Language of document : ECLI:EU:C:2023:481

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

RANTOS

ippreżentati fil‑15 ta’ Ġunju 2023 (1)

Kawża C755/21 P

Marián Kočner

vs

LAġenzija talUnjoni Ewropea għallKooperazzjoni flInfurzar talLiġi

“Appell – Regolament (UE) 2016/794 – Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) – Protezzjoni ta’ data personali – Artikoli 49 u 50 – Responsabbiltà tal-Europol għall-ipproċessar skorrett ta’ data – Premessa 57 – Natura tar-responsabbiltà – Proċeduri kriminali mibdija fis-Slovakkja kontra l-appellant – Perizja mwettqa mill-Europol għal finijiet istruttorji – Estrazzjoni ta’ data minn telefowns mobbli u tagħmir periferali tal-USB li jappartjeni għall-appellant – Allegat żvelar mhux awtorizzat ta’ tali data mill-Europol – Danni morali – Rikors għad-danni – Rabta kawżali”






I.      Daħla

1.        Permezz tal-appell tiegħu, Marián Kočner (iktar ’il quddiem l-“appellant”) jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad‑29 ta’ Settembru 2021, Kočner vs Europol (T‑528/20, mhux ippubblikata, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2021:631), li permezz tagħha din il-qorti ċaħdet ir-rikors tiegħu għad-danni morali li huwa jqis li ġarrab minħabba l-ksur tad-dritt tiegħu għar-rispett għall-ħajja privata u għall-ħajja tal-familja tiegħu li tirriżulta, essenzjalment, mit-tranżazzjonijiet tal-ipproċessar ta’ data mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol), fil-kuntest ta’ investigazzjoni kriminali mibdija kontrih mill-awtoritajiet Slovakki wara l-qtil ta’ ġurnalist u l-għarusa tiegħu.

2.        Dan l-appell jagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja, għall-ewwel darba, l-opportunità li tiddeċiedi, b’mod partikolari, fuq in-natura tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Europol skont l-Artikoli 49 u 50 tar-Regolament (UE) 2016/794 (2), interpretati fid-dawl tal-premessa 57 ta’ dan ir-regolament u, b’mod iktar partikolari, dwar l-eżistenza ta’ reġim speċjali ta’ responsabbiltà in solidum bejn il-Europol u l-Istat Membru li fih ikun seħħ dannu minħabba pproċessar skorrett ta’ data mill-Europol jew minn dan l-Istat Membru.

II.    Ilkuntest ġuridiku

3.        Skont il-premessi 56, 57 u 65 tar-Regolament dwar il-Europol:

“(56)      Il-Europol għandha tkun soġġetta għar-regoli ġenerali dwar ir-responsabbiltà kuntrattwali u mhux kuntrattwali applikabbli għall-istituzzjonijiet, l-aġenziji u l-korpi tal-UE, minbarra fir-rigward tar-regoli fuq ir-responsabbiltà għall-ipproċessar illegali ta’ data.

(57)      Jista’ ma jkunx ċar għall-individwu konċernat jekk dannu mġarrab b’riżultat ta’ proċessar illegali ta’ data kienx konsegwenza ta’ azzjoni mill-Europol jew minn Stat Membru. Il-Europol u l-Istat Membru li fih seħħ l-avveniment li wassal għad-dannu għandhom għalhekk ikunu responsabbli b’mod konġunt u in solidum.

[…]

(65)      Il-Europol tipproċessa data li teħtieġ protezzjoni partikolari peress li tinkludi informazzjoni sensittiva mhux klassifikata u klassifikata tal-UE. Il-Europol għandha għalhekk tistabbilixxi regoli dwar il-kunfidenzjalità u l-ipproċessar ta’ tali informazzjoni. Ir-regoli dwar il-protezzjoni tal-informazzjoni klassifikata tal-UE għandhom ikunu konsistenti mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE [(3)].”

4.        Skont l-Artikolu 17(1) ta’ dan ir-regolament, il-Europol għandha tipproċessa biss informazzjoni li ngħatat lilha, inter alia, mill-Istati Membri skont il-liġi nazzjonali tagħhom u l-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament. Skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu 17, il-Europol tista’ tiġbed direttament u tipproċessa informazzjoni, inkluża data personali, minn sorsi disponibbli pubblikament, inkluż l-internet u data pubblika.

5.        L-Artikolu 32 tal-istess regolament, intitolat “Sigurtà tal-ipproċessar”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-Europol għandha timplimenta l-miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa biex tipproteġi d-data personali kontra l-qerda aċċidentali jew illegali, it-telf aċċidentali jew żvelar mhux awtorizzat, tibdil u aċċess jew kwalunkwe forma oħra ta’ pproċessar mhux awtorizzata.”

6.        L-Artikolu 49 tar-Regolament dwar il-Europol, intitolat “Dispożizzjonijiet ġenerali dwar ir-responsabbiltà u d-dritt għal kumpens”, jipprovdi, fil-paragrafu 3 tiegħu:

“Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 49 [(4)], fil-każ ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali, il-Europol għandha, f’konformità mal-prinċipji ġenerali komuni għal-liġijiet tal-Istati Membri, tagħmel tajjeb għal kwalunkwe dannu kkawżat mid-dipartimenti tagħha jew mill-persunal tagħha waqt il-qadi ta’ dmirijiethom.”

7.        Intitolat “Responsabbiltà għal proċessar mhux korrett ta’ data personali u d-dritt għal kumpens”, l-Artikolu 50 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“1.      Kwalunkwe individwu li jkun ġarrab dannu b’riżultat ta’ xi operazzjoni ta’ proċessar illegali għandu jkollu d-dritt jirċievi kumpens għad-dannu mġarrab, jew mill-Europol f’konformità mal-Artikolu 340 [TFUE], jew mill-Istat Membru li fih seħħ l-avveniment li wassal għad-dannu f’konformità mal-liġi nazzjonali tiegħu. L-individwu għandu jieħu azzjoni kontra l-Europol quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jew kontra l-Istat Membru quddiem qorti nazzjonali kompetenti ta’ dak l-Istat Membru.

2.      Kwalunkwe tilwima bejn il-Europol u l-Istati Membri dwar ir-responsabbiltà aħħarija għal kumpens mogħti lil individwu f’konformità mal-paragrafu 1 għandha tiġi rriferita lill-Bord ta’ Amministrazzjoni, li għandu jiddeċiedi b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri tiegħu, mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ kontestazzjoni ta’ dik id-deċiżjoni f’konformità mal-Artikolu 263 [TFUE].”

III. Ilfatti li wasslu għallkawża

8.        Fil-kuntest ta’ investigazzjoni mmexxija mill-awtoritajiet kriminali Slovakki wara l-qtil fis-Slovakkja, fil‑21 ta’ Frar 2018, ta’ ġurnalist u l-għarusa tiegħu, il-Europol, fuq talba tan-Národná kriminálna agentúra (l-Aġenzija Nazzjonali għall-Ġlieda kontra l-Kriminalità, is-Slovakkja, iktar ’il quddiem in-“NAKA”), ħadet f’idejha, fl‑10 ta’ Ottubru 2018, żewġ telefowns mobbli li kienu jappartjenu għall-appellant u, fis‑17 ta’ Ottubru 2018, mezz ta’ ħażna tal-USB.

9.        Fir-rigward ta’ dawn it-telefowns mobbli, fil‑21 ta’ Ġunju 2019, il-Europol ikkomunikat lin-NAKA r-rapporti xjentifiċi finali dwar l-operazzjonijiet imwettqa fuqhom. Din il-komunikazzjoni kienet ippreċeduta, skont il-Europol, l-ewwel mill-għoti lin-NAKA ta’ hard disk li kien fiha d-data kkriptata estratta mill-imsemmija telefowns, attestata minn proċess verbal tat‑23 ta’ Ottubru 2018 (iktar ’il quddiem il-“proċess verbal tat‑23 ta’ Ottubru 2018”), u, sussegwentement, mill-għoti tat-telefowns inkwistjoni lin-NAKA, iċċertifikat permezz ta’ formola ta’ prova tal-wasla/għoti tat‑13 ta’ Frar 2019 (5).

10.      Artikli tal-istampa u pubblikazzjoni fuq sit fuq l-internet matul ix-xahar ta’ Mejju 2019 qiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku informazzjoni dwar l-appellant li ġiet minn dawn it-telefowns mobbli, inklużi traskrizzjonijiet tal-komunikazzjonijiet intimi tiegħu.

11.      Fir-rigward tal-mezz ta’ ħażna tal-USB, fir-rapport tagħha tat‑13 ta’ Jannar 2019, mibgħut lin-NAKA fl‑14 ta’ Frar 2019, il-Europol iddikjarat li l-appellant kien tqiegħed taħt detenzjoni fuq suspett ta’ reat finanzjarju mill‑20 ta’ Ġunju 2018 u li ismu kien, inter alia, direttament marbut mal-“listi msejħa mafjużi” u mal-“Panama Papers” (6).

12.      Permezz ta’ ittra tal‑4 ta’ Mejju 2020, l-appellant talab lill-Europol, abbażi tal-Artikolu 50(1) tar-Regolament dwar il-Europol, kumpens fl-ammont ta’ EUR 100 000, għad-danni morali li huwa jqis li ġarrab minħabba, minn naħa, il-pubblikazzjoni fl-istampa u fuq l-internet ta’ data personali u, b’mod partikolari, il-pubblikazzjoni tat-traskrizzjonijiet tal-komunikazzjonijiet ta’ natura intima u sesswali tiegħu u, min-naħa l-oħra, l-inklużjoni ta’ ismu fil-“listi tal-mafja”, li l-istampa rrepetiet wara l-kxif ta’ informazzjoni dwar il-fajl tal-proċedura kriminali nazzjonali dwar il-qtil imsemmi fil-punt 8 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

13.      Wara l-investigazzjoni mmexxija mill-awtoritajiet kriminali Slovakki, imsemmija fil-punt 8 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-appellant, akkużat b’kompliċità fil-qtil bħala l-mandant, ġie lliberat fl-ewwel istanza permezz ta’ sentenza li ġiet annullata min-Najvyšší súd Slovenskej republiky (il-Qorti Suprema tar-Repubblika Slovakka), li rrinvijat il-kawża quddiem l-ewwel istanza.

IV.    Ilproċedura quddiem ilQorti Ġenerali u ssentenza appellata

14.      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑18 ta’ Awwissu 2020, l-appellant ippreżenta rikors fondat fuq l-Artikoli 268 u 340 TFUE kif ukoll fuq l-Artikolu 50(1) tar-Regolament dwar il-Europol intiż sabiex jikseb kumpens għad-danni morali li huwa jqis li ġarrab minħabba l-aġir tal-Europol. Huwa talab, rispettivament, kumpens fl-ammont ta’ EUR 50 000 għad-dannu morali li huwa allegatament ġarrab minħabba l-iżvelar ta’ data personali (l-ewwel kap tat-talba) u kumpens fl-istess ammont għad-dannu morali li huwa allegatament ġarrab minħabba l-inklużjoni fil-“listi tal-mafja” (it-tieni kap tat-talba).

15.      Il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan ir-rikors. Hija kkonkludiet, fir-rigward tal-ewwel kap tat-talba, li r-rikorrent kien naqas milli jipprova l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-allegat dannu u l-aġir tal-Europol (7) u, fir-rigward tat-tieni kap tat-talba, li r-rikorrent kien naqas milli jipprovdi provi li jistgħu jistabbilixxu li l-“listi tal-mafja” kienu tfasslu u ġew miżmuma minn istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea u b’mod partikolari mill-Europol (8). Hija speċifikat ukoll, fir-rigward taż-żewġ kapi tat-talba, li dawk il-konklużjonijiet ma kinux ikkontestati mill-premessa 57 tar-Regolament dwar il-Europol, jew mill-Artikolu 49 jew l-Artikolu 50 ta’ dan ir-regolament (9).

V.      Ilproċedura quddiem ilQorti tal-Ġustizzja u ttalbiet talpartijiet

16.      Fit‑8 ta’ Diċembru 2021, l-appellant ippreżenta appell mis-sentenza appellata. Huwa jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tannulla s-sentenza appellata u tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, kif ukoll tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

17.      Il-Europol, sostnuta mir-Repubblika Slovakka bħala intervenjenti, titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad l-appell u tikkundanna lill-appellant għall-ispejjeż.

VI.    Analiżi

A.      Fuq lappell

18.      Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant jinvoka sitt aggravji, l-ewwel sar-raba’ aggravji dwar id-danni morali li ġarrab b’konsegwenza tal-iżvelar lill-pubbliku ta’ data personali (l-ewwel kap tat-talba fl-ewwel istanza) u l-ħames u s-sitt aggravju dwar id-danni morali li ġarrab minħabba l-inklużjoni ta’ ismu fil-“listi tal-mafja” (it-tieni kap tat-talba fl-ewwel istanza) (10).

19.      Il-Europol tinvoka bħala kontroargument, l-ewwel, l-inammissibbiltà tal-ewwel u tal-ħames aggravju, kwistjoni li għandha tiġi eżaminata fil-bidu.

1.      Fuq lammissibbiltà talewwel u talħames aggravju, ibbażati fuq żbalji dwar innatura tarresponsabbiltà talEuropol

20.      Il-Europol issostni, essenzjalment, li l-ewwel u l-ħames aggravju, ibbażati fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta eskludiet ir-responsabbiltà in solidum tal-Europol u tal-Istat Membru kkonċernat fir-rigward tad-danni mġarrba minħabba pproċessar illegali ta’ data b’riżultat tal-azzjoni tal-Europol jew ta’ dan l-Istat Membru, tqajmu għall-ewwel darba fl-istadju tar-replika fl-ewwel istanza. Għaldaqstant, dawn huma motivi ġodda mqajma fil-mori tal-kawża u, konsegwentement, huma inammissibbli (11).

21.      L-appellant jirribatti li huwa invoka dawn l-argumenti fir-rikors tiegħu fl-ewwel istanza, meta semma l-premessa 57 tar-Regolament dwar il-Europol kif ukoll l-Artikolu 50(1) u (2) ta’ dan ir-regolament.

22.      F’dan ir-rigward, nirrileva li, fir-rikors tiegħu, l-appellant qiegħed fid-dubju r-responsabbiltà ta-Europol skont l-Artikolu 49(3) u l-Artikolu 50 tar-Regolament dwar il-Europol kif ukoll b’riferiment għall-premessa 57 ta’ dan ir-regolament, li huwa ċċita bis-sħiħ. Fir-replika tiegħu, l-appellant sussegwentement sostna dan l-argument billi ppreċiża li, anki jekk ma kienx stabbilit li l-Europol kien responsabbli għall-aġir kontenzjuż, dan tal-aħħar ikun responsabbli in solidum għad-dannu kkawżat mal-Istat Membru kkonċernat.

23.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, inqis li l-appellant qajjem aggravju dwar, essenzjalment, ir-responsabbiltà in solidum tal-Europol fir-rikors tiegħu fl-ewwel istanza u li, għalhekk, l-ewwel u l-ħames aggravju tal-appell huma ammissibbli.

2.      Fuq laggravji li jikkonċernaw iddanni morali mġarrba bħala konsegwenza taliżvelar ta’ data personali lillpubbliku (lewwel kap tattalba flewwel istanza)

a)      Fuq lewwel aggravju, ibbażat fuq żball ta’ liġi filklassifikazzjoni tarresponsabbiltà talEuropol minħabba pproċessar skorrett ta’ data

24.      Permezz tal-ewwel aggravju tiegħu, l-appellant jikkritika lill-Qorti Ġenerali, essenzjalment, li eskludiet li l-Europol u l-Istat Membru kkonċernat kienu responsabbli in solidum għad-danni li rriżultaw minn ipproċessar illegali ta’ data, bi ksur tan-natura vinkolanti tal-premessa 57 tar-Regolament dwar il-Europol.

25.      L-appellant, filwaqt li jirrikonoxxi li l-formulazzjoni tal-Artikolu 50(1) u (2) tar-Regolament dwar il-Europol ma tinkludix dispożizzjoni espliċita li tipprevedi responsabbiltà in solidum tal-Europol u tal-Istat Membru kkonċernat, iqis li tali responsabbiltà tirriżulta madankollu minn din id-dispożizzjoni, interpretata fid-dawl tal-premessa 57 ta’ dan ir-regolament.

26.      Fil-fehma tiegħu, fl-ewwel lok, l-Artikolu 50(2) tal-imsemmi regolament, meta jipprevedi riżoluzzjoni ta’ tilwim bejn il-Europol u l-Istat Membru kkonċernat, permezz tal-Bord ta’ Amministrazzjoni tal-Europol, ma jistax jiġi interpretat b’mod ieħor, mingħajr ma din id-dispożizzjoni tiġi mċaħħda minn kull sinjifikat.

27.      Fit-tieni lok, l-eżistenza ta’ responsabbiltà in solidum tal-Europol f’dan il-każ hija bbażata wkoll fuq l-għan tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni, li joħroġ b’mod partikolari mill-premessa 57 tar-Regolament dwar il-Europol u li jikkonsisti fi protezzjoni ikbar għall-parti li ġġarrbet dannu (12).

28.      Fit-tielet lok, il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni jidhru li jippermettu, fi kwalunkwe każ, li tiġi dedotta responsabbiltà in solidum anki fl-assenza ta’ dispożizzjoni espliċita, fid-dawl tal-Artikolu 340 TFUE.

29.      Il-Europol, sostnut mir-Repubblika Slovakka, jissottolinja, preliminarjament, li responsabbiltà in solidum tal-Unjoni u tal-Istat Membru kkonċernat, meta dawn it-tnejn jaġixxu flimkien, ma hijiex irrikonoxxuta, bħala prinċipju, fil-kuntest tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, iżda teħtieġ semmija espliċita f’dan is-sens min-naħa tal-leġiżlatur tal-Unjoni.

30.      Fl-ewwel lok, l-Artikolu 50 tar-Regolament dwar il-Europol ma huwiex applikabbli għall-ipproċessar ta’ data inkwistjoni f’dan il-każ, peress li japplika esklużivament għall-ipproċessar ta’ data mwettaq fil-kuntest tal-operazzjonijiet u tal-kompiti ta’ Europol.

31.      Fit-tieni lok, din id-dispożizzjoni tapplika biss għad-danni kkawżati b’mod konġunt mill-Unjoni u minn Stat Membru u ma tistax tiġi applikata fl-assenza ta’ kwalunkwe aġir illegali mill-Europol u mingħajr ma tiġi stabbilita rabta kawżali.

32.      Fit-tielet lok, qabelxejn, il-premessa 57 ta’ dan ir-regolament, filwaqt li tirreferi għar-responsabbiltà in solidum, ma hijiex ta’ natura vinkolanti u ma tapplikax f’dan il-każ. Sussegwentement, il-kunċett ta’ responsabbiltà in solidum jippreżupponi li iktar minn entità waħda tkun responsabbli għall-istess dannu u mhux li entità li r-responsabbiltà tagħha ma hijiex stabbilita jkollha tħallas kumpens. Fl-aħħar nett, l-appellant lanqas biss ippreżenta rikors għad-danni kontra l-Istat Membru kkonċernat (13).

33.      Infakkar li, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Artikolu 49(3) u l-Artikolu 50(1) tar-Regolament dwar il-Europol sempliċement jippreċiżaw li l-Europol trid tikkumpensa kull dannu kkawżat mid-dipartimenti tagħha jew mill-persunal tagħha fit-twettiq ta’ dmirijiethom, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 340 TFUE, u li l-kundizzjoni relatata mar-rabta kawżali ma kinitx issodisfatta (14). F’dan ir-rigward, għalkemm il-premessa 57 ta’ dan ir-regolament tipprevedi mekkaniżmu ta’ responsabbiltà in solidum, dan la huwa espress u lanqas fondat fid-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament (15).

34.      Fir-rigward tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, għandu jiġi rrilevat li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, “[f]il-każ ta’ responsabbiltà mhux kontrattwali, l-Unjoni għandha, skond il-prinċipji ġenerali komuni għal sistemi legali ta’ l-Istati Membri, tagħmel tajjeb għal kull dannu kkaġunat mill-istituzzjonijiet tagħha jew mill-impjegati tagħha fit-twettiq ta’ dmirijiethom” (16). Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni skont din id-dispożizzjoni tippreżupponi li jkunu ssodisfatti numru ta’ kundizzjonijiet f’dak li jirrigwarda l-illegalità tal-aġir ikkritikat tal-istituzzjonijiet, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir u d-dannu invokat (17). In-natura kumulattiva ta’ dawn il-kundizzjonijiet timplika li, meta waħda minnhom ma tkunx issodisfatta, ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni ma tistax tiġi stabbilita (18).

35.      Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-eventwali responsabbiltà in solidum tal-Europol abbażi tal-Artikolu 50 tar-Regolament dwar il-Europol, nosserva li, bħala prinċipju, ir-responsabbiltà in solidum mhux kuntrattwali timplika li, jekk l-att li jikkawża dannu huwa imputabbli lil diversi persuni, dawn ikunu obbligati in solidum li jagħmlu tajjeb għad-dannu (19).

36.      Skont ġurisprudenza stabbilita wkoll tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni teħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha kif ukoll l-għanijiet u l-għan tal-att li tifforma parti minnu. Barra minn hekk, l-oriġini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tista’ wkoll tiżvela elementi rilevanti għall-interpretazzjoni tagħha (20).

37.      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-formulazzjoni tal-Artikolu 50(1) tar-Regolament dwar il-Europol, din id-dispożizzjoni tipprevedi, essenzjalment, li kull persuna fiżika li tkun ġarrbet dannu b’riżultat ta’ xi operazzjoni ta’ pproċessar illegali għandu jkollha d-dritt li tirċievi kumpens għad-dannu mġarrab, jew mill-Europol, f’konformità mal-Artikolu 340 TFUE (quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea), jew mill-Istat Membru li fih seħħ l-avveniment li wassal għad-dannu f’konformità mal-liġi nazzjonali tiegħu (quddiem il-qorti nazzjonali kompetenti).

38.      Jidhirli li din id-dispożizzjoni ma twassalx, abbażi tal-formulazzjoni tagħha biss, għal interpretazzjoni inekwivoka fir-rigward tan-natura tar-responsabbiltà inkwistjoni.

39.      Fil-fatt, minn naħa, l-użu tal-espressjoni “jew […] jew” ma huwiex konklużiv f’dan ir-rigward (21). Din l-espressjoni tista’ tindika kemm li r-responsabbiltà tal-Europol hija alternattiva għal dik tal-Istat Membru kkonċernat jew li l-persuna li ġġarrab dannu tista’ tindirizza mingħajr distinzjoni lill-istituzzjoni kkonċernata jew lill-Istat Membru kkonċernat għad-dannu sħiħ.

40.      Min-naħa l-oħra, ir-riferiment magħmul minn din l-istess dispożizzjoni għall-Artikolu 340 TFUE lanqas ma huwa konklużiv u, fid-dawl tar-riferiment magħmul minn din l-aħħar dispożizzjoni għall-“prinċipji ġenerali komuni għal sistemi legali ta’ l-Istati Membri”, jimplika l-ħtieġa ta’ interpretazzjoni komparattiva, li ser nagħmel iktar ’il quddiem fil-kuntest tal-interpretazzjoni teleoloġika tad-dispożizzjoni inkwistjoni (22).

41.      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kuntest li fih tinsab l-Artikolu 50(1) tar-Regolament Europol, nirrimarka, l-fl-ewwel lok, li l-premessa 56 tar-Regolament dwar il-Europol tippreċiża li l-Europol hija suġġetta għar-regoli ġenerali dwar ir-responsabbiltà kuntrattwali u mhux kuntrattwali applikabbli għall-istituzzjonijiet, l-aġenziji u l-korpi tal-Unjoni, “minbarra fir-rigward tar-regoli fuq ir-responsabbiltà għall-ipproċessar illegali ta’ data”. Fir-rigward ta’ dan l-ipproċessar illegali ta’ data, il-premessa 57 ta’ dan ir-regolament ma tistax tkun iktar ċara, meta tistabbilixxi li “[l]-Europol u l-Istat Membru li fih seħħ l-avveniment li wassal għad-dannu għandhom għalhekk ikunu responsabbli b’mod konġunt u in solidum”, għar-raġuni li “[j]ista’ ma jkunx ċar għall-individwu konċernat jekk dannu mġarrab b’riżultat ta’ proċessar illegali ta’ data kienx konsegwenza ta’ azzjoni mill-Europol jew minn Stat Membru”.

42.      Huwa minnu li, kif tfakkar il-Europol, il‑preambolu ta’ att tal-Unjoni ma jipproduċi ebda effett legali vinkolanti u ma jistax jintuża la bħala bażi ta’ deroga mid‑dispożizzjonijiet attwali tal‑att inkwistjoni u lanqas għall-interpretazzjoni ta’ dawn id‑dispożizzjonijiet b’mod li jkun ċar li jmur kontra l‑formulazzjoni tagħhom (23). Madankollu, lil hinn minn dawn il-limiti, il-premessi jikkostitwixxu elementi importanti għall-interpretazzjoni, ta’ natura li jiċċaraw ir-rieda tal-awtur ta’ dan l-att (24).

43.      Għaldaqstant, sa fejn l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni, espressa b’mod inekwivoku fil-premessa 57 tar-Regolament dwar il-Europol, li jiffavorixxi lill-persuna li ġġarrab dannu billi jintroduċi r-responsabbiltà in solidum tal-Europol u tal-Istat Membru kkonċernat ma tmurx kontra l-formulazzjoni tal-Artikolu 50 ta’ dan ir-regolament, minn dan nikkonkludi li dan l-artikolu jista’ (u għandu) jiġi interpretat fid-dawl ta’ din il-premessa.

44.      Din il-konklużjoni hija kkonfermata mill-Artikolu 50(2) tar-Regolament dwar il-Europol, li jipprovdi li l-Bord ta’ Amministrazzjoni ta’ din tal-aħħar għandu jkun adit bi kwalunkwe tilwima bejn il-Europol u l-Istati Membri dwar ir-responsabbiltà aħħarija għal kumpens mogħti lil persuna fiżika skont l-Artikolu 50(1) ta’ dan ir-regolament.

45.      It-tieni, f’dak li jirrigwarda l-argument tal-Europol li, essenzjalment, l-attivitajiet ta’ mmaniġġar u ta’ dekriptaġġ imwettqa minnha fuq it-telefowns mobbli tar-rikorrent ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “ipproċessar ta’ data personali”, fis-sens tal-Artikolu 50 tar-Regolament dwar il-Europol, ma narax, u Europol ma jispjegax, għal liema raġunijiet l-attivitajiet ta’ dekriptaġġ imwettqa mill-Europol f’dan il-każ ma jaqgħux fil-kuntest tad-definizzjoni msemmija fl-Artikolu 88(2)(a) TFUE, li skontu l-kompiti tal-Europol jistgħu jinkludu “il-ġabra, il-ħażna, l-ipproċessar, l-analiżi u l-iskambju ta’ informazzjoni mgħoddi partikolarment mill-awtoritajiet ta’ l-Istati Membri jew ta’ pajjiżi jew korpi terzi” (25).

46.      Fit-tielet lok, jidhirli li huwa evidenti li, fost l-għanijiet tar-Regolament dwar il-Europol, dan, kif jirriżulta mill-premessa 57 tiegħu, huwa intiż li jiffaċilita, permezz ta’ responsabbiltà in solidum tal-Europol u tal-Istat Membru kkonċernat, il-preżentata ta’ rikors għad-danni minn persuna li ġġarrab ħsara minn ipproċessar skorrett tad-data. Din il-pożizzjoni hija kkonfermata mill-oriġini tad-dispożizzjoni inkwistjoni kif ukoll minn interpretazzjoni komparattiva tagħha fid-dawl tal-prinċipji ġenerali komuni għas-sistemi legali tal-Istati Membri.

47.      F’dan ir-rigward, f’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-oriġini tal-Artikolu 50 tar-Regolament dwar il-Europol, ninnota li l-formulazzjoni ta’ dan l-artikolu u tal-premessa 57 jirriżultaw, bħala tali, mill-proposta inizjali tal-Kummissjoni (26), fatt li jsaħħaħ l-interpretazzjoni li tgħid li l-imsemmi artikolu jittrasponi l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni, kif espressa f’din il-premessa, li jintroduċi forma ta’ responsabbiltà in solidum tal-Europol u tal-Istat Membru kkonċernat (27).

48.      Barra minn hekk, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Europol, l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma tistax tkun limitata għas-sitwazzjoni ta’ dannu kkawżat b’mod konġunt mill-Unjoni u minn Stat Membru, peress li, f’tali sitwazzjoni, fil-fehma tiegħi, hija l-qorti kompetenti li għandha tiddeċiedi dwar ir-responsabbiltà rispettiva tal-entitajiet jew tal-persuni li kkawżaw id-dannu (28).

49.      It-tieni, f’dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni komparattiva tal-Artikolu 50(1) tar-Regolament dwar il-Europol, infakkar li, skont din id-dispożizzjoni, il-persuna li ġġarrab dannu tista’ tinvoka r-responsabbiltà tal-Europol “f’konformità mal-Artikolu 340 tat-TFUE”, li, fit-tieni subparagrafu tiegħu, jirreferi għall-prinċipji ġenerali komuni għal-liġijiet tal-Istati Membri (29).

50.      F’dan ir-rigward, jidhirli li teżisti forma ta’ konverġenza tal-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri f’dak li jirrigwarda l-eżistenza ta’ responsabbiltà in solidum f’sitwazzjonijiet fejn l-istess dannu jkun imputabbli lil diversi persuni (30). Barra minn hekk, il-prinċipji tad-dritt Ewropew tar-responsabbiltà ċivili jieħdu l-istess direzzjoni (31).

51.      Barra minn hekk, nosserva li l-mekkaniżmu ta’ responsabbiltà in solidum ma huwiex barrani għad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-ipproċessar tad-data, peress li, b’mod partikolari, l-Artikolu 82(4) tar-Regolament 2016/679 jintroduċi tali responsabbiltà meta diversi kontrolluri jipparteċipaw fl-istess ipproċessar (32).

52.      Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-prinċipju ġurisprudenzjali li, f’sitwazzjonijiet ta’ responsabbiltà konkorrenti tal-Unjoni u ta’ Stat Membru, l-individwi li allegatament iġarrbu dannu l-ewwel għandhom jirreferu l-kwistjoni lill-qrati nazzjonali (33). Tabilħaqq, jekk dan il-prinċipju japplika għal sitwazzjonijiet ta’ responsabbiltà konġunta, l-applikazzjoni tiegħu għal sitwazzjonijiet ta’ responsabbiltà in solidum tirrendiha nieqsa minn kwalunkwe effett utli.

53.      Bħala konklużjoni, inqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta eskludiet li l-Artikolu 50(1) tar-Regolament dwar il-Europol, interpretat fid-dawl tal-premessa 57 ta’ dan ir-regolament, jintroduċi sistema ta’ responsabbiltà in solidum tal-Europol u tal-Istat Membru kkonċernat fir-rigward tad-danni mġarrba minħabba pproċessar illegali ta’ data minħabba l-azzjoni tal-Europol jew ta’ dan l-Istat Membru.

54.      Għalhekk nipproponi li l-ewwel aggravju jintlaqa’.

55.      Konsegwentement, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata sa fejn eskludiet kull rabta kawżali bejn id-dannu allegat mill-appellant u kwalunkwe aġir tal-Europol għas-sempliċi raġuni li, matul ċertu perijodu, kemm il-Europol kif ukoll l-awtoritajiet Slovakki kellhom fil-pussess tagħhom id-data li tinsab fit-telefowns mobbli inkwistjoni.

56.      Dan permess, nirrileva li, sabiex il-Europol tinżamm responsabbli in solidum għad-dannu allegat, xorta hemm lok li tiġi stabbilita, inter alia, l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir allegat u dan id-dannu (34). Fil-fatt, l-eżistenza ta’ responsabbiltà in solidum tirrikjedi li d-diversi atti li jikkawżaw dannu, ikunu tali li jipproduċu d-dannu allegat, irrispettivament mill- ksur li kien il-kawża immedjata u determinanti tal-avveniment (35).

57.      Issa, huwa ċertament minnu li l-eżistenza ta’ din ir-rabta kawżali f’dan il-każ hija l-qofol tal-argumenti żviluppati fil-kuntest tat-tieni sar-raba’ u s-sitt aggravju tal-appell.

58.      Madankollu, peress li, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali essenzjalment illimitat ruħha li tiddeċiedi dwar l-assenza ta’ rabta kawżali “esklużiva” bejn l-aġir tal-Europol u d-dannu allegat, u li din l-analiżi ma tippermettix li tiġi evalwata l-eżistenza ta’ rabta kawżali kif meħtieġa f’sitwazzjoni ta’ responsabbiltà in solidum, inqis li, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tadotta l-proposta tiegħi li tilqa’ l-ewwel aggravju, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata u l-kawża għandha tiġi rrinvijata quddiem il-Qorti Ġenerali, fir-rigward tal-ewwel kap tat-talba fl-ewwel istanza, sabiex din tiddeċiedi dwar il-kwistjoni tar-rabta kawżali fil-kuntest tar-responsabbiltà in solidum, kif ukoll, jekk ikun il-każ, dwar il-kundizzjonijiet l-oħra li għalihom hija suġġetta r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni u tal-istituzzjonijiet jew tal-korpi tagħha (36).

59.      Madankollu, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx mas-soluzzjoni li pproponejt, ser neżamina wkoll, iktar ’il quddiem, l-aggravji l-oħra tal-appell (37).

b)      Fuq ittieni aggravju, ibbażat fuq żball flinterpretazzjoni taddritt nazzjonali li jirregola lkontenut ta’ fajl ta’ investigazzjoni

60.      Permezz tat-tieni motiv tiegħu, l-appellant isostni li, għall-kuntrarju tar-regoli nazzjonali li jispeċifikaw il-kontenut ta’ fajl ta’ investigazzjoni (38), il-proċess verbal tat‑23 ta’ Ottubru 2018 ma kienx jagħmel parti mill-fajl tal-investigazzjoni li jikkonċernah, li għalhekk jaffettwa l-affidabbiltà tiegħu.

61.      Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq il-proċess verbal tat‑23 ta’ Ottubru 2018 sabiex tikkonkludi li, minn din id-data, il-Europol ma kinitx l-unika entità fil-pussess tad-data li tinsab fit-telefowns mobbli inkwistjoni, peress li l-awtoritajiet Slovakki wkoll kellhom din id-data (39).

62.      B’risposta għall-kontestazzjoni mill-appellant fir-rigward tal-awtentiċità ta’ dan il-proċess verbal, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-eventwali nuqqas ta’ inklużjoni ta’ dan id-dokument fil-fajl ta’ proċedura kriminali ma jistax, bħala tali, ikollu konsegwenzi fuq l-awtentiċità tiegħu u li l-appellant bl-ebda mod ma kien allega bidla fl-imsemmi proċess verbal (40).

63.      F’dan ir-rigward, jidhirli li l-argument tal-appellant, fir-rigward tal-eventwali ksur tar-regoli nazzjonali dwar il-kontenut tal-proċess – u li, barra minn hekk, ma jikkonċernax l-awtentiċità tad-dokumenti inklużi fih – huwa ineffettiv, peress li ma huwiex biżżejjed sabiex jintwera li l-Qorti Ġenerali wettqet żball fl-evalwazzjoni tal-validità tal-proċess verbal tat‑23 ta’ Ottubru 2018 u wisq inqas li żnaturat din il-prova billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-leġiżlazzjoni nazzjonali invokata mill-appellant fl-ewwel istanza. Fil-fatt, għandha ssir distinzjoni, minn naħa, bejn l-eventwali nuqqas ta’ konformità ta’ dan il-proċess verbal mar-regoli nazzjonali dwar il-kontenut tal-fajl, li jaffettwa, jekk ikun il-każ, il-validità tal-imsemmi proċess verbal bħala element ta’ dan il-fajl (41), u, min-naħa l-oħra, l-eżistenza (u għalhekk l-awtentiċità) ta’ dan l-istess proċess verbal u l-valur probatorju eventwali tiegħu fil-kuntest ta’ din il-kawża.

64.      Bl-istess mod, fid-dawl tan-natura evidentement mhux rilevanti tal-leġiżlazzjoni nazzjonali invokata mill-appellant sabiex jivvizzja l-valur probatorju tal-proċess verbal inkwistjoni, l-argument ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata f’dan ir-rigward, imqajjem barra minn hekk mill-appellant, ma jistax jintlaqa’.

65.      Għalhekk nipproponi li t-tieni aggravju għandu jiġi miċħud.

c)      Fuq ittielet aggravju, ibbażat fuq żbalji ta’ fatt flevalwazzjoni tarrabta kawżali, firrigward talewwel kap tat-talba fl-ewwel istanza

66.      Permezz tat-tielet aggravju tiegħu, , l-appellant isostni, fl-ewwel lok li l-proċess verbal tat‑23 ta’ Ottubru 2018 (li l-awtentiċità tiegħu hija, barra minn hekk, ikkontestata) juru biss it-trażmissjoni ta’ “riżultati provviżorji” fil-forma ta’ akkwisti u ta’ estrazzjonijiet tad-data, u dan ma jipprovax li ġew ittrasferiti wkoll il-“komunikazzjonijiet” li huma s-suġġett ta’ din il-proċedura (42).

67.      F’dan ir-rigward, nirrileva li, fil-punt 68 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li, fid-data tal-proċess verbal imsemmi iktar ’il fuq, il-Europol ma kinitx għadha l-unika entità li kellha d-data kontenzjuża, li minn din id-data kienet aċċessibbli għall-awtoritajiet Slovakki (43).

68.      Issa, jidhirli li d-dubji mqajma mill-appellant fir-rigward tal-kontenut eżatt tad-data mibgħuta mill-Europol lill-awtoritajiet Slovakki u n-nuqqas ta’ qbil tiegħu mal-interpretazzjoni, min-naħa tal-Qorti Ġenerali, tal-espressjoni “riżultati preliminari” li tinsab fil-proċess verbal tat‑23 ta’ Ottubru 2018 ma humiex biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ żbalji ta’ fatt jew ta’ evalwazzjoni li jwasslu għal żnaturament tal-provi min-naħa tal-Qorti Ġenerali.

69.      Fit-tieni lok, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali ma stabbilixxietx li l-Europol qatt ma kellu għad-dispożizzjoni tiegħu l-komunikazzjonijiet kontenzjużi f’forma ddekriptata (44), li anki żvelar f’forma kkriptata seta’ jagħti lok għall-allegat dannu, wara li jiġi ordnat id-dekriptaġġ minn parti terza mhux awtorizzata (45), u li, f’dan il-każ, id-dekriptaġġ kien partikolarment faċli fid-dawl tal-fatt li l-Europol kien diġà estratta l-fajls bil-passwords assoċjati.

70.      Issa, għalkemm ma jistax jiġi eskluż, kif isostni l-appellant, li d-data kontenzjuża setgħet tkun is-suġġett ta’ żvelar anki f’forma kkriptata, l-appellant ma pproduċa l-ebda prova jew indizju li jagħtu x’jifhem li tali żvelar seħħ meta t-telefowns mobbli inkwistjoni kienu għad-dispożizzjoni tal-Europol (46), u wisq inqas li l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali, li skontha d-data kkriptata ma kinitx l-oriġini tal-iżvelar tal-komunikazzjonijiet kontenzjużi, kienet ivvizzjata bi żnaturament tal-provi (47).

71.      Fit-tielet lok, l-appellant itenni l-allegazzjoni li l-proċess verbal tat‑23 ta’ Ottubru 2018 ġie datat b’lura, miċħuda mill-Qorti Ġenerali minħabba li ma kienet akkumpanjata mill-ebda prova prima facie (48), mingħajr ma pproduċa iktar provi li jippermettu li jiġi dedott li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti (49).

72.      Fir-raba’ lok, l-appellant iżid jgħid li t-telefowns mobbli inkwistjoni kienu ngħataw għall-finijiet tal-akkwist u tal-estrazzjoni mingħajr il-kunsens minn qabel ta’ qorti jew ta’ entità amministrattiva indipendenti, u dan juri l-eżistenza ta’ rabta kawżali.

73.      F’dan ir-rigward, ma nistax nifhem kif il-ksur possibbli tar-regoli fil-qasam tal-akkwist u tal-estrazzjoni tad-data kontenzjuża jista’, waħdu, jipprova l-eżistenza ta’ rabta bejn dan l-akkwist jew din l-estrazzjoni u l-iżvelar ta’ din id-data fid-dominju pubbliku (50).

74.      Fil-fatt, il-fatt li d-data kontenzjuża kienet ġiet trażmessa mill-Europol lill-awtoritajiet Slovakki huwa biżżejjed, fil-fehma tiegħi, sabiex jikser ir-rabta kawżali “esklużiva” bejn l-iżvelar ta’ din id-data u l-aġir tal-Europol, indipendentement mill-fatt li din tal-aħħar kellha wkoll l-imsemmija data f’forma kkriptata jew iddekriptata u mil-livell fejn seħħ l-eventwali dekriptaġġ (51).

75.      Għalhekk nipproponi li t-tielet aggravju tal-appell għandu jiġi miċħud.

d)      Fuq irraba’ aggravju, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni u żbalji ta’ liġi f’dak li jirrigwarda lproduzzjoni talprova, liżnaturament talprovi u lksur taddrittijiet taddifiża

76.      Permezz tal-ewwel parti tar-raba’ aggravju tiegħu, l-appellant jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ma mmotivatx il-konstatazzjoni tagħha li l-Artikolu 50(1) u (2) tar-Regolament dwar il-Europol ma jistax jitqies bħala l-bażi ta’ responsabbiltà in solidum u li kisret ir-regoli dwar l-oneru tal-prova.

77.      Issa, mill-analiżi mwettqa fil-punti 24 sa 53 ta’ dawn il-konklużjonijiet jirriżulta li l-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali ppermettiet lill-appellant jifhem ir-raġunijiet li għalihom hija qieset li l-Artikolu 50 tar-Regolament dwar il-Europol ma kienx jistabbilixxi responsabbiltà in solidum u jressaq l-argumenti tiegħu kontrihom. Din tippermetti wkoll lill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-fehma tiegħi, teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha.

78.      Permezz tat-tieni parti tar-raba’ aggravju tiegħu, l-appellant isostni, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali qalbet l-oneru tal-prova ta’ taħt fuq billi imponiet fuqu fl-ewwel istanza l-oneru li juri li xi informazzjoni kienet ġiet żvelata mid-dipartimenti tal-Europol.

79.      Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-appellant ma kienx ipproduċa provi ta’ rabta kawżali bejn id-dannu allegat u kwalunkwe aġir possibbli tal-Europol u li dan kien suffiċjenti sabiex tiġi eskluża kull responsabbiltà ta’ din tal-aħħar fis-sens tal-Artikolu 340 TFUE.

80.      Issa, fil-fehma tiegħi, l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali twettqet, bħala prinċipju, ġustament, fid-dawl ta’ ġurisprudenza stabbilita li tgħid li hija l-parti li tikkontesta r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni li għandha tipproduċi provi konklużivi dwar l-eżistenza ta’ rabta kawżali suffiċjentement diretta bejn l-aġir tal-istituzzjoni inkwistjoni u d-dannu allegat (52).

81.      Permezz tat-tielet parti tar-raba’ aggravju tiegħu, l-appellant jikkritika lill-Qorti Ġenerali li ma ħaditx inkunsiderazzjoni bħala prova l-fajl ta’ investigazzjoni kriminali nazzjonali li jikkonċernah u d-digriet tal-Ministeru għall-Ġustizzja Slovakk (53), li jistabbilixxi l-kontenut ta’ dan il-fajl. Essenzjalment, l-appellant itenni l-argument imressaq fil-kuntest tat-tieni motiv, li l-proċess verbal tat‑23 ta’ Ottubru 2018 għandu jiġi inkluż fil-fajl tal-investigazzjoni kriminali li jikkonċernah, skont dak li jippreskrivi dan id-digriet.

82.      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li, kif irrilevajt fil-kuntest tal-analiżi tat-tieni motiv, l-argument tal-appellant ibbażat fuq l-eventwali ksur tar-regoli nazzjonali dwar il-kontenut tal-fajl ma huwiex rilevanti, peress li l-eventwali nuqqas ta’ konformità ta’ dan il-proċess verbal mar-regoli nazzjonali dwar il-kontenut tal-fajl ma jaffettwax il-valur probatorju tal-imsemmi proċess verbal fil-kuntest ta’ din il-kawża (54).

83.      Fir-rigward tal-argument li l-fatt li Europol allegat li ritratt tal-proċess verbal tat‑23 ta’ Ottubru 2018 juri li din ma kellhiex dan il-proċess verbal u li kienet kisbitu mingħand l-awtoritajiet Slovakki fil-kuntest tal-proċedura ġudizzjarja, għandu jiġi kkonstatat li dan, kif isostni l-appellant, huwa “konvinzjoni” tal-avukat tiegħu, li ma hija sostnuta minn ebda indizju jew prova (55).

84.      Permezz tar-raba’ parti tar-raba’ aggravju tiegħu, l-appellant jikkritika lill-Qorti Ġenerali li kisret id-drittijiet tad-difiża tiegħu, minħabba li huwa ma setax jesprimi ruħu, waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali tat‑30 ta’ Ġunju 2021, fuq id-datar b’lura tal-proċess verbal tat‑23 ta’ Ottubru 2018. Mingħajr ma jispeċifika dan b’mod espliċitu, jidher li jinvoka ksur tal-prinċipju ta’ kontradittorju.

85.      Madankollu, l-appellant ma jispjegax liema huma l-argumenti u l-elementi li huwa seta’ jsostni li kieku d-drittijiet tad-difiża tiegħu kienu ġew irrispettati u lanqas li, fin-nuqqas tal-allegat ksur tal-prinċipju ta’ kontradittorju, l-argumenti tiegħu setgħu jibdlu l-eżitu tat-tilwima (56).

86.      Barra minn hekk, fil-punti 74 sa 78 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet dwar l-argumenti tal-appellant dwar dan l-allegat datat b’lura, fejn osservat b’mod partikolari li dawn l-argumenti ma kienu sostnuti minn ebda ħjiel ta’ prova u li l-appellant ma kienx allega, fl-istadju tar-replika, li l-proċess verbal tat‑23 ta’ Ottubru 2018 jew il-kopja tiegħu kienu nbidlu.

87.      Fil-fatt, l-appellant sempliċement jirrileva li, sal-lum, għadu ma hux magħruf fejn tinsab il-kopja oriġinali tal-proċess verbal tat‑23 ta’ Ottubru 2018, li ma jinsabx fil-fajl ġudizzjarju tal-kawża li suppost ġej minnha u li mid-dokumenti li joriġinaw minn kawża kriminali oħra jirriżulta li jeżistu mill-inqas żewġ kopji distinti ta’ dan il-proċess verbal.

88.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont il-prinċipju tal-evalwazzjoni libera tal-provi, stabbilit mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-determinazzjoni tal-valur probatorju tal-provi titħalla fis-setgħa diskrezzjonali tal-Qorti Ġenerali (57), mingħajr preġudizzju għall-iżnaturament ta’ dawn il-provi, li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jkun evidenti mill-annessi tal-fajl, mingħajr ma jkun meħtieġ li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi (58), li ma jidhirlix li huwa l-każ hawnhekk.

89.      Għalhekk nipproponi li r-raba’ aggravju jiġi miċħud.

3.      Fuq laggravji li jikkonċernaw iddanni morali mġarrba bħala konsegwenza talinklużjoni ta’ isem lappellant fil“listi talmafja” (ittieni kap tattalba flewwel istanza)

a)      Fuq ilħames aggravju, ibbażat fuq żball ta’ liġi filklassifikazzjoni tarresponsabbiltà talEuropol minħabba pproċessar skorrett ta’ data

90.      Permezz tal-ħames aggravju tiegħu, li jirreferi kompletament għall-ewwel aggravju, l-appellant jikkritika, essenzjalment, lill-Qorti Ġenerali li eskludiet li l-Europol u l-Istat Membru kkonċernat kienu responsabbli in solidum għad-danni li rriżultaw minn ipproċessar illegali ta’ data, bi ksur tan-natura vinkolanti tal-premessa 57 tar-Regolament dwar il-Europol.

91.      Kif jirriżulta mill-analiżi tal-ewwel aggravju (59), il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi sa fejn eskludiet li l-Artikolu 50(1) tar-Regolament dwar il-Europol, interpretat fid-dawl tal-premessa 57 ta’ dan ir-regolament, jintroduċi sistema ta’ responsabbiltà in solidum tal-Europol u tal-Istat Membru kkonċernat fir-rigward tad-danni mġarrba minħabba pproċessar illegali ta’ data mill-Europol jew dan l-Istat Membru.

92.      Madankollu, nosserva li, fir-rigward tat-tieni kap tat-talba, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 102 tas-sentenza appellata, li l-appellant ma kien ipproduċa ebda prova li tistabbilixxi li l-“listi tal-mafja” li fuqhom kien ġie inkluż ismu kienu tfasslu u ġew miżmuma minn istituzzjoni tal-Unjoni u, b’mod partikolari, mill-Europol.

93.      Fil-fehma tiegħi, l-iżball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali ma huwiex ta’ natura li jikkontesta din il-konstatazzjoni, sa fejn din ma hijiex ikkontestata mill-argumenti mressqa fil-kuntest tas-sitt aggravju, kif ser neżamina iktar ’il quddiem.

94.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, nipproponi li l-ħames aggravju jiġi miċħud bħala ineffettiv.

b)      Fuq issitt aggravju, ibbażat fuq żbalji ta’ fatt flevalwazzjoni tarrabta kawżali firrigward tattieni kap tat-talba fl-ewwel istanza

95.      Permezz tas-sitt motiv tiegħu, l-appellant isostni, essenzjalment, li xejn ma kien jippermetti lill-Europol sabiex tistabbilixxi rabta bejnu u l-hekk imsejħa “listi tal-mafja”.

96.      Madankollu, kif irrilevat il-Qorti Ġenerali, il-Europol, fir-rapport tagħha tat‑13 ta’ Jannar 2019 (60), sempliċement indikat li isem l-appellant kien, fost oħrajn, “direttament marbut mal-listi msejħa mafjużi u mal-Panama Papers”, mingħajr ma inkludietu fl-ebda lista, u kienet ikkonstatat li artikli tal-istampa preċedenti għal dan ir-rapport kienu diġà semmew l-implikazzjonijiet mafjużi possibbli tal-appellant (61).

97.      Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argumenti tal-appellant, li huma limitati, essenzjalment, għal li jsostnu li l-Europol ma spjegatx ir-raġuni għalfejn hija kienet stabbilixxiet rabta bejn l-appellant u l-“listi tal-mafja” u li, b’dan l-aġir, kienet kisret il-prinċipju tal-proporzjonalità, peress li d-“dritt li jinżammu listi tal-mafja” ma għandu l-ebda bażi fid-dritt nazzjonali jew tal-Unjoni.

98.      Fil-fatt, permezz ta’ dawn l-argumenti, l-appellant jitlaq mill-premessa, mhux ipprovata, li l-Europol effettivament inkludietu f’dawn il-“listi tal-mafja”, mingħajr ma kkontesta l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li tinsab fil-punt 102 tas-sentenza appellata, li tgħid li huwa ma kien ipproduċa ebda prova li tistabbilixxi li l-“listi tal-mafja” li fuqhom kien ġie inkluż ismu kienu tfasslu u ġew miżmuma minn istituzzjoni tal-Unjoni u, b’mod partikolari, mill-Europol.

99.      Għalhekk nipproponi li s-sitt aggravju tal-appell jiġi miċħud u, konsegwentement, li l-appell jiġi miċħud f’dak li jirrigwarda l-aggravji dwar it-tieni kap tat-talba fl-ewwel istanza.

B.      Fuq irrikors flewwel istanza

100. Kif jirriżulta mill-analiżi preċedenti, nipproponi li s-sentenza appellata tiġi annullata fir-rigward tal-ewwel kap tat-talba fl-ewwel istanza u li l-appell jiġi miċħud fir-rigward tat-tieni kap tat-talba fl-ewwel istanza.

101. Skont l-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, meta din tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, hija stess tista’ tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża.

102. Inqis li dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża.

103. Fil-fatt, inqis li l-iżball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali sa fejn ċaħdet l-eżistenza ta’ responsabbiltà in solidum tal-Europol u tal-Istat Membru kkonċernat fir-rigward tad-danni mġarrba minħabba pproċessar illegali ta’ data bħala konsegwenza tal-aġir tal-Europol jew ta’ dan l-Istat Membru, jimplika evalwazzjoni ġdida tal-fatti mill-Qorti Ġenerali dwar l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir tal-Europol u d-dannu allegat mill-appellant (62) u, jekk ikun il-każ, il-kundizzjonijiet l-oħra li għalihom hija suġġetta r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni u tal-istituzzjonijiet jew tal-korpi tagħha (63).

C.      Fuq lispejjeż

104. Peress li nipproponi li l-kawża tiġi rrinvijata quddiem il-Qorti Ġenerali, f’konformità mal-Artikolu 137 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura tal-appell skont l-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-regoli, id-deċiżjoni dwar l-ispejjeż tal-partijiet relatati mal-proċedura tal-appell għandha tiġi rriżervata għal stadju iktar tard.

VII. Konklużjoni

105. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad‑29 ta’ Settembru 2021, Kočner vs Europol (T‑528/20, mhux ippubblikata, EU:T:2021:631), fir-rigward tal-ewwel kap tat-talba;

–        tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi fuq il-mertu fuq l-ewwel kap tat-talba,

–        tiċħad il-kumplament tal-appell;

–        tirriżerva l-ispejjeż.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/371/ĠAI, 2009/934/ĠAI, 2009/935/ĠAI, 2009/936/ĠAI u 2009/968/ĠAI (ĠU 2016, L 135, p. 53, iktar ’il quddiem ir-“Regolament dwar il-Europol”).


3      Deċiżjoni tal-Kunsill tat‑23 ta’ Settembru 2013 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU 2013, L 274, p. 1).


4      Ninnota li r-riferiment għal dan l-artikolu huwa probabbilment żbaljat u għandu jinftiehem bħala riferiment għall-Artikolu 50 tar-Regolament dwar il-Europol, kif jirriżulta mill-proposta inizjali tal-Kummissjoni Ewropea (COM(2013) 173 final tas‑27 ta’ Marzu 2013), li fiha l-Artikolu 51 (li jikkorrispondi għall-Artikolu 49 tar-Regolament dwar il-Europol) kien jirreferi għall-Artikolu 52 (li jikkorrispondi għall-Artikolu 50 ta’ dan ir-regolament).


5      Barra minn hekk, fl‑1 ta’ April 2019, l-awtoritajiet Slovakki użaw l-informazzjoni li tinsab fit-telefowns mobbli inkwistjoni fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali kontra l-appellant u, kif jirriżulta minn proċess verbal tal-korp tal-pulizija Slovakk tat‑18 ta’ Ġunju 2019, dan wettaq analiżi tad-data li tinsab f’dawn it-telefowns mobbli.


6      Sentenza appellata, il-punt 10.


7      Is-sentenza appellata, punt 91. Il-Qorti Ġenerali kkonstatat, l-ewwel, li l-Europol ma kinitx l-unika entità li kellha fil-pussess tagħha d-data li tinsab fit-telefowns mobbli inkwistjoni, peress li l-awtoritajiet Slovakki wkoll għandhom din id-data (is-sentenza appellata, punti 68 u 84), it-tieni, li l-Europol qatt ma kellha għad-dispożizzjoni tagħha l-komunikazzjonijiet kontenzjużi f’forma ddekriptata u li tinftiehem (is-sentenza appellata, punt 86) u, it-tielet, li minn artiklu tal-istampa jirriżulta li informazzjoni li kienet ġejja mill-fajl nazzjonali ta’ investigazzjoni kienet ġiet żvelata (is-sentenza appellata, punt 90).


8      Is-sentenza appellata, punt 102.


9      Is-sentenza appellata, punti 92 sa 95 u 105.


10      B’mod iktar partikolari, l-ewwel u l-ħames aggravju jikkonċernaw l-eventwali eżistenza ta’ responsabbiltà in solidum tal-Europol u tal-Istat Membru kkonċernat fir-rigward tal-preġudizzji li sofra minħabba pproċessar illegali ta’ data, f’konformità mal-premessa 57 tar-Regolament dwar il-Europol, filwaqt li t-tieni sar-raba’ u s-sitt motiv jirrigwardaw, essenzjalment, l-evalwazzjoni tar-rabta kawżali bejn id-dannu li allegatament ġarrab l-appellant u l-aġir tal-Europol.


11      L-inammissibbiltà ta’ dawn il-motivi la tqajmet mill-Europol fil-kontroreplika tagħha fl-ewwel istanza u lanqas ma ġiet eżaminata ex officio mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata. Dan premess, l-assenza ta’ diskussjonijiet dwar din il-kwistjoni fl-ewwel istanza ma tipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tirrileva, jekk ikun il-każ, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ma qajmitx din l-eventwali inammissibbiltà bħala eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku.


12      Barra minn hekk, fil-fehma tal-appellant, il-prinċipju li kull leġiżlatur jaġixxi b’mod razzjonali jipprekludi li din id-dispożizzjoni tingħata tifsira differenti minn dik li tirriżulta mill-premessa 57. Din il-konklużjoni hija kkonfermata wkoll mill-fatt li, skont il-leġiżlazzjoni fis-seħħ qabel ir-Regolament dwar il-Europol, l-Istat Membru kkonċernat kien responsabbli anki f’sitwazzjonijiet fejn ir-responsabbiltà kienet taqa’ wkoll fuq il-Europol (skont l-Artikolu 52(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/371/ĠAI tas‑6 ta’ April 2009 li tistabbilixxi l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol) (ĠU 2009, L 121, p. 37, rettifika fil-ĠU 2015, L 207, p. 75)). Ikun inkonsistenti li jiġi preżunt li l-leġiżlatur tal-Unjoni abbanduna din is-sistema ta’ responsabbiltà ssimplifikata għal sistema inqas favorevoli fir-rigward tal-persuna li ġġarrbet dannu, li issa jkollha tistabbilixxi minn qabel l-entità responsabbli għad-dannu qabel ma tkun tista’ tibda proċeduri ġudizzjarji, li jmur kontra l-għan imfittex minn dan ir-regolament.


13      Barra minn hekk, il-fatt, invokat mill-appellant, li l-leġiżlatur tal-Unjoni ssostitwixxa s-sistema preċedenti ta’ responsabbiltà, li kienet tipprovdi li l-Istat ikkonċernat kien l-unika entità responsabbli anki f’sitwazzjonijiet fejn ir-responsabbiltà kienet taqa’ wkoll fuq il-Europol, ma jsostnix l-argument tal-appellant li s-sistema attwali ma tistax tkun inqas favorevoli fir-rigward tal-persuna li ġġarrab dannu (ara n-nota 12 f’qiegħ il-paġna ta’ dawn il-konklużjonijiet). Din il-bidla leġiżlattiva hija ġġustifikata sempliċement mill-fatt li, wara l-emendi introdotti mit-Trattat ta’ Lisbona, il-Europol finalment taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.


14      Is-sentenza appellata, punt 93.


15      Is-sentenza appellata, punt 94.


16      B’mod kważi identiku, l-Artikolu 41(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jippreċiża li “[k]ull persuna għandha d-dritt li l-Unjoni tagħmel tajjeb għal danni kkaġunati mill-istituzzjonijiet jew l-uffiċjali tagħha fil-qadi ta’ dmirijiethom, skond il-prinċipji ġenerali komuni għal-liġijiet ta’ l-Istati Membri”.


17      Ara s-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2019, HTTS vs IlKunsill (C‑123/18 P, EU:C:2019:694, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).


18      Sentenza tad‑9 ta’ Settembru 1999, Lucaccioni vs IlKummissjoni (C‑257/98 P, EU:C:1999:402, punt 63), kif ukoll id-digriet tat‑12 ta’ Marzu 2020, EMB Consulting et vs IlBĊE (C‑571/19 P, mhux ippubblikat, EU:C:2020:208, punt 29).


19      Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 9:101 tal-Principles of European Tort Law tal-European Group on Tort Law (EGTL) (il-Grupp Ewropew dwar ir-Responsabbiltà Ċivili), (tentattiv ta’ kodifikazzjoni tal-prinċipji tad-Dritt Ewropew dwar ir-Responsabbiltà Ċivili permezz ta’ eżami komparattiv tas-sistemi nazzjonali), li jistgħu jiġu kkonsultati fl-indirizz li ġej: http://www.egtl.org/PETLFrench.html. Fir-rigward tad-definizzjoni tar-responsabbiltà in solidum adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja (fil-qasam kuntrattwali), ara s-sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2017, Latvijas Dzelzceļš (C‑154/16, EU:C:2017:392, punt 85), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza li min-natura stess tar-responsabbiltà in solidum jirriżulta li kull debitur huwa responsabbli għall-ammont totali tad-dejn u li l-kreditur jibqa’, bħala prinċipju, liberu li jitlob il-ħlas ta’ dan id-dejn lil debitur wieħed jew iktar tal-għażla tiegħu.


20      Sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2023, Towercast (C‑449/21, EU:C:2023:207, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).


21      Dan huwa l-każ ukoll f’verżjonijiet lingwistiċi oħra tal-imsemmija dispożizzjoni. Fil-fatt, minbarra l-verżjoni bil-lingwa Franċiża, jiġifieri l-lingwa oriġinali ta’ dawn il-konklużjonijiet (“soit d’Europol [...], soit de l’État membre”), ara, b’mod partikolari, il-verżjonijiet bil-Grieg (“είτε εκ μέρους της Ευρωπόλ [...], είτε εκ μέρους του κράτους μέλους”), bl-Ingliż (“either from Europol [...] or from the Member State”) u bit-Taljan (“da Europol [...] o dallo Stato membro”).


22      Iż-żewġ metodi huma marbuta mill-qrib (ara, fil-letteratura, Lenaerts, K., u Gutiérrez-Fons, J. A., “Les méthodes d’interprétation de la Cour de justice de l’Union européenne”, Bruylant, Brussell, 2020, p. 104).


23      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2014, Karen Millen Fashions (C‑345/13, EU:C:2014:2013, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).


24      Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Mejju 2022, Spetsializirana prokuratura (Proċess ta’ akkużat li jaħrab) (C‑569/20, EU:C:2022:401, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll, għal skopijiet ta’ informazzjoni, il-Gwida prattika komuni tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni għal persuni involuti fl-abbozzar ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu 2015. Skont it-titolu tal-punt 10 ta’ dan id-dokument, il-premessi, b’mod partikolari, għandhom l-għan li “jsemmu b’mod konċiż ir-raġunijiet wara d-dispożizzjonijiet ewlenin tat-termini ta’ promulgazzjoni”.


.


25      Barra minn hekk, l-ipproċessar ta’ data personali mill-Europol f’dan il-każ jista’ jaqa’ wkoll taħt id-definizzjonijiet ta’ “data personali”, “data personali operazzjonali” u “ipproċessar” previsti fil-punti (1), (2) u (3) tal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU 2018, L 295, p. 39). Għalkemm huwa minnu li, skont l-Artikolu 2(3) tar-Regolament 2018/1725, dan ir-regolament ma japplikax, b’mod partikolari, għall-ipproċessar ta’ data personali operazzjonali mill-Europol ħlief ladarba r-Regolament dwar il-Europol ikun ġie adattat f’konformità mal-Artikolu 98 ta’ dan l-ewwel regolament, jidhirli li, fl-assenza ta’ definizzjonijiet ad hoc f’dan it-tieni regolament, id-definizzjonijiet inkwistjoni jistgħu jintużaw, f’dan il-każ, bħala parametri ta’ interpretazzjoni. Barra minn hekk, id-definizzjonijiet ta’ “data personali” u “ipproċessar” jikkorrispondu għal dawk li jinsabu fil-punti (1) u (2) tal-Artikolu 4tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, u rettifika ĠU 2018, L 127, p. 2), madankollu, skont l-Artikolu 2(2)(d) tiegħu, ma japplikax, inter alia, għall-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien jew prosekuzzjoni ta’ reati kriminali.


26      Fil-fatt, il-premessa 57 u l-Artikolu 50 tar-Regolament dwar il-Europol jikkorrispondu, rispettivament u essenzjalment, għall-premessa 47 u għall-Artikolu 52 tal-proposta inizjali tal-Kummissjoni (COM(2013) 173 final tas‑27 ta’ Marzu 2013].


27      Min-naħa l-oħra, ma naqbilx mal-argument tal-appellant, li huwa ispirat ukoll mill-oriġini leġiżlattiva tar-Regolament dwar il-Europol, li jgħid li dan ir-regolament ma jistax sempliċement jiżgura, għall-persuna li tkun ġarrbet dannu, protezzjoni iktar baxxa minn dik iggarantita mil-leġiżlazzjoni preċedenti (ara n-nota 12 f’qiegħ il-paġna ta’ dawn il-konklużjonijiet). Fil-fatt, jidhirli li hija iktar konvinċenti l-pożizzjoni tal-Europol, li tgħid li l-eżistenza, fil-leġiżlazzjoni preċedenti, ta’ responsabbiltà esklużiva tal-Istat Membru kkonċernat għal kwalunkwe dannu li jirriżulta mill-ħażna jew mill-ipproċessar ta’ data, inkluż fir-rigward tal-azzjoni tal-Europol, kienet immotivata mill-fatt li, fiż-żmien ta’ din il-leġiżlazzjoni (jiġifieri qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona), l-azzjoni tal-Europol ma kinitx taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni.


28      Peress li huwa mifhum, kif tfakkar l-Europol, li, skont il-ġurisprudenza, il-qorti tal-Unjoni, qabel ma tagħti deċiżjoni, għandha tistenna sakemm il-qorti nazzjonali tkun tat l-ewwel deċiżjoni tagħha (ara s-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 1967, Kampffmeyer et vs IlKummissjoni, 5/66, 7/66, 13/66 sa 16/66 u 18/66 sa 24/66, mhux ippubblikata, EU:C:1967:31, punt 344). Ser nispjega f’iktar dettall dan il-punt fin-nota 33 f’qiegħ il-paġna ta’ dawn il-konklużjonijiet.


29      B’mod simili ħafna, l-Artikolu 49 tar-Regolament dwar il-Europol jipprovdi li din tal-aħħar għandha tagħmel tajjeb għal kull dannu kkawżat mid-dipartimenti tagħha jew mill-persunal tagħha fit-twettiq ta’ dmirijiethom “f’konformità mal-prinċipji ġenerali komuni għal-liġijiet tal-Istati Membri”.


30      Niċċita, bħala eżempju, l-Artikolu 840 tal-Bürgerliches Gesetzbuch (il-Kodiċi Ċivili Ġermaniż), l-Artikolu 926 tal-Αστικού Κώδικα (il-Kodiċi Ċivili Grieg) u l-Artikolu 2055 tal-codice civile (il-Kodiċi Ċivili Taljan). Din il-possibbiltà tidher ukoll li titqies fis-sistemi tal-common law (ara Van Dam, C., “Causation”, European Tort Law, Oxford, 2013, p. 331). Ara, ukoll f’dan is-sens, Artikolu 1265 tal-abbozz ta’ riforma tar-responsabbiltà ċivili fl-ordinament ġuridiku Franċiż, li fih, fi kwalunkwe każ, jidher li diġà jeżisti obbligu ta’ responsabbiltà “in solidum” introdott permezz tal-ġurisprudenza (ara, fil-letteratura, Ligüerre, C. G., “Responsabilité solidaire et canalisation de la responsabilité”, Revue des contrats, Nru 4, 2019, p. 252).


31      Tali prinċipju huwa previst b’mod partikolari fl-Artikolu 9:101 tal-Principles of European Tort Law (ara l-European Group on Tort Law, “Principles of European Tort Law. Text and Commentary”, SpringerWienNewYork, 2005, p. 206).


32      Din id-dispożizzjoni tipprevedi li, meta diversi kontrolluri jew proċessuri jew meta, fl-istess ħin, kontrollur u proċessur jipparteċipaw fl-istess ipproċessar u, meta jkunu responsabbli għal dannu kkawżat mill-ipproċessar, kull wieħed mill-kontrolluri jew mill-proċessuri għandu jinżamm responsabbli għad-dannu kollu kemm hu sabiex jiġi żgurat kumpens effettiv għas-suġġett tad-data, filwaqt li l-persuna li tikkumpensa totalment id-dannu mġarrab tista’, skont l-Artikolu 82(5) ta’ dan ir-regolament, titlob mingħand kontrolluri oħra l-parti tal-kumpens li tikkorrispondi għas-sehem tagħhom tar-responsabbiltà għad-dannu. L-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni hija eskluża, f’dan il-każ, bis-saħħa tal-Artikolu 2(d) tal-imsemmi regolament.


33      B’mod iktar preċiż, permezz ta’ ġurisprudenza li tmur lura għas-snin sittin, il-qorti tal-Unjoni ddeċidiet li, meta l-istess dannu jkun is-suġġett ta’ żewġ rikorsi għad-danni, waħda kontra Stat Membru quddiem qorti nazzjonali, u l-oħra kontra l-Unjoni quddiem il-qorti tal-Unjoni, jista’ jkun neċessarju, qabel ma jiġi ddeterminat l-ammont tad-dannu li l-Unjoni titqies li hija responsabbli għalih, li jiġi mistenni li l-qorti nazzjonali tiddeċiedi dwar ir-responsabbiltà possibbli tal-Istat Membru, sabiex jiġi evitat li r-rikorrent, minħabba diverġenza fl-evalwazzjoni bejn żewġ qrati differenti, jiġi kkumpensat b’mod insuffiċjenti jew abbużiv (ara s-sentenzi tal‑14 ta’ Lulju 1967, Kampffmeyer et vs IlKummissjoni, 5/66, 7/66, 13/66 sa 16/66 u 18/66 sa 24/66, mhux ippubblikati, EU:C:1967:31; tat‑30 ta’ Novembru 1967, Becher vs IlKummissjoni, 30/66, EU:C:1967:44, kif ukoll tat‑13 ta’ Diċembru 2006, É.R. et vs IlKunsill u IlKummissjoni, T‑138/03, EU:T:2006:390, punt 42). Fil-letteratura, ara Lenaerts, K., et, EU Procedural Law, Oxford University Press, 2014, p. 506 u 507.


34      Anki fin-nuqqas ta’ kunċett ta’ rabta kawżali speċifiku għad-dritt tal-Unjoni (ara Van Dam, C., European tort law, Oxford, 2013, p. 321; Gutman, K., “The non-contractual liability of the European Union: principle, practice and promise”, Research handbook on EU tort law, 2017, p. 26 sa 60, b’mod partikolari p. 57), jidhirli li l-ordnijiet nazzjonali tal-Istati Membri jirrikjedu dan l-element fil-każ tar-responsabbiltà in solidum, (ara, inter alia, Infantino, M., u Zervogianni, Ε., “Causation in European Tort Law”, The American Journal of Comparative Law, Cambridge, 2017, p. 652 u 653).


35      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li la t-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE u lanqas il-prinċipji relatati mar-responsabbiltà in solidum li jirriżultaw mill-prinċipji ġenerali komuni għal-liġijiet tal-Istati Membri ma jippermettu li tiġi stabbilita r-responsabbiltà ta’ istituzzjoni jew ta’ korp tal-Unjoni fl-assenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir ta’ dan tal-aħħar u d-dannu allegat.


36      Ara l-punt 34 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


37      Filwaqt li nirrimarka li, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ssegwi l-proposta tiegħi li tilqa’ l-ewwel aggravju, it-tieni, it-tielet u r-raba’ aggravju jkunu ineffettivi, peress li l-Qorti Ġenerali għandha, fi kwalunkwe każ, tirrevedi l-evalwazzjoni tagħha fir-rigward tal-eżistenza tar-rabta kawżali.


38      Regoli li jinsabu fid-Digriet Nru 618/2005 tal-Ministeru għall-Ġustizzja Slovakk.


39      Ara s-sentenza appellata, punti 68 u 84. Il-Qorti Ġenerali evalwat il-valur probatorju ta’ dan id-dokument abbażi tal-prinċipju tal-evalwazzjoni libera tal-provi u fid-dawl tal-elementi msemmija fil-ġurisprudenza tagħha (jiġifieri s-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Iran Insurance vs IlKunsill, T‑558/15, EU:T:2018:945, punti 153 u 154 u l-ġurisprudenza ċċitata) (ara s-sentenza appellata, punt 80), billi kkonstatat li l-proċess verbal inkwistjoni indika b’mod preċiż id-dokumenti u d-data ppreżentati mill-aġent tal-Europol lil dak tan-NAKA, il-fajl li miegħu kienu assoċjati d-dokumenti u d-data, il-mod li bih ingħataw, l-istatus tal-aġenti inkwistjoni u d-data u l-ħin tal-għoti (ara s-sentenza appellata, punti 79 sa 81).


40      Ara s-sentenza appellata, punti 71 u 77. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-istess proċess verbal kien ippreżentat fuq karta bl-intestatura uffiċjali tan-NAKA, semma fajl identifikat u kien ġie ddatat kif ukoll iffirmat minn uffiċjal tan-NAKA identifikat b’ismu, li indika li kien irċieva l-hard disk ikkonċernata mingħand uffiċjal, li huwa wkoll identifikat b’ismu, tal-Europol (punt 76 tas-sentenza appellata), ċirkustanzi li ma humiex ikkontestati mill-appellant.


41      Nirrileva, barra minn hekk, li r-Repubblika Slovakka, fin-nota ta’ intervent tagħha, tirrifjuta l-argument tal-appellant li l-proċess verbal inkwistjoni kellu jkun parti mill-fajl ta’ investigazzjoni skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, filwaqt li tippreċiża li, skont din il-leġiżlazzjoni tal-aħħar, ċerti atti proċedurali ma humiex inklużi fil-fajl tal-investigazzjoni oriġinali iżda jinżammu f’kopja oħra ta’ dan il-fajl.


42      L-appellant iżid li r-ritorn tat-telefowns mobbli, imsemmi fil-punt 67 tas-sentenza appellata, lanqas ma huwa rilevanti f’dan ir-rigward, għaliex li għandu jitqies ma huwiex dawn it-telefowns mobbli iżda d-data inkluża fihom. Barra minn hekk, il-fatt li l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Slovakk kellu, mill‑1 ta’ April 2019, il-komunikazzjonijiet kontenzjużi fil-pussess tiegħu ma jimplikax li l-iżvelar ta’ din id-data oriġina minn din tal-aħħar.


43      Dan ġie kkonfermat mill-fatt, imfakkar mill-appellant, li l-awtoritajiet kriminali Slovakki għamlu użu mid-data kontenzjuża fl‑1 ta’ April 2019.


44      F’dan ir-rigward, l-appellant jikkontesta l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali, li tirriżulta mix-xhieda ta’ aġent tal-Europol quddiem qorti kriminali Slovakka (ara s-sentenza appellata, punt 82), li l-Europol illimitat ruħha “għall-akkwist u l-estrazzjoni” ta’ data tat-telefowns mobbli f’forma kkriptata, li l-awtoritajiet Slovakki ddekriptaw (ara s-sentenza appellata, punt 87). Skont l-appellant, tali operazzjonijiet ta’ akkwist u ta’ estrazzjoni mwettqa mill-Europol kienu jinkludu t-tniżżil ta’ fajls u tal-passwords assoċjati, li għamilha faċli għal kull min irid li jiddekripta d-data inkwistjoni.


45      F’dan ir-rigward, l-appellant iqajjem ukoll aggravju bbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, sa fejn il-Qorti Ġenerali tidher li ma spjegatx għaliex id-data li setgħet ġiet żvelata f’forma kkriptata ma setgħetx tiġi ddekriptata minn parti terza. Madankollu jidhirli li, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali spjegat b’mod suffiċjenti fid-dritt li hija tqis li l-Europol ma kinitx responsabbli sa fejn hija ma kellhiex il-komunikazzjonijiet kontenzjużi f’forma ddekriptata, u l-kwistjoni dwar jekk din l-affermazzjoni hijiex fondata hija kwistjoni dwar il-fondatezza tal-motivazzjoni.


46      L-argument tal-appellant jibqa’, għalhekk, limitat għall-qasam tal-ispekulazzjoni. Barra minn hekk, l-appellant jirrikonoxxi huwa stess li huwa diffiċli li jiġi stabbilit jekk ir-responsabbiltà għad-dannu hijiex tal-Europol jew tal-Istat Membru kkonċernat u, għal din ir-raġuni, jargumenta favur ir-responsabbiltà in solidum ta’ dawn iż-żewġ entitajiet (ara l-ewwel u l-ħames aggravju).


47      Għandu jiġi ppreċiżat li, jekk jiġi stabbilit li l-Europol qatt ma kellu għad-dispożizzjoni tiegħu l-komunikazzjonijiet inkwistjoni f’forma ddekriptata, dan ikun jikkostitwixxi indizju qawwi tal-assenza ta’ rabta kawżali “mhux esklużiva” bejn l-aġir tal-Europol u d-dannu allegat, li jista’ jwassal għall-esklużjoni tal-eżistenza ta’ din ir-rabta kawżali wkoll fil-kuntest tar-responsabbiltà in solidum tal-Europol. Madankollu, fil-fehma tiegħi, din hija evalwazzjoni fattwali li għandha ssir fil-bidu mill-Qorti Ġenerali.


48      Is-sentenza appellata, punti 74 u 75.


49      L-appellant ma jispjegax b’liema mod l-estrazzjoni tad-data miż-żewġ telefowns mobbli inkwistjoni twettqet wara l-proċess verbal tat‑23 ta’ Ottubru 2018, u lanqas barra minn hekk ma jsostni li kkontesta din l-allegata bidla quddiem qorti kriminali. Bl-istess mod, il-fatt li l-konvenuta pproduċiet biss ritratt tal-proċess verbal tat‑23 ta’ Ottubru 2018 ma huwiex biżżejjed sabiex juri li dan tal-aħħar kien ġie ddatat b’lura, u lanqas a fortiori sabiex juri li, billi ma kkonkludietx hekk, il-Qorti Ġenerali kienet żnaturat din il-prova.


50      Ara wkoll il-punt 63 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


51      Fil-fatt, abbażi tal-kondiviżjoni tad-data inkwistjoni bejn il-Europol u l-awtoritajiet Slovakki, ma jistax jiġi stabbilit li l-Europol biss kellha t-telefowns mobbli inkwistjoni u t-traskrizzjonijiet li kien fihom, kif ġie ddeterminat mill-Qorti Ġenerali fil-punti 64 u 65 tas-sentenza appellata.


52      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs IlKunsill (C‑45/15 P, EU:C:2017:402, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata). Din il-konklużjoni, li tikkonċerna evalwazzjoni ta’ natura ġenerali tal-oneru tal-prova tar-rabta kawżali kif applikata f’kull istanza ta’ rikors għad-danni, hija mingħajr preġudizzju għall-evalwazzjoni dwar in-natura tar-responsabbiltà tal-Europol, imwettqa fil-kuntest tal-ewwel u l-ħames motiv. Fil-fatt, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi, kif nipproponi jien fil-punti 24 sa 54 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li l-Europol hija suġġetta, f’dan il-każ, għal responsabbiltà in solidum mal-Istat Membru kkonċernat, isegwi li l-Qorti Ġenerali, filwaqt li applikat standard ta’ prova żbaljat (li jeżiġi l-prova ta’ rabta kawżali “esklużiva” bejn l-ipproċessar tad-data mill-Europol u d-dannu allegat), ġustament imponiet l-oneru tal-prova relatat mar-rabta kawżali fuq l-appellant fl-ewwel istanza.


53      Għalkemm l-appellant ma jippreċiżax dan, huwa probabbilment jirreferi għad-Digriet Nru 618/2005, iċċitat fil-kuntest tat-tieni motiv.


54      Ara l-punt 63 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


55      L-istess japplika għall-allegazzjoni tal-appellant li l-kontenut tal-proċess verbal inkwistjoni nbidel, ħaġa li ma ntweriet minn ebda indizju insostenn tal-allegazzjoni (ara n-nota 49 f’qiegħ il-paġna ta’ dawn il-konklużjonijiet).


56      Ara, f’dan is-sens, id-digriet tad‑29 ta’ Ottubru 2004, Ripa di Meana vs IlParlament (C‑360/02 P, EU:C:2004:690, punt 36).


57      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2020, EKETA vs IlKummissjoni (C‑273/19 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:852, punt 69).


58      Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs IlKummissjoni, IlKummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u IlKummissjoni vs Ferracci (C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata).


59      Ara l-punti 33 sa 53 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


60      Ara l-punt 11 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


61      Is-sentenza appellata, punt 107.


62      Fil-fatt, kif ġie ppreċiżat fil-punti 56 sa 58 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-eżistenza ta’ responsabbiltà in solidum ma timplikax l-eżistenza ta’ rabta kawżali “esklużiva” bejn l-aġir ta’ waħda mill-persuni responsabbli u d-dannu allegat skont ir-regoli komuni (kif eżaminat il-Qorti Ġenerali f’dan il-każ), iżda li d-diversi fatti li jikkawżaw dannu ikunu ta’ natura li jipproduċu d-dannu allegat.


63      Ara l-punt 34 ta’ dawn il-konklużjonijiet.