Language of document : ECLI:EU:T:2010:537

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

16 ta’ Diċembru 2010 (*)

“Trade mark Komunitarja – Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja verbali CHROMA – Raġuni assoluta għal rifjut – Karattru deskrittiv – Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009”

Fil-Kawża T‑281/09,

Deutsche Steinzeug Cremer & Breuer AG, stabbilita fi Frechen (il-Ġermanja), irrappreżentata minn J. Albrecht, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn S. Schäffner, bħala aġent,

konvenut,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal‑Appell tal-UASI tat-8 ta’ Mejju 2009 (Każ R 1429/2008‑4), li jirrigwarda applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tas-sinjal verbali CHROMA bħala trade mark Komunitarja,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),

komposta, matul id-deliberazzjoni, minn S. Papasavvas, President, V. Vadapalas (Relatur) u K. O’Higgins, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ Lulju 2009,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-1 ta’ Ottubru 2009,

wara li rat ir-replika ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ Diċembru 2009,

wara li rat li l-partijiet ma ressqux talba għall-iffissar ta’ seduta fi żmien xahar min-notifika tal-għeluq tal-proċedura bil-miktub u wara li għaldaqstant iddeċidiet, fuq rapport tal-Imħallef Relatur u skont l-Artikolu 135a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tiddeċiedi mingħajr il-fażi orali tal-proċedura,

wara l-bidla fil-kompożizzjoni tal-awli tal-Qorti Ġenerali,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fis-6 ta’ Marzu 2008, ir-rikorrenti Deutsche Steinzeug Cremer & Breuer AG, ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), bis-saħħa tar-Regolament tal‑Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), kif emendat [issostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)].

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija s-sinjal verbali CHROMA.

3        Il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni jaqgħu b’mod partikolari fil‑klassijiet 11 u 19 tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrevedut u emendat, u jikkorrispondu, kull klassi, għad-deskrizzjoni segwenti:

–        klassi 11: “Sinkijiet ta’ utilità, trays tax-shower, showers u banjijiet, sinkijiet, bidets, awrinari, WC, sistemi ta’ flushing, kollha taċ-ċeramika”;

–        klassi 19: “Materjali tal-bini mhux tal-metall; madum, pjattaformi, forom, pajpijiet u kisi għall-kostruzzjoni, kollha mhux tal-metall, twavel taċ‑ċeramika, tal-mużajk u bċejjeċ ifformati għall-kostruzzjoni, materja prima għall-kostruzzjoni”.

4        Permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Awwissu 2008, l-eżaminatur ċaħad l-applikazzjoni għall-prodotti inkwistjoni skont l-Artikolu 7(1)(b) u (ċ) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar Artikolu 7(1)(b) u (c) tar-Regolament Nru 207/2009] u l-Artikolu 7(2) tar‑Regolament Nru 40/94 [li sar Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 207/2009].

5        Fit-30 ta’ Settembru 2008, ir-rikorrenti ppreżentat appell quddiem l‑UASI, bis‑saħħa tal-Artikoli 57 sa 62 tar-Regolament Nru 40/94 [li saru Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009], kontra d-deċiżjoni tal-eżaminatur.

6        Permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Mejju 2009 (iktar ’il quddiem id‑“deċiżjoni kkontestata”), ir-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI ċaħad l-appell, minħabba li l-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet deskrittiva fis-sens tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009. Huwa essenzjalment ikkunsidra li t-trade mark inkwistjoni kienet transkrizzjoni b’karattri Latini tal-kelma Griega “χρώμα” (kulur) u li, fir-rigward ta’ indikazzjoni deskrittiva tal-prodotti kkonċernati, kien hemm raġuni assoluta għal rifjut fil-Greċja u f’Ċipru. Barra minn hekk, għall-istess raġunijiet ikkunsidra li s-sinjal inkwistjoni kien ukoll nieqes minn karattru distintiv fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tal-istess regolament.

 It-talbiet tal-partijiet

7        Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

8        L-UASI jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Fuq l-ammissibbiltà

9        Fir-risposta tiegħu, l-UASI jissolleva, prinċipalment, eċċezzjoni bbażata fuq l‑inammissibbiltà tar-rikors fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

10      Fir-replika tagħha, ir-rikorrenti tikkontesta dan l-argument, filwaqt li tindika li fir‑rikors tagħha esponiet argumenti dettaljati insostenn tal-motivi invokati, ibbażati fuq il-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 37(1), tal-Artikolu 7(1)(b) u (c) u tal-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009.

11      Skont l-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u tal‑Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proprjetà intelletwali permezz tal-Artikolu 130(1) tal-istess regoli, kull rikors promotur għandu jinkludi sunt tal-motivi invokati, u din l-indikazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill‑Qorti Ġenerali tiddeċiedi fuq ir-rikors [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad‑19 ta’ Novembru 2008, Rautaruukki vs UASI (RAUTARUUKKI), T‑269/06, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata].

12      F’din il-kawża, is-sunt tal-elementi li fuqhom huwa bbażat ir-rikors, minkejja li qasir, huwa biżżejjed sabiex jippermetti lill-Qorti Ġenerali tidentifika l-argumenti li jikkostitwixxu l-bażi ġuridika u fattwali tar-rikors. Barra minn hekk, fir-risposta l-UASI jammetti li huwa fehem li r-rikorrenti invokat, essenzjalment, il-ksur tal-Artikolu 7(1)(b) u (c) tar-Regolament Nru 207/2009, u li kienet tirreferi wkoll għall-Artikolu 37(1) u l-Artikolu 76(1) tal-istess regolament.

13      Għaldaqstant, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ssollevata mill-UASI, ibbażata fuq l-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura, ma għandhiex tiġi milqugħa.

 Fuq il-mertu

14      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tissolleva, essenzjalment, motiv wieħed ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1)(b) u (c) tar-Regolament Nru 207/2009, filwaqt li tinvoka wkoll l-Artikolu 37(1) u l-Artikolu 76(1) tal-istess regolament.

 L-argumenti tal-partijiet

15      Ir-rikorrenti ssostni li s-sinjal inkwistjoni ma huwiex deskrittiv u għalhekk ma jaqax taħt ir-raġuni għal rifjut imsemmija fl-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, u lanqas, għall-istess raġuni, taħt dik imsemmija fl-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 tal-istess regolament.

16      Ir-raġunament spjegat fid-deċiżjoni kkontestata jistrieħ, b’mod żbaljat, fuq l‑assimilazzjoni tas-sinjal CHROMA mal-kelma Griega “χρώμα” (kulur) kif ukoll fuq il-ħtieġa li tinżamm id-disponibbiltà tagħha għall-prodotti inkwistjoni.

17      Ma hemmx lok li s-sinjal inkwistjoni jiġi assimilat mal-kelma Griega “χρώμα” (kulur). Il-Bord tal-Appell ma uriex li t-transkrizzjoni b’karattri Latini kienet użata bl-istess mod bħall-kelma fil-lingwa tal-oriġni u, għalhekk, ma kellux jibbaża ruħu fuq il-ħtieġa li jiġi evitat monopolju ta’ transkrizzjonijiet ta’ kliem Griegi. Barra minn hekk, il-protezzjoni li tirriżulta mill-applikazzjoni tas-sinjal CHROMA ma tippermettiex lir-rikorrenti tipprojbixxi lil terzi milli jużaw il‑kelma Griega “χρώμα” (kulur).

18      Barra minn hekk, ma huwiex neċessarju li tinżamm id-disponibbiltà tal-kelma “χρώμα” (kulur), peress li dan huwa terminu li juri biss tip ta’ karatteristiċi ta’ prodotti, u mhux karatteristika ta’ prodott. Ma huwiex soltu li tingħata tali indikazzjoni fuq prodott jew fuq il-kundizzjoni tiegħu. Tali indikazzjoni ma tinftiehemx minn konsumatur bħala indikazzjoni ta’ proprjetà tal-prodott.

19      Dan l-argument huwa kkorroborat bir-reġistrazzjoni tat-trade marks Komunitarji tal-kliem “dimension” (portata, daqs jew dimensjoni bl-Ingliż), “brilliance” (brillantezza, manjifiċenza jew sbuħija bl-Ingliż) jew “tinta” (inka, żebgħa jew miżbugħa fl-Ispanjol).

20      Barra minn hekk, mill-punt 30 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li r‑raġunament tal-Bord tal-Appell jirrigwarda, fir-realtà, mhux il-kelma “kulur” bħala tali, iżda l-kunċetti “ikkulurit”, “b’ħafna kuluri” jew “mimli kuluri”, li jistgħu jintużaw sabiex jindikaw li l-prodott huwa kkulurit jew li ma huwiex monokrom.

21      F’dan ir-rigward, il-Bord tal-Appell ma kkunsidrax il-prodotti inkwistjoni. Huwa inkonċepibbli li t-termini “kulur” jew “ikkulurit”, fi kwalunkwe lingwa, jingħataw lill-prodotti inkwistjoni sabiex juru l-proprjetajiet tagħhom. Fir-rigward ta’ prodotti li għandhom neċessarjament kulur, li jkun sempliċement il-kulur naturali tal-materjal tagħhom, tali informazzjoni, li ma tirreferix għal kulur konkret, ma għandha l-ebda rilevanza għall-konsumatur. Barra minn hekk, fir‑rigward tal-prodotti inkwistjoni, it-tonalità tal-kulur dejjem tiġi indikata fl‑ippakkettjar tagħhom.

22      Għalhekk, il-kelma “kulur” u wisq inqas is-sinjal CHROMA ma jiddeskrivu l‑ebda kwalità tal-prodotti inkwistjoni. Il-konsumatur li jitkellem bil-Grieg ma huwiex ser jifhem is-sinjal inkwistjoni bħala indikazzjoni purament deskrittiva, iżda bħala indikazzjoni tal-oriġni.

23      Dan il-fatt huwa kkorroborat mill-eżistenza ta’ trade marks nazzjonali u Komunitarji magħmula mis-sinjali verbali CHROMA jew CROMA, imsemmija mir-rikorrenti fis-sottomissjonijiet tagħha dwar il-motivi tar-rikors quddiem l‑UASI.

24      Barra minn hekk, peress li naqas milli jikkunsidra dawn ir-reġistrazzjonijiet preċedenti, il-Bord tal-Appell naqas mill-obbligu ta’ evalwazzjoni tal-fatti fuq inizjattiva tiegħu stess, liema obbligu huwa msemmi fl-Artikolu 76(1) tar‑Regolament Nru 207/2009.

25      L-UASI jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

26      Skont l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, għandha tinċaħad ir‑reġistrazzjoni ta’ “trade marks li jikkonsistu esklussivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jintużaw fil-kummerċ sabiex jindikaw ix-xorta, il-kwalità, il‑kwantità, l-użu intenzjonat, il-valur, l-oriġini ġeografika jew il-ħin ta’ produzzjoni tal-prodotti jew ta’ meta ingħata s-servizz, jew karatteristiċi oħrajn tal-prodotti jew servizzi”. Skont l-Artikolu 7(2), il-paragrafu (1) ta’ dan l-artikolu huwa applikabbli anki jekk ir-raġuni għal rifjut tapplika biss f’parti tal-Unjoni.

27      Għandu jitfakkar li l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 għandu għan ta’ interess ġenerali li jirrikjedi li s-sinjali jew l-indikazzjonijiet deskrittivi ta’ karatteristiċi ta’ prodotti jew ta’ servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni jistgħu liberament jintużaw minn kulħadd. Din id-dispożizzjoni tipprojbixxi, għalhekk, li tali sinjali jew indikazzjonijiet ikunu rriżervati għal impriża waħda biss minħabba r-reġistrazzjoni tagħhom bħala trade mark (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Ottubru 2003, UASI vs Wrigley, C‑191/01 Ġabra p. I‑12447, punt 31, u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      B’hekk, ir-reġistrazzjoni ta’ sinjal verbali għandha tiġi rrifjutata jekk għall-inqas waħda mit-tifsiriet potenzjali tiegħu tindika karatteristika tal-prodotti jew tas‑servizzi kkonċernati. Lanqas ma huwa neċessarju, sabiex l-UASI jopponi tali rifjut, li s-sinjal inkwistjoni jkun effettivament użat għal skopijiet deskrittivi, iżda huwa biżżejjed li dan is-sinjal ikun jista’ jintuża għal dawn l-iskopijiet (sentenza UASI vs Wrigley, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32).

29      Barra minn hekk, ma tagħmel l-ebda differenza jekk il-karatteristiċi tal-prodotti jew tas-servizzi li jistgħu jiġu deskritti mis-sinjal inkwistjoni humiex, fuq il-livell kummerċjali, essenzjali jew sempliċement sekondarji, jiġifieri jekk jeżistux jew le sinonimi li jippermettu li jissemmew l-istess karatteristiċi (ara, b’analoġija, is‑sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Frar 2004, Koninklijke KPN Nederland, C‑363/99, Ġabra p. I‑1619, punti 101 u 102).

30      Għandu jitfakkar ukoll li l-evalwazzjoni tal-karattru deskrittiv ta’ sinjal tista’ ssir biss, l-ewwel nett, fil-kuntest ta’ kif jifhmu l-pubbliku kkonċernat u, it-tieni nett, fil-kuntest tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2008, Lancôme vs UASI – CMS Hasche Sigle (COLOR EDITION), T‑160/07, Ġabra p. II‑1733, punt 44, u l-ġurisprudenza ċċitata].

31      F’din il-kawża, kif jirriżulta mill-premessi msemmija fil-punti 31 u 32 tad‑deċiżjoni kkontestata, liema premessi ma humiex ikkontestati mir-rikorrenti, il-prodotti kkonċernati huma, l-ewwel nett, apparat sanitarju taċ-ċeramika li jaqa’ fil-klassi 11 u, it-tieni nett, materjal ta’ kostruzzjoni mhux tal-metall li jaqa’ fil‑klassi 19, li jistgħu jinxtraw kemm mill-konsumatur finali kif ukoll mill‑imprenditur fil-kostruzzjoni.

32      Barra minn hekk, peress li mill-punt 19 tas-sentenza kkontestata jirriżulta li r-raġuni assoluta għal rifjut inżammet biss mill-Bord tal-Appell fir-rigward tal-lingwa Griega, għandu jiġi kkunsidrat, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 207/2009, li l-pubbliku rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni ta’ din ir-raġuni għal rifjut huwa magħmul mill-konsumaturi kkonċernati fil-Greċja u f’Ċipru.

33      Ma huwiex ikkontestat li s-sinjal CHROMA huwa transkrizzjoni b’karattri Latini tal-kelma Griega “χρώμα” (kulur).

34      Kif jirrużulta ġustament mill-punt 22 tad-deċiżjoni kkontestata, it-transkrizzjonijiet b’karattri Latini ta’ kliem Griegi għandhom jiġu assimilati, għall-finijiet b’mod partikolari tal-evalwazzjoni tar-raġunijiet assoluti għal rifjut imsemmija fl-Artikolu 7(1)(b) u (c) tar-Regolament Nru 207/2009, ma’ kliem miktuba b’karattri Griegi [ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ Diċembru 2000, Messe München vs UASI (electronica), T‑32/00, Ġabra p. II‑3829, punt 40].

35      Din il-kunsiderazzjoni tapplika iktar u iktar f’din il-kawża peress li s-sinjal inkwistjoni huwa transkrizzjoni fidila tal-kelma Griega li tfisser “kulur”, b’ittri tal-alfabet Latin magħruf mill-konsumatur ikkonċernat li jitkellem bil-Grieg, peress li t-tifsira tagħha tista’ tingħaraf immedjatament u direttament minn dan il-konsumatur.

36      F’dan ir-rigward, minn naħa waħda, għandu jiġi rrilevat li l-kelma li tfisser “kulur” tista’ tintuża sabiex turi karatteristika ta’ prodotti, jiġifieri, il-kapaċità tagħhom li jkunu ppreżentati f’tonalitajiet differenti ta’ kuluri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza COLOR EDITION, iċċitata iktar ’il fuq, punti 47 u 48).

37      Fil-fatt, minkejja li r-rikorrenti tindika li kulur huwa tip jew kategorija ta’ karatteristiċi, u mhux karatteristika partikolari, xorta jibqa’ l-fatt li, skont il-prassi, it-terminu “kulur” jirreferi għall-użu ta’ kuluri oħra minbarra l-iswed u l-abjad jew għall-preżenza ta’ skala wiesgħa ta’ kuluri.

38      Min-naħa l-oħra, kif ġustament irrileva l-Bord tal-Appell fil-punti 31 u 32 tad-deċiżjoni kkontestata, fir-rigward ta’ apparat sanitarju, li l-kulur klassiku tiegħu huwa l-abjad, u ta’ materjal ta’ kostruzzjoni mhux mettaliku, li jinkludi ċeramika għall-kmamar tal-banju, l-indikazzjoni tal-fatt li huma disponibbli f’kuluri differenti hija karatteristika li tista’ tiġi kkunsidrata fil-kummerċ.

39      L-użu tat-terminu “kulur” jittrażmetti b’hekk messaġġ li jista’ immedjatament jinftiehem mill-konsumatur ikkonċernat, billi jindika l-preżenza ta’ serje ta’ prodotti f’kuluri differenti, b’mod partikolari, fir-rigward ta’ apparat sanitarju taċ-ċeramika u materjal ta’ kostruzzjoni taċ-ċeramika għall-kmamar tal-banju, f’kuluri oħra minbarra l-abjad klassiku. Barra minn hekk, il-prodotti inkwistjoni probabbilment jintalbu skont l-iskala tal-kulur sabiex jitqabbel il-kulur fil-kuntest ta’ kreazzjonijiet dekorattivi.

40      Peress li din l-evalwazzjoni hija espliċitament marbuta mal-kundizzjonijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti li jaqgħu fil-klassijiet 11 u 19 inkwistjoni, huwa għalhekk żbaljat li r-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell naqas milli jikkunsidra l-imsemmija prodotti.

41      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li l-Bord tal-Appell seta’ jikkunsidra, ġustament, li mill-perspettiva tal-konsumatur ikkonċernat li jitkellem bil-Grieg, is-sinjal CHROMA jista’ jservi sabiex jindika li l-prodotti kkonċernati li jaqgħu fil-klassijiet 11 u 19 kienu disponibbli f’kuluri differenti, u li għalhekk kien jindika karatteristika rilevanti fil-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti inkwistjoni.

42      Fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija fil-punti 28 u 29 iktar ’il fuq, din il‑kunsiderazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-argument tar-rikorrenti bbażat fuq l‑eżistenza ta’ termini li jistgħu jittrażmettu l-istess messaġġ bħal “kulur” jew “b’ħafna kuluri”, u lanqas mill-argument li t-terminu inkwistjoni ma huwiex effettivament użat għal finijiet deskrittivi. Barra minn hekk, ma tagħmilx differenza jekk il-karatteristika li tista’ tiġi indikata hijiex essenzjali jew sekondarja fuq il-livell kummerċjali.

43      Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tistax tuża b’mod validu r-reġistrazzjonijiet tat‑trade marks Komunitarji magħmula minn kliem li jindikaw dimensjoni, brillantezza jew żebgħa, u lanqas trade marks Komunitarji magħmula minn “chroma” u “croma” jew dawn il-kliem flimkien ma’ elementi verbali oħra.

44      Fil-fatt, peress li d-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell li jirrigwardaw ir‑reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark Komunitarja jaqgħu taħt l-eżerċizzju ta’ kompetenza limitata, il-legalità tagħhom ma għandhiex tiġi kkontestata permezz ta’ argument ibbażat fuq prassi deċiżjonali differenti tal-UASI (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Settembru 2005, BioID vs UASI, C‑37/03 P, Ġabra p. I‑7975, punt 47).

45      Barra minn hekk, il-karattru deskrittiv ta’ sinjal għandu jiġi evalwat, l-ewwel nett, fir-rigward tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni u, it-tieni nett, fir-rigward tal-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir‑rikorrenti ma għandhiex għalfejn tirreferi għax-xebh tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma’ trade mark Komunitarja oħra, mingħajr ma tinvoka punti ta’ fatt u ta’ liġi li ġew ippreżentati insostenn tal-applikazzjoni ta’ dik it-trade mark l-oħra (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza BioID vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq, punti 48 u 49).

46      Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq ir-reġistrazzjoni tat-trade mark CROMA fil‑Greċja, għandu jitfakkar li s-sistema tat-trade marks Komunitarja hija sistema awtonoma magħmula min-numru ta’ regoli u li ssegwi għanijiet li huma speċifiċi għaliha, peress li l-applikazzjoni tagħha hija indipendenti minn kull sistema oħra nazzjonali. Ir-reġistrazzjonijiet li diġà saru fl-Istati Membri għalhekk ma jikkostitwixxux elementi determinanti, iżda jistgħu biss jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja, b’mod partikolari, billi joffru appoġġ ta’ analiżi għall-evalwazzjoni ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja [ara s-sentenza tal‑Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Ġunju 2005, Wilfer vs UASI (ROCKBASS), T‑315/03, Ġabra p. II‑1981, punt 35, u l-ġurisprudenza ċċitata].

47      F’din il-kawża, ir-rikorrenti ma tinvoka l-ebda punt ta’ liġi jew ta’ fatt li wasslu għar-reġistrazzjoni tat-trade mark nazzjonali inkwistjoni.

48      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-rikorrenti ma tistax tikkritika lill‑Bord tal-Appell li kiser l-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009 billi ma kkunsidrax ir-reġistrazzjonijiet preċedenti inkwistjoni.

49      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, għandu jiġi kkonstatat li r‑rikorrenti ma kkontestatx il-konstatazzjoni tal-Bord tal-Appell li s-sinjal inkwistjoni kien jaqa’ taħt raġuni assoluta għal rifjut imsemmija fl‑Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009.

50      Fid-dawl ta’ din il-konstatazzjoni, ir-rifjut ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni għall-prodotti inkwistjoni ma tistax tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 37(1) tar‑Regolament Nru 207/2009.

51      Barra minn hekk, ma hemmx lok li jiġi eżaminat l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal‑Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009. Fil-fatt, kif jirriżulta mill‑Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 207/2009, huwa biżżejjed li waħda mir‑raġunijiet assoluti għal rifjut elenkati tkun tapplika sabiex is-sinjal ma jkunx jista’ jiġi rreġistrat bħala trade mark Komunitarja.

52      Konsegwentement, dan ir-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

53      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l‑ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-UASI.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

Taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Deutsche Steinzeug Cremer & Breuer AG hija kkundannata għall‑ispejjeż.

Papasavvas

Vadapalas

O’Higgins

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-16 ta’ Diċembru 2010.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.