 25).

81      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandhom jiġu evalwati argumenti mressqa mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ dan il-motiv.

82      F’dan il-każ, għandu jiġi speċifikat li l-argument ippreżentat mir-rikorrenti fl-ewwel motiv jikkonċerna biss il-kriterju ġuridiku applikat mill-Kummissjoni sabiex tikkwalifika l-aġir tagħha bħala abbuż minn pożizzjoni dominanti.

83      Fil-premessi 177 u 178 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li, billi neħħiet il-linja ferrovjarja mingħajr ġustifikazzjoni oġġettiva, ir-rikorrenti kienet abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq Litwan tal-ġestjoni tal-infrastrutturi ferrovjarji. B’mod partikolari, il-Kummissjoni kkunsidrat li, fiċ-ċirkustanzi legali u fattwali inkwistjoni, it-tneħħija tal-linja ferrovjarja ma kinitx prattika konformi ma’ dawk li kienu jirregolaw kompetizzjoni normali. Skont il-Kummissjoni, dan ħoloq effetti antikompetittivi potenzjali fis-suq tal-provvista ta’ servizzi ta’ trasport ferrovjarju ta’ prodotti petroliferi bejn ir-raffinerija u t-terminals marittimi ta’ Klaipėda, ta’ Riga u ta’ Ventspils, u dan permezz tal-ħolqien ta’ ostakoli għad-dħul fis-suq.

84      Minn dan jirriżulta li, f’dan il-każ, l-aġir ikkontestat mid-deċiżjoni kkontestata jikkonsisti fit-tneħħija tal-linja ferrovjarja bħala tali, indipendentement mis-sospensjoni tat-traffiku fuq din il-linja fit-2 ta’ Settembru 2008 u min-nuqqas ta’ tiswija tagħha.

85      F’dan ir-rigward, qabelxejn, sa fejn, permezz tal-argument tagħha, ir-rikorrenti tikkontesta l-fatt li t-tneħħija tal-linja ferrovjarja bħala tali tista’ tiġi kklassifikata bħala aġir potenzjalment abbużiv, għandu jitfakkar li l-lista tal-prattiki abbużivi li tinsab fl-Artikolu 102 TFUE ma hijiex eżawrjenti, b’tali mod li l-lista ta’ prattiki abbużivi li tinsab f’din id-dispożizzjoni ma tinkludix il-metodi ta’ użu abbużiv minn pożizzjoni dominanti pprojbiti mid-dritt tal-Unjoni Ewropea (ara s-sentenza tas‑17 ta’ Frar 2011, TeliaSonera Sverige, C‑52/09, EU:C:2011:83, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, bħala prinċipju, kull aġir ta’ impriża f’sitwazzjoni ta’ pożizzjoni dominanti u li jista’ jirrestrinġi l-kompetizzjoni f’suq jista’ jiġi kklassifikat bħala abbużiv. Minn dan jirriżulta li ma jistax jiġi eskluż li t-tneħħija tal-linja tal-ferrovjarja tista’, waħedha, indipendentement mis-sospensjoni tat-traffiku u tan-nuqqas ta’ tiswija, tiġi kklassifikata bħala aġir potenzjalment abbużiv.

86      Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk, f’dan il-każ, il-Kummissjoni applikatx, fid-deċiżjoni kkontestata, il-kriterju ġuridiku xieraq sabiex tikkonstata li l-prattika inkwistjoni, jiġifieri t-tneħħija tal-linja ferrovjarja, kienet tikkostitwixxi abbuż minn pożizzjoni dominanti, fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE.

87      Preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat li l-ġurisprudenza dwar l-infrastrutturi essenzjali tikkonċerna, essenzjalment, iċ-ċirkustanzi li fihom rifjut ta’ provvista min-naħa ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti, permezz, b’mod partikolari, tal-eżerċizzju ta’ dritt ta’ proprjetà, jista’ jikkostitwixxi abbuż ta’ pożizzjoni dominanti. Għalhekk, din il-ġurisprudenza hija partikolarment marbuta mas-sitwazzjonijiet fejn l-eżerċizzju liberu ta’ dritt esklużiv, li jissanzjona r-realizzazzjoni ta’ investiment jew innovazzjoni, jista’ jiġi limitat fl-interess ta’ kompetizzjoni mingħajr distorsjoni fis-suq komuni (ara s-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2010, AstraZeneca vs Il-Kummissjoni, T‑321/05, EU:T:2010:266, punt 679 u l-ġurisprudenza ċċitata).

88      B’mod partikolari, din il-limitazzjoni, li fl-aħħar mill-aħħar hija riflessa fl-impożizzjoni ta’ obbligu ta’ provvista, hija permessa bil-kundizzjoni li t-tliet ċirkustanzi eċċezzjonali, ippreċiżati mill-Qorti tal-Ġustizzja b’mod partikolari fis-sentenza tas-26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569), ikunu ssodisfatti.

89      Fis-sentenza li tat lok għas-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, sabiex ir-rifjut minn impriża f’pożizzjoni dominanti li tagħti aċċess għal servizz ikun jista’ jikkostitwixxi abbuż fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE, dan ir-rifjut għandu jkun ta’ natura li jelimina kull kompetizzjoni fis-suq min-naħa ta’ dak li qiegħed jitlob is-servizz, li dan ir-rifjut ma jistax jiġi ġġustifikat oġġettivament u li s-servizz stess ikun indispensabbli għall-eżerċizzju tal-attività ta’ dak li jitolbu (sentenza tas-26 ta’ Novembru 1998, Bronner, C‑7/97, EU:C:1998:569, punt 41; ara wkoll, is-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2009, Clearstream vs Il-Kummissjoni, T‑301/04, EU:T:2009:317, punt 147 u l-ġurisprudenza ċċitata).

90      L-għan taċ-ċirkustanzi eċċezzjonali msemmija fis-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569), huwa li jiġi żgurat li l-obbligu impost fuq impriża f’sitwazzjoni ta’ pożizzjoni dominanti li tipprovdi aċċess għall-infrastruttura tagħha ma jostakolax, b’mod definittiv, il-kompetizzjoni billi tnaqqas, għal din l-impriża, l-inċentiv inizjali sabiex tibni tali infrastruttura. Fil-fatt, impriża dominanti tkun inqas inkoraġġuta tinvesti f’infrastrutturi jekk il-kompetituri tagħha setgħu, fuq talba, jikkondividu magħha l-benefiċċji (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-Kawża Bronner, C‑7/97, EU:C:1998:264, punt 57).

91      Madankollu, tali rekwiżit ta’ protezzjoni tal-inċentiv tal-impriża f’sitwazzjoni ta’ pożizzjoni dominanti li tinvesti fil-kostruzzjoni ta’ installazzjonijiet essenzjali ma jibqax jeżisti meta l-qafas leġiżlattiv applikabbli diġà jimponi obbligu ta’ provvista lill-impriża f’sitwazzjoni ta’ pożizzjoni dominanti jew meta l-pożizzjoni dominanti li l-impriża tkun akkwistat fis-suq tirriżulta minn ex monopolju tal-Istat.

92      B’hekk il-ġurisprudenza rrikonoxxiet li ċ-ċirkustanzi eċċezzjonali elaborati fis-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569), kienu stabbiliti u applikati fil-kuntest ta’ kawżi li kienu jirrigwardaw il-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 102 TFUE jistax ikun ta’ natura li jeħtieġ mill-impriża f’pożizzjoni dominanti li tipprovdi lil impriżi oħra l-aċċess għal prodott jew servizz, fl-assenza ta’ kull obbligu regolamentari f’dan is-sens (sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Slovak Telekom vs Il-Kummissjoni, T‑851/14, taħt appell, EU:T:2018:929, punt 118). Fil-fatt, meta jeżisti obbligu legali ta’ provvista, l-ibbilanċjar neċessarju tal-inċentivi ekonomiċi, li l-protezzjoni tagħhom tiġġustifika l-applikazzjoni taċ-ċirkustanzi eċċezzjonali żviluppati fis-sentenza tas-26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569), ikun diġà twettaq mil-leġiżlatur fil-mument meta tali obbligu ġie impost.

93      Il-ġurisprudenza rrikonoxxiet ukoll li l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti li toriġina minn monopolju legali għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE (ara f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Marzu 2012, Post Danmark, C‑209/10, EU:C:2012:172, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan jgħodd iktar u iktar meta, f’sitwazzjoni ta’ monopolju legali, l-impriża ma tkunx investiet fit-twettiq tal-infrastruttura, peress li din tkun inbniet u ġiet żviluppata permezz ta’ fondi pubbliċi.

94      F’dan il-każ, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti għandha pożizzjoni dominanti fis-suq tal-ġestjoni tal-infrastrutturi ferrovjarji li tirriżulta minn monopolju legali. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma investietx fin-netwerk ferrovjarju Litwan, li jappartjeni lill-Istat Litwan u li ġie mibni u żviluppat permezz ta’ fondi pubbliċi.

95      Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li r-rikorrenti ma tgawdix mill-eżerċizzju liberu ta’ dritt esklużiv ta’ proprjetà, li jissanzjona t-twettiq ta’ investiment jew ta’ kreazzjoni. Fil-kwalità tagħha ta’ amministratur tal-infrastrutturi ferrovjarji Litwani, hija inkarigata, kemm skont id-dritt tal-Unjoni kif ukoll skont id-dritt nazzjonali, li tagħti aċċess għall-infrastrutturi ferrovjarji pubbliċi kif ukoll li tiżgura l-istat tekniku tajjeb ta’ dawn l-infrastrutturi u traffiku ferrovjarju sigur u mingħajr interruzzjoni u, fil-każ ta’ tfixkil fit-traffiku ferrovjarju, li tieħu l-miżuri kollha neċessarji sabiex tistabbilixxi mill-ġdid is-sitwazzjoni normali.

96      Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 10 tad-Direttiva tal-Kunsill 91/440/KEE tad-29 ta’ Lulju 1991 dwar l-iżvilupp tal-linja ferrovjarja tal-Komunità (ĠU 1991, L 237, p. 25), kien jagħti lill-impriżi ferrovjarji stabbiliti fl-Unjoni aċċess għall-infrastrutturi ferrovjarji b’kundizzjonijiet ġusti għall-finijiet tal-operat ta’ tali servizzi fl-Istati Membri kollha. Barra minn hekk, l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2001 dwar l-allokazzjoni ta’ kapaċità ta’ infrastruttura tal-ferroviji u t-tqegħid ta’ piżijiet għall-użu ta’ infrastruttura tal-ferroviji u ċertifikazzjoni tas-sigurtà (ĠU 2001, L 75, p. 29), kien jagħti lill-impriżi ferrovjarji d-dritt ta’ aċċess, fuq bażi nondiskriminatorja, għall-pakkett minimu kollu kif ukoll għall-aċċess permezz tan-netwerk għall-infrastrutturi tas-servizzi deskritti fl-Anness II tal-istess direttiva. Bl-istess mod, kif ġie rrilevat fil-premessa 131 tad-deċiżjoni kkontestata, fuq livell nazzjonali, ir-regoli għall-allokazzjoni tal-kapaċitajiet tal-infrastruttura tal-linja ferrovjarja pubbliċi jiddefinixxu l-kategoriji ta’ servizzi tal-infrastruttura li jikkorrispondu mal-lista ta’ servizzi li tinsab fl-Anness II tad-Direttiva 2001/14. B’mod partikolari, skont il-paragrafu 57 tal-imsemmija regoli, il-“pakkett minimu ta’ aċċess” u l-aċċess għall-infrastrutturi ferrovjarji għandhom jiġu pprovduti b’mod nondiskriminatorju.

97      Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-premessa 122 tad-deċiżjoni kkontestata, l-Artikolu 29(1) tad-Direttiva 2001/14 kien jipprevedi li, “[f]’każ ta’ disturbanza għall-movimenti tal-ferroviji kkawżati minn ħsarat tekniċi jew inċidenti, l-amministratur ta’ l-infrastruttura [kellu] jieħu l-passi kollha neċessarji biex iraġġa’ lura s-sitwazzjoni normali”. Bl-istess mod, skont il-punt 4 tal-Artikolu 8(1) tal-Lietuvos Respublikos geležinkelių transporto sektoriaus reformos įstatymas (il-Liġi dwar ir-riforma tas-settur tat-trasport ferrovjarju tar-Repubblika tal-Litwanja), tas‑27 ta’ April 2004 (Žin., 2004, Nru 61‑2182), fis-seħħ sat‑8 ta’ Ottubru 2011, ir-rikorrenti kienet obbligata tiżgura l-istat tekniku tajjeb tal-infrastrutturi ferrovjarji pubbliċi u traffiku ferrovjarju sigur u bla interruzzjoni. Barra minn hekk, il-paragrafu 69 tar-regoli għall-allokazzjoni tal-kapaċitajiet tal-infrastruttura ferrovjarja pubblika, adottati bid-Deċiżjoni Nru 611 tal-Gvern tar-Repubblika tal-Litwanja fid‑19 ta’ Mejju 2004, emendata bid-Deċiżjoni Nru 167 tal‑15 ta’ Frar 2006, jipprovdi li, fil-każ ta’ tfixkil tat-traffiku ferrovjarju kkawżat minn inċident tat-traffiku ferrovjarju, l-amministratur tal-infrastruttura għandu jieħu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jistabbilixxi mill-ġdid is-sitwazzjoni normali.

98      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, fid-dawl tal-kuntest leġiżlattiv rilevanti, l-aġir inkwistjoni, jiġifieri t-tneħħija tal-linja ferrovjarja kollha, ma jistax jiġi analizzat fid-dawl tal-ġurisprudenza stabbilita fil-qasam tar-rifjut li jingħata l-aċċess għal infrastrutturi essenzjali, iżda għandu jiġi analizzat bħala aġir li jostakola d-dħul fis-suq billi jirrendi l-aċċess għal dan tal-aħħar iktar diffiċli u li jwassal għalhekk għal effett ta’ esklużjoni antikompetittiv. Minn dan isegwi li l-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 102 TFUE jimponix fuq ir-rikorrenti obbligu li ssewwi l-linja ferrovjarja hija irrilevanti għall-finijiet ta’ din il-kawża.

99      Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni ma wettqitx żball meta naqset milli tevalwa jekk l-aġir kontenzjuż kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet marbuta mal-indispensabbiltà tas-servizz li l-aċċess għalih kien ġie rrifjutat u mal-eliminazzjoni ta’ kull kompetizzjoni stabbilita fil-punt 41 tas-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1998, Bronner (C‑7/97, EU:C:1998:569). Fil-fatt, kien suffiċjenti, bla ħsara għal ġustifikazzjoni oġġettiva eventwali, li jintwera li dan kien aġir ta’ natura li jirrestrinġi l-kompetizzjoni u, b’mod partikolari, li jikkostitwixxi ostakolu għad-dħul fis-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2012, AstraZeneca vs Il-Kummissjoni, C‑457/10 P, EU:C:2012:770, punti 149 u 153).

100    Ir-rikorrenti, bi tweġiba għall-argument tal-Kummissjoni, tfittex li tikkontesta din il-konklużjoni, billi ssostni li hija ma kinitx obbligata, skont l-Artikolu 102 TFUE, tinvesti r-riżorsi tagħha f’infrastruttura ġdida peress li l-linja ferrovjarja kienet kompletament iddelapidata u ma setgħetx tintuża iktar. B’mod partikolari, skont ir-rikorrenti, ebda dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali ma kienet timponilha d-dmir assolut li tinvesti r-riżorsi tagħha limitati ħafna f’infrastruttura ġdida li tissostitwixxi linja ferrovjarja kompletament iddelapidata, filwaqt li kienu disponibbli fuq in-netwerk itinerarji oħra.

101    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li dan l-argument huwa bbażat fuq il-premessa li l-Kummissjoni, minflok ma eżaminat bħala prattika abbużiva t-tneħħija tal-linja ferrovjarja, kien imissha eżaminat jekk, fid-dawl tal-ġurisprudenza dwar l-infrastrutturi essenzjali, l-assenza ta’ tiswija ta’ din tal-aħħar setgħetx tiġi kklassifikata bħala prattika abbużiva. Issa, mill-analiżi mwettqa fil-punti 98 u 99 iktar ’il fuq jirriżulta li din il-premessa hija żbaljata.

102    Fir-rigward tal-argument li l-kriterju ġuridiku bbażat fuq il-ġurisprudenza dwar l-aċċess għall-infrastrutturi essenzjali kien dak li l-Kummissjoni stess ipprevediet qabel id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet peress li, waqt laqgħa, fil-25 ta’ Marzu 2013, mar-rikorrenti, id-dipartimenti tal-Kummissjoni spjegaw li t-teorija tad-dannu f’din il-kawża kienet ibbażata fuq il-premessa li t-tneħħija tal-linja ferrovjarja kienet tikkostitwixxi rifjut li jiġi pprovdut l-aċċess għas-servizzi tal-infrastruttura essenzjali lil LDZ, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li l-fatt li l-minuti ta’ laqgħa mar-rappreżentanti tad-dipartimenti tal-Kummissjoni qabel id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, redatt esklużivament mill-konsulent legali tar-rikorrenti u mhux approvat mill-Kummissjoni, jindika li t-“teorija tad-danni” preċedentement adottata minnha setgħet tkun rifjut ta’ provvista ta’ servizzi essenzjali lil LDZ ma jistax jorbot lill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, mill-minuti inkwistjoni jirriżulta espressament li l-opinjonijiet espressi waqt il-laqgħa kienu biss opinjonijiet preliminari u li teoriji oħra tad-dannu setgħu wkoll jiġu kkunsidrati mill-Kummissjoni. B’mod partikolari, mit-tieni paragrafu tat-Taqsima “Teorija tad-dannu” ta’ dawn il-minuti jirriżulta li, skont il-Kummissjoni, it-tneħħija tal-linja ferrovjarja setgħet ukoll tiġi kkunsidrata bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, sa fejn din setgħet tostakola l-kompetizzjoni fil-provvista ta’ servizzi ta’ trasport ferrovjarju.

103    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata tevalwa l-kompatibbiltà tal-aġir tar-rikorrenti mal-Artikolu 102 TFUE fid-dawl tal-ġurisprudenza stabbilita fil-qasam tar-rifjut li jiġi pprovdut l-aċċess għal infrastrutturi essenzjali.

104    Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

2.      Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ evalwazzjoni u ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-prattika inkwistjoni

105    Permezz tat-tieni motiv tagħha, ir-rikorrenti tallega, essenzjalment, ksur tal-Artikolu 102 TFUE kif ukoll żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni f’dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni tal-prattika inkwistjoni, peress li, fil-fehma tagħha, fiċ-ċirkustanzi legali u fattwali tal-każ ineżami, it-tneħħija tal-linja ferrovjarja, li kienet infrastruttura mhux essenzjali u ddelapidata, ma kinitx tikkostitwixxi abbuż minn pożizzjoni dominanti. B’mod partikolari, skont ir-rikorrenti, anki jekk it-tneħħija ta’ tali infrastruttura setgħet, f’ċirkustanzi eċċezzjonali ħafna, tikkostitwixxi prattika abbużiva, minkejja li l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-ġurisprudenza u mfakkra fil-kuntest tal-ewwel motiv ma kinux issodisfatti, il-Kummissjoni ma wrietx sal-grad rikjest mil-liġi li tali ċirkustanzi eċċezzjonali ħafna kienu jeżistu f’dan il-każ fir-rigward tal-linja ferrovjarja.

106    Ir-rikorrenti taqsam it-tieni motiv tagħha f’żewġ partijiet.

107    Preliminarjament, jeħtieġ jitfakkar li l-portata tal-istħarriġ tal-legalità previst fl-Artikolu 263 TFUE testendi għall-elementi kollha tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-proċeduri ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE li l-Qorti Ġenerali tiżgura stħarriġ fid-dettall tagħhom, fid-dritt kemm fil-fatt, fid-dawl tal-motivi mqajma mir-rikorrenti u b’teħid inkunsiderazzjoni tal-provi kollha prodotti minn dawn tal-aħħar (ara s-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2016, Galp Energía España et vs Il-Kummissjoni, C‑603/13 P, EU:C:2016:38, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

a)      Fuq l-ewwel parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq żbalji fid-“dubji” espressi mill-Kummissjoni fir-rigward tar-realtà tan-nuqqasijiet tal-linja ferrovjarja

108    Permezz tal-ewwel parti tat-tieni motiv, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni li wettqet żball ta’ liġi rdoppjat minn żball ta’ evalwazzjoni sa fejn id-dubji li din tal-aħħar semmiet fir-rigward tal-eżistenza u tal-importanza tan-nuqqasijiet tal-linja ferrovjarja għas-sigurtà tat-traffiku huma infondati. B’mod partikolari, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni talli ddikjarat li t-tneħħija tal-linja ferrovjarja ma kinitx “iġġustifikata” u li l-ispjegazzjonijiet tekniċi li hija kienet ipprovdiet fir-rigward tal-linja ferrovjarja u tan-nuqqasijiet tagħha kienu “ftit konvinċenti”. Hija ssostni wkoll li d-“dubji” espressi fir-rigward tal-eżistenza u tal-importanza tan-nuqqasijiet tal-linja ferrovjarja kienu fir-realtà motivati mill-fatt li l-Kummissjoni ssuspettat li użat problemi ta’ sigurtà bħala pretest sabiex taħbi l-aġir tagħha.

109    Insostenn ta’ din l-ewwel parti, ir-rikorrenti tinvoka erba’ ilmenti.

1)      Fuq l-ewwel ilment tal-ewwel parti, ibbażat fuq l-eżistenza ta’ dubji dwar jekk kienx hemm id-deformazzjoni tal-linja ferrovjarja

110    Permezz tal-ewwel ilment tagħha, ir-rikorrenti ssostni li d-dubji espressi mill-Kummissjoni fir-rigward tal-okkorrenza tat-tfixkil huma totalment infondati. Ir-rikorrenti ssostni li d-dubji espressi mill-Kummissjoni dwar l-eżistenza tad-deformazzjoni huma motivati minn suspetti marbuta maċ-ċirkustanza li hija invokat problemi ta’ sigurtà sabiex tiġġustifika l-aġir tagħha. F’dan ir-rigward, hija ssostni li d-deformazzjoni fil-fatt ġiet imħaffra malajr minn diversi impjegati tagħha li kienu jipparteċipaw fis-sorveljanza tal-linja ferrovjarja jew li kienu responsabbli għaliha u li r-rapporti tagħhom kienu kollha koerenti fid-deskrizzjoni tagħhom tad-deformazzjoni. Għalhekk, skont ir-rikorrenti, ma hemm assolutament ebda raġuni għalfejn wieħed jissuspetta li kollha setgħu “jikkomplottaw” sabiex “jivvintaw” deformazzjoni li ma kinitx teżisti.

111    Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jikkontestaw dan l-ilment.

112    F’dan il-każ, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, kif tirrikonoxxi r-rikorrenti stess, il-Kummissjoni indikat, fil-premessa 181 tad-deċiżjoni kkontestata, li, minkejja d-dubji tagħha fir-rigward tal-eżistenza tad-deformazzjoni, hija kienet ibbażat l-analiżi tagħha fuq l-ipoteżi li din kienet seħħet kif ippreżentata mir-rikorrenti. B’mod partikolari, il-Kummissjoni kkunsidrat li ma kienx hemm biżżejjed provi sabiex jiġu skartati l-affermazzjonijiet tar-rikorrenti dwar l-okkorrenza u l-portata tad-deformazzjoni, fatt li hija kkonfermat mill-ġdid waqt is-seduta, bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali. Barra minn hekk, bħar-rikorrenti, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li d-deformazzjoni kienet ġiet irreġistrata f’diversi dokumenti bil-miktub prodotti minn LG. Mill-premessa 179 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta wkoll li l-Kummissjoni eżaminat iċ-ċirkustanzi madwar id-dehra tad-deformazzjoni, mhux sabiex tipprova turi li r-rikorrenti kienet aġixxiet in mala fide billi ivvintat purament u sempliċement id-deformazzjoni, iżda biss għaliex l-intervenjenti kienet sostniet li d-deformazzjoni ma setgħetx isseħħ bil-mod deskritt mir-rikorrenti, ħaġa li din tal-aħħar ikkontestat ħafna.

113    Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq l-eżistenza ta’ allegati dubji espressi mill-Kummissjoni fir-rigward tal-eżistenza tad-deformazzjoni tal-linja ferrovjarja għandu jiġi miċħud.

2)      Fuq it-tieni lment tal-ewwel parti, ibbażat fuq żbalji fl-evalwazzjoni tad-dikjarazzjoni li tgħid li t-tneħħija tal-linja ferrovjarja kienet tirriżulta biss mid-deformazzjoni

114    Permezz tat-tieni lment tagħha, ir-rikorrenti tikkontesta l-affermazzjoni, li tinsab fil-premessa 329 tad-deċiżjoni kkontestata, li hija inizjalment sostniet, fir-risposta tagħha għall-ewwel talba għal informazzjoni tas‑6 ta’ Jannar 2012, li t-tneħħija tal-linja ferrovjarja kollha kienet tirriżulta biss mit-twaqqif tad-deformazzjoni. F’dan ir-rigward, hija ssostni li hija rreferiet, fir-risposta tagħha, għad-deskrizzjoni ddettaljata tal-proċedura li kienet wasslet għall-għeluq u għat-tneħħija tal-linja ferrovjarja. Għalhekk, skont ir-rikorrenti, kemm fir-risposta tagħha għall-ewwel talba għal informazzjoni kif ukoll fl-osservazzjonijiet tagħha dwar id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, hija kienet tressaq l-istess argumenti, jiġifieri li kieku d-deformazzjoni wasslitha sabiex tevalwa l-linja ferrovjarja kollha kemm hi, kien tabilħaqq l-istat ġenerali tal-linja ferrovjarja, u mhux il-fatt li kien hemm biss deformazzjoni, li kien iġġustifika t-tneħħija tagħha.

115    Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jikkontestaw dawn l-argumenti.

116    F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, kif ġie kkonstatat fil-premessa 329 tad-deċiżjoni kkontestata, fir-risposta għall-ewwel talba għal informazzjoni, ir-rikorrenti ddikjarat li “[l]-għeluq u t-tneħħija sussegwenti tal-parti Litwana tal-linja [ferrovjarja kienu] l-konsegwenza tal-inċident li [kien] prodott fil-linja ferrovjarja fit-2 ta’ Settembru 2008”. Madankollu, immedjatament wara din il-fażi, ir-rikorrenti rreferiet għad-“deskrizzjoni dettaljata tal-proċedura li [kienet] wasslet għall-għeluq u għat-tneħħija [tal-linja ferrovjarja]”.

117    Issa, anki jekk jiġi preżunt li l-affermazzjoni, li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti kienet inizjalment sostniet li t-tneħħija tal-linja ferrovjarja kienet il-konsegwenza tad-dehra tad-deformazzjoni, ma hijiex irrapportata b’mod korrett, kif hija ssostni, għandu jiġi kkonstatat li dan il-fatt huwa irrilevanti, peress li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, ma bbażatx l-analiżi tagħha fuq din l-affermazzjoni, iżda fuq l-argument tar-rikorrenti mressaq b’risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Fil-fatt, l-affermazzjoni kontenzjuża serviet biss sabiex jiġi eskluż li d-deformazzjoni fiha nnifisha setgħet tiġġustifika t-tneħħija tal-linja ferrovjarja kollha.

118    Għaldaqstant l-ilment tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

3)      Fuq it-tielet ilment tal-ewwel parti, ibbażat fuq żbalji fl-evalwazzjoni tad-differenzi bejn ir-rapporti tal-5 ta’ Settembru 2008 u l-ittri tal-4 u tal-5 ta’ Settembru 2008

119    Permezz tat-tielet ilment tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-allegati diverġenzi mhux spjegati, imsemmija mill-Kummissjoni fil-premessa 334 tad-deċiżjoni kkontestata, bejn ir-rapporti tal‑5 ta’ Settembru 2008, minn naħa, u ż-żewġ ittri tad-direttur lokali ta’ fergħa tar-rikorrenti (iktar ’il quddiem id-“direttur lokali”) tal‑4 u tal‑5 ta’ Settembru 2008, min-naħa l-oħra, u li skont dawn ir-rapporti kienu jindikaw, minn naħa, li tiswija lokali tas-sit tad-deformazzjoni kienet suffiċjenti filwaqt li, min-naħa l-oħra, l-ittri tad-direttur lokali kienu jagħmlu riferiment iktar għall-bżonn ta’ xogħolijiet iktar kompluti fuq il-linja ferrovjarja, dovuti minħabba li l-missjoni ta’ erba’ membri tal-kummissjoni ta’ ispezzjoni kienet limitata għall-analiżi tad-deformazzjoni u li dawn eżaminaw biss is-sit tad-deformazzjoni, u mhux il-linja ferrovjarja kollha. Għall-kuntrarju, il-missjoni tad-direttur lokali, li lilu l-membri tal-kumitat ta’ spezzjoni bagħtu r-rapporti tagħhom, ma kinitx limitata. Fil-fatt, huwa kien l-impjegat bl-iktar esperjenza, peress li kien responsabbli għall-infrastrutturi u s-sigurtà tat-traffiku fir-reġjun tiegħu u li r-responsabbiltà prinċipali tiegħu kienet tikkonsisti fl-evalwazzjoni ta’ dak li kien ifisser l-inċident għas-sigurtà tal-linja ferrovjarja kollha. Abbażi tal-esperjenza tiegħu fir-rigward tal-linja ferrovjarja u fid-dawl tal-fatt li l-miżuri kollha meħuda qabel, b’mod partikolari t-tiswijiet minuri u t-tnaqqis tal-veloċità ta’ 25 kilometru fis-siegħa, ma kinux ipprekludew inċident daqstant gravi bħad-deformazzjoni, li seta’ kellu impatt potenzjalment devastanti fuq l-ambjent (tniġġis taż-żejt) u li seta’ jseħħ ukoll f’settur ieħor tal-linja ferrovjarja, huwa kien jasal sabiex jikkonkludi li rinnovazzjoni mill-ġdid, jiġifieri bini mill-ġdid tal-linja ferrovjarja kollha, kienet neċessarja sabiex jissokta t-traffiku fis-sigurtà kollha. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tippreċiża li l-limitazzjoni tal-veloċità fuq il-linja ferrovjarja kienet magħrufa sew minnha, b’tali mod li l-Kummissjoni ma setgħet tasal għal ebda konklużjoni mill-fatt li d-direttur lokali ma kienx semma espressament fl-ittri tiegħu tal‑4 u tal‑5 ta’ Settembru 2008 li t-tnaqqis tal-veloċità massima ma pprekludiex id-deformazzjoni.

120    Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jikkontestaw dawn l-argumenti.

121    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fit-3 ta’ Settembru 2008, ir-rikorrenti ħatret kumitat ta’ spezzjoni kompost minn diriġenti tas-sussidjarja lokali tagħha sabiex jinvestiga r-raġunijiet għad-deformazzjoni. Il-kumitat ta’ spezzjoni żar u spezzjona biss is-sit tad-deformazzjoni. Għalhekk, il-konklużjonijiet tiegħu kienu jikkonċernaw l-istat tal-linja ferrovjarja li jagħmel riferiment biss għal dan il-post. Il-kumitat ta’ spezzjoni ppreżenta żewġ rapporti, jiġifieri r-rapport ta’ investigazzjoni tal‑5 ta’ Settembru 2008 u r-rapport tekniku tal‑5 ta’ Settembru 2008.

122    Skont ir-rapport ta’ investigazzjoni tal‑5 ta’ Settembru 2008, id-deformazzjoni kienet ġiet ipprovokata mid-deterjorament fiżiku ta’ diversi elementi li jikkomponu l-istruttura tal-linja ferrovjarja. Dan ir-rapport ta’ investigazzjoni kkonferma wkoll li t-traffiku kellu jibqa’ sospiż “sakemm jintemmu x-xogħlijiet kollha ta’ restawr u ta’ tiswija”.

123    L-osservazzjonijiet li jinsabu fir-rapport tal-investigazzjoni tal-5 ta’ Settembru 2008 ġew ikkonfermati mir-rapport tekniku tal-5 ta’ Settembru 2008, li, bħall-ewwel rapport, kien jirreferi biss għas-sit tad-deformazzjoni u jidentifika l-kawża tad-deformazzjoni f’diversi problemi li jikkonċernaw l-istruttura tal-linja ferrovjarja. Ir-rapport tekniku tal-5 ta’ Settembru 2008 ikkonkluda li l-inċident tat-traffiku li seħħ fil-forma ta’ deformazzjoni fuq il-linja ferrovjarja kellu jiġi kklassifikat bħala inċident u li kien dovut għall-użu fiżiku tal-elementi superjuri tal-istruttura tal-linja ferrovjarja.

124    Fl-4 ta’ Settembru 2008, jum qabel ma l-kumitat ta’ spezzjoni bagħat ir-rapporti tal‑5 ta’ Settembru 2008, id-direttur lokali bagħat ittra lid-direttorat tal-infrastrutturi ferrovjarji ta’ LG. F’din l-ittra, id-direttur lokali għamel l-istess konstatazzjonijiet bħal dawk li jinsabu fir-rapporti tal-5 ta’ Settembru 2008, iżda wasal għall-konklużjoni li “tiswija parzjali tal-linja ferrovjarja ma ssolvix il-problema” u talab l-awtorizzazzjoni u l-finanzjament neċessarji għall-implimentazzjoni ta’ proġett ta’ tiswija tal-linja ferrovjarja kollha.

125    Id-direttur lokali rriproduċa l-konklużjonijiet tiegħu fit-tieni ittra, tal-5 ta’ Settembru 2008, li fiha huwa stima l-ispiża tax-xogħlijiet kienet tammonta għal LTL 38 miljun, ekwivalenti għal madwar EUR 11.2 miljun.

126    Għalhekk, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li mill-kontenut tal-ittri tal‑4 u tal‑5 ta’ Settembru 2008 tad-direttur lokali ma jirriżultax li, kif issostni r-rikorrenti, il-mandat tiegħu ma kienx limitat għas-sit tad-deformazzjoni, liema raġuni wasslet lil dan tal-aħħar sabiex jevalwa l-istat tal-linja ferrovjarja kollha filwaqt li l-kumitat ta’ spezzjoni tat‑3 ta’ Settembru 2008 kien illimita l-eżami tiegħu għas-sit tad-deformazzjoni. Fil-fatt, fl-ittra tal‑4 ta’ Settembru 2008, l-awtur illimita ruħu li jindika li kien ġiet innotata deformazzjoni fit-tmintax‑il kilometru tal-linja ferrovjarja waqt spezzjoni regolari, u sussegwentement elenka r-riżultati tal-ispezzjoni li jikkonċernaw il-kawża tad-deformazzjoni u kkonkluda billi ddikjara li “t-tiswijiet parzjali ma jsolvux il-problema”. Huwa kkonkluda wkoll billi talab l-awtorizzazzjoni u l-finanzjament neċessarji għall-implimentazzjoni ta’ proġett ta’ tiswija tal-linja ferrovjarja kollha. Bl-istess mod, l-ittra tal-5 ta’ Settembru 2008 hija ittra fil-qosor li fiha d-direttur lokali rrapporta d-data u l-ħin tad-deformazzjoni u qies li sabiex jerġa’ jiġi stabbilit it-traffiku fuq il-linja ferrovjarja, kienu neċessarji xogħlijiet fuq it-totalità ta’ din il-linja. Huwa qies ukoll l-ispiża tax-xogħlijiet kienet tammonta għal LTL 38 miljun u talab lid-destinatarju il-parteċipazzjoni tiegħu fl-allokazzjoni ta’ fondi għall-eżekuzzjoni ta’ dawn ix-xogħlijiet.

127    It-tieni nett, kif tirrileva l-Kummissjoni, għandu jiġi kkonstatat li l-membri tal-kumitat ta’ spezzjoni tat‑3 ta’ Settembru 2008, li ppreparaw ir-rapporti tal‑5 ta’ Settembru 2008 u li rrakkomandaw tiswija lokali tad-deformazzjoni, kienu oqfsa superjuri li jappartjenu lill-istess fergħa ta’ LG bħad-direttur lokali u li, bħal dan tal-aħħar, kellhom ikunu jafu l-istorja tal-linja ferrovjarja.

128    It-tielet nett, kif ġie kkonstatat fil-premessa 332 tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi osservat li mill-paragun tar-rapporti tal‑5 ta’ Settembru 2008 mal-ittra tal-4 ta’ Settembru 2008 tad-direttur lokali, kif miġbura fil-qosor fit-tabella Nru 2, li tinsab fil-premessa 46 tad-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta li t-tliet dokumenti jsemmu l-istess problemi dwar l-istruttura tal-linja ferrovjarja. Konsegwentement, huwa diffiċli li wieħed jifhem ir-raġunijiet li għalihom ir-rapporti tal-5 ta’ Settembru 2008 kienu rrakkomandaw tiswijiet lokali fid-deformazzjoni, filwaqt li l-ittri tal‑4 u tal‑5 ta’ Settembru 2008 kienu jirrakkomandaw xogħlijiet ta’ tiswija kompluti fuq it-totalità tal-linja ferrovjarja.

129    Ir-raba’ nett, hemm lok li jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti ma għandhiex raġun issostni li d-direttur lokali kien ikkonkluda li kien hemm bżonn ta’ tneħħija u ta’ rikostruzzjoni sħiħa tal-linja ferrovjarja minħabba l-esperjenza tiegħu fir-rigward ta’ din tal-aħħar u minħabba l-fatt li l-miżuri meħuda qabel, b’mod partikolari t-tnaqqis tal-veloċità, ma kinux ipprekludew li sseħħ id-deformazzjoni. Fil-fatt, l-ittri tad-direttur lokali tal‑4 u tal‑5 ta’ Settembru 2008 ma jsemmux allegat falliment tal-miżuri preċedenti, bħal-limitazzjoni tal-veloċità. B’mod partikolari, l-ittra tad-direttur lokali tal‑4 ta’ Settembru 2008 sempliċement ikkonstatat, mingħajr iktar dettalji, li “t-tiswijiet parzjali ma jsolvux il-problema”. Barra minn hekk, il-fatt li l-kwistjoni tal-limitazzjoni ta’ veloċità fuq il-linja ferrovjarja kienet magħrufa sew fi ħdan LG, anki jekk tiġi meqjusa bħala stabbilita, ma jistax jimla n-nuqqas ta’ riferiment għall-falliment tal-miżuri preċedenti u lanqas, fi kwalunkwe każ, jiġġustifika l-inkoerenzi bejn ir-rapporti tal‑5 ta’ Settembru 2008 u l-ittri tad-direttur lokali.

130    Minn dan isegwi li l-ġustifikazzjonijiet imressqa mir-rikorrenti sabiex tispjega d-differenzi bejn ir-rapporti tal‑5 ta’ Settembru 2008 u l-ittri tad-direttur lokali tal‑4 u tal‑5 ta’ Settembru 2008 ma humiex biżżejjed sabiex jinvalidaw l-inkoerenzi rrilevati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

131    Għaldaqstant, dan l-ilment tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

4)      Fuq ir-raba’ lment tal-ewwel parti, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni ċaħdet b’mod żbaljat l-argumenti dwar il-problemi sistemiċi tas-sodda tal-linja ferrovjarja

132    Permezz tar-raba’ lment tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-argumenti li hija ressqet f’dak li jirrigwarda l-problemi sistemiċi tas-sodda tal-linja ferrovjarja ma kinux, kif qieset il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, inkoerenti jew ftit konvinċenti. Dawn jistgħu jiġu spjegati, fil-fehma tagħha, mill-fatt partikolari li huwa biss tardivament, fil‑11 ta’ Settembru 2008, li espert speċifiku f’sodod tal-linji ferrovjarji u fit-torob sottostanti seta’ janalizza l-linja ferrovjarja. Il-kumitat straordinarja maħtur fl‑10 ta’ Settembru 2018 u li eżamina l-linja ferrovjarja kkonstata, b’mod partikolari, deterjorament għoli tat-torba, erba’ “kanali” li juru “difetti tal-pjattaforma” kif ukoll wisa’ tas-sodda li ma jikkorrispondux għal-leġiżlazzjonijiet tekniċi. Abbażi ta’ dawn il-konstatazzjonijiet, il-kumitat straordinarja kkonkluda li, f’dan il-każ, id-deformazzjoni kienet ġiet ipprovokata minn problemi sistemiċi fis-sistema ta’ ffissar u fis-sodda tal-linja ferrovjarja. Skont ir-rikorrenti, din il-konklużjoni ma kinitx teħtieġ li tiġi skavata t-torba. Fil-fatt, dawn in-nuqqasijiet, perfettament viżibbli, li jikkonċernaw b’mod partikolari l-istat u l-forma tat-torba u li jipprovdu indikazzjonijiet qawwija dwar l-istat ħażin tas-sodda b’mod ġenerali, kienu biżżejjed sabiex jippermettu lill-esperti jaslu għall-konklużjonijiet tagħhom.

133    Skont ir-rikorrenti, il-linja ferrovjarja kienet barra minn hekk fi stat ġenerali ħażin ħafna u d-dehra tad-deformazzjoni indikat b’mod ċar lill-kumitat straordinarju li l-miżuri speċifiċi adottati sa dak iż-żmien (tiswijiet żgħar tal-istruttura tal-linja u tat-tnaqqis ta’ veloċità) ma kinux suffiċjenti sabiex isolvu l-problemi serji ta’ sigurtà li kienu jeżistu. Abbażi tal-konklużjonijiet tekniċi ċari tal-espert f’sodod tal-linji ferrovjarji u f’torob kif ukoll ta’ dawk tal-kumitat straordinarju fl-intier tiegħu, konsegwentement, mill-perspettiva tar-rikorrenti, ma kienet teżisti ebda soluzzjoni oħra għajr rikostruzzjoni tal-linja ferrovjarja kollha sabiex jiġi evitat li jseħħu inċidenti perikolużi oħra, jew anki aċċidenti. Għalhekk, skont ir-rikorrenti, kienet din l-evalwazzjoni ġdida globali u ddettaljata tal-linja ferrovjarja fl-intier tagħha li kkostitwixxiet il-bażi tad-deċiżjoni li titneħħa l-linja ferrovjarja.

134    Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jikkontestaw dawn l-argumenti.

135    F’dan il-każ, għandu jitfakkar li, fil-premessa 336 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni osservat li, fil-korrispondenza tagħha mal-Ministru tat-Trasport u tal-Komunikazzjonijiet u fl-osservazzjonijiet tiegħu sottomessi matul il-proċedura amministrattiva, ir-rikorrenti spiss kienet affermat li r-raġuni prinċipali għat-tneħħija tal-linja ferrovjarja kollha kellha titfittex fi problema sistemika fis-sodda ta’ din il-linja, jiġifieri deterjorament tat-torba li kien wassal sabiex is-sodda tal-linja ferrovjarja tinxtorob, li t-tiswija tagħha kienet tirrendi neċessarja t-tneħħija tal-istruttura tal-linja. Madankollu, fil-premessa 337 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni enfasizzat li l-istat tal-linja ferrovjarja kien magħruf minn tal-inqas minn rapport preċedenti tat‑3 ta’ Settembru 2004 u li, madankollu, ma kienet ġiet indikata l-ebda problema sistematika fis-sodda tal-linja ferrovjarja f’dak iż-żmien u sal-istabbiliment ta’ rapport ta’ spezzjoni straordinarja fit-12 ta’ Settembru 2008, minkejja li l-linja ferrovjarja kienet is-suġġett ta’ kontrolli regolari bejn dawn iż-żewġ dati.

136    Barra minn hekk, fil-premessa 338 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ppreċiżat li, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ir-rikorrenti kienet iddikjarat li, kuntrarjament għall-kumitat ta’ spezzjoni li kien ipprepara r-rapporti tal‑5 ta’ Settembru 2008 u li ma kien irrileva ebda problema fil-livell tas-sodda tal-linja ferrovjarja, il-kumitat ta’ spezzjoni straordinarja maħtur fl‑10 ta’ Settembru 2008 kien jinkludi speċjalisti f’sodod tal-linji ferrovjarji u f’torob li kienu qiesu li, “sabiex issir analiżi tas-sodda, kellha tiġi skavata t-torba, peress li l-istat ħażin tas-sodda ma kienx viżibbli”.

137    Madankollu, mill-premessa 339 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, meta l-Kummissjoni riedet, sussegwentement, tikseb preċiżazzjonijiet fuq din l-ispjegazzjoni ġdida, ir-rikorrenti indikat li l-kumitat ta’ spezzjoni straordinarja ma kien skava l-ebda torba tal-linja ferrovjarja.

138    Barra minn hekk, mill-premessa 340 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, fir-risposta tagħha għall-ittra ta’ espożizzjoni tal-fatti, ir-rikorrenti reġgħet biddlet l-ispjegazzjonijiet tagħha, billi sostniet li l-għan prinċipali oġġettiv tal-kumitat ta’ spezzjoni straordinarja kien li ssir evalwazzjoni viżiva tal-linja ferrovjarja, sabiex jinkixfu fiha d-difetti viżibbli. Skont ir-rikorrenti, kien biss wara l-iskoperta ta’ dawn id-difetti viżivi li setgħet issir analiżi speċjali. Fl-istess premessa, id-deċiżjoni kkontestata tinnota madankollu li l-ebda wieħed minn dawn id-difetti ma kien issemma fir-rapport ta’ spezzjoni straordinarja tat-12 ta’ Settembru 2008 u li d-deċiżjoni li titneħħa l-linja ferrovjarja kienet ittieħdet qabel ma l-kumitat ta’ spezzjoni wettaq ebda analiżi speċjali li preżumibbilment kienet tinkludi l-iskavar tat-torba.

139    Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li r-rapport ta’ spezzjoni tal-kumitat straordinarju tat‑12 ta’ Settembru 2008, kien jinkludi żewġ taqsimiet differenti li waħda minnhom kienet tikkonċerna l-karatteristiċi prinċipali tal-linja ferrovjarja u l-oħra d-difetti kkonstatati matul din il-linja wara d-deformazzjoni. Dan ir-rapport ta’ spezzjoni ma jsemmix il-livell ta’ deterjorament tat-torba fost in-nuqqasijiet ikkonstatati matul il-linja ferrovjarja, iżda dan l-element kien imsemmi fil-parti rriżervata għall-karatteristiċi prinċipali tal-linja ferrovjarja, flimkien ma’ elementi oħra bħal, b’mod partikolari, it-tip tal-linji, it-tip ta’ ferroviji u l-intensità tat-traffiku. Minn dan jirriżulta li d-deterjorament tat-torba kif imsemmi fir-rapport ta’ spezzjoni tal-kumitat straordinarju tat-12 ta’ Settembru 2008, jiġifieri fost il-karatteristiċi kostanti u oġġettivi tal-linja ferrovjarja, ma huwiex rilevanti sabiex tiġi spjegata n-neċessità li titneħħa l-linja ferrovjarja kollha.

140    Barra minn hekk, l-uniku nuqqas li jikkonċerna s-sodda tal-linja ferrovjarja msemmi fir-rapport inkwistjoni kien jikkonsisti f’erba’ “kanali” li juru “difetti fis-sodda” kif ukoll wisa’ tas-sodda li ma tikkorrispondix għal-leġiżlazzjonijiet tekniċi. Madankollu, kif tosserva l-Kummissjoni, ir-rikorrenti ma tispjegax kif id-dehra ta’ erba’ kanali matul il-linja ferrovjarja kienet teħtieġ it-tneħħija tat-totalità tagħha.

141    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument li, sabiex il-kumitat straordinarju jkun jista’ tikkonkludi li jeżistu problemi tas-sodda, ma kienx neċessarju li jsir l-iskavar tat-torba, għandu jiġi rrilevat li tali argument, anki jekk jitqies li huwa stabbilit, jikkontradixxi l-argument imressaq mir-rikorrenti fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li l-istat ħażin tas-sodda ma kienx viżibbli u l-eżami tiegħu kien jeħtieġ skavar tat-torba. Issa, din il-kontradizzjoni tikkonferma d-diffikultajiet tar-rikorrenti li tressaq ġustifikazzjoni koerenti għat-tneħħija tal-linja ferrovjarja.

142    Fit-tielet u l-aħħar lok, għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti mressqa mir-rikorrenti insostenn tar-raba’ lment ma humiex biżżejjed sabiex jispjegaw l-inkoerenzi l-oħra enfasizzati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari, fil-premessa 340 ta’ din tal-aħħar.

143    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ evalwazzjoni meta kkonkludiet li l-argumenti tar-rikorrenti dwar il-problemi sistemiċi tas-sodda tal-linja ferrovjarja kienu inkoerenti jew ftit konvinċenti.

144    Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argument tar-rikorrenti li l-istat ġenerali ħażin ħafna tal-linja ferrovjarja, flimkien mal-evalwazzjoni globali ġdida ddettaljata ta’ din tal-aħħar fl-intier tagħha, imwettqa mill-kumitat straordinarju wara l-konstatazzjoni tad-deformazzjoni, kienu wassluha sabiex tqis li kienet neċessarja rikostruzzjoni tat-totalità tal-linja ferrovjarja sabiex jissokta t-traffiku f’sigurtà sħiħa. Fil-fatt, tali argument ma huwiex rilevanti sabiex jikkontesta d-dubji li l-Kummissjoni qajmet fir-rigward tal-problemi sistemiċi tas-sodda tal-linja ferrovjarja, abbażi tad-dokumenti prodotti mir-rikorrenti. Fi kwalunkwe każ, peress li dan l-argument ġie mtenni fil-kuntest tat-tieni parti tat-tieni motiv, dan ser jiġi analizzat fil-kuntest ta’ din tal-aħħar.

145    Konsegwentement, għandu jiġi miċħud l-ilment tar-rikorrenti.

146    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal preċedentement, għandu jiġi kkonstatat li ebda wieħed mill-ilmenti mressqa mir-rikorrenti insostenn tal-ewwel parti tat-tieni motiv ma jista’ jikkontesta l-konklużjoni li waslet għaliha l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata li l-ispjegazzjonijiet li tressqu dwar l-eżistenza u l-importanza tan-nuqqasijiet tal-linja ferrovjarja għas-sigurtà tat-traffiku kienu inkompatibbli bejniethom, kontradittorji u ftit konvinċenti.

147    Konsegwentement, l-ewwel parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

b)      Fuq it-tieni parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq żbalji ta’ evalwazzjoni sa fejn il-Kummissjoni qieset li t-tneħħija tal-linja ferrovjarja kienet “estremament inabitwali”

148    Ir-rikorrenti, wara li fakkret li hija kellha, abbażi tal-konklużjonijiet tekniċi mogħtija wara l-ispezzjoni tal-kumitat straordinarju, żewġ għażliet, jiġifieri, minn naħa, it-tiswijiet inizjali mmirati segwiti minn rikostruzzjoni kompleta tal-linja ferrovjarja kollha f’terminu ta’ ħames snin (iktar ’il quddiem l-“għażla 1”) jew, min-naħa l-oħra, xogħol ta’ rikostruzzjoni kompleta u immedjata tal-linja ferrovjarja (iktar ’il quddiem l-“għażla 2”), issostni li, fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża preżenti, l-implimentazzjoni immedjata tal-għażla 2 ma kinitx “estremament inabitwali”, b’tali mod li din iċ-ċirkustanza ma setgħetx tintuża bħala element li jikkostitwixxi prattika abbużiva.

149    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li hija l-linja ferrovjarja li kienet “estremament inabitwali” peress li, fil-mument tal-fatti, hija kellha kważi 140 sena u mill‑1972 ma kien sarilha l-ebda restawr serju. Ġew innotati diversi difetti fuq il-linja ferrovjarja kollha, iżda saru biss xi tiswijiet żgħar, assoċjati ma’ tnaqqis tal-veloċità ta’ ferroviji għal 25 km/h. Tali miżuri, barra li ma kinux konformi mal-prattika tas-settur fl-Ewropa, kienu, skont ir-rikorrenti, l-espressjoni tas-sitwazzjoni finanzjarja delikata ħafna tagħha u ta’ dik tal-azzjonist uniku tagħha, l-Istat Litwan.

150    It-tieni nett, wara li tfaċċaw id-deformazzjoni u l-evalwazzjoni ddettaljata tal-istat tat-totalità tal-linja ferrovjarja mwettqa mill-kumitat straordinarju, ir-rikorrenti ssostni li kien sar evidenti li tiswija parzjali u mhux għalja ġdida ma kinitx issolvi l-problemi ta’ sigurtà tal-linja ferrovjarja. Għal din ir-raġuni, fid‑19 ta’ Settembru 2008, ir-rikorrenti ddeċidiet li r-rikostruzzjoni tal-linja ferrovjarja (kemm jekk fil-kuntest tal-għażla 1 jew tal-għażla 2) kienet l-uniku mod sabiex tiġi ggarantita s-sigurtà tat-traffiku.

151    It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li, fost iż-żewġ għażliet li bejniethom hija kellha tagħżel, l-għażla 2 kienet l-unika soluzzjoni rilevanti u ekonomikament raġonevoli. Fil-fehma tagħha, it-tiswijiet inizjali ma kinux verament solvew id-diversi problemi peress li, anki jekk tiġi implimentata l-għażla 1, kienet meħtieġa rikostruzzjoni tal-linja ferrovjarja kollha f’terminu ta’ ħames snin. Barra minn hekk, l-għażla 1 kienet, in fine, ogħla mill-għażla 2. Barra minn hekk, l-għażla 1 kienet teħtieġ duplikazzjoni sostanzjali tax-xogħlijiet, kuntrarjament għall-għażla 2, fejn ix-xogħlijiet kienu mwettqa f’daqqa. Barra minn hekk, il-materjali kollha użati għat-tiswijiet inizjali kellhom jiġu ssostitwiti mill-ġdid matul ir-rikostruzzjoni sussegwenti.

152    Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti ssostni li, peress li l-għażla 2 kienet l-unika soluzzjoni rilevanti u ekonomikament raġonevoli, hija ma kellha l-ebda raġuni li tittardja l-implimentazzjoni tagħha. Barra minn hekk, LDZ stess spjegat li linja ferrovjarja kienet normalment titneħħa meta ma kien hemm ebda raġuni sabiex wieħed jaħseb li din kienet ser terġa’ tintuża. LDZ ikkonfermat ukoll li tneħħija kienet prattika abitwali li kienet meħtieġa jekk il-linji ferrovjarji eżistenti kellhom jiġu ssostitwiti minn oħrajn jew jekk ikun neċessarju li jitwettqu xogħlijiet ta’ tiġdid, pereżempju t-tiġdid tas-sodda u tat-torba li, fuq livell tekniku, ma setgħux jitwettqu sakemm jkunux tneħħew il-linji ferrovjarji. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li hija kienet iddeċidiet li tuża mill-ġdid uħud mill-materjali tal-linja ferrovjarja sabiex issewwi linji ferrovjarji oħra. Skont ir-rikorrenti, dawn il-materjali kienu jkunu ġarrbu ħsara matul ix-xitwa li kieku hija ma kinitx neħħiethom malajr f’Ottubru 2008 sabiex taħżinhom b’mod sigur. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tallega li billi neħħiet malajr il-linja ferrovjarja u billi talbet simultanjament fondi għar-rikostruzzjoni tagħha, hija wriet biżżejjed lil Orlen, li kienet teżerċita fuqha pressjoni kostanti, id-determinazzjoni tagħha li tibni mill-ġdid il-linja ferrovjarja, skont l-obbligi kuntrattwali imposti.

153    Il-ħames nett, ir-rikorrenti ssostni li, fil-mument tal-iżmantellament tal-linja ferrovjarja, jiġifieri fit‑3 ta’ Ottubru 2008, hija kienet raġonevolment tistenna li tikseb il-fondi neċessarji għar-rikostruzzjoni tal-linja ferrovjarja, peress li hija kienet għadha ma bdietx tħoss l-effetti tal-kriżi finanzjarja li rriżultat mill-falliment tal-bank Lehman Brothers f’Settembru 2008. B’mod partikolari, skont ir-rikorrenti, fiż-żmien tal-fatti, hija ma setgħetx tipprevedi żvilupp daqstant sfavorevoli tas-sitwazzjoni, li obbligatha twaqqaf, sa mill-aħħar tas-sena 2008, l-implimentazzjoni tal-proġetti prinċipali tagħha ta’ rinnovazzjoni, li wieħed minnhom kien jirrigwarda l-linja ferrovjarja. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tenfasizza li, fiż-żmien tal-fatti, kienu għadhom jeżistu fondi tal-Unjoni disponibbli għal investimenti kbar fl-infrastrutturi ferrovjarji matul il-perijodu 2007–2013 u li hija kienet leġittimament tistenna li tkun tista’ tibbenefika minnhom sabiex tiffinanzja r-rikostruzzjoni tal-linja ferrovjarja. L-allegazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata u li, fl-ittra tat-2 ta’ Ottubru 2008 indirizzata lill-Ministeru tat-Trasport u tal-Komunikazzjonijiet, hija ma għamlitx sforz ġenwin sabiex tikseb finanzjament għat-tiġdid tal-linja ferrovjarja hija konsegwentement infondata.

154    Fl-osservazzjonijiet tagħha dwar in-nota ta’ intervent, ir-rikorrenti tippreċiża li hija ma kellhiex fondi suffiċjenti sabiex twettaq ix-xogħlijiet kbar kollha ta’ tiġdid fuq in-netwerk tagħha u li hija kellha tiddetermina kif kellha tuża r-riżorsi limitati ħafna tagħha bl-iktar mod rilevanti. Fil-mument tat-tneħħija tal-linja ferrovjarja, kienu disponibbli fondi tal-Unjoni u kien hemm biss pendenti l-kwistjoni dwar l-allokazzjoni ta’ parti minn dawn il-fondi għal-linja ferrovjarja. Madankollu, l-inċident biddel kompletament l-analiżi tal-prijoritajiet. Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, fid-dawl tal-profitti netti miksuba fl-2008, il-fondi proprji tagħha kienu jkunu suffiċjenti u kienu disponibbli sabiex jiffinanzjaw b’mod sħiħ ir-rikostruzzjoni tal-linja ferrovjarja fil-każ li ma jkunx inkiseb finanzjament tal-Unjoni jew tal-Istat.

155    Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jikkontestaw dawn l-argumenti.

156    Għandu jiġi kkonstatat li, permezz tal-argument tagħha, ir-rikorrenti tikkontesta l-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni fil-premessi 184 sa 198 tad-deċiżjoni kkontestata u li skonthom, essenzjalment, minn naħa, it-tneħħija tal-linja ferrovjarja saret b’mod mgħaġġel mingħajr ma ġiet adottata ebda miżura preparatorja għar-rikostruzzjoni (premessi 184 sa 193 tad-deċiżjoni kkontestata) u, min-naħa l-oħra, li din it-tneħħija kienet tmur kontra l-prattika abitwali fis-settur ferrovjarju (premessi 194 sa 198 tad-deċiżjoni kkontestata).

157    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, fil-premessa 184 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li r-rikorrenti kienet neħħiet il-linja ferrovjarja b’mod mgħaġġel, mingħajr ma mmobilizzat il-fondi neċessarji u mingħajr ma segwiet l-istadji preparatorji normali għar-rikostruzzjoni tagħha. Mill-premessa 185 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, b’risposta għat-talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni, ir-rikorrenti spjegat li “s-settur Litwan tal-linja ferrovjarja [kien] ġie rtirat bil-għan li jwettaq xogħlijiet ta’ rikostruzzjoni u li jerġa’ jinfetaħ għaċ-ċirkulazzjoni mill-iktar fis possibbli, peress li l-linja kienet importanti għal Orlen, wieħed mill-klijenti l-kbar tagħha”. Ir-rikorrenti tippreċiża wkoll li “aġixxiet taħt pressjoni kostanti ta’ Orlen sabiex tħaffef ir-rikostruzzjoni fuq din il-linja u, konsegwentement, li għamlet l-isforzi kollha possibbli sabiex twettaq ix-xogħlijiet neċessarji kemm jista’ jkun malajr”.

158    It-tieni nett, fil-premessa 186 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrilevat li r-rikorrenti kienet qieset f’dak iż-żmien li hija ma kellhiex fondi suffiċjenti sabiex tirrinova l-linja ferrovjarja u li kien ċar li proċedura amministrattiva twila kellha titlesta qabel ma setgħu jinkisbu fondi għal proġett ta’ din il-portata. Fil-fatt, skont il-modalitajiet stabbiliti mill-Istat Litwan f’dak iż-żmien, ix-xogħlijiet kbar tal-infrastruttura kienu ffinanzjati minn fondi tal-Unjoni, filwaqt li r-riżorsi limitati tar-rikorrenti kellhom jintużaw biss għall-manutenzjoni kurrenti tal-infrastrutturi. Talba għall-finanzjament tal-Unjoni kellha tiġi sostnuta minn miżuri preparatorji, inkluż studju ta’ fattibbiltà li, f’dan il-każ, ħa sentejn sabiex jitwettaq. Id-deċiżjoni finali li jiġu allokati fondi strutturali tal-Unjoni għal proġett kellha tittieħed mill-Ministeru tat-Trasport u tal-Komunikazzjonijiet. Għalhekk ma kien hemm ebda garanzija li ser jinkisbu fondi, b’tali mod li ma kien hemm ebda urġenza għat-tneħħija tal-linja ferrovjarja. Fl-aħħar nett, fil-premessa 187 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni osservat ukoll li t-tneħħija tat-totalità tal-linja ferrovjarja ma kinitx tippermetti li jiġi ggwadanjat ħafna żmien filwaqt li r-rikostruzzjoni vera setgħet tibda wara t-tlestija tal-istadji amministrattivi preliminari kollha.

159    Barra minn hekk, mill-premessa 188 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni talbet lir-rikorrenti tispjegalha kif it-tneħħija tal-linja ferrovjarja f’Ottubru 2008 setgħet tħaffef ir-rikostruzzjoni tagħha, sa fejn kellha ssir proċedura twila u inċerta ta’ talba tal-fondi neċessarji. Mill-istess premessa jirriżulta li, fir-risposta tagħha, ir-rikorrenti tenniet, essenzjalment, l-allegazzjoni tagħha li l-irtirar tal-linja ferrovjarja kien stadju neċessarju għar-rikostruzzjoni tagħha u kellu jservi sabiex jitnaqqas il-ħin neċessarju għax-xogħlijiet li kien fadal. Hija żiedet li l-proċedura ma kinitx twila, iżda pjuttost sempliċi, li, “[m]eta [kienet] għamlet it-talba għal finanzjament, [hija] setgħet raġonevolment tistenna li l-fondi jingħataw għal dan il-proġett” u li “[d]in il-fiduċja [kienet] ġiet imsaħħa mill-fatt li [kien] intalab jippreżenta studju ta’ fattibbiltà għall-proġett”. Skont il-premessa 189 tad-deċiżjoni kkontestata, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ir-rikorrenti rrepetiet l-argument tagħha li hija kienet irtirat it-triq bl-unika intenzjoni li tirrimedjaha malajr kemm jista’ jkun. Hija sostniet li l-irtirar tal-linja ferrovjarja ma kienx miżura straordinarja, iżda pjuttost miżura neċessarja qabel ma l-itinerarju qasir ikun jista’ jiġi rrimedjat kompletament u li t-traffiku ma setax jieħu lura.

160    It-tielet nett, fil-premessa 190 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrilevat li r-rikorrenti kienet bagħtet it-talba tagħha għal finanzjament fit‑2 ta’ Ottubru 2008 f’ittra qasira indirizzata lill-Ministru tat-Trasport u tal-Komunikazzjoni, fejn talbet LTL 620 miljun (madwar EUR 179 71 miljun) għat-tiġdid ta’ tmien linji ferrovjarji differenti, fosthom il-linja ferrovjarja, mingħajr ma saret ebda dikjarazzjoni speċifika fir-rigward ta’ din tal-aħħar. Barra minn hekk, il-Kummissjoni enfasizzat li l-proċedura normali ta’ approvazzjoni kellha tkun twila u li r-riżultat tagħha ma setax jiġi ggarantit. Madankollu, ir-rikorrenti bdiet tneħħi l-linja ferrovjarja sa mill-għada, it-3 ta’ Ottubru 2008, mingħajr lanqas ma stenniet ir-risposta tal-Ministru tat-Trasport u tal-Komunikazzjoni. Mill-premessa 191 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, fir-risposta li waslitlu fit‑28 ta’ Ottubru 2008, il-Ministeru tat-Trasport u tal-Komunikazzjonijiet enfasizza li, peress li dawn il-proġetti ma kinux ġew approvati fil-passat, ebda finanzjament ma kien ġie previst. Barra minn hekk, il-Ministeru tat-Trasport u tal-Komunikazzjonijiet fakkar lir-rikorrenti li l-fondi tal-Unjoni kienu għadhom disponibbli u stedinha tidentifika proġetti ta’ finanzjament. Madankollu, peress li s-suċċess tat-talba għal finanzjament jiddependi mir-riżultati ta’ studju ta’ fattibbiltà u mid-deċiżjoni tal-Ministeru tat-Trasport u tal-Komunikazzjonijiet, ir-rikorrenti ma setgħetx, skont il-Kummissjoni, raġonevolment tistenna li l-fondi tal-Unjoni jiġu, jekk ikun il-każ, allokati f’terminu qasir.

161    Ir-raba’ nett, fil-premessa 192 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li l-azzjonijiet ulterjuri tar-rikorrenti kienu juru wkoll li hija ma kinitx fittxet li terġa’ tibni l-linja ferrovjarja. F’dan ir-rigward, hija enfasizzat b’mod partikolari li r-rikorrenti kienet ippreparat noti għall-attenzjoni tal-Gvern Litwan sabiex targumenta kontra r-rikostruzzjoni tal-linja ferrovjarja u li hija kienet irrakkomandat li jiżdied it-tiġdid tal-linja ferrovjarja mal-lista ta’ finanzjament prijoritarju biss għaliex il-Gvern kien talabha tagħmel dan.

162    Barra minn hekk, fil-premessi 194 et seq. tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni spjegat ir-raġunijiet li għalihom hija qieset li t-tneħħija tal-linja ferrovjarja kienet “estremament inabitwali” u tmur kontra l-“prattiki kurrenti” fis-settur ferrovjarju. Fil-fatt, minn naħa, il-Kummissjoni rrilevat li, anki jekk kien hemm diversi linji ferrovjarji fil-Litwanja li fuqhom it-traffiku kien sospiż, ir-rikorrenti ma kinitx f’pożizzjoni li tipprovdi eżempju ieħor ta’ mezzi li kien tneħħa qabel ma setgħu jibdew ix-xogħlijiet ta’ rinnovazzjoni.

163    Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni fakkret li hija kienet bagħtet talbiet għal informazzjoni lill-amministraturi tal-infrastrutturi ferrovjarji fiż-żewġ Stati Baltiċi l-oħra, ir-Repubblika tal-Estonja u r-Repubblika tal-Latvja. L-amministratur tal-infrastrutturi ferrovjarji Estonjan seta’ jipprovdi biss eżempju wieħed ta’ tneħħija ta’ parti twila ta’ triq. F’dan il-każ, it-triq kienet tneħħiet għaliex l-itinerarju fih innifsu kien ingħalaq, ġie abbandunat u ssostitwit minn ieħor. L-amministratur tal-infrastrutturi ferrovjarji Estonjan indika wkoll li x-xogħlijiet li jeħtieġu t-tneħħija ta’ toroq ma twettqux fl-istess ħin fuq il-linja kollha, iżda f’intervalli, li kienu jinterrompu t-traffiku għal tul massimu ta’ tnax‑il siegħa. Ix-xogħlijiet ta’ tiswija maġġuri, inkluż it-tneħħija tal-linja, ma kellhomx jibdew qabel ma tintemm il-proċedura amministrattiva li tapprovahom. Fir-rigward ta’ LDZ, li hija l-kumpannija amministratriċi tal-infrastrutturi ferrovjarji Latvjana, hija sostniet li, b’mod ġenerali, linja kienet titneħħa biss wara perijodu ta’ diversi snin li matulu din ma kinitx intużat u biss jekk ma kienet teżisti ebda raġuni sabiex wieħed jemmen li dan kien ser tintuża mill-ġdid. Fiż-żewġ eżempji pprovduti minn LDZ, il-linji ferrovjarji kienu tneħħew wara għaxra u tlettax‑il sena ta’ għeluq. Barra minn hekk, it-tneħħija ta’ linja ferrovjarja għal xogħlijiet ta’ tiswija issir, fil‑Latvja, fuq il-bażi ta’ stadju wara stadju. Tali xogħlijiet ma għandhomx jibdew qabel ma tintemm il-proċedura amministrattiva u qabel ma jkun żgurat il-finanzjament.

164    F’dan il-każ, fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kwistjoni tat-tneħħija tal-linja ferrovjarja bil-għaġla mingħajr ma ġiet adottata ebda miżura preparatorja għar-rikostruzzjoni, l-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali tosserva li mill-analiżi tal-ewwel parti tat-tieni motiv jirriżulta li r-rikorrenti ma stabbilixxietx li, wara s-sejbien tad-deformazzjoni u l-evalwazzjoni ddettaljata tal-istat tat-totalità tal-linja ferrovjarja, din kienet tinsab fi stat li kien jiġġustifika t-tneħħija sħiħa u immedjata tagħha. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li r-rapport ta’ spezzjoni tal-kumitat straordinarju tat‑12 ta’ Settembru 2008, li eżamina l-linja ferrovjarja kollha kemm hi, ma rrappurtax difetti fit-totalità tagħha, iżda biss, kif irrilevat il-Kummissjoni fuq il-bażi tal-informazzjoni mogħtija mir-rikorrenti, fuq 1.6 km tal-linja ferrovjarja. Barra minn hekk, f’ittra mibgħuta fit-18 ta’ Settembru 2008 mid-direttorat tal-infrastrutturi ferrovjarji ta’ LG lill-kunsill tal-ippjanar strateġiku ta’ dan tal-aħħar u redatta abbażi tar-rapport ta’ spezzjoni tal-kumitat straordinarju tat‑12 ta’ Settembru 2008, ġie ppreċiżat li 1.6 km mil-linja ferrovjarja biss kellha tinbena mill-ġdid immedjatament. Issa, kif ġie kkonstatat, ġustament, fil-premessa 348 tad-deċiżjoni kkontestata, problemi li jirrigwardaw 1.6 km mil-linja ferrovjarja ma jistgħux jiġġustifikaw it-tneħħija kompleta u immedjata tagħha. Ċertament, l-istess ittra tat‑18 ta’ Settembru 2008 kienet tippreċiża wkoll li l-irbit tal-linja ferrovjarja kellu jiġi ssostitwit fuq 19 km mil-linja ferrovjarja, li s-sodda tal-linja kellha tiġi msewwija, li l-cables ta’ komunikazzjoni kellhom jiġu ssostitwiti fuq it-tul kollu tal-linja u li, sabiex tiġi ggarantita s-sigurtà tat-traffiku, il-linja ferrovjarja kellha tiġi kompletament imsewwija f’terminu ta’ ħames snin. Madankollu, hija ma indikatx li tali kumpens kellu jinkludi t-tneħħija kompleta u immedjata tal-linja ferrovjarja.

165    It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma ssostnix b’mod suffiċjenti l-allegazzjoni li n-nuqqasijiet li pprovokaw l-inċident tat‑2 ta’ Settembru 2008 kienu ġew ikkonstatati f’diversi postijiet oħra fuq il-linja ferrovjarja kollha. Fil-fatt, din l-affermazzjoni hija bbażata fuq ir-“rapport Wacetob”, ippreparat miċ-ċentru għall-iżvilupp tax-xjenza u l-organizzazzjoni tal-kostruzzjoni ta’ Varsavja (il-Polonja), li l-Kummissjoni tqis, fid-deċiżjoni kkontestata, fil-premessi 349 sa 356, mingħajr ma ġiet kontradetta mir-rikorrenti, bħala mingħajr valur probatorju u li ma jistax isostni l-argument ta’ din tal-aħħar. Barra minn hekk, il-konstatazzjoni li “kumpens parzjali tajjeb” ġdid ma jsolvix il-problemi ta’ sigurtà tal-linja ferrovjarja, li tirriżulta mill-ittra tad-direttur lokali tal-4 ta’ Settembru 2008, ma ġietx, ġustament, kif jirriżulta mill-punti 126 sa 130 iktar ’il fuq, meqjusa koerenti mar-rapporti tal‑5 ta’ Settembru 2008 li skonthom, essenzjalment, tiswija lokali kienet tippermetti li t-traffiku jissokta b’mod sigur.

166    Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-argument ibbażat, essenzjalment, fuq in-neċessità li l-linja ferrovjarja tiġi żarmata minħabba preokkupazzjonijiet dwar is-sigurtà tat-traffiku ferrovjarju ma jippermettix li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ evalwazzjoni.

167    Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argument li jgħid li l-għażla 2 kienet l-unika għażla rilevanti u ekonomikament raġonevoli, b’tali mod li r-rikorrenti ma kellha l-ebda raġuni għalfejn tistenna sabiex timplimenta d-deċiżjoni tagħha.

168    Fil-fatt, anki jekk jitqies, kif tallega r-rikorrenti, li l-għażla 2 kienet l-unika għażla rilevanti u ekonomikament raġonevoli, din ma kinitx timplika neċessarjament it-tneħħija tal-linja ferrovjarja bil-għaġla. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kif tenfasizza l-Kummissjoni fil-premessa 187 tad-deċiżjoni kkontestata, it-tneħħija immedjata tal-linja ferrovjarja ma kinitx tippermetti li jiġi ggwadanjat ħin filwaqt li x-xogħlijiet ta’ rikostruzzjoni setgħu jibdew biss wara li jitlestew l-istadji amministrattivi preliminari kollha, inklużi b’mod partikolari l-kisba tal-finanzjament neċessarju. Għaldaqstant, peress li kienet għadha ma kellhiex finanzjament neċessarju sabiex tibda x-xogħlijiet ta’ rikostruzzjoni tal-linja ferrovjarja, ir-rikorrenti ma kellha l-ebda raġuni li tneħħi din il-linja. Għaldaqstant, hija ma tistax issostni li ma kellha ebda raġuni għaliex tistenna sabiex timplimenta d-deċiżjoni tagħha dwar l-eżekuzzjoni tal-għażla 2, jew sabiex titneħħa l-linja ferrovjarja.

169    It-tielet nett, l-allegata pressjoni li Orlen kienet eżerċitat fuq ir-rikorrenti lanqas ma tista’ tiġġustifika t-tneħħija bil-għaġla tal-linja ferrovjarja. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li dan l-argument huwa kontradett mill-fatt li r-rikorrenti għażlet li ma tinformax minn qabel lil Orlen bil-proġett tagħha ta’ tneħħija tal-linja ferrovjarja. Tali riżerva ma hijiex iġġustifikata fid-dawl tan-natura tax-xogħlijiet mibdija, u dan iktar u iktar peress li Orlen kienet l-uniku klijent li juża l-linja ferrovjarja. Barra minn hekk, din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-osservazzjonijiet tar-rikorrenti dwar in-nota ta’ intervent intiżi sabiex jiġi sostnut li ma kien hemm l-ebda sigriet madwar l-aġir tad-direttorat tagħha fl-2008. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-premessa 55 tad-deċiżjoni kkontestata, fil‑5 ta’ Settembru 2008, Orlen ġiet informata mill-istazzjonijiet ferrovjarji bis-sempliċi “għeluq temporanju” tal-linja ferrovjarja. Hija ma ġietx informata bit-tneħħija tal-linja ferrovjarja. Mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-partijiet waqt is-seduta jirriżulta b’mod partikolari li t-telegramma li informat bis-“sospensjoni temporanja tat-traffiku” fuq il-linja ferrovjarja sat-twettiq ta’ xogħlijiet ta’ rikostruzzjoni u ta’ tiswija nħareġ mid-direttorat tal-infrastrutturi ferrovjarji tar-rikorrenti sabiex jinforma lill-istazzjonijiet kif ukoll lil LDZ bis-sospensjoni tat-traffiku, iżda li Orlen qatt ma kienet destinatarja ta’ dan id-dokument.

170    Ir-raba’ nett, l-istess japplika għal dak li jirrigwarda l-allegata neċessità li jiġu rkuprati l-materjali xierqa tal-linja ferrovjarja sabiex jiġi evitat li dawn iġarrbu ħsara matul ix-xitwa, liema neċessità lanqas ma tista’ jiġġustifika t-tneħħija bil-għaġla tal-linja ferrovjarja. Fil-fatt, f’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, bħalma għamlet il-Kummissjoni, li dan l-argument ma huwiex sostnut.

171    Il-ħames nett, fir-rigward tal-argument li, fiż-żmien tat-tneħħija tal-linja ferrovjarja, ir-rikorrenti kienet raġonevolment tistenna li tikseb il-fondi neċessarji għar-rikostruzzjoni tal-linja ferrovjarja, dan għandu jiġi miċħud għal diversi raġunijiet.

172    Qabelxejn, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti stess, fl-osservazzjonijiet tagħha b’risposta għan-nota ta’ intervent, tammetti li hija ma kellhiex fondi suffiċjenti sabiex twettaq ix-xogħlijiet kbar kollha ta’ rinnovazzjoni fuq in-netwerk tagħha.

173    Sussegwentement, bi tweġiba għal talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni, intiża sabiex isir magħruf jekk ir-rikorrenti kinitx ipprevediet li twettaq xogħlijiet kbar ta’ rinnovazzjoni fil-linja ferrovjarja qabel it-2 ta’ Settembru 2008, din tal-aħħar enfasizzat li l-linja ferrovjarja ma kinitx tagħmel parti mil-linji ferrovjarji prijoritarji u li, b’mod ġenerali, l-Istat Litwan ma kienx jalloka biżżejjed fondi mill-baġit ġenerali għall-modernizzazzjoni tal-infrastrutturi ferrovjarji. Barra minn hekk, hija żiedet li l-fondi strutturali tal-Unjoni kif ukoll il-fondi proprji tagħha ma kinux suffiċjenti għall-modernizzazzjoni tal-linji ferrovjarji nazzjonali prijoritarji. Minn dan isegwi li r-rikorrenti kienet konxja mill-fatt li, ladarba tneħħiet il-linja ferrovjarja, hija ma kellhiex fondi proprji sabiex tibni mill-ġdid il-linja ferrovjarja u li kien diffiċli li tikseb il-fondi neċessarji għar-rikostruzzjoni tagħha, min-naħa tal-Istat jew tal-Unjoni.

174    B’mod partikolari, fir-rigward tal-fondi tal-Istat, huwa paċifiku li, kif ġie rrilevat fil-premessa 190 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti bagħtet it-talba tagħha għal finanzjament fit-2 ta’ Ottubru 2008 f’ittra qasira indirizzata lill-Ministru tat-Trasport u tal-Komunikazzjoni, fejn talbet LTL 620 miljun (madwar EUR 179.71 miljun) għat-tiġdid ta’ tmien linji differenti, fosthom il-linja ferrovjarja. Ebda dikjarazzjoni speċifika ma saret fir-rigward ta’ din tal-aħħar. Barra minn hekk, kif ġie kkonstatat ukoll fil-premessa 190 tad-deċiżjoni kkontestata, il-proċedura normali ta’ approvazzjoni kellha tkun twila u r-riżultat tagħha ma setax jiġi ggarantit. Minkejja dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-rikorrenti bdiet tneħħi l-linja ferrovjarja sa mill-għada, it-3 ta’ Ottubru 2008, mingħajr lanqas ma stenniet ir-risposta tal-Ministru tat-Trasport u tal-Komunikazzjoni, li waslitilha fit-28 ta’ Ottubru ta’ wara u li kienet tindika li, peress li dawn il-proġetti ma kinux ġew approvati fil-passat, ebda finanzjament ma kien ġie previst.

175    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm il-Ministru tat-Trasport u tal-Komunikazzjonijiet ċertament fakkar lir-rikorrenti li l-fondi tal-Unjoni għal investimenti kbar fl-infrastrutturi ferrovjarji għall-perijodu 2007‑2013 kienu għadhom disponibbli u għalkemm stedinha tidentifika proġetti ta’ finanzjament, xorta jibqa’ l-fatt li l-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ evalwazzjoni meta qieset, fil-premessa 191 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti ma setgħetx raġonevolment tistenna li tirċevihom mingħajr ma tibda fi żmien xieraq il-proċedura amministrattiva tagħhom. Kif tosserva l-Kummissjoni fil-premessi 63 u 64 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti bdiet tħejji studju ta’ fattibbiltà dwar ir-rikostruzzjoni u l-iżvilupp ta’ tmien linji ferrovjarji, iżda kien hemm bżonn tmien xhur, wara l-approvazzjoni tal-avukat tekniku tagħha, sabiex tirċievi l-approvazzjoni tad-Direttur Ġenerali tagħha, fid‑29 ta’ Lulju 2009, u tliet xhur addizzjonali sabiex tiġi ppubblikata s-sejħa għal offerti.

176    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ma tistax utilment tinvoka l-argument li l-kriżi finanzjarja li segwiet il-falliment tal-bank Lehman Brothers f’Settembru 2008 wasslet għal deterjorament tas-sitwazzjoni finanzjarja tagħha b’konsegwenzi immedjati fuq il-kapaċità tagħha li twettaq xogħlijiet importanti ta’ rinnovazzjoni, bħar-rikostruzzjoni tal-linja ferrovjarja. F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li mill-argumenti tar-rikorrenti dwar l-istat iddelapidat tal-linja ferrovjarja jirriżulta li hija kienet tinsab f’sitwazzjoni ekonomika prekarja saħansitra qabel il-kriżi finanzjarja ta’ Settembru 2008. Fil-fatt, ir-rikorrenti stess issostni li kien preċiżament minħabba s-sitwazzjoni finanzjarja diffiċli tagħha li ma kienu saru ebda xogħolijiet kbar ta’ tiswija fuq il-linja ferrovjarja mill‑1972 u li, minkejja li ġew innotati diversi difetti fuq il-linja ferrovjarja kollha qabel Settembru 2008, saru biss tiswijiet minuri, assoċjati ma’ tnaqqis tal-veloċità għal 25 km/h. Barra minn hekk, anki jekk jiġi preżunt li l-kriżi finanzjarja tal-2008 setgħet taffettwa l-kapaċità tar-rikorrenti li twettaq xogħolijiet kbar ta’ rinnovazzjoni, bħar-rikostruzzjoni tal-linja ferrovjarja, għandu jiġi osservat, bħalma għamlet il-Kummissjoni, li l-aċċess għall-fondi tal-Unjoni ma ġiex affettwat mill-kriżi finanzjarja. Ir-rikorrenti setgħet tikseb tali fondi li kieku hija kienet stabbilixxiet, fi żmien utli, il-proċedura amministrattiva neċessarja għal dan il-għan.

177    Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li t-tneħħija tal-linja ferrovjarja kienet saret bil-għaġla kollha u mingħajr ma kisbet il-fondi neċessarji minn qabel.

178    Fir-rigward, fit-tieni lok, tan-natura mhux inabitwali tal-iżmantellament tal-linja ferrovjarja fir-rigward tal-prattika fis-settur ferrovjarju, minn naħa, il-Qorti Ġenerali tosserva li, kif irrilevat il-Kummissjoni fil-premessa 186 tad-deċiżjoni kkontestata, anki jekk kien hemm diversi linji ferrovjarji fil-Litwanja li fuqhom it-traffiku kien sospiż, ir-rikorrenti ma kinitx f’pożizzjoni li tipprovdi eżempju ta’ linja ferrovjarja li kienet tneħħiet qabel il-bidu tax-xogħlijiet ta’ rinnovazzjoni. Barra minn hekk, kif tosserva l-Kummissjoni, ir-rikorrenti qatt ma neħħiet il-linja Bugeniai-Skuodas-Klaipėda, meta din kienet ilha magħluqa sa mill-1995, u dan, barra minn hekk, minkejja l-assenza ta’ talba għat-traffiku fuq din il-linja.

179    Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni bagħtet talbiet għal informazzjoni lill-amministraturi tal-infrastrutturi ferrovjarji fiż-żewġ Stati Baltiċi l-oħra, ir-Repubblika tal-Estonja u r-Repubblika tal-Latvja. L-amministratur tal-infrastrutturi ferrovjarji Estonjan seta’ jipprovdi biss eżempju wieħed ta’ tneħħija ta’ sezzjoni twila ta’ linja. F’dan il-każ, il-linja kienet tneħħiet għaliex l-itinerarju fih innifsu kien magħluq, abbanduna u ssostitwit minn ieħor. L-amministratur tal-infrastrutturi ferrovjarji Estonjan indika wkoll li x-xogħlijiet li jeħtieġu t-tneħħija ta’ linji ma twettqux fl-istess ħin fuq il-linja kollha, iżda f’intervalli, li jinterrompu t-traffiku għal tul massimu ta’ tnax‑il siegħa. Ix-xogħlijiet ta’ tiswija maġġuri, inkluż l-irtirar ta’ triq, barra minn hekk ma għandhomx jibdew qabel ma tintemm il-proċedura amministrattiva li tapprovahom.

180    Fir-rigward ta’ LDZ, il-kumpannija amministratriċi tal-infrastruttura ferrovjarja Latvjana, hija wieġbet li, b’mod ġenerali, linja ma kienet titneħħa biss wara perijodu ta’ diversi snin li matulu din ma kinitx intużat u jekk ma kien hemm ebda raġuni sabiex wieħed jemmen li din kienet ser terġa’ tintuża mill-ġdid. Fiż-żewġ eżempji pprovduti minn LDZ, il-linji tneħħew wara għaxra u tlettax‑il sena ta’ għeluq. Bl-istess mod bħal fl-Estonja, fil-Latvja, it-tneħħija ta’ linja minħabba xogħlijiet ta’ tiswija issir fuq il-bażi ta’ stadju wara stadju. Skont LDZ, tali xogħlijiet ma għandhomx jibdew qabel ma tintemm il-proċedura amministrattiva u qabel ma jiġi żgurat il-finanzjament.

181    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ evalwazzjoni meta qieset, fid-deċiżjoni kkontestata, li t-tneħħija tal-linja ferrovjarja inkwistjoni f’din il-kawża kienet “estremament inabitwali”.

182    Għaldaqstant, it-tieni parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

c)      Fuq it-tielet parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq żbalji fl-evalwazzjoni magħmula mill-Kummissjoni tal-intenzjonijiet ta’ LG fil-mument tattneħħija tal-linja ferrovjarja

183    Permezz tat-tielet parti tat-tieni motiv, ir-rikorrenti tallega li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball ta’ liġi rdoppjat bi żball ta’ evalwazzjoni, sa fejn, meta tneħħiet il-linja ferrovjarja, hija kellha, kuntrarjament għal dak li qieset il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, l-intenzjoni li tibniha mill-ġdid.

184    B’mod partikolari, ir-rikorrenti ssostni li, billi ddikjarat li hija, fl-ebda mument, ma fittxet li terġa’ tibni l-linja ferrovjarja, il-Kummissjoni ppreżumiet li t-tneħħija tagħha kienet tagħmel parti minn strateġija antikompetittiva li kienet ġiet adottata fid‑19 ta’ Settembru jew fit‑3 ta’ Ottubru 2008 bil-għan li tipprekludi l-eżerċizzju ta’ kompetizzjoni minn LDZ. Ir-rikorrenti tallega li l-preżunzjoni li hija aġixxiet b’mala fide hija bbażata fuq tliet elementi meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni, jiġifieri, l-ewwel nett, il-fatt li hija kienet talbet li tibdel il-proġett ta’ rikostruzzjoni tal-linja ferrovjarja lejn il-lista ta’ riżerva tal-fondi tal-Unjoni, it-tieni nett, il-fatt li hija kienet ippreparat tliet noti intiżi għall-Gvern Litwan u li jimmilitaw kontra r-rikostruzzjoni tal-linja ferrovjarja u, it-tielet nett, il-fatt li hija kienet irrakkomandat li tiżdied ir-rinnovazzjoni tal-linja ferrovjarja mal-lista ta’ prijoritajiet unikament peress li l-Gvern kien ta istruzzjoni biex isir dan.

1)      Fuq l-ewwel ilment tat-tielet parti, ibbażat fuq żball ta’ liġi marbut mat-teħid inkunsiderazzjoni tal-intenzjoni antikompetittiva tal-appellanti

185    Insostenn ta’ dan l-ewwel ilment, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball ta’ liġi sa fejn il-Kummissjoni enfasizzat in-natura abbużiva tal-prattika inkwistjoni billi bbażat ruħha, b’mod partikolari, fuq l-intenzjoni antikompetittiva tagħha, filwaqt li, skont il-ġurisprudenza, il-kunċett ta’ użu abbużiv huwa kunċett oġġettiv li jirrigwarda l-aġir ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti li huwa ta’ natura li jinfluwenza l-istruttura ta’ suq u li għandu bħala effett li jostakola ż-żamma tal-livell ta’ kompetizzjoni eżistenti fis-suq li għadu jeżisti fis-suq jew l-iżvilupp ta’ din il-kompetizzjoni, u dan indipendentement mill-intenzjoni suġġettiva ta’ din l-impriża.

186    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kellha turi b’mod konkret li, fiż-żmien tal-fatti, jiġifieri fit-3 ta’ Ottubru 2008, hija kienet aġixxiet b’mala fide, bil-għan li twaqqaf lil LDZ milli tikkompeti magħha, u li hija ma kellhiex l-intenzjoni li terġa’ tibni l-linja ferrovjarja. Skont ir-rikorrenti, l-intenzjonijiet tagħha wara ż-żmien tal-fatti huma irrilevanti sabiex tiġi evalwata l-prattika inkwistjoni.

187    Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jikkontestaw dan l-ilment.

188    F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-abbuż minn pożizzjoni dominanti pprojbit mill-Artikolu 102 TFUE huwa kunċett oġġettiv li jkopri l-aġir ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti li, f’suq fejn, preċiżament wara l-preżenza tal-impriża inkwistjoni, il-livell ta’ kompetizzjoni huwa diġà dgħajjef, għandu bħala effett li jostakola, bl-użu ta’ mezzi differenti minn dawk li jirregolaw kompetizzjoni normali ta’ prodotti jew ta’ servizzi fuq il-bażi ta’ servizzi tal-operaturi ekonomiċi, iż-żamma ta’ livell ta’ kompetizzjoni li għadu jeżisti fis-suq jew l-iżvilupp ta’ din il-kompetizzjoni (ara s-sentenzi tad-19 ta’ April 2012, Tomra Systems et vs Il-Kummissjoni, C‑549/10 P, EU:C:2012:221, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tad‑9 ta’ Settembru 2009, Clearstream vs Il-Kummissjoni, T‑301/04, EU:T:2009:317, punt 140 u l-ġurisprudenza ċċitata).

189    Min-natura oġġettiva tal-kunċett ta’ abbuż jirriżulta li l-aġir inkriminat għandu jiġi evalwat abbażi ta’ elementi oġġettivi u li l-prova tan-natura deliberata ta’ dan l-aġir u tal-mala fide tal-impriża f’pożizzjoni dominanti ma hijiex meħtieġa għall-finijiet tal-identifikazzjoni ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2010, AstraZeneca vs Il-Kummissjoni, T‑321/05, EU:T:2010:266, punt 356).

190    Madankollu, il-Kummissjoni, fil-kuntest tal-eżami tagħha tal-aġir ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti u għall-finijiet tal-identifikazzjoni ta’ abbuż possibbli ta’ tali pożizzjoni, għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi fattwali rilevanti kollha li jikkaratterizzaw l-imsemmi aġir (sentenza tad-19 ta’ April 2012, Tomra Systems et vs Il-Kummissjoni, C‑549/10 P, EU:C:2012:221, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

191    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li meta l-Kummissjoni twettaq evalwazzjoni tal-aġir ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti, peress li dan l-eżami huwa indispensabbli għall-finijiet tal-konklużjoni dwar l-eżistenza ta’ abbuż minn tali pożizzjoni, hija għandha tevalwa l-istrateġija kummerċjali tal-imsemmija impriża. F’dan il-kuntest, jidher li huwa normali li l-Kummissjoni tevoka fatturi ta’ natura suġġettiva, bħalma huma l-motivi li fuqhom hija bbażata l-istrateġija kummerċjali inkwistjoni (sentenza tad‑19 ta’ April 2012, Tomra Systems et vs Il-Kummissjoni, C‑549/10 P, EU:C:2012:221, punt 19).

192    Għalhekk, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, l-eżistenza ta’ intenzjoni antikompetittiva eventwali tista’ tikkostitwixxi waħda mid-diversi ċirkustanzi fattwali li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ April 2012, Tomra Systems et vs Il-Kummissjoni, C‑549/10 P, EU:C:2012:221, punt 20)

193    F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni identifikat abbuż minn pożizzjoni dominanti min-naħa tar-rikorrenti billi ħadet inkunsiderazzjoni ċirkustanzi fattwali differenti madwar it-tneħħija tal-linja ferrovjarja u billi analizzat l-effetti potenzjali fuq il-kompetizzjoni li tali tneħħija setgħet twassal għalihom.

194    Il-Kummissjoni qieset b’mod partikolari, fil-premessi 182 sa 201 tad-deċiżjoni kkontestata, li LG kienet irrikorriet għal metodi differenti minn dawk li kienu jirregolaw kompetizzjoni normali sa fejn, essenzjalment, l-ewwel nett, LG kienet taf bil-proġett ta’ Orlen li ddur lejn it-terminals marittimi tal-Latvja billi tirrikorri għas-servizzi ta’ LDZ, it-tieni nett, LG kienet neħħiet il-linja bil-għaġla kollha, mingħajr ma żgurat il-finanzjament neċessarju u mingħajr ma ħadet ebda waħda mill-miżuri preparatorji normali għar-rikostruzzjoni tagħha, it-tielet nett, it-tneħħija tal-linja ferrovjarja kienet kuntrarja għall-prattika kurrenti tas-settur u, ir-raba’ nett, LG kienet ħadet miżuri sabiex tikkonvinċi lill-Gvern Taljan sabiex ma jibnix mill-ġdid il-linja ferrovjarja.

195    B’mod partikolari, fir-rigward tal-konstatazzjoni li LG kienet neħħiet it-triq mingħajr ma żgurat il-finanzjament neċessarju u mingħajr ma ħadet ebda waħda mill-miżuri preparatorji normali għar-rikostruzzjoni tagħha, diġà ġie kkonstatat, fil-punti 157 sa 161 iktar ’il fuq, li l-Kummissjoni kienet għamlet distinzjoni, minn naħa, fil-premessi 184 sa 191 tad-deċiżjoni kkontestata, bejn l-aġir tar-rikorrenti qabel il-bidu tal-iżmantellament tal-linja ferrovjarja, jiġifieri sat‑2 ta’ Ottubru 2008, u, min-naħa l-oħra, fil-premessa 192 tad-deċiżjoni kkontestata u sempliċement bħala konferma tal-konstatazzjonijiet diġà stabbiliti, l-aġir tar-rikorrenti f’data suċċessiva għat‑2 ta’ Ottubru 2008.

196    Wara l-konstatazzjoni ta’ dawn iċ-ċirkustanzi fattwali differenti kollha relatati mat-tneħħija tal-linja ferrovjarja, il-Kummissjoni qieset, fil-premessi 202 sa 324 tad-deċiżjoni kkontestata, li din it-tneħħija, eżaminata fil-kuntest tagħha, setgħet tostakola l-kompetizzjoni fis-suq tal-provvista ta’ servizzi ta’ trasport ferrovjarju ta’ prodotti petroliferi. Konsegwentement, jista’ biss jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni bl-ebda mod ma bbażat ruħha fuq l-intenzjoni, l-istrateġija antikompetittiva jew il-mala fide ta’ LG sabiex tiġġustifika l-konklużjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni.

197    Fir-rigward tal-konstatazzjoni, li tinsab fil-premessa 192 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li, wara l-iżmantellament tal-linja ferrovjarja, ir-rikorrenti ma fittxitx li terġa’ tibniha, mill-istruttura tal-imsemmija deċiżjoni jirriżulta li din hija intiża biss li tissostanzja l-konklużjoni, misluta, minn numru ta’ elementi oħra, fil-premessa 193 ta’ din id-deċiżjoni li t-tneħħija tal-linja ferrovjarja saret mir-rikorrenti bil-għaġla kollha u mingħajr ma kisbet il-fondi neċessarji minn qabel. Fi kliem ieħor, din il-konstatazzjoni tirrigwarda ċirkustanza fattwali oġġettiva li tirrigwarda, fost oħrajn, il-prattika kkontestata, u mhux evalwazzjoni suġġettiva dwar l-għanijiet segwiti mir-rikorrenti. Għaldaqstant, minn dan ma jistax jiġi dedott li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq element marbut mal-intenzjoni antikompetittiva tar-rikorrenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandha tiġi miċħuda wkoll il-kritika tar-rikorrenti bbażata fuq il-fatt li l-intenzjonijiet tagħha wara ż-żmien tal-fatti huma irrilevanti għall-evalwazzjoni tal-prattika inkwistjoni.

198    Minn dan isegwi li l-ewwel parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda.

2)      Fuq it-tieni lment tat-tielet parti, ibbażat fuq ineżattezzi materjali tal-fatti meħuda inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-mala fide tar-rikorrenti

199    Fir-rigward tal-allegati ineżattezzi materjali tal-fatti li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni meta qieset, abbażi ta’ elementi sussegwenti għat-2 ta’ Ottubru 2008, li, fiż-żmien tal-fatti, ir-rikorrenti kienet aġixxiet b’mala fide u mingħajr intenzjoni reali li tibni mill-ġdid il-linja ferrovjarja, fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li l-allegazzjoni ta’ mala fide ma hijiex wisq plawżibbli, peress li, kif irrikonoxxiet il-Kummissjoni fil-premessa 90 tad-deċiżjoni kkontestata, hija deċiżjoni arbitrali tas-17 ta’ Diċembru 2010, mogħtija wara proċedura mibdija minn Orlen f’kuntest ta’ diżgwid kummerċjali eżistenti bejnha u bejn din tal-aħħar, li ħeġġiġha ma tkomplix bir-rikostruzzjoni tal-linja ferrovjarja. Qabel din id-deċiżjoni arbitrali, u b’mod partikolari fiż-żmien tal-fatti, jiġifieri, fit-3 ta’ Ottubru 2008, ir-rikorrenti ssostni li hija kienet qiegħda tkompli l-proġett ta’ rikostruzzjoni, sa fejn hija qieset li kellha obbligu kuntrattwali li tibni mill-ġdid il-linja ferrovjarja.

200    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li t-tliet elementi fattwali, sussegwenti għat-2 ta’ Ottubru 2008, li fuqhom il-Kummissjoni bbażat il-preżunzjoni ta’ mala fide huma ipotetiċi u evidentement foloz. Għall-kuntrarju, il-proċess jinkludi diversi provi, mhux eżaminati mid-deċiżjoni kkontestata, li juru li, fiż-żmien tal-fatti, hija kellha l-intenzjoni li tibni mill-ġdid il-linja ferrovjarja, b’mod partikolari d-dokumenti prodotti bħala Annessi A.10, A.30 u A.31. Atti ulterjuri jipprovdu wkoll, skont ir-rikorrenti, provi solidi juru li, fiż-żmien tal-fatti, hija realment kellha l-intenzjoni li tibni mill-ġdid il-linja ferrovjarja, sakemm ġiet imħajra mid-deċiżjoni arbitrali tas-17 ta’ Diċembru 2010 li tikkunsidra mill-ġdid il-pożizzjoni tagħha. Għalhekk, skont ir-rikorrenti, ebda element fattwali ma jsostni l-ipoteżi tal-Kummissjoni li ssostni li hija aġixxiet b’mala fide, jiġifieri billi ma kellhiex verament l-intenzjoni li tibni mill-ġdid il-linja ferrovjarja meta din tal-aħħar ġiet imħassra fit-3 ta’ Ottubru 2008.

201    Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jikkontestaw dawn l-argumenti.

202    Qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li, permezz tat-tieni lment tat-tielet parti tat-tieni motiv, ir-rikorrenti tikkontesta, essenzjalment, l-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni fil-premessa 192 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-kontenut tagħha tfakkar fil-punt 161 iktar ’il fuq. Insostenn tat-tieni lment tagħha, ir-rikorrenti essenzjalment tressaq żewġ argumenti.

i)      Fuq l-ewwel argument, ibbażat fuq l-allegata influwenza tad-deċiżjoni tal-arbitraġġ tas17 ta’ Diċembru 2010 fid-deċiżjoni li ma terġax tibni l-linja ferrovjarja

203    Permezz tal-ewwel argument tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-allegazzjoni ta’ mala fide li, fil-fehma tagħha, tirriżulta mill-premessa 192 tad-deċiżjoni kkontestata, hija ftit plawżibbli, peress li hija d-deċiżjoni arbitrali tas‑17 ta’ Diċembru 2010 li ħeġġitha ma tkomplix tkompli bir-rikostruzzjoni tal-linja ferrovjarja. Ir-rikorrenti tippreċiża li, qabel din id-deċiżjoni ta’ arbitraġġ, u b’mod partikolari fiż-żmien meta seħħew il-fatti, hija kienet qiegħda tkompli l-proġett ta’ rikostruzzjoni peress li kienet taħseb li kellha obbligu kuntrattwali li tibni mill-ġdid il-linja ferrovjarja.

204    Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-punti 196 u 197 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma bbażatx l-affermazzjoni tagħha li tinsab fil-premessa 192 tad-deċiżjoni kkontestata fuq allegazzjoni ta’ mala fide tar-rikorrenti fir-rigward tal-intenzjoni tagħha li tibni mill-ġdid il-linja ferrovjarja, iżda sempliċement irreferiet għaċ-ċirkustanza fattwali li, wara l-iżmantellament, ir-rikorrenti ma kinitx fittxet li terġa’ tibni l-linja ferrovjarja. Barra minn hekk, hemm lok li jiġi rrilevat li l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li, wara l-iżmantellament tal-linja ferrovjarja, ir-rikorrenti ma fittxitx, fir-realtà, li terġa’ tibni l-konklużjoni, misluta fil-premessa 193 tad-deċiżjoni kkontestata abbażi ta’ numru ta’ elementi oħra, esposti fil-premessi 184 sa 191 tal-imsemmija deċiżjoni, li t-tneħħija tal-linja ferrovjarja saret mir-rikorrenti bil-għaġla u mingħajr ma kisbet il-fondi neċessarji minn qabel.

205    Sussegwentement, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, anki qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-arbitraġġ tas‑17 ta’ Diċembru 2010, ir-rikorrenti kienet informat lill-Gvern Litwan diversi drabi bl-iżvantaġġi li terġa’ tibni l-linja ferrovjarja (premessi 92 sa 95 u 103 tad-deċiżjoni kkontestata).

206    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ma tistax issostni li qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-arbitraġġ tas‑17 ta’ Diċembru 2010 u, b’mod partikolari, fiż-żmien tal-fatti, hija kienet qiegħda tkompli l-proġett ta’ rikostruzzjoni tal-linja ferrovjarja. Fil-fatt, matul il-perijodu, ta’ iktar minn sentejn, li ddekorra bejn it-tneħħija tal-linja ferrovjarja u d-deċiżjoni ta’ arbitraġġ, ir-rikorrenti ma bdietx xogħlijiet ta’ tiswija, u dan minkejja li f’diversi dokumenti hija sostniet li r-rikostruzzjoni setgħet titlesta fi ftit jew wisq sentejn.

207    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ewwel argument tal-appellanti għandu jiġi miċħud.

ii)    Fuq it-tieni argument, ibbażat fuq l-allegati żbalji ta’ evalwazzjoni dwar it-tliet elementi msemmija fil-premessa 192 tad-deċiżjoni kkontestata

208    Permezz tat-tieni argument tagħha, ir-rikorrenti tikkritika, essenzjalment, lill-Kummissjoni li wettqet żbalji ta’ evalwazzjoni f’dak li jirrigwarda t-tliet elementi msemmija fil-premessa 192 tad-deċiżjoni kkontestata. B’mod partikolari, ir-rikorrenti tikkontesta, minn naħa, il-fondatezza tat-tliet elementi u, min-naħa l-oħra, il-possibbiltà li jittieħdu inkunsiderazzjoni t-tliet provi bħala provi li jistgħu juru l-assenza tagħha ta’ intenzjoni li tibni mill-ġdid il-linja ferrovjarja fil-mument tat-tneħħija tagħha.

209    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li, kif ġie kkonstatat fil-punti 196 u 197 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma bbażatx ruħha, fid-deċiżjoni kkontestata, fuq l-intenzjoni jew l-istrateġija antikompetittiva ta’ LG sabiex tiġġustifika l-konklużjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni.

210    Minn dan jirriżulta li t-tieni argument tat-tieni lment tat-tielet parti tat-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

211    Minn dan isegwi li t-tieni lment tat-tielet parti u, għaldaqstant, it-tielet parti tat-tieni motiv, għandhom jiġu miċħuda.

d)      Fuq ir-raba’ parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq żbalji ta’ evalwazzjoni u żbalji ta’ liġi fl-analiżi tal-effetti potenzjali tal-prattika inkwistjoni fuq il-kompetizzjoni

212    Permezz tar-raba’ parti, ir-rikorrenti tfittex li tikkontesta l-konstatazzjoni, stabbilita fil-premessi 202 u 203 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li, essenzjalment, it-tneħħija tal-linja ferrovjarja ċaħħdet lil LDZ mill-itinerarju iqsar u l-iktar dirett mir-raffinerija lejn it-terminals marittimi Latvjani ta’ Riga u ta’ Ventspils u li dan l-aġir seta’ jkollu effetti antikompetittivi. Hija tikkontesta wkoll it-tliet kunsiderazzjonijiet li fuqhom, fil-fehma tagħha, din il-konklużjoni hija fondata, jiġifieri, l-ewwel nett, li, qabel it-tneħħija tal-linja ferrovjarja, LDZ kellha possibbiltà kredibbli li tipproponi servizzi ta’ trasport ferrovjarju għall-prodotti petroliferi ta’ Orlen tar-raffinerija lejn terminal marittimu ġar u li b’hekk teżerċita pressjoni kompetittiva fuqha, it-tieni nett, li, wara t-tneħħija tal-linja ferrovjarja, LDZ ma kellhiex iktar din il-possibbiltà u, it-tielet nett, li din is-sitwazzjoni kienet ser twassal għal għeluq tas-suq tal-provvista ta’ servizzi ta’ trasport ferrovjarju ta’ prodotti petroliferi mir-raffinerija lejn it-terminals marittimi ta’ Riga u ta’ Ventspils. Skont ir-rikorrenti, ebda element legali jew fattwali ma jsostni dawn it-talbiet.

213    B’mod partikolari, ir-rikorrenti ssostni li l-argument tal-Kummissjoni huwa affettwat, minn naħa, minn żbalji ta’ liġi (l-ewwel ilment) u, min-naħa l-oħra, minn żbalji ta’ evalwazzjoni (it-tieni lment).

1)      Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq żball ta’ liġi

214    Insostenn tal-ewwel ilment, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi, ir-rikorrenti tressaq, essenzjalment, żewġ argumenti. Permezz tal-ewwel argument, hija ssostni li t-tneħħija tal-linja ferrovjarja, fit-3 ta’ Ottubru 2008, ma setax ikollha effetti antikompetittivi. Permezz tat-tieni argument, ir-rikorrenti ssostni li l-assenza ta’ tiswija tal-linja ferrovjarja ma pprekludietx lil LDZ milli tkun kompetitriċi effikaċi u li tittrasporta l-merkanzija lejn il-Latvja, li qabel kienet ittrasportata mill-itinerarju qasir u konsegwentement affettwat mit-tneħħija tal-linja ferrovjarja, mill-itinerarju twil (iktar ’il quddiem it-“trasport ta’ merkanzija affettwat”).

i)      Fuq l-ewwel argument, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ effetti antikompetittivi marbuta mat-tneħħija tal-linja ferrovjarja

215    Ir-rikorrenti ssostni li t-tneħħija tal-linja ferrovjarja, fit‑3 ta’ Ottubru 2008, ma setax ikollha effetti antikompetittivi, peress li l-linja ferrovjarja kienet diġà indisponibbli għaċ-ċirkolazzjoni wara s-sospensjoni tat-traffiku fit‑2 ta’ Settembru 2008. Fil-fatt, skont ir-rikorrenti, it-tneħħija fiha nnifisha ma ċaħħditx lil LDZ mill-iqsar itinerarju u l-iktar dirett mir-raffinerija lejn it-terminals marittimi Latvjani ta’ Riga u ta’ Ventspils, peress li hija s-sospensjoni tat-traffiku, xahar qabel, li ċaħħditha minnu. Anki qabel it-tneħħija tal-linja ferrovjarja, la LDZ, u lanqas ir-rikorrenti ma kellhom il-possibbiltà li jipproponu servizzi ta’ trasport billi jużaw il-linja ferrovjarja, u dan mit‑2 ta’ Settembru 2008. Fil-fehma tar-rikorrenti, ir-raġuni li għaliha l-linja ferrovjarja ma setgħetx tibqa’ tintuża hija għalhekk irrilevanti.

216    Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, ma kienet teżisti l-ebda prova li turi li s-sitwazzjoni kienet tkun differenti għal LDZ kieku, fit‑18 ta’ Settembru 2008, hija kienet għażlet l-għażla 1, jiġifieri ir-rikostruzzjoni gradwali, li tinkludi fiha t-tiswijiet inizjali, minflok l-għażla 2. Id-deċiżjoni kkontestata kienet tippreżumi unikament li fil-kuntest ta’ dan ix-xenarju kontrofattwali (assenza ta’ tneħħija tal-linja ferrovjarja fit-3 ta’ Ottubru 2008), LG setgħet tipprevedi li twettaq it-tiswijiet inizjali fi stadju suċċessiv. Madankollu, ir-rikorrenti tqis dan ix-xenarju improbabbli ħafna. Qabelxejn, peress li, bħala konsegwenza tal-kriżi finanzjarja, hija ma kinitx ser tikseb fondi għal investiment ta’ LTL 40 miljun għall-perijodu 2009‑2010, ma hemm l-ebda raġuni sabiex jitqies li hija kienet tkun irċeviet il-fondi sostanzjali meħtieġa għat-tiswija inizjali, ekwivalenti għal LTL 21.3 miljun). Hija kellha ssegwi għat-tiswijiet inizjali l-istess proċedura bħal dik għar-rikostruzzjoni immedjata stess, inkluż titlob fondi mill-Istat jew tal-Unjoni. Sussegwentement, l-għażla 1, li tinkludi t-tiswijiet inizjali, kienet ħafna inqas effikaċi mill-għażla 2 u kien estremament irrazzjonali min-naħa tagħha li madankollu tagħżel l-għażla 1 f’mument ulterjuri. Fl-aħħar nett, id-deċiżjoni arbitrali tas-17 ta’ Diċembru 2010 kienet probabbilment ukoll tħeġġiġha sabiex ma tipproċedix bit-tiswijiet inizjali. Għalhekk, skont ir-rikorrenti, ebda element ma jsostni l-ipoteżi tal-Kummissjoni li, fl-assenza tat-tneħħija tal-linja ferrovjarja, hija setgħet tikkunsidra għażla ta’ tiswija limitata, jiġifieri t-tiswijiet inizjali fil-kuntest tar-rikostruzzjoni gradwali, f’mument sussegwenti. Għaldaqstant, is-sitwazzjoni kompetittiva fil-kuntest tax-xenarju kontrofattwali li fih ma kinitx titneħħa l-linja ferrovjarja probabbilment ma kinitx tkun differenti minn dik tal-istatus quo.

217    Barra minn hekk, ir-rikorrenti tosserva li, bħala amministratur tal-infrastrutturi, hija għandha responsabbiltà partikolari li tikkonċerna b’mod partikolari s-sigurtà tan-netwerk ferrovjarju tagħha inkonnessjoni mad-disinn, mal-manutenzjoni u mal-operat. L-obbligu li jiġi mminimizzat it-tfixkil tan-netwerk ferrovjarju huwa għalhekk suġġett għall-obbligu superjuri ta’ kull amministratur tal-infrastrutturi li jimpedixxi l-inċidenti u li jiggarantixxi s-sigurtà tat-traffiku.

218    Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jikkontestaw dawn l-argumenti.

219    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżaminat l-aġir tar-rikorrenti li jikkonsisti fit-tneħħija tal-linja ferrovjarja bil-għaġla, mingħajr ma mmobilizzat il-fondi neċessarji u mingħajr ma segwiet l-istadji preparatorji normali għar-rikostruzzjoni tagħha (premessi 182 sa 201 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija kklassifikat dan l-aġir bħala prattika abbużiva li tikkonsisti fl-użu ta’ mezzi differenti minn dawk li jirregolaw kompetizzjoni normali, liema aġir jista’ jipproduċi effetti antikompetittivi ta’ esklużjoni tal-kompetizzjoni fis-suq tal-provvista ta’ servizzi ta’ trasport ferrovjarju ta’ prodotti petroliferi bejn ir-raffinerija u t-terminals marittimi ġirien, billi ħolqot ostakoli għad-dħul fis-suq mingħajr ma teżisti ġustifikazzjoni oġġettiva.

220    Għaldaqstant, il-Kummissjoni effettivament ikklassifikat bħala aġir abbużiv it-tneħħija tal-linja ferrovjarja bħala tali u qieset li din it-tneħħija, indipendentement mis-sospensjoni tat-traffiku fuq il-linja ferrovjarja fit‑2 ta’ Settembru 2008, seta’ jkollha effetti antikompetittivi fuq is-suq rilevanti. B’mod partikolari, il-Kummissjoni qieset li t-tneħħija tal-linja ferrovjarja setgħet tipprekludi lil LDZ, li taġixxi bħala kompetitriċi effikaċi, milli tipproponi servizzi fis-suq downstream rilevanti u milli teżerċita pressjoni kompetittiva fuq ir-rikorrenti.

221    F’dan il-każ, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li, kif tenfasizza l-Kummissjoni, il-qafas regolatorju applikabbli kien jimponi fuq l-amministraturi tal-infrastrutturi ferrovjarji, bħar-rikorrenti, l-obbligu li jimminimizzaw it-tfixkil u jtejbu s-servizzi tan-netwerk ferrovjarju. Fil-każ ta’ tfixkil tat-traffiku ferrovjarju, l-amministratur tal-infrastrutturi ferrovjarji kellu jieħu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jistabbilixxi mill-ġdid sitwazzjoni normali.

222    Għalkemm, kif issostni r-rikorrenti, bħala amministratur tal-infrastrutturi, hija kellha, skont l-istess qafas leġiżlattiv applikabbli, responsabbiltà partikolari li tikkonċerna b’mod partikolari s-sigurtà tan-netwerk ferrovjarju tagħha fir-rigward tad-disinn, tal-manutenzjoni u tal-operat tiegħu [premessa 17 tad-Direttiva 2004/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 fuq is-sigurtà tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 95/18/KE fuq l-għoti tal-liċenzi ta’ l-impriżi tal-linji tal-ferrovija u d-Direttiva 2001/14/KE (Id-Direttiva tas-Sigurtà Tal-Linji tal-Ferrovija) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 227), u l-Artikolu 24 tal-Kodiċi tat-Trasport Ferrovjarju], jista’ biss jiġi kkonstatat li l-amministratur tal-infrastrutturi ma għandux, skont l-istess qafas leġiżlattiv, biss l-obbligu li jiggarantixxi s-sigurtà tat-traffiku, iżda għandu wkoll l-obbligu li jimminimizza t-tfixkil tan-netwerk ferrovjarju u li, wara li jkun hemm tfixkil fit-traffiku tal-ferroviji, jistabbilixxi mil-ġdid is-sitwazzjoni normali. Dawn iż-żewġ obbligi għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-amministratur tal-infrastrutturi. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, it-tneħħija tal-linja ferrovjarja kollha ma setgħetx tiġi ġġustifikata biss minn raġunijiet ta’ sigurtà, peress li s-sigurtà kienet diġà ġiet debitament żgurata permezz tas-sospensjoni tat-traffiku, fit-2 ta’ Settembru 2008.

223    It-tieni nett, peress li r-rikorrenti kellha pożizzjoni dominanti fis-suq rilevanti, hija kellha responsabbiltà partikolari li ma tippreġudikax, bl-aġir tagħha, il-kompetizzjoni effettiva u mhux distorta f’dan is-suq. Għalhekk, meta ddeċidiet dwar is-soluzzjoni li għandha tingħata għad-deformazzjoni tal-linja ferrovjarja, ir-rikorrenti kellha tieħu inkunsiderazzjoni r-responsabbiltà tagħha skont l-Artikolu 102 TFUE u tevita li telimina kull possibbiltà li tibda topera mill-ġdid fi żmien qasir, permezz ta’ rikostruzzjoni gradwali, billi tikkonforma ruħha mal-obbligu tagħha li timminimizza t-tfixkil fuq in-netwerk ferrovjarju billi tistabbilixxi mill-ġdid is-sitwazzjoni normali wara tfixkil.

224    Minn dan jirriżulta li, indipendentement mis-sospensjoni tat-traffiku li seħħet qabel, billi neħħiet it-totalità tal-linja ferrovjarja, fiċ-ċirkustanzi fattwali u legali meħuda inkunsiderazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti ma ħaditx inkunsiderazzjoni r-responsabbiltà partikolari li hija kellha skont l-Artikolu 102 TFUE.

225    It-tielet nett, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm is-sospensjoni tat-traffiku fuq il-linja ferrovjarja fit-2 ta’ Settembru 2008 kienet ċertament diġà ċaħħdet lil LDZ mill-possibbiltà li tuża l-itinerarju qasir sabiex tidħol fit-territorju Litwan, kif issostni r-rikorrenti, ma jistax jiġi kkontestat li, kif tirrileva l-Kummissjoni, it-tneħħija tal-linja ferrovjarja aggravat is-sitwazzjoni li kienet teżisti wara s-sospensjoni tat-traffiku. Fil-fatt, it-tneħħija tal-linja ferrovjarja ttrasformat is-sospensjoni tat-traffiku, sitwazzjoni temporanja min-natura tagħha, f’sitwazzjoni permanenti ta’ impossibbiltà totali ta’ użu tal-linja ferrovjarja. Issa, il-bidla ta’ sitwazzjoni temporanja f’sitwazzjoni permanenti jista’ jkollha effett fuq is-sitwazzjoni kompetittiva, sa fejn kompetituri potenzjali ma jaġixxux bl-istess mod skont jekk iqisux li l-istabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni “normali” tista’ sseħħ fi żmien qasir, medju jew qatt ma jintervjeni. F’dan ir-rigward, għandu barra minn hekk jiġi rrilevat li huwa meta Orlen finalment qieset li r-rikorrenti ma kellhiex l-intenzjoni li ssewwi l-linja ferrovjarja għal żmien qasir li LDZ irtirat l-applikazzjoni tagħha għal liċenzja sabiex topera fil-parti Litwana tal-itinerarju qasir lejn il-Latvja (ara l-punt 26 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, it-tneħħija tal-linja ferrovjarja rrendiet de facto impossibbli t-twettiq tal-għażla 1, peress li l-ewwel stadju tagħha, jiġifieri t-tiswijiet lokali fil-postijiet tal-linja ferrovjarja li ma kinux jippermettu traffiku ferrovjarju sigur, issa ma setax jiġi previst iktar. Barra minn hekk, it-tneħħija tal-linja ferrovjarja, bil-għaġla u mingħajr ma nkisbu, minn qabel, il-fondi neċessarji għar-rikostruzzjoni tagħha żiedet ir-riskju, li seħħ f’dan il-każ, li traffiku ferrovjarju sigur jiġi stabbilit mill-ġdid fuq l-itinerarju qasir mhux qabel għaxar snin wara.

226    Din it-tneħħija setgħet tinvolvi effetti ta’ esklużjoni mis-suq, li jikkonsistu f’sitwazzjoni li tirrendi l-aċċess għal dan tal-aħħar iktar diffiċli, peress li huwa suġġett għal kundizzjonijiet inqas vantaġġużi. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li t-tneħħija tal-linja ferrovjarja setgħet twassal għal effetti antikompetittivi fuq is-suq rilevanti.

227    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi kkunsidrat li huwa b’mod żbaljat li r-rikorrenti tafferma li, fil-kuntest tax-xenarju kontrofattwali, is-sitwazzjoni kompetittiva ma kinitx tkun differenti minn dik tal-istatus quo. Fil-fatt, din is-sitwazzjoni setgħet tkun differenti, peress li t-tneħħija tal-linja ferrovjarja, bil-għaġla u mingħajr ma ġew żgurati l-fondi neċessarji għar-rikostruzzjoni tagħha, aggravat is-sitwazzjoni eżistenti fil-mument tas-sospensjoni tat-traffiku, billi biddlet din is-sospensjoni, min-natura tagħha temporanja, f’sitwazzjoni ta’ impossibbiltà totali ta’ użu tal-linja ferrovjarja. Hija irrendiet ukoll it-tiswija tal-linja ferrovjarja iktar diffiċli, peress li rrendiet l-għażla 1 impossibbli u ma ppermettietx l-għażla 2 li titwettaq b’mod sħiħ.

228    Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argumenti l-oħra mqajma mir-rikorrenti.

229    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argument li billi r-rikorrenti ma kisbitx, minħabba l-kriżi finanzjarja, il-fondi għall-investiment ta’ LTL 40 miljun (għar-rikostruzzjoni) għall-perijodu 2009‑2010, ma kellha l-beda raġuni tippreżumi li kienet sejra tirċievi l-fondi sostanzjali meħtieġa għat-tiswijiet inizjali, ekwivalenti għal LTL 21.3 miljuni, u dan inqas u inqas meta hija kellha ssegwi, għal dawn it-tiswijiet inizjali, l-istess proċedura bħal dik segwita għar-rikostruzzjoni immedjata stess, inkluż li titlob fondi tal-Istat jew tal-Unjoni, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li, permezz ta’ dan l-argument, ir-rikorrenti tipprevedi, essenzjalment, li tiġġustifika l-implimentazzjoni tal-għażla 2. Madankollu, il-Kummissjoni ma tikkritikax li din tal-aħħar għażlet l-għażla 2 minflok l-għażla 1, iżda pjuttost il-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tal-għażla 2 u, b’mod partikolari, il-fatt li x-xogħolijiet ta’ tneħħija tal-linja ferrovjarja nbdew mir-rikorrenti mingħajr ebda preparazzjoni għar-rikostruzzjoni, fatt li rrenda impossibbli t-twettiq tal-għażla 1. Peress li t-tneħħija tal-linja ferrovjarja kellha l-konsegwenza li tillimita l-għażla tal-għażliet u pprekludiet l-istabbiliment mill-ġdid tat-traffiku fuq l-itinerarju qasir, ir-rikorrenti ma setgħetx tikkonforma ruħha mal-obbligi tagħha bħala impriża f’sitwazzjoni ta’ monopolju inkarigata mill-Istat bil-ġestjoni tan-netwerk ferrovjarju. Għaldaqstant, il-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti setgħetx tirċievi fondi sostanzjali fid-dawl tal-kumpens inizjali ma hijiex ta’ natura li tikkontesta l-analiżi tal-Kummissjoni.

230    Fi kwalunkwe każ, permezz ta’ dan l-argument, ir-rikorrenti tikkonferma li hija kienet konxja mill-approċċ xieraq li hija kellha tieħu wara s-sospensjoni tat-traffiku fuq il-linja ferrovjarja fit‑2 ta’ Settembru 2008. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni rrilevat, fil-premessa 49 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti kienet nefqet EUR 107 000 sabiex tneħħi bil-għaġla l-linja ferrovjarja, mingħajr ma talbet il-fondi neċessarji għar-rikostruzzjoni tagħha u mingħajr ma bdiet il-proċedura amministrattiva bil-għan li tiksibhom. Issa, fl-assenza, ir-rikorrenti mhux biss talbet b’mod tardiv il-fondi statali (ara l-punt 173 iktar ’il fuq), iżda naqset ukoll milli tikkompleta l-proċedura amministrattiva neċessarja għall-kisba tal-fondi tal-Unjoni (ara l-punt 175 iktar ’il fuq).

231    It-tieni nett, l-argument li jgħid li l-għażla 1 kienet ħafna inqas effettiva mill-għażla 2 u kien estremament irrazzjonali min-naħa tar-rikorrenti li madankollu tagħmel l-għażla 1 f’mument ulterjuri ma jistax jirnexxi, peress li l-Kummissjoni ma kkritikatx lir-rikorrenti li għażlet l-għażla 2 minflok l-għażla 1, iżda hija kkritikatha talli neħħiet il-linja ferrovjarja bil-għaġla u mingħajr ma żgurat minn qabel il-fondi neċessarji għar-rikostruzzjoni tagħha.

232    It-tielet nett, fir-rigward tal-argument li jgħid li d-deċiżjoni arbitrali tas‑17 ta’ Diċembru 2010 probabbilment kienet ukoll ħeġġet lir-rikorrenti sabiex ma tipproċedix bit-tiswijiet inizjali fil-kuntest tal-implimentazzjoni ipotetika tal-għażla 1, għandu jitfakkar, hekk kif ġie rrilevat mill-Kummissjoni fil-premessa 89 tad-deċiżjoni kkontestata, li din id-deċiżjoni tal-arbitraġġ kellha portata limitata fir-rigward tas-suġġett tal-analiżi tagħha u fir-rigward tal-perijodu meħud inkunsiderazzjoni. Fil-fatt, id-deċiżjoni tal-arbitraġġ inkwistjoni kienet tirrigwarda biss l-interpretazzjoni ta’ artikolu ta’ ftehim kummerċjali konkluż fl-1999 bejn ir-rikorrenti u Orlen u analizzat il-fatti li seħħew sat-30 ta’ Settembru 2008. Għalhekk, din id-deċiżjoni ta’ arbitraġġ ma eżaminatx it-tneħħija tal-linja ferrovjarja li seħħet f’Ottubru 2008. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li r-rikorrenti kienet marbuta, permezz tal-qafas leġiżlattiv applikabbli, li tieħu l-miżuri kollha neċessarji sabiex tistabbilixxi mill-ġdid sitwazzjoni normali fuq il-linja ferrovjarja wara tfixkil. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma tistax tinvoka d-deċiżjoni arbitrali tas‑17 ta’ Diċembru 2010 sabiex issostni li hija setgħet tiddeċiedi li ma titlobx il-fondi neċessarji sabiex twettaq ix-xogħlijiet ta’ rikostruzzjoni tal-linja ferrovjarja u tistabbilixxi mill-ġdid it-traffiku fuqha.

233    Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ liġi meta qieset, fid-deċiżjoni kkontestata, li t-tneħħija tal-linja ferrovjarja bħala tali, indipendentement mis-sospensjoni minn qabel tat-traffiku fuqha, seta’ jkollha effetti antikompetittivi fis-suq.

234    Minn dan isegwi li l-ewwel argument tal-ewwel ilment tar-raba’ parti għandu jiġi miċħud.

ii)    Fuq it-tieni argument tal-ewwel ilment, ibbażat fuq il-fatt li n-nuqqas ta’ tiswija tal-linja ferrovjarja ma pprekludiex lil LDZ milli tkun kompetitriċi effikaċi

235    Ir-rikorrenti ssostni li l-assenza ta’ tiswija tal-linja ferrovjarja ma pprekludietx lil LDZ milli tkun kompetitriċi effikaċi u milli tittrasporta l-merkanzija affettwata permezz tal-itinerarju twil lejn il-Latvja. L-ewwel nett, hija ssostni li, wara s-sospensjoni tat-traffiku fit‑2 ta’ Settembru 2008, il-linja ferrovjarja setgħet tintuża mill-ġdid biss wara xogħlijiet importanti ta’ rinnovazzjoni, tkun xi tkun l-għażla, 1 jew 2, implimentata. Konsegwentement, skont ir-rikorrenti, l-unika kwistjoni legali importanti tikkonsisti f’li jiġi ddeterminat jekk in-nuqqas ta’ tiswija tal-linja ferrovjarja setax jipprekludi lil LDZ, li taġixxi bħala kompetitriċi effikaċi, milli tipproponi servizzi fis-suq rilevanti u milli teżerċita pressjoni kompetittiva fuq dan is-suq. Madankollu, id-deċiżjoni kkontestata ma eżaminatx din il-kwistjoni billi kklassifikat biss it-tneħħija tal-linja ferrovjarja bħala aġir antikompetittiv meta, bħala tali, din it-tneħħija ma kellha ebda effett fuq il-kompetizzjoni. It-tieni nett, il-Kummissjoni ma wrietx li n-nuqqas ta’ tiswija probabbilment kellu effett ta’ esklużjoni, iżda hija semmiet biss, b’mod żbaljat, kriterju ġuridiku ħafna inqas strett, jiġifieri dak tar-restrizzjoni potenzjali tal-kompetizzjoni. It-tielet nett, id-deċiżjoni kkontestata lanqas ma kienet teżamina jekk, wara s-sospensjoni tat-traffiku, LDZ setgħetx tikkompeti ma’ LG għat-trasport tal-merkanzija affettwat fl-istess itinerarju, jiġifieri l-itinerarju twil lejn il-Latvja.

236    Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jikkontestaw dawn l-argumenti.

237    F’dan il-każ, fir-rigward tal-fatt li t-tneħħija tal-linja ferrovjarja ma għandhiex effett fuq il-kompetizzjoni, sa fejn hija l-assenza ta’ tiswija, wara s-sospensjoni tat-traffiku, li għandha tali effett, għandu jiġi kkonstatat, qabel kollox, li d-deċiżjoni kkontestata ma teżaminax jekk l-assenza ta’ tiswija tal-linja ferrovjarja setgħetx tipprekludi lil LDZ milli tipproponi servizzi fis-suq rilevanti u li teżerċita pressjoni kompetittiva fuq ir-rikorrenti. Madankollu, sa fejn il-Kummissjoni waslet sabiex turi li t-tneħħija tal-linja ferrovjarja bħala tali setgħet tiġi kklassifikata bħala prattika potenzjalment abbużiva, dan l-eżami ma kienx meħtieġ.

238    Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, sa fejn il-Kummissjoni waslet sabiex turi li t-tneħħija tal-linja ferrovjarja seta’ jkollha effetti potenzjali fuq il-kompetizzjoni, hija ma kinitx obbligata teżamina jekk in-nuqqas ta’ tiswija tal-linja ferrovjarja setax ukoll ikollu tali effetti. Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li n-nuqqas ta’ tiswija tal-linja ferrovjarja ttieħed inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-analiżi tagħha tal-effetti antikompetittivi tat-tneħħija tal-linja ferrovjarja. Fil-fatt, il-Kummissjoni eżaminat l-effett tat-tneħħija tal-linja ferrovjarja fuq il-possibbiltà li din tiġi msewwija u għalhekk fuq il-possibbiltà, għar-rikorrenti, li tikkonforma ruħha mal-obbligu li tistabbilixxi mill-ġdid is-sitwazzjoni normali wara d-deformazzjoni, obbligu impost fuqha bħala amministratur tal-infrastrutturi ferrovjarji Litwani u impriża f’sitwazzjoni ta’ pożizzjoni dominanti fis-suq.

239    Fir-rigward tal-fatt li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx suffiċjentement skont il-liġi li l-assenza ta’ tiswija tal-linja ferrovjarja seta’ jkollha effetti antikompetittivi billi tillimita ruħha għal kriterju legali inqas strett minn dak tal-eżistenza ta’ effett ta’ esklużjoni, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk it-termini “kapaċi” (“capable” bl-Ingliż) u “probabbli” (“likely” bl-Ingliż) humiex, kif issostni l-Kummissjoni, interkambjabbli, hemm lok li jiġi osservat li hija eżaminat, f’dan il-każ, l-effetti probabbli tat-tneħħija tal-linja ferrovjarja (deċiżjoni kkontestata, premessi 317 sa 324 u 363).

240    Fir-rigward tal-fatt li l-Kummissjoni kellha teżamina jekk l-assenza ta’ tiswija tal-linja ferrovjarja, wara s-sospensjoni tat-traffiku, setgħetx tipprekludi lil LDZ milli tikkompeti mar-rikorrenti fuq l-itinerarju twil lejn il-Latvja għat-trasport tal-merkanzija affettwat, jiġifieri għall-volumi li kienu mibgħuta permezz tal-itinerarju qasir sat-2 ta’ Settembru 2008, għandu jiġi osservat, bħalma għamlet il-Kummissjoni, li dan l-argument huwa bbażat fuq il-premessa li l-volumi ttrasportati bl-itinerarju qasir lejn il-Latvja sat‑2 ta’ Settembru 2008 kienu ġew affettwati mit-tneħħija tal-linja ferrovjarja.

241    Issa, fil-premessa 158 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddefinixxiet is-suq rilevanti, abbażi tal-approċċ O & D, bħala dak tal-prodotti petroliferi ta’ Orlen esportati bil-baħar, jiġifieri s-suq tat-trasport ferrovjarju tal-prodotti petroliferi mir-raffinerija u lejn it-terminals marittimi ta’ Klaipėda, ta’ Riga u ta’ Ventspils. Għalhekk, il-merkanzija potenzjalment milquta mit-tneħħija tal-linja ferrovjarja ma kinitx limitata għall-volumi relattivament żgħar ta’ prodotti petroliferi ttrasportati bil-ferrovija qabel is-sospensjoni tat-traffiku f’Settembru 2008, iżda kienet tirrappreżenta parti kbira ħafna mill-produzzjoni tar-raffinerija ta’ Orlen li kienet intiża għal esportazzjoni bil-baħar lejn is-swieq internazzjonali.

242    Peress li r-rikorrenti ma kkontestatx id-definizzjoni tas-suq rilevanti proposta mid-deċiżjoni kkontestata, ma jistax jiġi allegat li l-Kummissjoni wettqet żball billi ma eżaminatx jekk l-assenza ta’ tiswija tal-linja ferrovjarja, wara s-sospensjoni tat-traffiku, setgħetx tipprekludi lil LDZ milli tikkompeti mar-rikorrenti fuq l-itinerarju twil lejn il-Latvja għall-merkanzija affettwata biss.

243    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, għandu jiġi kkonstatat li l-ebda żball ma jista’ jiġi attribwit lill-Kummissjoni sempliċement għaliex din ma eżaminatx jekk in-nuqqas ta’ tiswija tal-linja ferrovjarja setax ikollu effetti antikompetittivi fuq is-suq inkwistjoni.

244    Għaldaqstant, it-tieni argument tal-ewwel ilment tar-raba’ parti għandu jiġi miċħud u, għaldaqstant, l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

2)      Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq żbalji ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-possibbiltà li kellha LDZ li tikkompeti ma’ LG fuq l-itinerarju twil lejn il-Latvja

245    Permezz tat-tieni lment tagħha, ir-rikorrenti essenzjalment tallega li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ evalwazzjoni meta qieset li LDZ kellha possibbiltà kredibbli li tikkompeti magħha permezz tal-itinerarju qasir lejn il-Latvja, iżda mhux permezz tal-itinerarju twil.

246    Insostenn tat-tieni lment tagħha, ir-rikorrenti tressaq, essenzjalment, żewġ sensiliet ta’ argumenti. Permezz tal-ewwel sensiela ta’ argumenti, ir-rikorrenti tikkontesta l-analiżi tad-deċiżjoni kkontestata dwar l-eżistenza ta’ ostakoli għad-dħul fis-suq u, b’mod partikolari, il-konklużjoni li tgħid li, fuq l-itinerarji twal lejn it-terminals marittimi Latvjani, LDZ kienet dipendenti fuq LG b’mod iktar wiesa’ (premessi 290 sa 308 tad-deċiżjoni kkontestata). Permezz tat-tieni sensiela ta’ argumenti, ir-rikorrenti tfittex li tikkontesta l-konklużjoni tad-deċiżjoni kkontestata li l-itinerarji twal lejn it-terminals marittimi Latvjani ma kinux vijabbli meta mqabbla mal-itinerarju lejn Klaipėda (premessi 309 sa 316 tad-deċiżjoni kkontestata).

i)      Fuq l-argumenti intiżi sabiex jikkontestaw l-eżistenza ta’ ostakoli għad-dħul fis-suq

247    Permezz tal-ewwel sensiela ta’ argumenti, ir-rikorrenti tikkontesta l-eżistenza ta’ allegati ostakoli għad-dħul fis-suq u, b’mod partikolari, l-affermazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata li LDZ kienet dipendenti, fil-parti l-kbira (premessa 300 tad-deċiżjoni kkontestata), fuq l-operatur eżistenti, vertikalment integrat (premessa 293 tad-deċiżjoni kkontestata), jiġifieri r-rikorrenti stess, mhux biss f’distanza ta’ 34 km fit-territorju Litwan (itinerarju qasir), iżda wkoll fuq distanza itwal ta’ 152 km (itinerarju twil). Ir-rikorrenti tikkontesta wkoll il-konklużjoni tad-deċiżjoni kkontestata li skontha, minn perspettiva ex ante, din is-sitwazzjoni kienet tippreżenta riskju kunsiderevolment ogħla għal LDZ milli teżerċita l-attivitajiet tagħha fuq l-itinerarji qosra lejn it-terminals marittimi Latvjani (premessa 301 tad-deċiżjoni kkontestata). B’mod iktar preċiż, ir-rikorrenti tfittex li tikkontesta l-konklużjoni tad-deċiżjoni kkontestata li tgħid li t-talba għall-allokazzjoni ta’ kapaċitajiet li jikkonċernaw l-itinerarju twil, lejn il-Latvja, ippreżentata minn LDZ, kienet tirrigwarda rotot ħafna itwal u kunsiderevolment iktar frekwenti fil-Litwanja u konsegwentement kienet iktar kumplessa, fatt li żied it-tensjoni mal-amministratur tal-infrastrutturi ferrovjarji, jiġifieri LG (premessa 297 tad-deċiżjoni kkontestata).

248    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni, l-ewwel nett, li d-deċiżjonijiet dwar l-allokazzjoni tal-kapaċitajiet tal-infrastruttura fil-Litwanja ma humiex adottati minnha, iżda mill-kumitat ta’ spezzjoni tal-linja ferrovjarja Litwan (iktar ’il quddiem “VGI”), taħt is-superviżjoni tal-Ministeru tat-Trasport u tal-Komunikazzjonijiet. VGI għandha tadotta d-deċiżjonijiet b’mod nondiskriminatorju u f’terminu strett ta’ erba’ xhur. It-tieni nett, LDZ kisbet, f’terminu ta’ 28 jum wara l-applikazzjoni tagħha, l-awtorizzazzjonijiet leġiżlattivi kollha neċessarji sabiex teżerċita l-attivitajiet tagħha b’mod indipendenti fl-ewwel parti tal-itinerarju twil fil-Litwanja, jiġifieri mill-fruntiera Latvjana sa Radviliškis (il-Litwanja). Xejn ma jindika li kien diffiċli, jew iktar kumpless, għal LDZ li tikseb ukoll l-awtorizzazzjonijiet neċessarji għat-tieni parti tal-itinerarju twil. It-tielet nett, il-Kummissjoni tirrikonoxxi, fid-deċiżjoni kkontestata, li ma kienx hemm riskji ta’ kapaċità żejda fuq l-itinerarju twil u, konsegwentement, ma kienx hemm riskju ta’ tensjoni mar-rikorrenti. Ir-raba’ nett, bħala l-uniku amministratur tal-infrastrutturi ferrovjarji fil-Litwanja, ir-rikorrenti kienet suġġetta għal obbligu ta’ nondiskriminazzjoni wkoll fir-rigward tas-servizzi ferrovjarji addizzjonali. Xejn ma jippermetti li jiġi preżunt li hija ma osservatx l-obbligi tagħha. Il-ħames nett, ma tantx huwa plawżibbli li l-proċedura ta’ approvazzjoni kif ukoll il-provvista ta’ servizzi addizzjonali kienu faċli fir-rigward ta’ 34 km (itinerarju qasir) jew 60 km (l-ewwel parti tal-itinerarju twil) fit-territorju Litwan, iżda diffiċli ħafna għal 92 km addizzjonali (it-tieni parti tal-itinerarju twil).

249    Barra minn hekk, ir-rikorrenti tikkontesta l-fatt li LDZ setgħet kienet iktar dipendenti fuqha sabiex tikseb informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet ta’ aċċess u t-tariffi relatati mal-itinerarju twil milli fuq dawk dwar l-itinerarju qasir. Fil-fatt, skont ir-rikorrenti, l-informazzjoni rilevanti kollha hija ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali Litwan u fuq is-sit internet ta’ VGI, li huwa obbligat li jiggarantixxi aċċess nondiskriminatorju għall-infrastrutturi u li jiffissa t-tariffi. Minkejja li d-dikjarazzjoni tan-netwerk għall-perijodu 2008–2009 ma tippreċiżax l-ammont eżatt tat-tariffi għas-servizzi ferrovjarji addizzjonali, it-tariffi kollha tal-infrastruttura kienu ppubblikati u magħrufa mill-pubbliku. Il-formuli applikati għall-kalkolu tat-tariffi jinsabu barra minn hekk fost din l-informazzjoni. Ladarba VGI kienet ikkalkolat dawn it-tariffi, dawn kienu ġew ippubblikati, qabel ma ġiet stabbilit skeda ferrovjarja partikolari, li kienet tippermetti lil kull min jagħmel it-talba jikkalkola faċilment it-tariffi effettivi. Barra minn hekk, anki jekk kienet għadha teżisti ċerta inċertezza dwar l-ammont eżatt tat-tariffi għas-servizzi addizzjonali, ma huwiex plawżibbli li din l-allegata assenza ta’ trasparenza ma tikkostitwixxix ostakolu għad-dħul fuq l-itinerarju qasir u l-ewwel parti tal-itinerarju twil fil-Litwanja (li għaliha LDZ kienet kisbet l-awtorizzazzjonijiet meħtieġa kollha), iżda tikkostitwixxi ostakolu sinjifikattiv għad-dħul f’dak li jirrigwarda t-tieni parti tal-itinerarju twil.

250    Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jikkontestaw dawn l-argumenti.

251    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset, essenzjalment, li t-tneħħija tat-totalità ta’ 19 km mil-linja ferrovjarja, li rrendiet l-iqsar itinerarju u l-iktar wieħed dirett mir-raffinerija għall-fruntiera Latvjana inaċċessibbli għall-kompetituri, kienet aġir li jikkonsisti fl-użu ta’ mezzi differenti minn dawk li jirregolaw kompetizzjoni normali u li tista’ twassal għal effetti antikompetittivi potenzjali fis-suq, downstream, tal-provvista ta’ servizzi ta’ trasport ferrovjarju ta’ prodotti petroliferi lejn it-terminals ta’ Klaipėda, ta’ Riga u ta’ Ventspils (premessi 2, 177 u 202 tad-deċiżjoni kkontestata).

252    Qabelxejn, il-Kummissjoni qieset li, qabel it-tneħħija tal-linja ferrovjarja, LDZ kellha opportunità kredibbli li tittrasporta l-prodotti petroliferi ta’ Orlen intiżi għall-esportazzjoni marittima mir-raffinerija lejn it-terminals marittimi Latvjani permezz tal-itinerarju qasir lejn il-Latvja. Il-Kummissjoni rrilevat ukoll li r-rikorrenti kienet serjament imħassba bil-possibbiltà li Orlen kien juża s-servizzi ta’ trasport ferrovjarju ta’ LDZ. Barra minn hekk, il-Kummissjoni osservat li Orlen u LDZ kienu qabżu sentejn sabiex tiġi esplorata din il-possibbiltà, li l-President tal-Bord tad-Diretturi ta’ Orlen kien iddikjara li dawn in-negozjati kellhom l-effett li jagħmlu pressjoni fuq LG u li LDZ kienet ippreżentat applikazzjoni sabiex tkun tista’ tikseb liċenzja sabiex topera fuq il-parti Litwana l-itinerarju qasir lejn il-Latvja, iżda mhux fuq l-itinerarji twal lejn terminals marittimi Latvjani. Madankollu, il-Kummissjoni, sussegwentement, wettqet analiżi tal-kapaċitajiet u tal-ispejjeż ta’ trasport. Fil-fatt, sabiex tikkonferma din l-evalwazzjoni, il-Kummissjoni rrilevat, l-ewwel nett, li, abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet tekniċi u ta’ kapaċitajiet, il-prodotti petroliferi ta’ Orlen setgħu jiġu ttrasportati lejn terminals marittimi Latvjani, it-tieni nett, li t-terminals marittimi Latvjani kienu jikkostitwixxu alternattiva kredibbli għall-port ta’ Klaipėda għall-manipulazzjoni ta’ prodotti petroliferi, it-tielet nett, li, għal Orlen, il-kwistjoni tal-ispiża tat-trasport ferrovjarju kienet l-element prinċipali fl-għażla ta’ itinerarju, ir-raba’ nett, li l-ispiża tat-trasport ferrovjarju kienet tiddependi mid-distanza tat-traġitt u mill-Istat Membru li fih ikun sar it-trasport u, il-ħames nett, li LDZ kienet f’pożizzjoni li tippreżenta offerta kompetittiva fuq l-itinerarju qasir lejn it-terminals marittimi Latvjani.

253    Sussegwentement, il-Kummissjoni kkunsidrat li, wara t-tneħħija tal-linja ferrovjarja, LDZ ma baqgħetx tgawdi minn din il-possibbiltà li toffri servizzi ta’ trasport ferrovjarju kompetittiv għall-prodotti petroliferi ta’ Orlen, mir-raffinerija lejn terminals marittimi ġirien, u ma setgħetx iktar, għaldaqstant, teżerċita pressjoni kompetittiva fuq LG minħabba l-eżistenza ta’ ostakoli sinjifikattivi għad-dħul fis-settur ferrovjarju u żvantaġġi kompetittivi inerenti għal dan is-settur li kienu jsofru minnhom l-operaturi ferrovjarji kompetituri tal-operatur ferrovjarju li kien diġà attiv fis-suq u li kien ukoll inkarigat mill-amministrazzjoni tal-infrastrutturi.

254    Skont il-Kummissjoni, l-unika possibbiltà għal LDZ li toffri servizzi ta’ trasport ferrovjarju kompetittivi għall-prodotti petroliferi ta’ Orlen kienet li tipprova tkun attiva fuq l-itinerarju lejn Klaipėda jew fuq l-itinerarji twal lejn it-terminals marittimi Latvjani. Issa, il-Kummissjoni rrilevat li l-itinerarju lejn Klaipėda, twil 228 km, kien jinsab kollu kemm hu fit-territorju tal-Litwanja u li l-itinerarji twal lejn it-terminals marittimi Latvjani kienu jgħaddu, għal parti kbira, mit-territorju tal-Litwanja (152 km). Il-Kummissjoni għalhekk qieset li r-rikorrenti kellha vantaġġ kompetittiv fuq in-netwerk tagħha stess u li l-pożizzjoni kompetittiva ta’ LDZ fuq l-itinerarju lejn Klaipėda u fuq l-itinerarji twal lejn it-terminals marittimi Latvjani kienet iktar dgħajfa milli fuq l-itinerarji qosra lejn dawn it-terminals marittimi.

255    Il-Kummissjoni speċifikat ukoll l-ostakoli għad-dħul fis-suq u l-iżvantaġġi kompetittivi li kompetitur potenzjali, bħal LDZ, seta’ jaffaċċja fuq in-netwerk tar-rikorrenti. Il-Kummissjoni ffokat fuq l-ostakoli għad-dħul l-iktar importanti, jiġifieri l-aċċess għall-infrastrutturi ferrovjarji u għas-servizzi ferrovjarji addizzjonali (premessi 293 sa 304 tad-deċiżjoni kkontestata) u n-nuqqas ta’ informazzjoni u ta’ trasparenza fuq il-kundizzjonijiet ta’ dħul fis-suq (premessi 305 sa 308 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija żiedet li anki jekk LDZ kienet f’pożizzjoni li toffri servizzi ta’ trasport ferrovjarju għall-prodotti petroliferi ta’ Orlen fuq l-itinerarji twal lejn it-terminals marittimi Latvjani mingħajr ma tiltaqa’ ma’ ostakoli għad-dħul, dawn l-itinerarji kienu jkunu inqas profittabbli meta mqabbla mal-itinerarju lejn Klaipėda, b’tali mod li dawn l-itinerarji twal lejn it-terminals marittimi Latvjani ma kinux jikkostitwixxu alternattiva kompetittiva tal-itinerarju lejn Klaipėda.

256    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni kkonkludiet li dan kien irriżulta f’esklużjoni tas-suq tal-provvista ta’ servizzi ta’ trasport ferrovjarju ta’ prodotti petroliferi mir-raffinerija lejn it-terminals marittimi ta’ Klaipėda, ta’ Riga u ta’ Ventspils.

257    Fl-ewwel lok, f’dan il-każ, għandu qabelxejn jiġi rrilevat li, permezz tal-argument tagħha, ir-rikorrenti tfittex biss li tikkontesta l-evalwazzjonijiet addizzjonali magħmula mill-Kummissjoni fil-premessi 208 et seq. tad-deċiżjoni kkontestata, iżda ma tikkontestax l-evalwazzjonijiet prinċipali li jinsabu fil-premessi 205 sa 207 tad-deċiżjoni kkontestata u li, essenzjalment, qabel it-tneħħija tal-linja ferrovjarja, LDZ kellha opportunità kredibbli li tittrasporta l-prodotti petroliferi ta’ Orlen intiżi għall-esportazzjoni marittima mir-raffinerija lejn il-Latvja. Fir-rigward tad-deċiżjonijiet dwar l-allokazzjoni tal-kapaċitajiet ta’ infrastrutturi ferrovjarji, għandu jiġi rrilevat, kif għamlet il-Kummissjoni, li d-deċiżjoni kkontestata ma tikkontestax il-fatt li dawn id-deċiżjonijiet jittieħdu minn VGI. F’dan ir-rigward, fil-premessa 296 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li, fir-rigward tal-allokazzjoni tal-kapaċitajiet fil-Litwanja, it-talbiet għal aċċess għall-infrastrutturi ferrovjarji kienu ppreżentati lil VGI, li vverifikat it-totalità tagħhom. Madankollu, il-Kummissjoni kompliet billi spjegat, mingħajr ma ġiet kontradetta mir-rikorrenti fuq dan il-punt, li kienet din tal-aħħar li wettqet l-evalwazzjoni teknika tal-applikazzjonijiet u li kienet tipprepara abbozz ta’ skeda ferrovjarja għal VGI. Għaldaqstant, kif tiddikjara l-Kummissjoni, it-talba għal allokazzjoni ta’ kapaċitajiet ta’ LDZ kienet tiddependi konkretament mill-evalwazzjoni magħmula mir-rikorrenti. Barra minn hekk, it-talba għal allokazzjoni ta’ kapaċitajiet kienet differenti mit-talba intiża sabiex jinkisbu awtorizzazzjonijiet leġiżlattivi bħaċ-ċertifikat ta’ sigurtà neċessarju sabiex issir fil-Litwanja. Konsegwentement, kif tirrileva ġustament il-Kummissjoni, ma huwiex importanti li kien hemm bżonn, kif tafferma r-rikorrenti, 28 jum għal LDZ sabiex tikseb l-awtorizzazzjonijiet regolatorji kollha neċessarji wara t-talba tagħha intiża sabiex topera indipendentement fuq parti mit-taqsima Litwana itinerarji twal lejn it-terminals marittimi Latvjani. Fil-fatt, l-evalwazzjoni tal-ostakoli għad-dħul imwettqa fid-deċiżjoni kkontestata ma hijiex ibbażata fuq id-diffikultà li jinkisbu awtorizzazzjonijiet leġiżlattivi, iżda fuq id-diffikultà li tinkiseb l-allokazzjoni tal-kapaċitajiet.

258    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument dwar l-allegati restrizzjonijiet ta’ kapaċitajiet fuq l-itinerarji twal lejn it-terminals marittimi Latvjani, għandu jiġi rrilevat, bħalma għamlet il-Kummissjoni, li d-deċiżjoni kkontestata ma affermatx li kienu jeżistu tali restrizzjonijiet fuq dawn l-itinerarji. Id-deċiżjoni kkontestata semmiet, min-naħa l-oħra, li t-talbiet għal kapaċitajiet kienu iktar kumplessi. Fil-fatt, dawn it-talbiet kienu jiddependu mill-evalwazzjoni mwettqa mir-rikorrenti għal rotta itwal fil-Litwanja u iktar iffrekwentata mill-parti Litwana tal-itinerarju qasir lejn il-Latvja (premessa 297 tad-deċiżjoni kkontestata). Ir-riskji ta’ kunflitti tal-mogħdijiet tal-ferrovija kienu ogħla fuq l-itinerarji twal lejn it-terminals marittimi Latvjani, peress li dawn l-itinerarji kienu diġà jintużaw, filwaqt li l-parti Litwana tal-itinerarju qasir kienet użata esklużivament għat-trasport tal-prodotti petroliferi ta’ Orlen (premessa 298 tad-deċiżjoni kkontestata).

259    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-argument li r-rikorrenti kienet suġġetta għal obbligu ta’ nondiskriminazzjoni wkoll fir-rigward tas-servizzi ferrovjarji addizzjonali, għandu jiġi rrilevat li d-deċiżjoni kkontestata, fil-premessi 293 sa 300 u 303, semmiet li t-traspożizzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit mid-Direttiva 2001/14 fid-dritt Litwan kienet tħalli marġni ta’ manuvra lir-rikorrenti li kienet tippermettilha timponi kundizzjonijiet sfavorevoli għall-aċċess għall-infrastrutturi ferrovjarji u għall-provvista ta’ servizzi ferrovjarji addizzjonali. B’mod partikolari, fil-premessi 293 u 294 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ppreċiżat li l-provvista ta’ servizzi ferrovjarji addizzjonali ma kinitx neċessarjament irregolata jew li kienet irregolata b’mod li kien iħalli ċertu marġni ta’ manuvra fir-rigward tal-prezzijiet u tal-kwalità tas-servizz ipprovdut. Dan ikun il-każ ta’ ċerti servizzi ta’ manutenzjoni (għall-apparat ferrovjarju), ta’ aċċess għal ċerti faċilitajiet (bħal stazzjonijiet ta’ pproċessar jew faċilitajiet ta’ parkeġġ u ta’ tindif ta’ tagħmir ferrovjarju) jew ta’ salvataġġ (b’mod partikolari fil-każ fejn ferrovija tiddgħajjef u tfixkel it-traffiku). Għalhekk, jekk operatur ġdid, bħal LDZ, kien juża s-servizzi tal-operatur storiku, f’dan il-każ ir-rikorrenti, dan seta’ fil-parti l-kbira jimponi l-kundizzjonijiet li fihom ġew ipprovduti dawn is-servizzi, li kien joħloq inċertezza fir-rigward tal-kwalità u tal-ispiża tagħhom. Issa, għandu jiġi osservat li dawn il-konstatazzjonijiet kollha ma humiex kontradetti mir-rikorrenti, li sempliċement issostni li xejn ma jippermetti li jiġi preżunt li hija ma osservatx l-obbligi tagħha.

260    Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-argumenti intiżi li jikkontestaw il-konklużjoni tad-deċiżjoni kkontestata li tgħid li LDZ kienet iktar dipendenti fuq ir-rikorrenti sabiex tikseb informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet ta’ aċċess u t-tariffi relatati mal-itinerarju twil milli l-dwar dawk marbuta mal-itinerarju qasir, għandu jiġi ppreċiżat, bħalma għamlet il-Kummissjoni, li d-deċiżjoni kkontestata tirrikonoxxi li l-formuli użati għall-kalkolu tat-tariffi tal-infrastruttura saru pubbliċi. Madankollu, hija qieset ukoll li, fuq itinerarju itwal fil-Litwanja, LDZ kienet iktar u iktar esposta għan-nuqqas ta’ informazzjoni u ta’ trasparenza dwar il-kundizzjonijiet ta’ aċċess u l-prezzijiet għas-servizzi ferrovjarji addizzjonali. B’mod partikolari, fil-premessa 308 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni enfasizzat li d-dokument ta’ referenza tan-netwerk għall-perijodu 2008–2009 (Network Statement of 2008‑2009) tar-rikorrenti kien jiddefinixxi biss il-formula tal-kalkolu tat-tariffi għall-aċċess għall-infrastrutturi ferrovjarji Litwani. Fil-fatt, dan id-dokument ma kienx jispeċifika t-tariffi reali li jikkonċernaw is-servizzi ferrovjarji addizzjonali, iżda kien isemmi biss li dawn is-servizzi addizzjonali kienu ffatturati skont il-leġiżlazzjoni fis-seħħ. Issa, din l-affermazzjoni ma tidhirx li hija kkontestata mir-rikorrenti, li, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, issostni li, anki jekk kienet għadha teżisti ċerta inċertezza fir-rigward tal-ammont eżatt tat-tariffi għas-servizzi addizzjonali, ma huwiex plawżibbli li jiġi analizzat li din l-allegata assenza ta’ trasparenza ma kkostitwixxietx ostakolu għad-dħul fuq l-itinerarju qasir u fuq l-ewwel parti tal-itinerarju twil fil-Litwanja, iżda li hija kkostitwixxiet ostakolu sinjifikattiv għad-dħul f’dak li jirrigwarda t-tieni parti tal-itinerarju twil. Barra minn hekk, bl-argument li għalkemm id-dokument ta’ referenza tan-netwerk għall-perijodu 2008–2009 ma kienx jippreċiża l-ammont eżatt tat-tariffi għas-servizzi ferrovjarji addizzjonali, it-tariffi kollha tal-infrastruttura kienu ppubblikati u magħrufa mill-pubbliku, ir-rikorrenti tikkonferma impliċitament li d-dokument ma kienx jispeċifika t-tariffi reali li jikkonċernaw is-servizzi ferrovjarji addizzjonali. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat li dan id-dokument ġie kkomunikat lill-Qorti Ġenerali b’risposta għal waħda mill-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottati fil-kawża odjerna (ara l-punt 65 iktar ’il fuq) u li dan tal-aħħar ma jispeċifikax effettivament l-ammonti tat-tariffi reali li jikkonċernaw is-servizzi ferrovjarji addizzjonali. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat, kif tagħmel il-Kummissjoni, li d-deċiżjoni kkontestata ma kkonkludietx li kien jeżisti biss nuqqas ta’ trasparenza fir-rigward tal-itinerarju twil lejn il-Latvja, iżda li n-nuqqas ta’ trasparenza tal-prezzijiet iffatturati għas-servizzi ferrovjarji addizzjonali kien iżid ir-riskju għal LDZ kemm fuq l-itinerarju twil, iżda wkoll fuq l-itinerarju lejn Klaipėda, filwaqt li dan ma kienx il-każ fuq l-itinerarju qasir, peress li, fuq dan tal-aħħar, LDZ ma kinitx tiddependi fuq is-servizzi addizzjonali tar-rikorrenti jew, tal-inqas, kienet tiddependi inqas (premessa 307 tad-deċiżjoni kkontestata).

261    Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ evalwazzjoni meta qieset li l-assenza ta’ trasparenza fir-rigward tal-ammont eżatt tat-tariffi għas-servizzi addizzjonali kienet tikkostitwixxi ostakolu għad-dħul fuq l-itinerarju twil kif ukoll fuq l-itinerarju lejn Klaipėda.

262    Fil-ħames u fl-aħħar lok, fir-rigward tal-argument imressaq mir-rikorrenti fir-replika li n-nota miktuba bl-idejn mhux datata msemmija mill-Kummissjoni fir-risposta tagħha ma kinitx tittratta l-kwistjoni dwar jekk il-fatt li topera fuq l-itinerarju twil kienx jippreżenta riskju ogħla għal LDZ (premessa 283 tad-deċiżjoni kkontestata), għandu jiġi enfasizzat qabel kollox li, minkejja li d-dokument inkwistjoni jissemma fil-premessi 97 sa 99 kif ukoll fil-premessa 316, punt 3 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti kkontestat dan biss fir-replika tagħha. Barra minn hekk, għalkemm id-dokument ma kienx jikkonċerna espliċitament lil LDZ, iżda operatur Latvjan, kompetitur potenzjali ta’ LG, huwa jeżamina t-theddid potenzjali għall-interessi tat-terminal marittimu ta’ Klaipėda u jelenka, taħt it-taqsima “Protezzjoni tal-Latvja”, diversi ostakoli għad-dħul li r-rikorrenti setgħet tistabbilixxi kontra kull kompetitur li joriġina mil-Latvja, inkluża LDZ. Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, id-dokument inkwistjoni seta’ jiġi analizzat, fid-deċiżjoni kkontestata, bħala waħda mill-provi li l-operat fuq l-itinerarju twil kien jippreżenta riskju kunsiderevolment ogħla għal LDZ.

263    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li ebda wieħed mill-argumenti mressqa mir-rikorrenti ma jista’ jikkontesta l-konstatazzjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata dwar l-ostakoli għad-dħul fis-suq u, b’mod partikolari, il-konklużjoni li LDZ kienet dipendenti ħafna iktar mir-rikorrenti fil-kwalità tagħha ta’ operatur eżistenti, vertikalment integrata.

264    Minn dan isegwi li l-ewwel serje ta’ argumenti tat-tieni lment tar-raba’ parti għandha tiġi miċħuda.

ii)    Fuq l-argumenti intiżi sabiex jikkontestaw il-fatt li l-itinerarji twal lejn it-terminals marittimi Latvjani ma kinux kompetittivi pparagunati mal-itinerarju lejn Klaipėda

265    Permezz tat-tieni sensiela ta’ argumenti, ir-rikorrenti tikkontesta l-allegazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata li tipprovdi li l-itinerarji twal lejn it-terminals marittimi Latvjani ma kinux kompetittivi pparagunati mal-itinerarju lejn Klaipėda (premessi 288 u 310 tad-deċiżjoni kkontestata), b’tali mod li LDZ setgħet teżerċita pressjoni kompetittiva fuq LG biss fuq l-itinerarji qosra lejn dawn it-terminals, jiġifieri li kieku l-linja ferrovjarja kienet ġiet imsewwija.

266    Fl-ewwel lok, skont ir-rikorrenti, din l-allegazzjoni ma hijiex plawżibbli għal diversi raġunijiet.

267    L-ewwel nett, LDZ ipproponiet lil Orlen, wara s-sospensjoni tat-traffiku u permezz ta’ ittra tad‑29 ta’ Settembru 2008, li tipprovdilha servizzi ta’ trasport ferrovjarju lejn Riga kemm permezz tal-itinerarju qasir kif ukoll permezz tal-itinerarju twil lejn il-Latvja. Għaldaqstant, LDZ apparentement ippreżumiet hija stess li hija kienet f’pożizzjoni li teżerċita kompetizzjoni effettiva fuq l-itinerarju twil ukoll għall-produzzjoni ta’ Orlen ittrasportata, minn LG, lil Klaipėda. It-tieni nett, LG ikkonkludiet, f’dokument intern tal-2009, li d-differenzi bejn l-itinerarju qasir u l-itinerarju twil ma kinux essenzjali f’termini ta’ distanza u ta’ prezz. Konsegwentement, ma huwiex plawżibbli li LDZ setgħet tikkompeti ma’ LG biss fuq l-itinerarju qasir, iżda mhux fuq l-itinerarju twil. It-tielet nett, ma jeżistux differenzi fl-ispejjeż sinjifikattivi bejn it-tliet itinerarji, li jidher ukoll naturali peress li kollha jagħmlu parti mill-istess suq ġeografiku. Konsegwentement, il-fatt li LDZ setgħet teżerċita pressjoni fuq ir-rikorrenti għall-produzzjoni ta’ Orlen ittrasportata lil Klaipėda biss permezz tal-itinerarju qasir (fil-każ fejn il-linja ferrovjarja kienet ġiet mibnija mill-ġdid jew imsewwija), ma tantx huwa plawżibbli.

268    Fit-tieni lok, skont ir-rikorrenti, il-paragun tal-ispejjeż li wettqet il-Kummissjoni jinkludi wkoll diversi żbalji.

269    Skont ir-rikorrenti, it-termini użati mill-Kummissjoni diġà juru li l-paragun tal-ispejjeż ma kienx ibbażat fuq analiżi solida u affidabbli. B’hekk, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li “hija ma tistax tikkwantifika eżattament l-impatt ta’ dawn id-differenzi strutturali fuq l-ispejjeż tat-trasport” u li “l-metodi ta’ tqassim tal-ispejjeż użati minn LG u LDZ setgħu kienu differenti, fatt li seta’ kellu influwenza fuq l-istimi tagħhom [tal-ispejjeż]”. Hija tindika wkoll li ma jidhirx b’mod ċar “jekk” il-portijiet Latvjani kellhomx vantaġġ kompetittiv sinjifikattiv meta mqabbla ma’ Klaipėda fir-rigward tat-total tal-ispejjeż tat-trasport marittimu u tippreċiża li l-itinerarju qasir lejn Riga “jidher li huwa l-iktar interessanti”. Barra minn hekk, meta l-Kummissjoni pparagunat it-tqassim tal-ispejjeż tar-rikorrenti u ta’ LDZ, l-element tal-ispiża l-iktar importanti ta’ LDZ fuq il-parti Latvjana tal-itinerarju twil lejn Riga kien il-kategorija “oħra”, filwaqt li l-ispejjeż “l-oħra” tar-rikorrenti kienu jirrappreżentaw biss perċentwali ferm inqas mit-total tal-ispejjeż tagħha fuq il-parti Litwana tal-itinerarju twil lejn Riga jew Ventspils. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li r-rikorrenti u LDZ kienu jużaw metodi ta’ tqassim tal-ispejjeż totalment differenti, u dan jirrendi kull paragun tal-ispejjeż arbitrarju. Bħala eżempju, abbażi tad-data użata mill-Kummissjoni, l-ispiża tar-rikorrenti għal kull tunnellaġġ-kilometru (TKM) kienet pjuttost statika u ma kinitx tvarja skont id-distanza, filwaqt li l-ispejjeż stmati ta’ LDZ kienu jonqsu fuq l-itinerarji itwal, minħabba l-istima li l-ispejjeż ta’ tagħbija u ta’ ħatt tal-merkanzija kienu spejjeż fissi, li magħhom kienu sussegwentement miżjuda l-ispejjeż ta’ trasport reali proporzjonalment mat-tul tal-itinerarju u mal-volum tal-merkanzija.

270    Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, anki jekk id-data li tinsab fit-tabella Nru 5 tad-deċiżjoni kkontestata, intitolata “Spejjeż għal kull tunnellata għat-trasport tal-prodotti petroliferi ta’ Orlen (itinerarji twal u itinerarji lejn Klaipėda)”, kienet ibbażata fuq metodi ta’ tqassim tal-ispejjeż paragunabbli, hija ma ssostnix l-affermazzjoni li LDZ ma setgħetx teżerċita kompetizzjoni kredibbli fuq l-itinerarju twil fir-rigward tal-produzzjoni ta’ Orlen trasportata lejn Klaipėda. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tenfasizza li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, irrikonoxxiet li l-ispejjeż inklużi fit-Tabella Nru 5 għall-itinerarji twal kienu probabbilment sopravvalutati. Minkejja dan, l-ispejjeż fuq dawn l-itinerarji jidhru li huma paragunabbli ħafna mal-ispejjeż fuq l-itinerarju lejn Klaipėda b’tali mod li LDZ kienet f’pożizzjoni li teżerċita pressjoni kompetittiva, b’mod partikolari billi tieħu inkunsiderazzjoni l-vantaġġi ġenerali f’termini ta’ spejjeż li, skont il-Kummissjoni, hija kellha meta mqabbla mar-rikorrenti f’dak li jirrigwarda, pereżempju, il-prezzijiet tal-enerġija u l-ispejjeż tas-salarji kif ukoll l-ispejjeż tat-trasport marittimu. Fil-fehma tar-rikorrenti, dawn l-elementi kollha huma kkonfermati mill-fatt li LDZ ipproponiet lil Orlen f’Settembru 2008 li tittrasporta l-produzzjoni tagħha minn Klaipėda lejn it-terminals marittimi Latvjani fuq l-itinerarju twil. Barra minn hekk, id-data dwar l-ispejjeż użati fit-tabella Nru 5 hija nettament inferjuri għall-prezzijiet li Orlen effettivament ħallset għal kull tunnellata għas-servizzi ta’ trasport ferrovjarju fuq l-itinerarju lejn Klaipėda fl‑2008 u fl‑2009.

271    Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jikkontestaw dawn l-argumenti.

272    F’dan il-każ, l-ewwel nett, fir-rigward tal-ittra tad-29 ta’ Settembru 2008, li permezz tagħha LDZ ippreżentat offerta lil Orlen għal servizzi ta’ trasport ferrovjarju lejn Riga kemm permezz tal-itinerarju qasir kif ukoll permezz tal-itinerarju twil lejn it-terminals marittimi Latvjani, għandu jiġi ppreċiżat li, permezz ta’ din l-ittra, LDZ ipproponiet proġett ta’ tariffi għas-sena 2008 għat-trasport ta’ prodotti petroliferi mit-territorju tal-Latvja lejn il-port ta’ Riga. B’mod partikolari, mill-kontenut ta’ din l-ittra jirriżulta li l-proġett ta’ tariffikazzjoni offrut minn LDZ kien jikkonċerna biss il-partijiet Latvjani tal-itinerarji twal u qosra lejn Riga. Fil-fatt, l-ittra kienet issemmi l-itinerarji Maitene – Mangali (Riga) u Rengė – Mangali (Riga). Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma tistax tikkonkludi, abbażi biss tal-ittra inkwistjoni, favur il-kompetittività tal-offerta ta’ LDZ, peress li din tal-aħħar ma kinitx tieħu inkunsiderazzjoni l-prezzijiet li hija kienet tapplika għall-partijiet Litwani taż-żewġ itinerarji. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tressaq ebda prova intiża sabiex tissostanzja l-argument tagħha mressaq fir-replika li jgħid li, meta ssottomettiet l-offerta lil Orlen, LDZ kienet, evidentement, perfettament fid-dawl tas-sitwazzjoni kompetittiva u tal-prezzijiet u tal-ispejjeż rilevanti. Barra minn hekk, is-sempliċi eżistenza ta’ offerta ma timplikax li din tkun effettivament kompetittiva u, fi kwalunkwe każ, kompetittiva daqskemm setgħet tkun kieku l-linja ferrovjarja ma kinitx tneħħiet. Għaldaqstant, minn din l-ittra r-rikorrenti ma tista’ tislet ebda konklużjoni fir-rigward tal-kapaċità ta’ LDZ li teżerċita pressjoni kompetittiva effettiva fuqha fuq l-itinerarju twil.

273    It-tieni nett, fir-rigward tad-dokument intern tal-2009 li permezz tiegħu r-rikorrenti kkonkludiet li d-differenzi bejn l-itinerarju qasir u l-itinerarju twil ma kinux essenzjali f’termini ta’ distanza u ta’ prezz, għandu jiġi enfasizzat li d-dokument inkwistjoni huwa d-dokument bir-referenza ES 9/VJ6. Il-konklużjoni li tirreferi għaliha r-rikorrenti tinsab fit-tielet u l-aħħar paġna ta’ dan id-dokument, li fih hija qabblet it-trasport tal-prodotti ta’ Orlen lejn Jelgava (il-Latvja) minn Šiauliai (il-Litwanja) mat-trasport dirett permezz ta’ Rengė. Għaldaqstant, din il-konklużjoni ma tipparagunax l-ispejjeż tal-itinerarji sħaħ lejn it-terminals marittimi Latvjani u ma tikkonċernax it-trasport tal-prodotti petroliferi ta’ Orlen bil-għan ta’ esportazzjoni bil-baħar. Barra minn hekk, il-fatt li, għar-rikorrenti, id-differenzi bejn l-itinerarju qasir u l-itinerarju twil lejn it-terminals marittimi Latvjani ma humiex essenzjali f’termini ta’ distanza u ta’ prezz ma japplikax neċessarjament għal LDZ.

274    Minn dan jirriżulta li la l-offerta msemmija fil-punt 272 iktar ’il fuq u lanqas id-dokument intern imsemmi fil-punt 273 iktar ’il fuq ma jistgħu jikkontestaw il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li l-itinerarji twal lejn it-terminals marittimi Latvjani kienu inqas vijabbli meta mqabbla mal-itinerarju lejn Klaipėda.

275    It-tielet nett, fir-rigward tal-argument li ma jeżistux differenzi fl-ispejjeż sinjifikattivi bejn l-itinerarji twal lejn it-terminals marittimi Latvjani, l-itinerarji qosra lejn it-terminals marittimi Latvjani u l-itinerarju lejn Klaipėda, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm huwa minnu li, kuntrarjament għall-itinerarju lejn Klaipėda, l-itinerarju twil lejn Riga kien jinkludi parti importanti (86 km) fil-Latvja, fejn, skont id-deċiżjoni kkontestata, l-ispejjeż tat-trasport ferrovjarju, b’mod partikolari l-prezz tal-enerġija u l-ispejjeż salarjali, kienu iktar baxxi milli fil-Litwanja (premessa 253 tad-deċiżjoni kkontestata), huwa minnu wkoll li l-itinerarju twil lejn Riga kien jinkludi parti, jiġifieri 152km, fil-Litwanja. Kien hemm ukoll parti kbira minn dik li kienet tinsab fil-Litwanja. Għaldaqstant, peress li l-Kummissjoni kkalkolat l-ispejjeż li jikkonċernaw l-itinerarji lejn it-terminals marittimi Latvjani billi għamlet is-somma tal-ispejjeż tar-rikorrenti u ta’ LDZ fuq l-istadji rispettivi tagħhom tal-itinerarju, sabiex tevalwa d-differenza fl-ispejjeż bejn l-itinerarji, mal-ispejjeż relatati mal-parti Latvjana tal-itinerarju twil lejn Riga għandhom jiżdiedu l-ispejjeż relatati mal-parti Litwana tal-istess itinerarju. Barra minn hekk, l-istess jgħodd għall-kalkolu tal-ispejjeż li jikkonċernaw l-itinerarju twil lejn Ventspils. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tikkontestax l-ispejjeż ippreżentati mill-Kummissjoni fit-tabella Nru 5, fil-premessa 311 tad-deċiżjoni kkontestata. Din it-tabella turi li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, fl-2008 u fl-2009, l-ispejjeż tat-trasport tal-prodotti petroliferi ta’ Orlen għal kull tunnellata kienu bejn [kunfidenzjali] u [kunfidenzjali] % ogħla fuq l-itinerarju twil lejn Riga milli fuq l-itinerarju lejn Klaipėda u bejn [kunfidenzjali] % ogħla fuq l-itinerarju twil lejn Ventspils milli fuq l-itinerarju lejn Klaipėda. Konsegwentement, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, ma jeżistux provi suffiċjenti li juru li LDZ setgħet, bħala kompetitriċi effikaċi, toffri servizzi fis-suq rilevanti f’kompetizzjoni mar-rikorrenti fuq l-itinerarju twil u b’hekk teżerċita pressjoni kompetittiva fuqha.

276    Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-argumenti intiżi li jikkontestaw il-paragun tal-ispejjeż imwettaq mill-Kummissjoni, għandu jiġi rrilevat dan li ġej.

277    Minn naħa, fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet dwar it-termini użati mill-Kummissjoni fl-analiżi tagħha dwar il-paragun tal-ispejjeż, għandu jiġi rrilevat li ma huwiex possibbli li minn ċerti termini użati jiġi dedott li l-paragun tal-ispejjeż ma huwiex ibbażat fuq analiżi solida u affidabbli. Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat, bħalma tagħmel il-Kummissjoni, li r-riferiment għall-impossibbiltà li jiġi kkwantifikat b’eżattezza l-impatt ta’ dawn id-differenzi strutturali fuq l-ispejjeż tat-trasport (premessa 253 tad-deċiżjoni kkontestata) jagħmel parti minn analiżi tal-fatturi li għandhom effett fuq l-ispiża tat-trasport ferrovjarju u bl-ebda mod ma jbiddel il-konklużjoni tal-analiżi dwar il-profittabbiltà tal-itinerarju qasir lejn Riga (premessi 254 u 255 tad-deċiżjoni kkontestata). Ir-riferiment għall-fatt li l-metodoloġiji tat-tqassim tal-ispejjeż użati mir-rikorrenti u LDZ setgħu kienu differenti, li seta’ influwenza l-istimi tagħhom tal-ispejjeż (premessi 271 sa 273 tad-deċiżjoni kkontestata), huwa kkjarifikat mid-deċiżjoni kkontestata, li tispjega għaliex dan l-element huwa irrilevanti u ma jaffettwax il-paragun tal-ispejjeż tar-rikorrenti u LDZ. Barra minn hekk, waħda mis-sentenzi tad-deċiżjoni kkontestata mir-rikorrenti ħarġet mill-kuntest tagħha. Is-sentenza kollha tad-deċiżjoni kienet, fil-fatt, is-segwenti: “[i]l-portijiet ta’ Riga u Ventspils setgħu għalhekk jikkostitwixxu minn tal-inqas soluzzjoni kredibbli ta’ sostituzzjoni tal-port ta’ Klaipėda, indipendentement mill-fatt li jistgħu wkoll jitqiesu li kellhom vantaġġ kompetittiv sinjifikattiv fuq il-livell tal-ispejjeż totali tat-trasport marittimu” (premessa 240 tad-deċiżjoni kkontestata). Fl-aħħar nett, fir-rigward tar-riferiment, li joriġina minn taqsima oħra tad-deċiżjoni kkontestata, li, abbażi ta’ analiżi tal-fatturi li għandhom effett fuq l-ispiża tat-trasport ferrovjarju, l-itinerarju qasir lejn Riga jidher li huwa l-iktar attraenti, din l-affermazzjoni hija sussegwentement sostnuta minn paragun iktar iddettaljat tal-ispejjeż tal-itinerarji, fil-premessi 255 sa 266 tad-deċiżjoni kkontestata, li juri li l-itinerarju qasir lejn Riga huwa effettivament l-iktar attraenti.

278    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li d-deċiżjoni kkontestata ma tipparagunax “tuffieħ ma’ tuffieħ”, il-Kummissjoni ġustament tirrileva li d-deċiżjoni kkontestata tirrispondi fit-tul għall-argumenti tar-rikorrenti dwar l-analiżi tal-ispejjeż u b’mod partikolari l-oġġezzjonijiet dwar il-possibbiltà li dawn jiġu pparagunati. Fil-fatt, mill-premessa 269 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li r-rikorrenti kienet diġà allegat, fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li l-ispejjeż tagħha u dawk ta’ LDZ ma kinux paragunabbli. Il-Kummissjoni ċaħdet l-argumenti tar-rikorrenti b’mod iddettaljat fil-premessi 270 sa 284 tad-deċiżjoni kkontestata. Hija spjegat b’mod partikolari, fil-premessi 272 u 273 ta’ din tal-aħħar, li ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li l-metodi ta’ kalkolu tal-ispejjeż tar-rikorrenti u ta’ LDZ setgħu kienu differenti u li dan seta’ influwenza l-istimi tagħhom minn komponent tal-ispiża, bħall-ispejjeż amministrattivi. Madankollu, hija ppreċiżat ukoll li tali differenza fil-metodoloġija setgħet wasslet biss għal differenza żgħira f’termini ta’ spejjeż. Bl-istess mod, fil-premessa 274 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni spjegat għal liema raġuni hija kienet qieset li l-istima tal-ispejjeż tar-rikorrenti u ta’ LDZ kienet tkopri l-istess servizzi u kienet tinkludi l-istess komponenti tal-ispiża, tal-inqas għas-sena 2009. Fil-fatt, kif jirriżulta min-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 406 tad-deċiżjoni kkontestata, peress li r-rikorrenti ma pprovdietx tqassim tal-ispejjeż għas-sena 2008, il-Kummissjoni analizzat id-data li tikkonċerna l-ispejjeż tar-rikorrenti għas-sena 2009.

279    Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma tistax tinvoka l-argument li l-metodoloġija ta’ evalwazzjoni tal-ispejjeż hija żbaljata sabiex tikkontesta l-paragun tal-ispejjeż li sar mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata u ssostni li dan il-paragun huwa arbitrarju.

280    Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argumenti l-oħra tar-rikorrenti.

281    L-ewwel nett, fir-rigward tal-argument li jgħid li, anki jekk id-data li tinsab fit-tabella Nru 5 tad-deċiżjoni kkontestata kienet ibbażata fuq metodi ta’ tqassim tal-ispejjeż paragunabbli, din ma ssostnix l-affermazzjoni li LDZ ma setgħetx tkun kompetitriċi kredibbli fuq l-itinerarji twal lejn it-terminals marittimi Latvjani, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma pprovdietx il-provi intiżi li jipprovaw li d-differenza ta’ [kunfidenzjali] % bejn l-ispejjeż fuq l-itinerarju twil lejn Riga fl-2008 [kunfidenzjali] u l-ispejjeż fuq l-itinerarju lejn Klaipėda [kunfidenzjali] % ma kinitx sinjifikattiva, għandu jiġi enfasizzat, bħalma għamlet il-Kummissjoni, li d-deċiżjoni kkontestata wriet ukoll li, anki jekk jiġi segwit approċċ prudenti, l-ispejjeż tal-itinerarju fit-tul lejn Ventspils kienu ogħla b’[kunfidenzjali] % fl-2008 u b’[kunfidenzjali] % fl-2009 minn dawk tal-itinerarju lejn Klaipėda. Issa, differenza ta’ [kunfidenzjali] % jew ta’ [kunfidenzjali] % hija sinjifikattiva u diffiċli li tiġi kkontestata permezz ta’ stima eċċessiva.

282    It-tieni nett, fir-rigward tal-argument li jgħid li d-data dwar l-ispejjeż użati fit-tabella Nru 5 [kunfidenzjali] hija nettament inferjuri għall-prezzijiet li Orlen effettivament ħallset għal kull tunnellata għas-servizzi ta’ trasport ferrovjarju fuq l-itinerarju lejn Klaipėda fl-2008 [kunfidenzjali] u fl-2009 [kunfidenzjali] b’tali mod li, skont il-loġika applikata mill-Kummissjoni fil-premessi 281 sa 284 tad-deċiżjoni kkontestata, LDZ setgħet teżerċita pressjoni kompetittiva fuq ir-rikorrenti li kieku hija kienet iddeċidiet li tagħmel dan, għandu jiġi rrilevat li, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, l-ispejjeż ikkalkolati mill-Kummissjoni għall-itinerarju twil lejn riga huma ftit inqas meta mqabbla mal-prezz effettivament imħallas minn Orlen għas-servizzi ta’ trasport ferrovjarju fuq l-itinerarju lejn Klaipėda. Issa, fir-rigward tal-ispejjeż, u mhux tal-prezz, għandhom jiżdiedu marġni ta’ profitt, anki żgħir, li tnaqqas iktar id-differenza mal-prezzijiet li Orlen effettivament ħallset għas-servizzi ta’ trasport ferrovjarju fuq l-itinerarju lejn Klaipėda.

283    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma tista’ tiġi attribwita l-ebda żball ta’ evalwazzjoni talli kkonkludiet li l-itinerarji twal lejn it-terminals marittimi Latvjani ma kinux kompetittivi meta mqabbla mal-itinerarju lejn Klaipėda.

284    Konsegwentement, it-tieni lment tar-raba’ parti u, għaldaqstant, ir-raba’ parti tat-tieni motiv tar-rikors kollu kemm hu għandhom jiġu miċħuda.

285    Jirriżulta minn dak kollu li ntqal li t-tielet raġuni għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

3.      Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 296 TFUE u tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/2003 għal provi insuffiċjenti u nuqqas ta’ motivazzjoni

286    Permezz tat-tielet motiv, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 296 TFUE minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni kif ukoll l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/2003 sa fejn hija ma pprovdietx provi suffiċjenti insostenn tal-konstatazzjoni tagħha, fid-deċiżjoni kkontestata, ta’ ksur tal-Artikolu 102 TFUE.

287    Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jikkontestaw dawn l-argumenti.

288    It-tielet motiv tar-rikors jikkonsisti, essenzjalment, f’żewġ partijiet, l-ewwel waħda intiża sabiex issostni l-ksur tal-Artikolu 296 TFUE minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni u, it-tieni waħda, intiża sabiex tinvoka l-ksur tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/2003.

a)      Fuq l-ewwel parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq il-ksur tal-Artikolu 296 TFUE minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni

289    Insostenn tal-ewwel parti, ir-rikorrenti tressaq, essenzjalment, żewġ ilmenti li għandhom jiġu eżaminati flimkien. L-ewwel wieħed huwa bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma indikatx għalfejn hija ddevjat mill-ġurisprudenza stabbilita fil-qasam tar-rifjut li jiġu pprovduti infrastrutturi essenzjali u t-tieni wieħed huwa bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma pprovdietx raġunijiet suffiċjenti li juru li f’dan il-każ kienu jeżistu ċirkustanzi eċċezzjonali li jikkonċernaw il-linja ferrovjarja li jiġġustifikaw il-konstatazzjoni ta’ prattika abbużiva.

290    Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li l-argumenti żviluppati mir-rikorrenti insostenn taż-żewġ ilmenti tal-ewwel parti ma jirrigwardawx nuqqas jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, dawn l-argumenti jamalgamaw ruħhom, fir-realtà, mal-kritika tal-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata. Madankollu, l-obbligu li d-deċiżjonijiet jiġu motivati jikkostitwixxi rekwiżit proċedurali sostanzjali li għandu jiġi distint mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni, peress li din taqa’ taħt il-legalità sostantiva tal-att ikkontestat. Il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni tikkonsisti fl-espressjoni formali tal-motivi li tkun ibbażata fuqhom din id-deċiżjoni. Jekk dawn il-motivi jkunu vvizzjati minn żbalji, dawn jivvizzjaw il-legalità tal-mertu tad-deċiżjoni, iżda mhux il-motivazzjoni tagħha, li tista’ tkun suffiċjenti filwaqt li tesprimi motivi żbaljati (ara sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C‑413/06 P, EU:C:2008:392, punt 181 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li dawn l-argumenti diġà ġew imressqa, eżaminati u miċħuda fil-kuntest tal-ewwel motiv.

291    Minn dan isegwi li l-ewwel parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda.

b)      Fuq it-tieni parti tat-tielet motiv, ibbażata fuq il-ksur tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/2003

292    Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat, kif tagħmel il-Kummissjoni, li, minbarra riferiment qasir għall-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/2003 fil-punt 143 tar-rikors, ir-rikorrenti ma tissostanzjax l-allegazzjoni tagħha, billi tindika s-siltiet tad-deċiżjoni kkontestata li, fil-fehma tagħha, kienu affettwati minn insuffiċjenza ta’ provi. Madankollu, ir-rikorrenti ppreċiżat l-argument tagħha fil-punti 28 u 29 tal-osservazzjonijiet tagħha dwar in-nota ta’ intervent. B’mod partikolari, fil-punt 29 ta’ dawn l-osservazzjonijiet, hija ssostni li l-Kummissjoni ma bbażatx ruħha fuq provi diretti jew dokumentarji, preċiżi u konklużivi, li juru l-ksur b’mod suffiċjenti fid-dritt. Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ssostni li, skont il-ġurisprudenza, hija ressqet argument li jagħti dawl differenti fuq il-fatti stabbiliti mill-Kummissjoni u li b’hekk jippermetti li spjegazzjoni plawżibbli oħra tal-fatti tiġi ssostitwita minn dik adottata mill-Kummissjoni sabiex tikkonkludi li jeżisti ksur.

293    F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/2003, kif ukoll minn ġurisprudenza stabbilita, jirriżulta li, fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni, f’każ ta’ tilwima fuq l-eżistenza ta’ ksur, hija l-Kummissjoni li għandha tipproduċi l-prova tal-ksur li hija tikkonstata u li tistabbilixxi l-provi adatti li juru, sal-grad rikjest mil-liġi, l-eżistenza tal-fatti li jikkostitwixxu ksur (ara s-sentenza tat‑12 ta’ April 2013, GEMA vs Il-Kummissjoni, T‑410/08, mhux ippubblikata, EU:T:2013:171, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).

294    Għalkemm huwa neċessarju li l-Kummissjoni tipproduċi provi preċiżi u konkordanti sabiex tistabbilixxi l-konvinzjoni soda tagħha li l-ksur twettaq, għandu jiġi enfasizzat li kull prova prodotta mill-Kummissjoni ma għandhiex neċessarjament tissodisfa dawn il-kriterji fir-rigward ta’ kull element tal-ksur. Huwa suffiċjenti li s-sensiela ta’ ħjiel invokati mill-istituzzjoni, evalwati globalment, jissodisfaw dan ir-rekwiżit, kif ġie deċiż fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE. Dan il-prinċipju japplika wkoll f’kawżi li jikkonċernaw l-implimentazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2010, AstraZeneca vs Il-Kummissjoni, T‑321/05, EU:T:2010:266, punt 477 u l-ġurisprudenza ċċitata).

295    Fir-rigward tas-saħħa probatorja tal-provi prodotti mill-Kummissjoni, jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn żewġ sitwazzjonijiet.

296    Minn naħa, meta l-Kummissjoni tikkonstata ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni billi tibbaża ruħha fuq il-preżunzjoni li l-fatti stabbiliti ma jistgħux jiġu spjegati b’mod ieħor ħlief abbażi tal-eżistenza ta’ aġir li jikkostitwixxi ksur, il-Qorti tal-Unjoni jkollha tannulla d-deċiżjoni inkwistjoni meta l-impriżi kkonċernati jressqu argumentazzjoni li tagħti spjegazzjoni differenti għall-fatti stabbiliti mill-Kummissjoni u li b’hekk tippermetti li tissostitwixxi adottata mill-Kummissjoni bi spjegazzjoni plawżibbli tal-fatti differenti minnha biex tikkonkludi li jeżisti ksur. Fil-fatt, f’tali każ, ma jistax jitqies li l-Kummissjoni pproduċiet il-prova tal-eżistenza ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ Marzu 1984, Compagnie royale asturienne des mines u Rheinzink vs Il-Kummissjoni, 29/83 u 30/83, EU:C:1984:130, punt 16, u tal‑31 ta’ Marzu 1993, Ahlström Osakeyhtiö et vs Il-Kummissjoni, C‑89/85, C‑104/85, C‑114/85, C‑116/85, C‑117/85 u C‑125/85 sa C‑129/85, EU:C:1993:120, punti 126 u 127).

297    Min-naħa l-oħra, meta l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq provi li, bħala prinċipju, huma suffiċjenti sabiex juru li jeżisti ksur, ma huwiex biżżejjed li l-impriża kkonċernata ssemmi l-possibbiltà li seħħ fatt li jista’ jaffettwa l-valur probatorju tal-imsemmija provi sabiex il-Kummissjoni jkollha l-oneru li tipprova li dan il-fatt ma setax jaffettwa l-valur probatorju tal-provi. Għall-kuntrarju, ħlief fil-każijiet fejn tali prova ma tkunx tista’ tiġi pprovduta mill-impriża kkonċernata minħabba l-aġir tal-Kummissjoni stess, hija l-impriża kkonċernata li għandha tistabbilixxi sal-grad rikjest mil-liġi, fl-ewwel lok, l-eżistenza tal-fatt li hija tinvoka u, fit-tieni lok, li dan il-fatt iqiegħed f’dubju l-valur probatorju tal-provi li fuqhom tibbaża ruħha l-Kummissjoni (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 2010, E.ON Energie vs Il-Kummissjoni, T‑141/08, EU:T:2010:516, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

298    F’dan il-każ, mill-analiżi tat-tieni motiv tar-rikors jirriżulta li l-Kummissjoni ma kkonstatatx abbuż ta’ pożizzjoni dominanti billi bbażat ruħha fuq il-preżunzjoni li l-fatti stabbiliti ma setgħux jiġu spjegati b’mod ieħor ħlief abbażi tal-eżistenza ta’ aġir antikompetittiv. Min-naħa l-oħra, hija bbażat ruħha fuq provi li, bħala prinċipju, kienu suffiċjenti sabiex juru l-eżistenza tal-ksur ikkontestat. Barra minn hekk, l-argument li r-rikorrenti tressaq sabiex jagħti dawl differenti lill-fatti stabbiliti mill-Kummissjoni ma jippermettix is-sostituzzjoni tal-ispjegazzjoni tal-Kummissjoni li wasslitha sabiex tikkonkludi favur l-eżistenza ta’ ksur bi spjegazzjoni plawżibbli oħra tal-fatti sabiex.

299    Għaldaqstant, fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija fil-punti 292 sa 297 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma kisritx l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/2003.

300    Minn dan isegwi li hemm lok li tiġi miċħuda t-tieni parti tat-tielet motiv tar-rikors fl-intier tagħha.

4.      Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1/2003, sa fejn id-deċiżjoni ordnat miżura korrettiva sproporzjonata

301    Permezz tal-ħames motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1/2003, sa fejn din tordnalha miżura korrettiva sproporzjonata.

302    B’mod partikolari, l-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li, skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1/2003, hija setgħet tiġi obbligata biss tistabbilixxi mill-ġdid is-sitwazzjoni kompetittiva li kienet teżisti qabel it-tneħħija tal-linja ferrovjarja u li, qabel din it-tneħħija, il-linja ferrovjarja ma setgħetx tibqa’ tintuża wara s-sospensjoni tat-traffiku fit‑2 ta’ Settembru 2008. L-investiment meħtieġ f’infrastruttura ġdida, mhux essenzjali, imur lil hinn mir-ripristinar tas-sitwazzjoni preċedenti u jkun bla preċedenti u sproporzjonat.

303    It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li, sa fejn, qabel is-sospensjoni tat-traffiku, il-linja ferrovjarja kienet użata biss minn klijent wieħed, għal parti żgħira mill-produzzjoni tiegħu, u li dan issa juża itinerarju ieħor, ma kienx ċert li dan il-klijent kien juża l-linja ferrovjarja l-ġdida.

304    It-tielet nett, ir-rikorrenti tallega li r-rikostruzzjoni inkwistjoni teżiġi investiment kbir ħafna li jobbligaha talloka r-riżorsi tagħha favur klijent wieħed, li t-talba tiegħu hija limitata, u dan għad-detriment ta’ itinerarji oħra.

305    Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti ssostni li l-obbligu ta’ rikostruzzjoni tal-linja ferrovjarja kienet miżura sproporzjonata fil-każ li hija ma tkunx awtorizzata teżiġi li l-uniċi żewġ benefiċjarji potenzjali tal-infrastruttura l-ġdida jħallsu parti ekwa u raġonevoli tal-ispejjeż ta’ rikostruzzjoni.

306    Il-ħames nett, ir-rikorrenti ssostni, b’risposta għar-risposta tal-Kummissjoni, li, b’differenza mill-“kawża Microsoft” invokata mill-Kummissjoni, dan il-każ jirrigwarda investiment f’infrastruttura kompletament ġdida, u mhux il-qsim ta’ infrastruttura eżistenti.

307    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, fid‑9 ta’ Marzu 2018, ir-rikorrenti ppubblikat stqarrija għall-istampa li tindika li hija kienet ikkonkludiet pjan ta’ azzjoni bi ftehim mal-Kummissjoni li permezz tiegħu l-linja ferrovjarja kienet ser titlesta qabel tmiem is-sena 2019. Skont l-informazzjoni żvelata mill-istampa, ftehim li kellu bħala għan il-ftuħ mill-ġdid tat-traffiku fuq il-linja ferrovjarja ġie, barra minn hekk, iffirmat mir-rikorrenti u minn Orlen fl‑14 ta’ Awwissu 2018. Waqt is-seduta, ir-rikorrenti u l-intervenjenti kkonfermaw li x-xogħlijiet ta’ rikostruzzjoni tal-linja ferrovjarja kienu tlestew f’Diċembru 2019 u li, wara testijiet li kienu għaddejjin fil-jum tas-seduta, il-linja ferrovjarja kellha terġa’ tinfetaħ għat-traffiku qabel l-aħħar tax-xahar ta’ Frar 2020.

308    Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

309    Preliminarjament, jeħtieġ li jitfakkar li l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1/2003, fl-ewwel sentenza tiegħu, jipprovdi li jekk il-Kummissjoni, filwaqt li taġixxi ex officio jew inkella fuq ilment, tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 101 jew 102 TFUE, hija tista’, permezz ta’ deċiżjoni, tobbliga lill-impriżi u lill-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi kkonċernati li jtemmu l-ksur. Barra minn hekk, dan il-paragrafu jipprevedi li, meta l-Kummissjoni jkollha interess leġittimu, hija tista’ tikkonstata wkoll li kien twettaq ksur fil-passat (sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2015, Philips vs Il-Kummissjoni, T‑92/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:605, punt 132).

310    Il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeħtieġ li l-atti tal-istituzzjonijiet ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa idoneu u neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet leġittimi li jridu jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, peress li meta jkun hemm possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva, u li l-inkonvenjenzi li jinħolqu ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet previsti.

311    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1/2003 jindika b’mod espliċitu l-firxa tal-portata tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fis-sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. Fil-fatt, skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni tista’ timponi fuq l-impriżi kkonċernati kwalunkwe miżura restrittiva ta’ natura strutturali jew komportamentali li tkun proporzjonata mal-ksur imwettaq u li tkun neċessarja sabiex effettivament jitwaqqaf il-ksur (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad‑29 ta’ Ġunju 2010, Il-Kummissjoni vs Alrosa, C‑441/07 P, EU:C:2010:377, punt 39).

312    Barra minn hekk, ġie ppreċiżat li, għalkemm il-Kummissjoni kellha, ċertament, is-setgħa li tikkonstata l-ksur u li tordna lill-partijiet ikkonċernati jtemmuh, hija la kellha l-obbligu li timponi fuq il-partijiet l-għażla tagħha fost id-diversi possibbiltajiet ta’ aġir kollha konformi mat-Trattat (sentenza tat-18 ta’ Settembru 1992, Automec vs Il-Kummissjoni, T‑24/90, EU:T:1992:97, punt 52), u lanqas li tiddeċiedi l-modalitajiet preċiżi ta’ implimentazzjoni tad-diversi possibbiltajiet ta’ aġir (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑20 ta’ Novembru 2008, SIAE vs Il-Kummissjoni, T‑433/08 R, mhux ippubblikat, EU:T:2008:520, punt 37).

313    F’dan il-każ, id-deċiżjoni kkontestata, minbarra li timponi, konformement mal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, multa fl-ammont ta’ EUR 27 873 000, eżiġiet, skont l-Artikolu 7 ta’ dan l-istess regolament, li r-rikorrenti ttemm il-ksur, billi tissottometti lill-Kummissjoni, f’terminu ta’ tliet xhur, proposta ta’ miżuri f’dan is-sens (premessa 395 u Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata). B’mod partikolari, fil-premessa 394 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrilevat li diversi soluzzjonijiet strutturali jew ta’ mġiba jistgħu jippermettu li l-ksur jintemm billi tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni kompetittiva li kienet teżisti qabel it-tneħħija tal-linja ferrovjarja, jew billi tinbena mill-ġdid jew billi jiġu eliminati l-iżvantaġġi tal-kompetituri fl-itinerarji alternattivi lejn it-terminals marittimi ta’ Klaipėda, ta’ Riga u ta’ Ventspils deskritti fil-punt 7.4.2 tad-deċiżjoni kkontestata.

314    Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata ordnat lir-rikorrenti sabiex effettivament ittemm il-ksur u, billi qieset li diversi soluzzjonijiet strutturali jew komportamentali jistgħu jkunu rilevanti għal dan il-għan, issuġġeriet, kif tammetti r-rikorrenti, żewġ għażliet, jiġifieri r-rikostruzzjoni tal-linja ferrovjarja jew l-eliminazzjoni tal-iżvantaġġi tal-kompetituri fuq l-itinerarji lejn it-terminals marittimi ta’ Klaipėda, ta’ Riga u ta’ Ventspils. Minn dan isegwi li, skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punti 311 u 312 iktar ’il fuq, id-deċiżjoni kkontestata pprevediet diversi miżuri korrettivi li jistgħu jwaqqfu l-ksur mingħajr ma timponi għażla fosthom. Fil-fatt, billi stiednet lir-rikorrenti tippreżenta proposta ta’ miżuri korrettivi, il-Kummissjoni ħallietha libera li tiddeċiedi kif tintervjeni sabiex ittemm il-ksur. B’mod partikolari, il-Kummissjoni ħalliet lir-rikorrenti libera li tagħżel kif telimina l-iżvantaġġi tal-kompetituri fuq ir-rotot alternattivi lejn it-terminals marittimi ta’ Klaipėda, ta’ Riga u ta’ Ventspils, fl-ipoteżi fejn din tal-aħħar ma tkunx għażlet ir-rikostruzzjoni tal-linja ferrovjarja.

315    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li t-tieni għażla, jiġifieri l-eliminazzjoni tal-iżvantaġġi tal-kompetituri fuq ir-rotot alternattivi lejn it-terminals marittimi ta’ Klaipėda, ta’ Riga u ta’ Ventspils, ma kinitx soluzzjoni vijabbli. Fil-fatt, l-eliminazzjoni ta’ dawn l-iżvantaġġi u, b’mod partikolari, tad-dipendenza ta’ LDZ fir-rigward tagħha bħala operatur attwali vertikalment integrat, timplika li hija tinqasam bil-għan li tittrasferixxi l-funzjonijiet ta’ amministratur ta’ infrastrutturi ferrovjarji lil entità oħra u li żżomm biss l-attivitajiet imwettqa bħala fornitur ta’ servizzi ta’ trasport ferrovjarju. Tali separazzjoni teħtieġ, skont ir-rikorrenti, l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni ġdida mill-Parlament Litwan, li fuqha hija ma għandha ebda influwenza. Barra minn hekk, hija ma tistax tibqa’ ekonomikament vijabbli f’tali xenarju għaliex hija tkun ikkonfrontata bil-kompetizzjoni tat-trasportaturi ferrovjarji tal-merkanzija mill-pajjiżi tal-Komunità tal-Istati indipendenti (CEI). Minħabba dan il-fatt, l-unika għażla vijabbli kienet ir-rikostruzzjoni tal-linja ferrovjarja. Fir-replika tagħha, hija żżid li azzjoni leġiżlattiva hija wkoll neċessarja sabiex teħlisha mir-responsabbiltà tagħha, skont il-punt 6 tal-Artikolu 24 tal-Kodiċi tat-Trasport Ferrovjarju, li tipprovdi evalwazzjoni teknika lil VGI.

316    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li, kif ġie kkonstatat fil-punt 314 iktar ’il fuq, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 312 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni la imponiet u lanqas iddeterminat modalitajiet speċifiċi intiżi sabiex jeliminaw l-iżvantaġġi tal-kompetituri fl-itinerarji alternattivi lejn it-terminals marittimi ta’ Klaipėda, ta’ Riga u ta’ Ventspils, fil-każ li r-rikorrenti ma tkunx għażlet li terġa’ tibni l-linja ferrovjarja. B’mod partikolari, il-Kummissjoni ma imponietx separazzjoni tal-impriża u lanqas l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni ġdida.

317    Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat, kif tagħmel il-Kummissjoni, li l-argument tar-rikorrenti li l-eliminazzjoni tal-iżvantaġġi li kienu affaċċjati bihom il-kompetituri fuq l-itinerarji l-oħra li jwasslu għat-terminals marittimi ta’ Klaipėda, ta’ Riga u ta’ Ventspils kien jeħtieġ neċessarjament separazzjoni totali tal-proprjetà ma huwiex sostnut. Il-fatt li, matul il-proċedura amministrattiva, il-Kummissjoni eżiġiet tali separazzjoni tal-proprjetà bħala kundizzjoni għal deċiżjoni ta’ impenji bbażata fuq l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003, jekk jitqies li dan ġie stabbilit, ma jipprovax li tali separazzjoni kienet l-uniku mod sabiex jiġu eliminati l-iżvantaġġi li kienu qegħdin jaffaċċjaw il-kompetituri fuq l-itinerarji l-oħra li jwasslu għat-terminals marittimi ta’ Klaipėda, ta’ Riga u ta’ Ventspils, u b’mod partikolari d-dipendenza ta’ LDZ fir-rigward tar-rikorrenti. Dan jgħodd ukoll għall-falliment, minħabba l-pressjoni tal-partijiet interessati differenti, tal-proposta inizjalment magħmula mill-Kummissjoni, fil-kuntest tar-raba’ pakkett ferrovjarju, li tiġi stabbilita separazzjoni stretta bejn l-amministratur tal-infrastrutturi u l-operatur ferrovjarju. Fil-fatt, għalkemm id-dokument tal-Parlament Ewropew intitolat “Ir-raba’ pakkett ferrovjarju” u datat Marzu 2016, li għalih tirreferi r-rikorrenti, jipprovdi li l-verżjoni finali tal-proposta tar-raba’ pakkett ferrovjarju ma tipprevedix “separazzjoni obbligatorja”, huwa jżid li l-impriżi integrati vertikalment huma awtorizzati, bil-kundizzjoni li l-amministratur tal-infrastruttura jkun totalment indipendenti u għandu drittijiet effettivi ta’ deċiżjoni. Minn dan isegwi li d-dokument imsemmi mir-rikorrenti stess jikkonferma li teżisti alternattiva għas-separazzjoni totali tal-proprjetà.

318    Għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tal-analiżi tal-effetti antikompetittivi mwettqa mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, l-eliminazzjoni tal-iżvantaġġi tal-kompetituri fuq l-itinerarji alternattivi lejn it-terminals marittimi ta’ Klaipėda, ta’ Riga u ta’ Ventspils, deskritti fil-punt 7.4.2 tad-deċiżjoni kkontestata, kienet tikkostitwixxi miżura korrettiva xierqa għat-twaqqif tal-ksur ikkontestat. Din il-miżura korrettiva, bħala waħda mill-għażliet possibbli sabiex jintemm il-ksur (premessa 394 tad-deċiżjoni kkontestata), kienet tikkostitwixxi, għaldaqstant, miżura proporzjonali għall-waqfien tal-ksur ikkontestat.

319    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li r-rikostruzzjoni tal-linja ferrovjarja tikkostitwixxi miżura korrettiva sproporzjonata u mingħajr preċedent.

320    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, kif tagħmel il-Kummissjoni, li l-miżura korrettiva li tikkonsisti fil-kostruzzjoni mill-ġdid tal-linja ferrovjarja, bħala waħda mill-għażliet possibbli sabiex tiġi żgurata l-effettività tad-deċiżjoni kkontestata (premessa 394 tad-deċiżjoni kkontestata), tikkostitwixxi l-konsegwenza diretta tal-konstatazzjoni tal-illegalità mwettqa mir-rikorrenti, jiġifieri t-tneħħija ta’ din il-linja ferrovjarja, u sempliċement twaqqaf il-ksur inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Mejju 2012, MasterCard et vs Il-Kummissjoni, T‑111/08, EU:T:2012:260, punt 325).

321    Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkonfutata permezz tal-argumenti l-oħra tar-rikorrenti.

322    L-ewwel nett, fir-rigward tal-argument li, qabel it-tneħħija tagħha, il-linja ferrovjarja kienet fi stat ħażin ħafna u ma setgħetx tibqa’ tintuża mis-sospensjoni tat-traffiku fit‑2 ta’ Settembru 2008 u li l-Kummissjoni ma eżaminatx jekk ir-rikorrenti kinitx obbligata, skont l-Artikolu 102 TFUE, twettaq xogħlijiet ta’ kumpens, għandu jiġi kkonstatat li dan l-argument huwa bbażat fuq premessa żbaljata. Din hija l-premessa li tgħid li l-Kummissjoni kellha tikklassifika bħala aġir abbużiv l-assenza ta’ tiswija tal-linja ferrovjarja wara s-sospensjoni tat-traffiku fuq din tal-aħħar u teżamina din il-kawża fid-dawl tal-ġurisprudenza dwar l-aċċess għall-infrastrutturi essenzjali. Għaldaqstant, fid-dawl tal-osservazzjonijiet żviluppati fil-kuntest tal-analiżi tal-ewwel motiv, dan l-argument ma jistax jintlaqa’.

323    It-tieni nett, fir-rigward tal-argument li d-deċiżjoni kkontestata tidher li teżiġi li r-rikorrenti tinvesti f’infrastruttura ġdida, aċċessibbli biss sabiex tgħin kompetitur, li jmur lil hinn minn sempliċi stabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni preċedenti u mhux biss mingħajr preċedent, iżda wkoll sproporzjonat, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata ma rrikjedietx li hija tinvesti r-riżorsi tagħha f’infrastruttura ġdida, aċċessibbli biss sabiex tgħin kompetitur. Għall-kuntrarju, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li r-rikorrenti kienet obbligata, permezz tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ, li tiżgura kundizzjonijiet tajbin ta’ ċirkulazzjoni fuq il-linja ferrovjarja u li l-Istat kellu jiżgura l-finanzjament tagħha. B’mod partikolari, mil-leġiżlazzjoni nazzjonali jirriżulta li r-rikorrenti kienet obbligata tieħu l-miżuri kollha neċessarji sabiex issewwi l-linja ferrovjarja, inkluż tindirizza ruħha lill-Gvern Litwan sabiex tikseb id-deċiżjoni favorevoli għall-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet ta’ tiswija jew ta’ rikostruzzjoni tal-linja ferrovjarja kif ukoll il-fondi pubbliċi neċessarji għal din l-eżekuzzjoni. Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, billi titlob li terġa’ tibni l-linja ferrovjarja, id-deċiżjoni kkontestata ma tmurx lil hinn minn sempliċi stabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni preċedenti.

324    Barra minn hekk, id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni msemmija mir-rikorrenti sabiex tipprova n-natura mingħajr preċedent tal-miżura korrettiva inkwistjoni ma jistgħux jikkontestaw din il-konstatazzjoni, peress li dawn jikkonċernaw, b’differenza minn din il-kawża, rifjut li jiġi pprovdut aċċess għal infrastruttura essenzjali. Barra minn hekk, huwa irrilevanti li, qabel is-sospensjoni tat-traffiku, fit‑2 ta’ Settembru 2008, il-linja ferrovjarja ntużat biss minn klijent wieħed u biss għal parti allegatament dgħajfa tal-produzzjoni tiegħu. Bl-istess mod, huwa irrilevanti li jeżisti itinerarju ieħor, li dan il-klijent uża immedjatament wara s-sospensjoni tat-traffiku.

325    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tistax tinvoka l-argument li jgħid li r-rikostruzzjoni tal-linja ferrovjarja kienet teħtieġ investiment kbir ħafna (madwar LTL 40 miljun fl-2008) u tobbligaha talloka r-riżorsi limitati ħafna sabiex tiffavorixxi klijent wieħed biss sabiex tikkontesta n-natura mhux proporzjonata tar-rimedju impost. Fil-fatt, għalkemm ir-rikorrenti jkollha tibni mill-ġdid il-linja ferrovjarja mingħajr ma jkollha r-riżorsi neċessarji, din hija biss il-konsegwenza tal-aġir tagħha, jiġifieri tad-deċiżjoni tagħha li tneħħi l-linja ferrovjarja bil-għaġla u mingħajr ma titlob il-kunsens tal-Istat u mingħajr ma tiżgura l-fondi neċessarji għar-rikostruzzjoni tagħha.

326    It-tielet nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-obbligu ta’ rikostruzzjoni tal-linja ferrovjarja huwa sproporzjonat jekk hija ma tkunx awtorizzata teżiġi li l-uniċi żewġ benefiċjarji potenzjali ta’ din l-infrastruttura l-ġdida, jiġifieri Orlen u LDZ, jipparteċipaw fl-ispejjeż tar-rikostruzzjoni, għandu jiġi rrilevat dan li ġej.

327    Fl-ewwel lok, kif jirriżulta mill-premessi 73 u 74 tad-deċiżjoni kkontestata, fit-22 ta’ Ottubru 2009, Orlen kienet ikkuntattjat lir-rikorrenti permezz ta’ ittra billi ddikjarat ruħha lesta li tkopri l-ispejjeż ta’ rikostruzzjoni tal-linja ferrovjarja u li tiddiskuti l-possibbiltajiet ta’ rkupru tal-investiment tagħha. Orlen qatt ma rċeviet risposta uffiċjali għall-offerta tagħha u ġiet informata biss verbalment waqt laqgħa mal-president tal-bord tad-diretturi tar-rikorrenti (u dak iż-żmien Viċi Ministru tat-Trasport u tal-Komunikazzjonijiet) dwar ir-rifjut ta’ din tal-aħħar. B’mod partikolari, ir-rikorrenti ppreċiżat li, skont il-liġi li tirregola l-attivitajiet ta’ ġestjoni tal-infrastrutturi ferrovjarji, il-ħolqien, l-immodernizzar u l-iżvilupp ta’ infrastrutturi ferrovjarji pubbliċi ma setgħux jiġu ffinanzjati minn investimenti privati. Barra minn hekk, fil-pjan ta’ attività strateġika tagħha tal-2009 għall-perijodu 2010–2012, ir-rikorrenti pprovdiet żewġ spjegazzjonijiet oħra fir-rigward taċ-ċaħda tal-offerta ta’ Orlen. Fil-fatt, hija ppreċiżat, minn naħa, li sabiex tkun tista’ tikkuntratta self, hija kellha toħroġ sejħa għal offerti miftuħa li għaliha s-suċċess ta’ Orlen ma setax jiġi ggarantit u, min-naħa l-oħra, li hija kienet laħqet il-limitu tas-self tagħha u ma setgħetx tissellef iktar mingħajr il-kunsens tal-kredituri tagħha. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma tistax tinvoka n-natura allegatament sproporzjonata tal-miżura korrettiva imposta minħabba li hija ma kinitx awtorizzata teżiġi li Orlen u LDZ jipparteċipaw fl-ispejjeż tar-rikostruzzjoni.

328    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ma setgħetx tistenna li l-Kummissjoni tawtorizzaha titlob lil Orlen u LDZ jipparteċipaw fl-ispejjeż ta’ rikostruzzjoni sa fejn tali awtorizzazzjoni kienet tippermettilha tittrasforma l-vantaġġi tal-abbuż f’remunerazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2012, Microsoft vs Il-Kummissjoni, T‑167/08, EU:T:2012:323, punti 141 u 142). F’dan ir-rigward, il-paragun magħmul mir-rikorrenti mal-kawża li tat lok għas-sentenza tas‑6 ta’ April 1995, RTE u ITP vs Il-Kummissjoni (C‑241/91 P u C‑242/91 P, EU:C:1995:98), ma huwiex rilevanti. Fil-fatt, l-abbuż ikkonstatat fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza kien jikkonċerna rifjut li jingħata aċċess għal informazzjoni grossa li tinsab fl-iskedi tal-programmi tat-televiżjoni. Issa, din normalment hija suġġetta għall-ħlas ta’ tariffa bħala korrispettiv.

329    Minn dan isegwi li, billi imponiet fuq ir-rikorrenti li ttemm il-ksur, jew billi tistabbilixxi mill-ġdid is-sitwazzjoni kompetittiva li kienet teżisti qabel it-tneħħija tal-linja ferrovjarja billi tibniha mill-ġdid, jew billi telimina l-iżvantaġġi tal-kompetituri fuq l-itinerarji alternattivi lejn it-terminals marittimi ta’ Klaipėda, ta’ Riga u ta’ Ventspils, il-Kummissjoni ma kisritx l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1/2003.

330    Għalhekk, hemm lok li l-ħames motiv jiġi miċħud kollu kemm hu.

5.      Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn żbalji ta’ liġi u minn żbalji ta’ evalwazzjoni dwar l-istabbiliment tal-ammont tal-multa

331    Insostenn tar-raba’ motiv tagħha, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni li wettqet diversi żbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni meta imponiet fuqha multa.

332    Dan il-motiv essenzjalment jinqasam f’żewġ partijiet. Permezz tal-ewwel parti, ir-rikorrenti ssostni li, billi imponitilha multa, il-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni. Permezz tat-tieni parti, imressqa b’mod sussidjarju u intiża għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni bi żball ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni minħabba l-iffissar ta’ multa ta’ ammont sproporzjonat. Din it-tieni parti, bl-eċċezzjoni ta’ argument tat-tieni lment, li jirrigwarda t-tul allegatament eċċessiv tal-proċedura u li huwa intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, ser tiġi konsegwentement eżaminata iktar ’il quddiem, fil-parti ta’ din is-sentenza ddedikata għat-talbiet, imqajma sussidjarjament, intiża għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa.

333    Insostenn tal-ewwel parti tar-raba’ motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni meta imponiet multa fuqha. F’dan ir-rigward, wara li fakkret li, skont l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni tista’ timponi multa fuq impriża li kisret l-Artikolu 102 TFUE, iżda ma għandhiex l-obbligu tagħmel dan, ir-rikorrenti ssostni li l-fatt li tiġi imposta multa huwa sproporzjonat meta kawża tkun ġdida, li huwa l-każ f’din il-kawża. B’mod partikolari, il-Kummissjoni u l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kkonfermaw li l-multi ma kinux xierqa fil-kawżi li kellhom teoriji ġodda tad-dannu. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kienet ikkonfermat li multa ma kinitx xierqa meta qieset li l-każ seta’ jkun is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ impenji.

334    Minn naħa, ir-rikorrenti ssostni li l-kawża hija ġdida u nieqsa minn preċedent sa fejn ġie preżunt li hija impriża dominanti li għandha l-obbligu li tinvesti f’infrastruttura, minkejja li l-aċċess għaliha la huwa essenzjali u lanqas indispensabbli, sabiex impriża oħra tkun tista’ tikkompeti magħha. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma setgħetx tantiċipa li dubji dwar il-gravità tan-nuqqasijiet tal-linja ferrovjarja kif ukoll l-intenzjonijiet tagħha jistgħu jiġu kkunsidrati bħala ċirkustanzi suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita prattika abbużiva.

335    Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti tikkontesta li aġixxiet għall-inqas b’negliġenza. Għall-kuntrarju, hija ssostni li d-deċiżjoni ta’ tneħħija tal-linja ferrovjarja ttieħdet in bona fide, bl-intenzjoni li din terġa’ tinbena iktar tard. In-natura ġdida tat-teorija li fuqha hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata teskludi li kien hemm intenzjoni li jitwettaq ksur jew negliġenza f’dan ir-rigward.

336    Permezz tat-tieni lment tat-tieni parti tar-raba’ motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni fir-rigward tat-tul tal-ksur allegat meta qieset li l-ksur kien beda tal-inqas fil-bidu tax-xogħlijiet ta’ tneħħija tal-linja ferrovjarja f’Ottubru 2008 u kien għadu għaddej fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Fl-ewwel lok, skont ir-rikorrenti, il-ksur inkwistjoni seta’ jibda biss, l-iktar kmieni, meta hija ddeċidiet li ma tkomplix tkompli b’mod attiv il-proġett ta’ rikostruzzjoni, jiġifieri wara d-deċiżjoni arbitrali tas‑17 ta’ Diċembru 2010. Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tqis li l-proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni kienet ta’ tul eċċessiv li, minn naħa, tawlet indebitament it-tul tal-ksur allegat u, min-naħa l-oħra, kisret id-drittijiet tad-difiża tagħha sa fejn uħud mill-impjegati tagħha involuti fil-proċess tad-deċiżjoni kienu, matul dan il-perijodu, telqu mill-impriża, ħaġa li ppreġudikat il-preparazzjoni tar-rikors tagħha. Konsegwentement, ir-rikorrenti tqis li l-ammont tal-multa għandu jitnaqqas sostanzjalment.

337    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

a)      Fuq l-ewwel ilment tal-ewwel parti, ibbażat fuq in-natura ġdida tat-teorija legali li fuqha hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata

338    Permezz tal-ewwel ilment tagħha, ir-rikorrenti essenzjalment issostni li l-aġir ikkritikat fid-deċiżjoni kkontestata jikkostitwixxi kategorija ġdida ta’ abbuż li hija ma kinitx taf bin-natura illegali tiegħu.

339    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li l-argument tar-rikorrenti dwar in-natura allegatament ġdida tal-aġir abbużiv ikkontestat huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti u kif diġà ġie rrilevat, id-deċiżjoni kkontestata ma imponietx fuqha obbligu li tinvesti f’infrastruttura li la hija essenzjali u lanqas indispensabbli sabiex tippermetti lil kompetitur jikkompeti magħha. Hija lanqas ma imponiet fuq ir-rikorrenti, bħala impriża f’pożizzjoni dominanti, li tissussidja kompetitur biss sabiex tnaqqas ir-riskji ta’ dħul tagħha fis-suq. Kif diġà ġie kkonstatat diversi drabi, il-Kummissjoni rrilevat, fid-deċiżjoni kkontestata, ġustament, li, billi neħħiet il-linja ferrovjarja bil-għaġla, mingħajr ma timmobilizza l-fondi neċessarji u mingħajr ma segwiet l-istadji preparatorji normali għar-rikostruzzjoni tagħha (premessi 182 sa 201 tad-deċiżjoni kkontestata), ir-rikorrenti kienet adottat aġir abbużiv li jikkonsisti fl-użu ta’ mezzi differenti minn dawk li jirregolaw kompetizzjoni normali. Hija kkonstatat ukoll li dan l-aġir seta’ jipproduċi effetti antikompetittivi potenzjali ta’ esklużjoni tal-kompetizzjoni fis-suq tal-provvista ta’ servizzi ta’ trasport ferrovjarju ta’ prodotti petroliferi bejn ir-raffinerija u t-terminals marittimi ġirien, billi joħloq ostakoli għad-dħul fis-suq mingħajr ma teżisti ġustifikazzjoni oġġettiva. Issa, f’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li n-natura abbużiva ta’ aġir bħal dak tar-rikorrenti, intiż sabiex iżomm il-kompetituri remoti mis-suq, diġà ġiet ikkundannata mill-qrati tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2012, AstraZeneca vs Il-Kummissjoni, C‑457/10 P, EU:C:2012:770, punt 164). Għaldaqstant, in-natura abbużiva ta’ tali aġir ma tistax tiġi kklassifikata bħala ġdida.

340    Fit-tieni lok, għandu jiġi osservat li l-fatt li l-aġir ikkontestat mill-Kummissjoni jista’ jiġi kklassifikat bħala ġdid ma jeskludix l-impożizzjoni ta’ multa. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali diġà kkonstatat li, għalkemm kienu jeżistu kawżi li fihom il-Kummissjoni ma kienet imponiet ebda multa jew kienet imponiet multa simbolika fl-assenza ta’ preċedenti, f’kawżi oħra, il-Kummissjoni kienet imponiet multi għoljin anki f’sitwazzjonijiet li fihom ma kienx hemm preċedent dwar aġir li jippreżenta l-istess karatteristiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2017, Marine Harvest vs Il-Kummissjoni, T‑704/14, EU:T:2017:753, punt 392). Barra minn hekk, għandu jiġi ppreċiżat li d-deċiżjoni msemmija mir-rikorrenti insostenn tal-argument tagħha, jiġifieri d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2014) 2892 final, tad‑29 ta’ April 2014, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 102 [TFUE] u tal-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE (Każ AT. 39985 – Motorola – Eżekuzzjoni ta’ privattivi essenzjali standard GPRS, punt 561), ma jidhirx li hija rilevanti. Fil-fatt, din id-deċiżjoni ma hijiex ibbażata biss fuq il-fatt li l-aġir inkwistjoni qatt ma kien ġie kklassifikat bħala abbużiv mill-qorti tal-Unjoni, iżda wkoll fuq il-fatt li l-qrati nazzjonali kienu waslu għal konklużjonijiet diverġenti dwar din il-kwistjoni.

341    Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-fatt li abbuż huwa mingħajr preċedent ma jistax iqiegħed f’dubju n-natura gravi ta’ ksur u lanqas ma jwassal sabiex jitnaqqas l-ammont tal-multa. B’mod partikolari, anki fil-qasam tal-kalkolu tal-multi, il-Qorti Ġenerali diġà kkonstatat li l-fatt li jkun għadu ma ġiex eżaminat aġir li jippreżenta l-istess karatteristiċi f’deċiżjonijiet preċedenti ma jeżentax lil impriża mir-responsabbiltà tagħha (ara f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Novembru 1983, Nederlandsche Banden-Industrie-Michelin vs Il-Kummissjoni, 322/81, EU:C:1983:313, punt 107 u tal-1 ta’ Lulju 2010, AstraZeneca vs Il-Kummissjoni, T‑321/05, EU:T:2010:266, punt 901 sa 903).

342    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għaldaqstant hemm lok li l-ewwel parti tat-tieni motiv jiġi miċħud.

b)      Fuq it-tieni lment tal-ewwel parti, ibbażat fuq il-fatt li r-rikorrenti ma aġixxietx b’negliġenza

343    Fir-rigward tat-tieni lment, ibbażat fuq il-fatt li r-rikorrenti ma aġixxietx tal-inqas b’negliġenza, għandu jitfakkar li, fil-premessa 371 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li, abbażi tal-fatti deskritti fid-deċiżjoni kkontestata u tal-evalwazzjoni li kienet tinsab fiha, il-ksur kien twettaq jew bl-intenzjoni li tagħlaq il-kompetizzjoni, jew tal-inqas b’negliġenza, peress li r-rikorrenti ma kinitx ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li, billi neħħiet il-linja ferrovjarja, hija pprekludiet il-kompetizzjoni fis-suq tal-provvista ta’ servizzi ta’ trasport ferrovjarju ta’ prodotti petroliferi bejn ir-raffinerija u t-terminals marittimi ta’ Klaipėda, ta’ Riga u ta’ Ventspils.

344    Ir-rikorrenti tikkontesta din il-konklużjoni billi essenzjalment issostni li, meta hija implimentat id-deċiżjoni tagħha li tagħżel l-għażla 2 billi neħħiet il-linja ferrovjarja, li fil-fehma tagħha kienet tikkostitwixxi l-ewwel stadju neċessarju ta’ din l-għażla, hija aġixxiet in bona fide u bl-intenzjoni li terġa’ tibni l-linja ferrovjarja iktar tard.

345    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-kundizzjoni li l-ksur twettaq b’mod intenzjonat jew b’negliġenza hija ssodisfatta meta l-impriża inkwistjoni ma tistax tinjora n-natura antikompetittiva tal-aġir tagħha, irrispettivament minn jekk kinitx taf jew le li tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni tat-Trattat. Impriża hija konxja min-natura antikompetittiva tal-aġir tagħha meta l-punti ta’ fatt materjali li jiġġustifikaw kemm il-konstatazzjoni ta’ pożizzjoni dominanti fis-suq ikkonċernat kif ukoll l-evalwazzjoni mill-Kummissjoni ta’ abbuż minn din il-pożizzjoni kienu magħrufa minnha (sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2012, Telefónica u Telefónica de España vs Il-Kummissjoni, T‑336/07, EU:T:2012:172, punti 319 u 320; ara wkoll is-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2018, Stührk Delikatessen Import vs Il-Kummissjoni, T-58/14, mhux ippubblikata, EU:T:2018:474, punt 226 u l-ġurisprudenza ċċitata).

346    Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li ma jistax ikun hemm dubju, għal operatur ekonomiku prudenti, li l-pussess ta’ partijiet kbar mis-suq, għalkemm dan ma huwiex neċessarjament u fil-każijiet kollha l-uniku indizju determinanti għall-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti, għandu madankollu importanza kunsiderevoli li għandu neċessarjament jittieħed inkunsiderazzjoni minnu f’dak li jirrigwarda l-aġir eventwali tiegħu fis-suq (sentenza tat‑13 ta’ Frar 1979, Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni, 85/76, EU:C:1979:36, punt 133). B’hekk, LG, operatur ferrovjarju storiku u amministratur tal-unika infrastruttura eżistenti fil-Litwanja għall-provvista ta’ servizzi ta’ trasport ferrovjarju tal-merkanzija, ma setgħetx tinjora li hija kellha pożizzjoni dominanti fis-swieq rilevanti.

347    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-intenzjoni jew l-allegata bona fide tar-rikorrenti ma humiex rilevanti sabiex tiġi evitata l-konstatazzjoni li l-ksur inkwistjoni twettaq b’mod intenzjonat jew b’negliġenza u li, minħabba f’hekk, dan jista’ jiġi ssanzjonat permezz ta’ multa, fis-sens tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ April 1995, Boël vs Il-Kummissjoni, T‑142/89, EU:T:1995:63, punt 116 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, bħala operatur ekonomiku diliġenti, LG kellha tkun familjari mal-prinċipji li jirregolaw id-definizzjoni tas-swieq fil-kawżi ta’ kompetizzjoni u, jekk ikun il-każ, tirrikorri għal pariri ta’ kjarifika sabiex tevalwa, sa grad raġonevoli skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, il-konsegwenzi li jistgħu jirriżultaw minn att partikolari, bħal, f’dan il-każ, it-tneħħija tal-linja ferrovjarja. Dan jgħodd b’mod partikolari għall-professjonisti, li huma mdorrijin jagħtu prova li jimxu bi prudenza kbira fl-eżerċizzju tal-professjoni tagħhom. Barra minn hekk, jista’ jkun li jkun mistenni minn dawn tal-aħħar li huma jiddedikaw attenzjoni partikolari għall-evalwazzjoni tar-riskji involuti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2012, Telefónica u Telefónica de España vs Il-Kummissjoni, T‑336/07, EU:T:2012:172, punt 323 u l-ġurisprudenza ċċitata).

348    Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali tqis li r-rikorrenti ma setgħetx tinjora li l-prattika inkwistjoni setgħet twassal għal restrizzjonijiet serji għall-kompetizzjoni, fid-dawl b’mod partikolari tal-pożizzjoni tagħha ta’ monopolju, legali jew fattwali, fis-swieq rilevanti, b’tali mod li l-Kummissjoni kellha raġun tikkunsidra li l-ksur inkwistjoni kien twettaq għall-inqas b’negliġenza u kien jiġġustifika, minħabba f’hekk, li jiġi ssanzjonat permezz ta’ multa.

349    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tistax tinvoka n-natura allegatament ġdida tat-teorija li fuqha hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata sabiex teskludi li kien hemm l-intenzjoni li jitwettaq ksur jew negliġenza f’dan ir-rigward. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li tali argument huwa intiż biss sabiex juri l-fatt li huwa ma kienx jaf bin-natura illegali tal-aġir ikkritikat fid-deċiżjoni kkontestata fid-dawl tal-Artikolu 102 TFUE. Għaldaqstant, din għandha tiġi miċħuda skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 341 iktar ’il fuq. Fi kwalunkwe każ, għar-raġunijiet esposti fil-punt 339 iktar ’il fuq, f’dan il-każ, ir-rikorrenti ma setgħetx tinjora n-natura antikompetittiva tal-aġir tagħha.

350    Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni ma wettqitx żbalji ta’ liġi jew żball ta’ evalwazzjoni meta qieset li r-rikorrenti kienet aġixxiet għall-inqas b’negliġenza (premessa 371 tad-deċiżjoni kkontestata).

351    Barra minn hekk, din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-fatt li, matul il-proċedura amministrattiva, il-Kummissjoni qieset li l-kawża setgħet tkun is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ impenji. Fil-fatt, kif tirrileva l-Kummissjoni, il-fatt li, fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, il-Kummissjoni setgħet tikkunsidra li taċċetta proposta ta’ impenji min-naħa tar-rikorrenti bħala mezz sabiex tiġi evitata multa ma jfissirx li l-Kummissjoni kienet ikkunsidrat bħala mhux xieraq l-iffissar ta’ tali multa, iżda sempliċement li hija ma eskludietx il-possibbiltà li ma tikkonstatax ksur u li ma timponix multa. Għaldaqstant, din iċ-ċirkustanza ma tipprekludix lill-Kummissjoni milli tikkonkludi b’mod definittiv li kien neċessarju li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ ksur u li timponi multa.

352    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għaldaqstant hemm lok li tiġi miċħuda l-ewwel parti tar-raba’ motiv.

c)      Fuq it-tieni lment tat-tieni parti, sa fejn dan jirrigwarda t-tul allegatament eċċessiv tal-proċedura

353    Fir-rigward tal-argument dwar l-allegat tul eċċessiv tal-proċedura amministrattiva, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ssostni, minn naħa, li hija affettwat id-drittijiet tad-difiża tagħha u, min-naħa l-oħra, li hija kellha twassal għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha fid-deċiżjoni kkontestata.

354    Preliminarjament, għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita, l-osservanza ta’ terminu raġonevoli fit-tmexxija tal-proċeduri amministrattivi fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni tikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li l-qrati tal-Unjoni jiżguraw ir-rispett tiegħu (ara f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2012, Heineken Nederland u Heineken vs Il-Kummissjoni, C‑452/11 P, EU:C:2012:829, punt 97 u l-ġurisprudenza ċċitata).

355    Il-prinċipju ta’ terminu raġonevoli fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva ġie kkonfermat fl-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li jipprovdi li “[k]ull persuna għandha d-dritt li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b’mod imparzjali u ġust u fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi ta’ l-Unjoni” (ara s-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2012, Imperial Chemical Industries vs Il-Kummissjoni, T‑214/06, EU:T:2012:275, punt 284 u l-ġurisprudenza ċċitata).

356    Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, meta l-ksur ta’ terminu raġonevoli jkun kellu impatt fuq l-eżitu tal-proċedura, tali ksur ikun ta’ natura li jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2006, Technische Unie vs Il-Kummissjoni, C‑113/04 P, EU:C:2006:593, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

357    Għandu jiġi ppreċiżat li, fir-rigward tal-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni, l-oltrepassar tat-terminu raġonevoli jista’ jikkostitwixxi raġuni għal annullament biss fil-każijiet ta’ deċiżjonijiet li jikkonstataw ksur u bil-kundizzjoni li jkun ġie stabbilit li l-ksur ta’ dan il-prinċipju ppreġudika d-drittijiet tad-difiża tal-impriżi kkonċernati. Għajr dan il-każ partikolari, in-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu li tingħata deċiżjoni f’terminu raġonevoli ma jkollu ebda impatt fuq il-validità tal-proċedura amministrattiva skont ir-Regolament Nru 1/2003 (sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2006, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il-Kummissjoni, C‑105/04 P, EU:C:2006:592, punt 42).

358    Fi kwalunkwe każ, anki jekk jiġu kkonstatati n-natura possibbilment eċċessiva tat-tul globali tal-proċedura amministrattiva u l-ksur tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli, tali konstatazzjoni ma hijiex suffiċjenti, fiha nnifisha, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 356 sa 357 iktar ’il fuq, sabiex jiġi konkluż li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata.

359    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li ġie deċiż li t-tul eċċessiv tal-ewwel fażi amministrattiva seta’ jkollu effett fuq il-possibbiltajiet futuri ta’ difiża tal-impriżi kkonċernati, b’mod partikolari billi titnaqqas l-effikaċja tad-drittijiet tad-difiża meta dawn kienu invokati fit-tieni fażi, minħabba d-dekorriment taż-żmien u tad-diffikultà li rriżultat minn dan fil-ġbir tal-provi li jiskaġunaw. Madankollu, f’tali każ jeħtieġ li l-impriżi kkonċernati juru b’mod suffiċjenti li huma affaċċjaw diffikultajiet sabiex jiddefendu ruħhom mill-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni billi speċifikaw liema huma d-dokumenti jew ix-xhieda li huma ma setgħux jitolbu u r-raġunijiet dan kien ta’ natura li jikkomprometti d-difiża tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Settembru 2006, Technische Unie vs Il-Kummissjoni, C‑113/04 P, EU:C:2006:593, punti 54 u 60 sa 71, u tad-29 ta’ Marzu 2011, ArcelorMittal Luxembourg vs Il-Kummissjoni u Il-Kummissjoni vs ArcelorMittal Luxembourg et, C‑201/09 P u C‑216/09 P, EU:C:2011:190, punt 118).

360    F’dan il-każ, minkejja li sostniet argument ibbażat fuq diffikultajiet sabiex tiġbor ċerti provi li jiskaġunaw, minħabba t-tluq ta’ wħud mill-impjegati tagħha, ir-rikorrenti naqset milli ssostni din l-allegazzjoni permezz ta’ provi konkreti. Fil-fatt, għalkemm hija ċertament tippreċiża d-data li fiha l-impjegati kkonċernati telqu mill-impriża, madankollu hija tonqos milli tindika r-raġunijiet preċiżi għalfejn kien kruċjali li tinkiseb informazzjoni mingħand dawn il-persuni għall-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża u, fuq kollox, iċ-ċirkustanzi li għalihom ma kienx iktar possibbli li tinkiseb informazzjoni mingħand dawn il-persuni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2011, Bavaria vs Il-Kummissjoni, T‑235/07, EU:T:2011:283, punt 331).

361    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma stabbilixxietx l-eżistenza ta’ preġudizzju għad-difiża tad-drittijiet tagħhom riżultanti mit-tul eċċessiv tal-proċedura amministrattiva.

362    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, it-tieni lment tat-tieni parti tar-raba’ motiv għandu jiġi miċħud, sa fejn dan jirrigwarda t-tul allegatament eċċessiv tal-proċedura amministrattiva.

363    Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li t-talbiet imqajma prinċipalment intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata għandhom jiġu miċħuda fl-intier tagħhom.

B.      Fuq it-talbiet, imqajma sussidjarjament, dwar l-ammont tal-multa

364    Permezz tat-tieni kap tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali, sussidjarjament, tnaqqas l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha skont l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, minħabba l-iffissar ta’ din il-multa għal ammont sproporzjonat. Hija tikkontesta, essenzjalment, l-ewwel nett, il-perċentwali tal-valur tal-bejgħ ikkunsidrat mill-Kummissjoni skont il-fattur ta’ gravità, it-tieni nett, it-tul tal-ksur u, it-tielet nett, id-deċiżjoni li jiġi inkluż, fl-ammont bażiku, ammont addizzjonali bħala dissważjoni. Permezz tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti tikkontesta l-ammont tal-multa minħabba l-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u titlob lill-Qorti Ġenerali sabiex tnaqqas l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha.

1.      Fuq it-talbiet intiżi għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa

a)      Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq in-natura allegatament sproporzjonata tal-koeffiċjent ta’ gravità ta’ [kunfidenzjali] % adottat mill-Kummissjoni

365    Insostenn tal-ewwel ilment, ir-rikorrenti ssostni li l-koeffiċjent ta’ gravità ta’ [kunfidenzjali] % adottat mill-Kummissjoni huwa sproporzjonat u li ebda raġuni ma tressqet fir-rigward tan-natura jew tal-gravità tal-aġir ikkritikat. Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tinvoka n-natura ġdida tal-aġir inkwistjoni. Fit-tieni lok, peress li t-traffiku fuq il-linja ferrovjarja diġà sar impossibbli sa mis-sospensjoni tat-traffiku fit-2 ta’ Settembru 2008, it-tneħħija tiegħu ma kellha ebda effett ta’ esklużjoni u ebda effett negattiv ieħor fuq il-konsolidazzjoni taż-żona ferrovjarja unika Ewropea, invokata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata. Fit-tielet lok, ma teżisti ebda ċertezza dwar il-probabbiltà li, fin-nuqqas tat-tneħħija tal-linja ferrovjarja, ix-xogħlijiet ta’ tiswija neċessarji kienu effettivament jitwettqu. Fir-raba’ lok, il-koeffiċjent ta’ gravità użat huwa sproporzjonat fid-dawl tal-prattika tal-Kummissjoni f’każijiet paragunabbli ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE.

366    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-premessi 377 sa 380 tad-deċiżjoni kkontestata, sabiex tiddetermina l-grad ta’ gravità tal-ksur inkwistjoni, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-erba’ elementi li ġejjin:

–        l-ewwel nett, in-natura tal-ksur, b’mod partikolari l-fatt li l-aġir li jikkonsisti fit-tneħħija ta’ linja ferrovjarja pubblika li tinsab bejn żewġ Stati Membri jippreġudika l-konsolidazzjoni tas-suq uniku, b’mod partikolari s-suq ferrovjarju uniku Ewropew;

–        it-tieni nett, is-sitwazzjoni fis-swieq rilevanti tar-rikorrenti, jiġifieri l-fatt li r-rikorrenti kienet l-uniku fornitur ta’ servizzi fil-Litwanja, kemm fis-suq, upstream, tal-ġestjoni tal-infrastrutturi ferrovjarji kif ukoll f’dak, downstream, tal-provvista ta’ servizzi ta’ trasport ferrovjarju ta’ prodotti petroliferi;

–        it-tielet nett, il-portata ġeografika tal-ksur, li kienet testendi għall-itinerarji ferrovjarji bejn ir-raffinerija u t-terminals marittimi ta’ Klaipėda, ta’ Riga u ta’ Ventspils, f’żewġ Stati Membri, jiġifieri l-Litwanja u l-Latvja;

–        ir-raba’ nett, il-modalitajiet ta’ implimentazzjoni effettiva tal-ksur, jiġifieri li l-aġir abbużiv tat-tneħħija tal-linja ferrovjarja kien beda fit-3 ta’ Ottubru 2008.

367    Fil-premessa 381 tad-deċiżjoni kkontestata, wara li bbilanċjat, minn naħa, il-portata ġeografika limitata tal-ksur u, min-naħa l-oħra, il-partijiet importanti ħafna tas-suq miżmuma mir-rikorrenti kif ukoll l-effett negattiv tal-ksur inkwistjoni fuq il-konsolidazzjoni tas-suq uniku, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li kellu jittieħed inkunsiderazzjoni, skont il-fattur ta’ gravità, kien ta’ [kunfidenzjali] %, li wassalha sabiex tistabbilixxi ammont ta’ EUR [kunfidenzjali].

368    F’dan il-każ, fl-ewwel lok, sa fejn ir-rikorrenti tirreferi għall-argumenti mressqa insostenn tal-ewwel parti tar-raba’ motiv dwar in-natura allegatament ġdida u mingħajr preċedent tal-kawża, u dan sabiex tikkontesta n-natura allegatament sproporzjonata tal-koeffiċjent ta’ gravità ta’ [kunfidenzjali] % adottat mill-Kummissjoni, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li n-natura abbużiva ta’ aġir bħal dak tar-rikorrenti, intiż sabiex iżomm lill-kompetituri remoti mis-suq, kienet, kif diġà ġie rrilevat fil-punt 339 iktar ’il fuq, ġiet ikkundannata diversi drabi mill-qrati tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2012, AstraZeneca vs Il-Kummissjoni, C‑457/10 P, EU:C:2012:770, punt 164). Għaldaqstant, tali aġir ma jistax jiġi kklassifikat bħala ġdid u r-rikorrenti ma tistax validament issostni li din hija kategorija ġdida ta’ abbuż li hija ma kinitx taf bin-natura illegali tagħha. Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti f’dan ir-rigward ma jistax iwassal sabiex jiġi kkunsidrat li l-koeffiċjent ta’ gravità ta’ [kunfidenzjali] % huwa sproporzjonat.

369    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument li jgħid li t-tneħħija tal-linja ferrovjarja ma kellha ebda effett ta’ esklużjoni u ebda effett negattiv ieħor fuq it-tkomplija tal-konsolidazzjoni tal-ispazju ferrovjarju uniku Ewropew, għandu jiġi rrilevat li, kif ġie deċiż fil-punt 233 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni qieset ġustament, fid-deċiżjoni kkontestata, li t-tneħħija tal-linja ferrovjarja bħala tali, indipendentement mis-sospensjoni minn qabel tat-traffiku fuqha, seta’ jkollha effetti antikompetittivi fis-suq. B’mod partikolari mill-eżami tat-tieni motiv jirriżulta li, kif ikkonstatat il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, it-tneħħija tal-linja ferrovjarja wasslet għal esklużjoni mis-suq tal-provvista ta’ servizzi ta’ trasport ferrovjarju ta’ prodotti petroliferi mir-raffinerija lejn it-terminals marittimi ta’ Klaipėda, ta’ Riga u ta’ Ventspils. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma tistax validament tinvoka l-assenza ta’ effetti ta’ esklużjoni jew negattivi sabiex turi li l-koeffiċjent ta’ gravità ta’ [kunfidenzjali] % huwa sproporzjonat.

370    Barra minn hekk, huwa b’mod żbaljat li r-rikorrenti ssostni li t-tneħħija tal-linja ferrovjarja ma kellha ebda effett ta’ esklużjoni u lanqas ebda effett negattiv ieħor fuq it-tkomplija tal-konsolidazzjoni tal-ispazju ferrovjarju Ewropew uniku. Kif irrilevat il-Kummissjoni, fil-premessa 361 tad-deċiżjoni kkontestata, it-tneħħija, mingħajr ġustifikazzjoni oġġettiva, ta’ sezzjoni ferrovjarja ta’ 19 km li tgħaqqad żewġ Stati Membri (f’dan il-każ ir-Repubblika tal-Litwanja u r-Repubblika tal-Latvja), li jista’ jipprekludi klijent importanti milli jirrikorri għas-servizzi ta’ operatur ferrovjarju ieħor, jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u jikkostitwixxi aġir li jidher li jmur kontra l-għanijiet li fuqhom hija bbażata l-konsolidazzjoni tas-suq uniku tas-servizzi ferrovjarji u, b’mod partikolari, tas-suq tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija tal-Unjoni. Fil-fatt, il-konsolidazzjoni ta’ tali suq tkun ostakolata jekk operatur ferrovjarju, li jgawdi minn pożizzjoni dominanti fis-suq, ikun jista’ jipproteġi lilu nnifsu mill-kompetizzjoni billi jneħħi, mingħajr ebda ġustifikazzjoni oġġettiva, infrastrutturi ferrovjarji pubbliċi li jgħaqqdu żewġ Stati Membri.

371    Għaldaqstant, huwa mingħajr ma wettqet żball li, fil-premessa 381 tad-deċiżjoni kkontestata, fid-dawl tan-natura tal-ksur u, b’mod partikolari, tal-fatt li t-tneħħija ta’ linja ferrovjarja pubblika li tinsab bejn żewġ Stati Membri tikkawża preġudizzju għall-konsolidazzjoni tas-suq ferrovjarju uniku Ewropew u fid-dawl tal-portata ġeografika limitata tal-ksur, il-Kummissjoni setgħet tikkunsidra li l-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li kellu jittieħed inkunsiderazzjoni skont il-fattur ta’ gravità f’dan il-każ seta’ jkun ta’ [kunfidenzjali] %.

372    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-argument li l-koeffiċjent tal-gravità ta’ [kunfidenzjali] % huwa wkoll sproporzjonat fid-dawl tal-prassi tal-Kummissjoni f’każijiet paragunabbli ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE u b’hekk kien jikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, jeħtieġ li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni ma tistax isservi bħala qafas ġuridiku għall-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni u li d‑deċiżjonijiet li jikkonċernaw kawżi oħra jagħtu biss indikazzjoni f’dak li jirrigwarda l-eżistenza possibbli ta’ ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, peress li huwa ftit probabbli li ċ-ċirkustanzi partikolari tagħhom, bħas-swieq, il-prodotti, l-impriżi u l-perijodi kkonċernati jkunu identiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Settembru 2006, JCB Service vs Il-Kummissjoni, C‑167/04 P, EU:C:2006:594, punti 201 u 205; tas‑7 ta’ Ġunju 2007, Britannia Alloys & Chemicals vs Il-Kummissjoni, C‑76/06 P, EU:C:2007:326, punt 60; u tas‑16 ta’ Ġunju 2011, Caffaro vs Il-Kummissjoni, T‑192/06, EU:T:2011:278, punt 46).

373    Madankollu, l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, li jipprekludi li sitwazzjonijiet paragunabbli jiġu ttrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament ġustifikat, għandu jiġi osservat mill-Kummissjoni meta timponi multa fuq impriża minħabba ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni bħalma għandu jiġi osservat minn kull istituzzjoni fl-attivitajiet kollha tagħha. Xorta jibqa’ l-fatt li d-deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni fil-qasam tal-multi jistgħu jkunu rilevanti fir-rigward tar-rispett tal-prinċipju ta’ trattament ugwali biss jekk jiġi pprovat li d-data ċirkustanzjali tal-kawżi relatati ma’ dawn id-deċiżjonijiet l-oħra, bħas-swieq, il-prodotti, il-pajjiżi, l-impriżi u l-perijodi kkonċernati, huma paragunabbli ma’ dawk inkwistjoni (ara s-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2012, E.ON Ruhrgas u E.ON vs Il-Kummissjoni, T‑360/09, EU:T:2012:332, punti 261 u 262 u l-ġurisprudenza ċċitata).

374    F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma wrietx li d-data ċirkustanzjali tal-kawżi marbuta mad-deċiżjonijiet preċedenti li hija tinvoka huma paragunabbli ma’ dawk ta’ dan il-każ. Fil-fatt, ir-rikorrenti tinvoka d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal‑20 ta’ Settembru 2016, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE u tal-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE (Każ AT.39759 – ARA Għeluq tas-suq). F’dan ir-rigward, għandu madankollu jiġi kkonstatat li din id-deċiżjoni kienet tikkonċerna aġir abbużiv li ma huwiex paragunabbli, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, ma’ dak li huwa s-suġġett ta’ din il-kawża. Fil-fatt, din il-kawża preċedenti kienet tikkonċerna rifjut ta’ aċċess għal infrastruttura essenzjali, filwaqt li, fil-każ odjern, ġie stabbilit, fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel motiv tar-rikors, li t-tneħħija tal-linja ferrovjarja, bil-għan li jinżammu l-kompetituri ’il bogħod mis-suq billi dawn jingħataw aċċess għas-suq taħt kundizzjonijiet inqas vantaġġużi, ma setgħetx tiġi analizzata bħala tali. Bl-istess mod, fir-rigward tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat‑13 ta’ Mejju 2009, dwar proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu [102 TFUE] u tal-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/C 3/37.990 – Intel), filwaqt li tenfasizza li l-aġir ikkontestat minn din id-deċiżjoni kien jikkonċerna skontijiet kundizzjonali, ir-rikorrenti stess turi li d-data ċirkustanzjali ta’ din il-kawża ma hijiex paragunabbli ma’ dik tal-kawża odjerna. Konsegwentement, dawn id-deċiżjonijiet ma humiex rilevanti fir-rigward tal-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

375    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma kisritx il-prinċipju ta’ proporzjonalità meta ffissat għal [kunfidenzjali] % l-proporzjon tal-valur tal-bejgħ ikkunsidrat skont il-fattur ta’ gravità għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont bażiku tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti.

b)      Fuq it-tieni lment, sa fejn jirrigwarda t-tul eċċessiv tal-ksur minħabba għażla żbaljata fir-rigward tad-data tal-bidu tiegħu

376    Fir-rigward tal-argumenti intiżi li jikkontestaw it-tul tal-ksur minħabba d-data tal-bidu magħżula mill-Kummissjoni, għandu jitfakkar li, fid-deċiżjoni kkontestata, wara li kkonstatat li l-ksur kien beda fit-3 ta’ Ottubru 2008 u kien għadu għaddej fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ffissat għal disgħa l-koeffiċjent multiplikatur li għandu jiġi applikat għall-proporzjon tal-valur tal-bejgħ użat.

377    Għalhekk, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-argument tar-rikorrenti li hija kienet ħadet id-deċiżjoni li ma terġax tibni l-linja ferrovjarja biss wara d-deċiżjoni arbitrali tas-17 ta’ Diċembru 2010 diġà ġie miċħud fil-kuntest tal-analiżi tat-tieni motiv tar-rikors. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma tistax tinvoka din id-deċiżjoni ta’ arbitraġġ sabiex issostni li hija ma kinitx iktar obbligata li tibni mill-ġdid il-linja ferrovjarja.

378    Minn dan jirriżulta li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ġustament ikkonstatat li l-ksur kien beda fit-3 ta’ Ottubru 2008 meta r-rikorrenti kienet bdiet tikkanċella l-linja ferrovjarja, u li kienet it-tneħħija tal-linja ferrovjarja, indipendentement mis-sospensjoni tat-traffiku, li seta’ jkollha effetti antikompetittivi. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma wettqitx żbalji meta stabbilixxiet għal disgħa l-multiplikatur li għandu jiġi applikat għall-proporzjon tal-valur tal-bejgħ ikkunsidrat sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul tal-ksur.

379    Fir-rigward tat-talba mressqa mir-rikorrenti sabiex titnaqqas b’mod sostanzjali l-multa imposta fuqha, minħabba t-tul eċċessiv tal-proċedura amministrattiva, huwa suffiċjenti li jitfakkar, sabiex din tiġi miċħuda, li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, għalkemm il-ksur tal-prinċipju ta’ osservanza tat-terminu raġonevoli mill-Kummissjoni jista’ jiġġustifika l-annullament ta’ deċiżjoni meħuda fi tmiem proċedura amministrattiva bbażata fuq l-Artikolu 101 jew 102 TFUE peress li hija twassal ukoll għal ksur tad-drittijiet tad-difiża tal-impriża kkonċernata, tali ksur tal-prinċipju ta’ osservanza tat-terminu raġonevoli, anki jekk jiġi preżunt li ġie stabbilit, ma jistax iwassal għal tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta (ara s-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2017, Villeroy & Boch vs Il-Kummissjoni, C‑644/13 P, EU:C:2017:59, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata).

380    Barra minn hekk, ġie deċiż ukoll li talba għad-danni mressqa kontra l-Unjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 268 u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE tikkostitwixxi, sa fejn tista’ tkopri s-sitwazzjonijiet kollha fejn ikun inqabeż żmien raġonevoli fi proċedura, rimedju effettiv u ta’ applikazzjoni ġenerali sabiex jiġi invokat u ssanzjonat tali ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 2013, Groupe Gascogne vs Il-Kummissjoni, C‑58/12 P, EU:C:2013:770, punt 82).

c)      Fuq it-tielet ilment, ibbażat fuq l-allegata natura sproporzjonata tal-ammont addizzjonali ta’ [kunfidenzjali] % adottat mill-Kummissjoni

381    Permezz tat-tielet ilment tagħha, ir-rikorrenti tafferma li l-applikazzjoni ta’ ammont addizzjonali ta’ dissważjoni ta’ [kunfidenzjali] % hija wkoll sproporzjonata. L-ewwel nett, peress li l-kawża kienet ġdida skont ir-rikorrenti, hija ma kinitx f’pożizzjoni li tipprevedi l-applikazzjoni ta’ kriterju ġuridiku ġdid u ħafna inqas strett. Sussegwentement, il-Kummissjoni ma imponietx ammont addizzjonali fir-rigward ta’ ksur awtonomu skont l-Artikolu 102 TFUE fl-ebda kawża oħra u ma pprovdiet ebda element li jippermetti li jiġi spjegat għaliex hija ma segwietx il-prassi preċedenti tagħha. Barra minn hekk, l-ammont tal-multa huwa diġà dissważiv, fid-dawl tad-daqs tal-impriża, tal-metodu ta’ finanzjament u tal-profitt tagħha. Fl-aħħar nett, kull fattur ta’ dissważjoni għandu jitnaqqas għar-raġunijiet esposti fir-rigward tal-fattur ta’ gravità.

382    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, fil-premessa 383 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni enfasizzat li, skont il-punt 25 tal-linji gwida tal-2006, indipendentement mit-tul tal-parteċipazzjoni fil-ksur tal-impriża inkwistjoni, hija setgħet tinkludi fl-ammont bażiku tal-multa ammont addizzjonali li ma jaqbiżx 25 % tal-valur tal-bejgħ bħala dissważjoni. Hija fakkret ukoll, fl-istess premessa, li, sabiex jiġi ddeterminat il-valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni f’każ inkwistjoni, hija kienet tieħu inkunsiderazzjoni ċertu numru ta’ fatturi u, b’mod partikolari, dawk imsemmija fil-paragrafu 22 tal-linji gwida tal-2006. Fil-premessa 384 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni għalhekk imponiet, fid-dawl tan-natura tal-ksur (ara l-premessa 377 tad-deċiżjoni kkontestata), ammont addizzjonali ta’ [kunfidenzjali] % tal-valur tal-bejgħ, jiġifieri EUR [kunfidenzjali].

383    Fir-rigward tal-ewwel argument, għandu jiġi kkonstatat li dan ma huwiex differenti minn dak imressaq insostenn tal-ewwel ilment tat-tieni parti tar-raba’ motiv sabiex tiġi kkontestata l-gravità tal-ksur. Sa fejn dan l-argument ġie miċħud fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel ilment tat-tieni parti tar-raba’ motiv, dan għandu wkoll jiġi miċħud sa fejn huwa intiż li jikkontesta n-natura sproporzjonata tal-ammont addizzjonali ta’ [kunfidenzjali] %.

384    Fir-rigward tat-tieni argument, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma imponietx ammont addizzjonali fir-rigward ta’ ksur awtonomu, skont l-Artikolu 102 TFUE, f’ebda każ ieħor u ma pprovdiet ebda element li jippermetti li jiġi spjegat għaliex hija tbiegħdet mill-prassi preċedenti tagħha, għandu jitfakkar li, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kienet diġà applikat ammont addizzjonali fir-rigward ta’ ksur awtonomu, skont l-Artikolu 102 TFUE, f’mill-inqas deċiżjoni adottata f’data preċedenti, jiġifieri d-Deċiżjoni C(2017) 4444 final, tas-27 ta’ Ġunju 2017, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE [Każ AT.39740 – Tfittxija Google (Shopping)]. Barra minn hekk, għandu jitfakkar, minn naħa, li, skont ġurisprudenza stabbilita u bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, il-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni ma sservix bħala qafas legali għall-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni u, min-naħa l-oħra, li l-Kummissjoni għandha, fil-kuntest tar-Regolament Nru 1/2003, marġni ta’ diskrezzjoni fl-iffissar tal-ammont tal-multi sabiex torjenta l-aġir tal-impriżi fis-sens tal-osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni u s-setgħa f’kull mument li tadatta l-livell tal-multi għall-ħtiġijiet ta’ din il-linja politika (sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2011, Bavaria vs Il-Kummissjoni, T‑235/07, EU:T:2011:283, punt 288; ara, ukoll, is-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2011, Heineken Nederland u Heineken vs Il-Kummissjoni, T‑240/07, EU:T:2011:284, punt 345 u l-ġurisprudenza ċcitata). Minn dan isegwi li mhux biss din il-prassi tal-Kummissjoni ma kinitx ġdida u li, fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata tressaq, fid-deċiżjoni kkontestata, raġunijiet intiżi sabiex jispjegaw għalfejn, jekk ikun il-każ, hija ma segwietx il-prassi preċedenti tagħha.

385    Barra minn hekk, il-punt 25 tal-linji gwida tal-2006 jipprovdi li ammont addizzjonali jista’ jiġi impost fil-każ ta’ ksur li ma huwiex relatat ma’ akkordji. Dan il-paragrafu jipprovdi li:

“[I]ndipendentement mit-tul tal-parteċipazzjoni ta’ impriża għall-ksur, il-Kummissjoni għandha tinkludi fl-ammont bażiku somma ta’ bejn 15 % u 25 % tal-valur tal-bejgħ kif iddefinit fit-Taqsima A iktar ’il fuq, sabiex tiddisswadi lill-impriżi milli jipparteċipaw għall-ftehim orizzontali tal-iffissar tal-prezzijiet, ta’ tqassim tas-suq u tal-limitazzjoni tal-produzzjoni. Il-Kummissjoni tista’ wkoll tapplika tali ammont addizzjonali fil-każ ta’ ksur ieħor. Sabiex jiġi deċiż il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni f’każ partikolari, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċertu numru ta’ fatturi, b’mod partikolari dawk identifikati fil-punt 22” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

386    F’dan il-każ, il-Kummissjoni, konformement mal-paragrafu 22 tal-linji gwida tal-2006, iġġustifikat l-applikazzjoni tal-ammont addizzjonali fid-dawl tan-natura tal-ksur u, b’mod partikolari, tal-fatt li dan tal-aħħar, li jikkonsisti fit-tneħħija ta’ linja ferrovjarja pubblika li tinsab bejn żewġ Stati Membri, kien jippreġudika l-konsolidazzjoni tas-suq uniku, u b’mod partikolari tas-suq ferrovjarju uniku Ewropew (premessi 377 u 384 tad-deċiżjoni kkontestata).

387    Fir-rigward tat-tielet argument imqajjem mir-rikorrenti, li l-multa hija ta’ portata mingħajr preċedent għal kumpannija ferrovjarja żgħira li tagħmel biss profitt minimu, jew anki null, għandu jitfakkar li r-rikorrenti hija l-kumpannija nazzjonali tal-linja ferrovjarja tal-Litwanja, li hija tgawdi minn monopolju legali fil-Litwanja fuq il-ġestjoni tal-infrastrutturi ferrovjarji u minn monopolju de facto fis-suq tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija fil-Litwanja u li, fl-2016, id-dħul mill-bejgħ totali tagħha kien jammonta, kif jirriżulta mill-premessa 5 tad-deċiżjoni kkontestata, għal EUR 409.5 miljun. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, hija ma tistax tiġi kklassifikata bħala kumpannija ferrovjarja żgħira. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata li tnaqqas l-ammont tal-multi meta l-impriżi kkonċernati jkunu żgħar jew medji. Id-daqs tal-impriża hu, fil-fatt, meħud inkunsiderazzjoni fil-limitu massimu ffissat mill-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 u fid-dispożizzjonijiet tal-linji gwida tal‑2006. Minn barra dawn il-kunsiderazzjonijiet fir-rigward tad-daqs, ma hemm ebda raġuni sabiex wieħed jittratta l-impriżi żgħar jew medji b’mod differenti minn impriżi oħra. Il-fatt li l‑impriżi kkonċernati jkunu ta’ daqs żgħir u medju ma jeżentahomx mid-dmir tagħhom li jirrispettaw ir-regoli tal-kompetizzjoni (sentenza tat‑28 ta’ April 2010, Amann & Söhne u Cousin Filterie vs Il-Kummissjoni, T‑446/05, EU:T:2010:165, punt 200).

388    Fl-aħħar nett, sa fejn, permezz tar-raba’ argument tagħha, ir-rikorrenti tfittex li titlob tnaqqis tal-ammont addizzjonali inkluż fl-ammont bażiku minħabba t-tul allegatament eċċessiv tal-proċedura amministrattiva, għandu jiġi kkonstatat li dan l-argument għandu jiġi miċħud għall-istess raġunijiet bħal dawk żviluppati fil-punti 379 u 380 iktar ’il fuq.

2.      Fuq id-determinazzjoni tal-ammont finali tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni sħiħa

389    Preliminarjament, għandu jitfakkar li huwa biss wara li l-qorti tal-Unjoni tkun lestiet l-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni li tkun tressqet quddiemha, fid-dawl tal-motivi li ġew ippreżentati lilha bħal dawk li hija tkun, jekk ikun il-każ, qajmet ex officio, li jkun imissha, fl-assenza ta’ annullament totali ta’ din id-deċiżjoni, li teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha sabiex, minn naħa, tislet il-konsegwenzi tas-sentenza tagħha dwar il-legalità ta’ din l-istess deċiżjoni u, min-naħa l-oħra, li skont il-provi prodotti quddiemha, tiddetermina jekk hemmx lok, fid-data li fiha din tadotta d-deċiżjoni tagħha, li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni bl-evalwazzjoni tagħha, b’tali mod li l-ammont tal-multa ikun addattat (ara s-sentenzi tas‑17 ta’ Diċembru 2015, Orange Polska vs Il-Kummissjoni, T‑486/11, EU:T:2015:1002, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑12 ta’ Lulju 2019, Hitachi-LG Data Storage u Hitachi-LG Data Storage Korea vs Il-Kummissjoni, T‑1/16, EU:T:2019:514, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

390    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, meta teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, il-qorti tal-Unjoni għandha s-setgħa, lil hinn mis-sempliċi stħarriġ tal-legalità tas-sanzjoni, tissostitwixxi, għad-determinazzjoni tal-ammont ta’ din is-sanzjoni, l-evalwazzjoni tagħha ma’ dik tal-Kummissjoni, awtur tal-att li fih kien iffissat inizjalment dan l-ammont, bl-esklużjoni, madankollu, ta’ kwalunkwe modifika tal-elementi li jikkostitwixxu l-ksur legalment ikkonstatat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni li biha hija adita l-Qorti Ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2016, Galp Energía España et vs Il-Kummissjoni, C‑603/13 P, EU:C:2016:38, punti 75 sa 77).

391    Konsegwentement, il-qorti tal-Unjoni tista’ tirriforma l-att ikkontestat, barra minn hekk, anki fl-assenza ta’ annullament, sabiex tħassar jew tnaqqas jew iżżid il-multa imposta, peress li l-eżerċizzju ta’ din il-ġurisdizzjoni jinvolvi t-trasferiment definittiv lil din tal-aħħar tas-setgħa li timponi sanzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, EU:C:2002:582, punti 692 u 693; tat-3 ta’ Settembru 2009, Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, C‑534/07 P, EU:C:2009:505, punt 86; u d-digriet tas‑7 ta’ Lulju 2016, Westfälische Drahtindustrie u Pampus Industriebeteiligungen vs Il-Kummissjoni, C‑523/15 P, EU:C:2016:541, punti 32 sa 34).

392    L-evalwazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, tan-natura xierqa tal-ammont tal-multi fid-dawl tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003 tista’ tiġġustifika l-produzzjoni u t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ elementi addizzjonali ta’ informazzjoni li ma humiex imsemmija fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponi l-multa (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Novembru 2000, Stora Kopparbergs Bergslags vs il-Kummissjoni, C‑286/98 P, EU:C:2000:630, punt 57, u tat‑12 ta’ Lulju 2011, Fuji Electric vs Il-Kummissjoni, T‑132/07, EU:T:2011:344, punt 209).

393    Għaldaqstant, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tiddetermina l-ammont tal-multa, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Settembru 2013, Alliance One International vs Il-Kummissjoni, C‑679/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:606, punt 104, u tas‑16 ta’ Ġunju 2011, Putters International vs Il-Kummissjoni, T‑211/08, EU:T:2011:289, punt 75).

394    Dan l-eżerċizzju jippreżumi, skont l-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, li tittieħed inkunsiderazzjoni l-gravità tal-ksur imwettaq mir-rikorrenti kif ukoll it-tul tiegħu, fl-osservanza, b’mod partikolari, tal-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ individwalizzazzjoni tas-sanzjonijiet u ta’ ugwaljanza fit-trattament, peress li l-Qorti Ġenerali min-naħa l-oħra ma hijiex marbuta bir-regoli indikattivi ddefiniti mill-Kummissjoni fil-linji gwida tal-2006 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2016, Galp Energía España et vs Il-Kummissjoni, C‑603/13 P, EU:C:2016:38, punt 90 u l-ġurisprudenza ċċitata).

395    Minn dan jirriżulta li, fi ħdan il-limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ totali tal-impriża kkonċernata matul is-sena kummerċjali preċedenti, is-setgħa ta’ evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali hija limitata biss mill-kriterji relatati mal-gravità u mat-tul tal-ksur, stabbiliti fl-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, li jagħti marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ lill-awtorità kompetenti, bla ħsara, naturalment, għall-osservanza tal-prinċipji mfakkra fil-punt 394 iktar ’il fuq.

396    B’kunsiderazzjoni ta’ dan, fil-kuntest tal-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tispjega b’mod iddettaljat il-fatturi li hija tieħu inkunsiderazzjoni meta tiffissa l-ammont tal-multa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2016, Trafilerie Meridionali vs Il-Kummissjoni, C‑519/15 P, EU:C:2016:682, punt 52).

397    F’dan il-każ, minn naħa, fir-rigward tal-applikazzjoni tal-kriterju legali tal-gravità tal-ksur, hija ġurisprudenza stabbilita li l-iffissar ta’ multa mill-Qorti Ġenerali ma huwiex eżerċizzju aritmetiku preċiż (sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 2011, Romana Tabacchi vs Il-Kummissjoni, T‑11/06, EU:T:2011:560, punt 266, u tal-15 ta’ Lulju 2015, SLM u Ori Martin vs Il-Kummissjoni, T‑389/10 u T‑419/10, EU:T:2015:513, punt 436).

398    Madankollu, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tiddetermina l-ammont tal-multa li jkun proporzjonat, fir-rigward tal-kriterji li hija tqis adegwati, għall-gravità tal-ksur imwettaq mir-rikorrenti u li jkun ukoll suffiċjentement dissważiv.

399    Il-Qorti Ġenerali tqis xieraq li tieħu inkunsiderazzjoni, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, in-natura tal-ksur, is-sitwazzjoni ta’ LG fis-swieq rilevanti kif ukoll il-portata ġeografika ta’ dan il-ksur.

400    Qabel kollox, fir-rigward tan-natura tal-ksur, hemm lok li jiġi rrilevat li mill-atti tal-proċess jirriżulta li l-iżmantellament sħiħ tal-parti tal-itinerarju qasir ta’ 19 km li fuqha t-traffiku kien ġie inizjalment sospiż u li kien jippermetti li jittieħed l-itinerarju iqsar u l-inqas oneruż sabiex ir-raffinerija tal-intervenjenti tiġi kkollegata ma’ terminal marittimu Latvjan jista’ jkollu effett antikompetittiv ta’ esklużjoni tal-kompetizzjoni fis-suq tal-provvista ta’ servizzi ta’ trasport ferrovjarju ta’ prodotti petroliferi, bejn ir-raffinerija u t-terminals marittimi ġirien, billi joħloq ostakoli għad-dħul fis-suq mingħajr ma teżisti ġustifikazzjoni oġġettiva għalihom.

401    Sussegwentement, fir-rigward tas-sitwazzjoni ta’ LG fis-swieq rilevanti, għandu jiġi rrilevat li din tal-aħħar kienet f’sitwazzjoni ta’ monopolju fis-suq, upstream, tal-ġestjoni tal-infrastrutturi ferrovjarji fil-Litwanja u l-unika impriża attiva fis-suq, downstream, tal-provvista ta’ servizzi ta’ trasport ferrovjarju ta’ prodotti petroliferi, fatt li, għaldaqstant, kien jagħtiha pożizzjoni monopolistika f’dan is-suq. Minħabba din il-pożizzjoni, LG kellha responsabbiltà partikolari li ma tippreġudikax, bl-aġir tagħha, kompetizzjoni effettiva u li ma toħloqx distorsjonijiet fis-suq komuni.

402    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-portata ġeografika tal-ksur, għandu jiġi kkonstatat li dan tal-aħħar, minkejja li kellu impatt fuq parti mit-territorju ta’ żewġ Stati Membri, jibqa’ madankollu relattivament limitat. Fil-fatt, it-tneħħija tal-linja ferrovjarja kkonċernat biss parti minn linja li tippermetti li tiġi żgurata waħda mid-diversi konnessjonijiet ferrovjarji possibbli bejn il-Latvja u l-Litwanja.

403    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tat-tul tal-ksur, għandu jiġi rrilevat li dan beda fit-3 ta’ Ottubru 2008 u kompla sad-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

404    Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali tqis li tkun saret evalwazzjoni ġusta tal-gravità tal-ksur u tat-tul tiegħu jekk l-ammont tal-multa jiġi ffissat għal EUR 20 068 650.

405    Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-ammont tal-multa huwa xieraq, fid-dawl tal-ħtieġa li tiġi imposta fuq ir-rikorrenti multa ta’ ammont dissważiv.

406    Konsegwentement, l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti għandu jkun ta’ EUR 20 068 650.

 Fuq l-ispejjeż

407    Skont l-Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom.

408    F’dan il-każ, hemm lok li r-rikorrenti u l-Kummissjoni jbatu l-ispejjeż tagħhom.

409    Barra minn hekk, skont l-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ tordna li intervenjent, minbarra dawk imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-artikolu, għandu jbati l-ispejjeż tiegħu. F’dan il-każ, hemm lok li jiġi deċiż li Orlen għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-ammont tal-multa imposta fuq Lietuvos geležinkeliai AB skont l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea C(2017) 6544 final, tat2 ta’ Ottubru 2017, dwar proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE (Każ AT.39813 – Baltic Rail) huwa ta’ EUR 20 068 650.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Lietuvos geležinkeliai u l-Kummissjoni għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

4)      Orlen Lietuva AB għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Papasavvas

Kanninen

Półtorak

Porchia

 

      Stancu

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-18 ta’ Novembru 2020.

Firem


Werrej


Fuq l-ispejjeż


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.