Language of document : ECLI:EU:T:2021:782

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla)

10 ta’ Novembru 2021 (*)

“Disinn Komunitarju – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Disinn Komunitarju rreġistrat li jirrappreżenta pannell għall-kostruzzjoni – Disinn preċedenti li jirrappreżenta pannell għal ħajt għat-tnaqqis tal-istorbju – Raġuni għal invalidità – Assenza ta’ karattru individwali – Settur ikkonċernat – Utent avżat – Grad ta’ libertà tad-disinjatur – Assenza ta’ impressjoni globali differenti – Rilevanza tal-prodotti realment ikkummerċjalizzati – Artikolu 6 u Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002”

Fil-Kawża T‑193/20,

Eternit, stabbilita f’Capelle-au-Bois (il-Belġju), irrappreżentata minn J. Muyldermans u P. Maeyaert, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn J. Ivanauskas u V. Ruzek, bħala aġenti,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, li hija

Eternit Österreich GmbH, stabbilita f’Vöcklabruck (l-Awstrija), irrappreżentata minn M. Prohaska-Marchried, avukat,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO tal‑5 ta’ Frar 2020 (Każ R 1661/2018‑3), dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn Eternit Österreich u Eternit,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla),

komposta minn A. Kornezov (Relatur), President, E. Buttigieg u G. Hesse, Imħallfin,

Reġistratur: J. Pichon, amministratriċi,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑10 ta’ April 2020,

wara li rat ir-risposta tal-EUIPO ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑17 ta’ Awwissu 2020,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑21 ta’ Awwissu 2020,

wara s-seduta tal‑21 ta’ April 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Eternit, hija l-proprjetarja tad-disinn Komunitarju ppreżentat fil‑15 ta’ Settembru 2014 quddiem l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 tat‑12 ta’ Diċembru 2001 dwar id-disinji Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 142), u rreġistrat bin-numru 2538140‑0001.

2        Id-disinn ikkontestat huwa rrappreżentat kif ġej:

Image not found1.1

Image not found1.2

Image not found1.3

Image not found1.4

Image not found1.5

3        Il-prodotti li għalihom huwa intiż li jiġi applikat id-disinn ikkontestat jaqgħu fil-klassi 25.01 fis-sens tal-Ftehim ta’ Locarno li jistabbilixxi klassifikazzjoni internazzjonali għad-disinni industrijali, tat‑8 ta’ Ottubru 1968, kif emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti: “Pannelli [kostruzzjoni]”.

4        Fit‑12 ta’ Diċembru 2016, l-intervenjenti, Eternit Österreich GmbH, ressqet, skont l-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 6/2002, talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tad-disinn ikkontestat.

5        Ir-raġuni invokata insostenn tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kienet dik imsemmija fl-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002, moqri flimkien mal-Artikoli 4 sa 8 tal-istess regolament.

6        L-intervenjenti sostniet b’mod partikolari, fit-talba tagħha għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, li d-disinn ikkontestat ma kienx ġdid fis-sens tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 6/2002, li ma kellux karattru individwali fis-sens tal-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament u li l-karatteristiċi tad-dehra tiegħu kienu esklużivament iddettati mill-funzjoni teknika tagħhom fis-sens tal-Artikolu 8(1) tal-istess regolament.

7        Fit‑28 ta’ Ġunju 2018, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni adottat deċiżjoni li permezz tagħha, minn naħa, hija kkonkludiet li l-intervenjenti ma kinitx uriet li d-disinn ikkontestat kien suġġett għall-esklużjoni ta’ protezzjoni prevista fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 6/2002 u, min-naħa l-oħra, hija ddikjarat l-invalidità tad-disinn ikkontestat għar-raġuni li kien nieqes minn karattru individwali fis-sens tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 6/2002 meta mqabbel ma’ disinn żvelat fl‑4 ta’ Marzu 2013, jiġifieri qabel id-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tad-disinn ikkontestat, f’fuljett intitolat Lärmschutz, għal pannelli tat-tip “ħajt għat-tnaqqis tal-istorbju”, aċċessibbli fuq is-sit internet “http://www.rieder.at”, u li ġie riprodott kif ġej:

Image not found

8        Fit‑23 ta’ Awwissu 2018, ir-rikorrenti ppreżentat appell quddiem l-EUIPO, skont l-Artikoli 55 sa 60 tar-Regolament Nru 6/2002, mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.

9        Permezz ta’ deċiżjoni tal‑5 ta’ Frar 2020 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), it-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO ċaħad l-appell, billi kkonkluda li d-disinn ikkontestat kien nieqes minn karattru individwali fis-sens tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 6/2002, għar-raġuni li, għall-utent avżat, kien globalment simili għad-disinn preċedenti.

 It-talbiet tal-partijiet

10      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-EUIPO u lill-intervenjenti għall-ispejjeż.

11      L-EUIPO u l-intervenjenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

12      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka motiv wieħed, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002, moqri flimkien mal-Artikolu 6 tal-istess regolament. Dan il-motiv huwa kompost minn tliet partijiet, ibbażati fuq żbalji ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-Bord tal-Appell, l-ewwel, fid-definizzjonijiet tas-settur ikkonċernat u tal-utent avżat, it-tieni, fid-determinazzjoni tal-grad ta’ libertà tad-disinjatur fl-imsemmi settur u, it-tielet, fil-konklużjoni dwar l-impressjonijiet globali prodotti mid-disinni kunfliġġenti.

13      Għandu jiġi osservat qabelxejn li, fil-punt 15 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell indika li d-disinn preċedenti kien ġie żvelat lill-pubbliku qabel id-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tad-disinn ikkontestat, fis-sens tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 6/2002. Din il-konstatazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-Kummissjoni. Għaldaqstant, huwa fid-dawl tad-disinn preċedenti li għandu jiġi evalwat jekk id-disinn ikkontestat huwiex nieqes minn karattru individwali fis-sens tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 6/2002.

 Fuq l-ewwel parti dwar id-definizzjonijiet tas-settur ikkonċernat u tal-utent avżat

14      Fil-punt 18 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell osserva li d-disinni kunfliġġenti kienu pannelli użati fis-settur tal-kostruzzjoni. Għalhekk, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk dawn it-tipi ta’ pannelli għandhomx jiġu kklassifikati bħala “ħitan għat-tnaqqis tal-istorbju”, kif sostniet ir-rikorrenti għad-disinn preċedenti, jew bħala “pannelli tal-faċċata fibrużi għall-bini”, kif huwa, skont ir-rikorrenti, iktar speċifikament il-każ għad-disinn ikkontestat, dawn juru l-istess parti esterna ta’ prodott, jiġifieri pannell għall-kostruzzjoni. Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell sostna li, skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 6/2002, il-protezzjoni mogħtija minn disinn Komunitarju testendi għal “kull disinn” li ma kienx jipproduċi fuq l-utent avżat impressjoni globali differenti u li, konsegwentement, il-protezzjoni ta’ disinn ma kinitx tiddependi min-natura tal-prodott li fih dan id-disinn kien inkorporat jew li għalih kien ġie applikat. Huwa bbaża r-raġunament tiegħu fuq is-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2017, Easy Sanitary Solutions u EUIPO vs Group Nivelles (C‑361/15 P u C‑405/15 P, EU:C:2017:720).

15      Fil-punti 19 sa 21 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell qies li l-utent avżat imsemmi fl-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 6/2002 kien, f’dan il-każ, il-professjonist tas-settur tal-kostruzzjoni, pereżempju bennej, kuntrattur tal-proprjetà immobbli jew perit. Dan il-professjonist għandu ċerta konoxxenza tal-pannelli differenti għall-kostruzzjoni u juri livell ta’ attenzjoni relattivament għoli. Il-Bord tal-Appell ippreċiża f’dan ir-rigward li l-kategorizzazzjoni rrakkomandata mir-rikorrenti tas-settur ikkonċernat mid-disinn ikkontestat bħala “pannelli tal-faċċata fibrużi għall-bini” ma għandhiex influwenza sinjifikattiva fuq id-definizzjoni tal-utent avżat.

16      Ir-rikorrenti tqis li l-Bord tal-Appell wettaq żball ta’ liġi meta ma ddefinixxiex is-settur ikkonċernat u l-utent avżat b’mod iktar preċiż. Fil-fehma tagħha, is-settur ikkonċernat mid-disinn ikkontestat għandu jiġi limitat għal dak tal-“pannelli tal-faċċata għall-bini”, li għandhom karatteristiċi speċifiċi ħafna, iktar milli għall-pannelli għall-kostruzzjoni b’mod ġenerali. L-utent avżat huwa għalhekk dak tal-“pannelli tal-faċċata għall-bini” li ġeneralment jagħmel paragun dirett tad-disinni inkwistjoni billi jaqra rivisti u siti tal-internet jew billi jeżamina l-prodotti jew il-kampjuni fil-punti ta’ bejgħ.

17      Ir-rikorrenti tqis, barra minn hekk, li t-tagħlim li jirriżulta mis-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2017, Easy Sanitary Solutions u EUIPO vs Group Nivelles (C‑361/15 P u C‑405/15 P, EU:C:2017:720), japplika biss għall-espressjoni “settur interessat” li tinsab fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 6/2002, b’tali mod li dan għandu jinftiehem bħala li jindika li ma huwiex neċessarju li l-utent avżat tal-prodott li fih id-disinn ikkontestat jiġi inkorporat jew li għalih jiġi applikat ikun jaf bid-disinn preċedenti, meta dan tal-aħħar ikun inkorporat f’prodott ta’ settur industrijali differenti minn dak ikkonċernat mid-disinn ikkontestat jew jiġi applikat għal tali prodott. Issa, jekk id-disinni kollha, inklużi dawk li jappartjenu għal setturi differenti, kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi eżaminat il-karattru individwali tad-disinn ikkontestat, dan it-teħid inkunsiderazzjoni jkun rilevanti biss fil-kuntest tar-raba’ u l-aħħar stadju tal-analiżi, jiġifieri dak dwar il-paragun tal-impressjonijiet globali tad-disinni kunfliġġenti. Min-naħa l-oħra, l-ewwel tliet stadji tal-analiżi, dwar l-identifikazzjoni tas-settur ikkonċernat, tal-utent avżat u tal-grad ta’ libertà li għandu d-disinjatur f’dan is-settur, għandhom isiru biss fir-rigward tad-disinn ikkontestat. Barra minn hekk, l-imsemmija sentenza tippermetti, jew saħansitra timponi, li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-prodotti effettivament ikkummerċjalizzati li fihom id-disinn ikkontestat jiġi inkorporat jew li għalihom għandu jiġi applikat.

18      L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

 Prinċipji applikabbli

19      Qabelxejn, għandu jiġi ppreċiżat, fid-dawl tal-argumenti diverġenti tal-partijiet f’dan ir-rigward, il-kuntest analitiku tal-evalwazzjoni tal-karattru individwali tad-disinn ikkontestat fis-sens tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 6/2002. B’mod partikolari, għandu jiġi ċċarat jekk is-settur ikkonċernat, l-utent avżat u l-grad ta’ libertà tad-disinjatur għandhomx jiġu ddefiniti biss fir-rigward tad-disinn ikkontestat. Barra minn hekk, għandu jiġi ppreċiżat jekk il-prodotti effettivament ikkummerċjalizzati li fihom id-disinni kunfliġġenti jiġu inkorporati jew li għalihom jiġu applikati għandhomx rilevanza fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-karattru individwali tad-disinn ikkontestat.

20      Fl-ewwel lok, għal dak li jirrigwarda l-kuntest analitiku tal-evalwazzjoni tal-karattru individwali tad-disinn ikkontestat fis-sens tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 6/2002, għandu jitfakkar li l-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002 jipprevedi b’mod partikolari li disinn Komunitarju rreġistrat għandu jitqies li jkollu karattru individwali jekk l-impressjoni globali li jagħti lill-utent avżat tkun differenti minn dik mogħtija lil dan l-utent minn kull disinn li jkun ġie żvelat lill-pubbliku qabel id-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni. L-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 6/2002 jippreċiża li, fl-evalwazzjoni tal-karattru individwali ta’ disinn, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-grad ta’ libertà tad-disinjatur fl-elaborazzjoni tiegħu.

21      L-evalwazzjoni tal-karattru individwali tad-disinn ikkontestat fis-sens tad-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq tirriżulta, skont ġurisprudenza stabbilita, essenzjalment, minn eżami f’erba’ stadji. Dan l-eżami jikkonsisti f’li jiġi ddeterminat, l-ewwel, is-settur tal-prodotti li fihom id-disinn huwa intiż li jiġi inkorporat jew li għalihom huwa intiż li jiġi applikat, it-tieni, l-utent avżat tal-imsemmija prodotti skont l-iskop tagħhom u, b’riferiment għal dan l-utent avżat, il-grad ta’ għarfien tal-arti preċedenti kif ukoll il-livell ta’ attenzjoni għax-xebh u għad-differenzi fil-paragun tad-disinni, it-tielet, il-grad ta’ libertà tad-disinjatur fl-elaborazzjoni tad-disinn, li l-influwenza tiegħu fuq il-karattru individwali hija proporzjonalment inversa u, ir-raba’, billi jittieħed inkunsiderazzjoni dan kollu, ir-riżultat tal-paragun, dirett jekk possibbli, tal-impressjonijiet globali mogħtija lill-utent avżat mid-disinn ikkontestat u minn kull disinn preċedenti żvelat lill-pubbliku, meħud individwalment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2019, Visi/one vs EUIPO – EasyFix (Tabelli li jiddendlu għall-karozzi), T‑74/18, EU:T:2019:417, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22      Għandu jiġi ppreċiżat li għalkemm l-ewwel stadju tal-analiżi, jiġifieri d-determinazzjoni tas-settur tal-prodotti li fihom id-disinn huwa intiż li jiġi inkorporat jew li għalihom huwa intiż li jiġi applikat, ma jirriżultax espliċitament mill-formulazzjoni tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 6/2002, dan l-istadju huwa fir-realtà prerekwiżit neċessarju sabiex jiġi ddefinit l-utent avżat u l-libertà tad-disinjatur, peress li dawn l-aħħar kunċetti huma espliċitament riprodotti fl-Artikolu 6(1) u (2) tar-Regolament Nru 6/2002. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali diġà kellha l-okkażjoni tosserva li l-identifikazzjoni tal-prodott kopert mid-disinn inkwistjoni kienet tippermetti d-determinazzjoni tal-utent avżat u l-grad ta’ libertà tad-disinjatur fl-elaborazzjoni tad-disinn (sentenzi tat‑18 ta’ Marzu 2010, Grupo Promer Mon Graphic vs UASI – PepsiCo (Rappreżentazzjoni ta’ oġġetti promozzjonali ċirkulari), T‑9/07, EU:T:2010:96, punt 56, u tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Haverkamp IP vs EUIPO – Sissel (Twapet tal-art), T‑227/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:370, punt 39).

23      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kwistjoni dwar f’liema stadju tal-evalwazzjoni tal-karattru individwali tad-disinn ikkontestat fis-sens tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 6/2002 għandu jittieħed inkunsiderazzjoni kull wieħed mid-disinni kunfliġġenti, għandu jiġi enfasizzat li, peress li s-suġġett tal-evalwazzjoni skont l-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002, b’konnessjoni mal-Artikolu 25(1)(b) tal-istess regolament, huwa l-karattru individwali tad-disinn ikkontestat, huwa loġiku li jiġi ddeterminat is-settur ikkonċernat, l-utent avżat u l-grad ta’ libertà tad-disinjatur fl-elaborazzjoni tiegħu fir-rigward tal-prodotti li fihom id-disinn huwa intiż li jiġi inkorporat jew li għalihom huwa intiż li jiġi applikat.

24      Fil-fatt, mill-premessa 14 tar-Regolament Nru 6/2002 jirriżulta li l-evalwazzjoni tal-karattru individwali ta’ disinn għandha tikkonsisti fid-determinazzjoni dwar jekk teżistix differenza ċara bejn l-impressjoni globali prodotta f’utent avżat li jara d-disinn u dik prodotta fuqu mill-corpus tad-disinni eżistenti, filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura tal-prodott li fih “id-disinn” ikun ġie applikat jew inkorporat u, b’mod partikolari, is-settur industrijali li “għalih” jappartjeni u l-grad ta’ libertà tad-disinjatur fl-elaborazzjoni tad-“disinn”. Ir-riferiment, fis-singular, għad-“disinn” sabiex jiġi ddeterminat is-settur industrijali li “għalih” jappartjeni u l-grad ta’ libertà tad-disinjatur fl-elaborazzjoni tiegħu, b’kuntrast mal-użu tal-kunċett ta’ “corpus tad-disinni eżistenti”, li jinkludi diversi disinni eżistenti, jindika b’mod ċar li huwa biss fir-rigward tad-disinn li l-karattru individwali tiegħu huwa evalwat, f’dan il-każ id-disinn ikkontestat, li l-ewwel tliet stadji tal-analiżi, jiġifieri dawk relatati mad-determinazzjoni tas-settur ikkonċernat, tal-utent avżat u tal-grad ta’ libertà tad-disinjatur, għandhom jitwettqu.

25      Min-naħa l-oħra, id-disinn preċedenti ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni fl-eżami tal-ewwel tliet stadji tal-evalwazzjoni mfakkra fil-punt 21 iktar ’il fuq. Fil-fatt, il-karattru individwali tad-disinn ikkontestat jista’ jinqered minn disinn preċedenti intiż li jiġi applikat għal prodotti li jaqgħu taħt settur kompletament distint minn dak li taħtu jaqgħu l-prodotti kkonċernati mid-disinn ikkontestat. B’hekk, mill-formulazzjoni tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 6/2002 jirriżulta li din id-dispożizzjoni tirrendi l-eżistenza ta’ żvelar ta’ disinn lill-pubbliku dipendenti biss fuq il-modalitajiet fattwali ta’ dan l-iżvelar u mhux fuq il-prodott li fih dan id-disinn huwa intiż li jiġi inkorporat jew li għalih huwa intiż li jiġi applikat (sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2017, Easy Sanitary Solutions u EUIPO vs Group Nivelles, C‑361/15 P u C‑405/15 P, EU:C:2017:720, punt 99). Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li xejn f’din id-dispożizzjoni ma jippermetti li jitqies li huwa neċessarju li l-utent avżat tal-prodott li fih id-disinn ikkontestat jiġi inkorporat jew li għalih jiġi applikat ikun jaf bid-disinn preċedenti, meta dan tal-aħħar ikun inkorporat f’prodott ta’ settur industrijali differenti minn dak ikkonċernat mid-disinn ikkontestat jew jiġi applikat għal tali prodott (sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2017, Easy Sanitary Solutions u EUIPO vs Group Nivelles, C‑361/15 P u C‑405/15 P, EU:C:2017:720, punt 131). Għaldaqstant, peress li d-disinn preċedenti jista’ jaqa’ taħt settur kompletament differenti, ikkaratterizzat minn utent avżat u minn libertà tad-disinjatur distinti, dan huwa irrilevanti għall-finijiet tad-determinazzjoni tas-settur ikkonċernat mid-disinn ikkontestat, tal-utent avżat tiegħu u tal-libertà tad-disinjatur tiegħu.

26      Għalhekk, ir-rikorrenti għandha raġun issostni li l-ewwel tliet stadji tal-analiżi għandhom jitwettqu fir-rigward tad-disinn ikkontestat, fatt li, barra minn hekk, l-EUIPO jammetti wkoll.

27      Fir-rigward tar-raba’ u tal-aħħar stadju tal-evalwazzjoni tal-karattru individwali tad-disinn ikkontestat, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni kemm id-disinn ikkontestat kif ukoll id-disinn preċedenti. Fil-fatt, kif tfakkar fil-punt 21 iktar ’il fuq, dan l-istadju jikkonsisti fit-tqabbil tal-impressjonijiet globali prodotti mid-disinni kunfliġġenti, li jimplika t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ kull wieħed minnhom.

28      Fit-tielet lok, għal dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk il-prodotti effettivament ikkummerċjalizzati li fihom id-disinni kunfliġġenti jiġu inkorporati jew li għalihom jiġu applikati humiex rilevanti fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-karattru individwali tad-disinn ikkontestat fis-sens tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 6/2002, għandu jiġi kkonstatat li, kif issostni ġustament ir-rikorrenti, il-ġurisprudenza tammetti, taħt ċerti kundizzjonijiet, il-possibbiltà li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-prodotti effettivament ikkummerċjalizzati li huma kkonċernati mid-disinni kunfliġġenti.

29      Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, ma huwiex żbaljat li jittieħdu inkunsiderazzjoni, fl-evalwazzjoni tal-impressjoni globali tad-disinni inkwistjoni, il-prodotti effettivament ikkummerċjalizzati u li jikkorrispondu għal dawn id-disinni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ Ottubru 2011, PepsiCo vs Grupo Promer Mon Graphic, C‑281/10 P, EU:C:2011:679, punt 73, u tad‑29 ta’ April 2020, Bergslagernas Järnvaru vs EUIPO – Scheppach Fabrikation von Holzbearbeitungsmaschinen (Għodda għal qsim tal-injam), T‑73/19, mhux ippubblikata, EU:T:2020:157, punt 39).

30      Madankollu, it-teħid inkunsiderazzjoni, bħala eżempju waqt il-paragun tal-impressjonijiet globali, tal-prodotti effettivament ikkummerċjalizzati japplika biss sa fejn il-prodotti jikkorrispondu għad-disinni kif irreġistrati (sentenzi tal‑20 ta’ Ottubru 2011, PepsiCo vs Grupo Promer Mon Graphic, C‑281/10 P, EU:C:2011:679, punti 73 u 74, u tas‑6 ta’ Ġunju 2019, Porsche vs EUIPO – Autec (Vetturi bil-mutur), T‑209/18, EU:T:2019:377, punt 76).

31      Għandu jitfakkar, barra minn hekk, li, skont l-Artikolu 3(a) tar-Regolament Nru 6/2002, “disinn” huwa ddefinit bħala “id-dehra ta’ prodott fl-intier tiegħu jew f’parti minnu li tirriżulta mill-karatteristiċi ta’, b’mod partikolari, il-linji, il-konfigurazzjoni, il-kuluri, l-għamla, in-nisġa u/jew il-materjali tal-prodott innifsu u/jew ta’ l-ornamenti tiegħu”. Il-protezzjoni ta’ disinn fis-sens tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 6/2002 tikkonsisti għalhekk fil-protezzjoni tad-dehra ta’ prodott. F’dan ir-rigward, mill-premessa 12 tar-Regolament Nru 6/2002 jirriżulta li l-protezzjoni ma għandhiex tiġi estiża għall-komponenti li ma jkunux viżibbli matul użu normali ta’ prodott, u lanqas għall-karatteristiċi ta’ komponent li ma humiex viżibbli meta dan jiġi mmuntat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Settembru 2014, Biscuits Poult vs UASI – Banketbakkerij Merba (Gallettina), T‑494/12, EU:T:2014:757, punti 22 sa 24, u tat‑3 ta’ Ottubru 2014, Cezar vs UASI – Poli-Eco (Inserzjoni), T‑39/13, EU:T:2014:852, punt 40).

32      Għalhekk, jekk ir-rappreżentazzjoni grafika jew fotografika tad-disinn inkwistjoni ma tippermettix, waħedha, li jiġi ddeterminat liema aspetti tiegħu huma viżibbli jew il-mod kif id-disinn ser jiġi pperċepit fuq il-livell viżiv, huwa possibbli li jittieħdu inkunsiderazzjoni, preċiżament għal dan il-għan, il-prodotti effettivament ikkummerċjalizzati jew il-mod ta’ użu tagħhom.

33      Minn dan isegwi li l-prodotti effettivament ikkummerċjalizzati li għalihom jiġu applikati d-disinni kunfliġġenti jew li fihom jiġu inkorporati jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni biss għal finijiet illustrattivi, sabiex jiġu ddeterminati l-aspetti viżivi tal-imsemmija disinni. Madankollu, tali teħid inkunsiderazzjoni huwa permess biss jekk il-prodotti effettivament ikkummerċjalizzati jikkorrispondu għad-disinni kif irreġistrati. B’hekk, ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni prodott effettivament ikkummerċjalizzat jekk id-disinn li għalih jiġi applikat jew li fih jiġi inkorporat ikun differenti mid-disinn kif irreġistrat jew jekk juri karatteristiċi li ma jirriżultawx b’mod ċar mir-rappreżentazzjoni grafika tal-imsemmi disinn, kif irreġistrat.

34      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandu jsir l-eżami tal-ewwel parti tal-uniku motiv.

 Fuq is-settur ikkonċernat

35      Kif jirriżulta mill-punt 21 iktar ’il fuq, l-ewwel stadju tal-evalwazzjoni tal-karattru individwali tad-disinn ikkontestat jikkonsisti fid-determinazzjoni tas-settur tal-prodotti kkonċernati minn dan id-disinn.

36      Għal dan il-għan, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-indikazzjoni tal-prodotti li fihom id-disinn ikkontestat huwa intiż li jiġi inkorporat jew li għalihom huwa intiż li jiġi applikat, kif jidher fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni. Fil-fatt, skont l-Artikolu 36(2) tar-Regolament Nru 6/2002, l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni għandha tinkludi l-indikazzjoni tal-prodotti li fihom id-disinn ikun intiż li jiġi inkorporat jew li għalihom ikun intiż li jiġi applikat.

37      Għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll, fejn xieraq, id-disinn innifsu, sa fejn huwa jippreċiża n-natura tal-prodott, l-użu intenzjonat tiegħu jew il-funzjoni tiegħu. Fil-fatt, it-teħid inkunsiderazzjoni tad-disinn innifsu jista’ jippermetti li l-prodott jiġi identifikat fi ħdan kategorija ta’ prodotti usa’ indikata waqt ir-reġistrazzjoni u, konsegwentement, li jiġi ddeterminat effettivament l-utent avżat u l-grad ta’ libertà tad-disinjatur fl-elaborazzjoni tad-disinn (sentenzi tat‑18 ta’ Marzu 2010, Rappreżentazzjoni ta’ oġġetti promozzjonali ċirkulari, T‑9/07, EU:T:2010:96, punt 56, u tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Twapet tal-art, T‑227/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:370, punt 39).

38      F’dan il-każ, l-ewwel, mid-deskrizzjoni li takkumpanja l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tad-disinn ikkontestat jirriżulta li l-prodotti koperti minnu kienu deskritti bħala “pannelli [kostruzzjoni]”, li jaqgħu fil-klassi 25.01 fis-sens tal-Ftehim ta’ Locarno. Għalhekk, ir-rikorrenti stess għażlet li ma tillimitax ir-reġistrazzjoni tad-disinn ikkontestat għall-pannelli tal-faċċata għall-bini biss. Fil-fatt, il-“pannelli [kostruzzjoni]”, indikati fl-imsemmija applikazzjoni, jirreferu mingħajr limitazzjoni għas-settur tal-kostruzzjoni fis-sens wiesa’.

39      It-tieni, għal dak li jirrigwarda r-rappreżentazzjonijiet tad-disinn ikkontestat, riprodotti fil-punt 2 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li dawn lanqas ma juru n-natura tal-prodotti li fihom dan id-disinn huwa intiż li jiġi inkorporat jew li għalihom huwa intiż li jiġi applikat, l-użu intenzjonat tagħhom jew il-funzjoni tagħhom. Fil-fatt, ebda element tal-imsemmi disinn ma jindika li dan huwa intiż li jiġi applikat biss fuq pannelli tal-faċċata għall-bini, bl-esklużjoni ta’ kull pannell għall-kostruzzjoni ieħor.

40      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bord tal-Appell seta’ jqis, mingħajr ma jwettaq żball, li s-settur ikkonċernat kien dak tal-pannelli għall-kostruzzjoni.

41      Ir-rikorrenti tipprova tikkontesta din il-konklużjoni, billi tinsisti, essenzjalment, fuq il-fatt li l-prodotti li hija tikkummerċjalizza fis-suq u li għalihom hija tapplika d-disinn ikkontestat huma esklużivament pannelli tal-faċċata għall-bini. Dan l-argument huwa għalhekk ibbażat fuq il-premessa li s-settur ikkonċernat mid-disinn ikkontestat għandu jiġi ddeterminat esklużivament skont il-prodotti effettivament ikkummerċjalizzati fis-suq.

42      Issa, din il-premessa ma tistax tintlaqa’. Fil-fatt, minn naħa, tali premessa ma hija bbażata fuq ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 6/2002. Barra minn hekk, hija jkollha l-konsegwenza li tneħħi kull rilevanza mill-indikazzjonijiet li għandhom neċessarjament ikunu inklużi fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, kif elenkati fl-Artikolu 36(2) tar-Regolament Nru 6/2002, billi tissostitwixxihom b’informazzjoni bbażata fuq is-sitwazzjoni momentanja tas-suq. Issa, din tal-aħħar hija intiża, bħala definizzjoni, li tevolvi, peress li l-firxa tal-prodotti, kif effettivament ikkummerċjalizzati, tista’ tvarja kunsiderevolment fiż-żmien skont numru kbir ta’ fatturi, bħall-istrateġija kummerċjali tal-proprjetarju, il-provvista u d-domanda jew inkella s-suċċess jew il-falliment fis-suq ta’ prodott partikolari.

43      Min-naħa l-oħra, għalkemm, skont il-prinċipji mfakkra fil-punti 29 sa 33 iktar ’il fuq, ma huwiex żbaljat li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-prodotti effettivament ikkummerċjalizzati fis-suq, dan it-teħid inkunsiderazzjoni huwa permess biss bħala eżempju sabiex jiġu ddeterminati l-aspetti viżivi tad-disinn inkwistjoni, u bil-kundizzjoni li l-imsemmija prodotti jikkorrispondu għad-disinn kif irreġistrat. Għalhekk, għalkemm l-eżami tad-disinn ikkontestat, kif irreġistrat, juri huwa stess li din hija kategorija partikolari fi ħdan kategorija ta’ prodotti iktar wiesgħa indikata waqt ir-reġistrazzjoni, huwa permess li tittieħed inkunsiderazzjoni din il-kategorija partikolari (sentenza tat‑18 ta’ Marzu 2010, Rappreżentazzjoni ta’ oġġetti promozzjonali ċirkulari, T‑9/07, EU:T:2010:96, punti 59 u 60). Min-naħa l-oħra, jekk l-eżami tad-disinn ikkontestat ma jurix huwa stess li jirreferi għal kategorija ta’ prodotti iktar ristretta, bħal f’dan il-każ, is-sempliċi riferiment għall-prodotti effettivament ikkummerċjalizzati fis-suq ma jistax iwassal sabiex is-settur ikkonċernat jiġi ddefinit mod ieħor.

44      Barra minn hekk, ir-rikorrenti tosserva, ġustament, li l-Bord tal-Appell għamel riferiment b’mod żbaljat, waqt id-definizzjoni tas-settur ikkonċernat, għall-punti 17 u 18 tad-deċiżjoni kkontestata, kemm għad-disinn ikkontestat kif ukoll għad-disinn preċedenti. Issa, kif jirriżulta mill-punti 23 sa 27 iktar ’il fuq, fl-ewwel stadju tal-analiżi, wieħed għandu jillimita ruħu għad-disinn ikkontestat biss, fatt li, barra minn hekk, l-EUIPO ma jikkontestax.

45      Madankollu, dan in-nuqqas ta’ preċiżjoni ma għandux impatt fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn il-Bord tal-Appell iddefinixxa korrettament is-settur ikkonċernat għall-eżami tal-karattru individwali tad-disinn ikkontestat, jiġifieri dak tal-pannelli għall-kostruzzjoni, kif jirriżulta mill-punti 36 sa 40 iktar ’il fuq.

46      Għaldaqstant, l-argumenti tar-rikorrenti dwar id-definizzjoni tas-settur ikkonċernat mid-disinn ikkontestat għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq l-utent avżat

47      Skont il-ġurisprudenza, il-kunċett ta’ utent avżat għandu jinftiehem bħala kunċett intermedju bejn dak ta’ konsumatur medju, applikabbli fil-qasam tat-trade marks, fejn l-ebda għarfien speċifiku ma huwa mitlub mill-konsumatur u li ġeneralment ma jagħmilx paragun dirett bejn it-trade marks kunfliġġenti, u dak ta’ bniedem tas-sengħa, espert li għandu kompetenzi tekniċi kbar. Għalhekk, il-kunċett ta’ utent avżat jista’ jinftiehem bħala li ma jindikax utent li għandu attenzjoni medja iżda utent li għandu viġilanza partikolari, sewwa jekk din ġejja mill-esperjenza personali tiegħu jew mill-għarfien estiż tas-settur inkwistjoni (sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2011, PepsiCo vs Grupo Promer Mon Graphic, C‑281/10 P, EU:C:2011:679, punt 53).

48      Barra minn hekk, il-kunċett ta’ utent avżat, maħluq preċiżament għall-bżonnijiet tal-analiżi tal-karattru individwali ta’ disinn abbażi tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 6/2002, jista’ jiġi ddefinit biss b’mod ġenerali, bħala riferiment għal persuna li għandha kwalitajiet standard, u mhux każ b’każ fir-rigward ta’ użu partikolari tad-disinn ikkontestat (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑6 ta’ Ġunju 2019, Vetturi bil-mutur, T‑209/18, EU:T:2019:377, punt 37).

49      Għal dak li jirrigwarda iktar preċiżament il-livell ta’ attenzjoni tal-utent avżat, għalkemm ma huwiex il-konsumatur medju normalment informat u raġonevolment attent u avżat li normalment jipperċepixxi disinn fit-totalità tiegħu u ma joqgħodx jeżamina d-dettalji differenti tiegħu, lanqas ma huwa l-espert jew il-bniedem tas-sengħa, kapaċi li josserva fid-dettall id-differenzi minimi li jistgħu jeżistu bejn id-disinni inkwistjoni. Għalhekk, il-kwalifikatur “avżat” jissuġġerixxi li, mingħajr ma jkun disinjatur jew espert tekniku, l-utent ikun jaf id-disinni differenti li jeżistu fil-qasam ikkonċernat, jiddisponi minn ċertu livell ta’ konoxxenza fir-rigward tal-elementi li dawn id-disinni jkun fihom normalment u, minħabba l-interess tiegħu fil-prodotti kkonċernati, juża livell ta’ attenzjoni relattivament ogħla meta jagħmel użu minnhom (ara s-sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2011, PepsiCo vs Grupo Promer Mon Graphic, C‑281/10 P, EU:C:2011:679, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50      F’dan il-każ, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 47 sa 49 iktar ’il fuq, u peress li s-settur ikkonċernat mid-disinn ikkontestat huwa dak tal-pannelli għall-kostruzzjoni, il-Bord tal-Appell seta’ jqis ġustament li l-utent avżat kien il-professjonist tas-settur tal-kostruzzjoni, pereżempju bennej, kuntrattur tal-proprjetà immobbli jew perit, li kellu ċerta konoxxenza tal-pannelli għall-kostruzzjoni differenti u li wera livell għoli ta’ attenzjoni.

51      L-argument tar-rikorrenti intiż sabiex jiġi ddefinit l-utent avżat bħala dak “tal-pannelli tal-faċċata għall-bini” għandu għalhekk jiġi miċħud għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti fil-punti 38 u 39 iktar ’il fuq.

52      Barra minn hekk, għalkemm ir-rikorrenti tqis li s-settur ikkonċernat kellu jiġi ddeterminat b’mod iktar ristrett bħala dak unikament tal-pannelli tal-faċċata għall-bini, hija ma ssostnix, min-naħa l-oħra, li l-utent avżat hekk iddefinit għandu livell ta’ attenzjoni differenti minn dak tal-professjonist fis-settur tal-kostruzzjoni.

53      Minn dan isegwi li l-Bord tal-Appell seta’ jqis, mingħajr ma jwettaq żball ta’ evalwazzjoni, li l-utent avżat f’dan il-każ kien il-professjonist fis-settur tal-kostruzzjoni, li juri livell għoli ta’ attenzjoni.

54      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, l-ewwel parti tal-uniku motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq it-tieni parti dwar il-grad ta’ libertà tad-disinjatur tad-disinn ikkontestat

55      Il-Bord tal-Appell qies, fil-punt 24 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-libertà tad-disinjatur fl-elaborazzjoni ta’ pannelli għall-kostruzzjoni kienet ristretta sa ċertu punt bil-fatt li l-imsemmija pannelli kienu jissodisfaw il-funzjoni teknika li tikkonsisti fil-provvista ta’ reżistenza għall-maltemp jew kellhom proprjetajiet oħra, pereżempju proprjetajiet akustiċi, ta’ reżistenza għan-nar u proprjetajiet strutturali, bil-fatt li kellhom jiġu ffissati b’mod solidu mal-ħajt, mal-faċċata jew fuq il-bejt u bil-fatt li kellhom itejbu l-estetika ta’ bini. Madankollu, id-disinjatur għandu grad ta’ libertà kunsiderevoli għal dak li jirrigwarda t-tipi, il-forom, il-kuluri u d-disinni ta’ superfiċji. Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell qies li r-rikorrenti ma kinitx uriet l-eżistenza ta’ saturazzjoni preċedenti tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku. Il-Bord tal-Appell osserva, fil-punt 35 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-karatteristiċi komuni tad-disinni kunfliġġenti kienu jikkonċernaw elementi li fir-rigward tagħhom id-disinjatur kellu grad medju ta’ libertà.

56      Ir-rikorrenti ssostni li l-libertà tad-disinjatur għandha tiġi evalwata skont is-settur tal-“pannelli tal-faċċata għall-bini”. B’hekk, id-disinn ikkontestat huwa fil-parti l-kbira ddettat mill-funzjonijiet ta’ dawn il-pannelli. Dawn ir-restrizzjonijiet għandhom effett fuq id-disinn tas-superfiċji tal-pannelli, li għandha neċessarjament tkun pjuttost ċatta u ġeneralment tkun fiha sensiela ta’ linji u ta’ kuluri. Peress li n-numru ta’ kuluri huwa limitat, l-istess bħad-disinni “meta wieħed jaħdem b’linji”, il-libertà tad-disinjatur ma hijiex illimitata jew kunsiderevoli. Skont ir-rikorrenti, jidher li hemm ċerta saturazzjoni tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku għall-pannelli tal-faċċata għall-bini b’disinn lineari. Għaldaqstant, il-libertà li għandu d-disinjatur ta’ pannelli tal-faċċata għall-bini hija, l-iktar l-iktar, medja.

57      L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

58      Skont il-ġurisprudenza, il-grad ta’ libertà tad-disinjatur fl-elaborazzjoni ta’ disinn huwa ddefinit li jibda, b’mod partikolari, mir-restrizzjonijiet marbuta mal-karatteristiċi imposti mill-funzjoni teknika tal-prodott jew ta’ element tal-prodott, jew ukoll mir-rekwiżiti legali applikabbli għall-prodott. Dawn ir-restrizzjonijiet iwasslu għall-istandardizzazzjoni ta’ ċerti karatteristiċi, li jsiru komuni għal diversi disinni applikati għall-prodott ikkonċernat (sentenza tat‑18 ta’ Marzu 2010, Rappreżentazzjoni ta’ oġġetti promozzjonali ċirkulari, T‑9/07, EU:T:2010:96, punt 67).

59      Il-libertà tad-disinjatur hija, f’dan il-kuntest, fattur li pjuttost jippermetti li tiġi kkwalifikata l-evalwazzjoni tal-karattru individwali tad-disinn ikkontestat, u mhux fattur awtonomu li jiddetermina d-distanza meħtieġa bejn żewġ disinni sabiex wieħed minnhom ikun jista’ jinvoka karattru individwali. Fi kliem ieħor, il-fattur relatat mal-grad ta’ libertà tad-disinjatur jista’ jsaħħaħ jew, għall-kuntrarju, jippreġudika l-konklużjoni fir-rigward tal-impressjoni globali prodotta fuq l-utent avżat minn kull disinn inkwistjoni (ara s-sentenza tas‑6 ta’ Ġunju 2019, Vetturi bil-mutur, T‑209/18, EU:T:2019:377, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60      L-influwenza tal-fattur marbut mal-libertà tad-disinjatur fuq il-karattru individwali tvarja skont regola ta’ proporzjonalità inversa. Għalhekk, iktar ma tkun kbira l-libertà tad-disinjatur fl-iżvilupp ta’ disinn, inqas ikun probabbli li differenzi żgħar bejn id-disinni kunfliġġenti jkunu biżżejjed sabiex jipproduċu impressjoni globali differenti fuq l-utent avżat. Bil-maqlub, iktar ma tkun ristretta l-libertà tad-disinjatur fl-iżvilupp ta’ disinn, iktar id-differenzi żgħar bejn id-disinni kunfliġġenti jkunu biżżejjed sabiex jipproduċu impressjoni globali differenti fuq l-utent avżat. Fi kliem ieħor, livell għoli ta’ libertà tad-disinjatur isaħħaħ il-konklużjoni li disinni mingħajr differenzi sinjifikattivi jipproduċu l-istess impressjoni globali għall-utent avżat u, għaldaqstant, id-disinn ikkontestat ma jkollux karattru individwali. Għall-kuntrarju, livell baxx ta’ libertà tad-disinjatur jiffavorixxi l-konklużjoni li tgħid li d-differenzi ċari biżżejjed bejn id-disinni jipproduċu impressjoni globali differenti fuq l-utent avżat u, għaldaqstant, id-disinn ikkontestat ikollu karattru individwali (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2019, Tabelli li jiddendlu għall-karozzi, T‑74/18, EU:T:2019:417, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61      F’dan il-każ, l-ewwel, għandu jiġi kkonstatat li, għar-raġunijiet esposti fil-punti 35 sa 54 iktar ’il fuq, il-Bord tal-Appell ma wettaqx żball ta’ evalwazzjoni meta eżamina l-libertà tad-disinjatur ta’ “pannelli għall-kostruzzjoni” u mhux dik tad-disinjatur ta’ “pannelli tal-faċċata għall-bini”.

62      It-tieni, ir-rikorrenti tqis hija stess li l-libertà tad-disinjatur ta’ pannelli tal-faċċata għall-bini hija medja, fatt li l-Bord tal-Appell osserva wkoll, essenzjalment, fil-punti 24 u 35 tad-deċiżjoni kkontestata, fir-rigward tal-libertà tad-disinjatur ta’ pannelli għall-kostruzzjoni.

63      It-tielet, l-argument tar-rikorrenti li jgħid li s-superfiċji tal-pannelli inkwistjoni tinkludi ġeneralment sensiela ta’ linji u ta’ kuluri u li jgħid li, “meta wieħed jaħdem b’linji”, il-libertà tad-disinjatur ma hijiex illimitata jew kunsiderevoli ma tistax tintlaqa’. Fil-fatt, ir-rikorrenti ma turix li l-pannelli għall-bini, u lanqas il-pannelli tal-faċċata għall-bini, għandhom neċessarjament jinkludu disinni lineari, fil-forma ta’ xfar u ta’ daħliet lineari, u ċerti kuluri, bl-esklużjoni għaldaqstant ta’ kull forma jew kulur ieħor. Għalkemm ma setax jiġi eskluż li teżisti tali tendenza ġenerali fil-qasam tal-konċezzjoni tal-pannelli għall-bini, inklużi l-pannelli tal-faċċata għall-bini, din iċ-ċirkustanza ma tistax titqies bħala fattur ta’ limitazzjoni tal-libertà tad-disinjatur, peress li hija preċiżament din il-libertà tad-disinjatur li tippermettilu jiskopri forom ġodda, tendenzi ġodda, jew inkella sabiex jasal għal innovazzjonijiet fil-kuntest ta’ tendenza eżistenti (sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2012, Antrax It vs UASI (Radjaturi tat-tisħin), T‑83/11 u T‑84/11, EU:T:2012:592, punt 95).

64      Barra minn hekk, il-kwistjoni dwar jekk disinn isegwix jew le tendenza ġenerali fil-qasam tal-konċezzjoni hija rilevanti, l-iktar l-iktar, fir-rigward tal-perċezzjoni estetika tad-disinn ikkonċernat u tista’ għaldaqstant, eventwalment, teżerċita influwenza fuq is-suċċess kummerċjali tal-prodott li fih dan tal-aħħar jiġi inkorporat. Min-naħa l-oħra, din il-kwistjoni ma għandhiex rilevanza fil-kuntest tal-eżami tal-karattru individwali tad-disinn ikkonċernat, li jikkonsisti f’li jiġi vverifikat jekk l-impressjoni globali prodotta minn dan tal-aħħar tkunx differenti mill-impressjonijiet globali prodotti mid-disinni żvelati preċedentement, indipendentement mill-kunsiderazzjonijiet estetiċi jew kummerċjali (sentenzi tat‑22 ta’ Ġunju 2010, Shenzhen Taiden vs UASI – Bosch Security Systems (Apparat għall-komunikazzjoni), T‑153/08, EU:T:2010:248, punt 58; tal‑4 ta’ Frar 2014, Sachi Premium-Outdoor Furniture vs OHMI – Gandia Blasco (Pultruna), T‑357/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:55, punt 24, u tas‑17 ta’ Novembru 2017, Ciarko vs EUIPO – Maan (Għata għal estrazzjoni tal-kċina), T‑684/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:819, punt 58).

65      Barra minn hekk, għalkemm ir-rikorrenti ssostni li teżisti saturazzjoni tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, bħalma għamel il-Bord tal-Appell fil-punt 25 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti ma wrietx, permezz ta’ provi konkreti u rilevanti, l-eżistenza ta’ tali saturazzjoni.

66      Għaldaqstant, it-tieni parti tal-uniku motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.


 Fuq it-tielet parti dwar il-paragun tal-impressjonijiet globali prodotti mid-disinni kunfliġġenti

67      F’dan il-każ, id-disinni li għandhom jiġu pparagunati huma dawn li ġejjin:

Disinn ikkontestat

Disinn preċedenti

1.1Image not found

Image not found

1.2Image not found


1.3Image not found


1.4Image not found


1.5/


68      Il-Bord tal-Appell qies, fil-punti 31 sa 35 tad-deċiżjoni kkontestata, li d-disinni kunfliġġenti għandhom il-karatteristiċi li ġejjin: a) superfiċji lineari ċatti ddefiniti mid-diversi xfar u daħliet paralleli; b) xfar u daħliet imqiegħda fi proporzjonijiet ugwali u b’mod parallel fuq is-superfiċji kollha; c) struttura identika ta’ ġnub li jitilgħu u jinżlu b’inklinazzjoni wieqfa li jgħaqqdu d-daħla max-xifer; d) sensiela identika ta’ ġnub li jitilgħu lejn ix-xifer u ta’ ġnub li jinżlu lejn id-daħla; u e) wisa’ simili bejn ix-xfar u d-daħliet. Għalhekk, skont il-Bord tal-Appell, id-disinni kunfliġġenti jipproduċu l-istess impressjoni globali fuq l-utent avżat.

69      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tenfasizza diversi differenzi bejn id-disinni kunfliġġenti, li joħolqu impressjonijiet globali differenti, jiġifieri:

–        l-ewwel, id-disinn ikkontestat fih ħafna iktar linji (xfar u daħliet) għal kull unità ta’ superfiċji;

–        it-tieni, id-disinn ikkontestat għandu xfar jew protuberanzi li joħorġu b’mod sottili mill-pjanċi (2 mm), billi jimmarkaw angolu ottuż lejn id-daħliet ta’ madwar 100 grad, li joħloq struttura kemxejn trapeżojdali filwaqt li d-disinn preċedenti ma għandux tali struttura trapeżojdali;

–        it-tielet, fid-disinn ikkontestat, is-superfiċji ċatti tal-parti ta’ fuq tax-xfar huma ftit iżgħar meta mqabbla mad-dimensjonijiet tad-daħliet ċatti skont proporzjon ta’ madwar 1/1.5 filwaqt li fid-disinn preċedenti x-xfar għandhom mill-inqas l-istess daqs bħad-daħliet (proporzjon ta’ 1/1);

–        ir-raba’, fid-disinn ikkontestat, l-għoli tax-xfar (2 mm) huwa ħafna inqas mid-dimensjonijiet tad-daħliet ċatti (12 mm), filwaqt li jidher li fid-disinn preċedenti x-xfar huma ħafna iktar viżibbli;

–        il-ħames, id-disinn ikkontestat għandu nisġa qiesha tas-suf (siment tal-fibra) fi sfumaturi ta’ griż kontrastanti, filwaqt li d-disinn preċedenti jidher li jikkonsisti f’superfiċji lixxa b’aspett kliniku, eżegwit b’kulur aħdar kaki u,

–        is-sitt, il-prodotti reali li għalihom jiġu applikati d-disinni kunfliġġenti juru b’mod ċar li dawn għandhom dimensjonijiet u miżuri kompletament differenti, peress li x-xfar tad-disinn preċedenti huma ħafna ikbar minn dak tad-disinn ikkontestat.

70      L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw dan l-argument.

71      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-karattru individwali ta’ disinn jirriżulta minn impressjoni globali ta’ differenza jew ta’ assenza ta’ “déjà vu”, mill-perspettiva tal-utent avżat, meta mqabbla ma’ kull preċedent fi ħdan il-corpus ta’ disinni, mingħajr ma jiġu kkunsidrati differenzi li, minkejja li ma humiex sempliċement dettalji irrilevanti, ma humiex sinjifikattivi biżżejjed sabiex jaffettwaw l-imsemmija impressjoni globali, iżda jieħu inkunsiderazzjoni differenzi suffiċjentement sinjifikattivi sabiex joħolqu impressjonijiet ġenerali li ma jixxiebhux (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2017, Antrax It vs EUIPO – Vasco Group (Termosifuni għal radjaturi), T‑828/14 u T‑829/14, EU:T:2017:87, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

72      Il-paragun tal-impressjonijiet globali prodotti mid-disinni għandu jkun sintetiku u ma jistax ikun limitat għall-paragun analitiku ta’ enumerazzjoni ta’ xebh u ta’ differenzi. Dan il-paragun għandu jkun ibbażat fuq il-karatteristiċi żvelati tad-disinn ikkontestat u għandu jirrigwarda biss il-karatteristiċi protetti, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi, b’mod partikolari l-karatteristiċi tekniċi, esklużi mill-protezzjoni. L-imsemmi paragun għandu jirrigwarda d-disinni, bħala prinċipju, kif irreġistrati, mingħajr ma l-persuna li titlob id-dikjarazzjoni ta’ invalidità tintalab rappreżentazzjoni grafika tad-disinn invokat, li tkun paragunabbli mar-rappreżentazzjoni li tinsab fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tad-disinn ikkontestat (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2019, Tabelli li jiddendlu għall-karozzi, T‑74/18, EU:T:2019:417, punt 84 u l-ġurisprudenza ċċitata).

73      F’dan il-każ, qabelxejn, għandu jiġi osservat, bħalma għamel il-Bord tal-Appell, li ż-żewġ disinni għandhom forma simili ħafna u jinkludu elementi analogi, irranġati b’mod komparabbli, jiġifieri superfiċji lineari ċatta bi strixxi li fiha diversi xfar u daħliet paralleli. Sussegwentement, l-impressjonijiet tal-proporzjonijiet bejn ix-xfar u d-daħliet, b’mod partikolari l-wisa’ tagħhom, imqiegħda b’mod parallel fuq is-superfiċji, huma simili ħafna. Fl-aħħar nett, l-istruttura ta’ ġnub li jitilgħu u jinżlu li jgħaqqdu d-daħla max-xifer hija simili ħafna.

74      Fir-rigward tad-differenzi bejn id-disinni kunfliġġenti enfasizzati mir-rikorrenti, għandu jiġi osservat li l-ewwel sar-raba’ u s-sitt differenza, imsemmija fil-punt 69 iktar’ il fuq, jirrigwardaw id-dimensjonijiet, l-inklinazzjoni u l-proporzjonijiet allegati tal-elementi differenti tad-disinni kunfliġġenti.

75      F’dan ir-rigward, minn naħa, sa fejn il-protezzjoni mitluba tirrigwarda disinni, indipendentement mid-dimensjonijiet konkreti tal-prodotti li għalihom dawn id-disinni huma intiżi li jiġu applikati, allegazzjonijiet marbuta ma’ tali dimensjonijiet huma kompletament irrilevanti fil-kuntest tal-paragun tal-impressjonijiet ġenerali prodotti mid-disinni kunfliġġenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2012, Radjaturi ta’ tisħin, T‑83/11 u T‑84/11, EU:T:2012:592, punt 67).

76      Min-naħa l-oħra, u dan huwa fatt essenzjali, id-differenzi allegati ma jirriżultawx b’ċarezza suffiċjenti mill-paragun tar-rappreżentazzjonijiet tad-disinni kunfliġġenti. B’mod partikolari, id-dimensjonijiet u l-proporzjonijiet tad-disinn ikkontestat, invokati mir-rikorrenti, ma jirriżultawx mir-rappreżentazzjoni tiegħu, kif irreġistrata.

77      Fi kwalunkwe każ, kif osserva ġustament il-Bord tal-Appell fil-punt 32 tad-deċiżjoni kkontestata, l-utent avżat mhux ser jagħti attenzjoni partikolari għall-proporzjonijiet eżatti bejn ix-xfar u d-daħliet jew inkella għall-grad tad-diversi angoli. Minflok, dan l-utent ser jagħti attenzjoni partikolari lill-forma globali tad-disinni u lill-karatteristiċi komuni tagħhom li, fit-totalità tagħhom, jagħtu impressjoni ta’ xebh tad-disinni pparagunati, jiġifieri s-superfiċji lineari ċatta ddefinita permezz ta’ sensiela viżwalment analoga ta’ diversi xfar u daħliet, ta’ struttura simili u ta’ proporzjonijiet, li, għalkemm differenti, ma humiex tali li jevitaw kull impressjoni ta’ “déjà vu” fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 71 iktar ’il fuq.

78      Ċertament, kif enfasizzat fil-punti 29 sa 33 iktar ’il fuq, il-prodotti realment ikkummerċjalizzati li għalihom id-disinni kunfliġġenti huma intiżi li jiġu applikati jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni, bħala eżempju, matul dan l-istadju tal-evalwazzjoni tal-karattru individwali tad-disinn ikkontestat, sabiex jiġu ddeterminati l-partijiet viżibbli tagħhom u l-mod kif ser jiġu pperċepiti. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, bħalma għamel il-Bord tal-Appell, li d-disinni kunfliġġenti huma normalment osservati minn ċerta distanza, kemm jekk huma fuq faċċati ta’ bini jew fuq ħitan għat-tnaqqis tal-istorbju. Konsegwentement, id-differenzi eventwali fin-numru ta’ linji u fil-proporzjon tad-dimensjonijiet tax-xfar jew tal-protuberanzi għandhom rwol minuri fl-impressjonijiet globali maħluqa mid-disinni kunfliġġenti.

79      Fir-rigward tal-ħames differenza invokata fil-punt 69 iktar ’il fuq, dwar in-nisġa tad-disinn ikkontestat, ċertament ma huwiex eskluż, kif issostni r-rikorrenti, li l-immaġni Nru 1.3 tiegħu, li toffri ħarsa laterali tal-imsemmi disinn, tista’ tiġi interpretata, wara eżami partikolarment iddettaljat, bħala li turi nisġa qiesha tas-suf, li hija assenti fir-rappreżentazzjoni tad-disinn preċedenti. Madankollu, fl-assenza ta’ kwalunkwe indikazzjoni oħra fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, l-imsemmija immaġni tista’ tissuġġerixxi wkoll li l-pannell inkwistjoni ġie maqtugħ, b’tali mod li n-nisġa “qiesha tas-suf” enfasizzata mir-rikorrenti tista’ wkoll tidher, fuq l-imsemmija immaġni, sempliċement bħala superfiċji kemxejn imkemmxin fuq il-partijiet laterali wara qtugħ, jew, kif isostni l-EUIPO, bħala sempliċi difetti fil-materjal użat. Barra minn hekk, kif ġustament jenfasizza l-Bord tal-Appell fil-punt 33 tad-deċiżjoni kkontestata, il-parti ta’ fuq tad-disinni kunfliġġenti hija l-unika superfiċji viżibbli ladarba l-pannelli jitwaħħlu fuq bini jew fuq ħitan, b’tali mod li l-ħarsa laterali Nru 1.3 kienet inqas rilevanti.

80      F’dawn iċ-ċirkustanzi, u kif jenfasizza ġustament l-EUIPO, ir-rappreżentazzjoni tad-disinn ikkontestat, kif irreġistrata, u fl-assenza ta’ kwalunkwe indikazzjoni oħra f’dan is-sens fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, ma tippermettix li tiġi identifikata b’mod suffiċjentement ċar l-eżistenza allegata ta’ tali nisġa.

81      Barra minn hekk, kif indika ġustament il-Bord tal-Appell fil-punt 33 tad-deċiżjoni kkontestata, l-utent avżat huwa probabbilment konxju mill-fatt li n-nisġa tas-superfiċji ta’ pannell għall-kostruzzjoni tista’ tiddependi mill-materjal użat u, konsegwentement, il-possibbiltà tal-użu ta’ materjali differenti ma hijiex biżżejjed sabiex toħloq impressjoni globali differenti.

82      Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti bbażat fuq differenza fil-kuluri tad-disinni kunfliġġenti, l-EUIPO għandu raġun isostni li, peress li d-disinn ikkontestat huwa rreġistrat bl-iswed u bl-abjad, kull kulur użat fid-disinn preċedenti huwa irrilevanti għall-finijiet tal-paragun tagħhom sa fejn l-ebda kulur ma ġie mitlub għad-disinn ikkontestat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Ġunju 2011, Sphere Time vs UASI – Punch (Arloġġ imwaħħal ma’ ċinga), T‑68/10, EU:T:2011:269, punt 82, u tas‑7 ta’ Frar 2018, retroattiva ölen Şölen Çikolata Gıda Sanayi ve Ticaret vs EUIPO – Zaharieva (Kaxxa ta’ preżentazzjoni għall-kornets), T‑793/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:72, punt 67).

83      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell wettaq żball meta naqas milli jieħu inkunsiderazzjoni l-prodotti reali li fihom id-disinni kunfliġġenti huma inkorporati jew huma intiżi li jiġu applikati sabiex jiġi ddefinit bi preċiżjoni d-disinn preċedenti.

84      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, il-Bord tal-Appell ħa inkunsiderazzjoni l-prodotti li għalihom id-disinni kunfliġġenti jiġu applikati u l-mod ta’ użu tagħhom. Fil-fatt, pereżempju, kif ġie osservat fil-punt 79 iktar ’il fuq, il-Bord tal-Appell ikkonstata li parti ta’ fuq tad-disinni kunfliġġenti kienet l-unika superfiċji viżibbli ladarba l-pannelli jitwaħħlu fuq bini jew fuq ħitan, b’tali mod li l-ħarsa laterali Nru 1.3 kienet inqas rilevanti. Bl-istess mod, fil-punt 34 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell osserva li l-utent avżat kien jaf sewwa li l-pannelli għall-kostruzzjoni setgħu jinqatgħu minn tarf sa tarf sabiex jiġu adattati għad-daqs u għall-forma tal-bini sabiex jifformaw superfiċji omoġena u li għalhekk ma kellu l-ebda raġuni li jgħodd in-numru eżatt ta’ xfar. Dawn il-kunsiderazzjonijiet huma bbażati għalhekk fuq il-mod ta’ użu tal-prodotti koperti mid-disinni kunfliġġenti, sa fejn dan għandu effett fuq il-mod kif l-imsemmija disinni huma viżwalizzati mill-utent avżat.

85      Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż, bħalma għamel il-Bord tal-Appell, li, fid-dawl tal-grad medju ta’ libertà tad-disinjatur tad-disinn ikkontestat, dan id-disinn jipproduċi, għall-utent avżat, impressjoni globali ta’ “déjà vu” fir-rigward tad-disinn preċedenti.

86      Abbażi ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, hemm lok li jiġi miċħud l-uniku motiv tar-rikorrenti u, konsegwentement, ir-rikors kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

87      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż sostnuti mill-EUIPO u mill-intervenjenti, skont it-talbiet tagħhom.

Għal dawn ir-raġunijiet,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Eternit għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess kif ukoll dawk sostnuti mill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) u minn Eternit Österreich GmbH.

Kornezov

Buttigieg

Hesse

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl‑10 ta’ Novembru 2021.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.