Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-hof van beroep te Brussel (il-Belġju) fit-2 ta’ Marzu 2021 – Proximus NV vs Gegevensbeschermingsautoriteit

(Kawża C-129/21)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Hof van beroep te Brussel

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Proximus NV

Konvenut: Gegevensbeschermingsautoriteit

Domandi preliminari

L-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) 1 , moqri flimkien mal-Artikolu 2(f) ta’ din id-direttiva u mal-Artikolu 95 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data2 , għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lil awtorità superviżorja nazzjonali teżiġi l-“kunsens” ta’ abbonat, fis-sens tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data, għall-pubblikazzjoni tad-data personali tiegħu fid-direttorji u f’servizzi ta’ tagħrif telefoniku aċċessibbli mill-pubbliku, kemm mill-operatur innifsu kif ukoll mill-fornituri terzi, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tgħid bil-kontra?

Id-dritt għal tħassir previst fl-Artikolu 17 tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li t-talba għall-irtirar mid-direttorji u mis-servizzi ta’ tagħrif telefoniku aċċessibbli mill-pubbliku magħmula minn abonnat tiġi kklassifikata minn awtorità superviżorja nazzjonali bħala talba għal tħassir fis-sens tal-Artikolu 17 tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data?

L-Artikolu 24 u l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li awtorità superviżorja nazzjonali tiddeduċi mill-obbligu ta’ responsabbiltà li huwa stabbilit fiha li l-kontrollur għandu jieħu l-miżuri tekniċi u ta’ organizzazzjoni xierqa sabiex jinforma lill-kontrolluri terzi – jiġifieri, il-fornitur ta’ servizzi telefoniċi u l-fornituri l-oħra ta’ direttorji u ta’ servizzi ta’ tagħrif telefoniku li jkunu rċevew id-data minn dan l-ewwel kontrollur – bl-irtirar tal-kunsens tal-persuna kkonċernata, skont l-Artikolu 6, moqri flimkien mal-Artikolu 7 tar-Regolament?

L-Artikolu 17(2) tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li awtorità superviżorja nazzjonali tordna lil fornitur ta’ direttorji u ta’ servizzi ta’ tagħrif telefoniku aċċessibbli mill-pubbliku li jkun intalab ma jibqax jippubblika d-data ta’ persuna, jieħu miżuri raġonevoli sabiex jinforma l-muturi ta’ riċerka b’din it-talba għal tħassir tad-data?

____________

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 514.

2     ĠU 2016, L 119, p. 1.