Language of document : ECLI:EU:T:2020:96

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

12 ta’ Marzu 2020 (*)

“Dumping – Importazzjoni ta’ prodotti ċatti b’laminazzjoni termali tal-ħadid, azzar mhux illigat jew liga oħra tal-azzar li joriġinaw mill-Brażil, mill-Iran, mir-Russja, mis-Serbja u mill-Ukraina – Għeluq tal-proċedura li tikkonċerna l-importazzjonijiet li joriġinaw mis-Serbja – Determinazzjoni tal-eżistenza ta’ dannu – Evalwazzjoni kumulattiva tal-effetti tal-importazzjonijiet provenjenti minn iktar minn pajjiż wieħed – Artikolu 3(4) tar-Regolament (UE) 2016/1036 – Għeluq tal-proċedura mingħajr impożizzjoni ta’ miżuri – Artikolu 9(2) tar-Regolament 2016/1036 – Informazzjoni finali dwar il-fatti u kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom huwa previst li l-istituzzjoni tiġi rrakkomandata miżuri definittivi jew l-għeluq ta’ investigazzjoni jew ta’ proċedura mingħajr ma jiġu imposti miżuri – Artikolu 20(2) tar-Regolament 2016/1036”

Fil-Kawża T‑835/17,

Eurofer, Association Européenne de l’Acier, AISBL, stabbilita fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentata minn J. Killick u G. Forwood, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn T. Maxian Rusche, N. Kuplewatzky u A. Demeneix, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

HBIS Group Serbia Iron & Steel LLC Belgrade, irrappreżentata minn R. Luff, avukat,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament parzjali tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1795 tal-5 ta’ Ottubru 2017 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti ċatti b’laminazzjoni termali tal-ħadid, azzar mhux illigat jew liga oħra tal-azzar li joriġinaw mill-Brażil, l-Iran, ir-Russja u l-Ukrajna u li jtemm l-investigazzjoni fir-rigward ta’ importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti ċatti b’laminazzjoni termali tal-ħadid, azzar mhux illigat jew liga oħra tal-azzar li joriġinaw mis-Serbja (ĠU 2017, L 258, p. 24, rettifika fil-ĠU 2017, L 319, p. 81),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn A. M. Collins, R. Barents u J. Passer (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: S. Bukšek Tomac, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Novembru 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Wara lment imressaq fit-23 ta’ Mejju 2016 mir-rikorrenti, Eurofer, Association Européenne de l’Acier, AISBL, il-Kummissjoni Ewropea fetħet investigazzjoni antidumping dwar l-importazzjonijiet fl-Unjoni Ewropea ta’ ċerti prodotti ċatti b’laminazzjoni termali tal-ħadid, azzar mhux illigat jew liga oħra tal-azzar li joriġinaw mill-Brażil, mill-Iran, mir-Russja, mis-Serbja u mill-Ukraina.

2        Fis-7 ta’ Lulju 2016, il-Kummissjoni ppubblikat notifika ta’ ftuħ ta’ proċedura antidumping dwar l-importazzjonijiet imsemmija fil-punt 1 iktar ’il fuq (ĠU 2016, C 246, p. 7), skont ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2016, L 176, p. 21, iktar ’il quddiem ir-“Regolament bażiku”).

3        L-investigazzjoni dwar id-dumping u l-ħsara kienet tirrigwarda l-perijodu bejn l-1 ta’ Lulju 2015 u t-30 ta’ Ġunju 2016 (iktar ’il quddiem il-“perijodu ta’ investigazzjoni”). L-eżami tat-tendenzi rilevanti għall-evalwazzjoni tad-dannu kien jirrigwarda l-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 2013 u t-tmiem tal-perijodu ta’ investigazzjoni.

4        Fin-notifika ta’ ftuħ tal-investigazzjoni, il-Kummissjoni indikat li hija setgħet tieħu kampjun mill-partijiet ikkonċernati konformement mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku. Fir-rigward tal-produtturi tal-Unjoni, il-kampjun finali kien kompost minn sitta minnhom, li jinsabu f’ħames Stati Membri, u kien jirrappreżenta iktar minn 45 % tal-produzzjoni tal-Unjoni, jiġifieri:

–        ThyssenKrupp Steel Europe AG, Duisburg, il-Ġermanja;

–        Tata Steel IJmuiden BV, Velsen‑Noord, il-Pajjiżi l-Baxxi;

–        Tata Steel UK Limited, Port Talbot, South Wales, ir-Renju Unit;

–        ArcelorMittal Méditerranée SAS, Fos‑sur‑Mer, Franza;

–        ArcelorMittal Atlantique Et Lorraine, Dunkerque, Franza;

–        ArcelorMittal España SA, Gozón, Spanja.

5        Saru żjarat ta’ verifika skont l-Artikolu 16 tar-Regolament bażiku fil-bini tal-produtturi inkwistjoni.

6        Fl-4 ta’ April 2017, il-Kummissjoni informat lill-partijiet ikkonċernati kollha, permezz ta’ dokument ta’ informazzjoni (iktar ’il quddiem id-“dokument ta’ informazzjoni”) li hija kienet ser tkompli l-investigazzjoni mingħajr ma timponi miżuri provviżorji fuq l-importazzjonijiet fl-Unjoni tal-prodott ikkonċernat li joriġina mill-pajjiżi kkonċernati. Dan id-dokument kien jinkludi l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom il-Kummissjoni kienet iddeċidiet li tkompli l-investigazzjoni mingħajr ma timponi miżuri provviżorji. Sussegwentement għall-komunikazzjoni ta’ dan id-dokument, il-persuni kkonċernati ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub fuq l-informazzjoni u konklużjonijiet żvelati. Instemgħu wkoll il-partijiet ikkonċernati li kienu għamlu talba.

7        Fl-4 ta’ Mejju 2017, seduta fil-preżenza ta’ uffiċjal tas-seduta fil-kuntest tal-proċeduri kummerċjali seħħet mar-rikorrenti. Fit-8 ta’ Ġunju 2017, seħħet seduta oħra mar-rikorrenti.

8        Bejn id-29 ta’ Mejju u d-9 ta’ Ġunju 2017, ħames żjarat ta’ verifika supplimentari seħħew fil-bini tal-partijiet ikkonċernati li ġejjin fl-Unjoni:

–        ThyssenKrupp Steel Europe AG, Duisburg (produttur tal-Unjoni);

–        Hus Ltd, Plovdiv, il-Bulgarija (utent, membru ta’ konsorzju msejjaħ “Consortium for Imports of Hot-Rolled Flats”, konsorzju għall-importazzjonijiet ta’ prodotti ċatti b’laminazzjoni termali);

–        Technotubi SpA, Alfianello, l-Italja (utent, membru tal-konsorzju msemmi iktar ’il fuq);

–        utent Taljan mhux membru tal-konsorzju li talab l-anonimat;

–        ir-rikorrenti.

9        Wara l-informazzjoni finali tas-17 ta’ Lulju 2017 (iktar ’il quddiem l-“informazzjoni finali”), seduta oħra seħħet fil-preżenza ta’ uffiċjal tas-seduta fil-kuntest tal-proċeduri kummerċjali fis-27 ta’ Lulju 2017 mar-rikorrenti.

10      Wara seduta tat-3 ta’ Awwissu 2017 ma’ produttur‑esportatur Iranjan, il-Kummissjoni reġgħet għamlet il-kalkolu tad-dumping u l-kalkoli bbażati fuqu. Il-partijiet ġew informati b’din ir-reviżjoni permezz ta’ dokument ta’ informazzjoni finali addizzjonali tal-4 ta’ Awwissu 2017.

11      Fil-5 ta’ Ottubru 2017, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1795 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti ċatti b’laminazzjoni termali tal-ħadid, azzar mhux illigat jew liga oħra tal-azzar li joriġinaw mill-Brażil, l-Iran, ir-Russja u l-Ukrajna u li jtemm l-investigazzjoni fir-rigward ta’ importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti ċatti b’laminazzjoni termali tal-ħadid, azzar mhux illigat jew liga oħra tal-azzar li joriġinaw mis-Serbja (ĠU 2017, L 258, p. 24, rettifika fil-ĠU 2017, L 319, p. 81).

12      L-Artikolu 2 tar-Regolament ikkontestat jipprovdi li “[i]l-proċediment antidumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet fl-Unjoni tal-prodott ikkonċernat li joriġina mis-Serbja huwa tterminat b’dan ir-Regolament b’konformità mal-Artikolu 9(2) tar-Regolament bażiku”.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

13      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-29 ta’ Diċembru 2017, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

14      Fil-21 ta’ Marzu 2018, il-Kummissjoni ppreżentat ir-risposta.

15      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-17 u fit-18 ta’ April 2018, l-intervenjenti, HBIS Group Serbia Iron & Steel LLC Belgrade, u r-Repubblika tas-Serbja rispettivament talbu li jintervjenu f’dawn il-proċeduri insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

16      Permezz ta’ att ippreżentat fl-14 ta’ Mejju 2018, ir-rikorrenti talbet, konformement mal-Artikolu 144(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li ċerta informazzjoni li tinsab fl-Annessi A.25, A.30 u A.31 tar-rikors, li hija ta’ natura kunfidenzjali, ma tiġix ikkomunikata lill-intervenjenti u lanqas lir-Repubblika tas-Serbja, sakemm l-intervent tagħhom f’din il-proċedura jiġi ammess.

17      Fit-3 ta’ Lulju 2018, ir-rikorrenti ppreżentat ir-replika.

18      Permezz ta’ digriet tas-6 ta’ Lulju 2018, it-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali ċaħdet it-talba għal intervent tar-Repubblika tas-Serbja.

19      Permezz ta’ digriet tat-12 ta’ Lulju 2018, il-President tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali aċċetta l-intervent tal-intervenjenti u llimita provviżorjament il-komunikazzjoni tar-rikors għall-verżjoni mhux kunfidenzjali prodotta mir-rikorrenti, sakemm jingħataw eventwali osservazzjonijiet tal-intervenjenti fuq it-talba għal trattament kunfidenzjali.

20      Permezz ta’ att ippreżentat fil-31 ta’ Lulju 2018, l-intervenjenti informat lill-Qorti Ġenerali li ma kellhiex oġġezzjonijiet għat-trattament kunfidenzjali ta’ data identifikata mir-rikorrenti, bl-eċċezzjoni madankollu ta’ ċerta data li tinsab fil-paġni 779 sa 781 tal-Anness A.25 tar-rikors.

21      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-13 ta’ Settembru 2018, l-intervenjenti ppreżentat nota ta’ intervent.

22      Fl-14 ta’ Settembru 2018, il-Kummissjoni ppreżentat il-kontroreplika.

23      Permezz ta’ digriet tal-5 ta’ Ottubru 2018, il-President tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali ċaħad it-talba għal trattament kunfidenzjali fir-rigward tad-data indikata fil-punt 20 iktar ’il fuq u ordna l-komunikazzjoni lill-intervenjenti ta’ verżjoni ġdida mhux kunfidenzjali tar-rikors.

24      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-25 ta’ Ottubru 2018, ir-rikorrenti pproduċiet verżjoni mhux kunfidenzjali tar-rikors konformement mad-digriet tal-5 ta’ Ottubru 2018.

25      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-23 ta’ Novembru 2018, l-intervenjenti ppreżentat nota ta’ intervent komplementari dwar il-verżjoni mhux kunfidenzjali tar-rikors.

26      Fl-20 ta’ Diċembru 2018, ir-rikorrenti u l-Kummissjoni ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom.

27      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ Jannar 2019, ir-rikorrenti talbet, skont l-Artikolu 106 tar-Regoli tal-Proċedura, li tinstema’ fil-kuntest tal-fażi orali tal-proċedura.

28      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-Artikolu 2 tar-Regolament ikkontestat;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

29      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

–        sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż tal-istanza.

30      L-intervenjenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

–        sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż tal-istanza.

 Id-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà

31      Il-Kummissjoni, mingħajr ma qajmet formalment eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà permezz ta’ att separat fis-sens tal-Artikolu 130(1) tar-Regoli tal-Proċedura, sostnuta mill-intervenjenti, issostni li r-rikors ma huwiex ammissibbli għal żewġ raġunijiet. Minn naħa, l-Artikolu 2 tar-Regolament ikkontestat ma jistax jiġi sseparat mill-kumplament tar-Regolament. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti la għandha locus standi u lanqas interess ġuridiku.

32      Hemm lok li jitfakkar f’dan ir-rigward li l-qorti tal-Unjoni għandha d-dritt li tevalwa, skont iċ-ċirkustanzi ta’ kull każ, jekk amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja tiġġustifikax li r-rikors jiġi miċħud fuq il-mertu, mingħajr ma tingħata deċiżjoni preliminari dwar l-ammissibbiltà tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-26 ta’ Frar 2002, Il‑Kunsill vs Boehringer, C‑23/00 P, EU:C:2002:118, punti 51 u 52, u tal-14 ta’ Settembru 2016, Trajektna luka Split vs Il‑Kummissjoni, T‑57/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:470, punt 84).

33      Hawnhekk huwa ġġustifikat li r-rikors jiġi eżaminat fil-mertu u, jekk ikun il-każ, li ma titteħidx deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tiegħu.

 Fuq il-mertu

34      Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq żball ta’ liġi sa fejn il-Kummissjoni ddeċidiet li ma takkumulax l-importazzjonijiet Serbi konformement mal-Artikolu 3(4) tar-Regolament bażiku. It-tieni motiv huwa bbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq żball ta’ liġi sa fejn il-Kummissjoni qieset li ma kienx “neċessarju” li jiġu previsti miżuri ta’ difiża kontra r-Repubblika tas-Serbja, u dan anki fuq bażi mhux kumulattiva. It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 20(2) tal-imsemmi regolament, ksur tad-dritt għal informazzjoni tar-rikorrenti u tad-drittijiet tad-difiża tagħha kif ukoll fuq ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba, stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea sa fejn il-Kummissjoni rrifjutat li tikkomunika d-data ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet u tal-prezzijiet indikattivi għall-esportatur Serb.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq żball ta’ liġi sa fejn il-Kummissjoni ddeċidiet li ma takkumulax l-importazzjonijiet Serbi konformement mal-Artikolu 3(4) tar-Regolament bażiku

35      Ir-rikorrenti ssostni li, sa fejn, minn naħa, il-marġnijiet ta’ dumping stabbiliti fir-rigward tal-importazzjonijiet Serbi ta’ 38.7 % kienu ogħla mil-limitu de minimis iddefinit fl-Artikolu 9(3) tar-Regolament bażiku u, min-naħa l-oħra, il-volumi ta’ importazzjoni provenjenti mis-Serbja kienu jirrappreżentaw sehem mis-suq ta’ 1.04 % u għalhekk kienu ogħla mil-limitu ta’ 1 % previst fl-Artikolu 5(7) tal-imsemmi regolament, il-Kummissjoni żbaljat meta ddeċidiet, fir-Regolament ikkontestat, li ma takkumulax l-importazzjonijiet provenjenti mis-Serbja.

36      Ir-rikorrenti żżid li r-Regolament ikkontestat ma kkonstatax l-eżistenza ta’ kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni differenti bejn is-Serbja u l-erba’ pajjiżi kkonċernati l-oħra minn naħa, jew ta’ kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni differenti bejn il-ħames pajjiżi u l-Unjoni min-naħa l-oħra. Fi kwalunkwe każ, l-allegat status ta’ “segwaċi tal-prezzijiet” tal-produttur‑esportatur Serb huwa irrilevanti mill-perspettiva tal-Artikolu 3(4)(a) u (b) tar-Regolament bażiku.

37      Fir-rigward tal-volumi ta’ importazzjoni, ir-rikorrenti ssostni li l-limitu ta’ 1 % previst fl-Artikolu 5(7) tar-Regolament bażiku japplika fil-kuntest tal-Artikolu 3(4)(a) tal-imsemmi regolament, u dan minkejja l-assenza ta’ riferiment espliċitu, f’din id-dispożizzjoni, għall-Artikolu 5(7) ta’ dan ir-regolament. Dan huwa kkonfermat min-nota ta’ spjega tal-Kummissjoni tal-21 ta’ Settembru 2000 indirizzata lill-Kumitat ta’ Prattika Antidumping (Grupp ad hoc dwar l-implimentazzjoni) tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), permezz tal-applikazzjoni sistematika tal-imsemmi limitu mill-Kummissjoni kif ukoll mill-ġurisprudenza.

38      Il-limitu ta’ 1 % previst fl-Artikolu 5(7) tar-Regolament bażiku jikkostitwixxi limitu ċar u preċiż li, jekk jinqabeż, il-volumi ma jkunux iktar “negliġibbli”.

39      Skont ir-rikorrenti, fir-rigward tal-formulazzjoni tal-Artikolu 5(7) tar-Regolament bażiku, l-argument imressaq mill-Kummissjoni fir-Regolament ikkontestat li l-importazzjonijiet ftit ħafna ogħla minn 1 % jistgħu jitqiesu bħala negliġibbli u li ma jkunux is-suġġett ta’ evalwazzjoni kumulattiva jmur kontra t-tifsira ordinarja tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni kif ukoll tal-kuntest tagħhom u tal-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li jagħmlu parti minnha u, barra minn hekk, joħloq lakuna fil-leġiżlazzjoni.

40      Il-Kummissjoni żbaljat meta kkunsidrat, fil-premessa 234 tar-Regolament ikkontestat, li kien possibbli għaliha li tinjora l-limiti ddefiniti b’mod ċar tal-Artikolu 3(4) u tal-Artikolu 5(7) tar-Regolament bażiku, billi tibbaża ruħha fuq elementi ta’ evalwazzjoni iktar ġenerali msemmija fl-Artikolu 3(3) tal-istess regolament. L-Artikolu 3(4) ta’ dan ir-regolament ma jagħmel ebda riferiment għall-paragrafu 3 tal-imsemmi artikolu.

41      Bl-istess mod, il-Kummissjoni ma tistax tinvoka s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tagħha sabiex tevalwa sitwazzjonijiet kumplessi fil-livell ekonomiku, politiku u legali. Il-kwistjoni dwar jekk l-importazzjonijiet provenjenti minn pajjiż humiex ogħla minn 1 % tas-sehem mis-suq hija sempliċi u binarja.

42      Barra minn hekk, il-Kummissjoni tiżbalja meta tikkunsidra li l-volumi “supplimentari” ta’ 0.04 % kienu “immaterjali”. Fil-fatt, il-kriterju legali ma jikkonsistix f’li jiġi mistoqsi jekk il-volum li jaqbeż il-limitu strett ta’ 1 %, jiġifieri 0.04 %, huwiex materjali jew le, iżda jekk importazzjonijiet li jirrappreżentaw sehem mis-suq ta’ 1.04 % jistgħux, fl-intier tagħhom, jitqiesu bħala negliġibbli. Issa, jekk volum ta’ importazzjonijiet, li jirrappreżentaw sehem mis-suq ta’ 1.04 % u huwa ekwivalenti għal iktar minn 350 000 tunnellata ta’ esportazzjonijiet b’valur ogħla minn EUR 120 miljun, jinbiegħ bi prezzijiet ta’ dumping u bi prezzijiet 30 % iktar baxxi minn dawk tal-produtturi tal-Unjoni, l-impatt tiegħu ma għandux ikun negliġibbli.

43      Fi kwalunkwe każ, minkejja li l-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali skont l-Artikolu 3(4) tar-Regolament bażiku sabiex tidderoga mil-limitu ta’ 1 %, ir-Regolament ikkontestat huwa bbażat fuq żewġ fatturi nieqsa minn kull rilevanza u jaħbi elementi oħra bħad-dumping, it-twaqqigħ tal-prezzijiet indikattivi u t-twaqqigħ tal-prezzijiet, li huma, għall-kuntrarju, estremament rilevanti sabiex jiġi stabbilit l-impatt tal-importazzjonijiet Serbi fuq l-industrija tal-Unjoni.

44      Id-dikjarazzjoni li l-produttur‑esportatur Serb kien “segwaċi tal-prezzijiet” hija, ukoll, żbaljata sa fejn ma hija bbażata fuq ebda bażi fattwali. Fil-fatt, il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni huma bbażati esklużivament fuq il-prezz medju tal-importazzjonijiet ta’ firxa wiesgħa ta’ prodotti, u mhux fuq il-prezzijiet ta’ prodotti preċiżi. Sabiex isir magħruf jekk il-produttur‑esportatur Serb kienx “segwaċi” jew “mexxej” fil-qasam tal-prezzijiet, hemm lok li jiġi stabbilit f’liema mument l-esportatur żied u naqqas il-prezzijiet tiegħu meta mqabbla mal-esportaturi l-oħra. Ir-Regolament ikkontestat ma jwettaqx din l-analiżi.

45      Il-Kummissjoni kienet iktar u iktar żbaljata meta bbażat ruħha fuq il-prezz medju tal-importazzjonijiet li s-Serbja kellha biss produttur‑esportatur wieħed tagħhom, filwaqt li tnejn mill-erba’ pajjiżi l-oħra kellhom diversi minnhom. Il-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni, lil hinn mill-prezzijiet medji waħedhom, il-prezzijiet tal-esportaturi individwali tal-pajjiżi l-oħra li fuqhom huma bbażati.

46      Barra minn hekk, kien ikun aħjar li ssir analiżi ta’ paragun tat-twaqqigħ tal-prezzijiet, numru ta’ kontroll ta’ prodott b’numru ta’ kontroll ta’ prodott (NKP bi NKP), kif kienet għamlet il-Kummissjoni għall-importazzjonijiet li joriġinaw mill-erba’ pajjiżi l-oħra li huma s-suġġett tal-investigazzjoni. Sa fejn il-Kummissjoni indikat, fil-premessa 238 tar-Regolament ikkontestat, li ma użatx tali data, “minħabba li l-kalkoli tat-twaqqigħ fil-prezzijiet u l-bejgħ taħt il-prezz [kienu] jagħtu biss ħarsa lejn il-perijodu ta’ investigazzjoni għalhekk ma jippermettux li jkun hemm paragunabbiltà tal-prezzijiet matul numru ta’ snin”, ir-rikorrenti tenfasizza li l-Artikolu 3(3) tar-Regolament bażiku jipprevedi espressament li “għandu jittieħed kont ta’ jekk kienx hemm undercutting sinifikanti fil-prezzijiet tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping”. F’dan ir-rigward, l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-marġni ta’ dumping għoli tal-importazzjonijiet Serbi (38.7 %).

47      Barra minn hekk, ir-raġuni mressqa mill-Kummissjoni fil-premessa 238 tar-Regolament ikkontestat (ara l-punt 46 iktar ’il fuq) ma tistax tiġi kkonċiljata mal-argumenti invokati fil-premessi 235 u 236 ta’ dan ir-regolament li fihom il-Kummissjoni tibbaża ruħha preċiżament fuq il-prezzijiet medji matul il-perijodu ta’ investigazzjoni.

48      Minbarra dan, ir-Regolament ikkontestat ma jiħux inkunsiderazzjoni ż-żieda ġenerali fil-livell tal-importazzjonijiet li żdied minn 0.48 % fl-2013 għal 1.04 % matul il-perijodu ta’ investigazzjoni.

49      Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jikkontestaw dawn l-argumenti.

50      Skont l-Artikolu 3(4) tar-Regolament bażiku, meta l-importazzjonijiet ta’ prodott provenjenti minn iktar minn pajjiż wieħed huma fl-istess ħin suġġetti għal investigazzjonijiet antidumping, l-effetti ta’ dawn l-importazzjonijiet jistgħu jkunu biss is-suġġett ta’ evalwazzjoni kumulattiva, minn naħa, jekk il-marġni ta’ dumping stabbilit fir-rigward mal-importazzjonijiet provenjenti minn kull pajjiż huwa ogħla fil-livell de minimis fis-sens tal-Artikolu 9(3), u jekk il-volum tal-importazzjonijiet provenjenti minn kull pajjiż ma huwiex negliġibbli, u, min-naħa l-oħra, jekk evalwazzjoni kumulattiva tal-effetti tal-importazzjonijiet hija xierqa fid-dawl tal-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni bejn il-prodotti importati u kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni bejn il-prodotti importati u l-prodott Komunitarju li jixxiebah.

51      L-Artikolu 3(4) tar-Regolament bażiku għalhekk jipprevedi tliet kundizzjonijiet, jiġifieri l-marġni ta’ dumping ogħla mil-livell de minimis, il-volum tal-importazzjonijiet mhux negliġibbli u l-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni xierqa, li għandhom kollha jiġu ssodisfatti sabiex evalwazzjoni kumulattiva tal-importazzjonijiet provenjenti minn iktar minn pajjiż wieħed li jkunu simultanjament is-suġġett ta’ investigazzjonijiet antidumping tkun permessa. Min-naħa l-oħra, huwa biżżejjed li waħda minn dawn it-tliet kundizzjonijiet ma tkunx issodisfatta sabiex evalwazzjoni kumulattiva tiġi eskluża.

52      F’dan il-każ, mill-premessi 228 sa 240 tar-Regolament ikkontestat jirriżulta li l-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-importazzjonijiet provenjenti mis-Serbja ma kellhomx ikunu suġġetti għal evalwazzjoni kumulattiva mal-importazzjonijiet tal-erba’ pajjiżi l-oħra hija bbażata fuq il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:

–        il-marġnijiet tad-dumping stabbiliti fir-rigward tal-importazzjonijiet provenjenti mill-pajjiżi kkonċernati, inkluża s-Serbja, kienu ogħla mil-limitu de minimis iddefinit fl-Artikolu 9(3) tar-Regolament bażiku;

–        il-volumi ta’ importazzjoni provenjenti mis-Serbja kienu tqiesu negliġibbli;

–        il-prezzijiet għall-esportazzjoni Serbi kienu differenti minn dawk tal-erba’ pajjiżi l-oħra kkonċernati.

53      Fir-rigward, minn naħa, tal-volumi ta’ importazzjoni provenjenti mis-Serbja, mill-premessa 232 tar-Regolament ikkontestat jirriżulta li dawn ġew meqjusa negliġibbli fis-sens tal-Artikolu 3(4) tar-Regolament bażiku, peress li l-volum tal-importazzjonijiet provenjenti mis-Serbja għadda minn 427 558 tunnellata fl-2015 għal madwar 354 000 tunnellata matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, jiġifieri sehem mis-suq ta’ 1.04 % biss.

54      Fil-premessa 232 tar-Regolament ikkontestat, huwa ppreċiżat dan li ġej:

“Hija l-prattika tal-Kummissjoni li tqis ‘negliġibbli’ sehem mis-suq taħt il-livell limitu ta’ 1 % kif stabbilit mir-Regolament bażiku fil-fażi tal-bidu. Madankollu, il-Kummissjoni sabet li f’dan il-każ, 1.04 % għadu negliġibbli billi 0.04 % għandu jitqies immaterjali, b’mod partikolari meta, f’termini relattivi, il-volumi tal-importazzjonijiet mis-Serbja huma konsiderevolment aktar baxxi mill-volumi minn kull wieħed mill-erba’ pajjiżi l-oħra. Il-volumi tal-importazzjonijiet mis-Serbja kienu kważi nofs il-volumi mill-Brażil, it-tieni l-iżgħar pajjiż fejn jidħlu il-volumi tal-importazzjonijiet.”

55      Fil-premessa 234 tar-Regolament ikkontestat, bi tweġiba għall-argument tar-rikorrenti li “l-esportazzjonijiet Serbi jenħtieġ li jiġu vvalutati b’mod kumulattiv mal-importazzjonijiet mill-erba’ pajjiżi l-oħra, minħabba li l-esportazzjonijiet Serbi eċċedew il-1 % tal-livell limitu de minimis [u li] il-livell limitu ta’ 1 % ma [kienx jippermetti] għal ebda eċċezzjoni, irrispettivament kemm ikun żgħir il-perċentwal addizzjonali” (premessa 233 tar-Regolament ikkontestat), il-Kummissjoni żiedet:

“Id-deċiżjoni rigward jekk l-importazzjonijiet għandhomx ikunu vvalutati jew le b’mod kumulattiv trid tkun ibbażata fuq il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament bażiku. L-Artikolu 3(4) tar-Regolament bażiku ma jagħti importanza lill-ebda minn dawn il-kriterji individwali. Filwaqt li huwa minnu li l-importazzjonijiet minn pajjiż ma jistgħux jiġu akkumulati jekk il-volum ikun negliġibbli, f’każ kuntrarju ma jfissirx li ma għandhomx de facto jiġu akkumulati. Barra minn hekk, ir-Regolament bażiku ma jistabbilix b’mod espliċitu il-livell limitu negliġibbli. Filwaqt li l-Artikolu 5(7) tar-Regolament bażiku jista’ jservi ta’ gwida rigward il-volumi ta’ importazzjoni negliġibbli, l-Artikolu 3(4) ma jinkorporax permezz ta’ referenza dawn il-livelli limiti. Iżda, il-kliem jagħti flessibilità biżżejjed biex il-Kummissjoni twettaq analiżi każ b’każ b’kunsiderazzjoni li l-volumi extra ta’ 0.04 % kienu immaterjali.”

56      Il-volumi ta’ importazzjoni (f’tunnellati) u l-ishma mis-suq (stabbiliti skont il-paragun bejn il-volumi ta’ importazzjoni u l-konsum tal-Unjoni fis-suq ħieles) għas-Serbja kif ukoll għall-erba’ pajjiżi l-oħra, huma esposti fit-tabella 3 tar-Regolament ikkontestat (ara l-premessa 232 ta’ dan ir-regolament).

57      Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tal-prezzijiet tal-importazzjoni esposti fit-tabella 4 tar-Regolament ikkontestat, il-Kummissjoni rrilevat, fil-premessa 235 ta’ dan ir-regolament, li, minn naħa, “anki jekk il-prezzijiet medji tal-bejgħ Serbi naqsu wkoll matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, il-prezz medju tal-bejgħ tagħhom tul il-perjodu ta’ investigazzjoni (EUR 365 għal kull tunnellata) [kien] l-ogħla wieħed waqt il-perjodu ta’ investigazzjoni u ferm ogħla mill-prezzijiet medji tal-bejgħ tal-Brażil, l-Iran, ir-Russja u l-Ukrajna, li [kienu] jvarjaw bejn EUR 319 għal kull tunnellata u EUR 346 għal kull tunnellata” u “il-prezzijiet medji tal-bejgħ Serbjani kienu sinifikantement ogħla mill-prezzijiet medji tal-bejgħ tal-erba’ pajjiżi kkonċernati l-oħra”.

58      Il-Kummissjoni żiedet, fil-premessa 236 tar-Regolament ikkontestat, li “l-iffissar tal-prezzijiet, flimkien mal-volum negliġibbli, [kien] jissuġġerixxi li l-produttur esportatur Serb [kien] aktar joqgħod għall-prezzijiet milli jiffissahom hu għall-prodott ikkonċernat”. Fil-fehma tagħha, “[d]an jintwera wkoll mill-fatt li t-tnaqqis fil-prezzijiet bejn l-2015 u l-perjodu ta’ investigazzjoni [kien] aktar baxx anki f’termini relattivi meta mqabbel mat-tnaqqis fil-prezzijiet fl-erba’ pajjiżi l-oħrajn ikkonċeranti”.

59      F’dan ir-rigward, fil-kuntest tal-proċedura bil-miktub, il-Kummissjoni sostniet li l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv, peress li r-rikorrenti ma kkontestatx il-konklużjoni li hija waslet għaliha, abbażi ta’ evalwazzjoni esposta fil-premessi 235 u 236 tar-Regolament ikkontestat, skont l-Artikolu 3(4)(b) tar-Regolament bażiku, u li hija suffiċjenti sabiex tiġġustifika r-Regolament ikkontestat, peress li t-tliet kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 3(4) tar-Regolament bażiku huma kumulattivi.

60      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li, kuntrarjament għal dak li sostniet ukoll il-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura bil-miktub, it-titolu tal-ewwel motiv invokat mir-rikorrenti f’dan il-każ ma kienx limitat għall-Artikolu 3(4)(a) tar-Regolament bażiku, iżda kien jirreferi sempliċement għall-Artikolu 3(4) tal-imsemmi regolament. It-tieni nett, għalkemm ir-rikorrenti ssostni li r-Regolament ikkontestat ma kkonstatax l-eżistenza ta’ kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni differenti bejn is-Serbja u l-erba’ pajjiżi kkonċernati l-oħra minn naħa, jew ta’ kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni differenti bejn il-ħames pajjiżi u l-Unjoni min-naħa l-oħra, dan huwa preċiżament għaliex, minn naħa, hija tikkontesta l-evalwazzjoni li tinsab fil-premessi 235 u 236 ta’ dan l-aħħar regolament u, min-naħa l-oħra, hija tqis din l-evalwazzjoni bħala irrilevanti mill-perspettiva tal-Artikolu 3(4)(a) u (b) tar-Regolament bażiku. Fl-aħħar nett, it-tielet nett, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni ma kkonstatatx b’mod ċar u inekwivoku li, f’dak li jikkonċerna l-importazzjonijiet provenjenti mis-Serbja, l-evalwazzjoni kumulattiva ma kinitx xierqa b’kunsiderazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni, filwaqt li hija għamlet hekk b’mod preċiż ħafna għall-erba’ pajjiżi l-oħra (ara l-premessa 241 tar-Regolament ikkontestat).

61      Minbarra dan, fit-tweġiba tagħha għal mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali waqt is-seduta, il-Kummissjoni ammettiet li l-prezzijiet ipprattikati mill-esportaturi jistgħu wkoll ikollhom rwol fil-kuntest tal-eżami tat-tieni kundizzjoni prevista fl-Artikolu 3(4) tar-Regolament bażiku (volum ta’ importazzjoni mhux negliġibbli), u hija ppreċiżat li l-premessi 235 u 236 tar-Regolament ikkontestat għalhekk jistgħu wkoll jinftiehmu bħala “evalwazzjoni kwalitattiva” li ssaħħah l-“evalwazzjoni kwantitattiva” tan-natura negliġibbli tal-volumi ta’ importazzjoni provenjenti mis-Serbja, esposta fil-premessi 232 sa 234 ta’ dan l-aħħar r-regolament, u hija kkonstatat li, f’din il-perspettiva, l-ilment intiż għaċ-ċaħda ta’ dan il-motiv bħala ineffettiv “[sar] mingħajr skop”.

62      Għaldaqstant, ma hemmx lok li dan il-motiv jiġi miċħud bħala ineffettiv, iżda, bil-kontra, għandha tiġi eżaminata l-fondatezza tiegħu, u dan fir-rigward, fl-ewwel lok, tat-tieni kundizzjoni prevista fl-Artikolu 3(4) tar-Regolament bażiku (volum ta’ importazzjoni mhux negliġibbli).

63      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li, b’differenza tal-ewwel parti tal-Artikolu 3(4)(a) tar-Regolament bażiku li jiddefinixxi l-ewwel kundizzjoni (marġni ta’ dumping) b’mod preċiż, b’riferiment għal-livell de minimis fis-sens tal-Artikolu 9(3) tal-imsemmi regolament, jiġifieri 2 %, it-tieni parti tal-Artikolu 3(4)(a) tar-Regolament bażiku, dwar it-tieni kundizzjoni, ma tagħmel ebda riferiment u sempliċement teżiġi li l-volum tal-importazzjonijiet provenjenti minn kull pajjiż ma jkunx “negliġibbli”, mingħajr ma tiddefinixxi b’mod iktar preċiż dan l-aħħar terminu.

64      Ċertament, l-Artikolu 5(7) tar-Regolament bażiku jipprovdi li proċedura ma tkunx miftuħa kontra pajjiż li l-importazzjonijiet tiegħu jirrappreżentaw sehem mis-suq inferjuri għal 1 %, sakemm, kollettivament, dawn il-pajjiżi jirrappreżentaw 3 %, jew iktar, tal-konsum tal-Unjoni. Minbarra dan, fis-sentenza tal-25 ta’ Jannar 2017, Rusal Armenal vs Il-Kunsill (T‑512/09 RENV, EU:T:2017:26, punti 104 u 105), il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-kuntest ta’ importazzjonijiet li jirrappreżentaw sehem mis-suq ta’ 5.26 %, li din id-dispożizzjoni kienet intiża preċiżament sabiex tispjega ċ-ċirkustanzi li fihom il-parti tal-importazzjonijiet fil-konsum tal-Unjoni kienet żgħira wisq sabiex dawn l-importazzjonijiet ikunu jistgħu jitqiesu li kienu fl-oriġini ta’ dumping u li kienet teżisti, għalhekk, relazzjoni ta’ komplementarjetà bejn l-imsemmija dispożizzjoni u l-Artikolu 3(4)(a) tal-imsemmi regolament.

65      Madankollu, minn naħa, u hekk kif barra minn hekk tirrikonoxxi r-rikorrenti, fir-rigward tat-tieni kundizzjoni (volum ta’ importazzjoni mhux negliġibbli), l-Artikolu 3(4)(a) tar-Regolament bażiku ma jagħmel ebda riferiment għall-Artikolu 5(7) ta’ dan ir-regolament u lanqas għal xi dispożizzjoni oħra ta’ dan l-istess regolament.

66      Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ġustament issostni li l-Artikolu 5(7) tar-Regolament bażiku jirrigwarda stadju ieħor tal-investigazzjoni li ma huwiex l-Artikolu 3(4) ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, l-aħħar sentenza tal-Artikolu 5(7) tal-imsemmi regolament tipprovdi li, fl-ipoteżi indikata f’din id-dispożizzjoni, lanqas ma tinbeda proċedura. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 3(4) tal-istess regolament jikkonċerna l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ investigazzjoni, mibdija mill-Kummissjoni wara l-ftuħ tal-proċedura (ara l-Artikolu 6(1) tar-regolament inkwistjoni).

67      Għaldaqstant, għalkemm, kif irrilevat ġustament il-Kummissjoni fil-premessa 234 tar-Regolament ikkontestat, l-Artikolu 5(7) tar-Regolament bażiku jista’ jservi ta’ gwida f’dak li jikkonċerna l-volumi ta’ importazzjoni negliġibbli, dan ma jfissirx madankollu li, fil-kuntest tal-Artikolu 3(4) ta’ dan l-aħħar regolament, l-importazzjonijiet provenjenti mill-pajjiż inkwistjoni, li jirrappreżentaw sehem mis-suq ogħla minn 1 %, ma jistgħux jitqiesu bħala negliġibbli.

68      F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni, u b’mod partikolari fil-qasam tal-miżuri ta’ difiża kummerċjali, u b’mod partikolari waqt id-determinazzjoni tad-dannu, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa minħabba l-kumplessità tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi, politiċi u legali li huma għandhom jeżaminaw. Għalhekk il-qorti tal-Unjoni għandha tillimita l-istħarriġ tagħha għall-verifika tal-osservanza tar-regoli proċedurali, tal-eżattezza materjali tal-fatti kkunsidrati sabiex saret l-għażla kkontestata, tal-assenza ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti u tal-assenza ta’ użu ħażin ta’ poter (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Settembru 2012, Since Hardware (Guangzhou) vs Il‑Kunsill, T‑156/11, EU:T:2012:431, punti 134 u 136 u l-ġurisprudenza ċċitata).

69      F’dan il-każ, il-volum ta’ importazzjoni provenjenti mis-Serbja kien jirrappreżenta sehem mis-suq ta’ 1.04 % matul il-perijodu ta’ investigazzjoni u għalhekk kien qrib ħafna tas-sitwazzjoni li fiha, bħala prinċipju, l-Artikolu 5(7) tar-Regolament bażiku jipprojbixxi lill-Kummissjoni milli tiftaħ l-investigazzjoni (jiġifieri “sehem mis-suq ta’ inqas minn 1 %”). Barra minn hekk, mill-premessa 232 tar-Regolament ikkontestat jirriżulta li l-volumi tal-importazzjonijiet provenjenti mis-Serbja kienu kunsiderevolment inferjuri għal dawk tal-importazzjonijiet provenjenti minn kull wieħed mill-erba’ pajjiżi l-oħra. B’mod partikolari, hekk kif jirriżulta mill-istess premessa, dawn kienu jirrappreżentaw prattikament nofs dawk provenjenti mill-Brażil, it-tieni pajjiż li kellu l-volumi ta’ importazzjoni l-iktar baxxi.

70      F’dawn iċ-ċirkustanzi, li l-eżattezza materjali tagħhom barra minn hekk ma hijiex ikkontestata mir-rikorrenti, ma jidhirx li l-Kummissjoni wettqet żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti, jew saħansitra użu ħażin ta’ poter fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 68 iktar ’il fuq.

71      Huwa minnu li, fin-nota ta’ spjega msemmija fil-punt 37 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni spjegat, lill-korpi tal-WTO, li, fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ evalwazzjoni kumulattiva tal-effetti tal-importazzjonijiet, “[l-Unjoni] [stabbilixxiet] il-livelli negliġibbli ta’ importazzjonijiet meta mqabbla mal-Artikolu 5(7) [tar-Regolament bażiku]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u li, “[f]i kliem ieħor, l-importazzjonijiet [kienu] kkunsidrati bħala negliġibbli meta s-sehem mis-suq tagħhom [kien] inqas minn 1 %, sakemm, fil-każ ta’ investigazzjoni li tikkonċerna diversi pajjiżi, kollettivament is-sehem mis-suq ta’ dawn il-pajjiżi jirrappreżenta 3 % jew iktar” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

72      Minbarra dan, fil-prassi tagħha, il-Kummissjoni tirreferi regolarment għall-Artikolu 5(7) tar-Regolament bażiku fil-kuntest tal-Artikolu 3(4) tal-imsemmi regolament.

73      Fil-fatt, minbarra l-eżempji msemmija mir-rikorrenti, li fihom il-Kummissjoni rreferiet kemm direttament għall-Artikolu 5(7) tar-Regolament bażiku, billi indikat li “il-volum tal-importazzjonijiet ta’ kull pajjiż ma huwiex negliġibbli fis-sens ta’ [din id-dispożizzjoni]” [traduzzjoni mhux uffiċjali], kemm għal-limitu ta’ 1 % tal-konsum tal-Unjoni, billi indikat li “il-volum tal-importazzjonijiet taż-żewġ produtturi msemmija iktar ’il fuq kien minimu matul il-perijodu ta’ investigazzjoni: nettament inqas minn 1 % tal-konsum Komunitarju” [traduzzjoni mhux uffiċjali], il-Kummissjoni rreferiet ukoll għal din id-dispożizzjoni, bl-istess mod, f’ċertu numru ta’ kawżi oħra (ara, pereżempju, fir-rigward tal-ewwel sitwazzjoni, il-premessa 127 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/763 tat-12 ta’ Mejju 2015 li jimponi dazju provviżorju tal-antidumping fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti b’vina parallela (grain-oriented) irrumblati ċatt ta’ azzar silikon‑elettriku li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, il-Ġappun, ir-Repubblika tal-Korea, il-Federazzjoni Russa u l-Istati Uniti tal-Amerka (ĠU 2015, L 120, p. 10), u l-premessa 217 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (KE) Nru 1294/2009 tat-22 ta’ Diċembru 2009 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ ċertu xedd tas-saqajn bil-parti ta’ fuq tal-ġilda li ġej mill-Vjetnam u li joriġina fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, kif estiż għal importazzjonijiet ta’ ċertu tipi ta’ xedd tas-saqajn bil-parti ta’ fuq tal-ġilda kkunsinnati mill-Makaw SAR, sew jekk dikjarati li joriġinaw fil-Makaw SAR sew jekk le, wara reviżjoni tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 (ĠU 2009, L 352, p. 1); fir-rigward tat-tieni sitwazzjoni, il-premessa 76 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/781/KE tal-15 ta’ Novembru 2006 li ttemm il-proċediment anti-dumping li jikkonċerna l-importazzjoni ta’ tubi ta’ l-istampa tat-televiżjoni tal-kulur li jużaw ir-raġġ katodiku li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, fir-Repubblika tal-Korea, fil-Malażja u fit-Tajlandja (ĠU 2007, L 142M, p. 488); u, fir-rigward tat-tielet sitwazzjoni, il-premessa 115 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/576 tal-10 ta’ April 2019 li jimponi dazju anti-dumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ taħlitiet ta’ urea u nitrat tal-ammonju li joriġinaw fir-Russja, fi Trinidad u Tobago u fl-Istati Uniti tal-Amerka (ĠU 2019, L 100, p. 7), il-premessa 168 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/141 tas-26 ta’ Jannar 2017 li jimponi dazji antidumping definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu tagħmir iwweldjat tarf ma’ tarf ta’ tubi u pajpijiet tal-azzar li ma jsaddadx, imlestija jew le, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u t-Tajwan (ĠU 2017, L 22, p. 14, rettifika fil-ĠU 2017, L 304, p. 69), u l-premessa 109 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/181 tal-10 ta’ Frar 2016 li jimponi dazju antidumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-azzar irrumblati ċatt fil-kiesaħ li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u l-Federazzjoni Russa (ĠU 2016, L 37, p. 1)).

74      Minbarra dan, f’kawżi oħra wkoll, għalkemm il-Kummissjoni ma rreferietx espliċitament għall-Artikolu 5(7) tar-Regolament bażiku, hija madankollu għamlet riferiment għal livell jew għal limitu de minimis, għalhekk probabbilment għal-limitu previst f’din id-dispożizzjoni (ara, pereżempju, il-premessa 89 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 585/2012 tas-26 ta’ Ġunju 2012 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew tal-azzar, li joriġinaw mir-Russja u l-Ukraina, wara reviżjoni ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009, u li jtemm il-proċediment ta’ reviżjoni ta’ skadenza dwar l-importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew tal-azzar, li joriġinaw mill-Kroazja (ĠU 2012, L 174, p. 5), u l-premessa 236 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1256/2008 tas-16 ta’ Diċembru 2008 li jimponi dazju anti-dumping definittiv kontra ċerti tubi u pajpijiet iwweldjati tal-ħadid jew tal-azzar mhux illigat li joriġinaw fil-Belarus, ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u r-Russja wara proċediment taħt l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 384/96, li joriġinaw fit-Tajlandja wara reviżjoni ta’ skadenza taħt l-Artikolu 11(2) tal-istess Regolament, li joriġinaw fl-Ukraina wara reviżjoni ta’ skadenza taħt l-Artikolu 11(2) u reviżjoni interim taħt l-Artikolu 11(3) tal-istess Regolament, u li jtemm il-proċedimenti fir-rigward tal-importazzjonijiet tal-istess prodott li joriġina fil-Bożnija u Ħerzegovina u t-Turkija (ĠU 2008, L 343, p. 1, rettifika fil-ĠU 2008, L 343, p. 1)).

75      Min-naħa l-oħra, il-każijiet li fihom il-Kummissjoni sempliċement ikkonstatat li l-volum tal-importazzjonijiet inkwistjoni ma kienx negliġibbli fis-sens tal-Artikolu 3(4) tar-Regolament bażiku, mingħajr ma tirreferi għall-Artikolu 5(7) ta’ dan ir-regolament jew għal livell jew limitu de minimis huma pjuttost rari, b’mod partikolari fil-prassi reċenti tagħha (ara, pereżempju, il-premessa 105 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) 1742/2000 tal-4 ta’ Awwissu 2000 li jistabbilixxi dazju antidumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti tipi ta’ polietilen tereftalat (PET) li joriġinaw mill-Indja, mill-Indoneżja, mill-Malasja, mir-Repubblika tal-Korea, mit-Tajwan u mit-Tajlandja (ĠU 2000, L 199, p. 48), il-premessa 65 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) 1472/2000 tas-6 ta’ Lulju 2000 li jistabbilixxi dazju antidumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ fibri diskontinwi tal-poliester li joriġinaw mill-Indja u mir-Repubblika tal-Korea (ĠU 2000, L 166, p. 1), u l-premessa 32 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 178/98 tat-23 ta’ Jannar 1998 li jistabbilixxi dazju antidumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ permanganat ta’ potassju li joriġinaw mill-Indja u mill-Ukraina (ĠU 1998, L 19, p. 23).

76      Madankollu, hekk kif irrilevat ġustament il-Kummissjoni, il-legalità ta’ regolament li jistabbilixxi dazji antidumping jew, bħal f’dan il-każ, jagħlaq il-proċedura mingħajr ma jistabbilixxi dazji antidumping għandha tiġi evalwata fir-rigward ta’ regoli ta’ dritt u, b’mod partikolari, tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku, u mhux fuq il-bażi tal-allegata prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni u tal-Kunsill (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2016, Crown Equipment (Suzhou) u Crown Gabelstapler vs Il‑Kunsill, T‑351/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:616, punt 107).

77      Fir-rigward tan-nota ta’ spjega msemmija fil-punt 37 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni wkoll ġustament issostni li l-imsemmi dokument ma jistax jiġi kklassifikat bħala linji gwida li minnhom tirriżulta awtolimitazzjoni tas-setgħa diskrezzjonali tagħha fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 138 tas-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2005, Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni (T‑38/02, EU:T:2005:367). Fil-fatt, minn dan id-dokument, indirizzat lil kumitat tal-WTO, jirriżulta li l-għan tal-Kummissjoni ma kienx li tillimita s-setgħa diskrezzjonali li hija għandha fil-kuntest tar-Regolament bażiku, iżda sempliċement li tinforma lill-korpi tal-WTO bil-prassi abitwali tagħha.

78      Barra minn hekk, sa fejn ir-Regolament bażiku jipprovdi li, taħt il-limitu ta’ 1 % previst fl-Artikolu 5(7) tal-imsemmi regolament, fil-każ ta’ investigazzjoni li tikkonċerna pajjiż wieħed, ma tinfetaħx proċedura (Artikolu 5(7) ta’ dan ir-regolament) u l-ħsara normalment titqies bħala negliġibbli (Artikolu 9(3) tal-istess regolament), huwa loġiku għall-Kummissjoni li tuża dan il-limitu bħala punt ta’ referenza għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-natura negliġibbli tal-volum ta’ importazzjoni fis-sens tal-Artikolu 3(4) tar-regolament inkwistjoni, mingħajr madankollu ma jiġi kkunsidrat li dan il-limitu japplika fil-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni.

79      Minbarra dan, tnejn miż-żewġ atti rrilevati mill-intervenjenti fil-punt 28 tan-nota ta’ intervent, anki jekk jagħmlu parti minn kuntest differenti (proċedura ta’ eżami mill-ġdid u eżami tar-rabta kawżali), juru tajjeb li l-Kummissjoni diġà wriet ruħha lesta sabiex tikkunsidra bħala f’ammont żgħir, jekk mhux negliġibbli, importazzjonijiet li jirrappreżentaw sehem mis-suq ogħla minn 1 % (ara b’mod partikolari l-premessi 51, 52 u 79 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1342/2013 tat-12 ta’ Diċembru 2013 li jirrevoka l-miżuri anti-dumping fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti ħbula jew kejbils tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw fil-Federazzjoni Russa wara reviżjoni ta’ skadenza taħt l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (ĠU 2013, L 338, p. 1), u l-premessi 162 sa 166 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kummissjoni (KE) Nru 540/2002 tas-26 ta’ Marzu 2002 li jimponi dazju antidumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti tubi u pajpijiet iwweldjati tal-ħadid jew tal-azzar mhux illigat, li joriġinaw mir-Repubblika Ċeka, mill-Polonja, mit-Tajlandja, mit-Turkija u mill-Ukraina (ĠU 2002, L 83, p. 3)).

80      Konsegwentement, huwa mingħajr ma wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni li l-Kummissjoni setgħet tikkunsidra, f’dan il-każ, li l-volum ta’ importazzjonijiet provenjenti mis-Serbja baqa’ negliġibbli, fis-sens tal-Artikolu 3(4) tar-Regolament bażiku, u dan minkejja ż-żieda fil-livell ta’ importazzjonijiet minn 0.48 % fl-2013 għal 1.04 % matul il-perijodu ta’ investigazzjoni. Fil-fatt, għalkemm mill-Artikolu 3(3) tal-imsemmi regolament jirriżulta li, f’dak li jikkonċerna l-volum tal-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping, għandu jiġi eżaminat jekk kienx hemm żieda sinjifikattiva tal-imsemmija importazzjonijiet, jew fi kwantitajiet assoluti, jew meta mqabbla mal-produzzjoni jew mal-konsum fl-Unjoni, fil-każ fejn, bħas-sitwazzjoni hawnhekk, din iż-żieda (anki notevoli f’termini relattivi) tirriżulta f’volum li jibqa’ negliġibbli, din iż-żieda ma tistax taffettwa l-legalità tad-deċiżjoni li l-Kummissjoni adottat b’applikazzjoni tal-Artikolu 3(4)(a) ta’ dan ir-regolament.

81      Minbarra dan, huwa korrett li l-Kummissjoni setgħet tikkunsidra, fil-premessa 248 tar-Regolament ikkontestat, li l-fatt li l-prezzijiet ta’ bejgħ medji fis-Serbja matul il-perijodu ta’ investigazzjoni kienu kunsiderevolment ogħla minn dawk tal-erba’ pajjiżi l-oħra kkonċernati jikkonferma l-idea li volum ta’ importazzjoni daqstant baxx ma jistax jippreġudika l-industrija tal-Unjoni.

82      Hemm lok li jiġi osservat, f’dan ir-rigward, li l-kwistjoni ta’ natura negliġibbli ta’ volum ta’ importazzjoni fis-sens tal-Artikolu 3(4)(a) tar-Regolament bażiku (li jipprevedi kundizzjonijiet sabiex l-effetti tal-importazzjonijiet ta’ prodott li jkun ġej minn iktar minn pajjiż wieħed, li fl-istess ħin ikunu s-suġġett ta’ investigazzjonijiet antidumping, jistgħu jkunu s-suġġett ta’ evalwazzjoni kumulattiva), ma hijiex limitata għal dik ta’ sempliċi kwantità ta’ dan il-volum (anki f’termini relattivi, fir-rigward tas-suq tal-Unjoni jew fir-rigward tal-volumi ta’ importazzjoni minn pajjiżi terzi oħra) iżda testendi għal dik tal-kwalità tiegħu, jiġifieri għall-elementi indikattivi oħra tal-effetti li dan il-volum jista’ jipproduċi.

83      Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat, fit-tweġiba tagħha għal mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali waqt is-seduta, li, fil-każ fejn il-prezzijiet assoċjati mal-importazzjonijiet ta’ pajjiż, li l-volum tagħhom jikkorrispondi għal sehem mis-suq insinjifikattiv, huma għolja, dan il-fatt biss, u mingħajr ma jkun hemm bżonn li dawn il-prezzijiet jiġu analizzati b’mod iktar fil-fond, bħalma dan huwa sostnut mir-rikorrenti f’dan il-każ (ara l-punti 42 sa 44 iktar ’il fuq), jista’ jikkorrobora n-natura negliġibbli ta’ dan il-volum.

84      Għandu jingħad ukoll li, f’dan il-każ, il-prezzijiet assoċjati mal-importazzjonijiet ta’ provenjenza mis-Serbja kienu ogħla minn dawk tal-erba’ pajjiżi l-oħra matul il-perijodu kollu taħt eżami (ara t-tabella 4 tar-Regolament ikkontestat).

85      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti tar-rikorrenti dwar it-tieni kundizzjoni (volum ta’ importazzjoni mhux negliġibbli) u, għaldaqstant, billi l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 3(4) tar-Regolament bażiku huma kumulattivi, l-ewwel motiv kollu kemm hu, mingħajr ma hemm il-bżonn li jiġi eżaminat, fit-tieni lok, jekk, fuq il-bażi tal-elementi esposti fil-premessi 235 u 236 tar-Regolament ikkontestat, il-Kummissjoni setgħetx ukoll tikkonkludi li evalwazzjoni kumulattiva tal-effetti tal-importazzjonijiet ma kinitx xierqa fid-dawl tal-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 3(4)(b) tar-Regolament bażiku.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq żball ta’ liġi, sa fejn il-Kummissjoni qieset li ma kienx “neċessarju” li jiġu previsti miżuri ta’ difiża kontra r-Repubblika tas-Serbja, u dan anki fuq bażi mhux kumulattiva

86      Ir-rikorrenti ssostni li, anki jekk jitqies li l-Kummissjoni kellha raġun li ma takkumulax l-importazzjonijiet provenjenti mis-Serbja ma’ dawk tal-erba’ pajjiżi l-oħra, hija kellha teżamina jekk l-importazzjonijiet provenjenti mis-Serbja u li kienu s-suġġett ta’ prattiki ta’ dumping kinux waħedhom ikkontribwixxew sabiex jikkawżaw dannu materjali lill-industrija tal-Unjoni.

87      Skont ir-rikorrenti, fir-rigward, b’mod partikolari, tal-premessa 16 tar-Regolament bażiku, l-Artikolu 9(2) ta’ dan ir-regolament għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-għan ġenerali tas-sistema antidumping tal-Unjoni, li huwa li jiġi evitat id-dannu materjali kkawżat lill-industrija tal-Unjoni mill-prattiki ta’ dumping ta’ produtturi‑esportaturi ta’ pajjiżi terzi.

88      Sa fejn, skont l-Artikolu 9(3) tar-Regolament bażiku, “[g]ħal proċedimenti mibdija skont l-Artikolu 5(9) [tal-imsemmi regolament], id-dannu għandu normalment jitqies bħala negliġibbli fejn l-importazzjonijiet konċernati jirrappreżentaw inqas mill-volumi stabbiliti fl-Artikolu 5(7) [ta’ dan ir-regolament]”, ma jistax jiġi konkluż mill-Artikolu 9(3) tal-istess regolament li importazzjonijiet ftit ogħla mil-limitu ta’ 1 %, previst fl-Artikolu 5(7) tar-regolament inkwistjoni, jistgħu a priori jiġu kkunsidrati bħala importazzjonijiet li jikkawżaw dannu li huwa negliġibbli. Minn dan jista’ jiġi dedott biss li importazzjonijiet negliġibbli sa fejn huma inqas mill-imsemmi limitu jistgħu jew ma jistgħux jitqiesu bħala importazzjonijiet li jikkawżaw dannu negliġibbli.

89      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku jagħti indikazzjonijiet importanti dwar id-determinazzjoni tal-eżistenza tad-dannu. Ir-rikorrenti tafferma li barra minn hekk hija talbet evalwazzjoni indipendenti tad-dannu li jikkonċerna l-importazzjonijiet provenjenti mis-Serbja fl-osservazzjonijiet tagħha fuq id-dokument finali ta’ informazzjoni addizzjonali tal-4 ta’ Awwissu 2017.

90      Minkejja dan, il-Kummissjoni esprimiet ruħha b’mod ċar fuq il-kwistjoni tan-neċessità tal-miżuri kontra r-Repubblika tas-Serbja. Hija ma eżaminatx, kif kellha tagħmel, jekk l-importazzjonijiet li joriġinaw mis-Serbja setgħux minnhom innifishom jikkontribwixxu sabiex jikkawżaw dannu materjali, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni diversi elementi ta’ evalwazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku, jiġifieri l-marġni ta’ dumping għoli (38.7 %), id-data ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet u tal-prezzijiet indikattivi u ż-żieda globali fil-livell tal-importazzjonijiet (minn 0.48 % fl-2013 għal 1.04 % matul il-perijodu ta’ investigazzjoni). Mill-premessi 240 u 248 tar-Regolament ikkontestat jirriżulta b’mod ċar li l-unika raġuni mressqa mill-Kummissjoni sabiex tikkonkludi li ebda miżura ma kienet neċessarja kontra l-importazzjonijiet provenjenti mis-Serbja kienet li dawn kienu de minimis. Dan huwa żbaljat, peress li dawn l-importazzjonijiet kienu rrappreżentaw sehem mis-suq ta’ 1.04 %, ogħla mil-limitu ddefinit b’mod ċar ta’ 1 %.

91      Skont ir-rikorrenti, il-prezzijiet medji, imsemmija f’dan il-kuntest fil-premessa 248 tar-Regolament ikkontestat, jagħtu biss stampa parzjali tas-sitwazzjoni, peress li l-uniku produttur tas-Serbja kien fil-fatt ibigħ bi prezzijiet paragunabbli għal dawk ta’ ċerti produtturi oħra kkunsidrati bħala li kkawżaw dannu lill-produtturi tal-Unjoni u li fuqhom il-Kummissjoni imponiet dazji antidumping.

92      Il-fatt li l-produttur‑esportatur Serb ikun possibbilment “segwaċi tal-prezzijiet” huwa irrilevanti. Id-dannu huwa kkawżat mill-iffissar tal-prezz li jwaqqa’ l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni għal prodotti kompetituri. Jekk il-prezzijiet Serbi effettivament iwaqqgħu l-prezzijiet tal-Unjoni, ftit jimporta jekk il-produttur Serb segwiex il-prezzijiet tal-esportaturi l-oħra (li jipprattikaw prezzijiet ta’ dumping) jew jekk ipprovokax tnaqqis fil-prezzijiet. Kemm f’każ kif ukoll f’ieħor, l-industrija tal-Unjoni ssubixxiet dannu. Issa, fil-preżenza ta’ dumping, ta’ dannu u ta’ rabta kawżali, il-Kummissjoni hija obbligata timponi dazji b’mod mhux diskriminatorju fuq l-importazzjonijiet kollha ta’ kwalunkwe sors li jkunu ġejjin minnu. Hija ma tistax tippretendi, b’mod partikolari minn meta l-produttur Serb ikun għadda taħt il-kontroll ta’ kumpannija li tappartjeni lir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, li l-problema tal-prezzijiet Serbi tkun awtomatikament riżolta billi jiġu stabbiliti miżuri kontra l-erba’ Stati kkonċernati l-oħra, peress li l-produttur‑esportatur Serb ikun “segwaċi tal-prezzijiet”.

93      In-natura superfiċjali u parzjali tal-eżami tal-importazzjonijiet Serbi tikkonferma s-sentiment ġenerali li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħlaq il-proċedura f’dak li jikkonċerna s-Serbja ma kinitx stipulata mir-regoli legali applikabbli, iżda minn kunsiderazzjonijiet oħra (ta’ natura politika), li madankollu huma irrilevanti fil-kuntest tal-analiżi li għandha ssir skont ir-Regolament bażiku. Barra minn hekk, l-assenza ta’ motivi oħra esposti fir-Regolament ikkontestat tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 296 TFUE.

94      Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, tikkontesta dawn l-argumenti.

95      Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament bażiku, fejn ma jkunux meħtieġa miżuri protettivi, l-investigazzjoni jew il-proċedimenti għandhom jiġu tterminati.

96      Skont l-Artikolu 9(3) tar-Regolament bażiku, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fid-data ta’ adozzjoni tar-Regolament ikkontestat, għall-proċeduri miftuħa konformement mal-Artikolu 5(9) tal-imsemmi regolament, id-dannu huwa normalment ikkunsidrat bħala negliġibbli meta l-importazzjonijiet ikkonċernati jirrappreżentaw inqas mill-volumi speċifikati fl-Artikolu 5(7) ta’ dan ir-regolament. Dawn l-istess proċeduri huma immedjatament magħluqa meta jkun ġie stabbilit li l-marġini ta’ dumping, bħala perċentwali tal-prezzijiet tal-esportazzjoni, huwa inqas minn 2 %, peress li l-investigazzjoni hija magħluqa biss meta l-marġni huwa inqas minn 2 % għal esportaturi individwali u li dawn jibqgħu suġġetti għall-proċedura u jistgħu jiġu investigati mill-ġdid matul kwalunkwe eżami mill-ġdid sussegwenti mwettaq għall-pajjiż ikkonċernat skont l-Artikolu 11 tar-Regolament bażiku.

97      F’dan il-każ, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, minn naħa, li d-deċiżjoni li tingħalaq il-proċedura fir-rigward tal-importazzjonijiet provenjenti mis-Serbja hija bbażata fuq eżami superfiċjali u parzjali ta’ dawn l-importazzjonijiet u, min-naħa l-oħra, li l-assenza ta’ raġunijiet oħra minbarra dawk li huma indikati fil-premessi tar-Regolament ikkontestat tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 296 TFUE.

98      Fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 296 TFUE, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-motivazzjoni meħtieġa minn din id-dispożizzjoni għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni tal-Unjoni, awtriċi tal-att inkwistjoni, b’tali mod li l-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda sabiex ikunu jistgħu jiddefendu d-drittijiet tagħhom u lill-qorti tal-Unjoni sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara s-sentenza tal-25 ta’ Jannar 2017, Rusal Armenal vs Il‑Kunsill, T‑512/09 RENV, EU:T:2017:26, punt 139 u l-ġurisprudenza ċċitata).

99      Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha, peress li r-rekwiżiti ta’ motivazzjoni għandhom jiġu evalwati fir-rigward mhux biss tal-formulazzjoni tal-att, iżda wkoll tal-kuntest tiegħu kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-materja. Huwa biżżejjed li l-awtur tal-att jesponi l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet legali li għandhom importanza essenzjali fl-istruttura tar-Regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Jannar 2017, Rusal Armenal vs Il‑Kunsill, T‑512/09 RENV, EU:T:2017:26, punt 140 u l-ġurisprudenza ċċitata).

100    B’mod partikolari, l-istituzzjonijiet ma humiex obbligati jieħdu pożizzjoni fuq l-argumenti kollha li l-persuni kkonċernati jinvokaw quddiemhom, iżda huwa biżżejjed li huma jesponu l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet legali li jkollhom importanza essenzjali fl-istruttura tad-deċiżjoni (ara s-sentenza tal-25 ta’ Jannar 2017, Rusal Armenal vs Il‑Kunsill, T‑512/09 RENV, EU:T:2017:26, punt 141 u l-ġurisprudenza ċċitata).

101    F’dan il-każ, huwa indikat, fil-premessa 240 tar-Regolament ikkontestat, li ssegwi l-analiżi tal-marġnijiet ta’ dumping, tal-volumi ta’ importazzjoni provenjenti mis-Serbja u tal-prezzijiet għall-esportazzjoni Serbi, li “[g]ħalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-importazzjonijiet mis-Serbja m’għandhomx jiġu vvalutati b’mod kumulattiv mal-importazzjonijiet mill-erba’ pajjiżi l-oħra”, li “[b]’konsegwenza tal-konklużjoni li l-importazzjonijiet mis-Serbja kienu de minimis, ma hemmx bżonn ta’ miżuri protettivi rigward l-importazzjonijiet ta’ HRF li joriġinaw mis-Serbja”, u li “[g]ħaldaqstant, b’konformità mal-Artikolu 9(2) tar-Regolament bażiku, il-proċediment [kien] jenħtieġ li jiġi tterminat fir-rigward tal-importazzjonijiet mis-Serbja”.

102    Barra minn hekk, huwa indikat fl-ewwel inċiż tal-premessa 248 tar-Regolament ikkontestat, li “l-volumi ta’ importazzjonijiet Serbi nstabu li kienu de minimis. B’konsegwenza ta’ dan, huma negliġibbli u ma jistgħux jinstabu li jikkawżaw dannu lill-industrija tal-UE”, u li, “[i]l-fatt li l-medja Serba tal-prezzijiet tal-bejgħ tul il-perjodu ta’ investigazzjoni kienet ferm ogħla mill-medja tal-prezzijiet tal-bejgħ tal-erba’ pajjiżi kkonċernati l-oħrajn [kien] indikazzjoni oħra li dan il-volum baxx ta’ importazzjonijiet ma jistax jikkawża dannu lill-industrija tal-[Unjoni]”.

103    Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-premessi 240 u 248 tar-Regolament ikkontestat juru b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-Kummissjoni fir-rigward tan-neċessità li jiġu adottati miżuri ta’ difiża fir-rigward tal-importazzjonijiet provenjenti mis-Serbja, fis-sens tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament bażiku.

104    Il-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni setgħetx tiddeċiedi li tagħlaq il-proċedura f’dak li jikkonċerna l-importazzjonijiet provenjenti mis-Serbja abbażi biss tal-elementi identifikati b’mod partikolari fil-premessi 240 u 248 tar-Regolament ikkontestat jew jekk, f’dan il-kuntest, hija kellhiex teżamina elementi oħra, bħall-marġni ta’ dumping (għoli), data ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet u tal-prezzijiet indikattivi u ż-żieda globali fil-livell tal-imsemmija importazzjonijiet u, konsegwentement, timmotiva l-imsemmi regolament fir-rigward ta’ dawn l-elementi l-oħra, hija kwistjoni sostantiva, u għalhekk taqa’ taħt l-eżami tal-ilment ibbażat fuq eżami superfiċjali u parzjali ta’ dawn l-importazzjonijiet, hekk kif espost fil-punt 97 iktar ’il fuq.

105    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, fil-premessi 237 sa 239 tar-Regolament ikkontestat, il-Kummissjoni mmotivat espressament l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tad-data dwar it-twaqqigħ tal-prezzijiet u tal-prezzijiet indikattivi f’dak li jikkonċerna l-produttur‑esportatur Serb. F’dak li jikkonċerna l-marġnijiet ta’ dumping ta’ dan tal-aħħar u ż-żieda globali fil-livell tal-importazzjonijiet, mill-premessa 230 u mit-tabella 3 tal-imsemmi regolament jirriżulta, minn naħa, li l-Kummissjoni kienet konxja tal-fatt li l-imsemmija marġnijiet kienu ogħla mil-limitu de minimis stabbilit fl-Artikolu 9(3) tar-Regolament bażiku u, min-naħa l-oħra, li hija ma injoratx l-imsemmija żieda.

106    Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 296 TFUE għandu jiġi miċħud.

107    Fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq eżami superfiċjali u parzjali tal-importazzjonijiet provenjenti mis-Serbja, mill-premessa 240 u mill-Artikolu 2 tar-Regolament ikkontestat jirriżulta li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħlaq il-proċedura antidumping li tikkonċerna l-importazzjonijiet provenjenti mis-Serbja hija bbażata fuq l-Artikolu 9(2) tar-Regolament bażiku u fuq il-konklużjoni li “l-importazzjonijiet mis-Serbja kienu de minimis”.

108    Fil-premessa 248 tar-Regolament ikkontestat, il-Kummissjoni żiedet li l-“fatt li l-medja Serba tal-prezzijiet tal-bejgħ tul il-perjodu ta’ investigazzjoni kienet ferm ogħla mill-medja tal-prezzijiet tal-bejgħ tal-erba’ pajjiżi kkonċernati l-oħrajn [kienu] indikazzjoni oħra li dan il-volum baxx ta’ importazzjonijiet ma jistax jikkawża dannu lill-industrija tal-[Union]”.

109    Issa, għalkemm dan jista’ jidher “superfiċjali u parzjali”, b’mod partikolari minħabba l-fatt li d-deċiżjoni li l-Kummissjoni ħadet skont l-Artikolu 9(2) tar-Regolament bażiku kienet ibbażata fuq l-istess elementi bħal dawk li kienu l-bażi tad-deċiżjoni meħuda minnha skont l-Artikolu 3(4) ta’ dan l-aħħar regolament, dan ma jirrendix l-Artikolu 2 tar-Regolament ikkontestat illegali, għar-raġunijiet li ġejjin.

110    L-Artikolu 9(2) tar-Regolament bażiku jipprovdi li l-investigazzjoni jew il-proċedura hija magħluqa, “[f]ejn ma jkunux meħtieġa miżuri protettivi”, mingħajr ma jippreċiża ċ-ċirkustanzi li fihom din l-ipoteżi għandha tiġi kkunsidrata bħala aċċettata.

111    Minħabba f’hekk, l-Artikolu 9(2) tar-Regolament bażiku jħalli ċertu marġni ta’ diskrezzjoni lill-Kummissjoni.

112    Barra minn hekk, hekk kif diġà ġie rrilevat fil-punt 68 iktar ’il fuq, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni, b’mod partikolari fil-qasam tal-miżuri ta’ difiża kummerċjali, u b’mod partikolari waqt id-determinazzjoni tad-dannu (li, konformement mal-Artikolu 3(1) tar-Regolament bażiku, għandu jkun materjali) l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa minħabba l-kumplessità tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi, politiċi u legali li għandhom jeżaminaw. Għalhekk il-qorti tal-Unjoni għandha tillimita l-istħarriġ tagħha għall-verifika tal-osservanza tar-regoli proċedurali, tal-eżattezza materjali tal-fatti meqjusa sabiex tiġi applikata l-għażla kkontestata, tal-assenza ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti u tal-assenza ta’ użu ħażin ta’ poter.

113    Ċertament, bħala prinċipju, id-deċiżjoni dwar il-kwistjoni jekk, f’każ preċiż, għandux jiġi impost dazju antidumping jew le għandha tiġi bbażata fuq analiżi ddettaljata, b’mod partikolari, tal-eżistenza ta’ dumping (Artikolu 2 tar-Regolament bażiku) u tal-eżistenza ta’ dannu (Artikolu 3 tal-imsemmi regolament).

114    Madankollu, mill-formulazzjoni tar-Regolament bażiku jirriżulta li tali analiżi ddettaljata ma hijiex dejjem meħtieġa u li l-għeluq ta’ investigazzjoni jew ta’ proċedura jista’ jiġi impost, b’mod partikolari, fuq il-bażi unika tal-marġni ta’ dumping jew tal-volumi ta’ importazzjoni. Fil-fatt, skont l-Artikolu 9(3) tar-Regolament bażiku, il-proċeduri jingħalqu immedjatament meta jkun ġie stabbilit li l-marġni ta’ dumping, f’perċentwali tal-prezzijiet tal-esportazzjoni, huwa inqas minn 2 %. Skont din l-istess dispożizzjoni, id-dannu normalment jitqies bħala negliġibbli meta l-importazzjonijiet ikkonċernati jirrappreżentaw inqas mill-volumi speċifikati fl-Artikolu 5(7) ta’ dan ir-regolament.

115    F’dan il-każ, minn naħa, mill-premessi 240 u 248 tar-Regolament ikkontestat jirriżulta li kien preċiżament wieħed minn dawn l-elementi, jiġifieri l-volum tal-importazzjonijiet provenjenti mis-Serbja, li kellu rwol ċentrali fir-raġunament tal-Kummissjoni.

116    Min-naħa l-oħra, mill-premessa 232 tar-Regolament ikkontestat jirriżulta li l-volum ta’ importazzjoni provenjenti mis-Serbja kien jirrappreżenta sehem mis-suq ta’ 1.04 % matul il-perijodu ta’ investigazzjoni.

117    Issa, sehem mis-suq ta’ 1.04 % matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, li l-eżattezza materjali tiegħu ma hijiex ikkontestata mir-rikorrenti, huwa qrib ħafna l-limitu (ta’ 1 %) li taħtu d-dannu kkawżat mill-importazzjonijiet provenjenti minn pajjiż terz huwa, skont l-Artikolu 9(3) tar-Regolament bażiku moqri flimkien mal-Artikolu 5(7) tal-imsemmi regolament, normalment ikkunsidrat bħala negliġibbli.

118    Minbarra dan, kif diġà ġie rrilevat fil-punt 108 iktar ’il fuq (ara wkoll il-punti 57, 58 u 81 iktar ’il fuq), mir-Regolament ikkontestat jirriżulta (ara l-premessi 235, 236 u 248) li l-prezzijiet ta’ bejgħ medji Serbi kienu ogħla minn dawk tal-erba’ pajjiżi kkonċernati l-oħra u li, f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni kkunsidrat li dan il-fatt ikkonferma l-idea li volum ta’ importazzjoni daqshekk baxx ma jistax jippreġudika l-industrija tal-Unjoni.

119    Minn dan jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li l-formulazzjoni waħedha tal-premessa 240 tar-Regolament ikkontestat tista’ tagħti x’tifhem, il-konklużjoni li ma kienx neċessarju li jiġu adottati miżuri ta’ difiża fir-rigward tal-importazzjonijiet provenjenti mis-Serbja ma kinitx ibbażata biss fuq il-livell “de minimis” tal-volumi ta’ dawn l-importazzjonijiet, iżda fuq l-interazzjoni bejn dan l-element u dak espost fil-punt 118 iktar ’il fuq.

120    Issa, għandu jiġi kkonstatat li, minħabba raġunijiet analogi għal dawk esposti fil-punti 83 u 84 iktar ’il fuq, din l-interazzjoni setgħet validament twassal lill-Kummissjoni għall-konklużjoni li ma kienx neċessarju li jiġu adottati miżuri ta’ difiża fir-rigward tal-importazzjonijiet li l-volum tagħhom kien ċertament ogħla mil-limitu previst fl-Artikolu 9(3) tar-Regolament bażiku, iżda li baqa’, bħal f’dan il-każ, qrib ħafna ta’ dan il-limitu.

121    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma ntweriex li l-Kummissjoni marret lil hinn mill-marġni ta’ diskrezzjoni li hija kellha fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament bażiku.

122    Għaldaqstant, hemm lok li l-ilment ibbażat fuq eżami superfiċjali u parzjali tal-importazzjonijiet provenjenti mis-Serbja għandu jiġi miċħud u, għaldaqstant, it-tieni motiv kollu kemm hu bħala infondat.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament bażiku, fuq ksur tad-dritt għal informazzjoni tar-rikorrenti u tad-drittijiet tad-difiża tagħha kif ukoll fuq ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali sa fejn il-Kummissjoni rrifjutat li tikkomunika d-data ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet u tal-prezzijiet indikattivi għall-esportatur Serb

123    L-ewwel nett, ir-rikorrenti tenfasizza li l-Artikolu 3(3) tar-Regolament bażiku jindika li t-twaqqigħ tal-prezzijiet huwa element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat l-effett tal-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping fuq il-prezzijiet, li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-ħsara. Għalhekk it-twaqqigħ tal-prezzijiet u t-twaqqigħ tal-prezzijiet indikattivi huma elementi rilevanti sabiex tingħata tweġiba għall-kwistjoni dwar jekk miżuri kontra r-Repubblika tas-Serbja kinux “meħtieġa” fis-sens tal-Artikolu 9(2) tal-imsemmi regolament.

124    Ir-rikorrenti tindika li hija talbet il-komunikazzjoni tal-elementi inkwistjoni diversi drabi, jiġifieri fl-10 ta’ April 2017, wara d-dokument ta’ informazzjoni li jindika li l-proċedura kontra r-Repubblika tas-Serbja tista’ tingħalaq minħabba li l-produttur‑esportatur Serb kien “segwaċi tal-prezzijiet”, fit-2 ta’ Mejju 2017, fil-kuntest tal-osservazzjonijiet tagħha dwar l-imsemmi dokument ta’ informazzjoni, u fit-30 ta’ Mejju 2017, f’posta elettronika indirizzata lit-tim tal-Kummissjoni inkarigat mill-fajl. Hija tenfasizza li, fis-7 ta’ Awwissu 2017, fl-osservazzjonijiet tagħha dwar l-informazzjoni finali, hija tenniet l-argument tagħha li l-esklużjoni tar-Repubblika tas-Serbja ma kinitx iġġustifikata fid-dritt, peress li l-importazzjonijiet provenjenti mis-Serbja ma kinux de minimis, peress li qabżu l-limitu ta’ 1 % stabbilit mil-liġi, u li l-Kummissjoni ma kinitx ikkomunikat provi ta’ natura li jsostnu l-konstatazzjoni tagħha li l-produttur‑esportatur Serb kien “segwaċi tal-prezzijiet”, li fuqha hija bbażat ruħha sabiex tagħlaq il-proċedura kontra r-Repubblika tas-Serbja.

125    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li, waqt is-seduta tal-4 ta’ Mejju 2017, l-uffiċjal tas-seduta wera qbil magħha fir-rigward tat-talba tagħha għal komunikazzjoni tal-kalkoli tal-marġni ta’ dannu u tat-“twaqqigħ tal-prezzijiet Serb”. Fir-rapport dwar is-seduta tas-27 ta’ Lulju 2017, hija barra minn hekk tindika li, “fir-rigward tal-esklużjoni tar-[Repubblika tas-Serbja], l-uffiċjal tas-seduta ma rnexxilux jifhem ir-raġunijiet li għalihom id-data tat-twaqqigħ tal-prezzijiet għas-Serbja ma ġietx ikkomunikata, filwaqt li din tgħin lill-industrija tifhem ir-raġunijiet li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni”.

126    Minkejja dan, il-Kummissjoni rrifjutat sistematikament li tikkomunika l-elementi inkwistjoni matul il-proċedura kollha li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat.

127    Il-motivazzjoni li tiġġustifika r-rifjut li jiġi kkomunikat il-kalkolu tat-“twaqqigħ tal-prezzjijiet Serb”, li tinsab fil-premessa 238 tar-Regolament ikkontestat, hija żbaljata minħabba żewġ raġunijiet.

128    Minn naħa, il-komunikazzjoni tal-prezzijiet medji ma tistax tissostitwixxi d-data dwar it-twaqqigħ tal-prezzijiet. It-twaqqigħ tal-prezzijiet isir fuq bażi ta’ prodott bi prodott (NKP bi NKP) li jippermetti paragun preċiż tal-prezzijiet. Issa, il-prezzijiet medji ogħla, ippreżentati fil-premessa 235 tar-Regolament ikkontestat, jistgħu jew juru li l-importazzjonijiet Serbi kienu inqas mill-prezzijiet u mill-prezzijiet indikattivi ħlief l-importazzjonijiet tal-erba’ pajjiżi l-oħra, jew li l-firxa ta’ valur kienet ikbar fl-esportazzjonijiet Serbi, li ma huwiex stabbilit peress li l-analiżi tat-tnaqqis tal-prezzijiet u tal-prezzijiet indikattivi mitluba ma ġietx ikkomunikata. Huwa impossibbli li jsir magħruf jekk il-Kummissjoni pparagunatx prodotti simili, mingħajr ma jkun hemm qasma iktar fina tal-paragun prodott bi prodott.

129    Min-naħa l-oħra, ir-raġuni li għaliha l-Kummissjoni ma bbażatx ruħha fuq it-twaqqigħ tal-prezzijiet matul l-investigazzjoni ma tistax tiġi kkonċiljata mal-motivazzjoni li tinsab fil-premessi 235 u 236 tar-Regolament ikkontestat, li fihom l-imsemmija istituzzjoni bbażat ruħha preċiżament fuq il-prezzijiet medji matul il-perijodu ta’ investigazzjoni sabiex tikkonkludi, b’mod żbaljat, li l-volumi tal-importazzjonijiet Serbi kienu negliġibbli, u li l-produttur‑esportatur Serb kien “segwaċi tal-prezzijiet”.

130    Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tistax validament issostni li ma kienx neċessarju li tiġi żvelata d-data dwar it-twaqqigħ tal-prezzijiet u tal-prezzijiet indikattivi, peress li hija ma ħadithomx inkunsiderazzjoni. Din il-pożizzjoni tirrendi d-drittijiet tad-difiża illużorji, filwaqt li r-rispett tagħhom huwa ta’ importanza kbira fil-proċedura ta’ investigazzjonijiet antidumping. Skont ir-rikorrenti, analoġija hija possibbli mal-investigazzjonijiet fil-qasam tal-kompetizzjoni li fihom il-qorti tal-Unjoni kkunsidrat li ma kienx il-kompitu tal-Kummissjoni li tiddeċiedi waħedha jekk id-dokumenti kinux ta’ natura li jeħilsu lill-impriża kkonċernata. Il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet u l-emanazzjoni tiegħu fil-kawżi ta’ kompetizzjoni, l-ugwaljanza tal-livell ta’ informazzjoni li l-Kummissjoni u d-difiża għandhom ikollhom, jeżiġu li l-impriża suġġetta għall-investigazzjoni tkun tista’ tevalwa l-valur probatorju tad-dokumenti.

131    Skont ir-rikorrenti, il-komunikazzjoni tal-informazzjoni inkwistjoni u eżami imparzjali ta’ din l-informazzjoni kien iwassal għal riżultat differenti. Hija tqis li, kieku hija setgħet tieħu konjizzjoni tal-kalkoli tat-“twaqqigħ tal-prezzijiet Serb”, hija kienet tkun f’pożizzjoni li tikkonfuta l-allegazzjoni li l-produttur‑esportatur kien “segwaċi tal-prezzijiet” billi turi li d-dannu kkawżat minn dan tal-aħħar lill-industrija tal-Unjoni ma kienx negliġibbli fis-sens tal-Artikolu 9(3) tar-Regolament bażiku. Hija ssostni li hija setgħet tuża din l-informazzjoni sabiex tippreżenta argumenti determinanti lill-Kummissjoni, billi ssostni li l-approċċ previst kien żbaljat u ma kienx iġġustifikat mill-provi li jinsabu fil-fajl pubbliku.

132    Ir-rikorrenti żżid li hija setgħet ukoll tinforma lill-Istati Membri dwar it-tħassib tagħha. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li dawn tal-aħħar esprimew livell mingħajr preċedent ta’ riżervi fir-rigward tal-proposta tal-Kummissjoni f’din il-kawża, proposta li l-kumitat stabbilit skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku inizjalment ċaħad b’maġġoranza kkwalifikata.

133    Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jikkontestaw dawn l-argumenti.

134    Skont l-Artikolu 20(2) tar-Regolament bażiku, il-partijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, inklużi l-lanjanti, jistgħu jitolbu informazzjoni finali dwar il-fatti u kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom huwa maħsub li tiġi rrakkomandata l-impożizzjoni ta’ miżuri definittivi, jew l-għeluq ta’ investigazzjoni jew proċedimenti mingħajr l-impożizzjoni ta’ miżuri, b’attenzjoni partikolari li għandha tingħata għall-informazzjoni dwar il-fatti jew kunsiderazzjonijiet li jkunu differenti minn dawk użati għall-miżuri provviżorji.

135    F’dan il-każ, mill-premessi 228 sa 240 (u 248) tar-Regolament ikkontestat jirriżulta li l-konklużjoni tal-Kummissjoni li, minn naħa, l-importazzjonijiet provenjenti mis-Serbja ma kellhomx ikunu suġġetti għal evalwazzjoni kumulattiva mal-importazzjonijiet mill-erba’ pajjiżi l-oħra u, min-naħa l-oħra, il-proċedura kellha tingħalaq fir-rigward tal-importazzjonijiet provenjenti mis-Serbja hija bbażata fuq it-tliet kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punt 52 iktar ’il fuq.

136    Issa, mill-proċess imressaq quddiem il-Qorti Ġenerali jirriżulta li r-rikorrenti kienet ġiet informata b’dawn il-kunsiderazzjonijiet kemm fl-4 ta’ April 2017, permezz tad-dokument ta’ informazzjoni (ara l-paragrafi 129 sa 137 ta’ dan id-dokument, li ġie anness mal-proċess bħala Anness A.30 tar-rikors), kif ukoll fis-17 ta’ Lulju 2017, fil-kuntest tal-informazzjoni finali (ara l-paragrafi 188 sa 195 tal-informazzjoni finali, annessa mal-proċess bħala Anness A.31 tar-rikors), u li hija kienet fil-pożizzjoni, matul il-proċedura amministrattiva, li effettivament tipprova l-perspettiva tagħha dwar ir-realtà u r-rilevanza ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet (ara, b’mod partikolari, il-premessi 23, 24 u 32 tar-Regolament ikkontestat).

137    Isegwi li, konformement mal-Artikolu 20(2) tar-Regolament bażiku, ir-rikorrenti kienet ġiet informata bil-fatti u bil-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom kien previst li jiġi rrakkomandat l-għeluq tal-proċedura fir-rigward tal-importazzjonijiet provenjenti mis-Serbja mingħajr ma jiġu imposti miżuri, li hija kellha l-possibbiltà li tesprimi b’mod effettiv il-perspettiva tagħha u li d-drittijiet tad-difiża tagħha għalhekk ġew irrispettati f’dan il-każ.

138    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża ma jistax jimponi fuq l-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jaderixxu mal-perspettiva tal-persuna kkonċernata. Fil-fatt, in-natura utli tal-preżentazzjoni tal-perspettiva tal-persuna kkonċernata tirrikjedi biss li din il-perspettiva setgħet ġiet ippreżentata tempestivament sabiex l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkunu jistgħu jieħdu konjizzjoni tagħha u, bl-attenzjoni meħtieġa kollha, jevalwaw ir-rilevanza għall-kontenut tal-att li jkun previst li jiġi adottat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2014, Crown Equipment (Suzhou) u Crown Gabelstapler vs Il‑Kunsill, T‑643/11, EU:T:2014:1076, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

139    Barra minn hekk, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni setgħet, mingħajr ma twettaq żball, tagħlaq il-proċedura fir-rigward tal-importazzjonijiet provenjenti mis-Serbja abbażi biss tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punt 52 iktar ’il fuq.

140    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti, ibbażat fuq l-analoġija mal-ġurisprudenza fil-qasam tal-kompetizzjoni, b’mod iktar preċiż is-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 1995, ICI vs Il‑Kummissjoni (T‑36/91, EU:T:1995:118), li fiha l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 111, li “ma kienx il-kompitu tal-Kummissjoni li tiddeċiedi waħedha jekk id-dokumenti maqbudin fil-kuntest tal-istruttorja ta’ dawn il-kawżi kinux ta’ natura li jeħilsu lill-impriżi kkonċernati”, li “il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet u l-emanazzjoni tiegħu fil-kawżi tal-kompetizzjoni, l-ugwaljanza tal-livell ta’ informazzjoni li l-Kummissjoni [kellu] jkollha, u d-difiża, kienu jeħtieġu li r-rikorrenti tkun tista’ tevalwa l-valur probtorju tad-dokumenti li joħorġu mill-[impriża inkwistjoni] li l-Kummissjoni ma kinitx annettiet mad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet” u li ma setax jiġi aċċettat li “il-Kummissjoni, filwaqt li ddeċidiet dwar il-ksur, waħedha ddisponiet mid-dokumenti [inkwistjoni] u għalhekk setgħet tiddeċiedi waħedha li tużahom jew le sabiex jiġi stabbilit il-ksur, filwaqt li r-rikorrenti ma kellhiex aċċess għalihom u għalhekk ma setgħetx tieħu d-deċiżjoni kkorrispondenti li tużahom jew le għad-difiża tagħha”, dan għandu jiġi miċħud.

141    Ċertament, mill-ġurisprudenza jirriżulta li r-rekwiżiti li jirriżultaw mir-rispett tad-drittijiet tad-difiża japplikaw mhux biss fil-kuntest ta’ proċeduri li jistgħu jwasslu għal sanzjonijiet, iżda wkoll fil-kuntest tal-proċeduri ta’ investigazzjoni li jippreċedu l-adozzjoni ta’ regolamenti antidumping, li jistgħu jaffettwaw lill-impriżi kkonċernati b’mod dirett u individwali, u jwasslu għal konsegwenzi sfavorevoli għalihom. B’mod partikolari, fil-kuntest tal-komunikazzjoni tal-informazzjoni lill-impriżi kkonċernati matul il-proċedura ta’ investigazzjoni, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża tagħhom jimplika li dawn l-impriżi għandhom ikunu tqiegħdu f’pożizzjoni, matul din il-proċedura, li jippreżentaw b’mod effettiv il-perspettiva tagħhom dwar ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi allegati u dwar il-provi prodotti mill-Kummissjoni insostenn tal-allegazzjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ prattika ta’ dumping u tad-dannu li jirriżulta minnha (ara s-sentenza tal-10 ta’ April 2019, Jindal Saw u Jindal Saw Italia vs Il‑Kummissjoni, T‑301/16, EU:T:2019:234, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

142    Madankollu, f’dan il-każ, la r-rikorrenti u barra minn hekk lanqas il-membri tagħha ma jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik ta’ impriża li tirriskja li tiġi imposta fuqha sanzjoni jew dazju antidumping. Minn dan isegwi li hija ma tistax utilment tislet argument mill-ġurisprudenza li hija tinvoka.

143    Fir-rigward tal-allegat ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-Kummissjoni hija obbligata tirrispetta d-drittijiet fundamentali tal-Unjoni matul proċedura amministrattiva fil-qasam tad-difiża kontra l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping min-naħa ta’ pajjiżi mhux membri tal-Unjoni, li fosthom hemm id-dritt għal amministrazzjoni tajba, stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Skont il-ġurisprudenza rigward il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, fil-każijiet fejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkollhom setgħa diskrezzjonali, l-osservanza tal-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni fil-proċeduri amministrattivi għandha importanza għaldaqstant iktar fundamentali. Fost dawn il-garanziji hemm, b’mod partikolari, l-obbligu għall-istituzzjoni kompetenti li teżamina, bir-reqqa u b’imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha tal-każ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Jannar 2017, Rusal Armenal vs Il‑Kunsill, T‑512/09 RENV, EU:T:2017:26, punt 189 u l-ġurisprudenza ċċitata).

144    Issa, fil-punti 113 u 114 iktar ’il fuq diġà ġie rrilevat li, għalkemm, bħala prinċipju, id-deċiżjoni dwar il-kwistjoni jekk, f’każ speċifiku, għandux jiġi impost jew le dazju antidumping għandha tkun ibbażata fuq analiżi ddettaljata, b’mod partikolari, tal-eżistenza ta’ dumping (Artikolu 2 tar-Regolament bażiku) u fuq l-eżistenza ta’ dannu (Artikolu 3 tal-imsemmi regolament), tali analiżi ddettaljata ma hijiex dejjem meħtieġa u l-għeluq ta’ investigazzjoni jew ta’ proċedura jista’ jiġi impost, b’mod partikolari, fuq il-bażi unika tal-marġni ta’ dumping jew tal-volumi ta’ importazzjoni.

145    F’dan il-każ, mill-eżami tat-tieni motiv jirriżulta li l-Kummissjoni ġustament iddeċidiet li tagħlaq il-proċedura li tikkonċerna l-importazzjonijiet provenjenti mis-Serbja abbażi biss tal-volumi ta’ importazzjoni u ta’ data dwar il-prezzijiet ta’ bejgħ medji, u mingħajr ma analizzat id-data dwar it-twaqqigħ tal-prezzijiet u tal-prezzijiet indikattivi.

146    Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni eżaminat l-elementi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni u, għaldaqstant, ma kisritx il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

147    Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu wkoll jiġi miċħud.

148    Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-marġnijiet ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet u tal-prezzijiet indikattivi għar-Repubblika tas-Serbja li r-rikorrenti titlob li tipproduċi. Din it-talba għandha għalhekk tiġi miċħuda wkoll.

149    Konsegwentement, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu mingħajr ma hemm bżonn li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

150    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

151    Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, dawk tal-Kummissjoni u tal-intervenjenti, konformement mat-talbiet tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Eurofer, Association Européenne de l’Acier, AISBL, għandha tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea u minn HBIS Group Serbia Iron & Steel LLC Belgrade.

Collins

Barents

Passer

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-12 ta’ Marzu 2020.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.