Language of document : ECLI:EU:C:2024:202

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

5 ta’ Marzu 2024 (*)

“Appell – Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi – Regolament (UE) 2016/794 – Artikolu 49(3) u Artikolu 50 – Protezzjoni tad-data personali – Ipproċessar illegali ta’ data – Proċeduri kriminali mibdija fis-Slovakkja kontra l-appellant – Perizja mwettqa mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) għal finijiet istruttorji – Estrazzjoni ta’ data minn telefoni mobbli u mezz ta’ ħażna USB li jappartjeni lill-appellant – Żvelar ta’ din id-data – Dannu morali – Rikors għad-danni – Natura tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali”

Fil-Kawża C‑755/21 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit‑8 ta’ Diċembru 2021,

Marián Kočner, residenti fi Bratislava (is-Slovakkja), irrappreżentat minn M. Mandzák u M. Para, advokáti,

appellant,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

LAġenzija talUnjoni Ewropea għallKooperazzjoni flInfurzar talLiġi (Europol), irrappreżentata minn A. Nunzi, bħala aġent, assistit minn M. Kottmann u G. Ziegenhorn, Rechtsanwälte,

konvenuta fl-ewwel istanza,

sostnuta minn:

IrRepubblika tasSlovakkja, irrappreżentata inizjalment minn S. Ondrášiková, sussegwentement minn E. V. Drugda u S. Ondrášiková, bħala aġenti,

intervenjenti fl-appell,

IrRenju ta’ Spanja,

intervenjent fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, L. Bay Larsen, Viċi President, A. Arabadjiev, A. Prechal, E. Regan, F. Biltgen, N. Piçarra u O. Spineanu-Matei (Relatriċi), Presidenti ta’ Awla, S. Rodin, P. G. Xuereb, L. S. Rossi, N. Wahl, I. Ziemele, J. Passer u D. Gratsias, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Rantos,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑15 ta’ Ġunju 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tiegħu, Marián Kočner jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad‑29 ta’ Settembru 2021, Kočner vs Europol (T‑528/20, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2021:631), li permezz tagħha din ċaħdet it-talba tiegħu bbażata fuq l-Artikolu 268 TFUE u intiża sabiex jinkiseb kumpens għad-danni li allegatament ġarrab minħabba l-iżvelar mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) ta’ data personali u l-inklużjoni mill-Europol ta’ ismu fil-“listi tal-mafja”.

 Ilkuntest ġuridiku

2        Skont il-premessi 23, 45, 56, 57 u 65 tar-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/371/ĠAI, 2009/934/ĠAI, 2009/935/ĠAI, 2009/936/ĠAI u 2009/968/ĠAI (ĠU 2016, L 135, p. 53):

“(23)      Għall-finijiet tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità li jaqgħu fl-ambitu tal-objettivi tagħha, huwa meħtieġ li l-Europol ikollha l-informazzjoni l-iktar kompleta u aġġornata possibbli. Għalhekk, il-Europol għandha tkun tista’ tipproċessa data li tingħatalha mill-Istati Membri, […]

[…]

(45)      Sabiex tiġi garantita s-sigurtà tad-data personali, il-Europol u l-Istati Membri għandhom jimplimentaw miżuri tekniċi u organizzattivi neċessarji.

[…]

(56)      Il-Europol għandha tkun soġġetta għar-regoli ġenerali dwar ir-responsabbiltà kuntrattwali u mhux kuntrattwali applikabbli għall-istituzzjonijiet, l-aġenziji u l-korpi tal-[Unjoni], minbarra fir-rigward tar-regoli fuq ir-responsabbiltà għall-ipproċessar illegali ta’ data.

(57)      Jista’ ma jkunx ċar għall-individwu konċernat jekk dannu mġarrab b’riżultat ta’ proċessar illegali ta’ data kienx konsegwenza ta’ azzjoni mill-Europol jew minn Stat Membru. Il-Europol u l-Istat Membru li fih seħħ l-avveniment li wassal għad-dannu għandhom għalhekk ikunu responsabbli b’mod konġunt u in solidum.

[…]

(65)      Il-Europol tipproċessa data li teħtieġ protezzjoni partikolari peress li tinkludi informazzjoni sensittiva mhux klassifikata u klassifikata tal-UE. Il-Europol għandha għalhekk tistabbilixxi regoli dwar il-kunfidenzjalità u l-ipproċessar ta’ tali informazzjoni. Ir-regoli dwar il-protezzjoni tal-informazzjoni klassifikata tal-UE għandhom ikunu konsistenti mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE [tat‑23 ta’ Settembru 2013 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU 2013, L 274, p. 1)].”

3        L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, jiddisponi:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

[…]

(h)      ‘data personali’ tfisser kwalunkwe informazzjoni relatata ma’ suġġett tad-data;

(i)      ‘suġġett tad-data’ tfisser persuna fiżika identifikata jew identifikabbli, persuna identifikabbli tfisser persuna li tkun tista’ tiġi identifikata, direttament jew indirettament, b’mod partikolari b’referenza għal identifikatur bħal isem, numru ta’ identifikazzjoni, data dwar il-post jew identifikatur online jew għal fattur wieħed jew aktar speċifiku għall-identità fiżika, fiżjoloġika, ġenetika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali ta’ dik il-persuna;

[…]

(k)      ‘proċessar’ tfisser kwalunkwe operazzjoni jew sett ta’ operazzjonijiet li jitwettqu fuq data personali jew settijiet ta’ data personali, kemm jekk b’mezzi awtomatiċi jew le, bħall-ġbir, ir-reġistrazzjoni, l-organizzazzjoni, l-istrutturar, il-ħażna, l-adattament jew it-tibdil, il-ġbid, il-konsultazzjoni, l-użu, l-iżvelar permezz ta’ trażmissjoni, it-tixrid jew modi oħra li jrendu disponibbli, l-allinjament jew il-kombinazzjoni, ir-restrizzjoni, it-tħassir jew il-qerda;

[…]”

4        L-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament, intitolat “Objettivi”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-Europol għandha tappoġġa u ssaħħaħ l-azzjoni tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u l-kooperazzjoni reċiproka tagħhom fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità serja li tolqot żewġ Stati Membri jew aktar, it-terroriżmu u l-forom ta’ kriminalità li jolqtu interess komuni kopert minn politika tal-Unjoni […]”

5        L-Artikolu 17 tal-istess regolament, intitolat “Sorsi ta’ informazzjoni” jiddisponi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-Europol għandha tipproċessa biss informazzjoni li ngħatat lilha:

(a)      mill-Istati Membri skont il-liġi nazzjonali tagħhom u l-Artikolu 7;

[…]”

6        L-Artikolu 18 tar-Regolament 2016/794, intitolat “Għanijiet tal-attivitajiet tal-ipproċessar tal-informazzjoni”, jiddisponi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Sa fejn ikun meħtieġ sabiex tikseb l-objettivi tagħha kif stipulati fl-Artikolu 3, il-Europol tista’ tipproċessa informazzjoni, inkluż data personali.”

7        L-Artikolu 28 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Prinċipji ġenerali tal-protezzjoni tad-data”, jiddisponi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Id-data personali għandha:

(a)      tiġi pproċessata b’mod ġust u skont il-liġi;

(b)      tinġabar għal finijiet speċifiċi, espliċiti u leġittimi u ma tiġix ipproċessata ulterjorment b’mod li ma jkunx kompatibbli ma’ dawk il-finijiet. […]

[…]

(f)      tiġi pproċessata b’mod li jiżgura s-sigurtà xierqa tad-data personali.”

8        L-Artikolu 32 tal-istess regolament, intitolat “Sigurtà tal-ipproċessar”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-Europol għandha timplimenta l-miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa biex tipproteġi d-data personali kontra l-qerda aċċidentali jew illegali, it-telf aċċidentali jew żvelar mhux awtorizzat, tibdil u aċċess jew kwalunkwe forma oħra ta’ pproċessar mhux awtorizzata.”

9        L-Artikolu 38 tal-istess regolament, intitolat “Responsabbiltà fi kwistjonijiet ta’ protezzjoni tad-data”, jistabbilixxi, fil-paragrafi 4, 5 u 7 tiegħu:

“[…]

4.      Il-Europol għandha tkun responsabbli għall-konformità mal-prinċipji msemmija fil-punti (a), (b), […] u (f) tal-Artikolu 28(1)

5.      Ir-responsabbiltà għal-legalità ta’ trasferiment tad-data għandha tkun ta’:

(a)      l-Istat Membru li jkun ipprovda d-data personali lill-Europol; u

(b)      tal-Europol fil-każ ta’ data personali pprovduta minnha lill-Istati Membri […]

[…]

7.      Il-Europol għandha tkun responsabbli għall-operazzjonijiet kollha ta’ pproċessar ta’ data mwettqa minnha […]”

10      L-Artikolu 49 tar-Regolament 2016/794, intitolat “Dispożizzjonijiet ġenerali dwar ir-responsabbiltà u d-dritt għal kumpens”, jiddisponi, fil-paragrafu 3 tiegħu:

“Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 49, fil-każ ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali, il-Europol għandha, f’konformità mal-prinċipji ġenerali komuni għal-liġijiet tal-Istati Membri, tagħmel tajjeb għal kwalunkwe dannu kkawżat mid-dipartimenti tagħha jew mill-persunal tagħha waqt il-qadi ta’ dmirijiethom.”

11      L-Artikolu 50 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Responsabbiltà għal proċessar mhux korrett ta’ data personali u d-dritt għal kumpens għal rimedju”, jipprevedi:

“1.      Kwalunkwe individwu li jkun ġarrab dannu b’riżultat ta’ xi operazzjoni ta’ proċessar illegali għandu jkollu d-dritt jirċievi kumpens għad-dannu mġarrab, jew mill-Europol f’konformità mal-Artikolu 340 [TFUE], jew mill-Istat Membru li fih seħħ l-avveniment li wassal għad-dannu f’konformità mal-liġi nazzjonali tiegħu. L-individwu għandu jieħu azzjoni kontra l-Europol quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jew kontra l-Istat Membru quddiem qorti nazzjonali kompetenti ta’ dak l-Istat Membru.

2.      Kwalunkwe tilwima bejn il-Europol u l-Istati Membri dwar ir-responsabbiltà aħħarija għal kumpens mogħti lil individwu f’konformità mal-paragrafu 1 għandha tiġi rriferita lill-Bord ta’ Amministrazzjoni, li għandu jiddeċiedi b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri tiegħu, mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ kontestazzjoni ta’ dik id-deċiżjoni f’konformità mal-Artikolu 263 [TFUE].”

 Ilfatti li wasslu għallkawża

12      Il-fatti li wasslu għall-kawża, esposti fil-punti 1 sa 16 tas-sentenza appellata, jistgħu, għall-ħtiġijiet ta’ din il-proċedura, jinġabru kif ġej.

13      Fil-kuntest ta’ investigazzjoni mwettqa mill-awtoritajiet Slovakki wara l-qtil fis-Slovakkja, matul ix-xahar ta’ Frar 2018, ta’ ġurnalist u l-għarusa tiegħu, il-Europol, fuq talba tan-Národná kriminálna agentúra (l-Aġenzija Nazzjonali għall-Ġlieda Kontra l-Kriminalità, is-Slovakkja) (iktar ’il quddiem in-“NAKA”), ta l-appoġġ tiegħu lil dawn l-awtoritajiet permezz tal-estrazzjoni tad-data maħżuna, minn naħa, fuq żewġ telefoni mobbli li kienu jappartjenu lill-appellant (iktar ’il quddiem it-“telefoni mobbli inkwistjoni”) u li ngħatawlu fl‑10 ta’ Ottubru 2018 min-NAKA, u, min-naħa l-oħra, fuq mezz ta’ ħażna USB.

14      Fil‑21 ta’ Ġunju 2019, il-Europol ikkomunika lin-NAKA r-rapporti xjentifiċi definittivi dwar l-operazzjonijiet imwettqa fuq it-telefoni mobbli inkwistjoni.

15      Skont il-Europol, din il-komunikazzjoni kienet ippreċeduta, fit‑23 ta’ Ottubru 2018, mill-għoti minn din l-aġenzija lin-NAKA ta’ hard disk li kien fih id-data kkriptata estratta b’mod partikolari minn dawn it-telefoni mobbli u, fit‑13 ta’ Frar 2019, mill-għoti ta’ dawn tal-aħħar mill-Europol lin-NAKA.

16      Bħala prova ta’ dan l-għoti, il-Europol ipprovda kopja ta’ minuti bl-intestatura uffiċjali tan-NAKA, datat it‑23 ta’ Ottubru 2018, li jsemmi r-referenza PPZ‑203/NKA‑PZ‑ZA‑2018 u ffirmat mill-kap tat-tim investigattiv, A, kif ukoll ta’ formola ta’ riċezzjoni/produzzjoni ta’ provi, datata t‑13 ta’ Frar 2019, bl-istess riferiment, li tindika b’mod partikolari t-telefoni mobbli inkwistjoni u ffirmata kemm mill-persuna li tagħmel il-kunsinna kif ukoll mid-destinatarju tal-provi.

17      Dawn il-minuti tat‑23 ta’ Ottubru 2018 kienu fformulati kif ġej:

“Illum, fit‑23 ta’ Ottubru 2018, fis‑13.30, ingħatajt hard disk estern HDD ta’ kulur iswed li kien jinkludi r-riżultati provviżorji tal-investigazzjoni tal-Europol, miġbur permezz ta’ deċiżjoni[jiet] tat‑8 ta’ Ottubru 2018 u tal‑10 ta’ Ottubru 2018. Il-hard disk estern msemmi ġie pprovdut personalment mill-impjegat tal-Europol, mis-sede tal-Europol f’Den Haag [il-Pajjiżi l-Baxxi].

Il-hard disk inkwistjoni jinkludi riżultati provviżorji fil-forma ta’ qbid u ta’ estrazzjoni tal-memorja għall-provi 1Z (kard SIM biss), 2Z, 3Z, 4Z (kard SIM biss), 5Z, 6Z, 7Z, 8Z, 1K, 2K.

Il-kontenut tal-imsemmi hard disk HDD huwa protett minn password li ġie ikkomunikat lili.”

18      Fir-rigward tal-mezz ta’ ħażna USB, in-NAKA, fis‑17 ta’ Ottubru 2018, talbet l-assistenza tal-Europol sabiex, b’mod partikolari, teżamina d-data li tinsab fih.

19      Ir-rapport tal-Europol tat‑13 ta’ Jannar 2019 (iktar ’il quddiem ir-“rapport tal-Europol”), mibgħut lin-NAKA fl‑14 ta’ Frar 2019, isemmi, taħt it-titolu “Kuntest (storiku)”, li “[l-appellant] qiegħed taħt detenzjoni għal preżunzjoni ta’ reat finanzjarju mill‑20 ta’ Ġunju 2018. Ismu huwa, fost l-oħrajn, direttament marbut mal-‘hekk msejħa listi tal-mafja’ u mal-‘Panama Papers’.”

20      Fl‑1 ta’ April 2019, l-awtoritajiet kriminali Slovakki għamlu użu mill-informazzjoni li tinsab fit-telefoni mobbli inkwistjoni fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija kontra l-appellant. Bl-istess mod, mill-minuti tal-awtoritajiet tal-pulizija Slovakki tat‑18 ta’ Ġunju 2019 jirriżulta li dawn l-awtoritajiet wettqu analiżi kompleta tad-data li tinsab f’dawn it-telefoni.

21      Barra minn hekk, diversi artikli tal-istampa kif ukoll siti internet, fosthom dak ta’ network internazzjonali ta’ ġurnalisti investigattivi, indikaw volum kbir ħafna ta’ informazzjoni dwar l-appellant li tirriżulta b’mod partikolari mit-telefoni mobbli inkwistjoni u qiegħdu din l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-pubbliku. B’mod partikolari, fl‑20 u fid‑29 ta’ Mejju 2019, diversi artikli tal-istampa semmew id-data li ġejja minn dawn it-telefoni. Bl-istess mod, fid‑19 ta’ Mejju 2020, sit internet ippubblika selezzjoni ta’ dokumenti relatati mal-appellant u, b’mod partikolari, traskrizzjonijiet tal-komunikazzjonijiet intimi skambjati bejnu u ħabiba permezz ta’ servizz ta’ messaġġi kkriptati u li jinsabu fl-imsemmija telefoni. Din is-selezzjoni ntużat mill-istampa Slovakka fil‑21 ta’ Mejju 2020.

22      Permezz ta’ ittra tal‑4 ta’ Mejju 2020, l-appellant talab lill-Europol, abbażi tal-Artikolu 50(1) tar-Regolament 2016/794, il-ħlas ta’ kumpens fl-ammont ta’ EUR 100 000 bħala kumpens għad-dannu morali li huwa jqis li ġarrab, għal żewġ raġunijiet, minħabba l-ksur tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tiegħu. Dan id-dannu jirriżulta, minn naħa, mill-pubblikazzjoni fl-istampa u fuq l-internet ta’ data personali, b’mod partikolari mill-pubblikazzjoni tat-traskrizzjonijiet tal-komunikazzjonijiet tiegħu ta’ natura intima u sesswali. Min-naħa l-oħra, l-imsemmi dannu jirriżulta mill-inklużjoni ta’ ismu fil-“listi tal-mafja”, allegatament minħabba r-rapport tal-Europol, sa fejn l-istampa rrepetiethom wara l-iżvelar ta’ informazzjoni dwar il-proċess relatat mal-proċeduri kriminali nazzjonali dwar il-qtil tal-ġurnalist u l-għarusa tiegħu msemmija fil-punt 13 ta’ din is-sentenza, proċess li kien jinkludi dan ir-rapport.

23      Wara l-investigazzjoni mmexxija mill-awtoritajiet Slovakki, imsemmija fil-punt 13 ta’ din is-sentenza, l-appellant ġie akkużat b’kompliċità f’dan il-qtil, fil-kwalità tiegħu ta’ mandant.

24      Fit‑3 ta’ Settembru 2020, fl-ewwel istanza, il-qorti Slovakka kompetenti lliberat lill-appellant. Fil‑15 ta’ Ġunju 2021, in-Najvyšší súd Slovenskej republiky (il-Qorti Suprema tar-Repubblika Slovakka) annullat is-sentenza tal-ewwel istanza u bagħtet lura l-kawża.

 Ilproċedura quddiem ilQorti Ġenerali u ssentenza appellata

25      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑18 ta’ Awwissu 2020, l-appellant ippreżenta rikors fondat fuq l-Artikoli 268 u 340 TFUE kif ukoll fuq l-Artikolu 50(1) tar-Regolament 2016/794 intiż sabiex jikseb kumpens għad-danni morali li huwa jqis li ġarrab minħabba l-aġir tal-Europol. Fl-ewwel kap tat-talbiet, huwa talab kumpens fl-ammont ta’ EUR 50 000 bħala kumpens għad-dannu li huwa allegatament ġarrab minħabba l-iżvelar ta’ data personali li toriġina mit-telefoni mobbli inkwistjoni, data li, sussegwentement, kienet ġiet ippubblikata fuq l-internet u rriprodotta mill-istampa Slovakka. Dan l-iżvelar ta’ data personali kien jippreġudika l-unur u r-reputazzjoni professjonali tiegħu, id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tiegħu kif ukoll id-dritt għar-rispett tal-komunikazzjonijiet tiegħu, li huma ggarantiti mill-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). Fir-rigward tat-tieni kap tat-talbiet, l-appellanti talab kumpens tal-istess ammont bħala kumpens għad-dannu li huwa allegatament ġarrab minħabba l-inklużjoni mill-Europol ta’ ismu fil-“listi tal-mafja”.

26      Permezz tas-sentenza appellata, qabel kollox, il-Qorti Ġenerali, wara li eżaminat l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Europol dwar l-ewwel kap tat-talbiet tal-appellant, qieset li dan il-kap tat-talbiet kien ammissibbli biss sa fejn, permezz tiegħu, l-appellant invoka dannu morali li rriżulta mill-allegat żvelar mill-Europol tat-traskrizzjonijiet tal-konverżazzjonijiet ta’ natura intima u sesswali bejnu u l-ħabiba tiegħu, li ġejjin mit-telefoni mobbli inkwistjoni. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali qieset li, fir-rigward tal-portata tad-dannu allegat, minkejja li l-appellant jikkritika lill-Europol talli żvelat volum sinjifikattiv ta’ data personali li tirriżulta minn dawn it-telefoni, huwa biss l-iżvelar ta’ dawn it-traskrizzjonijiet li kien sostnut minn provi dokumentali, kuntrarjament għall-allegat żvelar ta’ ritratti “ta’ natura kunfidenzjali ħafna”, li wħud minnhom juru din il-ħabiba għarwiena.

27      Sussegwentement, fuq il-mertu, il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan l-ewwel kap tat-talbiet hekk stabbilit. Fl-ewwel lok, hija qieset, fil-punti 58 sa 91 tas-sentenza appellata, li l-appellant ma kienx ipproduċa “il-prova ta’ rabta kawżali suffiċjentement stabbilita” bejn id-dannu allegat u aġir eventwali tal-Europol. B’mod partikolari, l-appellant ma weriex li l-iżvelar tad-data li tinsab fit-telefoni mobbli inkwistjoni jew tat-traskrizzjonijiet tal-konverżazzjonijiet skambjati bejn l-appellant u l-ħabiba tiegħu kien imputabbli lill-Europol.

28      Fit-tieni lok, fil-punti 92 sa 95 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali qieset li din it-talba kienet bbażata fuq l-assenza ta’ imputabbiltà lill-Europol tal-iżvelar tad-data inkwistjoni la kienet invalidata mill-premessa 57, la mill-Artikolu 49(3) u lanqas mill-Artikolu 50 tar-Regolament 2016/794, li kien qiegħed jinvoka l-appellant.

29      F’dan ir-rigward, minn naħa, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 93 sa 95 tas-sentenza appellata, li l-Artikolu 49(3) u l-Artikolu 50(1) tar-Regolament 2016/794 sempliċement jippreċiżaw li, fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali u b’mod partikolari tar-responsabbiltà li tirriżulta minn operazzjonijiet ta’ pproċessar illegali ta’ data, il-Europol kellha tikkumpensa kull dannu kkawżat mid-dipartimenti tagħha jew mill-persunal tagħha fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom, konformement mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 340 TFUE. Issa, skont il-Qorti Ġenerali, dawn il-kundizzjonijiet ma kinux issodisfatti f’dan il-każ. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali fakkret li, għalkemm, ċertament, il-premessa 57 tar-Regolament 2016/794 tistabbilixxi, essenzjalment, li l-Europol u l-Istat Membru li fih seħħ id-dannu, li rriżulta minn ipproċessar illegali ta’ data mwettaq minn din l-aġenzija jew minn dan l-Istat Membru, huma responsabbli in solidum għal dan id-dannu, madankollu kien hemm lok li jiġi kkonstatat li dan il-mekkaniżmu ta’ solidarjetà la huwa espress u lanqas isib il-bażi tiegħu fid-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament. Barra minn hekk, hija enfasizzat li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-preambolu ta’ att tal-Unjoni ma għandux valur legali vinkolanti u ma jistax jiġi invokat sabiex issir deroga mid-dispożizzjonijiet stess tal-att ikkonċernat. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali qieset li “l-premessa 57 tar-Regolament 2016/794 ma tistax toħloq responsabbiltà in solidum imposta fuq il-Europol f’dan il-każ”.

30      Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-ewwel kap tat-talbiet bħala infondat, billi qieset li ma kienx neċessarju li jiġi eżaminat jekk il-kundizzjonijiet l-oħra għall-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni kinux issodisfatti.

31      Fir-rigward tat-tieni kap tat-talbiet, dwar il-kumpens għad-dannu allegatament imġarrab minħabba l-inklużjoni mill-Europol ta’ isem l-appellant fil-“listi tal-mafja”, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punti 102 u 105 tas-sentenza appellata, li ma kienx stabbilit li dawn il-listi kienu tfasslu u nżammu minn istituzzjoni tal-Unjoni, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, b’mod partikolari mill-Europol, u li din il-konklużjoni la kienet ikkontestata mill-premessa 57, la mill-Artikolu 49(3) u lanqas mill-Artikolu 50 tar-Regolament 2016/794, u dan għall-istess raġunijiet bħal dawk stabbiliti fil-punti 92 sa 95 tas-sentenza appellata u miġbura fil-qosor fil-punt 29 ta’ din is-sentenza.

32      Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat, fil-punti 106 sa 109 tas-sentenza appellata, li, anki jekk jiġi preżunt li t-tieni kap tat-talbiet “għandu jinftiehem bħala li jikkritika lill-Europol talli ta lok għall-iżvilupp tal-kwalifiki użati mill-istampa Slovakka fir-rigward tal-appellant, sa fejn dan tal-aħħar ġie ppreżentat, mhux iktar bħala ‘imprenditur kontroversjali’, iżda, minn issa ’l quddiem, bħala ‘mafjuż’ jew bħala ‘persuna li tidher fuq il-listi tal-mafja’”, dan il-kap tat-talbiet kien ukoll infondat. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali qieset b’mod partikolari li l-appellant ma kien ipproduċa ebda prova ta’ natura li tistabbilixxi li l-informazzjoni ppubblikata fl-istampa Slovakka kienet toriġina mir-rapport tal-Europol u lanqas li jistabbilixxi b’mod suffiċjenti fid-dritt rabta kawżali bejn l-iżvelar tal-informazzjoni f’dan ir-rapport u l-fatt li l-istampa Slovakka biddlet, mill-bidu tas-sena 2019, il-mod kif hija kklassifikat lill-appellant. Il-koinċidenza temporali allegata hija kontradetta minn provi prodotti kemm mill-appellant kif ukoll mill-Europol, li minnhom jirriżulta li, ferm qabel il-bidu tas-sena 2019, l-istampa Slovakka kienet okkażjonalment tippreżenta lill-appellant bħala “mafjuż”, li jeskludi li din il-preżentazzjoni tista’ toriġina mill-iżvelar ta’ informazzjoni fil-proċess kriminali nazzjonali li jikkonċerna lill-appellant u li jinkludi l-imsemmi rapport.

33      Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ċaħdet bħala infondat it-tieni kap tat-talbiet kif ukoll ir-rikors kollu kemm huwa.

 Ilproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja u ttalbiet talpartijiet

34      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit‑8 ta’ Diċembru 2021, l-appellant ippreżenta appell kontra s-sentenza appellata.

35      Permezz tal-appell tiegħu, l-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, u

–        li d-deċiżjoni dwar l-ispejjeż tingħata fil-kuntest tal-proċedura fil-kawża prinċipali.

36      Europol titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell u

–        tikkundanna lill-appellant għall-ispejjeż.

37      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑1 ta’ April 2022, ir-Repubblika Slovakka ġiet ammessa sabiex tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Europol.

 Fuq lappell

38      Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant jinvoka sitt aggravji. L-ewwel sar-raba’ aggravju jirrigwardaw iċ-ċaħda tal-ewwel kap tat-talbiet, li jirrigwarda l-kumpens għad-dannu morali li huwa allegatament ġarrab minħabba l-iżvelar lill-pubbliku ta’ data personali li toriġina mit-telefoni mobbli inkwistjoni. Il-ħames u s-sitt aggravju jirrigwardaw iċ-ċaħda tat-tieni kap tat-talbiet, li jirrigwarda l-kumpens għad-dannu morali li huwa ġarrab minħabba l-inklużjoni ta’ ismu fil-“listi tal-mafja”.

 Fuq lammissibbiltà talewwel u talħames aggravju

 Largumenti talpartijiet

39      Il-Europol issostni li l-ewwel u l-ħames aggravju, ibbażati fuq żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali allegatament wettqet meta eskludiet ir-responsabbiltà in solidum tal-Europol u tal-Istat Membru kkonċernat fir-rigward tad-danni mġarrba minħabba pproċessar illegali ta’ data, huma inammissibbli sa fejn jirrigwardaw motiv ippreżentat tard mill-appellant quddiem il-Qorti Ġenerali, jiġifieri fl-istadju tar-replika. Din tal-aħħar kellha tqajjem ex officio l-inammissibbiltà ta’ dan il-motiv.

40      L-appellant jitlob iċ-ċaħda ta’ din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà.

 Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

41      Mill-Artikolu 84(1) u (2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jirriżulta li l-motivi esposti għall-ewwel darba fl-istadju tar-replika għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli u li ma humiex ibbażati fuq punti ta’ liġi jew ta’ fatt imqajma matul il-proċedura. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet f’dan ir-rigward li aggravju jew argument li jikkostitwixxi estensjoni ta’ motiv imsemmi preċedentement fir-rikors għandu jiġi kkunsidrat bħala ammissibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ April 2007, Alcon vs UASI, C‑412/05 P, EU:C:2007:252, punti 38 sa 40 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, tali motiv ma jistax jiġi ddikjarat inammissibbli minħabba tardività.

42      F’dan il-każ, fil-punt 58 tar-rikors tiegħu quddiem il-Qorti Ġenerali, l-appellant sostna li, fir-rigward tar-responsabbiltà in solidum prevista fl-Artikolu 49(3) u fl-Artikolu 50 tar-Regolament 2016/794, u fid-dawl tal-premessa 57 ta’ dan ir-regolament, il-Europol kellha tinżamm responsabbli għad-dannu li huwa ġarrab anki jekk l-atti dannużi twettqu flimkien mal-awtoritajiet Slovakki. Fil-punt 24 tar-replika, l-appellant żviluppa dan l-argument billi sostna li, bis-saħħa ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u, b’mod partikolari, fid-dawl ta’ din il-premessa, il-Europol kien fi kwalunkwe każ responsabbli in solidum mal-Istat Membru kkonċernat għad-dannu kkawżat minħabba pproċessar illegali ta’ data.

43      B’dan il-mod, l-appellant invoka espressament, fir-rikors tiegħu, l-eżistenza ta’ mekkaniżmu ta’ responsabbiltà in solidum tal-Europol ibbażat fuq l-Artikoli 49 u 50 tar-Regolament 2016/794, moqrija fid-dawl tal-premessa 57 tiegħu, b’tali mod li l-Qorti Ġenerali, ġustament, qieset li kienet adita, permezz ta’ dan ir-rikors, bil-kwistjoni ta’ din ir-responsabbiltà in solidum fil-kuntest ta’ din il-kawża. Il-punt 24 tar-replika għandu għalhekk jiġi kkunsidrat bħala amplifikazzjoni tal-argument imsemmi fir-rikors f’dan ir-rigward.

44      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali ġustament wettqet analiżi tad-dispożizzjonijiet kif ukoll tal-premessa invokati mill-appellant fil-kuntest ta’ dan l-argument.

45      Konsegwentement, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Europol għandha tiġi miċħuda.

 Fuq lewwel aggravju

 Largumenti talpartijiet

46      Permezz tal-ewwel aggravju tiegħu, l-appellant jikkritika lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punti 94 u 95 tas-sentenza appellata, li ma tiħux inkunsiderazzjoni l-premessa 57 tar-Regolament 2016/794 għall-finijiet tad-determinazzjoni tar-responsabbiltà tal-Europol ibbażata fuq l-Artikolu 50(1) ta’ dan ir-regolament, minħabba li l-preambolu ta’ regolament ma għandux valur legali vinkolanti. Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali ċaħdet b’mod żbaljat l-ewwel kap tat-talbiet billi ddeċidiet li din il-premessa ma tistax toħloq responsabbiltà in solidum tal-Europol minħabba pproċessar illegali ta’ data minn din l-aġenzija jew mill-Istat Membru kkonċernat.

47      F’dan ir-rigward, l-appellant jallega, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali qieset li d-dannu kellu jiġi mġarrab minn dak li għalih huwa imputabbli, jiġifieri jew il-Europol, jew l-Istat Membru kkonċernat, filwaqt li mill-Artikolu 49(3) u mill-Artikolu 50 tar-Regolament 2016/794, moqrija fid-dawl tal-premessa 57 tiegħu u tal-għanijiet imfittxija minnu, jirriżulta li dan ir-regolament jistabbilixxi responsabbiltà in solidum tal-Europol u tal-Istat Membru li fih seħħ id-dannu kkawżat minn ipproċessar illegali ta’ data mwettaq minn din l-aġenzija jew minn dan l-Istat Membru.

48      Europol, sostnuta mir-Repubblika Slovakka, issostni li l-ewwel aggravju ma huwiex fondat.

49      Din l-aġenzija tallega li l-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Unjoni skont l-Artikolu 340 TFUE huwa suġġett għall-eżistenza ta’ numru ta’ kundizzjonijiet, fosthom l-illegalità tal-aġir allegat fil-konfront tal-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata. Hija ssostni wkoll li, fl-assenza ta’ aġir illegali ta’ waħda mill-istituzzjonijiet tagħha, l-Unjoni ma tistax tinżamm responsabbli u li d-danni kkawżati mill-Istati Membri ma jistgħux jagħtu lok għal din ir-responsabbiltà. Barra minn hekk, fis-sitwazzjonijiet li fihom l-awtoritajiet tal-Unjoni u dawk tal-Istati Membri jinteraġixxu, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, b’mod partikolari, li, fil-każ ta’ dannu kkawżat konġuntament mill-Unjoni u minn Stat Membru, il-qorti tal-Unjoni tista’ tiddeċiedi dwar id-dannu biss wara li l-qorti nazzjonali tkun ħadet deċiżjoni f’dan ir-rigward. Responsabbiltà in solidum tal-Unjoni u tal-Istat Membru kkonċernat meta t-tnejn li huma jaġixxu flimkien ma hijiex irrikonoxxuta, bħala prinċipju, fil-kuntest tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, iżda teħtieġ riferiment espliċitu f’dan is-sens mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

50      Barra minn hekk, l-Artikolu 50 tar-Regolament 2016/794 ma huwiex applikabbli għall-ipproċessar tad-data inkwistjoni f’dan il-każ, sa fejn dan japplika esklużivament għall-ipproċessar ta’ data mwettaq fil-kuntest tal-operazzjonijiet u tal-kompiti tal-Europol. Peress li l-fatti dannużi allegati seħħew waqt iż-żamma tal-fajl ta’ investigazzjoni nazzjonali, dawn ma jikkostitwixxux “operazzjonijiet ta’ pproċessar illegali ta’ data”, fis-sens ta’ dan l-artikolu, li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

51      Barra minn hekk, l-Artikolu 50(1) tar-Regolament 2016/794 ma jipprevedix espressament responsabbiltà in solidum tal-Europol u tal-Istat Membru kkonċernat. Fil-fatt, skont din id-dispożizzjoni, il-Europol huwa unikament responsabbli “f’konformità mal-Artikolu 340 [TFUE]”, li jfisser li din ir-responsabbiltà tista’ tiġi stabbilita biss meta jiġu ssodisfatti t-tliet kundizzjonijiet li jirriżultaw minn din id-dispożizzjoni. Konsegwentement, anki jekk dan l-Artikolu 50(1) kien applikabbli f’dan il-każ, ir-responsabbiltà tal-Europol ma tistax tiġi stabbilita fl-assenza ta’ kwalunkwe aġir illegali min-naħa tagħha u ta’ rabta kawżali bejn tali aġir u d-dannu mġarrab. Barra minn hekk, l-Unjoni ma tistax tkun obbligata tikkumpensa d-danni li jirriżultaw minn azzjoni ta’ Stat Membru bis-saħħa tal-imsemmi Artikolu 50(1), li japplika biss għad-danni kkawżati konġuntament mill-Unjoni u minn Stat Membru, kif huwa kkonfermat mill-formulazzjoni tal-Artikolu 50(2) ta’ dan ir-regolament.

52      Skont il-Europol, mill-premessa 57 tar-Regolament 2016/794 ma jistax jiġi dedott li dan ma huwiex il-każ. Il-kunċett ta’ “responsabbiltà in solidum” imsemmi f’din il-premessa jippreżupponi li iktar minn entità waħda hija responsabbli għall-istess dannu, u mhux li l-Europol tista’, fl-assenza ta’ kull aġir illegali min-naħa tagħha, tinżamm responsabbli għall-azzjoni ta’ Stat Membru. L-interpretazzjoni tal-imsemmija premessa mill-appellant tikkontradixxi l-portata ta’ dan ir-regolament u l-kliem tal-Artikolu 50 tiegħu. Issa, peress li l-preambolu ta’ att tal-Unjoni ma għandux valur legali vinkolanti, dan ma jistax jiġi invokat sabiex wieħed jitbiegħed mill-formulazzjoni ċara ta’ dispożizzjoni.

 Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

53      Għandu jiġi eżaminat, fl-ewwel lok, jekk l-Artikolu 50(1) tar-Regolament 2016/794 jistabbilixxix sistema ta’ responsabbiltà in solidum tal-Europol u tal-Istat Membru kkonċernat fil-każ ta’ pproċessar illegali ta’ data. Fl-affermattiv, għandu jiġi ddeterminat, fit-tieni lok, liema huma l-kundizzjonijiet għall-istabbiliment ta’ din ir-responsabbiltà.

–       Natura tassistema ta’ responsabbiltà skont l-Artikolu 50(1) tar-Regolament 2016/794

54      Għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 50(1) tar-Regolament 2016/794, b’mod partikolari sabiex tiġi ddeterminata n-natura tas-sistema ta’ responsabbiltà stabbilita fih, hemm lok, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, TEAM POWER EUROPE, C‑784/19, EU:C:2021:427, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55      Fir-rigward tal-kliem tal-Artikolu 50(1) tar-Regolament 2016/794, dan jipprovdi li l-persuna leża minħabba operazzjoni ta’ pproċessar illegali għandha d-dritt li tikseb kumpens għad-dannu mġarrab “jew mill-Europol […], jew mill-Istat Membru li fih seħħ l-avveniment li wassal għad-dannu […]”. Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 38 tal-konklużjonijiet tiegħu, dawn it-termini ma humiex inekwivoċi fir-rigward tan-natura tar-responsabbiltà msemmija. Huma jistgħu, fil-fatt, jindikaw li l-persuna fiżika leża għandha tindirizza jew lill-Europol fil-każ ta’ dannu imputabbli totalment jew parzjalment lilha, jew lill-Istat Membru kkonċernat fil-każ ta’ dannu imputabbli totalment jew parzjalment lil dan tal-aħħar. Madankollu, sa fejn jista’ jirriżulta wkoll mill-imsemmija termini li l-persuna leża tista’ tindirizza ruħha mingħajr distinzjoni lil kull waħda mill-entitajiet, għalhekk jew lill-Europol, jew lill-Istat Membru kkonċernat, bl-għan li jiġi kkumpensat id-dannu kollu subit minħabba pproċessar illegali ta’ data li seħħ fil-kuntest ta’ kooperazzjoni bejn il-Europol u dan l-Istat Membru, dawn l-istess termini ma jeskludux li l-imsemmija dispożizzjoni tista’ tistabbilixxi f’dan ir-rigward responsabbiltà in solidum tal-imsemmija entitajiet.

56      Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk, fid-dawl tal-għan imfittex mill-Artikolu 50(1) tar-Regolament 2016/794 u tal-kuntest tiegħu, din id-dispożizzjoni toħloqx sistema ta’ responsabbiltà in solidum tal-Europol u tal-Istat Membru kkonċernat fir-rigward tad-danni mġarrba minħabba pproċessar illegali ta’ data li seħħ fil-kuntest ta’ kooperazzjoni bejn il-Europol u dan l-Istat Membru skont dan ir-regolament.

57      Skont il-premessa 57 tar-Regolament 2016/794, li tesprimi dan l-għan, “[j]ista’ ma jkunx ċar għall-individwu konċernat jekk dannu mġarrab b’riżultat ta’ proċessar illegali ta’ data kienx konsegwenza ta’ azzjoni mill-Europol jew minn Stat Membru[, u l-]Europol u l-Istat Membru li fih seħħ l-avveniment li wassal għad-dannu għandhom għalhekk ikunu responsabbli b’mod konġunt u in solidum”.

58      Minn dan jirriżulta li, billi ħa inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni li fiha persuna fiżika leża minn ipproċessar illegali ta’ data ma tkunx tista’ tiddetermina jekk id-dannu tagħha huwiex imputabbli għal azzjoni tal-Europol jew għal dik ta’ Stat Membru li miegħu din ikkooperat, il-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxa sistema ta’ responsabbiltà in solidum bejn il-Europol u l-Istat Membru li fih seħħ il-fatt dannuż sabiex jiżgura protezzjoni kompleta lil din il-persuna fiżika fil-każ li hija tkun tinsab f’tali sitwazzjoni.

59      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, filwaqt li ma għandhiex valur legali vinkolanti, premessa ta’ att tal-Unjoni għandha valur interpretattiv importanti, sa fejn tista’ tippreċiża l-kontenut ta’ dispożizzjoni tal-att ikkonċernat u tiċċara r-rieda tal-awtur ta’ dan l-att (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2023, Il‑Kummissjoni vs CK Telecoms UK Investments, C‑376/20 P, EU:C:2023:561, punti 104 u 105 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

60      Ċertament, il-premessa ta’ att tal-Unjoni ma tistax tiġi invokata sabiex issir deroga mid-dispożizzjonijiet stess tal-att ikkonċernat jew sabiex dawn id-dispożizzjonijiet jiġu interpretati b’mod manifestament kuntrarju għall-formulazzjoni tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Ġunju 2014, Karen Millen Fashions, C‑345/13, EU:C:2014:2013, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas‑16 ta’ Frar 2022, L‑Ungerija vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑156/21, EU:C:2022:97, punt 191).

61      Madankollu, f’dan il-każ, il-premessa 57 tar-Regolament 2016/794 bl-ebda mod ma tikkontradixxi t-termini tal-Artikolu 50(1) ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, kif ġie rrilevat fil-punt 55 ta’ din is-sentenza, dan il-kliem jista’ jiġi interpretat, b’mod partikolari, fis-sens li din id-dispożizzjoni tistabbilixxi sistema ta’ responsabbiltà in solidum tal-Europol u tal-Istat Membru kkonċernat favur il-persuna fiżika leża minn ipproċessar illegali ta’ data li seħħ fil-kuntest ta’ kooperazzjoni bejniethom.

62      Minn dawn l-elementi ta’ analiżi jirriżulta li l-Artikolu 50(1) tar-Regolament 2016/794, moqri fid-dawl tal-premessa 57 ta’ dan ir-regolament, joħloq, konformement mar-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jiffavorixxi lill-persuna fiżika leża, sistema ta’ responsabbiltà in solidum tal-Europol u tal-Istat Membru kkonċernat fir-rigward tad-danni mġarrba minħabba tali trattament.

63      Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-kuntest li fih tinsab din id-dispożizzjoni, b’mod partikolari mill-Artikolu 49 u mill-Artikolu 50(2) tar-Regolament 2016/794.

64      Fil-fatt, minn naħa, l-Artikolu 49 tar-Regolament 2016/794 jistabbilixxi, skont it-titolu tiegħu, dispożizzjonijiet ġenerali fil-qasam tar-responsabbiltà u tad-dritt għal kumpens. B’kuntrast ma’ dan, mit-titolu tal-Artikolu 50 ta’ dan ir-regolament jirriżulta li dan l-artikolu jikkonċerna speċifikament ir-responsabbiltà għal ipproċessar żbaljat ta’ data u d-dritt għal kumpens li jirriżulta minnu. In-natura derogatorja tal-imsemmi Artikolu 50 fir-rigward tal-prinċipji ġenerali tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni hija enfasizzata, b’mod partikolari, mill-Artikolu 49(3) tal-imsemmi regolament, moqri fid-dawl tal-premessa 56 tiegħu.

65      Bis-saħħa ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, fil-qasam ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali, il-Europol għandha, f’konformità mal-prinċipji ġenerali komuni għal-liġijiet tal-Istati Membri, tagħmel tajjeb għal kwalunkwe dannu kkawżat mid-dipartimenti tagħha jew mill-persunal tagħha waqt il-qadi ta’ dmirijiethom. Din ir-regola hija madankollu stabbilita “mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 49” tar-Regolament 2016/794.

66      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li r-riferiment għall-“Artikolu 49”, imsemmi fil-formulazzjoni tal-Artikolu 49(3) ta’ dan ir-regolament, jikkostitwixxi żball manifest ta’ abbozzar. Fil-fatt, din ir-referenza ma tagħmilx sens jekk hija tirreferi għall-artikolu li hija tagħmel parti minnu. Għaldaqstant, u peress li l-Artikolu 50 tal-istess regolament jistabbilixxi sistema derogatorja fir-rigward tar-regoli ġenerali ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni msemmija fl-imsemmi Artikolu 49(3), din l-aħħar dispożizzjoni għandha tinqara, fir-rigward tal-parti inizjali tagħha li tinkludi l-kliem “mingħajr preġudizzju”, bħala li jirreferi għal dan l-Artikolu 50.

67      Il-premessa 56 tar-Regolament 2016/794 tikkorrobora l-interpretazzjoni mogħtija fil-punt preċedenti billi tistabbilixxi li “[l]-Europol għandha tkun soġġetta għar-regoli ġenerali dwar ir-responsabbiltà kuntrattwali u mhux kuntrattwali applikabbli għall-istituzzjonijiet, l-aġenziji u l-korpi tal-UE, minbarra fir-rigward tar-regoli fuq ir-responsabbiltà għall-ipproċessar illegali ta’ data”.

68      Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 50 tar-Regolament 2016/794 huwa intiż li jistabbilixxi sistema partikolari ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali fir-rigward tal-operazzjonijiet ta’ pproċessar illegali ta’ data, li tidderoga mis-sistema ġenerali ta’ responsabbiltà prevista minn dan ir-regolament.

69      Min-naħa l-oħra, mill-Artikolu 50(2) tar-Regolament 2016/794 jirriżulta li l-involviment, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jew quddiem il-qorti nazzjonali kompetenti, tar-responsabbiltà tal-Europol jew tal-Istat Membru kkonċernat minħabba pproċessar illegali ta’ data li seħħ fil-kuntest ta’ kooperazzjoni bejniethom jikkostitwixxi biss l-ewwel wieħed miż-żewġ stadji tal-mekkaniżmu ta’ responsabbiltà previst fl-Artikolu 50 ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, skont dan l-Artikolu 50(2) tiegħu, it-tieni stadju ta’ dan il-mekkaniżmu jikkonsisti fid-determinazzjoni tar-“responsabbiltà aħħarija” tal-Europol u/jew tal-Istat Membru kkonċernat għall-kumpens mogħti lil persuna fiżika skont l-Artikolu 50(1) ta’ dan ir-regolament, filwaqt li l-Bord ta’ Amministrazzjoni tal-Europol jista’ jiġi adit bi kwalunkwe tilwima bejn il-Europol u l-Istati Membri f’dan ir-rigward, bla ħsara għad-dritt ta’ appell mid-deċiżjoni tiegħu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea konformement mal-Artikolu 263 TFUE.

70      Issa, il-possibbiltà prevista fl-Artikolu 50(2) tar-Regolament 2016/794 li jiġi ddeterminat mill-Bord ta’ Amministrazzjoni tal-Europol, fil-kuntest ta’ dan it-tieni stadju, ir-“responsabbiltà aħħarija” li taqa’ fuq l-entità li lilha l-aġir illegali li kkawża d-dannu huwa imputabbli, jew saħansitra l-parti ta’ responsabbiltà li għandha kull waħda mill-entitajiet fil-każ ta’ assjem ta’ aġir illegali, ma tkunx rilevanti fl-assenza ta’ responsabbiltà in solidum ta’ dawn l-entitajiet.

71      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jitqies li l-Artikolu 50 tar-Regolament 2016/794, moqri fid-dawl tal-Artikolu 49(3) u tal-premessi 56 u 57 ta’ dan ir-regolament, jistabbilixxi sistema ta’ responsabbiltà in solidum tal-Europol u tal-Istat Membru li fiha seħħ id-dannu li rriżulta minn ipproċessar illegali ta’ data li seħħ fil-kuntest ta’ kooperazzjoni bejniethom skont l-imsemmi regolament.

72      Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 51 tal-konklużjonijiet tiegħu, din is-sistema ta’ responsabbiltà in solidum ma hijiex estranja għad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-ipproċessar tad-data. B’hekk, l-Artikolu 82(4) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2), jipprevedi tali responsabbiltà fil-każ ta’ pluralità ta’ kontrolluri tad-data.

–       Kundizzjonijiet għallistabbiliment tarresponsabbiltà skont lArtikolu 50(1) tarRegolament 2016/794

73      Konformement mal-kundizzjonijiet li jirriżultaw mill-Artikolu 340 TFUE, li għalih jirreferi l-Artikolu 50(1) tar-Regolament 2016/794 fil-każ fejn il-persuna leża tippreżenta rikors kontra l-Europol, ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni skont dan l-Artikolu 340 tippreżupponi li jiġu ssodisfatti numru ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri l-illegalità tal-aġir li bih hija akkużata l-istituzzjoni, il-korp jew l-organu tal-Unjoni kkonċernat, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn dan l-aġir u d-dannu invokat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kunsill vs K. Chrysostomides & Co. et, C‑597/18 P, C‑598/18 P, C‑603/18 P u C‑604/18 P, EU:C:2020:1028, punti 79 u 80 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

74      Fil-kuntest speċifiku tar-Regolament 2016/794, mill-kliem tal-Artikolu 50(1) ta’ dan ir-regolament jirriżulta li l-persuna fiżika li għandha l-intenzjoni tinvoka d-dritt tagħha għal kumpens, abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, kemm fir-rigward tal-Europol, kif ukoll tal-Istat Membru li hija tikkontesta, għandha tistabbilixxi l-eżistenza ta’ “operazzjoni ta’ pproċessar illegali”, dik ta’ “dannu” u dik ta’ rabta kawżali bejn din l-operazzjoni u dan id-dannu. Għalhekk, fid-dawl tal-ewwel waħda mill-kundizzjonijiet imfakkra fil-punt preċedenti, din il-persuna għandha tistabbilixxi biss li pproċessar illegali ta’ data seħħ fil-kuntest ta’ kooperazzjoni li involviet lill-Europol u lil Stat Membru skont l-imsemmi regolament.

75      Kif ġie rrilevat fil-punti 57 u 58 ta’ din is-sentenza, l-għan imfittex mill-Artikolu 50(1) tar-Regolament 2016/794 huwa, skont il-premessa 57 ta’ dan ir-regolament, li jiġu indirizzati d-diffikultajiet li tista’ tiġi esposta għalihom il-persuna fiżika kkonċernata sabiex tiddetermina jekk id-dannu mġarrab minħabba pproċessar illegali ta’ data li seħħ fil-kuntest ta’ tali kooperazzjoni huwiex il-konsegwenza ta’ azzjoni tal-Europol jew tal-Istat Membru kkonċernat.

76      Issa, taħt piena li jitneħħa l-effett utli tal-imsemmi Artikolu 50(1), moqri fid-dawl ta’ din il-premessa 57, ma jistax jiġi rikjest minn din il-persuna li tistabbilixxi lil min, mill-Europol jew mill-Istat Membru kkonċernat, dan id-dannu huwa imputabbli jew li hija tħarrek lil dawn iż-żewġ entitajiet sabiex tikseb il-kumpens sħiħ tad-dannu tagħha.

77      F’dan l-aħħar rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 50(1) tar-Regolament 2016/794 ma jipprevedix li l-persuna fiżika kkonċernata tista’ tħarrek liż-żewġ entitajiet potenzjalment responsabbli għall-ipproċessar illegali ta’ data quddiem l-istess qorti, peress li din id-dispożizzjoni tobbliga lil din il-persuna tippreżenta rikors kontra l-Europol quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jew rikors kontra l-Istat Membru quddiem qorti kompetenti tiegħu.

78      Għaldaqstant, qabelxejn, minkejja li l-Istat Membru kkonċernat u l-Europol għandhom il-possibbiltà li jintervjenu rispettivament quddiem il-Qorti Ġenerali jew quddiem qorti ta’ dan l-Istat Membru, ma jistax jiġi eskluż li din il-persuna tkun obbligata twettaq l-azzjoni tagħha fl-assenza ta’ waħda minn dawn l-entitajiet. Sussegwentement, fi kwalunkwe każ, jekk iż-żewġ entitajiet huma preżenti fil-proċedura quddiem il-qorti adita, mill-punt preċedenti jirriżulta li hija biss ir-responsabbiltà ta’ waħda minnhom li tista’ titfittex fil-kuntest tal-proċedura pendenti, li jista’ jippreġudika l-istabbiliment tal-fatti. Fl-aħħar nett, azzjonijiet mibdija mill-persuna kkonċernata rispettivament kontra l-Europol quddiem il-Qorti Ġenerali u kontra l-Istat Membru kkonċernat quddiem il-qrati ta’ dan l-Istat Membru jirriskjaw li jwasslu għall-istess konstatazzjoni, min-naħa ta’ dawn iż-żewġ qrati, ta’ assenza ta’ responsabbiltà ta’ kull waħda minn dawn l-entitajiet konvenuti, fin-nuqqas li din il-persuna tkun stabbilixxiet b’mod suffiċjenti fid-dritt l-imputabbiltà tad-dannu allegat lil dawn tal-aħħar.

79      Issa, huwa preċiżament sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni dawn id-diffikultajiet probatorji li l-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda, fl-Artikolu 50 tar-Regolament 2016/794, għall-kumpens għad-danni kkawżati minn ipproċessar illegali ta’ data, mekkaniżmu ta’ responsabbiltà f’żewġ stadji li, minn naħa, jeżenta lill-persuna fiżika kkonċernata mill-oneru li tistabbilixxi l-identità tal-entità li l-aġir tagħha kkawża d-dannu allegat u, min-naħa l-oħra, jipprevedi li, wara li din il-persuna ma jkollhiex interess, ir-“responsabbiltà aħħarija” ta’ dan id-dannu għandha, jekk ikun il-każ, tiġi deċiża b’mod definittiv fil-kuntest ta’ proċedura li tinvolvi biss lill-Europol u lill-Istat Membru kkonċernat quddiem il-Bord ta’ Amministrazzjoni tal-Europol.

80      Minn dan isegwi li l-Artikolu 50(1) tar-Regolament 2016/794, moqri fid-dawl tal-premessa 57 ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jimponix fuq il-persuna fiżika kkonċernata li tkun ipprovat l-eżistenza ta’ pproċessar illegali ta’ data li seħħ fil-kuntest ta’ kooperazzjoni bejn il-Europol u Stat Membru skont l-imsemmi regolament l-oneru li tidentifika liema mill-entitajiet involuti f’din il-kooperazzjoni adotta l-aġir li jikkostitwixxi dan l-ipproċessar illegali.

81      Sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà in solidum tal-Europol jew tal-Istat Membru kkonċernat u sabiex il-persuna fiżika kkonċernata tkun tista’ tikseb il-kumpens sħiħ tad-dannu tagħha jew quddiem il-qorti tal-Unjoni, jew quddiem il-qorti nazzjonali, skont l-Artikolu 50(1) tar-Regolament 2016/794, huwa biżżejjed li din il-persuna turi li, fl-okkażjoni ta’ kooperazzjoni bejn il-Europol u l-Istat Membru kkonċernat abbażi ta’ dan ir-regolament, ipproċessar illegali ta’ data li kkawżalha dannu jkun twettaq, mingħajr ma jkun meħtieġ li hija tistabbilixxi barra minn hekk għal liema minn dawn iż-żewġ entitajiet dan l-ipproċessar illegali huwa imputabbli.

82      Madankollu, jibqa’ possibbli għall-entità konvenuta li tistabbilixxi permezz ta’ kull rimedju legali li huwa eskluż li d-dannu allegat ikun relatat ma’ allegat ipproċessar illegali ta’ data li seħħ fil-kuntest ta’ tali kooperazzjoni. Dan ikun il-każ, pereżempju, jekk din l-entità tistabbilixxi li dan id-dannu joriġina minn fatti preċedenti għall-kooperazzjoni mibdija skont ir-Regolament 2016/794.

83      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li, billi ċaħad, fil-punt 91 tas-sentenza appellata, l-ewwel kap tat-talbiet tal-appellant minħabba li huwa ma kienx stabbilixxa l-imputabbiltà lill-Europol tal-iżvelar ta’ data personali li tikkonċernah u, għaldaqstant, ma kienx “ipproduċa l-prova ta’ rabta kawżali suffiċjentement stabbilita bejn id-dannu allegat fil-kuntest [ta’ dan il-kap tat-talbiet] u eventwali aġir tal-Europol”, u meta qieset, fil-punti 92 sa 95 tas-sentenza appellata, li din iċ-ċaħda ma kinitx ikkontestata mill-premessa 57, mill-Artikolu 49(3) u mill-Artikolu 50 tar-Regolament 2016/794, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi sa fejn qieset, b’mod żbaljat, li l-Artikolu 50(1) ta’ dan ir-regolament, moqri fid-dawl tal-premessa 57 ta’ dan tal-aħħar, ma kienx jeżenta lill-persuna fiżika kkonċernata milli tistabbilixxi li lilha huwa imputabbli l-ipproċessar illegali ta’ data miż-żewġ entitajiet involuti.

84      Minn dan isegwi li l-ewwel aggravju huwa ammissibbli.

85      Dan l-iżball ta’ liġi jivvizzja, fl-intier tiegħu, iċ-ċaħda, mill-Qorti Ġenerali, tal-ewwel kap tat-talbiet, kif ġie ddefinit fil-punt 49 tas-sentenza appellata, peress li din il-limitazzjoni ma ġietx ikkontestata fil-kuntest tal-appell.

86      Konsegwentement, l-ewwel aggravju għandu jintlaqa’ u s-sentenza appellata għandha tiġi annullata sa fejn il-Qorti Ġenerali ċaħdet bħala infondat dan l-ewwel kap tat-talbiet hekk stabbilit.

 Fuq ittieni sarraba’ aggravju

87      It-tieni sar-raba’ aggravju tal-appell jikkonċernaw, bħall-ewwel aggravju, iċ-ċaħda tal-ewwel kap tat-talbiet, li jirrigwarda l-kumpens għad-dannu morali li l-appellant ġarrab minħabba l-iżvelar lill-pubbliku ta’ data personali li toriġina mit-telefoni mobbli inkwistjoni.

88      Peress li l-eżami tat-tieni sar-raba’ aggravju ma jistax iwassal għal annullament iktar estiż tas-sentenza appellata minn dak li jirriżulta mill-fatt li ntlaqa’ l-ewwel aggravju, ma hemmx lok li dawn jiġu eżaminati.

 Fuq issitt aggravju

 Largumenti talpartijiet

89      Is-sitt aggravju, li għandu jiġi eżaminat qabel il-ħames aggravju, jinkludi żewġ partijiet u jirrigwarda l-punti 102 u 106 sa 111 tas-sentenza appellata.

90      Permezz tal-ewwel parti tas-sitt aggravju, l-appellant jikkritika lill-Qorti Ġenerali li kkonkludiet b’mod żbaljat, f’dawn il-punti tas-sentenza appellata, l-assenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir illegali allegat fil-kuntest tat-tieni kap tat-talbiet, jiġifieri l-inklużjoni mill-Europol ta’ ismu fil-“listi tal-mafja” jew l-istabbiliment mill-Europol ta’ rabta bejnu u dawn il-listi, u d-dannu li huwa jallega li ġarrab minħabba din l-inklużjoni jew l-istabbiliment ta’ din ir-rabta.

91      Insostenn ta’ din l-ewwel parti, l-appellant isostni li l-Europol ma mmotivatx l-istabbiliment ta’ tali rabta bejnu u l-“listi tal-mafja” u li, bl-istabbiliment ta’ din ir-rabta, din l-aġenzija kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità billi marret lil hinn mill-missjoni tagħha li kienet tikkonsisti biss fl-analiżi tal-mezz ta’ ħażna USB inkwistjoni.

92      Barra minn hekk, peress li r-rapport tal-Europol kien jagħmel parti mill-proċess kriminali nazzjonali li jikkonċerna lill-appellant u minħabba l-iżvelar ta’ informazzjoni f’dan il-proċess, hemm lok li jiġi konkluż li teżisti rabta kawżali bejn l-aġir illegali tal-Europol u d-dannu subit mill-appellant. Il-fatt li ebda wieħed mill-artikli tal-istampa inkwistjoni ma jsemmi dan ir-rapport, kif tindika l-Qorti Ġenerali fil-punt 107 tas-sentenza appellata, ma jqigħedx inkwistjoni l-eżistenza ta’ din ir-rabta kawżali.

93      L-appellant isostni, barra minn hekk, li l-Europol hija l-unika waħda li stabbilixxiet, fl-imsemmi rapport, din ir-rabta bejnu u l-“listi tal-mafja”, filwaqt li la d-dritt nazzjonali u lanqas id-dritt tal-Unjoni ma jipprevedu l-possibbiltà li tali listi jitħejjew u jinżammu. F’dan ir-rigward, ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni l-mezzi tax-xandir Slovakki, li skonthom il-“listi tal-mafja” kienu saru mill-awtoritajiet tal-pulizija Slovakki. Barra minn hekk, billi bbaża ruħu, sabiex jistabbilixxi l-imsemmija rabta, fuq sorsi pubblikament aċċessibbli, il-Europol kiser l-obbligi tiegħu bis-saħħa tal-Artikolu 29(6) tar-Regolament 2016/794. Skont l-appellant, għandu jiġi dedott mill-fatt li r-rapport tal-Europol ma jindikax li dan sab l-informazzjoni dwar ir-rabta bejn l-appellant u l-“listi tal-mafja” fil-mezzi tax-xandir kif ukoll mill-fatt li din l-informazzjoni tinsab espressament f’dan ir-rapport li l-Europol stabbilixxa din ir-rabta, li ma tirriżultax mill-“istampa ‘tabloid’”.

94      It-tieni parti ta’ dan l-aggravju hija bbażata fuq żnaturament tal-provi. L-appellant isostni li l-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li tinsab fil-punti 108 u 109 tas-sentenza appellata, li mill-artikli tal-istampa prodotti fil-kuntest tal-proċedura quddiemha jirriżulta li l-appellant ġie kklassifikat bħala “mafjuż” anki qabel ir-redazzjoni tar-rapport tal-Europol, hija żbaljata. It-titolu tal-artiklu tal-istampa, li deher fit‑28 ta’ Frar 2012, li jippreżenta lill-appellant bħala “l-mafjuż li ma jeżistix”, huwa l-prova li huwa ma kellu ebda rabta mal-“listi tal-mafja”.

95      Il-Europol u r-Repubblika Slovakka jitolbu li s-sitt aggravju jiġi miċħud.

 Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

96      Fir-rigward tat-tieni parti tas-sitt aggravju, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita sew, żnaturament tal-provi jeżisti b’mod partikolari meta l-Qorti Ġenerali tkun manifestament qabżet il-limiti ta’ evalwazzjoni raġonevoli ta’ dawn il-provi. Dan l-iżnaturament għandu jirriżulta b’mod ċar mill-atti tal-proċess, mingħajr ma tkun meħtieġa evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi. F’dan ir-rigward, ma huwiex biżżejjed li jintwera li dokument jista’ jkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni differenti minn dik magħżula mill-Qorti Ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2023, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja u Spanja, C‑635/20 P, EU:C:2023:98, punt 127 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

97      F’dan il-każ, fil-punt 108 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li “l-koinċidenza temporali allegata mir-rikorrent hija kontradetta mill-provi prodotti mir-rikorrent innifsu kif ukoll mill-Europol”. F’dan ir-rigward, hija rrilevat, fl-istess punt, li “r-rikorrent [kien] jirreferi, fir-rikors, għal artiklu tal-istampa ppubblikat fit‑28 ta’ Frar 2012, li huwa intitolat ‘Marián Kočner. Il-mafjuż li ma jeżistix’”, u li tgħid li “[f]uq l-hekk msejħa ‘listi tal-mafja’, li [kienu żvelati] mill-pulizija fl‑2005, l-imprenditur Marián Kočner kien jidher taħt it-taqsima ‘vetturi bil-mutur li huma ta’ interess’” u li “l-Europol [kienet] irreferiet għal artikli tal-istampa ppubblikati fil‑21 ta’ Ġunju 2005 u fid‑9 ta’ Lulju 2017 li jirreferu wkoll għal implikazzjonijiet mafjużi eventwali tar-rikorrent”.

98      Għalhekk, jidher li l-Qorti Ġenerali bbażat il-konklużjoni tagħha li l-appellant kien ġie kklassifikat bħala “mafjuż” anki qabel ir-redazzjoni tar-rapport tal-Europol fuq numru ta’ artikli tal-istampa li jirrigwardaw lill-appellant, u mhux biss fuq l-artiklu, tas-sena 2012, ipprovdut minn dan tal-aħħar u li, fil-fehma tiegħu, kien jisseparah mil-“listi tal-mafja”. Billi pproċediet b’dan il-mod, kuntrarjament għal dak li jqis l-appellant, il-Qorti Ġenerali ma marritx lil hinn mil-limiti ta’ evalwazzjoni raġonevoli ta’ dawn l-elementi, meħuda flimkien, u lanqas żnaturat l-imsemmi artiklu tal-istampa invokat mill-appellant billi għamlet qari inkonċiljabbli mal-formulazzjoni tiegħu.

99      B’konsegwenza, it-tieni parti tas-sitt aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

100    Fir-rigward tal-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, għandu jitfakkar li, fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, il-kwistjoni tal-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn il-fatt li kkawża d-dannu u d-dannu, kundizzjoni għall-istabbiliment ta’ din ir-responsabbiltà, tikkostitwixxi kwistjoni ta’ dritt li hija, konsegwentement, suġġetta għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2009, Il‑Kummissjoni vs Schneider Electric, C‑440/07 P, EU:C:2009:459, punt 192, u d-digriet tat‑3 ta’ Settembru 2019, FV vs Il‑Kunsill, C‑188/19 P, EU:C:2019:690, punt 36). Madankollu, dan l-istħarriġ ma jistax jikkonsisti, għall-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kontestazzjoni tal-konstatazzjonijiet u tal-evalwazzjonijiet fattwali magħmula mill-Qorti Ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2009, Il‑Kummissjoni vs Schneider Electric, C‑440/07 P, EU:C:2009:459, punt 193).

101    Issa, għandu jiġi kkonstatat li, permezz ta’ din l-ewwel parti, l-appellant għandu l-intenzjoni, fir-realtà, li jikkontesta ċerti evalwazzjonijiet fattwali li l-Qorti Ġenerali wettqet fid-dawl tal-provi prodotti quddiemha. Dawn huma, l-ewwel nett, l-evalwazzjoni li tinsab fil-punt 102 tas-sentenza appellata, li tipprovdi li l-appellant ma kien ipproduċa ebda prova li tista’ tistabbilixxi li l-“listi tal-mafja”, li fuqhom kien ġie inkluż ismu, tfasslu u nżammu mill-Europol. It-tieni nett, l-appellant jikkontesta wkoll l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali li ma teżistix rabta kawżali bejn l-aġir allegatament illegali tal-Europol u d-dannu allegat, sa fejn il-Qorti Ġenerali kkonstatat, minn naħa, fil-punt 107 tas-sentenza appellata, li l-appellant ma kien ipproduċa ebda prova li l-informazzjoni ppubblikata f’dan ir-rigward kienet toriġina mir-rapport tal-Europol u, min-naħa l-oħra, fil-punti 108 u 109 ta’ din is-sentenza, li, ferm qabel il-bidu tas-sena 2019, l-istampa Slovakka kienet diġà tippreżenta lill-appellant bħala mafjuż. Issa, peress li, permezz ta’ din il-parti, l-appellant ma jinvokax żnaturament tal-provi, l-imsemmija evalwazzjonijiet ma jaqgħux taħt l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja.

102    Konsegwentement, l-ewwel parti tas-sitt aggravju hija inammissibbli.

103    Minn dan isegwi li dan l-aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

 Fuq ilħames aggravju

104    Permezz tal-ħames aggravju tiegħu, ibbażat fuq l-istess argument bħal dak imressaq insostenn tal-ewwel aggravju, l-appellant jikkritika lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 105 tas-sentenza appellata, li ma tiħux inkunsiderazzjoni l-premessa 57 tar-Regolament 2016/794 għall-finijiet tad-determinazzjoni tar-responsabbiltà tal-Europol, minħabba li l-preambolu ta’ regolament ma għandux valur legali vinkolanti. Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali ċaħdet b’mod żbaljat it-tieni kap tat-talbiet, intiż sabiex jinkiseb kumpens għad-dannu li l-appellant iqis li ġarrab minħabba l-allegata inklużjoni, mill-Europol, ta’ ismu fil-“listi tal-mafja”, billi ddeċidiet li ebda mekkaniżmu ta’ responsabbiltà in solidum ma huwa espress jew ibbażat fuq id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament fil-każ ta’ pproċessar illegali ta’ data mwettaq mill-Europol jew mill-Istat Membru kkonċernat.

105    Il-Europol, sostnut mir-Repubblika Slovakka, jitlob li l-ħames aggravju jiġi miċħud billi jinvoka l-istess argumenti bħal dawk imsemmija fil-punti 49 sa 52 ta’ din is-sentenza, b’risposta għall-argument imressaq mill-appellant fil-kuntest tal-ewwel aggravju.

106    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, sabiex tiċħad it-tieni kap tat-talbiet, intiż sabiex jinkiseb kumpens għad-dannu li l-appellant iqis li ġarrab minħabba l-inklużjoni mill-Europol ta’ ismu fil-“listi tal-mafja”, il-Qorti Ġenerali, li hija l-unika li għandha ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti u sabiex teżamina l-provi li hija tqis insostenn ta’ dawn il-fatti, ibbażat ruħha fuq diversi elementi. Għalhekk, hija kkonstatat, minn naħa, fil-punt 102 tas-sentenza appellata, li huwa kopert mis-sitt aggravju li ġie miċħud, li l-appellant ma kienx stabbilixxa li l-“listi tal-mafja” li fuqhom kien ġie inkluż ismu kienu tfasslu u nżammu mill-Europol. Min-naħa l-oħra, fil-punti 108 u 109 ta’ din is-sentenza, imsemmija wkoll fis-sitt aggravju li ġie miċħud, il-Qorti Ġenerali qieset li l-koinċidenza ratione temporis allegata mill-appellant bejn ir-rapport tal-Europol u l-iżvilupp tal-kwalifiki użati għall-appellant mill-istampa Slovakka, li, wara l-iżvelar ta’ informazzjoni mill-proċess kriminali nazzjonali li jikkonċernah, ippreżentat lil dan tal-aħħar bħala “mafjuż” jew bħala “persuna li tidher fuq il-listi tal-mafja”, kienet kontradetta mill-provi prodotti kemm mill-appellant kif ukoll mill-Europol, b’riferiment għall-artikli tal-istampa ppubblikati fl‑2005, fl‑2012 u fl‑2017. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, barra minn hekk, fil-punt 109 tas-sentenza appellata li, “ferm qabel il-bidu tas-sena 2019, l-istampa Slovakka kienet diġà tippreżenta lill-appellant bħala ‘mafjuż’, u mhux biss bħala ‘imprenditur kontroversjali’”, u eskludiet, abbażi ta’ dawn il-provi, li “din il-preżentazzjoni tal-appellant tista’ toriġina mill-iżvelar ta’ informazzjoni dwar il-proċess kriminali [nazzjonali li jikkonċernah, li kien jinkludi] ir-rapport tal-Europol”.

107    Għalhekk, b’mod partikolari, mill-konstatazzjonijiet magħmula fil-punti 108 u 109 tas-sentenza appellata jirriżulta li, peress li r-rapport tal-Europol kien sussegwenti u, minħabba dan il-fatt biss, estranju għall-fatt dannuż allegat mill-apppellant fil-kuntest tat-tieni kap tat-talbiet, huwa eskluż li d-dannu li jinvoka l-appellant jista’ jkun marbut ma’ eventwali pproċessar illegali ta’ data li seħħ fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Europol u l-awtoritajiet Slovakki. Issa, kif ġie rrilevat fil-punti 96 sa 102 ta’ din is-sentenza, l-appellant ma weriex, fil-kuntest tas-sitt aggravju, li l-Qorti Ġenerali wettqet, fir-rigward ta’ dawn il-konstatazzjonijiet, żnaturament tal-provi jew żball ta’ liġi.

108    Konsegwentement, ir-rekwiżit, stabbilit fil-punt 81 ta’ din is-sentenza, li huwa meħtieġ għall-istabbiliment tar-responsabbiltà in solidum tal-Europol abbażi tal-Artikolu 50(1) tar-Regolament 2016/794 huwa, f’dan il-każ, nieqes, b’tali mod li din ir-responsabbiltà ma tistax, fi kwalunkwe każ, tiġi stabbilita taħt it-tieni kap tat-talbiet.

109    Minn dan isegwi li, minkejja l-iżball ta’ liġi li wettqet il-Qorti Ġenerali meta ċaħdet, fil-punt 105 tas-sentenza appellata u għar-raġunijiet esposti fil-punti 92 sa 95 ta’ din tal-aħħar, il-prinċipju stess ta’ responsabbiltà in solidum tal-Europol fil-kuntest ta’ dan ir-regolament, il-ħames aggravju għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

110    Peress li l-ħames u s-sitt aggravju ġew miċħuda, isegwi li l-appell għandu jiġi miċħud sa fejn jikkonċerna t-tieni kap tat-talbiet.

 Fuq irrikors quddiem ilQorti Ġenerali

111    B’mod konformi mat-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, f’każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi hija stess definittivament il-kawża meta din tkun fi stat li tiġi deċiża.

112    F’dan il-każ, fid-dawl b’mod partikolari tal-fatt li r-rikors tal-appellant quddiem il-Qorti Ġenerali huwa bbażat fuq motivi li kienu s-suġġett ta’ dibattitu kontradittorju quddiem din tal-aħħar u li l-eżami tagħhom ma jeħtieġ li tiġi adottata ebda miżura supplimentari ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew ta’ istruzzjoni tal-proċess, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li dan ir-rikors huwa fi stat li jiġi deċiż u li hemm lok li tingħata deċiżjoni definittiva fuq dan ir-rikors fil-limiti tal-kawża li hija tibqa’ adita biha (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2021, Il‑Kummissjoni vs Fútbol Club Barcelona, C‑362/19 P, EU:C:2021:169, punt 108 u l-ġurisprudenza ċċitata).

113    Fid-dawl tal-annullament parzjali tas-sentenza appellata, hemm lok li tingħata deċiżjoni biss fuq l-ewwel kap tat-talbiet magħmul quddiem il-Qorti Ġenerali, kif iddefinit fil-punt 49 ta’ din is-sentenza.

114    L-appellant jitlob, abbażi tal-Artikoli 268 u 340 TFUE kif ukoll tal-Artikolu 50(1) tar-Regolament 2016/794, il-ħlas ta’ somma ta’ ammont ta’ EUR 50 000 bħala kumpens għad-dannu li huwa jqis li ġarrab minħabba l-iżvelar lill-pubbliku ta’ data personali li toriġina mit-telefoni mobbli inkwistjoni, li kienet tqiegħdet għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fuq l-internet u rriprodotta mill-istampa Slovakka. Dan l-iżvelar ta’ data personali, minħabba l-pubblikazzjoni tagħha, kien jippreġudika l-unur u r-reputazzjoni professjonali tiegħu kif ukoll id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tiegħu kif ukoll id-dritt għar-rispett tal-komunikazzjonijiet tiegħu, li huma ggarantiti mill-Artikolu 7 tal-Karta.

115    F’dan ir-rigward, l-appellant, filwaqt li jibbaża ruħu fuq il-premessa 57 tar-Regolament 2016/794, huwa jsostni li l-Europol tista’ tinżamm responsabbli in solidum abbażi tal-Artikolu 50(1) ta’ dan ir-regolament jekk id-dannu li huwa jallega li ġarrab minħabba pproċessar illegali ta’ data huwa l-konsegwenza tal-azzjoni tal-Europol jew ta’ Stat Membru.

116    Il-Europol issostni li ma huwiex stabbilit li hija wettqet ipproċessar illegali ta’ data, peress li ma ntweriex li l-iżvelar ta’ data relatata mal-appellant kien ġej minnha. Fi kwalunkwe każ, kull żvelar ta’ informazzjoni, anki jekk jiġi stabbilit, ma jinvolvix awtomatikament ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tagħha. Il-Europol fil-fatt issostni li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-korpi tal-Unjoni tista’ tiġi stabbilita biss bil-kundizzjoni, b’mod partikolari, li jkun hemm ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi. Issa, l-Artikolu 32(1) tar-Regolament 2016/794 ma jipprevedix obbligu assolut ta’ riżultat, iżda jimponi biss fuq il-Europol l-obbligu li timplimenta l-miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa sabiex tipproteġi d-data personali kontra kull forma ta’ pproċessar mhux awtorizzat, kif għamlet. Barra minn hekk, il-Europol qatt ma pproċessa d-data estratta mit-telefoni mobbli inkwistjoni f’forma ddekriptata u li tinftiehem.

117    Konformement mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE huwa suġġett għall-fatt li jkunu ssodisfatti numru ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali intiża li tagħti drittijiet lill-individwi, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn il-ksur tal-obbligu tal-awtur tal-att u d-dannu mġarrab mill-persuni leżi (sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2019, HTTS vs Il‑Kunsill, C‑123/18 P, EU:C:2019:694, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

118    Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li l-ewwel kundizzjoni għall-istabbiliment ta’ din ir-responsabbiltà, li tirrigwarda l-illegalità tal-aġir li bih huma akkużati l-istituzzjoni, il-korp jew l-organu tal-Unjoni kkonċernat, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 73 ta’ din is-sentenza, tinkludi żewġ partijiet, jiġifieri li huwa neċessarju, minn naħa, li jkun hemm ksur ta’ dispożizzjoni legali tal-Unjoni intiża li tagħti drittijiet lill-individwi u, min-naħa l-oħra, li dan il-ksur ikun suffiċjentement serju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2019, HTTS vs Il‑Kunsill, C‑123/18 P, EU:C:2019:694, punt 36).

119    Fir-rigward tal-ewwel parti ta’ din il-kundizzjoni, skont ġurisprudenza stabbilita sew, id-drittijiet tal-individwi jitnisslu mhux biss meta attribuzzjoni espliċita ssir permezz ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, iżda wkoll minħabba obbligi pożittivi jew negattivi li dawn jimponu b’mod iddefinit sew kemm fuq l-individwi kif ukoll fuq l-Istati Membri jew fuq l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2022, Ministre de la Transition écologique u Premier ministre (Responsabbilità tal-Istat għat-tniġġis tal-arja), C‑61/21, EU:C:2022:1015, punt 46). Din ir-regola tapplika wkoll għall-obbligi imposti mid-dritt tal-Unjoni fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn aġenzija tal-Unjoni, bħall-Europol, u l-Istati Membri.

120    Il-ksur ta’ tali obbligi jista’ jippreġudika d-drittijiet li b’hekk huma impliċitament mogħtija lill-individwi bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni kkonċernati. L-effettività sħiħa ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u l-protezzjoni tad-drittijiet li dawn għandhom bħala għan li jagħtu jeżiġu li l-individwi jkollhom il-possibbiltà li jiksbu kumpens (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2022, Ministre de la Transition écologique u Premier ministre (Responsabbilità tal-Istat għat-tniġġis tal-arja), C‑61/21, EU:C:2022:1015, punt 47).

121    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li r-Regolament 2016/794 jimponi fuq il-Europol u fuq l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri msejħa sabiex jikkooperaw ma’ din l-aġenzija tal-Unjoni għal finijiet ta’ proċeduri kriminali obbligu ta’ protezzjoni tal-individwi kontra l-ipproċessar illegali tad-data personali li tikkonċernahom, li jirriżulta, b’mod partikolari, minn qari flimkien tal-Artikolu 2(h), (i) u (k), tal-Artikolu 28(1)(a) u (f), tal-Artikolu 38(4) u tal-Artikolu 50(1) ta’ dan ir-regolament.

122    Fil-fatt, l-Artikolu 2(k) tar-Regolament 2016/794 jiddefinixxi “proċessar” bħala kwalunkwe operazzjoni jew sett ta’ operazzjonijiet li jitwettqu fuq data personali jew settijiet ta’ data personali, kemm jekk b’mezzi awtomatiċi jew le, bħall-komunikazzjoni permezz ta’ trażmissjoni, it-tixrid jew kull forma oħra ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni. L-Artikolu 2(h) u (i) ta’ dan ir-regolament jiddefinixxi d-“data personali” bħala kull informazzjoni relatata ma’ “suġġett tad-data”, fejn dan l-aħħar kunċett jirreferi għal persuna fiżika identifikata jew identifikabbli. Barra minn hekk, l-Artikolu 28(1)(a) u (f) tal-imsemmi regolament jeżiġi li d-data personali tiġi pproċessata “b’mod ġust u skont il-liġi” u b’mod li tiġi żgurata livell ta’ sigurtà xieraq. Skont l-Artikolu 38(4) tal-istess regolament, il-Europol huwa responsabbli għall-osservanza ta’ dawn il-prinċipji msemmija fl-imsemmi Artikolu 28(1)(a) u (f). Fl-aħħar nett, l-Artikolu 50(1) tar-Regolament 2016/794, sa fejn jimponi fuq l-entitajiet involuti fil-kuntest tal-kooperazzjoni prevista f’dan ir-regolament, li jikkumpensaw id-dannu mġarrab minn persuna fiżika minħabba pproċessar illegali ta’ data, jinkludi l-obbligu impliċitu, għal dawn l-entitajiet, li jipproteġu kull persuna fiżika kontra kull forma illegali ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ data personali li tikkonċernaha.

123    Minn qari flimkien tad-dispożizzjonijiet imsemmija fiż-żewġ punti preċedenti jirriżulta li kull żvelar ta’ data personali, li tkun is-suġġett ta’ pproċessar fil-kuntest ta’ kooperazzjoni bejn il-Europol u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti skont ir-Regolament 2016/794, lil persuni mhux awtorizzati li jsiru jafu biha jikkostitwixxi ksur ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni li għandha l-għan li tagħti drittijiet lil individwi.

124    F’dan il-każ, mill-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punti 1, 2, 44, 84, 85 u 90 tas-sentenza appellata, li l-Qorti tal-Ġustizzja tadotta, jirriżulta li data personali dwar l-appellant, li tikkonsisti f’konverżazzjonijiet ta’ natura intima bejnu u l-ħabiba tiegħu, li kienet tinsab fit-telefoni mobbli inkwistjoni, mogħtija mill-awtoritajiet Slovakki lill-Europol fil-kuntest ta’ kooperazzjoni skont ir-Regolament 2016/794, ġiet estratta minn dawn it-telefoni u li din id-data, li kienet fil-pussess, l-ewwel nett tal-Europol u, mit‑23 ta’ Ottubru 2018, tal-Europol u ta’ dawn l-awtoritajiet, kienet is-suġġett ta’ żvelar lil persuni mhux awtorizzati li jsiru jafu biha, li wassal għall-pubblikazzjoni tagħha fl-istampa Slovakka fl‑20 ta’ Mejju 2019. Tali ċirkustanzi juru ksur bħal dak imsemmi fil-punt preċedenti.

125    F’dan ir-rigward, għandu jiġi miċħud l-argument tal-Europol li jgħid li hija osservat l-obbligi imposti fuqha mir-Regolament 2016/794 meta implimentat il-miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa sabiex tipproteġi d-data personali kontra kull forma ta’ pproċessar mhux awtorizzat. Fil-fatt, kif ġie rrilevat fil-punt 80 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 50(1) ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi sistema ta’ responsabbiltà in solidum li fil-kuntest tagħha l-persuna li tqis lilha nnifisha vittma ta’ pproċessar illegali ta’ data hija eżentata milli tistabbilixxi lil liema mill-entitajiet involuti f’kooperazzjoni skont l-imsemmi regolament hija imputabbli tali trattament, bla ħsara għall-possibbiltà offruta lill-Europol li tirrikorri, jekk ikun il-każ, sussegwentement, lill-Bord ta’ Amministrazzjoni tagħha, abbażi tal-Artikolu 50(2) tal-istess regolament, sabiex tiġi ddeterminata r-responsabbiltà aħħarija tal-kumpens mogħti lil din il-persuna.

126    Fir-rigward tat-tieni parti tal-ewwel kundizzjoni għall-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, dwar ir-rekwiżit ta’ ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali tal-Unjoni li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi, il-kriterju deċiżiv f’dan ir-rigward sabiex jitqies li ksur ta’ dan id-dritt huwa suffiċjentement serju huwa dak ta’ ksur manifest u serju tal-limiti tas-setgħa diskrezzjonali li tinkludi d-dispożizzjoni miksura (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il‑Kummissjoni, C‑352/98 P, EU:C:2000:361, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑4 ta’ April 2017, L‑Ombudsman vs Staelen, C‑337/15 P, EU:C:2017:256, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). Meta l-awtorità kkonċernata jkollha biss marġni ta’ diskrezzjoni kunsiderevolment imnaqqas, jew saħansitra ineżistenti, is-sempliċi ksur tad-dritt tal-Unjoni jista’ jkun biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju ta’ dan id-dritt (sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2003, Il‑Kummissjoni vs Fresh Marine, C‑472/00 P, EU:C:2003:399, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata). Jikkostitwixxu, b’mod partikolari, tali ksur ta’ żbalji mhux skużabbli, negliġenzi serji fl-eżerċizzju ta’ dmir jew nuqqas ta’ diliġenza manifesta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 1992, Finsider et vs Il‑Kummissjoni, C‑363/88 u C‑364/88, EU:C:1992:44, punt 22 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

127    L-evalwazzjoni li għandha ssir teħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-qasam, il-kundizzjonijiet u l-kuntest li fihom l-obbligu inkwistjoni jaqa’ fuq l-awtorità kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ April 2017, L‑Ombudsman vs Staelen, C‑337/15 P, EU:C:2017:256, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

128    Barra minn hekk, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-livell ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni tar-regola miksura kif ukoll il-portata tal-marġni ta’ diskrezzjoni li din ir-regola tħalli lill-awtorità kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il‑Kunsill, C‑45/15 P, EU:C:2017:402, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata), tal-kumplessità tas-sitwazzjoni li għandha tiġi solvuta u tad-diffikultajiet ta’ applikazzjoni jew ta’ interpretazzjoni tat-testi (sentenza tad‑19 ta’ April 2007, Holcim (Deutschland) vs Il‑Kummissjoni, C‑282/05 P, EU:C:2007:226, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

129    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li d-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punti 122 u 123 ta’ din is-sentenza ma jħallu lill-entitajiet involuti f’kooperazzjoni skont ir-Regolament 2016/794 ebda marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-obbligu tagħhom li jipproteġu kull persuna fiżika kontra kull forma illegali ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ data personali li tikkonċernaha billi jimplimentaw il-miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa għal dan l-għan. Min-naħa l-oħra, dan l-obbligu jidħol fil-kuntest sensittiv ta’ kooperazzjoni bejn il-Europol u l-Istati Membri għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali, li fih tali data tiġi pproċessata mingħajr ebda intervent mill-persuni kkonċernati, ħafna drabi mingħajr ma jkunu jafu, u għalhekk mingħajr ma dawn ikunu jistgħu jintervjenu bi kwalunkwe mod sabiex jipprevjenu eventwali pproċessar illegali tad-data tagħhom.

130    In-natura intima tad-data li tista’ tinsab f’mezzi bħal dawk inkwistjoni f’din il-kawża ssaħħaħ in-neċessità li tiġi żgurata b’mod strett il-protezzjoni ta’ din id-data li tikkonċerna lill-appellant, u dan iktar u iktar peress li l-imsemmija data ma kellha ebda rabta mal-fatti li għalihom l-appellant kien is-suġġett ta’ proċeduri kriminali.

131    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies, fid-dawl tal-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali mfakkra fil-punt 124 ta’ din is-sentenza, li l-ipproċessar illegali tal-imsemmija data li seħħ fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Europol u l-awtoritajiet Slovakki skont ir-Regolament 2016/794 ikkostitwixxa ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali tal-Unjoni li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi.

132    Għandu jingħad ukoll li l-argument tal-Europol li jgħid li din qatt ma kellha data estratta mit-telefoni mobbli inkwistjoni f’forma ddekriptata u li tinftiehem ma huwiex ta’ natura li jikkontesta l-eżistenza stess ta’ tali ksur minħabba l-ipproċessar illegali ta’ data li seħħ fil-kuntest ta’ din il-kooperazzjoni. Issa, kif jirriżulta mill-punt 80 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 50(1) tar-Regolament 2016/794 jistabbilixxi sistema ta’ responsabbiltà in solidum li fil-kuntest tagħha l-vittma ta’ tali trattament hija eżentata milli tistabbilixxi lil liema waħda mill-entitajiet involuti f’tali kooperazzjoni dan it-trattament huwa imputabbli. Minn dan isegwi li dan l-argument ma jistax, fi kwalunkwe każ, jintlaqa’ fil-kuntest ta’ din il-kawża, bla ħsara għall-possibbiltà għall-Europol li tinvokah, jekk ikun il-każ, fil-kuntest tat-tressiq tal-każ quddiem il-Bord ta’ Amministrazzjoni tagħha skont l-Artikolu 50(2) ta’ dan ir-regolament.

133    Fir-rigward tat-tieni u tat-tielet kundizzjoni għall-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni li tirriżulta mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, dwar il-prova tad-dannu mġarrab u tar-rabta kawżali bejn dan id-dannu u l-ksur suffiċjentement serju ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni, li tikkostitwixxi f’dan il-każ l-ipproċessar illegali ta’ data, l-appellant isostni li l-iżvelar tad-data personali li tikkonċernah li tinsab fit-telefoni mobbli inkwistjoni, minħabba l-pubblikazzjoni ta’ din id-data, mhux biss ippreġudika d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata tiegħu, iżda wkoll id-dritt għar-rispett tal-ħajja tal-familja tiegħu. Dan l-iżvelar kellu impatt negattiv fuq ir-relazzjonijiet bejn l-appellant u l-bniet tiegħu, li ġew affettwati ħafna mill-pubblikazzjoni tal-imsemmija data, li ssemmi b’mod partikolari r-rapport intimu ta’ missierhom mal-ħabiba tiegħu, espost pubblikament, kif ukoll il-konverżazzjonijiet intimi tagħhom. Minn dan irriżulta sentiment ta’ frustrazzjoni u ta’ inġustizzja kif ukoll dannu għall-unur u għar-reputazzjoni professjonali tal-appellant. L-imsemmi żvelar kien jippreġudika wkoll id-dritt għar-rispett tal-komunikazzjonijiet tiegħu ggarantit mill-Artikolu 7 tal-Karta.

134    Il-Europol ma ressqet ebda argument speċifiku dwar ir-realtà tad-dannu morali allegat mill-appellant u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-ipproċessar illegali ta’ data u dan id-dannu. Hija sempliċement sostniet li, fl-assenza ta’ prova ta’ fatt dannuż jew tal-imputabbiltà tagħha lill-Europol, l-ewwel kap tat-talbiet kellu jiġi miċħud.

135    Fir-rigward tal-kundizzjonijiet dwar ir-realtà tad-dannu u tar-rabta kawżali, ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni tista’ tiġi stabbilita biss jekk l-appellant ikun effettivament ġarrab dannu reali u ċert, u jekk id-dannu jirriżulta b’mod suffiċjentement dirett mill-ksur allegat ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni. Huwa r-rikorrent li għandu jipproduċi provi lill-qorti tal-Unjoni sabiex jiġu stabbiliti l-eżistenza u l-portata tad-dannu li huwa jinvoka kif ukoll l-eżistenza ta’ rabta suffiċjentement diretta ta’ kawża u effett bejn dan il-ksur u d-dannu allegat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il‑Kunsill, C‑45/15 P, EU:C:2017:402, punti 61 u 62 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

136    F’dan il-każ, kif ġie rrilevat fil-punt 124 ta’ din is-sentenza, l-ipproċessar illegali ta’ data li kkostitwixxa l-iżvelar lil persuni mhux awtorizzati ta’ data dwar konverżazzjonijiet intimi bejn l-appellant u l-ħabiba tiegħu wassal sabiex din id-data ssir aċċessibbli għall-pubbliku kif jixhed il-pubblikazzjoni tagħha fl-istampa Slovakka. Fid-dawl tal-kontenut ta’ dawn il-konverżazzjonijiet, għandu jitqies li dan l-ipproċessar illegali ta’ data kiser id-dritt tal-appellant għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tiegħu kif ukoll tal-komunikazzjonijiet tiegħu, kif iggarantit mill-Artikolu 7 tal-Karta, u ppreġudika l-unur u r-reputazzjoni tiegħu, fatt li kkawża dannu morali lil dan tal-aħħar.

137    Bħala kumpens għad-dannu allegat fil-kuntest tal-ewwel kap tat-talbiet, l-appellant jitlob il-ħlas ta’ somma fl-ammont ta’ EUR 50 000.

138    Madankollu, il-Qorti Ġenerali qieset li l-eżami tal-ewwel kap tat-talbiet kellu jkun limitat għad-dannu allegat li jirriżulta biss mill-iżvelar tat-traskrizzjonijiet tal-konverżazzjonijiet ta’ natura intima u sesswali bejn l-appellant u l-ħabiba tiegħu, peress li l-appellant ma pprovda ebda element ta’ natura li jistabbilixxi direttament jew indirettament ir-realtà tal-iżvelar tar-ritratti msemmija fil-punt 26 ta’ din is-sentenza.

139    Peress li din iċ-ċaħda parzjali tal-ewwel kap tat-talbiet ma ġietx ikkontestata fil-kuntest tal-appell, hemm lok li jiġi eskluż mill-kumpens li għandu jingħata lill-appellanti din il-parti mid-dannu allegat.

140    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi deċiż li d-dannu morali subit mill-appellant minħabba l-iżvelar tat-traskrizzjonijiet tal-konverżazzjonijiet ta’ natura intima miżmuma mal-ħabiba tiegħu huwa adegwatament ikkumpensat permezz tal-ħlas, lilu, ta’ kumpens iffissat, b’ekwità, għal EUR 2 000.

 Fuq lispejjeż

141    Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat jew meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

142    Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-Regoli, applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tagħhom, kull parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu mitluba. Konformement mal-ewwel sentenza tal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu 138, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

143    F’dan il-każ, l-appellant jitlob li tingħata deċiżjoni dwar l-ispejjeż “fil-kuntest tal-proċedura fil-kawża prinċipali”. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm, fit-talbiet tiegħu fl-ewwel istanza, huwa talab li l-Europol jiġi kkundannat għall-ispejjeż, fl-appell tiegħu, huwa ma talabx l-ispejjeż relatati mal-proċedura tal-appell.

144    Il-Europol talab li l-appellant jiġi kkundannat għall-ispejjeż marbuta mal-proċedura tal-ewwel istanza u mal-proċedura tal-appell.

145    F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li kull parti tilfet parzjalment fit-talbiet tagħha fl-istadju tal-appell kif ukoll, parzjalment, fit-talbiet tagħhom fl-ewwel istanza, kull waħda minnhom għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha relatati kemm mal-proċedura tal-ewwel istanza kif ukoll mal-proċedura tal-appell.

146    Konformement mal-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) ta’ dawn l-istess Regoli, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Ir-Repubblika Slovakka, intervenjenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, għandha għalhekk tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad29 ta’ Settembru 2021, Kočner vs Europol (T528/20, EU:T:2021:631), hija annullata peress li tiċħad l-ewwel kap tat-talbiet kif stabbilit f’dik is-sentenza.

2)      Il-kumplament tal-appell huwa miċħud.

3)      L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) hija kkundannata tħallas kumpens ta’ ammont ta’ EUR 2 000 lil Marián Kočner.

4)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

5)      Marián Kočner u l-Europol għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom relatati kemm mal-proċedura tal-ewwel istanza kif ukoll mal-proċedura tal-appell.

6)      Ir-Repubblika Slovakka għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: is-Slovakk.