Language of document : ECLI:EU:C:2006:432

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

29 ta’ Ġunju 2006 (*)

“Appell – Kompetizzjoni – Akkordju – Elettrodi tal-grafita – Artikolu 81(1) KE – Multi – Linji gwida għall-kalkolu tal-ammont tal-multi – Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni – Produzzjoni ta’ dokumenti waqt investigazzjoni tal-Kummissjoni”

Fil-Kawża C-301/04 P,

li għandha bħala suġġett appell skond l-Artikolu 56 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, imressaq fl-14 ta’ Lulju 2004,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn W. Mölls, W. Wils u H. Gading, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

SGL Carbon AG, stabbilita f’Wiesbaden (il-Ġermanja), irrappreżentata minn M. Klusmann, Rechtsanwalt,

konvenuta fl-ewwel istanza,

Tokai Carbon Co. Ltd, stabbilita f’Tokjo (il-Ġappun),

Nippon Carbon Co. Ltd, stabbilita f’Tokjo,

Showa Denko KK, stabbilita f’Tokjo,

GrafTech International Ltd, li kienet UCAR International Inc., stabbilita f’Wilmington (l-Istati Uniti),

SEC Corp., stabbilita f’Amagasaki (il-Ġappun),

The Carbide/Graphite Group Inc., stabbilita f’Pittsburgh (l-Istati Uniti),

konvenuti fl-ewwel istanza

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C.W.A. Timmermans, President ta’ l-Awla, R. Silva de Lapuerta (Relatur), P. Kūris, G. Arestis u J. Klučka, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: L.A. Geelhoed,

Reġistratur: K. Sztranc, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Settembru 2005,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-19 ta’ Jannar 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz ta’ l-appell tagħha, il-Kummissjoni tal-Kommunitajiet Ewropej titlob l-annullament tal-punt 2 tal-parti operattiva tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tad-29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs il-Kummissjoni (T-236/01, T-239/01, T-244/01 sa T-246/01, T-251/01 u T-252/01, Ġabra p. II-1181, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), f’dak illi din naqqset għas-somma ta’ EUR 69 114 000 l-ammont tal-multa imposta fuq il-kumpannija SGL Carbon AG (iktar ’il quddiem “SGL Carbon”) permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/271/KE, tat-18 ta’ Lulju 2001, dwar proċedura skond l-Artikolu 81 tat-Trattat KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE. – Każ COMP/E-1/36.490 – Elettrodi tal-grafita (ĠU 2002, L 100, p. 1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

 Il-kuntest ġuridiku

 Ir-Regolament Nru 17

2        L-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17 tal-Kunsill tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3), jipprovdi:

“1.      Fit-twettiq tad-doveri mogħtija lilha mill-Artikolu [85] u mid-dispożizzjonijiet adottati taħt l-Artikolu [83] tat-Trattat, il-Kummissjoni tista’ takkwista l-informazzjoni kollha meħtieġa mill-Gvernijiet u l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri u minn impriżi u assoċjazzjonijiet ta’ impriżi

2.      Meta tibgħat talba għal informazzjoni lill-impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi, l-Kummissjoni għandha fl-istess ħin tgħaddi kopja tat-talba lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun tinsab il-qalba [is-sede] ta’ l-impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi.

3.      Fit-talba tagħha l-Kummissjoni għandha tgħid il-bażi legali u l-għan tat-talba u anke s-sanzjonijiet ipprovduti fl-Artikolu 15(1)(b) għall-fornimenti ta’ informazzjoni skorretta.

4.      It-titolari ta’ l-impriżi jew ir-rappreżentanti tagħhom u, fil-każ ta’ persuni legali, kumpaniji jew ditti, jew assoċjazzjonijiet li ma għandhomx personalità legali, il-persuni awtorizzati li jirrappreżentawhom skond il-liġi jew skond il-kostituzzjoni [l-istatut] tagħhom għandhom ifornu l-informazzjoni mitluba.

5.      Meta impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi ma tfornix l-informazzjoni mitluba fil-limitu taż-żmien stabbilit mill-Kummissjoni, jew tforni informazzjoni skorretta, il-Kummissjoni għandha permess ta’ deċiżjoni titlob li l-informazzjoni tiġi fornuta. Id-deċiżjoni għandha tispeċifika liema informazzjoni hija meħtieġa, tistabilixxi limitu taż-żmien xieraq li fih din għandha tiġi fornuta u tindika l-penalitajiet pprovduti fl-Artikolu 15(1)(b) u l-Artikolu 16(1)(ċ) u d-dritt li tieħu d-deċiżjoni għar-reviżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja.

6.      Il-Kummissjoni għandha fl-istess ħin tgħaddi kopja tat-talba [tad-deċiżjoni] tagħha lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun tinsab is-sede ta’ l-impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi.”

3        L-Artikolu 15 ta’ dan ir-Regolament jipprovdi:

“1.      Il-Kummissjoni tista’ permess ta’ deċiżjoni timponi fuq l-impriżi jew assoċjazzjonijiet ta’ impriżi multi minn 100 sa 5000 unita’ ta’ rendikont fejn, intenzjonalment jew b’negliġenza;

[…]

b)      dawn ifornu informazzjoni skorretta fir-risposta għat-talba magħmula skond l-Artikolu 11(3) jew (5) […]

2.      Il-Kummissjoni tista’ permess ta’ deċiżjoni timponi fuq l-impriżi jew assoċjazzjonijiet ta’ [i]mpriżi multi minn 1000 sa 1000000 unità ta’ rendikont, jew somma li taqbeż dan iżda li ma taqbiżx 10 % tat-turnover fis-sena ta’ negozju preċedenti ta’ kull impriża li tkun qed tipparteċipa fil-ksur fejn, jew intenzjonalment jew b’ negliġenza:

a)      dawn jiksru l-Artikolu [81](1) jew l-Artikolu [82] tat-Trattat, […]

[…]

Fl-iffissar ta’ l-ammont tal-multa, għandhom jiġu kkonsidrati kemm il-gravita kif ukoll id-dewmien tal-ksur.

[...]”

 Il-Linji gwida

4        Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “Linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi mposti skond l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru. 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA” (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 171, iktar ’il quddiem il-“Linji gwida”), tgħid fil-preambolu tagħha:

“Il-prinċipji indikati hawnhekk għandhom jiżguraw t-trasparenza u l-imparzjalità tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, f’għajnejn kemm ta’ l-impriżi kif ukoll tal-Qorti tal-Ġustizzja, waqt li tinżamm id-diskrezzjoni li hi mogħtija lill-Kummissjoni skond il-leġi[ż]lazzjoni rilevanti biex tistabbilixxi multi fil-limitu ta’ 10 % tal-valur tal-bejgħ totali. Din id-diskrezzjoni għandha, mandankollu, issegwi politika koerenti u mhux diskriminatorja li hi konsistenti ma’ l-għanijiet segwiti fl-issanzjonar tal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni.

Il-metodu l-ġdid li jistabbilixxi l-ammont ta’ multa se jkun ibbażat fuq ir-regoli li ġejjin, li jibdew minn ammont bażiku li jiżdied biex jieħdu f’konsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi aggravati jew imnaqqsa [jitnaqqas] biex jieħdu f’konsiderazzjoni ċirkustanzi li jiskużaw il-gravità.”

 Il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni

5        Fl-Avviż tagħha dwar in-nuqqas ta’ impożizzjoni jew it-tnaqqis ta’ multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU 1996, C 207, p. 4, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni”), il-Kummissjoni ddefiniet il-kundizzjonijiet li fihom l-impriżi li jikkooperaw magħha waqt l-istħarriġ tagħha jistgħu jiġu eżentati mill-multa jew jibbenefikaw minn tnaqqis fil-multa li kieku kien ikollhom iħallsu.

6        Skond il-punt A(5), ta’ din il-komunikazzjoni:

“Il-kooperazzjoni ta’ impriża magħha ma hijiex għajr element fost oħrajn li l-Kummissjoni tieħu in kunsiderazzjoni meta tiffissa l-ammont ta’ multa. […]”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

7        Fis-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet sintesi tal-fatti li wasslu għall-kawża mressqa quddiemha fit-termini li ġejjin:

“1      Permezz tad-Deċiżjoni 2002/271/KE [...], il-Kummissjoni kkonstatat il-parteċipazzjoni ta’ diversi impriżi differenti f’sensiela ta’ ftehim u prattiċi miftiehma, skond l-Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea [tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 52, p. 3, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ŻEE”), fis-settur ta’ l-elettrodi tal-grafita.

2      L-elettrodi tal-grafita jintużaw prinċipalment għall-produzzjoni ta’ l-azzar fi fran b’ark elettriku. Il-produzzjoni ta’ azzar permezz ta’ dawn il-fran tikkonsisti essenzjalment fi proċess ta’ riċiklaġġ li permezz tiegħu l-iskart ta’ l-azzar huwa kkonvertit f’azzar ġdid, kuntrarjament għall-proċedura klassika tal-produzzjoni minn minerali tal-ħadid fi fran sħan ħafna bl-ossiġenu. Disa’ elettrodi, miġbura f’kolonni ta’ tlieta, jintużaw fil-forn elettriku biex jiddewweb ir-ruttam. Minħabba l-intensità tal-proċess ta’ fużjoni, il-konsum ta’ elettrodi jammonta għal madwar unità waħda kull tmien sigħat. Iż-żmien mitlub għall-produzzjoni ta’ elettrodu huwa ta’ madwar xahrejn. L-ebda prodott ma huwa sostitwibbli għall-elettrodi ta’ grafita fil-kuntest ta’ dan il-proċess ta’ produzzjoni.

3      Id-domanda għal elettrodi tal-grafita hija direttament marbuta mal-produzzjoni ta’ l-azzar fi fran b’ark elettriku. Il-klijenti prinċipali huma l-produtturi ta’ l-azzar, li jirrappreżentaw madwar 85 % tad-domanda. Fl-1998, il-produzzjoni dinjija ta’ l-azzar mhux raffinat kienet ta’ 800 miljun tunnellata, li minnhom 280 miljun tunnellata ġew prodotti fi fran b’ark elettriku. […]

[…]

5      Fis-snin 80, titjib teknoloġiku ppermetta tnaqqis sostanzjali tal-konsum ta’ l-elettrodi għal kull tunnellata ta’ azzar prodott. L-industrija ta’ l-azzar ukoll għaddiet minn proċess importanti ta’ ristrutturazzjoni matul dan il-perijodu. It-tnaqqis fid-domanda għall-elettrodi ta lok għal proċess ta’ ristrutturazzjoni ta’ l-industrija dinjija ta’ l-elettrodi. Numru ta’ fabbriki ngħalqu. .

6.      Fl-2001, disa’ produtturi tal-Punent fornew is-suq Ewropew b’elettrodi tal-grafita[…].

7      Fil-5 ta’ Ġunju 1997, uffiċjali tal-Kummissjoni għamlu verifiki simultanji għall-għarrieda fl-uffiċċji ta’ [ċerti produtturi ta' elettrodi tal-grafita], skond l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 17 [...]

8      Fl-istess ġurnata, aġenti tal-Federal Bureau of Investigation (FBI) ipproċedew, fl-Istati Uniti, għal perkwiżizzjonijiet fl-uffiċċji ta’ numru ta’ produtturi. Wara dawn il-perkwiżizzjonijiet, inbdew proċeduri kriminali kontra SGL […] għal akkordju illegali. L-akkużati kollha ddikjaraw ruħhom ħatja ta’ l-akkużi kontrihom u aċċettaw li jħallsu multi, ffisati għal 135 miljun dollaru Amerikan (USD) għal SGL […]

[…]

10      Inbdew proċeduri għal danni tripli (triple damages) kontra SGL [...] fl-Istati Uniti, f’isem grupp ta’ xerrejja.

11      Fil-Kanada, [...] [f]’Lulju 2000, SGL iddikjarat ruħha ħatja ta’ l-akkużi miġjuba kontriha u aċċettat li tħallas multa ta’ CAD 12.5-il miljun għal [...] ksur [tal-liġi Kanadiża fuq il-kompetizzjoni]. Infetħu proċeduri ċivili kontra SGL [...]minn produtturi ta’ l-azzar fil-Kanada f’Ġunju 1998 għal akkordju illegali.

12      Il-Kummissjoni bagħtet, fl-24 ta’ Jannar 2000, dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet lill-impriżi inkriminati. Il-proċedura amministrattiva wasslet għall-adozzjoni, fit-18 ta’ Lulju 2001, tad-[d]eċiżjoni [kkontestata], li takkuża lill-impriżi rikorrenti [...] li pproċedew, fuq livell dinji, għall-iffissar ta’ prezzijiet kif ukoll għal tqassim tas-swieq nazzjonali u reġjonali tal-prodott in kwistjoni skond il-prinċipju ta’ “produttur domestiku” [traduzzjoni mhux uffiċjali]: [...] SGL [...] [hija responsabbli għal parti] ta’ l-Ewropa; [...].

13      Dejjem skond id-[d]eċiżjoni [kkontestata], il-prinċipji bażiċi ta’ l-akkordji kienu dawn li ġejjin:

–        il-prezzijiet ta’ l-elettrodi tal-grafita kellhom ikunu iffissati fuq livell dinji;

–        id-deċiżjonijiet dwar il-prezzijiet ta’ kull kumpannija kellhom jittieħdu esklużivament mill-President jew mid-Diretturi Ġenerali;

–        il-“produttur domestiku” [traduzzjoni mhux uffiċjali] kellu jiffissa l-prezz tas-suq fit-“territorju” [traduzzjoni mhux uffiċjali] tiegħu u l-produtturi l-oħrajn kellhom “isegwuh” [traduzzjoni mhux uffiċjali];

–        f’dak li jirrigwarda s-swieq “mhux domestiċi” [traduzzjoni mhux uffiċjali], jiġifieri s-swieq li fihom l-ebda produttur “domestiku” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ma kien preżenti, il-prezzijiet kellhom jiġu ffissati bi ftehim;

–        il-produtturi “mhux domestiċi” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ma kellhom jeżerċitaw l-ebda kompetizzjoni aggressiva u kellhom jirtiraw mis-swieq “domestiċi” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ta’ l-oħrajn;

–        il-kapaċità ma kellhiex tiżdied (il-produtturi Ġappuniżi suppost kellhom inaqqsu tagħhom);

–        l-ebda trasferiment ta’ teknoloġija ma kellu jseħħ barra miċ-ċirku tal-produtturi li kienu qegħdin jipparteċipaw fil-kartell.

14      Id-[d] [kkontestata] tkompli billi turi li dawn il-prinċipji bażiċi ġew implementati permezz ta’ laqgħat ta’ l-akkordju li saru fuq livelli differenti: laqgħat “tal-kapijiet” [traduzzjoni mhux uffiċjali], laqgħat “ta’ ħidma” [traduzzjoni mhux uffiċjali], laqgħat tal-grupp tal-produtturi Ewropej (mingħajr l-impriżi Ġappuniżi), laqgħat nazzjonali jew reġjonali ddedikati għal swieq speċifiċi u kuntatti bilaterali bejn l-impriżi

[…]

16      Fuq il-bażi tal-konstatazzjonijiet fattwali u l-evalwazzjonijiet legali li jinsabu fid-[d]eċiżjoni [kkontestata], il-Kummissjoni imponiet fuq l-impriżi inkriminati multi li l-ammont tagħhom kien ikkalkolat skond il-metodoloġija spjegata fil-Linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi mposti skond l-Artikolu 15 (2) tar-Regolament Nru. 17 u l-Artikolu 65 (5) tat-Trattat KEFA [...] kif ukoll tal-Avviż dwar in-nuqqas ta’ impożizzjoni jew it-tnaqqis ta’ multi f’każijiet ta’ kartell […]

17.      L-Artikolu 3 tad-dispożittiv tad-[d]eċiżjoni [kkontestata] jimponi dawn il-multi: EUR 80.2 miljun;:

SGL: EUR 80.2 milljun;

[…]

18      L-Artikolu 4 tad-dispożittiv jordna lill-impriżi kkonċernati jħallsu l-multi fi żmien tliet xhur mid-data tan-notifika tad-[d]eċiżjoni [kkontestata], u fin-nuqqas tiġi applikata rata ta’ interessi ta’ 8.04 %. ”

 Il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u s-sentenza appellata

8        SGL Carbon u impriżi oħra destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata ppreżentaw rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni.

9        Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza b’mod partikolari ddeċidiet li:

“[…]

Fil-Kawża T-239/01, SGL Carbon vs Il-Kummissjoni:

l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti mill-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2002/271 huwa ffissat għal EUR 69 114 000;

il-kumplament tar-rikors huwa miċħud;

[…]”

10      Fir-rigward tal-kalkolu tal-multi imposti, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punti 401 sa 412 tas-sentenza appellata, iddeċidiet li:

“401      Għalhekk, hemm lok li jingħad li r-raġuni essenzjali għaliex il-Kummissjoni tat lil SGL tnaqqis ta’ 30 % biss tal-multa tidher fil-premessa 174 tad-[d]eċiżjoni [kkontestata]: skond il-Kummissjoni, impriża jistħoqqilha biss tnaqqis fil-multa jekk il-kooperazzjoni tagħha tkun “spontanja” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u ma taqax fil-kuntest ta’ l-“eżerċizzju ta’ poter ta’ investigazzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali]; peress li “parti sostanzjali ta’ l-informazzjoni mogħtija [minn SGL] fil-fatt tammonta għat-tweġiba ta’ SGL għat-talba formali tal-Kummissjoni għal informazzjoni, [ġiet] ikkunsidrata bħala kontribuzzjoni spontanja skond il-Komunikazzjoni biss l-informazzjoni kontenuta fid-dikjarazzjoni li marret lil hinn minn dik meħtieġa skond l-Artikolu 11” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Minbarra dan, SGL bagħtet id-dikjarazzjoni tagħha tat-8 ta’ Ġunju 1999 wara li ntbagħtet nota ta’ tfakkir li fiha l-Kummissjoni żammet id-dritt li tadotta deċiżjoni formali skond l-Artikolu 11(5) (premessa 173 tad-[d]eċiżjoni [kkontestata]). Billi bbażat ruħha fuq is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Ottubru 1989, Orkem vs Il-Kummissjoni (374/87, Ġabra p. 3283, punti 27, 28 u 32 sa 35), il-Kummissjoni ma tatx rikumpens għall-informazzjoni li hija qieset li SGL kellha, f’kull każ, tagħtiha sabiex twieġeb għal talba għal informazzjoni jew għal deċiżjoni li tordna, taħt it-theddida ta’ sanzjonijiet, il-komunikazzjoni ta’ l-informazzjoni mitluba.

402      F’dan il-kuntest, jeħtieġ li jingħad li d-dritt għal silenzju assolut, invokat minn SGL sabiex issostni li hija ma kellha twieġeb għal ebda talba għal informazzjoni, ma jistax jiġi rikonoxxut. Fil-fatt, ir-rikonoxximent ta’ tali dritt, imur lil hinn minn dak li hu neċessarju sabiex jinżammu d-drittijiet tad-difiża tal-impriżi u jikkostitwixxi xkiel inġustifikat għat-twettiq, mill-Kummissjoni, tal-missjoni li tiżgura l-osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni fis-suq komuni. Dritt għal silenzju jista’ jiġi rikonoxxut biss fejn l-impriża kkonċernata tkun obbligata tagħti tweġibiet li permezz tagħhom hija jkollha tametti l-eżistenza tal-ksur li hija l-Kummissjoni li trid tistabbilixxi l-eżistenza tiegħu (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-20 ta’ Frar 2001, Mannesmannröhren-Werke vs Il-Kummissjoni, T-112/98, Ġabra p. II-729, punti 66 u 67).

403      Sabiex jiġi ppreżervat l-effett utli ta’ l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17, il-Kummissjoni hija, konsegwentement, intitolata tobbliga lill-impriżi jagħtu l-informazzjoni kollha neċessarja dwar il-fatti li huma jkunu jafu bihom u sabiex ifornuha, jekk meħtieġ, bid-dokumenti relativi li jkunu fil-pussess tagħhom, anki jekk dan jista’ jservi sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ aġir anti-kompetittiv (ara s-sentenza Mannesmannröhren-Werke vs Il-Kummissjoni, punt 402 iktar ’il fuq, punt 65, u l-ġurisprudenza ċċitata)..

404       Dan il-poter tal-Kummissjoni li tikseb informazzjoni, ikkonfermat fis-sentenzi Orkem vs Il-Kummissjoni u Mannesmannröhren-Werke vs Il-Kummissjoni, rispettivament, punti 401 u 402 iċċitati iktar ’il fuq, la jmur kontra l-Artikolu 6(1) u (2) tal-KEDB [Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950] (sentenza Mannesmannröhren-Werke vs il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 75) u lanqas kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem..

405      Fil-fatt, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet [sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatshappij et vs Il-Kummissjoni, C-238/99 P, C-244/99 P, C-245/99 P, C-247/99 P, C-250/99 P sa C-252/99 P u C-254/99 P, Ġabra p. I-8375, punt 274] li, sussegwentement għas-sentenza Orkem vs il-Kummissjoni, punt 401 iktar ’il fuq, il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, li l-qorti Komunitarja trid tqis, għaddiet minn żviluppi ġodda bis-sentenza Funke, [...], bis-sentenza Saunders vs Ir-Renju Unit tas-17 ta’ Diċembru 1996 (Ġabra tas-sentenzi u tad-deċiżjonijiet, 1996-VI, p. 2044, § 69, 71 u 76) u bis-sentenza J. B. vs L-Isvizzera tat-3 ta’ Mejju 2001 (Ġabra tas-sentenzi u tad-deċiżjonijiet, 2001-III, p. 455, § 64 sa 71), fis-sentenza [Limburgse Vinyl Maatshappij et vs Il-Kummissjoni], iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ma qalbitx il-ġurisprudenza tagħha.

406      Fi kwalunkwe każ, il-fatt li persuna tkun obbligata twieġeb għal mistoqsijiet purament fattwali magħmula mill-Kummissjoni u li tissodisfa t-talbiet tagħha għall-produzzjoni ta’ dokumenti diġà eżistenti ma jiksirx il-prinċipju fundamentali tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża kif ukoll dak ta’ dritt għal smigħ xieraq, li jagħtu, fil-qasam tad-dritt tal-liġi tal-kompetizzjoni, protezzjoni ekwivalenti għal dik garantita mill-Artikolu 6 tal-KEDB. Xejn fil-fatt ma jwaqqaf lid-destinatarju ta’ talba għal informazzjoni milli juri, iktar tard fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva jew waqt proċeduri quddiem il-qorti Komunitarja, li l-fatti esposti fit-tweġibiet tiegħu jew id-dokumenti kkomunikati għandhom tifsira oħra minn dik ikkunsidrata mill-Kummissjoni (sentenza Mannesmannröhren-Werke vs Il-Kummissjoni, punt 402 iktar ’il fuq, punti 77 u 78).

407      Imbagħad, fir-rigward ta’ kif SGL kienet obbligata twieġeb, skond il-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq, għat-talba għal informazzjoni tal-31 ta’ Marzu 1999, hemm lok li jingħad li, minbarra l-mistoqsijiet purament fattwali u t-talbiet għall-produzzjoni ta’ dokumenti diġà eżistenti, il-Kummissjoni talbet li jiġu deskritti s-suġġett u l-mod kif komplew bosta laqgħat li attendiet għalihom SGL kif ukoll ir-riżultati/konklużjonijiet ta’ dawn il-laqgħat, meta kien ċar li l-Kummissjoni kienet tissospetta li l-għan ta’ dawn il-laqgħat kien li l-kompetizzjoni tiġi restritta. Minn dan jirriżulta li talba bħal din kienet ta’ tip li tobbliga lil SGL tammetti l-parteċipazzjoni tagħha fi ksur tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni.

408      L-istess japplika għat-talbiet sabiex jinkisbu l-protokolli ta’ l-imsemmija laqgħat, id-dokumenti ta’ ħidma u d-dokumenti ta’ preparazzjoni relattivi, in-noti miktubin bl-id dwarhom, in-noti u l-konklużjonijiet li jittrattaw dawn il-laqgħat, id-dokumenti ta’ ippjanar u ta’ diskussjoni kif ukoll il-proġetti ta’ implementazzjoni dwar iż-żidiet fil-prezz li saru bejn l-1992 u l-1998.

409      Peress li SGL ma kinitx marbuta twieġeb għal dawn it-tip ta’ mistoqsijiet li jidhru fit-talba għal informazzjoni tal-31 ta’ Marzu 1999, il-fatt li hija xorta waħda tat informazzjoni fuq dawn il-punti għandu jiġi kkunsidrat bħala kollaborazzjoni volontarja ta’ l-impriża li tista’ tiġġustifika tnaqqis fil-multa skond il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni.

410      Dik il-konklużjoni ma tistax tiġi affettwata mill-argument tal-Kummissjoni li l-informazzjoni in kwistjoni ma ġietx mogħtija spontanjament, iżda bħala tweġiba għal talba għal informazzjoni. Fil-fatt, l-ewwel inċiż tal-paragrafu 2 tal-punt D tal-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, ma jeħtieġx att spontanju, meħud biss bl-inizjattiva ta’ l-impriża kkonċernata, iżda jeżiġi sempliċiment informazzjoni li tikkontribwixxi “għal konferma” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ta’ l-eżistenza ta’ ksur imwettaq. Minbarra dan, anki l-punt C, li jittratta tnaqqis ta’ multa akbar minn dak previst fil-punt D, jippermetti li tiġi rrikompensata kooperazzjoni mogħtija “wara li l-Kummissjoni tkun wettqet investigazzjoni ordnata b’deċiżjoni fil-konfront ta’ l-impriżi li jkunu ħadu sehem fl-akkordju” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Konsegwentement, il-fatt li talba għal informazzjoni ġiet indirizzata lil SGL, skond l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 17, ma jistax ikun determinanti sabiex jimminimizza l-kooperazzjoni mogħtija mill-impriża, skond l-ewwel inċiż tal-paragrafu 2 tal-punt D tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, speċjalment peress li talba għal informazzjoni hija miżura inqas restrittiva minn investigazzjoni mwettqa fuq il-bażi ta’ deċiżjoni..

411      Minn dan isegwi li l-Kummissjoni injorat l-importanza tal-kooperazzjoni ta’ SGL f’dan il-kuntest..

412      Safejn il-Kummissjoni tikkritika lil SGL li tatha tweġiba mhux kompleta għall-mistoqsija dwar liema impriżi SGL kienet informat dwar l-investigazzjoni imminenti tal-Kummissjoni f’Ġunju 1997, huwa minnu li, permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Lulju 1997, SGL ammettiet biss li kienet informat lil VAW u lil impriża oħra, mingħajr ma indikat li hija kienet informat ukoll lil UCAR. Madankollu, il-Kummissjoni stess sostniet li t-twissija mogħtija minn SGL iggravat il-ksur, tat lok għal multa fejn l-effett dissważiv kien iktar mis-soltu u kienet tiġġustifika li tkun meqjusa bħala ċirkustanza aggravanti, peress li l-aġir ta’ SGL kien ħoloq il-kundizzjonijiet neċessarji għaż-żamma tal-kartell fis-seħħ u għat-titwil ta’ l-effetti danneġġanti tiegħu. Għalhekk jirriżulta li SGL ma kinitx marbuta tindika lill-Kummissjoni li hija kienet avżat impriżi oħra. Fil-fatt, din l-informazzjoni setgħet taggrava s-sanzjoni li l-Kummissjoni kienet ser timponi fuq SGL. Għalhekk fuq dan il-punt ukoll, il-Kummissjoni injorat l-aġir ta’ SGL meta kkritikatha li fornitha bi tweġiba mhux kompleta”

 It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

11      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata għal dak li jirrigwarda l-punt 2 tal-parti operattiva tagħha;

–        tordna lil SGL Carbon tbati l-ispejjeż.

12      SGL Carbon titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell;

–        tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

 Fuq it-talba għal ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali

13      B’ittra li waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta’ Frar 2006, SGL Carbon talbet, skond l-Artikolu 61 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali.

14      In sostenn ta’ din it-talba, SGL Carbon qieset li l-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali f’dan l-appell mhux dejjem jirriproduċu b’mod korrett id-dikjarazzjoni tal-fatti tal-partijiet kif ukoll il-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Dawn jinkludu wkoll argumenti u suppożizzjonijiet li ma tressqux s’issa mill-partijiet fin-noti tagħhom u li ma humiex is-suġġett tas-seduta. Għalhekk, dawn il-konklużjonijiet ma jistgħux iservu ta’ bażi tajba biżżejjed għad-deċiżjoni, iżda eċċezzjonalment jirrikjedu osservazzjonijiet supplimentari qabel mal-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi b’mod definittiv.

15      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u r-Regoli tal-Proċedura tagħha ma jipprovdux għal possibbiltà għall-partijiet li jippreżentaw osservazzjonijiet bħala risposta għall-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali (ara, b’mod partikolari, id-digriet ta’ l-4 ta’ Frar 2000, Emesa Sugar, C-17/98, Ġabra p. I-665, punt 2).

16      F’dak li jirrigwarda l-argumenti mressqa minn SGL Carbon, għandu jitqies li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ ex officio jew fuq proposta ta’ l-Avukat Ġenerali, jew fuq talba tal-partijiet, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali, skond l-Artikolu 61 tar-Regoli tagħha tal-proċedura, jekk hija tikkunsidra li ma ngħatatx biżżejjed informazzjoni jew li l-kawża għandha tiġi deċiża abbażi ta’ argument li ma ġiex diskuss bejn il-partijiet (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta’ Novembru 2003, Schilling u Fleck-Schilling, C-209/01, Ġabra p. I-13389, punt 19, kif ukoll tas-17 ta’ Ġunju 2004, Recheio – Cash & Carry, C-30/02, Ġabra p. I-6051, punt 12).

17      F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li hija tiddisponi mill-elementi kollha neċessarji sabiex tagħti deċiżjoni fuq dan l-appell.

18      Għalhekk, m’hemmx bżonn li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali.

 Fuq l-appell

19      Il-Kummissjoni ssostni li l-punti 401 sa 412 tas-sentenza appellata jinkludu ksur tad-dritt Komunitarju, b’mod partikolari ta’ l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 17, flimkien ma’ l-Artikolu 11 tiegħu, kif ukoll tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni. Hija tqis li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żbalji ta’ liġi fl-evalwazzjoni tagħha tar-risposti mogħtija minn SGL Carbon għat-talbiet għal informazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ tnaqqis eventwali ta’ l-ammont tal-multa. Minbarra dan, is-sentenza appellata, f’dawn il-punti, hija vvizzjata b’nuqqasijiet ta’ motivazzjoni. In sostenn tat-talbiet tagħha, il-Kummissjoni taqsam l-argument wieħed tagħha f’żewġ partijiet.

20      SGL Carbon tqis li, bħal fil-każ ta’ l-evalwazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza, it-talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Ġunju 1997, kif ukoll l-ewwel sal-ħames domandi u t-tieni inċiż tas-seba’ domanda tat-talba tal-31 ta’ Marzu 1999, kienu jmorru lil hinn mill-kompetenzi tal-Kummissjoni fil-qasam ta’ investigazzjoni. Fil-fatt, l-imsemmija talbiet kienu jmorru kontra d-dritt li wieħed ma jinkriminax lilu nnifsu (nemo tenetur se ipsum accusare). Konsegwentement, fuq il-bażi tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, kien ikun neċessarju li terġa’ titnaqqas il-multa bi għall-inqas 8 %. F’kull każ, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ma hija, fuq dan il-punt, ivvizzjata bl-ebda żball ta’ evalwazzjoni.

 L-ewwel parti:It-talba għal informazzjoni tal-31 ta’ Marzu 1999

–       L-argumenti tal-partijiet

21      Il-Kummissjoni tikkunsidra li s-sentenza appellata, fil-punti 408 u 409 tagħha, hija vvizzjata b’bosta żbalji ta’ liġi f’dak li jikkonċerna l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 17, flimkien ma’ l-Artikolu 11 tiegħu u flimkien mal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni. Fil-fatt, hija dejjem ikollha d-dritt titlob il-produzzjoni ta’ dokumenti, u talba bħal din ma tiksirx id-drittijiet tad-difiża.

22      Il-Kummissjoni ssostni li l-punti mqajjma fit-talba għal informazzjoni tal-31 ta’ Marzu 1999 jirrigwardaw il-“produzzjoni” tad-dokumenti li huma fil-pussess ta’ SGL Carbon u li ma humiex talbiet li għandhom l-għan li jiksbu “tweġiba” mingħandha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-konklużjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza li ċerti elementi ta’ l-imsemmija talba kienu ta’ tip li jobbligaw lil SGL tammetti l-parteċipazzjoni tagħha fi ksur ma tapplikax għad-domandi li għandhom l-għan li jiksbu dokumenti eżistenti.

23      Il-Kummissjoni tafferma li talba għal dokumenti eżistenti hija dejjem rikonċiljabbli mad-drittijiet tad-difiża, anki jekk dawn jistgħu jservu sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ aġir anti-kompetittiv, kif enfasizzat espressament il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punti 403, 406 u 407 tas-sentenza appellata. Il-Qorti tal-Prim’Istanza għalhekk kienet injorat il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u kkontradixxiet il-konklużjonijiet tagħha stess.

24      Skond il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza kellha tistabbilixxi b’liema mod SGL Carbon kienet effettivament ikkonformat ruħha mal-punti differenti tat-talba għal informazzjoni li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkontestat speċifikament, meta pproduċiet id-dokumenti mitluba. Issa, jirriżulta mir-risposta ta’ din l-impriża tat-8 ta’ Ġunju 1999 li dan ma kienx il-każ. Għall-kuntrarju, SGL Carbon kienet indikat fl-imsemmija risposta li hija ma kellhiex dokumenti tat-tip bħal dawk mitluba.

25      Il-Kummissjoni kkonkludiet minn dan kollu li l-elementi in kwistjoni fit-talba tagħha tal-31 ta’ Marzu 1999 għal informazzjoni ma jagħtux lok għal tnaqqis akbar tal-multa minn dak diġà akkordat. Fil-fatt, hija ħadet in kunsiderazzjoni ċ-ċirkustanza li SGL Carbon, minkejja n-nuqqas tad-dokumenti mitluba, kienet ippruvat tikkontribwixxi għall-iċċarar tal-fatti. L-uniċi elementi li hija ma ħaditx in kunsiderazzjoni sabiex tistabbilixxi t-tnaqqis kienu dawk li jammontaw għar-risposta ta’ SGL Carbon għat-talba formali għall-informazzjoni. Min-naħa l-oħra, hija kienet ikkunsidrat informazzjoni li kienet tmur lil hinn minn dak li kien ġie mitlub abbażi ta’ l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17 sabiex l-ammont tal-multa imposta titnaqqas bi 30 %.

26      Issa, skond il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza madankollu kkunsidrat b’mod ħażin, fil-punt 409 tas-sentenza appellata, li SGL Carbon kienet ssodisfat it-talba għal informazzjoni dwar l-imsemmija elementi fihom infushom u li l-Kummissjoni ma kinitx ħadet in kunsiderazzjon din il-kontribuzzjoni.

27      Il-Kummissjoni żżid li s-sentenza appellata hija wkoll affettwata minn nuqqas ta’ motivazzjoni. Fil-fatt, il-punti 408 u 409 ta’ l-imsemmija sentenza huma manifestament kontradittorji għall-punti 403, 406 u 407 ta’ l-imsemmija sentenza, li fihom il-Qorti tal-Prim’Istanza rriproduċiet il-kriterji msemmija fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Minbarra dan, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma kinitx spjegat kif, fid-dawl, minn naħa, tal-kliem użat fir-risposta ta’ SGL Carbon tat-8 ta’ Ġunju 1999 u, min-naħa l-oħra, tad-deċiżjoni kkontestata, setgħet tasal għall-konklużjoni li dik l-impriża kienet tat kontribuzzjoni lill-investigazzjoni tal-Kummissjoni li din ta’ l-aħħar ma tatx kas tagħha.

28      SGL Carbon tgħid li l-elementi kollha li jidhru fil-memorandum tagħha tat-8 ta’ Ġunju 1999 kif ukoll ir-risposti tagħha għat-talba għal informazzjoni tat-30 ta’ Ġunju 1997 kellhom ikunu kkunsidrati bħala kontribuzzjonijiet sinonimi ta’ kooperazzjoni, peress li ma tistax issir distinzjoni bejn l-ammissjoni espliċita tal-ksur u l-fatti jew il-preżentazzjoni tad-dokumenti li jammontaw għal prova ta’ ksur.

29      SGL Carbon tgħid li l-ewwel sal-ħames domandi u t-tieni inċiż tas-seba’ domanda tat-talba għal informazzjoni tal-31 ta’ Marzu 1999 ma kellhomx biss bħala għan li jġegħluha tammetti l-ksur, iżda minbarra dan kellhom iġegħluha tikkomunika elementi li joffru prova tal-ksur tagħha stess. Issa, hija ma setgħetx, b’mod konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u ma’ dik tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, tkun imġiegħla tirrispondi għal dwan id-domandi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li hi ikkomunikat l-informazzjoni u l-elementi mitluba spontanjament kellu jkun ikkunsidrat bħala kontribuzzjoni li tiġġustifika tnaqqis tal-multa.

30      Sussidjarjament, jiġifieri fil-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ma taċċettax l-eżistenza ta’ dritt illimitat għal silenzju, SGL Carbon tqis li s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ma hijiex kuntrarja għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar dan is-suġġett. Fil-fatt, impriża ma tistax tkun obbligata tagħti risposti li jikkonsistu fl-ammissjoni ta’ l-eżistenza ta’ ksur fejn il-prova trid tiġi mressqa mill-Kummissjoni. Skond din il-ġurisprudenza, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza hija fondata, peress li din ikkunsidrat bħala element li jġib miegħu t-tnaqqis tal-multa, b’applikazzjoni ta’ l-eżami meħtieġ fir-rigward tar-regoli bażiċi, fuq il-fatt li SGL Carbon irrispondiet għat-talba għal informazzjoni tal-31 ta’ Marzu 1999 lil hinn minn dak li kienet marbuta li tagħmel.

31      SGL Carbon tikkonkludi li, jekk impriża interrogata tippreżenta – mingħajr ma tkun obbligata – dokumenti ta’ prova fil-qasam ikkunsidrat, dan ikun każ, fis-sens tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, ta’ inizjattiva li trid tiġi rikonoxxuta bħala tali, kif ġustament iddeċidiet il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 409 tas-sentenza appellata. Il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet fil-fatt, ġustament, sostniet li l-evalwazzjoni tal-kooperazzjoni tikkonsisti f’li jiġi identifikat il-valur addizzjonali materjali mogħti b’mod spontanju.

32      SGL Carbon tispeċifika wkoll li ma huwiex importanti, f’dan il-kuntest, jekk saritx talba għal informazzjoni preċedentement. Fil-fatt, hemm lok li wieħed jistaqsi jekk, u b’liema mod, l-element materjali mogħti kellu jew ma kellux jiġi rrivelat. Safejn dan ma kienx il-każ, anki risposta għal talba għal informazzjoni tista’ tkun spontanja u allura rilevanti mill-perspettiva ta’ kooperazzjoni ta’ l-impriża in kwistjoni.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

33      L-ewwel parti tal-motiv iqajjem, essenzjalment, il-kwistjoni jekk SGL Carbon kinitx marbuta tforni d-dokumenti kollha mitluba mill-Kummissjoni fit-talba tagħha għal informazzjoni tal-31 ta’ Marzu 1999 u, konsegwentement, jekk l-evalwazzjonijiet magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza dwar din il-kwistjoni, fil-punti 408 u 409 tas-sentenza appellata, humiex konformi mal-liġi.

34      Konsegwentement, jeħtieġ li jiġi stabbilit jekk ir-risposta mogħtija minn SGL Carbon għal dik it-talba tal-Kummissjoni jammontawx għal kooperazzjoni volontarja jew għal eżekuzzjoni ta’ obbligu.

35      Fir-rigward tal-kontenut tat-talba msemmija iktar ’il fuq, hemm lok li jingħad li l-Kummissjoni kienet talbet, fost affarijiet oħra, dokumenti dwar l-għan u l-iżvolġiment tal-laqgħat li fihom SGL Carbon kienet ipparteċipat kif ukoll id-dokumenti miktuba dwar ir-riżultati jew il-konklużjonijiet ta’ dawk il-laqgħat. Dawk id-dokumenti kienu deskritti mill-Kummissjoni bħala kopji ta’ konvokazzjonijiet, aġenda, listi ta’ parteċipanti, noti miktubin bl-id, dokumenti ta’ ħidma, dokumenti preparatorji u dokumenti ta’ implementazzjoni dwar żieda fil-prezz.

36      Il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet, fil-punt 408 tas-sentenza appellata, li, għal dak li jirrigwarda d-dritt ta’ l-impriża li tirrifjuta li tforni d-dokumenti li jistgħu jinkludu ammissjoni tal-ksur, “[l]-istess japplika għat-talbiet sabiex jinkisbu l-protokolli ta’ l-imsemmija laqgħat, id-dokumenti ta’ ħidma u d-dokumenti ta’ preparazzjoni relattivi, in-noti miktubin bl-id dwarhom, in-noti u l-konklużjonijiet li jittrattaw dawn il-laqgħat, id-dokumenti ta’ ippjanar u ta’ diskussjoni kif ukoll il-proġetti ta’ implementazzjoni dwar iż-żidiet fil-prezz li saru bejn l-1992 u l-1998”.

37      Il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 409 tas-sentenza appellata, ikkunsidrat f’dan ir-rigward li SGL Carbon ma kinitx “marbuta twieġeb għal dawn it-tip ta’ mistoqsijiet […]”. Għalhekk hija qieset li, safejn il-Kummissjoni ma setgħetx iġġegħela tforni d-dokumenti mitluba, it-tweġiba mogħtija mill-impriża kellha tiġi kkunsidrata bħala “kollaborazzjoni volontarja”.

38      Dawn l-evalwazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza huma vvizzjati bi żbalji ta’ liġi.

39      Jeħtieġ li jiġi mfakkar qabel kollox li, b’mod konformi ma’ l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 17, fit-twettiq tad-doveri mogħtija lilha f’dan il-qasam, il-Kummissjoni tista’ takkwista l-informazzjoni kollha meħtieġa mill-Gvernijiet u l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri u minn impriżi u assoċjazzjonijiet ta’ impriżi. Skond il-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, it-titolari ta’ l-impriżi jew ir-rappreżentanti tagħhom u, fil-każ ta’ persuni legali, kumpanniji jew ditti, jew assoċjazzjonijiet li ma għandhomx personalità legali, il-persuni awtorizzati li jirrappreżentawhom skond il-liġi jew skond l-istatut tagħhom għandhom ifornu l-informazzjoni mitluba.

40      Fir-rigward tal-poteri tal-Kummissjoni sabiex tagħmel talbiet bħal dawn, huwa importanti li jiġi mfakkar li, fil-punt 27 tas-sentenza Orkem vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti sostniet li r-Regolament Nru 17 ma jirrikonoxxi ebda dritt, lill-impriża li hija s-suġġett ta’ miżura ta’ investigazzjoni skond l-imsemmi regolament, sabiex teżenta ruħha mill-eżekuzzjoni ta’ din il-miżura u li l-impriża in kwistjoni hija, għal kuntrarju, suġġetta għal obbligu ta’ kollaborazzjoni attiva, li timplika li hija żżomm għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni l-elementi kollha ta’ informazzjoni relatati ma’ l-għan ta’ l-investigazzjoni.

41      Għal dak li jirrigwarda l-kwistjoni jekk dan l-obbligu japplikax ukoll għal talbiet ta’ informazzjoni li tista’ tiġi użata sabiex jiġi stabbilit, fir-rigward ta’ l-impriża li tkun fornitha, l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 34 ta’ l-imsemmija sentenza, li, sabiex jiġi ppreservat l-effett utli ta’ l-Artikolu 11(2) u (5) tar-Regolament Nru 17, il-Kummissjoni għandha d-dritt tobbliga lil din l-impriża tforni l-informazzjoni kollha neċessarja dwar fatti li tista’ tkun taf dwarhom u li tibgħat, jekk meħtieġ, id-dokumenti relatati li hija tippossjedi, anki jekk dawn jistgħu jservu sabiex tiġi stabbilita, fir-rigward tagħha jew fir-rigward ta’ impriża oħra, l-eżistenza ta’ aġir anti-kompetittiv.

42      Min-naħa l-oħra, hija differenti ħafna s-sitwazzjoni li fiha l-Kummissjoni tfittex li tikseb risposti mingħand impriża li hija s-suġġett ta’ investigazzjoni li permezz tagħhom din tkun imġiegħla tammetti l-eżistenza tal-ksur fejn hija l-Kummissjoni li trid tforni l-provi ta’dan (ara s-sentenza Orkem vs il-Kummissjoni, iċċitata, punt 35).

43      Hemm lok li jingħad ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punti 274 sa 276 tas-sentenza Limburgse Vinyl Maatschappij et vs il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, osservat li, sussegwentement għas-sentenza Orkem vs il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, saru żviluppi ġodda fil-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, li l-qorti Komunitarja għandha tieħu in kunsiderazzjoni fl-interpretazzjoni tagħha tad-drittijiet fundamentali. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat f’dan ir-rigward li dawn l-iżviluppi ma kinux ta’ tip li jqajjmu dubji dwar il-kunsiderazzjonijiet ta’ prinċipju li joħroġ mis-sentenza Orkem vs il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq.

44      Ma jirriżultax minn din il-ġurisprudenza li l-poteri ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni ġew limitati għal dak li jirrigwarda l-produzzjoni ta’ dokumenti li huma fil-pussess ta’ impriża li hija s-suġġett ta’ investigazzjoni. Minn dan isegwi li l-impriża kkonċernata trid, jekk il-Kummissjoni titlobha tagħmel dan, tforniha bl-imsemmija dokumenti li jirrigwardaw is-suġġett ta’ l-investigazzjoni, anki jekk dawn id-dokumenti jistgħu jintużaw mill-Kummissjoni sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur.

45      Huwa importanti li jiġi mfakkar ukoll li l-Qorti tal-Prim’Istanza stess, fil-punt 405 tas-sentenza appellata, irreferiet speċifikament għall-prinċipji msemmija fis-sentenza Orkem vs il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, kif ukoll għall-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja ma qalbitx il-ġurisprudenza tagħha dwar dan il-punt.

46      Il-Qorti tal-Prim’Istanza madankollu qieset, bi qbil mar-raġunament tagħha, li t-talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni tal-31 ta’ Marzu 1999 kienet ta’ tip li tobbliga lil SGL Carbon li tammetti l-parteċipazzjoni tagħha fi ksur tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni.

47      Issa, din l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza injorat il-portata ta’ l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja u, għalhekk, iddgħajjef il-prinċipju tal-kooperazzjoni li għandhom isegwu l-impriżi li huma s-suġġett ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni.

48      Fil-fatt, dan l-obbligu ta’ kooperazzjoni ma jippermettix lill-impriżi li jevitaw li jissodisfaw talbiet għal produzzjoni ta’ dokumenti għar-raġuni li, billi jagħmlu hekk, ikollhom jixhdu kontrihom stess.

49      Barra minn hekk, u kif ġustament jgħid l-Avukat Ġenerali fil-punt 67 tal-konklużjonijiet tiegħu, għalkemm huwa evidenti li d-drittijiet tad-difiża għandhom ikunu rrispettati, l-impriża kkonċernata għadha f’pożizzjoni, kemm waqt il-proċedura amministrattiva, kif ukoll waqt il-proċedura quddiem il-qrati Komunitarji, li ssostni li d-dokumenti ppreżentati għandhom sens differenti minn dak attribwit lilhom mill-Kummissjoni.

50      Għalhekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ dritt meta ddeċidiet li l-kundizzjonijiet għal tnaqqis tal-multa skond il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni kienu sodisfatti.

51      L-ewwel parti ta’ l-argument hu għalhekk fondat.

 It-tieni parti: It-talba għal informazzjoni tat-30 ta’ Ġunju 1997

–       L-argumenti tal-partijiet

52      Il-Kummissjoni tallega li l-punt 412 tas-sentenza appellata huwa vvizzjat minn bosta żbalji ta’ liġi. Fil-fatt, il-Qorti tal-Prim’Istanza attribwiet lill-Kummissjoni perspettiva li din ma sostnietx u ma eżaminatx l-argumenti li hija kienet żviluppat fl-osservazzjonijiet tagħha, li jammonta għal nuqqas ta’ motivazzjoni.

53      Il-Kummissjoni tenfasizza li hi qatt ma sostniet li limitat it-tnaqqis mogħti lil SGL Carbon skond il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni peress li din l-impriża ma semmietx l-impriżi kollha li hija kienet avżat dwar il-kontroll imminenti. Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni ma żiditx it-tnaqqis tal-multa peress li hi kkunsidrat li r-risposta effettivament mogħtija minn SGL Carbon ma kinitx tmur lil hinn mill-obbligu tagħha li tikkoopera, b’mod konformi ma’ l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17.

54      Il-Kummissjoni sssostni li d-domanda li hija għamlet ma kinitx tmur lil hinn mill-poteri tagħha ta’ investigazzjoni u għalhekk li r-risposta mogħtija ma kinitx tmur lil hinn minn dak li kien mitlub skond l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17. Konsegwentement, hija ma kellha l-ebda raġuni sabiex tnaqqas il-multa skond il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni. Apparti dan, il-fatt li r-risposta ta’ SGL Carbon kienet inkompluta u qarrieqa, jikkostitwixxi raġuni oħra għaliex ma ġiex akkordat tnaqqis tal-multa skond l-imsemmija komunikazzjoni.

55      Skond il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza lanqas ma tat risposta għall-argument sussidjarju li jgħid li SGL Carbon ma kinitx invokat, fir-risposta tagħha għat-talba għal informazzjoni tat-30 ta’ Ġunju 1997, l-elementi l-aktar importanti li wasslu għal żieda fil-multa minħabba l-eżistenza ta’ ċirkustanza aggravanti. Kif irrikonoxxiet il-Qorti tal-Prim’Istanza stess, kontribuzzjonijiet effettivi għall-investigazzjoni tal-Kummissjoni biss setgħu jagħtu lok għal tnaqqis tal-multa.

56      Il-Kummissjoni tgħid ukoll li tnaqqis għal “nuqqas ta’ kontribuzzjoni skużabbli”, huwa, jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet ippreveditu, f’kull każ inkompatibbli ma’ l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 17 u mal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni. Fil-fatt, skond il-prinċipji li jirregolaw l-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, tnaqqis huwa ġġustifikat biss jekk l-aġir ta’ l-impriża ppermetta lill-Kummissjoni tistabbilixxi l-eżistenza ta’ ksur b’inqas diffikultajiet u, skond il-każ, li ġġiebu fi tmiem.

57      Il-Kummissjoni ssostni li, jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li t-tweġiba effettivament mogħtija minn SGL Carbon, jiġifieri li hi avżat lil impriża oħra bl-investigazzjoni imminenti, kellha tagħti lok għal tnaqqis tal-multa, hija wettqet ksur ta’ l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 17, flimkien ma’ l-Artikolu 11 tiegħu u tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni. Fil-fatt, il-Kummissjoni ma hijiex marbuta tnaqqas il-multa għall-fatt biss li impriża tkun issodisfat talba għal informazzjoni jekk din tirrispetta l-limiti stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Issa, dan huwa l-każ hawnhekk, peress li t-talba tat-30 ta’ Ġunju 1997 kellha l-għan li tikseb informazzjoni fuq fatti u ma waslitx lil SGL Carbon sabiex tametti l-eżistenza tal-ksur.

58      Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-fatt li impriża oħra ġiet avżata ma kienx jammonta għal ksur ta’ l-Artikolu 81 KE u tindika li l-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet hija stess li dawn it-twissijiet ma jammontawx għal ksur ta’ din id-dispożizzjoni. Madankollu, il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet ikkunsidrat li l-informazzjoni in kwistjoni setgħet taggrava s-sanzjoni li l-Kummissjoni imponiet fuq SGL Carbon. Hija kkonkludiet, fil-punt 412 tas-sentenza appellata, li din l-impriża ma kinitx marbuta tinforma lill-Kummissjoni li hija kienet avżat lil impriżi oħra dwar l-investigazzjoni imminenti. Issa, billi għamlet hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza injorat is-sens tal-ġurisprudenza dwar dan il-punt.

59      Skond il-Kummissjoni, il-kwistjoni determinanti hija jekk ir-risposta mitluba tantiċipax fiha nfisha l-konklużjoni li jeżisti ksur, b’mod li l-impriża tesponi ruħha għal sanzjoni biss minħabba li tkun tat din ir-risposta. Issa, il-fatt li tavża operatur ekonomiku ieħor dwar il-probabbiltà ta’ investigazzjoni fih nnifsu ma jesponix lill-impriża għal akkuża ta’ ksur jew għal sanzjonijiet. Il-fatt, irrilevat mill-Qorti tal-Prim’Istanza, li l-Kummissjoni kkunsidrat din it-twissija bħala fattur aggravanti, ma jbiddel xejn. Fil-fatt, sabiex tasal għal din il-konklużjoni, il-Kummissjoni l-ewwelnett kellha tistabbilixxi l-prova tal-ksur, u l-informazzjoni relatata mat-twissija ma kinitx ta’ tip li tisossitwixxi din il-prova.

60      Minbarra dan, il-Kummissjoni ssostni li l-fatt li hija ddeċidiet li kien hemm ċirkustanza aggravanti ma jikkontribwixxix għall-konstatazzjoni tal-fatti li jikkostitwixxu l-ksur, iżda għall-eżerċizzju tad-diskrezzjoni tagħha fid-determinazzjoni ta’ l-ammont tal-multa. Min-naħa l-oħra, il-fatt li l-informazzjoni mogħtija setgħet tikkontribwixxi sabiex tistabbilixxi l-prova tal-ksur bħala element ta’ fatt huwa irrilevanti.

61      Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ dritt meta kkunsidrat li r-risposta mogħtija minn SGL Carbon li hija kienet wissiet lil impriża oħra bl-investigazzjoni imminenti, kellha tagħti lok għal tnaqqis tal-multa. Dik l-interpretazzjoni hija kuntrarja għall-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 17 flimkien ma’ l-Artikolu 11 tiegħu u l-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni. Barra minn hekk, is-sentenza appellata hija kontradittorja fuq dan il-punt, kif inhi għal dak li jirrigwarda l-produzzjoni ta’ dokumenti eżistenti minn qabel. Fil-fatt, fuq il-bażi tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet fakkret il-kriterji rilevanti fil-punti 402 sa 406 tas-sentenza appellata, iżda ma applikathomx.

62      SGL Carbon tqis li l-Qorti tal-Prim’Istanza ġustament iddeċidiet fil-punt 412 tas-sentenza appellata, li t-talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Ġunju 1997 ma kinitx leġittima. SGL Carbon fil-fatt kienet ammettiet spontanjament li hija kienet avżat lil ċerti impriżi dwar investigazzjonijiet imminenti u l-Kummissjoni kellha tieħu din l-ammissjoni in kunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni ta’ kooperazzjoni.

63      Din l-impriża ssostni li l-argument tal-Kummissjoni għandu jiġi rrifjutat bħala inammissibbli inkwantu la hi u lanqas il-Qorti tal-Prim’Istanza ma kkonstataw l-eżistenza ta’ ftehim sabiex jinqerdu d-dokumenti. Il-Kummissjoni ma tistax, fil-kuntest ta’ appell, tressaq elementi ġodda ta’ fatt.

64      SGL Carbon tgħid li l-imsemmija talba għal informazzjoni ma kinitx ġuridikament fondata peress li t-twissijiet lil impriżi oħra ma jikkostitwixxux aġir anti-kompetittiv ipprojbit mill-Artikolu 81 KE. Id-drittijiet li l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17 jagħti lill-Kummissjoni, fil-fatt ma jawtorizzawhiex tagħmel domandi dwar elementi ta’ fatt mhux previsti minn din id-dispożizzjoni. Madankollu, jekk dawn it-twissijiet jiġu meqjusa bħala li setgħu jammontaw għal ċirkustanzi aggravanti, il-fatt li ġew rikonoxxuti għandu jiġi kkwalifikat bħala “element ta’ kooperazzjoni”.

65      SGL Carbon tqis li f’kull każ, li l-Qorti tal-Prim’Istanza ġustament ikkonstatat li hi ma kinitx marbuta tgħid lill-Kummissjoni li hi kienet wissiet lil impriżi oħra dwar l-eżistenza ta’ investigazzjonijiet imminenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

66      Huwa importanti li fl-ewwel lok jiġi mfakkar li, fit-talba għal informazzjoni tat-30 ta’ Ġunju 1997, il-Kummissjoni kienet talbet lil SGL Carbon sabiex tindikalha, fost affarijiet oħra, l-isem ta’ l-impriżi ta’ l-industrija ta’ l-elettrodi tal-grafita li hija kienet avżat dwar il-possibbiltà li jkunu suġġetti għal investigazzjoni tal-Kummissjoni.

67      Jeħtieġ li jiġi nnotat li l-Qorti tal-Prim’Istanza osservat, fil-punt 412 tas-sentenza appellata, li din l-impriża ma kinitx marbuta tinforma lill-Kummissjoni, wara l-imsemmija talba, li hija kienet avżat lil impriżi oħra u li l-Kummissjoni ma setgħetx iġġiegħel lil SGL Carbon tirrispondiha. Il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet, fl-istess punt tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet injorat l-aġir ta’ SGL Carbon meta kkritikatha li fornietha b’risposta mhux kompluta.

68      Sabiex jiġi evalwat il-mertu ta’ dan ir-raġunament tal-Qorti tal-Prim’Istanza, hemm lok li jiġi mfakkar li jirriżulta mill-ġurisprudenza reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja li tnaqqis abbażi tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni jkun ġustifikat biss meta l-informazzjoni mogħtija, u, b’mod iktar ġenerali, l-aġir ta’ l-impriża kkonċernata jistgħu f’dan ir-rigward jiġu kkunsidrati bħala li juru spirtu ta’ kooperazzjoni vera min-naħa tagħha (ara s-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C-189/02 P, C-202/02 P, C-205/02 P sa C-208/02 P u C-213/02 P, Ġabra p. I–5425, punti 388 sa 403, b’mod partikolari punt 395).

69      Issa, kif ġie rrilevat mill-Avukat Ġenerali fil-punt 78 tal-konklużjonijiet tiegħu, għalkemm SGL Carbon ma kinitx obbligata tirrispondi għad-domanda magħmula mill-Kummissjoni, hija rrispondiet b’mod mhux komplet u qarrieqi. Konsegwentement, dan l-aġir ta’ SGL Carbon ma jistax jiġi kkunsidrat bħala li jirrifletti spirtu ta’ kooperazzjoni skond is-sentenza Dansk Rørindustri et vs il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq.

70      Għalhekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ dritt meta ddeċidiet li SGL Carbon kienet tissodisfa, minħabba l-aġir tagħha, il-kundizzjonijiet għal tnaqqis eventwali tal-multa abbażi tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni. Il-punt 412 tas-sentenza appellata huwa konsegwentement ivvizzjat bi żball ta’ dritt. Minn dan jirriżulta li t-tieni parti tal-motiv huwa fondat.

Fuq il-konsegwenzi ta’ l-annullament tas-sentenza appellata

71      Skond l-Artikolu 61 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, jekk l-appell ikun fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti ta’ Prim’Istanza. Tista’ allura jew hija stess tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tirrinvija l-kwistjoni quddiem il-Qorti ta’ Prim’ Istanza biex din tiddeċidiha.

72      Il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li, f’din il-kawża, il-kundizzjonijiet huma sodisfatti sabiex hija tista’ tiddeċiedi b’mod definittiv.

73      Huwa importanti li jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkonċediet lil SGL Carbon tnaqqis supplementari ta’ 10 % abbażi tal-punt D(2) tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, iżda mbagħad naqqsitu għal 8 % minħabba l-aġir ta’ l-imsemmija impriża. Dan it-tnaqqis ta’ 8 % kien intiż sabiex jirrikumpensa lil SGL Carbon għar-risposti tagħha għad-domanda magħmula mill-Kummissjoni, li kienet ikkunsidrata bħala li tmur lil hinn mill-kompetenza tal-Kummissjoni, li ġew ikkwalifikati mill-Qorti tal-Prim’Istanza bħala aġir li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni.

74      Issa, kif ġie rrilevat mill-Avukat Ġenerali fil-punti 69 u 82 tal-konklużjonijiet tiegħu, element minuri biss tad-domandi magħmula mill-Kummissjoni, jiġifieri dak dwar l-għan u r-riżultat tal-laqgħat ta’ SGL Carbon ma’ impriżi oħra, kien imur lil hinn minn dak li l-Kummissjoni setgħet iġġiegħel lil din l-impriża sabiex tirrispondi.

75      Il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li dan l-element huwa ekwivalenti għal 20% ta’ l-informazzjoni mitluba mill-Kummissjoni.

76      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li tnaqqis addizzjonali totali ta’ 4 % apparti dak ta’ 30 % mogħti mill-Kummissjoni huwa ġġustifikat.

77      Għalhekk jeħtieġ li l-multa tiġi ffissata għal EUR 75.7 miljun.

 Fuq l-ispejjeż

78      Skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 122 tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 69(2) ta’ l-istess Regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ l-appell skond l-Artikolu 118 tagħhom, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress SGL Carbon tilfet ir-rigward tal-biċċa l-kbira tal-motivi tagħha fil-kuntest ta’ l-appell, hemm lok li tiġi ordnata tbati l-ispejjeż ta’ din l-istanza, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-ewwel inċiż tal-punt 2 tal-parti operattiva tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej, tad-29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs il-Kummissjoni (T-236/01, T-239/01, T-244/01 sa T-246/01, T-251/01 u T-252/01), huwa annullat.

2)      L-ammont tal-multa impost fuq il-kumpannija SGL Carbon AG skond l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/271/KE, tat-18 ta’ Lulju 2001, dwar proċedura ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81 tat-Trattat KE u ta’ l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE. – Kawża COMP/E-1/36.490 – Elettrodi tal-grafita, huwa stabbilit għal EUR 75.7 miljun.

3)      SGL Carbon AG hija ordnata tbati l-ispejjeż ta’ din l-istanza.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.