Language of document :

Appell ippreżentat fis-17 ta' Frar 2013 minn Ioannis Ntouvas mis-sentenza mogħtija mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-11 ta' Diċembru 2012 fil-Kawża F-107/11 - Ntouvas vs ECDC

(Kawża T-94/13 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellant: Ioannis Ntouvas (Agios Stefanos, il-Greċja) (rappreżentant: V. Kolias, avukat)

Appellat: Iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (Stokkolma, l-Isvezja)

Talbiet tal-appellanti

tannulla s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-11 ta' Diċembru 2012 fil-Kawża F-107/11, Ntouvas vs ECDC li tiċħad ir-rikors għall-annullament tar-rapport ta' evalwazzjoni tal-appellant għall-2010 u li tikkundannah għall-ispejjeż;

tannulla d-deċiżjoni kkontestata fl-ewwel istanza; u

tikkundanna lill-appellat ibati l-ispejjeż proċedurali kollha sostnuti fl-ewwel istanza u fl-appell.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant jinvoka erbatax-il aggravju.

L-ewwel aggravju bbażat fuq ksur ta' dispożizzjoni legali li tikkonċerna l-oneru, u l-amministrazzjoni, tal-prova, inkwantu t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku laqa' t-talba tal-konvenut fl-ewwel istanza għal proroga tat-terminu għas-sottomissjoni tad-difiża tiegħu fl-ewwel istanza, minkejja l-fatt li l-appellant ma pproduċiex il-provi taċ-ċirkustanzi li fil-fehma tiegħu kienu jiġġustifikaw tali proroga.

It-tieni aggravju bbażat fuq żball sostanzjali fil-konstatazzjoni ta' fatt, inkwantu t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkonstata li d-data ta' notifika, lill-konvenut fl-ewwel istanza, tar-rikors fl-ewwel istanza kienet is-7 ta' Novembru 2011 u mhux l-4 ta' Novembru 2011.

It-tielet aggravju bbażat fuq evalwazzjoni żbaljata tal-fatti, inkwantu t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku interpreta u evalwa b'mod żbaljat id-dokumenti fil-fajl li jikkonfutaw l-argumenti mressqa mill-konvenut fl-ewwel istanza insostenn tat-talba tiegħu għal proroga tat-terminu għas-sottomissjoni tad-difiża tiegħu fl-ewwel istanza.

Ir-raba' aggravju bbażat fuq klassifikazzjoni legali żbaljata tal-fatti, inkwantu t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkunsidra b'mod żbaljat bħala "eċċezzjonali" ċ-ċirkustanzi li l-konvenut fl-ewwel istanza invoka meta talab il-proroga tat-terminu għas-sottomissjoni tad-difiża tiegħu fl-ewwel istanza.

Il-ħames aggravju bbażat fuq konstatazzjoni żbaljata, sussidjarjament fuq klassifika żbaljata tal-fatti, inkwantu t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkunsidra b'mod żbaljat li l-appellant ma kienx talab li tingħata sentenza fil-kontumaċja, sussidjarjament li d-dikjarazzjonijiet tiegħu ma jikkostitwixxux rikors għal għoti ta' sentenza fil-kontumaċja.

Is-sitt aggravju bbażat fuq evalwazzjoni żbaljata tad-dokumenti li jinsabu fil-proċess, inkwantu t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku sostna li żewġ pożizzjonijiet fi ħdan is-servizzi tal-konvenut fl-ewwel istanza kienu sinjifikattivament differenti minn xulxin.

Is-seba' aggravju bbażat fuq żball fl-istabbiliment tal-oneru tal-prova, inkwantu t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ċaħad, minħabba nuqqas ta' provi, it-talba tal-appellant li mill-inqas wieħed mill-membri tal-Kumitat Konġunt tal-Evalwazzjoni tal-konvenut fl-ewwel istanza kellu kunflitt ta' interessi, minkejja l-fatt li l-imsemmija provi kienu jikkonsistu f'dokumenti identifikati fir-rikors fl-ewwel istanza u mill-ewwel disponibbli lill-konvenut fl-ewwel istanza; sussidjarjament, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku naqas milli josserva d-dmir tiegħu, bħala qorti amministrattiva adita bi kwistjoni legali industrijali, li jordna l-miżuri neċessarji għall-organizzazzjoni tal-proċedura għall-kisba tal-imsemmija dokumenti. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali interpretat b'mod żbaljat il-bażi l-egali l-motiv tal-appellant u interpretat b'mod żbaljat l-Artikolu 9(6) tar-Regola ta' Implementazzjoni Nru 20 dwar l-Evalwazzjonijiet (iktar il quddiem ir-"regola ta' implementazzjoni"), adottata mid-direttur tal-ECDC fis-17 ta' April 2009.

It-tmien aggravju bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata ta', u nuqqas ta' eżami ta' motiv li jallega l-assenza ta' regoli proċedurali għall-Kumitat Konġunt tal-Evalwazzjoni tal-ECDC.

Id-disa' aggravju bbażat fuq żnaturament tal-provi, sussidjarjament fuq klassifikazzjoni legali tal-fatti, inkwantu t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkunsidra li l-motiv mhux issostanzjat tal-appellant li l-Kumitat Konġunt tal-Evalwazzjoni tal-ECDC naqas milli jivverifika l-provi li kellu jivverifika taħt l-Artikolu 9(4) tar-regola ta' implementazzjoni.

L-għaxar aggravju huwa bbażat fuq evalwazzjoni żbaljata, sussidjarjament fuq klassifikazzjoni legali tal-fatti, inkwantu t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkunsidra li kienet suffiċjenti l-motivazzjoni tal-opinjoni tal-Kumitat Konġunt tal-Evalwazzjoni tal-ECDC.

Il-ħdax-il aggravju huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata ta' motiv, u żball fil-klassifikazzjoni legali tal-fatti, inkwantu t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għamel interpretazzjoni żbaljata tat-talba tal-appellanti ta' motivazzjoni insuffiċjenti tal-opinjoni tal-Kumitat Konġunt tal-Evalwazzjoni tal-konvenut fl-ewwel istanza bħala żball manifest ta' evalwazzjoni; u qies li tali motivazzjoni kienet suffiċjenti.

It-tnax-il aggravju bbażat fuq evalwazzjoni żbaljata tal-fatti, inkwantu t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku sostna li r-rapport ta' evalwazzjoni kkontestat ma kienx ivvizzjat bi żball manifest ta' evalwazzjoni fir-rigward tal-effiċjenza tal-appellant f'termini ta' volum ta' xogħol.

It-tlettax-il aggravju bbażat fuq klassifikazzjoni legali żbaljata tal-fatti inkwantu t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkunsidra bħala proporzjonali l-kritika fir-rapport ta' evalwazzjoni kkontestat, minkejja l-fatt li, matul il-perijodu ta' evalwazzjoni, il-konvenut fl-ewwel istanza ma kienx informa lill-appellant l-allegati problemi fl-aġir tiegħu.

L-erbatax-il aggravju bbażat fuq evalwazzjoni żbaljata tal-fatti, inkwantu t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku qies li l-volum ta' xogħol tal-appellant kien inqas sinjifikattiv milli effettivament kien.

____________