Language of document : ECLI:EU:C:2006:431

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

29 ta' Ġunju 2006 (*)

"Appell – Kompetizzjoni – Akkordju – Elettrodi tal-grafita – Artikolu 81(1) KE – Multi – Linji gwida għall-kalkolu ta’ l-multi – Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni – Prinċipju ta’ non bis in idem"

Fil-kawża C-289/04 P,

li għandha bħala suġġett appell skond l-Artikolu 56 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, imressaq fit-30 ta’ Lulju 2004,

Showa Denko KK, stabbilita f'Tokyo (il-Ġappun), irrappreżentata minn M. Dolmans u P. Werdmuller, advocaten, kif ukoll minn J. Temple-Lang, solicitor,

rikorrenti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn P. Hellström u H. Gading, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta fl-ewwel istanza,

Tokai Carbon Co. Ltd, stabbilita f'Tokyo,

SGL Carbon AG, stabbilita f'Wiesbaden (il-Ġermanja),

Nippon Carbon Co. Ltd, stabbilita f'Tokyo,

GrafTech International Ltd, li preċedentement kienet UCAR International Inc., stabbilita f'Wilmington (l-Istati Uniti),

SEC Corp., stabbilita f'Amagasaki (il-Ġappun),

The Carbide/Graphite Group Inc., stabbilita f'Pittsburgh (l-Istati Uniti),

konvenuti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C.W.A. Timmermans, President ta’ l-Awla, R. Silva de Lapuerta (Relatur), P. Kūris, G. Arestis u J. Klučka, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: L. A. Geelhoed,

Reġistratur: K. Sztranc, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Settembru 2005,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-19 ta’ Jannar 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz ta’ l-appell tagħha, il-kumpannija Showa Denko KK (iktar ‘il quddiem "SDK") titlob l-annullament parzjali tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej, tad-29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni (T-236/01, T-239/01, T-244/01 sa T-246/01, T-251/01 u T-252/01, Ġabra p. II-1181, iktar ’il quddiem is-"sentenza kkontestata"), f'dak illi hija tiffissa għal EUR 10 440 000 l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/271/KE tat-18 ta’ Lulju 2001, rigward proċedura ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81 tat-Trattat KE u ta’ l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE – Kawża COMP/E-1/36.490 – Elettrodi tal-grafita (ĠU 2002, L 100, p. 1, iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata").

 Il-kuntest ġuridiku

 Ir-Regolament Nru 17

2        L-Artikolu 15 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat (ĠU 1962, 13, p. 204), jipprovdi li:

"1.      Il-Kummissjoni tista’ perme[zz] ta’ deċiżjoni timponi fuq l-impriżi jew assoċjazzjonijiet ta’ impriżi multi minn 100 sa 5000 unit[à] ta’ rendikont fejn, intenzjonalment jew b’negliġenza:

[…]

b)      dawn ifornu informazzjoni skorretta fir-risposta għat-talba magħmula skond l-Artikolu 11(3) jew (5), […]

[…]

2.      Il-Kummissjoni tista’ perme[zz] ta’ deċiżjoni timponi fuq l-impriżi jew assoċjazzjonijiet ta’ [i]mpriżi multi minn 1000 sa 1000000 unit[à] ta’ rendikont, jew somma li taqbeż dan iżda li ma taqbiżx 10 % ta[d-dħul mill-bejgħ] fis-sena ta’ negozju preċedenti ta’ kull impriża li tkun qed tipparteċipa fil-ksur fejn, jew intenzjonalment jew b’negliġenza:

a)      dawn jiksru l-Artikolu [81](1) jew l-Artikolu [82] tat-Trattat, […]

[…]

Fl-iffissar ta’ l-ammont tal-multa, għandhom jiġu kkonsidrati kemm il-gravit[à] kif ukoll id-dewmien tal-ksur.

[...]"

 Il-linji gwida

3        Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata "Linji […] gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi [i]mposti skond l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA" (ĠU 1998, C 9, p. 3, iktar ‘il quddiem il-"linji gwida") tipprovdi fil-preambolu tagħha li:

"Il-prinċipji indikati hawnhekk għandhom jiżguraw [i]t-trasparenza u l-imparzjalità tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, f’għajnejn kemm ta’ l-impriżi kif ukoll tal-Qorti tal-Ġustizzja, waqt li tinżamm id-diskrezzjoni li hi mogħtija lill-Kummissjoni skond il-leġislazzjoni rilevanti biex tistabbilixxi multi fil-limitu ta’ 10 % ta[d-dħul mil]l-bejgħ totali. Din id-diskrezzjoni għandha, mandankollu, issegwi politika koerenti u mhux diskriminatorja li hi konsistenti ma’ l-għanijiet segwiti fil-penalizazzjoni tal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni.

Il-metodu l-ġdid li jistabbilixxi l-ammont ta’ multa se jkun ibbażat fuq ir-regoli li ġejjin, li jibdew minn ammont bażiku li jiżdied biex jieħdu f’konsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi aggravati jew [jitnaqqsas] biex jieħdu f’konsiderazzjoni ċirkustanzi li jiskużaw il-gravità."

 Il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali

4        L-Artikolu 4 tas-Seba' Protokoll tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, jipprovdi dan li ġej:

"Id-dritt li persuna ma tiġix ipproċessata jew ikkastigata darbtejn

Ħadd ma jista’ jkun ipproċessat jew jerġa’ jiġi kkastigat għal darb’oħra fi proċedimenti kriminali taħt il-ġurisdizzjoni ta’ l-istess Stat għal xi reat li dwaru jkun diġà ġie finalment liberat jew misjub ħati skond il-liġi u l-proċedura penali ta’ dak l-Istat.

Id-dispo[ż]izzjonijiet tal-paragrafu preċedenti ma għandhomx iżommu milli l-każ jerġa’ jinfetaħ skond il-liġi u l-proċedura penali ta’ l-Istat in kwistjoni, jekk ikun hemm provi ta’ xi fatti ġodda jew li jkunu għadhom kif ġew żvelati, jew inkella jekk ikun [h]emm xi vizzju fondamentali fil-proċedimenti ta’ qabel, li jista’ jkollhom effett fuq kif jiżvolġi l-każ.

Ebda deroga minn dan l-Artikolu ma għandha ssir taħt l-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni."

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

5        Fis-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet sintesi tal-fatti li wasslu għall-kawża mressqa quddiemha fit-termini li ġejjin:

"1      Permezz tad-Deċiżjoni 2002/271/KE […], il-Kummissjoni [tal-Komunitajiet Ewropej] kkonstatat il-parteċipazzjoni ta’ impriżi differenti f'sensiela ta’ ftehim u prattiċi miftiehma, skond l-Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea [tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU 1994, L 1, p. 3, iktar ’il quddiem il-'Ftehim ŻEE')], fis-settur ta’ l-elettrodi tal-grafita.

2      L-elettrodi tal-grafita huma użati prinċipalment għall-produzzjoni ta’ l-azzar fi fran b’ark elettriku. Il-produzzjoni ta’ azzar permezz ta’ dawn il-fran jikkonsisti essenzjalment fi proċess ta’ riċiklaġġ li permezz tiegħu skart ta’ l-azzar huwa kkonvertit f’azzar ġdid, kuntrarjament għall-proċedura klassika tal-produzzjoni minn mineral tal-ħadid fil-fran sħan ħafna bl-ossiġenu. Disa’ elettrodi, miġbura f'kolonni ta’ tlieta, huma użati fil-forn elettriku biex jiddewweb ir-ruttam. Minħabba l-intensità tal-proċess ta’ fużjoni, il-konsum ta’ elettrodi jammonta għal madwar unità waħda kull tmien sigħat. Iż-żmien mitlub għall-produzzjoni ta’ elettrodu huwa ta’ madwar xahrejn. L-ebda prodott ma huwa sostitwibbli għall-elettrodi ta’ grafita fil-kuntest ta’ dan il-proċess ta’ produzzjoni.

3      Id-domanda għal elettrodi tal-grafita hija direttament marbuta mal-produzzjoni ta’ l-azzar fi fran b’ark elettriku. Il-klijenti prinċipali huma l-produtturi ta’ l-azzar, li jirrappreżentaw madwar 85% tad-domanda. Fl-1998, il-produzzjoni dinjija ta’ l-azzar mhux raffinat kienet ta' 800 miljun tunnellata, li minnhom 280 miljun tunnellata ġew prodotti fi fran b’ark elettriku […]

[…]

5      Fis-snin 80, titjib teknoloġiku ppermetta tnaqqis sostanzjali tal-konsum ta’ l-elettrodi għak kull tunnellata ta’ azzar prodott. L-industrija ta’ l-azzar ukoll għaddiet minn proċess importanti ta’ ristrutturazzjoni matul dan il-perijodu. It-tnaqqis fid-domanda għall-elettrodi ta lok għal proċess ta’ ristrutturazzjoni ta’ l-industrija dinjija ta’ l-elettrodi. Numru ta’ fabbriki ngħalqu.

6      Fl-2001, disa’ produtturi tal-Punent fornew is-suq Ewropew b’elettrodi tal-grafita […]

7      Skond l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 17 […], uffiċjali tal-Kummissjoni, fil-5 ta’ Ġunju 1997, ipproċedew mingħajr avviż għal verifiki simultanji fl-uffiċċji ta’ [ċerti produtturi ta' elettrodi tal-grafita].

8      Fl-istess ġurnata, aġenti tal-Federal Bureau of Investigation (FBI) ipproċedew, fl-Istati Uniti, għall-perkwiżizzjoni ta’ l-uffiċċji ta’ numru ta’ produtturi. Wara dawn il-perkwiżizzjonijiet, inbdew proċedimenti kriminali kontra […] SDK […] għal akkordji illegali. L-akkużati kollha ddikjaraw ruħhom ħatja ta' l-akkużi kontrihom u aċċettaw li jħallsu multi, [stabbiliti] għal USD 32.5 miljun għal SDK […]

[…]

10      Inbdew proċeduri ċivili għal triple damages kontra […] SDK fl-Istati Uniti, f’isem grupp ta’ xerrejja.

11      […] Inbdew proċeduri ċivili kontra […] SDK minn produtturi ta’ l-azzar fil-Kanada f’Ġunju 1998 għal akkordji illegali.

12      Il-Kummissjoni bagħtet, fl-24 ta’ Jannar 2000, dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet lill-impriżi kkonċernati. Il-proċedura amministrattiva wasslet għall-adozzjoni, fit-18 ta’ Lulju 2001, tad-deċiżjoni [kkontestata], li takkuża lill-impriżi rikorrenti […] li pproċedew, fuq livell dinji, għall-iffissar ta’ prezzijiet kif ukoll għal tqassim tas-swieq nazzjonali u reġjonali tal-prodott in kwistjoni skond il-prinċipju tal-'produttur tas-suq domestiku’: [...] SDK [...] [kienet responsabbli] għall-Ġappun u għal ċerti partijiet tal-Lvant Imbiegħed […]

13      Dejjem skond id-deċiżjoni [kkontestata], il-prinċipji bażiċi ta’ l-akkordji kienu dawn li ġejjin:

–        il-prezzijiet ta’ l-elettrodi tal-grafita jridu jkunu stabbiliti fuq livell dinji;

–        id-deċiżjonijiet dwar il-prezzijiet ta’ kull kumpannija jridu jittieħdu esklużivament mill-president jew mid-diretturi ġenerali;

–        il-'produttur tas-suq domestiku' jrid jistabbilixxi prezz tas-suq fit- 'territorju' tiegħu u l-produtturi l-oħra 'jsegwuh';

–        f’dak li jirrigwarda s-swieq 'mhux domestiċi', jiġifieri s-swieq li fihom l-ebda produttur 'tas-suq domestiku' ma huwa preżenti, il-prezzijiet ikunu stabbiliti bi ftehim;

–        il-produtturi 'mhux domestiċi' ma jistgħu jeżerċitaw l-ebda kompetizzjoni agressiva u għandhom jirtiraw mis-swieq 'domestiċi' ta’ l-oħrajn;

–        il-kapaċità m’għandhiex tiżdied (il-produtturi Ġappuniżi suppost kellhom inaqqsu tagħhom);

–        l-ebda trasferiment ta’ teknoloġija ma għandu jseħħ barra miċ-ċirku tal-produtturi li qed jipparteċipaw fl-akkordju.

14      Id-deċiżjoni [kkontestata] tkompli billi turi li dawn il-prinċipji bażiċi ġew implementati permezz ta’ laqgħat ta’ l-akkordju li seħħew fuq livelli differenti: laqgħat 'tas-sidien', laqgħat 'ta’ ħidma', laqgħat tal-grupp tal-produtturi Ewropej (mingħajr l-impriżi Ġappuniżi), laqgħat nazzjonali jew reġjonali ddedikati għal swieq speċifiċi u kuntatti bilaterali bejn l-impriżi.

[…]

16      Fuq il-bażi tal-konstatazzjonijiet fattwali u tal-kunsiderazzjonijiet legali magħmula fid-deċiżjoni [kkontestata], il-Kummissjoni imponiet fuq l-impriżi kkonċernati l-multi li l-ammont tagħhom kien ikkalkulat skond il-metodoloġija spjegata fil-linji gwida għall-ikkalkular tal-multi imposti b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u ta’ l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA […] kif ukoll tal-komunikazzjoni li tirrigwarda n-nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ multi jew tnaqqis tagħhom fil-kawżi li jirrigwardaw akkordji […]

17      L-Artikolu 3 tal-parti operattiva tad-deċiżjoni [kkontestata] jimponi l-multi li ġejjin:

[…]

SDK: EUR 17,4 miljun;

[…]

18      L-Artikolu 4 tal-parti operattiva jordna lill-impriżi kkonċernati jħallsu l-multi fi tliet xhur mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni [kkontestata], u fin-nuqqas tiġi applikata rata ta' interessi ta’ 8.04 %."

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u s-sentenza kkontestata

6        SDK u impriżi oħrajn destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata ressqu rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni.

7        Permezz tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet b’mod partikolari li:

"[…]

4) Fil-kawża T-245/01, Showa Denko vs Il-Kummissjoni:

–        l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti permezz ta’ l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2002/271 huwa stabbilit għal EUR 10 440 000;

–        il-bqija tar-rikors huwa miċħud;

[…]"

 It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

8        SDK titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex:

–        tannulla parzjalment is-sentenza kkontestata;

–        tnaqqas għas-somma ta' EUR 6 960 000 il-multa imposta fuqha jew tnaqqasha b'somma li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra xierqa fl-eżerċizzju tad-diskrezzjoni tagħha;

–        tieħu kull miżura oħra li l-Qorti tal-Ġustizzja tqies xierqa;

–        tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

9        Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex:

–        tiċħad l-appell;

–        tordna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Fuq l-appell

10      SDK tinvoka erba' raġunijiet in sostenn ta' l-appell tagħha, jiġifieri l-iżball fit-teħid in kunsiderazzjoni ta' "multiplikatur ta' dissważjoni" ibbażat fuq id-dħul mill-bejgħ dinji, l-applikazzjoni żbaljata tal-kriterji dwar id-determinazzjoni tal-"multiplikatur ta' dissważjoni", żball ta' dritt u nuqqas ta' motivazzjoni fir-rigward tat-teħid in kunsiderazzjoni tal-multi u ta' l-obbligi imposti fuq ir-rikorrenti fi Stati terzi kif ukoll ksur tad-drittijiet fundamentali tar-rikorrenti għal smigħ xieraq.

 Fuq l-ewwel raġuni dwar l-applikazzjoni ta' "multiplikatur ta' dissważjoni", ibbażat fuq id-dħul mill-bejgħ dinji

L-argumenti tal-partijiet

11      SDK issostni li d-daqs ta' l-impriża kif ukoll id-dħul mill-bejgħ dinji tagħha, u mhux dak magħmul bis-saħħa tal-prodotti kkonċernati bil-ftehim bejn il-partijiet fl-akkordju, kienu diġà ttieħdu in kunsiderazzjoni mill-Kummissjoni meta hija stabbiliet it-tliet kategoriji ta' multi bażiċi li kellha l-intenzjoni timponi fuq l-impriżi in kwistjoni. Għaldaqstant, dawn il-fatturi ma setgħux jiġġustifikaw żieda supplementari speċifika fil-multa. Barra minn hekk, il-"multiplikatur ta' dissważjoni" jista' jiġi impost biss għal raġunijiet ta' dissważjoni.

12      SDK issostni li l-Qorti tal-Prim'Istanza, fil-punti 241, 242 u 370 tas-sentenza kkontestata, naqset milli tispjega t-teorija skond liema d-dħul mill-bejgħ dinji, magħmul u mhux dak miksub bis-saħħa tal-ftehim bejn l-impriżi għandu jittieħed in kunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-"multiplikatur ta' dissważjoni". Il-Qorti tal-Prim'Istanza tagħmel numru ta' kunsiderazzjonijiet li ma jidhrux fil-linji gwida u li l-ebda waħda minnhom ma tirrigwarda l-element ta' dissważjoni.

13      Il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti tal-Prim'Istanza kienet korretta meta ddeċidiet, fil-punti 241 u 242 tas-sentenza kkontestata, li l-multa imposta fuq ir-rikorrenti setgħet tkun ibbażata fuq id-dħul mill-bejgħ dinji tagħha.

14      Il-Kummissjoni tfakkar li l-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet li l-impriżi l-kbar jiddisponu, ġeneralment, minn riżorsi ekonomiċi superjuri u minn għarfien aħjar tad-dritt tal-kompetizzjoni mill-impriżi ta' daqs iżgħar. Il-Qorti tal-Prim'Istanza invokat għalhekk ir-regola li tgħid li ksur imwettaq minn impriża li tiddisponi minn riżorsi finanzjarji sostanzjali jista', bħala regola, jiġi sanzjonat b'multa proporzjonali iktar għolja minn dik imposta fuq impriża li wettqet l-istess ksur iżda li ma tiddisponix minn tali riżorsi.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

15      Qabel kollox, għandu jiġi enfasizzat li, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 24 u 34 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-dħul mill-bejgħ fuq livell dinji ttieħed in kunsiderazzjoni mill-Kummissjoni biss għall-iffissar tal-"multiplikatur ta' dissważjoni". Min-naħa l-oħra, għall-iffissar ta' l-ammont bażiku tal-multa, il-Kummissjoni ħadet in kunsiderazzjoni biss id-dħul mill-bejgħ dinji għall-prodotti koperti mill-akkordju.

16      Għal dak li jirrigwarda l-kunċett ta' "dissważjoni", għandu jiġi mfakkar li dan jikkostitwixxi wieħed mill-elementi li għandu jittieħed in kunsiderazzjoni fil-kalkolu ta' l-ammont tal-multa. Jirriżulta minn ġurisprudenza kostanti (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tas-7 ta' Ġunju 1983, Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punti 105 u 106) li l-multi imposti minħabba ksur ta' l-Artikolu 81 KE u previsti fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 huma intiżi sabiex jissanzjonaw l-atti illegali ta' l-impriżi kkonċernati kif ukoll sabiex jiskuraġġixxu kemm l-impriżi in kwistjoni kif ukoll negozjanti oħrajn milli jiksru, fil-futur, ir-regoli tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni. Għaldaqstant, meta l-Kummissjoni tikkalkula l-ammont tal-multa, tista' tieħu in kunsiderazzjoni, b'mod partikolari, id-daqs u s-saħħa ekonomika ta' l-impriża kkonċernata (ara s-sentenza Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punti 119 sa 121).

17      Għandu jingħad ukoll li, kif sostniet il-Qorti tal-Prim'Istanza fil-punt 239 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat b'mod partikolari r-rilevanza tat-teħid in kunsiderazzjoni tad-dħul mill-bejgħ globali ta' kull impriża li qed tipparteċipa fl-akkordju sabiex jiġi ffissat l-ammont tal-multa (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta' Novembru 2000, Sarrió vs Il-Kummissjoni, C-291/98 P, Ġabra p. I-9991, punti 85 u 86, u ta' l-14 ta' Lulju 2005, Acerinox vs Il-Kummissjoni, C-57/02 P, Ġabra p. I-6689, punti 74 u 75).

18      F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Prim'Istanza kienet ġustifikata meta ddeċidiet, fil-punt 241 tas-sentenza kkontestata, li r-rikorrenti, minħabba d-dħul mill-bejgħ dinji "enormi" tagħha meta mqabbel ma' dak tal-partijiet l-oħra fl-akkordju, setgħet iktar faċilment issib il-fondi neċessarji sabiex tħallas il-multa, liema fatt jiġġustifika, fid-dawl ta' l-effett dissważiv biżżejjed ta' din ta' l-aħħar, l-applikazzjoni ta' multiplikatur.

19      Għaldaqstant, l-ewwel raġuni mressqa minn SDK għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni raġuni dwar l-applikazzjoni tal-"multiplikatur ta' dissważjoni"

20      SDK issostni li l-Qorti tal-Prim'Istanza ma tat ebda kriterju rilevanti li jista' jiġġustifika l-mod kif ġie applikat il-"multiplikatur ta' dissważjoni" fir-rigward tar-rikorrenti. Din it-tieni raġuni hija maqsuma f'erba' partijiet.

 L-ewwel parti: kriterji għaż-żieda fil-multi

–       L-argumenti tal-partijiet

21      SDK issostni li l-multi kellhom jiżdiedu għal skopijiet ta' dissważjoni b'moderazzjoni u biss għal raġunijiet rilevanti. Fil-fatt, f'din il-kawża, jeżistu cirkustanzi partikolari li jiġġustifikaw multa ta' ammont inferjuri għal dik imposta.

22      Il-Kummissjoni tenfasizza li l-effett dissważiv ta' multa u l-possibbiltà li jiġi applikat multiplikatur huma intiżi, b'mod partikolari, sabiex jimpedixxu lil impriżi oħrajn milli jiksru, fil-futur, ir-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni. Għaldaqstant, il-karattru dissważiv ta' multa ma jistax jiġi ddeterminat biss mis-sitwazzjoni speċifika ta' l-impriża kkonċernata.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

23      Għandu jiġi msemmi li, kif jirriżulta minn ġurisprudenza kostanti u mill-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali (ara l-punti 53 sa 55 ta' dawn), il-multa imposta fuq impriża tista' tiġi kkalkulata billi jiġi inkluż fattur ta' dissważjoni u li dan il-fattur huwa evalwat billi jittieħdu in kunsiderazzjoni varji elementi, u mhux biss is-sitwazzjoni speċifika ta' l-impriża kkonċernata.

24      Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim'Istanza evalwat, mingħajr ma wettqet żball ta' dritt, fil-punti 241 sa 243 tas-sentenza kkontestata, il-kriterji li abbażi tagħhom l-Kummissjoni kienet stabbiliet il-"multiplikatur ta' dissważjoni" li ġie applikat lill-multa imposta fuq ir-rikorrenti.

25      Għaldaqstant, l-ewwel parti ta' din ir-raġuni ma tistax tiġi milqugħa.

 It-tieni parti: "Identifikazzjoni ta' impriża għal skopijiet ta' "dissważjoni"

–       L-argumenti tal-partijiet

26      SDK issostni li l-Qorti tal-Prim'Istanza ma esponietx iċ-ċirkustanzi li jippermettu li r-rikorrenti tiġi identifikata bl-għan li tiġi imposta fuqha żieda fil-multa għal skopijiet ta' dissważjoni. Fil-fatt, in-neċessità li tiġi identifikata impriża għal dan l-iskop għandha tiġi evalwata fid-dawl ta' l-aġir speċifiku tagħha u mhux tad-daqs tagħha.

27      Il-Kummissjoni tosserva li l-Qorti tal-Prim'Istanza kkunsidrat korrettament iċ-ċirkustanzi tar-rikorrenti li servew biex jiġi ffissat l-ammont tal-multa għal skopijiet ta' dissważjoni. F'dan il-każ, id-daqs u s-saħħa ta' l-impriża kkonċernata jikkostitwixxu elementi rilevanti li għandhom jiġu kkunsidrati.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

28      Qabel kollox, għandu jiġi mfakkar li huwa legalment stabbilit fil-punti 241 sa 247 tas-sentenza kkontestata li l-Kummissjoni kkunsidrat iċ-ċirkustanzi tar-rikorrenti fil-kuntest tal-kunsiderazzjonijiet tagħha dwar iż-żieda fil-multa għal skopijiet ta' dissważjoni.

29      Għandu jiġi osservat ukoll li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-daqs ta' l-impriża kkonċernata jikkostitwixxi wieħed mill-fatturi li jistgħu jiġu kkunsidrati għall-kalkolu tal-multa u, għalhekk, għall-iffissar tal-"multiplikatur ta' dissważjoni" (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, u tat-28 ta' Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C-189/02 P, C-202/02 P, C-205/02 P sa C-208/02 P u C-213/02 P, Ġabra p. I-5425, punti 242 u 243).

30      Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim'Istanza ma wettqitx żball ta' dritt meta ddeċidiet, fil-punt 242 tas-sentenza kkontestata, li r-rikorrenti kienet invokat parametri ipotetiċi u inċerti wisq għall-evalwazzjoni tar-riżorsi finanzjarji effettivi ta' impriża, billi sostniet li multa ġusta għandha tfittex biss li tagħti kumpens għad-dannu kkawżat lill-kompetizzjoni libera u li huwa neċessarju, f'dan ir-rigward, li tiġi evalwata l-probabbiltà li jiġi skopert l-akkordju kif ukoll il-profitti miksuba mill-membri ta' l-akkordju.

31      Għaldaqstant, it-tieni parti tat-tieni raġuni għandha tiġi miċħuda.

 It-tielet parti: Karattru arbitrarju u mhux ġustifikat tal-"multiplikatur ta' dissważjoni" applikat

–       L-argumenti tal-partijiet

32      SDK tosserva li l-analiżi ekonomika tad-dissważjoni tikkonferma li l-"multiplikatur ta' dissważjoni" applikat huwa arbitrarju u mhux ġustifikat. Fil-fatt, jekk multa li hija miżjuda hija ġġustifikata għal skopijiet ta' dissważjoni, il-multa intiża li tipproduċi tali effett għandha tiġi kkalkulata skond il-benefiċċji jew il-vantaġġi li l-impriża kkonċernata kienet qed tistenna li tirċievi mill-ksur li kieku l-aġir illegali ma kienx ġie skopert u skond il-probabbiltà li dan jiġi skopert.

33      SDK issostni li l-Qorti tal-Prim'Istanza ma tatx kas tal-fatt li l-kumpanniji l-kbar li jipproduċu varji oġġetti, li jiddisponu jew le minn "setgħa finanzjarja", m'humiex inqas sensittivi għall-multi mill-kumpanniji li jipproduċu oġġett wieħed biss. Fil-fatt, it-teorija ekonomika turi li l-impriżi l-kbar huma attenti mill-inqas daqs l-impriżi ta' daqs iżgħar sabiex inaqqsu kemm jista' jkun ir-responsabbiltajiet legali tagħhom u spejjeż oħrajn tagħhom. Għaldaqstant, "multiplikatur ta' dissważjoni" huwa ġustifikat biss skond l-aġir reali u sostnut bi provi ta' l-impriża in kwistjoni. SDK ma pparteċipatx b'mod attiv fl-akkordju u ma żviluppat ebda strateġija sabiex tiġi eliminata l-kompetizzjoni fis-settur ikkonċernat.

34      Il-Kummissjoni ssostni li l-argumenti tar-rikorrenti huma nieqsa minn kull rilevanza u li l-aġir ta' impriża tikkostitwixxi element li għandu jiġi kkunsidrat fi stadju ulterjuri tal-proċess ta' l-iffissar tal-multi bħala ċirkustanza aggravanti jew mitiganti.

35      Il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti tal-Prim'Istanza wriet korrettament li l-profitti mistennija bħala riżultat ta' ksur u l-probabbiltà li jiġi skopert huma ċirkustanzi vagi u spekulattivi wisq sabiex jikkostitwixxu bażi għall-iffissar ta' "multiplikatur ta' dissważjoni".

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

36      Għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, il-Kummissjoni tiddisponi minn diskrezzjoni partikolarment wiesgħa għal dak li jikkonċerna l-għażla ta' l-elementi li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multi, bħal, b'mod partikolari, iċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-kawża, il-kuntest tagħha u l-għan dissważiv tal-multi, u dan mingħajr ma huwa neċessarju li hija tillimita ruħha għal lista vinkolanti u eżawrjenti ta' kriterji li jridu bil-fors jittieħdu in kunsiderazzjoni (ara, b'mod partikolari, id-digriet tal-25 ta' Marzu 1996, SPO et vs Il-Kummissjoni, C-137/95 P, Ġabra p. I-1611, punt 54, u s-sentenza tas-17 ta' Lulju 1997, Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni, C-219/95 P, Ġabra p. I-4411, punt 33).

37      Barra minn hekk, għal dak li jirrigwarda l-argument tar-rikorrenti li l-applikazzjoni ta' "multiplikatur ta' dissważjoni" mhijiex ġustifikata peress illi hija ma pparteċipatx b'mod attiv fl-akkordju, għandu jiġi mfakkar, kif sostna ġustament l-Avukat Ġenerali fil-punt 65 tal-konklużjonijiet tiegħu, li tali ċirkustanza, f'każ li din tavvera ruħha, tittieħed in kunsiderazzjoni biss fi stadju ulterjuri tal-proċedura ta' ffissar tal-multa, iżda m'għandha, fiha nfisha, ebda effett fuq l-evalwazzjoni tal-gravità stess ta' l-akkordju.

38      Minn dan jirriżulta li l-Qorti tal-Prim'Istanza ma wettqitx żball ta' dritt fil-kuntest ta' l-evalwazzjonijiet tagħha dwar is-sitwazzjoni tar-rikorrenti, magħmula fil-punti 242 u 243 tas-sentenza kkontestata.

39      Għaldaqstant, it-tielet parti tat-tieni raġuni għandha tiġi miċħuda.

 Ir-raba' parti: karattru sproporzjonat taż-żieda fil-multa

–       L-argumenti tal-partijiet

40      SDK issostni li r-rata ta' żieda tal-multa kienet sproporzjonata fid-dawl tal-fatt li hija tikkontrolla sehem żgħir mis-suq fiż-ŻEE. Barra minn hekk, analiżi tal-multa bażika riveduta turi li l-multa li tikkonċernaha hija sproporzjonata b'relazzjoni għal dawk imposti fuq parteċipanti oħrajn fl-akkordju.

41      Il-Kummissjoni tispjega li l-argument tar-rikorrenti jibbaża ruħu fuq paragun bejn il-multa bażika riveduta u l-multi tal-parteċipanti l-oħrajn u d-dħul mill-bejgħ annwali tar-rikorrenti fiż-ŻEE. Dawn il-paraguni mhumiex rilevanti, meta jittieħed in kunsiderazzjoni l-fatt li l-kalkoli ppreżentati huma bbażati interament fuq il-premessa żbaljata skond liema s-setgħa ekonomika tar-rikorrenti kellha tiġi evalwata abbażi tad-dħul mill-bejgħ magħmul fis-suq tal-prodott in kwistjoni fiż-ŻEE.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

42      Għandu jiġi osservat li, kif isostni ġustament l-Avukat Ġenerali fil-punt 68 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-argument tar-rikorrenti huwa bbażat fuq il-premessa żbaljata li l-"multiplikatur ta' dissważjoni" ma jistax ikun ibbażat fuq id-dħul mill-bejgħ globali ta' l-impriża kkonċernata.

43      Għandu jingħad ukoll li, kif sostniet korrettament il-Qorti tal-Prim'Istanza fil-punt 198 tas-sentenza kkontestata, ir-rikorrenti kienet tingħata vantaġġ li kieku l-Kummissjoni kienet ikkalkulat l-ammont bażiku tal-multa fuq il-fatt li SDK għandha dħul mill-bejgħ baxx fiż-ŻEE, għaliex l-imsemmija impriża kienet aċċetat, fil-kuntest ta' l-akkordju in kwistjoni, li ma tikkompetix f'dan is-suq, u b'hekk tippermetti lill-produtturi l-oħrajn jiftiehmu fuq il-prezzijiet tagħhom għal dak is-suq.

44      Għaldaqstant, ir-raba' parti ta' din ir-raġuni għandha tiġi miċħuda wkoll.

45      Għaldaqstant, it-tieni raġuni għandha tiġi miċħuda kollha kemm hi.

 Fuq it-tielet raġuni dwar żball ta' dritt u nuqqas ta' motivazzjoni fir-rigward tat-teħid in kunsiderazzjoni tal-multi u ta' l-obbligi imposti fuq ir-rikorrenti fi Stati terzi

 L-argumenti tal-partijiet

46      SDK issostni li l-Qorti tal-Prim'Istanza wettqet żball ta' dritt meta kkunsidrat li l-Kummissjoni setgħet, minn naħa, tibbaża ruħha fuq id-dħul mill-bejgħ dinji sabiex tikkalkula l-multa bażika kif ukoll il-"multiplikatur ta' dissważjoni", u, min-naħa l-oħra, ma tiħux in kunsiderazzjoni l-fatt li r-rikorrenti kienet diġà s-suġġett ta' proċedimenti legali fl-Istati Uniti, fil-Kanada kif ukoll fil-Ġappun u li dawn l-Istati kienu diġà imponew multi fuqha.

47      Skond ir-rikorrenti, jekk id-dħul mill-bejgħ dinji kellu jiġi kkunsidrat għall-iskopijiet ta' dissważjoni, il-multi li jridu jitħallsu fi Stati oħrajn kellhom jittieħdu in kunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa Komunitarja supplementari meħtieġ għal effett dissważiv xieraq. Fil-fatt, l-effett ta' dissważjoni tiddependi mill-kost totali ta' l-aġir illegali, li jinkludi mhux biss il-multi imposti fiż-ŻEE, iżda wkoll dawk imposti x'imkien ieħor.

48      Għaldaqstant, SDK tikkunsidra li l-Qorti tal-Prim'Istanza wettqet żball ta' dritt meta hija kkonfermat multa li timplika kalkolu doppju, li hija sproporzjonata meta mqabbla ma' kull effett ta' dissważjoni ġustifikat.

49      Il-Kummissjoni tosserva li l-prinċipju ta' non bis in idem ġie osservat mill-Qorti tal-Prim'Istanza. Hija tosserva li l-multi imposti mill-awtoritajiet ta' Stati terzi ġew imposti minħabba ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni tagħhom u li m'hemmx overlap bejn dawn u l-kompetenza tal-Kummissjoni li timponi multi fuq impriżi minħabba restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq komuni. Fil-fatt, il-Kummissjoni u l-Qorti tal-Prim'Istanza jiddeċiedu biss fuq l-imsemmija restrizzjonijiet u l-attivitajiet li għandhom x'jaqsmu ma' Stati terzi jaqgħu barra mill-kamp ta' applikazzjoni tad-dritt Komunitarju.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

50      Qabel kollox, għandu jiġi mfakkar li l-prinċipju ta' non bis in idem, imsemmi fl-Artikolu 4 tas-Seba' Protokoll tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju li l-qorti għandha tosserva (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tal-5 ta' Mejju 1966, Gutmann vs Il-Kummissjoni KEEA, 18/65 u 35/65, Ġabra p. 149, 172, u tal-15 ta' Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, C-238/99 P, C-244/99 P, C-245/99 P, C-247/99 P, C-250/99 P sa C-252/99 P u C-254/99 P, Ġabra p. I-8375, punt 59).

51      Sabiex jiġi eżaminat il-mertu tar-raġuni bbażata fuq ksur ta' l-imsemmi prinċipju, għandu jingħad ukoll li, kif osservat korrettament il-Qorti tal-Prim'Istanza fil-punt 140 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma ddeċidietx fuq il-kwistjoni jekk il-Kummissjoni għandhiex l-obbligu li tieħu in kunsiderazzjoni piena imposta mill-awtoritajiet ta' Stat terz f'każ li l-fatti allegati kontra impriża minn din l-istituzzjoni u mill-imsemmija awtoritajiet ikunu identiċi, iżda hija għamlet l-identiċità tal-fatti allegati mill-Kummissjoni u mill-awtoritajiet ta' Stat terz kundizzjoni meħtieġa minn qabel għall-istħarriġ imsemmi iktar 'il fuq.

52      Għal dak li jirrigwarda l-kamp ta' applikazzjoni tal-prinċipju ta' non bis in idem f'dak li jikkonċerna s-sitwazzjonijiet li fihom l-awtoritajiet ta' Stat terz jintervjenu, permezz tas-setgħat tagħhom ta' sanzjoni, fil-qasam tal-liġi tal-kompetizzjoni applikabbli fit-territorju ta' l-imsemmi Stat, għandu jiġi mfakkar li l-akkordju in kwistjoni jinsab f'kuntest internazzjonali li huwa kkaratterizzat, b'mod partikolari, minn intervent, fit-territorji rispettivi tagħhom, ta' sistemi legali ta' Stati terzi.

53      F'dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-eżerċizzju ta' setgħat mill-awtoritajiet ta' dawn l-Istati li jridu jassiguraw il-protezzjoni tal-kompetizzjoni libera, fil-kuntest tal-kompetenza territorjali tagħhom, isir skond ir-rekwiżiti speċifiċi ta' l-imsemmija Stati. Fil-fatt, l-elementi li jiffurmaw il-bażi tas-sistemi legali ta' Stati oħrajn fil-qasam tal-kompetizzjoni mhux biss għandhom għanijiet u objettivi speċifiċi, iżda jwasslu wkoll għall-adozzjoni ta' regoli materjali partikolari kif ukoll għal konsegwenzi ġuridiċi differenti ħafna fil-qasam amministrattiv, kriminali jew ċivili, meta l-awtoritajiet ta' l-imsemmija Stati jkunu stabbilixxew l-eżistenza ta' ksur tar-regoli applikabbli fil-qasam tal-kompetizzjoni.

54      Min-naħa l-oħra, teżisti sitwazzjoni ġuridika differenti ħafna meta impriża tinsab milquta esklużivament, fil-qasam tal-kompetizzjoni, mill-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju u tad-dritt ta' wieħed jew iktar Stati Membri, jiġifieri meta akkordju jillimita ruħu għall-kamp ta' applikazzjoni territorjali tas-sistema legali tal-Komunità Ewropea.

55      Minn dan jirriżulta li, meta l-Kummissjoni tippenalizza l-aġir illegali ta' impriża, anki jekk dan joriġina minn akkordju ta' natura internazzjonali, hija tkun qed tassigura l-kompetizzjoni libera ġewwa s-suq komuni li tikkostitwixxi, skond l-Artikolu 3(1)(g) KE, objettiv fundamentali tal-Komunità. Fil-fatt, permezz ta' l-ispeċifiċità ta' l-interessi protetti legalment fuq livell Komunitarju, l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni, fid-dawl tal-kompetenzi tagħha fil-qasam, jistgħu jkunu differenti ħafna minn dawk ta' l-awtoritajiet ta' Stati terzi.

56      Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet korrettament, fil-punt 134 tas-sentenza kkontestata, li l-prinċipju ta' non bis in idem ma japplikax għal sitwazzjonijiet li fihom is-sistemi legali u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta' Stati terzi jkunu intervenew fil-kuntest tal-kompetenzi speċifiċi tagħhom.

57      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim'Istanza kienet korretta wkoll meta ddeċidiet li ma jeżisti ebda prinċipju ta' dritt ieħor li jista' jobbliga lill-Kummissjoni tieħu in kunsiderazzjoni proċedimenti u sanzjonijiet li għalihom ir-rikorrenti kienet suġġetta f'pajjiżi terzi.

58      F'dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, kif tosserva ġustament il-Qorti tal-Prim'Istanza fil-punt 136 tas-sentenza kkontestata, ma jeżisti ebda prinċipju ta' dritt internazzjonali pubbliku li jipprekludi lill-awtoritajiet pubbliċi, inklużi l-qrati, ta' Stati differenti milli jibdew proċedimenti legali u jikkundannaw persuna fiżika jew ġuridika għall-istess fatti li fir-rigward tagħhom tkun diġà ngħatat sentenza relattiva għall-imsemmija persuna fi Stat ieħor. Barra minn hekk, ma jeżistix test konvenzjonali tad-dritt internazzjonali pubbliku li jiddisponi li l-Kummissjoni tista' tiġi obbligata, meta tkun ser tiffissa multa b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, tieħu in kunsiderazzjoni l-multi imposti, mill-awtoritajiet ta' Stat terz, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni.

59      Għandu jingħad ukoll li l-ftehim li ntlaħqu bejn il-Komunitajiet u l-Gvern ta' l-Istati Uniti ta' l-Amerika fit-23 ta' Settembru 1991 u fl-4 ta' Ġunju 1998 dwar l-implementazzjoni tal-prinċipji ta’ l-għaqda pożittiva għal ġid reċiproku fl-infurzar tal-liġijiet tal-kompetizzjoni tagħhom (ĠU 1995, L 95, p. 47, u ĠU 1998 L 173, p. 28) huma limitati għal kwistjonijiet prattiċi ta' proċedura, bħall-iskambju ta' informazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni, u bl-ebda mod ma jkopru l-mod kif jiġu imposti s-sanzjonijiet jew it-teħid in kunsiderazzjoni tagħhom minn waħda mill-partijiet ta' l-imsemmija ftehim.

60      Fl-aħħar nett, għal dak li jikkonċerna l-ksur, mill-Qorti tal-Prim'Istanza, tal-prinċipji ta' proporzjonalità u ekwità, invokat b'mod sussidjarju mir-rikorrenti, għandu jiġi osservat li kull kunsiderazzjoni bbażata fuq l-eżistenza ta' multi imposti mill-awtoritajiet ta' Stat terz tiġi kkunsidrata biss fil-kuntest tad-diskrezzjoni li għandha l-Kummissjoni fil-qasam ta' l-iffissar ta' multi għall-ksur tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni. Għaldaqstant, għalkemm mhuwiex eskluż li l-Kummissjoni tieħu in kunsiderazzjoni multi imposti preċedentement mill-awtoritajiet ta' Stati terzi, hija madankollu mhijiex obbligata tagħmel dan.

61      Fil-fatt, l-objettiv ta' dissważjoni li l-Kummissjoni tista' tipprova tilħaq, meta tiffissa l-ammont ta' multa, huwa intiż sabiex jassigura l-osservanza, mill-impriżi, tar-regoli tal-kompetizzjoni stabbiliti mit-Trattat KE għat-twettiq ta' l-attivitajiet tagħhom ġewwa s-suq komuni (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta' Lulju 1970, ACF Chemiefarma vs Il-Kummissjoni, 41/69, Ġabra p. 661, punti 173 sa 176). Għaldaqstant, fl-evalwazzjoni tal-karattru dissważiv ta' multa li għandha tiġi imposta minħabba ksur ta' l-imsemmija regoli, il-Kummissjoni mhijiex obbligata tieħu in kunsiderazzjoni sanzjonijiet eventwali imposti fuq impriża minħabba ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni ta' Stati terzi.

62      Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim'Istanza ma wettqet ebda żball ta' dritt meta ddeċidiet, fil-punti 144 sa 148 tas-sentenza kkontestata, li l-iffissar ta' l-ammont tal-multa imposta kien konformi mal-liġi.

63      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, it-tielet raġuni għandha tiġi miċħuda kollha kemm hi.

 Fuq ir-raba' raġuni dwar il-ksur tad-drittijiet fundamentali tar-rikorrenti għal smigħ xieraq

 L-argumenti tal-partijiet

64      SDK issostni li l-Qorti tal-Prim'Istanza ċaħdet b'mod żbaljat, u mingħajr ebda raġuni jew spjegazzjoni, l-argument tagħha dwar l-opportunità li tinstema' mill-Kummissjoni għal dak li jikkonċerna l-iffissar ta' "multiplikatur ta' dissważjoni".

65      Il-Kummissjoni tenfasizza li l-Qorti tal-Prim'Istanza ma kisritx id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti u tat biżżejjed raġunijiet għall-evalwazzjoni tagħha dwar l-applikazzjoni tal-"multiplikatur ta' dissważjoni".

66      Hija ssostni li ż-żieda fil-multa sabiex jiġi assigurat effett ta' dissważjoni ekwivalenti mhijiex riżultat ta' politika ġdida. Fil-fatt, huwa paċifiku li l-applikazzjoni effettiva tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni tirrikjedi li l-Kummissjoni tkun tista' f'kull mument tadatta l-livell tal-multi għall-bżonnijiet ta' din il-politika fil-limiti imposti mir-Regolament Nru 17.

67      Il-Kummissjoni taqbel mal-Qorti tal-Prim'Istanza meta din ikkunsidrat li r-rikorrenti kellha l-opportunità tagħti l-informazzjoni rilevanti kollha dwar id-daqs u r-riżorsi finanzjarji ta' l-impriża li kellha tittieħed in kunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni ta' l-effet dissważiv tal-multa. Ir-rikorrenti kienet tiddisponi minn biżżejjed informazzjoni sabiex tkun taf li l-ammont bażiku tal-multa seta' jiżdied, konformement mal-linji gwida.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

68      Għandu jiġi mfakkar li l-osservanza tad-drittijiet tad-difiża fil-proċedimenti kollha li jistgħu jwasslu għal sanzjonijiet, b'mod partikolari għal multi jew għal pagamenti ta' pieni perjodiċi, tikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju li għandu jiġi osservat anki f'każ ta' proċedura ta' karattru amministrattiv (ara s-sentenza tat-13 ta' Frar 1979, Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni, 85/76, Ġabra p. 461, punt 9).

69      F'dan ir-rigward, għandu jingħad ukoll li l-obbligu li jinstemgħu l-impriżi li huma s-suġġett ta' proċedura ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 81 KE huwa sodisfatt meta l-Kummissjoni tiddikjara, fid-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet, li hija ser teżamina jekk għandhomx jiġu imposti multi fuq l-impriżi kkonċernati u meta hija tindika l-elementi prinċipali ta' fatt u ta' dritt li jistgħu jwasslu għall-impożizzjoni ta' multa, bħall-gravità u d-dewmien tal-ksur allegat (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tad-9 ta' Novembru 1983, Michelin vs Il-Kummissjoni, 322/81, Ġabra p. 3461, punti 19 u 20).

70      Kif ikkonstatat il-Qorti tal-Prim'Istanza, il-Kummissjoni indikat, fid-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet, l-elementi ta' fatt u ta' dritt li fuqhom hija bbażat ruħha sabiex tistabbilixxi l-ammont tal-multi. Billi għamlet dan, il-Kummissjoni osservat id-dritt ta' l-impriżi kkonċernati li jinstemgħu mhux biss fir-rigward tal-prinċipju tas-sanzjoni, iżda wkoll fir-rigward ta' kull element li hija kellha l-intenzjoni tieħu in kunsiderazzjoni fil-kuntest ta' l-iffissar tal-multi.

71      Għandu jiġi osservat li, fil-punt 240 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza, meta ċaħdet ir-raġuni dwar id-drittijiet tad-difiża, sostniet li xejn ma kien iwaqqaf lir-rikorrenti milli tirreferi, matul il-proċedura amministrattiva, għad-daqs tagħha kif ukoll għar-riżorsi finanzjarji tagħha u li tesprimi ruħha fuq l-effett dissważiv tas-sanzjoni li l-Kummissjoni setgħet tadotta kontriha.

72      Għandu jingħad ukoll li l-fatt li l-Kummissjoni tista' tiġi indotta tieħu in kunsiderazzjoni element ta' dissważjoni fl-iffissar tal-multa ma jistax jiġi kkunsidrat bħala ċirkustanza li tista' tiġġustifika t-teħid ta' miżuri partikolari waqt l-iżvolġiment tal-proċedimenti amministrattivi quddiem il-Kummissjoni.

73      Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza, ir-rikorrenti kienet konsapevoli tal-fatt li l-Kummissjoni kienet indikat, fid-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet u skond il-linji gwida, li hija kellha l-intenzjoni tiffissa l-multi fuq livell għoli biżżejjed sabiex toħloq effett dissważiv xieraq.

74      Minn dan jirriżulta li l-Qorti tal-Prim'Istanza ma kisritx id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti meta ċaħdet ir-raġuni tagħha dwar dan.

75      Għaldaqstant, ir-raba' raġuni mressqa minn SDK għandha tiġi miċħuda.

76      Jirriżulta minn dak kollu li ntqal li l-appell ta' SDK għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

77      Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, li hu applikabbli għall-proċedura ta’ appell skond l-Artikolu 118 ta’ l-istess Regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta' u tiddeċiedi li:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      Showa Denko KK għandha tbati l-ispejjeż.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.