Language of document : ECLI:EU:F:2013:117

SENTENZA TAT‑TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tieni Awla)

11 ta’ Lulju 2013

Kawża F‑86/12

Daria Haupt-Lizer

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/60/06 — Estensjoni tal-validità tal-lista ta’ riżerva minħabba leave tal-maternità u minħabba leave parentali — Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn irġiel u nisa — Diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu D. Haupt-Lizer titlob, prinċipalment, l-annullament tad-deċiżjoni tas-17 ta’ Ottubru 2011, li l-validità tal-lista ta’ riżerva tal-kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/60/06 ma tiġix estiża lil hinn mill-31 ta’ Diċembru 2011.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. D. Haupt-Lizer għandha tbati l-ispejjeż tagħha u hija kkundannata tbati l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Reklutaġġ — Kompetizzjoni — Natura legali tar-relazzjoni li teżisti bejn il-kandidat li għadda minn kompetizzjoni ġenerali u l-istituzzjoni li torganizzaha — Applikabbiltà ta’ dritt nazzjonali — Esklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 27)

2.      Uffiċjali — Ugwaljanza fit-trattament — Talba għall-estensjoni tal-validità ta’ lista ta’ riżerva minħabba leave tal-maternità u minħabba leave parentali ta’ kandidat li għadda minn kompetizzjoni — Ċaħda — Diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess — Assenza

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2006/54; Direttivi tal-Kunsill 92/85 u 96/34)

1.      Ir-relazzjonijiet tal-istituzzjonijiet mal-kandidati li jgħaddu minn kompetizzjoni organizzata skont l-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal ma jistgħux ikunu rregolati mid-dispożizzjonijiet ta’ dritt nazzjonali.

(ara l-punt 45)

2.      Mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jirregolaw il-leave tal-maternità u l-leave parentali ma jirriżultax li persuna li tkun eżerċitat id-dritt tagħha għal-leave tal-maternità jew għal-leave parentali tista’ teżiġi li persuna li potenzjalment timpjegaha tissospendi, fil-konfront tagħha, il-proċeduri li fil-kuntest tagħha l-persuna tal-ewwel tkun irreklutata. Għalhekk, kandidat li għadda minn kompetizzjoni ma jistax isostni li l-eżerċizzju tal-imsemmija drittijiet ipprekludewh oġġettivament milli jieħu l-passi meħtieġa sabiex jiġi rreklutat minn istituzzjoni tal-Unjoni.

F’dan ir-rigward, sakemm ma jkunx hemm ċirkustanzi mediċi partikolari marbuta mat-tqala jew mat-twelid, il-fatt li mara tkun fuq leave tal-maternità ma jikkostitwixxix ostakolu sabiex din tal-aħħar tieħu sehem fi proċedura ta’ reklutaġġ. Meta llimita għal ġimagħtejn madwar it-twelid il-perijodu li matulu mara hija obbligata li ma taħdimx, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni jistabbilixxi l-preżunzjoni li jkun impossibbli għall-persuna kkonċernata li twettaq kwalunkwe tip ta’ passi professjonali matul il-ġimgħat l-oħra tal-leave tal-maternità. Fil-fatt, għalkemm mara għandha d-dritt tiddeċiedi li tiddedika ruħha esklużivament għall-wild tagħha matul il-leave tal-maternità tagħha, xorta waħda jibqa’ l-fatt li din il-mara ma tistax tuża din l-għażla personali tagħha bħala skuża sabiex issostni li kienet vittma ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess.

Bl-istess mod, fir-rigward tal-leave parentali, il-fatt li l-persuna teżerċita d-dritt tagħha għal dan il-leave ma jipprekludihiex milli tieħu sehem fi proċedura ta’ reklutaġġ fi ħdan l-Unjoni. Dan jgħodd iktar u iktar fid-dawl tal-fatt li, peress li l-possibbiltà li jittieħed leave parentali hija miftuħa kemm għan-nisa u kemm għall-irġiel, l-eżerċizzju minn persuna tad-dritt tagħha għal-leave parentali ma jistax iwassal għal diskriminazzjoni diretta bbażata fuq is-sess.

(ara l-punti 46, 49 sa 53 u 55)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 30 ta’ Ġunju 1998, Brown, C‑394/96, punt 22; 27 ta’ Ottubru 1998, Boyle et, C‑411/96, punt 58; 19 ta’ Novembru 1998, Høj Pedersen et, C‑66/96, punt 33; 18 ta’ Marzu 2004, Merino Gómez, C‑342/01, punt 32; 18 ta’ Novembru 2004, Sass, C‑284/02, punt 32