Language of document :

Rikors ippreżentat fid-19 ta' April 2010 - CTG Luxembourg PSF vs Il-Qorti Ġenerali

(Kawża T-170/10)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Computer Task Group Luxembourg PSF SA (Bertrange, Il-Lussemburgu) (rappreżentant: M. Thewes, avukat)

Konvenuta: Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-kuntratt pubbliku Ewropew "AO 008/2009: Għajnuna lill-utenti tas-sistemi IT u telefoniċi tal-1 u tat-2 livell, call center, amministrazzjoni hardware end user", b'mod speċifiku:

id-deċiżjoni tal-Kummissjoni responsabbli mill-ftuħ tal-offerti tad-9 ta' Frar 2010 li ċaħdet l-offerta ta' CTG CONSORTIUM għal raġunijiet ta' "preżentazzjoni tardiva"

id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li tat il-kuntratt lil kuntrattur ieħor (mhux datata u sad-data tar-rikors mhux magħrufa)

id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li tikkonferma ċ-ċaħda tal-offerta ta' CTG CONSORTIUM tal-05/03/2010;

tikkonstata r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni Ewropea u tikkundanna lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkumpensa lir-rikorrenti għad-dannu kollu miġrub minħabba d-deċiżjoni kkontestata u taħtar espert biex jivvaluta dan id-dannu;

tikkundanna l-Qorti tal-Ġustizzja għall-ispejjeż u ħlasijiet kollha.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz ta' dan ir-rikors, ir-rikorrenti titlob, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni responsabbli mill-ftuħ tal-offerti, tad-9 ta' Frar 2010, li ċaħdet l-offerta tar-rikorrenti, minħabba preżentazzjoni tardiva, fil-kuntest ta' proċedura ta' sejħa għal offerti li tirrigwarda servizzi ta' għajnuna lill-utenti tas-sistemi IT tal-1 u tat-2 livell, call center, amministrazzjoni hardware end user (ĠU 2009/S 217-312292), kif ukoll id-deċiżjoni li tat il-kuntratt lil kuntrattur ieħor u, min-naħa l-oħra, talba għal danni.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tressaq erba' motivi bbażati fuq:

ksur tal-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni, tal-prinċipju ta' ugwaljanza bejn il-kuntratturi u tal-prinċipju tal-kompetizzjoni libera, billi, minbarra d-data finali għall-offerti, imponiet ħin finali li fih l-offerti setgħu jiġu ppreżentati;

ksur tal-obbligu li twieġeb għat-talbiet ta' informazzjoni mibgħuta fi żmien utli lill-awtorità kontraenti;

ksur tal-obbligu li l-kuntratturi mwarrba jiġu informati bir-raġunijiet li fuqhom iċ-ċaħda tat-talba tagħhom hija bbażata, tal-isem tal-aġġudikat u tal-indikazzjoni tal-mezzi ta' rikors;

tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni Ewropea.

____________