Language of document : ECLI:EU:C:2017:99

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fit-8 ta’ Frar 2017 (1)

Kawża C-610/15

Stichting Brein

vs

Ziggo BV,

XS4ALL Internet BV

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (qorti suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi)]

“Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Direttiva 2001/29/KE – Artikolu 3(1) – Avviż lill-pubbliku – Kunċett – Sit ta’ indiċjar li jippermetti l-qsim tax-xogħlijiet protetti mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet – Artikolu 8(3) – Użu minn terz tas-servizzi ta’ intermedjarju sabiex jippreġudika d-drittijiet tal-awtur – Digriet fuq rikors”






 Introduzzjoni

1.        “[…] the file being shared in the swarm is the treasure, the BitTorrent client is the ship, the.torrent file is the treasure map, The Pirate Bay provides treasure maps free of charge and the tracker is the wise old man that needs to be consulted to understand the treasure map” (2).

2.        Huwa permezz ta’ din l-analoġija, li hija stess jistħoqqilha l-protezzjoni permezz tad-dritt tal-awtur, li l-Imħallef Awstraljan Justice Cowdroy spjega l-funzjonament tal-qsim tal-fajls bi ksur tad-drittijiet tal-awtur bl-għajnuna tal-protokoll bittorrent (3). Il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba, f’din il-kawża, sabiex tiddefinixxi s-sisien ġuridiċi u l-portata tal-eventwali responsabbiltà għal dan il-ksur imwettaq mill-“fornituri ta’ mapep”, jiġifieri ta’ siti bħal The Pirate Bay (iktar ’il quddiem “TPB”). TPB huwa fil-fatt wieħed mill-ikbar siti ta’ qsim ta’ fajls li jinkludu xogħlijiet mużikali u ċinematografiċi u fost l-iktar magħrufa. Dan il-qsim isir mingħajr ħlas u, għall-maġġoranza ta’ dawn ix-xogħlijiet, bi ksur tad-drittijiet tal-awtur.

3.        Il-Kummissjoni Ewropea, li dwar l-opinjoni tagħha jidher li hemm qbil mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, issostni li r-responsabbiltà tas-siti ta’ dan it-tip hija kwistjoni ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-awtur li ma tistax tiġi solvuta fil-livell tad-dritt tal-Unjoni imma fil-kuntest tas-sistemi ġuridiċi interni tal-Istati Membri. Madankollu, dan l-approċċ sejjer jirrendi din ir-responsabbiltà, u finalment il-portata tad-drittijiet appartenenti lid-detenturi, dipendenti fuq soluzzjonijiet, diverġenti ferm, adottati mis-sistemi ġuridiċi nazzjonali differenti. Imma, dan ser jimmina l-għan tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tad-dritt tal-awtur, relattivament abbondanti, li huwa preċiżament l-armonizzazzjoni tal-portata tad-drittijiet li jgawdu l-awturi u d-detenturi l-oħra fi ħdan is-suq uniku. Huwa għal din ir-raġuni li, fil-fehma tiegħi, ir-risposta għall-problemi mqajma minn din il-kawża għandha titfittex minflok fid-dritt tal-Unjoni.

4.        Inħoss ukoll li għandi nenfasizza qabelxejn li l-problema ta’ din il-kawża hija differenti b’mod sostanzjali minn dik taż-żewġ kawżi reċenti dwar id-dritt ta’ komunikazzjoni ta’ xogħlijiet lill-pubbliku fuq l-internet, jiġifieri l-kawżi li wasslu għas-sentenzi Svensson et (4) u GS Media (5). Fil-fatt, dawn il-kawżi kienu jikkonċernaw il-komunikazzjoni sekondarja ta’ xogħlijiet diġà aċċessibbli fuq l-internet minn persuna hija nnifisha produttur tal-kontenut fuq l-internet, filwaqt li din il-kawża tikkonċerna l-komunikazzjoni oriġinali, imwettqa fil-kuntest ta’ netwerk utent għal utent (peer-to-peer). Għaldaqstant ma naħsibx li r-raġonament adottat mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dawn il-kawżi jista’ jkun applikat direttament għall-kawża prinċipali.

 Il-kuntest ġuridiku

5.        Skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-8 ta’ Ġunju 2000, dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, b’mod partikolari l-kummerċ elettroniku, fis-suq intern (“Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku”), intitolat “Mere conduit” (6):

“1.      Meta servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni jkun ipprovdut li jikkonsisti fit-trasmissjoni f’network ta’ komunikazzjoni ta’ informazzjoni provduta minn dak li jirċievi s-servizz, jew tal-proveddiment ta’ aċċess lejn network ta’ komunikazzjoni, Stati Membri għandhom jassiguraw li dak li jipprovdi s-servizz ma jkunx responsabbli għall-informazzjoni trasmessa […]

[…]

3.      Dan l-Artikolu m’għandux jaffettwa l-possibilità għal qorti jew awtorità amministrattiva, bi qbil mas-sistemi legali ta’ l-Istati Membri, li jinħtieġu li dak li jipprovdi s-servizz li jwaqqaf jew li ma jħallix li jsir ksur.”

6.        Bis-saħħa tal-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva, intitolat “Hosting”:

“1.      Meta servizz għas-soċjetà ta’ l-informazzjoni jkun provdut li jikkonsisti fiż-żamma ta’ informazzjoni ipprovduta minn dak li jirċievi s-servizz, Stati Membri għandhom jassiguraw li dak li jipprovdi s-servizz ma jkunx responsabbli għall-informazzjoni miżmuma fuq it-talba ta’ dak li jirċievi s-servizz, bil-kundizzjoni li:

(a)      dak li jipprovdi attwalment ma jkollux tagħrif ta’ attività jew informazzjoni illegali u, fir-rigward ta’ ħsarat, ma jkunx konxju tal-fatti jew taċ-ċirkostanzi li minnhom l-attività jew l-informazzjoni illegali tkun apparenti;

jew

(b)      dak li jipprovdi, malli jakkwista t-tagħrif jew meta jsir konxju, jaġixxi mingħajr dewmien biex ineħħi jew iwaqqaf l-aċċess għall-informazzjoni.

[…]

3.      Dan l-Artikolu m’għandux jaffettwa l-possibiltà għal qorti jew awtorità amministrattiva, bi qbil mas-sistemi leġali ta’ Stati Membri, tal-ħtieġa li dak li jipprovdi s-servizz jittermina jew iwaqqaf ksur, l-anqas ma taffettwa l-possibiltà għal Stati Membri li jistabbilixxu proċeduri li jirregolaw it-tneħħija jew it-twaqqif ta’ aċċess għall-informazzjoni.”

7.        L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (7), intitolat “Id-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħolijiet u d-dritt li jagħmlu disponibbli għall-pubbliku suġġett ieħor”, jiddisponi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi bid-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħolijiet tagħhom, bil-fili jew mezzi mingħajr fili, inklużi li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku x-xogħolijiet tagħhom b’mod li membri tal-pubbliku jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom.”

8.        L-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, intitolat “Sanzjonijiet u rimedji”, jistabbilixxi fil-paragrafu 3:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-detenturi tad-drittijiet ikunu f’posizzjoni biex japplikaw għal restrizzjoni kontra intermedjarji li s-servizzi tagħhom jkunu użati minn terzi partijiet biex jiksru d-drittijiet ta’ l-awtur jew dritt relatat.”

9.        L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (8), intitolat “Firxa ta’ applikazzjoni”, jiddisponi fil-paragrafu 2:

“Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċifiċi fuq l-infurzar tad-drittijiet u fuq l-eċċezzjonijiet li qegħdin fil-leġislazzjoni tal-Komunità li jikkonċernaw id-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet oħra relatati mad-drittijiet ta’ l-awtur, l-aktar dawk li huma fid-Direttiva 91/250/KEE u, b’mod partikolari, […] fid-Direttiva 2001/29/KE u, b’mod partikolari […] l-Artikolu 8 tiegħu.”

10.      Skont l-Artikolu 11 ta’ din id-direttiva, intitolat “Mandati”:

“[…] L-Istati Membri għandhom jassiguraw wkoll li d-detenturi tad-dritt huma f’pożizzjoni biex japplikaw għall-mandat kontra l-intermedjarji li s-servizzi kienu użati minn parti terzi biex issir il-kontravvenzjoni tad-dritt tal-proprjetà intellettwali, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29/KE.”

 Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

11.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, Stichting Brein, hija fondazzjoni tad-dritt Olandiż li l-iskop prinċipali tagħha huwa l-ġlieda kontra l-użu abbużiv ta’ oġġetti protetti bid-dritt tal-awtur u d-drittijiet relatati, kif ukoll il-protezzjoni f’dan il-qasam tal-interessi tad-detenturi ta’ dawn id-drittijiet.

12.      Il-konvenuti fil-kawża prinċipali, Ziggo BV u XS4ALL Internet BV (iktar ’il quddiem “XS4ALL”), huma kumpanniji tad-dritt Olandiż li l-attivitajiet tagħhom jikkonsistu, b’mod partikolari, fil-provvista tal-aċċess għall-internet lill-konsumaturi. Skont l-informazzjoni li tinsab fl-osservazzjonijiet bil-miktub ta’ Stichting Brein, dawn huma l-ikbar żewġ fornituri ta’ aċċess għall-internet fuq is-suq Olandiż.

13.      Stichting Brein titlob li jiġi ordnat lil Ziggo u lil XS4ALL, fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Olandiż li jittrasponu l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29 (9), li huma jwaqqfu l-aċcess tad-destinatarji tas-servizzi tagħhom għall-indirizzi elettroniċi tas-sit TPB, mutur ta’ qsim tal-fajls peer-to-peer. Din it-talba hija bbażata fuq il-fatt li huwa bl-għajnuna ta’ dan il-mutur ta’ qsim li, meta jużaw dawn is-servizzi, id-destinatarji tas-servizzi tal-konvenuti fil-kawża prinċipali jwettqu ksur tad-drittijiet tal-awtur fuq skala kbira, billi jaqsmu l-fajls li jinkludu l-oġġetti protetti (prinċipalment xogħlijiet mużikali u ċinematografiċi) mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detenturi ta’ dawn id-drittijiet.

14.      Din it-talba, li kienet ġiet milqugħa fl-ewwel istanza, ġiet miċħuda fl-appell, essenzjalment għar-raġuni li, l-ewwel nett, huma d-destinatarji tas-servizzi tal-konvenuti fil-kawża prinċipali, u mhux TPB, li huma l-oriġini tal-ksur tad-drittijiet tal-awtur u, it-tieni nett, li l-waqfien mitlub ma huwiex proporzjonali għall-iskop imfittex, jiġifieri l-protezzjoni effikaċi tad-drittijiet tal-awtur. Stichting Brein ippreżentat appell ta’ kassazzjoni kontra din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju.

15.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hoge Raad der Nederlanden (qorti suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      L-amministratur ta’ sit internet jagħmel komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, meta ebda xogħol protett ma jkun jinsab fuq dan is-sit, iżda jkun hemm sistema […] li permezz tagħha metadata dwar xogħolijiet protetti li tinsab fuq il-kompjuters tal-utenti tiġi indiċjata u kklassifikata għall-utenti b’tali mod li dawn tal-aħħar ikunu jistgħu b’hekk jittraċċaw, itellgħu u jniżżlu x-xogħolijiet protetti?

2)      Jekk l-ewwel domanda tingħata risposta negattiva:

L-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29 u l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2004/48 jippermettu li tingħata ordni kontra intermedjarju fis-sens tal-imsemmija dispożizzjonijiet meta dan l-intermedjarju jiffaċilita l-atti ta’ ksur imwettqa minn terzi bil-mod imsemmi fl-ewwel domanda?”

16.      Id-deċiżjoni tar-rinviju waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Novembru 2015. Il-partijiet fil-kawża prinċipali, il-Gvernijiet ta’ Spanja, tal-Italja, tal-Portugall u tar-Renju Unit kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Il-partijiet fil-kawża prinċipali, il-Gvernijiet ta’ Spanja u ta’ Franza, kif ukoll il-Kummissjoni kienu rrappreżentati fis-seduta li nżammet fis-27 ta’ Ottubru 2016.

 Analiżi

17.      Biż-żewġ domandi preliminari tagħha f’din il-kawża, il-qorti tar-rinviju tqajjem fil-verità l-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-operaturi tas-siti ta’ indiċjar ta’ netwerks peer-to-peer minħabba l-atti ta’ ksur tad-drittijiet tal-awtur imwettqa fil-kuntest tal-użu ta’ dawn in-netwerks. Jista’ jiġi kkunsidrat li dawn l-operaturi huma stess l-oriġini ta’ dan il-ksur, u li dan jimplika r-responsabbiltà immedjata tagħhom (l-ewwel domanda)? Jew, anki jekk ma humiex direttament responsabbli, jistgħu jiġu ordnati li jwaqqfu l-aċċess għas-siti tal-internet tagħhom, li, kif sejjer nispjega iktar ’il quddiem, jirrikjedi forma ta’ responsabbiltà indiretta (it-tieni domanda)?

18.      Sejjer nibda l-analiżi b’deskrizzjoni qasira tal-metodu ta’ funzjonament tan-netwerks peer-to-peer u tar-rwol tagħhom fil-ksur tad-drittijiet tal-awtur.

 Rimarki preliminari – in-netwerk peer-to-peer

19.      Anki jekk l-internet kien tfassal bħala netwerk ta’ operaturi li jiffunzjonaw indipendentement, l-iktar espressjoni spettakolari tal-internet, il-World Wide Web, tiffunzjona skont mudell differenti, jiġifieri arkitettura ċentralizzata msejħa “server-klijent”. F’dan il-mudell, il-kontenut (normalment paġna web) huwa maħżun fuq server u jista’ jiġi kkonsultat mill-utenti bl-għajnuna tal-kompjuters tagħhom, imsejħa “klijenti”, u tas-softwer klijent tagħhom (browser tal-internet). Huwa faċli li jiftiehem kif din l-arkitettura tal-World Wide Web tagħmel il-kontroll tal-legalità tal-kontenut u l-ġlieda kontra l-kontenut illegali relattivament faċli: biżżejjed tidħol fis-server jew tikseb l-amministratur tiegħu sabiex jitneħħa l-kontenut inkriminat. Għandu jiġi nnotat ukoll li l-leġiżlazzjoni dwar is-servizzi tas-soċjetà ta’ informazzjoni, jiġifieri prinċipalment l-internet, hija partikolarment adattata għal dan il-mudell ta’ funzjonament, billi tipprevedi b’mod partikolari n-nuqqas ta’ responsabbiltà tal-fornituri intermedjarji f’dak li jikkonċerna l-kontenut, imma timponi fuqhom ċerti obbligi ta’ kooperazzjoni fil-ġlieda kontra l-kontenut illegali.

20.      In-netwerks peer-to-peer huma organizzati fuq prinċipju differenti. F’dan il-mudell, il-kompjuter ta’ kull utent, jiġifieri kull utent (peer), ma huwiex biss klijent li jirċievi informazzjoni, imma wkoll server li jaħżinha u jqegħedha għad-dispożizzjoni ta’ utenti oħra. Għaldaqstant, in-netwerk huwa deċentralizzat (mhux servers ċentrali) u jippreżenta “ġeometrija varjabbli”, għaliex huma biss l-utenti li jagħmluha ta’ servers li jkunu kkonnettjati li jifformaw in-netwerk f’mument partikolari (kuntrarjament għal netwerk “tradizzjonali”, fejn is-servers huma normalment ikkonnettjati b’mod permanenti u fejn huma biss il-klijent li jikkonnettjaw u jiskonnettjaw temporanjament). Din il-konfigurazzjoni tan-netwerk tippreżenta diversi vantaġġi, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna l-ottimizzazzjoni tal-użu tal-kapaċitajiet ta’ ħażna u ta’ trażmissjoni tad-data. Dan in-netwerk huwa wkoll, grazzi għall-arkitettura deċentralizzata tiegħu, iktar reżistenti għall-attakki u għall-interventi tal-forzi tal-ordni jew tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur. Huwa wkoll diffiċli b’mod partikolari li jitneħħa l-kontenut li jinsab fuq netwerk peer-to-peer, billi dan jinsab fuq servers differenti li jappartjenu lil persuni fiżiċi differenti f’pajjiżi differenti.

21.      In-netwerks peer-to-peer huma adattati għal użi differenti, bħall-posta elettronika, it-telefonija, id-distribuzzjoni tas-softwer, u anki l-applikazzjonijiet militari. Madankollu, l-użu l-iktar mifrux huwa l-qsim ta’ fajls.

22.      Fir-rigward biss ta’ fajls li jinkludu data illegali, dawn ix-xogħlijiet jinqasmu bi ksur tad-drittijiet tal-awtur? Le. Fuq in-netwerks peer-to-peer jistgħu jinqasmu fajls ta’ natura differenti, b’mod partikolari dawk li jinkludu data li ma hijiex is-suġġett ta’ protezzjoni bid-dritt tal-awtur, xogħlijiet imxerrda bil-kunsens tad-detenturi, anki mill-awturi innifishom, xogħlijiet li l-protezzjoni tagħhom (f’kull każ f’dak li jikkonċerna d-drittijiet materjali) tkun diġà skadiet u anki xogħlijiet bla awtur.

23.      Madankollu, skont id-data ppreżentata minn Stichting Brein u li ma hijiex ikkontestata, jekk fhimt tajjeb, fil-proċedura fil-kawża prinċipali, 90 sa 95 % tal-fajls maqsuma fuq in-netwerk tat-TPB jinkludu xogħlijiet protetti u distribwiti mingħajr il-kunsens tad-detenturi. Din iċ-ċifra jidher li tapplika għall-maġġoranza tan-netwerks peer-to-peer popolari. Ir-raġuni hija li l-kontenut legali għandu l-mezzi ta’ distribuzzjoni proprji tiegħu, kemm jekk ikunu professjonali kif ukoll jekk dilettanti (is-siti klassiċi tal-internet, il-ħwienet fuq l-internet, in-netwerks soċjali, eċċ.). In-netwerks peer-to-peer huma għall-kuntrarju ta’ sikwit użati għall-qsim tal-kontenut li ma kienx ser ikun b’mod ieħor disponibbli mingħajr ħlas lill-pubbliku. Filwaqt li l-amministraturi ta’ dawn in-netwerks ta’ sikwit ma jkollhomx dan l-istess skop, ċertament uħud minn dawn in-netwerks ikunu nħolqu bl-għan li jiġu evitati d-drittijiet tal-awtur, meqjusa abbużivi (10). Għal din ir-raġuni, sa mill-bidu nett li dehru, in-netwerks peer-to-peer kienu s-suġġett tal-ġlieda kontra l-piraterija, primarjament fl-Istati Uniti, fejn dawn in-netwerks kienu malajr saru popolari ħafna. Is-servizz Napster huwa l-ewwel netwerk peer-to-peer kbir li ġie żarmat minħabba ksur tad-drittijiet tal-awtur (11).

24.      Wara Napster, dehru ġenerazzjonijiet ġodda ta’ netwerks peer-to-peer. Attwalment, l-iktar popolari, f’kull każ fuq is-suq Ewropew, huma n-netwerks ibbażati fuq il-protokoll bittorrent. Din it-teknoloġija tippermetti, bl-għajnuna ta’ softwer aċċessibbli mingħajr ħlas fuq l-internet (imsejħa “client bittorrent”), li jitniżżel l-istess fajl, maqsum f’porzjonijiet żgħar, minn diversi kompjuters utenti. Minħabba din il-frammentazzjoni tal-fajls imniżżla, il-kompjuters utenti li minnhom joriġina t-tniżżil (li huma mbagħad imsejħa “seeders”), li jwettqu l-funzjoni ta’ servers, kif ukoll il-konnessjoni tagħhom fuq l-internet, ma jitgħabbewx iżżejjed, u dan jippermetti t-tniżżil ta’ malajr ta’ fajls relattivament voluminużi. Billi n-numru ta’ kompjuters utenti li għandhom u jaqsmu l-istess fajl huwa kruċjali għall-ħeffa tat-tniżżil, fit-teknoloġija bittorrent kull framment tal-fajl imniżżel huwa offrut simultanjament għat-tniżżil lil kompjuters utenti oħrajn li jkunu jfittxu l-istess fajl (“leechers”). Fi kliem ieħor, kull kompjuter li jniżżel il-fajl isir awtomatikament server li jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-kompjuters utenti l-oħra.

25.      Ma nixtieqx nidħol f’iktar dettall dwar il-funzjonament tekniku tan-netwerks peer-to-peer, billi huwa faċli li jinstabu deskrizzjonijiet iddettaljati tiegħu (12). Fil-fatt, bħal fil-kawżi kollha dwar it-teknoloġiji tal-informazzjoni, l-iżvilupp tekniku faċilment jgħaddi l-proċeduri leġiżlattivi jew ġudizzjarji, bil-perikolu li dawn isiru skaduti, anki qabel l-adozzjoni tagħhom, billi s-soluzzjonijiet ġuridiċi jkunu bbażati fuq status quo teknoloġiku partikolari (13). Fil-fehma tiegħi, dak li għandu jiġi mfittex sabiex tiġi solvuta kontestazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija s-sustanza ġuridika ta’ ċerti atti, irrispettivament mill-modalitajiet tekniċi li bihom iseħħu dawn l-atti. Madankollu, dak li huwa importanti minn din il-perspettiva, huwa r-rwol li jilagħbu s-siti bħal TPB fil-qsim tal-fajls fin-netwerks peer-to-peer.

26.      Fil-fatt dan ir-rwol huwa kruċjali. L-użu ta’ kull netwerk peer-to-peer jistrieħ fuq il-possibbiltà li jinstabu l-kompjuters utenti disponibbli għall-qsim tal-fajl imfittex. Din l-informazzjoni, ipprovduta teknikament kemm fil-forma ta’ fajls torrent, ta’ “link magnet” u kemm mod ieħor, tinsab fuq is-siti bħal TPB. Dawn is-siti ma joffrux biss mutur ta’ tfittxija, imma sikwit, bħal fil-każ ta’ TPB, indiċi ta’ xogħlijiet kontenuti f’dawn il-fajls, irranġati f’diversi kategoriji, pereżempju “100 best” jew “l-iktar reċenti”. Għaldaqstant ma huwiex neċessarju li jiġi mfittex xogħol partikolari, imma huwa biżżejjed li ssir għażla fost dawk li jkunu offruti, bħal f’katalogu ta’ librerija (jew, sabiex nispjega aħjar, awdjo jew vidjo, għaliex prinċipalment huma nvoluti xogħlijiet mużikali u ċinematografiċi). Dawn is-siti jipprovdu wkoll informazzjoni supplimentari, b’mod partikolari dik dwar il-kalkolu tat-tul ta’ ħin ta’ tniżżil kif ukoll in-numru ta’ seeders u ta’ leechers attivi għal fajl partikolari.

27.      Jekk, kif jippretendu l-konvenuti fil-kawża prinċipali, huwa għalhekk teoretikament possibbli li jinsabu fajls offruti għall-qsim f’netwerk peer-to-peer mingħajr aċċess għal sit bħal TPB, fil-prattika, it-tfittxija ta’ dawn il-fajls twassal ġeneralment għal sit bħal dan jew sit li jiġbor id-data ta’ diversi netwerks peer-to-peer. Għalhekk ir-rwol ta’ siti bħal TPB huwa prattikament inevitabbli fil-funzjonament ta’ dawn in-netwerks, f’kull każ għall-utent tal-mezz tal-internet.

 Fuq l-ewwel domanda preliminari

28.      Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-fatt li l-operatur ta’ sit internet jippermetti li jinstabu fajls li jinkludu xogħlijiet protetti bid-dritt tal-awtur, li huma offruti għall-qsim f’netwerk peer-to-peer, bl-indiċjar tal-metadata relattivi għal dawn il-fajls u bil-provvista ta’ mutur ta’ tfittxija, jikkostitwixxix komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29.

29.      Ser nibda l-analiżi tiegħi ta’ din id-domanda b’ħarsa ġenerali qasira lejn id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi u l-ġurisprudenza dwar id-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku.

 Id-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku

30.      Tradizzjonalment, f’dak li jikkonċerna x-xandir tax-xogħlijiet tagħhom, l-awturi jgawdu mid-dritt esklużiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu, minn naħa, id-distribuzzjoni tal-kopji ta’ dawn ix-xogħlijiet u, min-naħa l-oħra, il-preżentazzjoni tagħhom lil pubbliku preżenti fil-post tal-preżentazzjoni. Eżempji tipiċi huma l-kunċerti u l-ispettakoli tat-teatru.

31.      Id-dehra tal-mezzi tekniċi ta’ komunikazzjoni, l-ewwel fosthom il-ħoss permezz tax-xandir bir-radju, wasslet għall-ħtieġa tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-awturi f’dak li jikkonċerna din il-possibbiltà ta’ użu tax-xogħlijiet tagħhom. Dan id-dritt kien ġie introdott għall-ewwel darba, fid-dritt internazzjonali, bl-Artikolu 11a tal-Konvenzjoni ta’ Berna emendata għall-protezzjoni ta’ xogħlijiet letterarji u artistiċi (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Berna”) (14). Attwalment, l-Artikolu 11a tal-Konvenzjoni ta’ Berna, fil-verżjoni riżultanti mill-att ta’ Pariġi tal-24 ta’ Lulju 1971, emendata fit-28 ta’ Settembru 1979, tipprevedi għall-awturi d-dritt esklużiv li jawtorizzaw ix-xandir bir-radju jew kull komunikazzjoni oħra lill-pubbliku mingħajr fili tax-xogħlijiet tagħhom, kif ukoll il-komunikazzjoni “sekondarja” tax-xogħol imxandar bir-radju, imwettaq minn kull korp ieħor għajr dak ta’ oriġini (15).

32.      Din ir-regolamentazzjoni tad-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku kienet imfassla, u hija b’mod partikolari adattata, għall-komunikazzjoni tat-tip “lineari”, sabiex nuża t-terminoloġija tad-Direttiva 2010/13/UE (16). F’dan il-mudell ta’ komunikazzjoni, is-sinjal huwa “imbuttat” lejn id-destinatarju (għalhekk it-terminu Ingliż push) li jista’ biss jirċevih (jew le) fil-mument li fih huwa jixxandar. Għaldaqstant huwa faċli li jiġi determinat meta seħħet il-komunikazzjoni, minn min toriġina u min huma d-destinatarji tagħha, jiġifieri l-pubbliku. Dan huwa l-mudell klassiku ta’ funzjonament tar-radju u tat-telediffużjoni.

33.      Bil-miġja tal-video on demand u, speċjalment, tal-internet, tfaċċa metodu ġdid ta’ komunikazzjoni, fejn il-kontenut tal-komunikazzjoni jitqiegħed biss għad-dispożizzjoni tal-utenti potenzjali, dawk li jistgħu jgawdu minnu meta u kif iridu. F’dan il-mudell, huwa biss fil-mument li l-utent jiddeċiedi li jirċievi l-kontenut li s-sinjal jiġi effettivament ikkomunikat lilu (pull). Kien jeżisti dubju jekk dan il-metodu ta’ operazzjoni kienx jissodisfa l-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” fis-sens tal-Konvenzjoni ta’ Berna (17).

34.      Il-Konvenzjoni ta’ Berna ġiet ikkompletata, b’mod partikolari sabiex il-provvedimenti tagħha jiġu adattati għall-progress tekniku, bit-Trattat tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali fuq id-dritt tal-awtur, adottat f’Ġenève fl-20 ta’ Diċembru 1996 (iktar ’il quddiem id-“WIPO”) (18). Il-kunċett tat-“tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku” kien ġie espressament introdott. Fil-fatt, l-Artikolu 8 tad-WIPO jipprevedi d-dritt esklużiv tal-awturi li jawtorizzaw kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħlijiet tagħhom bil-fili jew mezzi mingħajr fili, “inklużi li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku x-xogħlijiet tagħhom b’mod li membri tal-pubbliku jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom”. Għaldaqstant din id-dispożizzjoni ma tillimitax ruħha għall-komunikazzjoni bir-radju jew telediffużjoni, imma tinkludi kull mezz tekniku ta’ komunikazzjoni. Lanqas ma tillimita ruħha għall-komunikazzjoni lineari, imma testendi għat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ kontenut għal riċeviment matul perijodu mifrux. Huwa proprjament dan l-aħħar metodu ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku li huwa partikolarment rilevanti għall-każ tal-internet, b’mod partikolari għan-netwerks peer-to-peer.

35.      L-Artikolu 8 tad-WIPO ġie traspost fid-dritt tal-Unjoni bl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, dispożizzjoni li l-interpretazzjoni tagħha hija mitluba fil-kuntest ta’ din il-kawża. Din id-dispożizzjoni tirrepeti b’mod kważi identiku l-formulazzjoni użata fid-WIPO.

36.      Madankollu, id-Direttiva 2001/29 ma tinkludi l-ebda definizzjoni tal-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, lanqas ta’ dak ta’ “tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku”. Għaldaqstant, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li kellha tinkariga ruħha sabiex tirfina din id-definizzjoni. Skont il-ġurisprudenza, żewġ elementi huma indispensabbli sabiex ikun hemm komunikazzjoni lill-pubbliku: l-att ta’ komunikazzjoni u l-preżenza ta’ pubbliku (19).

37.      F’dak li jikkonċerna l-ewwel element, il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza r-rwol inevitabbli li għandu l-attur li minnu toriġina l-komunikazzjoni u n-natura intenzjonali tal-intervent tiegħu. Fil-fatt, dan l-attur iwettaq att ta’ komunikazzjoni meta huwa jintervjeni, bl-għarfien sħiħ tal-imġiba tiegħu, sabiex jagħti lill-klijenti tiegħu aċċess għal xogħol protett, u dan b’mod partikolari meta, fl-assenza ta’ dan l-intervent, dawn il-klijenti ma jkunux jistgħu, bħala prinċipju, igawdu x-xogħol imxandar (20).

38.      Għandu jiżdied, kif indikajt hawn fuq, li, fil-każ tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ta’ xogħol sabiex jirċevuh id-destinatarji meta jridu, l-att ta’ komunikazzjoni għandu jiġi evalwat billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-ispeċifità ta’ dan il-metodu ta’ komunikazzjoni. Hekk, kuntrarjament għall-komunikazzjoni mwettqa fuq l-inizjattiva tal-attur li minnu toriġina dik il-komunikazzjoni, fil-każ ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni, it-trażmissjoni effettiva tax-xogħol isseħħ biss potenzjalment u fuq l-inizjattiva tad-destinatarju. Madankollu, il-fakultà tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur li jopponi dik il-komunikazzjoni titwettaq fil-mument stess tat-tqegħid għad-dispożizzjoni, irrispettivament mill-kwistjoni ta’ jekk u meta sseħħ it-trażmissjoni effettiva (21).

39.      F’dak li jikkonċerna t-tieni element, dak tal-preżenza tal-pubbliku, jeħtieġ, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, żewġ rekwiżiti. Skont l-ewwel, il-komunikazzjoni għandha tkun indirizzata lil numru indeterminat imma pjuttost kbir ta’ destinatarji potenzjali. Dan il-kriterju jkun normalment issodisfatt fil-każ ta’ sit aċċessibbli, bħala prinċipju, għall-utenti kollha tal-internet (22).

40.      Skont it-tieni rekwiżit, il-pubbliku indirizzat bil-komunikazzjoni inkwistjoni għandu jkun “pubbliku ġdid”. Fl-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, f’dak li jikkonċerna t-tqegħid għad-dispożizzjoni fuq l-internet, il-komunikazzjoni ma ssirx lil pubbliku ġdid meta hija tikkonċerna xogħol diġà mqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, permezz ta’ aċċess liberu, fuq sit ieħor tal-internet. Fil-fatt, f’din l-aħħar sitwazzjoni, il-komunikazzjoni tindirizza, tal-inqas potenzjalment, l-istess pubbliku bħal dak indirizzat bit-tqegħid għad-dispożizzjoni oriġinali, jiġifieri l-utenti kollha tal-internet (23).

41.      Madankollu, din il-libertà tal-utenti tal-internet għandha limitazzjoni. Fil-fatt, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, fl-applikazzjoni tal-kriterju tal-pubbliku ġdid, ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni l-pubbliku li effettivament għandu aċċess għax-xogħol, imma biss il-pubbliku li kien ittieħed inkunsiderazzjoni mid-detentur tad-drittijiet tal-awtur waqt il-komunikazzjoni inizjali. Għall-kuntrarju, jekk ix-xogħol kien verament tqiegħed disponibbli, imma mingħajr il-kunsens tad-detentur tad-drittijiet, billi l-ebda pubbliku ma kien ittieħed inkunsiderazzjoni minnu, kull tqegħid għad-dispożizzjoni ġdid neċessarjament jindirizza pubbliku ġdid u għandu għalhekk jiġi kkunsidrat bħala komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 (24).

42.      Madankollu, ma għandux jiġi analizzat jekk il-komunikazzjoni hijiex maħsuba għal pubbliku ġdid fil-każ li din titwettaq bl-għajnuna ta’ mod tekniku speċifiku, jiġifieri mezz tekniku differenti minn dan użat għall-komunikazzjoni inizjali (25). F’dan il-każ, għaldaqstant, hemm dejjem komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens tad-Direttiva 2001/29.

43.      Jeħtieġ li dawn l-elementi jiġu issa eżaminati fil-kuntest tan-netwerks peer-to-peer.

 Il-komunikazzjoni lill-pubbliku fin-netwerks peer-to-peer

44.      Fil-fehma tiegħi ma jistax jiġi nnegat li meta xogħlijiet protetti bid-dritt tal-awtur huma maqsuma f’netwerk peer-to-peer, jitwettaq tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ta’ dawn ix-xogħlijiet.

45.      L-ewwel nett, ix-xogħlijiet jitqiegħdu għad-dispożizzjoni fuq il-kompjuters tal-utenti tan-netwerk, b’mod li kull utent ieħor ikun jista’ jniżżilhom. Il-fatt li, fis-sistema bittorrent, il-fajls li jinkludu x-xogħlijiet jinqasmu u jitniżżlu f’biċċiet minn kompjuters differenti hija partikolarità teknika mingħajr importanza. Fil-fatt, l-oġġett tal-protezzjoni ta’ dritt tal-awtur ma huwiex fajl, imma x-xogħol. Issa, ix-xogħlijiet jitqiegħdu għad-dispożizzjoni fit-totalità tagħhom u jiġu mwassla lill-utenti li jniżżluhom ukoll fit-totalità tagħhom, salv inċident tekniku.

46.      It-tieni nett, l-utenti potenzjali ta’ netwerk peer-to-peer miftuħ, bħal dak ta’ TPB, jikkostitwixxu mingħajr dubju numru indeterminat u pjuttost kbir ta’ persuni.

47.      Fl-aħħar nett, it-tielet nett, indipendentement mill-fatt li dan huwa mezz tekniku speċifiku, il-kriterju tal-pubbliku ġdid huwa wkoll sodisfatt, f’kull każ f’dak li jikkonċerna x-xogħlijiet maqsuma mingħajr il-kunsens tal-awturi. Fil-fatt, kif diġà fakkart fil-punt 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-kriterju tal-pubbliku ġdid għandu jiġi evalwat b’relazzjoni mal-pubbliku meħud inkunsiderazzjoni mill-awtur meta dan ikun ta l-kunsens tiegħu (26). Issa, jekk l-awtur tax-xogħol ma tax il-kunsens sabiex dan jiġi maqsum fuq netwerk peer-to-peer, l-utenti ta’ dan in-netwerk jikkostitwixxu awtomatikament pubbliku ġdid (27).

48.      Jifdal x’jiġi determinat liema huma l-persuni, f’netwerk peer-to-peer, li minnhom joriġina t-tqegħid għad-dispożizzjoni tax-xogħlijiet maqsuma: l-utenti tiegħu jew inkella l-operatur ta’ sit ta’ indiċjar bħal TPB.

49.      Meta jinstallaw u joperaw s-softwer ta’ qsim (il-bittorent client), li jipprovdu lil TPB it-torrents li jippermettu li jinstabu l-fajls preżenti fuq il-kompjuters tagħhom u jħallu dawn il-kompjuters fis-suq sabiex huma jistgħu jkunu attivi fin-netwerk, l-utenti jqiegħdu intenzjonalment ix-xogħlijiet li għandhom fil-pussess tagħhom għad-dispożizzjoni tal-utenti l-oħra tan-netwerk.

50.      Madankollu, dawn ix-xogħlijiet ma humiex ser ikunu aċċessibbli u l-funzjonament tan-netwerk mhux ser ikun possibbli, jew f’kull każ ser ikun iktar diffiċli u inqas effikaċi għall-użu, mingħajr is-siti bħal TPB li jippermettu li jinstabu u li jkun hemm aċċess għax-xogħlijiet. L-operaturi ta’ dawn is-siti jorganizzaw għalhekk is-sistema li tippermetti lill-utenti li jaċċedu għax-xogħlijiet imqiegħda għad-dispożizzjoni minn utenti oħra. Għaldaqstant ir-rwol tagħhom jista’ jiġi kkunsidrat bħala neċessarju (28).

51.      Huwa veru li sit bħal dan jillimita ruħu sabiex jelenka l-kontenut preżenti fuq in-netwerk peer-to-peer, jiġifieri l-metadata li tikkonċerna x-xogħlijiet li huma offruti għall-qsim mill-utenti tan-netwerk. Għaldaqstant bħala prinċipju l-operatur tas-sit ma għandu l-ebda effett fuq id-dehra ta’ xogħol partikolari fuq dan in-netwerk. Huwa biss intermedjarju li jippermetti lill-utenti tas-sit li jaqsmu l-kontenut f’peer-to-peer. Għalhekk, ir-rwol deċiżiv fil-komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħol partikolari ma jistax jiġi attribwit lilu sakemm huwa ma jkunx jaf li dan tqiegħed għad-dispożizzjoni illegalment jew sakemm, darba illi huwa jkun ġie avżat b’dik l-illegalità, huwa jaġixxi legalment sabiex jirrimedjaha. Madankollu, mill-mument li dan l-operatur ikun jaf li t-tqegħid għad-dispożizzjoni seħħ bi ksur tad-drittijiet tal-awtur u ma jaġixxix sabiex jirrendi l-aċċess għax-xogħol inkwistjoni impossibbli, l-imġiba tiegħu tista’ tiġi kkunsidrata li għandha l-għan li tippermetti, espressament, il-kontinwazzjoni tat-tqegħid għad-dispożizzjoni illegali ta’ dan ix-xogħol u, għaldaqstant, bħala intenzjonata.

52.      Inħoss li għandi nippreċiża li dan l-għarfien sħiħ mill-operatur tas-sit għandu jkun effettiv. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, fis-sitwazzjoni fejn dan l-operatur ikun ġie avżat espressament mid-detentur tad-drittijiet bin-natura illegali tal-informazzjoni preżenti fuq is-sit (29). Għalhekk ma tistax tiġi applikata għal dan is-sit il-preżunzjoni ta’ għarfien sħiħ simili għal dik ikkonstatata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza GS Media dwar il-persuni li jkunu qiegħdu hyperlink għal skop ta’ profitt (30). Fil-fatt, din il-preżunzjoni ser twassal sabiex timponi fuq l-operaturi tas-siti ta’ indiċjar tan-netwerks peer-to-peer, li jiffunzjonaw normalment għal skop ta’ profitt, obbligu ġenerali ta’ sorveljanza tal-kontenut indiċjat.

53.      L-intervent ta’ dawn l-operaturi jissodisfa għaldaqstant il-kriterju tan-natura neċessarja u intenzjonata, stabbilita fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (31). Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, għandu jiġi kkunsidrat li dawn l-operaturi huma wkoll, simultanjament u flimkien mal-utenti tan-netwerk, fl-oriġini tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku tax-xogħlijiet li huma maqsuma fil-kuntest tan-netwerk mingħajr il-kunsens tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur, jekk huma jkunu jafu b’din l-illegalità u ma jirreaġġixxux sabiex jagħmlu impossibbli l-aċċess għal dawn ix-xogħlijiet.

54.      Għaldaqstant għandha tingħata risposta għall-ewwel domanda preliminari fis-sens li l-fatt li l-operatur ta’ sit internet li jippermetti, billi jindiċja u jipprovdi mutur ta’ tfittxija għalihom, li jinstabu l-fajls li jinkludu xogħlijiet protetti bid-dritt tal-awtur li huma offruti għall-qsim f’netwerk peer-to-peer, jikkostitwixxi komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, jekk dan l-operatur ikun jaf bil-fatt li xogħol ikun tqiegħed għad-dispożizzjoni fuq in-netwerk mingħajr il-kunsens tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur u ma jirreaġixxix sabiex jirrendi impossibbli l-aċċess għal dan ix-xogħol.

 Fuq it-tieni domanda preliminari

 Rimarki preliminari

55.      It-tieni domanda preliminari saret mill-qorti tar-rinviju fl-eventwalità li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi fin-negattiv għall-ewwel domanda, għal liema jien nipproponi risposta affermattiva. Jekk, madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx mal-analiżi tiegħi hawn fuq, l-analiżi tat-tieni domanda preliminari ser issir neċessarja. Għaldaqstant sejjer nipproponi wkoll risposta għal din it-tieni domanda.

56.      It-tieni domanda preliminari ssemmi kemm l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29 kif ukoll l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2004/48. Madankollu, skont l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2004/48, kif ukoll, iktar direttament, skont l-aħħar sentenza tal-Artikolu 11 ta’ din id-direttiva, id-dispożizzjonijiet tagħha huma applikabbli mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/29, b’mod partikolari l-Artikolu 8 tagħha. Fil-fehma tiegħi, minn dan isegwi li, f’dak li jikkonċerna l-oqsma koperti bl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2001/29, din id-dispożizzjoni tgawdi preċedenza fuq l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2004/48. Isegwi li huwa biss l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29 li huwa rilevanti għat-tieni domanda preliminari. F’kull każ, dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet għandhom kontenut simili.

57.      B’din it-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29 għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa jippermetti li jingħata, kontra l-fornitur ta’ aċċess għall-internet, digriet fuq talba sabiex jiġi ordnat iwaqqaf lill-utenti tiegħu l-aċċess għal sit ta’ indiċjar ta’ netwerk peer-to-peer li permezz tiegħu jkun twettaq ksur tad-drittijiet tal-awtur, anki jekk l-operatur ta’ dan is-sit ma jikkomunikax huwa stess lill-pubbliku x-xogħlijiet li jkunu tqiegħdu għad-dispożizzjoni fuq dan in-netwerk.

 L-applikabbiltà ta’ dawn il-miżuri taħt l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29 għas-siti bħal TPB

58.      Infakkar li, skont l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29, għandu jkun possibbli għad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur li jitolbu inġunzjoni ta’ restrizzjoni kontra intermedjarji li s-servizzi tagħhom ikunu użati minn terzi sabiex jiksru d-drittijiet tagħhom.

59.      Fil-proċedura fil-kawża prinċipali, hemm qbil li l-konvenuti, bħala fornituri ta’ aċċess għall-internet, għandhom il-kwalità ta’ intermedjarji fis-sens tad-dispożizzjoni msemmija.

60.      Fil-fehma tiegħi huwa ċar ukoll li s-servizzi ta’ dawn l-intermedjarji huma użati minn terzi sabiex jiksru d-drittijiet tal-awtur. Fil-fatt, ġie kkonstatat li ċerti utenti ta’ dawn is-servizzi jużaw in-netwerk peer-to-peer sabiex fuqhom jaqsmu xogħlijiet mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur. Dan il-qsim jikkostitwixxi tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ta’ xogħol mingħajr awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur u, konsegwentement, ksur ta’ dawn id-drittijiet.

61.      Il-partikolarità tal-kawża prinċipali hija li l-miżura mitluba, jiġifieri l-imblokkar tal-aċċess għas-sit TPB, sejjer jaffettwa mhux biss lill-utenti li jwettqu l-ksur tad-drittijiet tal-awtur, imma wkoll is-sit TPB, li mhux ser ikun jista’ joffri s-servizzi tiegħu lill-utenti kkonnettjati mal-internet permezz tal-konvenuti fil-kawża prinċipali.

62.      Il-possibbiltà ta’ din il-miżura kienet ċertament ammessa mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha UPC Telekabel Wien (32). Madankollu, dik kienet tikkonċerna każ ta’ mblokkar tal-aċċess għal sit internet li l-operatur tiegħu kien huwa stess kkunsidrat bħala l-oriġini tal-ksur tad-drittijiet tal-awtur. Fil-fatt, ix-xogħlijiet imqiegħda illegalment għad-dispożizzjoni tal-pubbliku kienu jinsabu fuq is-sit internet inkwistjoni u kienu jitniżżlu mill-utenti minn dan is-sit. Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Qorti tal-Ġustizzja setgħet tiddeċiedi li l-operatur ta’ dak is-sit kien juża, sabiex iwettaq il-ksur tad-drittijiet tal-awtur, is-servizzi tal-fornitur ta’ aċċess għall-internet tal-persuni li kienu jaċċedu s-sit.

63.      Is-sitwazzjoni hija ferm differenti f’din il-kawża, għaliex huwa stabbilit li TPB ma twettaqx hija stess il-komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħlijiet mingħajr il-kunsens tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur, u lanqas ma jista’ jiġi konkluż li hija tuża s-servizzi tal-aċċess għall-internet tal-utenti tan-netwerk peer-to-peer sabiex twettaq il-ksur tad-drittijiet tal-awtur.

64.      Issa, l-ipoteżi msemmija fl-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29 tippresupponi l-eżistenza ta’ rabta bejn l-oġġett tad-digriet fuq talba u l-ksur tad-drittijiet tal-awtur. Miżura ta’ mblokkar ta’ sit internet timplika li tkun ġiet ikkonstatata r-responsabbiltà tal-operatur ta’ dak is-sit għal ksur tad-drittijiet tal-awtur bl-għajnuna tas-servizzi tal-intermedjarju li lilu għandu jkun indirizzat id-digriet fuq talba. Huwa f’din iċ-ċirkustanza li l-operatur għandu l-kwalità ta’ terz li jikser id-drittijiet tal-awtur fis-sens tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29.

65.      Jekk l-operatur inkwistjoni ma jwettaqx huwa stess l-att kopert bil-monopolju tal-awtur (pereżempju l-komunikazzjoni lill-pubbliku), dan il-ksur jista’ jkun biss indirett. Meħud inkunsiderazzjoni l-fatt li r-responsabbiltà għal dan it-tip ta’ ksur ma hijiex armonizzata fil-livell tad-dritt tal-Unjoni, hija għandha tkun espressament prevista fid-dritt nazzjonali. Għandhom ikunu l-qrati nazzjonali li jivverifikaw jekk din ir-responsabbiltà teżistix fid-dritt intern tagħhom.

66.      Jekk din ir-responsabbiltà tista’ tiġi kkonstatata fi ħdan l-operatur ta’ sit ta’ indiċjar f’netwerk peer-to-peer li fuqu jinqasmu xogħlijiet protetti mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur, għandu jiġi kkunsidrat li dan l-operatur juża s-servizzi tal-fornituri ta’ aċċess għall-internet sabiex il-klijenti jaqsmu l-fajls fuq dan in-netwerk, b’analoġija għal persuna li twettaq hija stess, direttament, ksur għad-drittijiet tal-awtur.

67.      Din il-konstatazzjoni ma tiddgħajjifx mill-fatt li sit bħal TPB jista’ jidħol fil-kategorija tal-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting li r-responsabbiltà tagħhom għall-informazzjoni maħżuna hija bħala prinċipju eskluża taħt l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31. Din l-immunità hija fil-fatt kundizzjonali. Hija mogħtija biss jekk il-fornitur ma jkollux għarfien tan-natura illegali tal-informazzjoni maħżuna u bil-kundizzjoni li, darba jiġi avżat b’din l-illegalità, huwa jaġixxi mill-ewwel sabiex jirtira l-informazzjoni inkwistjoni jew jirrendi l-aċċess għaliha impossibbli.

68.      Jekk il-fornitur intermedjarju ma jissodisfax dawn il-kundizzjonijiet, jiġifieri jekk huwa kien jaf bl-illegalità tal-informazzjoni maħżuna imma ma aġixxiex sabiex jirtiraha jew jirrendi l-aċċess għaliha impossibbli, huwa jista’ jinżamm indirettament responsabbli għal din l-informazzjoni.

69.      Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, tal-operatur ta’ sit ta’ indiċjar ta’ netwerk peer-to-peer li kien jaf jew kien ġie avżat li l-fajls torrent ipprovduti mill-utenti tan-netwerk kienu jippermettu l-qsim tax-xogħlijiet imqiegħda għad-dispożizzjoni f’dan in-netwerk mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur u ma aġixxiex sabiex jirtira dawn il-fajls. Issa, hemm qbil, fil-proċedura fil-kawża prinċipali, li dan huwa l-każ ta’ TBP. Għaldaqstant, l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2000/31 ma jipprekludix ir-responsabbiltà tiegħu għall-ksur tad-drittijiet tal-awtur li jirriżultaw minn dan it-tqegħid għad-dispożizzjoni.

70.      Għandha tiġi kkunsidrata wkoll il-konformità ta’ din il-miżura mad-drittijiet fundamentali.

 Il-konformità ta’ mblokkar ta’ aċċess għal sit internet mad-drittijiet fundamentali

71.      Il-miżuri meħuda fuq il-bażi tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29 għandhom ikunu konformi mad-drittijiet fundamentali applikabbli (33). Il-kwistjoni ta’ din il-konformità fir-rigward ta’ miżura li tordna l-imblokkar għall-utenti tas-servizzi ta’ fornitur ta’ aċċess għall-internet tal-possibbiltà li jaċċedu sit rikonoxxut responsabbli għal ksur tad-drittijiet tal-awtur kienet ġiet analizzata mill-Qorti tal-Ġustizzja b’mod approfondit fis-sentenza UPC Telekabel Wien (34). Il-Qorti tal-Ġustizzja ammettiet din il-miżura fid-dawl tad-drittijiet fundamentali, billi imponiet tliet kundizzjonijiet (35).

72.      L-ewwel nett, il-fornitur destinatarju tal-inġunzjoni għandu jkollu l-għażla tal-mezzi tekniċi implementati sabiex jikkonforma ruħu magħha u jkun jista’ jissodisfa l-obbligi tiegħu billi juri li huwa ħa l-miżuri raġonevoli kollha għal dan l-għan. Din hija waħda mill-kundizzjonijiet imposti fuq id-dritt nazzjonali u l-osservanza tagħhom taqa’ taħt il-kontroll tal-qrati nazzjonali.

73.      It-tieni nett, il-miżuri meħuda ma għandhomx iċaħħdu inutilment lill-utenti tal-internet mill-possibbiltà li jaċċedu b’mod legali għall-informazzjoni disponibbli. Issa, huwa ċar li miżura ta’ mblokkar ta’ sit partikolari jċaħħad lill-utenti tal-internet mill-aċċess għall-informazzjoni disponibbli hemmhekk, kemm jekk legali kemm jekk le.

74.      L-evalwazzjoni tal-legalità ta’ din il-miżura għandha għalhekk, fil-fehma tiegħi, ssir każ każ billi tiġi analizzata l-proporzjonalità bejn, minn naħa, il-miżura u ċ-ċaħda tal-aċċess għall-informazzjoni li tirriżulta minnha, u, min-naħa l-oħra, in-numru u s-serjetà tal-ksur tad-drittijiet tal-awtur imwettaq permezz ta’ dak is-sit.

75.      F’dak li jikkonċerna l-każ ta’ TPB, skont l-informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li ovvjament għandhom jiġu vverifikati mill-qorti tar-rinviju, iktar minn 90 % tal-fajls li l-aċċess għalihom sar possibbli minn dan is-sit jinkludu xogħlijiet imqiegħda għad-dispożizzjoni tal-pubbliku mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur. Barra minn hekk, l-operaturi ta’ TPB kienu, f’diversi okkażjonijiet, ġew avżati bin-natura illegali tal-kontenut tas-sit tagħhom u mitluba jirtirawhom, ħaġa li huma espressament irrifjutaw li jagħmlu.

76.      Fil-fehma tiegħi, f’dawn iċ-ċirkustanzi, iċ-ċaħda lill-utenti tal-internet mill-aċċess għall-informazzjoni, riżultanti mill-miżura ta’ mblokkar tas-sit TPB, ser tkun proporzjonali għan-numru u għas-serjetà tal-atti ta’ ksur tad-drittijiet tal-awtur imwettqa fuq dan is-sit. L-evalwazzjoni tiegħi hija bbażata kemm fuq il-proporzjon tal-kontenut illegali kif ukoll fuq l-attitudini tal-operaturi ta’ dan is-sit. Dan huwa partikolarment il-każ għaliex, jekk ix-xogħlijiet ikunu legalment maqsuma fuq netwerk peer-to-peer, huwa wisq probabbli li huma jkunu wkoll faċilment u mingħajr ħlas aċċessibbli b’mezzi oħra u huma jistgħu faċilment jitqiegħdu għad-dispożizzjoni. Is-sitwazzjoni kienet tkun differenti fil-każ fejn is-sit internet li fuqu l-kontenut illegali jkun biss marġinali u fejn l-operaturi jikkooperaw lealment sabiex jirtirawh.

77.      Nagħmilha ċara li l-analiżi finali dwar il-proporzjonalità tal-miżura intiża għandha ssir mill-qrati nazzjonali.

78.      Fl-aħħar nett, it-tielet nett, il-miżura għandu jkollha l-effett li timpedixxi jew, tal-inqas, tagħmel diffiċilment jitwettaq l-aċċess mhux awtorizzat għall-oġġetti protetti u tiskoraġġixxi serjament lill-utenti tal-internet li jkollhom aċċess għas-servizzi tad-destinarju tal-inġunzjoni milli jaċċedu għal dawn l-oġġetti mqiegħda għad-dispożizzjoni tagħhom bi ksur tad-drittijiet tal-awtur. Fi kliem ieħor, il-miżura għandu jkollha l-għan li twaqqaf u tipprevjeni l-ksur tad-drittijiet tal-awtur u għandha tkun raġonevolment effikaċi sabiex jintlaħaq dan l-għan.

79.      F’din il-kawża, il-konvenuti fil-kawża prinċipali jesprimu dubji serji dwar l-effikaċja tal-miżura konsistenti f’li jiġi mblokkat l-aċċess għas-sit TPB. Huma jsostnu, minn naħa, li din il-miżura ser tkun ineffikaċi, għaliex l-istess xogħlijiet jistgħu jinsabu u jitniżżlu minn fuq l-internet bl-għajnuna ta’ mezzi oħra mhux ta’ TPB. Min-naħa l-oħra, il-miżura li jiġi mblokkat indirizz tal-internet ser tkun faċilment evitabbli minn kull utent tal-internet avżat.

80.      Għandu madankollu jiġi nnotat li, fl-ewwel lok, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma huwiex neċessarju li l-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali tkun żgurata b’mod assolut, jiġifieri li l-miżura tkun intiża li twassal għall-waqfien totali tal-ksur tad-drittijiet tal-awtur. Huwa biżżejjed fil-fatt li hija tiskoraġġixxi serjament lill-utenti tal-internet milli jwettqu dan il-ksur jew tagħmlu diffiċli (36). Issa, meħud inkunsiderazzjoni r-rwol tas-siti internet bħal TPB fil-funzjonament tan-netwerks peer-to-peer, jidhirli li ma jistax jiġi nnegat li l-imblokkar tal-aċċess għal dan is-sit ser itellef jew jirrendi diffiċli, għall-maġġoranza tal-utenti, li jsibu x-xogħlijiet imqiegħda għad-dispożizzjoni fuq dan in-netwerk u għaldaqstant li jniżżluhom bi ksur tad-drittijiet tal-awtur.

81.      Fit-tieni lok, il-fatt li siti tal-internet oħra barra TPB jistgħu jimlew l-istess rwol ma jtellef xejn mill-effikaċja tal-miżura mitluba fil-proċedura fil-kawża prinċipali, għaliex miżuri analogi jistgħu jintalbu sabiex jimblokkawlhom kull aċċess għal dawn is-siti. Aċċettazzjoni tar-raġunament tal-konvenuti fil-kawża prinċipali tkun twassal sabiex jiġi ammess li ebda miżura ta’ prevenzjoni ta’ ksur tal-liġi ma sejra tkun effikaċi għaliex ksur ġdid dejjem ser jitwettaq minn persuni oħra.

82.      Fl-aħħar nett, fit-tielet lok, għandu jiġi mfakkar li miżura ċertament iktar effikaċi, konsistenti fl-ordni li jiġi mblokkat it-traffiku kollu fuq l-internet li jwassal għax-xogħlijiet maqsuma illegalment fuq netwerks peer-to-peer, kienet diġà s-suġġett tal-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Din tal-aħħar ċaħdet din il-miżura billi qisitha ristrettiva wisq għall-fornituri ta’ aċċess għall-internet u tinterferixxi b’mod eżaġerat fid-drittijiet tal-utenti (37).

83.      Jekk anki llum għandha tiġi miċħuda miżura li hija inqas restrittiva fuq il-fornituri tas-servizzi u li tikkostitwixxi inqas interferenza fid-drittijiet tal-utenti għall-motiv li ma hijiex effikaċi biżżejjed, il-fornituri ta’ aċċess għall-internet ser ikunu definittivament de facto meħlusa mill-obbligu tagħhom li jikkooperaw fil-ġlieda kontra l-ksur tad-drittijiet tal-awtur. Madankollu, id-derogi fil-qasam ta’ responsabbiltà tal-fornituri intermedjarji prevista mid-Direttiva 2000/31 jikkostitwixxu wieħed mill-elementi tal-bilanċ bejn l-interessi differenti involuti stabbiliti, skont il-premessa 41 tagħha, minn din id-direttiva. Il-korrispettiv ta’ dawn id-derogi, fil-kuntest ta’ dan il-bilanċ, ma huwiex biss l-assenza ta’ kull kompliċità tal-fornituri intermedjarji fil-ksur tal-liġi, imma wkoll il-kooperazzjoni tagħhom sabiex jevitaw jew jipprevjenu dan il-ksur. Huma ma jistgħux jevitaw dan l-obbligu billi jinvokaw, skont iċ-ċirkustanzi, kemm in-natura restrittiva żżejjed tal-miżuri, kemm l-ineffikaċja tagħhom.

84.      Għaldaqstant, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja, fl-ipoteżi li hija tagħti risposta negattiva għall-ewwel domanda preliminari, li tirrispondi għat-tieni domanda li l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jippermetti li jingħata digriet fuq talba kontra intermedjarju li jordnalu jimblokka lill-utenti tiegħu l-aċċess għal sit ta’ indiċjar ta’ netwerk peer-to-peer, jekk l-operatur ta’ dan is-sit jista’, skont id-dritt nazzjonali, jinżamm responsabbli għall-fatt tal-ksur tad-drittijiet tal-awtur imwettaq mill-utenti ta’ dan in-netwerk, bil-kundizzjoni li din il-miżura tkun proporzjonali għan-numru u s-serjetà tal-atti ta’ ksur tad-drittijiet tal-awtur imwettqa, li għandha tkun il-qorti nazzjonali li tivverifika.

 Konklużjoni

85.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti s-segwenti risposta għad-domandi preliminari tal-Hoge Raad der Nederlanden (qorti suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi):

Il-fatt li l-operatur ta’ sit internet jippermetti, billi jindiċjahom u jipprovdi mutur ta’ tfittxija għalihom, li jinsabu fajls li jinkludu xogħlijiet protetti bid-dritt tal-awtur li huma offruti għall-qsim f’netwerk peer-to-peer, jikkostitwixxi komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni, jekk dan l-operatur kien jaf li xogħol kien tqiegħed għad-dispożizzjoni fuq in-netwerk mingħajr il-kunsens tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur u ma rreaġixxiex sabiex jagħmel impossibbli l-aċċess għal dak ix-xogħol.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – “Il-fajl maqsum huwa t-teżor, il-klijent bittorrent huwa l-vapur, il-fajl torrent huwa l-mappa li tindika fejn jinsab it-teżor, The Pirate Bay tipprovdi l-mapep mingħajr ħlas u t-trekker huwa x-xiħ għaref li għandu jiġi kkonsultat sabiex tiftiehem il-mappa.” (traduzzjoni tiegħi).


3 – Sentenza tal-Federal Court of Australia, tal-4 ta’ Frar 2010, Roadshow Films Pty Ltd vs iiNet Limited (No. 3) [2010] FCA 24, punt 70. Dan it-test huwa wkoll iċċitat minn M. van Peursem, Avukat Ġenerali quddiem il-Hoge Raad (qorti suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) fil-kawża prinċipali.


4 – Sentenza tat-13 ta’ Frar 2014, C‑466/12, EU:C:2014:76.


5 – Sentenza tat-8 ta’ Settembru 2016, C‑160/15, EU:C:2016:644.


6 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25, p. 399.


7 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230.


8 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 2, p. 32.


9 – Jiġifieri, l-Artikolu 26d tal-Auteurswet (liġi Olandiża fuq id-drittijiet tal-awtur) u l-Artikolu 15 tal-Wet op de naburige rechten (liġi fuq id-drittijiet relatati).


10 – Pereżempju, TPB kienet ifformata mill-membri ta’ Piratbyrån, organizzazzjoni kontra d-drittijiet tal-awtur Svediża.


11 – Sentenza tal-United States Court of Appeals for the Ninth Circuit, tat-12 ta’ Frar 2001, A&M Records, Inc. vs Napster, Inc. (239 F.3d 1004).


12 – Tista’ tiġi ċċitata bħala l-ewwel referenza Wikipedia, sors dejjem rilevanti fil-qasam tal-internet (titoli “peer-to-peer”, “bittorrent”, “The Pirate Bay”). Ara wkoll id-deċiżjoni tal-Qorti Awstraljana ċċitata fin-nota 3, punti 43 sa 78, kif ukoll Edwards, L., The Role and Responsibility of Internet Intermediaries in the Field of Copyright and Related Rights, dokument ippreparat mill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali, disponibbli fuq is-sit internet taħt in-numru WIPO-ISOC/GE/11/REF/01/EDWARDS.


13 – Hekk, wara l-preżentata tat-talba preliminari f’din il-kawża, is-sit ta’ TPB ġie mgħammar, b’żieda mal-possibbiltà tat-tniżżil tal-fajls, b’possibbiltà ta’ fluss kontinwu (streaming) ta’ xogħlijiet maqsuma fuq in-netwerk peer-to-peer, bl-għajnuna ta’ softwer ġdid. Din il-modalità ġiet ippreżentata waqt is-seduta mir-rappreżentant ta’ Stichting Brein.


14 – Att ta’ Berlin tal-1908.


15 – Il-formulazzjoni attwali tal-Artikolu 11a tal-Konvenzjoni ta’ Berna tirriżulta mill-Att ta’ Brussell tas-26 ta’ Ġunju 1948.


16 – Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-10 ta’ Marzu 2010, dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (ĠU 2010, L 95, p. 1). Din hija komunikazzjoni lineari fiż-żmien, jiġifieri li tista’ tiġi rċevuta biss fl-istess mument tax-xandir [ara l-Artikolu 1(1)(e) tad-Direttiva 2010/13].


17 – Ara, b’mod partikolari, von Lewinski, S., Walter, M., European Copyright Law. A Commentary, Oxford University Press 2010, p. 973 sa 980.


18 – Trattat approvat f’isem il-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/278/KE, tas-16 ta’ Marzu 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 33, p. 208).


19 – Ara, dan l-aħħar, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2016, GS Media (C‑160/15, EU:C:2016:644, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).


20 – Sentenza tat-8 ta’ Settembru 2016, GS Media (C‑160/15, EU:C:2016:644, punt 35).


21 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Frar 2014, Svensson et (C‑466/12, EU:C:2014:76, punt 19).


22 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Frar 2014, Svensson et (C‑466/12, EU:C:2014:76, punt 22).


23 – Ara s-sentenza tat-13 ta’ Frar 2014, Svensson et (C‑466/12, EU:C:2014:76, punti 24 sa 27).


24 – Sentenza tat-8 ta’ Settembru 2016, GS Media (C‑160/15, EU:C:2016:644, punt 43).


25 – Sentenza tas-7 ta’ Marzu 2013, ITV Broadcasting et (C‑607/11, EU:C:2013:147, punt 39).


26 – Ara b’mod partikolari s-sentenzi tat-13 ta’ Frar 2014, Svensson et (C‑466/12, EU:C:2014:76, punt 24), u tat-8 ta’ Settembru 2016, GS Media (C‑160/15, EU:C:2016:644, punti 37 u 42).


27 – Dan jirriżulta wkoll, b’mod impliċitu, mill-punt 43 tas-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2016, GS Media (C‑160/15, EU:C:2016:644).


28 – Ara wkoll, fuq dan is-suġġett, il-punti 26 u 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


29 – Dan huwa l-każ, skont l-informazzjoni li tinsab fil-fajl, tas-sit TPB fil-kawża prinċipali.


30 – Sentenza tat-8 ta’ Settembru 2016 (C‑160/15, EU:C:2016:644, punt 51).


31 – Sentenza tat-8 ta’ Settembru 2016, GS Media (C‑160/15, EU:C:2016:644, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).


32 – Sentenza tat-2 ta’ Marzu 2014 (C‑314/12, EU:C:2014:192).


33 – Sentenza tas-27 ta’ Marzu 2014, UPC Telekabel Wien (C‑314/12, EU:C:2014:192, punti 45 u 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).


34 – Sentenza tas-27 ta’ Marzu 2014 (C‑314/12, EU:C:2014:192, punti 46 sa 63).


35 – Sentenza tas-27 ta’ Marzu 2014, UPC Telekabel Wien (C‑314/12, EU:C:2014:192, punt 64).


36 – Sentenza tas-27 ta’ Marzu 2014, UPC Telekabel Wien (C‑314/12, EU:C:2014:192, punti 61 sa 63). Fil-fehma tal-Qorti tal-Ġustizzja, anki miżura li ma twaqqafx direttament il-ksur tad-drittijiet tal-awturi, imma li tirrikjedi biss li l-utenti jidentifikaw ruħhom sabiex jaċċedu għall-internet, tissodisfa dawn il-kriterji [sentenza tat-15 ta’ Settembru 2016, Mc Fadden (C‑484/14, EU:C:2016:689, punti 95 u 96)].


37 – Sentenza tal-24 ta’ Novembru 2011, Scarlet Extended (C‑70/10, EU:C:2011:771, punti 38 sa 52).