Language of document : ECLI:EU:T:2024:329

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża)

29 ta’ Mejju 2024 (*)

“Ambjent – Attivitajiet ta’ estrazzjoni tal-linjite f’minjiera miftuħa – Minjiera tal-linjite ta’ Turów (il-Polonja) – Dritt istituzzjonali – Nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja li jistabbilixxi ordni – Pagamenti ta’ penalità – Irkupru ta’ krediti permezz ta’ tpaċija – Artikolu 101(1) u Artikolu 102 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 – Tħassir tal-kawża prinċipali – Assenza ta’ effett retroattiv fuq il-miżuri provviżorji ordnati – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawżi T‑200/22 u T‑314/22,

Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn B. Majczyna, bħala aġent,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J. Estrada de Solà, O. Verheecke u K. Herrmann, bħala aġenti,

konvenuta,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża),

komposta minn A. Marcoulli, Presidenta tal-Awla, V. Tomljenović, R. Norkus, W. Valasidis (Relatur) u L. Spangsberg Grønfeldt, Imħallfin,

Reġistratur: V. Di Bucci,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara li rat l-assenza ta’ talba għall-iffissar ta’ seduta mressqa mill-partijiet fi żmien tliet ġimgħat min-notifika tal-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u peress li ddeċidiet, b’applikazzjoni tal-Artikolu 106(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tiddeċiedi l-kawża mingħajr fażi orali tal-proċedura,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikorsi tagħha bbażati fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-Repubblika tal-Polonja titlob l-annullament, fil-Kawża T‑200/22, tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea tas-7 u tat-8 ta’ Frar 2022, tas-16 u tal-31 ta’ Marzu 2022, u, fil-Kawża T‑314/22, tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Mejju 2022 (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien, id-“deċiżjonijiet ikkontestati”), li permezz tagħhom il-Kummissjoni rkuprat permezz ta’ tpaċija s-somom dovuti minnha bħala pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum imposti mill-Viċi Presidenta tal-Qorti tal-Ġustizzja fid-digriet tagħha tal-20 ta’ Settembru 2021, Ir-Repubblika Ċeka vs Il-Polonja (C‑121/21 R, EU:C:2021:752), għall-perijodi ta’ bejn, minn naħa, l-20 ta’ Settembru 2021 u s-17 ta’ Jannar 2022 u ta’ bejn, min-naħa l-oħra, it-18 ta’ Jannar 2022 u t-3 ta’ Frar 2022.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

2        Fis-26 ta’ Frar 2021, ir-Repubblika Ċeka ppreżentat rikors skont l-Artikolu 259 TFUE intiż sabiex jiġi kkonstatat li r-Repubblika tal-Polonja kienet naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-dritt tal-Unjoni minħabba l-estensjoni u t-titwil tal-attivitajiet ta’ estrazzjoni tal-linjite fil-minjiera miftuħa ta’ Turów (il-Polonja), li tinsab qrib il-fruntieri tar-Repubblika Ċeka u tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja (Kawża C‑121/21).

3        B’mod parallel, ir-Repubblika Ċeka ressqet talba tagħha għal miżuri provviżorji intiża sabiex ir-Repubblika tal-Polonja tiġi ordnata, sakemm tingħata s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-mertu, twaqqaf immedjatament l-attivitajiet ta’ estrazzjoni tal-linjite fil-minjiera ta’ Turów.

4        Permezz ta’ digriet tal-21 ta’ Mejju 2021, Ir-Repubblika Ċeka vs Il-Polonja (C‑121/21 R, EU:C:2021:420), il-Viċi Presidenta tal-Qorti tal-Ġustizzja laqgħet din it-talba u ordna lir-Repubblika tal-Polonja twaqqaf, immedjatament u sakemm tingħata s-sentenza li ttemm l-istanza fil-Kawża C‑121/21, l-attivitajiet ta’ estrazzjoni f’din il-minjiera.

5        Peress li qieset li r-Repubblika tal-Polonja ma kinitx ikkonformat ruħha mal-obbligi tagħha taħt id-digriet tal-21 ta’ Mejju 2021, Ir-Repubblika Ċeka vs Il-Polonja (C‑121/21 R, EU:C:2021:420), ir-Repubblika Ċeka ressqet, fis-7 ta’ Ġunju 2021, talba ġdida għal miżuri provviżorji intiżi sabiex ir-Repubblika tal-Polonja tiġi kkundannata tħallas pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum ta’ EUR 5 miljuni lill-baġit tal-Unjoni.

6        Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Ġunju 2021, ir-Repubblika tal-Polonja talbet li d-digriet tal-21 ta’ Mejju 2021, Ir-Repubblika Ċeka vs Il-Polonja (C‑121/21 R, EU:C:2021:420), jiġi rrevokat, skont l-Artikolu 163 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

7        Permezz ta’ digriet tal-20 ta’ Settembru 2021, Ir-Repubblika Ċeka vs Il-Polonja (C‑121/21 R, EU:C:2021:752), il-Viċi Presidenta tal-Qorti tal-Ġustizzja, minn naħa, ċaħdet it-talba tar-Repubblika tal-Polonja intiża sabiex id-digriet tal-21 ta’ Mejju 2021, Ir-Repubblika Ċeka vs Il-Polonja (C‑121/21 R, EU:C:2021:420), jiġi rrevokat u, min-naħa l-oħra, ikkundannat lir-Repubblika tal-Polonja tħallas lill-Kummissjoni pagamenti ta’ penalità ta’ EUR 500 000 kuljum, mid-data tan-notifika ta’ dan id-digriet lir-Repubblika tal-Polonja u sakemm dan l-Istat Membru josserva d-digriet tal-21 ta’ Mejju 2021, Ir-Repubblika Ċeka vs Il-Polonja (C‑121/21 R, EU:C:2021:420).

 Fuq il-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

8        Permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Ottubru 2021, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Pollakki jipprovdu provi tal-waqfien tal-attivitajiet ta’ estrazzjoni ta’ linjite fil-minjiera ta’ Turów. Hija ppreċiżat, fl-istess ittra, li, fil-każ ta’ assenza ta’ produzzjoni ta’ dawn il-provi, hija kienet sejra tibgħat, mit-3 ta’ Novembru 2021 u fi tmiem kull perijodu ta’ tletin jum kalendarju, talbiet għal ħlas b’eżekuzzjoni tad-digriet tal-20 ta’ Settembru 2021, Ir-Repubblika Ċeka vs Il-Polonja (C‑121/21 R, EU:C:2021:752).

9        Permezz ta’ diversi ittri maħruġa bejn il-5 ta’ Novembru 2021 u t-8 ta’ Marzu 2022, il-Kummissjoni talbet lir-Repubblika tal-Polonja tħallas id-diversi somom dovuti bħala pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum.

10      Sussegwentement, il-Kummissjoni intimat lir-Repubblika tal-Polonja tħallas l-imsemmija somom flimkien mal-interessi moratorji u indikatilha li, fil-każ ta’ nuqqas ta’ ħlas, hija kienet ser tirkupra l-imsemmija somom permezz ta’ tpaċija, abbażi tal-Artikolu 101(1) u tal-Artikolu 102 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU 2018, L 193, p. 1 u rettifika fil-ĠU 2019, L 60, p. 36, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Finanzjarju”).

11      Permezz tad-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Kummissjoni informat lill-Polonja li hija kienet sejra tpaċi d-dejn tagħha ma diversi krediti li l-Polonja kellha fil-konfront tal-Unjoni. Is-somma hekk irkuprata permezz ta’ tpaċija kienet tammonta għal kapital ta’ EUR 68 500 000, u kienet tikkorrispondi għall-pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum dovuti għall-perijodu mill-20 ta’ Settembru 2021 sat-3 ta’ Frar 2022.

 Ilftehim bonarju u t-tħassir tal-Kawża C121/21

12      Fit-3 ta’ Frar 2022, ir-Repubblika Ċeka u r-Repubblika tal-Polonja kkonkludew ftehim intiż sabiex itemm it-tilwima li tat lok għall-Kawża C‑121/21 (iktar ’il quddiem il-“ftehim bonarju”).

13      Fl-4 ta’ Frar 2022, iż-żewġ Stati Membri informaw lill-Qorti tal-Ġustizzja li huma kienu qed jirrinunzjaw għat-talbiet kollha tagħhom fil-Kawża C‑121/21 b’konsegwenza tal-ilħuq tal-ftehim bonarju. Fl-istess jum, l-awtoritajiet Pollakki talbu lill-Kummissjoni ttemm il-proċedura ta’ eżekuzzjoni tal-pagamenti ta’ penalità imposti mill-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li hemżu, mat-talba tagħhom, it-test ta’ dan il-ftehim bonarju.

14      Permezz ta’ digriet tal-4 ta’ Frar 2022, Ir-Repubblika Ċeka vs Il-Polonja (Minjiera ta’ Turów), C‑121/21, mhux ippubblikat, EU:C:2022:82) il-Kawża C‑121/21 ġiet imħassra. L-imsemmi digriet ta’ tħassir ġie nnotifikat lill-Kummissjoni fit-8 ta’ Frar 2022.

15      Fl-istess jum, ir-Repubblika tal-Polonja ressqet talba, skont l-Artikolu 163 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, intiża għar-revoka tad-digriet tal-20 ta’ Settembru 2021, Ir-Repubblika Ċeka vs Il-Polonja (C‑121/21 R, EU:C:2021:752).

16      Fl-11 ta’ Frar 2022, l-awtoritajiet Pollakki talbu, mill-ġdid, lill-Kummissjoni ttemm il-proċedura ta’ eżekuzzjoni tal-pagamenti ta’ penalità u tirtira l-ewwel u t-tieni deċiżjonijiet ikkontestati minħabba t-tħassir tal-Kawża C‑121/21 mir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja.

17      Bi tweġiba għall-ittri tal-4 u tal-11 ta’ Frar 2022, il-Kummissjoni indikat lill-awtoritajiet Pollakki, fit-22 ta’ Frar 2022, li, sakemm id-digriet tal-20 ta’ Settembru 2021, Ir-Repubblika Ċeka vs Il-Polonja (C‑121/21 R, EU:C:2021:752), ma jiġix “annullat”, hija kellha l-intenzjoni li tkompli bl-irkupru permezz ta’ tpaċija tas-somom dovuti fit-3 ta’ Frar 2022.

18      Permezz ta’ digriet tad-19 ta’ Mejju 2022, Ir-Repubblika Ċeka vs Il-Polonja (Minjiera ta’ Turów) (C‑121/21 R, mhux ippubblikat, EU:C:2022:408), it-talba tar-Repubblika tal-Polonja intiża għar-revoka tad-digriet tal-20 ta’ Settembru 2021, Ir-Repubblika Ċeka vs Il-Polonja (C‑121/21 R, EU:C:2021:752), ġiet miċħuda.

 It-talbiet tal-partijiet

19      Ir-Repubblika tal-Polonja titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjonijiet ikkontestati;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

20      Il-Kummissjoni essenzjalment titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-Repubblika tal-Polonja għall-ispejjeż.

 Id-dritt

21      Wara li l-partijiet nstemgħu fuq dan il-punt, il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li tgħaqqad dawn il-kawżi għall-finijiet tas-sentenza, konformement mal-Artikolu 68(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

22      Insostenn tar-rikorsi tagħha għal annullament, ir-Repubblika tal-Polonja tqajjem żewġ motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 101(1) u tal-Artikolu 102 tar-Regolament Finanzjarju, moqrija flimkien mal-Artikolu 98 tal-istess regolament, u, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 296 TFUE, kif ukoll tal-Artikolu 41(2)(c) u tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 101 u 102 tar-Regolament Finanzjarju, moqrija flimkien mal-Artikolu 98 tal-istess regolament

23      Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li, billi adottat id-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Kummissjoni marret lil hinn mis-setgħat mogħtija lilha mill-Artikoli 101 u 102 tar-Regolament Finanzjarju, moqrija flimkien mal-Artikolu 98 tal-istess regolament.

24      B’mod partikolari, ir-Repubblika tal-Polonja tallega li l-konklużjoni tal-ftehim bonarju u t-tħassir tal-Kawża C‑121/21 kellhom bħala konsegwenza l-waqfien retroattiv tal-effetti tal-miżuri provviżorji ordnati f’dik il-kawża. Hija tqis li tali interpretazzjoni hija sostnuta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li l-annullament ta’ att mogħti mill-qorti tal-Unjoni għandu effetti ex tunc u għalhekk għandu l-konsegwenza li jelimina b’mod retroattiv, mill-ordinament ġuridiku, l-att annullat. Din l-interpretazzjoni hija, skont ir-Repubblika tal-Polonja, ikkorroborata mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri. Hija tkompli tesponi li t-tkomplija tal-eżekuzzjoni tal-miżuri provviżorji, minkejja t-tħassir tal-Kawża C‑121/21, tmur lil hinn mill-għan imfittex minn dawn il-miżuri.

25      Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li, peress li l-miżura provviżorja mogħtija fid-digriet tal-20 ta’ Settembru 2021, Ir-Repubblika Ċeka vs Il-Polonja (C‑121/21 R, EU:C:2021:752), ma baqgħetx applikabbli, l-ammonti li jinsabu fit-talbiet għal ħlas ma jikkostitwixxux dejn eżistenti fis-sens tal-Artikolu 98(1)(a) tar-Regolament Finanzjarju. Il-Kummissjoni kellha għalhekk tannulla d-djun ikkonstatati u tastjeni milli tirkuprahom.

26      Ir-Repubblika tal-Polonja tqis li, jekk il-Kummissjoni tkun obbligata li tkompli l-proċedura ta’ rkupru, minkejja l-konklużjoni tal-ftehim bonarju u t-tħassir tal-Kawża C‑121/21 mir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan ikollu l-effett li jiddisswadi lill-partijiet milli jilħqu soluzzjoni bonarja għat-tilwim tagħhom. L-Istat debitur ikun fl-istess ħin suġġett kemm għall-effetti tal-ftehim bonarju kif ukoll għall-ispejjeż marbuta mal-irkupru tad-dejn li jikkorrispondi għall-pagamenti ta’ penalità imposti.

27      Fl-aħħar nett, ir-Repubblika tal-Polonja tallega li l-Artikolu 101(6) tar-Regolament Finanzjarju jista’ jiġi interpretat fis-sens li l-uffiċjal awtorizzanti responsabbli jista’ jannulla kreditu kkonstatat fid-dawl taċ-ċirkustanzi li seħħew bejn il-konstatazzjoni tal-kreditu u l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ rkupru tas-somom dovuti.

28      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-Repubblika tal-Polonja.

 Osservazzjonijiet preliminari

29      Għandu jiġi osservat li r-Repubblika tal-Polonja titlob lill-Qorti Ġenerali tikkonstata li, minħabba t-tħassir tal-Kawża C‑121/21, fl-4 ta’ Frar 2022, il-konsegwenzi pekunjarji tal-miżuri provviżorji ordnati f’dik il-kawża waqfu retroattivament. B’konsegwenza ta’ dan, id-dejn huwa ineżistenti u, konsegwentement, l-irkupru tiegħu huwa illegali skont l-Artikoli 101 u 102 tar-Regolament Finanzjarju.

30      Qabel ma tiġi eżaminata l-fondatezza tal-argumenti tar-Repubblika tal-Polonja, għandhom jiġu esposti kunsiderazzjonijiet dwar, minn naħa, in-natura u l-għan tal-pagamenti ta’ penalità marbuta mal-miżuri provviżorji u dwar, min-naħa l-oħra, il-portata tal-proċeduri għal miżuri provviżorji fid-dawl tal-Artikolu 279 TFUE.

–       Fuq in-natura u l-għan tal-pagamenti ta’ penalità imposti skont l-Artikolu 279 TFUE

31      L-Artikolu 279 TFUE jagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-kompetenza sabiex tordna kwalunkwe miżura provviżorja li hija tqis neċessarja sabiex tiġi żgurata l-effikaċja sħiħa tad-deċiżjoni finali (digrieti tal-20 ta’ Novembru 2017, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, C‑441/17 R, EU:C:2017:877, punt 97, u tas-27 ta’ Ottubru 2021, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, C‑204/21 R, EU:C:2021:878, punt 19). B’mod partikolari, l-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu jkun jista’ jiżgura l-effikaċja ta’ ordni indirizzata lil parti abbażi l-Artikolu 279 TFUE, billi jadotta kull miżura intiża li ġġiegħel lil din l-parti tosserva l-obbligi previsti fid-digriet għal miżuri provviżorji. Tali miżura tista’ b’mod partikolari timponi l-ħlas ta’ pagamenti ta’ penalità fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-ordni mogħtija (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas-27 ta’ Ottubru 2021, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, C‑204/21 R, EU:C:2021:878, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      Barra minn dan l-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-miżuri provviżorji adottati mill-Imħallef għal miżuri provviżorji għandha l-għan li tiggarantixxi l-applikazzjoni effettiva tad-dritt tal-Unjoni, li hija inerenti għall-valur tal-istat tad-dritt sanċit fl-Artikolu 2 TUE u li fuqu hija bbażata l-Unjoni. (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-20 ta’ Novembru 2017, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (C‑441/17 R, EU:C:2017:877, punt 102).

33      Minn dan isegwi li pagamenti ta’ penalità imposti b’mod anċillari għal miżuri provviżorji ma jistgħux jitqiesu li huma sanzjoni, iżda bħala strument ta’ natura koerċittiva, punt li ġie rrikonoxxut b’mod espliċitu miż-żewġ partijiet f’din il-kawża.

34      Għalhekk, f’dan il-każ, kien biss sabiex “tiddiswadi [lir-Repubblika tal-Polonja] milli [ddewwem] it-tqegħid f’konformità tal-aġir [tagħha mad-]digriet” tal-21 ta’ Mejju 2021, Ir-Repubblika Ċeka vs Il-Polonja (C‑121/21 R, EU:C:2021:420), li l-Viċi Presidenta tal-Qorti tal-Ġustizzja imponiet pagamenti ta’ penalità.

–       Fuq il-portata tal-proċeduri għal miżuri provviżorji fid-dawl tal-Artikolu 279 TFUE

35      Skont l-Artikolu 162(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, miżura provviżorja ma tibqax applikabbli fid-data prevista fid-digriet li jkun ordnaha jew, fin-nuqqas ta’ dan, mill-għoti tas-sentenza li tagħlaq l-istanza.

36      Peress li l-proċeduri għal miżuri provviżorji għandhom, kif jirriżulta mill-Artikolu 160(1) u (2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, natura anċillari għal proċedura prinċipali, il-miżuri provviżorji adottati fil-kuntest tal-proċedura għal miżuri provviżorji ma jibqgħux applikabbli meta tintemm il-proċedura prinċipali, b’mod partikolari meta l-kawża relatata ma’ din l-aħħar proċedura tkun is-suġġett ta’ digriet ta’ tħassir (ara, f’dan is-sens, id-digriet tad-19 ta’ Mejju 2022, Ir-Repubblika Ċeka vs Il-Polonja (Minjiera ta’ Turów), C‑121/21 R, EU:C:2022:408, punt 25).

37      Għalhekk, fid-dawl tan-natura anċillari tal-proċeduri għal miżuri provviżorji meta mqabbla mal-proċedura prinċipali, id-digrieti tal-21 ta’ Mejju 2021, Ir-Repubblika Ċeka vs Il-Polonja (C‑121/21 R, EU:C:2021:420), u tal-20 ta’ Settembru 2021, Ir-Repubblika Ċeka vs Il-Polonja (C‑121/21 R, EU:C:2021:752), ma baqgħux applikabbli b’effett mill-4 ta’ Frar 2022. Barra minn hekk, id-digriet tad-19 ta’ Mejju 2022, Ir-Repubblika Ċeka vs Il-Polonja (Minjiera ta’ Turów) (C‑121/21 R, mhux ippubblikat, EU:C:2022:408, punt 26), jindika espliċitament li, b’effett mill-4 ta’ Frar 2022, li hija d-data tad-digriet li jordna t-tħassir tal-Kawża C‑121/21 mir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-Repubblika tal-Polonja ma hijiex iktar obbligata twaqqaf immedjatament l-attivitajiet ta’ estrazzjoni tal-linjite fil-minjiera ta’ Turów. Peress li din il-miżura provviżorja ma hijiex iktar valida, il-kundanna ta’ dan l-Istat Membru sabiex iħallas lill-Kummissjoni pagamenti ta’ penalità ta’ EUR 500 000 kuljum sal-waqfien ta’ dawn l-attivitajiet għandha titqies li hija dekaduta b’effett minn din id-data.

38      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tar-Repubblika tal-Polonja.

 Fuq il-konsegwenzi tat-tħassir tal-kawża prinċipali fir-rigward tal-eżistenza tad-dejn tar-Repubblika tal-Polonja

39      Id-deċiżjonijiet ikkontestati huma deċiżjonijiet ta’ tpaċija tas-somom dovuti mir-Repubblika tal-Polonja bħala pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum ordnati mill-Viċi Presidenta tal-Qorti tal-Ġustizzja fid-digriet tagħha tal-20 ta’ Settembru 2021, Ir-Repubblika Ċeka vs Il-Polonja (C‑121/21 R, EU:C:2021:752), għall-perijodu bejn l-20 ta’ Settembru 2021 u t-3 ta’ Frar 2022. B’mod partikolari, il-Kummissjoni speċifikat li, sakemm dan id-digriet ma kienx ġie “annullat”, hija kienet obbligata teżegwixxih għall-perijodu mill-20 ta’ Settembru 2021 sat-3 ta’ Frar 2022 biż-żewġ dati inklużi.

40      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, l-ewwel nett, id-digriet tal-4 ta’ Frar 2022, Ir-Repubblika Ċeka vs Il-Polonja (Minjiera ta’ Turów) (C‑121/21, mhux ippubblikat, EU:C:2022:82), ma jagħmel ebda riferiment la għall-miżuri provviżorji ordnati bid-digriet tal-21 ta’ Mejju 2021, Ir-Repubblika Ċeka vs Il-Polonja (C‑121/21 R, EU:C:2021:420), u lanqas għall-pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum imposti abbażi tal-Artikolu 279 TFUE. It-tieni nett, it-talba tar-Repubblika tal-Polonja intiża għar-revoka tad-digriet tal-20 ta’ Settembru 2021, Ir-Repubblika Ċeka vs Il-Polonja (C‑121/21 R, EU:C:2021:752), ġiet miċħuda. It-tielet nett, mill-punt 26 tad-digriet tad-19 ta’ Mejju 2022, Ir-Repubblika Ċeka vs Il-Polonja (Minjiera ta’ Turów) (C‑121/21 R, mhux ippubblikat, EU:C:2022:408), jirriżulta espliċitament li l-kundanna tar-Repubblika tal-Polonja sabiex tħallas lill-Kummissjoni pagamenti ta’ penalità ta’ EUR 500 000 kuljum sal-waqfien ta’ dawn l-attivitajiet għandha titqies bħala dekaduta b’effett mill-4 ta’ Frar 2022. Fi kliem ieħor, il-pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum ordnati mill-Viċi Presidenta tal-Qorti tal-Ġustizzja fid-digriet tagħha tal-20 ta’ Settembru 2021, Ir-Repubblika Ċeka vs Il-Polonja (C‑121/21 R, EU:C:2021:752), ma baqgħux jipproduċu effetti sa mill-4 ta’ Frar 2022.

41      Għaldaqstant, il-pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum idekorrew effettivament matul il-perijodu ta’ bejn id-data tan-notifika tad-digriet tal-20 ta’ Settembru 2021, Ir-Repubblika Ċeka vs Il-Polonja (C‑121/21 R, EU:C:2021:752), u d-data tat-tħassir tal-Kawża C‑121/21 mir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja.

42      Minn dan isegwi li, għalkemm it-tħassir tal-kawża prinċipali kellu effett fuq l-andament tal-pagamenti ta’ penalità, huwa ma kellux, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika tal-Polonja, l-effett li jtemm l-obbligu tagħha li tħallas l-ammont dovut abbażi tal-pagamenti ta’ penalità. L-adozzjoni ta’ konklużjoni differenti jkun ifisser li jiġi injorat l-għan tal-pagamenti ta’ penalità, li huwa dak li tiġi ggarantita l-applikazzjoni effettiva tad-dritt tal-Unjoni, inerenti għall-valur tal-Istat tad-dritt sanċit fl-Artikolu 2 TUE (ara l-punt 32 iktar ’il fuq).

43      Ebda wieħed mill-argumenti tar-Repubblika tal-Polonja ma huwa ta’ natura li jikkonfuta din il-konklużjoni.

44      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-applikazzjoni b’analoġija tal-ġurisprudenza dwar l-effetti tal-annullament ta’ att mill-qorti tal-Unjoni, iċċitata fil-punt 24 iktar’ il fuq, għandu jiġi kkonstatat li din ma hijiex applikabbli f’dan il-każ, peress li d-digriet tal-20 ta’ Settembru 2021, Ir-Repubblika Ċeka vs Il-Polonja (C‑121/21 R, EU:C:2021:752), ma jistax jiġi appellat u għalhekk ma jistax jiġi annullat retroattivament.

45      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument li mill-parti l-kbira tas-sistemi legali nazzjonali jirriżulta li l-miżuri kawtelatorji ordnati, fl-istennija ta’ deċiżjoni finali, jieqfu retroattivament jipproduċu effetti meta l-proċedura fil-kawża prinċipali ma jkunx għad għandha skop, għandu jiġi kkunsidrat li r-riferiment għar-regoli proċedurali nazzjonali huwa irrilevanti, sa fejn il-legalità tad-deċiżjonijiet ikkontestati għandha tiġi eżaminata biss fid-dawl tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni. Hekk kif tammetti, barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Polonja nnifisha, ir-regoli proċedurali tal-Istati Membri ma humiex vinkolanti għall-qrati tal-Unjoni.

46      Fi kwalunkwe każ, anki jekk jitqies li f’ċerti sistemi legali nazzjonali l-miżuri kawtelatorji ordnati, fl-istennija ta’ deċiżjoni finali, jieqfu retroattivament jipproduċu effetti meta l-proċedura fil-kawża prinċipali ma jkunx għad għandha skop, din il-konstatazzjoni ma hijiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li dawn ir-regoli proċedurali jifformaw parti mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri u jistgħu, bħala tali, jagħmlu parti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni Ewropea bħala sors tad-dritt.

47      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-argument tar-Repubblika tal-Polonja, li jgħid li t-tkomplija tal-eżekuzzjoni tal-miżuri provviżorji, minkejja t-tħassir tal-Kawża C‑121/21, tmur lil hinn mis-sempliċi għan imfittex minn dawn il-miżuri, jiġifieri dak li tiġi ggarantita l-effikaċja tas-sentenza fuq il-mertu, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika tal-Polonja, il-pagamenti ta’ penalità imposti skont l-Artikolu 279 TFUE ma humiex intiżi biss sabiex jiggarantixxu l-effikaċja tas-sentenza fuq il-mertu, iżda għandhom ukoll l-għan li jiżguraw l-osservanza tal-miżuri provviżorji ordnati bid-digriet tal-21 ta’ Mejju 2021, Ir-Repubblika Ċeka vs Il-Polonja (C‑121/21 R, EU:C:2021:420), u li jiddiswadi lir-Repubblika tal-Polonja milli ddewwem it-tqegħid f’konformità tal-aġir tagħha ma’ dan id-digriet.

48      L-argument tar-Repubblika tal-Polonja, li kieku kellu jintlaqa’, iwassal sabiex tinġieb fix-xejn is-sustanza l-mekkaniżmu tal-pagamenti ta’ penalità imposti skont l-Artikolu 279 TFUE, peress li dan iwassal sabiex jiġi aċċettat li l-parti obbligata, f’dan il-każ ir-Repubblika tal-Polonja, deliberatament tonqos mili twettaq l-obbligu li tikkonforma ruħha mal-miżuri provviżorji ordnati fi proċeduri għal miżuri provviżorji sat-tmiem tal-kawża prinċipali u għalhekk tippreġudika l-effikaċja tad-dritt tal-Unjoni.

49      Fir-raba’ lok, l-argument tar-Repubblika tal-Polonja li jgħid li l-eżekuzzjoni tal-pagamenti ta’ penalità tagħmel il-konklużjoni ta’ ftehim bonarju inqas attraenti u għalhekk tostakola l-iżvilupp tar-relazzjonijiet tajba mal-ġirien ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li l-għan tal-pagamenti ta’ penalità ordnati fil-kuntest ta’ miżuri provviżorji ma huwiex dak li titħeġġeġ soluzzjoni bonarja jew relazzjonijiet tajba mal-ġirien, iżda, kif ġie kkonstatat fil-punt 47 iktar ’il fuq, li jiġu osservati l-miżuri provviżorji. Għandu jiġi osservat ukoll li l-konklużjoni tal-ftehim bonarju u t-tħassir tal-Kawża C‑121/21 kellhom effetti benefiċi għar-Repubblika tal-Polonja fis-sens li l-pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum waqfu jiddekorru fl-4 ta’ Frar 2022 u mhux fid-data tal-għoti ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C‑121/21.

50      Fil-ħames lok, l-argument tar-Repubblika tal-Polonja bbażat fuq l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 101(6) tar-Regolament Finanzjarju ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, skont din id-dispożizzjoni, “[l]-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni [awtorizzanti] responsabbli jista’ jħassar ammont riċevibbli stabbilit b’mod sħiħ jew parzjali”. Għaldaqstant, dan ma huwiex obbligu impost fuq il-Kummissjoni sabiex tannulla dejn ikkonstatat. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, f’dan il-każ, il-kundizzjonijiet previsti għal irkupru permezz ta’ tpaċija kienu ssodisfatti. Fil-fatt, l-uffiċjal awtorizzanti kompetenti tal-Kummissjoni effettivament ivverifika l-eżistenza tad-dejn tar-Repubblika tal-Polonja u ddetermina l-ammont tiegħu.

51      Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni ma wettqet ebda ksur tal-Artikoli 101 u 102 tar-Regolament Finanzjarju, moqrija flimkien mal-Artikolu 98 tal-istess regolament.

52      Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 296 TFUE, tal-Artikolu 41(2)(c) u tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali

53      Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li l-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuqha mill-Artikolu 296 TFUE. Hija ssostni li d-deċiżjonijiet ikkontestati ma jippermettulhiex tifhem ir-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni kompliet il-proċedura ta’ rkupru permezz ta’ tpaċija, minkejja l-konklużjoni tal-ftehim bonarju u t-tħassir tal-Kawża C‑121/21.

54      Ir-Repubblika tal-Polonja tkompli tesponi li d-deċiżjonijiet ikkontestati ma jifformawx parti mill-kuntest ta’ prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni, peress li, sa dak iż-żmien, il-Kummissjoni qatt ma kienet irkuprat pagamenti ta’ penalità skont l-Artikolu 279 TFUE. Għalhekk, id-deċiżjonijiet ikkontestati kienu jeħtieġu motivazzjoni espliċita. Madankollu, skont ir-Repubblika tal-Polonja, id-deċiżjonijiet ikkontestati ma jindikawx il-bażi legali li tawtorizza lill-Kummissjoni tirkupra pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum imposti bid-digriet tal-20 ta’ Settembru 2021, Ir-Repubblika Ċeka vs Il-Polonja (C‑121/21 R, EU:C:2021:752), meta dan id-digriet waqaf jipproduċi effetti. Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Polonja enfasizzat li teżisti rabta stretta bejn, minn naħa, l-obbligu ta’ motivazzjoni u, min-naħa l-oħra, id-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u d-dritt għal rimedju effettiv iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

55      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-Repubblika tal-Polonja.

56      Skont ġurisprudenza stabbilita sew, il-motivazzjoni tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, li tirriżulta mill-Artikolu 296 TFUE u mill-Artikolu 41(2)(c) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandha tiġi adattata skont in-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’tali mod li l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u l-qorti kompetenti tkun tista’ twettaq l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li d-destinatarji tal-att jew persuni oħra kkonċernati mill-att fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jista’ jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet (ara s-sentenza tal-10 ta’ Marzu 2016, Heidelberg Cement vs Il-Kummissjoni, C‑247/14 P, EU:C:2016:149, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57      L-obbligu li tiġi indikata l-bażi legali ta’ att jifforma parti mill-obbligu ta’ motivazzjoni (ara s-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C‑370/07, EU:C:2009:590, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58      Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, peress li l-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-kliem tagħha, iżda wkoll fid-dawl kemm tal-kuntest tagħha kif ukoll tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2020, Il-Kummissjoni vs Di Bernardo, C‑114/19 P, EU:C:2020:457, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

59      Fil-każ ta’ deċiżjoni ta’ tpaċija ta’ krediti, il-motivazzjoni għandha tippermetti li jiġu identifikati b’mod preċiż il-krediti li huma paċuti, mingħajr ma jkun meħtieġ li l-motivazzjoni użata inizjalment insostenn tal-konstatazzjoni ta’ kull wieħed minn dawn il-krediti tiġi rrepetuta fid-deċiżjoni ta’ tpaċija (ara s-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Technion u Technion Research & Development Foundation vs Il-Kummissjoni, T‑216/12, EU:T:2015:746, punt 98 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60      Il-kwistjoni dwar jekk l-obbligu ta’ motivazzjoni ġiex osservat għandha, bħala prinċipju, tiġi evalwata skont l-elementi ta’ informazzjoni li r-rikorrent kellu, l-iktar tard, fil-mument tal-preżentata tar-rikors. Għalhekk, il-motivazzjoni tista’ tiġi espressa għall-ewwel darba u a posteriori quddiem il-qorti biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Lulju 2017, European Dynamics Luxembourg et vs L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji, T‑392/15, EU:T:2017:462, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi ddeterminat jekk id-deċiżjonijiet ikkontestati humiex motivati b’mod suffiċjenti.

62      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, fil-jum tal-preżentata tar-rikorsi fil-Kawżi T‑200/22 u T‑314/22, rispettivament fid-19 ta’ April u fil-25 ta’ Mejju 2022, ir-Repubblika tal-Polonja kienet taf bl-ittra tat-22 ta’ Frar 2022 mibgħuta lilha b’risposta għall-ittri tagħha tal-4 u tal-11 ta’ Frar 2022 (ara l-punt 17 iktar’ il fuq).

63      Konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 60 iktar ’il fuq, huwa fid-dawl tad-deċiżjonijiet ikkontestati u tal-ittra tat-22 ta’ Frar 2022 li għandu jiġi evalwat jekk il-Kummissjoni osservatx l-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuqha.

64      F’dan il-każ, fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li, permezz tad-deċiżjonijiet ikkontestati, ir-Repubblika tal-Polonja setgħet tidentifika bi preċiżjoni l-krediti mpaċija. Fil-fatt, dawn jinkludu, f’anness, dokument li jinkludi l-kalkolu tat-tpaċija u l-kalkolu tal-interessi moratorji. Għandu jiġi osservat ukoll li d-deċiżjonijiet ikkontestati jinkludu l-indikazzjoni tal-bażi legali li fuqha huma bbażati, f’dan il-każ l-Artikoli 101 u 102 tar-Regolament Finanzjarju.

65      Fit-tieni lok, kuntrarjament għal dak li tinvoka r-Repubblika tal-Polonja, l-ittra tat-22 ta’ Frar 2022 tippermettilha tifhem ir-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni kienet iddeċidiet li tkompli bl-eżekuzzjoni tal-ħlas tad-dejn li jirriżulta mil-likwidazzjoni tal-pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum imposti bid-digriet tal-20 ta’ Settembru 2021, Ir-Repubblika Ċeka vs Il-Polonja (C‑121/21 R, EU:C:2021:752), minkejja l-konklużjoni tal-ftehim bonarju u t-tħassir tal-Kawża C‑121/21 mir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, f’din l-ittra, il-Kummissjoni esprimiet l-intenzjoni tagħha li tkompli bl-irkupru permezz ta’ tpaċija tas-somom dovuti sat-3 ta’ Frar 2022, peress li l-miżura provviżorja ordnata bid-digriet tal-21 ta’ Mejju 2021, Ir-Repubblika Ċeka vs Il-Polonja (C‑121/21 R, EU:C:2021:420), kienet skadiet fl-4 ta’ Frar 2022 u li l-Kummissjoni ma setgħetx tiżgura ruħha, abbażi tad-dokumenti li r-Repubblika tal-Polonja kienet ipprovditilha, li l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni ta’ dan id-digriet kienu ġew adottati. Il-Kummissjoni kompliet tesponi li, sakemm id-digriet tal-20 ta’ Settembru 2021, Ir-Repubblika Ċeka vs Il-Polonja (C‑121/21 R, EU:C:2021:752), ma kienx ġie “annullat”, hija kienet obbligata teżegwixxih għall-perijodu ta’ bejn l-20 ta’ Settembru 2021 u t-3 ta’ Frar 2022 biż-żewġ dati inklużi.

66      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-argument tar-Repubblika tal-Polonja li jgħid li, fl-assenza ta’ prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni, id-deċiżjonijiet ikkontestati kellhom ikunu s-suġġett ta’ motivazzjoni partikolari, għandu jitfakkar, hekk kif huwa indikat fil-punt 65 iktar ’il fuq, li r-raġunijiet li jiġġustifikaw l-irkupru permezz ta’ tpaċija tas-somom dovuti fit-3 ta’ Frar 2022 minkejja t-tħassir tal-Kawża C‑121/21 mir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżultaw b’mod suffiċjenti mill-ittra tat-22 ta’ Frar 2022.

67      Għaldaqstant, għandu jitqies li d-deċiżjonijiet ikkontestati, b’mod partikolari meta kkunsidrati fid-dawl tal-ittra tat-22 ta’ Frar 2022, qiegħdu lir-Repubblika tal-Polonja f’pożizzjoni li tkun taf ir-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni, minkejja t-tħassir tal-Kawża C‑121/21 mir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja, kompliet bl-eżekuzzjoni tal-ħlas tad-dejn li jirriżulta mil-likwidazzjoni tal-pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum imposti bid-digriet tal-20 ta’ Settembru 2021, Ir-Repubblika Ċeka vs Il-Polonja (C‑121/21 R, EU:C:2021:752).

68      Sa fejn id-deċiżjonijiet ikkontestati huma suffiċjentement motivati, l-argument tar-Repubblika tal-Polonja bbażat fuq ir-relazzjoni stretta li teżisti bejn, minn naħa, l-obbligu ta’ motivazzjoni u, min-naħa l-oħra, d-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u d-dritt għal rimedju effettiv iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta huwa irrilevanti.

69      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, hemm lok li t-tielet motiv jiġi miċħud u, għalhekk, li r-rikorsi jiġu miċħuda fl-intier tagħhom.

 Fuq l-ispejjeż

70      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

71      Peress li r‑Repubblika tal-Polonja tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata kemm għall‑ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll għal dawk sostnuti mill‑Kummissjoni Ewropea, kif mitluba minn din tal‑aħħar.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-Kawżi T200/22 u T314/22 huma magħqudin għall-finijiet tas-sentenza.

2)      Ir-rikorsi huma miċħuda.

3)      Ir-Repubblika tal-Polonja hija kkundannata għall-ispejjeż.

Marcoulli

Tomljenović

Norkus

Valasidis

 

      Spangsberg Grønfeldt

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-29 ta’ Mejju 2024.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.