Language of document :

Rikors ippreżentat fit-8 ta' April 2010 - Colas vs UASI - García-Teresa Gárate (BASE-SEAL)

(Kawża T-172/10)

Lingwa tar-rikors: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Colas (Boulogne-Billancourt, Franza) (rappreżentant: E. Logeais, avukat)

Konvenut: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

Parti oħra quddiem il-Bord tal-Appell: Rosario García-Teresa Gárate (Barcelona, Spanja)

Talbiet tar-rikorrenti

prinċipalment, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell

−    inkwantu kkonkludiet fin-nuqqas totali ta' xebh bejn is-sinjali, billi bbażat ruħha fuq rappreżentazzjoni għqarrieqa tal-applikazzjoni għat-trade mark ikkontestata, u billi naqset b'mod partikolari milli tiddetermina b'mod preċiż il-pubbliku rilevanti u milli tiġġustifika n-natura distintiva u dominanti tal-kliem BASE-SEAL;

−    inkwantu nnegat kull xebh bejn is-sinjali u konsegwentement ċaħdet l-oppożizzjoni għar-reġistazzjoni tat-trade mark BASE-SEAL bi ksur tal-Artikolu 8(1)(b) CTMR; u

sussidjarjament, l-annullament parzjali tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell biss għall-prodotti li mhumiex il-"prodotti kimiċi użati għax-xjenza, għall-fotografija, għall-agrikoltura, għall-orikoltura u għall-imsaġar...għad-demel, għas-sustanzi kimiċi li jippreżervaw il-prodotti tal-ikel.., ;";

fi kwalunkwe każ, tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż kollha.

Motivi u argumenti prinċipali

Applikant għat-trade mark Komunitarja: Rosario García-Teresa Gárate

Trade mark Komunitarja kkonċernata: trade mark figurattiva "BASE-SEAL" għal prodotti fil-klassijiet 1, 17 u 19 (Applikazzjoni Nru 3951464)

Proprjetarju tat-trade mark jew tas-sinjal invokat insostenn tal-oppożizzjoni: ir-rikorrenti

Trade mark jew sinjal invokat insostenn tal-oppożizzjoni: diversi trade marks figurattivi nazzjonali (Spanjoli, Ungeriżi, Franċiżi, Pollakki, Svediżi, Ġermaniżi, Ċeki) kif ukoll trade mark figurattiva internazzjonali li tirrappreżenta djamant, parzjalment isfar u jinkludi l-kelma "Colas" għal prodotti fil-klassijiet 1, 19 u 37.

Deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni: l-oppożizzjoni miċħuda

Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell: ir-rikors miċħud

Motivi invokati: ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) tal-Kunsill Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja minħabba l-fatt li hemm probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti.

____________