Language of document : ECLI:EU:T:2020:561

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

25 ta’ Novembru 2020 (*)

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Reġistrazzjoni internazzjonali li tindika lill-Unjoni Ewropea – Sinjal tridimensjonali – Forma ta’ flixkun skur – Raġuni assoluta għal rifjut – Assenza ta’ karattru distintiv – Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament (UE) 2017/1001”

Fil-Kawża T‑862/19,

Brasserie St Avold, stabbilita f’Saint-Avold (Franza), irrappreżentata minn P. Greffe, D. Brun u F. Donaud, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn A. Folliard‑Monguiral u V. Ruzek, bħala aġenti,

konvenut,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-EUIPO tal-21 ta’ Ottubru 2019 (Każ R 466/2019‑4), dwar ir-reġistrazzjoni internazzjonali li tindika lill-Unjoni Ewropea ta’ sinjal tridimensjonali li jikkonsisti fil-forma ta’ flixkun skur,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

komposta minn A. M. Collins, President, V. Kreuschitz u G. Steinfatt (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: J. Pichon, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-18 ta’ Diċembru 2019,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-28 ta’ Frar 2020,

wara s-seduta tal-10 ta’ Settembru 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fis-16 ta’ Marzu 2018, ir-rikorrenti, il-Brasserie St Avold, indikat lill-Unjoni Ewropea għar-reġistrazzjoni internazzjonali Nru 1408065 ta’ sinjal tridimensjonali kkostitwit mill-forma ta’ flixkun skur. It-trade mark li hija s-suġġett tar-reġistrazzjoni internazzjonali li tindika lill-Unjoni Ewropea hija s-sinjal tridimensjonali riprodott hawn taħt:

Image not found

2        Il-prodotti li għalihom ġiet mitluba l-protezzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jaqgħu taħt il-klassijiet 32 u 33 tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u li jikkorrispondu, għad-deskrizzjoni segwenti:

–        Klassi 32: “Birer; ilma minerali (xarbiet); ilma effervexxenti; xorb ibbażat fuq il-frott; meraq [tal-frott]; ġulepp [għax-xarbiet]; preparazzjonijiet biex isiru x-xarbiet; luminati; nettari tal-frott (mingħajr alkoħol); ilma tat-tip soda; aperitivi mingħajr alkoħol”;

–        Klassi 33: “Xorb alkoħoliku (minbarra l-birer); inbid; inbid bid-denominazzjoni tal-oriġini protetta; inbid b’indikazzjoni ġeografika protetta”.

3        Permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ Jannar 2019, l-eżaminatriċi tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) irrifjutat il-protezzjoni tar-reġistrazzjoni internazzjonali abbażi tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1).

4        Fl-20 ta’ Frar 2019, ir-rikorrenti ppreżentat appell quddiem l-EUIPO, skont l-Artikoli 66 sa 71 tar-Regolament Nru 2017/1001, kontra d-deċiżjoni tal-eżaminatriċi.

5        Permezz ta’ deċiżjoni tal‑21 ta’ Ottubru 2019 (iktar ’il quddiem id‑“deċiżjoni kkontestata”), ir‑Raba’ Bord tal‑Appell tal‑EUIPO ċaħad l‑appell għar‑raġuni li s-sinjal inkwistjoni kien nieqes minn karattru distintiv fis‑sens tal‑Artikolu 7(1)(b) tar‑Regolament Nru 2017/1001.

6        Sabiex jasal għal din il-konklużjoni, fl-ewwel lok, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li, peress li s-sinjal inkwistjoni kien jikkorrispondi għal waħda mill-forom ta’ ppakkjar l-iktar evidenti għax-xorb alkoħoliku u mhux alkoħoliku kopert mill-applikazzjoni għal protezzjoni, jiġifieri l-flixkun, dan ma jistax jitqies bħala distintiv ħlief bil-kundizzjoni li jkun differenti b’mod sinjifikattiv min-norma jew mill-użanzi tas-settur. Dawn id-differenzi għandhom ikunu partikolari, memorizzabbli u pperċepiti mill-pubbliku bħala indikaturi tal-oriġini kummerċjali tal-prodotti.

7        Fit-tieni lok, il-pubbliku rilevanti huwa kompost mix-xerrejja ta’ xarbiet, alkoħoliċi jew le, fl-Unjoni kollha.

8        Fit-tielet lok, il-forma tal-flixkun ta’ kulur skur, magħluq b’tapp fil-forma ta’ kuruna, hija normali fis-settur tax-xarbiet. Fir-rigward tat-tikketta bajda mdawra b’mod irregolari fuq il-kontenut tal-flixkun, l-eżempji konkreti rrilevati mill-eżaminatriċi juru li din hija karatteristika li ma hijiex inabitwali fis-settur ikkonċernat, kemm jekk it-tikketta tkopri l-flixkun sħiħ jew parti minnu. Dawn l-eżempji konkreti jsostnu l-konklużjoni li tgħid li l-pubbliku kkonċernat huwa iktar inklinat sabiex jidentifika l-oriġini kummerċjali tax-xarbiet, alkoħoliċi jew le, b’riferiment għall-elementi verbali tat-tikketti pjuttost milli b’riferiment għall-forma jew għall-pożizzjoni tagħhom. Il-pubbliku kkonċernat ma jipperċepixxix is-sinjal inkwistjoni bħala indikatur ta’ oriġini, kemm jekk it-tikketta tkun ipperċepita bħala r-rappreżentazzjoni ta’ mitra ta’ isqof jew bħala sarvetta mitwija b’mod trijangolari. Is-sinjal inkwistjoni ma jistax jiġi mmemorizzat faċilment u immedjatament mill-pubbliku rilevanti bħala sinjal distintiv. Barra minn hekk, it-tikketta tista’ tiġi pperċepita bħala li għandha funzjoni kontra t-taqtir meta jitferra’ l-likwidu.

9        B’hekk, is-sinjal inkwistjoni huwa kkostitwit biss minn taħlita ta’ elementi tipiċi tal-prodotti kkonċernati, jiġifieri minn flixkun u minn tikketta, li l-forma u d-dispożizzjoni tagħhom ma humiex sostanzjalment differenti minn ċerti forom bażiċi tal-imsemmija prodotti, iżda jidhru pjuttost bħala sempliċi varjanti tagħhom. Id-differenzi allegati meta mqabbla mar-regoli tas-settur huma perċepibbli biss wara spezzjoni pjuttost attenta li ma ssirx mill-konsumatur medju, b’tali mod li dawn ma humiex ipperċepiti bħala indikazzjonijiet tal-oriġini kummerċjali tal-prodotti kkonċernati. L-imsemmi konsumatur jipperċepixxi s-sinjal inkwistjoni bħala finitura estetika, dekorattiva jew funzjonali tal-prodotti kkonċernati, li barra minn hekk ma hijiex sostanzjalment differenti mill-istandards tas-settur.

10      Fir-raba’ lok, il-Bord tal-Appell ippreċiża li r-reġistrazzjonijiet miksuba fi Franza u fl-Istati Uniti ma jistgħux jorbtu l-evalwazzjoni tiegħu.

 It-talbiet tal-partijiet

11      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż.

12      L-EUIPO jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà tal-provi ppreżentati għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali

13      Fil-punt 43 tar-rikors hemm żewġ ritratti intiżi li jirrappreżentaw rispettivament filliera ta’ fliexken li għandhom tikketti konformi mal-allegat standard tas-settur u filliera ta’ prodotti tar-rikorrenti li għandhom it-trade mark mitluba.

14      Dawn id-dokumenti, li ġew ippreżentati għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali, ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni. Fil-fatt, ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali jikkonċerna l-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell tal-EUIPO fis-sens tal-Artikolu 72 tar-Regolament Nru 2017/1001, b’tali mod li l-funzjoni tal-Qorti Ġenerali ma hijiex li teżamina mill-ġdid iċ-ċirkustanzi ta’ fatt fid-dawl tad-dokumenti ppreżentati għall-ewwel darba quddiemha. Għaldaqstant, l-imsemmija dokumenti għandhom jiġu mwarrba mingħajr il-ħtieġa li jiġi eżaminat il-valur probatorju tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Novembru 2005, Sadas vs UASI – LTJ Diffusion (ARTHUR ET FELICIE), T‑346/04, EU:T:2005:420, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

 Fuq il-mertu

15      Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tinvoka motiv wieħed, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament 2017/1001.

16      L-imsemmi motiv huwa maqsum fi tliet partijiet. Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell fehem ħażin il-karatteristiċi u n-natura tas-sinjal inkwistjoni. Fit-tieni lok, il-Bord tal-Appell, essenzjalment, applika kriterji żbaljati għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-karattru distintiv tas-sinjal inkwistjoni. Fit-tielet lok, il-Bord tal-Appell wettaq żball meta kkonkluda li s-sinjal inkwistjoni ma kellux karattru distintiv.

 Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq żball fil-kunsiderazzjoni tal-karatteristiċi u tan-natura tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni

17      Ir-rikorrenti essenzjalment tressaq tliet ilmenti fil-kuntest ta’ din il-parti. L-ewwel nett, hija tikkritika lill-Bord tal-Appell talli ddefinixxa s-sinjal inkwistjoni b’mod żbaljat. Dan huwa kkostitwit mit-tikketta mqiegħda b’mod speċifiku fuq flixkun, mingħajr ma dan il-flixkun jifforma parti mis-sinjal inkwistjoni. It-tieni nett, hija ssostni li l-forma u l-pożizzjoni ta’ din it-tikketta fuq il-flixkun jitbiegħdu b’mod sinjifikattiv ħafna min-norma u mill-użanzi tas-settur. It-tielet nett, l-imsemmija tikketta ma tippreżenta ebda aspett funzjonali.

18      Sa fejn l-argumenti mressqa fil-kuntest tal-aħħar żewġ ilmenti jikkonċernaw l-evalwazzjoni konkreta tal-eżistenza tal-karattru distintiv tas-sinjal inkwistjoni u jikkompletaw dawk ippreżentati fil-kuntest tat-tielet parti, dawn ser jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ din l-aħħar parti.

19      Fir-rigward tal-ewwel ilment, ir-rikorrenti ssostni li s-sinjal inkwistjoni huwa kompost mill-elementi li ġejjin:

–        tikketta f’forma ta’ triangolu rettangolu;

–        twaħħil partikolari ta’ din it-tikketta fuq flixkun: peress li l-ipotenuża tiegħu tinsab fil-parti ta’ isfel tal-flixkun u t-tikketta ddur kompletament madwar il-forma ċilindrika tal-flixkun b’mod li l-għoli tagħha jvarja fuq iċ-ċirkonferenza tal-flixkun billi tifforma sporġenza bil-ponta minn naħa u qatgħa fil-forma ta’ ittra kapitali “V” fuq in-naħa opposta, u b’hekk tevoka mitra ta’ isqof; it-tikketta għandha għoli tali li taqbeż il-forma ċilindrika tal-flixkun, b’tali mod li, fil-livell tal-isporġenza, hija ma tmissx mal-forma tal-flixkun.

20      Għaldaqstant ftit jimporta li “l-flixkun skur b’tapp bil-forma ta’ kuruna [huwa] kontenitur abitwali tal-prodotti inkwistjoni”, peress li huwa fuq tikketta partikolari, imwaħħla b’mod distintiv fuq flixkun, li r-rikorrenti tinvoka drittijiet, u mhux fuq il-kontenitur innifsu. Konsegwentement, huwa irrilevanti li jiġu eżaminati l-karatteristiċi tal-flixkun u huwa ineżatt li jiġi deskritt, kif għamel il-Bord tal-Appell, is-sinjal inkwistjoni bħala “r-rappreżentazzjoni tridimensjonali minn erba’ angoli ta’ flixkun skur b’tapp fil-forma ta’ kuruna bħala għeluq […] b’tikketta bajda mdawra fuq il-parti inferjuri tiegħu”. Għall-kuntrarju, il-Bord tal-Appell kellu jeżamina jekk il-kombinazzjoni tal-elementi tat-tikketta ppreċiżati fil-punt 19 iktar ’il fuq kinux jifformaw, flimkien, sinjal distintiv.

21      L-EUIPO jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

22      F’dan ir-rigward, bi tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali waqt is-seduta, ir-rikorrenti ppreċiżat li s-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni kien sinjal tridimensjonali, kif irrappreżentat fil-punt 2 tar-rikors u fl-applikazzjoni għal protezzjoni, jiġifieri flixkun b’tapp bil-forma ta’ kuruna u bit-tikketta tiegħu.

23      Għalhekk, il-Bord tal-Appell ġustament ħa inkunsiderazzjoni l-impressjoni globali li jipproduċu dawn l-elementi kollha.

24      Barra minn hekk, b’mod partikolari mill-punti 16, 17, 20, 22, 23 u 25 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Bord tal-Appell ħa debitament inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li jikkaratterizzaw il-perċezzjoni li jkollu l-konsumatur ikkonċernat tas-sinjal inkwistjoni.

25      Għaldaqstant, u mingħajr preġudizzju għall-preċiżazzjoni magħmula fil-punt 18 iktar ’il fuq, l-ewwel parti għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq l-applikazzjoni ta’ kriterji żbaljati għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-karattru distintiv tas-sinjal inkwistjoni

26      Billi tirreferi għas-sentenza tas-27 ta’ Frar 2002, Eurocool Logistik vs UASI (EUROCOOL) (T‑34/00, EU:T:2002:41, punt 39), ir-rikorrenti ssostni li minimu ta’ karattru distintiv huwa biżżejjed sabiex l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament 2017/1001 ma japplikax. Issa, is-sinjal inkwistjoni huwa kompost minn kombinazzjoni ta’ elementi li jiddistingwuh b’mod ċar mill-forom l-oħra preżenti fis-suq tal-prodotti kkonċernati, b’tali mod li, ikkunsidrat fit-totalità tiegħu, huwa għandu l-minimu ta’ karattru distintiv meħtieġ.

27      Din il-konklużjoni hija kkonfermata mis-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2018, Wajos vs EUIPO (Forma ta’ kontenitur) (T‑313/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:638, punt 26), li tipprovdi li, fis-settur tal-ikel, li huwa kkaratterizzat minn kompetizzjoni qawwija, l-operaturi huma mħeġġa ħafna li jirrendu l-prodotti tagħhom identifikabbli meta mqabbla ma’ dawk tal-kompetituri, b’mod partikolari fir-rigward tal-apparenza tagħhom u tad-disinn tal-imballaġġ tagħhom, sabiex jiġbdu l-attenzjoni tal-konsumaturi. Għalhekk jidher li l-konsumatur medju huwa kompletament kapaċi jipperċepixxi l-forma tal-ippakkjar tal-prodotti kkonċernati bħala indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali ta’ dawn tal-aħħar, sakemm din il-forma tkun tippreżenta karatteristiċi suffiċjenti sabiex tiġbed l-attenzjoni tiegħu.

28      Issa, il-Bord tal-Appell injora din il-ġurisprudenza fil-punt 11 tad-deċiżjoni kkontestata, billi qies, essenzjalment, li jista’ jkun iktar diffiċli li jiġi stabbilit il-karattru distintiv ta’ sinjal tridimensjonali, li huwa kkostitwit mid-dehra tal-prodott stess jew mill-imballaġġ tiegħu, meta mqabbel ma’ dak ta’ trade mark verbali jew figurattiva. Għaldaqstant, billi rrikjeda grad ta’ karattru distintiv iktar għoli għas-sinjal inkwistjoni, il-Bord tal-Appell wettaq żball ta’ liġi.

29      L-EUIPO jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

30      F’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 4 tar-Regolament 2017/1001, il-forma ta’ prodott jew tal-ippakkjar tiegħu tista’ tikkostitwixxi trade mark tal-Unjoni Ewropea, sakemm tkun adegwata sabiex tiddistingwi l-prodotti ta’ impriża minn dawk ta’ impriżi oħra.

31      Skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament 2017/1001, trade marks li ma għandhomx karattru distintiv ma jistgħux jiġu rreġistrati.

32      Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-karattru distintiv ta’ trade mark, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ifisser li din it-trade mark tippermetti li l-prodott jew is-servizz li għalih kienet ġiet mitluba r-reġistrazzjoni jiġi identifikat bħala li ġej minn impriża determinata u għalhekk li tiddistingwi dan il-prodott minn dawk ta’ impriżi oħra (ara s-sentenzi tal-20 ta’ Ottubru 2011, Freixenet vs UASI, C‑344/10 P u C‑345/10 P, EU:C:2011:680, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-24 ta’ Settembru 2019, Fränkischer Weinbauverband vs EUIPO (Forma ta’ flixkun ellissojdali), T‑68/18, mhux ippubblikata, EU:T:2019:677, punt 15 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      Dan il-karattru distintiv ta’ trade mark għandu jiġi evalwat, minn naħa, b’riferiment għall‑prodotti jew għas‑servizzi li għalihom saret l‑applikazzjoni għal reġistrazzjoni u, min‑naħa l‑oħra, b’riferiment għall‑mod kif il‑pubbliku rilevanti jipperċepixxih (ara s-sentenzi tal-20 ta’ Ottubru 2011, Freixenet vs UASI, C‑344/10 P u C‑345/10 P, EU:C:2011:680, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas-16 ta’ Jannar 2014, Steiff vs UASI (Tikketta b’buttuna tal-metall fin-nofs tal-widna ta’ ġugarell), T‑434/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:6, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Għandu jitfakkar ukoll li, sabiex jiġi evalwat jekk trade mark hijiex nieqsa jew le minn karattru distintiv, jeħtieġ li tittieħed inkunsiderazzjoni l-impressjoni ġenerali li din tipproduċi. Madankollu, dan ma jistax jimplika li ma jkunx meħtieġ li inizjalment issir evalwazzjoni suċċessiva tad-diversi elementi ta’ preżentazzjoni użati għal din it-trade mark. Fil-fatt, jista’ jkun utli, matul l-evalwazzjoni globali, li jiġi eżaminat kull wieħed mill-elementi kostituttivi tat-trade mark ikkonċernata (ara s-sentenza tas-16 ta’ Jannar 2014, Tikketta b’buttuna tal-metall fin-nofs tal-widna ta’ ġugarell, T‑434/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:6, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      Barra minn hekk, minimu ta’ karattru distintiv huwa biżżejjed sabiex ir-raġuni assoluta għal rifjut li tinsab fl-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 ma tkunx applikabbli (ara s-sentenza tal-25 ta’ Settembru 2015, Bopp vs UASI (Rappreżentazzjoni ta’ kwadru ottagonali aħdar), T‑209/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:701, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-karattru distintiv tat-trade marks tridimensjonali komposti mill-forma tal-prodott stess ma humiex differenti minn dawk applikabbli għall-kategoriji l-oħra ta’ trade marks. Madankollu, fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji, il-perċezzjoni tal-konsumatur medju ma hijiex neċessarjament l-istess fil-każ ta’ trade mark tridimensjonali, komposta mid-dehra tal-prodott stess, bħalma hija fil-każ ta’ trade mark verbali jew figurattiva, li tikkonsisti f’sinjal indipendenti mill-aspett tal-prodotti li hija tirrappreżenta. Fil-fatt, il-konsumaturi medji ma għandhomx id-drawwa li jippreżumu l-oriġini tal-prodotti billi jibbażaw ruħhom fuq il-forma tagħhom jew fuq il-forma tal-ippakkjar tagħhom, fl-assenza ta’ kull element grafiku jew testwali, u għalhekk jista’ jkun iktar diffiċli li jiġi stabbilit il-karattru distintiv ta’ tali trade mark tridimensjonali milli dak ta’ trade mark verbali jew figurattiva (ara s-sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2011, Freixenet vs UASI, C‑344/10 P u C‑345/10 P, EU:C:2011:680, punti 45 u 46 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-24 ta’ Settembru 2019, Forma ta’ flixkun elissojdali, T‑68/18, mhux ippubblikata, EU:T:2019:677, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tat-8 ta’ April 2003, Linde et, C‑53/01 sa C‑55/01, EU:C:2003:206, punt 48).

37      B’mod iktar partikolari, peress li l-ippakkjar ta’ prodott likwidu huwa neċessarju għall-kummerċjalizzazzjoni, il-konsumatur medju jattribwilu, fl-ewwel lok, din is-sempliċi funzjoni. Trade mark tridimensjonali kkostitwita minn tali ppakkjar hija distintiva biss jekk tippermetti lill-konsumatur medju tal-prodott ikkonċernat, normalment informat u raġonevolment attent u avżat, mingħajr ma jwettaq analiżi jew paragun u mingħajr ma juża attenzjoni partikolari, li jiddistingwi dan il-prodott minn dawk ta’ impriżi oħrajn (ara s-sentenza tal-24 ta’ Settembru 2019, Forma ta’ flixkun ellissojdali, T‑68/18, mhux ippubblikata, EU:T:2019:677, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tat-12 ta’ Frar 2004, Henkel, C‑218/01, EU:C:2004:88, punt 53).

38      F’dawn iċ-ċirkustanzi, iktar ma l-forma li tintalab ir-reġistrazzjoni tagħha bħala trade mark tkun tixbah il-forma li hija l-iktar probabbli li tittieħed mill-prodott inkwistjoni, iktar ikun probabbli li l-imsemmija forma tkun nieqsa minn karattru distintiv fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament 2017/1001. Hija biss trade mark li, b’mod sinjifikattiv, tmur lil hinn min-norma jew mill-użanzi tas-settur u li, minħabba f’hekk, tista’ tissodisfa l-funzjoni essenzjali tal-oriġini tagħha, li ma hijiex nieqsa minn karattru distintiv fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament 2017/1001 (ara s-sentenzi tad-29 ta’ April 2004, Henkel vs UASI, C‑456/01 P u C‑457/01 P, EU:C:2004:258, punt 39, u tat-12 ta’ Diċembru 2019, EUIPO vs Wajos, C‑783/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:1073, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara, ukoll u b’analoġija, is-sentenza tat-12 ta’ Frar 2004, Henkel, C‑218/01, EU:C:2004:88, punt 49).

39      Bl-istess mod, għandu jitfakkar li n-novità jew l-oriġinalità ma humiex kriterji rilevanti għall-evalwazzjoni tal-karattru distintiv ta’ trade mark, b’tali mod li, sabiex trade mark tkun tista’ tiġi rreġistrata, ma huwiex biżżejjed li din tkun oriġinali, iżda jeħtieġ li din tkun sostanzjalment differenti mill-forom bażiċi tal-prodott inkwistjoni, użati komunement fil-kummerċ, u li din ma tidhirx bħala sempliċi varjant, jew saħansitra bħala varjant possibbli ta’ dawn il-forom. Barra minn hekk, ma huwiex neċessarju li tiġi prodotta l-prova tal-karattru komuni tal-forma fil-kummerċ sabiex jiġi stabbilit in-nuqqas ta’ karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni (ara s-sentenza tas-7 ta’ Ottubru 2015, The Smiley Company vs UASI (Forma ta’ wiċċ fi stilla), T‑244/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:764, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2019, Gibson Brands vs EUIPO – Wilfer (Forma ta’ kitarra), T‑340/18, mhux ippubblikata, EU:T:2019:455, punt 39).

40      Il-Qorti Ġenerali ppreċiżat ukoll li l-preżenza fis-suq ta’ numru sinjifikattiv ta’ forom li l-konsumatur kien ikkonfrontat bihom kien irendi improbabbli li dan tal-aħħar jikkunsidra tip partikolari ta’ forma bħala li joriġina minn manifattur speċifiku pjuttost milli mid-diversità li tikkaratterizza l-imsemmi suq. Fil-fatt, id-diversità sinjifikattiva tal-forom li għandhom aspett oriġinali jew fantasjuż diġà preżenti fis-suq tirrestrinġi l-probabbiltà li forma partikolari titqies li hija differenti b’mod sinjifikattiv mill-istandard li jipprevali f’dan is-suq u għalhekk tiġi identifikata mill-konsumaturi abbażi biss tan-natura partikolari jew tal-oriġinalità tagħha (sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2019, Forma ta’ kitarra, T‑340/18, mhux ippubblikata, EU:T:2019:455, punt 36).

41      Isegwi li, meta trade mark tridimensjonali tkun magħmula mill-forma tal-prodott li għalih tkun qiegħda tintalab ir-reġistrazzjoni jew mill-forma tal-imballaġġ ta’ dan il-prodott, is-sempliċi fatt li din il-forma tkun varjanti ta’ waħda mill-forom komuni ta’ dan it-tip ta’ prodotti ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li l-imsemmija trade mark ma hijiex nieqsa minn karattru distintiv fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament 2017/1001. Għandu dejjem jiġi vverifikat jekk tali trade mark tippermettix lill-konsumatur medju ta’ dan il-prodott, normalment informat u raġonevolment attent u avżat, jiddistingwi, mingħajr ma jagħmel analiżi u mingħajr ma juri attenzjoni partikolari, il-prodott ikkonċernat minn dawk ta’ impriżi oħra (ara s-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2019, EUIPO vs Wajos, C‑783/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:1073, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      F’dan il-każ, fil-punti 8 sa 13 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ippreżenta l-ġurisprudenza applikabbli fil-qasam tal-eżami tal-eżistenza tal-karattru distintiv ta’ trade mark tridimensjonali, ikkostitwita mill-forma tal-prodott stess jew mill-ippakkjar tiegħu. Dan fakkar b’mod partikolari r-rekwiżit li tali trade mark kellha tkun differenti b’mod sinjifikattiv min-norma jew mill-użanzi tas-settur. Fil-punti 14 sa 27 tad-deċiżjoni kkontestata, dan applika din il-ġurisprudenza għas-sinjal inkwistjoni u kkonkluda, fil-punti 25 sa 27 ta’ din id-deċiżjoni, l-ewwel nett, li dan is-sinjal kien ikkostitwit biss minn kombinazzjoni ta’ elementi tipiċi tal-prodotti kkonċernati, jiġifieri flixkun u tikketta, li l-forma u d-dispożizzjoni tagħhom ma kinux jiddistingwu ruħhom b’mod sostanzjali minn ċerti forom bażiċi tal-prodotti inkwistjoni, iżda pjuttost kienu jidhru bħala sempliċi varjanti tagħhom, it-tieni nett, li d-differenzi allegati, meta mqabbla mal-istandard tas-settur, kienu perċepibbli biss wara spezzjoni pjuttost attenta li l-konsumatur medju ma jwettaqx, b’tali mod li dawn ma jiġux ipperċepiti bħala indikazzjonijiet tal-oriġini kummerċjali tal-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni, u, it-tielet nett, li l-imsemmi konsumatur jipperċepixxi t-trade mark bħala finizzjoni estetika, dekorattiva jew funzjonali tal-prodotti kkonċernati minnha, li barra minn hekk ma tiddifferenzjax sostanzjalment min-norma tas-settur.

43      Ċertament, mill-punt 26 tas-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2018, Forma ta’ kontenitur (T‑313/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:638), li tirreferi għalih ir-rikorrenti, jirriżulta li, fis-settur tal-ikel, li huwa kkaratterizzat minn kompetizzjoni qawwija, l-operaturi huma mħeġġa ħafna sabiex jagħmlu l-prodotti tagħhom identifikabbli meta mqabbla ma’ dawk tal-kompetituri, b’mod partikolari fir-rigward tad-dehra u tad-disinn tal-imballaġġ tagħhom, sabiex jiġbdu l-attenzjoni tal-konsumaturi, b’mod li jidher li l-konsumatur medju huwa kompletament kapaċi li jipperċepixxi l-forma tal-ippakkjar tal-prodotti kkonċernati bħala indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali ta’ dawn tal-aħħar, kemm‑il darba din il-forma tkun tippreżenta karatteristiċi suffiċjenti biex tiġbed l-attenzjoni tiegħu.

44      Madankollu, minn naħa, għandu jitfakkar li, sa mis-sentenza tat-8 ta’ April 2003, Linde et (C‑53/01 sa C‑55/01, EU:C:2003:206, punt 48), li ngħatat fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1988 biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 1989, L 40, p. 1), iżda li l-prinċipji tagħha huma trasponibbli f’dan il-każ, hija ġurisprudenza stabbilita li l-konsumaturi medji ma għandhomx id-drawwa li jippreżumu l-oriġini tal-prodotti billi jibbażaw ruħhom fuq il-forma tagħhom jew fuq dik tal-imballaġġ tagħhom, fin-nuqqas ta’ kull element grafiku jew testwali, u li għalhekk jista’ jirriżulta iktar diffiċli li jiġi stabbilit il-karattru distintiv fir-rigward ta’ tali trade mark tridimensjonali milli fir-rigward ta’ trade mark verbali jew figurattiva (ara l-punt 36 iktar ’il fuq).

45      Min-naħa l-oħra, fil-punt 26 tas-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2018, Forma ta’ kontenitur (T‑313/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:638), il-Qorti Ġenerali rreferiet għas-sentenza tagħha tat-3 ta’ Diċembru 2003, Nestlé Waters France vs UASI (Forma ta’ flixkun) (T‑305/02, EU:T:2003:328, punt 34), li, hija, kienet ingħatat qabel ma l-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, fis-sentenzi tagħha tat-12 ta’ Frar 2004, Henkel (C‑218/01, EU:C:2004:88, punt 49), u tad-29 ta’ April 2004, Henkel vs UASI (C‑456/01 P u C‑457/01 P, EU:C:2004:258, punt 39), u tas-7 ta’ Ottubru 2004, Mag Instrument vs UASI (C‑136/02 P, EU:C:2004:592, punt 31), li, fil-qasam tat-trade marks tridimensjonali li huma kkostitwiti mill-forma tal-prodott stess jew mill-kontenitur tiegħu, hija biss trade mark li, b’mod sinjifikattiv, tiżvija min-norma jew mid-drawwiet tas-settur u, b’hekk, tista’ tissodisfa l-funzjoni essenzjali tagħha tal-oriġini, li ma hijiex nieqsa mill-karattru distintiv fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament 2017/1001 (ara l-punt 38 iktar ’il fuq).

46      Għalhekk, għandha tiġi interpretata r-regola li tirriżulta mill-punt 34 tas-sentenza tat-3 ta’ Diċembru 2003, Forma ta’ flixkun (T‑305/02, EU:T:2003:328), fid-dawl tal-ġurisprudenza sussegwenti tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara l-punti 36 u 38 iktar ’il fuq). Għaldaqstant, il-premessa li tgħid li l-konsumatur medju huwa kompletament kapaċi jipperċepixxi l-forma tal-ippakkjar tal-prodotti kkonċernati bħala indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali ta’ dawn tal-aħħar, sa fejn din il-forma jkollha karatteristiċi suffiċjenti sabiex tiġbed l-attenzjoni tiegħu, għandha tinftiehem fis-sens li tkopri sitwazzjoni fejn it-trade mark tridimensjonali li għaliha saret l-applikazzjoni, ikkostitwita mill-forma tal-prodott stess jew mill-ippakkjar tiegħu, tvarja b’mod sinjifikattiv min-norma jew mid-drawwiet tas-settur.

47      Dan huwa iktar u iktar il-każ hekk kif, fis-sentenza tagħha tat-3 ta’ Ottubru 2018, Forma ta’ kontenitur (T‑313/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:638, punt 28), il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li, sabiex jiġi evalwat il-karattru distintiv ta’ trade mark tridimensjonali, ikkostitwita mill-forma tal-prodott stess jew mill-ippakkjar tiegħu, kien hemm lok li jiġi eżaminat jekk it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kinitx differenti b’mod sinjifikattiv min-norma jew mid-drawwiet tas-settur. Fis-sentenza tagħha tat-12 ta’ Diċembru 2019, EUIPO vs Wajos (C‑783/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:1073, punti 24, 26 u 30), il-Qorti tal-Ġustizzja espressament ikkonfermat l-applikazzjoni f’dan il-qasam tat-test tad-“diverġenza sinjifikattiva meta mqabbla man-norma u mal-użanzi tas-settur ikkonċernat”.

48      Minn dan isegwi li r-rikorrenti twettaq żball meta tallega li l-Bord tal-Appell applika kriterji żbaljati għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

49      Għalhekk, it-tieni parti għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq il-fatt li l-Bord tal-Appell ikkonkluda b’mod żbaljat li s-sinjal inkwistjoni ma għandux karattru distintiv

50      Fid-dawl tal-preċiżazzjoni magħmula fil-punt 18 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti tqajjem żewġ ilmenti fil-kuntest ta’ din it-tielet parti. L-ewwel nett, hija ssostni, essenzjalment, li l-Bord tal-Appell iddefinixxa b’mod żbaljat in-norma u d-drawwiet tas-settur. It-tieni nett, il-forma u l-pożizzjoni tat-tikketta fuq il-flixkun ma jippreżentaw ebda aspett funzjonali u huma differenti b’mod sinjifikattiv min-norma u mill-użanzi tas-settur.

–       Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq żball fid-definizzjoni tan-norma u tad-drawwiet tas-settur

51      Ir-rikorrenti ssostni li l-eżempji msemmija mill-Bord tal-Appell ma humiex rappreżentattivi tan-norma u tad-drawwiet tas-settur. Fis-settur tal-ikel u, b’mod iktar partikolari, f’dak tax-xorb alkoħoliku, in-norma hija li titwaħħal fuq il-flixkun tikketta, normalment rettangolari, imwaħħla kompletament fuq parti tal-forma ċilindrika tal-flixkun.

52      L-EUIPO jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

53      F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, sa fejn rikorrenti tinvoka l-karattru distintiv ta’ trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, minkejja l-analiżi tal-EUIPO, hija din li għandha tipprovdi indikazzjonijiet konkreti u ssostanzjati li jistabbilixxu li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għandha karattru distintiv intrinsiku (ara s-sentenzi tat-28 ta’ Settembru 2010, Rosenruist vs UASI (Rappreżentazzjoni ta’ żewġ linji mgħawġa fuq but), T‑388/09, mhux ippubblikata, EU:T:2010:410, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-21 ta’ Novembru 2018, Bopp vs EUIPO (Rappreżentazzjoni ta’ ottagonu ekwilaterali), T‑460/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:816, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54      Għandu jitfakkar ukoll li l-Bord tal-Appell ma huwiex obbligat li jindika, barra minn hekk, b’mod ġenerali u astratt, in-normi u l-użanzi kollha tas-settur ikkonċernat (ara s-sentenza tat-13 ta’ Mejju 2020, Cognac Ferrand vs EUIPO (Forma ta’ trizza fuq flixkun), T‑172/19, mhux ippubblikata, EU:T:2020:202, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55      F’dan il-każ, billi approva l-analiżi tal-eżaminatriċi dwar id-diversità tal-forom tat-tikketti fuq il-fliexken tax-xorb, inkluż fir-rigward tal-pożizzjoni tagħhom, u billi rriproduċa xi wħud minnhom fil-punt 17 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell stabbilixxa li n-norma u d-drawwiet f’dan is-settur kienu kkaratterizzati minn varjetà kbira tal-forom ta’ preżentazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2019, Forma ta’ kitarra, T‑340/18, mhux ippubblikata, EU:T:2019:455, punti 38 u 39).

56      Għalhekk, anki jekk jitqies li l-forma maġġoritarja ta’ tikketta tal-prodotti inkwistjoni hija, kif tallega r-rikorrenti, rettangolari, imwaħħla kompletament fuq parti mill-forma ċilindrika tal-flixkun, in-norma u d-drawwiet tas-settur ma jistgħux jiġu ridotti, kif isostni ġustament l-EUIPO, biss għall-forma l-iktar statistikament komuni, iżda jinkludu l-forom kollha li l-konsumatur għandu d-drawwa li jipperċepixxi fis-suq.

57      Minn dan isegwi li l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud.

–       Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq żball fl-evalwazzjoni tan-natura funzjonali tat-tikketta u tad-diverġenza sinjifikattiva min-norma u mid-drawwiet tas-settur

58      L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li l-forma tat-tikketta u l-mod kif din iddur madwar il-flixkun huma partikolari ħafna. Is-sinjal inkwistjoni huwa kkaratterizzat mit-tikketta tiegħu f’forma ta’ triangolu rettangolu fejn l-ipotenuża tiegħu tinsab fil-parti ta’ isfel tal-flixkun u li l-għoli tiegħu jvarja fuq iċ-ċirkonferenza tal-flixkun b’mod li tinħoloq sporġenza bil-ponta minn naħa u qatgħa fil-forma ta’ ittra kapitali “V” min-naħa opposta, u b’hekk tevoka mitra ta’ isqof. It-tikketta għandha għoli li jaqbeż il-forma ċilindrika tal-flixkun, b’tali mod li, fil-livell tal-isporġenza, it-tikketta ma tmissx mal-forma tal-flixkun.

59      Min-naħa l-oħra, kważi fl-eżempji kollha pprovduti mill-Bord tal-Appell, it-tikketta hija mkemmxa u mhux lixxa. Dawn it-tikketti huma mwaħħla kompletament u mhux parzjalment mal-flixkun. L-uniku eżempju pprovdut fid-deċiżjoni kkontestata li jirrappreżenta tikketta li ddur madwar il-forma tal-flixkun kollu jikkonċerna madankollu tikketta rettangolari, u l-għoli tagħha huwa regolari fuq iċ-ċirkonferenza kollha tal-flixkun, u mhux tikketta bl-għoli irregolari bi sporġenza ppontata.

60      Għalhekk, is-sinjal inkwistjoni huwa differenti ħafna minn dawn l-eżempji u, għalhekk, min-norma tas-settur. L-ebda wieħed mill-eżempji rrilevati mill-Bord tal-Appell ma jirriproduċi flixkun li t-tikketta tiegħu għandha l-karatteristiċi distintivi tas-sinjal inkwistjoni. L-aspett partikolari tiegħu huwa perċepibbli anki mill-bogħod. Il-pubbliku rilevanti ma jipperċepixxix dan bħala varjant klassiku tal-forom possibbli għall-prodotti kkonċernati, iżda bħala indikazzjoni ta’ oriġini li tista’ tiġi mmemorizzata faċilment u li tippermettilu, mingħajr ma jħares lejn l-indikazzjonijiet imniżżla fuqha, li jiddistingwi immedjatament il-prodotti tar-rikorrenti minn dawk li għandhom oriġini kummerċjali oħra.

61      It-tieni nett, l-affermazzjoni tal-Bord tal-Appell fil-punt 20 tad-deċiżjoni kkontestata li tgħid li l-isporġenza bil-ponta tat-tikketta tista’ ma tkunx viżibbli jew innotata jekk min jikkonsma l-likwidu tal-flixkun jaqbad b’idejh din il-parti tal-flixkun hija sorprendenti. Minn naħa, l-isporġenza ma tinsabx fil-livell tal-korp tal-flixkun, jiġifieri fil-parti l-baxxa li l-konsumatur jaqbad il-flixkun minnha meta jkun jixtieq jikkonsma l-likwidu, iżda fil-livell tal-għonq tal-flixkun, b’tali mod li ma jgħattihiex b’idejh meta jixrob. Min-naħa l-oħra, bl-ebda mod ma huwa meħtieġ, sabiex ikun distintiv, li sinjal ikun viżibbli b’mod permanenti mill-konsumatur. Fil-każ kuntrarju, l-ebda trade mark ma tista’ tiġi protetta, peress li kull sinjal imwaħħal fuq prodott jitwassal sabiex jinħeba temporanjament skont il-mod li bih ikun maħżun jew użat.

62      It-tielet nett, kuntrarjament għal dak li jindika l-Bord tal-Appell fil-punt 24 tad-deċiżjoni kkontestata, it-tikketta msemmija mir-rikorrenti ma tippreżenta ebda aspett funzjonali u ma hijiex intiża sabiex tirċievi l-qtar ta’ likwidu li jibqa’ fuq l-għonq eżattament wara li jitferra’ f’tazza jew wara li l-likwidu jkun inxtorob direttament mill-flixkun. Fil-fatt, din ma hijiex sarvetta, iżda tikketta fuq karta fina li ma għandha l-ebda karatteristika assorbenti. Qatra li ċċarċar tul il-flixkun, kemm jekk min-naħa tal-isporġenza li tifforma ponta jew min-naħa li tifforma qtugħ fil-forma ta’ “V”, ma tinżammx mit-tikketta msemmija, l-istess kif ma tinżammx minn kull tikketta oħra tal-karta.

63      L-EUIPO jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

64      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jitfakkar li s-sinjal inkwistjoni jikkonsisti fir-rappreżentazzjoni tridimensjonali minn erba’ angoli differenti ta’ flixkun skur, magħluq b’tapp fil-forma ta’ kuruna. Tikketta bajda hija mdawra fuq il-parti inferjuri tal-flixkun b’mod irregolari, bl-eċċezzjoni ta’ sporġenza bil-ponta lejn in-naħa ta’ fuq li ma tmissx mal-korp tal-flixkun f’din il-parti. Fuq in-naħa l-oħra tal-flixkun, it-tikketta tifforma qatgħa fil-forma ta’ ittra kapitali “V”.

65      Kemm il-Bord tal-Appell kif ukoll l-eżaminatriċi wrew li s-settur tax-xorb alimentari kien ikkaratterizzat minn varjetà kbira ta’ forom u ta’ metodi ta’ pożizzjonar tat-tikketti fuq il-fliexken. B’mod partikolari, jeżistu tikketti mkemmxin jew lixxi, bħal dik inkwistjoni, kif ukoll tikketti li jkopru kompletament il-flixkun jew iduru miegħu biss parzjalment, bħat-tikketta inkwistjoni. Ċerti tikketti huma kompletament imwaħħla mal-flixkun, filwaqt li oħrajn, bħal dik inkwistjoni, huma parzjalment separati. Bl-istess mod, jeżistu tikketti rettangolari, tondi jew dawk li, bħat-tikketta inkwistjoni, jieħdu forom ġeometriċi oħra. Għalkemm ma huwiex eskluż li tikketta bħal dik imsemmija fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, jew saħansitra tikketta simili ħafna, għadha ma hijiex preżenti fis-suq tal-prodotti kkonċernati, għandu madankollu jitfakkar li n-novità jew l-oriġinalità ma humiex kriterji rilevanti għall-evalwazzjoni tal-karattru distintiv ta’ trade mark. L-apparenza u l-pożizzjoni tat-tikketta inkwistjoni fuq il-flixkun jinsabu fil-kontinwità tal-forom li l-konsumatur jista’ normalment jara fis-suq. B’hekk, kif jirriżulta essenzjalment mill-punti 17 sa 25 tad-deċiżjoni kkontestata, mhux talli ma hijiex differenti b’mod sinjifikattiv min-norma jew mid-drawwiet tas-settur, talli din it-tikketta tikkostitwixxi biss varjant possibbli tal-forom diġà eżistenti.

66      Kif ikkonstata ġustament il-Bord tal-Appell, b’mod partikolari fil-punti 23 u 26 tad-deċiżjoni kkontestata, sabiex jiġu identifikati d-differenzi bejn it-tikketta koperta mis-sinjal inkwistjoni u l-forom l-oħra ta’ tikketti normalment preżenti fis-suq, għandu jsir eżami bir-reqqa, li l-konsumatur medju tal-prodotti inkwistjoni ma jagħmilx. B’hekk, l-imsemmija diverġenzi ma jiġbdux l-attenzjoni tiegħu u ma humiex immemorizzati minnu bħala sinjal distintiv (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 37 u 41 iktar ’il fuq).

67      Fi kwalunkwe każ, sempliċi diverġenza min-norma jew mid-drawwiet tas-settur ma hijiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit il-karattru distintiv tas-sinjal inkwistjoni (sentenza tat-13 ta’ Mejju 2020, Forma ta’ trizza fuq flixkun, T‑172/19, mhux ippubblikata, EU:T:2020:202, punt 55).

68      It-tieni nett, kif jirriżulta mill-punti 18, 19, 22 u 27 tad-deċiżjoni kkontestata, u kif isostni ġustament l-EUIPO, il-konsumaturi medji jistennew li t-tikketta tkun il-mezz għal informazzjoni dwar il-prodotti inkwistjoni, inkluża l-indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali tagħhom, iżda mhux li din tindika fiha nnifisha, jiġifieri fl-assenza ta’ kwalunkwe element grafiku jew figurattiv, il-provenjenza ta’ dawn il-prodotti. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tammetti li t-tikketta ser tkun koperta b’elementi verbali (ara l-punt 60 iktar ’il fuq). Il-konsumaturi jistgħu wkoll jipperċepixxu t-tikketta bħala finitura estetika. Fin-nuqqas ta’ elementi ta’ informazzjoni ta’ natura li jissensibilizzaw lil dawn il-konsumaturi dwar il-fatt li dan is-sinjal huwa intiż li jindika l-oriġini tal-prodotti kkonċernati, huma ma jkunux f’pożizzjoni li jimmaġinaw li s-sinjal inkwistjoni huwa intiż li jindika produttur konkret u ma jagħtux attenzjoni speċjali għal dan is-sinjal (ara, b’analoġija, is-sentenzi tad-9 ta’ Ottubru 2002, Glaverbel vs UASI (Superfiċi ta’ pjanċa tal-ħġieġ), T‑36/01, EU:T:2002:245, punt 28, u tal-21 ta’ Novembru 2018, Bopp vs EUIPO (Rappreżentazzjoni ta’ ottagonu ekwilaterali), T‑460/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:816, punt 63).

69      Għaldaqstant, is-sinjal inkwistjoni ma jistax jindika l-oriġini tal-prodotti inkwistjoni. B’hekk, huwa ma għandux il-minimu ta’ karattru distintiv meħtieġ.

70      Din il-konklużjoni ma hijiex affettwata mill-argumenti tar-rikorrenti.

71      L-ewwel nett, ir-rikorrenti ma wrietx li l-konsumatur medju jifhem it-tikketta bħala li talludi għal mitra ta’ isqof, u dan jikkontribwixxi sabiex jiddistingwiha min-norma u mid-drawwiet tas-settur. Minn naħa, kuntrarjament għall-imsemmija tikketta, mitra ta’ isqof normalment għandha żewġ sporġenzi, waħda quddiem u l-oħra wara. Min-naħa l-oħra, huma l-konsumaturi fuq il-livell tal-Unjoni kollha kemm hi li għandhom jifhmu t-tifsira tat-tikketta bħala mitra ta’ isqof. Issa, mitra bl-isporġenzi ppontati normalment tintuża biss għall-ħwejjeġ tal-isqfijiet tal-Knisja Kattolika u Anglikana kif ukoll ta’ knejjes oħra inqas mifruxa. Din ma tintużax fi knejjes Ortodossi jew Evanġeliċi, għalkemm dawn huma mifruxa ħafna f’diversi Stati Membri. Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ppreċiżat waqt is-seduta li ftit huwa importanti li l-konsumaturi jirrikonoxxu t-tikketta bħala li talludi għal mitra.

72      It-tieni nett, il-konstatazzjoni tal-Bord tal-Appell li tinsab fil-punt 20 tad-deċiżjoni kkontestata li tgħid li, essenzjalment, il-konsumaturi jistgħu ma jarawx li l-isporġenza tat-tikketta hija sseparata mill-parti għolja tal-flixkun, skont il-mod kif huma jżommuh meta jikkonsmaw il-kontenut tiegħu, għandha tinftiehem fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 37 u 41 iktar ’il fuq, kif imfakkra u applikata b’mod partikolari fil-punti 12, 22, 23 u 26 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li l-pubbliku inkwistjoni normalment avżat u raġonevolment attent ġeneralment ma jurix attenzjoni partikolari meta jixtri l-prodotti kkonċernati, b’mod li t-tikketta inkwistjoni kif ukoll il-mod kif titwaħħal mal-flixkun ma jqajmux verament l-attenzjoni tiegħu. Bl-istess mod, il-Bord tal-Appell ma kkonstatax li ebda wieħed mill-konsumaturi ma jipperċepixxi dan l-element. B’hekk, dan semma biss il-possibbiltà li konsumatur normalment attent jista’ ma jipperċepixxix din il-karatteristika jekk huwa jżomm il-flixkun b’ċertu mod. Issa, tali sitwazzjoni ma tistax effettivament tiġi eskluża, sa fejn il-flixkun jista’ jinżamm kemm mill-parti inferjuri kif ukoll mill-parti superjuri, anki jekk din tista’ sseħħ rarament.

73      Barra minn hekk, mill-punti 17 sa 19, 21, 22 u 27 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta b’mod ċar li din il-karatteristika partikolari tat-tikketta ma hijiex ser tiġi pperċepita mill-konsumaturi bħala element ta’ natura li jagħtiha karattru distintiv. Minn naħa, hija tirrappreżenta biss varjazzjoni estetika jew dekorattiva żgħira meta mqabbla mal-forom preżenti fis-suq. Min-naħa l-oħra, il-konsumaturi medji jistennew li t-tikketta tkun il-mezz għal informazzjoni dwar il-prodotti inkwistjoni, inkluża l-indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali tagħhom, iżda mhux li hija tindika fiha nnifisha, jiġifieri fl-assenza ta’ kwalunkwe element grafiku jew figurattiv, il-provenjenza. Għaldaqstant, il-motivazzjoni li tinsab fil-punt 20 tad-deċiżjoni kkontestata kienet fil-fatt superfluwa.

74      It-tielet nett, għalkemm il-motivazzjoni li tinsab fil-punti 24 u 27 tad-deċiżjoni kkontestata, dwar l-allegata funzjoni kontra l-qtar tat-tikketta inkwistjoni, hija ftit konvinċenti, kif jirrikonoxxi barra minn hekk l-EUIPO, din hija, fi kwalunkwe każ superfluwa. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta mhux biss li l-motivi l-oħra li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata huma diġà suffiċjenti sabiex jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ karattru distintiv tas-sinjal inkwistjoni, iżda l-konstatazzjonijiet inkwistjoni huma introdotti mill-espressjonijiet “kif ukoll”, u saħansitra “jew anki”, li jikkonfermaw l-importanza sekondarja tagħhom fir-raġunament tal-Bord tal-Appell. Minn dan isegwi li l-argumenti tar-rikorrenti intiżi sabiex jikkontestaw din il-motivazzjoni għandhom jiġu miċħuda, peress li huma, f’dan il-każ, ineffettivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Jannar 2020, Vinos de Arganza vs EUIPO – Nordbrand Nordhausen (ENCANTO), T‑239/19, mhux ippubblikata, EU:T:2020:12, punt 51).

75      Il-konsumaturi tal-prodotti kkonċernati għalhekk ma jipperċepixxux is-sinjal inkwistjoni bħala li jindika l-oriġini kummerċjali tagħhom, b’tali mod li dan is-sinjal ma għandux il-minimu ta’ karattru distintiv fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament 2017/1001.

76      Il-konstatazzjoni ta’ assenza tal-minimu ta’ karattru distintiv fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni hija iktar u iktar valida peress li s-sinjal inkwistjoni huwa kkostitwit, minbarra mit-tikketta inkwistjoni, minn flixkun skur flimkien mat-tapp tiegħu, li l-karattru kompletament abitwali tagħhom meta mqabbel mal-istandard tas-settur stabbilit mill-Bord tal-Appell ma ġiex ikkontestat mir-rikorrenti. Għaldaqstant, is-sinjal inkwistjoni jikkostitwixxi biss varjant tal-forom ta’ preżentazzjoni preżenti fis-suq.

77      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li r-rikorrenti ma pprovatx li s-sinjal inkwistjoni kien differenti b’mod sinjifikattiv min-norma jew mill-użanzi tas-settur f’suq ikkaratterizzat minn varjetà kbira ta’ forom ta’ ppakkjar. Għaldaqstant, it-tieni lment tat-tielet parti għandu wkoll jiġi miċħud.

78      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-motiv uniku u, għalhekk, l-appell kollu kemm hu, għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq l-ispejjeż

79      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-EUIPO.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Il-Brasserie St Avold hija kkundannata għall-ispejjeż.

Collins

Kreuschitz

Steinfatt

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-25 ta’ Novembru 2020.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.