Language of document :

SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (L‑Ewwel Awla)

14 ta’ Ottubru 2010 (*)

“Politika agrikola komuni – Sistema integrata ta’ ġestjoni u ta’ kontroll ta’ ċerti skemi ta’ għajnuna – Regolament (KE) Nru 1782/2003 – Skema ta’ pagament uniku – Regoli komuni għall‑iskemi ta’ appoġġ dirett – Kunċett ta’ ‘ettaru eliġibbli għall‑appoġġ’ –Attività mhux agrikola – Kundizzjonijiet għall‑allokazzjoni ta’ żona agrikola lil azjenda”

Fil‑Kawża C‑61/09,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 234 KE, imressqa mill‑Oberverwaltungsgericht Rheinland‑Pfalz (il‑Ġermanja), b’deċiżjoni tat‑28 ta’ Jannar 2009, li waslet fil‑Qorti tal‑Ġustizzja fil‑ 11 ta’ Frar 2009, fil‑proċedura

Landkreis Bad Dürkheim,

vs

Aufsichts‑ und Dienstleistungsdirektion,

fil‑preżenza ta’:

Astrid Niedermair‑Schiemann, 

IL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (L‑Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President ta’ Awla, J.‑J. Kasel A. Borg Barthet (Relatur), E. Levits, u M. Safjan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Mazák,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il‑proċedura bil‑miktub u wara s‑seduta tal‑4 ta’ Frar 2010,

wara li kkunsidrat l‑osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall‑Landkreis Bad Dürkheim, minn A. Martin, bħala aġent,

–        għall‑l’Aufsichts- und Dienstleistungsdirektion, minn M. Arnoldi, bħala aġent,

–        għal‑Landkreis Bad Dürkheim, minn A. Martin, bħala aġent,

–        għal A. Niedermair‑Schiemann, minn M. Winkelmüller u M. Rietdorf, avukati,

–        għall‑Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u J. Möller, bħala aġenti,

–        għall‑Gvern Pollakk, minn B. Majczyna u M. Drwiecki, bħala aġenti,

–        għall‑Kummissjoni Ewropea, minn F. Clotuche‑Duvieusart u G. von Rintelen, bħala aġenti,

wara li semgħet il‑konklużjonijiet tal‑Avukat Ġenerali, ippreżentati fis‑seduta tal‑11 ta’ Mejju 2010,

tagħti l‑preżenti

Sentenza

1        It‑talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l‑interpretazzjoni tal‑Artikolu 44 tar‑Regolament tal‑Kunsill (KE) Nru 1782/2003, tad‑29 ta’ Settembru 2003, li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il‑politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall‑bdiewa u li jemenda r‑Regolamenti (KEE) Nru 2019/93, (KE) Nru 1452/2001, (KE) Nru 1453/2001, (KE) Nru 1454/2001, (KE) Nru 1868/94, (KE) Nru 1251/1999, (KE) Nru 1254/1999, (KE) Nru 1673/2000, (KEE) Nru 2358/71 u (KE) Nru 2529/2001 (ĠU L  270, p. 1, u r‑rettifika ĠU 2004, L 94, p. 70), kif emendat bir‑Regolament tal‑Kunsill (KE) Nru 2013/2006, tad‑19 ta’ Diċembru 2006, (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 3, Vol. 4, p. 269) (iktar ’il quddiem, ir‑“Regolament Nru 1782/2003”).

2        Din it‑talba ġiet ippreżentata fil‑kuntest ta’ kawża bejn il‑Landkreis Bad Dürkheim (awtorità distrettwali rurali ta’ Bad Dürkheim) u l‑Aufsichts‑ und Dienstleistungsdirektion Rheinland‑Pfalz (korp amministrattiv b’poteri ta’ superviżjoni u konsulenza tal‑Land ta’ Rhénanie‑Palatinat, iktar ’il quddiem, l‑“ADD”) dwar it‑teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċerti żoni (iktar ’il quddiem iż‑“żoni inkwistjoni”) għal skopijiet ta’ allokazzjoni ta’ drittijiet għall‑pagamenti lil A. Niedermair‑Schiemann fil‑kuntest tal‑iskema ta’ pagament uniku.

 Il‑kuntest ġuridiku

 Il‑leġiżlazzjoni tal‑Unjoni

 Ir‑Regolament Nru 1782/2003

3        Ir‑Regolament Nru 1782/2003 jistabbilixxi, partikolarment, skema ta’ appoġġ għad‑dħul għall‑bdiewa. Din l‑iskema hija deskritta, fit‑tieni inċiż tal‑Artikolu 1 ta’ dan ir‑regolament bħala l‑“iskema ta’ pagament uniku”.

4        Skont il‑premessa 3 ta’ dan ir‑regolament:

“Biex ikun evitat l‑abbandun ta’ art agrikola u biex ikun żgurat li tkun miżmuma f’kondizzjoni agrikola u ambjentali tajba, għandhom jiġu stabbiliti ‘standards’ li jistgħu jkollhom jew le il‑bażi f’dispożizzjonijiet ta’ l‑Istati Membri. Hu għalhekk xieraq li jkun stabbilit qafas Komunitarju li fih l‑Istati Membri jistgħu jadottaw ‘standards’ wara li jikkunsidraw il‑karatteristiċi speċifiċi taż‑żona konċernata, inklużi l‑ħamrija u l‑kondizzjonijiet klimatiċi, sistemi eżistenti ta’ biedja (użu ta’ l‑art, newba ta’ l‑uċuh tar‑raba’ (‘crop rotation’), prattiċi ta’ l‑irziezet) u strutturi ta’ l‑irziezet.”

5        Skont il‑premessa 21 tal‑imsemmi regolament:

“L‑iskemi ta’ appoġġ taħt il‑politika agrikola komuni jipprovdu għal appoġġ permezz ta’ dħul dirett b’mod partikolari bil‑għan li jiġi żgurat livell ta’ għajxien imparzjali għall‑Komunità agrikola. Dan l‑għan hu relatat mill‑qrib mal‑manteniment taż‑żoni rurali. […]”

6        Il‑premessa 24 tal‑istess regolament tipprovdi partikolarment:

“[…] Hu għalhekk xieraq li l‑pagament uniku lir‑razzett ikun suġġett għall‑kondizzjoni li jkun hemm ‘cross‑compliance’ ma’ l‑ambjent, sigurtà ta’ l‑ikel, saħħa u benesseri ta’ l‑annimali, kif ukoll il‑manteniment tar‑razzett f’kondizzjoni agrikola u ambjentali tajba.”

7        Skont l‑Artikolu 2(b) sa (ċ) tar‑Regolament Nru 1782/2003:

“Għall‑għanijiet ta’ dan ir‑Regolament għandhom japplikaw dawn id‑defenizzjonijiet:

b)      ‛ażjenda’ tfisser il‑‘units’ kollha ta’ produzzjoni immexxija minn bidwi li jinsab fit‑territorju ta’ l‑istess Stat Membru;

ċ)      ‛attività agrikola’ bħala [i]l‑produzzjoni, trobbija jew tkabbir ta’ prodotti agrikoli inklużi l‑ħsad, produzzjoni tal‑ħalib, trobbija ta’ annimali u ż‑żamma ta’ annimali għal skop[ijiet] ta’ biedja [agrikoli], jew il‑manteniment [manutenzjoni] tal‑art f’kondizzjoni agrikola u ambjentali tajba kif stabbilit taħt l‑Artikolu 5”.

8        L‑Artikolu 3 tal‑imsemmi regolament, bit‑titolu “Kondizzjonijiet prinċipali” jipprovdi:

“1.      Bidwi li jirċievi pagamenti diretti għandu jirrispetta l‑kondizzjonijiet amministrattivi statutarji msemmija fl‑Anness III, skond il‑kalendarju mniżżel f’dak l‑Anness, u l‑kondizzjoni agrikola u ambjentali tajba stabbilita taħt l‑Artikolu 5.

2.      L‑awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jipprovdu lill‑bidwi lista ta’ kondizzjonijiet amministrattivi statutarji u l‑kondizzjoni agrikola u ambjentali tajba li jrid jiġu rispettati.”

9        Skont l‑Artikolu 5(1) tal‑istess regolament:

“L‑Istati Membri għandhom jiżguraaw li l‑art agrikola kollha, speċjalment art li m’għadiex tintuża għall‑skopijiet ta’ produzzjoni, tinżamm f’kondizzjoni agrikola and ambjentali tajba. L‑Istati Membri għandhom jiddefinixxu, fuq livell nazzjonali jew reġjonali, il‑kondizzjonijiet minimi għall‑kondizzjoni agrikola u ambjentali tajba fuq il‑bażi tal‑qafas stabbilit fl‑Anness IV, wara li jittieħed kont tal‑karatteristiċi speċifiċi taż‑żoni konċernati, inklużi l‑kondizzjonijiet tal‑ħamrija u klimatiċi, sistemi tal‑biedja eżistenti, użu ta’ l‑art, newba ta’ l‑uċuh tar‑raba’, prattiċi tal‑biedja, u strutturi ta’ l‑irziezet. Dan hu mingħajr preġudizzju għall‑‘istandards’ li jirregolaw il‑prattiċi agrikoli tajba kif applikati fil‑kuntest tar‑Regolament tal‑Kunsill (KE) Nru 1257/1999 u tal‑miżuri agri‑ambjentali applikati ’il fuq mil‑livell ta’ referenza ta’ prattiċi agrikoli tajba.”

10      L‑Artikolu 36(1) tar‑Regolament Nru 1782/2003 huwa fformulat kif ġej:

“Għajnuna taħt l‑iskema ta’ pagament uniku għandha titħallas fir‑rigward ta’ drittijiet għall‑pagament kif definiti fil‑Kapitolu 3, akkumpanjati b’numru ugwali ta’ ettari eliġibbli kif definiti fl‑Artikolu 44(2).”

11      L‑Artikolu 43(1) tar‑Regolament Nru 1782/2003, bit‑titolu “Determinazzjoni tad‑drittijiet għall‑pagament”, jipprovdi fl‑ewwel u t‑tieni paragrafi tiegħu:

“Mingħajr preġudizzju għall‑Artikolu 48, bidwi għandu jirċievi dritt ġħall‑pagament għal kull ettaru li jiġi kalkulat bid‑diviżjoni ta’ l‑ammont ta’ referenza bil‑medja ta’ tlett snin tan‑numru ta’ ettari kollha li fil‑perjodu ta’ referenza taw id‑dritt għall‑pagamenti diretti mniżżla fl‑Anness VI.

In‑numru totali ta’ drittjiet għall‑pagament għandu jkun ugwali għan‑numru medju ta’ ettari fuq imsemmi.”

12      L‑Artikolu 44(1) sa (3) tal‑imsemmi regolament, bit‑titolu “Użu ta’ drittijet għall‑pagament”, jipprovdi li:

“1.      Kull dritt għall‑pagament akkumpanjat b’ettaru eliġibbli għandu jagħti dritt għall‑pagament ta’ l‑ammont iffissat mid‑dritt ta’ pagament.

2.      ‛Ettaru eliġibbli’ ifisser kull żona agrikola ta’ l‑azjenda meħuda minn art li tinħarat [art li tinħadem] u mergħa permanenti ħlief żoni kkultivati bi prodotti permanenti, foresti jew żoni użati għall‑attivitajiet mhux agrikoli.

‛Ettaru eliġibbli’ għandha tfisser ukoll żoni ppjantati b’ħops jew li qegħdin taħt obbligu ta’ mistrieħ temporanju, jew żoni taħt siġar taż‑żebbuġ.

3.      Il‑bidwi għandu jiddikjara l‑biċċiet ta’ art li jikkorrispondu ma’ l‑ettaru eliġibbli li jakkumpanja kull dritt għall‑pagament. Ħlief fil‑każ ta’ ‘force majeure’ jew ċirkustanzi eċċezzjonali, dawn il‑biċċiet ta’ art għandhom ikunu għad‑dispożizzjoni tal‑bidwi għal mill‑inqas perjodu ta’ 10 xhur, li jibdew minn data ffissata mill‑Istat Membru, imma mhux qabel l‑1 ta’ Settembru tas‑sena kalendarja ta’ qabel is‑sena meta ġiet sottomessa l‑applikazzjoni għall‑partiċipazzjoni fl‑iskema unika ta’ pagament.”

13      Fil‑Kapitolu 5 tiegħu, bit‑titolu “Implimentazzjoni reġjonali”, ir‑Regolament Nru 1782/2003 jipprovdi l‑possibbiltà għall‑Istati Membri li japplikaw l‑iskema ta’ pagament uniku fil‑livell reġjonali.

14      L‑Artikolu 59(4) tal‑imsemmi regolament, applikabbli fil‑kuntest tal‑implementazzjoni tal‑iskema ta’ pagament uniku fil‑livell reġjonali, jipprovdi li n‑numru ta’ drittijiet għal kull bidwi għandu jkun ugwali għan‑numru ta’ ettari li huwa jiddikjara skont l‑Artikolu 44(2) fl‑ewwel sena ta’ applikazzjoni ta’ l‑iskema ta’ pagament uniku, ħlief fil‑każ ta’ ‘force majeure’ jew ċirkustanzi eċċezzjonali fis‑sens tal‑Artikolu 40(4).

 Ir‑Regolament (KE) Nru 795/2004

15      Ir‑Regolament tal‑Kummissjoni (KE) Nru 795/2004, tal‑21 ta’ April 2004, li jippreskrivi regoli dettaljati għall‑implimentazzjoni tal‑iskema ta’ ħlas waħdieni [pagament uniku] li hemm provvediment dwaru fir‑Regolament tal‑Kunsill (KE) Nru 1782/2003, kif emendat bir‑Regolament tal‑Kummissjoni (KE) Nru 394/2005, tat‑8 ta’ Marzu 2005 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 3, Vol. 44, p. 226, iktar ’il quddiem ir‑“Regolament Nru 795/2004”), jipprovdi fl‑Artikolu 2(a) sa (h):

“Għall‑finijiet ta[t]‑Titolu III tar‑Regolament (KE) Nru 1782/2003 u ta’ dan ir‑regolament, id‑definizzjonijiet li ġejjin għandhom jgħoddu:

a)      ‛żona agrikola’ għandha tfisser iż‑żona totali kollha meħuda, minn art li tinħadem, mergħa permanenti, u uċuh tar‑raba permanenti;

b)      ‛art li tinħadem’ għandha tfisser ‛art li tinħadem’ skond it‑tifsira ta’ l‑Artikolu 2 il[‑]punt (1) tar‑Regolament tal‑Kummissjoni (KE) Nru 795/2004(2);

ċ)      ‛uċuh tar‑rarab [raba] permanenti’ għandha tfisser uċuh tar‑raba li ma jdurux minbarra mergħa permanenti li tokkupa l‑art għal ħames snin jew aktar u li tagħti ħsad ripetut inkluż mixtliet kif definiti fl‑Anness I il‑punt (G/05) li jinsab mad‑Deċiżjoni tal‑Kummissjoni 2000/115/KE(3), bl‑eċċezzjoni ta uċuh tar‑raba multi annwali u l‑mixtliet ta’ dawk l‑uċuh tar‑raba multiannwali;

[…]

e)      ‛mergħa permanenti’ għandha tfisser ‛mergħa permanenti’ skond it‑tifsira ta’ l‑Artikolu 2 il‑punt(2) tar‑Regolament tal‑Kummissjoni (KE) Nru 795/2004;

[…]

h)      ‛kiri’ għandha tfisser il‑kiri jew tipi simili ta’ transazzjonijiet temporanji.”

 Ir‑Regolament (KE) Nru° 796/2004

16      Ir‑Regolament tal‑Kummissjoni (KE) Nru 796/2004, tal‑21 ta’ April 2004, li jippreskrivi regoli dettaljati għall‑implimentazzjoni ta’ konformità, modulazzjoni u ġestjoni integrata u sistema ta’ kontroll kif hemm provvediment dwarhom fir‑Regolament tal‑Kunsill (KE) Nru 1782/2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 3, Vol. 44, p. 242), kif emendat bir‑Regolament tal‑Kummissjoni (KE) Nru 239/2005, tal‑11 ta’ Frar 2005 (ĠU L 348M, p. 61, iktar ’il quddiem ir‑“Regolament Nru 796/2004”), jipprovdi fl‑Artikolu 2(1) u (2) tiegħu:

“Għall‑finijiet ta’ dan ir‑Regolament, it‑tifsiriet li ġejjin għandhom jgħoddu:

1)      ‛Art li tinħadem’: għandha tfisser art koltivata għall‑produzzjoni ta’ uċuh tar‑raba u art għat‑twarrib jew miżmuma f’ kondizzjoni agrikola u ambjentali tajba skond l‑artikolu 5 tar‑Regolament (KE) Nru 1782/2003 jew art taħt serer jew taħt kopertura fissa jew mobbli;

2)      ‛Mergħat permanenti’: għandha tfisser art li tintuża sabiex jitkabbar il‑ħaxix jew għalf ieħor fil‑forma ta’ ħaxix b’mod naturali (li jitla’ waħdu) jew permezz ta’ kultivazzjoni (li jkun inżera’) u li ma ġietx inkluża fin‑newba tal‑uċuħ tar‑raba’ tal‑azjenda għal ħames snin jew iktar, minbarra art li taqa’ fi ħdan l‑iskemi għas‑serħan tal‑artijiet skont l‑Artikolu 6 tar‑Regolament (KE) Nru 1251/1999 [...]”.

 Il‑leġiżlazzjoni nazzjonali

17      Skont l‑Artikolu 2(1) tal‑Liġi dwar l‑applikazzjoni tal‑iskema ta’ pagament uniku (Betriebsprämiendurchführungsgesetz, BGBl. 2006 I, p. 1298), il‑pagament uniku jingħata fil‑livell reġjonali mill‑1 ta’ Jannar 2005 skont il‑modalitajiet stabbiliti rispettivament mill‑imsemmija liġi u r‑regolament li jimplementa l‑iskema ta’ pagament uniku.

 Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

18      Il‑kawża prinċipali tirrigwarda t‑teħid inkunsiderazzjoni taż‑żoni inkwistjoni għall‑allokazzjoni ta’ drittijiet għall‑pagament lil A. Niedermair‑Schiemann fil‑kuntest tal‑iskema ta’ pagament uniku.

19      A. Niedermair‑Schiemann tieħu ħsieb azjenda agrikola għat‑trobbija tan‑nagħaġ. Hija tuża ż‑żoni inkwistjoni abbażi ta’ żewġ kuntratti.

20      Permezz tal‑ewwel minn dawn il‑kuntratti, konkluż fit‑12 ta’ Novembru 1998 mal‑Land de Rhénanie‑Palatinat, A. Niedermair‑Schiemann hija awtorizzata tuża ċerti żoni bħala artijiet għall‑mergħa u artijiet tal‑ħaxix għall‑ħsad. Ċerti restrizzjonijiet kienu imposti fuqha f’dan ir‑rigward. B’mod partikolari, l‑imsemmija żoni ma jistgħux jinħasdu matul il‑perijodu tal‑1 ta’ Novemberu sal‑15 ta’ Ġunju ta’ kull sena u l‑ħsad ma jistax isir b’magna tal‑ħsad li taħdem bil‑ġbid tal‑ajra (suction) jew li taħdem b’sistema rotatorja. Minflok it‑tieni ħsad, nagħaġ u mogħoż taħt is‑superviżjoni tar‑ragħaj jistgħu jitħallew jirgħu, fil‑forma ta’ mergħa b’tinwib tal‑art jew mergħa f’żoni miftuħa, li l‑perijodu li fih jirgħu jrid ikun miftiehem mal‑awtorità tal‑protezzjoni tal‑kampanja, li hija responsabbli għall‑manutenzjoni ta’ dawn iż‑żoni. It‑tqegħid għad‑dispożizzjoni tal‑artijiet huwa bla ħlas, bil‑kundizzjoni li l‑persuna kkonċernata tħallas il‑kontribuzzjonijiet lill‑assoċjazzjoni professjonali. Il‑biċċiet tal‑art ikkonċernati kienu mikrija lil‑Land mill‑proprjetarji tagħhom.

21      Skont it‑tieni kuntratt, konkluż fl‑1 ta’ Mejju 2000 mal‑Landkreis Bad Dürkheim, A. Niedermair‑Schiemann, li dan il‑kuntratt jikklassifikaha bħala “mandatarja”, għandha l‑obbligu li tagħmel manutenzjoni u tiġġestixxi ċerti żoni bil‑għan li jiġu osservati r‑regoli ta’ protezzjoni tan‑natura. Għal dan il‑għan, hija tirċievi ħlas annwali fiss. Hija wkoll suġġetta għal obbligi kuntrattwali speċifiċi u għandha ssegwi l‑istruzzjonijiet tal‑awtorità responsabbli għall‑protezzjoni tan‑natura, pereżempju kemm għandha tkun intensiva l‑mergħa. Barra minn hekk, l‑imsemmija awtorità toffrilha appoġġ materjali permezz ta’ miżuri ta’ manutenzjoni bħal ħsad preparatorju u tneħħija regolari ta’ pjanti baxxi li jsir minn terzi. Parti miż‑żoni kkonċernati hija proprjetà tal‑Land de Rhénanie‑Palatinat. Għall‑bqija, il‑mergħa għall‑protezzjoni tan‑natura kienet ġiet awtorizzata mill‑proprjetarji u, f’ċerti każijiet, id‑deċiżjonijiet ġenerali ttieħdu sabiex iġġiegħelhom jittollera miżuri ta’ manutenzjoni implementati minn A. Niedermair‑Schiemann.

22      Fil‑kuntest tal‑iskema ta’ pagament uniku, A. Niedermair‑Schiemann iddikjarat iż‑żoni inkwistjoni bħala mergħat permanenti li jifformaw parti mill‑azjenda tagħha. Bid‑deċiżjoni tal‑20 ta’ Frar 2006, id‑drittijiet għall‑pagament ingħatawlha għall‑art li tinħadem u għall‑mergħat, inklużi ż‑żoni inkwistjoni.

23      Fuq istruzzjoni ministerjali, din id‑deċiżjoni ġiet emendata b’deċiżjoni tal‑14 ta’ Mejju 2007 (iktar ’il quddiem id‑“deċiżjoni li temenda”), minħabba li ż‑żoni inkwistjoni ma kinux eliġibbli għall‑appoġġ.

24      A. Niedermair‑Schiemann ressqet ilment kontra d‑deċiżjoni li temenda.

25      Fid‑dawl tal‑fatt li d‑deċiżjoni inizjali tal‑20 ta’ Frar 2006 kienet ġiet adottata skont il‑leġiżlazzjoni fis‑seħħ, il‑Kumitat Legali tal‑Landkreis Bad Dürkheim laqa’ l‑ilment ta’ A. Niedermair‑Schiemann u, b’deċiżjoni tat‑22 ta’ Ottubru 2007, huwa annulla d‑deċiżjoni li temenda.

26      Wara r‑rikors ippreżentat mill‑ADD, il‑Verwaltungsgericht Neustadt an der Weinstraße annullat, b’sentenza tat‑2 ta’ Lulju 2008, id‑deċiżjoni tat‑22 ta’ Ottubru 2007 u reġgħet daħħlet fis‑seħħ id‑deċiżjoni li temenda.

27      L‑imsemmija Verwaltungsgericht ikkunsidrat li, peress li l‑azjenda kienet użata kemm għall‑protezzjoni tan‑natura kif ukoll għal attività agrikola estensiva, għandha tirreferi għad‑dritt ta’ użu sottostanti. Sussegwentement hija rrilevat li l‑iskema ta’ pagament uniku ma għandhiex l‑għan li tagħti appoġġ għad‑dħul għal kompiti ta’ protezzjoni tan‑natura allokati lill‑bidwi mill‑amministrazzjoni tal‑Istat. Barra minn hekk, l‑imsemmija qorti ddeċidiet li jista’ jkun hemm użu agrikolu biss jekk il‑bidwi jkun ingħata d‑dritt li juża l‑azjenda bis‑saħħa ta’ kuntratt ta’ kiri jew tranżazzjoni simili. Barra minn hekk, hija qieset li, fil‑kuntest tal‑kawża prinċipali, l‑għan li għalih iż‑żoni kkonċernati tqiegħdu għad‑dispożizzjoni ta’ A. Niedermair‑Schiemann ma kienx għan agrikolu, iżda ta’ protezzjoni tan‑natura. Fl‑aħħar nett, hija qieset li, sabiex ikunu eliġibbli għall‑appoġġ, iż‑żoni kkonċernati għandhom jifformaw parti mill‑azjenda eliġibbli għal dan l‑appoġġ u li l‑bidwi għandu jkollu d‑dritt li jużahom għal skopijiet agrikoli, li ma huwiex il‑każ f’din il‑kawża.

28      Il‑Landkreis Bad Dürkheim u A. Niedermair‑Schiemann appellaw mill‑imsemmija sentenza quddiem il‑qorti tar‑rinviju.

29      Skont l‑imsemmija qorti, is‑soluzzjoni tal‑kawża tiddependi fuq il‑kwistjoni dwar jekk iż‑żoni inkwistjoni jaqgħux taħt il‑kunċett ta’ “ettari eliġibbli” fis‑sens tal‑Artikolu 44(2) tar‑Regolament Nru°1782/2003.

30      F’dawn iċ‑ċirkustanzi, l‑Oberverwaltungsgericht Rheinland‑Pfalz iddeċidiet li tissospendi l‑proċeduri quddiemha u li tressaq quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja d‑domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Żona tibqa’ żona agrikola skont l‑Artikolu 44(2) tar‑Regolament KE Nru 782/2003 meta, għalkemm użata wkoll għal skopijiet agrikoli (mergħa għat‑trobbija tan‑nagħaġ), din prinċipalment isservi għall‑preżervazzjoni tal‑pajsaġġ u għall‑protezzjoni tan‑natura?

2)      F’każ ta’ risposta affermattiva għall‑ewwel domanda:

Żona hija użata għal attivitajiet mhux agrikoli skont l‑Artikolu 44(2) tar‑Regolament KE Nru 1782/2003 meta l‑attivitajiet inkwistjoni jservu prinċipalment għall‑protezzjoni tan‑natura jew f’kull każ meta, fil‑kuntest tal‑implementazzjoni tal‑għanijiet ta’ protezzjoni tan‑natura, il‑bidwi huwa suġġett għall‑istruzzjonijiet tal‑awtorità responsabbli għall‑protezzjoni tan‑natura?

3)      Jekk hemm żona agrikola (l‑ewwel domanda) użata għal attivitajiet agrikoli (it‑tieni domanda):

Sabiex żona agrikola tkun ikkunsidrata bħala li tifforma parti minn azjenda [żona agrikola tal‑azjenda skont l‑Artikolu 44(2) tar‑Regolament KE Nru 1782/2003]:

a)      huwa neċessarju li tali żona tkun qiegħda għad‑dispożizzjoni tal‑azjenda permezz ta’ kuntratt ta’ kiri jew ta’ tranżazzjoni temporanja tal‑istess tip, konkluż bi ħlas?

b)      Fil‑każ ta’ risposta negattiva: Iż‑żona tibqa’ tifforma parti mill‑azjenda meta din titqiegħed għad‑dispożizzjoni tal‑azjenda mingħajr ħlas, jew biss bi ħlas tal‑ispejjeż lill‑assoċjazzjoni professjonali, bil‑għan li tintuża b’ċertu mod u matul perijodu limitat, b’mod konformi mal‑għanijiet ta’ protezzjoni tan‑natura?

ċ)      Fil‑każ ta’ risposta affermattiva: Iż‑żona tibqa’ tifforma parti mill‑azjenda meta l‑azjenda hija obbligata twettaq ċerti servizzi li għalihom hija rremunerata?”

 Fuq id‑domandi preliminari

 Fuq l‑ewwel u t‑tieni domanda

31      Peremezz tal‑ewwel żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il‑qorti tar‑rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l‑Artikolu 44(2) tar‑Regolament Nru 1782/2003 għandux jiġi interpretat fis‑sens li jipprekludi li żona tkun eliġibbli għall‑appoġġ li, minkejja użata wkoll għal skopijiet agrikoli, isservi prinċipalment għall‑preservazzjoni tal‑pajsaġġ u għall‑protezzjoni tan‑natura, partikolarment peress li, fil‑kuntest tal‑implementazzjoni tal‑għanijiet ta’ protezzjoni tan‑natura, il‑bidwi huwa suġġett għall‑istruzzjonijiet tal‑amministrazzjoni responsabbli għal din il‑protezzjoni tan‑natura.

32      Skont l‑ewwel paragrafu tal‑Artikolu 44(2) tar‑Regolament Nru 1782/2003, “ettaru eliġibbli” huwa kull żona agrikola tal‑azjenda meħuda minn art li tinħadem u mergħa permanenti ħlief żoni kkultivati bi prodotti permanenti, foresti jew żoni użati għall‑attivitajiet mhux agrikoli.

33      F’dan il‑kuntest, il‑qorti tar‑rinviju tistaqsi, l‑ewwel nett, jekk żona tistax tiġi kklassifikata bħala agrikola li, minkejja użata għal skopijiet agrikoli, isservi prinċipaliment għall‑preservazzjoni tal‑pajsaġġ u għall‑protezzjoni tan‑natura.

34      Il‑kunċett ta’ żona agrikola huwa ddefinit fl‑Artikolu 2(a) tar‑Regolament Nru 795/2004 bħala ż‑żona totali kollha meħuda, minn art li tinħadem, mergħa permanenti, u wċuh tar‑raba permanenti.

35      Skont l‑Artikolu 2(b) tal‑istess regolament, moqri flimkien mal‑Artikolu 2(1) tar‑Regolament Nru 796/2004, art li tinħadem hija art kkultivata għall‑produzzjoni ta’ wċuh tar‑raba u art għat‑twarrib jew miżmuma f’kundizzjoni agrikola u ambjentali tajba skont l‑Artikolu 5 tar‑Regolament (KE) Nru 1782/2003.

36      Skont l‑Artikolu 2(a) tar‑Regolament Nru 795/2004, moqri flimkien mal‑Artikolu 2(2) tar‑Regolament Nru 76/2004, mergħa permanenti hija art li tintuża għat‑tkabbir ta’ ħaxix jew għalf ieħor fil‑forma ta’ ħaxix b’mod naturali (biż‑żriegħ waħdu) jew permezz ta’ kultivazzjoni (miżrugħ) u li mhux inkluż fir‑rotazzjoni tal‑uċuh tar‑raba tal‑azjenda għal ħames snin jew iktar.

37      Mid‑dispożizzjonijiet imsemmija fil‑punti 32 sa 36 ta’ din is‑sentenza jirriżulta li l‑klassifikazzjoni ta’ “art li tinħadem” jew ta’ “mergħa permanenti” u, konsegwentement, dik ta’ “żona agrikola”, tiddependi mill‑użu effettiv tal‑artijiet inkwistjoni. B’hekk, żona għandha tiġi kklassifikata bħala agrikola meta hija użata bħala art li tinħadem jew bħala mergħa permanenti fis‑sens tal‑Artikolu 2(1) u (2) tar‑Regolament Nru 796/2004.

38      Minn dan isegwi li l‑fatt li biċċiet ta’ art li huma effettivament użata bħala art li tinħadem jew mergħat permanenti jservu prinċipalment għall‑protezzjoni tan‑natura u għall‑konservazzjoni tal‑pajsaġġ ma jistax jipprekludi li tali biċċiet tal‑art jiġu kklassifikati bħala żona agrikola fis‑sens tal‑Artikolu 2(1) u (2) tar‑Regolament Nru 796/2004.

39      Għall‑finijiet ta’ kompletezza, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill‑premessi 3, 21 kif ukoll 24 tar‑Regolament Nru 1782/2003, il‑protezzjoni tal‑ambjent tifforma parti mill‑għanijiet tal‑iskema ta’ pagament uniku. Il‑Qorti tal‑Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l‑protezzjoni tal‑ambjent, li tikkostitwixxi waħda mill‑għanijiet essenzjali tal‑Unjoni Ewropea, għandha titqies bħala għan li jifforma parti mill‑politika komuni tal‑agrikoltura (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2009, Horvath, C‑428/07, Ġabra p. I‑6355, punt 29). Barra minn hekk, l‑Artikolu 2(1) tar‑Regolament Nru 796/2004 jipprovdi b’mod espliċitu li l‑art li tinħadem, u konsegwentement żoni agrikoli skont l‑Artikolu 2(a) tar‑Regolament Nru 79/2004, hija l‑art kkultivata miżmuma f’kundizzjoni agrikola u ambjentali tajba skont l‑Artikolu 5 tar‑Regolament (KE) Nru 1782/2003.

40      F’dan il‑kuntest, ikun kontradittorju li żona agrikola ma tibqax eliġibbli għall‑appoġġ peress li hija użata għal skopijiet ta’ konservazzjoni tal‑pajsaġġ u ta’ protezzjoni tan‑natura.

41      Mill‑kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li n‑natura predominanti tal‑għan ta’ protezzjoni tan‑natura u ta’ konservazzjoni tal‑pajsaġġ ta’ żona ma ċċaħħadiex min‑natura agrikola tagħha, fis‑sens tal‑Artikolu 44(2) tar‑Regolament Nru 1782/2003, peress li, f’din il‑kawża, iż‑żona hija s‑suġġett ta’ uża effettiv bħala art li tinħadem jew bħala mergħa.

42      Fit‑tieni lok, il‑qorti tar‑rinviju tistaqsi jekk żona agrikola tistax tkun eliġibbli għall‑appoġġ jekk fuqha hija eżerċitata attività li sservi prinċipalment għall‑preservazzjoni tal‑pajsaġġ u għall‑protezzjoni tan‑natura.

43      F’dan ir‑rigward, għandu jitfakkar li, skont l‑ewwel paragrafu tal‑Artikolu 44(2) tar‑Regolament Nru 1782/2003, iż‑żoni agrikoli użati għal attività mhux agrikola ma humiex eliġibbli għall‑appoġġ.

44      L‑Artikolu 2(ċ) tal‑imsemmi regolament jiddefinixxi l‑attività agrikola bħala l‑produzzjoni, trobbija jew tkabbir ta’ prodotti agrikoli inklużi l‑ħsad, produzzjoni tal‑ħalib, trobbija ta’ annimali u ż‑żamma ta’ annimali għal skopijiet agrikoli, jew il‑manutenzjoni tal‑art f’kundizzjoni agrikola u ambjentali tajba kif stabbilit taħt l‑Artikolu 5 tal‑istess regolament.

45      F’dan il‑kuntest, il‑qorti tar‑rinviju tqajjem il‑kwistjoni dwar jekk żona agrikola li hija użata għal attivitajiet agrikoli u għal attivitajiet mhux agrikoli fis‑sens tal‑ewwel paragrafu tal‑Artikolu 44(2) hijiex eliġibbli għall‑appoġġ.

46      F’din il‑każ, għandu madankollu jiġi kkonstatat li, kif jirriżulta mid‑deċiżjoni tar‑rinviju, iż‑żoni inkwistjoni kienu użati għal attività agrikola.

47      Fil‑fatt, peress li żona agrikola hija s‑suġġett ta’ attività agrikola fis‑sens tal‑Artikolu 2(ċ) tar‑Regolament Nru 1782/2003, huwa irrilevanti, għall‑finijiet tal‑Artikolu 44(2) tiegħu, li din l‑attività għandha għan primarjament agrikolu jew ta’ protezzjoni tan‑natura.

48      Bl‑istess mod, l‑eżistenza ta’ istruzzjonijiet mogħtija lill‑bidwi mill‑amministrazzjoni nazzjonali kompenti ma għandhomx rilevanza fir‑rigward tad‑definizzjoni tal‑attività agrikola mniżżla fl‑imsemmija dispożizzjoni. Dan b’mod iktar speċifiku peress li, skont l‑Artikolu 3 tar‑Regolament Nru 1782/2003 stess, bidwi li jirċievi pagamenti diretti mhux biss għandu josserva l‑kundizzjonijiet amministrattivi statutarji msemmija fl‑Anness III ta’ dan ir‑regolament, u l‑kundizzjoni agrikola u ambjentali tajba stabbilita taħt l‑Artikolu 5, iżda li l‑awtorità nazzjonali kompetenti għandha tipprovdi lill‑bidwi bil‑lista ta’ kundizzjonijiet amministrattivi statutarji u l‑kundizzjoni agrikola u ambjentali tajba li għandu josserva.

49      Mill‑kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l‑Artikolu 44(2) tar‑Regolament Nru 1782/2003 għandu jiġi interpretat fis‑sens li ma jipprekludiex li żona tkun eliġibbli għall‑appoġġ li, minkejja użata wkoll għal skopijiet agrikoli, isservi prinċipalment għall‑preservazzjoni tal‑pajsaġġ u għall‑protezzjoni tan‑natura. Barra minn hekk, il‑fatt li bidwi huwa suġġett għall‑istruzzjonijiet tal‑amministrazzjoni responsabbli għall‑protezzjoni tan‑natura ma jċaħħadx attività li tikkorrispondi għad‑definizzjoni msemmija fl‑Artikolu 2(ċ) tal‑imsemmi regolament min‑natura agrikola tagħha.

 Fuq it‑tielet domanda

50      It‑tielet domanda hija intiża sabiex tiddetermina f’liema kundizzjonijiet żona agrikola tista’ titqies bħala suġġett fis‑sens tal‑Artikolu 44(2) tar‑Regolament Nru 1782/2003.

51      B’mod partikolari, il‑qorti tar‑rinviju tistaqsi qabel kollox jekk huwiex neċessarju, sabiex żona agrikola titqies bħala li tifforma parti mill‑azjenda ta’ bidwi, li dan tal‑aħħar jkollu kuntratt ta’ kiri jew tip ieħor ta’ kuntratt tal‑istess tip, konkluż bi ħlas. L‑imsemmija qorti tistaqsi sussegwentement jekk iż‑żona tibqax tifforma parti mill‑azjenda meta din titqiegħed għad‑dispożizzjoni tal‑bidwi bil‑għan li tintuża b’ċertu mod u matul perijodu limitat, b’mod konformi mal‑għanijiet ta’ protezzjoni tan‑natura. Fl‑aħħar nett, il‑qorti tar‑rinviju tistaqsi jekk żona agrikola tistax titqies bħala li tifforma parti mill‑azjenda meta l‑bidwi huwa obbligat jwettaq ċerti servizzi li għalihom huwa rremunerat.

52      Fl‑ewwel lok, għandu jitfakkar li, skont l‑Artikolu 44(2) tar‑Regolament Nru 1782/2003, iż‑żoni agrikoli tal‑azjenda huma eliġibbli għall‑appoġġ. Din hija ddefinita fl‑Artikolu 2(b) ta’ dan ir‑regomament bħala l‑units kollha ta’ produzzjoni mmexxija minn bidwi li jinsab fit‑territorju tal‑istess Stat Membru.

53      L‑Artikolu 44(3) tal‑imsemmi regolament jispeċifika li l‑biċċiet ta’ art li jikkorrispondu mal‑ettaru eliġibbli marbut ma’ kull dritt għall‑pagament għandhom ikunu għad‑dispożizzjoni tal‑bidwi għal, tal‑inqas, perijodu ta’ għaxar xhur.

54      B’hekk, għandu jiġi kkonstatat li la l‑Artikolu 44(2) tar‑Regolament Nru 1782/2003 u lanqas il‑paragrafu 3 tal‑istess artikolu ma jippreċiżaw in‑natura tar‑relazzjoni ġuridika li abbażi tagħha ż‑żona kkonċernata hija użata mill‑bidwi. Għaldaqstant, ma jistax jiġi dedott minn dawn id‑dispożizzjonijet li l‑biċċiet tal‑art inkwistjoni għandhom ikunu għad‑dispożizzjoni tal‑bidwi skont kuntratt ta’ kiri jew tranżazzjoni tal‑istess tip.

55      Skont il‑prinċipju tal‑libertà kuntrattwali, il‑partijiet huma konsegwentement liberi li jaġġustaw ir‑relazzjoni ġuridika li fuqha huwa bbażat l‑użu taż‑żona kkonċernata. Fin‑nuqqas ta’ dispożizzjoni kuntrarja, huma liberi li jipprovdu li t‑tqiegħed għad‑dispożizzjoni tal‑biċċiet tal‑art issir mingħajr korrispettiv finanzjarju.

56      Bl‑istess mod, huma intitolati li jipprovdu li, bħala korrispettiv ta’ dan it‑tqiegħed għad‑dispożizzjoni, il‑bidwi għandu jħallas il‑kontribuzzjonijiet dovuti lill‑assoċjazzjoni professjonali.

57      Fit‑tieni lok, il‑qorti tar‑rinviju tistaqsi jekk żona tistax titqies bħala li tifforma parti mill‑azjenda meta huma imposti fuq il‑bidwi, bħal fil‑każ tal‑kuntratt konkluż minn A. Niedermair‑Schiemann fit‑ 12 ta’ Novembru 1998 mal‑Land de Rhénanie‑Palatinat, ċerti restrizzjonijiet li jikkonċernaw iż‑żmien u n‑natura tal‑attivitajiet permessi fuq din iż‑żona.

58      F’dan ir‑rigward, għandu jitfakkar li, kif ukoll jirriżulta mil‑punt 52 ta’ din is‑sentenza, żona tifforma parti mill‑azjenda tal‑bidwi meta dan ikollu s‑setgħa li jmexxija għal skopijiet tal‑eżerċizzju ta’ attività agrikola.

59      La r‑Regolament Nru 1782/2003 u lanqas ir‑Regolamenti Nri 795/2004 u 796/2004 ma jispeċifikaw il‑portata eżatta tal‑frażi “l‑units kollha ta’ produzzjoni mmexxija minn bidwi” li jinsabu fl‑Artikolu 2(b) tal‑imsemmi Regolament Nru 1782/2003.

60      Skont ġurisprudenza stabbilita tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, id‑determinazzjoni tat‑tifsira u tal‑portata tat‑termini, li ma jingħataw ebda definizzjoni fid‑dritt tal‑Unjoni, għandha tiġi stabbilita skont it‑tifsira komuni tagħhom fil‑lingwaġġ ta’ kuljum, filwaqt li fl‑istess ħin jittieħed inkunsiderazzjoni l‑kuntest li fih jintużaw u l‑għanijiet tal‑leġiżlazzjoni li minnha jifformaw parti (sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2005, easyCar, C‑336/03, Ġabra p. I‑1947, punt 21 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

61      Fir‑rigward tal‑iskema ta’ pagament uniku, il‑kunċett ta’ ġestjoni ma jimplikax, kuntrarjament għal dak li ssostniet l‑ADD fl‑osservazzjonijiet bil‑miktub tagħha, li l‑bidwi għandu setgħa illimitata fuq iż‑żona kkonċernata meta jużaha għal skopijiet agrikoli.

62      Min‑naħa l‑oħra, il‑bidwi għandu jgawdi minn awtonomija suffiċjenti fir‑rigward ta’ din iż‑żona għall‑finijiet tal‑eżerċizzju tal‑attività agrikola tiegħu, li hija l‑qorti tar‑rinviju li għandha teżaminaha, fid‑dawl taċ‑ċirkustanzi kollha ta’ din il‑kawża.

63      F’ċirkustanzi bħal dawk tal‑kawża prinċipali, jeħtieġ b’mod partikolari li l‑bidwi ma jkunx suġġett kompletament għall‑istruzzjonijiet tal‑awtorità nazzjonali kompetenti. Għalhekk, minkejja l‑istruzzjonijiet tagħha, il‑bidwi għandu jkun jista’ jeżerċita ċerta diskrezzjoni deċiżjonali fil‑kuntest tal‑użu taż‑żona kkonċernata.

64      Skont l‑Artikolu 44(3) tar‑Regolament Nru 1782/2003, iż‑żoni eliġibbli għall‑appoġġ għandhom barra minn hekk ikunu għad‑dispożizzjoni tal‑bidwi għal, tal‑inqas, perijodu ta’ għaxar xhur.

65      Matul dan il‑perijodu, il‑bidwi għandu jkun jista’ juża b’awtonomija suffiċjenti ż‑żona inkwistjoni għall‑attivitajiet agrikoli tiegħu, inkluż il‑manutenzjoni tal‑artijiet f’kundizzjonijiet agrikoli ambjentali tajbin fis‑sens tal‑Artikolu 5 tar‑Regolament Nru 1782/2003.

66      Barra minn hekk , huma importanti li ż‑żoni inkwistjoni ma jkunux is‑suġġett ta’ ebda attività agrikola eżerċitata minn terzi matul l‑imsemmi perijodu. Sabiex jiġi evitat li diversi bdiewa jsostnu li l‑biċċiet tal‑art ikkonċernati bħala li jifformaw parti mill‑azjenda tagħhom, huwa fil‑fatt neċessarju li, matul dan il‑perijodu, dawn iż‑żoni ma jistgħux jitqiesu bħala li jifformaw parti mill‑azjenda ta’ bdiewa oħrajn għall‑finijiet tal‑iskema ta’ pagament uniku.

67      Fit‑tielet lok, il‑qorti tar‑rinviju tistaqsi jekk żona agrikola tistax titqies bħala li tifforma parti mill‑azjenda meta l‑bidwi huwa obbligat jwettaq ċerti servizzi li għalihom huwa rremunerat.

68      F’dan ir‑rigward, għandu jitfakkar li, skont l‑Artikolu 44(2) tar‑Regolament Nru 1782/2003, l‑azjenda agrikola hija kkostitwita minn art li tinħadem u minn mergħa permanenti li huma użati għal attività agrikola, li hija eżerċitata mill‑bidwi b’ċerta awtonomija.

69      Jeħtieġ li jiġi speċifikat ukoll li l‑eżerċizzju tal‑attività agrikola fuq iż‑żoni kkonċernati għandu jsir f’isem il‑bidwi, li hija l‑qorti tar‑rinviju li għandha tivverifika dan.

70      Barra minn hekk, il‑fatt li l‑bidwi għandu jwettaq, bi ħlas, ċerti kompiti f’isem terz huwiex rilevanti f’dan ir‑rigward.

71      Konsegwentement, ir‑risposta għat‑tielet domanda għandha tkun li l‑Artikolu 44(2) tar‑Regolament Nru 1782/2003, għandu jkun interpretata fis‑sens li:

–        ma huwiex neċessarju, sabiex żona agrikola titqies bħala li tifforma parti mill‑azjenda tal‑bidwi, li din tkun għad‑dispożizzjoni tiegħu permezz ta’ kuntratt ta’ kiri jew tip ieħor ta’ kuntratt tal‑istess tip konkluż bi ħlas;

–        ma jipprekludix li ż‑żona titqies bħala li tifforma parti mill‑azjenda, li hija mqiegħda għad‑dispożizzjoni tal‑bidwi bla ħlas, permezz tal‑fatt biss li l‑bidwi huwa responsabbili li jħallas il‑kontribuzzjonijiet dovuti lill‑assoċjazzjoni professjonali, għal użu speċifiku matul perijodu limitat skont l‑għanijiet ta’ protezzjoni tan‑natura, bil‑kundizzjoni li dan il‑bidwi jkun jista’ juża tali żona b’awtonomija suffiċjenti għal, tal‑inqas, perijodu ta’ għaxar xhur, u li

–        ma jikkawżax preġudizzju lir‑rabta taż‑żona kkonċernata mal‑azjenda tal‑bidwi l‑fatt li dan għandu jwettaq bi ħlas ċerti kompiti għal terz, fejn din iż‑żona hija użata wkoll mill‑bidwi għall‑finijiet tal‑eżerċizzju tal‑attività agrikola tiegħu f’ismu.

 Fuq l‑ispejjeż

72      Peress li l‑proċedura għandha, fir‑rigward tal‑partijiet fil‑kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il‑qorti tar‑rinviju, hija din il‑qorti li tiddeċiedi fuq l‑ispejjeż. L‑ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill‑Qorti tal‑Ġustizzja, barra dawk tal‑imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il‑motivi, Il‑Qorti tal‑Ġustizzja (L‑Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L‑Artikolu 44 tar‑Regolament tal‑Kunsill (KE) Nru 1782/2003, tad‑ 29 ta’ Settembru 2003, li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il‑politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall‑bdiewa u li jemenda r‑Regolamenti (KEE) Nru 2019/93, (KE) Nru 1452/2001, (KE) Nru 1453/2001, (KE) Nru 1454/2001, (KE) Nru 1868/94, (KE) Nru 1251/1999, (KE) Nru 1254/1999, (KE) Nru 1673/2000, (KEE) Nru 2358/71 u (KE) Nru 2529/2001, kif emendat bir‑Regolament tal‑Kunsill (KE) Nru 2013/2006, għandu jiġi interpretat fis‑sens li ma jipprekludiex li żona tkun eliġibbli għall‑appoġġ li, minkejja użata wkoll għal skopijiet agrikoli, isservi prinċipalment għall‑preservazzjoni tal‑pajsaġġ u għall‑protezzjoni tan‑natura. Barra minn hekk, il‑fatt li bidwi huwa suġġett għall‑istruzzjonijiet tal‑amministrazzjoni responsabbli għall‑protezzjoni tan‑natura ma jċaħħadx attività li tikkorrispondi għad‑definizzjoni msemmija fl‑Artikolu 2(ċ) tal‑imsemmi regolament min‑natura agrikola tagħha.

2)      L‑Artikolu 44(2) tar‑Regolament Nru 1782/2003, kif emendat bir‑Regolament Nru 2013/2006, għandu jiġi intepretat fis‑sens li:

–        ma huwiex neċessarju, sabiex żona agrikola titqies bħala li tifforma parti mill‑azjenda tal‑bidwi, li din tkun għad‑dispożizzjoni tiegħu permezz ta’ kuntratt ta’ kiri jew tip ieħor ta’ kuntratt tal‑istess tip konkluż bi ħlas;

–        ma jipprekludix li ż‑żona titqies bħala li tifforma parti mill‑azjenda, li hija mqiegħda għad‑dispożizzjoni tal‑bidwi bla ħlas, permezz tal‑fatt biss li l‑bidwi huwa responsabbili li jħallas il‑kontribuzzjonijiet dovuti lill‑assoċjazzjoni professjonali, għal użu speċifiku matul perijodu limitat skont l‑għanijiet ta’ protezzjoni tan‑natura, bil‑kundizzjoni li dan il‑bidwi jkun jista’ juża tali żona b’awtonomija suffiċjenti għal, tal‑inqas, perijodu ta’ għaxar xhur, u li

–        ma jikkawżax preġudizzju lir‑rabta taż‑żona kkonċernata mal‑azjenda tal‑bidwi l‑fatt li dan għandu jwettaq bi ħlas ċerti kompiti għal terz, fejn din iż‑żona hija użata wkoll mill‑bidwi għall‑finijiet tal‑eżerċizzju tal‑attività agrikola tiegħu f’ismu.

Firem


* Lingwa tal‑kawża: il‑Ġermaniż.