Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tas-27 ta’ Ġunju 2013 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Qorti Kostituzzjonali - Malta) – Vodafone Malta Limited, Mobisle Communications Limited vs L-Avukat Ġenerali, Il-Kontrollur tad-Dwana, Il-Ministru tal-Finanzi, L-Awtorità ta’ Malta dwar il-Komunikazzjoni

(Kawża C-71/12) 1

(Networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi – Direttiva 2002/20/KE – Artikoli 12 u 13 – Ħlasijiet amministrattivi u tariffi għad-drittijiet ta’ użu – Tariffa applikabbli għall-operaturi ta’ telefonija mobbli – Leġiżlazzjoni nazzjonali – Metodu tal-kalkolu tat-tariffa – Perċentwali fuq in-nefqa mħallsa mill-utenti)

Lingwa tal-kawża: il-Malti

Qorti tar-rinviju

Qorti Kostituzzjonali

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Vodafone Malta Limited, Mobisle Communications Limited

Konvenuti: L-Avukat Ġenerali, Il-Kontrollur tad-Dwana, Il-Ministru tal-Finanzi, L-Awtorità ta’ Malta dwar il-Komunikazzjoni

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari - Qorti Kostituzzjonali - Interpretazzjoni tal-Artikoli 12 u 13 tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 337) - Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-operaturi tat-telefonija mobbli għal imposta - Imposta li għandha titħallas biss mill-operaturi tat-telefonija mobbli u mhux minn impriżi oħra li joffru servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi

Dispożittiv

L-Artikolu 12 tad-Direttiva 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni), għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li l-operaturi li joffru servizzi ta’ telefonija mobbli jkunu responsabbli għall-ħlas ta’ dazju msejjaħ “tas-sisa” li jikkorrispondi għal perċentwali tal-ħlasijiet li huma jimponu fuq l-utenti ta’ dawn is-servizzi, bil-kundizzjoni li l-fatt li jagħti lok għal dan il-ħlas ma jkunx marbut mal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni ġenerali li permezz tagħha jista’ jinkiseb aċċess għas-suq tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, iżda jkun marbut mal-użu tas-servizzi ta’ telefonija mobbli pprovduti mill-operaturi, u bil-kundizzjoni li fl-aħħar mill-aħħar dan il-ħlas isir mill-utent ta’ dawn is-servizzi, kundizzjonijiet dawn li għandhom jiġu vverifikati mill-qorti tar-rinviju.

____________

1 ĠU C 118, 21.04.2012.