Language of document : ECLI:EU:C:2005:94

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

17 ta’ Frar 2005 (*)

“Libertà li jiġu provduti servizzi – Kompetizzjoni – Servizzi ta’ twaħħil ta’ avviżi ta’ reklamar – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi taxxa komunali fuq ir-reklamar – Provvista min-naħa tal-komuni ta’ servizz ta’ twaħħil pubbliku – Setgħa tal-komuni li jirregolaw il-provvista ta’ servizzi ta’ twaħħiil ta’ avviżi ta’ reklamar – Tassazzjoni interna mhux diskriminatorja”

Fil-kawża C-134/03,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Giudice di pace di Genova-Voltri (l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni ta’ l-10 ta’ Marzu 2003, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta’ Marzu 2003, fil-proċedura

Viacom Outdoor Srl

vs

Giotto Immobilier SARL, 

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas (Relatur), President ta’ l-Awla, A. Borg Barthet, J.-P. Puissochet, J. Malenovský u U. Lõhmus, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J . Kokott,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċeduri bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ Settembru 2004,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati bil-miktub:

- għal Viacom Outdoor Srl, minn B. O’Connor, solicitor, u F. Filpo, avvocato,

- għal Giotto Immobilier SARL, minn G. Travaglino, avvocato,

- għar-Repubblika Taljana, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn O. Fiumara, avvocato dello Stato,

- għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn P. Oliver u K. Banks, bħala aġenti, assistiti minn M. Bay, avvocato,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-28 ta’ Ottubru 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 49 KE, 82 KE, 86 KE, 87 KE u 88 KE.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża ta’ natura kuntrattwali bejn Viacom Outdoor Srl (iktar 'il quddiem “Viacom”), stabbilita f’Milan (l-Italja) u Giotto Immobilier SARL (iktar 'il quddiem “Giotto”), stabbilita f’Menton (Franza).

 Il-kawża prinċipali

3        Jirriżulta mill-proċess li Giotto tbigħ proprjetà immobbli ġewwa Franza u li, permezz ta’ kuntratt konkluż fid-9 ta’ Settembru 2000, inkarigat lil Viacom (li qabel kienet tissejjaħ “Società Manifesti Affissioni SpA”) sabiex f’isimha twettaq servizzi ta’ twaħħil ta’ avviżi ta’ reklamar fit-territorju tal-Komun ta’ Ġenova (l-Italja). Is-servizzi li kienu s-suġġett ta’ dan il-kuntratt twettqu minn Viacom matul ix-xahar ta’ Ottubru 2000.

4        Il-kawża bejn Viacom u Giotto tikkonċerna r-rifjut ta' din ta’ l-aħħar li tirrimborsa lil Viacom l-ammont ta’ 439 385 ITL, jiġifieri 226,92 EUR, imħallsa lill-Komun ta’ Ġenova bħala “imposta comunale sulla pubblicità”(taxxa komunali fuq ir-reklamar). Skond il-kuntratt konkluż bejn il-partijiet, minbarra l-prezz tal-provvista ta’ servizzi, Giotto ntrabtet li tħallas lil Viacom l-“ispejjeż speċifiċi u ppruvati b'dokumenti”li weħlet din ta’ l-aħħar fil-kuntest tat-twettiq ta’ l-imsemmi servizz. Madankollu, Giotto sostniet, quddiem il Giudice di pace di Genova-Voltri (l-Italja), li kien qed jisma' l-kawża, li d-dispożizzjonijiet tal-liġi Taljana li jistabbilixxu u jirregolaw it-taxxa komunali fuq ir-reklamar imorru kontra d-dritt Komunitarju, b'mod partikolari kontra l-libertà li jiġu provduti servizzi prevista mill-Artikolu 49 KE u r-regoli dwar il-kompetizzjoni previsti mill-Artikoli 82 KE, 86 KE, 87 KE u 88 KE.

 Il-kuntest ġuridiku nazzjonali

5        It-taxxa komunali fuq ir-reklamar u d-dritt fuq it-twaħħil ta' avviżi huma rregolata mid-decreto legislativo nº 507 – Revisione ed armonizzazione dell’imposta comunale sulla pubblicità e del diritto sulle pubbliche affissioni (Digriet Leġiżlattiv Nru 507 – Reviżjoni u armonizzazzjoni tat-taxxa komunali fuq ir-reklamar u tad-dritt fuq it-twaħħil pubbliku ta' avviżi), tal-15 ta’ Novembru 1993 (suppliment ordinarju tal-GURI Nru288, tad-9 ta’ Diċembru 1993, iktar 'il quddiem, id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 507/93”), fil-verżjoni tiegħu li tapplika għall-kawża prinċipali.

6        L-Artikolu 1 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 507/93 jgħid li:

“Ir-reklamar estern u t-twaħħil pubbliku ta' avviżi huma soġġetti, skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli li ġejjin, għal taxxa jew dritt rispettivament, pagabbli lill-komun li fit-territorju tiegħu jitwettqu dawn l-attivitajiet.”

7        L-Artikolu 3 ta’ l-imsemmi Digriet Leġiżlattiv jgħid li:

“1. Il-komun huwa marbut li jadotta regolament għall-applikazzjoni tat-taxxa fuq ir-reklamar u għall-provvista tas-servizz ta’ twaħħil.

2. F'dan ir-regolament, il-komun għandu jistabbilixxi l-mod kif iseħħ ir-reklamar u jista' jillimita u jipprojbixxi ċerti forom speċifiċi ta’ reklamar skond l-eżiġenzi ta' l-interess pubbliku.

3. Dan ir-regolament għandu f'kull każ jiddetermina it-tip u l-kwantità ta’ l-installazzjonijiet ta’ reklamar, il-modalitajiet biex tinkiseb l-awtorizzazzjoni għall-installazzjoni kif ukoll il-kriterji għall-implementazzjoni tal-pjan ġenerali ta' l-installazzjonijiet. Għandu jistabbilixxi wkoll kif għandha tinqasam l-erja ta’ l-installazzjonijiet pubbliċi li hija intiża għat-twaħħil ta' avviżi ta’ natura istituzzjonali, soċjali jew li f'kull każ m'għandhomx skop ekonomiku u l-erja intiża għat-twaħħil ta' avviżi ta’ natura kummerċjali, kif ukoll l-erja ta’ l-installazzjonijiet intiża għat-twaħħil dirett ta' avviżi mill-individwi.

[…]”

8        L-Artikolu 5(1) ta’ dan id-Digriet Leġiżlattiv jiddefinixxi l-ġrajja li tagħti lok għat-taxxa fuq ir-reklamar:

“It-tixrid ta’ avviżi ta’ reklamar imwettaq permezz ta’ forom ta’ komunikazzjoni viżivi jew akustiċi, li mhumiex dawk soġġetti għad-dritt fuq it-twaħħil ta' avviżi, f’postijiet pubbliċi jew miftuħin għall-pubbliku jew li huma viżibbli minn dawn il-postijiet huma soġġetti għat-taxxa fuq ir-reklamar prevista fil-preżenti Digriet.”

9        Skond l-Artikolu 6(1) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 507/93, huwa taxxabbli “kull min għandu, taħt kull titolu li jkun, il-mezz li permezz tiegħu jixtered l-avviż ta’ reklamar”. Skond il-paragrafu 2 ta’ l-istess Artikolu, il-persuna li tipproduċi jew tbigħ il-merkanzija jew tipprovdi s-servizz li huwa s-suġġett tar-reklam huwa obbligat in solidum għall-ħlas tat-taxxa.

10      L-Artikolu 9 ta’ l-imsemmi Digriet Leġiżlattiv jirregola l-ħlas tat-taxxa. Il-paragrafu 7 tiegħu jaqra kif ġej:

“Jekk ir-reklam ikun installat fuq proprjetà li tappartjeni jew li hija mogħtija għall-użu lill-Komun, l-applikazzjoni tat-taxxa fuq ir-reklamar ma teskludix l-applikazzjoni tat-taxxa għall-okkupazzjoni ta’ l-ispazji pubbliċi u lanqas il-ħlas ta’ drittijiet għall-kiri jew għal-liċenzji, filwaqt li dawn ta’ l-aħħar għandhom ikunu proporzjonati għall-okkupazzjoni effettiva ta’ l-art pubblika mir-reklam”.

11      Barra minn hekk, għal dak li jikkonċerna s-servizz ta’ twaħħil pubbliku ta' avviżi, L-Artikolu 18 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 507/93 jgħid li:

“1. Is-servizz ta’ twaħħil pubbliku ta' avviżi huwa intiż sabiex jiggarantixxi speċifikament it-twaħħil, mill-komun, fuq installazzjonijiet intiżi għal dan l-iskop, ta’ avviżi ta’ kull tip, li fihom informazzjoni għal skopijiet istituzzjonali, soċjali jew li f'kull każ m'għandhiex skop ekonomiku, jew, fejn huwa previst, u safejn huwa stabbilit fid-dispożizzjonijiet leġiżlattivi previsti fl-Artikolu 3, ta' messaġġi li huma mxerrdin fil-kuntest ta' l-eżerċizzju ta’ attivitajiet ekonomiċi.

2. Is-servizz għandu jiġi pprovdut b'mod obbligatorju fil-komuni li, sal-31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ qabel dik attwali, ikollhom popolazzjoni residenti ta’ iżjed minn tlett elef abitant; fil-komuni l-oħra, dan is-servizz huwa fakultattiv.

3. L-erja ta’ l-installazzjonijiet li għandha tingħata għat-twaħħil pubbliku ta' avviżi għandha tiġi stabbilita permezz ta’ regolament komunali approporzjon għan-numru ta’ abitanti, u f'kull każ, m'għandhiex tkun inqas minn 18-il metru kwadru għal kull elf abitant fil-komuni fejn il-popolazzjoni hija ta' iktar minn tletin elf abitant, u mhux inqas minn 12-il metru kwadru fil-komuni l-oħra.

12      L-Artikolu 19(1) ta’ dan id-Digriet Leġiżlattiv jipprovdi għall-ħlas ta’ dritt fuq it-twaħħil ta' avviżi:

“It-twaħħil ta' avviżi pubbliċi huwa soġġett għall-ħlas in solidum, mill-persuna li titlob is-servizz u mill-persuna li fl-interess tagħha jintalab is-servizz hu mitlub, dritt li jinkludi t-taxxa fuq ir-reklamar, favur il-komun li jwettaq dan it-twaħħil.”

13      Fil-Komun ta’ Ġenova, id-dispożizzjonijiet tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 507/93 ġew implementati permezz tan-nuovo regolamento per l’applicazione dell’imposta sulla pubblicità e per l’éffettuazione del servizio delle pubbliche affissioni (ir-regolament il-ġdid għall-applikazzjoni tat-taxxa fuq ir-reklamar u għall-provvista tas-servizz ta’ twaħħil pubbliku ta' avviżi), li ġie adottat permezz ta’ deċiżjoni komunali tal-21 ta’ Diċembru 1998. Dan ir-regolament komunali ġie emendat fl-1999 u fl-2000 u sussegwentement ġie sostitwit minn regolament adottat permezz ta’ deċiżjoni komunali tas-26 ta’ Marzu 2001.

 Proċedura preċedenti għat-talba għal deċiżjoni preliminari u d-domandi mressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja

14      Fil-kuntest tal-kawża prinċipali, il-Giudice di pace di Genova-Voltri, permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ April 2002, ressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja l-ewwel talba għal deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 2 KE, 3(1)(a), (b) u (c) KE, 23 KE, 27(a), (b) u (d) KE, 31(1) u (3) KE, 49 KE, 50 KE, 81 KE, 82 KE, 86 KE u 87 KE.

15      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din it-talba kienet inammissibbli permezz ta’ digriet tat-8 ta’ Ottubru 2002, Viacom (C-190/02, Ġabra p. I-8287). L-ewwel nett, hija kkonstatat, fil-punti 13 sa 21 tad-digriet tagħha, li d-deċiżjoni tar-rinviju ma kienx fiha biżżejjed informazzjoni biex tkun tista' tingħata interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju li tkun ta’ utilità għall-qorti nazzjonali. It-tieni nett, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li d-domandi mressqin mill-Giudice di pace kienu manifestament inammissibbli peress li, b’mod partikolari, il-qorti nazzjonali ma spjegatx, fl-istess deċiżjoni tar-rinviju, il-kuntest fattwali u leġiżlattiv tal-kawża prinċipali, ir-raġunijiet li wassluha sabiex tqajjem il-kwistjoni dwar l-interpretazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet Komunitarji partikolari, u r-rabta li hija stabbiliet bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-imsemmija kawża (digriet Viacom, iċċitat iktar 'il fuq, punti 24 u 26).

16      Permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Diċembru 2002, il-Giudice di pace ordna t-tkomplija tal-kawża prinċipali. Wara li sema' l-partijiet, huwa kkunsidra li kienu għadhom jeżistu ċerti motivi li kienu taw lok għar-rinviju għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja preċedenti, u li kien hemm lok li titressaq lill-istess Qorti talba ġdida għal deċiżjoni preliminari, limitata għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u dwar il-kompetizzjoni. Għalhekk huwa ppropona li jagħmel tajjeb għan-nuqqas ta’ informazzjoni mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja, kif ukoll li jispeċifika aħjar, fid-deċiżjoni tar-rinviju l-ġdida, iċ-ċirkustanzi ta’ fatt u ta' dritt tal-kawża prinċipali.

17      Għal dak li jikkonċerna r-rilevanza tad-domandi imressqa f’din id-deċiżjoni l-ġdida għar-riżoluzzjoni tal-kawża prinċipali, l-Giudice di pace jispeċifika li l-eventwali inkompatibbiltà mat-Trattat tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw it-taxxa fuq ir-reklamar u d-drittijiet fuq it-twaħħil ta' avviżi ġġib magħha l-illegalità jew in-nuqqas ta’ applikabbiltà ta’ l-imsemmija dispożizzjonijiet u tirrendi infondata t-talba għal ħlas imressqa minn Viacom, liema talba jkollha tiġi miċħuda.

18      Fi tmiem l-analiżi ġuridika tiegħu, il-Giudice di pace jirriassumi l-konklużjonijiet li wasal għalihom kif ġej:

–        “skond is-sistema prevista mid-Digriet Leġiżlattiv Nru 507/93, u l-emendi li sarulha wara, u skond ir-regolamenti komunali ta’ eżekuzzjoni, il-Komuni, li huma awtoritajiet pubbliċi lokali, jikkostitwixxu impriżi pubbliċi li, f’dan il-każ, jeżerċitaw attività ekonomika (it-twaħħil ta’ avviżi);

–        l-attività eżerċitata (it-twaħħil ta’ avviżi) tikkostitwixxi attività ekonomika eżerċitata f’kompetizzjoni ma' persuni privati u tista' taffettwa l-kummerċ intrakomunitarju;

–        fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, wieħed jista' jkollu raġun jaħseb li d-drittijiet u t-taxxa involuti, miġbura mill-komuni fl-amministrazzjoni tas-servizz, jikkostitwixxu drittijiet speċjali fis-sens ta’ l-Artikolu 86 KE;

–        jidher għalhekk li hemm dubji serji kemm is-sistema in kwistjoni hija kompatibbli mad-dritt Komunitarju; l-eventwali inkompatibbiltà tas-sistema in kwistjoni ġġib magħha l-illeġittimità ta' din il-parti tat-talba għall-ħlas għas-servizzi pprovduti minn Viacom lil Giotto, li konsegwentement tirrendi infondata t-talba prinċipali tar-rikorrenti, suġġett tal-preżenti kawża.”

19      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Giudice di pace di Genova-Voltri ddeċieda li jissospendi l-proċedimenti u li jressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-għoti lil impriża pubblika (il-komuni) ta’ l-amministrazzjoni ta’ taxxa u ta’ drittijiet bħal dawk li qed jiġu eżaminati u relattivi għal suq li jikkostitwixxi parti sostanzjali tas-suq komuni u li fih l-istess impriża pubblika tokkupa pożizzjoni dominanti jmur kontra:

a)      l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 86 KE u ta’ l-Artikolu 82 KE meħudin flimkien;

b)      l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 86 KE u ta’ l-Artikolu 49 KE meħudin flimkien?

2)      L-għoti lil din l-impriża pubblika tad-dħul mit-taxxa u mid-drittijiet in kwistjoni jmur kontra:

a)      l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 86 KE u ta’ l-Artikolu 82 KE meħudin flimkien;

b)      l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 87 KE u 88 KE, safejn jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat illegali (mhux notifikata) u inkompatibbli mas-suq komuni?”

 Fuq l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari

20      Il-Gvern Taljan jesprimi dubji dwar l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari peress li jikkunsidra li l-kuntest fattwali tal-kawża prinċipali, b’mod partikolari, ma ġiex deskritt biżżejjed fid-deċiżjoni tar-rinviju. Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej issostni wkoll li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija kollha kemm hi inammissibbli, fid-dawl tad-diversi lakuni, kontradizzjonijiet u ambigwitajiet li hemm fid-deċiżjoni tar-rinviju. Il-kuntest fattwali u leġiżlattiv deskritt f’din id-deċiżjoni tant mhuwiex ċar li l-Kummissjoni mhijiex f’pożizzjoni li tissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja risposti għall-mertu tad-domandi preliminari. Madanakollu, waqt is-seduta, il-Kummissjoni kkunsidrat li, fid-dawl ta' ċerti spjegazzjonijiet li saru mill-partijiet fil-kawża prinċipali u mill-Gvern Taljan fl-osservazzjonijiet tagħhom u fir-risposti tagħhom għad-domandi bil-miktub li għamlitilhom il-Qorti tal-Ġustizzja, issa kien possibbli li tingħata risposta utli għad-domandi preliminari dwar l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 49 KE u 87 KE.

21      Irid jiġi rilevat lisfvfGħandu l-ewwel nett jiġi rilevat li, b’differenza għat-talba għal deċiżjoni preliminari li tat lok għad-digriet Viacom, iċċitat iktar 'il fuq, ma jirriżultax b’mod manifest mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-Giudice di pace naqas minn li jagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja biżżejjed informazzjoni dwar ir-raġunijiet li wassluh sabiex iqajjem il-kwistjoni dwar l-interpretazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju u dwar ir-rabta li huwa stabbilixxa bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawża. Fil-fatt, f’din id-deċiżjoni, il-qorti tar-rinviju indikat espressament li jidhrilha li huwa neċessarju li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti interpretazzjoni tad-dispożizjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà li jiġu provduti servizzi (Artikolu 49 KE), dwar l-għoti ta’ drittijiet speċjali u esklużivi (Artikoli 86 KE u 82 KE) u dwar l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat (Artikoli 87 KE u 88 KE) billi, kieku d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw it-taxxa dwar ir-reklamar u d-drittijiet fuq it-twaħħil ta' avviżi kellhom jiġu kkunsidrati li huma inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet Komunitarji, it-taxxi stabbiliti favur il-Komun ta’ Ġenova permezz tal-liġi Taljana iridu jiġu kkunsidrati bħala illegali u, konsegwentement, it-talba għal ħlas imressqa minn Viacom tkun nieqsa minn bażi legali u jkollha tiġi miċħuda.

22      Madankollu, skond il-ġurisprudenza, sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun f'pożizzjoni li tagħti risposta utli għad-domandi preliminari li jitressqulha, hemm bżonn li l-qorti nazzjonali tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv li fih jidħlu dawn id-domandi, jew li għall-inqas tispjega ċ-ċirkustanzi fattwali li fuqhom jistrieħu dawn id-domandi (digriet Viacom, iċċitat iktar 'il fuq, punt 15, u l-ġurisprudenza ċċitata).

23      Sabiex jiġi żgurat li l-elementi mogħtija lill-Giudice di pace jissodisfaw dawn ir-rekwiżiti, hemm lok li jittieħdu in kunsiderazzjoni n-natura u l-portata tad-domandi li ġew imressqa. Peress li r-rekwiżit ta' preċiżjoni fir-rigward tal-kuntest fattwali u leġiżlattiv japplika b’mod partikulari fis-settur tal-kompetizzjoni li huwa kkaratterizzat minn ċirkustanzi ta’ fatt u ta’ dritt kumplessi (digriet Viacom, iċċitat iktar 'il fuq, punt 22, u l-ġurisprudenza ċċitata), irid jiġi eżaminat l-ewwel nett jekk id-digriet tar-rinviju jagħtix biżżejjed informazzjoni sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista' tagħti risposti utli għad-domandi relattivi għall-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 82 KE, 86 KE, 87 KE u 88 KE.

24      F’dak li jikkonċerna il-kuntest leġiżlattiv, għandu jiġi kkonstatat li, minkejja r-referenzi ambigwi u kontradittorji għad-dispożizzjonijiet ta’ implementazzjoni tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 507/93 li ġew adottati mill-Komun ta’ Ġenova, id-deċiżjoni tar-rinviju fiha deskrizzjoni ċara u kompleta biżżejjed tad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li huma rilevanti għall-eżami tad-domandi preliminari. Fil-fatt, kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 39 tal-konklużjonijiet tagħha, huma d-dispożizzjonijiet tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 507/93, applikabbli fuq skala nazzjonali, li jikkostitwixxu l-elementi essenzjali tal-kuntest ġuridiku rilevanti, billi r-regolamenti Komunali jservu biss biex jispeċifikaw uħud minn dawn id-dispożizzjonijiet. Fost l-elementi essenzjali ta' dan il-kuntest ġuridiku hemm, b'mod partikolari, id-dispożizzjonijiet fuq il-ġbir ta’ taxxa komunali fuq ir-reklamar u/jew ta’ dritt fuq it-twaħħil ta' avviżi, dawk li jistabbilixxu l-għanijiet tas-servizz ta’ twaħħil pubbliku ta' avviżi u dawk li jagħtu lill-komuni s-setgħa li jirregolaw l-applikazzjoni tat-taxxa fuq ir-reklamar u l-provvista tas-servizz ta’ twaħħil ta' avviżi.

25      Min-naħa l-oħra, f'dak li jirrigwarda l-kuntest fattwali, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni tar-rinviju ma tipprovdix l-informazzjoni meħtieġa biex tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi b’mod utli għad-domandi preliminari dwar l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 86 KE u 82 KE.

26      Għandu jiġi mfakkar li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat, bħala regola, jipprojbixxu lill-Istati Membri milli jadottaw jew iżommu fis-seħħ miżuri li jippermettu lill-impriżi pubbliċi u lil dawk li lilhom huma jagħtu drittijiet speċjali jew esklużivi li jabbużaw minn pożizzjoni dominanti fis-suq komuni jew f'parti sostanzjali ta' dan is-suq.

27      Kif tenfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 44 tal-konklużjonijiet tagħha, id-delimitazzjoni tas-suq rilevanti mill-aspett tal-prodott u taż-żona ġeografika, kif ukoll il-kalkolu ta’ l-ishma fis-suq miżmuma mid-diversi impriżi li joperaw f'dan is-suq, jikkostitwixxu l-punt tat-tluq ta’ kull evalwazzjoni ta' sitwazzjoni fid-dawl tad-dritt tal-kompetizzjoni.

28      F'dan il-każ, il-Giudice di pace jillimita ruħhu biex jagħti xi informazzjoni dwar is-servizzi ta’ twaħħil ta’ avviżi jew ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ spazji għar-reklamar ipprovduti mill-komuni, u biex jafferma li dawn is-servizi huma perfettament skambjabbli ma' dawk offerti mill-operaturi privati. Madankollu, ma jirriżultax minn din l-informazzjoni li l-klijenti li jagħmlu użu mis-servizz ta’ twaħħil pubbliku ta' avviżi jistgħu effettivament jitqabblu ma' dawk li jinqdew minn impriżi privati, partikolarment f'dak li jirrigwarda n-natura kummerċjali jew le tal-kontenut tal-kampanji ta’ reklamar tagħhom u tal-budget li jallokaw għalih. Barra minn hekk, id-deċiżjoni tar-rinviju ma fiha l-ebda informazzjoni fuq in-numru ta’ operaturi li joffru s-servizzi in kwistjoni, jew fuq l-ishma fis-suq rispettivi tagħhom, anke jekk jidher li joħroġ minn din id-deċiżjoni li ż-żona ġeografika kkunsidrata bħala rilevanti hija limitata għall-Komun ta’ Ġenova. Din id-delimitazzjoni tas-suq ġeografikament rilevanti madanakollu ma tidhirx konvinċenti meta wieħed iqis, fil-fatt, li l-Giudice di pace jibbaża r-raġunament tiegħu dwar l-effett fuq il-kummerċ intrakomunitarju fuq il-fatt li s-sistema stabbilita permezz tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 507/93 tapplika għall-komuni Taljani kollha. F'kull każ, l-elementi ta’ fatt imsemmija fid-deċiżjoni tar-rinviju jidhru wisq inkompleti biex jippermettu li wieħed jikkonkludi li l-Komun ta’ Ġenova tokkupa pożizzjoni dominanti fis-suq in kwistjoni.

29      F’dawn iċ-ċirkustanzi, mhuwiex possibbli li jiġi ddeterminat jekk l-Artikoli 86 KE u 82 KE jipprekludux il-ġbir ta’ taxxa komunali fuq ir-reklamar f'ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali. Id-domandi preliminari dwar l-interpretazzjoni ta’ dawn l-Artikoli huma għalhekk inammissibbli.

30      Fir-rigward ta' l-Artikoli 87 KE u 88 KE, li l-qorti tar-rinviju talbet ukoll l-interpretazzjoni tagħhom, għandu jiġi mfakkar li dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw għall-għajnuna mogħtija mill-Istati jew permezz tar-riżorsi ta’ l-Istat, taħt kull forma li tkun, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi.

31      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rilevat li d-deċiżjoni tar-rinviju la fiha biżżejjed informazzjoni dwar l-użu li għalih jiġi allokat id-dħul mit-taxxa komunali fuq ir-reklamar u lanqas dwar il-modalitajiet konkreti ta’ l-organizzazzjoni tas-servizz ta’ twaħħil pubbliku ta' avviżi, li jrid ikun ipprovdut b’mod obbligatorju fil-komuni Taljani li għandhom popolazzjoni residenti ta' iżjed minn 3000 abitant, kif previst mill-Artikolu 18(2) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 507/93. Konsegwentement, abbażi ta’ l-elementi ta' informazzjoni mogħtija mill-Giudice di pace, ma jistax jiġi dedott xi grad ta’ awtonomija ġuridika u finanzjarja jagħtu l-Komun ta’ Ġenova u komuni Taljani oħra lir-riżorsi umani u tekniċi li huma jallokaw għall-provvista ta' dan is-servizz pubbliku, u lanqas ma jista' jiġi konkluż li d-dħul li ġej mit-taxxa in kwistsjoni iservi kollu kemm hu jew in parti biex jiġu ffinanzjati l-ispejjeż għat-tħaddim ta' dan is-servizz. Kuntrarjament għall-pożizzjoni espressa mill-Kummissjoni waqt is-seduta, ma jidhirx, għalhekk, li huwa possibbli li jiġi kkonfermat b’ċertezza li d-dħul in kwistjoni huwa allokat esklużivament sabiex jiġi ffinanzjat il-budget ġenerali tal-Komun u li f'ebda każ ma jista' jintuża biex tingħata għajnuna mill-Istat fis-sens ta’ l-Artikolu 87 KE.

32      Minn dan isegwi li d-domanda preliminari relattiva għall-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 87 KE u 88 KE hija inammissibbli.

33      Min-naħa l-oħra, għal dak li jirrigwarda l-kwistjoni jekk it-taxxa komunali fuq ir-reklamar tikkostitwixxix ostakolu għal-libertà li jiġu provduti servizzi li huwa inkompatibbli ma’ l-Artikolu 49 KE, l-elementi ta' informazzjoni mogħtija mid-deċiżjoni tar-rinviju huma biżżejjed biex tkun tista' tingħata risposta utli għal din id-domanda.

 Fuq id-domanda preliminari dwar l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 49 KE

34      Bid-domanda tiegħu, il-Giudice di pace jitlob essenzjalment lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikolu 49 KE jipprekludix il-ġbir ta’ taxxa bħat-taxxa komunali fuq ir-reklamar stabbilita permezz tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 507/93, li għaliha huma soġġetti, b'mod partikolari, is-servizzi ta’ twaħħil ta' avviżi li għandhom natura transkonfinali minħabba l-post li fih hija stabbilita l-persuna li tipprovdi s-servizzi jew il-persuna li lilha jingħataw is-servizzi.

35      Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 49 KE jeżiġi t-tneħħija ta' kull restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, anki jekk din ir-restrizzjoni tapplika mingħajr distinzjoni kemm għal prestatarji ta' servizzi nazzjonali kif ukoll għal dawk minn Stati Membri oħra, meta din ir-restrizzjoni tkun ta’ natura tali li tipprojbixxi jew li tfixkel b'xi mod ieħor l-attivitajiet ta’ prestatarju stabbilit fi Stat Membru ieħor fejn huwa jipprovdi servizzi analogi b'mod legali. Barra minn hekk, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi tapplika kemm għall-prestatarju kif ukoll għad-destinatarju ta' servizzi (sentenzi tat-13 ta’ Lulju 2004, Il-Kummissjoni vs Franza, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 22, u Bacardi, C-429/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 31, u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet li miżura fiskali nazzjonali li tostakola l-libertà li jiġu provduti servizzi tista tikkostitwixxi miżura pprojbita, kemm jekk tkun applikata mill-Istat innifsu kemm jekk minn awtorità lokali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Novembru 2001, De Coster,C-17/00, Ġabra p. I-9445, punti 26 u 27).

37      Fir-rigward tal-kwistjoni jekk il-ġbir mill-awtoritajiet komunali ta’ taxxa bħat-taxxa fuq ir-reklamar tikkostitwixxix ostakolu inkompatibbli ma' l-Artikolu 49 KE, għandu l-ewwel nett jiġi rilevat li tali taxxa hija applikabbli mingħajr distinzjoni għall-provvisti kollha ta’ servizzi li jinvolvu reklamar estern u twaħħil pubbliku ta' avviżi fit-territorju tal-komun ikkonċernat. Għalhekk, ir-regoli relattivi għall-ġbir ta’ din it-taxxa ma jagħmlu l-ebda distinzjoni bbażata fuq il-post fejn hija stabbilita l-persuna li tipprovdi s-servizzi jew il-persuna li lilha jingħataw is-servizzi ta’ twaħħil ta' avviżi u lanqas fuq il-post li minnu joriġinaw il-prodotti jew is-servizzi li huma s-suġġett tal-messaġġi ta’ reklamar imxerrdin.

38      It-tieni nett, għandu jiġi kkonstatat li tali taxxa tapplika biss għal attivitajiet ta’ reklamar esterni li jinvolvu l-użu ta’ spazju pubbliku amministrat mill-awtoritajiet komunali u l-ammont tagħha huwa stabbilit f'livell li jista' jiġi kkunsidrat li huwa baxx meta jitqabbel mal-valur tas-servizzi pprovduti li huma soġġetti għaliha. F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-ġbir ta’ tali taxxa mhijiex ta’ natura li tipprojbixxi, tostakola jew tagħmel inqas attraenti l-provvisti ta' servizzi ta’ reklamar li għandhom jitwettqu fit-territorju tal-komuni kkonċernati, inklużi l-każijiet fejn il-provvista ta' dawn is-servizzi hija ta’ natura transkonfinali minħabba l-post li fih hija stabbilita l-persuna li tipprovdi s-servizzi, jew il-persuna li lilha jingħataw is-servizzi.

39      Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li l-Artikolu 49 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix il-ġbir ta' taxxa bħalma hija t-taxxa komunali fuq ir-reklamar stabbilita permezz tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 507/93.

 Fuq l-ispejjeż

40      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Id-domandi preliminari dwar l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 82 KE, 86 KE, 87 KE u 88 KE huma inammissibbli.

2)      L-Artikolu 49 KE ma jipprekludix il-ġbir ta’ taxxa bħalma hija t-taxxa komunali fuq ir-reklamar stabbilita permezz tad-decreto legislativo nº 507 – Revisione ed armonizzazione dell’imposta comunale sulla pubblicità e del diritto sulle pubbliche affissioni (Digriet Leġiżlattiv Nru 507 – Reviżjoni u armonizzazzjoni tat-taxxa komunali fuq ir-reklamar u tad-dritt fuq it-twaħħil pubbliku ta' avviżi), tal-15 ta’ Novembru 1993.

Firem


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.