Language of document :

Rikors ippreżentat fil-5 ta' Marzu 2010 - Il-Lussemburgu vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-109/10)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu (rappreżentanti: C. Schiltz, aġent u, P. Kinsch, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrent

tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn hija tapplika għall-Gran Dukat tal-Lussemburgu;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrent jitlob l-annullament, sa fejn hija tapplika għall-Gran Dukat tal-Lussemburgu, tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2009) 10712, adottata fit-23 ta' Diċembru 2009, dwar it-tnaqqis tal-għajnuna mogħtija għall-programm ta' inizjattiva Komunitarja Interreg II/C "Inondation Rhin-Meuse" fir-Renju tal-Belġju, fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, fir-Repubblika Franċiża, fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu u fir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(97)3742 tat-18 ta' Diċembru 1997 (FEŻR Nru 970010008).

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka żewġ motivi.

Bl-ewwel motiv, ir-rikorrent isostni li fil-każ li jintlaqgħu r-rikorsi għal annullament ippreżentati mill-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi u tal-Ġermanja, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu għandu konsegwentement jibbenefika minn dan. Jekk jiġi kkonstatat li l-iżbalji jew il-punti dgħajfa, allegatament sistematiċi, li l-verifika tal-Kummissjoni ħasbet li skopriet fil-funzjonament tal-programm inkwistjoni fil-Pajjiżi l-Baxxi u fil-Ġermanja, fil-fatt ma jeżistux, il-bażi nfisha tar-raġunamenti tad-deċiżjoni taqa' u magħha l-korrezzjoni finanzjarja lineari applikata għall-proġetti implementati fil-Lussemburgu.

It-tieni motiv tar-rikors huwa bbażat fuq l-illegalità tal-estensjoni, għall-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ta' korrezzjoni finanzjarja li tista' biss tiġi eventwalment ġġustifikata fir-rigward ta' Stati Membri oħrajn. Ma ġiet ikkonstatata l-ebda anomalija fil-funzjonament tal-programm fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu. Il-fatt li l-Lussemburgu aċċetta li jipparteċipa fi proġett konġunt mal-Ġermanja, mal-Belġju, ma' Franza u mal-Pajjiżi l-Baxxi, ma jiġġustifikax li jiġu sofruti l-effetti negattivi, f'dak li jirrigwarda l-korrezzjoni finanzjarja tal-proġetti tiegħu, ta' żbalji jew ta' punti dgħajfa li ġew skoperti waqt il-verifika tal-proġetti tal-Pajjiżi l-Baxxi jew tal-Ġermanja u li jikkonsistu kważi għal kollox f'allegat ksur tad-dispożizzjonijiet rigward il-proċedura għall-għoti ta' kuntratti pubbliċi. Minkejja l-fatt li din hija parteċipazzjoni konġunta ta' ħames Stati Membri fl-istess programm, il-proċeduri għall-għoti ta' kuntratti pubbliċi jaqgħu taħt ir-responsabbiltà esklużiva tal-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri kkonċernati.

____________