Language of document : ECLI:EU:C:2013:838

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fit-12 ta’ Diċembru 2013 (1)

Kawżi magħquda C‑141/12 u C‑372/12

Y.S.

vs

Minister voor Immigratie, Integratie en Asiel (C‑141/12)

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rechtbank Middelburg (il-Pajjiżi l-Baxxi)]

u

Minister voor Immigratie, Integratie en Asiel

vs

M. u S. (C‑372/12)

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Raad van State (il-Pajjiżi l-Baxxi)]

“Data personali u pproċessar — Analiżi legali”





1.        Y.S., M. u S. huma ċittadini ta’ pajjiż terz li applikaw għal residenza legali fil-Pajjiżi l-Baxxi. L-applikazzjoni ta’ Y.S. ġiet irrifjutata. Dawk ta’ M. u S. ġew aċċettati. Ilkoll kemm huma invokaw id-dritt tal-UE sabiex jiksbu aċċess għal dokument (iktar ’il quddiem in-“nota interna”) (2) imfassal minn uffiċjal tal-awtorità rilevanti u li jinkludi analiżi legali fil-forma ta’ parir intern dwar jekk għandux jingħata l-istatus ta’ residenza. Huma jargumentaw li l-analiżi legali hija data personali u għalhekk, bħala materja ta’ dritt tal-UE, għandhom id-dritt ta’ aċċess għan-nota interna.

 I –   Id-dritt tal-UE

 A –     TFUE

2.        Skont l-Artikolu 16(1) TFUE, “[k]ull persuna għandha jkollha d-dritt għall-protezzjoni ta’ data personali li tirrigwardaha”.

 B –     Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

3.        L-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), intitolat “Il-protezzjoni tad-data personali”, tistipula:

“1.      Kull persuna għandha d-dritt għall-protezzjoni ta’ data personali li tirrigwardaha.

2.      Din id-data għandha tiġi trattata b’mod ġust għal finijiet determinati u abbażi tal-kunsens tal-persuna kkonċernata jew fuq bażi oħra leġittima stabbilita mil-liġi. Kull persuna għandha d-dritt ta’ aċċess għad-data miġbura li għandha x’taqsam magħha u d-dritt li tikseb ir-rettifika tagħha.

3.      L-osservanza ta’ dawn ir-regoli għandha titqiegħed taħt il-kontroll ta’ awtorità indipendenti.”

4.        L-Artikolu 41 jikkonċerna “Id-dritt għal amministrazzjoni tajba”:

“1.      Kull persuna għandha d-dritt li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b’mod imparzjali u ġust u fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi ta’ l-Unjoni.

2.      Dan id-dritt jinkludi:

[…]

(b)      id-dritt ta’ kull persuna li jkollha aċċess għall-fajl li jikkonċernaha, filwaqt li jiġu rrispettati l-interessi leġittimi tal-kunfidenzjalità u tas-segretezza professjonali u tan-negozju;

(ċ)      l-obbligu għall-amministrazzjoni li tagħti r-raġunijiet għad-deċiżjonijiet tagħha.”

5.        Konformi mal-Artikolu 47(1), “kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha garantiti mil-liġi ta’ l-Unjoni jiġu vjolati għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skond il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.”

6.        L-Artikolu 51(1) jistipula li: “[i]d-dispożizzjonijiet ta’ din il-Karta huma intiżi għall-istituzzjonijiet, għall-korpi u għall-aġenziji ta’ l-Unjoni fir-rispett tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà u għall-Istati Membri wkoll biss meta jkunu qed jimplimentaw il-liġi tal-Unjoni […]”.

 C –     Id-Direttiva 95/46

7.        Skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 95/46 (3) “Stati Membri għandhom jipproteġu d-drittijiet fundamentali u l-libertajiet ta’ persuni naturali, u partikolarment tad-dritt tagħhom għall-ħajja privata dwar l-ipproċessar ta’ data personali” (4).

8.        Skont l-Artikolu 2(a) “data personali” tfisser “kull data li jkollha x’taqsam ma’ persuna naturali identifikata jew identifikabbli (“suġġett tad-data”)” (5) u “persuna identifikabbli” tfisser “min jista’ jkun identifikat, direttament jew indirettament, partikolarment b’referenza għal numru ta’ identità jew għal fattur wieħed speċifiku jew aktar dwar l-identità fiżika, fiżjoloġika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali tiegħu”.

9.        L-“ipproċessar ta’ data personali” jew, sempliċement “l-ipproċessar”, skont l-Artikolu 2(b) ifisser “kull operazzjoni jew sett ta’ operazzjonijiet li jsiru fuq data personali, b’mezzi awtomatiċi jew mingħajrhom, bħalma huma l-ġbir, reġistrazzjoni, organizzazzjoni, ħażna, adattament jew bdil, rkupru, konsultazzjoni, użu, żvelar bi trasmissjoni, tixrid jew li xort’oħra jagħmlu l-ipproċessar disponibbli jew li jġibu allineament, taħlita, imblokk, tħassir jew distruzzjoni”. Skont l-Artikolu 2(ċ), “sistema ta’ ħażna ta’ data personali” jew “sistema ta’ ħażna” tfisser sett strutturat ta’ data personali li jkun aċċessibbli skont kriterji speċifiċi, kemm jekk ċentralizzat, di-ċentralizzat jew imferrex fuq bażi funzjonali jew ġeografika”.

10.      Skont l-Artikolu 3(1), id-Direttiva 95/46 tapplika għall-“ipproċessar ta’ data personali, fl-intier tiegħu jew parti minnu b’mezzi awtomatiċi”, fuq naħa, u għall-“ipproċessar b’mezzi oħra mhux awtomatiċi ta’ data personali li tagħmel parti minn sistema ta’ skedar jew li tkun maħsuba li tagħmel parti minn sistema ta’ skedar”, fuq in-naħa l-oħra (6). L-Artikolu 3(2) jeskludi ċerti tipi ta’ pproċessar mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 95/46 u l-Artikolu 7 jistipula l-kriterji li jistabbilixxu jekk l-Istati Membri jistgħux jipproċessaw data personali jew le.

11.      L-Artikolu 12, dwar id-“Dritt ta’ aċċess”, jistipula (7):

“Stati Membri għandhom jiggarantixxu lil kull suġġett tad-data d-dritt li jikseb mingħand il-kontrollur:

(a)      mingħajr restrizzjoni f’perjodi raġjonevoli u mingħajr dewmien jew spejjeż eċċessivi:

–        konferma jekk data dwaru tkunx qed tiġi pproċessata, u għall-inqas informazzjoni dwar l-għanijiet ta’ l-ipproċessar, il-kategoriji tad-data in kwistjoni, u r-riċevituri jew kategoriji ta’ riċevituri li lilhom ikun żvelat id-data,

–        komunikazzjoni lilu b’mod li tinftiehem tad-data li tkun qed tiġi pproċessata u informazzjoni oħra li jkun hemm dwar l-oriġini tiegħu;

–        għarfien tar-raġuni għal kull ipproċessar awtomatiku tad-data dwaru, għall-inqas fil-każ ta’ deċiżjonijiet awtomatizzati imsemmija fl-Artikolu 15(1);

(b)      skont kif jixraq, ir-rettifika, tħassir jew imblokk ta’ data li l-ipproċessar tiegħu ma jkunx skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, partikolarment minħabba n-natura mhux kompluta jew mhux eżatta tad-data;

(ċ)       notifika lill-partijiet terzi li lilhom id-data tkun żvelata dwar kull rettifika, tħassir jew imblokk li jkunu saru skond (b), sakemm din tkun tista’ ssir jew ma tkunx titlob sforz sproporzjonat.”

12.      L-Artikolu 13(1) jipprovdi għal eżenzjonijiet u restrizzjonijiet għal, fost l-oħrajn, id-dritt ta’ aċċess stipulat fl-Artikollu 13(1) (8):

“Stati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġislattivi biex jirrestrinġu l-finijiet ta’ l-obbligazzjonijiet u d-drittijiet provduti fl-Artikoli 6(1), 10, 11 (1), 12 u 21 meta dawn ir-restrizzjonijiet jikkostitwixxu miżuri meħtieġa li jagħtu protezzjoni lil:

[…]

(d)      prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien u prosekuzzjoni ta’ offiżi kriminali jew il-ksur ta’ etika ta’ professjonijiet regolati;

[…]

(f)      monitoraġġ, spezzjoni jew funzjoni regolatorja marbuta, ukoll jekk kulltant, ma’ l-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali fil-każi msemmija f’(ċ), (d) u (e);

(g)      il-protezzjoni tas-suġġett tad-data jew tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ l-oħrajn.”

 D –     Strumenti oħra tal-UE

13.      Ir-Regolament Nru 45/2001 (9) jikkonċerna l-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet tal-UE. Dan jiddefinixxi “data personali” u “ipproċessar ta’ data personali” essenzjalment fl-istess termini bħal fid-Direttiva 95/46 (10). Dan jipprovdi wkoll għal dritt ta’ aċċess għal, b’mod partikolari, forma intelliġibbli tad-data li tkun qed tiġi pproċessata u tal-informazzjoni disponibbli dwar is-sors tagħha (11).

14.      Strumenti tal-UE li jipprovdu aċċess għal dokumenti, bħar-Regolament Nru 1049/2001 (12) u d-deċiżjoni dwar aċċess pubbliku għal dokumenti tal-Qorti tal-Ġustizzja (13), jinkludu eċċezzjonijiet biex jiġu protetti l-“privatezza u l-integrità ta’ l-individwu, b’mod partikolari skond il-leġiżlazzjoni tal-[UE] dwar il-ħarsien ta’ data personali” (14) u jipprovdu bażi biex jiġi rrifjutat aċċess jekk dan jista’ jdgħajjef il-ħarsien ta’ “proċedimenti fil-qrati u pariri legali” (15).

 II – Il-liġi u l-proċedura tal-Pajjiżi l-Baxxi

15.      Il-Wet bescherming persoonsgegevens (il-Liġi dwar il-Protezzjoni ta’ Data Personali jew “il-Wbp” tiddefinixxi d-data personali (16), il-kamp tal-applikazzjoni tagħha (17) u d-dritt ta’ aċċess (18) f’termini simili għal dawk użati fid-Direttiva 95/46. Ir-rikorrenti invokaw lilha meta talbu aċċess għan-nota interna li ġiet użata meta ttieħdet deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tagħhom għal permess għal residenza temporanja skont il-Vreemdelingenwet 2000 (il-Liġi dwar iċ-Ċittadini Barranin).

16.      Tali applikazzjoni ppreżentata lill-Immigratie- en Naturalisatiedienst (is-Servizz tal-Immigrazzjoni u tan-Naturalizzazzjoni) l-ewwel tiġi kkkunsidrata minn uffiċjal responsabbli mill-każ, li jipprepara abbozz ta’ deċiżjoni u dokument ulterjuri, in-“nota interna” (19), li tistabbilixxi, fost affarijiet oħra, l-analiżi legali li tirfed l-abbozz ta’ deċiżjoni. Jekk l-uffiċjal responsabbli mill-każ ma jkollu ebda awtorità biex jiffirma l-abbozz ta’ deċiżjoni, huwa jibgħatha flimkien man-nota interna għal evalwazzjoni minn reviżur (uffiċjal ta’ grad ogħla responsabbli mill-każ). Dan tal-aħħar jista’ jikkonferma jew jiċħad l-analiżi legali fin-nota interna. Madankollu, indipendentement minn jekk l-uffiċjal responsabbli mill-każ huwiex kompetenti biex jiffirma d-deċiżjoni, in-nota interna ma hijiex parti mid-deċiżjoni finali dwar ir-residenza.

17.      Nota interna tipikament tinkludi: l-isem, it-telefon, in-numru tal-kamra tal-uffiċjal responsabbli mill-każ; kaxxi għall-inizjali u l-ismijiet tal-uffiċjal/i ta’ grad ogħla responsabbli mill-każ; l-isem, id-data tat-twelid, in-nazzjonalità, is-sess, l-etniċità, ir-reliġjon u l-lingwa tal-applikant; informazzjoni dwar l-istorja proċedurali; informazzjoni dwar dikjarazzjonijiet magħmula mill-applikant u d-dokumenti ppreżentati; id-dispożizzjonijiet legali applikabbli u evalwazzjoni tal-informazzjoni rilevanti fid-dawl tal-liġi applikabbli (l-“analiżi legali”). Skont ir-Raad van State, it-tul tal-analiżi legali tista’ tvarja minn ftit sentenzi għal ftit paġni. Waqt is-smigħ, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi kkonferma li ma hemmx mudell li fuqu tiġi ppreparata nota interna. Meta l-analiżi legali tkun estensiva, in-nota interna tista’ tinkludi dikjarazzjonijiet dwar evalwazzjoni tal-kredibbiltà tad-dikjarazzjonijiet li jkunu saru, ir-raġunijiet għalfejn applikant jikkwalifika (jew le) għal permess ta’ residenza u fuq liema bażi. Analiżi iktar konċiża tista’ tirriżulta f’nota interna li tkun tinkludi biss il-linja tal-politika applikabbli.

18.      Jidher ukoll mit-talba għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C‑372/12 li l-Minister voor Immigratie, Integratie en Asiel (il-Ministru għall-Immigrazzjoni, Integrazzjoni u Ażil, iktar ’il quddiem il-“Ministru”) spjega li n-noti interni jiffurmaw parti mill-fajl tal-applikanti, li huma organizzati skont il-‘v-number’ allokat lil kull applikant. Mingħajr dak in-numru, fajl ma jkunx jista’ jiġi kkonsultat jew imfittex.

19.      Sal-14 ta’ Lulju 2009, il-politika kienet li n-nota interna (inkluż l-analiżi legali) tkun disponibbli jekk issir talba. Kienu saru ħafna talbiet bħal dawn. Skont il-Ministru, dik il-politika wasslet għal volum ta’ xogħol kunsiderevoli u ħafna drabi interpretazzjonijiet żbaljati tal-analiżi legali. Konsegwenza oħra kienet li l-analiżi legali f’ċerti każijiet, ma kinitx iktar irreġistrata fin-nota interna jew kienet irreġistrata sa ċertu punt. Bl-istruzzjoni tax-xogħol 2009/11 tal-IND, dik il-politika kienet abbandunata u l-aċċess għan-nota interna (inkluż l-analiżi legali) minn hemm ’il quddiem kienet tiġi rrifjutata.

 III  Il-fatti, id-domandi u l-proċedura

 A –     Il-Kawża C‑141/12 Y.S.

20.      B’deċiżjoni tad-9 ta’ Ġunju 2009, il-Ministru rrifjuta l-applikazzjoni ta’ Y.S. għal permess ta’ residenza temporanja ‘asiel’. Din id-deċiżjoni kienet irtirata imma mbagħad, fis-6 ta’ Lulju 2010, l-applikazzjoni kienet reġgħet ġiet irrifjutata. It-talba ta’ Y.S. għal aċċess għan-nota interna mfassla għad-deċiżjoni tas-6 ta’ Lulju 2010 kienet irrifjutata b’deċiżjoni tal-24 ta’ Settembru 2010 għar-raġuni li n-nota interna kienet tinkludi, apparti data personali, analiżi legali. F’dik id-deċiżjoni l-Ministru kien ipprovda, sa fejn kien meħtieġ, ħarsa ġenerali tad-data inkluża fin-nota interna, l-oriġini ta’ dik id-data u l-awtoritajiet li kellhom aċċess għad-data.

21.      Il-kontestazzjoni amministrattiva ta’ Y.S. għad-deċiżjoni tal-24 ta’ Settembru 2010 ġiet iddikjarata infondata bid-deċiżjoni tat-22 ta’ Marzu 2011. Y.S. appella minn din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju li staqsiet dawn id-domandi:

“1.      Data mogħtija f’nota interna dwar abbozz ta’ deċiżjoni dwar il-persuna kkonċernata u li tikkonċerna lil din il-persuna, għandha tiġi kkunsidrata bħala data personali fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-[Direttiva 95/46]?

2.      Analiżi legali magħmula f’nota interna dwar abbozz ta’ deċiżjoni hija data personali fis-sens tad-dispożizzjoni msemmija?

3.      Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li d-data msemmija iktar ’il fuq għandha tiġi kkunsidrata bħala data personali, il-proċessur u/jew l-awtoritajiet pubbliċi għandhom jagħtu wkoll aċċess għal din id-data personali skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva 95/46 u skont l-Artikolu 8(2) tal-[Karta]?

4.      F’dan il-kuntest, il-persuna kkonċernata tista’ tinvoka direttament l-Artikolu 41(2)(b) tal-[Karta], u fl-affermattiv, l-espressjoni “filwaqt li jiġu rrispettati l-interessi leġittimi tal-kunfidenzjalità [tal-proċess deċiżjonali]” li tinsab f’dan l-artikolu għandha tiġi interpretata fis-sens li d-dritt ta’ aċċess għan-nota interna dwar abbozz ta’ deċiżjoni jista’ jiġi rrifjutat fuq il-bażi ta’ din ir-raġuni?

5.      Meta l-persuna kkonċernata titlob aċċess għan-nota interna dwar abbozz ta’ deċiżjoni, il-proċessur jew l-awtoritajiet pubbliċi għandhom jipprovdu kopja ta’ dan id-dokument sabiex jirrispettaw id-dritt ta’ aċċess?”

 B –     Il-Kawża C‑372/12 M. u S.

22.      Wara li ngħata permess ta’ residenza temporanja ‘asiel’, fit-30 ta’ Ottubru 2009 M. talab aċċess għan-nota interna relatata ma’ dik id-deċiżjoni. Bl-istess mod, fid-19 ta’ Frar 2010, S. talab aċċess għan-nota interna relatata mad-deċiżjoni li biha ngħata permess ta’ residenza temporanja ‘regulier’. Dawn it-talbiet kienu miċħuda, rispettivament, fl-4 ta’ Novembru 2009 u fil-31 ta’ Marzu 2010. Il-Ministru ċaħad, rispettivament, fit-3 ta’ Diċembru 2010 u fil-21 ta’ Ottubru 2010 il-kontestazzjonijiet amministrattivi ppreżentati minn M. u S. kontra dawn id-deċiżjonijiet bħala infondati.

23.      M. appella mid-deċiżjoni tal-Ministru quddiem ir-Rechtbank Middelburg li, f’sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2011, iddeċidiet li l-appell kien fondat, annullat id-deċiżjoni u ordnat lill-Ministru biex jieħu deċiżjoni ġdida li tieħu inkunsiderazzjoni s-sentenza tagħha. S. appella mid-deċiżjoni tal-Ministru quddiem ir-Rechtbank Amsterdam. Is-sentenza ta’ din il-qorti tal-4 ta’ Awwissu 2011 kienet simili, inkwantu tal-eżitu, għal dik tar-Rechtbank Middelburg.

24.      Il-Ministru appella miż-żewġ sentenzi quddiem ir-Raad van State, li għamlet id-domandi li ġejjin:

“1.      Is-sentenza introduttiva tal-Artikolu 12 u t-tieni inċiż tal-Artikolu 12(a) tad-[Direttiva 95/46] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jeżisti dritt għall-kisba ta’ kopja tad-dokumenti li fihom tiġi pproċessata data ta’ natura personali, jew huwa suffiċjenti li tiġi kkomunikata deskrizzjoni sħiħa ta’ din id-data f’forma li tkun tinftiehem?

2.      Il-kliem “dritt ta’ aċċess” li jinsab fl-Artikolu 8(2) tal-[Karta] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jeżisti dritt għall-kisba ta’ kopja tad-dokumenti li fihom tiġi pproċessata data ta’ natura personali, jew huwa suffiċjenti li tiġi kkomunikata deskrizzjoni sħiħa ta’ dik id-data f’forma li tkun tinftiehem fis-sens tas-sentenza introduttiva tal-Artikolu 12 u t-tieni inċiż tal-Artikolu 12(a) tad-[Direttiva 95/46]?

3.      Is-sentenza introduttiva u l-paragrafu (b) tal-Artikolu 41(2) tal-[Karta] huma intiżi wkoll għall-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea sa fejn dawn jimplimentaw id-dritt tal-[UE] fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta?

4.      Il-fatt li, wara li jingħata aċċess [għan-“noti interni”], ir-raġunijiet li abbażi tagħhom tkun ġiet proposta deċiżjoni determinata ma jibqgħux inklużi fihom, li la jiffaċilita l-iskambju ta’ opinjonijiet fi ħdan l-amministrazzjoni u lanqas l-iżvolġiment tajjeb tal-proċess deċiżjonali, jikkostitwixxi interess leġittimu tal-kunfidenzjalità fis-sens tas-sentenza introduttiva u tal-paragrafu (b) tal-Artikolu 41(2) tal-[Karta]?

5.      Analiżi legali bħal dik li tkun tinsab f’[“nota interna”], tista’ tiġi kklassifikata bħala data ta’ natura personali fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-[Direttiva 95/46]?

6.      L-interess ta’ skambju liberu ta’ opinjonijiet fi ħdan l-amministrazzjoni kkonċernata jibbenefika wkoll mill-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet tal-oħrajn fis-sens tas-sentenza introduttiva tal-Artikolu 13(1) u tal-Artikolu 13(1)(g) tad-[Direttiva 95/46] [...]? F’każ ta’ risposta negattiva, dan l-interess jista’ għaldaqstant jaqa’ taħt is-sentenza introduttiva tal-Artikolu 13(1) u l-Artikolu 13(1)(d) jew (f) ta’ din id-Direttiva?”

 C –     Il-proċedura

25.      Fil-Kawża C‑141/12, ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn Y.S., il-Gvern tal-Awstrija, tar-Repubblika Ċeka, tal-Greċja u tal-Pajjiżi l-Baxxi kif ukoll mill-Kummissjoni. Fil-Kawża C‑372/12, ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn M. u S., il-Gvern ta’ Franza, tal-Pajjiżi l-Baxxi u tal-Portugall u mill-Kummissjoni.

26.      B’digriet tat-30 ta’ April 2013, il-Qorti tal-Ġustizzja għaqqdet dawn iż-żewġ kawżi għall-finijiet tal-proċeduri orali u tas-sentenza.

27.      Waqt is-smigħ li sar fit-3 ta’ Lulju 2013, Y.S., M. u S., il-Gvern ta’ Franza u tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni għamlu sottomissjonijiet orali.

 IV – Evalwazzjoni

 A –     Ir-rimarki preliminari

28.      Ma huwiex ikkontestat li n-nota interna hija dokument li jinkludi data personali u li Y.S., M. u S. kienu ngħataw aċċess għal dik id-data personali (ħlief għall-analiżi legali) u kienu informati dwar l-oriġini ta’ dik id-data u l-entitajiet li kienet intbagħtitilhom id-data. Iż-żewġ każijiet huma essenzjalment dwar (il-forma ta’) aċċess għall-parti l-oħra tal-kontenut tan-nota interna, jiġifieri l-analiżi legali.

29.      Jien ser nikkunsidra l-ewwel id-domandi li jirrigwardjaw l-interpretazzjoni tad-Direttiva 95/46 u mbagħad ngħaddi għad-domandi dwar il-Karta. Fejn domandi fiż-żewġ rinviji jikkonċernaw l-istess suġġett, jien ser nittrattahom flimkien.

 B –     Aċċess għal data personali, aċċess għal fajl u deċiżjonijiet motivati

30.      Waqt is-smigħ, ħareġ ċar li r-rikorrenti xtaqu jifhmu il-motivazzjoni sottostanti għad-deċiżjonijiet individwali dwar l-istatus tar-residenza tagħhom. Jidher li kienu ġew mogħtija raġunijiet għad-deċiżjoni li taffettwa lil Y.S. iżda mhux dawk li jikkonċernaw lil M. u S.

31.      Jien ma niddubitax li r-rikorrenti għandhom raġuni valida għalfejn qegħdin jitolbu aċċess għall-informazzjoni li huma jsostnu li għandhom dritt għaliha. Barra minn hekk, il-fatt li huma qegħdin jitolbu aċċess għan-nota interna jindika li huma jqisu li l-informazzjoni li tqiegħdet għad-dispożizzjoni tagħhom ma hijiex kompluta, u b’hekk possibbilment tqegħedhom f’pożizzjoni vulnerabbli.

32.      Madankollu, it-twessigħ tat-tifsira tar-regoli li jirregolaw il-protezzjoni ta’ data personali jew l-estensjoni tal-kamp tal-applikazzjoni tagħhom biex ikopru opinjonijiet u miżuri oħra meħudin matul il-preparazzjoni u l-investigazzjoni qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni finali ma hijiex rimedju għal ksur possibbli tal-prinċipju li r-raġunijiet għal deċiżjoni għandhom ikunu ddikjarati sabiex jiġi protett id-dritt għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv.

33.      Bil-maqlub, il-fatt li deċiżjoni tkun motivata kif xieraq, li jagħmilha possibbli għall-applikant li jkun konxju għal kollox tal-kunsiderazzjonijiet sottostanti għad-deċiżjoni u biex jagħmel użu effettiv tar-rimedji disponibbli, ma hijiex bażi suffiċjenti biex wieħed jikkonkludi li aċċess għall-analiżi legali sħiħa, jekk dik l-analiżi taqa’ fi ħdan ir-regoli dwar il-protezzjoni tad-data personali, ma huwiex neċessarju.

34.      L-ebda waħda mill-qrati tar-rinviju ma qegħda titlob li tingħata gwida mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-obbligu, skont l-Artikolu 47 tal-Karta jew leġiżlazzjoni sekondarja, li jingħataw raġunijiet għal deċiżjonijiet finali ta’ awtoritajiet eżekuttivi dwar status ta’ residenza, dwar id-dritt ta’ smigħ jew dwar id-dritt ta’ aċċess għal fajl li dokument intern bħal nota interna, jifforma parti minnu. (Sa fejn nista’ nivverifika jien) ir-rikorrenti lanqas ma jinvokaw xi waħda minn dawn ir-raġunijiet quddiem il-qrati tar-rinviju.

35.      Huwa veru li l-fatt li l-qrati tar-rinviju rrestrinġew id-domandi tagħhom għad-dritt tal-UE li jirregola l-protezzjoni tad-data personali ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tindirizza l-elementi kollha tad-dritt tal-UE li jista’ jgħinhom fl-aġġudikazzjoni tal-kawżi inkwistjoni (20). Madankollu, jien ma naħsibx li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ twessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tat-tweġiba tagħha hawnhekk. L-obbligu ta’ motivazzjoni u d-dritt ta’ aċċess għall-fajl ma ġewx indirizzati kif jixraq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, għalkemm ir-rikorrenti wrew li huma konxji tal-obbligu skont id-dritt tal-UE li jimmotivaw deċiżjonijiet dwar l-ażil (21), l-ebda wieħed minnhom ma għamel talbiet f’dan ir-rigward.

36.      Fil-kawża C‑372/12, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi ddikjara waqt is-smigħ li r-raġunijiet għal deċiżjoni pożittiva huma disponibbli jekk issir talba f’dan is-sens. Jibqa’ l-fatt li jidher li M. u S. ma ġewx informati bir-raġunijiet għalfejn ġew mogħtija permessi ta’ residenza. Ma nistax naċċetta s-suġġeriment tal-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi li ħafna drabi l-applikanti ma jkollhom ebda interess li jiksbu dawn ir-raġunijiet. Kif ġie rrilevat mill-avukat ta’ M. u S. waqt is-smigħ, iċ-ċirkustanzi li jiffurmaw il-bażi għal deċiżjoni favorevoli jistgħu jinbidlu, u possibbilment iwasslu għal deċiżjoni differenti xi żmien wara (22). Għalhekk, li wieħed ikun jaf eżattament liema ċirkustanzi kienu rilevanti għad-deċiżjoni meħuda huwa interess leġittimu. Prinċipji ġenerali tad-dritt tal-UE, bħall-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (issa stipulat fl-Artikolu 47 tal-Karta) (23), ikopri dak l-interess (24). B’kuntrast ma’ dan, il-liġi tal-UE li tirregola l-protezzjoni ta’ data personali, ma tagħmilx dan. Din għandha għanijiet oħra (25).

37.      Fi kwalunkwe każ, anki jekk aċċess għall-analiżi legali fin-nota interna kellu jingħata għar-raġuni li din hija data personali, dan jista’ ma jirrimedjax in-nuqqas ta’ awtorità li tiddikjara r-raġunijiet fid-deċiżjoni finali jew li altrimenti tagħmilhom disponibbli. Kif nifhimha jien (26), in-nota interna, meta tiġi ppreparata fil-forma ta’ parir lil uffiċjal ta’ grad ogħla responsabbli mill-każ, tista’ ma tkunx tinkludi l-motivazzjoni kollha (jew tabilħaqq xi parti minnha) sottostanti għad-deċiżjoni finali meħuda mill-awtorità kompetenti. Barra minn hekk, jidher li xi drabi l-analiżi legali tista’ tkun espressa f’mhux iktar minn ftit sentenzi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, anki jekk uffiċjal ta’ grad ogħla responsabbli mill-każ ikun qabel mal-parir, l-analiżi legali tista’ ma tkunx dikjarazzjoni suffiċjenti tar-raġunijiet.

38.      Fl-aħħar nett, l-ebda waħda mill-qrati tar-rinviju ma staqsiet lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk id-dritt tal-UE jeħtieġx li l-Istati Membri, sabiex jiggarantixxu t-trasparenza fil-proċess deċiżjonali tal-awtoritajiet kompetenti u aċċess għall-informazzjoni użata f’dak il-proċess u/jew biex jipproteġu d-dritt għal amministrazzjoni tajba, jagħtu aċċess għall-fajl fi proċeduri bħala dawk li kienu involuti fihom Y.S., M. u S. (jew li jinkludu fil-fajl dokumenti bħal noti interni li jinkludu analiżi legali), jew li jisimgħu lir-rikorrenti fir-rigward tal-proċessi interni qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni finali dwar status ta’ residenza. Dawn il-kwistjonijiet la kienu indirizzati fil-proċedura bil-miktub u lanqas f’dik orali.

39.      Għalhekk l-analiżi tiegħi hija limitata għal aċċess għal data personali.

 C –     Aċċess għal data personali skont id-Direttiva 95/46

 1.      Introduzzjoni

40.      Id-Direttiva 95/46 għandha tkun applikabbli għall-ipproċessar ta’ data personali fl-intier tiegħu jew parti minnu b’mezzi awtomatiċi, u għall-ipproċessar b’mezzi oħra mhux awtomatiċi ta’ data personali li tagħmel parti minn sistema ta’ skedar jew li tkun maħsuba li tagħmel parti minn sistema ta’ skedar (27). Huma biss dawn it-tipi ta’ pproċessar li huma koperti u protetti (28). Għalhekk id-dritt ta’ aċċess skont l-Artikolu 12 japplika biss għal data personali li qiegħda tkun jew tista’ tkun ipproċessata jew skedata b’dak il-mod. Fl-iktar forma sempliċi tiegħu, dan id-dritt jista’ jintuża biex tintalab komunikazzjoni ta’ data “li tkun qed tiġi pproċessata” u informazzjoni dwar l-oriġini tagħha (29). Mandankollu, dan huwa bażi wkoll biex tinkiseb konferma dwar jekk hux qegħda tiġi pproċessata data jew le u dettalji dwar dak l-ipproċessar, għarfien dwar il-loġika involuta f’xi proċessar awtomatiku, rettifika, tħassir, imblokk ta’ data (jekk l-ipproċessar tagħha ma huwiex konformi ma’ dik id-direttiva) u n-notifika tagħha, fejn rilevanti, lil terzi.

41.      Għaldaqstant, jekk Y.S., M. u S. għandhomx, skont id-Direttiva 95/46, dritt ta’ aċċess għall-analiżi legali inkluża fin-nota interna jiddependi fuq jekk dik l-analiżi hijiex “data personali” jew, jekk fin-negattiv, tip ta’ pproċessar jew skedar kopert minn dik id-direttiva.

 2.      Definizzjonijiet ta’ “data personali” u “pproċessar” (l-ewwel u t-tieni domandi fil-Kawża C‑141/12 u l-ħames domanda fil-Kawża C‑372/12)

42.      Bl-ewwel domanda tagħha fil-Kawża C‑141/12, jiena qiegħed nifhem li r-Rechtbank Middelburg qegħda tistaqsi jekk fatti fin-nota interna rigward is-suġġett tad-data (b’differenza minn dawk li jikkonċernaw, pereżempju, l-uffiċjal responsabbli mill-każ u/jew l-uffiċjal ta’ grad ogħla responsabbli mill-każ) humiex “data personali” fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 95/46. Bit-tieni domanda tagħha (li tikkorrispondi għall-ħames domanda fil-Kawża C‑372/12), hija tistaqsi l-istess domanda fir-rigward tal-analiżi legali inkluża fin-nota interna.

43.      Ir-risposta għall-ewwel domanda hija b’mod ċar “iva’.

44.      B’mod ġenerali, “data personali” huwa kunċett wiesa’ (30). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-terminu jkopri, pereżempju, “l-isem ta’ persuna flimkien mad-dettalji tat-telefown tagħha jew ma’ informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet ta’ xogħol tagħha jew dwar il-passatempi tagħha” (31), l-indirizz tagħha (32), il-perijodu ta’ xogħol ta’ kuljum kif ukoll il-perijodi ta’ mistrieħ għal kull ħaddiem (33), flus imħallsa minn ċerti entitajiet u l-benefiċjarji (34), ammonti ta’ dħul li l-persuna tkun qalgħet jew dħul li ma tkunx qalgħet u l-assi ta’ persuni naturali (35).

45.      Il-kontenut attwali ta’ dik l-informazzjoni jidher li ma jkollu ebda konsegwenzi sakemm ikun jirrigwardja persuna naturali identifikata jew identifikabbli. Jista’ jitqies li jirrigwardja kwalunkwe fatti dwar il-ħajja privata ta’ dik il-persuna u possibbilment, fejn ikun rilevanti, il-ħajja professjonali tagħha (li tista’ tinvolvi aspett iktar pubbliku ta’ dik il-ħajja privata) (36). Jista’ jkun disponibbli f’forma miktuba jew ikun inkluż, pereżempju, f’ħoss jew f’immaġini (37).

46.      Għalhekk, informazzjoni inkluża f’nota interna dwar fatti bħall-isem, id-data tat-twelid, in-nazzjonalità, is-sess, l-etniċità, ir-reliġjon u l-lingwa ta’ applikant hija “data personali” fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 95/46.

47.      Għar-rigward tat-tieni domanda, jiena ma nqisx li analiżi legali hija data personali.

48.      Din ma hijiex l-ewwel darba li saret domanda dwar aċċess għal analiżi jew parir legali lill-Qorti tal-Ġustizzja (38). Madankollu, f’dawk il-każijiet, jidher li l-aċċess kien mitlub għal raġunijiet oħra (39). Il-Qorti tal-Ġustizzja ma kinitx meħtieġa teżamina jekk u għalfejn dokument li jinkludi analiżi jew parir legali huwa differenti minn wieħed li għandu kontenut differenti.

49.      Filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tevita li jsir dan l-istħarriġ hawnhekk, jien ma naħsibx li huwa neċessarju li tiġi pprovduta definizzjoni eżawrjenti ta’ “data personali”, “analiżi legali” jew ta’ xi forma oħra ta’ analiżi (40). Huwa biżżejjed li wieħed jiffoka fuq jekk l-analiżi legali inkluża fin-nota interna hijiex data personali.

50.      Fil-fehma tiegħi, dan ma huwiex il-każ inkwistjoni.

51.      Jien niddistingwi bejn tliet tipi ta’ analiżi legali, li waħda minnhom biss tidher li hija tat-tip inkluż fin-nota interna.

52.      L-ewwel tip huwa purament astratt: dan jikkonċerna l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-liġi mingħajr l-użu ta’ informazzjoni dwar persuna identifikabbli jew identifikata jew tipi oħra ta’ fatt. Għaldaqstant, id-Direttiva 95/46 ma tapplikax għal analiżi legali tat-tifsira ta’ “data personali” f’dik id-direttiva għaliex dik l-analiżi ma għandhiex x’taqsam ma’ persuna identifikata jew identifikabbli.

53.      It-tieni tip huwa inqas astratt peress li juża fatti illustrattivi. Madankollu, dawk il-fatti ma għandhomx x’jaqsmu ma’ persuna partikolari identifikata jew identifikabbli jew ma’ avveniment partikolari. Din it-tip ta’ analiżi legali għalhekk taqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 95/46.

54.      It-tielet tip jinvolvi l-klassifikazzjoni legali ta’ fatti li għandhom x’jaqsmu ma’ persuna identifikata jew identifikabbli (jew ma’ avveniment li jinvolvi tali persuni) u l-evalwazzjoni tagħhom fl-isfond tal-liġi applikabbli. L-analiżi legali li għaliha Y.S., M. u S. qegħdin jitolbu aċċess hija ta’ dan it-tielet tip.

55.      Jiena mhux konvinta li l-espressjoni “kull data li jkollha x’taqsam ma’ persuna naturali indentifikata jew identifikabbli” fid-Direttiva 95/46 għandha tiġi interpretata b’mod daqshekk wiesa’ biex tkopri l-kontenut kollu li jista’ jiġi kkomunikat li fih ikunu integrati elementi fattwali li għandhom x’jaqsmu ma’ suġġett tad-data.

56.      Fil-fehma tiegħi, hija biss informazzjoni li għandha x’taqsam ma’ fatti dwar individwu li tista’ tkun data personali. Ħlief għall-fatt li teżisti, analiżi legali ma hijiex tali fatt. Għalhekk, pereżempju, indirizz ta’ persuna huwa data personali imma l-analiżi tad-domiċilju tiegħu għal finijiet legali ma huwiex.

57.      F’dan il-kuntest, jien ma nsibx li jkun utli li wieħed jiddistingwi bejn fatti “oġġettivi” u analiżi ‘suġġettiva’. Il-fatti jistgħu jkunu espressi f’forom differenti, b’uħud minnhom li ser jirriżultaw minn evalwazzjoni ta’ kull ma huwa identifikabbli. Pereżempju, il-piż ta’ persuna jista’ jkun espress b’mod oġġettiv f’kilos jew f’termini suġġettivi bħal “taħt il-piż“ jew “obeż”. Għalhekk, jien ma neskludix il-possibbiltà li evalwazzjonijiet jew opinjonijiet xi kultant jistgħu jiġu kklassifikati bħala data.

58.      Madankollu, l-istadji fil-motivazzjoni li biha tintlaħaq il-konklużjoni li persuna hija “taħt il-piż” jew “obeża” ma humiex fatt, iktar minn kemm hija analiżi legali.

59.      Analiżi legali hija r-raġunament sottostanti r-riżoluzzjoni ta’ kwistjoni ta’ dritt. Ir-riżoluzzjoni nnifisha tista’ tkun fil-forma ta’ parir, opinjoni jew deċiżjoni (u għalhekk tista’ tkun jew ma tkunx, legalment vinkolanti). Apparti mill-fatti li fuqha tkun ibbażata (li wħud minnhom jistgħu jkunu data personali), din l-analiżi tinkludi l-ispjegazzjoni għar-riżoluzzjoni. L-ispjegazzjoni nnifisha ma hijiex informazzjoni dwar persuna identifikata jew identifikabbli. L-iktar l-iktar, tista’ tkun ikklassifikata bħala informazzjoni dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-liġi rilevanti li fir-rigward tagħha l-pożizzjoni legali ta’ persuna tiġi evalwata u (possibbilment) deċiża. Data personali u elementi oħra ta’ fatt jistgħu tabilħaqq ikunu elementi fil-proċess li jwasslu biex tiġi mwieġba dik id-domanda; iżda dan ma jagħmilx l-analiżi legali minnha nnifisha data personali.

60.      Barra minn hekk, persuna hija intitolat għal aċċess għad-data personali għax għandha interess fil-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tiegħu, b’mod partikolari, id-dritt għall-privatezza tiegħu, meta Stati Membri jipproċessaw informazzjoni li tikkonċernaha (41). Li jinċaħad aċċess għad-data pproċessata jew għal informazzjoni dwar dak il-proċess jirrendi ineffettivi partijiet oħra tad-Direttiva 95/46. Jista’ ma jkunx possibbli li tivverifika, per eżempju, jekk data personali tiġix ipproċessata biss jekk ikun neċessarju li jitwettaq kompitu fl-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali vestita fil-kontollur (42), jew li tinkiseb ir-rettifika jew it-tħassir ta’ dik id-data (43). B’kuntrast ma’ dan, l-analiżi legali bħala tali ma taqax fi ħdan l-isfera tad-dritt tal-individwu għall-privatezza. Għalhekk ma hemm l-ebda raġuni għalfejn wieħed jassumi li dak l-individwu huwa stess unikament kwalifikat biex jivverifikaha u jirrettifikaha u jitlob li tiġi mħassra jew imblokkata (44). Pjuttost, hija awtorità ġudizzjarja indipendenti li għandha tistħarreġ id-deċiżjoni li għaliha dik l-analiżi legali kienet ippreparata.

61.      Għal dawn ir-raġunijiet, jiena nieħu l-pożizzjoni li d-Direttiva 95/46 ma teħtieġx li l-Istati Membri jagħtu aċċess għal tali analiżi legali meta tkun inkluża f’dokument intern, bħal nota interna, li tinkludi data personali, peress li tali analiżi legali ma hijiex fiha nnifisha data personali.

62.      L-analiżi legali hija forma ta’ pproċessar jew skedar koperta bid-Direttiva 95/46?

63.      Ma naħsibx. Pjuttost, huwa proċess ikkontrollat għal kollox minn intervent uman individwali li permezz tiegħu data personali (sa fejn hija rilevanti għall-analiżi legali) tiġi evalwata, ikklassifikata f’termini legali u suġġetta għall-applikazzjoni tal-liġi, u li permezz tagħha tittieħed deċiżjoni dwar kwistjoni ta’ dritt. Barra minn hekk, dak il-proċess la hu awtomatiku u lanqas huwa maħsub għall-iskedar ta’ data (45).

64.      L-ipproċessar jinvolvi “kull operazzjoni jew sett ta’ operazzjonijiet” li jsiru fuq dik id-data personali minn entità identifikata fid-Direttiva 95/46. L-użu tal-kliem “bħalma huma” fl-Artikolu 2(b) jissuġġerixxi li l-lista ta’ operazzjonijiet ma hijiex eżawrjenti (46); iżda tindika wkoll it-tip ta’ operazzjoni li tikkostitwixxi “ipproċessar”. Per eżempju, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-tqegħied ta’ data personali fuq paġna tal-internet huwa kopert (47). Il-lista tinkludi wkoll “l-adattament” u l-“użu” ta’ data personali, mingħajr ma jiġi speċifikat l-għan ta’ dawn l-azzjonijiet (għalkemm uħud mill-eċċezzjonijiet għal kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 95/46 jidher li huma ddefiniti b’riferiment għall-għan tal-ipproċessar) (48). L-ipproċessar jista’ jinvolvi wkoll il-qabda, it-trażmissjoni, il-manipulazzjoni, l-irreġistrar, il-ħażna jew il-komunikazzjoni ta’ data ta’ ħoss jew immaġini (49).

65.      Kif naraha jien, dawn l-azzjonijiet kollha jinvolvu azzjoni li tittieħed fir-rigward ta’ data personali, imma mingħajr l-evalwazzjoni ta’ dik id-data li hija inevitabbli fl-analiżi legali. L-istess japplika għall-kunċett ta’ skedar.

66.      Anki li kieku kienet ikkunsidrata bħala forma ta’ pproċessar, analiżi legali la hija awtomatika u lanqas hija fil-forma ta’ sistema ta’ skedar manwali. Jien ngħid ukoll li, fi kwalunkwe każ, l-Artikolu 12 tad-Direttiva 95/46 joffri bażi għal aċċess għal data personali bħala tali imma mhux għall-ipproċessar tagħha jew għall-forma proċessata tagħha.

 3.     Il-kamp ta’ applikazzjoni għad-dritt ta’ aċċess skont id-Direttiva 95/46 (it-tielet domanda fil-Kawża C‑141/12)

67.      Bit-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑141/12 tistaqsi jekk għandux jingħata aċċess, konformi mal-Artikolu 12 tad-Direttiva 95/46 u l-Artikolu 8(2) tal-Karta (50), għad-“data msemmija iktar ’il fuq” jekk tiġi aċċettata mill-Qorti tal-Ġustizzja li hija data personali.

68.      Fil-fehma tiegħi t-tweġiba tista’ tkun biss “iva”, sakemm tali aċċess ma jkunx limitat jew eżentat konformi mal-Artikolu 13 tad-Direttiva 95/46.

 4.     Forma ta’ aċċess (il-ħames domanda fil-Kawża C‑141/12 u l-ewwel u t-tieni domandi fil-Kawża C‑372/12)

69.      Iż-żewġ qrati tar-rinviju jistaqsu jekk id-Direttiva 95/46 teħtieġx li tingħata kopja tan-nota interna lil persuni li jitolbu aċċess għaliha.

70.      Il-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑372/12 tinvoka wkoll l-Artikolu 8(2) tal-Karta f’dan il-kuntest. Filwaqt li l-Artikolu 8 tal-Karta kien ifformulat fl-isfond ta’, fost l-oħrajn, id-Direttiva 95/46, dan jistabbilixxi dritt separat għall-protezzjoni ta’ data personali (51). Madankollu, dan ma jistipulax b’mod ċar standard separat li jirregola l-forma li biha l-aċċess għandu jsir disponibbli. Meta moqrija flimkien mal-prinċipju ta’ proporzjonalità u ta’ ċertezza legali, jiena ninterpreta l-Artikolu 8(2) tal-Karta fis-sens li ma hemmx il-bżonn li l-aċċess imur lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex jintlaħqu l-għanijiet tiegħu u biex is-suġġett tad-data jingħata għarfien sħiħ tad-data personali li hija protetta skont dik id-dispożizzjoni. L-obbligu stabbilit fl-Artikolu 12 tad-Direttiva 95/46 jirrigwardja dawk il-prinċipji. Għal din ir-raġuni, jien ma nqisx li huwa neċessarju stħarriġ separat dwar il-forma ta’ aċċess skont l-Artikolu 8 tal-Karta.

71.      Id-Direttiva 95/46 ma tistabbilixxix dritt ta’ aċċess għal xi jew kull dokument jew fajl fejn tkun elenkata jew użata data personali. Din lanqas ma tirristinġi l-forma materjali li biha data personali, fir-rigward ta’ liema hija tiggarantixxi aċċess, trid issir aċċessibbli.

72.      Pjuttost, din tipprovdi li d-data li qiegħda tiġi pproċessata u kwalunkwe informazzjoni disponibbli dwar is-sorsi tad-data trid tiġi kkomunikata lis-suġġett tad-data “b’mod li tinfthiem” (52).

73.      Skont iċ-ċirkustanzi, kopja tista’ la tkun neċessarja u lanqas suffiċjenti.

74.      Id-Direttiva 95/46 ma teħtieġx li data personali koperta bid-dritt ta’ aċċess issir disponibbli fil-forma materjali li biha hija teżisti jew li biha kienet inizjalment irreġistrata. F’dak ir-rigward jiena nqis li Stat Membru għandu marġini kunsiderevoli ta’ diskrezzjoni biex jistabbilixxi (53), ibbażata fuq iċ-ċirkustanzi individwali tal-każ, il-forma li biha jagħmel id-data personali aċċessibbli.

75.      Meta jagħmel din l-evalwazzjoni, Stat Membru għandu jagħti qies, b’mod partikolari ta’: (i) il-forma/forom materjali li fihom teżisti l-informazzjoni u tista’ ssir disponibbli għas-suġġett tad-data (ii) it-tip ta’ data personali u (iii) l-għanijiet tad-dritt ta’ aċċess.

76.      L-ewwel nett, data personali tista’ teżisti f’diversi forom. Pereżempju, data rreġistrata f’intervista, u sussegwentement maħżuna, tista’ teżisti bħala awdjotejp, file elettroniku li jinkludi r-reġistazzjoni jew traskrizzjoni bil-miktub. Għalhekk, jekk id-data personali toriġina minn intervista, l-Artikolu 12 tad-Direttiva 95/46 ma jippreskrivix jekk id-data għandhiex tkun disponibbli fil-forma tal-awdjotejp, tal-fajl li jinkludi r-reġistrazzjoni, tat-traskrizzjoni jew ta’ medium ieħor. Tkun liema tkun il-forma magħżula, madankollu, din għandha ssir disponibbli f’forma fiżika li sservi fit-tul u li hija kapaċi tippreżenta sett komplut ta’ data personali.

77.      It-tieni nett, l-Artikolu 12 tad-Direttiva 95/46 jiggarantixxi aċċess lil suġġett tad-data għad-data personali tiegħu jew tagħha li tkun qegħda tiġi pproċessata imma mhux għal xi informazzjoni oħra, inkluż dik dwar xi suġġett tad-data ieħor. Għal din ir-raġuni, kumpilazzjoni tad-data personali elenkata (pereżempju) f’dokument separat jew f’kopja tan-nota interna li fiha kull kontenut li ma huwiex data personali jiġi mħassar jew isir inaċċessibbli t-tnejn li huma jridu jkunu forom validi ta’ għoti ta’ aċċess. Imma dokument li ma jelenka xejn iktar minn dati u ħinijiet ta’ telefonati magħmula min-numru tat-telefon ċellulari tal-individwu jista’ jkun hemm għalfejn isir aċċessibbli b’mod sħiħ peress li forom oħra ta’ kif tiġi ppreżentata dik l-informazzjoni jistgħu ma jkunux prattikabbli jew immaġinabbli.

78.      It-tielet nett, id-data kkomunikata għandha tippermetti lis-suġġett tad-data li jkun jaf u li jifhem il-kontenut tagħha, u, fejn neċessarju, li jeżerċita d-drittijiet stipulati fl-Artikolu 12(b) u (ċ) tad-Direttiva 95/46 kif ukoll, pereżempju, id-dritt tiegħu li joġġezzjona li d-data personali tiegħu tkun ipproċessata (l-Artikolu 14) u d-dritt tiegħu ta’ azzjoni fejn huwa jsofri danni (l-Artikoli 22 u 23) (54). Għalhekk, id-data trid tkun f’forma li tippermetti lis-suġġett tad-data, pereżempju, li jikkonsultaha u jifhimha, jivverifika l-eżattezza tagħha u l-legalità tal-ipproċessar, jitlob li jsiru korrezzjonijiet u possibbilment joġġezzjona għal proċessar ulterjuri (55). Il-forma ta’ aċċess għalhekk hija wkoll funzjoni tad-drittijiet li s-suġġett tad-data jipprova jeżerċita.

79.      Għalhekk, il-fatt li data personali tkun inkluża f’dokument bħal nota interna ma jfissirx li s-suġġett tad-data awtomatikament għandu dritt għal dik il-forma materjali, jiġifieri, kopja jew estratt ta’ dak id-dokument.

 5.     Restrizzjonijiet u eċċezzjonijiet (is-sitt domanda fil-Kawża C‑372/12)

80.      Jien tal-fehma li d-Direttiva 95/46 ma tipprovdix bażi biex wieħed jitlob aċċess għal analiżi legali inkluża f’nota interna. Għalhekk ma hemmx bżonn li wieħed jiġġustifika rifjut għall-għoti ta’ aċċess skont l-Artikolu 13 ta’ dik id-direttiva.

81.      Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx ma’ dan u ssostni li d-Direttiva 95/46, (u b’mod partikolari l-Artikolu 12) japplika, l-interess li jkun iggarantit skambju ta’ opinjonijiet mhux imfixkel fi ħdan awtorità jaqa’ fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tal-espressjoni “il-protezzjoni … tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ l-oħrajn” fl-Artikolu 13(1)(g)? Alternattivament, jista’ dan l-interess jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 13(1)(d) jew (f)?

82.      Fil-fehma tiegħi, it-tweġiba għaż-żewġ domandi hija “le”.

83.      L-Artikolu 13(1) jinkludi lista eżawrjenti ta’ raġunijiet li jistgħu jiġġustifikaw miżura li tirrestrinġi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligi u drittijiet stabbiliti f’sett limitat ta’ dispożizzjonijiet tad-Direttiva 95/46, inkluż l-Artikolu 12. Il-ġustifikazzjonijiet iridu jkunu bbażati fuq l-interess pubbliku jew fuq li jintlaħaq bilanċ xieraq bejn id-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data u ta’ persuni oħrajn.

84.      Għar-rigward tas-subparagrafu (g), il-protezzjoni ta’ drittijiet u libertajiet ta’ oħrajn (jiġifieri, minbarra s-suġġett tad-data), dan ma jistax jiġi interpretat bħala li jinkludi drittijiet u libertajiet tal-awtorità li tipproċessa data personali. Jekk analiżi legali għandha tkun ikklassifikata bħala data personali, dan għax tkun tirrigwardja l-interessi privati ta’ persuna identifikata jew identifikabbli. Filwaqt li l-interess pubbliku fil-protezzjoni ta’ parir intern sabiex tiġi ssalvagwardjata l-kapaċità tal-amministrazzjoni li teżerċita l-funzjonijiet tagħha jista’ tabilħaqq jikkompeti mal-interess pubbliku fit-trasparenza, l-aċċess għal tali parir ma jistax ikun limitat abbażi tal-ewwel minn dawk iż-żewġ interessi, peress li l-aċċess ikopri biss dak li jaqa’ fi ħdan l-interess privat.

85.      Għar-rigward tal-Artikolu 13(1)(d) u (f), jien ma nara ebda raġuni għalfejn ma naqbilx mal-aċċettazzjoni tal-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi li ma hemm l-ebda konnessjoni bejn ir-restrizzjonijiet ta’ aċċess u l-interessi protetti hemmhekk.

 D –   Aċċess għad-data personali skont l-Artikolu 41 tal-Karta (ir-raba’ domanda fil-Kawża C‑141/12 u t-tielet u r-raba’ domandi fil-Kawża C‑372/12)

86.      Konformi mal-Artikolu 51(1) tal-Karta, il-Karta hija intiża għall-Istati Membri biss meta jkunu qed jimplimentaw il-liġi tal-Unjoni. Fi kliem ieħor, jekk japplika d-dritt tal-UE, tapplika l-Karta (56). Din il-limitazzjoni tapplika irrispettivament minn xi limitazzjoni ulterjuri inkorporata f’xi dispożizzjoni partikolari tal-Karta.

87.      Fil-kawżi preżenti, il-Karta tapplika għax id-deċiżjonijiet rilevanti kienu ttieħdu wara d-dħul fis-seħħ tagħha fl-1 ta’ Diċembru 2009 u, kif kien ikkonfermat mill-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi waqt is-smigħ, b’mod konformi ma’ liġi nazzjonali li implementat id-dritt tal-UE.

88.      Minkejja din il-konklużjoni, jiena nqis li l-Artikolu 41 tal-Karta ma jistax japplika fil-kuntest tal-kawżi preżenti, peress li dan jistabbilixxi d-drittijiet li għandhom jiġu invokati kontra istituzzjonijiet Ewropej (u għalhekk jikkonċerna l-obbligi relattivi għal dawn tal-aħħar) filwaqt li l-kawżi preżenti jikkonċernaw data personali u informazzjoni oħra miżmuma minn Stat Membru.

89.      Il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Cicala kkonfermat din l-interpretazzjoni fir-rigward tal-Artikolu 41(2)(ċ) tal-Karta, li jistabbilixxi l-obbligu ta’ motivazzjoni (57). Filwaqt li l-Artikolu 41(2) fih innifsu ma jagħmilx riferiment għall-istituzzjonijiet tal-UE, dan jiddefinixxi, bl-użu tal-frażi introduttiva “[d]an id-dritt jinkludi”, id-destinatarji tal-obbligi li jistabbilixxi. Din l-espressjoni tinkludi rinviju inekwivoku għad-dritt fl-Artikolu  41(1) li għandu jiġi invokat kontra “l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-organi ta’ l-Unjoni”.

90.      Id-dikjarazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza M.M. (58) li l-Artikolu 41(2) huwa ta’ applikazzjoni ġenerali ma tikkontradixxix is-sentenza Cicala. Il-punti 82 sa 84 tas-sentenza M.M., meta jinqraw flimkien, pjuttost jagħtuni x’nifhem li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet qegħda tiffoka fuq is-sustanza tad-dritt għal smigħ u min jista’ jinvokah (59); u hija u tagħmel dan il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat kemm l-kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ ħafna ta’ dak id-dritt u l-post li dan ilu li għandu fl-ordinament ġuridiku tal-UE.

91.      Ir-risposta għat-tielet domanda fil-Kawża C‑372/12 għalhekk trid tkun ‘le’ u għaldaqstant ma huwiex iktar neċessarju li tiġi mwieġba r-raba’ domanda f’dak il-każ.

92.      Fl-aħħar nett, jien diġà spjegajt għalfejn inqis li ma jkunx xieraq għall-Qorti tal-Ġustizzja li tespandi l-kamp ta’ applikazzjoni tar-rinviju preżenti sabiex jiġu mwieġba domandi dwar id-dritt ta’ aċċess għall-fajl u l-obbligu ta’ motivazzjoni, fejn leġiżlazzjoni sekondarja jew dispożizzjonijiet oħrajn tal-Karta, b’mod partikolari l-Artikolu 47, jistgħu japplikaw. Tali domandi jistgħu jkunu jew ma jkunux rilevanti għal sitwazzjonijiet bħal dawk li taw lok għar-rinviji preżenti. In-nuqqas ta’ xi indikazzjoni li dawn il-kwistjonijiet tqajhmu debitament quddiem il-qorti nazzjonali, flimkien ma’ nuqqas ta’ trattazzjoni dwarhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jagħmluha essenzjali li r-risposti mogħtija minn din tal-aħħar ikunu limitati għall-kwistjoni ta’ aċċess għal data personali (60).

 V –   Konklużjoni

93.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjoni ta’ hawn fuq, jiena tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha twieġeb id-domandi mressqa mir-Rechtbank Middelburg u r-Raad van State kif ġej:

(1)      Fatti dwar persuna naturali identifikati jew identifikabbli huma “data personali” fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi [persuni fiżiċi] fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data. Madankollu, il-motivazzjoni sottostanti r-riżoluzzjoni ta’ kwistjoni ta’ dritt – li tinvolvi l-klassifikazzjoni ta’ fatti dwar persuna identifikata jew identifikabbli u l-evalwazzjoni tagħhom fl-isfond tal-liġi applikabbli – ma hijiex koperta bid-definizzjoni ta’ “data personali” f’dik id-direttiva. Id-Direttiva 95/46 għalhekk ma teħtieġx li l-Istati Membri jagħtu aċċess għal tali analiżi legali meta tkun inkluża f’dokument intern li jkun jinkludi wkoll data personali.

(2)      Konformi mal-Artikolu 12 tad-Direttiva 95/46, irid jingħata aċċess għal data li tkun koperta bid-definizzjoni ta’ “data personali” f’dik id-direttiva, sakemm tali aċċess ma jkunx limitat jew eżentat bl-Artikolu 13 ta’ dik id-direttiva.

(3)      Id-Direttiva 95/46 ma tistabbilixxix dritt ta’ aċċess għal xi dokument jew fajl speċifiku li fih tkun elenkata jew użata data personali. Lanqas ma tispeċifika l-forma materjali li biha d-data personali għandha ssir aċċessibbli. Skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva 95/46, l-Istati Membri jgawdu minn marġni ta’ diskrezzjoni kunsiderevoli sabiex jistabbilixxu l-forma li biha d-data personali ssir disponibbli. Meta jagħmlu din l-evalwazzjoni, l-Istati Membri għandhom iqisu, b’mod partikolari, (i) il-forma (forom) materjali li biha l-informazzjoni teżisti u tista’ ssir disponibbli għas-suġġett tad-data, (ii) it-tip ta’ data personali u (iii) l-għanijiet tad-dritt ta’ aċċess.

(4)      Il-protezzjoni ta’ drittijiet u libertajiet ta’ oħrajn fis-sens tal-Artikolu 13(1)(g) tad-Direttiva 95/46 ma jinkorporax id-drittijiet u l-libertajiet tal-awtorità li tipproċessa d-data personali. Lanqas ma hemm xi konnessjoni bejn l-interess fi skambju intern mhux imfixkel ta’ opinjonijiet fi ħdan l-awtorità pubblika u l-interessi protetti skont l-Artikolu 13(1)(d) jew (f) ta’ din id-direttiva.

(5)      L-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tistabbilixxi drittijiet li jistgħu jkunu invokati kontra istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-UE u għalhekk ma jistgħux japplikaw għal data personali u informazzjoni oħra miżmuma minn Stat Membru.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – Ara l-punt 17 iktar ’l isfel.


3 – Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi [persuni fiżiċi] fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355), kif emendata f’ċerti aspetti bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ Settembru 2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 447). Regoli separati dwar l-ipproċessar ta’ data personali fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali wieħed jista’ jsibhom fid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI, tas-27 ta’ Novembru 2008, dwar il-protezzjoni ta’ data personali pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali (ĠU 2008 L 350, p. 60). Fil-preżent għaddej xogħol fuq regolament ġdid dwar il-protezzjoni ta’ data ġenerali (ara KUM(2012) 11 finali).


4 – Ara wkoll il-premessa 10 tad-Direttiva 95/46.


5 – Din id-definizzjoni jidher li ttieħdet minn definizzjoni identika fl-Artikolu 2(a) tal-Konvenzjoni tal-1981 dwar il-Protezzjoni ta’ Individwi fir-rigward ta’ Ipproċessar Awtomatiku ta’ Data Personali (ETS 108), li għaliha l-Istati Membri kollha huma parti.


6 – Ara wkoll il-premessa 15 tad-Direttiva 95/46.


7 – Ara wkoll il-premessa 41 tad-Direttiva 95/46.


8 – Ara wkoll il-premessa 42 tad-Direttiva 95/46.


9 – Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2000, dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dak id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 26, p. 102).


10 – Ara l-Artikolu 2(a) u (b) tar-Regolament Nru 45/2001.


11 – Ara l-Artikolu 13(ċ) tar-Regolament Nru 45/2001.


12 – Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).


13 – Deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, tal-11 ta’ Diċembru 2012, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti miżmuma mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet amministrattivi tagħha (ĠU 2013 C 38, p. 2).


14 – Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament Nru 1049/2001; l-Artikolu 3(1)(b) tad-Deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.


15 – It-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001; it-tieni inċiż tal-Artikolu 3(2), tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.


16 – Artikolu 1(a) tal-Wbp.


17 – Artikolu 2(1) tal-Wbp.


18 – Artikolu 35 tal-Wbp.


19 – Eżempji ta’ noti interni ġew ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kors tal-proċedura bil-miktub fil-Kawża C‑141/12.


20 – Ara, pereżempju,is- sentenzi tal-15 ta’ Lulju 2004, Lindfors (C‑365/02, Ġabra p. I‑7183, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tal-10 ta’ Ottubru, 2013, Alokpa et (C‑86/12, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).


21 – Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, Y.S. u M. u S. espliċitament jagħmlu riferiment għad-Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE, tal-1 ta’ Diċembru 2005, dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ rifuġjat (ĠU ĠU L 175M, p. 168), li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tagħha jistipula: “[l]-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li, fejn applikazzjoni [għal ażil] tiġi miċħuda, ir-raġunijiet ta’ fatt u ta’ dritt jiġu dikjarati fid-deċiżjoni u tiġi mogħtija bil-miktub informazzjoni dwar kif tiġi kontestata deċiżjoni negattiva”. It-tieni subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni jistipula li, f’ċirkustanzi fejn l-applikant ma jingħatax status ta’ refuġjat iżda jingħata l-istess drittijiet u benefiċċji taħt il-liġijiet nazzjonali tal-UE taħt id-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE, tad-29 ta’ April 2004, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadin nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 96), l-Istati Membri ma humiex meħtieġa li jiddikjaraw ir-raġunijiet għal dik id-deċiżjoni, iżda jridu “jiżguraw li r-raġunijiet għar-rifjut li jingħata l-istatus ta’ refuġjat jiġu dikjarati fil-fajl ta’ l-applikant u li l-applikant ikollu, fuq it-talba tiegħu, aċċess għall-fajl tiegħu”.


22 – Pereżempju, ċirkustanzi li jinbidlu jistgħu jistabbilixxu jekk deċiżjoni hux se tiġi mġedda jew irtirata.


23 – Ara sentenza tat-28 ta’ Lulju 2010, Samba Diouf (C‑69/10, Ġabra p. I‑7151, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).


24 – Ara sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2013, ZZ (C‑300/11, punt 53).


25 – Ara l-punt 60 hawn taħt.


26 – Ara l-punt 17 iktar ’il fuq.


27 – Artikolu 3(1) tad-Direttiva 95/46.


28 – Ara, pereżempju, il-premessa 15 tad-Direttiva 95/46 u l-Artikolu 3(2) tagħha, li jipprovdi għal żewġ eċċezzjonijiet għall-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik id-direttiva.


29 – Ara t-tieni inċiż tal-Artikolu 12(a) tad-Direttiva 95/46.


30 – Ara, pereżempju, is-sentenzi tas-6 ta’ Novembru 2003, Lindqvist (C‑101/01, Ġabra I‑12971, punt 24); tal-20 ta’ Mejju 2003, Österreichischer Rundfunk et, (C‑465/00, C‑138/01 u C‑139/01 Ġabra p. I-4989, punt 64); tas-16 ta’ Diċembru 2008, Satakunnan Markkinapörssi u Satamedia (C‑73/07, Ġabra p. I‑9831, punti 35 u 37); tas-16 ta’ Diċembru 2008, Huber (C‑ 524/06, Ġabra p. I‑9705, punt 43); u tas-7 ta’ Mejju 2009, Rijkeboer (Kawża C‑553/07, Ġabra p. I‑3889, punt 62).


31 – Sentenza Lindqvist, iċċitata iktar ‘il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 30, punt 24.


32 – Sentenza Rijkeboer, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 30, punt 42.


33 – Sentenza tat-30 ta’ Mejju 2013, Worten (Kawża C‑342/12, punti 19 u 22).


34 – Sentenza Österreichischer Rundfunk et, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 30, punt 64. Ara wkoll it-tipi ta’ data inkwistjoni fis-sentenza Huber, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 30, punti 20 u 43.


35 –     Sentenza Satakunnan Markkinapörssi u Satamedia, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 30, punti 35 u 37.


36 – Ara, pereżempju, is-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2010, Volker u Markus Schecke u Eifert (C‑92/09 u C‑93/09, Ġabra p. I‑11063, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata); ara wkoll iktar reċenti, punt 118 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen ippreżentati fil-25 ta’ Ġunju 2013 fil-Kawża Google Spanja u Google (C‑131/12, pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja).


37 – Ara l-premessi 14 sa 17 tad-Direttiva 95/46.


38 – Ara, pereżempju, punt 24 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro ppreżentati fis-29 ta’ Novembru 2009, fil-Kawża L-Iżvezja u Turco vs Il-Kunsill (sentenza tal-1 ta’ Lulju 2008, C‑39/05 P u C‑52/05 P, Ġabra I‑4723) li japprova l-osservazzjoni tal-Qorti Ġenerali li “r-referenza għal ‘pariri legali” [fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001] ma tqajjem ebda diffikultà ta’ interpretazzjoni”. Każijiet oħra fejn intalab aċċess għal pariri legali tas-servizzi legali tal-istituzzjonijiet tal-UE jew għal dokumenti legali ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja jinkludu, pereżempju, is-sentenza tal-21 ta’ Settembru 2010, L-Iżvezja et vs API u Il-Kummissjoni (C‑514/07 P, C‑528/07 P u C‑528/07 P, Ġabra p. I‑8533). Ara wkoll punti 13 u 14 iktar ’il fuq.


39 – B’mod partikolari, it-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2), tar-Regolament Nru 1049/2001. Ara, punt 14 iktar ’il fuq.


40 – Ir-rikorrenti kkomparaw l-analiżi legali mat-trattament ta’ analiżi medika bħala data personali fl-Artikolu 29 tal-Konklużjonijiet 4/2007 tal-Grupp ta’ Ħidma dwar il-kunċett ta’ data personali (01248/07/EN WP 136). Dawk il-Konklużjonijiet, li ma humiex vinkolanti fuq il-Qorti tal-Ġustizzja, jittrattaw ir-riżultati ta’ analiżi medika bħala data personali. Dawn ma jiħdux pożizzjoni dwar l-analiżi medika nnifisha.


41 – Ara l-premessa 1 u l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 95/46.


42 – Ara l-Artikolu 7(e) tad-Direttiva 95/46.


43 – Ara l-Artikolu 12(ċ) tad-Direttiva 95/46.


44 – Ara, pereżempju, l-Artikolu 12(b) tad-Direttiva 95/46.


45 – Ara wkoll punt 146 tal-konklużjonijiet tiegħi tal-15 ta’ Ottubru 2009 fil-Kawża Il-Kummissjoni vs Bavarian Lager (sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2010, C‑28/08 P, Ġabra I‑6055), fejn jien issuġġerejt (fil-kuntest tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 45/2001) li “sekwenza ta’ operazzjonijiet bħal din, li fiha l-element individwali uman jilgħab parti daqshekk importanti u jżomm il-kontroll il-ħin kollu, ma għandux jiġi kkunsidrat bħala l-ʽipproċessar ta’ data personali [...] in parti b’mezzi awtomatiċiʼ”..


46 – L-“ipproċessar” ta’ data tfisser “kull operazzjoni jew sett ta’ operazzjonijiet li jsiru fuq data personali, b’mezzi awtomatiċi jew mingħajrhom, bħalma huma l-ġbir, reġistrazzjoni, organizzazzjoni, ħażna, adattament jew bdil, rkupru, konsultazzjoni, użu, żvelar bi trasmissjoni, tixrid jew li xort’oħra jagħmlu l-ipproċessar disponibbli jew jġibu allineament, taħlita, imblokk, tħassir jew distruzzjoni” (l-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 95/46).


47 – Sentenza Lindqvist, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 30, punt 25.


48 – Ara l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46/KEE.


49 – Ara l-premessa 14 tad-Direttiva 95/46; ara wkoll l-eżempji fil-punt 37 tas-sentenza Satakunnan Markkinapörssi u Satamedia, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 30 .


50 – Ara wkoll il-punt 70 iktar ’l isfel.


51 – Ara l-ispjegazzjoni għall-Artikolu 8 tal-Karta f’ĠU 2007 C 303, p. 17, li jagħmel riferiment ukoll għar-Regolament Nru 45/2001. Skont il-preambolu tagħhom, dawn l-ispjegazzjonijiet ma humiex liġi imma “mezz siewi ta’ interpretazzjoni intiż sabiex ikunu ċċarati d-dispożizzjonijiet tal-Karta”; u l-Artikolu 52(7) tal-Karta jistipula li dawn “għandhom jingħataw il-kunsiderazzjoni dovuta” mill-qrati tal-Unjoni u tal-Istati Membri. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “dawn għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-interpretazzjoni ta[l-Karta]”: ara s-sentenza tat-22 ta’ Mejju 2013, Sky Österreich (Kawża C‑283/11, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).


52 – It-tieni inċiż tal-Artikolu 12(a) tad-Direttiva 95/46.


53 – Ara s-sentenza Lindqvist, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 30, punt 84, fejn jintqal li “minn diversi aspetti, l-Istati Membri għandhom marġini ta’ manuvra fir-rigward tat-transpożizzjoni tad-Direttiva 95/46”.


54 – Sentenza Rijkeboer, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-pagna 30, punti 51 u 52.


55 – Ara wkoll il-premessi 25 u 41 tad-Direttiva 95/46.


56 – Sentenza tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson (C‑617/10, punti 20 u 21), kif ġie kkonfermat reċentement bis-sentenza tas-26 ta’ Settembru 2013, TEXDATA Software (C‑418/11, punt 73).


57 – Sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011 (Kawża C‑482/10, Ġabra p. I‑14139, punt 28).


58 – Sentenza tat-22 ta’ Novembru 2012 (Kawża C‑277/11, punt 84).


59 – Ara wkoll punt 32 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot tas-26 ta’ April 2012 fil-kawża M.M., iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 58 .


60 – Ara l-punti 34 sa 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet.