Language of document : ECLI:EU:C:2006:229

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

6 ta' April 2006 (*)

"Appell – Ftehim – Artikolu 81 KE – Regolamenti (KEE) Nru 123/85 u (KE) Nru 1475/95 – Distribuzzjoni ta' vetturi bil-mutur tal-marka Opel – Taqsim tas-suq – Restrizzjonijiet ta' l-esportazzjonijiet – Sistema restrittiva ta' bonus – Ammenda – Linji gwida għall-kalkolu ta' l-ammendi"

Fil-kawża C-551/03 P,

li għandha bħala suġġett appell skond l-Artikolu 56 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, imressaq fid-29 ta' Diċembru 2003,

General Motors BV, li qabel kienet General Motors Nederland BV u Opel Nederland BV, stabbilita fil-Lage Mosten (L-Olanda), irrappreżentata minn D. Vandermeersch u R. Snelders, advocaten, kif ukoll minn T. Graf, Rechtsanwalt, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn W. Mölls u A. Whelan, bħala aġenti, assistiti minn J. Flynn, QC, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas, President ta' l-Awla, J. Malenovský, S. von Bahr (Relatur), A. Borg Barthet u U. Lõhmus, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Tizzano,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta' l-14 ta' Lulju 2005,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali ppreżentati fis-seduta tal-25 ta' Ottubru 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Permezz ta' l-appell tagħha, General Motors BV titlob l-annullament parzjali tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tal-21 ta' Ottubru 2003, General Motors Nederland u Opel Nederland vs Il-Kummissjoni (T-368/00, Ġabra p. II-4491, iktar 'il quddiem is-"sentenza kkontestata"), permezz ta' liema l-Qorti tal-Prim'Istanza annullat parzjalment id-deċiżjoni 2001/146/KE tal-Kummissjoni, ta' l-20 ta' Settembru 2000, dwar proċedura ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 81 tat-Trattat KE (kawża COMP/36.356, - Opel) (ĠU 2001, L 59, p. 1, iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata").

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

2       Jista' jsir sunt tal-fatti u tal-kuntest ġuridiku, hekk kif jirriżultaw mis-sentenza kkontestata, b'dan il-mod.

3       Opel Nederland BV (iktar 'il quddiem "Opel Nederland") ġiet imwaqqfa fit-30 ta' Diċembru 1994 bħala kumpannija kompletament sussidjarja ta' General Motors Nederland BV (iktar 'il quddiem "General Motors Nederland"). Hija l-unika kumpannija nazzjonali li tbiegħ il-marka Opel fl-Olanda. L-attivitajiet tagħha jinkludu l-importazzjoni, l-esportazzjoni u l-kummerċ bl-ingrossa ta' vetturi bil-mutur kif ukoll ta' spare parts u ta' aċċessorji. Hija kkonkludiet kuntratti konċessjonarji li jikkonċernaw il-bejgħ u s-servizzi ma' xi 150 konċessjonarju, li huma, minħabba f'hekk, inkorporati fin-netwerk ta' distribuzzjoni ta' Opel fl-Ewropa bħala bejjiegħa bl-imnut awtorizzati.

4       Il-kuntratti konċessjonarji huma, taħt ċertu kundizzjonijiet, eżenti mill-applikazzjoni ta' l-Artikolu 85(1) tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 81(1) KE) permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 123/85 tat-12 ta' Diċembru 1984, dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikolu [81](3) tat-Trattat KEE għal kategoriji ta' ftehim ta' distribuzzjoni u ta' servizzi ta' bejgħ u ta' wara l-bejgħ ta' vetturi bil-mutur. (ĠU 1985, L 15, p. 16). Dan ir-regolament ġie sostitwit, mill-1 ta' Ottubru 1995, permezz tar-Regolament (KE) tal-Kummissjoni Nru 1475/95 tat-28 ta' Ġunju 1995 (ĠU L 145, p. 25).

5       L-Artikolu 3(10)(a) ta' kull wieħed minn dawn ir-regolamenti jawtorizza lill-manifattur u/jew lill-importatur tiegħu li jipprojbixxi lill-konċessjonarji milli jipprovdu prodotti kuntrattwali u prodotti korrispondenti lil bejjiegħ bl-imnut li ma jiffurmax parti min-netwerk ta' bejgħ. Min-naħa l-oħra, dawn l-istess regolamenti ma jawtorizzawx lill-manifattur u/jew lill-importatur tiegħu jipprojbixxu lill-konċessjonarji milli jipprovdu prodotti kuntrattwali u prodotti korrispondenti lill-konsumaturi finali, lill-intermedjarji mandatarji jew lil konċessjonarji oħra li jiffurmaw parti min-netwerk ta' distribuzzjoni tal-manifattur u/jew ta' l-importatur.

6       Fit-28 u d-29 ta' Awwissu 1996, Opel Nederland indirizzat ittra lil 18-il konċessjonarju li kienu esportaw, fl-ewwel sitt xhur ta' l-1996, mill-inqas 10 vetturi. Din l-ittra tgħid li ġej:

"[…] Ikkonstatajna li l-kumpannija tagħkom biegħet numru konsiderevoli ta' vetturi Opel barra mill-pajjiż fl-ewwel nofs ta' l-1996. Fl-opinjoni tagħna, il-kwantitajiet tant huma kbar li għandna suspett kbir li dan il-bejgħ mhux konformi ma' l-ittra u l-ispirtu tal-kuntratt ta' konċessjoni Opel, attwali jew futur […] Biħsiebna nqabblu r-risposta tagħkom ma' l-informazzjoni rreġistrata fil-kotba tagħkom. Ser inżommukom infurmati fuq l-iżvilupp tal-ġrajjiet. Dan li ntqal ma jaffettwax il-fatt li intom essenzjalment obbligati tiksbu riżultati kummerċjali tajba fil-qasam speċjali ta' influwenza tagħkom […]"

7       Waqt laqgħa fis-26 ta' Settembru 1996, id-direttorat ta' Opel Nederland iddeċieda li jadotta xi miżuri rigward l-esportazzjoni mill-Olanda. Il-minuti ta' din il-laqgħa jiddeskrivu dawn il-miżuri b'dan il-mod:

"[…] Deċiżjonijiet meħuda:

1) Opel Nederland BV se tivverifika l-konċessjonarji kollha (20) li hu magħuf li jwettqu esportazzjonijiet. L-ordni ta' prijorità jiċkien, kif indikat fuq il-lista tal-konċessjonarji esportaturi tas-26 ta' Settembru 1996. Is-Sur Naval (Direttur tal-Finanzi) se jorganizza dawn il-verifiki.

2) Is-Sur De Heer [Direttur tal-Bejgħ u tal-Marketing] ser iwieġeb lill-konċessjonarji kollha li wieġbu għall-ewwel ittra fuq l-attivitajiet ta' esportazzjoni li Opel bagħtitilhom. Huma ser ikunu mgħarrfa bl-organizzazzjoni tal-verifiki u wkoll bid-diffikultajiet ta' provvista, li jeżiġu allokazzjoni limitata ta' vetturi.

3) Il-managers għad-dipartiment tal-bejgħ tad-distrett se jiddiskutu l-attivitajiet ta' esportazzjoni mal-konċessjonarji esportaturi fil-ġimagħtejn li ġejjin. Il-konċessjonarji se jiġu mgħarrfa li, minħabba problemi ta' disponibbiltà tal-prodotti, huma se jirċievu biss (sa avviż ieħor) in-numru ta' unitajiet speċifikat fil-gwida ta' evalwazzjoni tal-bejgħ tagħhom. Huma ser jiġu mistiedna jindikaw lill-manager tad-distrett liema huma, fost l-ordnijiet pendenti, l-unitajiet li verament jixtiequ jirċievu. Huwa f'idejn il-konċessjonarji nfushom li jirregolaw il-problemi li jistgħu jinqalgħu max-xerrejja tagħhom.

4) Il-konċessjonarji li jgħarrfu lil manager tad-distrett li ma jixtiqux jieqfu jesportaw vetturi fuq skala kbira se jkunu mistiedna jiltaqgħu mas-Sur De Leeuw [Direttur Ġenerali] u mas-Sur De Heer fit-22 ta' Ottubru 1996.

5) Is-Sur Notenboom [Direttur tal-Persunal tal-Bejgħ] se jitlob lil GMAC tivverifika l-ħażna tal-konċessjonarju, sabiex jiġi stabbilit n-numru eżatt ta' unitajiet li għadhom preżenti. Huwa mistenni li parti kbira tkun, sadanittant, ġiet esportata.

6) Minn issa 'il quddiem, il-vetturi mibjugħa fil-kuntest ta' kampanji ta' bejgħ, iżda mhux irreġistrati fl-Olanda, mhux se jitqiesu. Il-kompetituri tagħna qed japplikaw kundizzjonijiet simili.

7) Is-Sur Aukema [Responsabbli għall-merkanzija] ser ineħħi l-ismijiet tal-konċessjonarji esportaturi mil-listi stabbiliti għall-kampanji promozzjonali. Il-parteċipazzjoni futura tagħhom ser tiddependi mir-riżultati tal-verifiki.

8) Is-Sur Aelen [Direttur tal-Persunal tal-Finanzi] ser jikteb ittra lill-konċessjonarji sabiex jinformahom li, mill-1 ta' Ottubru 1996, Opel Nederland BV ser titlob NLG 150 għall-provvista, fuq talba, ta' dikjarazzjonijiet uffiċjali ta' importazzjoni, bħall-approvazzjoni tat-tip, kif ukoll għat-tħejjija tad-dokumenti doganali, għal xi vetturi li fuqhom ma jitħallasx dazju (intiżi, per eżempju, għal rappreżentanti diplomatiċi,)."

8       Wara l-ittri tat-28 u tad-29 ta' Awwissu u tar-risposti tal-konċessjonarji, Opel Nederland indirizzat, fit-30 ta' Settembru 1996, ittra ġdida lit-18-il konċessjonarju kkonċernat. Din l-ittra tgħid kif ġej:

"[…] Ir-risposta tagħkom iddiżappuntatna, għaliex hija tfisser li m'għandkom ebda idea ta' l-interessi komuni tal-konċessjonarji Opel u Opel Nederland kollha. Id-dipartiment ta' verifika tagħna se jivverifika d-dikjarazzjonijiet tagħkom. Sakemm issir din il-verifika, intom mhux ser tirċievu informazzjonijiet fuq il-kampanji, peress illi m'aħniex ċerti li ċ-ċifri tagħkom huma korretti […]"

9       Il-verifiki previsti saru bejn id-19 ta' Settembru u s-27 ta' Novembru 1996.

10     Fl-24 ta' Ottubru 1996, Opel Nederland bagħtet ċirkulari, rigward il-bejgħ lill-utenti finali barra mill-pajjiż, lill-konċessjonarji kollha. Skond din iċ-ċirkulari, il-konċessjonarji għandhom il-libertà li jbigħu lill-utenti finali li għandhom residenza fl-Unjoni Ewropea u dawn ta' l-aħħar jistgħu jirrikorru għas-servizzi ta' intermedjarju.

11     Wara li rċiviet informazzjonijiet li Opel Nederland adottat strateġija li tikkonsisti fi tfixkil sistematiku ta' l-esportazzjonijiet ta' vetturi ġodda mill-Olanda lejn Stati Membri oħra, fl-4 ta' Diċembru 1996 il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ordnat verifiki permezz ta' deċiżjoni, skond l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 17 tal-Kunsill, tas-6 ta' Frar 1962, l-ewwel regolament ta' implementazzjoni ta' l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat (ĠU 1962, 13, p. 204). Dawn il-verifiki saru fil-11 u t-12 ta' Diċembru 1996 għand Opel Nederland u de Van Twist, konċessjonarju ta' Opel f'Dordecht (L-Olanda).

12     Fit-12 ta' Diċembru 1996, Opel Nederland qassmet lill-konċessjonarji linji gwida rigward il-bejgħ ta' vetturi ġodda lill-bejjiegħa bl-imnut u lill-intermedjarji.

13     Permezz ta' ċirkulari ta' l-20 ta' Jannar 1998, Opel Nederland informat lill-konċessjonarji tagħha li l-esklużjoni mill-ħlas ta' bonus fil-każ ta' bejgħ għall-esportazzjoni tneħħiet b'effett retroattiv.

14     Fil-21 ta' April 1999, il-Kummissjoni nnotifikat lil General Motors Nederland u lil Opel Nederland b'dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet.

15     Fl-20 ta' Settembru 2000, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata.

 Id-deċiżjoni kkontestata

16     Permezz tad-deċiżjoni kkontestata tagħha, il-Kummissjoni imponiet fuq ir-rikorrenti ammenda ta' EUR 43 miljun minħabba ksur ta' l-Artikolu 81(1) KE. F'din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet li Opel Nederland kkonkludiet, mal-konċessjonarji Opel li huma stabbiliti fl-Olanda, ftehim maħsub sabiex jillimitaw jew jipprojbixxu l-bejgħ għal esportazzjoni ta' vetturi Opel lill-utenti finali li għandhom residenza fi Stati Membri oħra u lill-konċessjonarji Opel li huma wkoll stabbiliti fi Stati Membri oħra.

17     Din il-konklużjoni kienet ibbażata fuq l-allegazzjonijiet prinċipali li ġejjin: l-ewwel nett, f'Settembru 1996, Opel Nederland kienet adottat strateġija ġenerali maħsuba sabiex tillimita jew tfixkel il-bejgħ kollu għall-esportazzjoni mill-Olanda; it-tieni nett, l-istrateġija ġenerali ta' Opel Nederland kienet ġiet implementata permezz ta' miżuri individwali, li kienu tqiegħdu fis-seħħ bi ftehim komuni mal-konċessjonarji tagħha fil-kuntest ta' l-eżekuzzjoni prattika tal-kuntratti ta' konċessjoni u li kienu saru parti integrali mir-relazzjonijiet kuntrattwali li Opel Nederland kellha mal-konċessjonarji tan-netwerk tagħha ta' distribuzzjoni selettiva fl-Olanda.

18     Skond id-deċiżjoni kkontestata, l-istrateġija ġenerali kienet tinkludi fost l-oħrajn il-miżuri li ġejjin:

–       politika restrittiva ta' provvista;

–       politika restrittiva ta' bonus, li teskludi l-bejgħ għall-esportazzjoni lil konsumaturi finali tal-kampanji ta' bonus fuq il-bejgħ bl-imnut, applikata mill-1 ta' Ottubru 1996 sa l-20 ta' Jannar 1998;

–       projbizzjoni diretta ta' l-esportazzjonijiet mingħajr distinzjoni, applikata mill-31 ta' Awwissu 1996 sa l-24 ta' Ottubru 1996, rigward il-bejgħ lill-konsumaturi finali, u mill-31 ta' Awwissu 1996 sat-12 ta' Diċembru 1996, rigward il-bejgħ lill-konċessjonarji Opel l-oħra.

19     Rigward id-determinazzjoni ta' l-ammont ta' l-ammenda, id-deċiżjoni kkontestata tgħid li l-Kummissjoni għandha, skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 17, tieħu in kunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha in kwistjoni, u b'mod partikolari l-gravità u t-tul ta' żmien tal-ksur.

20     Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkwalifikat il-ksur bħala serju ħafna, minħabba li Opel Nederland kienet fixklet it-twettiq ta' l-għan tas-suq uniku. Hija qieset il-pożizzjoni importanti li t-trade mark Opel għandha fis-swieq in kwistjoni fl-Unjoni. Skond din id-deċiżjoni, il-ksur kien ħoloq ukoll effetti fuq is-swieq fi Stati Membri oħra. Opel Nederland aġixxiet bi ħsieb, għax ma setgħetx tinjora l-fatt li l-miżuri in kwistjoni kellhom l-għan li jillimitaw il-kompetizzjoni. Bħala konklużjoni, il-Kummissjoni qieset li ammont ta' EUR 40 miljun kien jikkostitwixxi bażi xierqa sabiex jiġi stabbilit l-ammont ta' din l-ammenda.

21     Rigward it-tul ta' żmien tal-ksur, il-Kummissjoni qieset li l-ksur kien sar bejn l-aħħar tax-xahar ta' Awwissu jew il-bidu tax-xahar ta' Settembru 1996 sa' Jannar 1998, jiġifieri 17-il xahar, li jikkostitwixxi ksur ta' tul ta' żmien medju. Filwaqt li qieset it-tul ta' żmien rispettivi tat-tliet miżuri partikolari, il-Kummissjoni qieset li huwa ġġustifikat li tiġi applikata żieda ta' 7.5 % fuq l-ammont ta' EUR 40 miljun , jiġifieri EUR 3 miljun, li twassal l-ammont ta' l-ammenda għal EUR 43 miljun.

22     Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni qieset li ma kienx hemm ċirkustanzi attenwanti fil-każ in kwistjoni, b'mod partikolari minħabba li Opel Nederland kienet kompliet twettaq element essenzjali ta' dan il-ksur, jiġifieri l-politika restrittiva ta' bonus, wara l-verifiki li saru fil-11 u t-12 ta' Diċembru 1996.

 Is-sentenza kkontestata

23     Permezz ta' att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-30 ta' Novembru 2000, General Motors Nederland u Opel Nederland ressqu rikors għall-annulament tad-deċiżjoni kkontestata u, alternattivament, għall-annullament jew it-tnaqqis ta' l-ammont ta' l-ammenda imposta permezz ta' l-imsemmija deċiżjoni.

24     Fil-kuntest ta' l-ewel motiv tagħhom, General Motors Nederland u Opel Nederland ikkontestaw il-fatt li Opel Nederland qatt adottat strateġija maħsuba sabiex tfixkel jew tillimita l-esportazzjonijiet kollha mingħajr distinzjoni. Qari preċiż tad-dokumenti li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni, b'mod partikolari l-minuti tal-laqgħa tas-26 ta' Settembru 1996, juri li l-istrateġija kienet maħsuba biss sabiex tillimita l-bejgħ għall-esportazzjoni irregolari lill-bejjiegħa bl-imnut mhux awtorizzati, ipprojbiti permezz tal-kuntratti ta' konċessjoni fis-seħħ, u mhux sabiex tillimita l-esportazzjonijiet legali lil konsumaturi finali jew lil konċessjonarji oħra.

25     Il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonstatat, fil-punt 45 tas-sentenza kkontestata, li l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni kienu bbażati fuq il-minuti tal-laqgħa tad-Direttorat tas-26 ta' Settembru 1996, li kienu jikkostitwixxu dokument finali rigward il-miżuri meħuda mill-ogħla persuni responsabbli ta' Opel Nederland.

26     Il-Qorti tal-Prim'Istanza indikat, fil-punt 47 tas-sentenza kkontestata, li t-teżi tar-rikorrenti, li Opel Nederland ippruvat biss tillimita l-esportazzjonijiet li mhumiex konformi mal-kuntratti ta' konċessjoni, mhija bl-ebda mod riflessa fil-kliem tal-minuti.

27     Fil-punt 48 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza żiedet tgħid li din l-interpretazzjoni kienet ikkonfermata permezz tal-qari ta' ċerti dokumenti interni li juru li l-persuni responsabbli ta' Opel Nederland kienu mħassba minħabba ż-żieda ta' l-esportazzjonijiet u li kienu studjaw miżuri maħsuba sabiex jillimitaw, jekk mhux saħansitra jwaqqfu, l-esportazzjonijiet kollha.

28     Il-Qorti tal-Prim'Istanza osservat ukoll, fil-punt 49 tas-sentenza kkontestata, li d-deċiżjoni meħuda minn Opel Nederland li ma tagħtix aktar bonus għal bejgħ għall-esportazzjoni setgħet, minnha nfisha, biss tirrigwarda bejgħ li huwa konformi mal-kuntratti ta' konċessjoni, minħabba li l-bonusijiet qatt ma kienu ngħataw għall-bejgħ lil destinatarji oħra ħlief lil konsumaturi finali.

29     Il-Qorti tal-Prim'Istanza żiedet, fil-punt 50 tas-sentenza kkontestata, li l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni kienet ikkorroborata mill-fatt li, fil-mument ta' l-adozzjoni tad-deċiżjoni, il-verifiki għand konċessjonarji li kienu ssuspettati li biegħu għall-esportazzjoni kienu għadhom ma sarux u mill-fatt li Opel Nederland ma setgħetx għaldaqstant tkun taf jekk il-konċessjonarji "esportaturi" kinux effettivament qablu li jbigħu lill-bejjiegħa bl-imnut mhux awtorizzati.

30     Fil-punt 56 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonstatat li l-Kummissjoni kienet ġustament ikkonkludiet li fis-26 ta' Settembru 1996, Opel Nederland kienet adottat strateġija ġenerali bil-ħsieb li timpedixxi kull esportazzjoni.

31     Fil-kuntest tat-tieni motiv tagħhom, General Motors Nederland u Opel Nederland sostnew li l-Kummissjoni kienet wettqet żball ta' fatt u ta' dritt meta kkonstatat li Opel Nederland kienet implementat politika ta' restrizzjoni tal-provvista li tmur kontra l-Artikolu 81 KE.

32     Fil-punt 88 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonstatat li ma ġiex ippruvat biżżejjed kif rikjest mil-liġi li l-miżura restrittiva ta' provvista kienet ġiet ikkomunikata lill-konċessjonarji u iktar anqas li din il-miżura kienet daħlet fil-kamp tar-relazzjonijiet kuntrattwali bejn Opel Nederland u l-konċessjonarji tagħha.

33     F'dawn iċ-ċirkustanzi l-Qorti tal-Prim'Istanza qieset li t-tieni motiv kien fondat. Għaldaqstant hija annullat d-deċiżjoni kkontestata safejn kienet ikkonstatat l-eżistenza ta' miżura restrittiva ta' provvista li tmur kontra l-Artikolu 81(1) KE.

34     Permezz tat-tielet motiv tagħhom, General Motors Nederland u Opel Nederland sostnew li l-Kummissjoni kienet wettqet żball ta' fatt u ta' dritt meta qieset li Opel Nederland kienet implementat sistema restrittiva ta' bonus lill-bejjiegħa bl-imnut li tmur kontra l-Artikolu 81 KE.

35     Fil-punt 98 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza l-ewwel nett osservat li l-esklużjoni tal-bejgħ għall-esportazzjoni mis-sistema ta' bonus, li kienet saret parti essenzjali mill-kuntratti ta' konċessjoni bejn Opel Nederland u l-konċessjonarji tagħha, kienet tikkostitwixxi ftehim fis-sens ta' l-Artikolu 81(1) KE.

36     Il-Qorti tal-Prim'Istanza mbagħad eżaminat, fil-punt 99 u l-punti ta' warajh, jekk il-miżura in kwistjoni kellhiex l-għan li tillimita l-kompetizzjoni.

37     Fil-punt 100 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza qieset li l-Kummissjoni kienet ġustament sostniet, li peress li l-bonusijiet ma kienx għadhom jingħataw għall-bejgħ għall-esportazzjoni, il-marġni ta' manuvra ekonomika li kellhom il-konċessjonarji sabiex iwettqu tali bejgħ tnaqqset meta mqabbla ma' dik li kellhom sabiex iwettqu bejgħ nazzjonali. F'dan ir-rigward, hija indikat li l-konċessjonarji kienu mġiegħla jew japplikaw kundizzjonijiet inqas favorevoli għall-klijenti barranin milli għall-klijenti nazzjonali, jew li jikkuntentaw rwieħhom b'marġni inferjuri f'każ ta' bejgħ għall-esportazzjoni. Billi twaqqfu l-bonusijiet għall-bejgħ għall-esportazzjoni, dan il-bejgħ sar, skond il-Qorti tal-Prim'Istanza, inqas interessanti għall-klijenti barranin jew għall-konċessjonarji. Il-Qorti tal-Prim'Istanza għaldaqstant qieset li l-miżura setgħet, minnha nfisha, taffettwa b'mod negattiv il-bejgħ għall-esportazzjoni, anke fin-nuqqas ta' limitazzjoni ta' provvista.

38     B'riferenza għall-evalwazzjoni ta' l-ewwel motiv, il-Qorti tal-Prim'Istanza żiedet, fil-punt 101 tas-sentenza kkontestata, li l-miżuri adottati mid-Direttorat ta' Opel Nederland kienu ġew ikkawżati miż-żieda tal-bejgħ għall-esportazzjoni u kienu maħsuba għat-tnaqqis ta' dan il-bejgħ.

39     B'kunsiderazzjoni kemm tan-natura tal-miżura kif ukoll ta' l-għanijiet li din trid tilħaq, u fid-dawl tal-kuntest ekonomiku li fih kellha tiġi applikata, il-Qorti tal-Prim'Istanza qieset, fil-punt 102 tas-sentenza kkontestata, li, skond ġurisprudenza kostanti, din il-miżura kienet tikkostitwixxi ftehim li għandu l-għan li jillimita l-kompetizzjoni (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-1 ta' Frar 1987, Miller vs Il-Kummissjoni, 19/77, Ġabra p. 131, punt 7; tat-8 ta' Novembru 1983, IAZ et vs Il-Kummissjoni, 96/82 sa 102/82, 104/82, 105/82, 108/82 u 110/82, Ġabra p. 3369, punti 23 sa 25, u tat-28 ta' Marzu 1984, CRAM u Rheinzink vs Il-Kummissjoni, 29/83 u 30/83, Ġabra p. 1679, punt 26).

40     Sussidjarjament, General Motors Nederland u Opel Nederland sostnew li l-ammenda imposta ta' EUR 43 miljun ma kinitx f'proporzjon raġonevoli mal-gravità u t-tul ta' żmien tal-ksur. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma ħaditx in kunsiderazzjoni n-nuqqas ta' intenzjoni ta' ksur, l-impatt limitat ta' dan il-ksur fuq il-kummerċ intra-Komunitarju u l-miżuri korrettivi meħuda minnufih minn Opel Nederland minn rajha.

41     Fil-punt 199 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza qieset li l-ammont bażi stabbilit ta' EUR 40 miljun, fil-każ ta' l-eżistenza tat-tliet miżuri allegati, kien jidher iġġustifikat u debitament mmotivat fid-deċiżjoni kkontestata. Madankollu l-Qorti tal-Prim'Istanza qieset, fil-punt 200 tas-sentenza kkontestata, li dan l-ammont kellu jitnaqqas meta jitqies il-fatt li l-eżistenza ta' miżura ta' provvista ma kinitx ġiet stabbilita. Fiċ-ċirkustanzi in kwistjoni, il-Qorti tal-Prim'Istanza stabbilit l-ammont bażi, għal dak li jikkonċerna l-gravità tal-ksur, għal EUR 33 miljun. Fil-punt 203 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza qieset ukoll, li ż-żieda ta' 7.5 % ta' l-ammont adottat mill-Kummissjoni fid-dawl tat-tul ta' żmien tal-ksur kienet iġġustifikata. Għaldaqstant, l-ammont ta' l-ammenda għola għal EUR 35 475 000

 Fuq l-appell

42     General Motors Nederland u Opel Nederland talbu lill-Qorti tal-Ġustizzja:

–       tannulla s-sentenza kkontestata, safejn din tikkonċerna l-allegata strateġija ġenerali ta' limitazzjoni ta' l-esportazzjonijiet kif ukoll il-politika ta' bonus ta' Opel Nederland u tikkonferma ammenda fuq dawn il-punti;

–       tannulla d-deċiżjoni kkontestata safejn din għadha ma ġietx annullata mis-sentenza kkontestata u safejn tikkonċerna l-allegata strateġija ta' l-esportazzjonijiet u l-politika ta' bonus ta' Opel Nederland u timponi ammenda fuq dawn il-punti;

–       f'kull każ, tnaqqas l-ammenda ta' EUR 35 475 000;

–       alternattivament, li tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex hija terġa' teżaminaha skond is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja;

–       tordna lill-Kummissjoni tħallas l-ispejjeż.

43     Il-Kummissjoni talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u tikkundanna lil General Motors Nederland u lil Opel Nederland ibagħtu l-ispejjeż.

44     Permezz ta' ittra ta' l-20 ta' Ġunju 2005, il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet infurmata minn General Motors Nederland u Opel Nederland bil-fatt li dawn iż-żewġ kumpanniji kienu ngħaqdu u issa kienu kumpannija waħda taħt l-isem ta' kumpannija ta' "General Motors BV" (iktar 'il quddiem "General Motors").

 Fuq l-ewwel motiv

 L-argumentazzjoni ta' General Motors

45     Permezz ta' l-ewwel motiv tagħha, General Motors ssostni li l-Qorti tal-Prim'Istanza għamlet żball ta' dritt meta kkonfermat il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li Opel Nederland kienet applikat politika ġenerali bil-għan li tillimita l-esportazzjonijiet kollha.

46     General Motors issostni, l-ewwel nett, li r-raġunament tal-Qorti tal-Prim'Istanza manifestament jagħti interpretazzjoni żbaljata tal-kliem tal-minuti tal-laqgħa tas-26 ta' Settembru 1996 li ma fih ebda riferenza għal xi strateġija ġenerali intiża sabiex tillimita l-esportazzjonijiet kollha.

47     General Motors issostni, fit-tieni lok, li l-Qorti tal-Prim'Istanza kisret l-obbligu ta' motivazzjoni meta qieset, minn naħa, billi kkunsidrat li l-Kummissjoni ma kinitx ibbażat l-allegazzjonijiet tagħha fuq id-dokumenti interni ta' Opel Nederland u, min-naħa l-oħra, billi hija nfisha strieħet, fil-fatt, fuq l-istess dokumenti sabiex tasal għall-konklużjoni ta' l-eżistenza ta' strateġija ġenerali intiża sabiex tillimita l-esportazzjonijiet kollha.

48     General Motors tqis, fit-tielet lok, li r-raġunament tal-Qorti tal-Prim'Istanza huwa ċirkulari. Hija ssostni li dan ir-raġunament jibbaża ruħu, qabel kollox, fuq il-politika ta' bonus sabiex tiġi konkluża l-eżistenza ta' strateġija ġenerali intiza sabiex tillimita l-esportazzjonijiet ta' vetturi bil-mutur u jibbaża ruħu, imbagħad, fuq l-allegata strateġija ġenerali sabiex tiġi stabbilita n-natura restrittiva ta' din il-politika ta' bonus.

49     Fl-aħħar nett, General Motors issostni li l-Qorti tal-Prim'Istanza kisret l-obbligu ta' motivazzjoni u tat interpretazzjoni żbaljata ta' l-elementi ta' prova billi affermat, fil-punt 50 tas-sentenza kkontestata, li l-intepretazzjoni tal-Kummissjoni kienet ikkorroborata mill-fatt li, waqt il-laqgħa tas-26 ta' Settembru 1996, il-verifiki għand il-konċessjonarji ma kinux għadhom saru u li Opel Nederland ma setgħetx għaldaqstant tkun taf jekk il-konċessjonarji "esportaturi" kinux fil-fatt qablu għall-bejgħ lil bejjiegħa bl-imnut mhux awtorizzati. Fil-fatt, skond General Motors, almenu verifika waħda kienet saret qabel il-laqgħa tas-26 ta' Settembru 1996. Barra minn hekk, qabel din il-laqgħa kienet ġiet indirizzata ittra lill-konċessjonarji permezz ta' liema Opel Nederland kienet talbet informazzjoni fuq ir-regolarità ta' l-attivitajiet ta' bejgħ, li madankollu ma ġietx imwieġba sodisfaċentement minnhom.

 Il-kunsiderazzjonijet tal-Qorti tal-Ġustizzja

50     Hekk kif josserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 51 tal-konklużjonijiet tiegħu, permezz ta' l-ewwel motiv tagħha General Motors qiegħda fil-fatt tipprova, , anke jekk hija tinvoka żbalji ta' motivazzjoni, tikkontesta l-evalwazzjoni tal-fatti magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza u, b'mod partikolari, tikkontesta l-valur ta' prova ta' ċerti fatti u dokumenti li wasslu lil din ta' l-aħħar għall-konklużjoni li Opel Nederland adottat strateġija ġenerali intiża sabiex timpedixxi kull esportazzjoni.

51     F'dan ir-rigward, jirriżulta mill-Artikoli 225 KE u mill-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 58 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-Qorti tal-Prim'Istanza hija l-unika li għandha l-kompetenza, minn naħa, li tikkonstata l-fatti, ħlief fil-każ fejn l-ineżatezza materjali ta' l-osservazzjonijiet tagħha tirriżulta minn dokumenti tal-fajl li ġew ippreżentati quddiemha, u, min-naħa l-oħra, li tevalwa dawn il-fatti. Ladarba l-Qorti tal-Prim'Istanza tkun ikkonstat jew evalwat il-fatti, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-kompetenza li teżerċita, skond l-Artikolu 225 KE, stħarriġ fuq l-applikazzjoni tal-liġi għal dawn il-fatti u l-konsegwenzi ta' dritt li waslet għalihom il-Qorti tal-Prim'Istanza (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tas-17 ta' Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, C-185/95 P, Ġabra p. I-8417, punt 23).

52     Għaldaqstant il-Qorti tal-Ġustizzja mhijiex kompetenti sabiex tikkonstata l-fatti u lanqas, bħala regola, sabiex teżamina l-provi li l-Qorti tal-Prim'Istanza qieset in sostenn ta' dawn il-fatti. Fil-fatt, ladarba dawn il-provi nkisbu b'mod regolari, u l-prinċipji ġenerali tal-liġi u r-regoli ta' proċedura applikabbli fir-rigward ta' l-oneru u tal-produzzjoni tal-prova ġew osservati, hija biss il-Qorti tal-Prim'Istanza li għandha tevalwa l-valur li għandu jingħata lill-elementi li ġew imressqa quddiemha (ara, b'mod partikolari, id-digriet tas-17 ta' Settembru 1996, San Marco vs Il-Kummissjoni, C-19/95 P, Ġabra p. I-4435, punt 40). Din l-evalwazzjoni għaldaqstant ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ ta' interpretazzjoni żbaljata ta' dawn l-elementi, kwistjoni ta' dritt imressqa, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja (is-sentenza Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 24).

53     Għaldaqstant, għandhom biss jiġu eżaminati l-argumenti ta' General Motors intiżi sabiex juru li l-Qorti tal-Prim'Istanza għamlet interpretazzjoni żbaljata ta' l-elementi ta' prova.

54     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li tali interpretazzjoni żbaljata għandha tidher b'mod ċar mid-dokumenti, mingħajr ma jkun meħtieġ li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi (id-digriet tad-9 ta' Lulju 2004, Fichtner vs Il-Kummissjoni, C-116/03 P, li għadu ma ġiex ippubblikat fil-Ġabra, punt 34).

55     Rigward l-argument ta' General Motors li l-Qorti tal-Prim'Istanza għamlet interpretazzjoni żbaljata tal-kliem tal-minuti tal-laqgħa tas-26 ta' Settembru 1996 billi kkonfermat li dan kien juri strateġija ġenerali intiża sabiex tillimita l-bejgħ għall-esportazzjoni, huwa paċifiku li General Motors Nederland u Opel Nederland kienu ammettew quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza li d-dokumenti li l-Kummissjoni kienet ibbażat ruħha fuqhom u, b'mod partikolari, dawn il-minuti kienu juru l-eżistenza ta' strateġija intiża sabiex tillimita l-bejgħ għall-esportazzjoni lil bejjiegħa bl-imnut mhux awtorizzati, li huma pprojbiti mill-kuntratti ta' konċessjoni.

56     Minħabba li l-minuti tas-26 ta' Settembru 1996 jsemmu diversi miżuri intiżi sabiex jillimitaw l-esportazzjonijiet, u, b'mod partikolari, l-esklużjoni tal-bejgħ għall-esportazzjoni mill-kampanji ta' bonus, mingħajr ma jagħmlu ebda distinzjoni bejn l-esportazzjoni regolari u irregolari, General Motors ma rnexxilhiex turi li l-Qorti tal-Prim'Istanza għamlet interpretazzjoni żbaljata b'mod manifest ta' dan id-dokument.

57     Rigward l-argument ta' General Motors li l-Qorti tal-Prim'Istanza għamlet interpretazzjoni żbaljata ta' l-elementi ta' prova billi tat, fil-punt 50 tas-sentenza kkontestata, ċerta importanza lill-fatt li l-verifiki kollha tal-konċessjonarji saru wara s-26 ta' Settembru 1996, biżżejjed jingħad li, f'kull każ, l-affermazzjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza f'dan il-punt 50 ma tistax tikkostitwixxi interpretazzjoni żbaljata ta' l-elementi ta' prova li tista' taffettwa l-konklużjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-eżistenza ta' strateġija ġenerali msemmija iktar 'il fuq.

58     F'dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud in parti bħala inammissibbli u in parti bħala mhux fondat.

 Fuq it-tieni motiv

 L-argumentazzjoni ta' General Motors

59     Permezz tat-tieni motiv tagħha, General Motors issostni li l-Qorti tal-Prim'Istanza għamlet żball ta' dritt meta kkonfermat l-affirmazzjoni tal-Kummissjoni li Opel Nederland implementat sistema restrittiva ta' bonus fuq il-bejgħ bl-imnut bi ksur ta' l-Artikolu 81 KE.

60     General Motors issostni, fl-ewwel lok, li ftehim jista jitqies bħala wieħed li għandu għan restrittiv fis-sens ta' l-Artikolu 81 KE biss jekk, ma' l-ewwel daqqa t'għajn, għandu manifestament bħala għan waħdieni jew bħala effett evidenti li jillimita b'mod konsiderevoli l-kompetizzjoni. Skond General Motors, il-politika ta' bonus ta' Opel Nederland ma tistax titiqies bħala tali ftehim.

61     It-tieni nett, General Motors tafferma li l-ġurisprudenza ċċitata mill-Qorti tal-Prim'Istanza, fil-punt 102 tas-sentenza kkontestata, dwar il-projbizzjonijiet ta' l-esportazzjoni jew ta' tfixkil ieħor għall-esportazzjoni, ma ssostnix il-konklużjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza li l-politika ta' bonus ta' Opel Nederland għandha tkun kwalifikata bħala ftehim li għandu għan restrittiv fis-sens ta' l-Artikolu 81 KE. Interpretazzjoni wiesgħa żżejjed ta' dan il-kunċett għandha mnejn, barra minn hekk, tikkundanna ftehim li m'għandhom ebda effett negattiv fuq il-kompetizzjoni u tmur kontra, fin-nuqqas ta' possibbiltajiet li tiġi miċħuda, il-preżunzjoni ta' innoċenza u d-dritt li wieħed jinstema'.

62     It-tielet nett, General Motors tqis li t-tqabbil magħmul mill-Qorti tal-Pim'Istanza, fil-punt 100 tas-sentenza kkontestata, bejn il-bejgħ nazzjonali u l-bejgħ għall-esportazzjoni mhux rilevanti. General Motors tindika li, peress illi l-konċessjonarji setgħu jgawdu marġni ta' profitt, b'mod indipendenti mill-ħlas tal-bonus, u l-provvista ta' vetturi ma kinitx limitata, il-politika ta' bonus ta' Opel Nederland ma naqqsitx l-interess tal-konċessjonarji Olandiżi li jesportaw matul il-kampanji ta' bonus. F'kull każ, General Motors issostni li, safejn il-kundizzjonijiet ekonomiċi tal-bejgħ nazzjonali fl-Olanda u l-bejgħ għall-esportazzjoni huma differenti ħafna, fid-dawl b'mod partikolari ta' l-ammont għoli tat-taxxa Olandiża fuq il-vetturi, l-esklużjoni tal-bejgħ għall-esportazzjoni tal-kampanji ta' bonus mhux bilfors twassal għal żieda fil-prezzijiet jew għal tnaqqis tal-marġni ta' bejgħ għall-esportazzjoni meta mqabbla mal-bejgħ nazzjonali.

63     Ir-raba' nett, General Motors issostni li, fil-punt 101 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza bbażat ruħha inġustament fuq l-intenzjoni ta' Opel Nederland sabiex tasal għall-konklużjoni ta' l-eżistenza ta' ftehim li għandu għan restrittiv fis-sens ta' l-Artikolu 81 KE. Issa, l-għan ta' ftehim fis-sens ta' dan l-Artikolu 81 KE għandu jiġi evalwat oġġettivament, u mhux b'riferenza għall-intenzjoni suġġettiva ta' parti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

64     Rigward l-ewwel parti ta' dan il-motiv, biżżejjed jiġi kkonstatat, hekk kif jgħid l-Avukat Ġenerali fil-punt 67 tal-konklużjonijiet tiegħu, li, bil-kontra ta' dak li tallega General Motors, ftehim jista' jitqies li għandu għan restrittiv anke jekk m'għandux bħala għan waħdieni li jillimita l-kompetizzjoni imma għandu għanijiet oħra li huma leġittimi (ara s-sentenzi tat-13 ta' Lulju 1966, Consten u Grundig vs Il-Kummissjoni, 56/64 u 58/64, Ġabra p. 429, 496; IAZ et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 25; tat-8 ta' Lulju 1999, Montecatini vs Il-Kummissjoni, C-235/92 P, Ġabra p. I-4539, punt 122, u tal-15 ta' Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, C-238/99 P, C-244/99 P, C-245/99 P, C-247/99 P, C-250/99 P sa C-252/99 P u C-254/99 P, Ġabra p. I-8375, punt 491).

65     Minn dan jirriżulta li l-ewwel parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

66     Rigward it-tieni parti tat-tieni motiv, jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata, fil-punt 102 tas-sentenza kkontestata, hekk kif tfakkar ġustament il-Qorti tal-Prim'Istanza f'dan il-punt, li għandhom jitqiesu mhux biss it-termini ta' ftehim, iżda wkoll fatturi oħra, bħalma huma l-għanijiet li l-ftehim fih innifsu jrid jilħaq, fid-dawl tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku, sabiex jiġi stabbilit jekk ftehim għandux għan restrittiv fis-sens ta' l-Artikolu 81 KE.

67     Minkejja li l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 102 tas-sentenza kkontestata tikkonċerna projbizzjonijiet ta' esportazzjoni jew restrizzjonijiet simili, minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li ftehim fil-qasam ta' distribuzzjoni għandu għan restrittiv fis-sens ta' l-Artikolu 81 KE jekk huwa juri biċ-ċar ir-rieda li l-bejgħ għall-esportazzjoni jiġi trattat b'mod inqas favorevoli mill-bejgħ nazzjonali u b'hekk iwassal għal taqsim tas-suq in kwistjoni (ara, b'mod partikolari, f'dan is-sens, is-sentenza IAZ, iċċitata iktar 'il fuq, punt 23).

68     Hekk kif isostni l-Avukat Ġenerali fil-punt 72 tal-konklużjonijiet tiegħu, tali għan jista' jintlaħaq mhux biss permezz ta' restrizzjonijiet diretti għall-esportazzjonijiet iżda wkoll permezz ta' miżuri indiretti, bħal dawk in kwistjoni f'din il-kawża, jekk huma jaffettwaw il-kundizzjonijiet ekonomiċi ta' dawn it-tranżazzjonijiet.

69     Għaldaqstant jidher li l-Qorti tal-Prim'Istanza setgħet issostni r-raġunament tagħha billi tirreferi għall-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 102 tas-sentenza kkontestata.

70     F'dawn iċ-ċirkustanzi, din is-sentenza kkontestata lanqas ma tista' titqies bħala waħda li fiha definizzjoni wiesgħa żżejjed tal-kunċett ta' ftehim li għandu għan restrittiv fis-sens ta' l-Artikolu 81 KE, bi ksur tal-preżunzjoni ta' innoċenza jew tad-dritt li wieħed jinstema'.

71     Għaldaqstant it-tieni parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

72     Rigward imbagħad it-tielet parti tat-tieni motiv, għandu jingħad li, skond ġurisprudenza kostanti, sabiex jiġi evalwat jekk ftehim għandux jitqies bħala pprojbit minħabba alterazzjonijiet fil-kompetizzjoni li jirriżultaw minnu, għandha tiġi eżaminata l-kompetizzjoni fil-kuntest reali li fih tiżvolġi fin-nuqqas tal-ftehim ikkontestat (ara s-sentenzi tat-28 ta' Mejju 1998, Deere vs Il-Kummissjoni, C-7/95 P, Ġabra p. I-3111, punt 76, u New Holland Ford vs Il-Kummissjoni, C-8/95 P, Ġabra p. I-3175, punt 90).

73     Hekk kif josserva l-Avukat Ġenerali, fil-punt 74 tal-konklużjonijiet tiegħu, f'sitwazzjoni bħal dik fil-kawża preżenti, għandu jiġi eżaminat l-aġir tal-konċessjonarji Olandiżi u s-sitwazzjoni ta' kompetizzjoni fis-suq in kwistjoni, fil-każ li l-bejgħ għall-esportazzjoni ma jkunx ġie eskluż mill-politika ta' bonusijiet.

74     Jidher li l-Qorti tal-Prim'Istanza fil-fatt għamlet tali eżami billi kkonstatat, b'mod partikolari, fil-punt 100 tas-sentenza kkontestata, li peress li l-bonusijiet ma kinux għadhom jingħataw għall-bejgħ għall-esportazzjoni, il-marġni ta' manuvra ekonomika tal-konċessjonarji sabiex iwettqu tali bejgħ ġiet imnaqqsa meta mqabbla ma' dik li kellhom sabiex iwettqu bejgħ nazzjonali.

75     Il-fatt li l-bejgħ nazzjonali fl-Olanda u l-bejgħ għall-esportazzjoni, fin-nuqqas ta' armonizzazzjoni fiskali, mhumiex suġġetti għal kundizzjonijiet identiċi ma jaffettwax din il-konklużjoni.

76     Għaldaqstant, it-tielet parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda bħala mhux fondata.

77     Fl-aħħar nett, rigward ir-raba' parti tat-tieni motiv, li l-Qorti tal-Prim'Istanza għamlet żball, fil-punt 101 tas-sentenza kkontestata, billi bbażat ruħha fuq l-intenzjoni ta' Opel Nederland li tillimita l-kompetizzjoni, għandu jingħad li l-prova ta' din l-intenzjoni mhix element neċessarju sabiex jiġi stabbilit jekk ftehim għandu bħala għan tali restrizzjoni (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar 'il fuq, Miller vs Il-Kummissjoni, punt 18, kif ukoll CRAM u Rheinzink vs Il-Kummissjoni, punt 26).

78     Min-naħa l-oħra, anke jekk l-intenzjoni tal-partijiet mhix element neċessarju sabiex tiġi stabbilita n-natura restrittiva ta' ftehim, xejn ma jimpedixxi lill-Kummissjoni jew lill-qrati Komunitarji milli jieħdu in kunsiderazzjoni din l-intenzjoni (ara, f'dan is-sens, is-sentenza IAZ et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punti 23 sa 25).

79     Minn dan jirriżulta, hekk kif josserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 79 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-Qorti tal-Prim'Istanza setgħet b'mod leġittimu tibbaża ruħha wkoll fuq l-intenzjonijiet ta' Opel Nederland sabiex tistabbilixxi jekk l-esklużjoni tal-bejgħ għall-esportazzjoni tas-sistema ta' bonus kellhiex għan restrittiv fis-sens ta' l-Artikolu 81 KE.

80     Għaldaqstant ir-raba' parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda u, konsegwentement, dan il-motiv kollu.

 Fuq it-tielet motiv

 L-argumentazzjoni ta' General Motors

81     General Motors issostni li l-Qorti tal-Prim'Istanza għamlet żball ta' dritt meta kkonfermat, essenzjalment, il-kalkolu ta' l-ammenda magħmul mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

82     Hija tqis, l-ewwel nett, li l-motivazzjoni tas-sentenza kkontestata rigward l-ammenda tikser l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, għaliex hija bbażata fuq konklużjonijiet żbaljati rigward l-eżistenza ta' l-allegata strateġija ġenerali tintuża sabiex tillimita l-esportazzjonijiet u rigward il-konformità tal-politika ta' bonus ma' l-Artikolu 81 KE.

83     It-tieni nett, General Motors issostni li l-Qorti tal-Prim'Istanza għamlet żball ta' dritt u tat interpretazzjoni żbaljata ta' l-elementi ta' prova meta qieset li l-azzjonijiet ta' Opel Nederland ma kinux jikkostitwixxu waqfa mill-ksur ma' l-ewwel interventi tal-Kummissjoni.

84     It-tielet nett, General Motors issostni li f'diversi każijiet oħra, il-Kummissjoni ammettiet li t-twaqqif minnufih ta' ksur huwa ċirkustanza attenwanti, li tiġġustifika tnaqqis ta' l-ammenda. B'mod partikolari hija tirreferi għad-deċiżjoni 2002/405/KE tal-Kummissjoni, ta' l-20 ta' Ġunju 2001 rigward proċedura ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 82 tat-Trattat KE (kawża COMP/E-2/36.041/PO, - Michelin) (ĠU 2002, L 143, p. 1), li fiha t-twaqqif tal-ksur, li seħħ qabel il-komunikazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet, iżda tliet snin wara l-bidu ta' l-investigazzjoni u sena u nofs wara li l-Kummissjoni kienet għamlet spezzjonijiet fuq il-post, ta lok "għall-ċirkustanzi attenwanti".

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

85     L-ewwel nett, għandu jingħad, li l-ewwel parti ta' dan it-tielet motiv hija marbuta direttament ma' l-argumenti mqajma minn General Motors sabiex issostni l-ewwel żewġ motivi li jgħidu li l-iskema ta' bonus ma tikkostitwixxix ksur ta' l-Artikolu 81 KE. Peress li dawn l-argumenti ġew miċħuda fil-kuntest ta' l-eżami ta' dawn il-motivi, l-ewwel parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda.

86     Rigward it-tieni u t-tielet partijiet tat-tielet motiv, għandu jiġi mfakkar li l-linji gwida għall-kalkolu ta' l-ammendi imposti b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u ta' l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA, jipprevedu tnaqqis ta' l-ammont bażi ta' l-ammenda għal ċirkustanzi attenwanti bħat-twaqqif tal-ksur ma' l-ewwel interventi tal-Kummissjoni.

87     Huwa paċifiku li Opel Nederland waqqfet l-iskema ta' bonus biss fl-20 ta' Jannar 1998, jiġifieri aktar minn sena wara l-ewwel interventi tal-Kummissjoni.

88     F'dawn iċ-ċirkustanzi, u anke jekk il-Kummissjoni kienet naqqset l-ammenda f'sitwazzjoni simili, il-Qorti tal-Prim'Istanza setgħet ġustament tikkonstata, fil-punt 204 tas-sentenza kkontestata, li l-Kummissjoni ma kellhiex l-obbligu tqis ċirkustanzi attenwanti fid-deċiżjoni kkontestata.

89     Għaldaqstant it-tieni u t-tielet partijiet tat-tielet motiv, u konsegwentement dan il-motiv kollu, għandhom jiġu miċħuda.

90     Peress li ebda wieħed mill-motivi mqajma minn General Motors sabiex issostni l-appell tagħha mhuwa fondat, dan l-appell għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

91     Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta' appell skond l-Artikolu 118 ta' l-istess Regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li General Motors tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta' u tiddeċiedi li:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      General Motors hija ordnata tbati l-ispejjeż.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.