Language of document : ECLI:EU:C:2021:675

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

2 ta’ Settembru 2021 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Komunikazzjonijiet elettroniċi – Regolament (UE) 2015/2120 – Artikolu 3 – Aċċess għal internet miftuħ – Artikolu 3(1) – Drittijiet tal-utenti finali – Artikolu 3(2) – Projbizzjoni tal-ftehimiet u tal-prattiki kummerċjali li jillimitaw l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-utenti finali – Artikolu 3(3) – Obbligu ta’ trattament ugwali u nondiskriminatorju tat-traffiku – Possibbiltà li jiġu implimentati miżuri raġonevoli ta’ ġestjoni tat-traffiku – Għażla tariffarja supplimentari msejħa ‘tariffa żero’ – Esklużjoni tat-‘tariffa żero’ fil-każ ta’ roaming”

Fil-Kawża C‑854/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgericht Köln (il-Qorti Amministrattiva ta’ Köln, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑18 ta’ Novembru 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑22 ta’ Novembru 2019, fil-proċedura

Vodafone GmbH

vs

Bundesrepublik Deutschland, irrappreżentata mill-Bundesnetzagentur für Elektrizität, Gas, Telekommunikation, Post und Eisenbahnen,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn N. Wahl (Relatur), President tal-Awla, F. Biltgen u J. Passer, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Tanchev,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Vodafone GmbH, minn D. Herrmann, Rechtsanwältin,

–        għall-Bundesnetzagentur für Elektrizität, Gas, Telekommunikation, Post und Eisenbahnen, minn C. Mögelin u F. Still, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u D. Klebs, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Olandiż, minn K. Bulterman u J. M. Hoogveld, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn T. Scharf, G. Braun u L. Nicolae, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6a u tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6b(1) tar-Regolament (UE) Nru 531/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Ġunju 2012 dwar roaming fuq netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjoni mobbli fi ħdan l-Unjoni (ĠU 2012, L 172, p. 10), kif emendat bir-Regolament (UE) 2015/2120 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2015 (ĠU 2015, L 310, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament dwar ir-roaming”), kif ukoll tal-Artikolu 2(2) u tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2286 tal‑15 ta’ Diċembru 2016 li jistabbilixxi regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni ta’ politika tal-użu ġust u dwar il-metodoloġija għall-valutazzjoni tas-sostenibbiltà tat-tneħħija tal-ħlasijiet supplimentari tar-roaming bl-imnut u dwar l-applikazzjoni li għandu jressaq fornitur tar-roaming għall-finijiet ta’ dik il-valutazzjoni (ĠU 2016, L 344, p. 46, iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ Implimentazzjoni”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Vodafone GmbH u l-Bundesrepublik Deutschland (ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja), irrappreżentata mill-Bundesnetzagentur für Elektrizität, Gas, Telekommunikation, Post und Eisenbahnen (l-Aġenzija Federali għan-Networks tal-Elettriku, tal-Gass, tat-Telekomunikazzjonijiet, tal-Posta u tal-Ferroviji, il-Ġermanja) (iktar ’il quddiem il-“Bundesnetzagentur”), dwar deċiżjoni li permezz tagħha din tal-aħħar imponitilha li ttemm għal ċerti servizzi l-aċċess għall-internet.

 Il-kuntest ġuridiku

3        Il-premessi 6, 8 u 9 tar-Regolament Nru 2015/2120 jistipulaw:

“(6)      L-utenti aħħarin għandu jkollhom id-dritt għall-aċċess u d-distribuzzjoni tal-informazzjoni u l-kontenut, u biex jużaw u jipprovdu applikazzjonijiet u servizzi mingħajr diskriminazzjoni, permezz tas-servizz tagħhom ta’ aċċess għall-Internet. […]

[…]

(8)      Meta jiġu pprovduti servizzi ta’ aċċess għall-Internet, il-fornituri ta’ dawk is-servizzi għandhom jittrattaw it-traffiku kollu b’mod indaqs, mingħajr diskriminazzjoni, restrizzjoni jew interferenza, indipendentement minn min jibgħat jew minn min jirċievi, il-kontenut, l-applikazzjoni jew is-servizz, jew it-tagħmir tat-terminal. Skont il-prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Unjoni u l-każistika stabbilita, sitwazzjonijiet komparabbli ma għandhomx jiġu ttrattati b’mod differenti u sitwazzjonijiet differenti ma għandhomx jiġu ttrattati bl-istess mod dment li dan it-trattament ma jiġix ġustifikat b’mod oġġettiv.

(9)      L-objettiv ta’ ġestjoni raġonevoli tat-traffiku hu li jsir kontribut għal użu effiċjenti ta’ riżorsi tan-netwerk u għal ottimizzazzjoni tal-kwalità globali tat-trasmissjoni b’reazzjoni għar-rekwiżiti tal-kwalità teknika oġġettivament differenti tas-servizz ta’ kategoriji speċifiċi ta’ traffiku, u għaldaqstant tal-kontenut, l-applikazzjonijiet u s-servizzi trasmessi. Il-miżuri raġonevoli ta’ ġestjoni tat-traffiku li jiġu applikati mill-fornituri ta’ servizzi ta’ aċċess għall-Internet għandhom ikunu trasparenti, nondiskriminatorji u proporzjonati, u ma għandhomx ikunu bbażati fuq konsiderazzjonijiet kummerċjali. Ir-rekwiżit li l-miżuri ta’ ġestjoni tat-traffiku jkunu nondiskriminatorji ma jeskludix li, bil-għan li tiġi ottimizzata l-kwalità globali tat-trasmissjoni, il-fornituri tas-servizzi ta’ aċċess għall-Internet jimplimentaw miżuri ta’ ġestjoni tat-traffiku li jagħmlu differenza bejn kategoriji oġġettivament differenti ta’ traffiku. Bil-għan li jiġu ottimizzati l-kwalità globali u l-esperjenza tal-utent, kwalunkwe differenzjazzjoni ta’ dan it-tip għandha tiġi permessa biss abbażi ta’ rekwiżiti oġġettivament differenti għall-kwalità teknika tas-servizz (pereżempju, f’termini ta’ latenza, jitter, telfien ta’ pakketti, u wisa’ tal-band) tal-kategoriji speċifiċi tat-traffiku, u mhux abbażi ta’ konsiderazzjonijiet kummerċjali. Tali miżuri ta’ differenzjazzjoni għandhom ikunu proporzjonati fir-rigward tal-għan ta’ ottimizzazzjoni tal-kwalità globali u għandhom jittrattaw it-traffiku ekwivalenti bl-istess mod. Tali miżuri m’għandhomx jinżammu aktar fit-tul minn dak li jkun meħtieġ.”

4        L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli komuni biex jiġi salvagwardjat it-trattament indaqs u nondiskriminatorju tat-traffiku fil-forniment ta’ servizzi ta’ aċċess għall-Internet u tad-drittijiet marbutin tal-utenti aħħarin.”

5        L-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament, intitolat “Salvagwardja ta’ aċċess għal Internet miftuħ”, jiddisponi, fl-ewwel sat-tielet paragrafu tiegħu:

“1.      L-utenti aħħarin għandu jkollhom id-dritt li jaċċessaw u jxerrdu informazzjoni u kontenut, jużaw u jipprovdu applikazzjonijiet u servizzi u jużaw tagħmir terminali tal-għażla tagħhom, irrispettivament mill-post fejn jinsab l-utent aħħari jew il-fornitur, jew il-post, l-oriġini jew id-destinazzjoni tal-informazzjoni, il-kontenut, l-applikazzjoni jew is-servizz permezz tas-servizz ta’ aċċess għall-Internet tagħhom.

[…]

2.      Ftehimiet bejn fornituri ta’ servizzi ta’ aċċess għall-Internet u utenti aħħarin dwar kondizzjonijiet kummerċjali u tekniċi u l-karatteristiċi ta’ servizzi ta’ aċċess għall-Internet bħall-prezz, il-volumi jew il-veloċità tad-data, u kwalunkwe prattika kummerċjali mwettqa mill-fornituri ta’ servizzi ta’ aċċess għall-Internet, ma għandhomx jillimitaw l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-utenti aħħarin stipulati fil-paragrafu 1.

3.      Il-fornituri ta’ servizzi ta’ aċċess għall-Internet għandhom jittrattaw it-traffiku kollu bl-istess mod, meta jipprovdu servizzi ta’ aċċess għall-Internet, mingħajr diskriminazzjoni, restrizzjoni jew interferenza, u irrispettivament minn min jibgħat u min jirċievi, mill-kontenut aċċessat jew imxerred, mill-applikazzjonijiet jew is-servizzi użati jew ipprovduti, jew mit-tagħmir terminali użat.

L-ewwel subparagrafu ma għandux jipprevjeni lill-fornituri ta’ servizzi ta’ aċċess għall-Internet milli jimplimentaw miżuri raġonevoli ta’ ġestjoni tat-traffiku. Sabiex jitqiesu raġonevoli, dawn il-miżuri għandhom ikunu trasparenti, nondiskriminatorji u proporzjonati, u ma għandhomx ikunu msejsa fuq kunsiderazzjonijiet kummerċjali iżda fuq rekwiżiti oġġettivament differenti għall-kwalità teknika tas-servizz ta’ kategoriji speċifiċi tat-traffiku. Miżuri bħal dawn m’għandhomx jissorveljaw il-kontenut speċifiku u ma għandhomx jinżammu għal aktar żmien milli jkun meħtieġ.

Il-fornituri ta’ servizzi ta’ aċċess għall-Internet ma għandhomx iwettqu miżuri ta’ ġestjoni tat-traffiku li jmorru lil hinn minn dawk imniżżla fit-tieni subparagrafu, u b’mod partikolari ma għandhomx jimblokkaw, inaqqsu l-veloċità ta’, ibiddlu, jirrestrinġu, jinterferixxu fi, jiddegradaw jew jiddiskriminaw bejn kontenut, applikazzjonijiet jew servizzi speċifiċi, jew kategoriji speċifiċi ta’ dawn, ħlief kif meħtieġ, u biss għal kemm ikun meħtieġ, sabiex:

(a)      ikun hemm konformità mal-atti leġislattivi tal-Unjoni, jew il-leġislazzjoni nazzjonali li hija konformi mal-liġi tal-Unjoni, li għaliha l-fornitur tas-servizzi tal-aċċess għall-Internet huwa soġġett, jew ma’ miżuri li huma konformi mal-liġi tal-Unjoni li jagħmlu effettivi tali atti leġislattivi tal-Unjoni jew leġislazzjoni nazzjonali, inklużi ordnijiet minn qrati jew awtoritajiet pubbliċi li jkunu ngħataw is-setgħat rilevanti;

(b)      jitħarsu l-integrità u s-sigurtà tan-netwerk, tas-servizzi pprovduti permezz ta’ dak in-netwerk, u tat-tagħmir tat-terminal tal-utenti aħħarin;

(c)      tiġi pprevenuta konġestjoni imminenti tan-netwerk u jittaffew l-effetti ta’ konġestjoni eċċezzjonali jew temporanja tan-netwerk, sakemm il-kategoriji ekwivalenti tat-traffiku jiġu trattati bl-istess mod.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

6        Vodafone hija impriża attiva fis-settur tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni.

7        Din l-impriża tipproponi lill-klijenti tagħha, li jissottoskrivu, flimkien mal-pakkett bażiku, għażliet tariffarji mingħajr ħlas imsejħa “tariffa żero” msejħa “Vodafone Pass” (“Video Pass”, “Music Pass”, “Chat Pass” u “Social Pass”). Dawn l-għażliet tariffarji jippermettu l-użu ta’ servizzi ta’ impriżi msieħba ma’ Vodafone mingħajr ma jitnaqqas il-volum ta’ data kkonsmat mill-użu ta’ dawn is-servizzi mill-volum ta’ data inkluż fil-pakkett bażiku. Madankollu, it-tnaqqis fil-veloċità ta’ trasferiment previst mal-eżawriment tal-volum ta’ data inkluż fil-pakkett bażiku japplika wkoll għall-użu tas-servizzi tal-impriżi msieħba. L-ewwel għażla tat-tariffi magħżula hija diġà inkluża fil-pakkett bażiku u l-klijenti jistgħu jużaw għażliet tariffarji oħra permezz tal-ħlas ta’ suppliment.

8        Il-kundizzjonijiet kuntrattwali ġenerali jipprevedu li dawn l-għażliet tariffarji huma validi biss fit-territorju nazzjonali. Barra mill-pajjiż, il-volum ta’ data kkonsmat għall-użu tas-servizzi ta’ impriżi msieħba huwa attribwit lill-volum ta’ data inkluż fil-pakkett bażiku. Vodafone tirriżerva d-dritt li tipproponi, fil-futur, għażliet tariffarji wkoll fl-Istati Membri l-oħra. F’dan il-każ, għandha tiġi applikata “politika ta’ użu raġonevoli” li tipprevedi użu massimu fix-xahar ta’ 5 GB għal kull għażla tariffarja f’dawn l-Istati l-oħra.

9        Permezz ta’ deċiżjoni tal‑15 ta’ Ġunju 2018, il-Bundesnetzagentur ikkonstata, minn naħa, li l-fatt li jitnaqqas, mill-pakkett bażiku, il-volum ta’ data mobbli ddedikat għall-użu, barra mill-pajjiż, ta’ “Vodafone Pass”, imur kontra l-Artikolu 6a, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 2(2)(r) tar-Regolament dwar ir-roaming. Min-naħa l-oħra, hija kkonstatat li l-limitu għall-użu ta’ 5 GB barra mill-pajjiż huwa kuntrarju għall-Artikolu 6b(1) ta’ dan ir-regolament, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 4(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni. Għaldaqstant, il-Bundesnetzagentur ipprojbixxiet lil Vodafone milli tuża l-għażliet tariffarji kkonċernati, sa fejn dawn imorru kontra l-imsemmija dispożizzjonijiet.

10      Fid‑9 ta’ Lulju 2018, Vodafone ressqet ilment kontra din id-deċiżjoni tal‑15 ta’ Ġunju 2018, li ġie miċħud mill-Bundesnetzagentur permezz ta’ deċiżjoni tat‑23 ta’ Novembru 2018.

11      Fil‑11 ta’ Diċembru 2000, Vodafone ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju. Insostenn ta’ dan tal-aħħar, hija ssostni, essenzjalment, li l-għażliet tariffarji jikkostitwixxu servizz ta’ trażmissjoni ta’ data awtonoma u ma jifformawx parti minn servizz irregolat ta’ roaming tad-data unitarju, fis-sens tal-Artikolu 6a tar-Regolament dwar ir-roaming. Barra minn hekk, dawn l-għażliet tariffarji huma supplimenti u jikkorrispondu għal formula b’volum mhux limitat ta’ data, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni.

12      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kwistjoni jekk, f’dan il-każ, l-impriża kkonċernata tiksirx l-Artikoli 6a u 6b tar-Regolament dwar ir-roaming, ikkunsidrati flimkien mal-Artikolu 2(2)(m) ta’ dan ir-regolament, kif ukoll l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 2(2)(c) tar-Regolament ta’ implimentazzjoni.

13      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Verwaltungsgericht Köln (il-Qorti Amministrattiva ta’ Köln), billi qieset li interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni hija neċessarja sabiex tiddeċiedi l-kawża prinċipali, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      a)      F’każ fejn tariffa ta’ komunikazzjoni mobbli, li tista’ tintuża minn klijenti barra mill-pajjiż u li tipprevedi, għat-traffiku ta’ data mobbli, volum kull xahar ta’ data inkluż fit-tariffa li wara l-konsum tiegħu jseħħ tnaqqis tal-veloċità ta’ trasferiment, tista’ tkun akkumpanjata minn għażla ta’ tariffa bla ħlas li tippermetti li jintużaw, fit-territorju nazzjonali, ċerti servizzi ta’ impriżi msieħba tal-impriża ta’ telekomunikazzjoni mingħajr ma l-volum ta’ data kkonsmat bl-użu ta’ dawn is-servizzi jiġi paċut mal-volum kull xahar ta’ data inkluż fit-tariffa ta’ komunikazzjoni mobbli inkwistjoni, filwaqt li għal barra mill-pajjiż dan il-volum ta’ data huwa paċut mal-imsemmi volum kull xahar ta’ data inkluż fit-tariffa ta’ komunikazzjoni mobbli, il-kunċett ta’ servizzi rregolati ta’ roaming tad-data fis-sens tal-Artikolu 6a flimkien mal-Artikolu 2(2)(m) tar-Regolament [dwar ir-roaming,] għandu jinftiehem fis-sens li t-tariffa ta’ komunikazzjoni mobbli u l-għażla ta’ tariffa għandhom jiġu kklassifikati flimkien bħala servizz irregolat ta’ roaming tad-data unitarju, bil-konsegwenza li l-assenza ta’ tpaċija tal-volum ta’ data kkonsmat bl-użu tas-servizzi tal-impriżi msieħba mal-volum kull xahar ta’ data inkluż fit-tariffa, unikament fit-territorju nazzjonali, hija inammissibbli?

      b)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-punt (a) tal-ewwel domanda: L-Artikolu 6a tar-Regolament [dwar ir-roaming] għandu jiġi interpretat, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fis-sens li t-tpaċija, barra mill-pajjiż, tal-volum ta’ data kkonsmat bl-użu ta’ servizzi ta’ impriżi msieħba mal-volum kull xahar ta’ data inkluż tat-tariffa ta’ komunikazzjoni mobbli għandha tiġi kklassifikata bħala kalkolu ta’ ħlas addizzjonali?

      c)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-punti (a) u (b) tal-ewwel domanda: Dan japplika wkoll jekk, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jintalab ħlas għal għażla ta’ tariffa?

2)      a)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-punt (a) tal-ewwel domanda: L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6a(1) tar-Regolament [dwar ir-roaming] għandu jiġi interpretat, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fis-sens li politika ta’ użu ġust (‘Fair Use Policy’) fil-qasam ta’ konsum ta’ servizzi rregolati ta’ roaming bl-imnut tista’ tiġi prevista wkoll għall-għażla ta’ tariffa bħala tali?

      b)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-punt (a) tal-ewwel domanda u ta’ risposta negattiva għall-punt (a) tat-tieni domanda: L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6a(1) tar-Regolament [dwar ir-roaming] għandu jiġi interpretat, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fis-sens li politika komuni ta’ użu ġust (‘Fair Use Policy’) fil-qasam ta’ konsum ta’ servizzi rregolati ta’ roaming bl-imnut tista’ tiġi prevista kemm għat-tariffa ta’ komunikazzjoni mobbli kif ukoll għat-tariffa ta’ għażla, bil-konsegwenza li l-prezz bl-imnut domestiku ġenerali tat-tariffa ta’ komunikazzjoni mobbli kif ukoll is-somma tal-prezz bl-imnut domestiku ġenerali tat-tariffa ta’ komunikazzjoni mobbli kif ukoll l-għażla ta’ tariffa għandu jifforma l-bażi tal-kalkolu ta’ volum ta’ data li għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni fil-qafas ta’ politika komuni ta’ użu ġust?

      c)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-punt (a) tal-ewwel domanda u ta’ risposti fin-negattiv għall-punti (a) u (b) tat-tieni domanda: L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament [dwar ir-roaming,] flimkien mal-ewwel subparagafu tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni […] huwa applikabbli b’analoġija, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, b’tali mod li politika ta’ użu ġust tista’ tiġi prevista għall-għażla ta’ tariffa bħala tali?

3)      a)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-punti (a) [jew] (c) tat-tieni domanda: Il-kunċett ta’ pakkett ta’ data miftuħ fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6a(1) tar-Regolament [dwar ir-roaming], flimkien mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) u mal-Artikolu 2(2)(c) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni […] għandu jiġi interpretat fis-sens li tariffa ta’ għażla bi ħlas għandha tkun, fiha nnifisha, ikklassifikata bħala pakkett ta’ data miftuħ?

      b)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-punt (a) tat-tielet domanda: L-istess japplika, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, meta l-għażla ta’ tariffa hija mingħajr ħlas?

4)            Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-punti (a) jew (c) tat-tieni domanda u ta’ risposta fin-negattiv għall-punti (a) jew (b) tat-tielet domanda: F’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6a(1) tar-Regolament [dwar ir-roaming], flimkien mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni […] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-prezz bl-imnut domestiku ġenerali tat-tariffa ta’ komunikazzjoni mobbli għandu jintuża wkoll għall-kalkolu tal-volum li għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-klijent tar-roaming fil-kuntest ta’ politika ta’ użu ġust (‘Fair Use Policy’) li tirrigwarda unikament l-għażla ta’ tariffa?”

 Fuq id-domandi preliminari

14      Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 6a u 6b tar-Regolament dwar ir-roaming, ikkunsidrati flimkien mal-Artikolu 2(2)(m) ta’ dan ir-regolament, kif ukoll mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 2(2)(c) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu limitazzjoni fl-użu tar-roaming, minħabba l-attivazzjoni ta’ għażla tariffarja msejħa “tariffa żero”.

15      Preliminarjament, għandu jiġi ppreċiżat li għażla tariffarja msejħa “tariffa żero” hija prattika kummerċjali li permezz tagħha fornitur tal-aċċess għall-internet japplika “tariffa żero” jew iktar vantaġġuża, għat-traffiku kollu jew parti minnu relatat ma’ applikazzjoni jew kategorija ta’ applikazzjonijiet speċifiċi, proposti mill-imsieħba tal-imsemmi fornitur tal-aċċess. Għalhekk, din id-data ma tingħaddx mill-volum ta’ data mixtri fil-kuntest tal-pakkett bażiku. Tali għażla, proposta fil-kuntest ta’ pakketti limitati, tippermetti għalhekk lill-fornituri ta’ aċċess għall-internet iżidu l-attrazzjoni tal-offerta tagħhom.

16      Għalhekk, id-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja, li huma intiżi sabiex jippermettu lill-qorti tar-rinviju tiddeċiedi dwar il-legalità tal-kundizzjonijiet tal-użu marbuta ma’ għażla tariffarja msejħa “tariffa żero”, huma bbażati fuq il-premessa li tali għażla tariffarja hija fiha nnifisha kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mal-Artikolu 3 tar-Regolament 2015/2120, li permezz tiegħu l-leġiżlatur ried jistabbilixxi l-prinċipji ta’ ftuħ u ta’ newtralità tal-internet.

17      L-Artikolu 3(1) tar-Regolament 2015/2120, ikkunsidrat flimkien mal-premessa 6 ta’ dan ir-regolament, jistabbilixxi d-dritt tal-utenti finali mhux biss li jaċċedu għall-informazzjoni u għall-kontenut, li jużaw applikazzjonijiet u servizzi, li jxandru informazzjoni u kontenut, iżda wkoll li jipprovdu applikazzjonijiet u servizzi.

18      Bis-saħħa tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament 2015/2120, minn naħa, il-ftehimiet konklużi bejn il-fornituri ta’ servizzi ta’ aċċess għall-internet u l-utenti finali, u, min-naħa l-oħra, il-prattiki kummerċjali implimentati minn dawn il-fornituri, ma għandhomx jillimitaw l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-utenti finali, kif stabbiliti fl-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu.

19      L-Artikolu 3(3) tar-Regolament 2015/2120 qabel kollox jipprevedi, fl-ewwel subparagrafu tiegħu, li l-fornituri ta’ servizzi ta’ aċċess għall-internet għandhom jittrattaw it-traffiku kollu b’mod ugwali u mingħajr diskriminazzjoni, restrizzjoni jew interferenza, ikunu xi jkunu, b’mod partikolari, l-applikazzjonijiet jew is-servizzi użati.

20      Dan l-Artikolu 3(3) jistabbilixxi, sussegwentement, fit-tieni subparagrafu tiegħu, li l-ewwel subparagrafu tiegħu ma jipprekludix lill-fornituri ta’ servizzi ta’ aċċess għall-internet milli jimplimentaw miżuri raġonevoli ta’ ġestjoni tat-traffiku, billi jippreċiża li, sabiex jitqiesu raġonevoli, tali miżuri għandhom, l-ewwel, ikunu trasparenti, nondiskriminatorji u proporzjonati, it-tieni, ikunu bbażati mhux fuq kunsiderazzjonijiet kummerċjali, iżda fuq differenzi tekniċi oġġettivi bejn ċerti kategoriji ta’ traffiku, u, it-tielet, ma għandhomx jikkonċernaw is-sorveljanza tal-kontenut u ma għandhomx jinżammu għal iktar żmien milli meħtieġ.

21      Fl-aħħar, l-imsemmi Artikolu 3(3) jipprevedi, fit-tielet subparagrafu tiegħu, li l-fornituri ta’ servizzi ta’ aċċess għall-internet ma għandhomx japplikaw miżuri ta’ ġestjoni tat-traffiku li jmorru lil hinn minn dawk imsemmija fit-tieni subparagrafu tiegħu u, b’mod partikolari, li huma għandhom jastjenu milli jimblokkaw, inaqqsu l-veloċità, ibiddlu, jirrestrinġu, jinterferixxu, jiddegradaw jew jittrattaw b’mod diskriminatorju applikazzjonijiet, kategoriji ta’ applikazzjonijiet, servizzi jew kategoriji ta’ servizzi speċifiċi, ħlief jekk dan ikun neċessarju, matul perijodu partikolari, jew sabiex jikkonformaw ruħhom ma’ atti leġiżlattivi tal-Unjoni, ma’ leġiżlazzjoni nazzjonali konformi mad-dritt tal-Unjoni jew ma’ miżuri li jagħtu effett għal dawn l-atti leġiżlattivi jew għal din il-leġiżlazzjoni nazzjonali, jew sabiex tinżamm l-integrità u s-sigurtà tan-netwerk, tas-servizzi pprovduti permezz tiegħu kif ukoll tagħmir terminali tal-utenti finali, sabiex ikun hemm prevenzjoni tal-konġestjoni tan-network jew sabiex jitnaqqsu l-effetti tagħha.

22      Dawn id-diversi dispożizzjonijiet huma intiżi, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tar-Regolament 2015/2120 li jiggarantixxu t-trattament ugwali u nondiskriminatorju tat-traffiku fil-kuntest tal-provvista ta’ servizzi ta’ aċċess għall-internet kif ukoll id-drittijiet konnessi tal-utenti finali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2020, Telenor Magyarország, C‑807/18 u C‑39/19, EU:C:2020:708, punti 23 sa 27).

23      Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni tippreċiża li, meta l-aġir ta’ fornitur ta’ servizzi ta’ aċċess għall-internet ikun inkompatibbli mal-Artikolu 3(3) tar-Regolament 2015/2120, huwa possibbli li wieħed jastjeni milli jiddetermina jekk dan l-aġir huwiex konformi mal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 3(2) tal-imsemmi regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2020, Telenor Magyarország, C‑807/18 u C‑39/19, EU:C:2020:708, punt 28).

24      Konsegwentement, nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu ta’ trattament ugwali tat-traffiku kollu ma jistax jiġi ġġustifikat skont il-prinċipju ta’ libertà kuntrattwali, irrikonoxxut fl-Artikolu 3(2) tal-istess regolament.

25      Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ukoll li l-Artikolu 3(3) tar-Regolament 2015/2120 jipprekludi kull miżura li tmur kontra l-obbligu ta’ trattament ugwali tat-traffiku meta tali miżura tkun ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet kummerċjali.

26      Qabel kollox, għandu jiġi osservat li, kif jirriżulta mill-punt 19 ta’ din is-sentenza, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament 2015/2120, ikkunsidrat fid-dawl tal-premessa 8 ta’ dan ir-regolament, jimponi fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ aċċess għall-internet obbligu ġenerali ta’ trattament ugwali, mingħajr diskriminazzjoni, restrizzjoni jew interferenza tat-traffiku, li fl-ebda każ ma jista’ jkun hemm deroga minnu permezz ta’ prattiki kummerċjali implimentati minn dawn il-fornituri jew minn ftehimiet konklużi minnhom ma’ utenti finali (sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2020, Telenor Magyarország, C‑807/18 u C‑39/19, EU:C:2020:708, punt 47).

27      Sussegwentement, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament 2015/2120, kif ukoll mill-premessa 9 ta’ dan ir-regolament, li fid-dawl ta’ dan is-subparagrafu għandu jiġi kkunsidrat, jirriżulta li, filwaqt li huma obbligati josservaw dan l-obbligu ġenerali, il-fornituri ta’ servizzi ta’ aċċess għall-internet iżommu l-possibbiltà li jadottaw miżuri raġonevoli ta’ ġestjoni tat-traffiku. Madankollu, din il-possibbiltà hija suġġetta għall-kundizzjoni, b’mod partikolari, li tali miżuri jkunu bbażati fuq “rekwiżiti oġġettivament differenti għall-kwalità teknika tas-servizz ta’ kategoriji speċifiċi tat-traffiku” u mhux fuq “kunsiderazzjonijiet kummerċjali”. B’mod partikolari, għandha titqies bħala li hija bbażata fuq tali “kunsiderazzjonijiet kummerċjali” kull miżura ta’ fornitur ta’ servizzi ta’ aċċess għall-internet lejn kull utent finali, li jwassal, mingħajr ma jkunu bbażati fuq tali differenzi oġġettivi, li ma jiġux ittrattati b’mod ugwali u mingħajr diskriminazzjoni l-kontenut, l-applikazzjonijiet jew is-servizzi proposti mill-fornituri differenti ta’ kontenut, ta’ applikazzjonijiet jew ta’ servizzi (sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2020, Telenor Magyarország, C‑807/18 u C‑39/19, EU:C:2020:708, punt 48).

28      Issa, għażla tariffarja msejħa “tariffa żero”, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tagħmel, abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet kummerċjali, distinzjoni fi ħdan it-traffiku tal-internet, billi ma tgħoddx mill-pakkett bażiku t-traffiku lejn applikazzjonijiet imsieħba. Konsegwentement, tali prattika kummerċjali ma tissodisfax l-obbligu ġenerali ta’ trattament ugwali tat-traffiku, mingħajr diskriminazzjoni jew interferenza, stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament 2015/2120.

29      Għandu jiġi enfasizzat li dan in-nuqqas, li jirriżulta min-natura stess ta’ tali għażla tariffarja minħabba l-inċentiv li jirriżulta minnha, jippersisti indipendentement mill-possibbiltà eventwali li jkompli, jew le, aċċess liberu għall-kontenut ipprovdut mill-imsieħba tal-fornitur tal-aċċess għall-internet, wara l-eżawriment tal-pakkett bażiku.

30      Barra minn hekk, ftit jimporta li tali għażla taqa’ taħt ftehim, fis-sens tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament 2015/2120, kif tfakkar fil-punt 24 ta’ din is-sentenza, jew li hija intiża li tissodisfa domanda reali tal-klijent jew tal-fornitur tal-kontenut.

31      Fl-aħħar, l-eċċezzjonijiet previsti għall-miżuri ta’ ġestjoni ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni peress li, konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament 2015/2120, tali miżuri ma jistgħux ikunu bbażati fuq strateġiji kummerċjali segwiti mill-fornitur tal-aċċess għall-internet.

32      Mill-informazzjoni trażmessa mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-limitazzjoni tal-użu tal-għażla tariffarja waqt roaming, li dwarha jittrattaw id-domandi kollha magħmula minn din il-qorti, tapplika biss minħabba l-attivazzjoni tal-għażla tariffarja msejħa “tariffa żero”.

33      Issa, peress li tali għażla tariffarja tmur kontra l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 3(3) tar-Regolament 2015/2120, din il-kuntrarjetà tissussisti, indipendentement mill-forma jew min-natura tal-kundizzjonijiet ta’ użu marbuta mal-għażliet tariffarji proposti, bħal-limitazzjoni tal-użu tal-għażla tariffarja barra mit-territorju nazzjonali fil-kawża prinċipali.

34      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 3 tar-Regolament 2015/2120 għandu jiġi interpretat fis-sens li limitazzjoni tal-użu waqt roaming, minħabba l-attivazzjoni ta’ għażla tariffarja msejħa “tariffa żero”, hija inkompatibbli mal-obbligi li jirriżultaw mill-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu.

 Fuq l-ispejjeż

35      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2015/2120 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal25 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi miżuri dwar aċċess għal Internet miftuħ u li jemenda d-Direttiva 2002/22/KE dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u r-Regolament (UE) Nru 531/2012 dwar roaming fuq netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjoni mobbli fi ħdan l-Unjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li limitazzjoni tal-użu waqt roaming, minħabba l-attivazzjoni ta’ għażla tariffarja msejħa “tariffa żero”, hija inkompatibbli mal-obbligi li jirriżultaw mill-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.