Language of document : ECLI:EU:T:2010:399

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

13 ta’ Settembru 2010(*)

“Trade mark Komunitarja – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja verbali OFTEN – Trade mark nazzjonali verbali preċedenti OLTEN – Raġuni relattiva għal rifjut – Probabbiltà ta’ konfużjoni – Xebh tas‑sinjali – Xebh tal-prodotti – Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009] – Prova tal‑użu ġenwin mit-trade mark preċedenti – Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 42(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009] – Suġġett tal-kawża quddiem il-Bord tal-Appell – Artikoli 61 u 62 tar-Regolament (KE) Nru 40/94 [li saru l-Artikoli 63 u 64 tar-Regolament (KE) Nru 207/2009]”

Fil-Kawża T‑292/08,

Industria de Diseño Textil (Inditex), SA, stabbilita f’Arteixo (Spanja), irrappreżentata minn E. Armijo Chávarri u A. Castán Pérez-Gómez, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn O. Mondéjar Ortuño, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedura quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI kienet

Roberto Fernando Marín Díaz de Cerio, li jgħix f’Logroño (Spanja),

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI tat-24 ta’ April 2008 (Każ R 484/2007‑2), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Roberto Fernando Marín Díaz de Cerio u Industria de Diseño Textil (Inditex), SA,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),

komposta minn A. W. H. Meij, President, V. Vadapalas (Relatur) u T. Tchipev, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-23 ta’ Lulju 2008,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-7 ta’ Novembru 2008,

wara s-seduta tat-12 ta’ Frar 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fit-5 ta’ Awwissu 2002, ir-rikorrenti, Industria de Diseño Textil (Inditex), SA, ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja fl-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 tal-20 ta’ Diċembru 1993 dwar it‑trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), kif emendat [sostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru‑207/2009 tas‑26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)].

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni hija s‑sinjal verbali OFTEN.

3        Il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu taħt il‑klassi 14 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta’ Prodotti u Servizzi għall-finijiet tar-Reġistrazzjoni ta’ Trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrevedut u emendat, u jikkorrispondu mad-deskrizzjonijiet segwenti: “metall prezzjuż u l-ligi tagħhom u prodotti ta’ metall prezzjuż jew miksija b’dan mhux inklużi fi klassijiet oħra; ġojjelli, ħaġar prezzjuż; strumenti li juru l-ħin u kronometriċi; labar dekorattivi; labar tal-ingravati; kaxxex għall-labar [tal-metall prezzjuż]; anelli tas-sarvetti [tal-metall prezzjuż]; oġġetti tal‑arti magħmula tal-metall prezzjuż; katini għall-imfietaħ dekorati; medalji; muniti; prodotti tal-artiġjanat (minbarra skieken, frieket u mgħaref); insinji magħmula tal-metall prezzjuż; ornamenti għaż-żraben u ornamenti għall-kpiepel tal-metall prezzjuż; axtrejs għal min ipejjep (tal-metall prezzjuż); buttuni tal-qomos.”

4        L-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja ġiet ippubblikata fil‑Bulettin tat‑trade marks Komunitarji Nru 31/2004, tat-2 ta’ Awwissu 2004.

5        Fis-26 ta’ Ottubru 2004, Roberto Fernando Marín Díaz de Cerio għamel oppożizzjoni, skont l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l‑Artikolu 41 tar-Regolament Nru 207/2009), kontra r-reġistrazzjoni tat‑trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għall-prodotti msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq.

6        L-oppożizzjoni hija bbażata fuq it-tliet trade marks Spanjoli li ġejjin:

–        it-trade mark verbali OLTEN, irreġistrata fil-5 ta’ Settembru 1988 (Nru 1182270) għal prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 14;

–        it-trade mark figurattiva, irreġistrata fil-5 ta’ Marzu 1990 (Nru 1293560) għal prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 14, riprodotta kif ġej:

Image not found

–        it-trade mark figurattiva, irreġistrata fl-20 ta’ Novembru 2002 (Nru 2460666) għal prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 14, riprodotta kif ġej:

Image not found

7        Ir-raġuni invokata insostenn tal-oppożizzjoni kienet dik imsemmija fl‑Artikolu 8(1)(b) tar‑Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009).

8        B’ittra tat-2 ta’ Settembru 2005, ir-rikorrenti talbet li R. Marín Díaz de Cerio jressaq prova tal-użu ġenwin mit-trade marks preċedenti, skont l‑Artikolu 43(2) u (3), tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 42(2) u (3) tar-Regolament Nru 207/2009).

9        Fit-2 ta’ Frar 2007, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni laqgħet parzjalment l‑oppożizzjoni, fir-rigward tal-prodotti li ġejjin li jaqgħu taħt il-klassi 14: “Prodotti tal-[metall prezzjuż u l-ligi tagħhom] jew miksija b’dan mhux inklużi fi klassijiet oħra; ġojjelli, ħaġar prezzjuż; strumenti li juru l-ħin u kronometriċi; labar dekorattivi; labar tal-ingravati; katini għall‑imfietaħ dekorati; medalji; insinji magħmula tal-metall prezzjuż; ornamenti għaż-żraben u ornamenti għall-kpiepel tal-metall prezzjuż; buttuni tal-qomos”. Hija kkunsidrat b’mod partikolari li l-użu ġenwin mit-trade mark preċedenti OLTEN intwera, fir-rigward tal-“[i]strumenti li juru l-ħin”, li jaqgħu taħt il-klassi 14, u li kienet teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni fir-rigward tal-prodotti inkwistjoni, bejn it-trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni u l-imsemmija trade mark preċedenti.

10      Fit-28 ta’ Marzu 2007, ir-rikorrenti ppreżentat appell quddiem l-UASI, skont l‑Artikoli 57 sa 62 tar-Regolament Nru 40/94 (li saru l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009), mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal‑Oppożizzjoni. Fil-kuntest ta’ dan l-appell, hija kkontestat l‑evalwazzjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni fir-rigward tax-xebh bejn it-trade marks inkwistjoni u l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni.

11      B’deċiżjoni tal-24 ta’ April 2008 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), it‑Tieni Bord tal-Appell ċaħad l-appell. B’mod partikolari, huwa qies li, minħabba x-xebh bejn il-prodotti inkwistjoni u x-xebh viżiv u fonetiku kbir bejn it-trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni u t-trade mark preċedenti OLTEN, setgħet teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni bejn dawn it-trade marks f’moħħ il‑pubbliku Spanjol ikkonċernat.

 It-talbiet tal-partijiet

12      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha tannulla d-deċiżjoni kkontestata, għall-prodotti kollha miċħuda għar-reġistrazzjoni jew parti minnhom.

13      L-UASI jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

14      Minħabba l-impediment tal-Imħallef Tchipev wara t-tmiem tal-proċedura orali, l-Imħallef Truchot ġie maħtur, skont l-Artikolu 32(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, sabiex jikkompleta l-awla.

15      B’digriet tal-5 ta’ Lulju 2010, il-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla), fil-kompożizzjoni l-ġdid tagħha, fetħet mill-ġdid il-proċedura orali u l-partijiet ġew informati li kienu ser jinstemgħu waqt seduta ġdida fis-6 ta’ Settembru 2010.

16      B’ittri tad-9 u tal-15 ta’ Lulju 2010, rispettivament, ir-rikorrenti u l-UASI informaw lill-Qorti Ġenerali li kienu qegħdin jirrinunzjaw li jinstemgħu għal darba oħra. Il-parti l-oħra fil-proċedura quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI ma rrisponditx għall-konvokazzjoni tal-Qorti Ġenerali.

17      Konsegwentement, il-President tas-Sitt Awla ddeċieda li jagħlaq il-proċedura orali.

 Id-dritt

18      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi, ibbażati, l‑ewwel nett, fuq ksur tal-Artikoli 61 u 62 tar-Regolament Nru 40/94 (li saru l-Artikoli 63 u 64 tar-Regolament Nru 2007/2009), it-tieni nett, fuq ksur tal-Artikolu 43(2) tal-imsemmi regolament u, it-tielet nett, fuq ksur tal-Artikolu 8(1)(b) ta’ dan ir‑regolament.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 61 u 62 tar-Regolament Nru 40/94

 L-argumenti tal-partijiet

19      Ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell kiser l-Artikoli 61 u 62 tar‑Regolament Nru 40/94 billi naqas milli jeżamina l-kwistjonijiet, minn naħa, tal-prova tal-użu ġenwin mit-trade mark preċedenti OLTEN u, min-naħa l-oħra, tax-xebh bejn il‑prodotti inkwistjoni. Dawn iż-żewġ kwistjonijiet kienu ġew diskussi quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, fejn ir-rikorrenti sostniet, minn naħa, li l-użu mit-trade mark preċedenti OLTEN ma kienx ġie stabbilit u, min-naħa l-oħra, li l‑prodotti inkwistjoni, bl-eċċezzjoni tal-istrumenti li juru l-ħin, huma differenti.

20      Skont ir-rikorrenti, abbażi tal-prinċipju ta’ kontinwità funzjonali bejn id-diversi dipartimenti tal-UASI, il-Bord tal-Appell huwa marbut jeżamina dawn il‑kwistjonijiet, minkejja li ma tqajmux quddiemu. Il‑motivi msemmija fil-punt 26 tad-deċiżjoni kkontestata huma insuffiċjenti f’dan ir-rigward.

21      L-UASI jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

22      Skont l-Artikolu 61(1) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 63(1) tar-Regolament Nru 207/2009), jekk l-appell ikun ammissibbli, il-Bord tal-Appell għandu jeżamina jekk l-appell għandux jintlaqa’.

23      Skont l-Artikolu 62(1) tal-istess regolament (li sar l-Artikolu 64(1) tar‑Regolament Nru 207/2009), wara li jsir l-eżami tal-ammissibbiltà, il‑Bord tal-Appell għandu jiddeċiedi dwar l-appell. Huwa jista’ jew jeżerċita kull poter fil-kompetenza tad-dipartiment li kien responsabbli għad-deċiżjoni appellata jew jirrinvija l-każ lil dak id‑dipartiment għal prosekuzzjoni ulterjuri.

24      Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm fir-rikors tagħha r‑rikorrenti tagħmel riferiment għall-Artikolu 62(2) tar-Regolament Nru 40/94, mill-argumenti tagħha, kif ukoll minn preċiżazzjoni mwettqa waqt is-seduta, jirriżulta li hija qed tinvoka, fir-realtà, il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu.

25      Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li, bħala effett tal-appell li jsirlu, il‑Bord tal-Appell huwa mitlub jagħmel eżami ġdid u komplut tal-mertu tal-oppożizzjoni kemm fid-dritt kif ukoll fil-fatt (sentenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja tat-13 ta’ Marzu 2007, UASI vs Kaul, C‑29/05 P, Ġabra p. I‑2213, punt 57).

26      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 74(1) tar‑Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009), fi proċedura li tikkonċerna l-motivi għal rifjut ta’ reġistrazzjoni, bħal dik fil-kawża preżenti, l‑eżami ex officio tal-fatti li jwettaq l-UASI għandu jkun limitat għall-motivi invokati u għat-talbiet ippreżentati mill-partijiet.

27      Fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ oppożizzjoni, il-kriterji ta’ applikazzjoni ta’ raġuni relattiva għal rifjut, ta’ reġistrazzjoni, bħal kull dispożizzjoni oħra invokata insostenn tat-talbiet magħmula mill-partijiet jagħmlu naturalment parti mill-elementi ta’ dritt suġġetti għall-eżami tal-UASI. Kwistjoni ta’ dritt jista’ jkollha tiġi deċiża mill-UASI għalkemm hija ma tkunx tressqet mill-partijiet, jekk deċiżjoni fuq dan il-punt hija neċessarja sabiex tiżgura l-applikazzjoni korretta tar-Regolament Nru 40/94 fid-dawl tar-raġunijiet u t-talbiet ippreżentati mill-partijiet. Għaldaqstant, kwistjoni ta’ dritt li għandha neċessarjament tiġi eżaminata għall-evalwazzjoni tar-raġunijiet invokati mill-partijiet u sabiex jiġu milqugħa jew miċħuda talbiet tagħmel ukoll parti mill-elementi tad-dritt ippreżentati quddiem il‑Bord tal-Appell, anki jekk dawn tal-aħħar ma jsemmu xejn dwar din il-kwistjoni u wkoll jekk l‑UASI jkun naqas milli jiddeċiedi fuq dan l-aspett [sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-1 ta’ Frar 2005, SPAG vs UASI – Dann u Backer (HOOLIGAN), T‑57/03, Ġabra p. II-287, punt 21, u tat-13 ta’ Ġunju 2007, Grether vs UASI – Crisgo (Thailand) (FENNEL), T-167/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 104].

28      Fil-kawża preżenti, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Bord tal‑Appell ma eżaminax l-oppożizzjoni kompletament, peress li naqas milli jevalwa, minn naħa, il-prova tal-użu ġenwin mit-trade mark preċedenti OLTEN u, min-naħa l-oħra, ix‑xebh bejn il-prodotti inkwistjoni. Hija tindika li ma qajmitx dawn iż-żewġ kwistjonijiet fil‑kuntest tal-appell tagħha quddiem il-Bord tal-Appell, iżda hija tikkunsidra li dawn kienu jagħmlu parti mill-kawża quddiem id‑Diviżjoni tal-Oppożizzjoni u għaldaqstant, ta’ dik quddiem il-Bord tal-Appell.

29      Għandu jiġi ddeterminat jekk il-kwistjonijiet inkwistjoni jaqgħux effettivament fil-kuntest tal-kawża mressqa quddiem il-Bord tal-Appell.

30      L-ewwel nett, fir-rigward tal-prova tal-użu ġenwin mit-trade mark preċedenti OLTEN, għandu jitfakkar li l-oppożizzjoni bbażata fuq l‑eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 ma tippreżentax neċessarjament quddiem il‑UASI l-kwistjoni tal-użu ġenwin.

31      Fil-fatt, din tikkostitwixxi kwistjoni li, ġaladarba tiġi mqajma mill-applikant għat-trade mark, trid tiġi ddeterminata qabel ma tiġi deċiża l‑oppożizzjoni proprja [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Marzu 2005, L’Oréal vs UASI – Revlon (FLEXI AIR), T‑112/03, Ġabra p. II‑949, punt 26].

32      It-talba għall-prova tal-użu ġenwin iżżid għalhekk mal-proċedura tal‑oppożizzjoni din il-kwistjoni preliminari u, f’dan is-sens, tbiddel il‑kontenut tagħha sa fejn timplika l-eżami ta’ talba ġdida u speċifika marbuta ma’ kunsiderazzjonijiet fattwali u legali distinti minn dawk li wasslu għalihom l-introduzzjoni ta’ oppożizzjoni kontra r-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja [ara, f’dan is‑sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Ottubru 2007, AMS vs UASI – American Medical Systems (AMS Advanced Medical Services), T‑425/03, Ġabra p. II‑4265, punt 112].

33      Isegwi li l-kwistjoni tal-użu ġenwin tippreżenta natura speċifika u preliminari, li twassal sabiex jiġi ddeterminat jekk, għall-finijiet tal‑eżami ta’ oppożizzjoni, it‑trade mark preċedenti tistax titqies li hija rreġistrata għall-prodotti jew għas-servizzi inkwistjoni, peress li l‑imsemmija kwistjoni għaldaqstant ma taqax taħt il‑kuntest tal-eżami tal-oppożizzjoni fil-veru sens tal-kelma, ibbażat fuq il‑probabbiltà ta’ konfużjoni ma’ din it-trade mark.

34      Fil-kawża preżenti, huwa paċifiku, minn naħa, li tqajmet il-kwistjoni tal‑użu ġenwin, mir-rikorrenti, quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni u li ġiet eżaminata minnu qabel ma pproċeda għall-evalwazzjoni tal‑fondatezza tal-oppożizzjoni u, min-naħa l-oħra, li din il-kwistjoni ma tressqitx quddiem il-Bord tal-Appell, peress li r-rikorrenti sempliċement ikkontestat l-evalwazzjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni dwar l‑eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni.

35      Għaldaqstant, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, il‑kwistjoni tal‑użu ġenwin ma tikkostitwix kwistjoni ta’ dritt li għandha neċessarjament tiġi eżaminata mill-Bord tal-Appell sabiex jiddeċiedi l‑kawża ppreżentata quddiemu.

36      Din il-konklużjoni ma tiddaħħalx inkwistjoni mill-kunsiderazzjonijiet, invokati mir-rikorrenti, dwar il-kontinwità funzjonali bejn id-diversi dipartimenti tal-UASI.

37      Huwa minnu li, fir-rigward ta’ din il-kontinwità, il-portata tal-eżami li l-Bord tal-Appell huwa mistenni jagħmel fir-rigward tad-deċiżjoni li tkun is-suġġett tal-appell ma hijiex, fil-prinċipju, iddeterminata mir‑raġunijiet invokati mill-parti li tkun għamlet l-appell. B’hekk, anki jekk il-parti li tkun ressqet l-appell ma tkunx qajmet raġuni speċifika, il‑Bord tal-Appell xorta waħda huwa obbligat li jeżaminaha, fid-dawl tal-elementi kollha ta’ dritt u ta’ fatt rilevanti [sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Settembru 2003, Henkel vs UASI – LHS (UK) (KLEENCARE), T-308/01, Ġabra p. II-3253, punt 29, u HOOLIGAN, iċċitata iktar ’il fuq, punt 18].

38      Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell huwa marbut illi jibbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq l‑elementi kollha preżenti fid-deċiżjoni kkontestata quddiemu u fuq dawk ippreżentati mill-parti jew partijiet fil-proċedimenti quddiem id-dipartiment tal-UASI li ddeċieda fl-ewwel istanza, jiġifieri, bla ħsara għall-elementi li ma tressqux fi żmien utli waqt il-proċeduri ta’ appell [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-10 ta’ Lulju 2006, La Baronia de Turis vs UASI – Baron Philippe de Rothschild (LA BARONNIE), T-323/03, Ġabra p. II-2085, punt 58, u l‑ġurisprudenza ċċitata].

39      Xorta jibqa’ l-fatt li, fil-kawża preżenti, il-motiv ibbażat fuq l‑insuffiċjenza tal-prova tal-użu ġenwin mhux biss ma tqajjimx speċifikament quddiem il-Bord tal-Appell, iżda lanqas ma jikkostiwixxi element rilevanti għall-finijiet tal-eżami tal-appell, li kien limitat għal eżami tal-oppożizzjoni fil-veru sens tal-kelma, ibbażata fuq l‑eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni.

40      Konsegwentement, peress li l-kwistjoni tal-użu ġenwin ma hijiex parti mis-suġġett tal-kawża quddiem il-Bord tal-Appell, ir-rikorrenti ma tistax tikkritikah talli huwa ma eżaminahiex.

41      It-tieni nett, fir-rigward tal-kwistjoni ta’ xebh bejn il-prodotti, għandu jitfakkar li oppożizzjoni bbażata fuq l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar Regolament Nru 40/94 tirrikjedi li l-UASI jiddeċiedi dwar l‑identiċità jew ix-xebh tal‑prodotti u s-servizzi koperti mit-trade marks inkwistjoni kif ukoll l-identiċità jew ix-xebh ta’ dawn tal-aħħar.

42      Il-fatt li waħda jew iktar minn dawn l-aspetti ma ġewx espliċitament ikkontestati quddiem il-Bord tal-Appell ma jkollux bħala effett li jneħħi s-setgħa tal-UASI sabiex jiddeċiedi dwar din il-kwistjoni [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Ottubru 2006, Armacell vs UASI – nmc (ARMAFOAM), T‑172/05, Ġabra p. II-4061, punti 41 u 42, u AMS Advanced Medical Services, iċċitata iktar ’il fuq, punti 28 u 29].

43      Dawn il-kunsiderazzjonijiet huma sostnuti mill-prinċipju ta’ interdipendenza bejn il-fatturi kkunsidrati fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, b’mod partikolari x-xebh bejn it-trade marks u x-xebh bejn il-prodotti u s-servizzi koperti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Diċembru 2008, Éditions Albert René vs UASI, C-16/06 P, Ġabra p. I-10053, punt 47).

44      Għaldaqstant, fil-kawża preżenti, il-Bord tal-Appell, huwa u jiddeċiedi dwar l‑appell mill-oppożizzjoni bbażata fuq l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 intalab jiddeċiedi l‑kwistjoni tax-xebh bejn il-prodotti inkwistjoni, minkejja li din il-kwistjoni ma tqajmitx espliċitament quddiemu.

45      Barra minn hekk, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Bord tal-Appell effettivament eżamina din il‑kwistjoni.

46      Fil-fatt, huwa indika fil-punt 26 tad-deċiżjoni kkontestata li “ix-xebh bejn il‑prodotti li għalihom it-trade mark li saret applikazzjoni għaliha ġiet miċħuda [bid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni] mal‑istrumenti li juru l-ħin, li għalihom l-użu tat-trade mark preċedenti ġie pprovat, ġie kkonstatat u mmotivat suffiċjentement.”

47      Minn dan il-punt jirriżulta li l-Bord tal-Appell ikkonferma kompletament, billi adottahom, il-konstatazzjonijiet tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni fir-rigward tax-xebh bejn il-prodotti, li barra minn hekk ma ġewx ikkontestati mir-rikorrenti fil-kuntest tal-appell tagħha quddiem l-imsemmi Bord.

48      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li Bord tal-Appell jista’ wkoll jadotta l-motivi ta’ deċiżjoni meħuda mid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, li jagħmlu, b’hekk, parti integrali tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni tiegħu [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Lulju 2008, Reber vs UASI - Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli (Mozart), T‑304/06, Ġabra p. II‑1927, punt 50, u tat-24 ta’ Settembru 2008, HUP Uslugi Polska vs UASI – Manpower (I.T.@MANPOWER), T-248/05, Ġabra p. II-196, punt 49].

49      B’hekk, meta, bħal fil-kawża preżenti, il-Bord tal-Appell ikkonferma d‑deċiżjoni tal-istanza inferjuri tal-UASI fl-intier tagħha, din id‑deċiżjoni, kif ukoll il‑motivazzjoni tagħha, jagħmlu parti mill-kuntest li fih ġiet adottata d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell, kuntest li l-partijiet huma familjari miegħu u li jippermetti lill-qorti teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju kollu tagħha fir-rigward tal-fondatezza tal-evalwazzjoni tal‑Bord tal-Appell (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Mozart, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47, u l-ġurisprudenza ċċitata).

50      Għaldaqstant, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-Bord tal-Appell naqas milli jeżamina l‑kwistjoni tax-xebh bejn il-prodotti jew li jimmotiva d‑deċiżjoni tiegħu fuq din il‑kwistjoni.

51      Fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma wrietx li l‑Bord tal-Appell ma wettaqx eżami komplet tal-appell jew li ma mmotivax id‑deċiżjoni tiegħu suffiċjentement fid-dritt.

52      Konsegwentement, l-ewwel motiv ma huwiex fondat.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 43(2) tar-Regolament Nru 40/94

 L-argumenti tal-partijiet

53      Ir-rikorrenti ssostni li l-prova tal-użu mit-trade mark preċedenti OLTEN kienet insuffiċjenti. Fil-fatt, il-prova tal-użu ppreżentata minn R. Marín Díaz de Cerio quddiem il-Bord tal-Appell ma rreferietx għat-trade mark preċedenti OLTEN, iżda pjuttost tirreferi għat-trade marks figurattivi tagħha. Għaldaqstant, l-użu ġenwin ġie stabbilit biss għal dawn tal‑aħħar. Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell ikkonferma b’mod żbaljat il‑konklużjonijiet tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni dwar l-użu ġenwin mit-trade mark preċedenti OLTEN.

54      L-UASI jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

55      Għandu jitfakkar li l-istħarriġ tal-legalità eżerċitat mill-Qorti Ġenerali fir-rigward ta’ deċiżjoni tal-Bord tal-Appell għandu jsir b’riferiment għall-punti ta’ dritt li kienu tqajmu quddiem il-Bord tal-Appell [ara s‑sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-31 ta’ Mejju 2005, Solo Italia vs UASI – Nuova Sala (PARMITALIA), T-373/03, Ġabra p. II‑1881, punti 24 u 25, u l-ġurisprudenza ċċitata].

56      Barra minn hekk, mill-Artikolu 135(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jirriżulta li l-partijiet ma jistgħux ibiddlu s-suġġett tal‑kontroversja quddiem il‑Bord tal-Appell.

57      Fil-kawża preżenti, ir-rikorrenti ssostni li l-użu ġenwin mit-trade mark OLTEN ma ġiex ipprovat għall-istrumenti li juru l-ħin.

58      Issa, għandu jiġi rrilevat li, hekk kif jirriżulta mill-punti 26 sa 36 iktar ’il fuq, il‑kwistjoni tal-użu ġenwin mit-trade mark preċedenti ma hijiex parti mis-suġġett tal-kawża quddiem il-Bord tal-Appell.

59      Kosegwentement, il-motiv preżenti jbiddel is-suġġett tal-kawża quddiem il-Bord tal-Appell u huwa, minħabba f’hekk, inammissibbli.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94

 L-argumenti tal-partijiet

60      Ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell evalwa b’mod żbaljat ix-xebh bejn il‑prodotti u s-sinjali inkwistjoni, kif ukoll l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni.

61      Fir-rigward tal-prodotti inkwistjoni, ir-rikorrenti tammetti li l‑“[i]strumenti li juru l-ħin” previsti mit-trade mark preċedenti OLTEN, huma simili jew identiċi għall-“[i]strumenti kronometriċi” jew għall-“[i]strumenti li juru l-ħin” previsti mit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni. Hija tirrikonoxxi li l-“ġojjelli” previsti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jistgħu jinkludu wkoll l-istrumenti li juru l-ħin, peress li x-xebh bejn dawn il-prodotti huwa madankollu medju jew dgħajjef. Bil-kontra, hija tikkontesta x-xebh bejn, minn naħa, il‑prodotti tal-[metall prezzjuż u l-ligi tagħhom] u prodotti ta’ metall prezzjuż jew miksija b’dan mhux inklużi fi klassijiet oħra; kif ukoll il-“labar dekorattivi; [il-]labar tal-ingravati; [il-]katini għall-imfietaħ dekorati; [il-]medalji; [l-]insinji magħmula tal-metall prezzjuż; [l-]ornamenti għaż-żraben u [l-]ornamenti għall-kpiepel tal-metall prezzjuż; [u l-]buttuni tal-qomos” previsti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u, min-naħa l-oħra, l-“[i]strumenti li juru l-ħin”, previsti mit-trade mark preċedenti OLTEN.

62      Dawn il-prodotti għandhom natura, oriġini, użu u forma ta’ użu differenti, u ma humiex la kompetituri u lanqas komplementari għal xulxin. Il-funzjoni estetika tagħhom ma tkunx suffiċjenti sabiex ikunu simili għall-istrumenti li juru l-ħin. L‑oġġetti l-oħra, bħall-ħwejjeġ jew in-nuċċalijiet, jissodisfaw ukoll din il-funzjoni u jistgħu wkoll jinbiegħu fil-ħwienet tal-ġojjelli jew tal-istrumenti li juru l-ħin, mingħajr madankollu ma jkunu simili għall-istrumenti li juru l-ħin. Il-fatt li l‑istrumenti li juru l-ħin jistgħu jiġu mmanifatturati mill-metall prezzjuż lanqas ma jfisser li l-prodotti magħmula minn dawn il-materjali, u li jaqgħu taħt il-klassi 14, bħall-ornamenti jew il-labar ikunu, minħabba din ir-raġuni, simili għall-istrumenti li juru l-ħin.

63      Fir-rigward tas-sinjali inkwistjoni, OFTEN u OLTEN, id-differenza li tirriżulta mit-tieni ittra ta’ kull wieħed mis-sinjali, tgawdi importanza partikolari minn perspettiva viżiva. Mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali u mid-deċiżjonijiet preċedenti tal-Bordijiet tal-Appell tal‑UASI jirriżulta li, għas-sinjali qosra, differenza li tikkonsisti f’konsonanti waħda tista’ tnaqqas l-effett ta’ xebh.

64      Minn perspettiva fonetika, l-ittri “f” u “l” huma distinti, u dan il-fattur huwa partikolarment importanti minħabba l-fatt li l-aċċent toniku jaqa’, għaż-żewġ sinjali, fuq l-ewwel sillaba, rispettivament, “of” u “ol”.

65      Minn perspettiva kunċettwali, il-Bord tal-Appell kien ikkonstata, b’mod żbaljat, li s-sinjali inkwistjoni ma għandhom l-ebda tifsira għall‑konsumatur Spanjol. Fir-rigward tat-trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni, il-pubbliku Spanjol għandu, ġeneralment, ċerta konoxxenza tal-lingwa Ingliża u jkun jista’ jistabbilixxi rabta immedjata mal-avverbju Ingliż “OFTEN” (spiss). Dan il-punt huwa kkonfermat mis-sentenza tal-qrati Spanjoli invokati mir-rikorrenti quddiem l-UASI. Fir-rigward tat-trade mark preċedenti OLTEN, ma jistax jiġi eskluż li parti mill-pubbliku rilevanti, jiġifieri l-konsumaturi l-iktar speċjalizzati, jassoċjawha mal-villaġġ Svizzeru OLTEN, li għandu tradizzjoni qawwija fl-industrija tal-istrumenti li juru l-ħin. L-element kunċettwali jista’ għaldaqstant ikollu ċerta funzjoni ta’divrenzjar.

66      Dawn id-differenzi viżivi, fonetiċi u kunċettwali bejn is-sinjali inkwistjoni jwasslu għal xebh dgħajjef jew medjament dgħajjef bejniethom.

67      Fir-rigward tal-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, l‑ewwel nett, ir-rikorrenti tallega li l-Bord tal-Appell ma kkwalifikax l‑evalwazzjoni tiegħu permezz tal-grad ta’ xebh ftit jew wisq kbir bejn il-prodotti inkwistjoni. It-tieni nett, il-Bord tal-Appell naqas milli jieħu inkunsiderazzjoni l-livell ta’ attenzjoni għoli tal-konsumatur rilevanti. It-tielet nett, il-Bord tal-Appell naqas milli jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-prodotti inkwistjoni jinbiegħu fl-istabbilimenti speċjalizzati, bl‑għajnuna u assistenza ta’ persunal speċjalizzat, li jfisser li probabbiltà ta’ konfużjoni tkun inqas probabbli.

68      Il-Bord tal-Appell kellu jieħu inkunsiderazzjoni dawn it-tliet kunsiderazzjonijiet, li jinnewtralizzaw il-parti l-kbira tax-xebh viżiv u fonetiku dgħajjef jew medjament dgħajjef bejn is-sinjali inkwistjoni u kellu “jimmodera u jikkwalifika” l-konklużjonijiet tiegħu fir-rigward tal-probabbiltà ta’ konfużjoni.

69      L-UASI jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

70      Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li l-Bord tal-Appell ħa d-deċiżjoni tiegħu fuq il‑bażi tat-trade mark preċedenti OLTEN, mingħajr ma kien neċessarju li jevalwa l-probabbiltà ta’ konfużjoni fid-dawl ta’ drittijiet preċedenti oħra.

71      Fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, għandha għaldaqstant tiġi evalwata l‑legalità tal-evalwazzjoni mwettqa mill-Bord tal-Appell fir-rigward tal‑eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u l‑imsemmija trade mark preċedenti.

72      Skont ġurisprudenza stabbilita, ikun hemm probabbiltà ta’ konfużjoni meta jkun hemm riskju li l-pubbliku jkun jista’ jaħseb li l-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni jkunu ġejjin mill-istess impriża jew, jekk ikun il‑każ, minn impriżi marbutin ekonomikament. Skont din l-istess ġurisprudenza, il-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha tiġi evalwata globalment, skont il-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu tas‑sinjali u tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni, u fid-dawl tal‑fatturi kollha rilevanti tal-każ, b’mod partikolari tal-interdipendenza bejn ix-xebh tas‑sinjali u dak tal-prodotti jew tas-servizzi deskritti [sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Lulju 2003, Laboratorios RTB vs UASI – Giorgio Beverly Hills (GIORGIO BEVERLY HILLS), T‑162/01, Ġabra p. II‑2821, punti 30 sa 33, u l‑ġurisprudenza ċċitata].

73      Fil-kawża preżenti, peress li t-trade mark preċedenti OLTEN hija trade mark Spanjola u l-prodotti previsti mit-trade marks inkwistjoni huma intiżi għall-pubbliku ġenerali, il-pubbliku rilevanti huwa kompost minn konsumaturi Spanjoli medji.

74      Fir-rigward tal-istrumenti li juru l-ħin jew tal-ġojjelli, li ma humiex prodotti li jinxtraw b’mod regolari u li jinxtraw permezz ta’ bejjiegħ, il‑livell ta’ attenzjoni tal-konsumatur medju għandu jiġi kkunsidrat, kif ġie ġustament ikkonstatat mill-Bord tal-Appell fil-punt 25 tad-deċiżjoni kkontestata, bħala superjuri għal-livell normali ta’ attenzjoni [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Jannar 2006, Devinlec vs UASI – TIME ART (QUANTUM), T-147/03, Ġabra p. II-11, punt 63].

75      Fir-rigward tax-xebh bejn is-sinjali inkwistjoni, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Bord tal-Appell ma kkunsidrax ċerti differenzi viżivi, fonetiċi u kunċettwali.

76      Fir-rigward tal-paragun viżiv, għandu jiġi rrilevat li s-sinjali inkwistjoni, OFTEN u OLTEN, huma sinjali verbali tal-istess tul. Huma jikkondividu erbgħa minn ħames ittri, ippreżentati fl-istess ordni, u l-ewwel ittra tagħhom hija barra minn hekk identika.

77      Fir-rigward tax-xebh fonetiku, iż-żewġ sinjali jikkondividu l-ewwel vokali identika “o” u fihom it-tieni sillaba li hija identika “ten”, li twassal għal pronunzja simili, u dan minkejja l-fatt li l-ewwel sillabi aċċentwati tas-sinjali jintemmu b’konsonanti differenti, jiġifieri “f” u “l”.

78      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-Bord tal-Appell ġustament setgħa jikkonstata li s‑sinjali inkwistjoni jippreżentaw grad ta’ xebh sinjifikattiv minn perspettiva kemm viżiva u kemm fonetika.

79      Huwa minnu li, hekk kif tirrileva r-rikorrenti, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li differenza li tikkonsisti minn konsonanti waħda tista’ tostakola l‑konstatazzjoni ta’ grad ogħla ta’ xebh viżiv bejn żewġ sinjali relattivament qosra [ara, f’dan is‑sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat‑22 ta’ Ġunju 2004, Ruiz-Picasso et vs UASI – DaimlerChrysler (PICARO), T-185/02, Ġabra p. II-1739, punt 54, u tas-16 ta’ Jannar 2008, Inter-Ikea vs UASI – Waibel (idea), T-112/06, Ġabra p. II-6, punt 54].

80      Madankollu, għandu jiġi rrilevat li din il-kunsiderazzjoni, imwettqa fil‑kuntest tal-evalwazzjoni partikolari tas-sinjali kkonċernati mill‑imsemmija sentenzi, ma tikkorrispondix għall-affermazzjoni ta’ regola ġenerali li tista’ tiġi applikata fil-kawża preżenti.

81      Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet ukoll li, fil-kuntest tal‑evalwazzjoni ta’ sinjali verbali qosra, l-identiċità ta’ tlieta mill‑erba’ ittri twassal sabiex differenza li tirriżulta minn ittra waħda tikkostitwixxi differenza viżiva mhux sinjifikattiva [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Ottubru 2006, Castell del Remei vs UASI – Bodegas Roda (ODA), T-13/05, Ġabra p. II‑85, punt 52] u s‑sinjali verbali li huma distinti permezz ta’ ittra waħda biss jistgħu jiġu kkunsidrati bħala simili ħafna minn perspettiva kemm viżiva u kemm fonetika [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ April 2005, Duarte y Beltrán vs UASI – Mirato (INTEA), T-353/02, fil-Ġabra p. II-6, punti 27 u 28].

82      Fir-rigward tal-prassi preċedenti tal-Bordijiet tal-Appell invokata mir‑rikorrenti, huwa suffiċjenti li jitfakkar li l-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell li jikkonċernaw ir-reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark Komunitarja għandha tiġi evalwata biss abbażi tar‑Regolament 40/94, hekk kif interpretata mill-qrati Komunitarji, u mhux abbażi ta’ prassi deċiżjonali preċedenti tal-istess Bordijiet tal‑Appell [sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Frar 2002, Streamserve vs UASI (STREAMSERVE), T-106/00, Ġabra, p. II-723, punt 66].

83      Fir-rigward tal-paragun kunċettwali, għandu jiġi kkunsidrat li l-Bord tal-Appell seta’ wkoll jirrileva li l-konsumatur medju li jitkellem bl‑Ispanjol ma jattribwixxix neċessarjament kontenut semantiku lill-kelma Ingliża “OFTEN” (spiss), kelma li ma teżistix bl-Ispanjol [ara, f’dan is‑sens is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Ġunju 2008, Zipcar vs UASI – Canary Islands Car (ZIPCAR), T-36/07, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 45]. Fil-fatt, hekk kif josserva l-UASI, fir‑rigward ta’ konsumatur medju, il-konoxxenza ta’ lingwa barranija ma tistax ġeneralment tiġi preżunta. Fir-rigward tas-sinjal OLTEN, ir‑rikorrenti tammetti hija stess li tirreferi għal lokalità Svizzera magħrufa, l-iktar mill-professjonisti fil-qasam tal-istrumenti li juru l‑ħin.

84      Insostenn tal-argumenti tagħha r-rikorrenti tinvoka l-ġurisprudenza tal‑qrati Spanjoli li tgħid li l-pubbliku medju Spanjol għandu ċerta konoxxenza tal-lingwa Ingliża. F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li s-sistema Komunitarja tat-trade marks hija sistema awtonoma li l‑applikazzjoni tagħha hija indipendenti minn kull sistema nazzjonali [sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ Diċembru 2000, Messe München vs UASI (electronica), T‑32/00, Ġabra p. II‑3829, punt 47].

85      Barra minn hekk, fil-kawża preżenti, ir-rikorrenti ma tinvoka l-ebda kunsiderazzjoni fattwali jew ġuridika, ibbażata fuq ġurisprudenza nazzjonali invokata, li tista’ tipprovdi indikazzjoni utli għas-soluzzjoni tal-kawża preżenti [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑13 ta’ Lulju 2005, Murúa Entrena vs UASI – Bodegas Murúa (Julián Murúa Entrena), T-40/03, Ġabra p. II-2831, punt 69]. Fil-fatt, l-unika kunsiderazzjoni li ċerti kliem Ingliżi jintgħarfu minn konsumatur Spanjol, jiġifieri l-kliem “master”, “easy” u “food”, anki jekk jitqies li tirriżulta mill-ġurisprudenza nazzjonali inkwistjoni, ma tippermettix li tintlaħaq l-istess konklużjoni fir-rigward tal-kelma “OFTEN”.

86      Għaldaqstant, kien mingħajr ma wettaq żball li l-Bord tal-Appell ikkonstata li s‑sinjali inkwistjoni ma fihomx differenza kunċettwali rilevanti, għall-pubbliku Spanjol, ta’ natura li tikkumpensa x-xebh tagħhom fuq livell viżiv u fonetiku.

87      Fir-rigward tal-prodotti inkwistjoni, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex jiġi evalwat ix-xebh bejn il-prodotti, għandhom jiġu kkunsidrati l-fatturi rilevanti kollha li jikkaratterizzaw ir‑relazzjoni bejn dawn il-prodotti. Dawn il-fatturi jinkludu, b’mod partikolari, in-natura tagħhom, l-użu intenzjonat tagħhom, l-użu tagħhom kif ukoll il-karattru tagħhom ta’ prodotti li jikkompetu jew li jikkomplementaw lil xulxin. Fatturi oħra jistgħu wkoll jiġu kkunsidrati, bħal, pereżempju, ir-rotot ta’ distribuzzjoni tal-prodotti kkonċernati [ara s‑sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Lulju 2007, El Corte Inglés vs UASI – Bolaños Sabri (PiraÑAM diseño original Juan Bolaños), T‑443/05, Ġabra p. II‑2579, punt 37, u l-ġurisprudenza ċċitata].

88      Fil-kawża preżenti, hekk kif jirriżulta mill-punti 26 u 30 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ikkonferma u adotta t-tqabbil tal‑prodotti mwettaq mid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni. Għaldaqstant, il‑motivi ta’ dan it-tqabbil, imsemmija fil-punt 9 tad-deċiżjoni kkontestata, huma parti integrali minn din tal-aħħar.

89      Minn dawn il-motivi jirriżulta li l-prodotti previsti mit-trade mark preċedenti OLTEN, jiġifieri l-“[i]strumenti li juru l-ħin”, ġew ikkunsidrati bħala, l-ewwel nett, identiċi għall-prodotti “li juru l-ħin u kronometriċi”, previsti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, it-tieni nett, identiċi jew tal-inqas simili ħafna għall-prodotti ta’ “ġojjelli”, u t-tielet nett, “simili ħafna” għall-prodotti tal-“metall prezzjuż u l-ligi tagħhom jew miksija b’dan mhux inklużi fi klassijiet oħra”, ir‑raba’ nett, medjament simili għall-“labar dekorattivi; [il-]labar tal-ingravati; [il‑]katini għall-imfietaħ dekorati; [il-]medalji; [l-]insinji magħmula tal-metall prezzjuż; [l-]ornamenti għaż-żraben u [l‑]ornamenti għall-kpiepel tal-metall prezzjuż; [u l-]buttuni tal-qomos”.

90      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, ir-rikorrenti ma tikkontestax l-identiċità bejn l‑“[i]strumenti li juru l-ħin” u l-prodotti “li juru l-ħin u [l‑]istrumenti kronometriċi”.

91      It-tieni nett, fir-rigward tal-prodotti tal-ġojjelli, ir-rikorrenti ma tikkritikax l‑analiżi, approvata mill-Bord tal-Appell, li tipprovdi li l‑kategorija ta’ “strumenti li juru l-ħin” tinkludi oġġetti li jistgħu jiġi kkunsidrati bħala ġojjelli. Issa, fid-dawl ta’ din l-analiżi, dawn il‑prodotti ġew ikkunsidrati, ġustament, li huma identiċi jew simili ħafna.

92      It-tielet nett, fir-rigward tal-“prodotti tal-[metall prezzjuż u l-ligi tagħhom] jew miksija b’dan mhux inklużi fi klassijiet oħra”, hemm lok li jiġi rrilevat, hekk kif jirriżulta mill-analiżi taż-żewġ dipartimenti tal‑UASI, li ma ddaħħlitx inkwistjoni mir-rikorrent, din il-kategorija wiesgħa tinkludi l-prodotti komplementarji, minn perspettiva funzjonali, tal-istrumenti li juru l-ħin, bħall-brazzuletti u l-katini għall-istrumenti li juru l-ħin. Din il-kategoriji hija ddefinita fi kliem ġeneriċi, u għaldaqstant huwa ġust li l-prodotti li jaqgħu fiha tqiesu li huma simili għall-istrumenti li juru l-ħin.

93      B’hekk, b’mod kuntrarju għal dak li ssostni r-rikorrenti, ix-xebh tal‑prodotti li jaqgħu taħt din il-kategorija mal-istrumenti li juru l-ħin ma jirriżultax biss minħabba l-fatt li huma mmanifatturati mill-istess materja prima, jiġifieri l-metall prezzjuż u l-ligi tagħhom, iżda mill-fatt li huma komplementarji fid-dawl tal-użu tagħhom.

94      Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-“labar dekorattivi; [il-]labar tal-ingravati; [il-]katini għall-imfietaħ dekorati; [il-]medalji; [l-]insinji magħmula tal-metall prezzjuż; [l‑]ornamenti għaż-żraben u [l-]ornamenti għall-kpiepel tal-metall prezzjuż; [u l‑]buttuni tal-qomos”, għandu jiġi rrilevat li dawn huma prodotti aċċessorji ta’ spiss immanifatturati bil-metall prezzjuż, li għandhom funzjoni estetika jew dekorattiva, li tista’ tiġi kkunsidrata, sa ċertu punt, bħala waħda mill-funzjonijiet ta’ strument li juri l-ħin. Għaldaqstant, ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala prodotti komplementarji.

95      Barra minn hekk, skont id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, li l-analiżi tagħha ġiet approvata mill-Bord tal-Appell u li ma ġietx ikkontestata mir‑rikorrenti, il-prodotti previsti mit-trade mark li għaliha saret l‑applikazzjoni jinbiegħu ta’ spiss fl-istess ħwienet, jew fl-istess xkafef speċjalizzati tal-ħwienet, tal-istrumenti li juru l-ħin.

96      F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li l-fatt li l-prodotti pparagunati jinbiegħu ta’ spiss fl-istess ħwienet huwa ta’ natura li jiffaċilita l‑perċezzjoni tal-konsumatur ikkonċernat tar-rabtiet stretti bejniethom u jsaħħah l-impressjoni li r‑responsabbiltà tal-manifattura tagħhom taqa’ fuq l-istess impriża (sentenza PiraÑAM diseño original Juan Bolaños, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50).

97      Il-“labar dekorattivi; [il-]labar tal-ingravati; [il-]katini għall-imfietaħ dekorati; [il‑]medalji; [l-]insinji magħmula tal-metall prezzjuż; [l-]ornamenti għaż-żraben u [l-]ornamenti għall-kpiepel tal-metall prezzjuż; [u l-]buttuni tal-qomos”, jistgħu għaldaqstant, ġustament jiġu kkunsidrati bħala simili għall-istrumenti li juru l-ħin, fid-dawl, minn naħa, tal-fatt li ta’ spiss jiġu mmanifatturati mill-istess materja prima u għandhom funzjoni estetika simili u, min-naħa l-oħra, tal-identiċità tar‑rotot ta’ distribuzzjoni tagħhom.

98      F’dan il-kuntest, l-analoġija mwettqa mir-rikorrenti mal-prodotti aċċessorji oħra li ma humiex inkwistjoni fil-kawża preżenti, jiġifieri n‑nuċċalijiet u ċerti kategoriji ta’ ħwejjeġ, hija nieqsa mir-rilevanza.

99      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li r-rikorrenti ma wrietx li l‑konklużjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, approvata u li jsir riferiment għaliha fid-deċiżjoni kkontestata, li tipprovdi li l-prodotti inkwistjoni huma kemm identiċi u kemm simili, hija żbaljata.

100    Fir-rigward tal-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, ir‑rikorrenti takkuża lill-Bord tal-Appell, essenzjalment, li ma “immodera[x] u [ma] kwalifika[x]” l-evalwazzjoni tiegħu, permezz tal‑grad ta’ xebh ftit jew wisq kbir bejn il-prodotti inkwistjoni kif ukoll permezz tal-grad għoli ta’ attenzjoni tal-konsumatur ikkonċernat.

101    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont il-kliem tal-punt 30 tad‑deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li tista’ teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni “fil-kundizzjonijiet stabbiliti mid-deċiżjoni [tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni]”. Mill-kliem tal-imsemmija deċiżjoni, riprodotta fil-punt 9 tad-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta li l-UASI evalwa globalment il-probabbiltà ta’ konfużjoni għall-gruppi differenti ta’ prodotti inkwistjoni, billi kkonkluda essenzjalment li, skont il‑prinċipju ta’ interdipendenza tal-fatturi, l-eżistenza ta’ tali probabbiltà ma tistax tiġi kkonstatata ħlief għall-prodotti li jippreżentaw mill-inqas grad medju ta’ xebh.

102    L-argument tar-rikorrenti bbażat fuq nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tad-differenzi bejn il-kategoriji tal-prodotti inkwistjoni huwa għaldaqstant infondat.

103    Barra minn hekk, bil-kontra ta’ dak li tallega r-rikorrenti, mill-punt 25 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Bord tal-Appell, billi approva, essenzjalment, l‑evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni mwettqa mid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, ħa wkoll inkunsiderazzjoni l-fatt li, waqt ix-xiri tal-prodotti inkwistjoni, il-konsumatur ikkonċernat juri livell ta’ attenzjoni ogħla minn dik li juri għall-prodotti ta’ konsum ta’ kuljum.

104    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, għandu jiġi kkunsidrat li r‑rikorrenti ma wrietx li l-Bord tal-Appell b’mod żbaljat ikkonstata fid-dawl, minn naħa, tax-xebh bejn is-sinjali kkonċernati u, min-naħa l‑oħra, tal-identiċità u x-xebh tal-prodotti, li eżistiet probabbiltà li l‑pubbliku rilevanti Spanjol, minkejja li jagħmel użu minn grad ta’ attenzjoni ogħla mill-grad ta’ attenzjoni normali, jista’ jemmen li l‑imsemmija prodotti jiġu mill-istess impriża, jew, jekk ikun il-każ, minn impriżi marbuta ekonomikament.

105    Konsegwentement, hemm lok li dan il-motiv jiġi miċħud bħala infondat u, għaldaqstant, ir-rikors kollu kemm huwa.

 Fuq l-ispejjeż

106    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l‑ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

107    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il‑parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r‑rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l‑ispejjeż, kif mitlub mill-UASI.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Industria de Diseño Textil (Inditex), SA hija kkundannata għall-ispejjeż.

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-13 ta’ Settembru 2010.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.