Language of document : ECLI:EU:T:2015:1003

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

17 ta’ Frar 2015 (*)

“Għajnuna mill-Istat — Għajnuna mogħtija minn Franza lil Sernam SCS — Għajnuna għar-ristrutturazzjoni u rikapitalizzazzjoni, garanziji u rinunzja tal-krediti mill-SNCF fil-konfront ta’ Sernam — Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern — Applikazzjoni abbużiva tal-għajnuna — Irkupru — Kontinwità ekonomika — Kriterju ta’ investitur privat”

Fil-Kawża T‑242/12,

Société nationale des chemins de fer français (SNCF), stabbilita f’Pariġi (Franza), irrappreżentata minn P. Beurier, O. Billard u V. Landes, avukati,

rikorrenti,

sostnuta minn

Ir-Repubblika Franċiża, inizjalment irrappreżentata minn D. Colas u J. Gstalter, sussegwentement minn D. Colas u J. Rossi u fl-aħħar minn D. Colas u J. Bousin, bħala aġenti,

intervenjenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn T. Maxian Rusche u B. Stromsky, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Mory SA, fi stralċ, stabbilita f’Pantin (Franza),

u

Mory Team, fi stralċ, stabbilita f’Pantin,

irrappreżentati minn B. Vatier u F. Loubières, avukati,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/398/UE, tad-9 ta’ Marzu 2012, dwar l-għajnuna mill-Istat SA. 12522 (C 37/08) – Franza – L-Applikazzjoni tad-Deċiżjoni “Sernam 2” (ĠU L 195, p. 19),

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla),

komposta minn M. van der Woude, President, I. Wiszniewska-Białecka u I. Ulloa Rubio (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: S. Bukšek Tomac, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tat‑12 ta’ Frar 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1.     Fuq ir-rikorrenti u Sernam fiż-żmien meta seħħew il-fatti

1        Wara li twaqqfet fl-1938 bi statut ta’ kumpannija pubblika ta’ responsabbiltà limitata, is-Société nationale des chemins de fer (SNCF) (iktar ’il quddiem l-“SNCF” jew ir-“rikorrenti” saret stabbiliment pubbliku industrijali u kummerċjali (EPIC) b’effett mill‑1 ta’ Jannar 1983, b’applikazzjoni tal-Liġi 82-1153, tat‑30 ta’ Diċembru 1982, dwar it-trasport intern. Il-kapital kollu (magħmul minn allokazzjoni mill-Istat u mhux minn azzjonijiet) huwa tal-Istat.

2        Sa mit-twaqqif tagħha fl-1970 mir-rikorrenti bħala dipartiment intern, l-attivitajiet tal-impriża Sernam jikkonsistu f’servizzi ta’ kunsinna tal-posta u ta’ trasport espress ta’ pakketti u ta’ paletti.

3        Fl-1993, riorganizzazzjoni wasslet għat-twaqqif ta’ Sernam Domaine u tas-sussidjarja tagħha Sernam Transport SA. Sernam Domaine baqgħet dipartiment intern tal-SNCF filwaqt li Sernam Transport ġiet stabbilita bħala sussidjarja 100 % tal-SNCF li min-naħa tagħha kellha 24 kumpannija sussidjarja li permezz tagħhom hija kienet teżerċita l-attivitajiet tagħha tat-trasport bit-triq.

4        Fl-1 ta’ Frar 2000, Sernam Domaine ġiet ittrasformata fi sħubija b’responsabbiltà limitata Sernam SCS, b’personalità ġuridika distinta u sussidjarja 100 % tal-SNCF. Sernam SCS kellha b’mod partikolari t-titoli ta’ ekwità ta’ Sernam Transport, li saret sussidjarja 100 % tagħha.

5        F’Diċembru 2001, Sernam SCS saret Sernam SA. Fl-2005, Sernam SA kellha 10 kumpanniji sussidjarji operattivi kif ukoll kumpannija għat-trasport bit-triq, Sernam Transport Route (li qabel kienet Sernam Transport).

2.     Fuq id-Deċiżjoni Sernam 1

6        Permezz tad-Deċiżjoni tagħha NN 122/00 (ex N 140/00) tat‑23 ta’ Mejju 2001 (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Sernam 1”), il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ikkunsidrat li l-miżuri ta’ assistenza kummerċjali u ta’ rkupru ta’ Sernam SCS introdotti mir-rikorrenti u li kellhom isiru bejn il-bidu tal-2001 u l-aħħar tal-2004 kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-istat kompatibbli mat-Trattat KE. L-ammont totali tagħhom kien ta’ EUR 503 miljun. Hija wkoll “jiddispjaċiha li [r-Repubblika Franċiża] implementat l-għajnuna inkwistjoni, bi ksur tal-Artikolu 88(3) tat-Trattat” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

7        L-għajnuna ta’ EUR 503 miljun ġiet awtorizzata b’mod partikolari abbażi tal-impenn tar-Repubblika Franċiża fuq il-fatt li l-impriża kienet mibjugħa. Fil-fatt, 60 % tal-kapital ta’ SCS Sernam kellu jiġi akkwistat mill-ġdid minn Geodis SA. B’hekk, Geodis SA kellha ssir kompletament responsabbli tad-dejn li kellha Sernam SCS, mingħajr ebda limiti, u kellha tkopri l-ispejjeż addizzjonali tar-ristrutturazzjoni sa massimu ta’ EUR 67 miljun. Min-naħa tagħha, Sernam SCS impenjat ruħha biex tnaqqas l-għadd ta’ siti tal-operat tagħha minn 107 għal 72 fuq perijodu li jkopri mill-1999 sal-2004, biex tnaqqas id-dħul mill-bejgħ tagħha bi 18 %, biex tnaqqas il-persunal u biex twettaq ir-ristrutturazzjoni bil-baġit imsemmi iktar ’il fuq u fiż-żmien stipulat.

3.     Fuq id-Deċiżjoni Sernam 2

8        Permezz tal-ittra tas-17 ta’ Ġunju 2002, l-awtoritajiet Franċiżi informaw lill-Kummissjoni li l-għajnuna approvata bid-Deċiżjoni Sernam 1 kienet ġiet implementata b’kundizzjonijiet differenti minn dawk li abbażi tagħhom ħadet id-deċiżjoni tagħha l-Kummissjoni.

9        Permezz ta’ ittra tat-30 ta’ April 2003, il-Kummissjoni informat lir-Repubblika Franċiża li kienet iddeċidiet li tibda l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 88(2) KE fir-rigward ta’ din l-għajnuna [deċiżjoni li ġġib l-isem “Għajnuna mill-Istat – Franza – Stedina għall-preżentazzjoni ta’ osservazzjonijiet b’applikazzjoni tal-Artikolu 88(2) tat-Trattat KE dwar l-għajnuna C 32/03 (ex NN 122/2000) – ‘Sernam 2: Reviżjoni tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni’”, ĠU C 182, p. 2].

10      Il-Kummissjoni pproċediet b’analiżi ġdida tal-fajl kollu abbażi ta’ pjan komplut tar-ristrutturazzjoni aġġornat u li jirrifletti ċ-ċirkustanzi ġodda. Hija analizzat il‑fatti ġodda sabiex tikkonstata b’liema mod kienu jew ma kinux konformi mad-Deċiżjoni Sernam 1 u vverifikat b’liema mod din is-sitwazzjoni totalment ġdida tal-fatti, fil-ġurnata tad-deċiżjoni — meta mqabbla mad-Deċiżjoni Sernam 1 — kienet kompatibbli mal-Linji gwida Komunitarji dwar għajnuna tal-Istat biex jiġu salvati u ristrutturati ditti f’diffikultà (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 322), b’mod partikolari fid-dawl tal-prinċipju ta’ għajnuna ta’ darba biss.

11      Permezz tad-Deċiżjoni 2006/367/KE, tal-20 ta’ Ottubru 2004, dwar l-għajnuna mill-Istat implementata parzjalment minn Franza favur l-impriża Sernam (ĠU 2006, L 140, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Sernam 2”), il-Kummissjoni kkonkludiet li kien hemm nuqqas ta’ osservanza tad-Deċiżjoni Sernam 1, u dan kien jikkostitwixxi abbuż tal-għajnuna, skont it-tifsira tal-Artikolu 1(g) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [108 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), u tal-paragrafu 43 tal-Linji gwida Komunitarji dwar għajnuna tal-Istat biex jiġu salvati u ristrutturati ditti f’diffikultà.

12      Madankollu, hija kkonstatat li l-awtoritajiet Franċiżi kienu laħqu diversi mill-għanijiet tagħhom konformement mad-Deċiżjoni Sernam 1 u li l-għajnuna analizzata kienet tissodisfa l-kriterji tal-modifikazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni previst fil-punt 3.2.4 tal-Linji gwida Komunitarji dwar għajnuna tal-Istat biex jiġu salvati u ristrutturati ditti f’diffikultà. Il-Kummissjoni għalhekk ikkonfermat li l-għajnuna approvata bid-Deċiżjoni Sernam 1, ta’ massimu ta’ EUR 503 miljun, kienet kompatibbli mas-suq komuni b’kundizzjonijiet ġodda.

13      Hija kkonstatat ukoll li għajnuna addizzjonali ta’ EUR 41 miljun euro, ittrasferiti mir-rikorrenti lil Sernam u konsegwenza diretta tal-applikazzjoni abbużiva tal-għajnuna approvata bid-Deċiżjoni Sernam 1, għandha tiġi ddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni u rkuprata bl-interessi.

14      Id-dispożittiv finali tad-Deċiżjoni Sernam 2 jaqra kif ġej:

Artikolu 1

1. L-għajnuna mill-Istat favur l-impriża Sernam, approvata f’Mejju 2001, bl-ammont ta’ EUR 503 miljun, hija kompatibbli mas-suq komuni bil-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 3 u 4.

2. L-għajnuna mill-Istat implimentata mir-[Repubblika Franċiża] favur l-impriża Sernam, bl-ammont ta’ EUR 41 miljun, mhijiex kompatibbli mas-suq komuni.

Artikolu 2

1. Ir-[Repubblika Franċiża] għandha tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tirkupra mingħand il-benefiċjarju l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1(2), u li tqiegħdet għad-dispożizzjoni ta’ tali benefiċjarju b’mod illegali.

2. L-irkupru għandu jsir mingħajr dewmien u skont il-proċeduri tad-dritt nazzjonali sakemm dawn jippermettu l-eżekuzzjoni immedjata u effettiva ta’ din id-deċiżjoni. L-għajnuna li trid tiġi rkuprata għandha tinkludi l-interessi mid-data li fiha tqegħdet għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju, sad-data tal-irkupru tagħha. L-interessi għandhom jiġu kkalkolati fuq il-bażi tar-rata ta’ referenza użata għall-kalkolu tal-għotja ekwivalenti fil-kuntest tal-għajnuna reġjonali. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Artikolu 3

1. Mingħajr ħsara għall-paragrafu 2, għandhom jiġu rispettati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)      Sernam tista’ twettaq biss l-attivitajiet tagħha ta’ servizz tal-posta bil-ferrovija, skont il-kunċett tat-Train Bloc Express, ‘TBE’. F’dan ir-rigward, l-SNCF tiggarantixxi li toffri lil kull operatur ieħor li jixtieq jipprovdi servizz simili, l-istess kundizzjonijiet bħal dawk mogħtija lil Sernam għall-iżvilupp tat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija, ‘TBE’.

(b)      Min-naħa tagħha, fis-sentejn li jibdew mid-data tan-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, Sernam għandha tissostitwixxi bis-sħiħ ir-riżorsi u s-servizzi tagħha tat-trasport bit-triq b’riżorsi proprji u servizzi ta’ impriża waħda jew aktar, li jkunu legalment u ekonomikament indipendenti mill-SNCF, u jintgħażlu skont proċedura miftuħa, trasparenti u mhux diskriminatorja.

Ir-‘riżorsi proprji u s-servizzi tat-trasport bit-triq’ ta’ Sernam’ tfisser ir-riżorsi kollha tat-triq — jiġifieri, il-vetturi tat-trasport fuq it-triq — tal-kumpanija Sernam, li jappartjenuha kompletament jew li ħadet b’ċens/li kriet;

L-impriżi li jieħdu f’idejhom mill-ġdid l-attivitajiet tat-triq ta’ Sernam għandhom iwettqu s-servizzi kollha tagħhom ta’ trasport fuq it-triq bir-riżorsi proprji tagħhom.

2. Fil-każ li Sernam tbigħ l-assi tagħha f’daqqa sat-30 ta’ Ġunju 2005 bil-prezz tas-suq, permezz ta’ proċedura trasparenti u miftuħa, lil kumpanija mingħajr rabta legali mal-SNCF, il-kundizzjonijiet tal-paragrafu 1 ma jibqgħux jgħoddu.

Artikolu 4

Kull bejgħ parzjali jew sħiħ ta’ Sernam għandu jsir bil-prezz tas-suq, u permezz ta’ proċedura trasparenti miftuħa għall-kandidati kollha. F’dawn il‑kundizzjonijiet, jekk l-impriża Sernam tibqa’ teżisti, għandha tkun responsabbli għall-ħlas lura tal-għajnuna ta’ EUR 41 miljun.

[…]”

4.     Fuq it-trażmissjoni tal-assi f’daqqa ta’ Sernam lil Financière Sernam u l-avvenimenti ta’ wara

15      Wara d-Deċiżjoni Sernam 2, l-awtoritajiet Franċiżi żaru lill-Kummissjoni fl-24 ta’ Novembru 2004 u kitbulha uffiċjalment fil‑21 ta’ Diċembru 2004 biex jinformawha bl-għażla tal-bejgħ tal-assi f’daqqa ta’ Sernam, skont l-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2.

16      Ir-rikorrenti organizzat, bl-assistenza ta’ bank (iktar ’il quddiem il-“bank X”), sejħa għal offerti. Ġew ikkuntattjati erbgħa u tletin grupp.

17      Skont l-awtoritajiet Franċiżi, is-sitwazzjoni ekonomika ta’ Sernam ma ppermettietx li tirċievi proposti bbażati fuq valutazzjoni pożittiva. L-offerti kollha li ġew sottomessi fil-kuntest ta’ din il-proċedura kkonkludew li l-valur kien negattiv ħafna:

–        kandidat Nru 1 (offerta preliminari): EUR 120 miljun;

–        kandidat Nru 2 (offerta preliminari): EUR 90.4 miljun;

–        kandidat Nru 3 (offerta preliminari): EUR 90.4 miljun;

–        kandidat Nru 4 (offerta mhux vinkolanti tat-tieni ċiklu): EUR 65.2 miljun;

–        kandidat Nru 5 (offerta mhux vinkolanti tat-tieni ċiklu): EUR 56.4 miljun.

18      Ma ġiet sottomessa ebda offerta konkreta. Madankollu, żewġ offerenti, il-kandidat Nru 4 u l-kandidat Nru 5, fejn dan tal-aħħar kien assoċjat mat-tim tat-tmexxija ta’ Sernam, urew sinjali ta’ interess serji matul it-tieni ċiklu. Ittieħdet id-deċiżjoni li jitkomplew id-diskussjonijiet mal-konsorzju ffurmat mill-kandidat Nru 5 assoċjat mat-tim ta’ tmexxija ta’ Sernam (iktar ’il quddiem il-“konsorzju”).

19      Il-kandidat Nru 5 fl-aħħar nett informa oralment lir-rikorrenti fil‑15 ta’ Ġunju 2005 li ma kienx kapaċi jagħmel offerta ta’ akkwist mill-ġdid, anki kundizzjonata, qabel it-30 ta’ Ġunju 2005.

20      It-tim tat-tmexxija ta’ Sernam, permezz ta’ kumpannija li kienet għadha trid titwaqqaf u li kienet ser iġġib l-isem l-ewwel Bidco mbagħad Financière Sernam, iddeċieda li jagħmel offerta ta’ akkwist mill-ġdid awtonoma, li ġiet ippreżentata lir-rikorrenti fit-30 ta’ Ġunju 2005 u fil-prinċipju ġiet aċċettata mid-Direzzjoni Ġenerali tar-rikorrenti fl-istess ġurnata.

21      Il-memorandum ta’ ftehim, li ġie konkluż bejn ir-rikorrenti, Sernam, SAS Sernam Xpress (waħda mill-10 sussidjarji 100 % ta’ Sernam, imwaqqfa fl-2002, iktar ’il quddiem “Sernam Xpress”), u d-diriġenti tal-kumpannija futura Financière Sernam, ġie ffirmat fil-21 ta’ Lulju 2005 (iktar ’il quddiem il-“memorandum ta’ ftehim tal-21 ta’ Lulju 2005”).

22      Il-proċess taċ-ċessjoni sar f’erba’ fażijiet:

–        ir-rikorrenti rrikapitalizzat lil Sernam, is-sussidjarja 100 % tagħha, sa massimu ta’ EUR 57 miljun;

–        Sernam imbagħad għamlet, għall-benefiċċju tas-sussidjarja 100 % tagħha Sernam Xpress, injezzjoni parzjali tal-assi (iktar ’il quddiem l-“injezzjoni”), suġġetta għas-sistema tad-diviżjonijiet imsemmi fl-Artikoli L 236-16 sa L 236-21 tal-kodiċi kummerċjali Franċiż, li inkambju għaliha Sernam irċeviet sehem f’Sernam Xpress ta’ valur nominali ta’ EUR 100 (billi r-remunerazzjoni tal-injezzjoni parzjali ta’ assi saret fil-format ta’ titoli). Din l-injezzjoni kienet tirrigwarda l-elementi kollha tal-assi, inklużi EUR 57 miljun tar-rikapitalizzazzjoni u l-obbligazzjonijiet ta’ Sernam, minbarra ċerti obbligazzjonijiet finanzjarji li jirrappreżentaw ammont globali ta’ EUR 38.5 miljun (iktar ’il quddiem meħuda flimkien, l-“obbligazzjonijiet finanzjarji”), u li jinkludu:

–        id-dejn marbut ma’ self fuq l-ekwità ikkuntrattat minn Sernam mal-grupp SNCF fil-21 ta’ Diċembru 2001;

–        l-elementi tal-assi u l-obbligazzjonijiet relatati mat-terminazzjoni tal-kuntratt “IBM – GPS”;

–        immedjatament wara li saret l-injezzjoni, Sernam Xpress kompliet b’żieda tal-kapital ta’ EUR 2 miljun, li kienet kollha sottoskritta mir-rikorrenti. Wara din it-tranżazzjoni, ir-rikorrenti kellha l-maġġoranza tal-azzjonijiet f’Sernam Xpress;

–        Sernam u r-rikorrenti assenjaw l-azzjonijiet totali tagħhom f’Sernam Xpress, li jirrappreżentaw il-kapital kollu ta’ din tal-aħħar, lil Financière Sernam għal prezz ta’ EUR 2 miljun.

23      Barra minn hekk, ġew previsti mekkaniżmu ta’ suppliment tal-prezz fil-każ ta’ trasferiment ulterjuri, totali jew parzjali, lil terz, tal-kapital jew tal-assi tal-kumpannija assenjata u klawżola ta’ riżoluzzjoni fil-każ ta’ deċiżjoni negattiva tal-Kummissjoni fil-ħames snin wara l-konklużjoni tal-memorandum ta’ ftehim tal-21 ta’ Lulju 2005.

24      Fiċ-ċessjoni, ir-rikorrenti għamlet ukoll garanziji.

25      L-att tal-injezzjoni parzjali ta’ assi bejn Sernam u Sernam Xpress huwa ddatat l-14 ta’ Settembru 2005. Financière Sernam ġiet irreġistrata fir-reġistru kummerċjali fl-14 ta’ Ottubru 2005.

26      Id-diversi tranżazzjonijiet tal-proċess ta’ ċessjoni, deskritti fil-punt 22 hawn fuq, saru fl-istess ġurnata, fis-17 ta’ Ottubru 2005, ġurnata tal-“closing”.

27      Sernam ġiet stralċjata b’mod ġudizzjarju fil-15 ta’ Diċembru 2005. Il-EUR 41 miljun rimborsabbli lir-rikorrenti skont id-Deċiżjoni Sernam 2 ġew inklużi bħala obbligazzjonijiet f’dan l-istralċ, bħall-EUR 38.5 miljun ta’ obbligazzjonijiet finanzjarji esklużi mill-injezzjoni (ara t-tieni inċiż tal-punt 22 hawn fuq).

28      Matul l-2006, fond ta’ investiment ħa sehem ta’ 51.8 % fil-kapital ta’ Sernam Xpress.

29      F’Mejju 2011, Sernam Xpress ikkontribwixxiet id-ditta Sernam lill-kumpannija sussidjarja operattiva tagħha, Sernam Services.

30      Fit-30 ta’ Ġunju 2011, Sernam Xpress ġiet stralċjata u Financière Sernam, li kienet l-uniku sieħeb tagħha, akkwistat l-assi u l-obbligazzjonijiet kollha li kellha (tranżazzjoni magħrufa bħala “tranżmissjoni tal-assi u tal-obbligazzjonijiet kollha”).

31      Il-grupp Sernam, fid-data tad-deċiżjoni kkontestata, kien magħmul minn Financière Sernam u s-sussidjarji tal-ex-Sernam Xpress: Sernam Services u Aster (li qabel kien jisimha Sernam Transport Route).

32      Fil-31 ta’ Jannar 2012, bdiet il-proċedura ta’ amministrazzjoni ġudizzjarja ta’ Financière Sernam u ta’ Sernam Services. Fit‑3 ta’ Frar 2012, is-sussidjarja Aster tpoġġiet f’likwidazzjoni ġudizzjarja b’kontinwazzjoni temporanja tal-attivitajiet tagħha.

33      Billi kkunsidra li pjan ta’ kontinwazzjoni tal-grupp Sernam ma kienx jidher kredibbli, l-amministratur ġudizzjarju maħtur, beda r-riċerka għall-kandidati għall-akkwist mill-ġdid.

5.     Fuq il-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

34      Mill-24 ta’ Ġunju 2005, l-ewwel lanjant (iktar ’il quddiem “l-ewwel lanjant”) iddenunzja l-applikazzjoni ħażina tad-Deċiżjoni Sernam 2 lill-Kummissjoni.

35      Fit-22 ta’ Frar 2006, l-ewwel lanjant ippreżenta rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni kontra l-Kummissjoni.

36      Permezz tal-ittri tal-10 ta’ April 2006 u tat-23 ta’ April 2007, wasal quddiem il-Kummissjoni lment ieħor minn parti kkonċernata oħra (iktar ’il quddiem “it-tieni lanjant”).

37      Iż-żewġ lanjanti kienu jqisu li, fil-prinċipju, id-Deċiżjoni Sernam 2 kienet ġiet applikata b’mod abbużiv.

38      Permezz tad-deċiżjoni tagħha tas-16 ta’ Lulju 2008, li ġġib l-isem “Għajnuniet mill-Istat – Franza – Għajnuna mill-Istat C 37/08 – Applikazzjoni tad-deċiżjoni Sernam 2 – Stedina biex jitressqu kummenti skont l-Artikolu [108(2), TFUE]” (ĠU 2009, C 4, p. 5, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-ftuħ”), il-Kummissjoni fetħet proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE.

39      Fid-29 ta’ April 2009, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li ma kienx hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar ir-rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni ppreżentat mill-ewwel lanjant kontra l-Kummissjoni (digriet tad‑29 ta’ April 2009, HALTE vs Il-Kummissjoni, T‑58/06, EU:T:2009:125).

40      Fid-9 ta’ Marzu 2012, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2012/398/UE, dwar l-għajnuna mill-Istat SA. 12522 (C 37/08) – Franza – L-applikazzjoni tad-Deċiżjoni “Sernam 2” (ĠU L 195, p. 19, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Hija ġiet trażmessa lill-awtoritajiet Franċiżi fl-10 ta’ Marzu 2012. L-awtoritajiet Franċiżi għaddewha lir-rikorrenti fis-26 ta’ Marzu 2012.

6.     Id-deċiżjoni kkontestata

41      B’mod preliminari, il-Kummissjoni indikat li l-proċedura kienet infetħet skont l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 659/1999, minħabba li l-Kummissjoni kellha indikazzjonijiet li skonthom ir-Repubblika Franċiża kienet applikat b’mod abbużiv l-għajnuna awtorizzata b’kundizzjonijiet, mid-Deċiżjoni Sernam 2, u dan wara applikazzjoni abbużiva tal-għajnuna awtorizzata, ukoll b’kundizzjonijiet, mid-Deċiżjoni Sernam 1.

 Fuq l-applikazzjoni abbużiva tal-għajnuna mill-Istat awtorizzata mid-Deċiżjoni Sernam 2

42      Il-Kummissjoni qieset li, peress li l-awtoritajiet Franċiżi kkonfermaw li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni Sernam 2 ma kinux ġewx osservati, hija setgħet tillimita ruħha biex tivverifika jekk ir-Repubblika Franċiża kinitx osservat il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2.

43      Il-Kummissjoni qieset li ma ġewx osservati diversi rekwiżiti imposti mill-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2.

44      L-ewwel nett, il-Kummissjoni kkunsidrat fil-punt 3.2.1 tad-deċiżjoni kkontestata, li t-trażmissjoni tal-attivitajiet ma kinitx saret fit‑30 ta’ Ġunju 2005.

45      It-tieni nett, il-Kummissjoni kkunsidrat, fil-punt 3.2.2 tad-deċiżjoni kkontestata, li minħabba li l-prezz kien negattiv, it-trażmissjoni tal-attivitajiet imwettqa ma kinitx tikkonsisti f’bejgħ u li, ukoll minħabba din ir-raġuni, l-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2 ma kienx ġie osservat.

46      It-tielet nett, il-Kummissjoni kkunsidrat, fil-punt 3.2.3 tad-deċiżjoni kkontestata, li t-trażmissjoni tal-attivitajiet ma kinitx tikkostitwixxi bejgħ tal-assi, iżda t-trażmissjoni tal-assi u l-obbligazzjonijiet kollha ta’ Sernam, minħabba li, min-naħa, it-trażmissjoni kienet tikkonsisti fi trasferiment f’daqqa tal-assi u l-obbligazzjonijiet kollha ta’ grupp, segwit minn bejgħ ta’ azzjonijiet (share deal) tas-sussidjarja li rċeviethom (premessi 108 sa 112 tad-deċiżjoni kkontestata), u, min-naħa oħra, it-trażmissjoni ma kinitx limitata għall-assi iżda kienet tinkludi lil Sernam kollha kemm hi (kemm l-assi u kif ukoll l-obbligazzjonijiet) (premessi 113 sa 116 tad-deċiżjoni kkontestata).

47      Ir-raba’ nett, il-Kummissjoni qieset, fil-punt 3.2.4 tad-deċiżjoni kkontestata, li t-trażmissjoni, ma kinitx limitata għall-assi li kellha Sernam fil-mument tad-Deċiżjoni Sernam 2, iżda li r-rikapitalizzazzjoni tal-ammont ta’ EUR 57 miljun kienet tikkostitwixxi żieda għall-assi li ma kinitx awtorizzata mill-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2.

48      Il-ħames nett, il-Kummissjoni qieset, fil-punt 3.2.5 tad-deċiżjoni kkontestata, li t-trażmissjoni tal-attivitajiet ma saritx permezz ta’ proċedura trasparenti u miftuħa.

49      Is-sitt nett, il-Kummissjoni qieset, fil-punt 3.2.6 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-għan aħħari ta’ bejgħ tal-assi ma kienx ġie osservat.

50      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Sernam 2 ma kienx ġie osservat, u li, konsegwentement, l-għajnuna ta’ EUR 503 miljun ngħatat b’mod abbużiv.

51      Il-Kummissjoni qieset li minħabba li hija kienet użata mill-benefiċjarju bi ksur tad-Deċiżjoni Sernam 2, l-għajnuna ta’ EUR 503 miljun ma kinitx kompatibbli mas-suq intern abbażi tad-Deċiżjoni Sernam 2. Hija kkunsidrat li, minħabba li r-Repubblika Franċiża ma invokat ebda motiv ta’ kompatibbiltà, din l-għajnuna kienet inkompatibbli u kellha tiġi rkuprata bl-interessi li jibdew jiddekorru mid-data li l-għajnuna saret disponibbli lil Financière Sernam kif ukoll lis-sussidjarji tagħha, b’mod partikolari Sernam Services u Aster, li skont il-Kummissjoni, kienu jwettqu l-attività ekonomika li bbenefikat mill-għajnuna li qabel kienet eżerċitata minn Sernam u wara minn Sernam Xpress (li l-assi u l-obbligazzjonijiet tagħha kienu ġew akkwistati minn Financière Sernam wara trażmissjoni tal-assi u tal-obbligazzjonijiet kollha fit‑30 ta’ Ġunju 2011).

 Fuq l-irkupru tal-għajnuna ta’ EUR 41 miljun

52      Fil-premessi 132 sa 151 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni vverifikat jekk ir-Repubblika Franċiża kinitx irkuprat b’mod korrett l-għajnuna ta’ EUR 41 miljun iddikjarata inkompatibbli fid-Deċiżjoni Sernam 2 u jekk irreġistrathomx mal-obbligazzjonijiet tal-istralċ ta’ Sernam, kif ukoll jekk kienx hemm lok, fir-rigward tal-ġurisprudenza tal-Unjoni fil-qasam tal-irkupru, li l-irkupru msemmi jiġi estiż għal Financière Sernam u s-sussidjarji tagħha, Sernam Services u Aster. Il-Kummissjoni rreferiet b’mod partikolari għas-sentenzi tat-8 ta’ Mejju 2003, L-Italja u SIM 2 Multimedia vs Il-Kummissjoni (C‑399/00 u C‑328/99, Ġabra, iktar ’il quddiem is-“sentenza Seleco”, EU:C:2003:252), tad‑29 ta’ April 2004, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (C‑277/00, Ġabra, iktar ’il quddiem is-“sentenza SMI”, EU:C:2004:238), u tad‑19 ta’ Ottubru 2005, CDA Datenträger Albrechts vs Il-Kummissjoni (T‑324/00, Ġabra, iktar ’il quddiem is-“sentenza CDA”, EU:T:2005:364).

53      L-ewwel nett, fil-premessi 144 sa 148 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li t-trasferiment tal-attivitajiet ta’ Sernam lil Sernam Xpress kellu bħala konsegwenza li Sernam Xpress kienet żammet il-benefiċċju effettiv tal-vantaġġ kompetittiv marbut mal-benefiċċju tal-għajnuna mogħtija, minħabba li kien hemm kontinwità ekonomika bejn iż-żewġ kumpanniji u li dan it-trasferiment tal-attivitajiet minn Sernam għal Sernam Xpress kien jikkorrispondi għal evażjoni tal-ordni tal-irkupru imposta fuq Sernam.

54      It-tieni nett, hija fakkret, fil-premessa 149 tad-deċiżjoni kkontestata, li skont il-ġurisprudenza, il-bejgħ ta’ azzjonijiet ta’ kumpannija benefiċjarja ta’ għajnuna illegali minn azzjonist lil terz ma għandux influwenza fuq l-obbligu ta’ rkupru mill-kumpannija benefiċjarja. Konsegwentement, fil-kawża inkwistjoni, l-obbligu tar-rimbors ta’ EUR 41 miljun kien għadu jaqa’ fuq Sernam Xpress, wara l-bejgħ tal-azzjonijiet tagħha lil Financière Sernam.

55      It-tielet nett, il-Kummissjoni qieset, fil-premessa 150 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-amalgamazzjoni bejn Sernam Xpress u Financière Sernam, fit-30 ta’ Ġunju 2011, kellha bħala effett it-trasferiment tal-benefiċċju ta’ għajnuna ta’ EUR 41 miljun, u għalhekk tal-obbligu ta’ rkupru, lil Financière Sernam u s-sussidjarji tagħha, speċjalment Sernam Services u Aster, li kienu qed iwettqu l-attività ta’ Sernam u Sernam Xpress.

 Fuq l-għajnuna ġdida mogħtija lil Sernam Xpress-Financière Sernam

56      Il-Kummissjoni qieset li l-miżuri previsti mill-memorandum ta’ ftehim tal-21 ta’ Lulju 2005 kienu jikkostitwixxu għajnuna ġdida mill-Istat. Dawn il-miżuri huma r-rikapitalizzazzjoni ta’ EUR 57 miljun netti ta’ Sernam mir-rikorrenti, ir-rinunzja ta’ żewġ krediti tal-ammont totali ta’ EUR 38.5 miljun tar-rikorrenti fil-konfront ta’ Sernam u erba’ garanziji tar-rikorrenti mogħtija lil Sernam Xpress-Financière Sernam.

57      Il-Kummissjoni l-ewwel esponiet, fil-premessi 154 sa 158 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-raġunijiet li għalihom hija kienet iddeċidiet li ma tapplikax il‑kriterju ta’ investitur privat f’ekonomija tas-suq għall-klassifikazzjoni ta’ dawn il-miżuri fir-rigward tal-Artikolu 107(1) TFUE.

58      L-ewwel nett, hija kkunsidrat, fil-premessa 154 tad-deċiżjoni kkontestata li, f’sitwazzjoni ta’ rkupru tal-għajnuna, ma kienx hemm lok li jiġi applikat il-kriterju ta’ investitur privat.

59      It-tieni nett, il-Kummissjoni kkunsidrat, fil-premessa 155 tad-deċiżjoni kkontestata, li fl-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2, il-bejgħ tal-assi kien ekwivalenti għall-miżuri kumpensatorji imposti mill-Artikolu 3(1), tad-deċiżjoni. Madankollu, skont il-paragrafu 40 tal-Linji gwida Komunitarji li jikkonċernaw l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturazzjoni ta’ impriżi f’diffikultà (ĠU 2004, C 244, p. 2, iktar ’il quddiem il-“linji gwida dwar is-salvataġġ u r-ristruttazzjoni”), iċ-ċessjoni ta’ attività f’defiċit ma tistax titqies li hija miżura kumpensatorja. Il-Kummissjoni indikat li l-prezz negattiv kien juri li din kienet ċessjoni ta’ attività li ma setgħetx tkun ekwivalenti għall-miżura kumpensatorja u li, fil-kawża inkwistjoni, il-prezz negattiv kien jikkorrispondi għal għajnuna għall-operat tal-impriża, li min-natura tagħha ma kinitx adattata għat-tnaqqis tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni.

60      Rigward il-klassifikazzjoni tal-għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni qieset, fil-premessa 159 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-miżuri kienu ngħataw mir-riżorsi ta’ impriża pubblika, ir-rikorrenti. Ir-rikorrenti, minħabba li kienet tikkostitwixxi entità rregolata mid-dritt pubbliku, EPIC, u kienet suġġetta għal sorveljanza stretta ħafna mill-Istat, l-għoti tal-vantaġġ kien għalhekk imputabbli wkoll għall-Istat. Billi Sernam Xpress u Financière Sernam huma attivi fit-trasport bit-triq, li huwa settur miftuħ għall-kompetizzjoni fi ħdan l-Unjoni, kien hemm riskju li l-vantaġġ mogħti joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni u jolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Il-Kummissjoni nnotat li ma kienx neċessarju li ssir distinzjoni bejn il-vantaġġi mogħtija lil Sernam Xpress u lil Financière Sernam, minħabba li t-tnejn kienu amalgamati.

61      Peress li r-Repubblika Franċiża ma invokatx motivi ta’ kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna mas-suq intern, minkejja li l-oneru tal-prova kien jaqa’ fuqha, il-Kummissjoni kkonkludiet li din l-għajnuna kienet inkompatibbli mas-suq intern u għalhekk kellha tiġi rkuprata bl-interessi.

62      Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jaqra kif ġej:

“Artikolu 1

1. L-għajnuniet mill-Istat li jammontaw għal EUR 503 miljun, mogħtija mi[r-Repubblika Franċiża] lil Sernam SCS (li saret [Sernam]) u approvati mill-Kummissjoni permezz tad-[Deċiżjoni Sernam 2] ġew implimentati b’mod abbużiv. Dawn l-għajnuniet huma inkompatibbli mas-suq intern. Minnhom ibbenefikaw ukoll Sernam Xpress kif ukoll Financière Sernam u s-sussidjarji tagħha, Sernam Services u Aster.

2. Sernam Xpress kif ukoll Financière Sernam u b’mod partikolari s-sussidjarji tagħha, Sernam Services u Aster, ibbenefikaw ukoll mill-għajnuna mill-Istat mogħtija mi[r-Repubblika Franċiża] lil Sernam SCS li tammonta għal EUR 41 miljun u li ġiet iddikjarata bħala inkompatibbli mid-Deċiżjoni Sernam 2.

3. Ir-rikapitalizzazzjoni ta’ [Sernam] mill-SNCF li tammonta għal EUR 57 miljun, ir-rinunzja mill-SNCF tal-krediti kontra [Sernam] fuq l-ammont ta’ EUR 38,5 miljun u l-garanziji mogħtija mill-SNCF matul it-trażmissjoni tal-attivitajiet ta’ [Sernam] lil Financière Sernam, bl-eċċezzjoni tal-garanzija mogħtija lill-ħaddiema tal-ferroviji, jikkostitwixxu għajnuniet mill-Istat meqjusa bħala inkompatibbli mas-suq intern.

Artikolu 2

1. Huwa mistenni li [r-Repubblika Franċiża] tirkupra l-għajnuniet imsemmija fl-Artikolu 1 minn Financière Sernam u mis-sussidjarji tagħha, Sernam Services u Aster.

2. L-ammonti li għandhom jiġu rkuprati jagħtu lok għal imgħaxijiet mid-data li fiha l-għajnuniet tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju, sakemm jiġu effettivament irkuprati.

3. L-imgħaxijiet huma kkalkulati fuq bażi komposta f’konformità mal-Kapitolu V tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tal‑21 ta’ April 2004.

Artikolu 3

1. L-irkupru tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 huwa immedjat u effettiv.

2. Franza għandha tiżgura li din id-Deċiżjoni tiġi implimentata fl-erba’ xhur li jsegwu d-data tan-notifika tagħha.

3. Fil-qafas ta’ din l-implimentazzjoni, ir-[Repubblika Franċiża] tista’ tieħu inkunsiderazzjoni kwalunkwe somom li ġew irkuprati mill-SNCF wara l-likwidazzjoni ta’ [Sernam], bil-kundizzjonijiet indikati hawn fuq.

Artikolu 4

1. Fx-xahrejn li jsegwu n-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, ir-[Repubblika Franċiża] għandha tibgħat lill-Kummissjoni l-informazzjoni li ġejja:

(a)      id-data li fiha kull miżura ta’ għajnuna tqegħdet għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju u l-ammont totali (l-ammont prinċipali u l-imgħaxijiet) li għandu jiġi rkuprat mill-benefiċjarju għal kull miżura ta’ għajnuna;

(b)      deskrizzjoni ddettaljata tal-miżuri li diġà ttieħdu u ta’ dawk li huma ppjanati biex ikun hemm konformità ma’ din id-Deċiżjoni;

(c)      id-dokumenti li juru li l-benefiċjarju ġie ordnat iħallas lura l-għajnuna.

2. Ir-[Repubblika Franċiża] għandha żżomm lill-Kummissjoni infurmata bil-progress tal-miżuri nazzjonali meħuda għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni sakemm l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 tkun ġiet kompletament irkuprata. Fuq sempliċi talba tal-Kummissjoni, hija għandha tissottometti minnufih, kwalunkwe informazzjoni dwar il-miżuri li diġà ttieħdu u dwar dawk li huma ppjanati, biex ikun hemm konformità ma’ din id-Deċiżjoni. Għandha tibgħat ukoll informazzjoni dettaljata dwar l-ammonti tal-għajnuna u l-imgħaxijiet diġà rkuprati mingħand il-benefiċjarju.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika ta’ Franza.”

7.     Fuq il-fatti li seħħew wara d-deċiżjoni kkontestata

63      Wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, l-awtoritajiet Franċiżi, fit‑23 ta’ Marzu 2012, talbu lill-Kummissjoni biex tikkonferma li l-obbligu tar-rimbors tal-għajnuna mill-Istat li kien impost fuq il-kumpanniji tal-grupp Sernam mill-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, ma kienx estiż għall-kumpanniji tal-gruppi Geodis (li jappartjenu għall-grupp tar-rikorrenti) u BMV, fil-każ ta’ akkwist mill-ġdid ta’ parti mill-assi tal-kumpanniji Sernam fil-kuntest tal-proċedura ta’ amministrazzjoni ġudizzjarja.

64      Fid-deċiżjoni tagħha tal-4 ta’ April 2012 dwar l-għajnuna mill-Istat SA. 34547 (2012/N) – Franza – Akkwist mill-ġdid tal-assi tal-grupp Sernam fil-kuntest ta’ proċedura ta’ amministrazzjoni ġudizzjarja tiegħu (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni Sernam 4”), il-Kummissjoni kkonkludiet li ma kienx hemm kontinwità ekonomika bejn il-grupp Sernam u l-akkwirenti ta’ parti mill-assi ta’ dan tal-aħħar, Geodis u BMV, u li ma kienx hemm lok li jiġi estiż l-irkupru tal-għajnuna ddikjarata illegali u inkompatibbli fid-deċiżjoni kkontestata għal Geodis u għal BMV.

65      Fit-13 ta’ April 2012, Financière Sernam u Sernam Services kienu suġġetti għal stralċ ġudizzjarju. Fl-istess ġurnata, Geodis għamlet offerta u nħatret mit-tribunal de commerce de Nanterre (Franza) (qorti kummerċjali ta’ Nanterre) bħala l-akkwirent tal-assi tal-grupp Sernam.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

66      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑4 ta’ Ġunju 2012, ir-rikorrenti bdiet din l-azzjoni.

67      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑18 ta’ Ottubru 2012, ir-Repubblika Franċiża talbet li tintervjeni insostenn tar-rikorrenti. Permezz ta’ digriet tas-26 ta’ Novembru 2012, il-President tas-Sitt Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ dan l-intervent. Ir-Repubblika Franċiża ppreżentat in-nota ta’ intervent tagħha fil‑11 ta’ Frar 2013.

68      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑14 ta’ Frar 2013, ir-rikorrenti talbet it-trasferiment fil-proċess ta’ produzzjoni ta’ prova ġdida. Il-President tas-Sitt Awla ttrasferixxa l-produzzjoni ta’ prova ġdida fil-proċess fis-26 ta’ Frar 2013. Fl‑14 ta’ Marzu 2013, il-Kummissjoni ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar il-prova l-ġdida. Ir-Repubblika Franċiża informat li hija ma kellhiex osservazzjonijiet x’tagħmel.

69      Peress illi kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali u l-Imħallef Relatur ġie assenjat lis-Seba’ Awla, din il-kawża ġiet għalhekk assenjata lil din l-Awla fit-23 ta’ Settembru 2013.

70      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑25 ta’ Novembru 2013, Mory SA, Mory Team u Superga Invest talbu li jintervjenu f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

71      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑29 ta’ Jannar 2014, ir-rikorrenti talbet trattament kunfidenzjali ta’ ċertu provi u siltiet tal-atti ta’ proċedura, fl-ipoteżi fejn it-talba tal-partijiet li talbu biex jintervjenu sabiex ikollhom aċċess għall-atti proċedurali kollha, tiġi eċċezzjonalment aċċettata. Ir-rikorrenti pproduċiet għal dan il-għan, verżjoni mhux kunfidenzjali tal-atti proċedurali inkwistjoni.

72      Permezz ta’ digriet iddatat it-23 ta’ Mejju 2014, il-President tas-Seba’ Awla tal-Qorti Ġenerali awtorizza l-intervent ta’ Mory u ta’ Mory Team abbażi tal-Artikolu 116(6) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991 iżda ċaħad it-talba għal intervent ta’ Superga Invest. Id-deċiżjoni dwar it-talba għall-kunfidenzjalità tar-rikorrenti ġiet irriżervata.

73      Permezz tal-ittra tat-23 ta’ Ottubru 2014, bħala miżuri tal-organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, il-Qorti Ġenerali ppreżentat bil-miktub mistoqsijiet lir-rikorrenti, lill-Kummissjoni u lir-Repubblika Franċiża, filwaqt li stednithom iwieġbuha bil-miktub u stiednet lir-rikorrenti u lill-Kummissjoni jippreżentaw ċertu dokumenti. Il-partijiet ikkonformaw ma’ din it-talba fit-terminu stabbilit.

74      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑17 ta’ Novembru 2014, ir-rikorrenti tablet it-trasferiment fil-proċess tat-tieni produzzjoni ta’ prova ġdida. Il-President tas-Seba’ Awla tal-Qorti Ġenerali ttrasferixxiha fil-proċess fil-21 ta’ Novembru 2014, filwaqt li stieden lill-Kummissjoni u lir-Repubblika Franċiża biex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwarha waqt is-seduta

75      Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑27 ta’ Novembru 2014, ir-rikorrenti ppreżentat osservazzjonijiet dwar it‑tweġibiet għall-mistoqsijiet ippreżentati mill-Kummissjoni. Permezz tad-deċiżjoni tat-3 ta’ Diċembru 2014, il-President tas-Seba’ Awla tal-Qorti Ġenerali ddeċieda li ma jitrasferixxix din l-ittra fil-proċess.

76      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-12 ta’ Frar 2015.

77      Ir-rikorrenti, sostnuta mir-Repubblika Franċiża, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

78      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors inammissibbli u, sussidjarjament, infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

79      Mory u Mory Team jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli u, sussidjarjament, infondat.

 Id-dritt

80      Insostenn tat-talba għall-annullament tagħha, ir-rikorrenti tinvoka sitt motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha, fis-sens li l-Kummissjoni fformulat pożizzjoni fid-deċiżjoni kkontestata f’dak li jirrigwarda l-inapplikabbiltà tal-kriterju ta’ investitur privat fil-kawża inkwistjoni li ma kinitx tinsab fid-deċiżjoni tal-ftuħ. F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Franċiża ssostni li d-drittijiet tad-difiża proprji tagħha ġew miksura għall-istess motivi. It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. It-tielet motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-obbligu tal-osservanza ta’ terminu raġonevoli u tal-prinċipju ta’ ċertezza legali. Ir-raba’ motiv huwa bbażata fuq żbalji ta’ liġi u ta’ fatt imwettqa mill-Kummissjoni meta hija kkunsidrat li ċ-ċessjoni tal-assi f’daqqa ta’ Sernam ma osservatx il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2. Il-ħames motiv huwa bbażat fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Kummissjoni meta kkunsidrat li l-obbligu ta’ rkupru tal-għajnuna mill-Istat ta’ EUR 41 miljun, iddikjarata inkompatibbli mid-Deċiżjoni Sernam 2, ġie ttrasferit lil Financière Sernam u s-sussidjarji tagħha. Is-sitt motiv huwa bbażat fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Kummissjoni meta kkunsidrat li l-miżuri previsti mill-memorandum ta’ ftehim tal-21 ta’ Lulju 2005, kienu jikkostitwixxu għajnuna ġdida mill-Istat favur Sernam Xpress-Financière Sernam.

81      Il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li hemm lok li l-ewwel nett jiġu eżaminati t-tliet motivi tal-aħħar u wara, l-ewwel tliet motivi, relatati mal-ksur ta’ prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, minħabba li ħafna mistoqsijiet li dawn tal-aħħar iqajmu jiddependu fuq l-evalwazzjoni tar-raba’, il-ħames u s-sitt motiv.

1.     Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi u ta’ fatt imwettqa mill-Kummissjoni meta kkunsidrat li ċ-ċessjoni tal-assi f’daqqa ta’ Sernam, ma kinitx osservat il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2

82      Ir-raba’ motiv tar-rikorrenti huwa maqsum f’sitt partijiet. L-ewwel parti hija bbażata fuq żbalji ta’ liġi u ta’ fatt imwettqa mill-Kummissjoni inkwantu, fil-premessi 97 u 98 tad-deċiżjoni kkontestata, hija kkunsidrat li ċ-ċessjoni tal-assi f’daqqa ta’ Sernam ma saritx fit-30 ta’ Ġunju 2005. It-tieni parti hija bbażata fuq żbalji ta’ liġi u ta’ fatt imwettqa mill-Kummissjoni meta fil-premessi 99 sa 102 tad-deċiżjoni kkontestata, hija qieset li ċ-ċessjoni tal-assi f’daqqa ta’ Sernam għal prezz negattiv, ma kinitx tikkostitwixxi bejgħ. It-tielet parti hija bbażata fuq żbalji ta’ liġi u ta’ fatt imwettaq mill-Kummissjoni meta fil-premessi 103 sa 116 tad-deċiżjoni kkontestata, hija kkunsidrat li t-tranżazzjoni kienet tikkostitwixxi trażmissjoni “kollha kemm hi” ta’ Sernam. Ir-raba’ parti hija bbażata fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Kummissjoni meta fil-premessa 117 tad-deċiżjoni kkontestata, ikkunsidrat li t-trażmissjoni ma kinitx limitata għall-assi ta’ Sernam, imma żdiedet b’EUR 59 miljun (jew EUR 57 miljun netti). Il-ħames parti hija bbażata fuq żbalji ta’ liġi u ta’ fatt imwettqa mill-Kummissjoni meta fil-premessi 118 u 119 tad-deċiżjoni kkontestata qieset li l-bejgħ tal-assi f’daqqa ta’ Sernam ma kienx sarx permezz ta’ proċedura trasparenti u miftuħa. Is-sitt parti hija bbażata fuq żbalji ta’ liġi u ta’ fatt imwettqa mill-Kummissjoni meta fil-premessi 121 sa 123 tad-deċiżjoni kkontestata, ikkunsidrat li ma ġiex osservat l-għan aħħari tal-bejgħ tal-assi.

83      Fil-qasam tal-applikazzjoni abbużiva tal-għajnuna, mill-qari flimkien tal-Artikolu 108(2) TFUE, tal-Artikolu 1(g) tar-Regolament Nru 659/1999 u tal-Artikolu 16 tal-istess regolament jirriżulta li, fil-prinċipju, huwa kompitu tal-Kummissjoni biex turi li l-għajnuna kollha jew parti minnha li qabel kienet awtorizzat bis-saħħa ta’ deċiżjoni preċedenti, intużat b’mod abbużiv mill-benefiċjarju. Fil-fatt, minħabba li dan in-nuqqas ma ntweriex, din l-għajnuna għandha titqies li hija koperta mid-deċiżjoni preċedenti ta’ approvazzjoni tagħha (sentenza tal-11 ta’ Mejju 2005, Saxonia Edelmetalle u ZEMAG vs Il‑Kummissjoni, T‑111/01 u T‑133/01, Ġabra, EU:T:2005:166, punt 86).

 Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq żbalji ta’ liġi u ta’ fatt imwettqa mill-Kummissjoni meta, fil-premessi 97 u 98 tad-deċiżjoni kkontestata, hija kkunsidrat li ċ-ċessjoni tal-assi f’daqqa ta’ Sernam ma saritx fit‑30 ta’ Ġunju 2005

84      L-ewwel nett, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni li fil-premessa 98 tad-deċiżjoni kkontestata, biddlet it-test tad-Deċiżjoni Sernam 2 billi affermat li t-“trażmissjoni tal-attivitajiet ta’ [Sernam] lil Financière Sernam ma seħħitx sat-30 ta’ Ġunju 2005, hekk kif tirrikjedi l-kundizzjoni stabbilita mid-Deċiżjoni Sernam 2”. Hija targumenta li l-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2 kien isemmi biss il-“bejgħ” u mhux it-“trażmissjoni” tal-attivitajiet innifishom. It-tieni nett, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni li fil-premessa 97 tad-deċiżjoni kkontestata, qieset li l-aċċettazzjoni mill-President tal-SNCF, fit‑30 ta’ Ġunju 2005 tal-offerta konkreta minn Financière Sernam ma kinitx suffiċjenti, fid-dawl tad-dritt Franċiż, sabiex jingħalaq il-bejgħ. Hija tinnota li fid-dritt Franċiż, il-ftehim dwar l-għażla u l-prezz, irrispettivament mill-forma ġuridika, bejn il-bejjiegħ u x-xerrej, jippermetti li jingħalaq att ta’ bejgħ irrevokabbli, u dan anki jekk l-oġġett ikun la għadu ġie kkonsenjat u lanqas imħallas.

85      Fil-punti 97u 98 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li, fit-30 ta’ Ġunju 2005, li l-maniġment tal-SNCF kien, fil-prinċipju aċċetta biss l-offerta konkreta ta’ Financière Sernam. Hija kkonstatat li madankollu, il-memorandum ta’ ftehim li jorbot lill-partijiet kollha fit-tranżazzjoni ma ġiex iffirmat qabel il‑21 ta’ Lulju 2005 u li d-diversi tranżazzjonijiet ta’ trażmissjoni ma kinux saru qabel is-17 ta’ Ottubru 2005. Dwar dan, il-Kummissjoni kkonkludiet li t-trażmissjoni tal-attivitajiet ta’ Sernam lil Financière Sernam ma kinitx seħħet sa qabel it-30 ta’ Ġunju 2005, kif kienu madankollu jitolbu l-kundizzjonijiet imposti mid-Deċiżjoni Sernam 2, u li din ir-raġuni biss kienet diġà suffiċjenti biex jiġi konkluż li r-Repubblika Franċiża kienet applikat b’mod abbużiv l-għajnuna awtorizzata b’mod kundizzjonat mid-Deċiżjoni Sernam 2.

86      Skont ġurisprudenza stabbilita, hemm lok, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li jittieħed kont mhux biss tal-kliem ta’ din, iżda wkoll tal-kuntest tagħha u tal-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha (sentenzi tas‑17 ta’ Novembru 1983 Merck, 292/82, Ġabra, EU:C:1983:335, punt 12, u tal-21 ta’ Frar 2013, RVS Levensverzekeringen, C‑243/11, Ġabra, EU:C:2013:85, punt 23).

87      Jirriżulta wkoll minn ġurisprudenza stabbilita li d-dispożittiv ta’ att huwa indissoċjabbli mill-motivazzjoni tiegħu, b’mod li għandu jiġi interpretat, jekk ikun meħtieġ, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni r-raġunijiet li wasslu għall-adozzjoni tiegħu (sentenza tal‑15 ta’ Mejju 1997, TWD vs il‑Kummissjoni, C‑355/95 P, Ġabra, EU:C:1997:241, punt 21).

88      Rigward l-ewwel argument tar-rikorrenti, li jgħid li l-Kummissjoni biddlet it-test tad-Deċiżjoni Sernam 2, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2 jikkonċerna l-każ li Sernam “tbigħ l-assi tagħha f’daqqa, sat-30 ta’ Ġunju 2005” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

89      Il-premessa 217 tad-Deċiżjoni Sernam 2 tippreċiża li, “[m]in-naħa l-oħra, kieku Sernam [kellha] tbigħ l-assi kollha f’daqqa, il-Kummissjoni tfakkar li [ż-żewġ kundizzjonijiet tal-Artikolu 3(1)], relatati mar-ristrutturar tal-kumpanija ma jkunux japplikaw, billi Sernam ma tkunx se tibqa’ topera bil-forma legali attwali tagħha u tkun illiberat l-ishma tagħha tas-suq favur l-akkwirent indipendenti (li de facto jkun jista’ jkompli l-attivitajiet tagħha bl-assi ta’ Sernam)”.

90      Konsegwentement, kif tenfasizza l-Kummissjoni, il-mument li għandu jiġi kkunsidrat sabiex jiġi evalwat jekk sarx il-bejgħ, fil-kawża inkwistjoni essenzjalment kien dak tat-trażmissjoni effettiva tal-assi, billi l-għan imsemmi fl-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2, moqri fid-dawl tal-premessa 217 tiegħu, kien li jobbliga lil Sernam tbigħ l-assi kollha tagħha u tillibera l-partijiet tas-suq tagħha. Interpretazzjoni kuntrarja u formalistika tal-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2 tipparalizza l-effetti tiegħu, bir-riskju li t-trażmissjoni effettiva tal-assi tiġi ddifferita għal żmien twil wara l-konklużjoni tal-“bejgħ” fis-sens ġuridiku.

91      Għalhekk, huwa biżżejjed sabiex jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ġustament innotat li d-divers tranżazzjonijiet tat-trażmissjoni ma ġewx eżegwiti ħlief fil-ġurnata tal-“closing”, fis-17 ta’ Ottubru 2005, u li, konsegwentement, id-data tal-waqfien tat-30 ta’ Ġunju 2005 stabbilita mill-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2 ma kinitx ġietx osservata.

92      Għaldaqstant, għandu jiġi osservat li t-tieni argument tar-rikorrenti, dwar il-mument eżatt li fih ġie konkluż il-“bejgħ” fid-dawl tad-dritt Franċiż, huwa ineffettiv.

93      Għalhekk, l-ewwel parti tar-raba’ motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq żbalji ta’ liġi u ta’ fatt imwettqa mill-Kummissjoni meta fil-premessi 99 sa 102 tad-deċiżjoni kkontestata, hija qieset li ċ-ċessjoni tal-assi f’daqqa ta’ Sernam għal prezz negattiv, ma tikkostitwixxix bejgħ

94      Ir-rikorrenti, appoġġjata mir-Repubblika Franċiża, essenzjalment issostni li l-Kummissjoni wettqet żbalji ta’ liġi u ta’ fatt, meta fil-premessi 99 sa 102 tad-deċiżjoni kkontestata, ikkunsidrat li kien hemm ksur tal-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2, minħabba li l-kuntratt konkluż bejnha u Financière Sernam ma jikkostitwixxix bejgħ, minħabba li l-prezz kien negattiv.

95      Il-premessa 124 tad-deċiżjoni kkontestata, li ġiet ikkritikata wkoll mir-rikorrenti, tikkonċerna kwistjoni oħra bħal dik tal-premessi 99 sa 102 tad-deċiżjoni msemmija, minħabba li tittratta d-diviżjoni f’żewġ stadji tat-tranżazzjoni (l-injezzjoni ta’ Sernam lil Sernam Xpress, segwita miċ-ċessjoni tal-azzjonijiet ta’ Sernam Xpress lil Financière Sernam) u l-fatt li l-Kummissjoni, essenzjalment, irrifjutat li taċċetta li dawn id-diversi tranżazzjonijiet meħuda kollha flimkien jitqiesu li huma ekwivalenti għall-bejgħ tal-“assi f’daqqa”. Minħabba li l-premessa 124 tqajjem argumenti analogi għal dawk tal-premessi 108 sa 112 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti Ġenerali tqis li hemm lok li jiġu eżaminati flimkien l-argumenti kollha tar-rikorrenti għall-kuntrarju ta’ dawn id-diversi premessi, fil-kuntest tat-tielet parti ta’ dan il-motiv (ara l-punti 140 sa 149 iktar ’il quddiem).

96      Fil-premessi 99 u 100 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li “bejgħ” kien jikkonsisti fi trasferiment tas-sjieda ta’ beni kontra ħlas ta’ prezz, fejn dan il-prezz għandu jkun pożittiv u li t-tranżazzjoni li permezz tagħha persuna li tixtieq tittrażmetti s-sjieda ta’ beni wieħed jew ta’ diversi toffri l-flus lill‑persuna li tixtrihom, ma tikkostitwixxix bejgħ iżda tip ta’ kuntratt differenti. Fil-premessa 101 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li, fil-kawża inkwistjoni, ir-rikorrenti ħallset EUR 59 miljun, filwaqt li pproċediet bir-rikapitalizzazzjoni rispettivament ta’ Sernam għal EUR 57 miljun u ta’ Sernam Xpress għal EUR 2 miljun u għamlet diversi garanziji lil Financière Sernam. Hija qieset li l-ħlas ta’ EUR 2 miljun minn Financière Sernam favur ir-rikorrenti u Sernam, innewtralizza r-rikapitalizzazzjoni ta’ Sernam Xpress, iżda ma affettwax l-elementi l-oħra tat-tranżazzjoni. Il-Kummissjoni kkonkludiet minn dan, fil-premessa 102 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-kuntratt konkluż bejn ir-rikorrenti u Financière Sernam ma kienx jikkostitwixxi bejgħ u li għal din ir-raġuni wkoll, l-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2 ma kienx ġiex osservat.

97      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti, appoġġjata mir-Repubblika Franċiża, tippreżenta essenzjalment tliet argumenti.

98      L-ewwel nett, hija targumenta li użu tat-terminu ġeneriku “bejgħ”, fid-Deċiżjoni Sernam 2, kien indifferenti għat-tip ta’ kuntratt konkluż, minħabba li l-effett tat-tranżazzjoni kien dak li kien mistenni, jiġifieri t-trasferiment tas-sjieda tal-assi f’daqqa ta’ Sernam lil terz indipendenti mir-rikorrenti. It-tieni nett, hija tispjega li huma l-limitazzjonijiet tad-dritt franċiż, bħall-projbizzjoni ta’ bejgħ bi prezz negattiv, li obbligawha tistruttura t-tranżazzjoni kif għamlet u sabiex tirrikapitalizza minn qabel lil Sernam, iżda li l-prezz negattiv xorta huwa prezz tas-suq, l-unika kundizzjoni rikjesta mill-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2. It-tielet nett, ir-rikorrenti u r-Repubblika Franċiża invokaw preċedenti li juru li, fil-prassi deċiżjonali tagħha, il-Kummissjoni aċċettat il-kwalifika ta’ “bejgħ” għal ċessjoni ta’ assi jew ta’ azzjonijiet imwettqa bi prezz negattiv.

99      Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti u, l-ewwel nett, tqis li r-rikorrenti ammettiet impliċitament li t-tranżazzjoni ma hijiex bejgħ skont it-tifsira tal-Artikolu 1582 tal-kodiċi ċivili Franċiż, minħabba li hija wettqet tranżazzjonijiet ta’ evażjoni tal-projbizzjoni tad-dritt Franċiż ta’ bejgħ bi prezz negattiv. It-tieni nett, hija tqis li t-trażmissjoni ta’ attivitajiet bi prezz negattiv ma għandhiex l-istess impatt ekonomiku bħall-bejgħ ta’ assi bi prezz pożittiv, minħabba li, fl-ewwel każ, operatur jitħallas sabiex jerġa’ jġib fuq saqajha attività u impriża li inkella kienu jisparixxu u fil-każ l-ieħor, beni li għandu valur reali pożittiv, jiġi assenjat sabiex jiġi sfruttat b’mod ekonomikament razzjonali. Dan il-punt għandu importanza essenzjali, b’mod partikolari fir-rigward tar-rekwiżiti tad-dixxiplina tal-għajnuna u tal-għan aħħari tad-Deċiżjoni Sernam 2. It-tielet nett, il-Kummissjoni, tfakkar li skont il-ġurisprudenza stabbilita, il-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni dwar kawżi oħra, ma tistax taffettwa l-validità tad-deċiżjoni kkontestata, li ma tistax tiġi apprezzata ħlief fid-dawl tar-regoli oġġettivi tat-trattat. Sussegwentement, hija essenzjalment tkompli tgħid li d-deċiżjonijiet invokati mir-Repubblika Franċiża u r-rikorrenti ma humiex applikabbli fil-kawża inkwistjoni, speċjalment minħabba dawn ġew wara t-twettiq tat-tranżazzjoni u minħabba li kienu jirrigwardaw bejgħ ta’ azzjonijiet, filwaqt li x-xenarju magħżul fil-kawża inkwistjoni kien dak ta’ bejgħ ta’ assi.

100    L-ewwel nett, xieraq li jiġi osservat li abbażi ta’ interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2, kien mitlub “bejgħ ta’ assi f’daqqa” ta’ Sernam u li l-uniku rekwiżit dwar il-prezz kien dak ta’ prezz tas-suq permezz ta’ proċedura trasparenti u miftuħa.

101    Kif jirriżulta mill-punt 86 hawn fuq, għall-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni Sernam 2, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti.

102    Konsegwentement, il-Kummissjoni ma tistax tibbaża biss fuq kunċetti u forom legali sabiex tiddeduċi li ma ġewx osservati kundizzjonijiet ta’ kompatibbiltà ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni imposti minn waħda mid-deċiżjonijiet tagħha. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-kunċett ġuridiku ta’ bejgħ huwa kunċett proprju tad-dritt ta’ kull Stat Membru.

103    Għaldaqstant, huwa ġust li r-rikorrenti tenfasizza li d-dritt ta’ għajnuna mill-Istat mhux ippreokkupat mill-forom legali li jistgħu jingħataw it-tranżazzjonijiet, iżda mir-realtà ekonomika tagħhom.

104    Konsegwentement, l-argumenti formalistiċi tal-Kummissjoni, ibbażati fuq id-dritt Franċiż, għandhom jiġu miċħuda.

105    It-tieni nett, jista’ jiġi kkonstatat li r-rikorrenti tinvoka b’mod konvinċenti li rikapitalizzazzjoni qabel il-bejgħ huwa mezz li jippermetti li wieħed ma jkunx milqut mill-projbizzjoni tad-dritt Franċiż, li jiġi stipulat prezz negattiv f’kuntratt ta’ bejgħ.

106    Il-kwistjoni li jkun magħruf x’inhu l-impatt ekonomiku, fil-kawża inkwistjoni, ta’ dan il-bejgħ bi prezz negattiv ser jiġi eżaminat fil-kuntest tat-tielet u s-sitt partijiet ta’ dan il-motiv.

107    It-tielet nett, hemm lok li jiġi enfasizzat li d-deċiżjonijiet iċċitati mir-rikorrenti u mir-Repubblika Franċiża juru l-possibbiltà ta’ bejgħ ta’ azzjonijiet tal-impriża bi “prezz negattiv”, jiġifieri permezz ta’ rikapitalizzazzjonijiet minn qabel mill-bejjiegħ (ara, b’mod partikolari, id-deċiżjonijiet tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni favur Combus AS, u tat-28 ta’ Awwissu 2009, dwar l-għajnuna mill-Istat C 6/09 (ex N 663/08) dwar miżuri favur l-Austrian Airlines).

108    Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li r-raġunament tal-Kummissjoni, fil-premessi 99 sa 102 tad-deċiżjoni kkontestata, li jgħid li minħabba li l-prezz tat-trażmissjoni kien negattiv, ma kienx hemm bejgħ u għal din ir-raġuni wkoll, l-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2 ma ġiex osservat, huwa żbaljat.

109    Għaldaqstant, it-tieni parti tar-raba’ motiv għandha tiġi milqugħa.

 Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq żbalji ta’ liġi u ta’ fatt imwettaq mill-Kummissjoni meta fil-premessi 103 sa 116 tad-deċiżjoni kkontestata, hija kkunsidrat li t-tranżazzjoni kienet tikkostitwixxi trażmissjoni ta’ Sernam “kollha kemm hi” (kemm l-assi kif ukoll l-obbligazzjonijiet)

110    Ir-rikorrenti tippreżenta żewġ ilmenti insostenn tat-tielet parti. L-ewwel nett, hija tikkritika lill-Kummissjoni li fil-premessi 103 u 113 sa 116 tad-deċiżjoni kkontestata, hija kkunsidrat li t-trażmissjoni li għamlet ma kinitx limitata għall-assi, iżda kienet tinkludi lil Sernam kollha kemm hi (kemm l-assi kif ukoll l-obbligazzjonijiet) u li, għal din ir-raġuni wkoll, il-kundizzjoni dwar il-bejgħ tal-assi f’daqqa ta’ Sernam prevista mill-Artikolu 3(2), tad-Deċiżjoni Sernam 2 ma kinitx ġiet osservata. It-tieni nett, hija essenzjalment tikkritikaha li fil-premessi 108 sa 112 u 124 tad-deċiżjoni kkontestata, iddiżassoċjat b’mod artifiċjali l-bejgħ tal-assi f’daqqa ta’ Sernam f’żewġ tranżazzjonijiet distinti — l-ewwel tranżazzjoni kkostitwita mill-injezzjoni parzjali tal-assi ta’ Sernam lill-Sernam Xpress u t-tieni tranżazzjoni kkostitwita mill-bejgħ tat-azzjonijiet ta’ Sernam Xpress lil Financière Sernam — meta fir-realtà kienet tranżazzjoni unika, simultanja għal kollox u indissoċjabbli, imwettqa “f’mument qasir ħafna” [traduzzjoni mhux uffiċjali], permezz tal-istess att, u li kienet qed tfittex l-uniku u l-istess objettiv, jiġifieri l-bejgħ tal-assi f’daqqa ta’ Sernam lil Financière Sernam.

 Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni kkunsidrat, bi żball, fil-premessi 103 u 113 sa 116 tad-deċiżjoni kkontestata, li t-trażmissjoni mwettqa mir-rikorrenti ma kinitx limitata għall-assi, iżda kienet tinkludi lil Sernam kollha kemm hi (kemm l-assi kif ukoll l-obbligazzjonijiet)

111    Ir-rikorrenti essenzjalment tippreżenta tliet argumenti. L-ewwel nett, hija tqis li l-Kummissjoni qrat b’mod żbaljat l-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2, meta ppreżupponiet, fil-punt 103 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-bejgħ tal-assi f’daqqa, kellu jittratta biss l-assi ta’ Sernam u jeskludi l-obbligazzjonijiet. It-tieni nett, hija tinvoka l-limitazzjonijiet tad-dritt nazzjonali sabiex tispjega li kellha tgħaqqad ċertu obbligazzjonijiet, speċjalment l-obbligazzjonijiet tal-operat, u dan bl-uniku għan li ma jkunx hemm għalfejn jiġi eżerċitat id-dritt tal-oppożizzjoni tal-kredituri, kif previst mil-liġi Franċiża. It-tielet nett, ir-rikorrenti tinvoka li, għall-kuntrarju tal-affermazzjoni tal-Kummissjoni, fil-premessa 116 tad-deċiżjoni kkontestata, iċ-ċessjoni ma kinitx tirrigwarda lil Sernam “kollha kemm hi” (kemm l-assi kif ukoll l-obbligazzjonijiet), fatt li huwa kkonfermat mis-siltiet kontradittorji tad-deċiżjoni kkontestata inkwantu għad-delimitazzjoni eżatta tas-suġġett taċ-ċessjoni.

–       Fuq l-ewwel argument, li jgħid li l-Kummissjoni qrat b’mod żbaljat l-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2, meta ppreżupponiet li l-bejgħ tal-assi f’daqqa ta’ Sernam kellu jittratta biss l-assi ta’ Sernam minbarra l-obbligazzjonijiet

112    L-ewwel nett, ir-rikorrenti targumenta li l-kunċett tal-bejgħ tal-assi f’daqqa kien jeżiġi, skont id-definizzjoni, li l-bejgħ jinkludi l-assi kollha ta’ Sernam u li dawn jinbiegħu “f’daqqa”, jiġifieri kollha flimkien lil xerrej wieħed u lill-istess xerrej, iżda ma timplikax li l-assi neċessarjament jinbiegħu waħidhom.

113    Jirriżulta mill-premessa 103 tad-deċiżjoni kkontestata li “[a]nke jekk wieħed iqis li t-trażmissjoni tal-attivitajiet ta’ [Sernam] lil Financière Sernam tikkostitwixxi bejgħ, ir-rispett lejn l-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2 jassumi li tali -bejgħ jikkonċerna biss l-assi u mhux lil [Sernam] kollha kemm hi (kemm l-assi kif ukoll l-obbligazzjonijiet)” u li “[d]an jirriżulta mill-premessa 217 tad-Deċiżjoni Sernam 2 ”. Fil-premessa 113 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni spjegat ukoll li “l-premessa 217 tad-Deċiżjoni Sernam 2 […] stabbilixxiet distinzjoni ċara bejn, min-naħa l-waħda, il-bejgħ tal-assi u, min-naħa l-oħra, il-bejgħ ta’ [Sernam] kollha kemm hi (kemm l-assi kif ukoll l-obbligazzjonijiet)”.

114    Konformement mal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 87 hawn fuq, id-dispożittiv ta’ att huwa indissoċjabbli mill-motivazzjoni tiegħu, b’tali mod li għandu jiġi interpretat, jekk ikun hemm bżonn, b’kunsiderazzjoni għall-motivi li wasslu għall-adozzjoni tiegħu.

115    Iż-żewġ paragrafi alternattivi tal-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2 jinqraw kif ġej:

“1. Mingħajr ħsara għall-paragrafu 2, għandhom jiġu rispettati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)      Sernam tista’ twettaq biss l-attivitajiet tagħha ta’ servizz tal-posta bil-ferrovija, skont il-kunċett tat-Train Bloc Express, (‘TBE’) […]

(b)      Min-naħa tagħha, fis-sentejn li jibdew mid-data tan-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, Sernam għandha tissostitwixxi bis-sħiħ ir-riżorsi u s-servizzi tagħha tat-trasport bit-triq b’riżorsi u servizzi ta’ impriża waħda jew aktar, li jkunu legalment u ekonomikament indipendenti mill-SNCF, u jintgħażlu skont proċedura miftuħa, trasparenti u mhux diskriminatorja. […]

2. Fil-każ li Sernam tbigħ l-assi tagħha f’daqqa sat-30 ta’ Ġunju 2005, bil-prezz tas-suq, permezz ta’ proċedura trasparenti u miftuħa, lil kumpanija mingħajr rabta legali mal-SNCF, il-kundizzjonijiet tal-paragrafu 1 ma jibqgħux jgħoddu.”

116    Il-premessa 217 tad-Deċiżjoni Sernam 2 tinqara kif ġej:

“Il-Kummissjoni tfakkar ukoll li, fil-każ li Sernam tinbiegħ kollha (kemm l-assi kif ukoll l-obbligazzjonijiet), hekk kif previst mill-awtoritajiet Franċiżi, iridu jiġu applikati l-kundizzjonijiet tad-deċiżjoni (l-akkwist mill-ġdid tal-attivitajiet tat-triq ta’ Sernam minn impriżi oħrajn u d-diversifikazzjoni tal-attivitajiet ta’ Sernam lejn it-trasport ferrovjarju tal-merkanzija) fi kwalunkwe każ. Min-naħa l-oħra, kieku Sernam [kellha] tbigħ l-assi kollha f’daqqa, il-Kummissjoni tfakkar li ż-żewġ kundizzjonijiet imsemmija hawn fuq, relatati mar-ristrutturar tal-kumpanija ma jkunux japplikaw, billi Sernam ma tkunx se tibqa’ topera bil-forma legali attwali tagħha u tkun illiberat l-ishma tagħha tas-suq favur l-akkwirent indipendenti (li de facto jkun jista’ jkompli l-attivitajiet tagħha bl-assi ta’ Sernam).”

117    Jirriżulta minn dan it-test li d-Deċiżjoni Sernam 2 b’mod ċar tikkuntrasta li “Sernam tinbiegħ kollha (kemm l-assi kif ukoll l-obbligazzjonijiet)” mal-“bejgħ tal-assi kollha f’daqqa” ta’ Sernam.

118    Konsegwentement, huwa ġust li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-bejgħ tal-assi f’daqqa, skont it-tifsira tal-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2, moqrija fid-dawl tal-premessa 217 tal-istess deċiżjoni, kellu jinkludi biss l-assi u jeskludi l-obbligazzjonijiet.

119    Interpretazzjoni kuntrarja ta’ din id-dispożizzjoni tkun ekwivalenti sabiex tiġi miċħuda d-differenza eżistenti bejn iż-żewġ kundizzjonijiet alternattivi previsti fl-Artikolu 3(1) u (2) tad-Deċiżjoni Sernam 2 (u ż-żewġ xenarji ta’ bejgħ previsti fil-premessa 217 tad-deċiżjoni msemmija). Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li fl-ipoteżi fejn il-bejgħ tal-assi f’daqqa għandu jiġi interpretat bħala li jinkludi wkoll l-obbligazzjonijiet, isir illoġiku u inkoerenti li jiġu marbuta kundizzjonijiet differenti mal-paragrafu 1 u mal-paragrafu 2 tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Sernam 2.

120    It-tieni nett, ir-rikorrenti targumenta li jekk kien meħtieġ li tranżazzjoni tiġi kkuntrastata mal-bejgħ tal-assi f’daqqa, dan għandu jkun il-bejgħ tal-assi separatament u mhux il-bejgħ ta’ Sernam “kollha kemm hi” (kemm l-assi kif ukoll l-obbligazzjonijiet), kif affermat il-Kummissjoni stess fil-kawżi li wasslu għas-sentenzi SMI, punt 52 iktar ’il fuq (EU:C:2004:238, punti 68 u 70), u CDA, punt 52 iktar ’il fuq (EU:T:2005:364, punt 73).

121    Hemm lok li dan l-argument jiġi miċħud sa fejn il-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni li tikkonċerna kawżi oħra, ma tistax taffettwa l-validità ta’ deċiżjoni kkontestata, li ma tistax tiġi evalwata ħlief fid-dawl tar-regoli oġġettivi tat-trattat (sentenza tal-20 ta’ Mejju 2010, Todaro Nunziatina & C., C‑138/09, Ġabra, EU:C:2010:291, punt 21).

122    Fil-kawża inkwistjoni, id-Deċiżjoni Sernam 2 għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-motivi proprja tagħha u mhux fid-dawl tal-pożizzjoni tal-Kummissjoni rigward kawżi oħra. Madankollu, huwa ċar li l-oppożizzjoni bejn bejgħ tal-assi f’daqqa u bejgħ tal-assi separatament ma tinsabx fid-Deċiżjoni Sernam 2.

123    It-tielet nett, ir-rikorrenti targumenta li, kieku din kienet ir-rieda tagħha, il-Kummissjoni kellha tippreċiża b’mod ċar fid-Deċiżjoni Sernam 2 li l-bejgħ tal-assi f’daqqa kien jeskludi l-obbligazzjonijiet u f’dan ir-rigward irreferiet, waqt is-seduta, għad-deċiżjonijiet li ttieħdu qabel fil-kawża magħrufa bħala “tarzni Pollakki”, li kienu iktar iddettaljati fir-rigward tal-kundizzjonijiet imposti — hija rreferiet b’mod partikolari għall-premessi 349, 350 u 354 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tas‑6 ta’ Novembru 2008, dwar għajnuna mill-Istat C 19/05 (ex N 203/05) mogħtija mill-Polonja lil Stocznia Szczecińska (ĠU 2010, L 5, p. 1), u l-premessi 401 sa 410 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Novembru 2008, dwar l-għajnuna mill-Istat C 17/05 (ex N 194/05 u PL 34/04) mogħtija mill-Polonja lil Stocznia Gdynia (ĠU 2010, L 33, p. 1).

124    F’dan il-punt, minbarra l-fatt li d-Deċiżjoni Sernam 2 hija definittiva u ma tistax tiġi kkontestata fil-kuntest tar-rikors, jirriżulta mill-premessa 217 tagħha li d-deċiżjoni Sernam 2 kienet ċara biżżejjed, billi kkuntrastat il-kundizzjonijiet marbuta mal-bejgħ ta’ Sernam kollha kemm hi (kif l-assi kif ukoll l-obbligazzjonijiet) ma’ dawk marbuta mal-bejgħ tal-assi f’daqqa ta’ Sernam, abbażi tal-fatt li l-bejgħ tal-assi f’daqqa kien jeskludi l-obbligazzjonijiet. Fi kwalunkwe każ, peress li l-Kummissjoni hija obbligata twettaq analiżi individwalizzata taċ-ċirkustanzi proprji ta’ kull kawża, hija ma tinsabx marbuta b’deċiżjonijiet oħrajn, aħseb u ara deċiżjonijiet sussegwenti.

125    Għaldaqstant, l-ewwel argument għandu jiġi miċħud.

–       Fuq it-tieni argument, ibbażat fuq il-fatt li huma l-limitazzjonijiet tad-dritt nazzjonali li obbligaw lir-rikorrenti tgħaqqad ċerti obbligazzjonijiet mal-assi ta’ Sernam (minbarra l-obbligazzjonijiet finanzjarji)

126    Ir-rikorrenti targumenta li hija kienet kostretta li tgħaqqad l-obbligazzjonijiet tal-operat mal-assi ta’ Sernam bl-uniku għan li ma jiġix eżerċitat id-dritt tal-oppożizzjoni tal-kredituri previst mil-liġi Franċiża. Hija ssostni li d-dritt Franċiż jippermetti lill-kredituri jopponu t-tranżazzjonijiet ta’ injezzjoni jew ta’ ċessjoni u jiksbu jew ir-rimbors immedjat tal-krediti tagħhom, jew il-kostituzzjoni tal-garanziji. Barra minn hekk, fil-każ ta’ ftuħ ta’ proċedura kollettiva ulterjuri, il-kredituri setgħu jikkontestaw l-atti biex jitnaqqas il-patrimonju tad-debitur tagħhom li seħħew 18-il xahar qabel il-ftuħ tal-proċedura kollettiva. Għalhekk, skont ir-rikorrenti, kieku nbiegħu biss l-assi ta’ Sernam, il-kredituri ta’ Sernam kienu jerġgħu jsibu ruħhom kredituri ta’ kumpannija mingħajr ebda assi u mgħobbija b’ħafna dejn, li kien iċaħħadhom minn kull prospett ta’ rimbors u, konsegwentement, x’aktarx kienu jopponu ċ-ċessjoni tal-assi biss f’daqqa ta’ Sernam, jew, kieku aċċettaw din iċ-ċessjoni tal-assi biss, huma ċertament kienu jikkontestawhom fil-kuntest tal-istralċ sussegwenti li kien iseħħ. Skont ir‑rikorrenti, minn dan kien irriżulta l-bżonn, li jingħaqdu l-obbligazzjonijiet tal-operat sabiex ikun possibbli t-twettiq taċ-ċessjoni tal-assi ta’ Sernam.

127    F’dan ir-rigward, minħabba l-fatt li r-rikorrenti ma turix li l-bejgħ tal-assi biss ċaħħad lill-kredituri minn kull possibbiltà ta’ rimbors, sa fejn dan il-bejgħ normalment kellu jiġġenera dħul għal Sernam, xieraq li jiġi rrilevat li dan it-tip ta’ argument, ibbażat fuq speċifiċitajiet tad-dritt nazzjonali, iserraħ fuq il-premessa żbaljata li skontha l-Kummissjoni imponiet l-osservanza tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2, minkejja li kienet teżisti possibbiltà ta’ għażla bejn iż-żewġ paragrafi tal-Artikolu 3 tal-istess deċiżjoni.

128    Kif tenfasizza l-Kummissjoni fid-difiża tagħha, jekk ir-rikorrenti u l-Istat Membru affaċċjaw diffikultajiet fl-implementazzjoni tal-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2, minħabba ostakoli prattiċi jew ostakoli affaċċjati fid-dritt nazzjonali, huma kellhom diversi għażliet, jiġifieri japplikaw il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni Sernam 2, iduru lura lejn il-Kummissjoni sabiex jaqsmu dawn id-diffikultajiet u jiddiskutu modifika eventwali ta’ din il-kundizzjoni skont il-linji gwida dwar is-salvataġġ u r-ristrutturazzjoni, jew inkella jipproċedu bl-irkupru tal-għajnuna illegali inkompatibbli, jekk ikun il-bżonn billi tiġi stralċjata Sernam.

129    Konsegwentement, ir-rikorrenti ma tistax targumenta, fil-kawża inkwistjoni, bil-limitazzjonijiet eżistenti fid-dritt nazzjonali sabiex tiġġustifika l-evażjoni tal-kundizzjoni li hija kienet għażlet.

130    Għaldaqstant, it-tieni argument għandu jiġi miċħud.

–       Fuq it-tielet argument, ibbażat fuq il-fatt li t-trażmissjoni fir-realtà, ma kinitx tirrigwarda lil Sernam “kollha kemm hi” (kemm l-assi kif ukoll l-obbligazzjonijiet)

131    L-ewwel nett, ir-rikorrenti targumenta li, għall-kuntrarju tal-affermazzjoni tal-Kummissjoni, fil-premessa 116 tad-deċiżjoni kkontestata, it-trażmissjoni ma kinitx tirrigwarda lil Sernam “kollha kemm hi” (kemm l-assi kif ukoll l-obbligazzjonijiet), sa fejn l-obbligazzjonijiet finanzjarji u l-ammont tal-obbligu tar-rimbors tal-għajnuna ta’ EUR 41 miljun iddikjarata inkompatibbli mid-Deċiżjoni Sernam 2, ma kinux ġew assenjati lil Financière Sernam. It-tieni nett, hija tinnota siltiet kontradittorji tad-deċiżjoni kkontestata rigward id-delimitazzjoni eżatta tas-suġġett taċ-ċessjoni, bħall-Sernam “kollha kemm hi (kemm l-assi kif ukoll l-obbligazzjonijiet)” fil-punt 3.2.3.2 u fil-premessa 113 tad-deċiżjoni msemmija, “l-assi u l-obbligazzjonijiet kollha ta’ [Sernam ...] bl-eċċezzjonijiet li ġejjin” fil-premessa 114 tal-istess deċiżjoni, il-“biċċa l-kbira tal-assi u tal-obbligazzjonijiet” fil-premessa 115 tad-deċiżjoni kkontestata jew saħansitra “[Sernam] kollha kemm hi (kemm l-assi kif ukoll l-obbligazzjonijiet), bi ftit eċċezzjonijiet” fil-premessa 116 tad-deċiżjoni kkontestata.

132    Fil-premessi 114 u 115 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat is-segwenti:

“[…] Financière Sernam, permezz tal-akkwist ta’ Sernam Xpress, akkwistat l-assi u l-obbligazzjonijiet kollha ta’ [Sernam] […], bl-eċċezzjonijiet li ġejjin: min-naħa l-waħda, l-assi ġew miżjuda permezz tal-injezzjonijiet ta’ EUR 57 miljun favur [Sernam] u ta’ EUR 2 miljun favur Sernam Xpress […] u min-naħa l-oħra, l-obbligazzjonijiet ġew imnaqqsa bl-ammont tas-self azzjonarju kkuntrattat mill-kumpanija [Sernam] mal-grupp SNCF, [tal-]obbligazzjoni relatata mat-tħassir tal-kuntratt ‘IBM – GPS’, u bl-ammont tal-obbligu tar-rimborż tal-għajnuna inkompatibbli li tammonta għal EUR 41 miljun.

Madankollu, dawn l-aġġustamenti marġinali ma jistgħux jaħbu l-fatt li l-biċċa l-kbira tal-assi u l-obbligazzjonijiet ta’ [Sernam] verament ġew trasferiti, l-ewwel lil Sernam Xpress u mbagħad lil Financière Sernam.”

133    Fil-premessa 116 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet li “[g]ħalhekk, it-trażmissjoni tal-attivitajiet ma tikkostitwixxix bejgħ tal-assi, iżda trażmissjoni ta’ [Sernam] kollha kemm hi (kemm l-assi kif ukoll l-obbligazzjonijiet) bi ftit eċċezzjonijiet” u li, “[k]onsegwentement u għal din ir-raġuni wkoll, il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2 ma ġewx irrispettati”.

134    L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma tikkontestax li, fil-kuntest tal-injezzjoni, hija żiedet mal-assi kollha ta’ Sernam kważi l-obbligazzjonijiet kollha tagħha, minbarra ċerti obbligazzjonijiet finanzjarji (dawn jirrappreżentaw ammont totali ta’ EUR 38.5 miljun) u l-obbligu tar-rimbors tal-EUR 41 miljun ta’ għajnuna mill-Istat iddikjarata illegali u inkompatibbli mid-Deċiżjoni Sernam 2.

135    Dan jirriżulta wkoll mill-proċess kollu. Il-memorandum ta’ ftehim tal‑21 ta’ Lulju 2005 fil-fatt kien jipprevedi li Sernam kellha tagħti lil Sernam Express l-“elementi kollha tal-assi u l-obbligazzjonijiet ta’ Sernam minbarra l-[obbligazzjonijiet finanzjarji]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Jirriżulta wkoll mill-ftehim ta’ injezzjoni parzjali tal-assi ddatat l-14 ta’ Settembru 2005, li b’mod partikolari ngħaqdu flimkien (f’dak li jirrigwarda l-obbligazzjonijiet l-iktar importanti) valur ta’ avvajment negattiv (badwill) konsegwenti (valur negattiv tal-fond kummerċjali), interpolazzjoni tat-telf, dejn operattiv, dejn divers kif ukoll dejn marbut mal-holding. L-Approvazzjoni 2005-AC 2, tat-22 ta’ Lulju 2005, tal-Kumitat inkarigat mill-Privatizzazzjoni (commission des participations et des transferts) dwar it-trasferiment lis-settur privat tal-assi ta’ Sernam mir-rikorrenti, tfakkar ukoll il-fatt li r-rikorrenti ddeċidiet li tipproċedi biċ-“ċessjoni tal-assi f’daqqa u l-obbligazzjonijiet tal-operat tal-kumpannija” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Barra minn hekk, ir-rapport tal-bank X jesponi b’mod ċar li, “fil-prattika, il-kumpannija assenjata tiġbor l-assi u l-obbligazzjonijiet tal-operat kollha ta’ [Sernam] (inkluż tas-sussidjarji kollha u d-ditta), minbarra l-obbligazzjonijiet finanzjarji” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

136    It-tieni nett, għall-kuntrarju ta’ dak li tallega r-rikorrenti, l-esklużjoni mill-injezzjoni tal-obbligazzjonijiet finanzjarji u l-obbligu tar-rimbors tal-EUR 41 miljun ta’ għajnuna illegali u inkompatibbli, ma hijiex tali li tikkontesta l-konklużjoni li tgħid li l-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2 ma ġiex osservat, minħabba li, mill-punt 118 hawn fuq jirriżulta li s-sempliċi fatt li ma kienx limitat għall-bejgħ tal-assi biss ta’ Sernam u li ġiet magħquda l-biċċa l-kbira tal-obbligazzjonijiet, kien biżżejjed sabiex jiġi stabbilit ksur ta’ din id-dispożizzjoni. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li xi varjazzjonijiet editorjali tad-deċiżjoni kkontestata, enfasizzati mir-rikorrenti, fil-premessi 114, 115 jew 116 tad-deċiżjoni msemmija, jibqgħu koerenti u ma jaffettwawx il-validità tad-deċiżjoni kkontestata.

137    Għalhekk, il-Kummissjoni ma għamlet ebda żball ta’ liġi jew ta’ fatt rigward is-suġġett tat-tranżazzjoni meta affermat, fil-premessa 116 tad-deċiżjoni kkontestata, li t-trażmissjoni tal-attivitajiet ma kinitx tikkostitwixxi bejgħ tal-assi, iżda trażmissjoni ta’ Sernam kollha kemm hi (kemm l-assi kif ukoll l-obbligazzjonijiet), bi ftit eċċezzjonijiet.

138    Għaldaqstant, it-tielet argument għandu jiġi miċħud.

139    Jirriżulta minn dak li ntqal li l-ewwel ilment tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni bi żball ikkunsidrat, fil-premessi 108 sa 112 u 124 tad-deċiżjoni kkontestata, li t-trażmissjoni kienet tikkonsisti fi trasferiment f’daqqa tal-assi u l-obbligazzjonijiet fi ħdan grupp, segwit minn bejgħ ta’ azzjonijiet (share deal) tas-sussidjarja li rċeviethom.

140    Permezz tad-diversi argumenti tagħha ppreżentati wkoll fil-kuntest tat-tieni parti (ara l-punt 95 hawn fuq), ir-rikorrenti fil-prinċipju għandha l-għan li turi li d-dissoċjazzjoni li għamlet il-Kummissjoni tal-bejgħ tal-assi f’daqqa ta’ Sernam f’żewġ stadji (l-injezzjoni ta’ Sernam lill-Sernam Xpress, segwita minn ċessjoni tat-titoli ta’ Sernam Xpress lil Financière Sernam) hija artifiċjali u ma tikkorrispondix mar-realtà ta’ tranżazzjoni unika, simultanja għal kollox u indissoċjabbli, imwettqa f’“mument qasir ħafna”, u li ssegwi l-istess għan uniku, jiġifieri t-trasferiment tas-sjieda tal-assi f’daqqa ta’ Sernam lil Financière Sernam. F’dan ir-rigward hija tenfasizza li injezzjoni parzjali tal-assi segwita minn ċessjoni tat-titoli tal-kumpannija li tkun irċeviethom jikkwalifikaw bħala “bejgħ” fid-dritt Franċiż.

141    Għandu jiġi rrilevat li dawn l-argumenti huma ineffettivi minħabba li jirriżulta mill-analiżi tal-ewwel ilment li, anki jekk it-tranżazzjoni mwettqa tiġi analizzata kif tixtieq ir-rikorrenti, bħala tranżazzjoni unika ta’ bejgħ, ir-“riżultat” finali ta’ dawn iż-żewġ stadji ma jikkorrispondix, fi kwalunkwe każ, għal bejgħ tal-assi biss u li l-għan tal-bejgħ ma ġiex osservat, kif innotat ukoll ġustament il-Kummissjoni fil-premessi 103 u 113 sa 116 tad-deċiżjoni kkontestata.

142    Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ma żbaljatx fl-analiżi tagħha, meta kkunsidrat li dawn iż-żewġ tranżazzjonijiet ma kinux jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2, sew jekk jiġu analizzati b’mod iżolat, fil-premessi 108 sa 112 tad-deċiżjoni kkontestata, sew globalment, fil-premessi 113 sa 116 tad-deċiżjoni kkontestata.

143    Għandu jiġi eżaminat jekk l-effett tad-diversi tranżazzjonijiet kienx dak mistenni, jiġifieri t-trażmissjoni effettiva, mhux iktar tard mit‑30 ta’ Ġunju 2005, tal-assi f’daqqa ta’ Sernam bil-prezz tas-suq lil kumpannija li ma għandhiex rabta legali mar-rikorrenti, permezz ta’ proċedura trasparenti u miftuħa. Mill-qari tad-deċiżjoni kkontestata, jidher li l-Kummissjoni ġustament evalwat l-istadji tal-bejgħ fir-rigward tal-effetti tagħhom, kemm individwalment, kif ukoll b’mod ikkombinat.

144    Fil-fatt, jirriżulta mill-analiżi tal-ewwel ilment li l-Kummissjoni ġustament ikkonstatat, fil-premessi 109 u 110 tad-deċiżjoni kkontestata, li t-tranżazzjoni magħrufa bħala “‘assenjazzjoni [injezzjoni] parzjali ta’ assi' (fil-verità ta’ assi u ta’ obbligazzjonijiet) [...] ma setgħetx tissejjaħ ‘bejgħ ta’ assi lil persuna terza'”, b’mod partikolari minħabba li dan tal-aħħar kien jirrigwarda mhux “biss l-assi, iżda wkoll l-obbligazzjonijiet kollha, minbarra xi dejn li kellha [Sernam] lejn il-kumpanija ewlenija tagħha, [ir-rikorrenti, u li għ]alhekk, dan kien jinvolvi trażmissjoni ta’ [Sernam] kollha kemm hi (kemm l-assi kif ukoll l-obbligazzjonijiet), u mhux bejgħ ta’ assi biss” u li, “[peress li] din it-trażmissjoni saret [għall-benefiċċju ta’ sussidjarja 100 %, [Sernam Xpress], […] din l-assenjazzjoni [injezzjoni] ma saritx lil xi impriża terza u indipendenti [mir-rikorrenti]”.

145    Huwa ġust ukoll li l-Kummissjoni kkonstatat, fil-premessi 108 u 111 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-azzjonijiet ta’ Sernam Xpress kienu nbiegħu lil Financière Sernam, u dak kien jikkostitwixxi “share deal” jew bejgħ ta’ azzjonijiet.

146    Fil-fatt, dan kien bejgħ ta’ azzjonijiet, jew b’mod iktar speċifiku bejgħ ta’ azzjonijiet lil kumpannija finta, Sernam Xpress, li fiha ġew injettati minn qabel l-assi kollha ta’ Sernam kif ukoll l-obbligazzjonijiet tal-operat tagħha, jiġifieri, il-kważi-totalità ta’ Sernam.

147    Konsegwentement, il-Kummissjoni, ma wettqitx żball fil-premessa 111 tad-deċiżjoni kkontestata, meta kkunsidrat li dan il-bejgħ ta’ azzjonijiet lanqas ma kien jikkostitwixxi bejgħ ta’ assi lil terz.

148    Għalhekk, il-Kummissjoni ma wettqet ebda żball ta’ fatt jew ta’ dritt, u ġustament analizzat, fid-deċiżjoni kkontestata, l-effetti ekonomiċi tat-tranżazzjoni kollha, kif ukoll tal-partijiet kostituttivi tagħha, sabiex tivverifika jekk il-kundizzjonijiet ta’ kompatibbiltà previsti fl-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2 kinux ġew osservati.

149    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, it-tieni lment għandu jiġi miċħud ukoll.

150    Għalhekk, it-tielet parti tar-raba’ motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq ir-raba’ parti, ibbażata fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Kummissjoni meta fil-premessa 117 tad-deċiżjoni kkontestata, ikkunsidrat li t-trażmissjoni ma kinitx limitata għall-assi ta’ Sernam, imma żdiedet b’EUR 57 miljun netti

151    Ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni li fil-premessa 117 tad-deċiżjoni kkontestata, ikkunsidrat li s-somma ta’ EUR 57 miljun netti ġiet miżjuda mal-assi ta’ Sernam. L-ewwel nett, hija targumenta li, hawnhekk il-Kummissjoni qed toħloq konfużjoni bejn is-suġġett tal-bejgħ (l-assi) u l-prezz imħallas għalihom u li dan il-prezz negattiv ta’ EUR 57 miljun netti huwa prezz tas-suq li jirriżulta minn proċedura ta’ sejħa għal offerti miftuħa, trasparenti, mingħajr kundizzjonijiet u mhux diskriminatorja, ikkonfermata minn diversi esperti indipendenti. It-tieni nett, hija targumenta li, minħabba li kienet taf perfettament li Sernam kienet f’defiċit, il-Kummissjoni kellha tispeċifika, fid-Deċiżjoni Sernam 2 li hija kienet qed tipprojbixxi ċessjoni bi prezz negattiv.

152    Fil-premessa 117 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni essenzjalment qieset li permezz tar-rikapitalizzazzjonijiet ta’ Sernam u ta’ Sernam Xpress, żdiedet somma netta ta’ EUR 57 miljun mal-assi ta’ Sernam u li t-tali żieda mal-assi ma kinitx awtorizzata mill-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2.

153    L-ewwel nett huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma għamlet ebda konfużjoni bejn is-suġġett tal-bejgħ u l-prezz tal-bejgħ. Is-somma ta’ EUR 57 miljun netti, permezz tar-rikapitalizzazzjonijiet suċċessivi ta’ Sernam u sussegwentement ta’ Sernam Xpress, fil-fatt ġiet miżjuda mal-assi ta’ Sernam u, sussegwentement, ta’ Sernam Xpress.

154    It-tieni nett, jirriżulta mill-analiżi tat-tielet parti li huwa żbaljat li r-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni kellha tippreċiża li hija ma xtaqitx prezz negattiv, b’kunsiderazzjoni għas-sitwazzjoni ta’ defiċit ta’ Sernam, minħabba li l-prezz negattiv jirriżulta mill-fatt li l-obbligu li ma jinbigħux ħlief l-assi ta’ Sernam, mingħajr l-obbligazzjonijiet, ma kienx ġie osservat.

155    Fil-fatt, ir-rikorrenti, bħala tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali waqt is-seduta, ammettiet li, meta assi jiġu assenjati individwalment, dawn ikollhom valur li jista’ jkun pożittiv jew null, iżda ma jistax ikun negattiv.

156    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tenfasizza li, fi tmiem l-ewwel sejħa għal offerti, il-kandidati ntalbu evalwazzjoni tal-assi ta’ Sernam “cash free, debt free”, jiġifieri mingħajr ma jiġu kkunsidrati la l-flus u lanqas id-dejn, li wasslet għal proposti ta’ prezzijiet kollha pożittivi.

157    Dan ma ġiex ikkontestat mir-rikorrenti, li madankollu wieġbet li dawn l-offerti preliminari, mhux vinkolanti, ma kinux ħlief rifless ta’ teknika sempliċi ta’ valutazzjoni u li dan bl-ebda mod ma kien ifisser li l-attività kienet ser tiġi assenjata mingħajr dejn u mingħajr flus, iżda sempliċement li l-kandidati ntalbu jġibu l-evalwazzjoni tagħhom tal-valur tal-impriża indipendentement mil-livelli ta’ dejn jew mill-ammonti tal-flus tal-kumpannija mmirata, u dan sabiex ikun possibbli tqabbil oġġettiv tal-offerti mitfugħa.

158    Konsegwentement, kif tenfasizza l-Kummissjoni, dawn il-valutazzjonijiet “cash free, debt free” (mingħajr ma jiġu kkunsidrati l-flus u d-dejn) pożittivi juru li, kieku r-rikorrenti kienet sempliċement biegħet l-assi mingħajr l-obbligazzjonijiet, il-prezz ta’ bejgħ tagħhom kien ikun pożittiv jew null iżda mhux negattiv.

159    Għalhekk, ir-raba’ parti tar-raba’ motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq il-ħames parti, ibbażata fuq żbalji ta’ liġi u ta’ fatt imwettqa mill-Kummissjoni meta fil-premessi 118 u 119 tad-deċiżjoni kkontestata, ikkunsidrat li l-bejgħ tal-assi f’daqqa ta’ Sernam ma sarx permezz ta’ proċedura trasparenti u miftuħa

160    Ir-rikorrenti, appoġġjata minn Franza, targumenta li l-Kummissjoni, fil-premessi 118 u 119 tad-deċiżjoni kkontestata, għamlet żbalji. Ir-rikorrenti, appoġġjata minn Franza, essenzjalment tippreżenta erba’ lmenti filwaqt li r-Repubblika Franċiża tressaq ilment wieħed.

161    Qabel ma jiġu ttrattati dawn l-ilmenti, xieraq li jitfakkar li l-premessi 118 u 119 jaqraw kif ġej:

“Għall-ewwel, l-awtoritajiet Franċiżi organizzaw proċedura trasparenti u miftuħa. Madankollu, fl-aħħar ta’ din il-proċedura, [ir-rikorrenti] ma kienet irċeviet l-ebda offerta vinkolanti.

B’segwitu għall-falliment tal-proċedura trasparenti u miftuħa, ġie konkluż il-kuntratt li kien jirrigwarda d-diversi tranżazzjonijiet ta’ trażmissjoni tal-attivitajiet ta’ [Sernam], ma’ Financière Sernam. Billi din tal-aħħar ma kinitx ipparteċipat bħala tali u b’mod awtonomu fil-proċedura trasparenti u miftuħa, fl-aħħar mill-aħħar it-trażmissjoni tal-attivitajiet ma seħħitx permezz ta’ proċedura trasparenti u miftuħa.”

 Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq il-fatt li t-tim tat-tmexxija pparteċipa fis-sejħa għall-offerti mill-bidu nett

162    Ir-rikorrenti u r-Repubblika Franċiża jargumentaw, essenzjalment, li l-offerta tat-tim ta’ tmexxija ta’ Sernam, kienet tikkostitwixxi r-riżultat ta’ proċess trasparenti u miftuħ sal-punt li t-tim tat-tmexxija pparteċipa fil-proċess tas-sejħa għall-offerti mill-bidu nett fi ħdan il-konsorzju ffurmat mal-kandidat Nru 5, u ssottometta offerta waħda li inizjalment kienet flimkien mal-kandidat Nru 5, wara li l-imsieħeb tiegħu, fil-15 ta’ Ġunju 2005, kien wera l-inkapaċità tiegħu, li jagħmel offerta konkreta sa ż-żmien stipulat.

163    L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li kien il-konsorzju magħmul mill-kandidat Nru 5 u t-tim ta’ tmexxija li inizjalment ipparteċipa fis-sejħa għal offerti u ssottometta offerta preliminari, u mhux il-membri individwali tiegħu.

164    Fil-fatt, xieraq li jiġi enfasizzat li kien il-kontenut tal-proġett ippreżentat mill-konsorzju mmexxi mill-kandidat Nru 5, fit-totalità tiegħu, li inizjalment intgħażel meta mqabbel ma’ dak tal-kandidat Nru 4, wara tmiem it-tieni sejħa għal offerti. L-awtoritajiet Franċiżi urew dan b’mod ċar fit-tweġiba tagħhom tas-6 ta’ Jannar 2012 għall-mistoqsijiet tal-Kummissjoni.

“Fir-rigward tal-proposta [tal-kandidat Nru 5], din kienet ibbażata fuq diversi prinċipji ewlenin, jiġifieri b’mod partikolari t-teħid ta’ responsabbiltà mir-rikorrenti tal-bżonnijiet finanzjarji ta’-Sernam, stmati mill-[kandidat Nru 5] għal [ammont sinjifikattiv], in-nuqqas ta’ assunzjoni tad-dejn finanzjarju ta’ Sernam ([...] EUR, li, miżjuda mat-teħid ta’ responsabbiltà [tal-ammont sinjifikattiv] ta’ bżonnijiet finanzjarji, irriżultaw fi prezz negattiv ta’ EUR –56.4 miljun) u sħubija kapitalistika mat-tim tat-tmexxija ta’ Sernam.

Il-prospetti ta’ talba ta’ rikapitalizzazzjoni minn qabel min-naħa [tal-kandidat Nru 5] kienu inferjuri għal dawk prevedibbli fin-negozjati mal-[kandidat Nru 4]. [Il-kandidat Nru 4] fil-fatt irrefera b’mod impliċitu għall-bżonn ta’ rikapitalizzazzjoni minn qabel ta’ Sernam mir-[rikorrenti] sa massimu [ta’ ammont iktar sinjifikattiv minn dak tal-kandidat Nru 5,] li, miżjud mat-teħid ta’ responsabbiltà tad-dejn finanzjarju, kien jirriżulta fi prezz negattiv ta’ EUR –65.2 miljun.

Konsegwentement, id-deċiżjoni ttieħdet mir-[rikorrenti] li tkompli d-diskussjonijiet biss [mal-kandidat Nru 5] u l-maniġment ta’ Sernam.”

165    It-tieni nett, għandu jiġi kkonstatat li l-offerta konkreta tat-tim tat-tmexxija kienet ’il bogħod ħafna mill-offerta tat-tieni ċiklu li għamel il-konsorzju mmexxi mill-kandidat Nru 5, u ħafna iktar ta’ żvantaġġ għall-bejjiegħ.

166    Jirriżulta mit-tweġiba tal-awtoritajiet Franċiżi msemmija fil-punt 164 hawn fuq, kif ukoll mill-ittri tad-29 ta’ Marzu u tas-7 ta’ April 2005 tal-konsorzju (dik tas-7 ta’ April tirriproduċi t-termini prinċipali tal-offerta tiegħu tad-29 ta’ Marzu u tinkludi l-emendi diskussi wara s-sottomissjoni tagħha), li l-offerta tat-tieni ċiklu tal-konsorzju, f’dan l-istadju stmat għal ammont sinjifikattiv il-bżonnijiet ta’ rikapitalizzazzjoni mir-rikorrenti, filwaqt li t-tim ta’ tmexxija fl-aħħar stmahom f’ammont ħafna ogħla, jiġifieri EUR 59 miljun (jew EUR 57 miljun netti) fl-offerta finali tiegħu. Hekk kif tenfasizza l-Kummissjoni matul is-seduta, għandu jiġi pparagunat dan l-ammont sinjifikattiv stmat fl-offerta tat-tieni ċiklu tal-konsorzju mmexxi mill-kandidat Nru 5 mal-ammont ħafna ogħla ta’ EUR 57 miljun inkluż fl-offerta konkreta tat-tim tat-tmexxija, minħabba li dawn iż-żewġ ammonti jikkorrispondu għall-bżonnijiet stmati tar-rikapitalizzazzjoni tal-kumpannija destinatarja mir-rikorrenti. Ma’ dawn il-bżonnijiet finanzjarji, żdied ukoll ir-rinunzja ta’ krediti, stmati f’ammonti relattivament simili fl-offerta tat-tieni ċiklu tal-konsorzju u fl-offerta konkreta tat-tim tat-tmexxija.

167    Konsegwentement, f’April 2005, l-offerta negattiva tat-tieni ċiklu tal-konsorzju kienet tammonta għall-massimu, (mingħajr ma tiġi kkunsidrata l-injezzjoni kapitali sinjifikattiva li l-kandidat Nru 5 ippropona li jagħmel permezz tas-sottoskrizzjoni ta’ żieda tal-kapital) għal madwar EUR –56.4 miljun (offerta “kollox inkluż”, jiġifieri kemm ir-rikapitalizzazzjoni kif ukoll ir-rinunzja tal-krediti mir-rikorrenti), filwaqt li dik tat-tim tat-tmexxija kienet tammonta għal madwar EUR –95.5 miljun, b’parametri identiċi (jiġifieri l-EUR 57 miljun netti ta’ rikapitalizzazzjoni li magħhom żdiedu l-EUR 38.5 miljun tar-rinunzja ta’ krediti mir-rikorrenti).

168    Minn dak li ntqal jirriżulta li ġustament il-Kummissjoni ma kkunsidratx bħala ekwivalenti f’termini ta’ kredibbiltà u ta’ solidità, l-offerta ta’ investitur finanzjarju, il-kandidat Nru 5, li barra minn hekk, ippropona li jinjetta ammont sinjifikattiv fil-kapital ta’ Sernam, u dik ta’ 84 impjegat maniġerjali u diriġenti li kienu ser jiffinanzjaw ammont żgħir, jiġifieri EUR 2 miljun tal-prezz, mir-riżorsi personali tagħhom.

169    It-tielet nett, ir-rikorrenti u r-Repubblika Franċiża jenfasizzaw li n-natura trasparenti u miftuħa ta’ proċedura ma tiqafx ladarba finalment jintgħażel l-aħjar kandidat u jiġu skartati, skont id-definizzjoni, l-oħrajn, u li d-diskussjonijiet ikomplu mal-“aħħar parti interessata”.

170    Min-naħa, l-“aħħar persuna interessata” tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti trasparenti u miftuħa kien il-kandidat Nru 4. Fil-fatt, jirriżulta mill-punt 164 hawn fuq li l-offerta konkreta tat-tim tat-tmexxija, jiġifieri dik ta’ EUR –95.5 miljun, kienet ukoll inqas interessanti għall-bejjiegħ mill-offerta preliminari tat-tieni ċiklu tal-kandidat Nru 4, jiġifieri prezz negattiv ta’ EUR –65.5 miljun, b’parametri identiċi (jiġifieri b’rikapitalizzazzjoni u rinunzja ta’ krediti mir-rikorrenti). Kif enfasizzat il-Kummissjoni fin-noti tagħha, wara l-irtirar tal-kandidat Nru 5, kellhom għalhekk iduru lejn il-kandidat Nru 4, li kien parti mill-proċess sa mill-bidu u kien ukoll esprima l-interess tiegħu fl-eżitu tat-tieni ċiklu.

171    Min-naħa l-oħra, l-offerta tat-tim ta’ tmexxija ma tistax tiġi kkunsidrata bħala dik tal-“aħħar parti interessata”, peress li ma ħax sehem b’mod indipendenti fil-proċedura trasparenti u miftuħa.

172    Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti targumenta li ma huwiex rilevanti li tiġi pparagunata l-offerta konkreta tat-tim tat-tmexxija mal-offerta mhux vinkolanti tal-konsorzju li kien parti minnu, minħabba li l-offerta konkreta biss hija valida, anki jekk ma hijiex l-aħjar waħda.

173    Dan l-argument għandu jiġi miċħud minħabba li l-mistoqsija li hawn hawnhekk hija li jkun magħruf jekk l-offerta konkreta tat-tim tat-tmexxija nħarġitx mill‑proċess ta’ sejħa għal offerti, li neċessarjament jimplika li jiġu eżaminati l-offerti mhux vinkolanti ppreżentati matul il-proċess ta’ sejħa għal offerti.

174    Għalhekk, l-argument li għandu l-għan li juri li t-tim tat-tmexxija pparteċipa mill-bidu tas-sejħa għal offerti, għandu jiġi miċħud minħabba li ma pparteċipax b’mod awtonomu u ma ssottomettiex waħdu l-offerta li inizjalment kien issottometta mal-kandidat Nru 5. Għalhekk, l-offerta tiegħu ma tistax titqies li hija r-riżultat ta’ proċedura trasparenti u miftuħa.

175    Għalhekk, l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq il-validità tal-offerta ta’ Financière Sernam, minkejja li din tal-aħħar, fil-mument tas-sottomissjoni tal-offerta tat-tim ta’ tmexxija, kienet għadha ma twaqqfitx

176    Ir-rikorrenti tippreċiża li, min-naħa, il-kostituzzjoni ta’ kumpannija wara l-aċċettazzjoni tal-offerta, kienet tikkorrispondi għal prattika komuni fil-qasam tas-sejħiet għal offerti u, min-naħa oħra, li l-persuni fiżiċi li jikkostitwixxu t-tim ta’ tmexxija kellhom, min-naħa tagħhom, eżistenza ġuridika proprja, biżżejjed sabiex jissottomettu offerta.

177    Jista’ jiġi rrilevat li dawn l-argumenti huma ineffettivi minħabba li ma jirriżultax mid-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni kkritikat lil Financière Sernam minħabba n-nuqqas ta’ personalità ġuridika tagħha matul il-proċedura ta’ sejħa għal offerti, iżda minħabba li l-offerta tat-tim ta’ tmexxija, u għalhekk Financière Sernam, ma kinitx ir-riżultat ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti trasparenti u miftuħa.

178    Għaldaqstant, it-tieni lment għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet ilment, ibbażat fuq il-fatt li l-kandidati kollha kellhom l-opportunità li jippreżentaw offerta, ġew ittrattati b’mod ugwali u kellhom possibbiltajiet ta’ informazzjoni u kundizzjonijiet ta’ termini identiċi

179    Ir-rikorrenti, appoġġjata mir-Repubblika Franċiża, targumenta li jirriżulta mill-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni u mill-ġurisprudenza li n-natura miftuħa u trasparenti ta’ sejħa għal offerti, tissoponi li l-partijiet kollha suxxettibbli li jkunu interessati kellhom l-opportunità li jippreżentaw offerta u sabiex jagħmlu dan, kellhom possibbiltajiet ta’ informazzjoni u kundizzjonijiet ta’ termini identiċi, kif kien il-każ fil-kawża inkwistjoni.

180    Dan l-argument, ibbażat fuq it-trattament ugwali tal-parteċipanti, għandu jiġi miċħud, minħabba li l-offerta tat-tim tat-tmexxija ma kinitx parti minn din il-proċedura ta’ sejħa għal offerti.

181    Għaldaqstant, it-tielet ilment għandu jiġi miċħud.

 Fuq ir-raba’ lment, ibbażat fuq il-fatt li, skont il-ġurisprudenza, il-fatt, bħal fil-kawża inkwistjoni, li qabel il-bejgħ ta’ assi, ikunu saru tentattivi bla suċċess ma’ kumpannija oħra jikkostitwixxi “indikatur tali li jistabbilixxi li l-proċedura segwita kienet miftuħa u trasparenti biżżejjed”

182    Ir-rikorrenti targumenta li, fis-sentenzi SMI, punt 52 iktar ’il fuq (EU:C:2004:238), u CDA, punt 52 iktar ’il fuq (EU:T:2005:364), il-fatt li qabel il-bejgħ ta’ assi, ikunu saru tentattivi bla suċċess ma’ kumpannija oħra, jikkostitwixxi “indikatur tali li jistabbilixxi li l-proċedura segwita kienet miftuħa u trasparenti biżżejjed” (sentenzi SMI, punt 52 iktar ’il fuq, EU:C:2004:238, punt 95, u CDA, punt 52 iktar ’il fuq, EU:T:2005:364, punt 110). Hija tqis li dan huwa wkoll il-każ fil-kawża inkwistjoni, minħabba li qabel il-bejgħ lit-tim tat-tmexxija, kienu saru tentattivi bla suċċess mal-konsorzju ffurmat mal-kandidat Nru 5.

183    Għandu jiġi rrilevat li, għalkemm f’uħud mill-kawża inkwistjoni, tali ċirkustanzi jistgħu jikkostitwixxu indikatur li l-proċedura segwita kienet miftuħa u trasparenti biżżejjed, dan ma jikkostitwixxix prova konklużiva. Fil-kawża inkwistjoni, il-Kummissjoni ma setgħetx tkun issodisfatta bl-eżistenza eventwali ta’ tali indikatur sabiex tivverifika jekk il-kundizzjoni ta’ proċedura trasparenti u miftuħa imposta b’mod ċar mill-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2, ġietx issodisfatta. Jirriżulta mill-analiżi tal-ewwel ilment, fil-punti 162 sa 175 hawn fuq, li din il-kundizzjoni ma ġietx issodisfatta.

184    Għaldaqstant, ir-raba’ lment għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ilment tar-Repubblika Franċiża, ibbażat fuq il-fatt li l-prezz negattiv ta’ EUR 57 miljun, ġie vvalidat bħala prezz tas-suq mill-perizji sottomessi

185    Ir-Repubblika Franċiża targumenta li l-prezz negattiv ta’ EUR 57 miljun kien ġie kkonfermat mill-perizji sottomessi, li ġurisprudenza rrikonoxxiet il-valur tagħhom sabiex jiġi ddeterminat jekk bejgħ twettaqx skont il-kundizzjonijiet normali tas-suq.

186    Dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv, minħabba li hawnhekk qed jiġi vverifikat jekk ġiex osservat l-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2, sa fejn dan jeżiġi proċedura trasparenti u miftuħa, u mhux il-verifika tal-prezz mill-perizji.

187    Fir-rigward ta’ dak li ntqal qabel, il-ħames parti tar-raba’ motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq is-sitt parti, ibbażata fuq żbalji ta’ liġi u ta’ fatt imwettqa mill-Kummissjoni meta fil-premessi 121 sa 123 tad-deċiżjoni kkontestata, ikkunsidrat li l-għan aħħari tal-bejgħ tal-assi ma ġiex osservat

188    Ir-rikorrenti essenzjalment tippreżenta żewġ ilmenti. Permezz tal-ewwel ilment tagħha, ir-rikorrenti targumenta li l-għan aħħari tal-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2 ma ġiex osservat, minħabba li l-attività ta’ Sernam ġiet interrotta. Permezz tat-tieni lment tagħha, hija tikkunsidra li l-kunċett ta’ bejgħ tal-assi f’daqqa fir-realtà kien jippermetti li l-attività tkompli.

 Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq il-fatt li l-għan aħħari tal-bejgħ tal-assi f’daqqa ġie osservat, minħabba li l-attività ekonomika ta’ Sernam ġiet interrotta

189    Mill-premessi 121 u 122 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-għan aħħari tal-bejgħ tal-assi, kif previst fil-premessa 217 tad-Deċiżjoni Sernam 2, kien li jillibera l-partijiet mis-suq u l-assi ta’ Sernam, kif ukoll li jippermetti lil terz sabiex juża dawn l-assi, u li konsegwentement, il-bejgħ tal-assi kellu l-intenzjoni li jinterrompi l-attività ekonomika ta’ Sernam. Fil-premessa 123 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li fil-kawża inkwistjoni, Sernam kienet ġiet akkwistata kollha kemm hi mid-diriġenti tagħha, li ngħaqdu fi grupp mal-futura Financière Sernam, u li l-kontinwità ekonomika kienet totali. Barra minn hekk, hija qieset li l-impriża sabet ruħha ħielsa minn parti sostanzjali tad-dejn tagħha u rċeviet kapital ġdid li jammonta għal EUR 59 miljun, li EUR 57 miljun minnhom baqgħu taħt ir-responsabbiltà ekonomika tar-rikorrenti. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkonkludiet li, minbarra l-fatt li t-tranżazzjoni li saret ma kinitx tosserva l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2, hija lanqas ma kienet tippermetti li jintlaħqu l-għanijiet ta’ din id-deċiżjoni u għall-kuntrarju, kienet twassal lill-entità ekonomika għal rinfurzar suxxettibbli li jaggrava d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni li l-miżuri imposti mid-Deċiżjoni Sernam 2 preċiżament kellhom l-għan li jtaffu.

190    Qabel ma jiġu eżaminati fil-punti 196 sa 211 iktar ’il quddiem id-diversi argumenti tar-rikorrenti, il-Qorti Ġenerali tqis li hemm lok li jiġi evalwat l-għan aħħari tal-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2, ikkunsidrat fid-dawl tal-motivi tiegħu.

191    Jirriżulta b’mod partikolari mill-premessi 200 u 208 sa 211 tad-Deċiżjoni Sernam 2, fil-parti li ġġib l-isem “Prevenzjoni ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni – korrispettivi speċifiċi” [traduzzjoni mhux uffiċjali], li l-Kummissjoni l-ewwel nett ikkunsidrat li kellhom jittieħdu miżuri sabiex jittaffew, kemm jista’ jkun possibbli, il-konsegwenzi negattivi, għall-kompetituri, tal-għajnuna ta’ EUR 503 miljun mogħtija lil Sernam, li l-limitu jew it-tnaqqis sfurzat tal-preżenza fis-suq jew is-swieq inkwistjoni fejn topera l-kumpannija, kien jirrappreżenta korrispettiv għall-kompetituri u li l-korrispettivi setgħu jieħdu forom differenti skont jekk il-kumpannija toperax jew le f’suq li għandu kapaċità żejda. Barra minn hekk, b’kunsiderazzjoni għall-applikazzjoni abbużiva tal-għajnuna kkonstatata fl-istess deċiżjoni, u taż-żieda taż-żmien tal-pjan tar-ristrutturazzjoni, il-Kummissjoni kkunsidrat li Sernam kellha tipprovdi korrispettiv partikolari billi tirtira b’mod permanenti minn partijiet tas-suq li essenzjalment għandhom kapaċità żejda, fil-kawża inkwistjoni dawk tal-konsolidazzjoni u tal-kunsinna tradizzjonali tal-posta li tinġarr bit-triq, sabiex l-approvazzjoni tal-parti tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni tkun tista’ tiġi ġġustifikata. Il-Kummissjoni enfasizzat li l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat fi swieq f’sitwazzjoni ta’ kapaċità strutturali żejda, jew li sejrin lura, ikollha bħala konsegwenza immedjata li tippermetti li impriża li kellha twaqqaf l-attivitajiet tagħha wara d-diffikultajiet iddikjarati tagħha, tokkupa artifiċjalment partijiet mis-swieq estremament imfittxija b’detriment għall-intrapriżi kompetituri u finanzjarjament b’saħħithom.

192    Dawn il-motivi jiġġustifikaw il-kundizzjonijiet imposti mill-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni Sernam 2, jiġifieri l-akkwist mill-ġdid ta’ attivitajiet bit-triq ta’ Sernam minn impriżi oħra u d-diversifikazzjoni tal-attivitajiet ta’ Sernam lejn it-trasport bil-ferroviji, u għalhekk l-għan kien li titneħħa l-preżenza ta’ Sernam mis-suq li għandu kapaċità żejda sabiex tiġi evitata kull distorsjoni tal-kompetizzjoni marbuta mal-għoti tal-għajnuna ta’ EUR 503 miljun għar-ristrutturazzjoni.

193    Mill-premessa 217 tad-Deċiżjoni Sernam 2, li taqa’ taħt l-istess parti ddedikata għall-prevenzjoni tad-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni bħall-premessi 200, 208 sa 211 imsemmija hawn fuq, jirriżulta li jekk Sernam kellha tbigħ l-assi tagħha “f’daqqa”, iż-żewġ kundizzjonijiet imsemmija hawn fuq, dwar ir-ristrutturazzjoni tal-kumpannija, “ma [...] japplikaw[x], billi Sernam ma [...] tibqa[x] topera bil-forma legali attwali tagħha u [tillibera] l-ishma tagħha tas-suq favur l-akkwirent indipendenti (li de facto jkun jista’ jkompli l-attivitajiet tagħha bl-assi ta’ Sernam)”.

194    Hekk, kif fakkret il-Kummissjoni matul is-seduta, iż-żewġ paragrafi tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Sernam 2, li huma espressament alternattivi, kienu jikkundizzjonaw l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni ta’ EUR 503 miljun u kellhom l-istess għan tal-prevenzjoni tad-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni kkawżati minn din l-għajnuna. Il-fatt li, fil-każ ta’ bejgħ ta’ assi f’daqqa, ma kienx hemm iktar il-bżonn li jiġi impost l-irtirar mis-settur tat-triq li għandu kapaċità żejda, fattur li ma jistax jiġi spjegat ħlief bil-fatt li, fil-każ ta’ bejgħ tal-assi f’daqqa ta’ Sernam, bil-prezz tas-suq, lil kumpannija li ma kellhiex rabta legali mar-rikorrenti permezz ta’ proċedura trasparenti u miftuħa, Sernam kienet tisparixxi ekonomikament mis-suq, u magħha, id-distorsjoni tal-kompetizzjoni marbuta mal-għoti ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni ta’ Sernam. Konsegwentement, il-“liberazzjoni ta’ partijiet tas-suq għall-benefiċċju tal-akkwirent indipendenti” [traduzzjoni mhux uffiċjali] kif imsemmi fil-premessa 217 tad-Deċiżjoni Sernam 2, għandha titqies li ġġib fi tmiemha d-distorsjoni tal-kompetizzjoni, jiġifieri l-attività ssussidjata ta’ Sernam.

195    Minn dak li ntqal s’issa jirriżulta li l-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat, fil-punt 122 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-għan aħħari tal-bejgħ tal-assi f’daqqa ta’ Sernam kien li jinterrompi l-attività ekonomika ta’ Sernam.

196    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti, appoġġjata mir-Repubblika Franċiża targumenta li l-attività ta’ Sernam ġiet interrotta minħabba li l-assi tagħha ġew ċeduti kollha f’daqqa lill-istess akkwirent, fl-istess waqt u li Sernam ma ġietx akkwistata fit-totalità tagħha, kif uriet fil-kuntest tat-tielet parti.

197    Madankollu, jirriżulta mill-analiżi tat-tielet parti tar-raba’ motiv (ara l-punti 134 sa 137 hawn fuq), li r-rikorrenti mhux sempliċement ittrasferixxiet l-assi kollha tagħha f’daqqa lill-istess akkwirent, iżda assenjat ukoll l-obbligazzjonijiet kważi kollha tagħha, bi ksur tal-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2. Inkwantu għall-argument li jgħid li hija madankollu ma assenjatx eżattament lil Sernam kollha kemm hi, dan diġà ġie miċħud fil-punt 136 u 137 hawn fuq.

198    It-tieni nett, ir-rikorrenti targumenta li Sernam ma operatx iktar taħt il-forma ġuridika li kellha qabel iċ-ċessjoni, peress li hija Financière Sernam li kompliet l-attivitajiet ta’ Sernam bis-saħħa tal-assi assenjati.

199    Madankollu, mill-għan aħħari tal-bejgħ tal-assi f’daqqa impost mid-Deċiżjoni Sernam 2, li kien li kumpannija falluta tisparixxi ekonomikament mis-suq, jirriżulta li s-sempliċi bidla fid-denominazzjoni ġuridika ta’ Sernam ma kinitx biżżejjed sabiex tiġi kkonstatata l-interruzzjoni effettiva tal-attività ekonomika tagħha.

200    It-tielet nett, ir-rikorrenti tenfasizza li hija ma kellha ebda rabta legali mat-tim tat-tmexxija, u għalhekk, ma’ Financière Sernam, u li, konsegwentement, l-akkwist mill-ġdid ta’ Sernam mid-diriġenti tagħha, ma huwiex sinjal ta’ kontinwità ekonomika.

201    Sa fejn dan l-element huwa msemmi, fil-premessa 123 tad-deċiżjoni kkontestata, b’mod superfluwu fil-konfront tal-fatt li Sernam kienet ġiet akkwistata mill-ġdid kollha kemm hi, tali argumenti huma ineffettivi.

202    Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li, fit-30 ta’ Ġunju 2005, id-diriġenti ta’ Sernam li kienu għamlu l-offerta, kienu għadhom ma rriżenjawx mill-karigi tagħhom ta’ president-direttur ġenerali u ta’ aġent direttur ġenerali ta’ Sernam (l-Artikolu 4 tal-Memorandum ta’ Ftehim tal-21 ta’ Lulju 2005 kien jippreċiża li huma kellhom jirriżenjaw fid-data tat-twettiq tat-tranżazzjoni) u għalhekk kienu għadhom jagħmlu parti mill-grupp tar-rikorrenti.

203    Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti targumenta li l-partijiet mis-suq ta’ Sernam ġew illiberati favur Financière Sernam, li setgħet tkompli l-attività bl-assi ta’ Sernam.

204    Madankollu, mill-proċess jirriżulta li l-għan aħħari tat-tranżazzjoni implementata mir-rikorrenti kien li Sernam tiġi assenjata kollha kemm hi sabiex tinżamm ħajja u titpoġġa fuq saqajha, għall-kuntrarju tal-għan tal-interruzzjoni tal-attività ekonomika tagħha u li jiġu lliberati l-partijiet mis-suq tagħha favur l-akkwirent tal-assi tagħha.

205    L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li l-avviż tas-sejħa għal offerti tar-rikorrenti tad-29 ta’ Novembru 2004 kien jindika li r-rikorrenti kienet bdiet il-proċess tal-għażla ta’ akkwirent li kapaċi “jiżgura t-tkomplija tal-attivitajiet ta’ Sernam” u li r-rikorrenti kienet partikolarment attenta “għat-tkomplija tal-attivitajiet ta’ Sernam u sabiex tissalvagwardja l-impjiegi”. Bl-istess mod, ir-rapport tal-Bank X lill‑Kumitat inkarigat mill-Privatizzazzjoni tal-21 ta’ Lulju 2005, kien jindika li “t-tranżazzjoni prevista kienet l-akkwist mill-ġdid tal-kumpannija”, u “tal-grupp Sernam”.

206    It-tieni nett, l-Approvazzjoni 2005-AC 2, tat-22 ta’ Lulju 2005, tal-Kumitat inkarigat mill-Privatizzazzjoni msemmi hawn fuq uriet li “l-fondi mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-kumpannija l-ġdida kienu maħsuba sabiex jippermettulha tiffinanzja l-bżonnijiet marbuta mar-ristrutturazzjoni tagħha li jippermettilha terġa’ lura għal operat bilanċjat” u li “Sernam il-ġdida tiddisponi minn kull mezz ġust li għandu jippermetti lill-impriża, totalment indipendenti mir-rikorrenti, sabiex tagħmel l-ewwel eżerċizzji li baqgħu diffiċli, sabiex terġa’ ssib waħidha jew bl-għajnuna ta’ investituri, sitwazzjoni ta’ operat normali”.

207    It-tielet nett, jirriżulta mill-proċess kollu, u b’mod partikolari mir-rapport tal-bank X u mill-offerta konkreta ta’ akkwist mill-ġdid ippreżentata mit-tim ta’ tmexxija, li ż-żewġ elementi ewlenin sabiex tiġi ddimensjonata l-offerta tal-akkwist mill-ġdid kienu l-bżonnijiet finanzjarji ta’ Sernam sabiex tiffinanzja l-pjan ta’ rkupru tagħha u r-rikapitalizzazzjoni neċessarji fid-dawl tat-telf stmat għall-perijodu mill-2005 sal-2008 u li l-prezz negattiv ta’ EUR 59 miljun kien jirriżulta sa ammont sinjifikattiv ħafna tal-bżonnijiet ta’ finanzjament marbuta mar-ristrutturazzjoni ta’ Sernam u sa ammont moderat tal-bżonnijiet ta’ finanzjament tal-ispejjeż għall-implementazzjoni tat-tnaqqis tal-persunal previst fil-pjan kummerċjali, li jaqbeż l-ammont li kellu jiġi ttrasferit għal dan l-għan b’applikazzjoni tal-liġi u l-ftehim kollettiv applikabbli. Ir-rapport tal-bank X, f’dan ir-rigward jippreċiża li “l-proposta tat-tim ta’ tmexxija […] hija akkumpanjata, fil-każ inkwistjoni, minn rikapitalizzazzjoni meqjusa indispensabbli mit-tim tat-tmexxija sabiex jiġi implementat il-pjan ta’ rkupru tiegħu u jagħtih il-fiduċja meħtieġa għall-formulazzjoni tal-offerta konkreta tiegħu għal akkwist mill-ġdid, jiġifieri [EUR 59 miljun]”.

208    Ir-raba’ nett, mill-analiżi tat-tielet u r-raba’ partijiet hawn fuq, jirriżulta li ġustament il-Kummissjoni affermat, fil-premessa 123 tad-deċiżjoni kkontestata, li barra minn hekk, l-impriża kienet ġiet illiberata minn parti tad-dejn tagħha (fil-fatt id-dejn finanzjarju ma ġiex miżjud mal-injezzjoni) u kienet irċeviet kapital ġdid li jammonta għal EUR 59 miljun, li EUR 57 miljun minnhom baqgħu taħt ir-responsabbiltà tar-rikorrenti.

209    Il-ħames nett, għandu jiġi rrilevat ukoll li d-Deċiżjoni Sernam 2 kienet tipprevedi li, fil-każ li Sernam tinżamm fis-suq, kemm parti mill-grupp tar-rikorrenti kif ukoll permezz tal-bejgħ ta’ Sernam kollha kemm hi (kemm l-assi kif ukoll l-obbligazzjonijiet), kellhom japplikaw il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 3(1), u f’dan il-każ, Sernam kellha tirtira mis-suq tat-trasport bit-triq li għandu kapaċità żejda. Għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma targumentax li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 3(1) ġew implementati għalkemm hija kienet biegħet lil Sernam kważi kollha kemm hi.

210    Jirriżulta minn dak li ntqal s’issa li huwa żbaljat li r-rikorrenti tallega li l-attività ekonomika ta’ Sernam ġiet interrotta, minħabba li fil-verità, kienet Sernam kważi kollha kemm hi (kemm l-assi kif ukoll l-obbligazzjonijiet) li ġiet trażmessa u miżmuma attiva fis-suq, bi bżonn qawwi ta’ rikapitalizzazzjoni sabiex jiġi ffinanzjat pjan ġdid ta’ rkupru, u li l-tranżazzjoni implementata ma kinitx tippermetti li jintlaħqu l-għanijiet tad-Deċiżjoni Sernam 2, jiġifieri li jiġu evitati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni marbuta mal-għoti tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni approvata mid-Deċiżjoni Sernam 2, iżda li għall-kuntrarju wasslet sabiex ġew aggravati d-distorsjonijiet, filwaqt li ssaħħet l-entità ekonomika benefiċjarja tal-għajnuna msemmija, b’mod partikolari fis-swieq li għandhom kapaċità żejda.

211    Għaldaqstant, l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq il-fatt li l-kunċett ta’ bejgħ ta’ assi f’daqqa fir-realtà kien jippermetti t-tkomplija tal-attività ta’ Sernam

212    Ir-rikorrenti essenzjalment tqis li, jekk ir-rieda tal-Kummissjoni wara d-Deċiżjoni Sernam 2 kienet li ttemm l-attivitajiet ta’ Sernam, din tal-aħħar kellha tipprevedi tranżazzjoni oħra milli l-bejgħ tal-assi f’daqqa, li fil-verità kienet parti integrali, kemm mill-perspettiva legali kif ukoll minn perspettiva ekonomika, għat-tkomplija tal-attività ta’ Sernam. Konsegwentement, il-Kummissjoni ma tistax tikkritika b’ċertu mod il-kontinwità tal-attività ekonomika bejn Sernam u Financière Sernam.

213    B’mod preliminari, għandu jitfakkar li, fl-ipoteżi fejn ir-rikorrenti tipprova, permezz ta’ dan l-argument, timmina l-formulazzjoni u r-rilevanza tal-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2, l-argumenti tagħha għandhom jiġu miċħuda, sa fejn, peress li d-Deċiżjoni Sernam 2 ma kinitx ġiet ikkontestata, hija saret definittiva. Għalhekk ma huwiex possibbli li tiġi eżaminata l-legalità tagħha fil-kuntest ta’ dan ir-rikors. L-allegazzjonijiet ta’ żball fil-formulazzjoni tad-Deċiżjoni Sernam 2 konsegwentement huma inammissibbli.

214    Sakemm dawn il-miżuri għandhom l-għan li juru li d-Deċiżjoni Sernam 2 kien tawtorizza lir-rikorrenti tistruttura t-tranżazzjoni tal-bejgħ tal-assi f’daqqa kif għamlet, minħabba li ċ-ċessjoni tal-assi f’daqqa hija fir-verità parti integrali għat-tkomplija tal-attività, għandu jiġi rrilevat li dawn huma direttament kontra l-argumenti ta’ qabel tar-rikorrenti, skont liema, l-attività ekonomika ta’ Sernam ġiet interrotta mit-tranżazzjoni.

215    L-ewwel nett, ir-rikorrenti targumenta li mill-punti 68 sa 70 tas-sentenza SMI, punt 52 iktar ’il fuq (EU:C:2004:238), u mill-punt 73 tas-sentenza CDA, punt 52 iktar ’il fuq (EU:T:2005:364), jirriżulta li ċ-ċessjoni tal-assi f’daqqa fil-verità hija parti integrali kemm minn perspettiva legali kif ukoll minn perspettiva ekonomika, għat-tkomplija tal-attività, għall-kuntrarju tal-kunċett taċ-ċessjoni tal-assi separatament li jimplika ċessjoni totali jew parzjali tal-attività.

216    L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li dan l-argument huwa ineffettiv, minħabba li minn analiżi tat-tielet parti jirriżulta li, fil-verità, Sernam kollha kemm hi ġiet assenjata u mhux biss l-assi tagħha.

217    It-tieni nett, il-punti ppreżentati mir-rikorrenti jikkonċernaw l-argumenti mqajma mill-Kummissjoni quddiem il-qrati tal-Unjoni f’kawżi speċifiċi, u mhux evalwazzjoni ġenerali tal-qrati tal-Unjoni dwar il-kunċett ta’ bejgħ tal-assi f’daqqa. Issa, id-deċiżjoni kkontestata, għandha tiġi eżaminata fid-dawl tat-trattat u tad-Deċiżjoni Sernam 2, u mhux fid-dawl tal-argumenti żviluppati mill-Kummissjoni f’litigazzjonijiet ta’ kawżi oħra.

218    F’dan ir-rigward, diġà ġie kkonstatat fil-punt 122 hawn fuq, li ma kienx hemm oppożizzjoni bejn “bejgħ ta’ assi f’daqqa” u “bejgħ ta’ assi separatament” fid-Deċiżjoni Sernam 2 u li d-Deċiżjoni Sernam 2 kienet ċara biżżejjed dwar il-fatt li l-obbligazzjonijiet ma kellhomx jiġu mibjugħa f’każ li jiġi segwit ix-xenarju ta’ bejgħ ta’ assi f’daqqa. Barra minn hekk, skont il-premessa 217 tad-Deċiżjoni Sernam 2 in fine, l-akkwirent tal-assi f’daqqa ta’ Sernam seta’ de facto jkompli bl-attivitajiet proprji tiegħu bl-assi ta’ Sernam. Għalkemm dan jista’ jagħti l-idea ta’ tkomplija tal-attività ekonomika tal-impriża benefiċjarja tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni ddikjarata kompatibbli mid-Deċiżjoni Sernam 2, għandu madankollu jiġi rrilevat li dan għandu jirrigwarda l-attività ta’ kull attur ieħor minbarra Sernam, jiġifieri l-attività tal-akkwirent, li jintegra l-assi ta’ Sernam fl-istrateġija kummerċjali proprja tiegħu mingħajr ma l-partijiet tas-suq tal-benefiċjarju jkunu tqiesu li huma “illiberati”.

219    It-tielet nett, jirriżulta mill-punti li tirreferi għalihom ir-rikorrenti (sentenzi SMI, punt 52 iktar ’il fuq, EU:C:2004:238, punti 68 sa 70, u CDA, punt 52 iktar ’il fuq, EU:T:2005:364, punt 73), dwar kwistjonijiet ta’ evażjoni tal-obbligu tal-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat li, għalkemm hemmhekk il-Kummissjoni kienet qed tenfasizza li “madankollu jinqalgħu problemi fil-każ li l-assi jiġu mibjugħa ‘f’daqqa', b’tali mod li jippermettu lill-akkwirent jissokta l-attività tal-kumpannija benefiċjarja [u li] f’din l-ipoteżi, il-fatt tat-tkomplija tal-attività sussidjata, jista’ jħalli fis-seħħ id-distorsjoni tal-kompetizzjoni, b’tali mod li tkun meħtieġa viġilanza partikolari sabiex jiġi evitat li ċ-ċessjoni ta’ beni tal-kumpannija benefiċjarja tippermetti li jiġi evitat l-obbligu tal-irkupru billi ‘jipproteġi’ l-assi msemmija” [traduzzjoni mhux uffiċjali], hija kienet qed tfakkar ukoll li, f’każ bħal dan, “l-evażjoni hija eskluża biss meta ċ-ċessjoni ‘f’daqqa' tal-beni tal-kumpannija benefiċjarja, minbarra li tkun saret bil-prezz tas-suq, tkun saret fil-kuntest ta’ proċedura mingħajr kundizzjonijiet u miftuħa għal kull kompetitur ta’ din tal-aħħar [u li, għalhekk] dan ma jkunx ħlief f’dan il-każ li l-akkwirenti ma jkunux obbligati li jirrimborsaw l-għajnuna” (sentenzi SMI, punt 52 iktar ’il fuq, EU:C:2004:238, punt 70, u CDA, punt 52 iktar ’il fuq, EU:T:2005:364, punt 73).

220    Issa, l-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2 ġustament jipprevedi prezz tas-suq permezz ta’ proċedura trasparenti u miftuħa. Madankollu, jirriżulta mill-analiżi tal-ħames parti li dan ir-rekwiżit lanqas ma ġie osservat fil-kawża inkwistjoni.

221    It-tieni nett, ir-rikorrenti tqis li, jekk l-għan tagħha kien li tiġi interrota l-attività ta’ Sernam, il-Kummissjoni kien messha speċifikat li hija riedet ċessjoni tal-assi materjali biss, bl-esklużjoni tal-fond kummerċjali li kien jippermetti l-issoktar tal-attività ekonomika.

222    L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li min-naħa, il-premessa 217 tad-Deċiżjoni Sernam 2 ma tagħmel ebda distinzjoni bejn assi materjali u mhux materjali u li, min-naħa oħra, id-deċiżjoni kkontestata ma tikkritikax lir-rikorrenti li għaqdet l-assi mhux materjali, inkluż il-fond kummerċjali, iżda l-obbligazzjonijiet.

223    It-tieni nett, jekk, permezz tal-argument invokat fil-punt 221 hawn fuq, ir-rikorrenti tirreferi għall-avvjament negattiv jew “badwill” rigward il-valur negattiv tal-fond kummerċjali, jirriżulta mill-punti 139 u 140 tal-osservazzjonijiet tal-awtoritajiet Franċiżi dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ li dan il-“badwill” huwa ddefinit bħala d-distakk li jista’ jeżisti bejn il-prezz tal-akkwist imħallas fi flus kontanti jew f’titoli u l-valur tal-assi u l-obbligazzjonijiet pagabbli akkwistati individwalment. L-awtoritajiet Franċiżi jinsistu fuq il-fatt li l-“badwill” ma ġiex iddeterminat b’mod awtonomu, u fil-fatt huwa l-konsegwenza, traskritta b’mod kontabbli, tal-valur ta’ suq negattiv ta’ EUR 57 miljun netti li jirriżultaw mill-proċedura ta’ sejħa għal offerti u li l-ammont tiegħu deher a posteriori fir-rigward tal-prezz mogħti mis-suq għall-“assi” ta’ Sernam, billi dan il-prezz innifsu huwa ddeterminat mill-unika offerta konkreta li saret. Dejjem skont l-awtoritajiet Franċiżi, il-“badwill” “għalhekk jikkostitwixxi r-riflessjoni tal-antiċipazzjoni, mill-akkwirent, tat-telf li għad irid ikun hemm u tal-ispejjeż għar-ristrutturazzjoni, u r-rapport tal-[bank X] jistipula wkoll meta jindika li żewġ elementi ewlenin sabiex tiġi vvalutata korrettement offerta ta’ akkwist mill-ġdid huma l-bżonnijiet finanzjarji tal-kumpannija sabiex tiffinanzja l-pjan tal-irkupru tagħha u r-rikapitalizzazzjoni neċessarja fid-dawl tat-telf stmat għall-perjodu [mill‑]2005 sal-2008 (paġna 47 tar-rapport)”.

224    Konsegwentement, mill-proċess jirriżulta li dak li r-rikorrenti ssemmi bħala “fond kummerċjali” ma jirreferix għal assi mhux materjali, iżda fil-verità jikkorrispondi għal traduzzjoni kontabbli tat-talbiet ta’ rikapitalizzazzjoni tat-tim tat-tmexxija, li fil-parti l-kbira tagħha hija dovuta għall-fatt li ġiet assenjata t-totalità ta’ impriża li kienet qed titlef il-flus, bl-obbligazzjonijiet tagħha.

225    It-tielet nett, ir-rikorrenti tqis li, fir-realtà, il-Kummissjoni riedet tillimita ċ-ċessjoni tal-assi f’daqqa ta’ Sernam lill-akkwirenti industrijalist, fatt li madankollu ma kienx indikat fid-Deċiżjoni Sernam 2.

226    Madankollu, mid-deċiżjoni kkontestata ma jirriżultax li l-fatt li l-akkwirent ma huwiex industrijalist tas-settur kien ir-raġuni għalfejn ġie kkonstatat in-nuqqas ta’ osservanza tal-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2, din il-konstatazzjoni tirriżulta prinċipalment mill-fatt li hija Sernam kollha kemm hi li ġiet assenjata, mingħajr madankollu ma ġew osservati l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni Sernam 2, b’mod partikolari dik dwar l-irtirar mis-settur li fih kapaċità żejda.

227    Għaldaqstant, it-tieni lment għandu jiġi miċħud ukoll.

228    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal s’issa, is-sitt parti tar-raba’ motiv għandha tiġi miċħuda.

 Konklużjonijiet dwar ir-raba’ motiv

229    Ir-rikorrenti tqis li żball wieħed fir-raġunament tal-Kummissjoni dwar il-ksur tal-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2 jista’ jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

230    Mill-ġurisprudenza jirriżulta li, sa fejn ċerti motivi ta’ deċiżjoni min-natura tagħhom huma tali li jiġġustifikaw id-deċiżjoni b’mod suffiċjenti fid-dritt, fi kwalunkwe każ, id-difetti li bihom jistgħu jkunu vvizzjati motivi oħra tal-att, ma jaffettwawx id-dispożittiv tagħha. Barra minn hekk, peress li d-dispożittiv ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni jistrieħ fuq diversi elementi ta’ raġunament, li kull wieħed minnhom, minnu nnifsu, huwa suffiċjenti sabiex jiġġustifika d-dispożittiv, fil-prinċipju, dan l-att jista’ jiġi annullat biss jekk kull wieħed minn dawn l-elementi huwa vvizzjat b’illegalità. F’dan il-każ, żball jew illegalità oħra li jaffettwaw wieħed biss mill-elementi ta’ raġunament ma jkunx suffiċjenti biex jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni inkwistjoni peress li ma jistax ikollu effett determinanti fuq id-dispożittiv sostnut mill-istituzzjoni awtriċi ta’ din id-deċiżjoni (ara s-sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2011, Eridania Sadam vs il-Kummissjoni, T‑579/08, EU:T:2011:608, punti 56 u 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

231    Fil-kawża inkwistjoni, għandu jiġi rrilevat li, għall-kuntrarju ta’ dak li tallega r-rikorrenti, sa fejn il-konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2 u, konsegwentement, tal-inkompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat tal-ammont ta’ EUR 503 miljun tiddependi, fid-deċiżjoni kkontestata, fuq diversi elementi li kull wieħed minnhom huwa biżżejjed waħdu sabiex fuqu jiġi bbażat dan id-dispożittiv, għandu jiġi kkonstatat li l-fatt li wieħed minn dawn l-elementi huwa żbaljat, fil-kawża inkwistjoni, dak dwar il-klassifikazzjoni tal-bejgħ, kif jindika l-punt 108 hawn fuq, waħdu mhux biżżejjed sabiex tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata f’dak li jirrigwarda l-konstatazzjoni dwar l-implementazzjoni abbużiva tal-għajnuna mill-Istat tal-ammont ta’ EUR 503 miljun approvati skont il-kundizzjonijiet tal-Kummissjoni fid-Deċiżjoni Sernam 2.

232    Għaldaqstant, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

2.     Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Kummissjoni meta kkunsidrat li l-obbligu tal-irkupru tal-għajnuna mill-Istat ta’ EUR 41 miljun, iddikjarata inkompatibbli mid-Deċiżjoni Sernam 2, kien ġie ttrasferit lil Financière Sernam u lis-sussidjarji tagħha

233    Ir-rikorrenti essenzjalment targumenta li, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-reġistrazzjoni fl-obbligazzjonijiet tal-likwidazzjoni ta’ Sernam tal-għajnuna mill-Istat ta’ EUR 41 miljun iddikjarata inkompatibbli mid-Deċiżjoni Sernam 2, kienet biżżejjed sabiex tiżgura l-eliminazzjoni tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni li tirriżulta f’din l-għajnuna u, f’dan ir-rigward hija tikkontesta li l-obbligu tar-rimbors tal-għajnuna msemmija ġie ttrasferit lil Financière Sernam u lis-sussidjarji tagħha. L-ewwel nett, hija ssostni li l-ebda wieħed mill-kriterji ta’ kontinwità ekonomika skont it-tifsira tas-sentenza Seleco, punt 52 iktar ’il fuq (EU:C:2003:252), ma huwa ssodisfatt fil-kawża inkwistjoni, għall-kuntrarju ta’ dak li qed tafferma l-Kummissjoni fil-premessi 144 sa 148 tad-deċiżjoni kkontestata. It-tieni nett, hija targumenta li r-reġistrazzjoni ta’ EUR 41 miljun fl-obbligazzjonijiet tal-likwidazzjoni ta’ Sernam kienet konformi mal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Sernam 2.

234    B’mod preliminari, kif ripetutament iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-reġistrazzjoni fit-tabella tad-dejn ta’ dik relatata mar-rimbors tal-għajnuna kkonċernata, ma tippermettix li jiġi ssodisfatt l-obbligu tal-irkupru ħlief jekk, fil-każ fejn l-awtoritajiet tal-Istat ma jkunux jistgħu jirkupraw l-ammont kollu tal-għajnuna, il-proċedura tal-falliment twassal għal-likwidazzjoni tal-impriża benefiċjarja tal-għajnuna illegali, jiġifieri t-twaqqif għal kollox tal-attività tagħha. Importanti li jitfakkar li, f’dan ir-rigward, l-irkupru tal-għajnuna ddikjarata inkompatibbli mas-suq intern għandu l-għan li jelimina d-distorsjoni tal-kompetizzjoni kkawżata mill-vantaġġ kompetittiv li l-benefiċjarju ta’ din l-għajnuna gawda minnu fis-suq meta mqabbel mal-kompetituri tiegħu, u b’hekk ireġġa’ lura s-sitwazzjoni għal dik li kienet qabel it-trasferiment tal-għajnuna msemmija. Madankollu, meta l-impriża li rċeviet l-għajnuna illegali tkun falluta u tkun inħolqot kumpannija biex tkompli wħud mill-attivitajiet tal-impriża falluta, it-tkomplija ta’ dawk l-attivitajiet jista’, fejn l-għajnuna konċernata ma tiġix irkuprata kompletament, idewwem id-distorsjoni tal-kompetizzjoni kkawżata mill-vantaġġ kompetittiv li dik il-kumpannija gawdiet fis-suq meta mqabbla mal-kompetituri tagħha. Għaldaqstant, tali kumpannija ġdida maħluqa tista’, jekk iżżomm dak il-vantaġġ, tkun meħtieġa tħallas lura l-għajnuna inkwistjoni. Dan huwa b’mod partikolari l-każ meta jiġi stabbilit li din il-kumpannija għadha effettivament tgawdi minn dan il-vantaġġ kompetittiv marbut mal-benefiċċju ta’ din l-għajnuna, b’mod partikolari, meta din tipproċedi għall-akkwist tal-assi tal-kumpannija fi stralċ mingħajr ma tħallas, inkambju, prezz skont il-kundizzjonijiet tas-suq jew meta jiġi stabbilit li l-ħolqien ta’ tali kumpannija kellu l-effett li jiġi evitat l-obbligu li titħallas lura tal-imsemmija għajnuna. Dan jgħodd, b’mod partikolari, meta l-ħlas ta’ prezz konformi mal-kundizzjonijiet tas-suq ma jkunx biżżejjed sabiex jinnewtralizza l-vantaġġ kompetittiv marbut mal-benefiċċju tal-għajnuna illegali. F’dan il-każ, ir-reġistrazzjoni tal-krediti relattivi għal għajnuna ddikjarata illegali u inkompatibbli mas-suq intern fit-tabella tad-dejn, waħidha ma hijiex biżżejjed, sabiex tiġi eliminata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni maħluqa b’dan il-mod (ara s-sentenzi tal-11 ta’ Diċembru 2012, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑610/10, Ġabra, EU:C:2012:781, punti 104 sa 107 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑24 ta’ Jannar 2013, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑529/09, Ġabra, EU:C:2013:31, punti 107 u 109 u l-ġurisprudenza ċċitata).

235    Skont il-ġurisprudenza fil-qasam tal-bejgħ tal-assi, sabiex jiġi evalwat jekk l-obbligu tal-irkupru tal-għajnuna mogħtija lil kumpannija f’diffikultà jistax jiġi estiż għal kumpannija ġdida li lilha din il-kumpannija ta’ qabel tkun ittrasferitilha ċertu assi, meta dan it-trasferiment jippermetti li tiġi kkonstatata kontinwità ekonomika bejn iż-żewġ kumpanniji, jistgħu jiġu kkunsidrati l-elementi li ġejjin: l-għan tat-trasferiment (assi u obbligazzjonijiet, żamma tal-persunal, assi miġbura f’daqqa), il-prezz tat-trasferiment, l-identità tal-azzjonisti jew is-sidien tal-impriża akkwirenti jew tal-impriża li nbiegħet, il-mument meta sar it-trasferiment (wara l-bidu tal-investigazzjoni, il-bidu tal-proċedura jew tad-deċiżjoni finali) jew saħansitra l-loġika ekonomika tat-tranżazzjoni (ara f’dan is-sens, is-sentenzi Seleco, punt 52 iktar ’il fuq, EU:C:2003:252, punti 78; tat-13 ta’ Settembru 2010, Il-Greċja et vs il-Kummissjoni, T‑415/05, T‑416/05 u T‑423/05, Ġabra, EU:T:2010:386, punt 135, u tat-28 ta’ Marzu 2012, Ryanair vs Il-Kummissjoni, T‑123/09, Ġabra, EU:T:2012:164, punt 155). Madankollu, il-Kummissjoni ma għandha ebda obbligu li tikkunsidra dawn l-elementi kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Ryanair vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, EU:T:2012:164, punt 156).

236    Għandu jiġi rrilevat li l-partijiet ma jikkontestawx din l-analiżi tal-kontinwità ekonomika, iżda l-applikazzjoni tagħha mill-Kummissjoni fil-kawża inkwistjoni.

 Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq il-fatt li fil-kawża inkwistjoni ma ġie ssodisfatt ebda kriterju ta’ kontinwità ekonomika

237    Ir-rikorrenti targumenta li fil-kawża inkwistjoni ma ġie ssodisfatt ebda kriterju ta’ kontinwità ekonomika skont it-tifsira tas-sentenza Seleco, punt 52 iktar ’il fuq (EU:C:2003:252), jiġifieri l-għan tat-trasferiment, il-prezz tat-trasferiment, l-identità tal-azzjonisti jew tas-sidien tal-impriża akkwirenti jew tal-impriża li nbiegħet, il-mument meta sar it-trasferiment jew saħansitra l-loġika ekonomika tat-tranżazzjoni, għall-kuntrarju tal-analiżi li għamlet il-Kummissjoni fil-premessi 144 sa 148 tad-deċiżjoni kkontestata.

238    Il-premessa 144 tad-deċiżjoni kkontestata taqra kif ġej:

“L-ewwel nett, f’dak li jirrigwarda t-trasferiment tal-assi u tal-obbligazzjonijiet kollha f’daqqa, bl-eċċezzjoni ta’ tliet obbligazzjonijiet finanzjarji […] mingħand [Sernam] lil Sernam Xpress, il-Kummissjoni tosserva li dan it-trasferiment kien ikopri l-impriża kollha kemm hi (ara t-Taqsima 3.2.3.). Għalhekk hemm kontinwità ekonomika bejn [Sernam] u Sernam Xpress […] Barra minn hekk, it‑trasferiment sar fost l-impriżi tal-grupp. Dan sar wara deċiżjoni finali tal-Kummissjoni li tordna l-irkupru tal-għajnuna u l-unika loġika ekonomika tagħha hija li jingħata permess għat-tkomplija tal-attivitajiet ta’ [Sernam], mingħajr ma jkun hemm għalfejn jiġu rrispettati l-kundizzjonijiet imposti mill-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Sernam 2. B’hekk, huma preżenti l-kriterji kollha li jindikaw il-kontinwità ekonomika skont id-Deċiżjoni u skont is-sentenza Seleco.”

 Fuq l-għan tat-trasferiment

239    Ir-rikorrenti targumenta li ma hijiex Sernam kollha kemm hi li ġiet mibjugħa lil Financière Sernam.

240    Jirriżulta madankollu, mill-analiżi tat-tielet parti tar-raba’ motiv, u b’mod partikolari mill-punti 134 sa 137 hawn fuq, li ġustament, fil-premessa 144 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li ġiet assenjata l-impriża kollha kemm hi, bi ksur tal-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2.

 Fuq l-identità tal-azzjonisti jew tas-sidien tal-impriża akkwirenti u tal-impriża li nbiegħet

241    Ir-rikorrenti targumenta li t-trasferiment tal-assi u l-obbligazzjonijiet kollha ta’ Sernam ma sarx fi grupp, għall-kuntrarju ta’ dak li affermat il-Kummissjoni fil-punt 144 tad-deċiżjoni kkontestata, minħabba li l-identità tal-azzjonisti ta’ Financière Sernam u dik tal-azzjonist ta’ Sernam huma differenti, l-azzjonisti tal-Financière Sernam kienu l-ex tim tat-tmexxija ta’ Sernam, filwaqt li l-azzjonist ta’ Sernam kienet ir-rikorrenti stess. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tenfasizza li hija Financière Sernam li, in fine, żammet is-sjieda u l-operat tal-assi ta’ Sernam, inklużi f’Sernam Xpress. F’dawn il-kundizzjonijiet, hija tqis li l-kriterju dwar l-identità tal-azzjonisti jew tas-sidien tal-impriża akkwirenti jew tal-impriża li nbiegħet, skont it-tifsira tas-sentenza Seleco, punt 52 iktar ’il fuq, ma ġiex issodisfatt.

242    Hemm lok li dan l-argument jiġi miċħud, minħabba li jirrigwarda, f’dan l-istadju ta’ raġunament tal-Kummissjoni, l-evalwazzjoni tal-kontinwità ekonomika bejn Sernam u Sernam Xpress. Fil-fatt, kien biss wara li stabbilixxiet kontinwità ekonomika bejn Sernam u Sernam Xpress (fil-premessi 144 sa 148 tad-deċiżjoni kkontestata) li l-Kummissjoni kkonkludiet li t-tgawdija tal-għajnuna inkompatibbli, in fine, kienet ġiet trażmessa lil Financière Sernam, fil-premessa 150 tad-deċiżjoni kkontestata, minħabba l-amalgamazzjoni tagħha ma’ Sernam Xpress.

243    Konsegwentement, il-Kummissjoni ġustament fakkret, fil-premessa 144 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-injezzjoni ta’ Sernam lil Sernam Xpress kienet saret fi ħdan il-grupp tar-rikorrenti.

 Fuq il-mument tat-trasferiment

244    Rigward il-mument tat-trasferiment tal-assi f’daqqa, ir-rikorrenti targumenta li, fis-sentenzi Seleco, punt 52 iktar ’il fuq (EU:C:2003:252), SMI, punt 52 iktar ’il fuq (EU:C:2004:238), u CDA, punt 52 iktar ’il fuq (EU:T:2005:364), it-tranżazzjonijiet ta’ “evażjoni” allegati mill-Kummissjoni kienu saru jew matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, jew f’mument meta l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti kienu qed jistennew lill-Kummissjoni sabiex tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni. Issa, fil-kawża inkwistjoni, iċ-ċessjoni tal-assi f’daqqa ta’ Sernam kellha sseħħ wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni Sernam 2, fit-terminu impost mill-Artikolu 3(2) tagħha, u skont il-modalitajiet previsti minn din id-dispożizzjoni, li teskludi li saret bl-għan li jiġi evitat l-irkupru tal-għajnuna.

245    Mill-premessa 144 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni nnotat li t-trasferiment tal-assi u l-obbligazzjonijiet kollha kien sar wara d-deċiżjoni finali Sernam 2, li dwarha għandu jitfakkar li l-Artikolu 2 kien jimponi l-irkupru tal-għajnuna ta’ EUR 41 miljun.

246    Għandu jiġi kkonstatat li l-mument tal-implementazzjoni ta’ deċiżjoni li tinvolvi l-possibbiltà ta’ bejgħ tal-assi f’daqqa tal-benefiċjarju tal-għajnuna, kif ukoll obbligu ta’ rkupru ta’ għajnuna illegali u inkompatibbli, jidher tal-inqas favorevoli għall-evażjoni tal-obbligu tal-irkupru bħall-fażi ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali. Fil-fatt, għalkemm il-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali skont l-Artikolu 108(2) TFUE jirriżulta minn dubji inkwantu l-eżistenza u l-kompatibbiltà ta’ għajnuna mill-Istat, l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tordna l-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat tneħħi kull dubju f’dan ir-rigward.

247    Barra minn hekk, jirriżulta mill-analiżi tal-ewwel, it-tielet, ir-raba’ u l-ħames partijiet tar-raba’ motiv li t-tranżazzjoni li kienet saret, la kienet tosserva t-terminu (ara l-punti 84 sa 93 iktar ’il fuq) u lanqas il-modalitajiet (ara l-punti 110 sa 187 iktar ’il fuq) previsti fl-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2.

 Fuq il-loġika ekonomika tat-tranżazzjoni

248    Rigward il-loġika ekonomika tat-tranżazzjoni, l-ewwel nett, ir-rikorrenti, appoġġjata mir-Repubblika Franċiża, targumenta li hija kienet obbligata tirtira minn impriża falluta b’osservanza tar-rekwiżiti stabbiliti mid-Deċiżjoni Sernam 2.

249    It-tieni nett, hija tenfasizza li l-użu ta’ kumpannija “finta” Sernam Xpress ma kienx jirriżulta minn rieda biex issir evażjoni tal-obbligu tal-irkupru tal-għajnuna, iżda kellu l-għan uniku li jippermetti l-akkwist tal-assi f’daqqa ta’ Sernam minn Financière Sernam, b’kunsiderazzjoni tal-bżonn li jiġi żgurat, skont id-Deċiżjoni Sernam 2, li l-akkwirent tal-assi ma jkollu ebda rabta mar-rikorrenti. F’dan ir-rigward, hija tibbaża ruħha fuq opinjoni fid-dritt Franċiż miktuba minn professur tad-dritt Franċiż, sabiex turi li l-injezzjoni ta’ “assi parzjali” kienet l-unika tranżazzjoni li tippermetti li jingħaqdu l-obbligazzjonijiet tal-operat mal-assi mingħajr ma jkun hemm għalfejn jintlaħaq ftehim individwali mal-kredituri (sabiex jibbenefikaw mill-effett tat-trażmissjoni tal-assi u tal-obbligazzjonijiet kollha ta’ din it-tranżazzjoni). Issa, ir-rekwiżit tal-indipendenza tal-akkwirent vis‑à-vis ir-rikorrenti kien jipprojbixxi li jitkompla l-proċess ta’ injezzjoni parzjali ta’ assi direttament lil Financière Sernam, li mingħajrha r-rikorrenti kienet issir, bħala kumpens għall-injezzjoni tagħha (remunerazzjoni fil-forma ta’ titoli), azzjonarja ta’ Financière Sernam. Dan jispjega għalfejn l-ewwel nett l-injezzjoni parzjali tal-assi kellha ssir lil Sernam Xpress, imbagħad kellhom jiġu assenjati l-azzjonijiet ta’ din tal-aħħar lil Financière Sernam.

250    Fil-premessi 144 u 147 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li l-unika loġika ekonomika kienet li tippermetti t-tkomplija tal-attivitajiet ta’ Sernam mingħajr ma kellhom għalfejn jiġu osservati l-kundizzjonijiet imposti mill-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Sernam 2.

251    L-ewwel nett, diġà ġie kkonstatat fil-punt 247 iktar ’il fuq, li mill-analiżi tal-ewwel, it-tielet, ir-raba’ u l-ħames partijiet tar-raba’ motiv, jirriżulta li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2 ma kinux ġew osservati. Bl-istess mod, jirriżulta mill-analiżi tas-sitt parti tar-raba’ motiv (ara, b’mod partikolari, il-punti 189 sa 211 iktar ’il fuq) li peress li l-attività ekonomika ta’ Sernam ma kinitx ġiet interrotta, l-għan aħħari tal-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2 ma kienx ġie osservat.

252    It-tieni nett, jirriżulta mill-punti 127 sa 129 iktar ’il fuq li r-rikorrenti ma tistax targumenta dwar il-limitazzjonijiet fid-dritt nazzjonali sabiex tiġġustifika l-evażjoni tal-kundizzjonijiet imposti mill-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2. B’mod partikolari, għandu jiġi rrilevat li l-argumentazzjoni tagħha fil-punt 249 iktar ’il fuq huwa bbażat fuq il-ħtieġa allegata li jingħaqdu l-obbligazzjonijiet mal-assi ta’ Sernam. Issa, jirriżulta mill-punti 113 sa 119 iktar ’il fuq, li l-obbligazzjonijiet ma kellhomx jingħaqdu mal-bejgħ tal-assi f’daqqa skont it-tifsira tal-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2.

 Fuq il-prezz tat-trasferiment

253    Rigward il-prezz tat-trasferiment, l-ewwel nett, ir-rikorrenti, appoġġjata mir-Repubblika Franċiża, targumenta li l-prezz negattiv imħallas għall-assi f’daqqa ta’ Sernam minn Financière Sernam kien il-prezz tas-suq, riżultat ta’ sejħa għal offerti trasparenti u miftuħa, għall-kuntrarju ta’ dak li affermat il-Kummissjoni fil-premessi 145 u 146 tad-deċiżjoni kkontestata. Għall-istess motivi, ir-rikorrenti tqis li r-riferiment, fil-premessa 145 tad-deċiżjoni kkontestata, għal bilanċ kuntrattwali bejnha u Financière Sernam ma huwiex rilevanti. Ir-rikorrenti u r-Repubblika Franċiża jqisu li, għalhekk, ebda ħlas lura ma jista’ jiġi impost la fuq id-destinatarju tal-assi inkwistjoni, jiġifieri Sernam Xpress, u lanqas fuq l-akkwirent, f’dan il-każ, Financière Sernam, u jargumentaw li kien mingħand il-bejjiegħ, jiġifieri Sernam, li kellu jintalab ir-rimbors.

254    Il-premessa 145 tad-deċiżjoni kkontestata taqra kif ġej:

“Minkejja dan, il-Kummissjoni tirrimarka li t-trasferiment lil Sernam Xpress ma jikkorrespondix mal-kundizzjonijiet tas-suq. It-trasferiment lil Sernam Xpress seħħ bi prezz negattiv u ma jirriżultax minn proċedura trasparenti u miftuħa (ara t-Taqsima 3.2.5.) [tad-deċiżjoni kkontestata]). Mal-prezz negattiv ta’ EUR 57 miljun, meqjus bħala għajnuna għall-operat li tippermetti li jiġi kopert it-telf ta’ Sernam Xpress għall-perjodu ta’ bejn l-2005 u l-2008, tiżdied ir-rinunzja [mir-rikorrenti] tal-kreditu kontra [Sernam] li tammonta għal EUR 38.5 miljun (ara l-premessa 27 [tad-deċiżjoni kkontestata]) […] Permezz tal-injezzjoni ta’ kapital ta’ EUR 57 miljun, ir-[rikorrenti] ppermettiet lil Sernam Xpress, li tal-anqas għall-perjodu ta’ bejn l-2005 u l-2008, tonora dawn il-krediti fit-totalità tagħhom. Kieku, min-naħa l-oħra, [ir-rikorrenti] kienet biegħet l-assi biss bi prezz pożittiv, id-dejn ta’ [Sernam] lejn il-partijiet terzi kien ikun onorat biss sal-ammont ekwivalenti għad-dħul minn fuq il-bejgħ. Dan huwa indikatur addizzjonali li l-bilanċ kuntrattwali bejn l-SNCF u Financière Sernam ma jikkorrespondix mal-kundizzjonijiet ta’ suq.”

255    L-argument li jgħid li l-prezz negattiv imħallas fil-kawża inkwistjoni kien prezz tas-suq li jirriżulta minn sejħa għal offerti trasparenti u miftuħa għandu jiġi miċħud minħabba li jirriżulta mill-analiżi tal-ħames parti tar-raba’ motiv li l-offerta tat-tim tat-tmexxija ma tistax titqies li tirriżulta minn proċedura trasparenti u miftuħa. Il-kritika, għall-istess motivi, tar-riferiment għall-bilanċ kuntrattwali bejn ir-rikorrenti u Financière Sernam għandha għalhekk tiġi miċħuda wkoll.

256    Jirriżulta wkoll mill-punt 207 hawn fuq li l-offerta tal-akkwist mill-ġdid tat-tim tat-tmexxija kienet ġiet iddimensjonata sabiex jiġi ffinanzjat pjan ġdid ta’ irkupru ta’ Sernam, kif ukoll ir-rikapitalizzazzjoni neċessarja sabiex jiġi affaċċjat telf stmat għall-perijodu bejn l-2005 u l-2008. Għalhekk, huwa wkoll ġust li l-Kummissjoni enfasizzat fil-premessa 145 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-prezz negattiv ta’ EUR 57 miljun, kien tqies li huwa għajnuna għall-operat li tippermetti li jiġi kopert it-telf ta’ Sernam Xpress għas-snin bejn l-2005 u l- 2008, li miegħu tiżdied ir-rinunzja tal-krediti tar-rikorrenti fil-konfront ta’ Sernam għal ammont ta’ EUR 38.5 miljun.

257    It-tieni nett, ir-rikorrenti tinvoka f’diversi partijiet u motivi tar-rikors tagħha l-fatt li l-prezz negattiv ta’ EUR 57 miljun netti kien ġie kkonfermat minn diversi esperti indipendenti u f’dan ir-rigward tirreferi għar-rapport tal-21 ta’ Lulju 2005 li sar mill-fergħa tal-awditu tal-bank X, il-bank konsultattiv tagħha li organizza s-sejħa għal offerti, għal rapport ta’ uffiċċju ta’ awdituri (iktar ’il quddiem l-“uffiċċju ta’ awdituri Y”) tat-3 ta’ Ġunju 2005 (aġġornat fl-2008), sponsorjat minnha, għar-rapport tat-18 ta’ Lulju 2005 ta’ bank ieħor, il-bank Z, sponsorjat mill-Kumitat inkarigat mill-Privatizzazzjoni, kif ukoll l-Approvazzjoni 2005-AC 2 tal-Kumitat inkarigat mill-Privatizzazzjoni, tat‑22 ta’ Lulju 2005, li, fid-dawl tal-konsistenza tal-perizji, ikkonkludiet li l-proġett taċ-ċessjoni kien jidher bħala “s-soluzzjoni li, filwaqt li tiżgura possibbiltajiet raġonevoli ta’ suċċess għal Sernam il-ġdida, kienet l-irħas għar-rikorrenti”.

258    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-bejgħ tal-assi f’daqqa, skont l-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2, kellu jsir bil-prezz tas-suq “permezz ta’ proċedura trasparenti u miftuħa”. Bl-istess mod, l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Sernam 2 jippreċiża li “[k]ull bejgħ parzjali jew sħiħ ta’ Sernam [kellu] jsir bil-prezz tas-suq u permezz ta’ proċedura trasparenti u miftuħa għall-kandidati kollha”. Għalhekk, il-Kummissjoni kienet eżiġiet fid-Deċiżjoni Sernam 2 li l-prezz tas-suq jirriżulta minn sejħa għal offerti trasparenti u miftuħa, fattur li ma ġiex osservat fil-kawża inkwistjoni (ara l-punti 160 sa 187 hawn fuq).

259    Fi kwalunkwe każ, tnejn mir-rapporti inkwistjoni, ir-rapport tal-uffiċċju ta’ awdituri Y u r-rapport tal-bank Z jikkonċernaw biss il-kwistjoni tal-applikazzjoni tal-kriterju ta’ investitur privat, jiġifieri l-paragun bejn l-ispejjeż taċ-ċessjoni prevista u l-ispejjeż ta’ likwidazzjoni eventwali ta’ Sernam, u għalhekk ma humiex rilevanti fir-rigward tal-kwistjoni jekk il-prezz imħallas għall-assi u l-obbligazzjonijiet ta’ Sernam kienx prezz tas-suq. Bl-istess mod, is-silta invokata mill-approvazzjoni tal-Kumitat inkarigat mill-Privatizzazzjoni hija relatata mal-paragun bejn l-ispejjeż taċ-ċessjoni u l-ispejjeż tal-likwidazzjoni ta’ Sernam. Barra minn hekk, rigward il-konklużjonijiet tal-fergħa tal-awditu tal-bank X tal‑21 ta’ Lulju 2005, għandu jiġi kkonstatat li dan jirrigwarda perizja li sar wara li ġiet ippreżentata l-offerta tat-tim tat-tmexxija u abbażi ta’ din l-offerta (kif ukoll tal-pjan kummerċjali 2005-2008 stabbilit mit-tim tat-tmexxija).

260    Għalhekk, huwa żbaljat li r-rikorrenti targumenta li l-perizji pprovduti kienu jikkonfermaw l-idea li l-prezz taċ-ċessjoni kien il-prezz tas-suq.

261    It-tielet nett, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni li kkonstatat, fl-aħħar żewġ sentenzi tal-punt 145 tad-deċiżjoni kkontestata, li, kieku hija kienet biegħet biss l-assi bi prezz pożittiv, id-dejn ta’ Sernam dovut lil terzi kien jiġi onorat biss sal-massimu tad-dħul mill-bejgħ. Hija targumenta li, minħabba li l-bejgħ tal-assi f’daqqa fid-dritt nazzjonali kien jeżiġi t-trasferiment mhux biss tad-dejn, iżda wkoll tal-impjegati skont l-Artikolu L 1224-1 tal-kodiċi dwar l-impjieg, ebda akkwirent ma kien suxxettibbli li jipproponi prezz pożittiv għall-akkwist ta’ dawn l-assi f’daqqa.

262    L-argument tar-rikorrenti mmirat kontra ż-żewġ sentenzi tal-aħħar tal-premessa 145 tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv. Fil-fatt, l-affermazzjoni kkritikata mir-rikorrenti ġiet ippreżentata mill-Kummissjoni b’mod superfluwu meta mqabbla mal-konstatazzjonijiet l-oħra inklużi fil-bidu tal-istess premessa bħala “indikatur addizzjonali” tal-fatt li l-bilanċ kuntrattwali bejn ir-rikorrenti u Financière Sernam ma kienx jikkorrispondi għall-kundizzjonijiet tas-suq. Sa fejn ġie kkonstatat li l-Kummissjoni kienet ġustament stabbilixxiet, fil-bidu tal-premessa 145 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-prezz negattiv tat-trasferiment lil Sernam Xpress ma kienx jirriżulta minn proċedura trasparenti u miftuħa, l-argumenti kontra ż-żewġ sentenzi ta’ din il-premessa ma humiex tali li jippermettu l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

263    Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni li kkonstatat, fil-premessa 146 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-prezz negattiv ta’ EUR 57 miljun kien ogħla mill-aħjar offerta li waslet matul is-sejħa għal offerti mingħajr suċċess, li kienet ta’ prezz negattiv ta’ EUR 56.4 miljun (offerta tat-tieni ċiklu tal-kandidat Nru 5), u targumenta f’dan ir-rigward li din l-offerta tat-tieni ċiklu ma kinitx offerta vinkolanti u għalhekk ma għandhiex tiġi kkunsidrata.

264    Mill-punt 167 hawn fuq jirriżulta li ġustament il-Kummissjoni affermat, fil-premessa 146 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-offerta negattiva ta’ EUR 57 miljun kienet inqas interessanti mill-offerta negattiva tat-tieni ċiklu ta’ EUR 56.4 miljun ippreżentata mill-konsorzju mmexxi mill-kandidat Nru 5. F’dan ir-rigward, l-argumenti tar-rikorrenti li skonthom il-manifestazzjoni tal-interess tal-konsorzju ffurmat mal-kandidat Nru 5, ma għandhiex tiġi kkunsidrata fil-paragun, minħabba li l-offerta ma kinitx vinkolanti, għall-kuntrarju tal-offerta tat-tim tat-tmexxija, huma ineffettivi, minħabba li mill-analiżi tal-ħames parti tar-raba’ motiv jirriżulta li l-offerta tat-tim tat-tmexxija lanqas ma tista’ tiġi kkunsidrata minħabba li ma rriżultatx minn proċedura ta’ sejħa għal offerti trasparenti u miftuħa.

265    Minn dak li ntqal s’issa (ara l-punti 237 sa 264 iktar ’il fuq) jirriżulta li ġustament il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni, fil-premessa 148 tad-deċiżjoni kkontestata, li t-trasferiment tal-attivitajiet ta’ Sernam lil Sernam Xpress kellu bħala konsegwenza li Sernam Xpress effettivament kompliet tgawdi mill-vantaġġ kompetittiv marbut mal-benefiċċju tal-għajnuna mogħtija, minħabba li kien hemm kontinwità ekonomika bejn iż-żewġ kumpanniji.

266    Barra minn hekk, ir-Repubblika Franċiża rreferiet għall-ġurisprudenza fil-qasam tal-bejgħ tal-azzjonijiet, li skontha, meta impriża li tkun ibbenefikat minn għajnuna mill-Istat terġa’ tinxtara bil-prezz tas-suq, jiġifieri bi prezz l-iktar għoli li investitur privat, li jaġixxi skont il-kundizzjonijiet normali tal-kompetizzjoni kien lest li jħallas għal din il-kumpannija fis-sitwazzjoni li kienet tinsab fiha, b’mod partikolari wara li tkun ibbenefikat mill-għajnuna mill-Istat, l-element tal-għajnuna jitqies li ġie evalwat bil-prezz tas-suq u inkluż fil-prezz tax-xiri. F’dawn il-kundizzjonijiet, l-akkwirent ma jistax jitqies li bbenefika minn vantaġġ meta mqabbel ma’ operaturi oħra tas-suq. Madankollu, fil-prinċipju, meta kumpannija benefiċjarja ta’ għajnuna tinbiegħ bil-prezz tas-suq, il-prezz tal-bejgħ jirrifletti l-konsegwenzi tal-għajnuna ta’ qabel u huwa l-bejjiegħ tal-kumpannija msemmija li jżomm il-benefiċċju tal-għajnuna. F’dan il-każ, l-istabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni ta’ qabel, għandu l-ewwel nett, jiġi żgurat mir-rimbors tal-għajnuna mill-bejjiegħ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2001, Banks, C‑390/98, Ġabra, EU:C:2001:456, punti 77 u 78). Ir-Repubblika Franċiża tqis li impożizzjoni fuq l-impriża mibjugħa, jiġifieri Sernam Xpress, li tirrimborsa l-għajnuna illegali u inkompatibbli in fine twassal biex tippenalizza lill-akkwirent ta’ din l-impriża, jiġifieri lil Financière Sernam, li, billi ħallas din l-impriża bil-prezz tas-suq, diġà ħallas l-għajnuna illegali u inkompatibbli. Skont ir-Repubblika Franċiża, dan ikun ekwivalenti għal ħlas doppju tal-għajnuna illegali u inkompatibbli mill-akkwirent tal-azzjonijiet tal-impriża mibjugħa.

267    Issa, min-naħa, kif jirriżulta mill-premessi 138 u 149 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 32 tad-deċiżjoni kkontestata, il-ġurisprudenza tagħmel distinzjoni bejn l-akkwirent tal-azzjonijiet u l-kumpannija benefiċjarja ta’ għajnuna illegali, li l-azzjonijiet tagħha inbiegħu. Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-bejgħ ta’ azzjonijiet ta’ kumpannija benefiċjarja ta’ għajnuna illegali minn azzjonist lil terzi ma għandux influwenza fuq l-obbligu tal-irkupru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Seleco, punt 52 iktar ’il fuq, EU:C:2003:252, punt 83) u li, jekk l-impriża li ngħatatilha għajnuna illegali mill-Istat iżżomm il-personalità ġuridika tagħha u tkompli tagħmel, għaliha nnifisha, l-attivitajiet issussidjati mill-għajnuna mill-Istat, hija normalment din l-impriża li żżomm il-vantaġġ kompetittiv marbut mal-għajnuna msemmija u għalhekk, hija din li għandha tkun obbligata tirrimborsa ammont ekwivalenti għal dak tal-għajnuna. Għalhekk l-akkwirent ma jistax jintalab jirrimborsa tali għajnuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza SMI, punt 52 iktar ’il fuq, EU:C:2004:238, punt 81).

268    Konsegwentement, fil-premessa 149 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni ġustament iddeduċiet, minn din il-ġurisprudenza, li l-bejgħ tal-azzjonijiet ta’ Sernam Xpress lil Financière Sernam ma kellux il-konsegwenza li jillibera lil Sernam Xpress mill-obbligu ta’ rimbors tal-għajnuna ta’ EUR 41 miljun.

269    Il-kritika tar-Repubblika Franċiża u tar-rikorrenti dwar il-fatt li tali raġunament kien ekwivalenti għal ħlas doppju mill-akkwirent tal-azzjonijiet tal-prezz tal-għajnuna illegali u inkompatibbli għandha tiġi miċħuda. Fil-fatt, kif tenfasizza l-Kummissjoni, din id-distinzjoni bejn l-akkwirent tal-azzjonijiet u l-kumpannija mibjugħa jista’ jkollha konsegwenzi prattiċi, minħabba li f’dan il-każ, l-akkwirent tal-azzjonijiet, ma huwiex, ħlief f’ċirkustanzi partikolari, responsabbli għall-għajnuna mogħtija lill-impriża akkwistata sakemm iżomm lill-impriża akkwistata taħt il-forma ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata.

270    Min-naħa l-oħra, għall-kuntrarju ta’ dak li qed tissuġġerixxi l-argumentazzjoni tar-Repubblika Franċiża, l-obbligu ta’ rimbors tal-għajnuna illegali u inkompatibbli ta’ EUR 41 miljun ma ġiex ittrasferit lil Financière Sernam bħala l-akkwirent tal-azzjonijiet ta’ Sernam Xpress, iżda bħala s-suċċessur ġuridiku tagħha minħabba l-amalgamazzjoni tat-30 ta’ Ġunju 2011 ma’ Sernam Xpress, riżultat tal-effett tat-trażmissjoni tal-assi u tal-obbligazzjonijiet kollha marbuta ma’ din it-tranżazzjoni (ara l-premessa 150 tad-deċiżjoni kkontestata). Peress li ntweriet kontinwità ekonomika bejn Sernam u Sernam Xpress b’mod suffiċjenti skont il-liġi mill-Kummissjoni (ara l-punti 237 sa 265 iktar ’il fuq), u peress li r-rikorrenti li ma tikkontestax l-amalgamazzjoni bejn Sernam Xpress u Financière Sernam, dan ir-raġunament għandu jiġi kkonfermat.

271    Fl-aħħar nett, ir-Repubblika Franċiża targumenta li l-kriterju ta’ investitur privat ġie ssodisfatt fil-kawża inkwistjoni, minħabba li kif esponiet hi stess fl-ittri tagħha tat-8 ta’ Ottubru 2008 u tal‑5 ta’ Mejju 2009, l-ispiża għall-bejgħ tal-assi f’daqqa ta’ Sernam lil Financière Sernam kellha tkun inferjuri mill-ispejjeż li kellha ġġarrab ir-rikorrenti fil-każ ta’ likwidazzjoni ġudizzjarja ta’ Sernam.

272    Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-argumenti tar-Repubblika Franċiża dwar il-kriterju ta’ investitur privat ma għandhomx rabta mal-obbligu tal-irkupru ta’ EUR 41 miljun, iżda jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-għajnuna magħrufa bħala “ġdida” fid-deċiżjoni kkontestata, fir-rigward tal-Artikolu 107(1) TFUE. Dawn l-argumenti huma għalhekk ineffettivi fil-kuntest ta’ dan il-motiv.

273    Konsegwentement, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, punt 234 iktar ’il fuq (EU:C:2012:781), il-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat li, fil-kawża inkwistjoni, is-sempliċi reġistrazzjoni tal-għajnuna ddikjarata illegali u inkompatibbli mid-Deċiżjoni Sernam 2 mal-obbligazzjoni tal-likwidazzjoni ma kinitx biżżejjed sabiex tiġi eliminata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni kkawżata mill-istess għajnuna.

274    Għaldaqstant, l-ewwel ilment tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq il-fatt li r-reġistrazzjoni tas-somma ta’ EUR 41 miljun mal-obbligazzjonijiet tal-likwidazzjoni ta’ Sernam kienet konformi mal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Sernam 2

275    Ir-rikorrenti targumenta li r-reġistrazzjoni mal-obbligazzjonijiet tal-likwidazzjoni ta’ Sernam tal-ammont ta’ għajnuna ddikjarata illegali u inkompatibbli mid-Deċiżjoni Sernam 2 kienet konformi mal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Sernam 2, li kienet tipprevedi li, fil-każ ta’ bejgħ parzjali jew totali ta’ Sernam bil-prezz tas-suq u permezz ta’ proċedura trasparenti u miftuħa għall-kompetituri kollha, ir-rimbors tal-għajnuna ta’ EUR 41 miljun kien responsabbiltà tal-“kumpannija Sernam [jekk] tibqa’ teżisti”. Ir-rikorrenti ssostni li l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Sernam 2 ma jagħmel ebda riferiment għall-interruzzjoni tal-attività ekonomika ta’ Sernam u huwa limitat sabiex jiddistingwi jekk il-kumpannija Sernam tkomplix teżisti jew le.

276    Fil-premessa 135 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tafferma li “[l]-Artikolu 4 [tad-Deċiżjoni Sernam 2] jagħmel distinzjoni skont jekk kienx hemm jew le interruzzjoni tal-attività ekonomika ta’ Sernam. [u jekk fl-]ipoteżi li din l-attività sparixxiet, ma hemmx għalfejn isir rkupru [tal-ammont tal-għajnuna] mingħand dawk li kienu akkwistaw l-assi bil-prezz tas-suq permezz ta’ proċedura trasparenti u miftuħa”.

277    Skont il-ġurisprudenza mfakkra fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, punt 234 iktar ’il fuq (EU:C:2012:781), l-għajnuna għandha tiġi rkuprata mill-kumpannija li tissokta l-attività ekonomika tal-impriża li inizjalment ibbenefikat mill-vantaġġ marbut mal-għoti tal-għajnuna mill-Istat u li b’hekk effettivament tkompli tgawdi minnha.

278    F’kuntest ta’ rkupru ta’ għajnuna mill-Istat, ir-riferiment li saret għall-kontinwazzjoni tal-eżistenza ta’ Sernam, fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Sernam 2, ma setgħetx ħlief tirreferi għaż-żamma tal-attività ekonomika ta’ Sernam.

279    Għalhekk, huwa żbaljat li r-rikorrenti targumenta li r-reġistrazzjoni mal-obbligazzjonijiet tal-likwidazzjoni ta’ Sernam ta’ EUR 41 miljun kienet konformi mal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Sernam 2, minħabba li mill-analiżi tal-ewwel ilment jirriżulta li Sernam kompliet ekonomikament teżisti fi ħdan Sernam Xpress, u wara f’Financière Sernam.

280    Għaldaqstant, hemm lok li t-tieni lment jiġi miċħud.

281    Għaldaqstant, il-ħames motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

3.     Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Kummissjoni meta kkunsidrat li l-miżuri previsti fil-memorandum ta’ ftehim tal‑21 ta’ Lulju 2005 dwar iċ-ċessjoni tal-assi f’daqqa ta’ Sernam kienu jikkostitwixxu għajnuna ġdida mill-Istat favur Sernam Xpress‑Financière Sernam

282    Is-sitt motiv jikkonsisti f’żewġ ilmenti. Fil-kuntest tal-ewwel ilment, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni li fil-premessi 154 sa 158 tad-deċiżjoni kkontestata ddikjarat li l-kriterju ta’ investitur privat f’sitwazzjoni ta’ bejgħ bi prezz negattiv ma kienx applikabbli skont il-klassifikazzjoni tal-għajnuna mill-Istat tal-miżuri tal-memorandum ta’ ftehim tal-21 ta’ Lulju 2005, jiġifieri r-rikapitalizzazzjoni ta’ EUR 57 miljun netti, ir-rinunzja tal-krediti ta’ EUR 38.5 miljun u l-garanziji (iktar ’il quddiem il-“miżuri kontroversjali”). Fil-kuntest tat-tieni lment, ir-rikorrenti kkritikat lill-Kummissjoni li fil-premessi 159 sa 171 tad-deċiżjoni kkontestata qieset li l-miżuri kontroversjali kienu jagħtu vantaġġ lil Sernam Xpress-Financière Sernam.

 Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq il-fatt li l-Kummissjoni għamlet żball ta’ liġi meta ddikjarat li l-kriterju ta’ investitur privat ma huwiex applikabbli fil-kawża inkwistjoni

283    Ir-rikorrenti, appoġġjata mir-Repubblika Franċiża, essenzjalment tikkunsidra li l-kriterju ta’ investitur privat kien applikabbli għall-miżuri kontroversjali, sa fejn mill-ġurisprudenza jirriżulta li, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-privatizzazzjoni ta’ impriża bi prezz ta’ bejgħ negattiv tinkludix elementi ta’ għajnuna mill-Istat, għandu jiġi evalwat jekk, f’ċirkustanzi simili, investitur privat ta’ daqs li jista’ jikkompara ma’ dak ta’ aġenziji li jmexxu s-settur pubbliku, setax jipproċedi b’injezzjonijiet kapitali ta’ din l-importanza fil-kuntest tal-bejgħ tal-impriża msemmija jew kienx jagħżel il-likwidazzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Jannar 2003, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑334/99, Ġabra, EU:C:2003:55, punt 133 u l-ġurisprudenza ċċitata) (iktar ’il quddiem il-“il-kriterju ta’ investitur privat tat-tip

Ir-rikorrenti, appoġġjata mir-Repubblika Franċiża, essenzjalment tikkunsidra li l-kriterju ta’ investitur privat kien applikabbli għall-miżuri kontroversjali, sa fejn mill-ġurisprudenza jirriżulta li, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-privatizzazzjoni ta’ impriża bi prezz ta’ bejgħ negattiv tinkludix elementi ta’ għajnuna mill-Istat, għandu jiġi evalwat jekk, f’ċirkustanzi simili, investitur privat ta’ daqs li jista’ jikkompara ma’ dak ta’ aġenziji li jmexxu s-settur pubbliku, setax jipproċedi b’injezzjonijiet kapitali ta’ din l-importanza fil-kuntest tal-bejgħ tal-impriża msemmija jew kienx jagħżel il-likwidazzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Jannar 2003, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑334/99, Ġabra, EU:C:2003:55, punt 133 u l-ġurisprudenza ċċitata) (iktar ’il quddiem il-“il-kriterju ta’ investitur privat tat-tip ‘Gröditzer’”).


Gröditzer'”).

284    Ir-rikorrenti u r-Repubblika Franċiża jqisu li, fil-kawża inkwistjoni, ebda għajnuna mill-Istat ma ngħatat fil-kuntest taċ-ċessjoni mwettqa, minħabba li l-ispiża globali tagħha kienet inqas mill-ispejjeż prevedibbli għal-likwidazzjoni ta’ Sernam, hekk kif huma wrew permezz tal-evidenza pprovduta lill-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva.

285    L-argumenti tar-rikorrenti, appoġġjati mir-Repubblika Franċiża, essenzjalment huma mmirati kontra ż-żewġ motivi invokati mill-Kummissjoni fil-premessi 154 u 155 tad-deċiżjoni kkontestata, sabiex tiġi skartata l-applikabbiltà tal-kriterju ta’ investitur privat tat-tip “Gröditzer”, kif deskritt fil-punt 283 hawn fuq.

286    L-ewwel motiv tan-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-kriterju ta’ investitur privat huwa espost fil-premessa 154 tad-deċiżjoni kkontestata. Fiha, il-Kummissjoni kkunsidrat li f’sitwazzjoni ta’ rkupru tal-għajnuna mill-Istat, ma għandux għalfejn jiġi applikat il-prinċipju ta investitur privat, peress li fir-rigward tal-irkupru tal-għajnuna, l-Istat jaġixxi skont l-obbligi tiegħu taħt id-dritt tal-Unjoni u mhux skont id-dritt tal-Istat azzjonarju.

287    It-tieni motiv tan-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-kriterju ta’ investitur privat huwa esport fil-premessa 155 tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-premessa, il-Kummissjoni essenzjalment tgħid li fl-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2, il-bejgħ tal-assi kien ekwivalenti għall-miżuri kumpensatorji imposti mill-Artikolu 3(1) u li, skont il-paragrafu 40 tal-linji gwida dwar is-salvataġġ u r-ristrutturazzjoni, iċ-ċessjoni ta’ attività falluta ma tistax titqies li hija miżura kumpensatorja. Il-Kummissjoni nnotat li l-prezz negattiv miftiehem bejn ir-rikorrenti u l-Financière Sernam kien juri li din kienet ċessjoni ta’ attività falluta, li ma setgħetx tkun ekwivalenti għal miżura kumpensatorja. Hija kkonkludiet li, fil-kawża inkwistjoni, il-prezz negattiv kien jikkorrispondi għal għajnuna għall-operat tal-impriża, li min-natura tagħha, ma kinitx idonea biex tnaqqas id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni.

288    Mill-premessa 155 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni tagħmel użu, sabiex ma tapplikax il-kriterju ta’ investitur privat, tal-kuntest partikolari fil-kawża inkwistjoni, relatat mal-implementazzjoni żbaljata mir-rikorrenti ta’ miżura kumpensatorja li tikkundizzjona l-kompatibbiltà tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni ta’ EUR 503 miljun. Il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li l-ewwel nett, jeħtieġ li jiġu analizzati l-argumenti tar-rikorrenti dwar it-tieni motiv tan-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-kriterju ta’ investitur privat.

289    F’dak li jirrigwarda t-tieni motiv tan-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-kriterju ta’ investitur privat, fil-premessa 155 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti essenzjalment tippreżenta żewġ ilmenti. L-ewwel nett, hija tqis li l-bejgħ tal-assi f’daqqa ma kienx jikkostitwixxi alternattiva għall-miżuri kumpensatorji tal-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni Sernam 2 u, it-tieni nett li, l-implementazzjoni ta’ miżura kumpensatorja li tikkundizzjona l-kompatibbiltà ta’ għajnuna ma tostakolax l-applikabbiltà tal-kriterju ta’ investitur privat, minħabba li l-Istat, bħala awtorità pubblika qatt ma huwa obbligat li jimplementa miżura kumpensatorja.

290    Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat, kif definit fit-Trattat KE, huwa ta’ natura legali u għandu jiġi interpretat abbażi ta’ elementi oġġettivi. Għal din ir-raġuni, il-Qorti tal-Unjoni għandha, bħala regola u fid-dawl sew tal-elementi konkreti tal-kwistjoni mressqa quddiemha kif ukoll tan-natura teknika jew kumplessa tal-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni, teżerċita stħarriġ sħiħ fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk miżura tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE (ara s-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il-Kummissjoni, C‑487/06 P, Ġabra, EU:C:2008:757, punt 111 u l-ġurisprudenza ċċitata).

291    Skont il-ġurisprudenza, mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn l-impriżi pubbliċi u dawk privati jirriżulta li l-kapitali li jitpoġġew għad-dispożizzjoni ta’ impriża, direttament jew indirettament mill-Istat, f’ċirkustanzi li jikkorrispondu għall-kundizzjonijiet normali tas-suq, ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat (sentenza tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑482/99, Ġabra, EU:C:2002:294, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata). Din l-evalwazzjoni ssir għall-intrapriżi pubbliċi, permezz tal-applikazzjoni, fil-prinċipju, tal-kriterju ta’ investitur privat (sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs EDF, C‑124/10 P, Ġabra, EU:C:2012:318, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata).

292    Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-applikabbiltà tal-kriterju ta’ investitur privat, tiddependi, b’mod definittiv, minn kemm l-Istat Membru kkonċernat, jagħti fil-kwalità tiegħu ta’ azzjonist u mhux fil-kwalità tiegħu ta’ awtorità pubblika, vantaġġ ekonomiku lil impriża li tappartjeni lilu (sentenzi Il-Kummissjoni vs EDF, punt 291 iktar ’il fuq, EU:C:2012:318, punt 81, u tat-3 ta’ April 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi u ING Groep, C‑224/12 P, Ġabra, EU:C:2014:213, punt 31). Fil-fatt, l-interventi tal-Istat li għandhom l-għan li jonoraw l-obbligi tiegħu bħala awtorità pubblika ma għandhomx jiġu pparagunati ma’ dawk ta’ investitur privat f’ekonomija tas-suq (sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2009, EDF vs Il-Kummissjoni, T‑156/04, Ġabra, EU:T:2009:505, punt 228). B’mod partikolari, in-natura u l-għan ta’ din il-miżura, il-kuntest li minnu hi tagħmel parti, kif ukoll l-għan imfittex u r-regoli li hija sottomessa għalihom jistgħu jkunu rilevanti f’dan ir-rigward (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs EDF, iċċitata iktar ’il fuq, EU:C:2012:318, punt 86).

 Fuq l-ewwel ilment immirat kontra l-premessa 155 tad-deċiżjoni kkontestata, ibbażata fuq il-fatt li l-bejgħ tal-assi f’daqqa ma kienx jikkostitwixxi alternattiva għall-miżuri kumpensatorji tal-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni Sernam 2

293    Ir-rikorrenti tippreżenta tliet argumenti insostenn ta’ dan l-ilment.

294    L-ewwel nett, ir-rikorrenti tqis li l-bejgħ tal-assi kollha ta’ Sernam ma jistax jitqies li huwa ekwivalenti għall-miżuri kumpensatorji tal-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni Sernam 2, jiġifieri enfasi fuq l-attività ta’ “Train bloc express” (iktar ’il quddiem “TBE”) u rtirar mill-attivitajiet tat-trasport bit-triq.

295    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2 jikkorrispondi għall-implementazzjoni ta’ waħda miż-żewġ kundizzjonijiet alternattivi ta’ kompatibbiltà tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni imposta mill‑Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Sernam 2, skont il-miżuri ta’ prevenzjoni ta’ distorsjonijiet tal-kompetizzjoni maħluqa mill-għajnuna għar-ristrutturazzjoni u sabiex jiġu offruti korrispettivi speċifiċi lill-kompetituri. Dan, b’mod partikolari, jirriżulta mill-punt iddedikat lill-motivazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Sernam 2, li huwa l-punt 6.3.7, li jġib l-isem “Prevenzjoni ta’ distorsjonijiet tal-kompetizzjoni – korrispettivi speċifiċi” [traduzzjoni mhux uffiċjali], li fih jidhru l-premessi 200 sa 217 tad-Deċiżjoni Sernam 2, diġà msemmija fil-punt 191 u 193 hawn fuq.

296    L-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2 huwa alternattiva ekwivalenti għall-kundizzjonijiet tal-paragrafu 1 tal-istess artikolu, minħabba li dawn tal-aħħar japplikaw “[m]ingħajr ħsara għall-paragrafu 2”. Kif jirriżulta mill-punt 194 hawn fuq, skont il-premessa 217 tad-Deċiżjoni Sernam 2, il-liberazzjoni tal-partijiet tas-suq ta’ Sernam għall-benefiċċju tal-akkwirent indipendenti, permezz tal-bejgħ tal-assi f’daqqa ta’ Sernam bi prezz tas-suq permezz ta’ proċedura trasparenti u miftuħa, għandha l-istess għan kumpensatorju tad-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni bħall-irtirar mis-suq tat-trasport bit-triq li għandu kapaċità żejda. Fil-fatt, f’din l-ipoteżi, l-attività ssussidjata ta’ Sernam ġiet kompletament mitmuma.

297    Għaldaqstant, huwa żbaljat li r-rikorrenti tallega, fil-kawża inkwistjoni, li l-bejgħ tal-assi f’daqqa ta’ Sernam lill-istess akkwirent ma jistax jitqies li huwa ekwivalenti għall-miżuri li jenfasizzaw l-attività ta’ TBE u tal-irtirar tal-attivitajiet tat-trasport bit-triq.

298    It-tieni nett, ir-rikorrenti targumenta li, skont il-premessa 217 tad-Deċiżjoni Sernam 2, din hija l-kontinwazzjoni ta’ Sernam taħt il-forma ġuridika tagħha ta’ qabel iċ-ċessjoni li tiġġustifika l-osservanza tal-miżuri kumpensatorji tal-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni Sernam 2.

299    Madankollu, mill-punti 191 u 192 hawn fuq jirriżulta li dan l-argument għandu jiġi miċħud, minħabba li huwa l-issoktar tal-attività ekonomika tal-benefiċjarju tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni fis-suq li jiġġustifika l-osservanza tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni Sernam 2 u mhux il-fatt li tinżamm il-personalità ġuridika tagħha.

300    It-tielet nett, ir-rikorrenti tqis li, jekk il-Kummissjoni kkunsidrat il-bejgħ tal-assi f’daqqa ta’ Sernam bħala ekwivalenti għall-miżuri kumpensatorji imposti mill-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni Sernam 2, hija kellha tippreċiża fid-deċiżjoni msemmija li ċ-ċessjoni bi prezz negattiv ma kinitx fakultattiva, peress li hija kellha għarfien perfett tas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ Sernam u kellha tistenna tali eventwalità.

301    Għaldaqstant, dan l-argument għandu jiġi miċħud ukoll. Sa fejn il-kundizzjoni relatata mal-bejgħ tal-assi f’daqqa teskludi l-obbligazzjonijiet, l-eventwalità li jinkiseb prezz negattiv fil-kawża inkwistjoni kienet eskluża mid-definizzjoni, kif jirriżulta mill-punti 154 sa 158 hawn fuq.

302    Għaldaqstant, l-ewwel ilment immirat kontra l-premessa 155 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 287 hawn fuq) għandu jiġi miċħud

 Fuq it-tieni lment immirat kontra l-premessa 155 tad-deċiżjoni kkontestata, ibbażat fuq il-fatt li l-implementazzjoni ta’ miżura kumpensatorja kienet responsabbiltà tal-benefiċjarju tal-għajnuna, jew saħansitra tal-Istat azzjonist, iżda mhux tal-Istat bħala awtorità pubblika

303    Ir-rikorrenti targumenta li, fi kwalunkwe każ, fil-każ tal-implementazzjoni ta’ miżura kumpensatorja ordnata minn deċiżjoni tal-Kummissjoni, hija l-impriża li tibbenefika mill-għajnuna għar-ristrutturazzjoni li ġġarrab l-ispiża ta’ miżura kumpensatorja, u mhux l-Istat bħala awtorità pubblika.

304    Ir-rikorrenti u r-Repubblika Franċiża isostnu wkoll li, meta impriża pubblika tiddeċiedi li tbigħ waħda mis-sussidjarji tagħha jew parti mill-assi tagħha jew l-assi kollha b’applikazzjoi ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni, din l-impriża pubblika, u jekk ikun il-każ, permezz tagħha, l-Istat jaġixxi fil-kapaċità tiegħu ta’ azzjonist. Konsegwentement, b’kunsiderazzjoni għan-natura, is-suġġett u l-għan tagħhom, il-miżuri kontroversjali, jikkostitwixxu investiment komparabbli għal dak ta’ investitur privat.

305    Fil-kawża inkwistjoni, għandu jiġi kkonstatat li, għall-kuntrarju ta’ dak argumentat mir-rikorrenti u mir-Repubblika Franċiża, il-bejgħ tal-assi f’daqqa ta’ Sernam, b’applikazzjoni tal-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2 ma kienx deċiżjoni li investitur privat kien jasal li jieħu f’kundizzjonijiet “normali” tas-suq, b’perspettiva ta’ profit massimu jew ta’ telf minimu skont ir-razzjonalità ekonomika.

306    Fil-fatt, il-loġika sottostanti ta’ miżuri kumpensatorji promulgati mill-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Sernam 2 kellha l-għan li tevita kull distorsjoni eċċessiva tal-kompetizzjoni maħluqa mill-għoti tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni ddikjarata kompatibbli bil-kundizzjonijiet mid-Deċiżjoni Sernam 2.

307    Dawn il-miżuri kumpensatorji setgħu għalhekk, jisfurzaw kemm lill-benefiċjarju tal-għajnuna kif ukoll lill-azzjonist tiegħu għal soluzzjoni li ma hijiex l-aħjar waħda mill-perspettiva pura tal-profittabbiltà finanzjarja, soluzzjoni li investitur privat f’sitwazzjoni msejħa “normali” tas-suq ma kienx jikkunsidra.

308    Il-bejgħ tal-assi f’daqqa ta’ Sernam bħala miżuri kumpensatorji, fil-kawża inkwistjoni kien jassumi li jinbiegħu l-assi li għandhom valur pożittiv, li l-benefiċjarju mhux neċessarjament kien ikun imwassal biex jassenja skont kunsiderazzjonijiet marbuta mar-razzjonalità ekonomika.

309    Għaldaqstant, il-loġika kumpensatorja tal-bejgħ tal-assi f’daqqa ta’ Sernam, mfakkra fil-premessa 155 tad-deċiżjoni kkontestata kienet differenti mil-loġika ta’ operatur privat li qed ifittex li jkabbar kemm jista’ jkun il-profitti tiegħu jew, bħal f’dan il-każ, li jnaqqas kemm jista’ jkun it-telf tiegħu.

310    Barra minn hekk, jirriżulta mill-analiżi tat-tielet, ir-raba’ u s-sitt partijiet tar-raba’ motiv hawn fuq, li skont l-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2, dan ma jirrigwardax il-bejgħ ta’ kumpannija sħiħa u falluta, iżda biss ta’ assi li għandhom valur ekonomiku pożittiv. Fil-kawża inkwistjoni, l-offerta tat-tim ta’ tmexxija kienet tinkludi rekwiżiti ta’ rikapitalizzazzjoni, tar-rinunzja tal-krediti kif ukoll ta’ garanziji min-naħa tal-bejjiegħ minħabba li nbiegħet Sernam kollha kemm hi, bi bżonn ta’ finanzjament. Għalhekk, il-miżuri kontroversjali jirriżultaw direttament mill-ksur tal-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2 u għalhekk ma għandhom ebda relazzjoni mal-applikazzjoni tal-kriterju ta’ investitur privat.

311    Għalhekk, it-tieni lment kontra l-premessa 155 tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi miċħud.

312    F’dawn il-kundizzjonijiet, ma hemmx għalfejn jiġu analizzati l-argumenti l-oħra relatati mal-ewwel motiv imressaq mill-Kummissjoni sabiex jiġi ġġustifikat in-nuqqas ta’ applikabbiltà tal-kriterju ta’ investitur privat, ibbażat fuq il-kuntest magħruf bħala “tal-irkupru” tal-għajnuna mill-Istat.

313    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, l-ewwel parti tas-sitt motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq il-fatt li l-ebda waħda mill-miżuri kontroversjali ma tikkostitwixxi vantaġġ favur Sernam Xpress‑Financière Sernam

314    Ir-rikorrenti essenzjalment tikkontesta, li r-rikapitalizzazzjoni u r-rinunzja tal-krediti taw vantaġġi lil Sernam Xpress‑Financière Sernam. Rigward il-garanziji, l-ewwel nett hija tallega nuqqas ta’ motivazzjoni minħabba li d-deċiżjoni kkontestata ma tgħid xejn dwar jekk dawn tal-aħħar jidderogawx mill-kundizzjonijiet normali ta’ ċessjoni minn bejjiegħ privat. Sussegwentement, hija targumenta, b’mod sussidjarju, li kull garanzija kienet ingħatat minn bejjiegħ privat. Fl-aħħar, essenzjalment hija targumenta li dawn il-garanziji ma tawx vantaġġ lil Sernam Xpress‑Financière Sernam, minħabba li huma kienu ta’ ammonti żgħar u ma ġewx implementati.

315    L-ewwel nett, ir-rikorrenti tqis li r-rikapitalizzazzjoni ta’ Sernam għall-finijiet taċ-ċessjoni tal-assi f’daqqa ma tat ebda vantaġġ lil Financière Sernam, jew lil ebda waħda mill-intrapriżi minħabba li din iċ-ċessjoni saret bil-prezz tas-suq.

316    Għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma ppronunċjatx ruħha, fid-deċiżjoni kkontestata dwar il-kwistjoni ta’ vantaġġ lil Financière Sernam bħala l-akkwirent tal-azzjonijiet ta’ Sernam Xpress, iżda bħala s-suċċessur ta’ Sernam Xpress, wara l-amalgamazzjoni tagħhom.

317    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni fil-fatt ippreċiżat, fil-premessa 159 tad-deċiżjoni kkontestata, li, Sernam Xpress u Financière Sernam “[b]illi [...] ġew amalgamati, ma [kienx] meħtieġ li ssir distinzjoni bejn il-vantaġġi mogħtija lil waħda jew lill‑oħra”. Hija applikat dan ir-raġunament għall-miżuri kontroversjali kollha, inkluża r-rikapitalizzazzjoni.

318    Barra minn hekk, il-premessa 172 tad-deċiżjoni kkontestata taqra kif ġej:

“Fil-premessa 164 tad-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni esprimiet ukoll id-dubji tagħha dwar jekk il-prezz negattiv ‘imħallas’ minn Financière Sernam kienx fil-fatt jikkorrespondi mal-valur tas-suq. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tirrimarka li sadanittant, kien hemm l-amalgamazzjoni bejn Sernam Xpress u Financière Sernam, u li għajnuna possibbli lil Financière Sernam li kienet tinkludi prezz negattiv wisq għoli, ma kinitx se tkun superjuri għall-għajnuna ta’ EUR 57 miljun li ngħatat lil Sernam Xpress bħala għajnuna ġdida. Konsegwentement, m’għadux meħtieġ li tingħata deċiżjoni dwar il-kwistjoni tal-għoti ta’ għajnuna possibbli lix-xerrej.”

319    F’dak li jirrigwarda lil Sernam, ir-rikapitalizzazzjoni tagħha tirrappreżenta vantaġġ finanzjarju inkontestabbli meta mqabbla mal-kompetituri tagħha. Barra minn hekk, jirriżulta li mill-analiżi tal-ewwel parti tas-sitt motiv, fil-każ speċifiku inkwistjoni, ġustament il-Kummissjoni ma pparagunatx l-imġiba tal-Istat ma’ dik ta’ investitur privat f’kundizzjonijiet normali tas-suq. Għalhekk, il-vantaġġ finanzjarju rappreżentat minn din ir-rikapitalizzazzjoni għandu jitqies li huwa għajnuna mill-Istat, skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE.

320    Barra minn hekk, jirriżulta mill-ħames motiv li teżisti kontinwità ekonomika bejn Sernam u Sernam Xpress u li konsegwentement, il-vantaġġ marbut mar-rikapitalizzazzjoni ġie ttrasferit lil Sernam Xpress. Fi kwalunkwe każ, anki jekk jiġi preżunt li l-prezz tal-bejgħ kien il-prezz tas-suq, dan il-fatt ma jostakolax lil Sernam Xpress, li dwarha ntwera hawn fuq li hija kompliet teżerċita l-attivitajiet ta’ Sernam ikkonċernati mill-għajnuna mogħtija mill-Istat, milli żżomm il-benefiċċju tal-vantaġġ li jirriżulta mill-għajnuna kollha tal-Istat imsemmija fil-kawża inkwistjoni, inkluża r-rikapitalizzazzjoni ta’ EUR 57 miljun netti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza SMI, punt 52 iktar ’il fuq, EU:C:2004:238, punti 80 u 81).

321    Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ġustament qieset, fil-premessa 160 tad-deċiżjoni kkontestata, li “[p]ermezz tar-rikapitalizzazzjoni ta’ EUR 57 miljun ta’ [Sernam magħmula] mir-[rikorrenti], [Sernam] rċeviet vantaġġ finanzjarju konsiderevoli, li ma kienx disponibbli għall-kompetituri tagħha” u li “[d]an il-vantaġġ imbagħad ġie trasferit flimkien mal-assi u l-obbligazzjonijiet l-oħra lil Sernam Xpress”.

322    It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni għamlet żball ta’ liġi, kif ukoll żball ta’ fatt, meta fil-premessa 162 tad-deċiżjoni kkontestata affermaw li r-rinunzja tal-krediti fl-ammont ta’ EUR 38.5 miljun tar-rikorrenti fil-konfront ta’ Sernam kien jagħti vantaġġ lil Sernam Xpress jew lil Financière Sernam, minħabba li hija rreġistrat id-dejn mal-obbligazzjonijiet tal-likwidazzjoni ta’ Sernam u li hija ma kinitx kreditur ta’ Sernam Xpress jew ta’ Financière Sernam.

323    Dan l-argument għandu jiġi miċħud minħabba li r-rikorrenti kienet kreditur ta’ Sernam u minħabba li mill-analiżi tal-ħames motiv jirriżulta li kien hemm kontinwità ekonomika bejn Sernam u Sernam Xpress, u mbagħad, wara l-amalgamazzjoni tagħhom, bejn Sernam Xpress u Financière Sernam. Fit-tali ċirkustanzi, ir-reġistrazzjoni tal-krediti mal-obbligazzjonijiet ta’ likwidazzjoni ta’ Sernam kienet ekwivalenti għall-għoti ta’ vantaġġ lil Sernam Xpress, u sussegwentement lil Financière Sernam.

324    It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni fil-premessi 163 sa 171 tad-deċiżjoni kkontestata ma mmotivatx ir-raġunament tagħha, rigward il-garanziji mogħtija mir-rikorrenti waqt iċ-ċessjoni magħrufa bħala tal-“assi f’daqqa” ta’ Sernam, minħabba li d-deċiżjoni kkontestata ma tgħid xejn dwar il-punt jekk dawn il-garanziji jidderogawx mill-kundizzjonijiet normali taċ-ċessjoni minn operatur privat. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tippreċiża li ċ-ċessjonijiet (kemm jekk ċessjonijiet ta’ assi kif ukoll ta’ intrapriżi) huma sistematikament akkumpanjati minn garanziji u li l-kwistjoni li tqum matul l-evalwazzjoni ta’ dawn il-garanziji skont l-għajnuna mill-Istat hija jekk jaqgħux taħt il-komportament ta’ operatur privat f’ekonomija tas-suq (f’dan il-każ “bejjiegħ privat” f’ekonomija tas-suq). Ir-rikorrenti tqis li garanziji tal-obbligazzjonijiet ma jistgħux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat ħlief jekk jiġu offruti b’kundizzjonijiet li ma jkunux aċċettabbli għal bejjiegħ privat f’ekonomija tas-suq.

325    Skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli [107 TFUE] u [108 TFUE] għal għajnuna mill-istat f’forma ta’ garanziji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 369), bħal forom oħra ta’ għajnuna potenzjali, il-garanziji mogħtija direttament mill-Istat, kif ukoll il-garanziji mogħtija mill-impriżi mqiegħda taħt l-influwenza dominanti tal-awtoritajiet pubbliċi, jistgħu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat.

326    L-ewwel nett, jista’ jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni mmotivat iċ-ċaħda tagħha tal-applikazzjoni tal-kriterju ta’ investitur privat, fil-punti 152 sa 158 tad-deċiżjoni kkontestata, b’mod globali, għall-miżuri kontroversjali kollha. Għalhekk, ma kienx neċessarju għall-Kummissjoni li żżid motivazzjoni speċifika dwar il-garanziji. Għaldaqstant, ma hemmx lok li jiġi kkonstatat nuqqas ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, il-vantaġġ irrappreżentat minn kull waħda minn dawn il-garanziji favur Sernam Xpress (u, minħabba l-amalgamazzjoni, favur Financière Sernam) huwa mmotivat kif dovut fil-premessi 164 sa 171 tad-deċiżjoni kkontestata.

327    Sussegwentement, mill-punti 293 sa 313 hawn fuq, jirriżulta li ġustament il-Kummissjoni ma applikatx il-kriterju ta’ investitur privat għall-miżuri kontroversjali, li jagħmlu parti minnhom il-garanziji. Konsegwentement, l-argumenti tar-rikorrenti li saru b’mod sussidjarju, li għandhom l-għan li juru li kull garanzija kienet ingħatat minn bejjiegħ privat, ma jistgħux jiġu avvanzati b’suċċess.

328    Fl-aħħar nett, l-argumenti l-oħra tar-rikorrenti li għandhom l-għan li jikkontestaw il-fatt li kull waħda mill-garanziji setgħet tagħti vantaġġ lil Sernam Xpress‑Financière Sernam, għandhom jiġu miċħuda għar-raġunijiet li ġejjin.

 Rigward il-garanzija għall-iżvilupp tas-sit Valenton u l-garanzija għaż-żieda fil-kirjiet ta’ siti tal-operat ġodda

329    Ir-rikorrenti tenfasizza li l-garanzija għall-iżvilupp tas-sit ta’ Valenton, meħtieġ għall-operat tat-TBE, taħt piena ta’ multa ta’ EUR 1 miljun f’każ ta’ dewmien fit-twettiq ta’ xogħlijiet u l-garanzija għaż-żieda fil-kirjiet ta’ siti tal-operat ġodda, għal differenzjali massimu ta’ EUR 3 miljun u fuq perijodu ta’ żmien limitat ta’ tliet snin, kienu ta’ ammont limitat u ma ġewx implementati.

330    L-ewwel nett, il-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat, fil-premessa 164 tad-deċiżjoni kkontestata, li dawn il-garanziji, kienu jagħtu vantaġġ, minħabba li fin-nuqqas tagħhom Sernam Xpress‑Financière Sernam kien ikollhom iġarrbu l-ispejjeż inkwistjoni huma stess.

331    Sussegwentement, rigward l-argumentazzjoni tar-rikorrenti bbażata fuq l-ammont immoderat tal-għajnuna kontroversjali, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-importanza relattivament dgħajfa ta’ għajnuna jew id-daqs relattivament modest tal-impriża benefiċjarja ma jeskludux a priori l-eventwalità li l-kummerċ bejn l-Istati Membri jiġi affettwat (ara s-sentenza tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, C‑280/00, Ġabra, EU:C:2003:415, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ April 2001, Regione Autonoma Friuli-Venezia Giulia vs Il‑Kummissjoni, T‑288/97, Ġabra, EU:T:2001:115, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

332    Fl-aħħar net, għandu wkoll jiġi rrilevat li, skont il-punt 2.1.2 tal-Avviż dwar l-għajnuna mill-Istat f’forma ta’ garanziji msemmi fil-punt 325 hawn fuq, il-fatt li dawn il-garanziji ma kinux ġew ittrasferiti ma huwiex rilevanti għall-klassifikazzjoni ta’ vantaġġ, billi l-għajnuna tingħata fil-mument li tiġi offruta l-garanzija, u mhux fil-mument li tiġi mmobilizzata jew f’dak meta kellhom isiru pagamenti.

333    Barra minn hekk, l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-garanzija għall-iżvilupp tas-sit ta’ Valenton kienet tirriżulta mill-volontà tagħha li tirkupra sit ieħor għandu jiġi miċħud, sa fejn ir-rikorrenti setgħet teżiġi t-trasferiment lejn Valenton (Franza) mingħajr madankollu ma tagħti garanzija fuq l-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet tal-iżvilupp ta’ dan is-sit.

 Rigward il-garanzija tal-kontinwità tat-TBE u tal-aċċess tiegħu

334    Rigward il-garanzija tal-kontinwità tat-TBE u l-aċċess tiegħu, ir-rikorrenti targumenta li hija ma kellha ebda natura esklużiva u għalhekk ma kienet tagħti ebda vantaġġ lil Sernam Xpress meta mqabbla mal-kompetituri tagħha.

335    Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat, fil-premessa 165 tad-deċiżjoni kkontestata, li din il-garanzija kienet tnaqqas b’mod sinjifikattiv ir-riskju ta’ Sernam Xpress‑Financière Sernam, u dan jikkostitwixxi vantaġġ. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma targumentax li impriżi oħra jużaw it-TBE fil-prattika. Barra minn hekk, mill-premessa 163 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li din il-garanzija tat lok għal trasferiment effettiv ta’ EUR 3 miljun mir-rikorrenti lil Sernam Xpress, u dan ma huwiex ikkontestat. Għalhekk, ma hijiex qed tiġi ddubitata l-eżistenza ta’ vantaġġ favur Sernam Xpress meta mqabbla mal-kompetituri tagħha.

 Rigward l-estensjoni għal tliet snin tal-garanzija tal-klassifikazzjoni mill-ġdid tal-impjegati fil-grupp tar-rikorrenti

336    Ir-rikorrenti tikkunsidra li l-premessa 169 tad-deċiżjoni kkontestata, li skontha l-estensjoni għal tliet snin tal-garanzija tal-klassifikazzjoni mill-ġdid tal-impjegati fil-grupp tagħha kienet trendi iktar attraenti l-fatt li jibqgħu impjegati ta’ Sernam Xpress, hija petitio principii nieqsa mill-motivazzjoni.

337    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni, fil-premessi 169 u 171 tad-deċiżjoni kkontestata, immotivat b’mod suffiċjenti fid-dritt l-eżistenza ta’ vantaġġ għal Sernam Xpress fil-fatt li din il-garanzija kienet trendi iktar attraenti l-fatt li wieħed jibqa’ impjegati ta’ Sernam Xpress matul dan il-perijodu u li hija kienet tippermetti lil Sernam Xpress biex iżżomm xi impjegati mingħajr ma ġġarrab spejjeż addizzjonali. Għalhekk, il-vantaġġ ma kienx jikkonsisti fit-totalità tal-pagi mħallsa, iżda fid-differenzjali li jikkorrispondi għaż-żieda tal-pagi li kellha tħallas Sernam Xpress sabiex iżżomm lill-impjegati tagħha, fin-nuqqas ta’ din il-garanzija.

338    Minn dan isegwi li t-tieni parti tas-sitt motiv għandha tiġi miċħuda.

339    Minn dak li ntqal s’issa jirriżulta li s-sitt motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

4.     Fuq l-ewwel motiv tar-rikorrenti u fuq il-motiv tar-Repubblika Franċiża bbażati fuq ksur tad-drittijiet tagħhom tad-difiża rispettivi

340    Permezz tal-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni, essenzjalment, li fid-deċiżjoni kkontestata ħadet pożizzjoni li ma kinitx tinsab fid-deċiżjoni tal-ftuħ u li dwarha ma kienx possibbli għaliha li tippreżenta b’mod utli l-osservazzjonijiet tagħha. Hija tirreferi għall-premessi 154 sa 158 tad-deċiżjoni kkontestata, li jgħidu li ma hemmx lok li jiġi applikat il-prinċipju ta’ investitur privat fil-kawża inkwistjoni.

341    Ir-Repubblika Franċiża targumenta, f’motiv indipendenti, li din id-diverġenza bejn id-deċiżjoni tal-ftuħ u d-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi wkoll ksur tad-drittijiet tagħha proprji tad-difiża.

342    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti u tqis li l-motiv imqajjem mir-Repubblika Franċiża huwa manifestament inammissibbli, u fi kwalunkwe każ, huwa infondat.

343    Meta jkun jidher li motiv imressaq minn intervenjent, li l-konnessjoni tiegħu mal-merti tal-kawża hija dubjuża, għandu f’kull każ jiġi miċħud bħala inammissibbli għal raġuni oħra jew għaliex ma huwiex fondat, il-qorti tista’ tiċħad dan il-motiv mingħajr ma tiddeċiedi dwar il-punt jekk il-parti intervenjenti marritx lil hinn mir-rwol tagħha ta’ sostenn tat-talbiet ta’ waħda mill-partijiet prinċipali (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2005, Regione autonoma della Sardegna vs Il‑Kummissjoni, T‑171/02, Ġabra, EU:T:2005:219, punt 155 u l-ġurisprudenza ċċitata).

344    Fil-kawża inkwistjoni, għal raġunijiet ta’ ekonomija proċedurali, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li hemm lok li jiġi analizzat il-motiv imqajjem mir-Repubblika Franċiża bbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tagħha tad-difiża, mingħajr ma tiddeċiedi minn qabel dwar l-eċċezzjoni tal-inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni dwar l-ammissibbiltà ta’ dan il-motiv, peress li dawn l-argumenti ma jippermettux, barra minn hekk, u għall-motivi esposti iktar ’il quddiem, li jintwera li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, kisret id-drittijiet tad-difiża tal-Istat Membru. Sussegwentement għandu jiġi eżaminat l-ewwel motiv tar-rikorrent, li jikkritika wkoll id-diverġenza bejn id-deċiżjoni tal-ftuħ u d-deċiżjoni kkontestata.

 Fuq il-motiv tar-Repubblika Franċiża, ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha

345    Ir-Repubblika Franċiża, essenzjalment ikkritikat il-fatt li, matul id-deċiżjoni tal-ftuħ, iżda wkoll matul il-proċess kollu tal-proċedura amministrattiva, sal-aħħar stadju tagħha, il-Kummissjoni qatt ma kkunsidrat u lanqas ma ssuġġeriet li l-kriterju ta’ investitur privat fil-prinċipju ma kienx applikabbli fil-kawża inkwistjoni. L-awtoritajiet Franċiżi, ma kinux f’pożizzjoni li jipprovdu osservazzjonijiet dwar il-kwistjoni tal-applikabbiltà tal-kriterju ta’ investitur privat kif imsemmi fis-sentenza Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, punt 283 iktar ’il fuq (EU:C:2003:55) fil-kawża inkwistjoni u għall-kuntrarju ġew interrogati prinċipalment dwar il-kundizzjonijiet tal-applikazzjoni tal-paragun bejn l-ispejjeż taċ-ċessjoni tal-assi ta’ Sernam u l-ispejjeż għal-likwidazzjoni tagħha. Issa, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni sostniet b’mod għall-għarrieda u mhux mistenni li dan il-paragun ma huwiex rilevanti fil-kawża inkwistjoni, minħabba li l-kriterju ta’ investitur privat ma kienx applikabbli fiċ-ċirkustanzi partikolari tal‑kawża inkwistjoni. Peress li ma kkomunikatx lir-Repubblika Franċiża l-modifikazzjoni radikali tal-evalwazzjoni tagħha matul il-proċedura, il-Kummissjoni ma tatx lok lir-Repubblika Franċiża biex tikkontradixxi, matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-pożizzjoni tal-istituzzjoni dwar il-klassifikazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat, skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE tal-miżuri tal-memorandum ta’ ftehim tal‑21 ta’ Lulju 2005 dwar il-bejgħ tal-assi f’daqqa ta’ Sernam.

346    Ir-rikorrenti indikat, fl-osservazzjonijiet tagħha dwar in-nota ta’ intervent tar-Repubblika Franċiża, li hija kienet tappoġġja l-motiv ta’ din tal-aħħar, ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tagħha ta’ difiża bħala Stat Membru.

347    Mill-ġurisprudenza jirriżulta li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża f’kull proċedura mibdija kontra persuna u li tista’ twassal għal att li jikkawżalha preġudizzju, jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni u għandu jiġi ggarantit, anki fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni speċifika (ara s-sentenza tal-21 ta’ Marzu 1990, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C‑142/87, Ġabra, EU:C:1990:125, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li dan il-prinċipju jeżiġi li l-Istat Membru inkwistjoni jingħata l-opportunità li jesprimi b’mod utli l-perspettivi tiegħu dwar l-elementi li fuqhom ibbażat l-evalwazzjoni tagħha l-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, EU:C:1990:125, punt 47).

348    Konformement mal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 659/1999, meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li tibda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali, id-deċiżjoni tal-ftuħ tista’ tkun limitata għar-rikapitulazzjoni tal-punti rilevanti ta’ fatt u ta’ liġi, għall-inklużjoni ta’ evalwazzjoni provviżorja tal-miżura tal-Istat inkwistjoni sabiex jiġi determinat jekk hija għandhiex in-natura ta’ għajnuna u għall-espożizzjoni tar-raġunijiet li jqajmu dubji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern (sentenzi tat-23 ta’ Ottubru 2002, Diputación Foral de Guipúzcoa et vs Il-Kummissjoni, T‑269/99, T‑271/99 u T‑272/99, Ġabra, EU:T:2002:258, punt 104, u tat-22 ta’ Ottubru 2008, TV2 vs Danmark et vs Il-Kummissjoni, T‑309/04, T‑317/04, T‑329/04 u T‑336/04, Ġabra, EU:T:2008:457, punt 138).

349    Għandu jiġi rrilevat li l-proċedura ta’ investigazzjoni formali tippermetti l-approfondiment u l-kjarifikazzjoni tal-kwistjonijiet imqajma fid-deċiżjoni tal-ftuħ (sentenza tal-4 ta’ Marzu 2009, Italja vs Il-Kummissjoni, T‑424/05, EU:T:2009:49, punt 69).

350    Mill-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 659/1999 jirriżulta li, wara li tkun intemmet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, l-analiżi tal-Kummissjoni setgħet tkun evolviet, peress li hija tista’ tiddeċiedi finalment li l-miżura ma tikkostitwixxix għajnuna jew li d-dubji dwar l-inkompatibbiltà tagħha tneħħew. Minn dan isegwi li d-deċiżjoni finali tista’ tippreżenta ċerti diverġenzi mad-deċiżjoni tal-ftuħ, mingħajr ma dawn jivvizzjaw id-deċiżjoni finali (sentenzi L-Italja vs Il-Kummissjoni, punt 349 iktar ’il fuq, EU:T:2009:49, punt 69, u tas‑16 ta’ Diċembru 2010, Il-Pajjiżi l-Baxxi u NOS vs Il-Kummissjoni, T‑231/06 u T‑237/06, Ġabra, EU:T:2010:525, punt 50).

351    Fil-kawża inkwistjoni, għandu jiġi kkonstatat li fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni indikat, b’mod partikolari fil-punt 131 sa 133 u 166 tad-deċiżjoni msemmija, li, sabiex jiġi ddeterminat jekk ir-rikapitalizzazzjoni u r-rinunzja tal-krediti kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, hija kkunsidrat li tapplika l-kriterju ta’ investitur privat tat-tip “Gröditzer” filwaqt li pproċediet bil-paragun tal-ispejjeż tal-operat implementat skont l-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2 ma’ dawk li r-rikorrenti kienet iġġarrab fil-każ ta’ likwidazzjoni ta’ Sernam.

352    Madankollu, l-ewwel nett hemm lok li jiġi rrilevat li l-punti 141 u 142 tad-deċiżjoni tal-ftuħ b’mod ċar kienu jitfgħu dawl fuq in-natura preliminari ta’ dan ir-raġunament rigward il-klassifikazzjoni bħala għajnuna ġdida, kif kien juri l-użu tat-terminu “f’dan l-istadju”. Il-fatt li siltiet oħra kienu iktar affermattivi ma huwiex tali li jdgħajjef din il-konklużjoni, speċjalment fir-rigward tal-għan aħħari tad-deċiżjoni tal-ftuħ u tan-natura preliminari tal-analiżi li saret hawnhekk.

353    Għalhekk, jekk il-Kummissjoni qieset neċessarju li tiġbor informazzjoni dwar l-ispejjeż ta’ likwidazzjoni ta’ Sernam, il-konklużjoni, fil-punt 140 tad-deċiżjoni tal-ftuħ, li tgħid li għandu jiġi ddeterminat jekk l-ispiża totali għar-rikapitalizzazzjoni kinitx ogħla jew inqas mill-ispiża ipotetika tal-likwidazzjoni ta’ Sernam, għandha titqiegħed mill-ġdid fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali u tal-għanijiet tagħha, jiġifieri li jiġi permess li l-partijiet interessati jinstemgħu u li l-Kummissjoni tkun kompletament ċara dwar id-data kollha tal-kawża qabel ma tieħu d-deċiżjoni tagħha. Il-proċedura ta’ investigazzjoni formali ma jistax ikollha portata oħra minn dik deskritta hawn fuq u b’mod partikolari mhux dik li tiddeċiedi b’mod definittiv sa minn qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni finali dwar ċerti elementi tal-proċess (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2010, ThyssenKrupp Acciai Speciali Terni vs il-Kummissjoni, T‑62/08, Ġabra, EU:T:2010:268, punti 174 u 175 u l-ġurisprudenza ċċitata).

354    It-tieni nett, billi l-kwistjoni ta’ investitur privat ġiet diskussa fid-deċiżjoni tal-ftuħ, sabiex jiġi evalwat jekk ir-rikapitalizzazzjoni u r-rinunzja tal-krediti kinux jikkostitwixxu vantaġġ skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE, l-Istat Membru seta’, għalhekk, javvanza l-argumenti kollha li jispjegaw għalfejn kellu jiġi applikat il-kriterju, speċjalment fir-rigward tal-kuntest speċifiku inkwistjoni. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tenfasizza li ma kinux jeżistu preċedenti għall-applikazzjoni tal-kriterju ta’ investitur privat f’kuntest ta’ implementazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ kompatibbiltà kundizzjonata.

355    Għandu wkoll jiġi rrilevat li, fil-punt 161 tad-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni semmiet li riżorsi supplimentari oħra għad-dispożizzjoni ta’ Sernam Xpress, speċjalment fil-forma ta’ vantaġġ finanzjarju, setgħu jirriżultaw mill-garanziji li ġejjin mill-SNCF.

356    Konsegwentement, fid-dawl tad-deċiżjoni tal-ftuħ, ir-Repubblika Franċiża kienet f’pożizzjoni li tgħaraf l-argumentazzjoni li wasslet lill-Kummissjoni biex tikkunsidra b’mod provviżorju li r-rikapitalizzazzjoni, ir-rinunzja tal-krediti, u l-garanziji setgħu jikkostitwixxu għajnuna ġodda inkompatibbli u li tgħarraf b’mod utli l-perspettiva tagħha dwar l-elementi li fuqhom il-Kummissjoni bbażat l-evalwazzjoni tagħha.

357    It-tielet nett, ma jirriżulta mill-ebda dispożizzjoni relatata mal-għajnuna mill-Istat u lanqas mill-ġurisprudenza li l-Kummissjoni hija marbuta tisma’ lill-benefiċjarju ta’ riżorsi tal-Istat dwar l-evalwazzjoni ġuridika tagħha tal-miżura inkwistjoni jew li hija marbuta tinforma lill-Istat Membru kkonċernat — u, a fortiori, lill-benefiċjarju tal-għajnuna — dwar il-pożizzjoni tagħha qabel ma tadotta d-deċiżjoni tagħha, meta l-partijiet interessati u l-Istat Membru kienu ġew imsejħa jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom (sentenza tal-1 ta’ Lulju 2010, L-Italja vs Il-Kummissjoni, T-53/08, Ġabra, EU:T:2010:267, punt 123).

358    Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-motivazzjoni tal-inapplikabbiltà tal-kriterju ta’ investitur privat fil-kawża inkwistjoni, jiġifieri l-kuntest tal-irkupru tal-għajnuna mill-Istat, fil-premessa 154 tad-deċiżjoni kkontestata, u l-fatt li l-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2, kien miżura ekwivalenti għall-miżuri kumpensatorji tal-paragrafu 1 li ma ġiex osservat fil-premessa 155 tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi kkonstatat li, fl-istadju tad-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni kellha għal darba oħra tivverifika jekk l-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2 kif ukoll l-irkupru tal-għajnuna illegali u inkompatibbli ta’ EUR 41 miljun, kinux ġew applikati b’mod korrett. Għalhekk, fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni ma kinitx għada f’pożizzjoni sabiex tiddetermina li l-kriterju ta’ investitur privat ma huwiex applikabbli fil-kawża inkwistjoni.

359    Isegwi li l-motiv ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-Repubblika Franċiża, għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ewwel motiv tar-rikorrenti, ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha

360    Ir-rikorrenti, appoġġjata mir-Repubblika Franċiża, essenzjalment tippreżenta żewġ ilmenti. Permezz tal-ewwel ilment tagħha, ir-rikorrenti targumenta li d-diverġenza bejn id-deċiżjoni tal-ftuħ u d-deċiżjoni kkontestata, li dwarha tinsab il-kwistjoni fil-punt 345 hawn fuq, tikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha. Permezz tat-tieni lment tagħha, hija targumenta li din id-diverġenza msemmija tikkostitwixxi ksur tad-dritt tagħha li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha bħala parti interessata, fuq element essenzjali li ppermetta li jiġu konklużi l-modalitajiet taċ-ċessjoni li kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat.

361    Inkwantu għad-drittijiet proċedurali tar-rikorrenti, għandu jitfakkar li dawn, huma, fi kwalunkwe każ, inqas estensivi minn dawk tar-Repubblika Franċiża, bħala l-Istat Membru kkonċernat fil-proċedura ta’ investigazzjoni formali skont l‑Artikolu 108(2) TFUE. F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-partijiet interessati, bħal fil-kawża inkwistjoni r-rikorrenti, minbarra l-Istat Membru kkonċernat, għandhom, fil-proċedura ta’ stħarriġ tal-għajnuna mill-Istat, biss il-fakultà li jibagħtu lill-Kummissjoni kull informazzjoni meħtieġa sabiex tgħin lil din tal-aħħar fl-azzjoni futura tagħha u huma ma jistgħux huma stess ikollhom diskussjoni kontradittorja mal-Kummissjoni bl-istess mod kif offrut lil dan l-Istat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni u Spanja vs Il-Gvern ta’ Ġibiltà u Ir-Renju Unit, C-106/09P u C-107/09, Ġabra, EU:C:2011:732, punti 180 u 181 u l-ġurisprudenza ċċitata). Id-dritt għall-informazzjoni tal-persuni interessati ma jeċċedix dak li jinstemgħu mill-Kummissjoni. B’mod partikolari, ma jistax jiġi estiż għad-dritt ġenerali ta’ espressjoni fuq il-punti kollha potenzjalment importanti mqajma matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali (ara s-sentenza tat-30 ta’ Novembru 2009, Franza vs Il-Kummissjoni, T‑427/04 u T‑17/05, Ġabra, EU:T:2009:474, punt 149 u l-ġurisprudenza ċċitata).

362    B’kunsiderazzjoni għal dawn il-prinċipji, għandu jiġi għalhekk ikkonstatat li r-rikorrenti, mhux talli ma tistax tinvoka d-drittijiet tad-difiża mogħtija lill-persuni li kontrihom tinfetaħ proċedura, talli għandha biss id-dritt li tiġi assoċjata mal-proċedura amministrattiva b’mod xieraq fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni (sentenzi tal-25 ta’ Ġunju 1998, British Airways et vs Il-Kummissjoni, T‑371/94 u T‑394/94, Ġabra, EU:T:1998:140, punt 60, u tas-6 ta’ Marzu 2003, Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein-Westfalen vs Il-Kummissjoni, T‑228/99 u T‑233/99, Ġabra, EU:T:2003:57, punt 125).

363    Għalhekk, l-ilment tar-rikorrenti bbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha għandu jiġi miċħud.

364    Rigward l-ilment tar-rikorrenti bbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tagħha bħala parti interessata, għandu jiġi rrilevat li din tal-aħħar, kellha l-fakultà li tibgħat kummenti lill-Kummissjoni dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ, li b’mod ċar kienet tidentifika l-miżuri kontroversjali li jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat inkompatibbli potenzjali, possibbiltà li hija għamlet użu minnha. Konsegwentement, ir-rikorrenti, kienet informata biżżejjed dwar l-eżistenza ta’ proċedura ta’ investigazzjoni u kienet f’pożizzjoni li tippreżenta l-osservazzjonijiet kollha li hija kienet tqis utli bħala parti interessata.

365    Minħabba li d-diverġenza osservata bejn id-deċiżjoni tal-ftuħ u d-deċiżjoni kkontestata ma tikkostitwixxix ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-Repubblika Franċiża, u minħabba li r-rikorrenti essenzjalment targumenta, l-istess argumenti bħal dawk tar-Repubblika Franċiża, jista’ jiġi kkonstatat li d-diverġenza msemmija bejn id-deċiżjoni tal-ftuħ u d-deċiżjoni kkontestata lanqas ma tikkostitwixxi ksur tad-drittijiet proċedurali tagħha bħala parti interessata fil-proċedura.

366    Għalhekk, l-ilment ibbażat fuq ksur tad-dritt tar-rikorrenti li tippreżenta osservazzjonijiet utli bħala parti interessata, għandu jiġi miċħud.

367    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, l-ewwel motiv tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

5.     Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

368    Ir-rikorrenti essenzjalment tippreżenta tliet ilmenti. Permezz tal-ewwel ilment tagħha, ir-rikorrenti targumenta li l-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Sernam 2, ħolqu speranzi għaliha bbażati fuq il-fatt li hija kienet awtorizzata biex tipproċedi bħal ma għamlet matul iċ-ċessjoni tal-assi u matul l-irkupru tal-EUR 41 miljun tal-għajnuna ddikjarata inkompatibbli mid-Deċiżjoni Sernam 2. Permezz tat-tieni lment, ir-rikorrenti targumenta li t-talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-dettall tal-ispejjeż ta’ likwidazzjoni ta’ Sernam, iddatat l-14 ta’ Marzu 2006, saħħet il-fatt li l-kriterju ta’ investitur privat kien ser jiġi applikat għaċ-ċessjoni tal-assi f’daqqa ta’ Sernam u li, konsegwentement, din tal-aħħar kienet eżentata mill-għajnuna mill-Istat. Permezz tat-tielet ilment tagħha, ir-rikorrenti essenzjalment tikkontesta l-premessi 126 u 177 sa 182 tad-deċiżjoni kkontestata.

 Fuq l-ewwel ilment ibbażat fuq il-fatt li l-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Sernam 2 ħolqu speranzi għar-rikorrent ibbażati fuq il-fatt li hija kienet awtorizzata tipproċedi kif għamlet matul iċ-ċessjoni tal-assi u waqt l-irkupru tal-EUR 41 miljun

369    Ir-rikorrenti targumenta li l-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Sernam 2 kienu jikkostitwixxu “prinċipji inekwivoki” u “pożizzjonijiet adottati” u tibbaża l-aspettattivi leġittimi tagħha fuq il-fatt li hija kienet awtorizzata timplementahom kif għamlet.

370    Skont ġurisprudenza stabbilita, id-dritt li wieħed jinvoka l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jestendi għal kull persuna li fi ħdanha istituzzjoni tal-Unjoni tkun ħolqot tamiet fondati [sentenza tal-11 ta’ Marzu 1987, Van den Bergh en Jurgens u Van Dijk Food Products (Lopik) vs KEE, 265/85, EU:C:1987:122, punt 44]. Huwa tassumi l-ġabra ta’ tliet kundizzjonijiet kumulattivi. Fl-ewwel lok, l-amministrazzjoni tal-Unjoni għandha tkun tat lill-persuna kkonċernata assigurazzjonijiet preċiżi, bla kundizzjonijiet u konsistenti, li joriġinaw minn sorsi awtorizzati u affidabbli. Fit-tieni lok, dawn l-assigurazzjonijiet għandhom ikunu tali li jnisslu aspettattiva leġittima fil-persuna indirizzata. Fit-tielet lok, dawn il-garanziji għandhom ikunu konformi mar-regoli applikabbli (ara s-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2005, Branco vs Il‑Kummissjoni, T‑347/03, Ġabra, EU:T:2005:265, punt 102, u l-ġurisprudenza ċċitata; is-sentenzi tat-23 ta’ Frar 2006, Cementbouw Handel & Industrie vs Il‑Kummissjoni, T‑282/02, Ġabra, EU:T:2006:64, punt 77, u tat-30 ta’ Ġunju 2009, CPEM vs Il‑Kummissjoni, T‑444/07, Ġabra, EU:T:2009:227, punt 126).

371    Għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Sernam 2 (ara l-punt 14 hawn fuq), espliċitament jipprovdi li l-għajnuna mill-Istat lil Sernam, approvata f’Mejju 2001 f’ammont ta’ EUR 503 miljun, hija kompatibbli mas-suq komuni skont il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikoli 3 u 4 tal-istess deċiżjoni.

372    Mill-punti 118, 278 u 279 hawn fuq jirriżulta li l-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Sernam 2, kienu jinftiehmu biżżejjed inkwantu għall-fatt li l-bejgħ tal-assi f’daqqa ta’ Sernam ma kienx jawtorizza ċ-ċessjoni tal-obbligazzjonijiet tagħha u li, jekk Sernam jew entità oħra li tkompli ekonomikament lil Sernam kienet tkompli teżisti fis-suq, ir-rimbors ta’ EUR 41 miljun kien ikun ir-responsabbiltà tagħha, anki fl-ipoteżi ta’ prezz tas-suq permezz ta’ proċedura trasparenti u miftuħa għall-kompetituri tagħha kollha. Barra minn hekk, jirriżulta mill-analiżi tar-raba’ u l-ħames motivi li r-rikorrenti applikat ħażin iż-żewġ dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Sernam 2.

373    Konsegwentement, l-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Sernam 2 ma kinux suxxettibbli li jnisslu kwalunkwe aspettattiva leġittima fir-rigward tar-rikorrenti fuq il-fatt li hija setgħet tgħaqqad l-obbligazzjonijiet ta’ Sernam mal-assi u tikkuntenta li tirreġistra mal-obbligazzjoni tal-likwidazzjoni ta’ Sernam l-EUR 41 miljun sakemm kienet teżisti kontinwità ekonomika bejn Sernam u Sernam Xpress.

374    Barra minn hekk, l-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Sernam 2 kienu jistipulaw kundizzjonijiet u għalhekk ma setgħux jagħtu assigurazzjonijiet preċiżi u mingħajr kundizzjonijiet inkwantu għall-fatt li dawn il-kundizzjonijiet jitqiesu li ġew osservati. Hekk kif irrimarkat ġustament il-Kummissjoni, dan l-ilment ma jaqax taħt l-aspettattivi leġittimi bħala tali, iżda iktar taħt il-verifika tal-osservazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ kompatibbiltà imposti mid-Deċiżjoni Sernam 2.

375    Minn dan isegwi li l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq il-kontenut tat-talba għal informazzjoni dwar id-dettall tal-ispejjeż ta’ likwidazzjoni ta’ Sernam, iddatata l-14 ta’ Marzu 2006

376    Ir-rikorrenti targumenta li t-talba għal informazzjoni mill-Kummissjoni dwar id-dettalji tal-ispejjeż ta’ likwidazzjoni ta’ Sernam, iddatata l-14 ta’ Marzu 2006, saħħitha l-ħsieb li l-kriterju ta’ investitur privat tat-tip “Gröditzer”, fil-qasam tal-bejgħ bi prezz negattiv kien ser jiġi applikat mill-Kummissjoni u li, konsegwentement, iċ-ċessjoni tal-assi f’daqqa ta’ Sernam kienet eżenti mill-għajnuna mill-Istat.

377    L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li l-ittra tal-14 ta’ Marzu 2006 hija parti mill-proċess tal-verifika tal-osservanza tal-kundizzjonijiet tad-Deċiżjoni Sernam 2 u hija posterjuri għat-tranżazzjoni organizzata mir-rikorrenti sabiex jiġi implementat l-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2. Konsegwentement, din l-ittra ma setgħetx tnissel aspettattivi leġittimi fir-rigward tar-rikorrenti fuq il-fatt li t-tranżazzjoni tagħha, qabel l-ittra msemmija, ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna ġdida mill-Istat.

378    It-tieni nett, għall-kuntrarju ta’ dak li qed isostni r-rikorrenti, tali indikazzjoni, fl-ittra tal-14 ta’ Marzu 2006, fl-ebda każ ma kienet ta’ natura li tagħtiha assigurazzjonijiet preċiżi, mingħajr kundizzjonijiet u konsistenti, li skonthom min-naħa, il-kriterju ta’ investitur privat kien effettivament ser jiġi applikat fid-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni u min-naħa l-oħra, li jitqies li huwa ssodisfatt fil-kawża inkwistjoni. Fil-fatt, kienet sempliċi talba għal informazzjoni mill-Kummissjoni bħala parti mill-proċess tal-verifika, u mhux analiżi lesta u definittiva tal-miżuri inkwistjoni.

379    Minn dan jirriżulta li t-tieni lment għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet ilment, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni wettqet żball fil-premessi 126 u 177 sa 182 tad-deċiżjoni kkontestata

380    Ir-rikorrenti targumenta essenzjalment li l-Kummissjoni għamlet żball fil-premessi 177 sa 182 tad-deċiżjoni kkontestata, meta rribattiet il-fatt li aspettattiva leġittima dwar il-konformità tat-tranżazzjoni mad-Deċiżjoni Sernam 2 tnisslet fir-rigward tar-Repubblika Franċiża jew tal-benefiċjarji tal-għajnuna, minħabba l-avviċinament tal-awtoritajiet Franċiżi lejn il-Kummissjoni.

381    Il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li hemm lok li jiġu eżaminati wkoll fil-kuntest ta’ dan l-ilment ċertu argumenti mqajma fil-kuntest tas-sitt parti tar-raba’ motiv, kontra l-premessa 126 tad-deċiżjoni kkontestata, li fil-biċċa l-kbira jerġgħu jirrigwardaw dawk imqajma fil-kuntest ta’ dan l-ilment.

382    Ir-rikorrenti essenzjalment tippreżenta tliet argumenti sabiex isostni t-tielet ilment tagħha.

383    Mill-premessi 126, u 177 sa 182 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni, essenzjalment ikkonfutat il-fatt li aspettattiva leġittima fil-konformità tat-tranżazzjoni mwettqa mad-Deċiżjoni Sernam 2 u d-dritt tal-Unjoni tnisslet mill-passi tal-awtoritajiet Franċiżi, bħaż-żjara tagħhom lill-Kummissjoni fl-24 ta’ Novembru 2004, l-ittra tagħhom tal-21 ta’ Diċembru 2004, kif ukoll kuntatti oħra magħha. Hija tqis, fil-premessi 178 sa 181, li l-informazzjoni kkomunikata mir-Repubblika Franċiża kienet limitata sabiex tinformaha dwar l-għażla tal-bejgħ tal-assi f’daqqa mingħajr ma tiddeskrivi l-elementi essenzjali tat-tranżazzjoni tat-trasferiment tal-assi ta’ Sernam u li, fi kwalunkwe każ, l-awtoritajiet Franċiżi, ma setgħux jinvokaw li kienu jibbenefikaw minn aspettattiva leġittima mingħajr ma volontarjament informawha, fil-21 ta’ Diċembru 2004, jew iktar tard, dwar dawn l-elementi sostanzjali. Il-Kummissjoni żiedet, fil-premessi 126 u 182 tad-deċiżjoni kkontestata, li jekk l-awtoritajiet Franċiżi esperjenzaw diffikultajiet fl-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni Sernam 2, huma kellhom jerġgħu jikkuntattjawha sabiex bi ftehim magħha, isibu soluzzjoni li twassal għal skema oħra bis-saħħa tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali previst fl‑Artikolu 4(3) TUE u tat-taqsima 3.2.3 tal-linji gwida dwar is-salvataġġ u r-ristrutturazzjoni, li tgħid li Stat Membru ma jistax jitbiegħed mill-pjan għar-ristrutturazzjoni mingħajr notifika u approvazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni.

384    L-ewwel nett, ir-rikorrenti tinvoka kuntatti li kellha mal-Kummissjoni li nisslu l-aspettattivi leġittimi tagħha fuq il-fatt li t-tranżazzjoni twettqet konformement mad-Deċiżjoni Sernam 2.

385    Inkwantu għall-kuntatt bit-telefon tat-8 ta’ Novembru 2004 bejn id-Direttur Ġenerali tal-Agence des participations de l’État (APE) (l-aġenzija Franċiża responsabbli mill-azzjonijiet tal-Gvern) u d-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) tal-Enerġija u t-Trasport, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tibbaża ruħha fuq ebda rapport ta’ dan l-iskambju u li lanqas ma jeżisti fil-proċess rapport uffiċjali ta’ dan l-skambju. L-istess konstatazzjonijiet jistgħu jsiru rigward il-laqgħa bejn id-Direttur tal-Affarijiet Ġenerali tad-DĠ tal-Enerġija u t-Trasport u d-delegazzjoni APE-SNCF tal-24 ta’ Novembru 2004 kif ukoll il-kuntatt bit-telefon ta’ Lulju 2005 bejn il-President tal-SNCF u d-Direttur tad-DĠ tal-Enerġija u t-Trasport. Il-ftit riferimenti fil-qosor għal dawn il-kuntatti inklużi fil-proċess la jippermettu viżjoni ċara u eżawrjenti tal-iskambji li saru u lanqas ma jikkonkludu li l-awtoritajiet Franċiżi ngħataw l-awtorizzazzjoni fuq l-elementi kontroversjali tat-tranżazzjoni.

386    It-tieni nett, ir-rikorrenti tinvoka l-ittra tal-awtoritajiet Franċiżi lill-Kummissjoni tal-21 ta’ Diċembru 2004. Jirriżulta mill-qari ta’ dan id-dokument li ġustament il-Kummissjoni kkunsidrat, fil-premessa 179 tad-deċiżjoni kkontestata, li ma kienx jippermettilha li tipprevedi b’mod eżatt kif l-awtoritajiet Franċiżi kienu ser jimplementaw id-Deċiżjoni Sernam 2 minħabba li l-elementi essenzjali u kontroversjali tat-tranżazzjoni ma jissemmewx fih, jiġifieri l-fatt li ċ-ċessjoni kienet tiddependi fuq trasferiment intragrupp tal-assi u tal-obbligazzjonijiet fi ħdan entità ġuridika oħra (Sernam Xpress), segwit minn ċessjoni ta’ din l-entità l-oħra (share deal); li l-biċċa l-kbira tal-obbligazzjonijiet kienu ser jiġu ttrasferiti mal-assi u li biss l-ordni tar-irkupru relatat mal-għajnuna ta’ EUR 41 miljun u d-dejn tal-SNCF għal ammont ta’ EUR 38.5 miljun kienu ser jibqgħu mal-obbligazzjonijiet tal-likwidazzjoni ta’ Sernam jew, saħansitra li r-Repubblika Franċiża, kienet disposta li tirrikapitalizza lil Sernam u Sernam Xpress fil-każ ta’ offerta ta’ rkupru bi prezz negattiv.

387    Fil-fatt, ebda wieħed minn dawn l-elementi ma kienx jidher b’mod espliċitu f’din l-ittra. Kif tenfasizza l-Kummissjoni, “[g]ħall-kuntrarju ta’ dan, in-nota tal-21 ta’ Diċembru 2004 tagħti l-impressjoni li ċ-ċessjoni kienet se titwettaq mingħajr l-ebda distinzjoni bejn l-obbligazzjonijiet u bi prezz pożittiv billi hija tindika li ‘hekk kif iċ-ċessjoni titwettaq, il-prodotti li jirriżultaw minnha se jintużaw għar-rimborż tal-obbligazzjonijiet tal-persuna ġuridika Sernam, li jinkludu l-għajnuna inkompatibbli li ngħatatilha, fil-qafas tal-proċeduri nazzjonali stabbiliti’”.

388    It-tielet nett, ir-rikorrenti tikkritika l-premessi 126 u 182 tad-deċiżjoni kkontestata minħabba li d-Deċiżjoni Sernam 2 ġiet applikata b’mod korrett u li ma kien hemm ebda modifika tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni. Din l-argumentazzjoni għandha tiġi miċħuda sa fejn jirriżulta mill-analiżi tar-raba’ motiv li l-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2 ma ġiex osservat. Din il-kundizzjoni ta’ kompatibbiltà tal-għajnuna kienet tagħmel parti integrali mill-pjan ta’ ristrutturazzjoni approvat mid-Deċiżjoni Sernam 2. Għalhekk, l-awtoritajiet Franċiżi, konformement mal-paragrafu 52 tal-linji gwida dwar is-salvataġġ u r-ristrutturazzjoni, kellhom jitolbu lill-Kummissjoni sabiex taċċetta l-modifiki tal-pjan tar-ristrutturazzjoni.

389    Minn dan isegwi li t-tielet ilment għandu jiġi miċħud.

390    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

6.     Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu tal-osservanza ta’ terminu raġonevoli u tal-prinċipju ta’ ċertezza legali

391    Ir-rikorrenti essenzjalment targumenta li bl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata iktar minn seba’ snin wara t-twettiq tat-tranżazzjoni magħrufa bħala “ta’ bejgħ tal-assi f’daqqa”, il-Kummissjoni kisret l-obbligu tal-osservanza ta’ terminu raġonevoli, l-Artikolu 41(1), tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, moqri flimkien mal-Artikolu 52(3) tagħha, u l-prinċipju ta’ ċertezza legali. L-argumenti tagħha essenzjalment jistgħu jiġu diviżi fi tliet ilmenti.

392    B’mod preliminari, għandu jitfakkar li l-osservanza ta’ terminu raġonevoli matul il-proċeduri amministrattivi fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni tikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li l-ġurisdizzjoni tal-Unjoni tiżgura l-osservanza tiegħu, u li huwa inkorporat bħala komponent tad-dritt tal-amministrazzjoni tajba, mill-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2004, JCB Service vs Il-Kummissjoni, T‑67/01, Ġabra, EU:T:2004:3, punt 36).

393    Madankollu, il-ksur tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli ma jiġġustifikax l-annullament ta’ deċiżjoni li ttieħdet wara proċedura amministrattiva fil-qasam tal-kompetizzjoni minħabba li kienet tikkostitwixxi wkoll ksur tad-drittijiet tad-difiża tal-impriża kkonċernata. Fil-fatt meta ma jkunx stabbilit li dewmien eċċessiv affettwa l-kapaċità tal-impriżi kkonċernati sabiex jiddefendu lilhom infushom b’mod effikaċi, in-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli ma jaffettwax il-validità tal-proċedura amministrattiva u għalhekk ma jistax jiġi analizzat ħlief bħala kawża ta’ preġudizzju suxxettibbli li tiġi invokata quddiem il-Qorti tal-Unjoni Ewropea. Fi kwalunkwe każ, għandu wkoll jitfakkar li, matul il-fażi tal-investigazzjoni msemmija fl-Artikolu 108(2) TFUE, il-partijiet interessati, bħar-rikorrenti fil-kawża inkwistjoni, mhux talli ma jistgħux jinvokaw l-istess drittijiet tad-difiża li jgawdu minnhom individwi li hija miftuħa kontrihom proċedura, talli għandhom biss id-dritt li jkunu involuti fil-proċedura amministrattiva b’mod adegwat filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkustanzi tal-każ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Eridania Sadam vs Il-Kummissjoni, punt 230 iktar ’il fuq, EU:T:2011:608, punti 80 u 81 u l-ġurisprudenza ċċitata).

 Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq perijodu ta’ tliet snin li għaddew mill-bejgħ tal-assi f’daqqa ta’ Sernam sal-bidu tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, fis-16 ta’ Lulju 2008

394    Ir-rikorrenti essenzjalment tikkritika lill-Kummissjoni għad-dewmien eċċessiv ta’ tliet snin li ddekorrew mill-bejgħ tal-assi f’daqqa ta’ Sernam sal-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, fis-16 ta’ Lulju 2008. Ir-rikorrenti tinvoka diversi elementi sabiex turi l-informazzjoni mgħaġġla tal-Kummissjoni dwar il-modalitajiet taċ-ċessjoni tal-assi ta’ Sernam li hija implementat, bħall-ilment ippreżentat mill-ewwel lanjant sa mix-xahar ta’ Ġunju 2005, l-intervista mogħtija mill-President tal-SNCF f’Les Echos fis-26 ta’ Lulju 2005, l-informazzjoni bit-telefon tad-Direttur tad-DĠ tal-Enerġija u t-Trasport dwar il-modalitajiet taċ-ċessjoni sa mix-xahar ta’ Lulju 2005. Barra minn hekk, hija targumenta li ġie ppreżentat għal nuqqas li tittieħed azzjoni kontra l-Kummissjoni fit-22 ta’ Frar 2006 u li, sa mill-11 ta’ April 2006, il-Kummissjoni kellu jkollha l-informazzjoni kollha u d-dokumenti neċessarji għall-analiżi tagħha.

395    Bħalma diġà tfakkar, l-osservanza mill-Kummissjoni ta’ terminu raġonevoli meta tadotta d-deċiżjonijiet wara l-proċeduri amministrattivi fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni, tikkostitwixxi prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Novembru 2003, Regione Siciliana vs Il-Kummissjoni, T‑190/00, Ġabra, EU:T:2003:316, punt 136 u l-ġurisprudenza ċċitata, u JCB Service vs Il-Kummissjoni, punt 392 iktar ’il fuq, EU:T:2004:3, punt 36).

396    Skont il-ġurisprudenza, il-fatt li l-fażi tal-investigazzjoni preliminari ġiet skattata minn ilment u mhux minn notifika ma jistax iwassal sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ ttawwal b’mod diskrezzjonali l-fażi preliminari tal-investigazzjoni. Għalhekk, ġie deċiż li, minħabba li hija kellha kompetenza esklużiva sabiex tevalwa l-kompatibbiltà ta’ għajnuna mill-Istat mas-suq intern, fl-interess tal-amministrazzjoni tajba tar-regoli fundamentali tat-trattat dwar l-għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni għandha tipproċedi għal analiżi diliġenti u imparzjali tal-ilment li jiddenunċja l-eżistenza ta’ għajnuna inkompatibbli mas-suq intern u li hija għalhekk ma tistax ittawwal b’mod indefinit l-analiżi preliminari tal-miżuri tal-Istat li huma s-suġġett ta’ lment dwar għajnuna mill-Istat. Skont ġurisprudenza stabbilita, in-natura raġonevoli tat-tul ta’ tali proċedura amministrattiva għandha tiġi evalwata fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull kawża u, b’mod partikolari, tal-kuntest tagħha, tad-diversi stadji proċedurali li l-Kummissjoni għandha ssegwi, tal-kumplessità tal-kawża kif ukoll tal-importanza tagħha għad-diversi partijiet interessati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2011, Regione autonoma della Sardegna et vs Il-Kummissjoni, T‑394/08, T‑408/08, T‑453/08 T‑454/08, Ġabra, EU:T:2011:493, punti 98 u 99 u l-ġurisprudenza ċċitata).

397    Fil-kawża inkwistjoni. jirriżulta mill-proċess li l-Kummissjoni eżaminat mingħajr dewmien l-informazzjoni fil-pussess tagħha dwar l-ilmenti relatati mal-applikazzjoni abbużiva tal-għajnuna, konformement mal-Artikolu 10(1), tar-Regolament Nru 659/1999, applikabbli mutatis mutandis għall-għajnuna abbużiva, skont l-Artikolu 16 tar-regolament imsemmi, u ma baqgħetx inattiva matul it-tliet snin ta’ qabel id-deċiżjoni tal-ftuħ.

398    L-istadji prinċipali kienu dawn li ġejjin:

–        mistoqsijiet tal-Kummissjoni lill-awtoritajiet Franċiżi permezz tal-ittri tat-30 ta’ Settembru 2005 u t-tweġibiet tal-awtoritajiet Franċiżi tat-2 ta’ Novembru 2005;

–        mistoqsijiet tal-Kummissjoni lill-awtoritajiet Franċiżi permezz tal-ittra tal-14 ta’ Marzu 2006 u t-tweġibiet tal-awtoritajiet Franċiżi tal-11 ta’ April 2006;

–        permezz tal-ittri tal-10 ta’ April 2006 u tat-23 ta’ April 2007, tieni parti interessata lmentat ukoll mal-Kummissjoni;

–        mistoqsijiet tal-Kummissjoni lill-awtoritajiet Franċiżi permezz tal-ittra tat-8 ta’ Settembru 2006 u t-tweġibiet tal-awtoritajiet Franċiżi tal-10 ta’ Ottubru 2006;

–        laqgħa bejn l-awtoritajiet Franċiżi u l-Kummissjoni fl-14 ta’ Mejju 2007; l-awtoritajiet Franċiżi wieġbu għall-mistoqsijiet tal-Kummissjoni permezz tal-ittra tal-25 ta’ Lulju 2007;

–        laqgħa bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Franċiżi fit-18 ta’ April 2008 u, fil-estensjoni ta’ din il-laqgħa, memorandum tal-awtoritajiet Franċiżi tas-6 ta’ Mejju 2008 li jinkludi t-tweġibiet għall-mistoqsijiet li saru matul din il-laqgħa.

399    Għall-kuntrarju ta’ dak imressaq mir-rikorrenti, fil-11 ta’ April 2006, il-Kummissjoni ma kellhiex għarfien totali tal-proċess, peress li hija kkunsidrat, fil-mistoqsijiet il-ġodda tagħha tat-8 ta’ Settembru 2006, li ż-żewġ tweġibiet li waslu mingħand l-awtoritajiet Franċiżi, kif ukoll l-elementi l-ġodda li ġew irrapportati lilha kienu jqajmu mistoqsijiet ġodda.

400    Barra minn hekk, dan id-dewmien, ma jidhirx mingħajr raġuni fid-dawl tal-kumplessità fattwali u ġuridika tal-kawża.

401    Għalhekk, l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq il-perijodu ta’ iktar minn tliet snin li ddekorrew bejn il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali tas-16 ta’ Lulju 2008, u t-talba għal informazzjoni tad-29 ta’ Novembru 2011

402    Ir-rikorrenti essenzjalment tikkritika lill-Kummissjoni fuq il-perijodu ta’ iktar minn tliet snin li ddekorrew bejn il-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali, fis-16 ta’ Lulju 2008, u t-talba għal informazzjoni tad-29 ta’ Novembru 2011. L-ewwel nett, ir-rikorrenti targumenta li l-aħħar kummenti tal-awtoritajiet Franċiżi dwar l-osservazzjonijiet tal-ewwel lanjant dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura kienu ġew trażmessi fis-7 ta’ Mejju 2009, jiġifieri sentejn u nofs qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. It-tieni nett, f’dak li jikkonċerna t-talba għal informazzjoni tad-29 ta’ Novembru 2011, ir-rikorrenti hija sorpriża li l-mistoqsijiet li saru kienu biss dwar l-ispejjeż tal-likwidazzjoni ta’ Sernam, problema li ġiet abbandunata tliet xhur wara bl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll bid-dewmien ta’ sitt snin li ħadet il-Kummissjoni qabel ma talbet kopja tal-proposti tal-akkwist mill-ġdid tal-assi f’daqqa ta’ Sernam li waslu matul il-proċedura ta’ sejħa għal offerti.

403    L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li wara l-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, fis-16 ta’ Lulju 2008, l-istadji ewlenin tal-proċedura kienu dawn li ġejjin:

–        fit-8 ta’ Ottubru 2008, it-13 ta’ Novembru 2008, is-6 u d-9 ta’ Frar 2009, l-awtoritajiet Franċiżi, l-ewwel lanjant, ir-rikorrenti u l-fond ta’ investiment li ħa sehem fil-kapital ta’ Sernam Express, suċċessivament ippreżentaw osservazzjonijiet dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ; il-Kummissjoni għaddiet l-osservazzjonijiet li rċeviet lir-Repubblika Franċiża fil-25 ta’ Marzu 2009;

–        fil-5 ta’ Mejju 2009, l-awtoritajiet Franċiżi ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-osservazzjonijiet tal-ewwel lanjant (li waslu għand il-Kummissjoni fis-7 ta’ Mejju 2009);

–        fil-25 ta’ Novembru 2009, il-Kummissjoni ppreżentat talba ġdida għal informazzjoni mingħand l-awtoritajiet Franċiżi, li twieġbet fl-14 ta’ Jannar 2010;

–        fil-15 ta’ Marzu 2011, it-tieni lanjant stieden lill-Kummissjoni biex timplementa l-miżuri ta’ investigazzjoni bl-għan li tivverifika l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni Sernam 2; il-Kummissjoni rrispondietu fit-18 ta’ Mejju 2001;

–        fid-29 ta’ Novembru 2011 u fit-13 ta’ Jannar 2012, il-Kummissjoni mill-ġdid ippreżentat mistoqsijiet lill-awtoritajiet Franċiżi, li rrispondewhom rispettivament fis-6 u fil-25 ta’ Jannar 2012;

–        fid-9 ta’ Marzu 2012 ittieħdet id-deċiżjoni kkontestata.

404    Għandu jiġi rrilevat li l-perijodu ta’ iktar minn tliet snin li ddekorrew bejn il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali u t-talba għal informazzjoni ta’ Novembru 2011, ikkritikat mir-rikorrenti, ġie madankollu interrot mid-diversi osservazzjonijiet li waslu dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ u mid-domanda għal informazzjoni tal‑25 ta’ Novembru 2009.

405    Għalhekk, il-Kummissjoni kellha tisfrutta u tanalizza l-osservazzjonijiet li waslu dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ, fosthom b’mod partikolari ċertu dokumenti miġbura f’anness tal-osservazzjonijiet tar-Repubblika Franċiża tat-8 ta’ Ottubru 2008, bħar-rapport aġġornat tad-uffiċċju ta’ awdituri Y, kif ukoll ir-rapport miktub mill-ġdid mill-professur tad-dritt Franċiż, dwar id-dritt nazzjonali.

406    B’kunsiderazzjoni għall-kumplessità fattwali u ġuridika tal-kawża, dan id-dewmien fl-analiżi ma jidhirx li ma huwiex raġonevoli. Fil-fatt, il-kuntest tal-kawża inkwistjoni kien partikolari, minħabba li l-Kummissjoni diġà kellha teżamina darbtejn l-għajnuna mogħtija b’mod illegali u kienet diġà kkonstatat l-applikazzjoni abbużiva tal-għajnuna ddikjarata kompatibbli fid-deċiżjoni Sernam 1. Barra minn hekk, it-tranżazzjonijiet ta’ ċessjoni li kellhom jiġu analizzati kienu kumplessi u l-Kummissjoni kellha teżamina mhux biss l-implementazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-kompatibbiltà tad-Deċiżjoni Sernam 2, il-kwistjoni tal-irkupru tal-EUR 41 miljun ta’ għajnuna ddikjarata inkompatibbli mad-Deċiżjoni Sernam 2 u tal-kontinwità ekonomika bejn diversi entitajiet, iżda wkoll il-kwistjoni ta’ għajnuna ġdida inkluża fil-memorandum ta’ ftehim tal-21 ta’ Lulju 2005.

407    Barra minn hekk, la r-rikorrenti u lanqas ir-Repubblika Franċiża ma jargumentaw li kienu lmentaw matul il-proċedura dwar it-tul tal-proċedura amministrattiva.

408    Fit-tieni lok, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ġustament setgħet tistenna qabel ma titlob kopja tal-offerti li waslu matul is-sejħa għal offerti. Fil-fatt, hija setgħet tikkunsidra bħala inizjalment suffiċjenti, l-ispjegazzjonijiet tal-awtoritajiet Franċiżi dwar dawn l-offerti li kienu ġew ippreżentati qabel, speċjalment fl-ittri tal-11 ta’ April 2006 u tas-6 ta’ Mejju 2008, l-osservazzjonijiet tagħhom dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ tat-8 ta’ Ottubru 2008 u l-osservazzjonijiet tagħhom tal-5 ta’ Mejju 2009. It-tieni nett, il-fatt li l-mistoqsijiet magħmula fit-talba għal informazzjoni tad-29 ta’ Novembru 2011 kienu dwar b’mod partikolari, iżda mhux biss, l-ispejjeż ta’ likwidazzjoni ta’ Sernam, problema li kienet ser tiġi abbandunata tliet xhur wara waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ma kienx biżżejjed sabiex jiġi stabbilit ksur tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli, minħabba li l-Kummissjoni ma baqgħetx inattiva u ġustament setgħet tirfina r-riflessjoni tagħha dwar il-kwistjoni.

409    Minn dan isegwi li t-tieni lment għandu jiġi miċħud u li għalhekk, ma hemmx lok li jiġi kkonstatat il-ksur ta’ dritt li kwistjonijiet jiġu trattati f’terminu raġonevoli.

 Fuq it-tielet ilment, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, li jimponi fuq il-Kummissjoni li tipproċedi b’diliġenza, u tal-ksur tal-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali

410    L-ewwel nett, ir-rikorrenti targumenta li l-perijodu eċċessiv tal-proċedura jikser l-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. F’dan ir-rigward, hija tenfasizza, fir-replika, li din id-dispożizzjoni, moqrija flimkien mal-Artikolu 52(3) tal-Karta msemmija, timponi li rimedji effettivi jiġu ggarantiti fil-każ ta’ ksur ta’ dritt fundamentali, bħal dak li tingħata deċiżjoni f’terminu raġonevoli. Issa, ir-rinunzja ta’ kull sanzjoni u l-waqfien ta’ proċeduri jikkostitwixxu waħda mill-modalitajiet possibbli tat-tħassir tal-konsegwenzi tal-ksur tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli skont is-sens tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

411    Mill-punt 409 hawn fuq, jirriżulta li fil-kawża inkwistjoni ma hemmx lok li jiġi kkonstata ksur tad-dritt li kwistjonijiet jiġu trattati f’terminu raġonevoli. Għalhekk, l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, moqri flimkien mal-Artikolu 52(3), tal-istess Karta, għandu jiġi miċħud ukoll.

412    It-tieni nett, ir-rikorrenti targumenta li l-perijodu eċċessiv tal-proċedura ppreġudika l-prinċipju ta’ ċertezza legali, li jimponi fuq il-Kummissjoni li tipproċedi b’diliġenza.

413    Skont il-ġurisprudenza, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jeżiġi li r-regoli tad-dritt tal-Unjoni jkunu ċari u preċiżi sabiex il-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jorjentaw ruħhom f’sitwazzjonijiet u f’relazzjonijiet ġuridiċi li jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (ara s-sentenza tat-30 ta’ April 2014, Tisza Erőmű vs Il-Kummissjoni, T‑468/08, EU:T:2014:235, punt 221 u l-ġurisprudenza ċċitata).

414    Peress li r-rikorrenti sempliċement targumenta li l-perijodu tal-proċedura ppreġudika l-prinċipju ta’ ċertezza legali mingħajr ma tippreżenta argumenti speċifiċi, jirriżulta mill-premessa 409 hawn fuq li dan l-ilment għandu jiġi miċħud, minħabba li mill-proċess ma jirriżultax li l-Kummissjoni kisret l-obbligu tagħha tal-osservanza ta’ terminu raġonevoli.

415    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti kellha l-assigurazzjoni, sa mid-deċiżjoni tal-ftuħ tas-16 ta’ Lulju 2008, li l-Kummissjoni kienet se tieħu deċiżjoni finali dwar il-kwistjonijiet tal-osservanza tal-kundizzjonijiet tad-Deċiżjoni Sernam 2, tar-rimbors tal-għajnuna ta’ EUR 41 miljun iddikjarata inkompatibbli mid-Deċiżjoni Sernam 2 kif ukoll tal-għajnuna l-ġdida mill-Istat. Hija għalhekk ma tistax tallega li r-regoli tad-dritt tal-Unjoni f’dan ir-rigward ma kinux ċari u preċiżi.

416    Fl-ipoteżi eventwali fejn, billi ssorprendiet ruħha li l-mistoqsijiet imqajma fit-talba għal informazzjoni tad-29 ta’ Novembru 2011 kienu jittrattaw biss l-ispejjeż ta’ likwidazzjoni ta’ Sernam, problema li kienet ser tiġi abbandunata sussegwentement, ir-rikorrenti tixtieq tinvoka ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li tali talba għal informazzjoni, bħal dik iddatata l-14 ta’ Marzu 2006, ma tiksirx il-prinċipju ta’ ċertezza legali, mhux iktar minn dak ta’ aspettattivi leġittimi, kif jirriżulta mill-punti 376 sa 379 hawn fuq, minħabba li dan seħħ fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali u li għalkemm ir-rikorrenti kellha l-assigurazzjoni li kienet ser tittieħed deċiżjoni dwar b’mod partikolari l-klassifikazzjoni tal-miżuri tal-memorandum tal-ftehim tal-21 ta’ Lulju 2005 fir-rigward tal-Artikolu 107(1) TFUE, hija ma setgħetx titlob li tkun taf minn qabel l-evalwazzjoni ġuridika li l-Kummissjoni fl-aħħar kienet ser tagħmel dwar il-miżuri msemmija.

417    Għaldaqstant, it-tielet ilment għandu jiġi miċħud.

418    Minn dan isegwi li t-tielet motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

419    Jirriżulta minn dak li ntqal sa issa li r-rikors kollu għandu jiġi miċħud mingħajr ma, minħabba raġunijiet ta’ ekonomija proċedurali, ikun meħtieġ li tittieħed deċiżjoni minn qabel dwar l-ammissibbiltà tiegħu (sentenzi tas-26 ta’ Frar 2002, Il-Kunsill vs Boehringer, C‑23/00 P, Ġabra, EU:C:2002:118, punti 51 u 52, u Regione autonoma della Sardegna vs Il-Kummissjoni, punt 343 iktar ’il fuq, EU:T:2005:219, punt 155).

 Fuq l-ispejjeż

420    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Fil-kawża inkwistjoni, peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni, kif mitlub minn din tal-aħħar.

421    Ir-Repubblika Franċiża għandha tbati l-ispejjeż tagħha, skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

422    Mory u Mory Team għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom skont l-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors tas-Société nationale des chemins de fer français (SNCF) huwa miċħud.

2)      L-SNCF għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk imġarrba mill-Kummissjoni Ewropea.

3)      Ir-Repubblika Franċiża għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

4)      Mory u Mory Team għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

van der Woude

Wiszniewska-Białecka

Ulloa Rubio

Firem

Werrej

Il-fatti li wasslu għall-kawża

1.  Fuq ir-rikorrenti u Sernam fiż-żmien meta seħħew il-fatti

2.  Fuq id-Deċiżjoni Sernam 1

3.  Fuq id-Deċiżjoni Sernam 2

4.  Fuq it-trażmissjoni tal-assi f’daqqa ta’ Sernam lil Financičre Sernam u l-avvenimenti ta’ wara

5.  Fuq il-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

6.  Id-deċiżjoni kkontestata

Fuq l-applikazzjoni abbużiva tal-għajnuna mill-Istat awtorizzata mid-Deċiżjoni Sernam 2

Fuq l-irkupru tal-għajnuna ta’ EUR 41 miljun

Fuq l-għajnuna ġdida mogħtija lil Sernam Xpress-Financière Sernam

7.  Fuq il-fatti li seħħew wara d-deċiżjoni kkontestata

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

1.  Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi u ta’ fatt imwettqa mill-Kummissjoni meta kkunsidrat li ċ-ċessjoni tal-assi f’daqqa ta’ Sernam, ma kinitx osservat il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2

Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq żbalji ta’ liġi u ta’ fatt imwettqa mill-Kummissjoni meta, fil-premessi 97 u 98 tad-deċiżjoni kkontestata, hija kkunsidrat li ċ-ċessjoni tal-assi f’daqqa ta’ Sernam ma saritx fit‑30 ta’ Ġunju 2005

Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq żbalji ta’ liġi u ta’ fatt imwettqa mill-Kummissjoni meta fil-premessi 99 sa 102 tad-deċiżjoni kkontestata, hija qieset li ċ-ċessjoni tal-assi f’daqqa ta’ Sernam għal prezz negattiv, ma tikkostitwixxix bejgħ

Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq żbalji ta’ liġi u ta’ fatt imwettaq mill-Kummissjoni meta fil-premessi 103 sa 116 tad-deċiżjoni kkontestata, hija kkunsidrat li t-tranżazzjoni kienet tikkostitwixxi trażmissjoni ta’ Sernam “kollha kemm hi” (kemm l-assi kif ukoll l-obbligazzjonijiet)

Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni kkunsidrat, bi żball, fil-premessi 103 u 113 sa 116 tad-deċiżjoni kkontestata, li t-trażmissjoni mwettqa mir-rikorrenti ma kinitx limitata għall-assi, iżda kienet tinkludi lil Sernam kollha kemm hi (kemm l-assi kif ukoll l-obbligazzjonijiet)

–  Fuq l-ewwel argument, li jgħid li l-Kummissjoni qrat b’mod żbaljat l-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2, meta ppreżupponiet li l-bejgħ tal-assi f’daqqa ta’ Sernam kellu jittratta biss l-assi ta’ Sernam minbarra l-obbligazzjonijiet

–  Fuq it-tieni argument, ibbażat fuq il-fatt li huma l-limitazzjonijiet tad-dritt nazzjonali li obbligaw lir-rikorrenti tgħaqqad ċerti obbligazzjonijiet mal-assi ta’ Sernam (minbarra l-obbligazzjonijiet finanzjarji)

–  Fuq it-tielet argument, ibbażat fuq il-fatt li t-trażmissjoni fir-realtŕ, ma kinitx tirrigwarda lil Sernam “kollha kemm hi” (kemm l-assi kif ukoll l-obbligazzjonijiet)

Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni bi żball ikkunsidrat, fil-premessi 108 sa 112 u 124 tad-deċiżjoni kkontestata, li t-trażmissjoni kienet tikkonsisti fi trasferiment f’daqqa tal-assi u l-obbligazzjonijiet fi ħdan grupp, segwit minn bejgħ ta’ azzjonijiet (share deal) tas-sussidjarja li rċeviethom.

Fuq ir-raba’ parti, ibbażata fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Kummissjoni meta fil-premessa 117 tad-deċiżjoni kkontestata, ikkunsidrat li t-trażmissjoni ma kinitx limitata għall-assi ta’ Sernam, imma żdiedet b’EUR 57 miljun netti

Fuq il-ħames parti, ibbażata fuq żbalji ta’ liġi u ta’ fatt imwettqa mill-Kummissjoni meta fil-premessi 118 u 119 tad-deċiżjoni kkontestata, ikkunsidrat li l-bejgħ tal-assi f’daqqa ta’ Sernam ma sarx permezz ta’ proċedura trasparenti u miftuħa

Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq il-fatt li t-tim tat-tmexxija pparteċipa fis-sejħa għall-offerti mill-bidu nett

Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq il-validitŕ tal-offerta ta’ Financičre Sernam, minkejja li din tal-aħħar, fil-mument tas-sottomissjoni tal-offerta tat-tim ta’ tmexxija, kienet għadha ma twaqqfitx

Fuq it-tielet ilment, ibbażat fuq il-fatt li l-kandidati kollha kellhom l-opportunitŕ li jippreżentaw offerta, ġew ittrattati b’mod ugwali u kellhom possibbiltajiet ta’ informazzjoni u kundizzjonijiet ta’ termini identiċi

Fuq ir-raba’ lment, ibbażat fuq il-fatt li, skont il-ġurisprudenza, il-fatt, bħal fil-kawża inkwistjoni, li qabel il-bejgħ ta’ assi, ikunu saru tentattivi bla suċċess ma’ kumpannija oħra jikkostitwixxi “indikatur tali li jistabbilixxi li l-proċedura segwita kienet miftuħa u trasparenti biżżejjed”

Fuq l-ilment tar-Repubblika Franċiża, ibbażat fuq il-fatt li l-prezz negattiv ta’ EUR 57 miljun, ġie vvalidat bħala prezz tas-suq mill-perizji sottomessi

Fuq is-sitt parti, ibbażata fuq żbalji ta’ liġi u ta’ fatt imwettqa mill-Kummissjoni meta fil-premessi 121 sa 123 tad-deċiżjoni kkontestata, ikkunsidrat li l-għan aħħari tal-bejgħ tal-assi ma ġiex osservat

Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq il-fatt li l-għan aħħari tal-bejgħ tal-assi f’daqqa ġie osservat, minħabba li l-attivitŕ ekonomika ta’ Sernam ġiet interrotta

Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq il-fatt li l-kunċett ta’ bejgħ ta’ assi f’daqqa fir-realtŕ kien jippermetti t-tkomplija tal-attivitŕ ta’ Sernam

Konklużjonijiet dwar ir-raba’ motiv

2.  Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Kummissjoni meta kkunsidrat li l-obbligu tal-irkupru tal-għajnuna mill-Istat ta’ EUR 41 miljun, iddikjarata inkompatibbli mid-Deċiżjoni Sernam 2, kien ġie ttrasferit lil Financičre Sernam u lis-sussidjarji tagħha

Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq il-fatt li fil-kawża inkwistjoni ma ġie ssodisfatt ebda kriterju ta’ kontinwitŕ ekonomika

Fuq l-għan tat-trasferiment

Fuq l-identità tal-azzjonisti jew tas-sidien tal-impriża akkwirenti u tal-impriża li nbiegħet

Fuq il-mument tat-trasferiment

Fuq il-loġika ekonomika tat-tranżazzjoni

Fuq il-prezz tat-trasferiment

Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq il-fatt li r-reġistrazzjoni tas-somma ta’ EUR 41 miljun mal-obbligazzjonijiet tal-likwidazzjoni ta’ Sernam kienet konformi mal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Sernam 2

3.  Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Kummissjoni meta kkunsidrat li l-miżuri previsti fil-memorandum ta’ ftehim tal‑21 ta’ Lulju 2005 dwar iċ-ċessjoni tal-assi f’daqqa ta’ Sernam kienu jikkostitwixxu għajnuna ġdida mill-Istat favur Sernam Xpress‑Financičre Sernam

Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq il-fatt li l-Kummissjoni għamlet żball ta’ liġi meta ddikjarat li l-kriterju ta’ investitur privat ma huwiex applikabbli fil-kawża inkwistjoni

Fuq l-ewwel ilment immirat kontra l-premessa 155 tad-deċiżjoni kkontestata, ibbażata fuq il-fatt li l-bejgħ tal-assi f’daqqa ma kienx jikkostitwixxi alternattiva għall-miżuri kumpensatorji tal-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni Sernam 2

Fuq it-tieni lment immirat kontra l-premessa 155 tad-deċiżjoni kkontestata, ibbażat fuq il-fatt li l-implementazzjoni ta’ miżura kumpensatorja kienet responsabbiltŕ tal-benefiċjarju tal-għajnuna, jew saħansitra tal-Istat azzjonist, iżda mhux tal-Istat bħala awtoritŕ pubblika

Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq il-fatt li l-ebda waħda mill-miżuri kontroversjali ma tikkostitwixxi vantaġġ favur Sernam Xpress‑Financičre Sernam

Rigward il-garanzija għall-iżvilupp tas-sit Valenton u l-garanzija għaż-żieda fil-kirjiet ta’ siti tal-operat ġodda

Rigward il-garanzija tal-kontinwità tat-TBE u tal-aċċess tiegħu

Rigward l-estensjoni għal tliet snin tal-garanzija tal-klassifikazzjoni mill-ġdid tal-impjegati fil-grupp tar-rikorrenti

4.  Fuq l-ewwel motiv tar-rikorrenti u fuq il-motiv tar-Repubblika Franċiża bbażati fuq ksur tad-drittijiet tagħhom tad-difiża rispettivi

Fuq il-motiv tar-Repubblika Franċiża, ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha

Fuq l-ewwel motiv tar-rikorrenti, ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha

5.  Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

Fuq l-ewwel ilment ibbażat fuq il-fatt li l-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Sernam 2 ħolqu speranzi għar-rikorrent ibbażati fuq il-fatt li hija kienet awtorizzata tipproċedi kif għamlet matul iċ-ċessjoni tal-assi u waqt l-irkupru tal-EUR 41 miljun

Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq il-kontenut tat-talba għal informazzjoni dwar id-dettall tal-ispejjeż ta’ likwidazzjoni ta’ Sernam, iddatata l-14 ta’ Marzu 2006

Fuq it-tielet ilment, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni wettqet żball fil-premessi 126 u 177 sa 182 tad-deċiżjoni kkontestata

6.  Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu tal-osservanza ta’ terminu raġonevoli u tal-prinċipju ta’ ċertezza legali

Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq perijodu ta’ tliet snin li għaddew mill-bejgħ tal-assi f’daqqa ta’ Sernam sal-bidu tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, fis-16 ta’ Lulju 2008

Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq il-perijodu ta’ iktar minn tliet snin li ddekorrew bejn il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali tas-16 ta’ Lulju 2008, u t-talba għal informazzjoni tad-29 ta’ Novembru 2011

Fuq it-tielet ilment, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, li jimponi fuq il-Kummissjoni li tipproċedi b’diliġenza, u tal-ksur tal-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.