Language of document :

Rikors ippreżentat fis-7 ta' April 2010 - Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-167/10)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Evropaïki Dynamiki - Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE (Ateni, Il-Greċja) (rappreżentanti: N. Korogiannakis u M. Dermitzakis, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-Deċiżjoni tas-Segretarjat Ġenerali tas-27 ta' Jannar 2010 27 - SG.E.3/FM/psi - Ares (2010)43764 - li tiċħad it-talba għal reviżjoni mressqa mir-rikorrenti li fiha hija talbet, skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001, ir-reviżjoni tal-pożizzjoni meħuda mid-Direttorat Ġenerali għall-Informatika fl-ittra tiegħu tad-19 ta' Settembru 2009, wara t-talba inizjali tar-rikorrenti, tal-14 ta' Awwissu 2009, dwar l-aċċess għat-talbiet kollha għal kwotazzjoni (RfQ) li jappartjenu għall-Lott 3A ta' ESP DESIS;

tannulla d-Deċiżjoni tas-Segretarjat Ġenerali tal-11 ta' Marzu 2010 - SG.E.3/FM/MIB/rc/psi - Ares (2010) 131966 - li tiċħad it-talba għal reviżjoni mressqa mir-rikorrenti li fiha hija talbet, skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001, ir-reviżjoni tal-pożizzjonijiet meħuda mid-Direttorat Ġenerali (DĠ) għall-Informatika, mill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea (OP, qabel OPOCE) u mid-DĠ Baġit fl-ittri rispettivi tagħhom tal-11 ta' Diċembru 2009, wara t-talbiet inizjali tar-rikorrenti, tad-9 ta' Ottubru 2009, li jikkonċernaw l-aċċess għar-RfQ kollha li jappartjenu għal-lottijiet kollha tal-kuntratti ESP, ESP-DIMA u ESP-DESIS (trattati mid-DĠ Informatika), il-Kuntratti Qafas Nri 6011, 6102, 6103, 6020, 10042, 6121, 6031, 10030 tal-OPOCE u l-Kuntratt Qafas Nru BUDG/O101 tad-DĠ BAĠIT;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż legali u l-ispejjeż l-oħra tar-rikorrenti u l-ispejjeż magħmula inkonnessjoni mar-rikors tagħha, anki jekk dan ir-rikors jiġi miċħud.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret ir-Regolament Nru 1049/2001 billi ma wettqitx eżami konkret u individwali tad-dokumenti msemmija fit-talba għall-aċċess sabiex tevalwa jekk l-eċċezzjonijiet invokati humiex applikabbli jew jekk jistax jingħata aċċess parzjali. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-ġustifikazzjonijiet mogħtija mill-Kummissjoni fir-rigward tal-protezzjoni tal-politika ekonomika tal-UE, fir-rigward tal-protezzjoni tal-interessi kummerċjali u fir-rigward tar-raġunijiet ta' sigurtà pubblika, għandhom jiġu miċħuda bħala infondati peress li r-raġunijiet invokati mill-Kummissjoni huma, fil-fehma tar-rikorrenti, ta' natura ġenerali u astratta u ma jurux li l-Kummissjoni għamlet eżami individwali speċifiku tal-kontenut tad-dokumenti mitluba.

____________