Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Corte suprema di cassazione (l-Italja) fit-28 ta’ April 2023 – M.M., bħala eredi ta’ M.R. vs Ministero della Difesa

(Kawża C-278/23, Biltena 1 )

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Corte suprema di cassazione

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: M.M., bħala eredi ta’ M.R.

Konvenut: Ministero della Difesa

Domandi preliminari

Il-klawżola 5 “Miżuri għall-prevenzjoni ta’ l-abbuż” tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss, konkluż, anness mad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP għal żmien fiss 1 , għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik Taljana msemmija fl-Artikolu 2(1) tal-legge N. 1023 del 1969 (il-Liġi Nru 1023 tal-1969), u fl-Artikolu 1 tad-Decreto Ministeriale 20 dicembre 1971 (id-Digriet Ministerjali tal-20 ta’ Diċembru 1971), li jipprevedi l-għoti ta’ ħatriet annwali (skont l-Artikolu 7 tad-Digriet Ministerjali tal-20 ta’ Diċembru 1971 “għal tul massimu ta’ sena skolastika”) ta’ tagħlim f’suġġetti mhux militari fi skejjel, Istituti u korpi tal-Forza Marittima u tal-Forza tal-Ajru, lil persunal ċivili mhux relatat mal-amministrazzjoni tal-Istat, mingħajr ma tipprevedi l-indikazzjoni ta’ raġunijiet oġġettivi sabiex jiġġustifikaw it-tiġdid tal-istess (espressament previst fl-Artikolu 4 tal-istess digriet ministerjali, li jipprevedi tnaqqis fir-remunerazzjoni għat-tieni ħatra), it-tul massimu totali ta’ kuntratti għal żmien determinat u n-numru massimu ta’ tiġdid, u mingħajr ma tipprevedi l-possibbiltà li dawn l-għalliema jiksbu l-kumpens għad-dannu li possibbilment sofrew minħabba tali tiġdid, fl-assenza, barra minn hekk, ta’ rwol għall-għalliema ta’ dawn l-iskejjel, li jista’ jkollhom aċċess għalih?

Jikkostitwixxu raġunijiet oġġettivi, fis-sens tal-punt 1 tal-klawżola 5 [tal-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP, anness mad-]Direttiva Nru 1999/70/KEE tat-28 ta’ Ġunju 1999, ir-rekwiżiti organizzattivi tas-sistema ta’ Istituti, skejjel u korpi tal-Forza Marittima u tal-Forza tal-Ajru, li jrendu leġiżlazzjoni bħal dik Taljana msemmija iktar ʼil fuq kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, li għall-għoti ta’ ħatriet ta’ tagħlim lil persunal mhux relatat ma’ dawn l-Istituti, skejjel u entitajiet militari, ma tipprevedix kundizzjonijiet sabiex wieħed jirrikorri għal xogħol għal żmien determinat skont id-Direttiva  999/70/KE u l-Ftehim Qafas anness, u ma tipprevedix id-dritt għal kumpens għad-dannu?

____________

1     L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368.