Language of document : ECLI:EU:C:2006:433

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

29 ta’ Ġunju 2006 (*)

"Appell – Kompetizzjoni – Akkordju – Elettrodi tal-grafita – Artikolu 81(1) KE – Multi – Linji gwida għall-kalkolu tal-multi – Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni – Prinċipju ta’ non bis in idem"

Fil-kawża C-308/04 P,

li għandha bħala suġġett appell skond l-Artikolu 56 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, imressaq fid-19 ta’ Lulju 2004,

SGL Carbon AG, stabbilita f'Wiesbaden (il-Ġermanja), irrappreżentata minn M. Klusmann u K. Beckmann, Rechtsanwälte,

rikorrenti

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn A. Bouquet u M. Schneider kif ukoll H. Gading, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta fl-ewwel istanza

Tokai Carbon Co. Ltd, stabbilita f’Tokyo (il-Ġappun),

Nippon Carbon Co. Ltd, stabbilita f’Tokyo,

Showa Denko KK, stabbilita f’Tokyo,

GrafTech International Ltd, li preċedentement kienet UCAR International Inc., stabbilita f’Wilmington (l-Istati Uniti),

SEC Corp., stabbilita f’Amagasaki (il-Ġappun),

The Carbide/Graphite Group Inc., stabbilita f’Pittsburgh (l-Istati Uniti),

konvenuti fl-ewwel istanza

Il-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta’ l-Awla, R. Silva de Lapuerta (Relatur), P. Kūris, G. Arestis u J. Klučka, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: L. A. Geelhoed,

Reġistratur: K. Sztranc, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Settembru 2005,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-19 ta’ Jannar 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Permezz ta’ l-appell tagħha, SGL Carbon AG (iktar ‘il quddiem "SGL Carbon") titlob l-annullament parzjali tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej, tad-29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni (T-236/01, T-239/01, T-244/01 sa T-246/01, T-251/01 u T-252/01, Ġabra p. II-1181, iktar ’il quddiem is-"sentenza kkontestata"), fil-parti fejn din tiċħad ir-rikors kontra l-Artikoli 3 u 4 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/271/KE tat-18 ta’ Lulju 2001, rigward proċedura ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81 tat-Trattat KE u ta’ l-Artikolu 53 tal-ftehim ŻEE – Kawża COMP/E-1/36.490 – Elettrodi tal-grafita (ĠU 2002, L 100, p. 1, iktar ‘il quddiem id-"Deċiżjoni kkontestata").

 Il-kuntest ġuridiku

 Ir-Regolament Nru 17

2       L-Artikolu 15 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat (ĠU 1962, 13, p. 204,), jipprovdi li:

"1.      Il-Kummissjoni tista’ perme[zz] ta’ deċiżjoni timponi fuq l-impriżi jew assoċjazzjonijiet ta’ impriżi multi minn 100 sa 5000 unit[à] ta’ rendikont fejn, intenzjonalment jew b’ negliġenza:

[…]

b)      dawn ifornu informazzjoni skorretta fir-risposta għat-talba magħmula skond l-Artikolu 11(3) jew (5) […]

[…]

2.      Il-Kummissjoni tista’ perme[zz] ta’ deċiżjoni timponi fuq l-impriżi jew assoċjazzjonijiet ta’ [i]mpriżi multi minn 1000 sa 1000000 unit[à] ta’ rendikont, jew somma li taqbeż dan iżda li ma taqbiżx 10 % ta[d-dħul mill-bejgħ] fis-sena ta’ negozju preċedenti ta’ kull impriża li tkun qed tipparteċipa fil-ksur fejn, jew intenzjonalment jew b’ negliġenza:

a)      dawn jiksru l-Artikolu [81](1) jew l-Artikolu [82] tat-Trattat […]

[…]

Fl-iffissar ta’ l-ammont tal-multa, għandhom jiġu kkonsidrati kemm il-gravit[à] kif ukoll id-dewmien tal-ksur.

[…]"

 Il-linji gwida

3       Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata "Linji […] gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi [i]mposti skond l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA" (ĠU 1998, C 9, p. 3, iktar ‘il quddiem il-"linji gwida"), tipprovdi fil-preambolu tagħha li:

"Il-prinċipji indikati hawnhekk għandhom jiżguraw [i]t-trasparenza u l-imparzjalità tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, f’għajnejn kemm ta’ l-impriżi kif ukoll tal-Qorti tal-Ġustizzja, waqt li tinżamm id-diskrezzjoni li hi mogħtija lill-Kummissjoni skond il-leġislazzjoni rilevanti biex tistabbilixxi multi fil-limitu ta’ 10 % ta[d-dħul mil]l-bejgħ totali. Din id-diskrezzjoni għandha, mandankollu, issegwi politika koerenti u mhux diskriminatorja li hi konsistenti ma’ l-għanijiet segwiti fil-penalizazzjoni tal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni.

Il-metodu l-ġdid li jistabbilixxi l-ammont ta’ multa se jkun ibbażat fuq ir-regoli li ġejjin, li jibdew minn ammont bażiku li jiżdied biex jieħdu f’konsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi aggravati jew [jitnaqqas] biex jieħdu f’konsiderazzjoni ċirkustanzi li jiskużaw il-gravità."

 Il-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni

4       Fil-komunikazzjoni tagħha dwar in-nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ multi jew it-tnaqqis tagħhom fil-kawżi li jirrigwardaw akkordji (ĠU 1996, C 207, p. 4, iktar ‘il quddiem il-’komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni’), il-Kummissjoni ddefiniet il-kundizzjonijiet li fihom l-impriżi li jikkooperaw magħha waqt l-istħarriġ tagħha jistgħu jiġu eżentati mill-multa jew jibbenefikaw minn tnaqqis fil-multa li kieku kien ikollhom iħallsu.

5       Skond il-paragrafu 5 tal-punt A, ta’ din il-komunikazzjoni:

"Il-kooperazzjoni ta’ impriża magħha mhijiex għajr element fost oħrajn li l-Kummissjoni tieħu in kunsiderazzjoni meta tiffissa l-ammont ta’ multa. […]" (traduzzjoni mhux uffiċjali)

 Il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali

6       L-Artikolu 4, tas-Seba’ Protokoll, tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, jipprovdi dan li ġej:

"Id-dritt li persuna ma tiġix ipproċessata jew ikkastigata darbtejn

Ħadd ma jista’ jkun ipproċessat jew jerġa’ jiġi kkastigat għal darb’oħra fi proċedimenti kriminali taħt il-ġurisdizzjoni ta’ l-istess Stat għal xi reat li dwaru jkun diġà ġie finalment liberat jew misjub ħati skond il-liġi u l-proċedura penali ta’ dak l-Istat.

Id-dispo[ż]izzjonijiet tal-paragrafu preċedenti ma għandhomx iżommu milli l-każ jerġa’ jinfetaħ skond il-liġi u l-proċedura penali ta’ l-Istat in kwistjoni, jekk ikun hemm provi ta’ xi fatti ġodda jew li jkunu għadhom kif ġew żvelati, jew inkella jekk ikun [h]emm xi vizzju fondamentali fil-proċedimenti ta’ qabel, li jista’ jkollhom effett fuq kif jiżvolġi l-każ.

Ebda deroga minn dan l-Artikolu ma għandha ssir taħt l-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni."

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-Deċiżjoni kkontestata

7       Fis-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet sintesi tal-fatti li wasslu għall-kawża imressqa quddiemha fit-termini li ġejjin:

"1      Permezz tad-Deċiżjoni 2002/271/KE […], il-Kummissjoni kkonstatat il-parteċipazzjoni ta’ impriżi differenti f'sensiela ta’ ftehim u prattiċi miftiehma, skond l-Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea [tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU 1994, L 1, p. 3, iktar ‘il quddiem il-’Ftehim ŻEE’)], fis-settur ta’ l-elettrodi tal-grafita.

2      L-elettrodi tal-grafita huma użati prinċipalment għall-produzzjoni ta’ l-azzar fi fran b’ark elettriku. Il-produzzjoni ta’ azzar permezz ta’ dawn il-fran jikkonsisti essenzjalment fi proċess ta’ riċiklaġġ li permezz tiegħu skart ta’ l-azzar huwa kkonvertit f’azzar ġdid, kuntrarjament għall-proċedura klassika tal-produzzjoni minn mineral tal-ħadid fi fran sħan ħafna bl-ossiġenu. Disa’ elettrodi, miġbura fi kolonni ta’ tlieta, huma użati fil-forn elettriku biex jiddewweb ir-ruttam. Minħabba l-intensità tal-proċess ta’ fużjoni, il-konsum ta’ elettrodi jammonta għal madwar unità waħda kull tmien sigħat. Iż-żmien mitlub għall-produzzjoni ta’ elettrodu huwa ta’ madwar xahrejn. L-ebda prodott ma huwa sostitwibbli għall-elettrodi ta’ grafita fil-kuntest ta’ dan il-proċess ta’ produzzjoni.

3      Id-domanda għal elettrodi tal-grafita hija direttament marbuta mal-produzzjoni ta’ l-azzar fi fran b’ark elettriku. Il-klijenti prinċipali huma l-produtturi ta’ l-azzar, li jirrappreżentaw madwar 85% tad-domanda. Fl-1998, il-produzzjoni dinjija ta’ l-azzar mhux raffinat kienet ta' 800 milljun tunnellata, li minnhom 280 milljun tunnellata ġew prodotti fi fran b’ark elettriku […]

[…]

5      Fis-snin 80, titjib teknoloġiku ppermetta tnaqqis sostanzjali tal-konsum ta’ l-elettrodi għal kull tunnellata ta’ azzar prodott. L-industrija ta’ l-azzar ukoll għaddiet minn proċess importanti ta’ ristrutturazzjoni matul dan il-perijodu. It-tnaqqis fid-domanda għall-elettrodi ta lok għal proċess ta’ ristrutturazzjoni ta’ l-industrija dinjija ta’ l-elettrodi. Numru ta’ fabbriki ngħalqu.

6      Fl-2001, disa’ produtturi tal-Punent fornew is-suq Ewropew b’elettrodi tal-grafita[…]

7      Skond l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 17 […], uffiċjali tal-Kummissjoni, fil-5 ta’ Ġunju 1997, ipproċedew mingħajr avviż għal verifiki simultanji fl-uffiċċji ta’ [ċerti produtturi tal-grafita]

8      Fl-istess ġurnata, aġenti tal-Federal Bureau of Investigation (FBI) ipproċedew, fl-Istati Uniti, għall-perkwiżizzjoni ta’ l-uffiċċji ta’ numru ta’ produtturi. Wara dawn il-perkwiżizzjonijiet, inbdew proċedimenti kriminali kontra SGL […] għal akkordji illegali. L-akkużati kollha ddikjaraw ruħhom ħatja ta' l-akkużi kontrihom u aċċettaw li jħallsu multi, [stabbiliti] għal 135 miljun dollaru ta’ l-Istati Uniti (USD) għal SGL […]

[…]

10      Inbdew proċeduri ċivili għal triple damages kontra SGL […] fl-Istati Uniti, f’isem grupp ta’ xerrejja.

11      Fil-Kanada, […] [f']Lulju 2000, SGL ddikjarat ruħha ħatja ta' l-akkużi kontriha u aċċettat li tħallas multa ta’ CAD 12.5 miljun għal […] ksur [tal-liġi Kanadiża fuq il-kompetizzjoni]. Inbdew proċeduri ċivili kontra SGL […] minn produtturi ta’ l-azzar fil-Kanada f’Ġunju 1998 għal akkordji illegali.

12      Il-Kummissjoni bagħtet, fl-24 ta’ Jannar 2000, dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet lill-impriżi kkonċernati. Il-proċedura amministrattiva wasslet għall-adozzjoni, fit-18 ta’ Lulju 2001, tad-Deċiżjoni [kkontestata], li takkuża lill-impriżi rikorrenti […] li pproċedew, fuq livell dinji, għall-iffissar ta’ prezzijiet kif ukoll għal tqassim tas-swieq nazzjonali u reġjonali tal-prodott in kawża skond il-prinċipju tal-'produttur tas-suq domestiku’: […] SGL […] [hija responsabbli għal parti] ta’ l-Ewropa; […]

13      Dejjem skond id-Deċiżjoni [kkontestata], il-prinċipji bażiċi ta’ l-akkordji kienu dawn li ġejjin:

–       il-prezzijiet ta’ l-elettrodi tal-grafita jridu jkunu stabbiliti fuq livell dinji;

–       id-deċiżjonijiet dwar il-prezzijiet ta’ kull kumpannija jridu jittieħdu esklużivament mill-president jew mid-diretturi ġenerali;

–       il-‘produttur tas-suq domestiku’ jrid jistabbilixxi prezz tas-suq fit- ‘territorju’ tiegħu u l-produtturi l-oħra ‘jsegwuh’;

–       f’dak li jirrigwarda s-swieq ‘mhux domestiċi’, jiġifieri s-swieq li fihom l-ebda produttur ‘tas-suq domestiku’ ma huwa preżenti, il-prezzijiet ikunu stabbiliti bi ftehim;

–       il-produtturi ‘mhux domestiċi’ ma jistgħu jeżerċitaw l-ebda kompetizzjoni agressiva u għandhom jirtiraw mis-swieq ‘domestiċi’ ta’ l-oħrajn;

–       il-kapaċità m’għandhiex tiżdied (il-produtturi Ġappuniżi suppost kellhom inaqqsu tagħhom);

–       l-ebda trasferiment ta’ teknoloġija ma għandu jseħħ barra miċ-ċirku tal-produtturi li qed jipparteċipaw fl-akkordju.

14      Id-Deċiżjoni [kkontestata] tkompli billi turi li dawn il-prinċipji bażiċi ġew implementati permezz ta’ laqgħat ta’ l-akkordju li seħħew fuq livelli differenti: laqgħat ‘tas-sidien’, laqgħat ‘ta’ ħidma’, laqgħat tal-grupp tal-produtturi Ewropej (mingħajr l-impriżi Ġappuniżi), laqgħat nazzjonali jew reġjonali ddedikati għal swieq speċifiċi u kuntatti bilaterali bejn l-impriżi.

[…]

16      Fuq il-bażi tal-konstatazzjonijiet fattwali u tal-kunsiderazzjonijiet legali magħmula fid-Deċiżjoni [kkontestata], il-Kummissjoni imponiet fuq l-impriżi kkonċernati l-multi li l-ammont tagħhom kien ikkalkulat skond il-metodoloġija spjegata fil-linji gwida għall-ikkalkular tal-multi imposti b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u ta’ l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA […] kif ukoll tal-komunikazzjoni li tirrigwarda n-nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ multi jew tnaqqis tagħhom fil-kawżi li jirrigwardaw akkordji […].

17      L-Artikolu 3 tal-parti operattiva tad-Deċiżjoni [kkontestata] jimponi l-multi li ġejjin:

SGL: EUR 80.2 miljun;

[…]

18      L-Artikolu 4 tal-parti operattiva jordna lill-impriżi kkonċernati jħallsu l-multi fi tliet xhur mid-data tan-notifika tad-Deċiżjoni [kkontestata], u fin-nuqqas tiġi applikata rata ta' interessi ta’ 8.04 %."

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u s-sentenza kkontestata

8       SGL Carbon u impriżi oħra destinatarji tad-Deċiżjoni kkontestata ressqu rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza għall-annullament ta’ din id-Deċiżjoni.

9       Permezz tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim’Istanza b’mod partikolari ddeċidiet li:

"[…]

2)      Fil-kawża T-239/01, SGL Carbon vs Il-Kummissjoni:

–       l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti permezz ta’ l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2002/271 huwa stabbilit għal EUR 69 114 000;

–       il-bqija tar-rikors huwa miċħud;

[…]"

 It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

10     SGL Carbon titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

–       tannulla parzjalment is-sentenza kkontestata fil-kawża T-239/01, safejn din tiċħad ir-rikors kontra l-Artikoli 3 u 4 tad-Deċiżjoni kkontestata;

–       sussidjarjament, tnaqqas il-multa imposta fuq ir-rikorrenti fl-Artikolu 3 ta’ din id-Deċiżjoni kif ukoll l-interessi għal dewmien fil-ħlas stabbiliti fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni, flimkien ma' l-ittra tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Lulju 2001;

–       ukoll sussidjarjament, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex din ta’ l-aħħar tagħti sentenza ġdida fid-dawl ta' l-interpretazzjoni tal-liġi mill-Qorti tal-Ġustizzja;

–       tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

11     Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

–       tiċħad l-appell;

–       tordna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Fuq it-talba għal ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali

12     B'ittra li waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta’ Frar 2006, SGL Carbon, skond l-Artikolu 61 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, talbet il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali.

13     In sostenn ta’ din it-talba, SGL Carbon qieset li l-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali f'dan l-appell mhux dejjem jirriproduċu b’mod korrett id-dikjarazzjoni tal-fatti tal-partijiet kif ukoll il-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Dawn jinkludu wkoll argumenti u suppożizzjonijiet li ma tressqux sa issa mill-partijiet fin-noti rispettivi tagħhom u li mhumiex is-suġġett tas-seduta. Għalhekk, dawn il-konklużjonijiet ma jistgħux iservu ta' bażi tajba biżżejjed għad-deċiżjoni, iżda eċċezzjonalment jirrikjedu osservazzjonijiet supplimentari qabel mal-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi b’mod definittiv.

14     F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u r-Regoli tal-Proċedura tagħha ma jipprevedux il-possibbiltà li l-partijiet jippreżentaw osservazzjonijiet bħala risposta għall-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali (ara, b’mod partikolari, id-digriet ta’ l-4 ta’ Frar 2000, Emesa Sugar, C-17/98, Ġabra p. I-665, punt 2).

15     F’dak li jirrigwarda l-argumenti mressqa minn SGL Carbon, għandu jitqies li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ ex officio jew fuq proposta ta’ l-Avukat Ġenerali, jew fuq talba tal-partijiet, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali, skond l-Artikolu 61 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, jekk hija tikkunsidra li ma ngħatatx biżżejjed informazzjoni jew li l-kawża għandha tiġi deċiża abbażi ta’ argument li ma ġiex diskuss bejn il-partijiet (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta’ Novembru 2003, Schilling u Fleck-Schilling, C-209/01, Ġabra p. I-13389, punt 19, kif ukoll tas-17 ta’ Ġunju 2004, Recheio – Cash & Carry, C-30/02, Ġabra p. I-6051, punt 12).

16     F'dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li hija tiddisponi mill-elementi kollha neċessarji għaliha sabiex tagħti deċiżjoni fuq dan l-appell.

17     Għalhekk, m’hemmx bżonn li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali.

 Fuq l-appell

18     SGL Carbon qajjmet seba’ raġunijiet in sostenn ta’ l-appell tagħha, jiġifieri l-allegazzjoni li ma ngħatax kas ta’ l-obbligu li jiġu kkunsidrati l-penalitajiet imposti qabel (prinċipju ta' non bis in idem), l-iffissar b’mod żbaljat ta’ l-ammont bażiku fil-kuntest ta’ l-iffissar ta’ l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti, iż-żieda kkonfermata inġustament għall-istruzzjonijiet tat-telefon ta’ qabel il-verifika ta’ l-1997, in-nuqqas ta’ osservanza żbaljat ta’ l-ogħla limitu tal-penalità stabbilit għal 10% tad-dħul mill-bejgħ dinji kkonsolidat skond l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, ir-restrizzjoni tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti minħabba aċċess insuffiċjenti għall-inkartament, l-illegalità tan-nuqqas ta’ teħid in kunsiderazzjoni tan-nuqqas ta’ kapaċità kontributtiva tar-rikorrenti kif ukoll l-illegalità tar-rati ta’ interessi stabbiliti.

 Fuq l-ewwel raġuni, ibbażata fuq l-allegazzjoni li ma ngħatax kas ta’ l-obbligu li jiġu kkunsidrati l-penalitajiet imposti qabel minn awtoritajiet ta' Stati terzi: il-prinċipju ta' non bis in idem

 L-argumenti tal-partijiet

19     SGL Carbon tqis li l-Qorti tal-Prim’Istanza kienet żbaljata meta qajjmet dubji dwar l-applikabbiltà tal-prinċipju ta’ non bis in idem fir-rapporti bejn l-Istati Uniti ta' l-Amerika u l-Kanada, minn naħa, u l-Komunità, min-naħa l-oħra, billi invokat tliet argumenti żbaljati li jidhru fil-punti 134, 136, 137, 140, 142 u 143 tas-sentenza kkontestata.

20     In sostenn ta’ l-argumenti tagħha, ir-rikorrenti tistrieħ b’mod partikolari fuq is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-14 ta’ Diċembru 1972, Boehringer Mannheim vs Il-Kummissjoni (7/72, Ġabra p. 1281).

21     SGL Carbon tippreċiża li, kuntrarjament għall-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza, l-unità meħtieġa ta’ l-interessi protetti legalment hija preżenti f’din il-kawża. Minbarra dan, l-eżistenza jew le ta’ test konvenzjonali f'dan il-qasam huwa mingħajr rilevanza fid-dawl ta’ l-obbligu li jittieħdu in kunsiderazzjoni l-penalitajiet diġà imposti.

22     Fl-opinjoni tar-rikorrenti, anki jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza kellha raġun tirrifjuta l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ non bis in idem fil-kawżi li għandhom rabta ma’ Stati terzi, hija kellha tieħu in kunsiderazzjoni l-pieni imposti preċedentement f’dawn l-Istati, skond il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ekwità.

23     Il-Kummissjoni tqis li l-invokazzjoni min-naħa tar-rikorrenti tal-projbizzjoni ta’ akkumulazzjoni ta’ proċedimenti mhijiex fondata. Fil-fatt, il-prinċipju ta’ non bis in idem ma japplikax għal kawżi li fihom Stati terzi jkunu imponew penalitajiet ukoll.

24     Il-Kummissjoni tikkunsidra li, fil-qasam tal-liġi tal-kompetizzjoni, l-Istati Uniti ta' l-Amerika u l-Komunità m’għandhomx l-istess għanjiet. Minbarra dan, il-liġijiet dwar dan ma jipproteġux il-kompetizzjoni bħala istituzzjoni dinjija. Il-leġiżlazzjoni Amerikana f’dan il-qasam ikopru l-kompetizzjoni fis-suq ta’ l-Istati Uniti, filwaqt li r-regoli fis-seħħ fil-Komunità għandhom bħala għan li jxekklu d-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq komuni.

25     Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Qorti tal-Prim’Istanza ġustament iddeċidiet li l-prinċipju ta’ non bis in idem mhuwiex applikabbli għal din il-kawża.

 Il-Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

26     Qabel kollox, għandu jiġi mfakkar li l-prinċipju ta' non bis in idem, imsemmi fl-Artikolu 4 tas-Seba’ Protokoll tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju li l-qorti għandha tosserva (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tal-5 ta’ Mejju 1966, Gutmann vs Il-Kummissjoni KEEA, 18/65 u 35/65, Ġabra p. 149, 172, u tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, C-238/99 P, C-244/99 P, C-245/99 P, C-247/99 P, C-250/99 P sa C-252/99 P u C-254/99 P, Ġabra p. I-8375, punt 59).

27     Sabiex jiġi eżaminat il-mertu tar-raġuni bbażata fuq ksur ta’ l-imsemmi prinċipju, għandu jingħad ukoll li, kif osservat korrettament il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 140 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma ddeċidietx fuq il-kwistjoni jekk il-Kummissjoni għandhiex l-obbligu li tieħu in kunsiderazzjoni piena imposta mill-awtoritajiet ta’ Stat terz f'każ li l-fatti allegati kontra impriża minn din l-istituzzjoni u mill-imsemmija awtoritajiet ikunu identiċi, iżda hija għamlet l-identiċità tal-fatti allegati mill-Kummissjoni u mill-awtoritajiet ta’ Stat terz kundizzjoni meħtieġa minn qabel għall-istħarriġ imsemmi iktar ‘il fuq.

28     Għal dak li jirrigwarda l-kamp ta’ applikazzjoni tal-prinċipju ta' non bis in idem f’dak li jikkonċerna s-sitwazzjonijiet li fihom l-awtoritajiet ta’ Stat terz jintervjenu, permezz tas-setgħa tagħhom ta' sanzjoni fil-qasam tal-liġi tal-kompetizzjoni applikabbli fit-territorju ta’ l-imsemmi Stat, għandu jiġi mfakkar li l-akkordju in kwistjoni jinsab f’kuntest internazzjonali li huwa kkaratterizzat b’mod partikolari mill-intervent, fit-territorji rispettivi tagħhom, ta’ sistemi legali ta’ Stati terzi.

29     F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-eżerċizzju ta' setgħa mill-awtoritajiet ta’ dawn l-Istati li jridu jassiguraw il-protezzjoni tal-kompetizzjoni libera, fil-kuntest tal-kompetenza territorjali tagħhom, isir skond ir-rekwiżiti speċifiċi ta' l-imsemmija Stati. Fil-fatt, l-elementi li jiffurmaw il-bażi tas-sistemi legali ta’ Stati oħra fil-qasam tal-kompetizzjoni mhux biss għandhom għanijiet u objettivi speċifiċi, iżda jwasslu wkoll għall-addozzjoni ta’ regoli materjali partikolari kif ukoll għal konsegwenzi ġuridiċi differenti ħafna fil-qasam amministrattiv, kriminali jew ċivili, meta l-awtoritajiet ta’ l-imsemmija Stati jkunu stabbilixxew l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli applikabbli fil-qasam tal-kompetizzjoni.

30     Min-naħa l-oħra, teżisti sitwazzjoni ġuridika differenti ħafna meta impriża tinsab milquta esklużivament, fil-qasam tal-kompetizzjoni, mill-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju u tad-dritt ta’ wieħed jew iktar Stati membri, jiġifieri meta akkordju jillimita ruħu għall-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tas-sistema legali tal-Komunità Ewropea.

31     Minn dan jirriżulta li, meta l-Kummissjoni tippenalizza l-aġir illegali ta’ impriża, anki jekk dan joriġina minn akkordju ta' natura internazzjonali, hi tkun qed tassigura l-kompetizzjoni libera ġewwa s-suq komuni li tikkostitwixxi, skond l-Artikolu 3(1)(g) KE, objettiv fundamentali tal-Komunità. Fil-fatt, permezz ta’ l-ispeċifità ta’ l-interessi protetti legalment fuq livell Komunitarju, l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni, fid-dawl tal-kompetenzi tagħha fil-qasam, jistgħu jkunu differenti ħafna minn dawk ta' l-awtoritajiet ta’ Stati terzi.

32     Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet korrettament, fil-punt 134 tas-sentenza kkontestata, li l-prinċipju ta' non bis in idem ma japplikax għal sitwazzjonijiet li fihom is-sistemi legali u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ Stati terzi intervenew fil-kuntest tal-kompetenzi speċifiċi tagħhom.

33     Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet korretta wkoll meta ddeċidiet li ma jeżisti ebda prinċipju ta' dritt ieħor li jista' jobbliga lill-Kummissjoni tieħu in kunsiderazzjoni proċedimenti u sanzjonijiet li għalihom ir-rikorrenti kienet suġġetta f'pajjiżi terzi.

34     F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, kif tosserva ġustament il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 136 tas-sentenza kkontestata, ma jeżisti ebda prinċipju tad-dritt internazzjonali pubbliku li jipprekludi lill-awtoritajiet pubbliċi, inklużi l-qrati, ta’ Stati differenti milli jibdew proċedimenti legali u jikkundannaw persuna fiżika jew ġuridika għall-istess fatti li fir-rigward tagħhom tkun diġà ngħatat sentenza relattiva għall-imsemmija persuna fi Stat ieħor. Barra minn hekk, ma jeżistix test konvenzjonali tad-dritt internazzjonali pubbliku li jiddisponi li l-Kummissjoni tista’ tiġi obbligata, meta tkun ser tiffissa multa skond l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, tieħu in kunsiderazzjoni l-multi imposti, mill-awtoritajiet ta’ Stat terz, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni.

35     Għandu jingħad ukoll li l-ftehim li ntlaħqu bejn il-Komunitajiet u l-Gvern ta’ l-Istati Uniti ta’ l-Amerika fit-23 ta’ Settembru 1991 u fl-4 ta’ Ġunju 1998 dwar l-implementazzjoni tal-prinċipji ta’ l-għaqda pożittiva għal ġid reċiproku fl-infurzar tal-liġijiet tal-kompetizzjoni tagħhom (ĠU 1995, L 95, p. 47, u ĠU 1998, L 173, p. 28) huma limitati għal kwistjonijiet prattiċi ta’ proċedura, bħall-iskambju ta’ informazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni u bl-ebda mod ma jkopru l-mod kif jiġu imposti s-sanzjonijiet jew it-teħid in kunsiderazzjoni tagħhom minn waħda mill-partijiet ta' l-imsemmija ftehim.

36     Fl-aħħar nett, għal dak li jikkonċerna l-ksur, mill-Qorti tal-Prim’Istanza, tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ekwità, invokat b'mod sussidjaru mir-rikorrenti, għandu jiġi osservat li kull kunsiderazzjoni bbażata fuq l-eżistenza ta’ multi imposti mill-awtoritajiet ta’ Stat terz tiġi kkunsidrata biss fil-kuntest tad-diskrezzjoni li għandha l-Kummissjoni fil-qasam ta’ l-iffissar ta’ multi għall-ksur tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni. Għaldaqstant, għalkemm mhuwiex eskluż li l-Kummissjoni tieħu in kunsiderazzjoni multi imposti preċedentement mill-awtoritajiet ta' Stati terzi, hija madankollu mhijiex obbligata tagħmel dan.

37     Fil-fatt, l-objettiv ta’ dissważjoni li l-Kummissjoni tista' tipprova tilħaq, meta tiffissa l-ammont ta’ multa, huwa intiż sabiex jassigura l-osservanza, mill-impriżi, tar-regoli tal-kompetizzjoni stabbiliti mit-Trattat KE għat-twettiq ta' l-attivitajiet tagħhom ġewwa s-suq komuni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Lulju 1970, ACF Chemiefarma vs Il-Kummissjoni, 41/69, Ġabra p. 661, punti 173 sa 176). Għaldaqstant, fl-evalwazzjoni tal-karattru dissważiv ta’ multa li għandha tiġi imposta minħabba ksur ta’ l-imsemmija regoli, il-Kummissjoni mhijiex obbligata tieħu in kunsiderazzjoni sanzjonijiet eventwali imposti fuq impriża minħabba ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni ta’ Stati terzi.

38     Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma wettqet ebda żball ta' dritt meta ddeċidiet, fil-punti 144 sa 148 tas-sentenza kkontestata, li l-iffissar ta’ l-ammont tal-multa imposta kien konformi mal-liġi.

39     Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, l-ewwel raġuni għandha tiġi miċħuda kollha kemm hi.

 Fuq it-tieni raġuni, ibbażata fuq l-iffissar b’mod żbaljat ta’ l-ammont bażiku fil-kuntest ta’ l-iffissar ta’ l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti

 L-argumenti tal-partijiet

40     SGL Carbon tqis li, fil-kuntest tal-kalkolu tal-multa, il-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet applikazzjoni żbaljata tal-kriterji biex jiġi stabbilit l-ammont bażiku, li tikkostitwixxi kemm ksur tal-prinċipju tat-trattament ugwali kif ukoll żball ta’ evalwazzjoni.

41     Ir-rikorrenti tispjega li r-raġunament tal-Qorti tal-Prim’Istanza f'dan ir-rigward huwa żbaljat fi tliet aspetti. L-ewwel nett, il-kalkolu magħmul mill-Qorti tal-Prim’Istanza, fi ħdan kategorija ta’ impriżi, li fih, għall-ewwel, tgħodd flimkien l-ishma mis-suq u dħul mill-bejgħ tad-diversi operaturi biex wara tasal għal dħul mill-bejgħ jew sehem mis-suq medju mhuwiex iġġustifikat. It-tieni nett, id-differenzi bejn l-ishma mis-suq ikkonstati mill-Qorti tal-Prim’Istanza tant huma kbar li din ta’ l-aħħar ma kellhiex raġun tikkunsidra l-impriżi kkonċernati b’mod uniformi fi ħdan l-istess kategorija. It-tielet nett, għall-impriżi l-oħra destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkwalifikat bħala "raġuni imperattiva" l-impożizzjoni ta’ multa iktar gradwali u proporzjonali mingħajr ma applikat dawn l-istess kunsiderazzjonijiet għar-rikorrenti.

42     SGL Carbon ikkonkludiet minn dan kollu li hi kienet speċifikament żvantaġġata mill-evalwazzjonijiet magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza waqt it-traspożizzjoni matematika tal-prinċipji ta’ kalkolu tal-multi. Konsegwentement, minħabba dawn l-iżbalji ta’ kalkolu, il-multa kkonfermata mill-Qorti tal-Prim’Istanza trid terġa' titnaqqas bi EUR 5.1 sa 12.2 miljun, skond il-metodu tal-kalkolu użat.

43     Il-Kummissjoni tfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, meta jiġi ffissat l-ammont tal-multa, hija għandha setgħa diskrezzjonali li tipprekludi l-applikazzjoni ta’ formula matematika preċiża. Jekk, bħal f’dan il-każ, seħħ ksur minn numru ta’ impriżi, għandha tiġi evalwata l-importanza relattiva tal-parteċipazzjoni ta’ kull waħda minnhom fl-akkordju.

44     Il-Kummissjoni tqis li l-Qorti tal-Prim’Istanza eżerċitat b’mod korrett is-setgħa ta' stħarriġ tagħha f’dan ir-rigward, dan b’mod partikolari għall-benefiċċju tar-rikorrenti. Il-Qorti tal-Prim’Istanza stabbiliet li l-Kummissjoni, meta tqassam il-membri ta’ akkordju f’kategoriji, mhijiex obbligata tibbaża ruħha esklużivament u matematikament fuq id-dħul mill-bejgħ ta’ kull impriża. B’mod partikolari, it-tqassim tal-membri ta’ akkordju f’numru ta’ kategoriji, li rriżulta fl-adozzjoni ta' rata fissa għall-ammont bażiku ffissat għall-impriżi fi ħdan l-istess kategorija, ġie ġġudikat mill-Qorti tal-Prim’Istanza bħala skond il-liġi.

45     Il-Kummissjoni tqis li l-prinċipju ta’ trattament ugwali lanqas ma ġie miksur mill-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza fuq il-metodu tal-kalkolu tal-multi.

 Il-Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

46     Għandu jiġi mfakkar li, hekk kif jirriżulta minn ġurisprudenza kostanti (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C-189/02 P, C-202/02 P, C-205/02 P sa C-208/02 P u C-213/02 P, Ġabra p. I-5425, punti 240 sa 243 u l-ġurisprudenza ċċitata), il-Kummissjoni għandha diskrezzjoni wiesgħa għal dak li jirrigwarda l-metodu ta’ kalkolu tal-multi u li tista’, f’dan il-kuntest, tieħu in kunsiderazzjoni diversi elementi, filwaqt li tirrispetta l-limitu li jirrigwarda d-dħul mill-bejgħ sond l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17.

47     Il-Qorti tal-Ġustizzja tindika wkoll li l-metodu ta’ kalkolu hekk kif spjegat mil-linji gwida fih elementi differenti ta’ flessibbiltà li jippermettu lill-Kummissjoni teżerċita d-diskrezzjoni tagħha skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 17, hekk kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara s-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 267).

48     Hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tivverifika jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza evalwatx korrettament l-eżerċizzju, mill-Kummissjoni, ta’ din id-diskrezzjoni.

49     F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat b’mod dettaljat il-kwistjoni jekk il-limiti ta’ kwantità li jisseparaw it-tliet kategoriji ta’ impriżi sabiex jiġu ffissati l-ammonti bażiċi tal-multi ġewx iddeterminati b’mod koerenti u oġġettiv.

50     Hekk kif ġie spjegat mill-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punti 217 sa 219 tas-sentenza kkontestata, fit-tqassim ta’ l-impriżi li pparteċipaw fl-akkordju fi tliet kategoriji u fl-iffissar ta’ l-ammonti bażiċi differenti, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq id-dħul mill-bejgħ magħmul u fuq l-ishma mis-suq milħuqa mill-membri ta’ l-akkordju permezz tal-bejgħ tal-prodott in kwistjoni fis-suq dinji waqt il-perijodu kopert mid-deċiżjoni kkontestata.

51     Il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet, fil-punti 224 sa 226 tas-sentenza kkontestata, li l-għażla ta’ ammonti bażiċi, li wasslu għal ammont ta’ EUR 40 miljun għall-impriżi fl-ewwel kategorija, li fiha ġiet ikklassifikata SGL Carbon, mhijiex arbitrarja u ma tmurx lil hinn mis-setgħa diskrezzjonali li l-Kummissjoni tgawdi f’dan il-qasam.

52     Fuq dan il-punt, għandu jiġi kkonstatat li, permezz ta’ l-argumenti tagħha, ir-rikorrenti tfittex li tikkontesta s-sistema ta’ klassifikazzjoni adottata mill-Kummissjoni u applikata mill-Qorti tal-Prim’Istanza, billi, skond hi, kull differenza bejn l-impriżi kkonċernati fid-dħul mill-bejgħ jew fis-sehem mis-suq għandha tiġi tradotta f’kategorija distinta għal kull impriża li tipparteċipa fl-akkordju u, għalhekk, f’ammont bażiku ddifferenzjat.

53     Dan l-argument ma jistax jintlaqa'.

54     Hekk kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza msemmija iktar ’il fuq, din ta’ l-aħħar ivverifikat jekk il-Kummissjoni applikatx il-metodu tagħha ta’ kklassifikar ta’ impriżi kif ukoll ta’ l-iffissar tal-limiti ta’ kwantità għal kull kategorija b’mod regolari u koerenti. Il-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat ukoll jekk it-tqassim ta’ impriżi, fi ħdan l-istess kategorija, huwiex koerenti u oġġettiv biżżejjed meta mqabbel ma’ kategoriji oħra.

55     Għandu jingħad ukoll li l-fatt li membri oħra ta’ l-akkordju ġew ikklassifikati, skond iċ-ċirkustanzi partikolari ta' kull wieħed minnhom, f’kategoriji oħra ma jistax jitfa' dubji fuq il-validità ta’ l-evalwazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza fir-rigward ta’ l-ikklassifikar tar-rikorrenti.

56     Minn dan jirriżulta li t-tqassim f’kategoriji magħmul mill-Kummissjoni u kkonfermat mill-Qorti tal-Prim’Istanza, ukoll huwa konformi mal-prinċipju ta’ trattament ugwali.

57     F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-sentenza kkontestata hija nieqsa minn żbalji ta' dritt fuq dan il-punt.

58     Għalhekk it-tieni raġuni ma tistax tintlaqa’.

 Fuq it-tielet raġuni, ibbażata fuq iż-żieda ta’ 25% ta’ l-ammont bażiku

 L-argumenti tal-partijiet

59     SGL Carbon tikkunsidra li ż-żieda speċifika, ikkonfermata mill-Qorti tal-Prim’Istanza, ta’ l-ammont bażiku ta’ 25%, jiġifieri ta’ EUR 15.5 miljun, minħabba t-twissijiet li tat lill-impriżi l-oħra dwar il-kontroll imminenti tal-Kummissjoni ma kinitx ġustifikata. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza fuq dan il-punt huma fil-fatt żbaljati, billi r-rikorrenti hija akkużata b'fatti, fil-biċċa l-kbira, mhux stabbiliti, li ma kinitx akkużata bihom qabel, la fid-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet, u lanqas fid-deċiżjoni kkontestata.

60     SGL Carbon tilmenta li l-Qorti tal-Prim’Istanza evalwat b’mod ħażin il-komunikazzjonijiet bit-telefon li għamlet, u dan għal tliet raġunijiet. L­-ewwel nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza ttraskurat il-fatt li l-aġir tar-rikorrenti ma kienx ipprojbit u li għaldaqstant, ma kellux jiġi ppenalizzat, minħabba l-prinċipji ta' nulla poena sine lege. It-tieni nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza kisret il-prinċipju in dubio pro reo billi ssoponiet l-eżistenza ta’ fatti li ma kienu sostnuti la mill-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni, u lanqas mill-konstatazzjonijiet tagħha stess. It-tielet nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza kisret il-prinċipju tat-trattament ugwali.

61     Il-Kummissjoni tqis li l-ewwel u t-tielet argumenti tar-rikorrenti, jiġifieri l-ksur tal-prinċipju ta' nulla poena sine lege u l-ksur tal-prinċipju tat-trattament ugwali, huma inammissibbli, billi dawn l-ilmenti kienu diġà tqajjmu fl-ewwel istanza u SGL Carbon tillimita ruħha għal ripetizzjoni, fil-kuntest ta’ dan l-appell, ta' l-istess argumenti. F’kull każ, l-ilmenti mqajjma kienu infondati.

62     Il-Kummissjoni tosserva li l-argument tar-rikorrenti li l-Qorti tal-Prim’Istanza ppreżumiet l-eżistenza ta’ motivazzjonijiet sfavorevoli għal SGL Carbon mhuwiex rilevanti. Fil-fatt, fl-iffissar ta’ l-ammont tal-multa, il-Kummissjoni kienet tiddisponi minn setgħa diskrezzjonali mingħajr ma kienet marbuta b’formola matematika preċiża.

63     Il-Kummissjoni tqis, li fil-kuntest ta' l-istħarriġ tagħha ta’ l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa, il-Qorti tal-Prim’Istanza ġustament ikkonfermat li t-twissijiet magħmula mir-rikorrenti kienu jikkostitwixxu xkiel serju għall-inkjesta u li, f’dan il-kuntest, ma kienx neċessarju li jiġu mistħarrġa l-motivazzjonijiet partikolari tal-membru ta’ l-akkordju li ta dawn it-twissijiet.

 Il-Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

64     Għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat, fil-punt 312 tas-sentenza kkontestata, li l-fatt li r-rikorrenti avżat lil impriżi oħra dwar verifiki imminenti mill-Kummissjoni jista’ jiġi kkwalifikat bħala ċirkustanza aggravanti u li, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, dan ma kienx jikkonsisti fi ksur speċifiku u awtonomu tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni, iżda f'aġir li jsaħħaħ il-gravità tal-ksur inizjali. Il-Qorti tal-Prim’Istanza wkoll ikkonstatat, fl-istess punt tas-sentenza kkontestata, li, permezz ta’ dawn it-twissijiet indirizzati lil impriżi oħra, SGL Carbon, fil-fatt, kienet qed tfittex li taħbi l-eżistenza ta’ l-akkordju u li tkompli tħaddmu, objettiv li wara kollox intlaħaq sa Marzu 1998.

65     Il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 313 tas-sentenza kkontestata, ippreċiżat li r-referenza magħmula mir-rikorrenti għall-Artikolu 15(1)(c) tar-Regolament Nru 17 ma kinitx rilevanti, billi din id-dispożizzjoni tirrigwarda xkiel bħala ksur awtonomu, indipendenti mill-eżistenza ta’ akkordju, waqt li t-twissijiet mogħtija, f'dan il-każ, minn SGL Carbon kienu intiżi biex jiggarantixxu t-tkomplija ta’ l-akkordju li hu paċifiku li jikkostitwixxi ksur ċar tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni.

66     Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 315 tas-sentenza kkontestata, innutat li, billi kienu indirizzati lil impriżi oħra, dawn it-twissijiet marru lil hinn mis-sfera purament interna ta’ SGL Carbon u kienu intiżi biex l-inkjesta kollha tal-Kummissjoni tfalli, sabiex jiġi ggarantit li dan l-akkordju jkompli jitħaddem.

67     Għandu jiġi osservat li, mill-kunsiderazzjonijiet fuq imsemmija, il-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet ċertu numru ta’ evalwazzjonijiet fattwali dwar l-aġir tar-rikorrenti.

68     F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li skond ġurisprudenza kostanti, hija biss il-Qorti tal-Prim’Istanza li għandha l-kompetenza, minn naħa, li tiddetermina l-fatti, ħlief fil-każ fejn l-ineżattezza materjali tal-kostatazzjonijiet tagħha tirriżulta mid-dokumenti tal-proċess li jkunu tressqu quddiemha, u min-naħa l-oħra, li tevalwa dawn il-fatti. Għalhekk, l-evalwazzjoni tal-fatti ma tikkostitwixxix, bl-eċċezzjoni tad-distorsjoni ta’ l-elementi ta’ prova li jitressqu quddiemha, kwistjoni ta’ dritt suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ appell (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-29 ta’ April 2004, Il-Parlament vs Ripa di Meana et, C-470/00 P, Ġabra p. I-4167, punt 40, u l-ġurisprudenza ċċitata).

69     Għal dak li jirrigwarda l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq ksur allegat tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u tat-trattament ugwali, għandu jiġi mfakkar li, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punti 309 u 310 tas-sentenza kkontestata, ddeċidiet li ż-żieda fil-multa imposta fuq SGL Carbon talli avżat lil impriżi oħra ma kinitx sproporzjonata jew diskriminatorja. Hija applikat il-kwalifika magħmula mill-Kummissjoni ta’ dawn it-twissijiet bħala aġir li kien ta' xkiel min-naħa ta' SGL Carbon li jfittex li jaħbi l-eżistenza ta’ akkordju u bħala ċirkustanza aggravanti, li jiġġustifikaw żieda fl-imsemmija multa.

70     Dawn l-evalwazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza mhumiex żbaljati fid-dritt.

71     Fil-fatt, jirriżulta mill-ġurisprudenza (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punti 240 sa 242) li, filwaqt li l-ammont bażiku tal-multa huwa ffissat skond il-ksur, il-gravità ta’ dan huwa ddeterminat b’referenza għal numru ta’ fatturi oħra, li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni tiddisponi minn marġni wiesgħa ta’ diskrezzjoni meta tiffissa l-multi. Il-fatt li tieħu in kunsiderazzjoni ċirkustanzi aggravanti meta tiffissa l-multa huwa konformi mal-missjoni tal-Kummissjoni li tiżgura l-konformità mar-regoli tal-kompetizzjoni.

72     It-tielet raġuni għandha għaldaqstant tiġi miċħuda kollha kemm hi.

 Fuq ir-raba’ raġuni, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ teħid in kunsiderazzjoni ta’ l-ogħla limitu tal-penalità skond l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17

 L-argumenti tal-partijiet

73     SGL Carbon tqis li l-Qorti tal-Prim’Istanza injorat il-fatt li l-multa ffissata mill-Kummissjoni taqbeż l-ogħla limitu tal-penalità previst fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17. Ir-raġunament tal-Qorti tal-Prim’Istanza f’dan ir-rigward huwa wkoll ivvizjat minn nuqqas ta’ motivazzjoni.

74     L-ewwel nett, SGL Carbon allegat żball ta’ evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza f’dak li jirrigwarda d-dħul mill-bejgħ kkunsidrat għall-ikkalkular tal-multi. Il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-fatt ma solvietx il-kwistjoni jekk il-Kummissjoni kellhiex tibbaża ruħha fuq id-dħul mill-bejgħ tas-sena 1999 jew dak tas-sena 2000.

75     It-tieni nett, SGL Carbon tilmenta li l-Qorti tal-Prim’Istanza kisret l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 kif ukoll il-prinċipju ta' nulla poena sine lege. Fil-fatt il-Qorti tal-Prim’Istanza ma kkunsidratx il-fatt li, bħala dispożizzjoni li tipprevedi penalità, l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 huwa suġġett għall-prinċipju ta’ legalità. Dan il-prinċipju japplika kemm għall-ammonti intermedjarji kif ukoll għall-ammont finali tal-penalità imposta.

76     It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza kisret il-prinċipju tat-trattament ugwali. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza hi stess ikkonstatat li l-Kummissjoni setgħat tieħu in kunsiderazzjoni numru kbir ta’ elementi biex tiddetermina l-ammont finali tal-multa. Madankollu, meta l-Kummissjoni tagħżel metodu partikolari ta’ kalkolu, hi għandha tapplika dan il-metodu b’mod koerenti u mhux diskriminatorju.

77     Fl-aħħar nett, SGL Carbon allegat ksur ta' l-eżiġenza ta’ motivazzjoni prevista fl-Artikolu 253 KE. Fil-fatt, il-Qorti tal-Prim’Istanza injorat l-obbligu tal-Kummissjoni li tippreżenta r-raġunijiet li għalihom ma naqqsitx il-multa għar-rikorrenti li kienet tinsab f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik ta’ impriża oħra. Kuntrarjament għall-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza, il-motivazzjoni dwar it-tnaqqis tal-multa li minnha bbenefikat l-impriża l-oħra kellha tkun inkluża fid-deċiżjoni kkontestata.

78     Bħala tweġiba għall-argumenti kollha magħmula fil-kuntest ta’ din ir-raġuni, il-Kummissjoni tqis li l-Qorti tal-Prim’Istanza ġustament ċaħdet l-argumenti li jsostnu l-imsemmija raġuni, li kienu diġà ġew invokati fl-ewwel istanza. Fil-fatt, la l-ammont finali tal-multa imposta mill-Kummissjoni u lanqas dak li tnaqqas mill-Qorti tal-Prim’Istanza ma jaqbżu 10% tad-dħul mill-bejgħ globali tar-rikorrenti.

79     Il-Kummissjoni tqis li l-Qorti tal-Prim’Istanza ġustament ikkonfermat it-teħid in kunsiderazzjoni tad-dħul mill-bejgħ miksub bil-prodotti suġġetti għall-akkordju. Hi tippreċiża li dan id-dħul mill-bejgħ ġie użat, fost kriterji fattwali oħra, biex tiġi ddeterminata l-kapaċità tar-rikorrenti li tinfluwenza, permezz tal-ksur imwettaq, is-suq ta’ l-elettrodi tal-grafita.

80     F’dak li jirrigwarda n-natura tal-limitu previst fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, il-Kummissjoni tirrileva li peress li d-dħul mill-bejgħ li jiksbu llum l-impriżi multinazzjonali huwa konsiderevoli, huwa biss limitu flessibbli, li jieħu in kunsiderazzjoni d-daqs ta’ l-impriża, li jippermetti li jaċċerta li l-multi imposti għal ksur tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni jkollhom effett dissważiv. Minbarra dan, id-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq hija suffiċjentement preċiża f’dan ir-rigward, b’mod li l-impriżi li għalihom tapplika jkunu jistgħu jiddeterminaw mingħajr diffikultà l-ammont tal-multa li jistgħu jistennew.

 Il-Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

81     Għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punti 117 sa 119, u Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 257), il-limitu massimu ta’ 10% previst fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, jirreferi għad-dħul mill-bejgħ globali ta’ l-impriża kkonċernata, billi dan l-element biss jagħti indikazzjoni ta’ l-importanza u ta’ l-influwenza ta’ impriża fuq is-suq.

82     Minbarra dan, jirriżulta mill-ġurisprudenza (ara, b'mod partikolari, is-sentenza Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punti 592 u 593, u Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 278) li huwa biss l-ammont finali tal-multa imposta li għandu jirrispetta l-limitu fuq imsemmi. Konsegwentement, l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 ma jipprojbixxix lill-Kummissjoni li tasal, waqt stadji differenti ta’ kalkolu, għal ammont intermedjarju għola minn dan il-limitu, sakemm l-ammont finali tal-multa imposta ma jaqbżux.

83     Fir-rigward ta’ din il-kawża, għandu jiġi kkonstatat li, hekk kif jirriżulta mill-punt 367 tas-sentenza kkontestata, l-ammont tal-multa imposta mill-Kummissjoni baqa' fil-limitu massimu fuq imsemmi.

84     F’dak li jirrigwarda l-argumenti tar-rikorrenti dwar ksur, mill-Qorti tal-Prim’Istanza, tal-prinċipju ta’ trattament ugwali u ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni f’dak li jirrigwarda l-ammont tal-multa, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li, kif il-Qorti tal-Prim’Istanza ġustament irrilevat fil-punti 367 sa 370 tas-sentenza kkontestata, il-Kummissjoni tista' tiddetermina dan l-ammont skond numru ta’ elementi, b’mod partikolari billi tieħu in kunsiderazzjoni l-gravità u d-dewmien tal-ksur mwettaq kif ukoll il-karatteristiċi ta' kull impriża li tagħmel parti minn akkordju.

85     Minn dan jirriżulta li, fl-eżerċizzju tas-setgħa ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-metodu tal-kalkolu tal-multi, il-Kummissjoni għandha tagħmel evalwazzjonijiet individwali sabiex tapplika l-imsemmi metodu għal impriżi differenti.

86     Joħroġ minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha li l-Qorti tal-Prim’Istanza ġustament iddeċidiet li, għall-iffissar ta’ l-ammont tal-multa, il-pożizzjoni tar-rikorrenti ma kinitx simili għal dik ta’ l-impriżi l-oħra u li, għaldaqstant, il-Kummissjoni kienet applikat il-metodu ta’ kalkolu tal-multa kkontestata b’mod koerenti u mhux diskriminatorju.

87     Għalhekk, ir-raba’ raġuni għandha tiġi miċħuda.

 Fuq il-ħames raġuni, ibbażata fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża

 L-argumenti tal-partijiet

88     SGL Carbon issostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta' dritt billi ddeċidiet li l-Kummissjoni tat biżżejjed aċċess għall-inkartament.

89     Ir-rikorrenti tenfasizza li l-affermazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza f’dan ir-rigward huma kontradittorji billi, minn naħa, din ta’ l-aħħar ikkonstatat li l-Kummissjoni kienet stabbiliet li d-dokumenti dwar il-kooperazzjoni ta’ l-impriżi ma kinux jagħmlu parti mill-inkartament intern tagħha, iżda kienu inklużi fl-inkartament ta’ l-investigazzjoni li l-imrpiżi kellhom aċċess għalih, u, min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Prim’Istanza spjegat li d-dokumenti interni kien fihom informazzjoni li kienet rilevanti għad-difiża tar-rikorrenti, billi kienet tikkonċerna l-kollaborazzjoni ta’ l-impriżi u billi effettivament kellha influwenza fuq l-iffissar tal-multa.

90     Skond SGL Carbon, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet ukoll b’mod inkorrett li l-uffiċjal tas-seduta kellu jikkomunika lill-kulleġġ tal-membri tal-Kummissjoni biss l-ilmenti rilevanti għall-evalwazzjoni tal-legalità ta’ l-iżvolġiment tal-proċedura amministrattiva, jiġifieri lmenti ġġustifikati.

91     Il-Kummissjoni tqis li l-argument li r-rikorrenti ma kellhiex biżżejjed aċċess għall-inkartament huwa inammissibbli, billi ma jirrigwardax punt ta’ dritt, iżda jirrigwarda konstatazzjonijiet fattwali magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja mhijiex kompetenti biex teżamina tali konstatazzjonijiet u lanqas biex teżamina l-provi li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat in sostenn ta’ dawn l-istess fatti. Fi kwalunkwe każ, ir-raġuni hekk ifformulata mhijiex fondata.

92     Il-Kummissjoni tfakkar li r-rikorrenti stess ammettiet li pparteċipat fl-akkordju fuq l-elettrodi tal-grafita, li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat li SGL Carbon kienet waħda mill-membri ta’ l-akkordju u li din l-impriża ammettiet il-ksur. Mhux biss ir-rikorrenti ma kkontestatx il-konstatazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni f’dan ir-rigward fid-deċiżjoni kkontestata, iżda bbenefikat mir-regoli tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni.

93     Il-Kummissjoni fl-aħħar tikkunsidra li l-argument tar-rikorrenti dwar ir-rapport ta’ l-uffiċjal tas-seduta għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli, billi huwa nieqes minn elementi ġodda f’dan ir-rigward.

 Il-Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

94     Għandu jiġi mfakkar li l-osservanza tad-drittijiet tad-difiża, fil-proċedimenti kollha li jistgħu jwasslu għal sanzjonijiet, b’mod partikolari għal multi jew għal pagamenti ta' pieni perjodiċi, tikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju li għandu jiġi osservat anki f'każ ta' proċedura ta’ natura amministrattiva (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2003, Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni, C-194/99 P, Ġabra p. I-10821, punt 30).

95     F’dak li jirrigwarda l-argumentazzjoni tar-rikorrenti dwar l-aċċess għall-inkartament, huwa biżżejjed li jiġi osservat li din ta’ l-aħħar ma qajjmitx punt ta’ dritt, iżda tibbaża ruħha fuq konstatazzjonijiet ta’ fatt. Il-Qorti tal-Prim’Istanza stabbiliet, fil-punti 39 sa 41 tas-sentenza kkontestata, li t-talba għall-aċċess in kwistjoni ma kellhiex bħala suġġett lista jew sunt mhux kunfidenzjali tad-dokumenti. Minbarra dan, l-evalwazzjonijiet magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza, fl-imsemmija punti tas-sentenza kkontestata, dwar it-trattament ta’ numru ta’ dokumenti waqt il-proċedura amministrattiva, mhumiex kuntradittorji.

96     F’dak li jirrigwarda l-argument tar-rikorrenti dwar ir-rapport finali ta’ l-uffiċjal tas-seduta, huwa biżżejjed li wieħed jinnota li dan ta’ l-aħħar, fiż-żmien rilevanti, ma kellux għalfejn jivverifika jekk il-klassifikazzjoni tad-dokumenti interni kinitx korretta jew le u jekk il-Kummissjoni kinitx obbligata li tagħti aċċess għall-inkartament intern tagħha jew tagħti lista jew sunt tad-dokumenti kunfidenzjali.

97     Fil-fatt, jirriżulta minn ġurisprudenza kostanti, li s-sempliċi nuqqas ta’ komunikazzjoni ta’ dokument ma jikkostitwixxix ksur tad-drittijiet tad-difiża ħlief jekk l-impriża kkonċernata tista’ turi, l-ewwel nett, li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq dan id-dokument biex issostni l-ilment tagħha dwar l-eżistenza ta’ ksur u, it-tieni nett, li dan l-ilment ma setax ikun ipprovat jekk mhux b’referenza għal dan id-dokument (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 1983, AEG vs Il-Kummissjoni, 107/82, Ġabra p. 3151, punti 24 sa 30, u tad-9 ta' Novembru 1983, Michelin vs Il-Kummissjoni, 322/81, Ġabra p. 3461, punti 7 sa 9).

98     Il-Qorti tal-Ġustizzja ippreċiżat ukoll dwar dan is-suġġett li hija l-impriża kkonċernata li għandha turi li r-riżultat li għalih waslet il-Kummissijoni fid-deċiżjoni kkontestata tagħha kien ikun differenti li kieku d-dokument, li ma ġiex ikkomunikat lil din l-impriża u li fuqu bbażat ruħha l-Kummissjoni biex tikkonstata l-ksur, kien ġie rrifjutat bħala element ta’ prova (ara s-sentenza tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C-204/00 P, C-205/00 P, C-211/00 P, C-213/00 P, C-217/00 P u C-219/00 P, Ġabra p. I-123, punt 73).

99     Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet kollha ta’ qabel li l-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza dwar ir-rapport ta’ l-uffiċjal tas-seduta, li jinsabu fil-punti 50 sa 54 tas-sentenza kkontestata, ma kienx fihom żbalji ta’ dritt.

100   Il-ħames raġuni għandha għaldaqstant tiġi miċħuda.

 Fuq is-sitt raġuni, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ teħid in kunsiderazzjoni tal-kapaċità kontributtiva tar-rikorrenti

 L-argumenti tal-partijiet

101   SGL Carbon esponiet li l-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punti 370 sa 372 tas-sentenza kkontestata, ma ħaditx in kunsiderazzjoni l-fatt li l-kapaċità kontributtiva tar-rikorrenti naqset konsiderevolment bil-multi elevati imposti minn awtoritajiet oħra li jirregolaw il-kompetizzjoni kif ukoll minħabba d-danni konsiderevoli li kellha tħallas fi Stati terzi. Konsegwentement, l-impożizzjoni ta’ multa oħra ta’ ammont kunsiderevoli twassal lill-impriża fuq xifer il-falliment.

102   Skond ir-rikorrenti, bl-ikkonfermar ta’ l-approċċ tal-Kummissjoni f'dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità kif ukoll tal-protezzjoni tad-drittijiet ta’ impriża li jirriżultaw mil-libertà ekonomika u tal-proprjetà. Kuntrarjament għall-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza, il-Kummissjoni kienet obbligata teżamina u tieħu in kunsiderazzjoni l-kapaċità kontributtiva tar-rikorrenti.

103   Il-Kummissjoni tqis li eżerċitat is-setgħa diskrezzjonali tagħha b’mod regolari biex tiddetermina l-ammont tal-multa u li ma teżisti l-ebda raġuni għat-tnaqqis ta’ l-ammont tal-multa imposta.

104   Il-Kummissjoni żżid li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma wettqet l-ebda żball ta' dritt, billi ddeċidiet li ma kinitx obbligata, waqt l-iffissar ta’ l-ammont tal-multa kkontestata, tieħu in kunsiderazzjoni s-sitwazzjoni finanzjarja ta’ l-impriża kkonċernata u l-kapaċità kontributtiva tagħha.

 Il-Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

105   Għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, il-Kummissjoni mhijiex obbligata, fid-determinazzjoni ta’ l-ammont tal-multa, tikkunsidra s-sitwazzjoni finanzjarja ħażina ta’ impriża, peress li r-rikonoxximent ta’ tali obbligu jwassal sabiex jingħata vantaġġ kompetittiv inġustifikat lill-impriżi l-inqas adattati għall-kundizzjonijiet tas-suq (ara s-sentenzi tat-8 ta’ Novembru 1983, IAZ International Belgium et vs Il-Kummissjoni, 96/82 sa 102/82, 104/82, 105/82, 108/82 u 110/82, Ġabra p. 3369, punti 54 u 55, u Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 327).

106   Għandu wkoll jiġi osservat li din il-ġurisprudenza ma tistax tiġi ddubitata mill-punt 5(b) tal-linji gwida, li jgħid li l-kapaċità kontributtiva reali ta’ impriża għandha tiġi kkunsidrata. Fil-fatt din il-kapaċità tapplika biss f'"kuntest soċjali partikolari", kkostitwit mill-konsegwenzi li l-ħlas ta’ multa jista' jkollu, b’mod partikolari, fuq il-livell ta’ żieda fil-qgħad jew ta’ deterjorament tas-setturi ekonomiċi fil-linja ‘l fuq u fil-linja ‘l isfel ta’ l-impriża kkonċernata.

107   Ir-rikorrenti ma pproduċiet l-ebda element li jista' jsostni l-eżistenza ta’ tali kuntest.

108   F’dak li jirrigwarda l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-libertà li jitwettqu attivitajiet ekonomiċi u d-dritt għall-proprjetà, huwa biżżejjed li jiġi nnotat li dawn il-prinċipji huma suġġetti għal restrizzjonijiet ta’ interess ġenerali u li ma jistgħux jiġu kkunsidrati fil-kuntest ta’ l-iffissar ta’ multa għal ksur tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni.

109   F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Prim’Istanza ġustament ikkunsidrat li l-Kummissjoni ma wettqet l-ebda żball ta’ dritt billi ċaħdet ir-raġuni bbażata fuq is-sitwazzjoni finanzjarja prekarja tar-rikorrenti.

110   Is-sitt raġuni għandha għalhekk tiġi miċħuda.

 Fuq is-seba’ raġuni, ibbażata fuq l-illegalità ta’ l-iffissar ta’ l-interessi għal dewmien fil-ħlas

 L-argumenti tal-partijiet

111   SGL Carbon tikkunsidra li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma eżaminatx l-argumenti li jirrigwardaw l-iffissar tar-rata ta’ interessi għal dewmien. Għalhekk, is-sentenza kkontestata hija inkompluta u mhijiex ta’ natura li ssostni ċaħda tar-raġuni mqajjma f'dan ir-rigward.

112   Il-Kummissjoni tosserva li l-Qorti tal-Prim’Istanza ġustament ikkonfermat id-deċiżjoni dwar l-interessi għad-dewmien u li mmotivat b’mod dettaljat l-evalwazzjoni tagħha dwar dan. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Prim’Istanza rreferiet għall-ġurisprudenza kostanti fir-rigward tas-setgħa tal-Kummissjoni li tiffissa tali interessi.

 Il-Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

113   Għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Prim’Istanza, fit-tweġiba għar-raġuni mqajjma, irreferiet, fil-punti 475 u 478 tas-sentenza kkontestata, għall-ġurisprudenza kostanti li tgħid li s-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni skond l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 jinkludi dik li tiġi ddeterminata d-data li fiha l-multi għandhom jitħallsu u d-data li minnha jibdew jiddekorru l-interessi kif ukoll dawk għall-iffissar tar-rata ta’ dawn l-interessi u biex jiġu ddeterminati l-arranġamenti dettaljati għall-implementazzjoni tad-deċiżjoni tagħha.

114   Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ tali setgħa tal-Kummissjoni, l-impriżi jistgħu javvantaġġaw rwieħhom minn ħlas tard, u b’hekk jiddgħajfu l-effetti tal-penalitajiet.

115   Għalhekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza ġustament ikkunsidrat li l-Kummissjoni kellha dritt tadotta punt ta’ referenza ogħla mir-rata tas-suq applikabbli, bħal dak offert lill-kommodatarju medju, f’miżura neċessarja biex ma tinkoraġġix id-dewmien fil-ħlas tal-multa.

116   Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet li l-Kummissjoni ma qabżitx is-setgħa diskrezzjonali tagħha meta ffissat ir-rata ta’ l-interessi kkontestata.

117   Għandu jiġi osservat li dawn l-evalwazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza ma fihom ebda żball ta' dritt.

118   Għalhekk, is-seba’ raġuni għandha tiġi miċħuda.

119   Jirriżulta minn dawn il-kunsiderazzjonijiet li l-appell għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

Fuq l-ispejjeż

120   Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skond l-Artikolu 118 ta’ l-istess Regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li SGL Carbon tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      SGL Carbon AG għandha tbati l-ispejjeż.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.