Language of document : ECLI:EU:C:2023:939

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

30 ta’ Novembru 2023 (*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Artikolu 258 TFUE – Direttiva 91/271/KEE – Ġbir u trattament tal-ilma urban mormi – Artikolu 4(1) u (3), Artikoli 5 u 15 – Punti A, B u D tal-Anness 1 – Trattament sekondarju jew ekwivalenti tal-ilma urban mormi minn agglomerazzjonijiet ta’ ċerti dimensjonijiet – Trattament iktar strett tal-iskariki f’żoni sensittivi – Monitoraġġ ta’ skariki minn impjanti ta’ trattament”

Fil-Kawża C‑328/22,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fis‑16 ta’ Mejju 2022,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn B. Rous Demiri u E. Sanfrutos Cano, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika tas-Slovenja, irrappreżentata minn A. Dežman Mušič, bħala aġent,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn F. Biltgen, President tal-Awla, J. Passer (Relatur) u M. L. Arastey Sahún, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: M. Longar, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑5 ta’ Lulju 2023,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstemgħat l-Avukata Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi ma ħaditx il-miżuri neċessarji ddestinati li tissorvelja:

–        li l-ilma urban mormi li jidħol fis-sistemi ta’ ġbir ikun, qabel ma jintrema, suġġett għal trattament sekondarju jew trattament ekwivalenti għall-agglomerazzjonijiet ta’ Kočevje, ta’ Trbovlje, ta’ Tržič u ta’ Ljubljana;

–        li l-ilma urban mormi li jidħol fis-sistemi ta’ ġbir ikun, qabel ma jintrema f’żoni sensittivi, suġġett għal trattament iktar strett għall-agglomerazzjonijiet ta’ Kočevje, ta’ Trbovlje u ta’ Tržič, u

–        monitoraġġ xieraq tal-iskariki minn impjanti tat-trattament tal-ilma urban mormi għall-agglomerazzjonijiet ta’ Ljubljana u Ptuj,

ir-Repubblika tas-Slovenja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 4, 5 u 15 kif ukoll taħt il-punti B u D tal-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE tal‑21 ta’ Mejju 1991 dwar it-trattament ta’ l-ilma urban mormi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 26), kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 1137/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2008 (ĠU 2008, L311, p. 1) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 91/271”).

 Ilkuntest ġuridiku

 IdDirettiva 91/271

2        Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 91/271:

“Din id-Direttiva tikkonċerna l-ġbir, it-trattament u l-iskariki ta’ ilma mormi urban u t-trattment u l-iskariki ta’ ilma mormi minn ċertu setturi industrijali.

L-għan tad-Direttiva huwa li tipproteġi l-Ambjent minn effetti negattivi iskariki ta’ ilma mormi hawn fuq imsemmija.”

3        L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Għall-għan ta’ din id-Direttiva:

1)      ‘ilma mormi urban’ tfisser ilma mormi domestiku jew taħlita ta’ ilma mormi domestiku ma’ ilma mormi industrijali u/jew ilma tax-xita;

2)      ‘ilma mormi domestiku’ ifisser ilma mormi minn żoni residenzjali u servizzi li joriġinaw l-aktar mill-metaboliżmu uman u minn attivitajiet domestiċi;

3)      ‘ilma mormi industrijali’ ifisser kull ilma mormi li joħroġ minn bini użat biex jilqa’ fih kull sengħa jew industrija, li mhuwiex la ilma mormi dometiku u lanqas ilma tax-xita moħli;

4)      ‘agglomerazzjoni’ tfsser żona fejn il-popolazzjoni u/jew l-attivitajiet ekonomiċi jkunu konċentrati b’mod suffiċjenti sabiex l-ilma mormi urban ikun jista jinġabar u jittieħed f’impjant ta’ trattament ta’ l-ilma mormi urban jew għall-punt ta’ skarikar finali;

5)      ‘sistema ta’ ġbir’ tfisser sistema ta’ pajpijiet li tiġbor u tmexxi l-ilma mormi urban;

6)      ‘1 e.p. (ekwivalenti ta’ popolazzjoni)’: tfisser it-toqol organiku biodegradabbli li jkollu domanda għall-ossiġenu bio-kemikali ta’ ħamest ijiem (BOD5) ta’ 60 g ta’ ossiġnu kuljum;

7)      ‘trattament primarju’ ifisser trattament ta’ ilma mormi urban permezz ta’ proċessi fiżiċi u/jew kemikali li jinvolvu t-tqegħid ta’ solidi sospiżi, jew proċessi oħra li fihom l-BOD5 ta’ l-ilma mormi li jkun dieħel jitnaqqas b’minn ta’ l-anqas 20 % qabel ma dan jintrema, waqt li s-solidi sospiżi totali ta’ l-ilma mormi li jkun dieħel jitnaqqsu b’minn ta’ lanqas 50 %;

8) ‘trattament sekondarju’ ifisser trattament ta’ ilma mormi urban bi proċessi li jinvolvu ġeneralment trattament bioloġiku bi tqegħid sekondarju, jew proċessi oħra li fihom il-kriterji stabbiliti fit-Tabella 1 ta’ l-Anness I huma rispettati;

[…]”

4        L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva jiddisponi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-agglomerazzjonijiet kollha jkunu pprovduti b’sistemi ta’ ġbir għall-ilma mormi urban,

–        sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2000 għal dawk li jkollhom popolazzjoni ekwivalenti (e.p.) ta’ aktar minn 15 000 ruħ,

u

–        sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2005 għal dawk li jkollhom e.p. ta’ bejn l-2 000 u il-15 000 ruħ.

Għall-ilma mormi urban li jispiċċa f’ilmijiet li jilqgħu dan id-drenaġġ u li huma kkunsidrati bħala ‘żoni sensittivi’ kif mfisser taħt l-Artikolu 5, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li sistemi ta’ ġbir ikunu disponibbli sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 1998 għall-agglomerazzjonijiet ta’ aktar minn 10 000 e.p.

Fejn it-twaqqif ta’ sistemi ta’ ġbir ma jkunx iġġustifikat jew għaliex dan ma jkun jipprovdi l-ebda benefiċċju ambjentali jew għaliex ikun jinvolvi spiża eċċessiva, għandhom jintużaw sistemi individwali jew sistemi adatti oħra li jkunu jilħqu l-istess livell ta’ protezzjoni ambjentali.

2.      Is-sistemi ta’ ġbir deskritti fil-paragrafu 1 għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti tat-Taqsima A ta’ l-Anness I. […]”

5        L-Artikolu 4 tal-istess direttiva huwa fformulat kif ġej:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ilma mormi urban li jidħol f’sistemi ta’ ġbir għandu ma jkun skarikat ikun suġġett għal trattament sekondarju jew trattament ekwivalenti ieħor kif ġej:

–        sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2000 għall-skariki kollha minn agglomerazzjoni ta’ aktar minn 15 000 e.p.,

–        sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2005 għall-skariki kollha minn agglomerazzjoni ta’ bejnl-10 000 u l-15 000 e.p.,,

–        sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2005 għal skariki li jispiċċaw f’ilma ħelu u estwarji minn agglomerazzjonijiet ta’ bejn l-2 000 u l-10 000 e.p.

2.      Skariki ta’ ilma mormi urban għal ġo ilmijiet li jinsabu f’reġjuni ta’ muntanji għoljin (aktar minn 1 500 mil fuq mil-livell tal-baħar), fejn huwa diffiċli li wieħed japplika trattament bioloġiku effettiv minħabba t- temperaturi baxxi, jista jkun suġġett għal trattament inqas strett minn dak preskritt fil-paragrafu 1, sakemm studji dettaljati juru li dawk l- skariki ma jaffettwawx lill-ambjent b’mod negattiv.

3.      L-iskariki minn impjanti ta’ trattament ta’ ilma mormi urban desk ritti fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jilħqu l-kriterji rilevanti ta’ l- Anness I. B. […]

4.      It-toqol espress f’termini ta’ e.p. għandu jkun ikkalkulat fuq il-bażi tat-toqol massimu medju ta’ ġimgħa li jidħol fl-impjant ta’ trattament matul is-sena, esklużi biss sitwazzjonijiet mhux tas-soltu bħal dawk li jiġu kkawżati minn xita qalila.”

6        L-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/271 jipprevedi:

“1.      Għall-għanijiet tal-paragrafu 2, l-Istati Membri sal-31 ta’ Diċembru 1993 għandhom jidentifikaw żoni sensittivi skond il-kriterji stabbiliti fl-Anness II.

2.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ilma mormi urban li jidħol f’sistemi ta’ ġbir ikun, qabel ma jippermettu l-iskarikar tiegħu f’żoni sensittivi, soġġett għal trattament iktar strett minn dak deskritt fl-Artikolu 4, sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 1998 għall- skariki kollha minn agglomerazzjonijiet ta’ aktar minn 10 000 e.p.

3.      L-iskariki minn impjanti ta’ trattament ta’ ilma mormi urban desk ritti fil-paragrafu 2 għandhom jilħqu l-kriterji rilevanti ta’ l- Anness I B. […]

4.      Alternattivament, kriterji għall-impjanti individwali stabbiliti fil- paragrafi 2 u 3 hawn fuq m’għandhomx għalfejn ikunu applikabbli f’żoni sensittivi fejn jista’ jintwera li l-persentaġġ minimu ta’ tnaqqis tat-toqol ġenerali li jidħol fl-impjanti tat-trattament ta’ l-ilma mormi kollha f’dik iż-żona jkun minn ta’ lanqas 75 % għall-fosfru totali u minn ta lanqas 75 % għan-nitroġenu totali.

5.      Skariki minn impjanti ta’ trattament ta’ ilma mormi urban li jkunu jinsabu fiż-żoni li fihom jinġabar l-ilma relevanti ta’ żoni sensittivi u li jikkontribwixxu għat-tniġġis ta’ dawn iż-żoni għandhom ikunu soġġetti għall-paragrafi 2, 3 u 4.

F’każijiet fejn iż-żoni li jinġabar fihom l-ilma msemmija fuq ikunu jinsabu kompletament jew parzjalment fi Stat Membru ieħor, għandu japplika l-Artikolu 9.

6.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-identifikazzjoni ta’ żoni sensittivi tkun riveduta f’intervalli ta’ mhux aktar minn erba’ snin.

7.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li żoni identifikati bħala sensittivi wara li jkunu ġew riveduti taħt il-paragrafu 6 għandhom jilħqu l-kriterji hawn fuq imsemmija fi żmien seba’ snin.

8.      Stat Membru m’għandux għalfejn jidentifika żoni sensittivi għall- għan ta’ din id-Direttiva jekk dan jimplimenta t-trattament stabbilit taħt il-paragrafi 2, 3 u 4 fit-territorju kollu tiegħu.”

7        L-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva jiddisponi:

“1.      L-awtoritjiet kompetenti jew l-entitajiet xierqa għandhom jissor-veljaw:

–        l-iskariki minn impjanti ta’ trattament ta’ ilma mormi urban biex jivverifikaw il-konformità mal-kriterji ta’ l-Anness I. B, skond il- proċeduri ta’ kontroll stabbiliti fl-Anness I. D,

–        l-ammonti u l-komposizzjoni tal-ħama li tintrema fl-ilmijiet tas- superfiċi.

2.      L-awtoritajiet kompetenti jew l-entitajiet xierqa għandhom jissor veljaw l-ilmijiet fejn iseħħu skariki minn impjanti ta’ trattament ta’ ilma mormi urban u skariki diretti, hekk kif deskritt fl-Artikolu 13, f’każijiet fejn huwa mistenni li l-ambjent riċeventi se jkun affettwat b’mod sini fikanti.

[…]”

8        L-Anness I tal-imsemmija direttiva, intitolat “Rekwiżiti għall-ilma mormi urban”, jinkludi b’mod partikolari l-punt A, li jistabbilixxi l-kriterji marbuta mas-sistemi ta’ ġbir, il-punt B, li jinkludi r-rekwiżiti li għandhom jissodisfaw l-iskariki tal-impjanti ta’ trattament tal-ilma urban mormi, kif ukoll il-punt D li jistabbilixxi l-proċeduri ta’ kontroll tal-iskariki tal-ilma mormi.

 Ilproċedura prekontenzjuża

9        Wara li kkonstatat li, billi ma żguratx li diversi agglomerazzjonijiet tagħha, inklużi l-agglomerazzjonijiet ta’ Tržič, ta’ Ljubljana, ta’ Kočevje, ta’ Trbovlje u ta’ Ptuj, ikunu mgħammra b’sistemi xierqa ta’ ġbir tal-ilma urban mormi, ir-Repubblika tas-Slovenja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 3 sa 5, 10 u 15 kif ukoll l-Anness I tad-Direttiva 91/271, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħatilha ittra ta’ intimazzjoni fis‑16 ta’ Frar 2017, li għaliha l-awtoritajiet Sloveni wieġbu permezz ta’ ittra tal‑15 ta’ Ġunju 2017.

10      Saru diversi laqgħat bejn l-awtoritajiet Sloveni u d-dipartimenti tal-Kummissjoni matul l‑2017 kif ukoll laqgħa “pakkett” fit‑23 ta’ Frar 2018. L-awtoritajiet Sloveni bagħtu wkoll lill-Kummissjoni rapporti ta’ progress intermedji dwar l-agglomerazzjonijiet ikkonċernati fid‑29 ta’ Settembru 2017, fis‑27 ta’ Frar 2018 u fit‑23 ta’ Lulju 2018.

11      Wara li kkonkludiet, wara eżami tar-risposti li jinsabu f’dawn ir-rapporti u fid-dawl tal-informazzjoni kollha pprovduta mill-awtoritajiet Sloveni, li, fuq ċerti punti, minkejja l-isforzi mwettqa, ir-Repubblika tas-Slovenja kienet għadha naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-Direttiva 91/271, il-Kummissjoni, permezz ta’ ittra tat‑8 ta’ Marzu 2019, bagħtitilha opinjoni motivata, konformement mal-Artikolu 258 TFUE.

12      F’din l-opinjoni, hija, minn naħa, ikkonstatat li, billi ma żguratx li, fost l-oħrajn, l-agglomerazzjonijiet ta’ Tržič, ta’ Ljubljana, ta’ Kočevje, ta’ Trbovlje u ta’ Ptuj ikunu mgħammra b’sistemi xierqa ta’ ġbir tal-ilma urban mormi, ir-Repubblika tas-Slovenja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 3 sa 5, 10 u 15 tad-Direttiva 91/271 kif ukoll il-punti A, B u D tal-Anness I tagħha, u, min-naħa l-oħra, ordnat lil dan l-Istat Membru jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonforma ruħu ma’ din l-istess opinjoni f’terminu ta’ xahrejn minn meta jirċeviha, jiġifieri mhux iktar tard mit‑8 ta’ Mejju 2019.

13      Ir-Repubblika tas-Slovenja wieġbet għal din l-opinjoni motivata permezz ta’ ittra tal‑25 ta’ April 2019, segwita minn ittri oħra tat‑2 ta’ Settembru u tat‑30 ta’ Diċembru 2019 kif ukoll tas‑6 ta’ Marzu, tat‑12 ta’ Awwissu u tal‑15 ta’ Diċembru 2020.

14      Filwaqt li kienet f’pożizzjoni li tikkonkludi, fid-dawl tar-risposta tal-awtoritajiet Sloveni għall-opinjoni motivata u tal-informazzjoni pprovduta wara l-laqgħa “pakkett” li nżammet f’Ljubljana fit‑2 ta’ Jannar 2020, li l-agglomerazzjonijiet kollha msemmija f’din l-opinjoni kienu jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 91/271, il-Kummissjoni madankollu kkonkludiet li, fl-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, ir-Repubblika tas-Slovenja kienet għadha ma kkonformatx ruħha b’mod sħiħ mal-obbligi tagħha skont din id-direttiva.

15      Għaldaqstant, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.

 Fuq irrikors

 Fuq lammissibbiltà

 Largumenti talpartijiet

16      Ir-Repubblika tas-Slovenja ssostni, fir-rigward, minn naħa, tal-ilment ibbażat fuq nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 4 tad-Direttiva 91/271 fir-rigward tal-agglomerazzjonijiet ta’ Kočevje, ta’ Trbovlje kif ukoll ta’ Tržič u, min-naħa l-oħra, tal-ilment ibbażat fuq nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva fir-rigward tal-agglomerazzjoni ta’ Ptuj, li hija ma kellhiex il-possibbiltà li tinvoka l-motivi tagħha, fir-rigward tal-mertu, fir-rigward ta’ dawn l-ilmenti fil-kuntest tal-proċedura prekontenzjuża, u dan jippreġudika d-drittijiet tad-difiża tagħha.

17      Il-Kummissjoni tirrifjuta dawn l-allegazzjonijiet. Id-differenzi ta’ formulazzjoni bejn id-dispożittiv tal-opinjoni motivata u t-talbiet tar-rikors promotur ma wasslu għal ebda bidla fis-suġġett tal-kawża. Il-Kummissjoni dejjem irreferiet għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, mir-Repubblika tas-Slovenja, tal-istess dispożizzjoni, għall-istess agglomerazzjonijiet u għall-istess perijodu. Il-fatt li din l-istituzzjoni inizjalment ibbażat ruħha fuq il-prinċipju ta’ ġerarkija, li jgħid li, meta jiġi kkonstatat li r-rekwiżiti stabbiliti mill-Artikolu 3 tad-Direttiva 91/271 ma humiex osservati, l-obbligu previst fl-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva lanqas ma huwa ssodisfatt a fortiori, ma jistax ikollu bħala effett li, ladarba l-obbligu ta’ ġbir previst f’dan l-Artikolu 3 jiġi osservat mir-Repubblika tas-Slovenja, l-imsemmija istituzzjoni ma tkunx għadha tista’ tilmenta li dan l-Istat Membru naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 4 tad-Direttiva 91/271. Id-drittijiet tad-difiża tar-Repubblika tas-Slovenja lanqas ma nkisru, peress li dan l-Istat Membru ġie informat mill-ewwel li l-Kummissjoni invokat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt dan l-Artikolu 4 għall-agglomerazzjonijiet ikkonċernati.

18      Bl-istess mod, fil-kuntest tal-proċedura prekontenzjuża, il-Kummissjoni ġibdet, b’mod partikolari, l-attenzjoni tal-imsemmi Stat Membru għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fir-rigward tal-agglomerazzjoni ta’ Ptuj għal nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżiti tal-Artikoli 3, 4 u 15 kif ukoll tal-punti B u D tal-Anness I tad-Direttiva 91/271.

 Ilkunsiderazzjonijiet talQorti tal-Ġustizzja

19      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-proċedura prekontenzjuża għandha l-għan li tagħti lill-Istat Membru kkonċernat l-opportunità, minn naħa, li jikkonforma ruħu mal-obbligi tiegħu li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li jinvoka l-eċċezzjonijiet tad-difiża tiegħu b’mod utli kontra l-ilmenti mressqa mill-Kummissjoni. Ir-regolarità ta’ din il-proċedura tikkostitwixxi garanzija essenzjali mixtieqa mit-Trattat FUE, mhux biss għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-Istat Membru inkwistjoni, iżda wkoll sabiex jiġi żgurat li l-eventwali proċedura kontenzjuża jkollha bħala suġġett tilwima ddefinita b’mod ċar (sentenza tat‑2 ta’ April 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, L‑Ungerija vs Ir‑Repubblika Ċeka (Mekkaniżmu temporanju ta’ rilokazzjoni ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali), C‑715/17, C‑718/17 u C‑719/17, EU:C:2020:257, punt 91 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

20      Minn dan isegwi, b’mod partikolari, li s‑suġġett ta’ rikors ippreżentat skont l‑Artikolu 258 TFUE huwa ddefinit mill‑proċedura prekontenzjuża prevista f’din id‑dispożizzjoni. Għaldaqstant, ir-rikors għandu jkun ibbażat fuq l-istess raġunijiet u motivi bħall-opinjoni motivata (sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑458/08, EU:C:2010:692, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

21      Madankollu, dan ir-rekwiżit ma jistax iwassal sabiex jimponi, f’kull każ, koinċidenza perfetta bejn il-formulazzjoni tal-ilmenti fid-dispożittiv tal-opinjoni motivata u t-talbiet tar-rikors, sakemm is-suġġett tat-tilwima, kif iddefinit fl-opinjoni motivata, ma jkunx ġie estiż jew emendat (sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2010, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, C‑458/08, EU:C:2010:692, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22      F’dan il-każ, il-Kummissjoni tikkritika lir-Repubblika tas-Slovenja, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, bi ksur tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/271 li diġà sar riferiment għalihom, fir-rigward tal-agglomerazzjonijiet ikkonċernati, kemm fl-ittra ta’ intimazzjoni kif ukoll fl-opinjoni motivata.

23      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, matul il-proċedura prekontenzjuża, il-Kummissjoni ma ddeduċietx l-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 4 tad-Direttiva 91/271, għall-agglomerazzjonijiet ta’ Kočevje, ta’ Trbovlje u ta’ Tržič, li mill-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva u rreferiet biss, f’dan il-kuntest, għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li, meta jiġi kkonstatat li l-agglomerazzjonijiet ikkonċernati ma għandhomx sistemi li jippermettu l-ġbir tal-ilma urban mormi kollu skarikat minn dawn l-agglomerazzjonijiet, l-obbligu li l-iskariki kollha jiġu suġġetti għal trattament sekondarju jew ekwivalenti lanqas ma huwa ssodisfatt a fortiori (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2007, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑440/06, EU:C:2007:642, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24      Huwa biss fil-kuntest tar-rikors tagħha li l-Kummissjoni sostniet, għall-ewwel darba, allegazzjoni speċifika għall-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, mir-Repubblika tas-Slovenja, tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 91/271, li tgħid li minn paragun tad-data dwar, minn naħa, il-piż totali tal-agglomerazzjonijiet ikkonċernati u, min-naħa l-oħra, il-piż massimu ttrattat, kif ġiet ikkomunikata mill-awtoritajiet Sloveni, jirriżulta li l-iskariki kollha ta’ ilma urban minn dawn l-agglomerazzjonijiet ma kinux suġġetti għal trattament sekondarju jew għal trattament ekwivalenti.

25      Ċertament, sa fejn, fil-kuntest tal-proċedura prekontenzjuża, il-Kummissjoni qieset li, fir-rigward tal-agglomerazzjonijiet ikkonċernati, ir-Repubblika tas-Slovenja kienet naqset milli twettaq l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 3 tad-Direttiva 91/271, hija kienet ġġustifikata, f’dan l-istadju tal-proċedura u konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 23 ta’ din is-sentenza, ssostni wkoll, konsegwentement, nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva.

26      Huwa minnu wkoll li l-fatt li Stat Membru josserva r-rekwiżiti tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 91/271, dwar it-tagħmir għall-agglomerazzjonijiet ta’ sistemi ta’ ġbir tal-ilma urban mormi, ma jimplikax neċessarjament li l-istess jgħodd fir-rigward tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, skont dan l-aħħar artikolu, l-ilma urban mormi li jidħol fis-sistemi ta’ ġbir għandu, qabel ma jiġi skarikat, ikun suġġett għal trattament sekondarju jew għal trattament ekwivalenti, peress li dawn l-iskariki għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti rilevanti tal-punt B tal-Anness I tal-imsemmija direttiva. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, minn naħa, ir-rekwiżiti tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 91/271 ma humiex osservati f’dak li jirrigwarda l-agglomerazzjonijiet li jsofru minn subkapaċità tal-impjanti ta’ trattament sekondarju jew ta’ trattament ekwivalenti tal-ilma urban mormi u, min-naħa l-oħra, ladarba l-iskariki ta’ ilma li ma kinux suġġetti għal ebda trattament ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-punt B tal-Anness I ta’ din id-direttiva, it-trattament tal-ilma urban mormi minn impjanti f’kapaċità sekondarja ma jistax jitqies li huwa konformi mal-Artikolu 4(3) tal-imsemmija direttiva. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Sistema ta’ ġbir u trattament ta’ ilma mormi), C‑427/17, EU:C:2019:269, punti 152 u 154).

27      Madankollu, xorta jibqa’ l-fatt li, fil-kuntest tal-proċedura prekontenzjuża, ir-Repubblika tas-Slovenja ma setgħetx issostni b’mod utli l-motivi ta’ difiża tagħha kontra l-argumenti tal-Kummissjoni msemmija fil-punt 24 ta’ din is-sentenza, peress li dawn ġew ifformulati għall-ewwel darba minn din l-istituzzjoni fir-rikors promotur tagħha u huma bbażati fuq bażi legali u fattwali kompletament differenti minn dawk imressqa minn din l-istituzzjoni fil-kuntest tal-proċedura prekontenzjuża, imfakkra fil-punt 23 ta’ din is-sentenza.

28      Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni fir-replika tagħha, kien ikun biżżejjed, sabiex jiġu rrispettati d-drittijiet tad-difiża tar-Repubblika tas-Slovenja, li lil dan l-Istat Membru tintbagħat opinjoni motivata addizzjonali, mingħajr ma jkun neċessarju li tinfetaħ mill-ġdid proċedura ġdida ta’ ksur.

29      Fir-rigward tal-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 15 tad-Direttiva 91/271 fir-rigward tal-agglomerazzjoni ta’ Ptuj, għandu jiġi rrilevat li l-opinjoni motivata indirizzata lir-Repubblika tas-Slovenja ma kienet tinkludi ebda argumenti speċifiċi f’dan ir-rigward.

30      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-talbiet tal-Kummissjoni intiżi sabiex jiġi kkonstatat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, mir-Repubblika tas-Slovenja, tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 91/271, fir-rigward tal-agglomerazzjonijiet ta’ Kočevje, ta’ Trbovlje u ta’ Tržič, kif ukoll tal-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva, fir-rigward tal-agglomerazzjoni ta’ Ptuj, għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

31      Fl-aħħar nett, sa fejn, fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni sempliċement issostni, fir-rigward tal-agglomerazzjonijiet ta’ Kočevje, ta’ Trbovlje u ta’ Tržič, li l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 91/271 twassal għal nuqqas ta’ osservanza tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5 tagħha, għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli wkoll it-talbiet tal-Kummissjoni intiżi sabiex jiġi kkonstatat nuqqas ta’ twettiq ta’ din l-aħħar dispożizzjoni.

32      Jista’ jingħad ukoll, sussidjarjament, li, fir-rigward tal-agglomerazzjoni ta’ Ptuj, il-Kummissjoni fi kwalunkwe każ ammettiet, matul is-seduta, li l-informazzjoni pprovduta mir-Repubblika tas-Slovenja fl-anness tal-kontroreplika tagħha kienet turi, fir-rigward tas-snin inkwistjoni, konformità ta’ din l-agglomerazzjoni mar-rekwiżiti tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 91/271.

 Fuq ilmertu

 Largumenti talpartijiet

33      Il-Kummissjoni ssostni li, fir-rigward tal-agglomerazzjoni ta’ Ljubljana, ir-Repubblika tas-Slovenja ma kkonformatx ruħha mar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikoli 4 u 15 tad-Direttiva 91/271.

34      Hija tirrileva li r-Repubblika tas-Slovenja indikat, fir-risposta tagħha tal‑25 ta’ April 2019 għall-opinjoni motivata, li ser isiru modifiki għas-sistemi ta’ trattament tal-ilma mormi sabiex tiġi żgurata l-konformità tas-sitwazzjoni tal-agglomerazzjoni ta’ Ljubljana mal-Artikolu 4 tad-Direttiva 91/271 u ppreċiżat li l-ilma urban mormi ta’ din l-agglomerazzjoni kien, f’din id-data, ittrattat minn żewġ impjanti ta’ trattament u li waħda biss, jiġifieri l-iżgħar waħda, dik ta’ Brod, ma kinitx tissodisfa r-rekwiżiti ta’ dan l-Artikolu 4. Dan l-Istat Membru ma jikkontestax għaldaqstant, f’dan ir-rigward, il-ksur tar-rekwiżiti ta’ dan l-Artikolu 4 għal nuqqas ta’ infrastrutturi. Huwa jsostni, għall-kuntrarju, li n-nuqqas ta’ osservanza ta’ din id-dispożizzjoni ser jiġi rrimedjat billi jingħalqu l-impjanti ta’ trattament ta’ Brod u ta’ Rakova      Jelša u billi jiġi assenjat il-kumplament tal-impjant ta’ trattament ta’ Zalog fil-kuntest tal-proġett “Tneħħija u trattament ta’ ilma mormi fl-akwiferi tal-pjanura ta’ Ljubljana”, ikkofinanzjat mill-Fond ta’ Koeżjoni. Fl-istess risposta, ir-Repubblika tas-Slovenja indikat, fir-rigward tal-agglomerazzjoni ta’ Ljubljana u tal-impjant ta’ trattament ta’ Brod, li l-fażi ta’ kostruzzjoni ta’ dan il-proġett kellha tintemm f’Diċembru 2020 u li l-fażi operattiva kellha tibda matul is-sena segwenti. Madankollu, fl-ittra tiegħu tas‑6 ta’ Marzu 2020, dan l-Istat Membru ppreċiża li l-imsemmi proġett kien ser jitlesta biss fl-aħħar tal‑2023.

35      Lanqas ma huma ssodisfatti r-rekwiżiti tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 91/271 peress li mill-informazzjoni pprovduta mir-Repubblika tas-Slovenja jirriżulta li, f’dak li jirrigwarda l-impjant ta’ trattament ta’ ilma mormi ta’ Brod, li jittratta l-ilma urban mormi tal-agglomerazzjoni ta’ Ljubljana, erba’ kampjuni (minn total ta’ tnax) kellhom valuri ta’ konċentrazzjoni ta’ BOD5 u/jew ta’ COD ogħla mill-valuri limitu stabbiliti fit-Tabella 1 li tinsab fil-punt D tal-Anness I tad-Direttiva 91/271. Fi tliet kampjuni, il-valuri ta’ konċentrazzjoni ta’ BOD5 inqabżu b’iktar minn 100 % u, f’kampjun, il-valur ta’ konċentrazzjoni ta’ COD inqabeż b’iktar minn 100 %. In-numru ta’ kampjuni mhux konformi jaqbeż ukoll il-limiti stabbiliti minn din id-direttiva.

36      Skont ir-Repubblika tas-Slovenja, iż-żewġ ilmenti tal-Kummissjoni huma infondati.

37      Fit-tweġibiet tagħha għall-intimazzjoni u għall-opinjoni motivata, ir-Repubblika tas-Slovenja segwiet l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li hemm ksur tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 91/271 jekk il-valuri li jirriżultaw mill-impjant ta’ trattament jaqbżu l-limiti stabbiliti minn din id-direttiva. Barra minn hekk, din hija r-raġuni għalfejn ir-Repubblika tas-Slovenja ammettiet il-ksur tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 91/271 matul il-proċedura prekontenzjuża. Madankollu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-obbligu skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 91/271 huwa ssodisfatt jekk l-Istat Membru kkonċernat jista’ jippreżenta kampjun li jissodisfa r-rekwiżiti tal-punt B tal-Anness I ta’ din id-direttiva. Issa, f’dak li jirrigwarda l-impjant ta’ trattament tal-ilma urban mormi ta’ Brod, li għandu teknoloġija sekondarja ta’ trattament tal-ilma, mir-riżultati tal-monitoraġġ li ġew suġġetti għalih l-ilma ttrattat minn dan l-impjant, ipprovduti mir-Repubblika tas-Slovenja fir-risposta tagħha għall-intimazzjoni u għall-opinjoni motivata, jirriżulta li l-kampjuni meħuda f’dan il-kuntest kienu diversi drabi konformi mar-rekwiżiti tal-punt B tal-Anness I tad-Direttiva 91/271. B’hekk, ir-Repubblika tas-Slovenja ppreżentat sitt kampjuni konformi f’dak li jirrigwarda l-2016 u tmien kampjuni f’dak li jirrigwarda l-2018.

38      Fir-rigward tal-impjant ta’ trattament tal-ilma urban mormi ta’ Brod, li huwa inkwistjoni fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, ir-Repubblika tas-Slovenja ssostni li l-modernizzazzjoni tiegħu ma hijiex opportuna jew ekonomikament iġġustifikata peress li din ser tingħalaq fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-proġett “Tneħħija u trattament ta’ ilma mormi fl-akwiferi tal-pjanura ta’ Ljubljana”, iffinanzjat mir-riżorsi tal-Fond ta’ Koeżjoni. Għalhekk, il-piż tal-impjant ta’ trattament ta’ Brod jiġi ddevjat lejn is-sistema ta’ ġbir pubbliku li hija konnessa mal-impjant ta’ trattament tal-ilma urban mormi ta’ Zalog.

39      Ir-Repubblika tas-Slovenja tenfasizza f’dan il-kuntest li l-parti tal-agglomerazzjoni ta’ Ljubljana li hija marbuta mal-impjant ta’ trattament ta’ ilma mormi ta’ Brod ma hijiex fl-oriġini ta’ skariki mhux ikkontrollati ta’ ilma mhux ittrattat fl-ambjent. Il-miżuri mwettqa fil-livell tal-impjant ta’ trattament ta’ Brod juru li l-parti l-kbira tal-ilma mormi hija ttrattata, filwaqt li erba’ kampjuni biss ma kinux konformi fl‑2018 u tnejn biss fl‑2016.

40      Għall-istess raġunijiet, l-obbligu tar-Repubblika tas-Slovenja li tiżgura li l-iskariki josservaw l-istandards ta’ kwalità msemmija fl-Artikolu 15 tad-Direttiva 91/271 u fil-punt D tal-Anness I tagħha ma jistax jintlaħaq għall-parti tal-agglomerazzjoni ta’ Ljubljana konnessa mal-impjant ta’ trattament ta’ ilma mormi ta’ Brod. Madankollu, sal-implimentazzjoni finali tal-proġett imsemmi fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, ir-Repubblika tas-Slovenja żgurat li l-ilma mormi ta’ parti mill-agglomerazzjoni ta’ Ljubljana jiġi ttrattat fl-impjant ta’ trattament ta’ ilma mormi ta’ Brod, li huwa kkontrollat regolarment mill-awtoritajiet ta’ spezzjoni, bi tnax-il miżura mwettqa kull sena f’dan ir-rigward. Huwa fil-kuntest ta’ dawn il-kontrolli regolari li nġabru r-riżultati konformi fir-rigward tal‑2016 sal-2018, imsemmija fil-punt 39 ta’ din is-sentenza.

 Ilkunsiderazzjonijiet talQorti tal-Ġustizzja

–       Osservazzjonijiet preliminari

41      Għandu jitfakkar li, għalkemm, fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi l-eżistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat billi tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-fatti kollha neċessarji sabiex din tivverifika l-eżistenza ta’ dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, mingħajr ma tkun tista’ tibbaża ruħha fuq kwalunkwe preżunzjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, fir-rigward tal-verifika tal-applikazzjoni korretta, fil-prattika, tad-dispożizzjonijiet nazzjonali intiżi li jiżguraw l-implementazzjoni effettiva ta’ direttiva, il-Kummissjoni, li ma għandhiex setgħat ta’ investigazzjoni tagħha proprji f’dan il-qasam, tiddependi, fil-biċċa l-kbira, fuq informazzjoni pprovduta minn lanjanti eventwali kif ukoll mill-Istat Membru kkonċernat (sentenza tat‑2 ta’ Diċembru 2010, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, C‑526/09, EU:C:2010:734, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      Minn dan isegwi b’mod partikolari, li meta l-Kummissjoni tkun ipproduċiet biżżejjed elementi li juru li d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu direttiva ma ġewx applikati korrettament fil-prattika fit-territorju tal-Istat Membru konvenut, huwa dan tal-aħħar li għandu jikkontesta b’mod sostanzjali u fid-dettall l-elementi hekk kif ippreżentati u l-konsegwenzi li jirriżultaw minnu (sentenza tat‑2 ta’ Diċembru 2010, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, C‑526/09, EU:C:2010:734, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      Għandu jingħad ukoll li jitfakkar li l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandu jiġi evalwat fid-dawl tas-sitwazzjoni tal-Istat Membru fit-tmiem tat-terminu ffissat fl-opinjoni motivata u t-tibdil li jsir sussegwentement ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2016, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, C‑398/14, EU:C:2016:61, punt 49, u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      F’dan il-każ, l-opinjoni motivata tat‑8 ta’ Marzu 2019 tagħti lir-Repubblika tas-Slovenja terminu ta’ xahrejn minn meta tirċievi dan l-avviż sabiex tikkonforma mal-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4 u 15 tad-Direttiva 91/271. It-terminu mogħti għal dan it-tqegħid f’konformità jiskadi b’hekk fit‑8 ta’ Mejju 2019.

–       Fuq lilment ibbażat fuq nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu talArtikolu 4 tadDirettiva 91/271

45      L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 91/271 jipprevedi li l-ilma mormi urban kollu li jidħol f’sistemi ta’ ġbir għandu, qabel ma jkun skarikat, ikun suġġett għal trattament sekondarju jew għal trattament ekwivalenti.

46      Skont l-Artikolu 4(3) ta’ din id-direttiva, dan it-trattament sekondarju jew dan it-trattament ekwivalenti għandu jiġi żgurat minn impjanti ta’ trattament li l-iskariki tagħhom jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fil-punt B tal-Anness I tad-Direttiva 91/271.

47      B’mod partikolari, mill-punt 4 tal-tal-Anness I ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-iskariki mill-impjanti ta’ trattament tal-ilma urban mormi għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fit-Tabella 1 tagħha.

48      Konformement mal-Anness XIII tal-Att li jirrigwarda l-kondizzjonijiet ta’ l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika ta’ l-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika ta’ l-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika tas-Slovakkja u l-aġġustamenti għat-trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (ĠU 2003, L 236, p. 33) dawn ir-rekwiżiti kienu jaqgħu fuq ir-Repubblika tas-Slovenja, fir-rigward tal-agglomerazzjonijiet li għandhom e.p. ta’ iktar minn 15 000, sa mill‑1 ta’ Jannar 2011.

49      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, meta jiġi stabbilit li l-istandards BOD/COD preskritti fil-punt B tal-Anness I tad-Direttiva 91/271 kif ukoll fit-Tabella 1 ta’ dan l-anness ma humiex osservati, għandu jitqies li l-ilma mormi tal-agglomerazzjoni kkonċernata ma huwiex suġġett għal trattament adegwat qabel ir-rimi, b’tali mod li lment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ konformità mal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 91/271, moqri flimkien mal-punt B tal-Anness I ta’ din id-direttiva u t-Tabella 1 ta’ dan l-anness, għandu jitqies li huwa fondat fir-rigward ta’ tali agglomerazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Sistema ta’ ġbir u trattament tal-ilma mormi), C‑427/17, EU:C:2019:269, punti 155 u 157).

50      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li r-rekwiżiti tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 91/271 ma humiex osservati fir-rigward tal-agglomerazzjonijiet li jbatu minn subkapaċità tal-impjanti ta’ trattament sekondarju jew ta’ trattament ekwivalenti tal-ilma urban mormi. Fil-fatt, peress li l-iskariki ta’ ilma li ma kienu suġġetti għal ebda trattament ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-punt B tal-Anness I tad-Direttiva 91/271, it-trattament tal-ilma urban mormi minn impjanti b’kapaċità baxxa ma jistax jitqies li huwa konformi mal-Artikolu 4(3) ta’ din id-direttiva. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Sistema ta’ ġbir u trattament ta’ ilma mormi), C‑427/17, EU:C:2019:269, punti 152 u 154).

51      Issa, fir-risposta tagħha għall-opinjoni motivata, ir-Repubblika tas-Slovenja ma kkontestatx id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li l-impjant ta’ trattament ta’ ilma mormi ta’ Brod ma kienx jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 91/271, peress li l-valuri ta’ konċentrazzjoni ta’ BOD5 mhux konformi ġew ikkonstatati diversi drabi. B’mod partikolari, hija ammettiet li r-riżultati tal-monitoraġġ, imsemmija fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, kienu juru li l-impjant ta’ trattament ta’ Brod “ma [kienx] jiggarantixxi effettivament it-tneħħija tan-nutrijenti (trattament terzjarju)”.

52      Bl-istess mod, fir-risposta tiegħu, bi tweġiba għall-affermazzjoni tal-Kummissjoni li tinsab fir-rikors tagħha li r-Repubblika tas-Slovenja ma kkontestatx in-nuqqas ta’ twettiq tar-rekwiżiti tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 91/271 minħabba nuqqas ta’ infrastrutturi, dan l-Istat Membru jammetti l-eżistenza ta’ “diffikultajiet marbuta mal-agglomerazzjoni ta’ Ljubljana”, filwaqt li żied li dan ser jiġi rrimedjat fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-proġett “Tneħħija u trattament ta’ ilma mormi fl-akwiferi tal-pjanura ta’ Ljubljana”.

53      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 4 tad-Direttiva 91/271 huwa stabbilit fir-rigward tal-agglomerazzjoni ta’ Ljubljana.

54      Din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-fatt, imressaq mir-Repubblika tas-Slovenja fir-risposta tagħha, li r-riżultati tal-monitoraġġ, li għalihom kien suġġett l-ilma ttrattat mill-impjant ta’ trattament ta’ Brod u li dan l-Istat Membru rrefera għalihom fir-risposta għall-intimazzjoni u għall-opinjoni motivata, “juru li l-kampjuni kienu diversi drabi adegwati u għalhekk kienu jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-punt B tal-Anness I tad-Direttiva [91/271]”.

55      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, ladarba Stat Membru jista’ jippreżenta kampjun li jissodisfa r-rekwiżiti previst fil-punt B tal-Anness I tad-Direttiva 91/271, l-obbligi taħt l-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva għandhom jiġu kkunsidrati bħala ssodisfatti (sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Il‑Kummissjoni vs L‑Isvezja (Stazzjonijiet ta’ purifikazzjoni), C‑22/20, EU:C:2021:669, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56      Madankollu, din il-ġurisprudenza tikkonċerna sitwazzjonijiet fejn l-eżistenza, fl-Istat Membru kkonċernat, ta’ kapaċitajiet suffiċjenti ta’ trattament tal-ilma urban mormi ma kinitx ikkontestata mill-Kummissjoni, b’tali mod li l-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-argument ta’ din l-istituzzjoni li, sabiex tintwera l-konformità tas-sitwazzjoni tiegħu mar-rekwiżiti tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 91/271, dan l-Istat Membru jkun għadu obbligat jipprovdi teħid ta’ kampjuni stabbilit fuq perijodu ta’ tnax-il xahar (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2016, IlKummissjoni vs Spanja, C‑38/15, EU:C:2016:156, punti 24 u 35 sa 39).

57      F’dan il-każ, kif ġie rrilevat fil-punt 52 ta’ din is-sentenza, ir-Repubblika tas-Slovenja tammetti l-insuffiċjenza tal-kapaċitajiet eżistenti ta’ trattament tal-ilma urban mormi fl-agglomerazzjoni ta’ Ljubljana.

58      Għandu jingħad ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li impjanti ma setgħux jitqiesu li huma konformi mal-kunċett ta’ “l-iktar għarfien tekniku avvanzat, mingħajr ma jinvolvi spejjeż eċċessivi”, fis-sens tal-punt A tal-Anness I tad-Direttiva 91/271, peress li, minn naħa, l-Istat Membru kkonċernat impenja ruħu fi programm kbir ta’ xogħlijiet ta’ aġġornament li jipprova li soluzzjonijiet teknoloġiċi, bl-għan li jegħlbu l-problema ta’ skariki eċċessivi ta’ ilma mormi, jeżistu, iżda ma humiex applikati u, min-naħa l-oħra, li dan l-Istat Membru ddeċieda li jiffinanzja tali xogħlijiet, b’tali mod li l-ispejjeż relatati magħhom ma jistgħux jitqiesu bħala eċċessivi (sentenza tat-28 ta’ Marzu 2019, Il‑Kummissjoni vs L-Irlanda (Sistema ta’ ġbir u trattament tal-ilma mormi), C‑427/17, EU:C:2019:269, punt 120 u l-ġurisprudenza ċċitata).

59      Minn dan jirriżulta li l-kunċett ta’ “l-iktar għarfien tekniku avvanzat, mingħajr ma jinvolvi spejjeż eċċessivi” lanqas ma jista’ jiġi invokat b’mod utli, f’dan il-każ, mir-Repubblika tas-Slovenja, peress li, minn naħa, dan l-Istat Membru impenja ruħu, fil-kuntest tal-proġett “Tneħħija u trattament tal-ilma mormi fl-akwiferi tal-pjanura ta’ Ljubljana”, li jimmodernizza l-infrastrutturi ta’ trattament tal-ilma urban mormi, iżda li dan ma kienx il-każ fid-data tal-iskadenza tat-terminu msemmi fl-opinjoni motivata u, min-naħa l-oħra, li dan l-Istat Membru ma pprovax juri n-natura eventwalment sproporzjonata tal-ispejjeż għat-tqegħid f’konformità tal-impjanti ta’ trattament tal-ilma urban mormi ta’ din l-agglomerazzjoni, sa fejn huwa jsostni li dan il-finanzjament ser jiġi żgurat “mir-riżorsi tiegħu stess u mir-riżorsi Ewropej” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Sistema ta’ ġbir u trattament ta’ ilma mormi), C‑427/17, EU:C:2019:269, punti 152 u 177).

60      Għaldaqstant, hemm lok li jitqies li, fid-data tal-iskadenza tat-terminu mogħti skont l-opinjoni motivata, trattament sekondarju jew trattament ekwivalenti tal-ilma urban mormi kollu li jidħol f’sistemi ta’ ġbir tal-agglomerazzjoni ta’ Ljubljana ma kienx żgurat u li għalhekk ir-rekwiżiti stabbiliti mill-Artikolu 4 tad-Direttiva 91/271, moqri flimkien mal-punt B tal-Anness I ta’ din id-direttiva, ma kinux osservati.

–       Fuq lilment ibbażat fuq ilksur talArtikolu 15 tadDirettiva 91/271

61      Skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 92/271, l-awtoritajiet jew l-entitajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat jissorveljaw l-iskariki minn impjanti ta’ trattament ta’ ilma mormi urban sabiex jivverifikaw il-konformità mal-kriterji tal-punt B tal-Anness I ta’ din id-direttiva skont il-proċeduri ta’ kontroll stabbiliti fil-punt d tal-Anness I tagħha.

62      B’mod partikolari, mill-paragrafu 4 tal-punt D tal-Anness I tad-Direttiva 91/271 jirriżulta li l-ilma mormi ittrattat għandu jitqies li jikkonforma mal-valuri stabbiliti għall-parametri differenti jekk, għal kull parametru kkunsidrat individwalment, il-kampjuni meħuda juru li dan ikun jikkonforma mal-valuri korrispondenti, skomt, b’mod partikolari, d-dispożizzjonijiet li ġejjin: minn naħa, għall-parametri li jinsabu fil-punt 7 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva u fit-Tabella 1 ta’ dan l-anness, in-numru ta’ kampjuni li jistgħu ma jikkorrispondux għall-valuri f’konċentrazzjoni u/jew għall-perċentwali ta’ tnaqqis indikati fih ma jaqbiżx il-massimu speċifikat fit-tabella 3 tal-imsemmi anness, jiġifieri tnejn għal numru totali ta’ tnax-il kampjun meħuda. Min-naħa l-oħra, għall-parametri li jinsabu fit-Tabella 1 espressi f’valuri ta’ konċentrazzjonijiet, in-numru massimu ta’ kampjuni li jkunu ttieħdu taħt kundizzjonijiet normali ta’ użu ma għandhomx jiddevjaw mill-valuri parametriċi b’iktar minn 100 %.

63      Issa, ir-Repubblika tas-Slovenja sempliċement tindika li tnejn biss mit-tnax-il kampjun meħuda mill-impjant ta’ trattament ta’ ilma mormi ta’ Brod matul l-2016 ma kinux konformi ma’ dawn ir-rekwiżiti u li, għall-2018, erbgħa biss ma kinux konformi, mingħajr ma tikkontesta d-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni, li jgħidu li dawn l-erba’ kampjuni kellhom barra minn hekk valuri ta’ konċentrazzjoni ta’ BOD5 u/jew ta’ COD ogħla mill-valuri limitu stabbiliti fit-Tabella 1 li tinsab fl-Anness I tad-Direttiva 91/271. Hija tammetti, barra minn hekk, li, sal-implimentazzjoni finali tal-proġett “Tneħħija u trattament ta’ ilma mormi fl-akwiferi tal-pjanura ta’ Ljubljana”, l-obbligu impost fuqha li tiżgura li l-iskariki josservaw l-istandards ta’ kwalità msemmija fl-Artikolu 15 u fil-punt D tal-Anness I ta’ din id-direttiva “ma jistax jitwettaq” għall-parti tal-agglomerazzjoni ta’ Ljubljana konnessa mal-impjant ta’ trattament ta’ Brod. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ dawn id-dispożizzjonijiet huwa stabbilit ukoll.

64      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li, billi ma ħaditx il-miżuri neċessarji sabiex tiżgura, fir-rigward tal-agglomerazzjoni ta’ Ljubljana:

–        li l-ilma mormi urban li jidħol f’sistemi ta’ ġbir għandu qabel ma jkun skarikat ikun suġġett għal trattament sekondarju jew trattament ekwivalenti, u

–        monitoraġġ xieraq tal-iskariki minn impjanti ta’ trattament ta’ ilma mormi urban,

ir-Repubblika tas-Slovenja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt, rispettivament, l-Artikolu 4(1) u (3) tad-Direttiva 91/271, moqri flimkien mal-punt B tal-Anness I ta’ din id-direttiva, u l-ewwel inċiż tal-Artikolu 15(1) tal-imsemmija direttiva, moqri flimkien mal-punt D tal-Anness I tagħha.

65      Il-kumplament tar-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq lispejjeż

66      Skont l-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

67      F’dam il-każ, il-Kummissjoni u r-Repubblika tas-Slovenja tilfu xi uħud mit-talbiet tagħhom, huma għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Billi ma ħaditx il-miżuri neċessarji sabiex tiżgura, fir-rigward tal-agglomerazzjoni ta’ Ljubljana:

–        li l-ilma mormi urban li jidħol f’sistemi ta’ ġbir għandu qabel ma jkun skarikat ikun suġġett għal trattament sekondarju jew trattament ekwivalenti u

–        monitoraġġ xieraq tal-iskariki minn impjanti ta’ trattament ta’ ilma mormi urban,

ir-Repubblika tas-Slovenja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt, rispettivament, l-Artikolu 4(1) u (3) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE tal21 ta’ Mejju 1991 dwar it-trattament tal-ilma urban mormi kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 1137/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat22 ta’ Ottubru 2008, moqri flimkien mal-punt B tal-Anness 1 ta’ din id-direttiva, kif emendata, u l-ewwel inċiż tal-Artikolu 15(1) tal-imsemmija direttiva, moqri flimkien mal-punt D tal-Anness I tagħha.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea u r-Renju tas-Slovenja għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: is-Sloven.