Language of document : ECLI:EU:T:2012:491

Kawża T-361/06

Ballast Nedam NV

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq Olandiż tal-bitum għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE — Imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur — Drittijiet tad-difiża — Effetti ta’ sentenza ta’ annullament fir-rigward ta’ terzi”

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) tas-27 ta’ Settembru 2012……. ?II 0000

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) tas-27 ta’ Settembru 2012

1.      Kompetizzjoni — Regoli tal-Unjoni — Ksur — Imputazzjoni — Kumpannija parent u sussidjarji — Unità ekonomika — Kriterji ta’ evalwazzjoni — Preżunzjoni ta’ influwenza determinanti eżerċitata mill-kumpannija parent fuq is-sussidjarji miżmuma 100 % minnha — Possibbiltà għall-Kummissjoni li tikkorrobora il-preżunzjoni b’fatti intiżi li jistabbilixxu l-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti — Assenza ta’ obbligu

(Artikoli 81 KE u 82 KE)

2.      Kompetizzjoni — Regoli tal-Unjoni — Ksur — Imputazzjoni — Kumpannija parent u sussidjarji — Unità ekonomika — Kriterji ta’ evalwazzjoni — Preżunzjoni ta’ influwenza determinanti eżerċitata mill-kumpannija parent fuq is-sussidjarji miżmuma 100 % minnha — Bdil tal-oneru tal-prova u ksur tal-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza — Assenza

(Artikoli 81 KE u 82 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 2)

3.      Kompetizzjoni — Regoli tal-Unjoni — Ksur — Imputazzjoni — Kumpannija parent u sussidjarji — Unità ekonomika — Kriterji ta’ evalwazzjoni — Preżunzjoni ta’ influwenza determinanti eżerċitata mill-kumpannija parent fuq is-sussidjarji miżmuma 100 % minnha — Obbligi probatorji tal-kumpannija li tixtieq tikkonfuta din il-preżunzjoni — Dritt nazzjonali li jimponi ċerti obbligi fuq kumpanniji parent fir-rigward tas-sussidjarji tagħhom — Assenza ta’ rilevanza

(Artikoli 81 KE u 82 KE)

4.      Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata — Deċiżjoni li jiġu applikati r-regoli tal-kompetizzjoni — Regolarizzazzjoni ta’ nuqqas ta’ motivazzjoni matul il-proċedura kontenzjuża — Inammissibbiltà — Indizji supplementari intiżi li jikkompletaw motivazzjoni diġà suffiċjenti u li jirrispondu għall-argumenti tar-rikorrenti — Ammissibbiltà

(Artikoli 81 KE, 82 KE u 230 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 2)

5.      Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet — Kontenut neċessarju — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur — Deċiżjoni mhux identika għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet — Ksur tad-drittijiet tad-difiża — Kundizzjoni — Evalwazzjoni każ b’każ

(Artikoli 81 KE u 82 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 27(1))

6.      Kompetizzjoni — Regoli tal-Unjoni — Ksur — Imputazzjoni — Kumpannija parent u sussidjarji — Unità ekonomika — Ksur, mill-Kummissjoni, tad-drittijiet tad-difiża tas-sussidjarja minħabba ommissjoni fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet — Annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponi multa fuq is-sussidjarja — Effetti tas-sentenza fuq il-multa imposta fuq il-kumpannija parent — Assenza

(Artikoli 81 KE u 82 KE)

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 24-29, 35, 36)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 30)

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 32, 33)

4.      Fil-kuntest ta’ rikors għal annullament ippreżentat skont l-Artikolu 230 KE kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni, għalkemm il-Kummissjoni ma tistax, insostenn tad-deċiżjoni kkontestata, tressaq provi ġodda inkriminanti li ma jkunux ġew ikkonstatati fl-istess deċiżjoni, hija madankollu għandha dritt tirrispondi għall-argumenti tar-rikorrenti meta din tipprova tistabbilixxi abbażi tad-dokumenti l-oħra li hija ppreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, li t-teżi tal-Kummissjoni hija fattwalment żbaljata. L-awtur ta’ deċiżjoni kkontestata jista’ jipprovdi preċiżazzjonijiet fl-istadju tal-proċedura kontenzjuża sabiex jikkompleta motivazzjoni diġà suffiċjenti fiha nnifisha, peress li dawn jistgħu jkunu utli għall-istħarriġ intern tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni eżerċitata mill-qorti tal-Unjoni, sa fejn jippermettu lill-istituzzjoni tispjega r-raġunijiet li huma l-bażi tad-deċiżjoni tagħha.

(ara l-punt 49)

5.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 63-66, 69)

6.      Kumpannija kkunsidrata bħala li tifforma flimkien mas-sussidjarja tagħha l-istess impriża fis-sens tal-Artikolu 81 KE tista’ ssostni biss it-tnaqqis mill-Qorti Ġenerali, tal-ammont tal-multa imposta fuq is-sussidjarja tagħha li kellha bħala konsegwenza li l-multa li ġiet imposta fuqha separatament bħala kumpannija parent kellha wkoll tiġi ridotta, peress li din id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tirriżulta mill-fatt li l-Kummissjoni marret kontra d-drittijiet tad-difiża tas-sussidjarja billi naqset milli tindikalha, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li hija kienet qed iżżommha responsabbli għall-ksur imwettaq mit-tieni sussidjarja bħala kumpannija parent ta’ din tal-aħħar, u mhux bħala suċċessur fid-dritt.

Peress li l-Qorti Ġenerali ma kkonkludietx li kien hemm nuqqas ta’ aġir li jikkostitwixxi ksur min-naħa ta’ din it-tieni sussidjarja, u li l-Kummissjoni ppreżumiet l-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti tal-kumpannija parent tal-grupp fuq din it-tieni sussidjarja minħabba ż-żamma indiretta tal-kapital kollu tagħha, il-Kummissjoni kienet f’pożizzjoni li timputa lill-kumpannija parent tal-grupp l-aġir li jikkostitwixxi ksur tat-tieni sussidjarja u tikkundannaha in solidum għall-ħlas tal-multa. Il-Kummissjoni għandha, fil-fatt, marġni ta’ diskrezzjoni sabiex tiddeċiedi liema huma l-entitajiet f’impriża li hija tikkunsidra bħala responsabbli ta’ ksur. Il-kumpannija parent tal-grupp tista’ għalhekk tinżamm bħala l-unika responsabbli għall-aġir tat-tieni sussidjarja.

(ara l-punti 72-75)