Language of document : ECLI:EU:T:2012:250

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

22 ta’ Mejju 2012 (*)

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Applikazzjoni għal trade mark Komunitarja figurattiva li tirrappreżenta ras ta’ lupu — Trade marks nazzjonali u internazzjonali figurattivi preċedenti WOLF Jardin u Outils WOLF — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Preġudizzju għall-karattru distintiv jew għar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti — Artikolu 8(5) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009”

Fil-Kawża T‑570/10,

Environmental Manufacturing LLP, stabbilita fi Stowmarket (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn S. Malynicz, barrister, u M. Atkins, solicitor,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn A. Folliard‑Monguiral, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

Société Elmar Wolf, stabbilita fi Wissembourg (Franza), irrappreżentata minn N. Boespflug, avukat,

li għandha bħala suġġett rikors għall-annullament tad-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI, tas-6 ta’ Ottubru 2010 (Każ R 425/2010‑2), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn il-kumpannija Elmar Wolf u Environmental Manufacturing LLP,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn I. Pelikánová, President, K. Jürimäe u M. van der Woude (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: S. Spyropoulos, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ Diċembru 2010,

wara li rat ir-risposta tal-UASI ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-24 ta’ Marzu 2011,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-18 ta’ Marzu 2011,

wara s-seduta tas-17 ta’ Jannar 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fid-9 ta’ Marzu 2006, Entec Industries Ltd ippreżentat applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), kif emendat [sostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)].

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal figurattiv segwenti:

Image not found

3        Il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu, wara l-limitazzjoni li saret matul il-proċedura quddiem l-UASI, fil-klassi 7 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjonijiet segwenti: “Magni għall-ipproċessar professjonali u industrijali tal-injam u skart aħdar; magni professjonali u industrijali tal-qtugħ tal-laqx u li jqattgħu bċejjeċ żgħar tal-injam”.

4        L-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-trade marks Komunitarji Nru 38/2006 tat-18 ta’ Settembru 2006.

5        Fit-18 ta’ Diċembru 2006, l-intervenjenti, Société Elmar Wolf ressqet oppożizzjoni, skont l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 207/2009), kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għall-prodotti msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq.

6        L-oppożizzjoni kienet b’mod partikolari bbażata fuq id-drittijiet preċedenti li ġejjin:

–        it-trade mark Franċiża figurattiva rreġistrata fit-8 ta’ April 1999 bin-numru 99786007, li tkopri prodotti li jaqgħu taħt il-klassijiet 1, 5, 7, 8, 12 u 31 u fejn is-sinjal figurattiv tal-kulur aħmar u isfar huwa riprodott hawn taħt:

Image not found

–        it-trade mark Franċiża rreġistrata fit-22 ta’ Settembru 1948 bin-numru 1480873, li tkopri prodotti li jaqgħu taħt il-klassijiet 7 u 8, it-trade mark internazzjonali figurattiva rreġistrata fit-22 ta’ Ġunju 1951 bin-numru 154431, li tkopri prodotti li jaqgħu taħt il-klassijiet 7 u 8 u li għandhom effett fi Spanja u fil-Portugall, u t-trade mark internazzjonali figurattiva rreġistrata fl-20 ta’ Jannar 1969 bin-numru 352868, li tkopri prodotti li jaqgħu taħt il-klassijiet 7, 8, 12 u 21 u li għandhom effett fi Spanja, fejn is-sinjal figurattiv bl-iswed u bl-abjad li jikkorrispondi għal dawn it-tliet trade marks huwa riprodott hawn taħt:

Image not found

7        Il-motivi invokati insostenn tal-oppożizzjoni kienu dawk imsemmija fl-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009) u fl-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009).

8        Fl-24 ta’ Settembru 2007, Entec Industries ċediet l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni lir-rikorrenti, Environmental Manufacturing LLP.

9        Fit-2 ta’ Ottubru 2007, ir-rikorrenti talbet, skont l-Artikolu 43 tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 207/2009), li l-intervenjenti tipprovdi provi dwar l-użu tat-trade marks preċedenti. L-intervenjenti għalhekk ipprovdiet provi dokumentarji għal dan il-għan.

10      Fil-25 ta’ Jannar 2010, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni rrifjutat l-oppożizzjoni bbażata fuq l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, minħabba l-fatt li ma hemm l-ebda probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks ikkonċernati. Id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni rrifjutat ukoll l-oppożizzjoni bbażata fuq l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, minħabba li l-intervenjenti ma kinitx ipproduċiet provi dwar l-eżistenza ta’ ħsara għar-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti jew ta’ vantaġġ indebitu miksub minn dawn it-trade marks.

11      Fit-23 ta’ Marzu 2010, l-intervenjenti ppreżentat appell quddiem l-UASI, skont l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009, mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.

12      Permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Ottubru 2010 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), it-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI laqa’ l-appell u annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni. Għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, huwa kkunsidra li t-trade marks preċedenti kellhom reputazzjoni għolja fi tliet Stati Membri. Sussegwentement, huwa kkunsidra li jeżisti ċertu livell ta’ xebh bejn it-trade marks inkwistjoni u li l-pubbliku rilevanti seta’ jistabbilixxi rabta bejn is-sinjali, fid-dawl tal-karattru distintiv u tar-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti, u tax-xebh tal-prodotti koperti mit-trade marks inkwistjoni. Fl-aħħar lok, il-Bord tal-Appell ikkonkluda, billi rrefera għall-argumenti ppreżentati mill-intervenjenti, li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni setgħet tiddilwixxi l-immaġni unika tat-trade marks preċedenti u tikseb vantaġġ indebitu mill-karattru distintiv tagħhom jew mir-reputazzjoni tagħhom. Għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 42(2) u (3) tar-Regolament Nru 207/2009, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li sar użu ġenwin u kontinwu mit-trade marks preċedenti għall-prodotti protetti.

 It-talbiet tal-partijiet

13      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

14      L-UASI u l-intervenjenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

15      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem żewġ motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 42(2) u (3) tar-Regolament Nru 207/2009. Skont ir-rikorrenti, l-intervenjenti ma kinitx ipproduċiet prova tal-użu ġenwin tat-trade marks preċedenti għall-prodotti koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8(5) tal-imsemmi regolament. Skont ir-rikorrenti, il-Bord tal-Appell applika din id-dispożizzjoni b’mod żbaljat.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 42(2) u (3) tar-Regolament Nru 207/2009

16      L-Artikolu 42(2) tar-Regolament Nru 207/2009 jipprovdi dan li ġej:

“Fuq talba tal-applikant, il-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja preċedenti li jkun għamel notifika għandu jġib provi li, waqt il-perjodu ta’ ħames snin qabel id-data ta’ pubblikazzjoni tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, ikun sar użu ġenwin mit-trade mark Komunitarja preċedenti fil-Komunità f’konnessjoni mal-prodotti jew servizzi li għalihom hija tkun reġistrata u li huwa qiegħed isemmi bħala ġustifikazzjoni għall-oppożizzjoni tiegħu, jew li hemm raġunijiet validi għalfejn m’għandhiex tintuża, sakemm it-trade mark Komunitarja preċedenti tkun f’dik id-data ilha reġistrata għal mhux inqas minn ħames snin. F’nuqqas ta’ provi ta’ din ix-xorta, l-oppożizzjoni għandha tiġi miċħuda. Jekk it-trade mark Komunitarja preċedenti tkun intużat f’konnessjoni ma’ parti biss mill-prodotti jew servizzi li għalihom tkun reġistrata, hija għandha, għall-finijiet tal-eżaminazzjoni tal-oppożizzjoni, titqies li hija reġistrata biss f’konnessjoni ma’ dik il-parti tal-prodotti jew servizzi.”

17      Skont l-Artikolu 42(3) tar-Regolament Nru 207/2009, il-paragrafu (2) japplika għal trade marks nazzjonali preċedenti msemmija fl-Artikolu 8(2)(a) ta’ dan ir-regolament, u dana billi l-użu fl-Istat Membru fejn it-trade mark nazzjonali preċedenti hija protetta jiġi sostitwit b’użu fil-Komunità.

18      Ir-rikorrenti ssostni li l-intervenjenti wriet biss li hija kienet użat it-trade marks preċedenti għall-magni u strumenti għall-ġardinaġġ intiżi għall-pubbliku inġenerali, iżda mhux għall-magni u strumenti għall-ġardinaġġ professjonali. Il-magni u l-istrumenti għall-ġardinaġġ domestiku jikkostitwixxu sottokategorija ta’ prodotti distinti minn dawk tal-magni u strumenti għall-ġardinaġġ professjonali. Billi tirreferi għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Lulju 2005, Reckitt Benckiser (Spanja) vs UASI — Aladin (ALADIN) (T‑126/03, Ġabra p. II‑2861), ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell kellu jieħu inkunsiderazzjoni din id-distinzjoni fl-evalwazzjoni tagħha dwar l-użu ġenwin tat-trade marks preċedenti. Konsegwentement, il-portata tal-protezzjoni tat-trade marks preċedenti kellha tkun limitata.

19      L-UASI u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

20      Qabelxejn, għandu jitfakkar li l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 207/2009 jirrigwarda l-prova ta’ użu ġenwin għall-prodotti jew servizzi li fuqhom l-oppożizzjoni hija bbażata. Dawn il-prodotti huma, fil-każ inkwistjoni, il-prodotti koperti mit-trade marks preċedenti invokati mill-intervenjenti u mhux il-prodotti koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Issa, ir-rikorrenti ma hijiex tikkontesta li l-intervenjenti pproduċiet prova ta’ użu ġenwin tat-trade marks preċedenti għall-prodotti koperti minnhom.

21      Mis-sentenza ALADIN jirriżulta, fil-punt 18 iktar ’il fuq li fuqu bbażat ruħha r-rikorrenti, li għalkemm il-kunċett ta’ użu parzjali għandu bħala għan li ma jeskludix dawk it-trade marks li ma ġewx użati għal kategorija speċifika ta’ prodotti, madankollu dan ma għandux ikollu l-effett li jċaħħad il-proprjetarju tat-trade mark preċedenti minn kull protezzjoni għal prodotti li, mingħajr ma jkunu eżattament identiċi għal dawk li għalihom huwa seta’ jipproduċi prova ta’ użu ġenwin, ma humiex essenzjalment differenti minn dawk li jirriżultaw mill-istess grupp li jista’ jiġi maqsum biss b’mod arbitrarju. Jeħtieġ f’dan ir-rigward li jiġi osservat li huwa fil-prattika impossibbli li l-proprjetarju ta’ trade mark jipproduċi l-prova tal-użu tagħha għall-varjanti kollha possibbli tal-prodotti kkonċernati mir-reġistrazzjoni. Għaldaqstant, il-kunċett ta’ “parti mill-prodotti jew servizzi” ma jistax jiġi estiż għal kull użu kummerċjali ta’ prodotti jew servizzi analogi, iżda biss għal prodotti u servizzi suffiċjentement differenti sabiex ikunu jistgħu jikkostitwixxu kategoriji jew sottokategoriji koerenti (sentenza ALADIN, punt 18 iktar ’il fuq, punt 46).

22      Issa, fir-rigward ta’ prodotti għall-ġardinaġġ koperti mit-trade marks preċedenti, ma huwiex possibbli li jiġu distinti kategoriji jew sottokategoriji ta’ prodotti koerenti skont l-użu professjonali jew skont il-pubbliku inġenerali tagħhom. Għalkemm huwa probabbli li wħud minn dawn il-prodotti huma prinċipalment indirizzati għal klijentela professjonali, madankollu jibqa’ l-fatt li l-biċċa l-kbira minn dawn il-prodotti jaqdu l-istess bżonnijiet ta’ ġardinaġġ, li l-ortikulturisti professjonali jużaw l-istess għodda li jużaw il-ġardinara okkażjonali u li dawn tal-aħħar huma jistgħu jakkwistaw ukoll tagħmir ta’ daqs kbir, bħal dawk proposti mir-rikorrenti. Pereżempju, ġardinar professjonali li jaħdem f’reġjun urban mhux ser jara l-ħtieġa li jakkwista magni ta’ daqs kbir, filwaqt li ġardinar okkażjonali li jgħix fil-kampanja jista’ jkollu tali bżonn, b’mod partikolari jekk ikollu jieħu ħsieb artijiet miksija bis-siġar.

23      Għalkemm ir-rikorrenti tosserva ġustament li l-Bord tal-Appell kellu jeżamina l-kwistjoni dwar l-użu ġenwin qabel ma janalizza l-fondatezza tal-oppożizzjoni magħmula mill-intervenjenti, hija ma ġabet l-ebda element suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li l-Bord tal-Appell wettaq żball ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-prova mill-intervenjenti ta’ użu ġenwin skont l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 207/2009.

24      Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009

25      Għandu qabelxejn jitfakkar, li, skont l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, “malli ssir opposizzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark preċedenti skont it-tifsira tal-paragrafu 2, it-trade mark li għaliha tkun saret applikazzjoni m’għandhiex tiġi reġistrata jekk din tkun identika jew jekk tkun tixbah trade mark preċedenti, u għandha tiġi reġistrata għal prodotti jew servizzi li ma jixbħux lil dawk li għalihom tkun reġistrata it-trade mark preċedenti, meta f’każ ta’ trade mark Komunitarja preċedenti it-trade mark għandha reputazzjoni fil-Komunità u, f’każ ta’ trade mark nazzjonali preċedenti, it-trade mark għandha reputazzjoni fl-Istat Membru konċernat, u dana meta l-użu mingħajr dritt tat-trade mark li għaliha tkun saret applikazzjoni ikun jieħu vantaġġ inġust, jew ikun ta’ ħsara għall-karattru distintiv jew għar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti”.

26      Mill-kliem tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 jirriżulta wkoll li l-applikazzjoni tiegħu hija suġġetta għall-kundizzjonijiet li ġejjin: fl-ewwel lok, l-identiċità jew ix-xebh tat-trade marks kunfliġġenti; fit-tieni lok, l-eżistenza ta’ reputazzjoni tat-trade mark preċedenti invokata insostenn tal-oppożizzjoni u, fit-tielet lok, l-eżistenza ta’ probabbiltà li l-użu mingħajr dritt tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jwassal sabiex jinkiseb vantaġġ indebitu mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti jew sabiex jikkawżalhom ħsara. Dawn il-kundizzjonijiet huma kumulattivi u n-nuqqas ta’ waħda minnhom hija biżżejjed sabiex tirrendi din id-dispożizzjoni inapplikabbli [sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Mejju 2005, Spa Monopole vs UASI — Spa‑Finders Travel Arrangements (SPA‑FINDERS), T‑67/04, Ġabra p. II‑1825, punt 30].

27      Għal dak li jirrigwarda t-tielet kundizzjoni msemmija fil-punt preċedenti, l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 jiddistingwi bejn tliet tipi ta’ probabbiltajiet distinti, jiġifieri li l-użu mingħajr dritt tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, fl-ewwel lok, jikkawża ħsara għall-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti, fit-tieni lok, jikkawża ħsara għar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti jew fit-tielet lok, jikseb vantaġġ indebitu mill-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti. L-ewwel tip ta’ probabbiltà msemmi minn din id-dispożizzjoni jinħoloq meta t-trade mark preċedenti ma tibqax f’pożizzjoni li tqanqal assoċjazzjoni immedjata mal-prodotti li għalihom hija rreġistrata u użata. Din il-probabbiltà tirrigwarda d-dilwizzjoni tat-trade mark preċedenti permezz tat-telf tal-identità tagħha u tal-influwenza fuq moħħ il-pubbliku. It-tieni tip ta’ probabbiltà msemmi huwa kkostitwit meta l-prodotti jew is-servizzi koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jistgħu jitqiesu mill-pubbliku b’tali mod u manjiera li l-forza tal-attrazzjoni tat-trade mark preċedenti titnaqqas. It-tielet tip ta’ probabbiltà msemmi huwa dak li l-immaġni tat-trade mark li għandha reputazzjoni jew il-karatteristiċi li din tal-aħħar tirrifletti jiġu ttrasferiti lill-prodotti koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, b’tali mod li l-kummerċjalizzazzjoni tagħhom tkun iffaċilitata b’din l-assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti li għandha reputazzjoni [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Marzu 2007, Sigla vs UASI — Elleni Holding (VIPS), T‑215/03, Ġabra, p. II‑711, punti 36 sa 42, u l-ġurisprudenza ċċitata]. Meta l-ewwel żewġ kundizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti huma sodisfatti, il-preżenza ta’ waħda biss minn dawn it-tliet tipi ta’ preġudizzju hija biżżejjed sabiex l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 ikun applikabbli (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Novembru 2008, Intel Corporation, C‑252/07, Ġabra p. I‑8823, punt 28).

28      Fil-każ inkwistjoni, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell wettaq żbalji fl-evalwazzjoni tiegħu tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, kemm fir-rigward tal-probabbiltà ta’ ħsara għall-karattru distintiv tat-trade marks preċedenti (iktar ’il quddiem il-“probabbiltà ta’ dilwizzjoni”) kif ukoll għal dak li jirrigwarda l-probabbiltà li r-rikorrenti tikseb vantaġġ indebitu mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti (iktar ’il quddiem il-“probabbiltà ta’ parassitiżmu”.)

29      Qabelxejn għandhom jiġu eżaminati dawn l-ilmenti sa fejn jirrigwardaw il-probabbiltà ta’ dilwizzjoni u sussegwentement jiġu evalwati, skont il-każ, l-ilmenti għal dak li jirrigwarda l-probabbiltà ta’ parassitiżmu.

 Fuq il-pubbliku rilevanti

30      Fil-punt 16 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ikkonkluda, għall-prodotti msemmija li jaqgħu fil-klassi 7 skont il-Ftehim ta’ Nice, li l-pubbliku rilevanti kien kompost mill-pubbliku inġenerali fi Spanja, fi Franza u fil-Portugall li huwa normalment informat u kif ukoll raġonevolment attent u avżat.

31      Ir-rikorrenti ssostni li l-probabbiltà ta’ dilwizzjoni għandha tiġi evalwata skont il-perċezzjoni tal-pubbliku li għalih huma intiżi t-trade marks preċedenti filwaqt li l-probabbiltà ta’ parassitiżmu għandha tiġi evalwata skont il-perċezzjoni tal-pubbliku li għalih hija intiża t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Sa fejn il-Bord tal-Appell ma għamilx din id-distinzjoni, meta kkunsidra li l-pubbliku kien dejjem l-istess, indipendentement mill-preġudizzju inkwistjoni, huwa wettaq żball ta’ liġi.

32      Għandu jiġi nnotat, skont ir-rikorrenti, li l-pubbliku li għandu jiġi kkunsidrat ivarja skont t-tip ta’ preġudizzju allegat mill-proprjetarju tat-trade mark preċedenti. Fil-fatt, minn naħa, kemm il-karattru distintiv kif ukoll ir-reputazzjoni ta’ trade mark għandhom jiġu evalwati fir-rigward tal-perċezzjoni li għandu l-pubbliku rilevanti, li huwa kkostitwit mill-konsumatur medju tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom din it-trade mark hija rreġistrata, li jkun normalment informat u raġonevolment attent u prudenti. B’hekk, l-eżistenza ta’ preġudizzju kkostitwit mill-ħsara għall-karattru distintiv jew għar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti għandha tiġi evalwata billi jsir riferiment għall-konsumatur medju tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom din it-trade mark hija rreġistrata, li jkun normalment informat u raġonevolment attent u prudenti. Min-naħa l-oħra, għal dak li jirrigwarda l-preġudizzju kkostitwit mill-vantaġġ indebitu miksub mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti, sa fejn dak li huwa pprojbit huwa l-vantaġġ miksub minn din it-trade mark mill-proprjetarju tat-trade mark sussegwenti, l-eżistenza tal-imsemmi preġudizzju għandha tiġi evalwata billi jsir riferiment għall-konsumatur medju tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom it-trade mark sussegwenti hija rreġistrata, li jkun normalment informat u raġonevolment attent u prudenti (sentenza Intel Corporation, punt 27 iktar ’il fuq, punti 33 sa 36).

33      Minn dan isegwi li l-Bord tal-Appell, bħala prinċipju, huwa obbligat li jidentifika l-pubbliku rilevanti skont it-tip ta’ preġudizzju li huwa jkun qiegħed jeżamina abbażi tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009.

34      Madankollu, il-fatt li l-Bord tal-Appell ma għamilx din id-distinzjoni fil-każ inkwistjoni ma jistax jaffettwa r-riżultat tal-evalwazzjoni tiegħu tal-probabbiltà ta’ dilwizzjoni. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 32 iktar ’il fuq u kif ir-rikorrenti stess tikkonstata fir-rikors tagħha, il-pubbliku rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni ta’ tali riskju huwa l-pubbliku li għalih huma intiżi dawn it-trade marks preċedenti. Issa, huwa preċiżament dan il-pubbliku li l-Bord tal-Appell ħa inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tiegħu.

35      Konsegwentement, l-ilment li jirrigwarda l-iżball ta’ liġi mwettaq mill-Bord tal-Appell fid-definizzjoni tal-pubbliku rilevanti huwa irrilevanti sa fejn jikkonċerna l-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ dilwizzjoni u, għaldaqstant, jista’ jiġi biss imwarrab.

 Fuq ir-rabta bejn it-trade marks inkwistjoni

36      Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 ma hijiex suġġetta għall-kostatazzjoni ta’ livell ta’ xebh bejn it-trade marks inkwistjoni li jwassal, fil-moħħ tal-pubbliku kkonċernat, għal probabbiltà ta’ konfużjoni bejn dawn it-trade marks. Huwa suffiċjenti li l-livell ta’ xebh bejn dawn it-trade marks ikollu l-effett li l-pubbliku kkonċernat jistabbilixxi rabta bejniethom [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Mejju 2007, La Perla vs UASI — Worldgem Brands (NIMEI LA PERLA MODERN CLASSIC), T‑137/05, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata].

37      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(4)(a) tal-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 92), li l-kontenut tiegħu huwa essenzjalment identiku għal dak tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, l-elementi segwenti jistgħu jiġu ċċitati bħala fatturi rilevanti għall-evalwazzjoni tal-eżistenza tar-rabta msemmija iktar ’il fuq: il-livell ta’ xebh bejn it-trade marks kunfliġġenti, in-natura tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom it-trade marks kunfliġġenti huma rreġistrati rispettivament, inkluż il-livell ta’ xebh jew ta’ nuqqas ta’ xebh bejn dawn il-prodotti jew servizzi, kif ukoll il-pubbliku kkonċernat, l-intensità tar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti, il-livell ta’ karattru distintiv, intrinsiku jew miksub bl-użu tat-trade mark preċedenti u l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni f’moħħ il-pubbliku (sentenza Intel Corporation, punt 27 iktar ’il fuq, punt 42).

38      Fil-każ inkwistjoni, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell ma applikax il-kriterji ċċitati fil-punt preċedenti sabiex jevalwa jekk il-konsumaturi tal-prodotti inkwistjoni jagħmlux rabta bejn it-trade marks kunfliġġenti.

39      Ir-rikorrenti ssostni li l-probabbiltà li tali rabta tista’ ssir hija estremament baxxa. Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li l-provi tal-użu prodotti mill-intervenjenti juru li l-użu tat-trade marks preċedenti, u għalhekk tar-reputazzjoni tagħhom, huwa limitat għas-settur tal-ġardinaġġ domestiku. Minħabba l-fatt li l-prodotti tar-rikorrenti huma limitati għas-settur professjonali u speċjalizzat, huwa estremament improbabbli li l-konsumaturi medji tal-prodotti li għalihom it-trade marks preċedenti għandhom reputazzjoni jiltaqgħu mat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Fit-tieni lok, hemm differenzi kbar bejn it-trade marks kunfliġġenti.

40      L-UASI u l-intervenjenti jsostnu li dawn l-argumenti ma humiex fondati.

41      Qabelxejn, għandu jitfakkar li r-rabta bejn it-trade marks kunfliġġenti għandha tiġi evalwata b’mod globali, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi kollha rilevanti tal-każ inkwistjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Ottubru 2003, Adidas-Salomon u Adidas Benelux, C‑408/01, Ġabra p. I‑12537, punt 30).

42      Għalkemm, fis-sentenza Intel Corporation, punt 27 iktar ’il fuq (punt 42), il-Qorti tal-Ġustizzja enumerat serje ta’ kriterji li permezz tagħhom l-eżistenza ta’ tali rabta tista’ tiġi stabbilita, dawn il-punti ma jikkostitwixxux lista eżawrjenti li għandha tiġi applikata kollha kemm hi f’kull każ. Għal kuntrarju, jista’ jagħti l-każ li rabta bejn it-trade marks kunfliġġenti tiġi stabbilita abbażi ta’ dawn il-kriterji jew li l-eżistenza ta’ tali rabta tirriżulta minn fatturi li ma jissemmewx fis-sentenza Intel Corporation, punt 27 iktar ’il fuq. Fil-fatt, il-kwistjoni dwar jekk il-pubbliku rilevanti jagħmilx jew le assoċjazzjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti hija kwistjoni fattwali li ma tistax issib is-soluzzjoni tagħha ħlief fil-fatti u fiċ-ċirkustanzi speċifiċi għal kull każ.

43      Issa, kuntrarjament għal dak li tafferma r-rikorrenti, fil-każ inkwistjoni l-Bord tal-Appell ħa ġustament inkunsiderazzjoni ċerti kriterji ta’ evalwazzjoni identifikati fis-sentenza Intel Corporation, punt 27 iktar ’il fuq. Huwa fakkar, fil-punt 26 tad-deċiżjoni kkontestata, li t-trade marks preċedenti jibbenefikaw minn reputazzjoni għolja, li kien jeżisti ċertu livell ta’ xebh bejn it-trade marks kunfliġġenti u li l-prodotti koperti b’dawn it-trade marks kienu identiċi jew simili ħafna.

44      Għal dak li jirrigwarda b’mod iktar partikolari l-livell ta’ xebh bejn it-trade marks kunfliġġenti, il-Bord tal-Appell għamel, fil-punti 19 sa 23 tad-deċiżjoni kkontestata, evalwazzjoni dettaljata tax-xebh viżiv taż-żewġ trade marks li jirrappreżentaw it-tnejn li huma l-immaġni ta’ lupu, tan-nuqqas ta’ ħtieġa li jsir paragun fonetiku għal trade mark li hija purament figurattiva u, fl-aħħar nett, tax-xebh kunċettwali bejn dawn it-trade marks.

45      Għalkemm huwa minnu, kif tosserva r-rikorrenti, li l-lupi rrappreżentati miż-żewġ trade marks huma differenti, peress li wieħed minnhom huwa mpinġi fid-dettall b’arja aggressiva filwaqt li l-ieħor huwa viżibbilment iktar doċli peress li huwa rrappreżentat f’inqas dettall, madankollu, il-Bord tal-Appell ħa ġustament inkunsiderazzjoni dawn id-differenzi fl-evalwazzjoni tiegħu u kkonstata ġustament, fil-punt 19 tad-deċiżjoni kkontestata, li dawn id-differenzi ma humiex ta’ importanza tali li l-pubbliku rilevanti, li għandu livell ta’ attenzjoni medju u memorja imperfetta, ma huwiex ser jassoċja l-immaġni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma’ dik tat-trade marks preċedenti.

46      Għal dak li jirrigwarda x-xebh tal-prodotti koperti mit-trade marks kunfliġġenti, għandu jitfakkar li l-ilment tar-rikorrenti huwa bbażat fuq il-premessa żbaljata li tgħid li tista’ ssir distinzjoni koerenti bejn, minn naħa waħda, il-magni u l-istrumenti intiżi għall-pubbliku inġenerali u, min-naħa l-oħra, il-magni u l-istrumenti intiżi għal ortikulturisti professjonali. Fil-fatt, mill-evalwazzjoni ta’ dan l-ilment fil-punt 22 iktar ’il fuq jirriżulta li l-prodotti koperti mit-trade marks preċedenti huma intiżi għall-ġardinara kemm professjonali kif ukoll okkażjonali u li t-talba għall-prodotti proposti mir-rikorrenti tista’ wkoll toriġina minn utenti kemm professjonali kif ukoll okkażjonali.

47      Minn dan isegwi li l-Bord tal-Appell ikkunsidra ġustament li l-pubbliku rilevanti seta’ jistabbilixxi rabta bejn is-sinjali li huma rrappreżentati miż-żewġ trade marks kunfliġġenti u li l-ilment mqajjem mir-rikorrenti f’dan ir-rigward għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq l-effetti ekonomiċi tal-assoċjazzjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti

48      Għal dak li jirrigwarda l-probabbiltà ta’ dilwizzjoni, ir-rikorrenti ssostni, billi tirreferi għall-punt 77 tas-sentenza Intel Corporation, punt 27 iktar ’il fuq, li l-proprjetarju tat-trade mark preċedenti għandu jistabbilixxi u jipprova li l-użu tat-trade mark sussegwenti ser ikollha impatt fuq l-aġir tal-konsumaturi tal-prodotti koperti mit-trade mark preċedenti jew li hemm probabbiltà serja li dan iseħħ fil-futur. Il-Bord tal-Appell naqas milli jevalwa dan l-impatt fil-każ inkwistjoni.

49      Ir-rikorrenti ssostni li l-intervenjenti kellha tippreżenta argumenti li jispjegaw b’mod konkret kif id-dilwizzjoni kienet ser tikkawżalha ħsara. Għaldaqstant, is-sempliċi fatt li tissemma dilwizzjoni ma huwiex biżżejjed sabiex jiġġustifika l-applikazzjoni tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009.

50      Qabelxejn, għandu jitfakkar li r-raġuni għal rifjut ibbażata fuq il-probabbiltà ta’ dilwizzjoni, kif previst fl-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, tikkontribwixxi, flimkien mar-raġunijiet relattivi l-oħra għal rifjut mogħtija fl-imsemmi artikolu, għaż-żamma tal-funzjoni prinċipali tat-trade mark, jiġifieri l-funzjoni ta’ oriġini tagħha. Għal dak li jirrigwarda l-probabbiltà ta’ dilwizzjoni, din il-funzjoni hija kompromessa meta tiddgħajjef il-kapaċità ta’ din it-trade mark li tidentifika l-prodotti jew is-servizzi li għalihom hija rreġistrata u użata bħala li joriġinaw mill-proprjetarju tal-imsemmija trade mark, peress li l-użu tat-trade mark sussegwenti jwassal għat-tnaqqis gradwali mis-saħħa tal-identità tat-trade mark preċedenti u tal-influwenza tagħha fuq il-pubbliku. Dan huwa partikolarment il-każ meta t-trade mark preċedenti, li kienet tqanqal assoċjazzjoni immedjata mal-prodotti jew mas-servizzi li għalihom hija rreġistrata, ma tkunx iktar f’pożizzjoni li tagħmel dan (sentenza Intel Corporation, punt 27 iktar ’il fuq, punt 29).

51      Mis-sentenza Intel Corporation, punt 27 iktar ’il fuq, jirriżulta li huwa l-obbligu tal-proprjetarju tat-trade mark preċedenti li jibbenefika mill-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 li jipproduċi l-prova li l-użu tat-trade mark sussegwenti jikkawża ħsara għall-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti tiegħu. Għal dan il-għan, il-proprjetarju tat-trade mark preċedenti ma huwiex marbut li juri l-eżistenza ta’ preġudizzju effettiv u attwali għat-trade mark tiegħu. Fil-fatt, meta jkun jista’ jiġi dedott li tali preġudizzju ser jirriżulta mill-użu li l-proprjetarju tat-trade mark sussegwenti jista’ jagħmel mit-trade mark tiegħu, il-proprjetarju tat-trade mark preċedenti ma huwiex obbligat jistenna li dan effettivament iseħħ sabiex ikun jista’ jipprojbixxi l-imsemmi użu. Il-proprjetarju tat-trade mark preċedenti għandu madankollu jistabbilixxi l-eżistenza ta’ elementi li jippermettu li jiġi konkluż li hemm probabbiltà serja li tali preġudizzju jseħħ fil-futur (sentenza Intel Corporation, punt 27 iktar ’il fuq, punti 37, 38 u 71).

52      Għal dan il-għan, il-proprjetarju tat-trade mark preċedenti għandu jipproduċi provi li abbażi tagħhom ikun jista’ jiġi konkluż li prima facie teżisti probabbiltà fil-futur, li ma tkunx ipotetika, ta’ ħsara (sentenza SPA-FINDERS, punt 26 iktar ’il fuq, punt 40). Konklużjoni bħal din tista’ tkun stabbilita, b’mod partikolari, fuq il-bażi tad-deduzzjonijiet loġiċi li jirriżultaw minn analiżi tal-probabbiltajiet u b’kunsiderazzjoni tal-prattiki normali fis-settur kummerċjali rilevanti kif ukoll ta’ kull ċirkustanza oħra ta’ dan il-każ [sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ April 2008, Citigroup u Citibank vs UASI — Citi (CITI), T‑181/05, Ġabra p. II‑669, punt 78].

53      Madankollu, ma’ jistax jiġi meħtieġ li, minbarra dawn l-elementi, il-proprjetarju tat-trade mark preċedenti juri effett supplimentari mal-wasla tat-trade mark sussegwenti fuq l-aġir ekonomiku tal-konsumatur medju tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom it-trade mark preċedenti hija rreġistrata. Fil-fatt, tali kundizzjoni ma hija stipulata la fl-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 u lanqas fis-sentenza Intel Corporation, punt 27 iktar ’il fuq.

54      Għal dak li jirrigwarda l-punt 77 tas-sentenza Intel Corporation, punt 27 iktar ’il fuq, mill-għażla tal-kliem “b’hekk jirriżulta” u mill-istruttura tal-punt 81 tal-istess sentenza jirriżulta li l-bidla fl-aġir ekonomiku tal-konsumatur, li għaliha tagħmel riferiment ir-rikorrenti insostenn tal-ilment tagħha, hija stabbilita peress li l-proprjetarju tat-trade mark preċedenti rnexxielu juri, f’konformità mal-punt 76 tal-imsemmija sentenza, li tiddgħajjef il-kapaċità ta’ din it-trade mark li tidentifika l-prodotti jew is-servizzi li għalihom hija rreġistrata u użata bħala li joriġinaw mill-proprjetarju tal-imsemmija trade mark, peress li l-użu tat-trade mark sussegwenti jwassal għat-tnaqqis gradwali mis-saħħa tal-identità tat-trade mark preċedenti u tal-influwenza tagħha fuq il-pubbliku.

55      Għandu jiġi eżaminat jekk il-Bord tal-Appell applikax b’mod korrett dawn il-prinċipji fil-każ inkwistjoni.

56      Għal dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-allegazzjoni li skontha l-intervenjenti limitat ruħha sabiex tinvoka mingħajr provi l-probabbiltà ta’ dilwizzjoni, il-Bord tal-Appell jippreċiża, fil-punt 30 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-intervenjenti żviluppat l-argument tagħha waqt il-proċedimenti tal-appell. Hija b’mod partikolari sostniet li l-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kien jinvolvi tgħawwir tar-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti, sa fejn il-pubbliku rilevanti kien jieqaf jassoċja l-prodotti tagħha ma’ dawn it-trade marks, u li l-parti figurattiva ta’ dawn it-trade marks kienet tkun mingħajr sinjifikat u titlef is-setgħa distintiva għolja tagħha.

57      Għalkemm is-sunt tal-argumenti mressqa mill-intervenjenti fil-punt 30 tad-deċiżjoni kkontestata huwa qasir, għandu jiġi kkunsidrat li l-intervenjenti ressqet argumenti ta’ natura li juru probabbiltà mhux ipotetika li jiġi kkawżat ħsara għat-trade marks preċedenti minħabba l-użu mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

58      Għal dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, l-evalwazzjoni tal-fondatezza tal-argumenti mressqa mill-intervenjenti, għandu jiġi osservat, fl-ewwel lok, li l-Bord tal-Appell ta, fil-punt 36 tad-deċiżjoni kkontestata, importanza kbira lill-karattru partikolarment distintiv tas-sinjali preċedenti billi ppreċiża li l-element tar-ras ta’ lupu ma kellu l-ebda rabta evidenti mal-prodotti inkwistjoni. Fil-fatt, ma teżisti l-ebda relazzjoni bejn l-element figurattiv li juri r-ras ta’ lupu użat fit-trade marks preċedenti u l-prodotti mibjugħa mill-intervenjenti, fejn l-użu ta’ dan l-element huwa spjegat essenzjalment miċ-ċirkustanza li l-isem tal-kumpannija tal-intervenjenti tinkludi l-kelma “wolf”, li tfisser “lupu” bil-Ġermaniż.

59      Il-Bord tal-Appell għalhekk għamel analiżi korretta tal-karattru partikolarment distintiv tat-trade marks preċedenti. Issa, f’konformità mal-ġurisprudenza, iktar ma jkunu sinjifikattivi l-karattru distintiv u r-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti, iktar hija probabbli l-eżistenza ta’ preġudizzju (sentenza Intel Corporation, punt 27 iktar ’il fuq, punti 67 u 74, u sentenza SPA‑FINDERS, punt 26 iktar ’il fuq, punt 41).

60      Fit-tieni lok, il-Bord tal-Appell sostna, fil-premessa 36 tad-deċiżjoni kkontestata, li kellu jittieħed inkunsiderazzjoni l-karattru identiku jew simili tal-prodotti inkwistjoni.

61      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, qabelxejn, li l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 għandu jiġi invokat insostenn ta’ oppożizzjoni magħmula kontra applikazzjoni għal trade mark Komunitarja li tkopri prodotti u servizzi mhux identiċi u mhux simili għal dawk koperti mit-trade mark preċedenti kif ukoll kontra applikazzjoni għal trade mark Komunitarja li tkopri prodotti identiċi jew simili għal dawk koperti bit-trade mark preċedenti (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Jannar 2003, Davidoff, C‑292/00, Ġabra, p. I‑389, punti 24 sa 26, u Adidas-Salomon u Adidas Benelux, punt 41 iktar ’il fuq, punti 19 sa 22).

62      Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-fatt li l-kompetituri jużaw sinjali li għandhom ċertu xebh għal prodotti identiċi jew simili jikkomprometti l-assoċjazzjoni immedjata li l-pubbliku rilevanti jagħmel bejn is-sinjali u l-prodotti inkwistjoni, li huwa ta’ natura li jippreġudika l-kapaċità tat-trade mark preċedenti sabiex tidentifika l-prodotti li għalihom hija rreġistrata bħala li joriġinaw mill-proprjetarju tal-imsemmija trade mark. Fil-każ inkwistjoni hemm lok għalhekk li jiġi kkunsidrat li l-użu, mir-rikorrenti, tar-ras ta’ lupu għal tagħmir ta’ ġardinaġġ u ta’ ortikultura, identiku jew simili għal dak mibjugħ mill-intervenjenti taħt trade marks li jużaw l-istess ras ta’ lupu, jimplika neċessarjament li l-konsumaturi ta’ dawn il-prodotti xi darba għad jieqfu milli jassoċjaw immedjatament l-immaġni ta’ lupu mal-prodotti tal-intervenjenti.

63      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar ukoll li trade mark taġixxi bħala mezz ta’ trażmissjoni ta’ messaġġi oħra li jirrigwardaw, b’mod partikolari, il-kwalitajiet jew karatteristiċi partikolari tal-prodotti jew tas-servizzi li hija tkopri, jew l-immaġini u s-sensazzjonijiet li hija tagħti, bħal, pereżempju, il-lussu, l-istil ta’ ħajja, l-esklużività, l-avventura u ż-żgħożija. F’dan is-sens, it-trade mark għandha valur ekonomiku intrinsiku awtonomu u distint meta mqabbel ma’ dak ta’ prodotti jew servizzi li għalihom hija rreġistrata. Il-messaġġi inkwistjoni li jippromwovu b’mod partikolari trade mark li għandha reputazzjoni jew li huma assoċjati magħha jagħtu lil din tal-aħħar valur importanti u denju ta’ protezzjoni, u dan iktar u iktar billi, fil-parti l-kbira tal-każijiet, ir-reputazzjoni ta’ trade mark hija r-riżultat ta’ sforzi u investimenti konsiderevoli tal-proprjetarju tagħha (sentenza VIPS, punt 27 iktar ’il fuq, punt 35).

64      Issa, fil-każ inkwistjoni, il-fatt li t-trade marks preċedenti ma għadhomx f’pożizzjoni li jqanqlu assoċjazzjoni immedjata mal-prodotti li għalihom huma rreġistrati u użati jfixkel l-isforzi kummerċjali mwettqa mill-intervenjenti għall-iżvilupp tat-trade marks tagħha.

65      Fit-tielet lok, il-Bord tal-Appell ikkonstata, fil-punt 37 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti qatt ma indikat id-“dritt” fis-sens tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 li jispjega jew jiġġustifika l-użu ta’ ras ta’ lupu fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Din il-konstatazzjoni qatt ma ġiet ikkontestata mir-rikorrenti.

66      Għaldaqstant, huwa bir-raġun li l-Bord tal-Appell qies li l-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni seta’ jikkawża ħsara għall-karattru distintiv tat-trade marks preċedenti. L-ilment tar-rikorrenti bbażat fuq il-ħtieġa li jintwerew l-effetti ekonomiċi tal-assoċjazzjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti ma jistax jiġi milqugħ.

67      Sa fejn il-Bord tal-Appell applika b’mod korrett l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 minħabba l-probabbiltà ta’ dilwizzjoni maħluqa mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, ma hemmx lok li tiġi eżaminata l-probabbiltà ta’ parassitiżmu li fuqu d-deċiżjoni kkontestata hija bl-istess mod ibbażata. Fil-fatt, kif ġie osservat fil-punt 27 iktar ’il fuq, il-preżenza ta’ wieħed biss mit-tliet tipi ta’ preġudizzju msemmija fl-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 hija biżżejjed sabiex l-imsemmija dispożizzjoni tkun applikabbli.

68      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal jirriżulta li t-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

69      Għaldaqstant, ir-rikors huwa miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

70      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-UASI u mill-intervenjenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Environmental Manufacturing LLP hija kkundannata għall-ispejjeż.

Pelikánová

Jürimäe

Van der Woude

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-22 ta’ Mejju 2012.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.