Language of document : ECLI:EU:T:2016:64

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

4 ta’ Frar 2016 (*)

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja figurattiva STICK MiniMINI Beretta — Trade mark Komunitarja verbali preċedenti MINI WINI — Raġuni relattiva għal rifjut — Nuqqas ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni — Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 — Artikolu 8(3) tar-Regolament (KE) Nru 216/96”

Fil-Kawża T‑247/14,

Meica Ammerländische Fleischwarenfabrik Fritz Meinen GmbH & Co. KG, stabbilita f’Edewecht (il-Ġermanja), irrappreżentata minn S. Labesius, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn A. Poch, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

Salumificio Fratelli Beretta SpA, stabbilita f’Barzanò (l-Italja), irrappreżentata minn G. Ghisletti, F. Braga u P. Pozzi, avukati,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI tal-14 ta’ Frar 2014 (Każ R 1159/2013-4), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Meica Ammerländische Fleischwarenfabrik Fritz Meinen GmbH & Co. KG u Salumificio Fratelli Beretta SpA,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),

komposta minn S. Frimodt Nielsen (Relatur), President, F. Dehousse u A. M. Collins, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ April 2014,

wara li rat ir-risposta tal-UASI ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-26 ta’ Awwissu 2014,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-12 ta’ Awwissu 2014,

wara li rat ir-replika tar-rikorrenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-5 ta’ Novembru 2014,

wara li rat il-kontroreplika tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-28 ta’ Jannar 2015,

wara li rat in-nuqqas ta’ talba għal seduta min-naħa tal-partijiet fi żmien xahar min-notifika tal-għeluq tal-proċedura bil-miktub u wara li ġie għaldaqstant deċiż, fid-dawl ta’ rapport tal-Imħallef Relatur u skont l-Artikolu 135a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991, li tingħata deċiżjoni mingħajr il-fażi orali tal-proċedura,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fit-22 ta’ Ġunju 2011, l-intervenjenti, Salumificio Fratelli Beretta SpA, ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1).

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni huwa s-sinjal figurattiv segwenti:

Image not found

3        Il-prodotti u servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassijiet 29 u 43 tal-Ftehim ta’ Nizza dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali tal-prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u jikkorrispondu, għad-deskrizzjoni segwenti:

–        Klassi 29: “Laħam, tjur domestiku u tjur selvaġġ”;

–        Klassi 43: “Servizzi ta’ provvista ta’ ikel u xorb”.

4        L-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja ġiet ippubblikata fil-Bullettin tat-trade marks Komunitarji Nru 2011/139, tas-26 ta’ Lulju 2011.

5        Fl-24 ta’ Ottubru 2011, ir-rikorrenti, Meica Ammerländische Fleischwarenfabrik Fritz Meinen GmbH & Co. KG, ippreżentat oppożizzjoni, skont l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 207/2009, għar-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għall-prodotti u servizzi msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq.

6        L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq it-trade mark Komunitarja verbali preċedenti MINI WINI, ippreżentata fil-31 ta’ Lulju 2003 u rreġistrata fit-2 ta’ Marzu 2005 bin-numru 3297835.

7        Il-prodotti koperti mit-trade mark preċedenti li fuqhom kienet ibbażata l-oppożizzjoni jaqgħu, inter alia, fil-klassi 29 u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti: “Laħam u salumerija, laħam u salumerija ppreżervati, ħut, tjur domestiku u selvaġġ, inklużi f’għamla lesti għall-konsum, ippreżervati, immarinati u ffriżati, estratti tal-laħam; ġèli (ġèli), ġèli tal-laħam (ġèli), ikliet lesti ppreżervati, magħmula prinċipalment mill-ħaxix u/jew mil-laħam u/jew mill-faqqiegħ u/jew minn salumerija u/jew minn legumi u/jew minn patata u/jew minn sauerkraut u/jew mill-frott; ħaxix jew faqqiegħ ippreżervat, sopop lesti għat-tisjir, sopop lesti għall-konsum, pejst tal-ħaxix; ikel ippreżervat, snacks, inklużi dawk adattati għall-majkrowejv, ikliet ippreparati lesti għat-tisjir jew għall-konsum, inklużi dawk adattati għall-majkrowejv, li jinkludu prinċipalment laħam u salumerija, ħut, tjur domestiku jew selvaġġ, faqqiegħ, ħaxix, legumi, patata u/jew sauerkraut; hot dogs; salumerija miksija bl-għaġina; insalati”.

8        Il-motiv invokat insostenn tal-oppożizzjoni kien dak imsemmi fl-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009.

9        Permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ April 2013, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni laqgħet parzjalment l-oppożizzjoni fir-rigward, inter alia, tal-prodotti “Laħam, tjur domestiku u tjur selvaġġ” li jaqgħu fil-klassi 29. Min-naħa, hija kkunsidrat li, fir-rigward tal-prodott “salumerija”, l-uniku prodott li għalih ir-rikorrenti kienet, fil-fehma tagħha, ipprovat l-użu ġenwin tat-trade mark tagħha, kien hemm probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tas-servizzi fil-klassi 43, hija ċaħdet l-oppożizzjoni peress li l-imsemmija servizzi u l-prodotti li għalih l-użu tat-trade mark kien ġie pprovata ma kinux simili.

10      Fil-21 ta’ Lulju 2013, l-intervenjenti ppreżentat appell quddiem l-UASI, skont l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009, mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.

11      B’deċiżjoni tal-14 ta’ Frar 2014 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), ir-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI laqa’ l-appell u annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni fl-intier tagħha.

12      Il-Bord tal-Appell, l-ewwel nett, iddikjara inammissibbli t-talbiet tar-rikorrenti, intiżi għall-bdil tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni dwar is-servizzi li jaqgħu fil-klassi 43, peress li kienu jestendu l-iskop tal-appell u ma kinux jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 207/2009. It-tieni nett, hija qieset li, fir-rigward tal-prodotti li jaqgħu fil-klassi 29, ma kienx hemm probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks inkwistjoni min-naħa tal-pubbliku rilevanti, fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, b’mod partikolari peress li x-xebh tagħhom kien limitat għall-element deskrittiv “mini”.

 It-talbiet tal-partijiet

13      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

14      L-UASI jitlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

15      L-intervenjenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż sostnuti minnha.

 Id-dritt

16      Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi, l-ewwel wieħed ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 216/96, tal-5 ta’ Frar 1996, li jistipula r-regoli tal-proċedura tal-Bordijiet tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Armonizzazzjoni tas-Suq Intern (Trade Marks u Disinji) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 221), kif emendat, u t-tieni bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 2016/96

17      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-intervenjenti ppreżentat appell quddiem il-Bord tal-Appell kontra d-Deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni. Fil-kuntest ta’ dan l-appell, ir-rikorrenti, bħala konvenuta, fir-risposta tagħha, invokat talbiet intiżi għall-bdil tad-deċiżjoni dwar is-servizzi fil-klassi 43. Il-Bord tal-Appell iddikjara dawn it-talbiet inammissibbli.

18      F’dan ir-rikors, ir-rikorrenti tallega li l-Bord tal-Appell kiser l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 216/96 meta ddikjara inammissibbli t-talbiet intiżi għall-bdil tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni. Fil-fatt, hija tfakkar li, skont din id-dispożizzjoni, “[f]il-proċeduri inter partes, il-parti tad-difiża tista’, fl-osservazzjonijiet bħala risposta tagħha, tħejji konklużjonijiet maħsuba għall-annullament jew għal tibdil tad-deċiżjoni kontestata fuq punt mhux imqajjem waqt l-appell” u li “[t]ali konklużjonijiet ma jkollhomx oġġett fil-każ li min iressaq l-appell jirtira”. Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li jidher li jissuġġerixxi l-Bord tal-Appell fil-punt 21 tad-deċiżjoni kkontestata, l-imsemmija dispożizzjoni ma tikkontradixxix ir-Regolament Nru 207/2009. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tqis li kieku t-talbiet tagħha, intiżi għall-bdil tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, ġew iddikjarati ammissibbli, kienu jaffettwaw il-mertu tal-kawża.

19      L-UASI jirrikonoxxi li jeżistu diverġenzi bejn il-Bordijiet tal-Appell dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 216/96. F’dan ir-rigward, huwa jiġbed l-attenzjoni tal-Qorti Ġenerali għas-sentenza tas-7 ta’ April 2011, Intesa Sanpaolo vs UASI – MIP Metro (COMIT) (T‑84/08, Ġabra, EU:T:2011:144). Madankollu, huwa jikkunsidra li ma huwiex neċessarju li din il-kwistjoni tiġi deċiża peress li, minn naħa, it-talbiet ippreżentati mir-rikorrenti dwar is-servizzi kkonċernati ma kellhomx jintlaqgħu fuq il-mertu u, min-naħa l-oħra, ma kienx hemm ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti.

20      L-intervenjenti ssostni li l-Bord tal-Appell interpreta korrettament ir-Regolament Nru 216/96 fid-dawl tar-Regolament Nru 207/2009 u ddikjara inammissibbli t‑talbiet ippreżentati mir-rikorrenti fil-kuntest tal-osservazzjonijiet tagħha bħala risposta.

21      L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat, kuntrarjament għal dak li sostna l-Bord tal-Appell fil-punt 26 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-kliem tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 216/96 ma jagħmel ebda riferiment għal “rekwiżiti” fis-sens ta’ rekwiżit ta’ prova tal-użu, ta’ sospensjoni jew ta’ seduta.

22      Skont il-ġurisprudenza, mill-kliem tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 216/96 jirriżulta li, fil-kuntest tal-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell, il-konvenuta tista’, fl-osservazzjonijiet tagħha, teżerċita d-dritt tagħha li tikkontesta d-deċiżjoni appellata. Għaldaqstant, is-sempliċi kwalità tagħha ta’ konvenuta tippermettilha tikkontesta, b’mod partikolari, il-validità ta’ deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni. Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni ma tillimitax dan id-dritt għall-aggravji diġà mqajma fl-appell. Fil-fatt, hija tipprovdi li t-talbiet jistgħu jikkonċernaw punt li ma tqajjimx fl-appell. Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni ma tagħmel ebda riferiment għall-fatt li l-konvenuta setgħet tippreżenta hija stess appell mid-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk, din id-deċiżjoni tista’ tiġi kkontestata permezz ta’ appell awtonomu, kif previst fl-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 207/2009, jew permezz ta’ osservazzjonijiet skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 216/96 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza COMIT, punt 19 iktar ’il fuq, EU:T:2011:144, punt 23).

23      It-tieni nett, kuntrarjament għal dak li l-Bord tal-Appell ikkunsidra b’mod żbaljat, il-fatt li t-talbiet invokati mir-rikorrenti fil-kuntest tal-osservazzjonijiet tagħha bħala risposta jitqiesu ammissibbli, ma jfissirx li l-konvenut jista’ jippreżenta rikors quddiem il-Bord tal-Appell minħabba ksur tat-terminu u ħlas tat-taxxa tal-appell previsti fl-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 207/2009.

24      Fil-fatt, mill-kliem tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 216/96 jirriżulta b’mod ċar li l-possibbiltà li jsiru talbiet intiżi għall-annullament jew għall-bdil tad-deċiżjoni kkontestata fuq punt li ma tqajjimx fl-appell huwa limitat għall-proċedimenti inter partes. Dawn it-talbiet għandhom isiru bħala risposta ppreżentati fil-kuntest tal-imsemmija proċeduri. Din hija r-raġuni, kif issostni ġustament ir-rikorrenti, li għaliha din id-dispożizzjoni tipprevedi li tali talbiet isiru mingħajr skop fil-każ li r-rikorrenti ma tissoktax bil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell. Għaldaqstant, sabiex jikkontesta deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, l-appell awtonomu, kif previst fl-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 207/2009, huwa l-uniku appell li jippermetti li l-aggravji tar-rikorrent jiġu invokati. Minn dan isegwi li t-talbiet intiżi għall-annullament jew għall-bdil tad-deċiżjoni kkontestata dwar punt li ma tqajjimx fl-appell fis-sens tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 216/96 huma differenti mill-appell previst fl-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 207/2009. Għalhekk, kif issostni ġustament ir-rikorrenti, il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 207/2009 ma japplikawx għall-imsemmija talbiet.

25      Fil-każ inkwistjoni, għandu jiġi rrilevat li, konformement mal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 216/96, ir-rikorrenti, bħala konvenuta quddiem il-Bord tal-Appell, ippreżentat, fil-kuntest tal-osservazzjonijiet bħala risposta tagħha, u dan, fit-terminu stabbilit, talbiet intiżi għall-bdil tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni dwar servizzi fil-klassi 43. Barra minn hekk, kif ġie indikat fil-punti 23 u 24 iktar ’il fuq, hija ma kinitx marbuta, f’dan il-kuntest, tosserva r-rekwiżiti tat-terminu u tal-ħlas tat-taxxa tal-appell previsti fl-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 207/2009. Konsegwentement, huwa b’mod żbaljat li l-Bord tal-Appell ċaħad l-imsemmija talbiet bħala inammissibbli.

26      Barra minn hekk, fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrenti u tal-UASI dwar il-fondatezza tal-argumentazzjoni tar-rikorrenti marbuta mas-servizzi fil-klassi 43, għandu jitfakkar li l-istħarriġ li l-Qorti Ġenerali teżerċita konformement mal-Artikolu 65 tar-Regolament Nru 207/2009 huwa stħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell tal-UASI. Fil-kuntest ta’ dan l-istħarriġ, il-Qorti Ġenerali tista’ tannulla jew tibdel id-deċiżjoni li tkun is-suġġett tar-rikors biss jekk, fil-mument meta ttieħdet, din id-deċiżjoni kienet ivvizzjata b’wieħed mill-motivi ta’ annullament jew ta’ tibdil stabbiliti fl-Artikolu 65(2) ta’ dan ir-regolament (sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2008, Les Éditions Albert René vs UASI, C‑16/06 P, Ġabra, EU:C:2008:739, punt 123). Madankollu, dan il-poter tal-Qorti Ġenerali li tibdel deċiżjonijiet ma għandux l-effett li jikkonferixxilha l-poter li twettaq evalwazzjoni li abbażi tagħha l-imsemmi Bord ikun għadu ma adottax pożizzjoni (ara, f’dan is-sens, sentenza tal-5 ta’ Lulju 2011 Edwin vs UASI, C‑263/09 P, Ġabra, EU:C:2011:452, punti 71 u 72).

27      Għaldaqstant, f’dan il-każ, ma hijiex il-Qorti Ġenerali li għandha tevalwa l-fondatezza ta’ argumentazzjoni li ma ġietx evalwata mill-Bord tal-Appell.

28      Bħala konklużjoni, l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 216/96 għandu jintlaqa’, u konsegwentement, għandha tiġi annullata parzjalment id-deċiżjoni kkontestata, sa fejn tiċħad it-talbiet tar-rikorrenti dwar is-servizzi fil-klassi 43.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009

29      Preliminarjament, għandu jitfakkar li t-tieni motiv tar-rikorrenti jirrigwarda ċ-ċaħda tal-oppożizzjoni fir-rigward ta’ prodotti fil-klassi 29.

30      Ir-rikorrenti essenzjalment issostni li l-Bord tal-Appell ikkonkluda, żbaljatament, l-ewwel nett, li l-karattru distintiv tat-trade mark Komunitarja preċedenti ma kinitx aħjar mill-medja, u sussegwentement, li l-livell ta’ attenzjoni tal-pubbliku rilevanti kien medju u, fl-aħħar nett, li ma kienx hemm probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti.

31      L-UASI u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

32      Skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, dwar l-oppożizzjoni tal-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark għandha tiġi rrifjutata meta, minħabba l-identiċità jew ix-xebh tagħha ma’ trade mark preċedenti u minħabba l-identiċità jew ix-xebh tal-prodotti jew tas-servizzi koperti miż-żewġ trade marks, teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku fit-territorju li fih it-trade mark preċedenti hija protetta. Il-probabbiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probabbiltà li ssir assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti.

33      Skont ġurisprudenza stabbilita, probabbiltà ta’ konfużjoni tikkostitwixxi l-probabbiltà li l-pubbliku jista’ jaħseb li l-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni joriġinaw mill-istess impriża jew minn impriżi marbuta ekonomikament. Skont din il-ġurisprudenza, il-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha tiġi evalwata globalment, skont il-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu tas-sinjali u tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni, u billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi kollha rilevanti għall-każ inkwistjoni, b’mod partikolari l-interdipendenza tax-xebh tas-sinjali u ta’ dak tal-prodotti jew tas-servizzi koperti [ara sentenza tad-9 ta’ Lulju 2003, Laboratorios RTB vs UASI – Giorgio Beverly Hills (GIORGIO BEVERLY HILLS), T‑162/01, Ġabra, EU:T:2003:199, punti 30 sa 33 u l-ġurisprudenza ċċitata].

34      Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, probabbiltà ta’ konfużjoni tippreżupponi kemm identiċità jew xebh tat-trade marks kunfliġġenti kif ukoll identiċità jew xebh tal-prodotti jew tas-servizzi koperti minnhom. Dawn il-kundizzjonijiet huma kumulattivi [ara sentenza tat-22 ta’ Jannar 2009, Commercy vs UASI – easyGroup IP Licensing (easyHotel), T‑316/07, Ġabra, EU:T:2009:14, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata].

35      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandha tiġi eżaminata l-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn is-sinjali kunfliġġenti mill-Bord tal-Appell.

 Fuq il-pubbliku rilevanti

36      Qabelxejn, ir-rikorrenti tikkunsidra li peress li l-prodotti inkwistjoni ma humiex għalja, il-livell ta’ attenzjoni mill-pubbliku waqt ix-xiri tagħhom ser ikun baxx. Hija tqis, sussegwentement, li l-Bord tal-Appell, fl-evalwazzjoni tiegħu, ma kkunsidrax il-pubbliku Taljan kif ukoll il-fatt li l-konsumatur rari kellu l-possibbiltà jwettaq paragun dirett tat-trade marks differenti.

37      Skont il-ġurisprudenza, fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-konsumatur medju tal-kategorija ta’ prodotti kkonċernati, ġeneralment informat u raġonevolment attent u avżat. Barra minn hekk, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li l-livell ta’ attenzjoni tal-konsumatur medju jista’ jvarja skont il-kategorija ta’ prodotti jew ta’ servizzi inkwistjoni [ara sentenza tat-13 ta’ Frar 2007, Mundipharma vs UASI – Altana Pharma (RESPICUR), T-256/04, Ġabra, EU:T:T2007:46, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata].

38      Meta l-protezzjoni tat-trade mark preċedenti hija estiża għall-Unjoni Ewropea kollha, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-perċezzjoni tat-trade marks kunfliġġenti mill-konsumatur tas-servizzi inkwistjoni fit-territorju. Madankollu, għandu jitfakkar li, sabiex l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja tiġi miċħuda, huwa biżżejjed li raġuni relattiva għal rifjut fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 teżisti f’parti tal-Unjoni [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2006, Mast-Jägermeister vs UASI – Licorera Zacapaneca (VENADO b’bordura et), T‑81/03, T‑82/03 u T‑103/03, Ġabra, EU:T:2006:397, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata].

39      Fil-każ inkwistjoni, kif sostna ġustament l-UASI, huwa korrett dak li rrileva l-Bord tal-Appell li peress li l-prodotti kkonċernati kienu prodotti ta’ konsum regolari, il-pubbliku rilevanti kien il-konsumatur medju tal-Unjoni, li kellu jkun normalment informat u raġonevolment attent u avżat [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2007, Cabrera Sánchez vs UASI – Industrias Cárnicas Valle (el charcutero artesano), T‑242/06, EU:T:2007:391, punt 38].

40      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi invalidata bl-argumenti tar-rikorrenti. Fil-fatt, il-Bord tal-Appell ma naqasx milli jieħu inkunsiderazzjoni l-pubbliku Taljan. Huwa rrefera espliċitament għal dan il-pubbliku fil-punt 39 tad-deċiżjoni kkontestata, fejn kien indikat li t-terminu “mini” kien mifhum fl-intier tal-Unjoni, inkluż fl-Italja, bħala li jfisser “żgħir”. Bl-istess mod, fil-punt 45 tal-imsemmija deċiżjoni, wara li fakkar il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 1999, Lloyd Schuhfabrik Meyer, C‑342/97, Ġabra, EU:C:1999:323, huwa rrileva li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-konsumatur rarament kellu l-possibbiltà li jwettaq paragun dirett tat-trade marks differenti, iżda kellu jafda fl-immaġni imperfetta tagħhom li kellu fil-memorja.

41      Konsegwentement, l-argumenti tar-rikorrenti marbuta mal-pubbliku rilevanti għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq il-paragun tal-prodotti

42      Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex jiġi evalwat ix-xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha li jikkaratterizzaw ir-relazzjoni bejniethom. Dawn il-fatturi jinkludu, b’mod partikolari, in-natura tagħhom, l-użu intenzjonat tagħhom, l-użu tagħhom kif ukoll in-natura tagħhom bħala prodotti li jikkompetu jew li jikkomplementaw lil xulxin. Fatturi oħra jistgħu wkoll jittieħdu inkunsiderazzjoni, bħall-kanali ta’ distribuzzjoni ta’ prodotti kkonċernati [ara sentenza tal-11 ta’ Lulju 2007, El Corte Inglés vs UASI – Bolaños Sabri (PiraÑAM diseño original Juan Bolaños), T‑443/05, Ġabra, EU:T:2007:219, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata].

43      Fil-każ inkwistjoni, il-prodotti kollha koperti mit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni huma koperti mit-trade mark preċedenti. Konsegwentement, għandu jiġi konkluż li l-prodotti kkonċernati huma identiċi għal dawk tat-trade mark preċedenti, aspett li barra minn hekk ma huwiex ikkontestat.

 Fuq ix-xebh tas-sinjali

44      Ir-rikorrenti ssostni li l-elementi dominanti tas-sinjali inkwistjoni huma, minn naħa, għat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni, l-element “minimini”, u min-naħa l-oħra, għat-trade mark preċedenti, l-espressjoni “mini wini”. Hija tqis li l-imsemmija sinjali huma simili ħafna peress li jinkludu t-tnejn li huma t-terminu “mini” u għandhom pronunzja li tixxiebah, sa fejn dik tat-terminu hija segwita minn dik tal-grupp ta’ ittri “ini” f’kull wieħed mill-imsemmija sinjali. Skont ir-rikorrenti, dawn iż-żewġ termini joħolqu rima għal kull waħda mit-trade marks, u konsegwentement, huma iktar faċli li jiġu mmemorizzati u rrikonoxxuti mill-pubbliku rilevanti. Sussegwentement, hija tallega li l-Bord tal-Appell ma ħax inkunsiderazzjoni l-fatt li l-element “minimini” kien l-element ċentrali tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni minħabba d-daqs tagħha u l-pożizzjoni prominenti tagħha. Fl-aħħar nett, hija tqis li, viżwalment, l-ittra “w” tat-trade mark preċedenti tista’ tiġi pperċepita bħala l-ittra “m” inversa.

45      L-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha, fir-rigward tax-xebh viżiv, fonetiku jew kunċettwali tas-sinjali kunfliġġenti, tkun ibbażata fuq l-impressjoni ġenerali li huma jħallu, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-elementi distintivi u dominanti tagħhom. Il-perċezzjoni tat-trade marks li jkollu l-konsumatur medju tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni għandha rwol determinanti fl-evalwazzjoni globali tal-imsemmija probabbiltà. F’dan ir-rigward, il-konsumatur medju normalment jipperċepixxi trade mark fl-intier tagħha u ma joqgħodx jeżamina d-diversi dettalji tagħha (ara s-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2007, UASI vs Shaker, C‑334/05 P, Ġabra, EU:C:2007:333, punt 35, u l-ġurisprudenza ċċitata).

46      L-evalwazzjoni tax-xebh bejn żewġ trade marks ma tistax tiġi llimitata għat-teħid inkunsiderazzjoni biss tal-komponent ta’ trade mark kumplessa u tal-paragun tagħha ma’ trade mark oħra. Għall-kuntrarju, il-paragun għandu jsir billi jiġu eżaminati kull waħda mit-trade marks inkwistjoni fl-intier tagħha, li ma jimplikax li l-impressjoni ġenerali li tħalli trade mark kumplessa fil-memorja tal-pubbliku rilevanti tista’, f’ċerti ċirkustanzi, tkun iddominata minn wieħed jew iktar mill-komponenti tagħha (ara s-sentenza UASI vs Shaker, punt 45 iktar ’il fuq, EU:C:2007:333, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata). Huwa biss jekk il-komponenti l-oħra kollha tat-trade mark ikunu negliġibbli li l-evalwazzjoni tax-xebh tkun tista’ ssir fuq il-bażi tal-element dominanti biss (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja UASI vs Shaker, punt 45 iktar ’il fuq, EU:C:2007:333, punt 42, u tal-20 ta’ Settembru 2007, Nestlé vs UASI, C‑193/06 P, EU:C:2007:539, punt 42). Dan jista’ jkun il-każ, b’mod partikolari, meta dan il-komponent ikun jista’ jiddomina, waħdu, l-immaġni ta’ dik it-trade mark f’moħħ il-pubbliku rilevanti, b’tali mod li l‑komponenti l-oħra kollha tat-trade mark ikunu irrilevanti fl-impressjoni ġenerali li hija tħalli (sentenza Nestlé vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43).

47      Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, għandu jiġi osservat, b’mod ġenerali, li l-pubbliku ma huwiex ser jikkunsidra element deskrittiv bħala parti minn trade mark kumplessa bħala element distintiv u dominanti tal-impressjoni ġenerali li hija tħalli [sentenza tat-3 ta’ Lulju 2003, Alejandro vs UASI – Anheuser Busch (BUDMEN), T‑129/01, Ġabra, EU:T:2003:184, punt 53; tas-6 ta’ Ottubru 2004, New Look vs UASI – Naulover (NLSPORT, NLJEANS, NLACTIVE u NLCollection), T‑117/03 sa T‑119/03 u T‑171/03, Ġabra, EU:T:2004:293, punt 34; u tas-7 ta’ Lulju 2005, Miles International vs UASI – Biker Miles (Biker Miles), T‑385/03, Ġabra, EU:T:2005:276, punt 44].

 Fuq il-paragun viżwali

48      Qabelxejn, għandu jitfakkar li, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-karattru distintiv ta’ element li jikkostitwixxi trade mark, hemm lok li tiġi eżaminata l-kapaċità ta’ dan l-element li jikkontribwixxi għall-identifikazzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom it-trade mark hija rreġistrata bħala li toriġina minn impriża partikolari, u għalhekk li ssir distinzjoni bejn dawn il-prodotti jew is-servizzi minn dawk ta’ impriżi oħra. Matul din l-evalwazzjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, inter alia, il-kwalitajiet intrinsiċi tal-element inkwistjoni fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk dan huwiex nieqes minn kull karattru deskrittiv tal-prodotti li għalihom it-trade mark ġiet irreġistrata [ara sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2006, Inex vs UASI – Wiseman (Rappreżentazzjoni ta’ ġilda ta’ baqra), T‑153/03, Ġabra, EU:T:2006:157, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata].

49      Fil-każ inkwistjoni, għandu jiġi rrilevat li s-sinjali inkwistjoni kollha jinkludu ż-żewġ termini “mini”, li jevoka karatteristika tal-prodotti kkonċernati. Fil-fatt, kif analizza korrettament il-Bord tal-Appell fil-punt 39 tad-deċiżjoni kkontestata, l-imsemmi terminu jirreferi għad-daqs żgħir tal-prodotti, aspett li ma huwiex ikkontestat mir-rikorrenti. Għalhekk, dan it-terminu jinkludi reżonanza deskrittiva u, konsegwentement, huwa inqas adatt sabiex jikkontribwixxi għall-identifikazzjoni ta’ prodotti li għalihom it-trade mark ġiet irreġistrata bħala li toriġina minn impriża partikolari.

50      Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, ir-repetizzjoni tat-terminu “mini” fl-element “minimini” tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni ma għandhiex l-effett li trendi l-imsemmi element iktar distintiv. Fil-fatt, anki li kieku jkun neċessarju li dan l-element jiġi analizzat fl-intier tiegħu, kif issostni r-rikorrenti, il-pubbliku rilevanti jipperċepixxi dan l-element bħala sempliċi repetizzjoni tat-terminu “mini”. Għaldaqstant, il-pubbliku ser jarah biss bħala indikazzjoni tad-daqs żgħir ħafna tal-prodotti kkonċernati. Dan il-pubbliku ma huwiex ser jipperċepixxi l-element inkwistjoni bħala element distintiv.

51      Barra minn hekk, bħala regola ġenerali, il-pubbliku ma jikkunsidrax element deskrittiv li jagħmel parti minn trade mark kumplessa bħala distintiv u dominanti fl-impressjoni ġenerali li hija tħalli. Madankollu, il-karattru distintiv dgħajjef ta’ element ta’ trade mark kumplessa ma jimplikax neċessarjament li dan ma jistax jikkostitwixxi element dominanti, peress li, minħabba, b’mod partikolari, il-pożizzjoni tiegħu fis-sinjal jew id-daqs tiegħu, jista’ jħalli impressjoni fuq il-konsumaturi u jibqa’ fil-memorja tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Rappreżentazzjoni ta’ ġilda ta’ baqra, punt 48 iktar ’il fuq, EU:T:2006:157, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52      Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk l-element “minimini” tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni jistax ikun l-element dominanti tal-imsemmija trade mark minħabba d-daqs jew il-pożizzjoni tiegħu.

53      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li trade mark kumplessa tista’ biss titqies li tixbah trade mark oħra, li hija identika fir-rigward ta’ wieħed mill-komponenti tat-trade mark kumplessa jew simili, meta dan il-komponent ikun jikkostitwixxi l-element dominanti fl-impressjoni sħiħa li tħalli t-trade mark kumplessa. Dan huwa l-każ meta dan il-komponent jista’ jiddomina, waħdu, l-immaġni ta’ dik it-trade mark li l-pubbliku rilevanti jżomm f’moħħu, b’tali mod li l-komponenti l-oħra kollha tat-trade mark ikunu irrilevanti fl-impressjoni ġenerali li tħalli [sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2002, Matratzen Concord vs UASI – Hukla Germany (MATRATZEN), T‑6/01, Ġabra, EU:T:2002:261, punt 33]. Madankollu, huwa biss jekk il-komponenti l-oħra kollha tat-trade mark ikunu negliġibbli li l-evalwazzjoni tax-xebh tkun tista’ ssir fuq il-bażi tal-element dominanti biss.

54      Fil-każ preżenti, għandu jiġi kkonstatat li, fir-rigward tal-kliem “stick”, “fratelli”, “beretta”, “1812” u “gli originali” li jiċċirkondawh, l-element “minimini” ma jikkostitwixxix l-element dominanti tat-trade mark mitluba fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 53 iktar ’il fuq.

55      Huwa minnu li, kif osserva l-Bord tal-Appell, il-kliem “fratelli”, “1812” u “gli originali” tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni jattiraw inqas attenzjoni mill-pubbliku rilevanti minħabba d-daqs żgħir tagħhom, u l-element “stick” tal-imsemmija trade mark isir parti mill-impressjoni ġenerali tal-pubbliku anglofonu, li jifhmuh bħala deskrittiv tal-għamla tal-prodotti kkonċernati.

56      Madankollu, l-attenzjoni tal-pubbliku tibqa’ fir-rigward tal-element “beretta” tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni li, kuntrarjament għat-terminu “mini”, ma għandhiex sinjifikat fil-lingwi rilevanti. Għandu jiġi ppreċiżat li, bħal ma għamel il-Bord tal-Appell fil-punt 41 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-fatt li l-konsumatur medju Taljan jista’ jirrikonoxxi dan l-element bħala kunjom ma huwiex rilevanti peress li ma għandux ekwivalenti fis-sinjal preċedenti u ma jixbhux. Għandu jiġi osservat li l-imsemmi element huwa miktub bl-abjad ġewwa forma ovali skura, aspett li jagħmlu iktar prominenti viżwalment.

57      Għaldaqstant, l-elementi kollha li jikkostitwixxu t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni, u b’mod partikolari l-element “beretta”, jikkontribwixxu sabiex tiġi ddeterminata l-immaġni tal-imsemmija trade mark li l-pubbliku rilevanti għandu fil-memorja u konsegwentement ma humiex negliġibbli. Għalhekk, hemm lok li jitqies li x-xebh viżwali bejn is-sinjali inkwistjoni għandu jsir abbażi tal-elementi kollha tagħhom u mhux biss abbażi tal-elementi “minimini”, għall-imsemmija trade mark, u “mini wini” għat-trade mark preċedenti.

58      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, hemm lok li tiġi kkonfermata d-deċiżjoni kkontestata sa fejn tikkonkludi, fil-punt 41 tagħha, li s-sinjali inkwistjoni għandhom biss grad baxx ta’ xebh viżwali.

59      Barra minn hekk, anki jekk jitqies li l-ittra “w” tat-trade mark preċedenti tista’ titqies li hija ittra “m” inversa, dan l-argument tar-rikorrenti ma huwiex rilevanti għall-allegat karattru dominanti tal-element “minimini” tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni u ma jżidx il-grad ta’ xebh bejn is-sinjali inkwistjoni.

 Fuq il-paragun fonetiku

60      Fir-rigward tal-paragun fonetiku, hemm lok li tiġi approvata l-konstatazzjoni tal-Bord tal-Appell li hemm xebh dgħajjef bejn is-sinjali inkwistjoni.

61      Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat, kif ikkunsidra l-Bord tal-Appell fil-punt 42 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-pubbliku rilevanti jidderieġi l-attenzjoni tiegħu lejn l-element “beretta” tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni, li huwa iktar distintiv, u, sa ċertu punt, lejn l-element “stick” tal-imsemmija trade mark għall-parti tal-pubbliku li ma tifhimx is-sinjifikat tagħha. Ebda wieħed minn dawn l-elementi ma huwa ekwivalenti għat-trade mark preċedenti. Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, is-sinjali inkwistjoni ma humiex ippronunzjati bl-istess mod.

62      Isegwi li l-Bord tal-Appell ikkunsidra ġustament li x-xebh fonetiku bejn is-sinjali inkwistjoni kien dgħajjef.

 Fuq il-paragun kunċettwali

63      Fir-rigward tal-paragun kunċettwali, huwa ġust li l-Bord tal-Appell ikkunsidra li s-sinjali inkwistjoni għandhom biss grad baxx ta’ xebh peress li huma jaqsmu biss it-terminu “mini”, li sempliċement jiddeskrivi karatteristika tal-prodotti kkonċernati.

64      Konsegwentement, għandu jiġi konkluż li huwa b’mod ġust li l-Bord tal-Appell ikkunsidra li s-sinjali inkwistjoni kellhom grad baxx ta’ xebh kunċettwali.

 Fuq il-probabbiltà ta’ konfużjoni

65      Ir-rikorrenti tallega li l-Bord tal-Appell ma kkonkludiex mill-provi li hija pproduċiet il-karattru distintiv amplifikat li nkiseb mit-trade mark preċedenti. Hija tallega wkoll li ma ngħatatx attenzjoni suffiċjenti lill-konsumatur Taljan fl-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell. Hija tqis, barra minn hekk, li l-pubbliku rilevanti għandu tendenza li jqassar it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni meta jimmemorizzaha jew meta jsemmi l-prodotti kkonċernati. Barra minn hekk, hija ssostni li l-kliem “stick”, “gli originali” u “fratelli beretta 1812” tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni ma humiex ser jiġu pperċeputi bħala elementi daqstant importanti daqs l-element “minimini” tal-imsemmija trade mark. Fil-fatt, fil-fehma tagħha, dan l-aħħar element, minbarra l-fatt li ma għandu ebda sinjifikat, huwa l-element l-iżjed leġġibbli ta’ din it-trade mark. Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell kellu jikkunsidra l-element inkwistjoni bħala l-element l-iktar dominanti fl-impressjoni ġenerali li tħalli t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni jew kellu, minn tal-inqas, jirrikonoxxi l-pożizzjoni distintiva awtonoma tiegħu. Konsegwentement, il-Bord tal-Appell wettaq żball meta eskluda l-probabbiltà ta’ konfużjoni.

66      L-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni timplika ċerta interdipendenza tal-fatturi meħuda inkunsiderazzjoni, u, b’mod partikolari, tax-xebh tat-trade marks u ta’ dak tal-prodotti jew tas-servizzi koperti. Għalhekk, grad dgħajjef ta’ xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi koperti jista’ jiġi kkumpensat minn grad għoli ta’ xebh bejn it-trade marks, u inversament (sentenzi tad-29 ta’ Settembru 1998, Canon, C-39/97, Ġabra, EU:C:1998:442, punt 17, u VENADO b’bordura et, punt 38 iktar 'il fuq, EU:T:2006:397, punt 74).

67      Fir-rigward tal-provi prodotti mir-rikorrenti, għandu jitfakkar li l-eżistenza ta’ karattru distintiv li huwa eċċezzjonalment għoli, minħabba l-konoxxenza li għandu l-pubbliku ta’ trade mark fis-suq, tippreżupponi neċessarjament li din it-trade mark tkun magħrufa minn tal-inqas minn parti sostanzjali tal-pubbliku kkonċernat [ara sentenza tat-12 ta’ Lulju 2006, Vitakraft-Werke Wührmann vs UASI – Johnson’s Veterinary Products (VITACOAT), T‑277/04, Ġabra, EU:T:2006:202, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata]. Fil-każ ineżami, ġie stabbilit li l-pubbliku rilevanti huwa l-konsumatur tal-Unjoni.

68      Sabiex jiġi eżaminat jekk trade mark għandhiex karattru distintiv għoli minħabba l-konoxxenza li l-pubbliku għandu tagħha, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha inkwistjoni, jiġifieri, b’mod partikolari, is-sehem mis-suq miżmum mill-kumpannija inkwistjoni, l-intensità, il-portata ġeografika u t-tul ta’ żmien tal-użu tagħha, l-importanza tal-investimenti mwettqa mill-impriża sabiex tippromwoviha, il-proporzjon tal-pubbliku interessat li jidentifika l-prodotti jew is-servizzi bħala li joriġinaw minn impriża partikolari minħabba t-trade mark kif ukoll id-dikjarazzjonijiet tal-kmamar tal-kummerċ u tal-industrija jew ta’ assoċjazzjonijiet professjonali oħra (ara sentenza VITACOAT, punt 67 iktar ’il fuq, EU:T:2006:202, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

69      Fil-każ inkwistjoni, ir-rikorrenti ppreżentat quddiem il-Bord tal-Appell l-istess provi bħal dawk ippreżentati quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni. Dawn il-provi huma s-segwenti:

–        dikjarazzjoni tad-direttur ġenerali tar-rikorrenti, li tindika l-volumi tal-bejgħ u d-dħul mill-bejgħ tas-snin 2006 sa 2009;

–        kopji tat-tikketti tal-prodotti;

–        ittra mill-aġenzija tax-xandir tar-rikorrenti, dwar l-ammonti minfuqa għar-reklamar televiżiv bejn l-2005 u l-2009 (EUR 358 700 sa EUR 476 300, 668 sa 934 spots kull sena);

–        fuljetti promozzjonali ta’ prodotti tas-salumerija;

–        CD li jinkludi eżempji ta’ reklamar televiżiv;

–        fatturi u ordnijiet għal prodotti identifikati bħala prodotti tas-salumerija kkummerċjalizzati bit-trade mark MINI WINI;

–        kopji ta’ skrin ta’ siti tal-internet ta’ bejjiegħa bl-imnut tal-ikel online li joffru prodotti tas-salumerija kkummerċjalizzati bit-trade mark MINI WINI;

–        estratt mir-reġistru tad-Deutsche Patent-und Markenamt (Uffiċċju tal-privattivi u tat-trade marks Ġermaniż) dwar it-trade mark verbali MINI WINI;

–        kopji ta’ skrin ta’ sit internet b’reklamar għal prodotti ta’ salumerija kkummerċjalizzati bit-trade mark MINI WINI;

–        kopja ta’ ritratt tal-prodotti tar-rikorrenti f’vażett u dikjarazzjoni mir-rikorrenti dwar diversi aspetti tal-prodotti tagħha, bħall-ingredjenti tagħhom.

70      Qabelxejn hemm lok li jiġi rrilevat li l-provi dwar il-volumi tal-bejgħ u l-materjal ta’ reklamar tat-trade mark preċedenti ma jistgħux jitqiesu bħala provi diretti tal-eżistenza ta’ karattru distintiv għoli minħabba l-possibbiltà tal-konoxxenza tat-trade mark mill-pubbliku. Fil-fatt, il-volumi ta’ bejgħ u l-materjal ta’ reklamar, fihom infushom, ma jistabbilixxux li l-pubbliku kopert mill-prodotti kkonċernati jara s-sinjal bħala indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali [ara, b’analoġija, is-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2007, Glaverbel vs UASI (Nisġa ta’ wiċċ tal-ħġieġ), T‑141/06, EU:T:2007:273, punt 41].

71      Fir-rigward, sussegwentement, tal-produzzjoni u tad-diffużjoni ta’ spots televiżivi, ir-rikorrenti pproduċiet, b’mod partikolari, ittra ta’ aġenzija tax-xandir li tindika, f’forma ta’ tabella, in-numru ta’ diffużjonijiet ta’ spots televiżivi li jippromwovu prodotti tat-trade mark preċedenti bejn l-2005 u l-2009 kif ukoll l-ispejjeż marbuta magħhom. Minn din it-tabella jirriżulta li, għall-imsemmi perijodu, l-ispots televiżivi inkwistjoni laħqu livell ta’ 668 sa 934 diffużjonijiet fis-sena u fissru spejjeż li jammontaw minn EUR 358 700 sa EUR 476 300 fis-sena. Dan id-dħul mill-bejgħ, li huwa rilevanti, ma jippermettix li jiġi konkluż li t-trade mark preċedenti hija magħrufa minn tal-inqas minn parti sostanzjali tal-pubbliku kkonċernat. Huwa minnu li dan id-dħul mill-bejgħ jagħti indikazzjoni. Madankollu, ma huwiex biżżejjed, fih innifsu, sabiex jistabbilixxi akkwist ta’ livell eċċezzjonalment għoli ta’ karattru distintiv, peress li ma huwiex sostnut, b’mod partikolari, bi provi li jindikaw li l-ispots televiżivi inkwistjoni kellhom effett fuq il-pubbliku kopert mit-trade mark preċedenti [ara, f’dan is-sens, sentenza tal-14 ta’ Settembru 2009, Lange Uhren vs UASI (Arranġamenti ġeometriċi fuq il-wiċċ ta’ arloġġ tal-idejn), T‑152/07, EU:T:2009:324, punt 145 u l-ġurisprudenza ċċitata].

72      Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma ppreżentat ebda prova, bħal sondaġġi tal-opinjoni pubblika, studji tas-suq jew dikjarazzjonijiet ta’ assoċjazzjonijiet professjonali, li jindikaw il-proporzjon tal-pubbliku rilevanti li, minħabba l-imsemmija trade mark, identifika l-prodotti bħala li joriġinaw mir-rikorrenti. Barra minn hekk, kif irrileva l-Bord tal-Appell, il-provi ppreżentati ma jagħtu ebda indikazzjoni dwar is-sehem mis-suq tar-rikorrenti.

73      Konsegwentement, il-Bord tal-Appell iddeċieda ġustament, fil-punt 50 tad-deċiżjoni kkontestata, li minkejja li l-provi ppreżentati kienu juru użu tat-trade mark preċedenti fil-Ġermanja għas-salumerija, huma ma setgħux jikkonkludu li l-livell ta’ karattru distintiv ta’ din it-trade mark kien ogħla mill-medja. Fil-fatt, il-fatt li trade mark tkun ilha tintuża fl-Unjoni għal numru ta’ snin ma huwiex biżżejjed, fih innifsu, sabiex jistabbilixxi li l-pubbliku rilevanti jidentifika l-prodotti bħala li joriġinaw minn impriża partikolari minħabba l-imsemmija trade mark.

74      Minn dak li ntqal jirriżulta li l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti dwar il-karattru distintiv amplifikat li għandha t-trade mark preċedenti għandhom jiġu miċħuda. Għalhekk, huwa korrettament li l-Bord tal-Appell ikkunsidrat fil-punt 47 tad-deċiżjoni kkontestata, li, minħabba n-nuqqas ta’ sinjifikat tas-sinjali MINI WINI, meħud fl-intier tiegħu, il-karattru distintiv intrinsiku tat-trade mark preċedenti kien medju.

75      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, meta trade mark preċedenti hija trade mark Komunitarja, it-territorju rilevanti għall-analiżi tal-probabbiltà ta’ konfużjoni huwa magħmul mill-Unjoni kollha. Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-Bord tal-Appell ma wettaqx żball billi ma kkonċentrax iżjed fuq il-pubbliku Taljan. Għandu jingħad ukoll li ġie preċedentement stabbilit li l-pubbliku rilevanti, inkluż il-pubbliku Taljan, jifhem l-element “minimini” tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni bħala sempliċi repetizzjoni tat-terminu “mini”.

76      Barra minn hekk, filwaqt li huwa possibbli li ssir taqsira ta’ trade mark [ara, f’dan is-sens, sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Monster Energy vs UASI – Balaguer (icexpresso + energy coffee), T‑61/14, EU:T:2015:750, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata], madankollu diġà ġie stabbilit fil-punti 56 u 61 iktar ’il fuq li l-element “minimini” tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni huwa inqas distintiv mill-element “beretta” tal-imsemmija trade mark u jattira għalhekk inqas attenzjoni mill-pubbliku rilevanti. Għaldaqstant, l-argumenti tar-rikorrenti marbuta mat-tendenza tal-konsumatur li jqassar it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni sabiex jimmemorizza biss l-element “minimini” u jinjora elementi oħra, għandhom jiġu miċħuda.

77      Fl-aħħar nett, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, l-element “minimini” tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni ma huwiex l-uniku element testwali li huwa perfettament leġibbli fis-sens tas-sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2009, Aldi Einkauf vs UASI – Goya Importaciones y Distribuciones (4 OUT Living) (T‑307/08, Ġabra, EU:T:2009:409). Fil-fatt, kif ġie stabbilit fil-punti 56 u 61 iktar ’il fuq, l-element “Beretta” tal-imsemmija trade mark ma huwiex inqas perċepibbli mill-element “minimini” ta’ din it-trade mark. Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

78      Għandu jiġi kkonstatat ukoll li, fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, is-sinjal li għalih saret applikazzjoni ma huwiex kompost mill-ġustapożizzjoni tad-denominazzjoni tal-impriża tal-intervenjenti u tat-trade mark preċedenti użata prattikament b’mod identiku. Għalhekk, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, ma ntweriex li l-element “minimini” tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni kien jokkupa pożizzjoni distintiva awtonoma fis-sens tas-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2005, Medion (C‑120/04, Ġabra, EU:C:2005:594).

79      Bħala konklużjoni, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li l-livell ta’ attenzjoni tal-pubbliku rilevanti għall-prodotti kkonċernati huwa medju. It-tieni nett, it-trade mark preċedenti għandha karattru distintiv intrinsiku medju għar-raġunijiet esposti fil-punt 74 iktar ’il fuq. It-tielet nett, għandu jitfakkar li l-prodotti koperti mis-sinjali inkwistjoni huma identiċi. Ir-raba’ nett, mill-punti 44 sa 64 iktar ’il fuq jirriżulta li l-imsemmija sinjali għandhom grad baxx ta’ xebh fuq livell viżwali, fonetiku u kunċettwali.

80      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li l-Bord tal-Appell ikkonkluda ġustament li ma kienx hemm probabbiltà ta’ konfużjoni fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, u, għalhekk li ma kienx neċessarju li tiġi eżaminata l-prova tal-użu.

81      Konsegwentement, it-tieni motiv tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

82      Minn dak li ntqal jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata sa fejn il-Bord tal-Appell ċaħad it-talbiet tar-rikorrenti intiżi għall-bdil tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni dwar is-servizzi fil-klassi 43.

 Fuq l-ispejjeż

83      Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha. F’dan il-każ, peress li kull parti tilfet, hemm lok li kull parti tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) tal-14 ta’ Frar 014 (Każ R 1159/2013-4) hija annullata sa fejn tiċħad it-talbiet ta’ Meica Ammerländische Fleischwarenfabrik Fritz Meinen GmbH & Co. KG intiżi għall-bdil tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni dwar is-servizzi fil-klassi 43.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Meica Ammerländische Fleischwarenfabrik Fritz Meinen GmbH & Co. KG, l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) u Salumificio Fratelli Beretta SpA għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Frimodt Nielsen

Dehousse

Collins

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, l-4 ta’ Frar 2016.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.