Rikors ippreżentat fl-1 ta’ Frar 2024 – CF vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-51/24)
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Rikorrent: CF (rappreżentant: M. Velardo, avukata)
Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
tannulla d-deċiżjoni tal-PMO/2 Pensjonijiet Nru 1835091900 tal-5 ta’ Jannar 2023, li biha ġie rrifjutat it-trasferiment tad-drittijiet tal-pensjoni milll-fond nazzjonali GRC-ETEAP-EX TEAYAP għall-fond tal-pensjoni Ewropew;
tannulla d-deċiżjoni tal-PMO/2 Pensjonijiet Nru 1835091900 tal-5 ta’ Jannar 2023, li biha ġie rrifjutat it-trasferiment tad-drittijiet tal-pensjoni mill-fond nazzjonali GRC-MTS-METOXIKO-TAMEIO STRATOU għall-fond tal-pensjoni Ewropew;
tannulla d-deċiżjoni tal-PMO/2 Pensjonijiet Nru 1835091900 tal-5 ta’ Jannar 2023, li biha ġie rrifjutat it-trasferiment tad-drittijiet tal-pensjoni mill-fond nazzjonali GRC-EFKA (EX ETEAEP-EX OAEE) għall-fond tal-pensjoni Ewropew;
tannulla d-deċiżjoni tal-PMO/2 Pensjonijiet Nru 1835091900 tal-5 ta’ Jannar 2023, li biha ġie rrifjutat it-trasferiment tad-drittijiet tal-pensjoni mill-fond nazzjonali GRC ETEAEP (EX TPDY) għall-fond tal-pensjoni Ewropew;
tannulla d-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra Nru Ares(2023) 7199336, tat-23 ta’ Ottubru 2023, li tiċħad l-ilment tar-rikorrent tas-27 ta’ Marzu 2023;
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
1. L-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-liġi: id-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implimentazzjoni, li jintroduċu terminu taħt piena ta’ konfiska mhux previst mir-regoli ta’ grad ogħla, jiksru l-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal. Ir-rikorrent iqajjem ukoll eċċezzjoni ta’ illegalità, skont l-Artikolu 277 TFUE kontra dawn id-dispożizzjonijiet ġenerali.
2. It-tieni motiv, ibbażat fuq żball skużabbli, sa fejn ir-rikorrent ma setax josserva t-terminu invokat mill-Kummissjoni minħabba riforma tal-fond tal-pensjonijiet li seħħet fil-Greċja, u li fuq l-effetti tagħha naqas milli jikseb spjegazzjonijiet mill-awtoritajiet nazzjonali, minkejja t-talbiet numerużi mibgħuta.
3. It-tielet motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ forza maġġuri, sa fejn il-Kummissjoni ma evalwatx b’mod adegwat l-effetti tal-kriżi tas-saħħa tal-COVID 19 fuq l-osservanza tat-termini.
4. Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tad-dmir ta’ diliġenza minħabba li l-interessi tar-rikorrent kif ukoll iċ-ċirkustanzi li akkumpanjaw it-tressiq tat-talba għal trasferiment “in” ma ġewx ikkunsidrati.
5. Il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, sa fejn iċ-ċaħda tat-talba għal trasferiment “in” għandha effetti sproporzjonati għar-rikorrent li ma jkunx jista’ jirkupra l-kontribuzzjonijiet imħallsa lill-fond tal-pensjoni nazzjonali.
____________