DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)
18 ta’ Settembru 2014
Kawża T‑698/13 P
Luigi Marcuccio
vs
Il-Kummissjoni Ewropea
“Appell – Servizz pubbliku – Uffiċjali – Rikors miċħud fl-ewwel istanza bħala manifestament inammissibbli – Assenza ta’ identiċità bejn ir-rikors ippreżentat bil-faks u l-oriġinal ippreżentat sussegwentement – Terminu għall-preżentata ta’ rikors – Tardività – Appell parzjalment manifestament inammissibbli u parzjalment manifestament infondat”
Suġġett: Appell ippreżentat kontra d-digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tieni Awla), tas-17 ta’ Ottubru 2013, Marcuccio vs Il-Kummissjoni (F‑127/12, ĠabraSP, EU:F:2013:161), u intiż għall-annullament ta’ dan id-digriet.
Deċiżjoni: L-appell huwa miċħud. Luigi Marcuccio għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea f’din l-istanza. L. Marcuccio huwa kkundannat jirrimborsa lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku s-somma ta’ EUR 2000 skont l-Artikolu 90 tar-Regoli tal-Proċedura tal-imsemmi tribunal.
Sommarju
Proċedura ġudizzjarja – Rikors promotur – Rekwiżiti proċedurali – Rikors ippreżentat bil-faks fit-terminu għall-preżentata ta’ rikors – Firma miktuba bl-idejn tal-avukat differenti minn dik li tidher fuq l-oriġinal tar-rikors mibgħut bil-posta – Konsegwenza – Assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tad-data li fiha tiġi riċevuta l-faks għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-osservanza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors
(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 21; Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 34(1) u (6))
Rigward ir-relazzjoni bejn il-firma tal-avukat li jirrappreżenta rikorrent li tidher fuq rikors mibgħut bil-faks u dik imwaħħla fuq l-oriġinal ippreżentat mhux iktar tard minn għaxart ijiem wara, meta l-firma tidher f’qiegħ ir-rikors mibgħut bil-faks ma tkunx identika għal dik li tidher fuq l-oriġinal tar-rikors mibgħut sussegwentement, ir-rikors ippreżentat bil-faks ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-osservanza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors.
Fil-fatt, l-Artikolu 34(6) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jipprevedi li d-data li fiha kopja tal-oriġinal iffirmat ta’ att tal-proċedura tasal fir-Reġistru permezz ta’ kull mezz tekniku ta’ komunikazzjoni li għandu t-Tribunal fid-dispożizzjoni tiegħu għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-osservanza tat-termini tal-proċedura, sakemm l-oriġinal iffirmat tal-att jiġi ppreżentat fir-Reġistru sa mhux iktar tard minn għaxart ijiem wara li tiġi riċevuta l-kopja tal-oriġinal. L-applikazzjoni stretta ta’ din id-dispożizzjoni taqdi r-rekwiżit ta’ ċertezza legali u n-neċessità li jiġu evitati kwalunkwe diskriminazzjoni jew trattament arbitrarju fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja.
(ara l-punti 11 u 18)
Referenza:
Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenza tat-22 ta’ Settembru 2011, Bell & Ross vs UASI, C‑426/10 P, Ġabra, EU:C:2011:612, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata
Il-Qorti Ġenerali digrieti tal-14 ta’ Novembru 2013, Marcuccio vs Il-Kummissjoni, T‑229/13 P, ĠabraSP, EU:T:2013:608, punti 14 sa 20; 19 ta’ Diċembru 2013, Marcuccio vs Il-Kummissjoni, T‑385/13 P, ĠabraSP, EU:T:2013:710, punti 13 sa 21; 10 ta’ April 2014, Marcuccio vs Il-Kummissjoni, T‑57/14 P, ĠabraSP, EU:T:2014:223, punt 9